EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0597

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-29 ta’ Settembru 2022.
Polskie Linie Lotnicze "LOT" SA vs Budapest Főváros Kormányhivatala.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 16 – Kumpens u assistenza tal-passiġġieri – Missjoni tal-organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil dan l-organu s-setgħa li jordna lit-trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens dovut lil passiġġier – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal azzjoni legali quddiem qorti.
Kawża C-597/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:735

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 16 – Kumpens u assistenza tal-passiġġieri – Missjoni tal-organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil dan l-organu s-setgħa li jordna lit-trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens dovut lil passiġġier – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal azzjoni legali quddiem qorti”

Fil-Kawża C‑597/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

Polskie Linie Lotnicze “LOT” SA

vs

Budapest Főváros Kormányhivatala,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), President tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan, N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: I. Illéssy, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Frar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Polskie Linie Lotnicze “LOT” SA, minn S. Berecz u A. Csehó, ügyvédek,

għal Budapest Főváros Kormányhivatala, minn G. Cziráky, konsulent ġuridiku u G. Tóth, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u J. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u J. Lachowicz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka, L. Havas u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tat‑28 ta’ April 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn it-trasportatur tal-ajru Polskie Linie Lotnicze “LOT” SA (iktar ’il quddiem “LOT”) u l-Budapest Főváros Kormányhivatala (id-Diviżjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi fi ħdan il-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“Diviżjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi”), fir-rigward tad-deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar imponiet fuq LOT il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 1, 2, 4, 21 u 22 tar-Regolament Nru 261/2004 jistipulaw:

“(1)

Azzjoni mil-Komunità fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[…]

(4)

Il-Komunità għandha għalhekk togħla [tgħolli] l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(21)

Stati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal vjolazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jassiguraw li dawn is-sanzjonijiet huma applikati. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u imġiegħla [dissważivi].

(22)

Stati Membri għandhom jassiguraw u jissorveljaw ħarsien ġenerali mil-trasportaturi ta’ l-ajru tagħhom ma’ dan ir-Regolament u jinnominaw korp xieraq biex iwettaq dawn il-kompiti ta’ infurzar. Din is-sorveljanza m’għandhiex taffettwa d-drittijiet ta’ passiġġieri u trasportaturi ta’ l-ajru biex ifittxu rimedju legali minn qrati taħt proċeduri ta’ liġi nazzjonali.”

4

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

[…]

iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.”

6

L-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Kumpens ulterjuri”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens.”

7

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Ksur tar-Regolament”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina organu responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet minn ajruporti li jinstabu fit-territoju tiegħu u titjiriet minn pajjiż terz għal dawn l-ajruporti. Fejn xieraq, dan l-organu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li d-drittijiet ta’ passiġġieri huma mħarsa. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni ta’ l-organu li ġie nnominat skond dan il-paragrafu.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 12, kull passiġġier jista’ jagħmel ilment lil kwalunkwe organu nnominat taħt il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe organu kompetenti ieħor innominat minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament fi kwalunkwe ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru jew fir-rigward ta’ kwalunkwe titjira minn pajjiż terz għal ajruport li jinstab f’dak it-territorju.

3.   Is-sanzjonijiet stabbiliti minn Stati Membri għal ksur ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u imġiegħla [dissważivi].”

Id‑dritt Ungeriż

8

Skont kliem l-Artikolu 43/A(2), tal-fogyasztóvédelemről szóló 1997. évi CLV. törvény (il-Liġi Nru CLV tal-1997, dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi), tal‑15 ta’ Diċembru 1997 (Magyar Közlöny, 1997/119., p. 9558, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi”):

“L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi hija inkarigata mill-applikazzjoni – jekk meħtieġ wara konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili – tar-[Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2017, L345, p. 1)] fil-każ ta’ ksur imwettaq fl-Unjoni Ewropea tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004”.

9

Skont l-Artikolu 47(1)(c) u (i) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi għandha kemm il-possibbiltà li tobbliga lill-impriża kkonċernata ttemm f’terminu ddeterminat in-nuqqasijiet jew il-lakuni kkonstatati kif ukoll is-setgħa li timponi multa, imsejħa ta’ “protezzjoni tal-konsumaturi”.

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

10

Wara dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat tat-titjira tagħhom bi tluq minn New York (l-Istati Uniti tal-Amerika) u b’destinazzjoni lejn Budapest (l-Ungerija), xi passiġġieri kkuntattjaw lid-Diviżjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi sabiex din timponi fuq LOT, bħala kumpens għall-ksur tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ April 2020, din id-diviżjoni kkonstatat ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 u imponiet fuq LOT il-ħlas ta’ kumpens ta’ ammont ta’ EUR 600 għal kull passiġġier ikkonċernat.

12

Peress li qieset li d-Diviżjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi ma għandiex il-kompetenza sabiex timponi l-ħlas ta’ tali kumpens, LOT ikkontestat l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), jiġifieri l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

13

Billi tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi magħquda Ruijssenaars et (C‑145/15 u C‑146/15, EU:C:2016:12), LOT issostni li r-relazzjoni bejn trasportatur tal-ajru u passiġġier hija ta’ natura ċivili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prassi Ungeriża li tippermetti li d-Diviżjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi li timponi fuq it-trasportaturi tal-ajru l-ħlas ta’ kumpens abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 ċċaħħad lill-qrati ċivili Ungeriżi mill-ġurisdizzjoni tagħhom.

14

Id-Diviżjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi tqis li għandha, min-naħa l-oħra, l-kompetenza abbażi tal-Artikolu 16(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Skont din id-diviżjoni, il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi tipprevedi li hija inkarigata mill-applikazzjoni tar-Regolament 2017/2394 fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004. Issa, f’dan il-kuntest, hija għandha s-setgħa li timponi multa, imsejħa ta’ “protezzjoni tal-konsumaturi”.

15

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-Diviżjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi tistax timponi fuq it-trasportatur tal-ajru l-ħlas ta’ kumpens, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, għal ksur tad-dispożizzjonijiet tal-istess regolament.

16

Skont dik il-qorti, id-dispożittiv tas-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Ruijssenaars et (C‑145/15 u C‑146/15, EU:C:2016:187), ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddistanzjatx ruħha mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 proposta mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza. Skont l-imsemmija interpretazzjoni, organu nazzjonali li quddiemu jitressaq ilment individwali ta’ passiġġier tal-ajru ma jistax jadotta miżuri koerċittivi fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat sabiex dan jiġi mġiegħel iħallas il-kumpens li huwa dovut lil dan il-passiġġier abbażi ta’ dan ir-regolament.

17

Hija tqis, barra minn hekk, li l-imsemmija sentenza ma tistax tiġi trasposta direttament fil-kuntest tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fl-Ungerija, b’kuntrast mas-sitwazzjoni eżistenti fl-imsemmija sentenza, id-Diviżjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi timponi, sistematikament, fuq it-trasportaturi tal-ajru l-obbligu li jħallsu l-kumpens previst mir-Regolament Nru 261/2004, anki jekk huwa possibbli li titressaq kawża quddiem il-qrati ċivili.

18

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li għalkemm id-Diviżjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi għandha kompetenza ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004, fil-leġiżlazzjoni Ungeriża ma teżisti ebda dispożizzjoni speċifika li tippermetti li din id-diviżjoni tadotta miżuri koerċittivi intiżi għall-kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-regolament.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament [Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li organu nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni [ta’ dan ir-regolament] li quddiemu jkunu tressqu lmenti individwali min-naħa ta’ passiġġieri, ma jistax jobbliga lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat jagħti l-kumpens dovut lill-passiġġieri skont [l-imsemmi regolament]?”

Fuq id‑domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jista’ jobbliga lil trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, dovut lill-passiġġieri abbażi tal-istess regolament, meta dan l-organu nazzjonali jkun ġie adit bi lment individwali ta’ passiġġier.

21

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tifforma parti.

22

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004, minn kliem il-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu jirriżulta li kull Stat Membru għandu jaħtar organu inkarigat mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament f’dak li jirrigwarda kemm it-titjiriet bi tluq minn ajruporti li jinsabu fit-territorju tiegħu kif ukoll it-titjiriet b’destinazzjoni lejn l-istess ajruporti u li ġejjin minn pajjiż terz, u dan l-organu għandu jadotta, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji għall-osservanza tad-drittijiet tal-passiġġieri.

23

L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jispeċifika, min-naħa tiegħu, li kull passiġġier jista’ jadixxi lil kull organu maħtur b’applikazzjoni tal-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu, jew kull organu ieħor li għandu kompetenza maħtur minn Stat Membru, bi lment li jirrigwarda ksur ta’ dan ir-regolament li seħħ f’kull ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jew li jirrigwarda kull titjira b’destinazzjoni lejn ajruport li jinsab f’dan it-territorju u li jkun ġej minn pajjiż terz.

24

Fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ilmenti msemmija fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jitqiesu pjuttost li huma sinjali mmirati sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament b’mod ġenerali, mingħajr l-obbligu li dan l-organu jaġixxi fuq tali lmenti sabiex jiġi żgurat id-dritt ta’ kull passiġġier individwali li jikseb kumpens (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Ruijssenaars et, C‑145/15 u C‑146/15, EU:C:2016:187, punt 31).

25

Bl-istess mod, fir-rigward tal-kunċett ta’ “sanzjonijiet” li jinsab fl-Artikolu 16(3) tal-imsemmi regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fid-dawl tal-premessa 21 tal-istess regolament, li dan jirreferi għall-miżuri adottati b’reazzjoni għall-ksur li l-organu jirrileva fl-eżerċizzju tas-sorveljanza ta’ natura ġenerali prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004, u mhux għall-miżuri koerċittivi amministrattivi li għandhom jiġu adottati f’kull każ individwali (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Ruijssenaars et, C‑145/15 u C‑146/15, EU:C:2016:187, punt 32).

26

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 li jipprojbixxi lil Stat Membru milli jagħti tali kompetenza koerċittiva lil organu inkarigat mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn kliem dan l-artikolu jirriżulta li l-Istati membri għandhom marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-kompetenzi li huma jixtiequ jagħtu lill-organi nazzjonali tagħhom għall-finijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-passiġġieri.

27

Mill-kumplament, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-marġni ta’ manuvra li l-Istati Membri għandhom fl-għoti tal-kompetenzi li jkunu jixtiequ jagħtu lill-organi msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, bil-għan li jagħmlu tajjeb għall-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, li jawtorizzaw li tali organi jadottaw miżuri insegwitu għal ilmenti individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Ruijssenaars et, C‑145/15 u C‑146/15, EU:C:2016:187, punt 36).

28

Fit-tieni lok, anki l-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 jimmilita favur tali interpretazzjoni.

29

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 12 u mill-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, moqrija fid-dawl tal-premessa 22 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li l-uniku limitu għall-kompetenza tal-organi maħtura sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-istess regolament huwa d-dritt tal-passiġġieri tal-ajru li jitolbu lil qorti tagħtihom kumpens ulterjuri għall-kumpens fiss previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

30

Għalkemm l-ammonti fissi previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jikkostitwixxu kumpens standardizzat u immedjat ta’ natura li jiġu evitati l-inkonvenjenti inerenti għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, il-kumpens ulterjuri previst fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jirrigwarda dannu rispettiv għall-passiġġier tal-ajru kkonċernat u li għandu jiġi evalwat individwalment u a posteriori (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punti 2836).

31

Min-naħa l-oħra, l-ammonti fissi previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 huma intiżi li jikkumpensaw biss id-danni li huma kważi identiċi għall-passiġġieri kollha kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Id-determinazzjoni ta’dawn l-ammonti ma teħtieġx evalwazzjoni individwali tal-portata tad-danni kkawżati sa fejn, minn naħa, l-ammont tal-kumpens fiss previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa kkalkolat abbażi tad-distanza koperta mit-titjira inkwistjoni, fid-dawl tad-destinazzjoni aħħarija tal-passiġġier (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Bossen et, C‑559/16, EU:C:2017:644, punt 17) u sa fejn, min-naħa l-oħra, it-tul tad-dewmien effettiv fil-wasla lil hinn minn tliet sigħat ma jitteħidx inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dan l-ammont (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 54).

33

Għalhekk, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm il-passiġġieri kif ukoll it-trasportaturi jistgħu faċilment jidentifikaw l-ammont tal-kumpens dovut. L-istess jgħodd, a fortiori, għall-organi maħtura abbażi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

34

Barra minn hekk, għalkemm il-fatt li l-kontenzjużi kollha marbutin mal-kumpens abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jiġu rriżervati biss għall-qrati jkun jippermetti li tiġi mxejna, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-istess sitwazzjoni individwali, kull diverġenza ta’ evalwazzjoni li tkun ta’ preġudizzju għad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru bejn, minn naħa, l-organi msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004 u, min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali aditi b’rikorsi individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Ruijssenaars et, C‑145/15 u C‑146/15, EU:C:2016:187, punt 34), tali riskju jista’ wkoll jiġi mxejjen bis-saħħa ta’ artikolazzjoni xierqa tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

35

Hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali neċessarji għal dan il-għan.

36

Dan espost, ir-rikonoxximent ta’ kompetenza koerċittiva lill-organu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jistax, f’kull każ, iċaħħad lill-passiġġieri jew lit-trasportaturi tal-ajru mill-possibbiltà li jippreżentaw rikors quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, għall-passiġġieri, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Cuadrench Moré, C‑139/11, EU:C:2012:741, punt 23).

37

Peress li t-talba għal kumpens ta’ passiġġier tal-ajru abbażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 hija l-implimentazzjoni ta’ dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi lil tali passiġġier id-dritt għal rimedju effettiv u li jkollu aċċess għal qorti, li min-naħa tagħha għandha l-possibbiltà, jekk ikun il-każ, li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE. Bl-istess mod, trasportatur tal-ajru għandu jkun jista’ jippreżenta rikors quddiem qorti kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-organu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004, li jkun ġie adit bi lment individwali min-naħa ta’ passiġġier, ikun obbligah iħallas il-kumpens dovut lill-imsemmi passiġġier abbażi ta’ dan ir-regolament.

38

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004, esposta fil-punti preċedenti, hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija min dan ir-regolament, hekk kif inhuma elenkati fil-premessi 1, 2 u 4 tiegħu. Dawn huma, minn naħa, l-għan li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri filwaqt li jittieħdu b’mod sħiħ inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumaturi b’mod ġenerali u, min-naħa l-oħra, l-għan intiż għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri billi jittaffew d-diffikultajiet u l-inkonvenjenti kkawżati mid-dewmien kunsiderevoli u mill-kanċellazzjonijiet tat-titjiriet.

39

Issa, l-għan speċifiku tal-kumpens fiss mogħti abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 huwa speċifikament dak li jikkumpensa, b’mod immedjat u standardizzat, id-dannu li jikkonsisti f’telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar sottostanti għal tali dewmien, li jikkostitwixxi “inkonvenjent” fis-sens ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma l-passiġġieri kkonċernati ma jkollhom għalfejn iġarrbu l-inkonvenjenzi inerenti għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ġudizzjarji għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Rusu, C‑354/18, EU:C:2019:637, punt 28).

40

Il-fatt li organu nazzjonali maħtur abbażi tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament jingħata kompetenza koerċittiva ċertament jikkontribwixxi sabiex il-passiġġieri ma jkollhomx għalfejn isofru l-inkonvenjenti inerenti fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ġudizzjarji. Tali kompetenza tippermetti, għal raġunijiet ta’ sempliċità, ta’ ħeffa u ta’ effettività, imsemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, filwaqt li jiġi evitat l-ingombrar tal-qrati fid-dawl tan-numru potenzjalment għoli ta’ talbiet għal kumpens.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jawtorizzaw lill-organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li jobbliga lil trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, dovut lill-passiġġieri abbażi tal-istess regolament, meta dan l-organu nazzjonali jkun ġie adit bi lment individwali ta’ passiġġier, bla ħsara għall-fatt li dan il-passiġġier jew dan it-trasportatur tal-ajru jkollu l-possibbiltà li jressaq rikors quddiem qorti.

Fuq l‑ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jawtorizzaw lill-organu nazzjonali inkarigat mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li jobbliga lil trasportatur tal-ajru jħallas il-kumpens, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, dovut lill-passiġġieri abbażi tal-istess regolament, meta dan l-organu nazzjonali jkun ġie adit bi lment individwali ta’ passiġġier, bla ħsara għall-fatt li dan il-passiġġier jew dan it-trasportatur tal-ajru jkollu l-possibbiltà li jressaq rikors quddiem qorti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top