Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0576

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Lulju 2022.
    CC vs Pensionsversicherungsanstalt.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 44(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Pensjoni ta’ xjuħija – Kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stati Membri oħra – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu taċ-ċittadini.
    Kawża C-576/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:525

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    7 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 44(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Pensjoni ta’ xjuħija – Kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stati Membri oħra – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu taċ-ċittadini”

    Fil-Kawża C‑576/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

    CC

    vs

    Pensionsversicherungsanstalt,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, J. Passer, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

    Reġistratur: M. Krausenböck, amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal CC, minn G. Schönherr, Rechtsanwalt,

    għal Pensionsversicherungsanstalt, minn A. Ehm u T. Mödlagl, Rechtsanwälte, u B. Pokorny, espert,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Leeb, A. Posch, J. Schmoll u B. Spiegel, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn J. Pavliš, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde u S. Jiménez García, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Frar 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE u tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn CC u Pensionsversicherungsanstalt (l-Uffiċċju tal-Pensjonijiet, l-Awstrija) dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa minn CC fi Stati Membri oħra għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija Awstrijaka tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

    3

    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), għandu l-għan li jikkoordina s-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. Skont l-Artikolu 91 tiegħu, huwa applikabbli b’effett mid-dħul fis-seħħ tar-regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 987/2009, li ġie stabbilit għall‑1 ta’ Mejju 2010 permezz tal-Artikolu 97 ta’ dan tal-aħħar.

    4

    Il-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxu:

    “(1)

    Ir-regoli għall-kordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jaqgħu taħt il-qafas tal-moviment liberu ta’ persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-livell ta’ għajxien tagħhom u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg.

    […]

    (3)

    Ir-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali fir-rigward ta’ persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35] kien emendat u aġġornat diversi drabi sabiex jirrifletti mhux biss żviluppi fuq livell Komunitarju, inklużi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll bidliet fil-leġislazzjoni fuq livell nazzjonali. Dawn il-fatturi ikkontribwixxew biex jagħmlu r-regoli Komunitarji dwar il-kordinazzjoni komplikati u li jieħdu ż-żmien. Għaldaqstant, sabiex jintlaħaq l-għan tal-moviment liberu tal-persuni, huwa essenzali li dawn ir-regoli jinbidlu billi jkunu immodernizzati u simplifikati.”

    5

    L-Artikolu 1(t) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “perjodu ta’ assigurazzjoni” bħala li huwa kkostitwit minn perjodi ta’ kontribuzzjoni, impjieg jew impjieg għal rashom kif definiti jew rikonoxxuti bħala perjodi ta’ assigurazzjoni mil-leġislazzjoni li taħthom ikunu magħmulin jew meqjusin bħala magħmula, u l-perjodi kollha meqjusin bħala tali, fejn il-leġiżlazzjoni msemmija tqishom bħala ekwivalenti għal perjodi ta’ assigurazzjoni.

    6

    L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Persuni koperti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

    7

    It-Titolu II tal-istess regolament, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu, intitolat “Regoli ġenerali”, li jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

    2.   Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, persuni li qegħdin jirċievu benefiċċji fi flus minħabba jew bħala konsegwenza ta’ l-attività tagħhom bħala persuni impjegati jew bħala persuni impjegati għal rashom, għandhom jitqiesu bħallikieku qegħdin iwettqu din l-attività. Dan ma japplikax għal pensjonijiet marbuta ma’ l-invalidità, pensjonijiet ta’ l-età, pensjonijiet tas-superstiti jew għal pensjonijiet marbutin ma inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ma’ mard marbut max-xogħol jew għal benefiċċji fi flus marbutin ma’ mard li jkopru trattament għal perjodu mhux determinat.

    3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

    a)

    persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    b)

    persuna impjegata maċ-ċivil għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegah jew li timpjegaha;

    ċ)

    persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    d)

    persuna msejħa jew imsejħa mill-ġdid biex isservi fil-forzi armati jew biex tagħmel servizz maċ-ċivil fi Stat Membru, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’dak l-Istat Membru;

    e)

    kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”

    8

    L-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb taħt dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni tiegħu.

    2.   Kull perjodu ta’ assigurazzjoni u, fejn jixraq, kull perjodu ta’ impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru konċernat għandhom jitqiesu għad-determinazzjoni tad-drittijiet miksuba taħt dan ir-Regolament.

    3.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, dritt għandu jinkiseb taħt dan ir-Regolament anki jekk dan jitratta kontinġenza li tqum qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru konċernat.

    […]”

    Ir-Regolament Nru 987/2009

    9

    Skont il-premessi 1 u 14 tar-Regolament Nru 987/2009:

    “(1)

    Ir-Regolament [Nru 883/2004] jimmodernizza r-regoli tal-koordinazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri waqt li jispeċifika l-miżuri u l-proċeduri għall-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni tagħhom għall-partijiet kollha kkonċernati. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ implimentazzjoni.

    […]

    (14)

    Ċerti regoli u proċeduri speċifiċi huma meħtieġa biex tkun definita l-leġislazzjoni applikabbli biex jittieħed kont ta’ perijodi li matulhom persuna assigurata iddedikat iż-żmien tagħha għat-trobbija ta’ tfal f’diversi Stati Membri.”

    10

    L-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal”, jidher fil-Kapitolu IV tiegħu, intitolat “Benefiċċji marbutin mal-invalidità u pensjonijiet tal-età u tas-superstiti”. Din id-dispożizzjoni tipprevedi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘perijodu għat-trobbija tat-tfal’ għandha tirriferi għal kwalunkwe perijodu li huwa kreditat taħt il-leġislazzjoni tal-pensjonijiet ta’ Stat Membru jew li jipprovdi suppliment għal pensjoni espliċitament għal raġuni li persuna tkun rabbiet tifel/tifla, irrispettivament mill-metodu użat biex tikkalkula dawk il-perijodi u jekk jakkumulawx matul iż-żmien tat-trobbija tal-tfal jew jiġux rikonoxxuti retroattivament.

    2.   Fejn, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004], ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu, taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004], kienet applikabbli għall-persuna kkonċernata abbażi li hu jew hi kienu qed iwettqu attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fid-data meta, taħt dik il-leġislazzjoni, beda jittieħed kont tal-perijodu għat-trobbija tat-tfal għat-tfal konċernati, għandha tibqa’ responsabbli sabiex jittieħed kont ta’ dak il-perijodu bħala perijodu għat-trobbija tat-tfal taħt il-leġislazzjoni tagħha, daqslikieku t-trobbija tat-tfal seħħet fit-territorju proprju tagħha.

    3.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika jekk il-persuna kkonċernata hija, jew issir, suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor minħabba attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.”

    11

    L-Artikolu 93 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji”, huwa redatt kif ġej:

    “L-Artikolu 87 tar-Regolament [Nru 883/2004] għandu japplika għas-sitwazzjonijiet koperti [mir-Regolament Nru 987/2009].”

    Id-dritt Awstrijak

    12

    L-Artikolu 4(1) tal-Allgemeines Pensionsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar il-pensjonijiet, BGB1. I, 142/2004), iktar ’il quddiem, il-“liġi ġenerali dwar il-pensjonijiet ”), intitolat “Pensjoni tal-irtirar, dritt”, jipprevedi:

    “L-applikant għal pensjoni għandha dritt għal pensjoni tal-irtirar meta tilħaq l-età ta’ 65 sena (età normali tal-pensjoni tal-irtirar) bil-kundizzjoni li tiġġustifika, fid-data ta’ referenza […], ta’ mill-inqas 180 xahar ta’ assigurazzjoni skont din il-liġi jew ta’ liġi federali oħra li tal-inqas 84 xahar akkwistati bis-saħħa ta’ attività professjonali (perijodu ta’ assigurazzjoni minima).”

    13

    L-Artikolu 16(3a) tal-liġi ġenerali dwar il-pensjonijiet, tipprevedi li, għat-twettiq tal-perijodu minimu msemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi, huma wkoll assimilati għal xhur ta’ assigurazzjoni l-perijodi għat-trobbija tat-tfal fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 227a tal-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (liġi ġenerali dwar l-assigurazzjonijiet soċjali), tad‑9 ta’ Settembru 1955 (BGBI. 189/1955), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża fit-tilwima prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ASVG”) u tal-Artikolu 116a tal-Gewerbliches Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali għall-persuni li jeżerċitaw attività industrijali jew kummerċjali) li nkisbu qabel l‑1 ta’ Jannar 2005.

    14

    L-Artikolu 16(6) tal-liġi ġenerali dwar il-pensjonijiet jistabbilixxi li, b’deroga mill-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi, l-età tal-irtirar għan-nisa li jilħqu l-età ta’ 60 sena qabel l‑1 ta’ Jannar 2024 hija ddeterminata skont l-Artikolu 253(1) tal-ASVG.

    15

    L-Artikolu 224 tal-ASVG, intitolat “Perijodi ta’ assigurazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

    “Il-perijodi ta’ assigurazzjoni għandhom ifissru l-perijodi ta’ kontribuzzjoni msemmija fl-Artikoli 225 u 226 kif ukoll il-perijodi assimilati msemmija fl-Artikoli 227, 227a, 228, 228a u 229.”

    16

    L-Artikolu 227a(1) tal-ASVG jipprevedi, essenzjalment, li, għall-applikanti għall-pensjoni li effettivament u prinċipalment rabbew uliedhom, huma kkunsidrati bħala “perijodi assimilati”, il-perijodi mwettqa fit-territorju nazzjonali wara l‑31 ta’ Diċembru 1955 u qabel l‑1 ta’ Jannar 2005 li ġew iddedikati għat-trobbija tat-tfal, sa massimu ta’ 48 xahar kalendarju jew ta’ 60 xahar ċivili fil-każ ta’ twelid multiplu, sa mit-twelid tal-wild.

    17

    L-Artikolu 116a tal-liġi dwar l-assigurazzjoni soċjali għall-persuni li jeżerċitaw attività industrijali jew kummerċjali essenzjalment jinkludi l-istess dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 227a tal-ASVG.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija ċittadina Awstrijaka li twieldet fl-1957.

    19

    Wara li eżerċitat attività bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Awstrija sat‑30 ta’ Settembru 1986, studjat fir-Renju Unit, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stabbilixxiet ruħha fil-Belġju fil-bidu tax-xahar ta’ Novembru 1987, fejn welldet żewġt itfal, rispettivament fil‑5 ta’ Diċembru 1987 u fit‑23 ta’ Frar 1990. Sussegwentement, hija għexet fl-Ungerija mill-5 sal‑31 ta’ Diċembru 1991 u fir-Renju Unit mill‑1 ta’ Jannar sat‑8 ta’ Frar 1993.

    20

    Bejn il‑5 ta’ Diċembru 1987 u t‑8 ta’ Frar 1993, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rabbiet lit-tfal tagħha, mingħajr ma eżerċitat impjieg, mingħajr ma kisbet perijodu ta’ assigurazzjoni u mingħajr ma rċeviet benefiċċji għat-trobbija tat-tfal tagħha.

    21

    Fit‑8 ta’ Frar 1993, hija rritornat l-Awstrija u hemmhekk eżerċitat attività professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha.

    22

    Bejn ix-xhur ta’ Frar 1993 u ta’ Frar 1994, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddedikat 13-il xahar għat-trobbija tat-tfal fl-Awstrija, filwaqt li kienet obbligatorjament imsieħba u kkontribwixxiet mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka. Sussegwentement hija ħadmet u kkontribwixxiet f’dan l-Istat Membru sakemm irtirat.

    23

    Fil‑11 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet li tingħata pensjoni ta’ rtirar mingħand il-konvenut fil-kawża prinċipali, l-uffiċċju tal-pensjonijiet.

    24

    Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2017, dan tal-aħħar irrikonoxxa dritt għal pensjoni tal-irtirar fl-ammont ta’ EUR 1 079.15 fix-xahar, mill‑1 ta’ Novembru 2017. Dan l-ammont ġie kkalkolat abbażi ta’ 366 xahar ta’ assigurazzjoni miksuba fl-Awstrija, fosthom il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fl-Awstrija, li ġew assimilati ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni.

    25

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) fejn sostniet li, sa fejn hija kienet koperta mis-sigurtà soċjali Awstrijaka qabel il-perijodi ta’ trobbija tat-tfal li hija wettqet fil-Belġju u fl-Ungerija bejn il‑5 ta’ Diċembru 1987 u l‑31 ta’ Diċembru 1991, dawn kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, bħala perijodi assimilati, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar Awstrijaka tagħha, taħt piena ta’ ksur tal-Artikolu 21 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    26

    Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet dan ir-rikors minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stati Membri oħra jkunu jistgħu jiġu assimilati ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 u l-leġiżlazzjoni Awstrijaka relatata magħhom.

    27

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) billi sostniet li, minkejja li s-sitwazzjoni tagħha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi l-oħra ta’ trobbija ta’ wlied imwettqa fi Stati Membri oħra abbażi tal-Artikolu 21 TFUE u li għalhekk hija kienet qiegħda taħdem u kienet affiljata mas-sigurtà soċjali Awstrijaka qabel u wara l-perijodi ddedikati għat-trobbija tat-tfal tagħha mwettqa fi Stati Membri oħra u li dawn il-perijodi għalhekk kienu jippreżentaw rabta suffiċjenti mas-sistema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka.

    28

    Din il-qorti ċaħdet l-appell billi kkonfermat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 ma kinux issodisfatti f’dan il-każ u li, sa fejn din id-dispożizzjoni hija ta’ natura esklużiva, il-perijodi stabbiliti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għat-trobbija tat-tfal tagħha mwettqa fi Stati Membri oħra ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tal-Artikolu 21 TFUE. Barra minn hekk, din l-istess qorti qieset li s-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża peress li, f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 987/2009 huwa applikabbli ratione temporis, iżda li dan ma kienx il-każ fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza.

    29

    Il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), adita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’appell għal “Reviżjoni”, tqis ukoll li r-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 huma applikabbli ratione temporis għal din il-kawża, u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(2) ta’ dan l-aħħar regolament għat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-uffiċċju tal-pensjonijiet, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Belġju u fl-Ungerija ma humiex issodisfatti peress li, fid-data li fiha l-ewwel perijodu ta’ trobbija ta’ tfal beda, jiġifieri fix-xahar ta’ Diċembru 1987, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx teżerċita xogħol ta’ impjegat jew għal rasha fl-Awstrija.

    30

    Il-Qorti tar-rinviju ma teskludix li l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 jista’ jiġi interpretat fis-sens li japplika b’mod esklużiv u li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija perijodi lanqas ma jkun, għaldaqstant, possibbli abbażi tal-Artikolu 21 TFUE.

    31

    Madankollu, din il-qorti tirrileva li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma paragunabbli ma’ dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), u li l-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħadmet u kisbet perijodi ta’ assigurazzjoni esklużivament fl-Awstrija jista’ juri, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza, l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement stretta mal-iskema ta’ sigurtà soċjali Awstrijaka.

    32

    Il-qorti tar-rinviju tqis, għalhekk, li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1408/71, li kien fis-seħħ fiż-żmien meta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet perijodi għat-trobbija tat-tfal fil-Belġju u fl-Ungerija, dawn il-perijodi kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 21 TFUE għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar Awstrijaka tagħha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali saret inqas favorevoli wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009.

    33

    Sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Istati Membri li fihom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet il-perijodi għat-trobbija tat-tfal tagħha jipprevedu, bħala prinċipju, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali perijodi. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi, fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 ikun applikabbli f’dan il-każ, jekk iċ-ċirkustanza msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri dik fejn, “taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004], ma jittieħed kont ta’ ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal”, għandha tinftiehem bħala li tirreferi għas-sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma tipprevedix, b’mod ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal fid-dawl tal-kalkolu tal-pensjoni ta’ rtirar tal-persuna kkonċernata jew pjuttost bħala li tapplika għas-sitwazzjoni fejn, minkejja li tali teħid inkunsiderazzjoni jkun previst, din il-persuna, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta, ma tistax tallega.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    1)

    L-Artikolu 44(2) tar-Regolament [Nru 987/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi milli perijodi ta’ trobbija tat-tfal mgħoddija fi Stati Membri oħra jittieħdu inkunsiderazzjoni minn Stat Membru kompetenti sabiex tingħata pensjoni tal-irtirar – li taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu l-applikant għal pensjoni wettaq attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha tul il-ħajja tax-xogħol tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-perijodi ta’ trobbija tat-tfal – biss abbażi tal-fatt li l-applikant għal pensjoni ma kienx qiegħed iwettaq attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fid-data meta, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, il-perijodu ta’ trobbija tat-tfal beda jittieħed inkunsiderazzjoni għall-wild ikkonċernat?

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:

    2)

    L-ewwel klawżola tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li, taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu, l-Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004] ġeneralment ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ trobbija tat-tfal, jew li ma għandux jeħodhom inkunsiderazzjoni biss f’każijiet speċifiċi?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    35

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan il-kuntest, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu t-tilwimiet li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Staatsanwaltschaft Köln u Bundesamt für Güterverkehr, C‑937/19, EU:C:2021:555, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Staatsanwaltschaft Köln u Bundesamt für Güterverkehr, C‑937/19, EU:C:2021:555, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika tal-Awstrija hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li tali teħid inkunsiderazzjoni huwa eskluż skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, peress li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun eżerċitat attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru kkonċernat “fid-data meta, [il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru], beda jittieħed kont tal-perijodu għat-trobbija tat-tfal għat-tfal konċernati”, liema data hija ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru li jirregolaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal. Issa, anki jekk, matul il-ħajja attiva tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali eżerċitat attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Awstrija biss u meta hija kkontribwixxiet biss għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, huwa stabbilit li, fid-dati rilevanti, li, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, huma l‑1 ta’ Jannar 1988 u l‑1 ta’ Marzu 1990, hija ma kinitx teżerċita attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Awstrija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-Artikolu 44 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex ta’ natura esklużiva, ir-Repubblika tal-Awstrija hijiex obbligata, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), li l-fatti relatati mal-kawża li wasslet għaliha huma, skont din il-qorti, paragunabbli ma’ dawk tal-kawża prinċipali, li tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi skont l-Artikolu 21 TFUE.

    38

    Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha imposta minn din id-dispożizzjoni sabiex tikseb, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal li hija tkun wettqet fi Stati Membri oħra, dan l-Istat Membru huwa madankollu obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi skont l-Artikolu 21 TFUE.

    39

    F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 jirregolax b’mod esklużiv jew le t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stati Membri differenti. Fil-fatt, fl-affermattiv, tali perijodi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss skont din id-dispożizzjoni waħda biss, b’tali mod li l-Artikolu 21 TFUE ma jkunx applikabbli. Min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 kellu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax b’mod esklużiv, ma jistax jiġi eskluż, mill-bidu, li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel -Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, minn Stat Membru, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mill-persuna kkonċernata fi Stati Membri oħra skont l-Artikolu 21 TFUE, tkun trasponibbli għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bid-differenza ta’ dik li tagħti lok għal din is-sentenza, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 987/2009, iżda fejn il-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’’ eżerċizzju ta’ xogħol ta’ impjegat jew ta’ xogħol għal rasha imposta mill-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament.

    40

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, peress li l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jkollha wkoll elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 29).

    41

    F’dan il-każ, il-kliem tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 ma jindikax espressament jekk din id-dispożizzjoni tirregolax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stati Membri differenti b’mod esklużiv. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-regola prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li tipprovdi li l-persuna kkonċernata taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li kien kompetenti skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 minħabba l-eżerċizzju, minn dan tal-aħħar, ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha f’dan l-Istat Membru fid-data li fiha l-perijodu għat-trobbija tat-tfal beda jittieħed inkunsiderazzjoni abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni, tikkostitwixxi, hekk kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea, kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li toħroġ mis-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C‑135/99, EU:C:2000:647), u tas‑7 ta’ Frar 2002, Kauer (C‑28/00, EU:C:2002:82).

    42

    Fil-fatt, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma rriproduċiex espressament it-test, stabbilit f’dawn is-sentenzi, tar- “rabta stretta” jew tar-“rabta suffiċjenti” bejn il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fl-Istat Membru li għalih il-persuna kkonċernata titlob pensjoni tax-xjuħija u l-perijodi għat-trobbija tat-tfal li din il-persuna wettqet fi Stat Membru ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni, għall-persuni kkonċernati fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, tar-regola stabbilita permezz tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 li wasslet għal riżultat ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja skont dawn. Fil-fatt, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 25 sa 28 tas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C‑135/99, EU:C:2000:647), u mill-punti 31 sa 33 tas-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2002, Kauer (C‑28/00, EU:C:2002:82), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li dawn il-persuni, li kienu ħadmu esklużivament fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni tax-xjuħija tagħhom, kienu jeżerċitaw, fil-mument tat-twelid tal-wild tagħhom, attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru kien jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta stretta jew suffiċjenti u li, għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru kienet applikabbli fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ trobbija tat-tfal imwettqa fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-għoti ta’ tali pensjoni.

    43

    Għandu jingħad ukoll li, peress li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), kienet għadha ma ngħatatx mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tagħlim li jirriżulta minn din is-sentenza ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament għall-finijiet tal-kodifikazzjoni eventwali tagħhom.

    44

    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-kliem tiegħu, l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal b’mod esklużiv.

    45

    Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni.

    46

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tat-titolu u tal-kapitolu tar-Regolament Nru 987/2009 li taħtu jaqa’ l-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri t-Titolu III, intitolat “Dispożizzjonijiet Speċjali Dwar id-Diversi Kategoriji ta’ Benefiċċji” u l-Kapitolu IV li tiġbor id-dispożizzjonijiet dwar il- “[b]enefiċċji marbutin mal-invalidità u pensjonijiet tal-età u tas-superstiti”, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi dispożizzjoni partikolari applikabbli għall-benefiċċji li jaqgħu taħt pensjonijiet li tiffavorixxi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dawn il-benefiċċji. Sabiex tagħmel dan, din id-dispożizzjoni tintroduċi, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 ma tiħux inkunsiderazzjoni l-imsemmija perijodi, kompetenza li hija biss sussidjarja ta’ Stat Membru li ma huwiex kompetenti skont ir-regoli ġenerali, iżda li preċedentement kien minħabba l-eżerċizzju, mill-persuna kkonċernata, ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha f’dan l-Istat Membru fil-mument li fih, skont il-leġiżlazzjoni tiegħu, l-imsemmija perijodi jistgħu jibdew jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    47

    Konsegwentement, l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 jistabbilixxi regola addizzjonali li tippermetti li tiżdied il-probabbiltà għall-persuni kkonċernati li jiksbu teħid inkunsiderazzjoni sħiħ tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal tagħhom u b’hekk jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, li dan ma jkunx il-każ. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija ta’ natura esklużiva.

    48

    F’dak li jikkonċerna l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 jagħmel parti minnhom, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta rispettivament mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 883/2004 u mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 987/2009, ir-Regolament Nru 883/2004 għandu l-għan li jissostitwixxi r-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali previsti mir-Regolament Nru 1408/71 billi jimmodernizzahom u jissemplifikahom bil-għan li jintlaħaq l-għan tal-moviment liberu tal-persuni, peress li r-Regolament Nru 987/2009 huwa intiż li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 883/2004 tindika, barra minn hekk, li regoli għall-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, bħal dawk previsti minn dan ir-regolament tal-aħħar, mir-Regolament Nru 987/2009 u, preċedentement, mir-Regolament Nru 1408/71, jaqgħu fil-kuntest tal-moviment liberu tal-persuni.

    49

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li, minn naħa, għalkemm, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u sabiex jiddeterminaw, b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji, dawn l-Istati għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ rikonoxximent lil kull ċittadin tal-Unjoni ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Vester, C‑134/18, EU:C:2019:212, punti 29 sa 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Min-naħa l-oħra, jekk, wara l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu, il-ħaddiema migranti kellhom jitilfu l-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li tassiguralhom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, tali konsegwenza tista’ tiddisswadihom milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u tikkostitwixxi, għalhekk, ostakolu għal din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Vester, C‑134/18, EU:C:2019:212, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Minn dan jirriżulta li l-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ moviment liberu, kif stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE, jipprevali wkoll fil-kuntest tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009.

    52

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 jirregola t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stati Membri differenti b’mod esklużiv twassal sabiex l-Istat Membru debitur tal-pensjoni tax-xjuħija ta’ persuna, li fi ħdanu din tal-aħħar, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ħadmet esklużivament u ħallset il-kontribuzzjonijiet, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment tar-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor fejn hija ddedikat ruħha għat-trobbija ta’ wliedha, irrifjuta t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ tali pensjoni, perijodi tat-trobbija tat-tfal imwettqa minn din il-persuna fi Stat Membru ieħor u, għaldaqstant, li jiżvantaġġaha, minħabba biss li hija eżerċitat id-dritt tagħha għal moviment liberu.

    53

    Għaldaqstant, tali interpretazzjoni tmur kontra l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 987/2009, b’mod partikolari fir-rigward tal-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju tal-moviment liberu u tirriskja, għaldaqstant, li tipperikola l-effettività tal-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament.

    54

    F’dan il-kuntest, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun suġġetta għal diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik li hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 51).

    55

    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha, l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirregolax b’mod esklużiv it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mill-istess persuna fi Stati Membri differenti.

    56

    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475) tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, minkejja li r-Regolament Nru 987/2009 huwa applikabbli ratione temporis, il-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha imposta mill-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament sabiex tikseb, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni, perijodi għat-trobbija tat-tfal li twettaq fi Stati Membri oħra. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-persuna kkonċernata kienet waqfet, fil-mument tat-twelid tat-tfal tagħha, milli taħdem fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni tax-xjuħija tagħha u kienet temporanjament stabbilixxiet ir-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li fih hija kienet iddedikat ruħha għat-trobbija tat-tfal tagħha u ma kinitx eżerċitat attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Din il-persuna kienet imbagħad marret lura mal-familja tagħha fl-ewwel Stat Membru fejn hija kienet reġgħet bdiet attività professjonali.

    57

    Fis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), il-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, fil-punti 24 sa 29 ta’ din tal-aħħar, iddeċidiet li, f’tali sitwazzjoni, ir-Regolament Nru 987/2009 ma kienx applikabbli ratione temporis u kkonstatat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, bħala prinċipju, ir-regoli previsti mir-Regolament Nru 1408/71 kienu applikabbli.

    58

    Sussegwentement, peress li kkonstatat, fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li r-Regolament Nru 1408/71 ma kien jistabbilixxi ebda regola speċifika paragunabbli mal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 li jirregola t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stati Membri oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju kellhom jinftiehmu bħala intiżi li jistabbilixxu jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, l-Artikolu 21 TFUE jobbligax lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru debitur tal-pensjoni tax-xjuħija tal-persuna kkonċernata, li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-fini tal-għoti ta’ tali pensjoni, il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa minn din il-persuna fi Stat Membru ieħor. Fil-punt 31 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, minn naħa, jiġi ddeterminat liema kien l-Istat Membru kompetenti sabiex jiddefinixxi jew jaċċetta bħala perijodi assimilati ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni fih innifsu l-perijodi ddedikati mill-persuna kkonċernata għat-trobbija tat-tfal tagħha fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru debitur tal-pensjoni tax-xjuħija tiegħu tiġi indikata, li jiġi evalwat jekk il-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija humiex previsti minn din il-leġiżlazzjoni skont l-Artikolu 21 TFUE.

    59

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat, minn naħa, fil-punti 35 u 36 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), li, meta persuna tkun ħadmet esklużivament u kkontribwixxiet f’wieħed u fl-istess Stat Membru, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment tar-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor li fih hija qatt ma ħadmet u lanqas ikkontribwixxiet, għandha tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn dawn il-perijodi għat-trobbija tat-tfal u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minħabba t-twettiq ta’ attività professjonali fl-Ewwel Stat Membru b’mod li, għal dak li jikkonċerna it-teħid inkunsiderazzjoni u l-validazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa minn din il-persuna, il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat Membru hija applikabbli.

    60

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’din il-kawża mal-Artikolu 21 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, li, għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, huma għandhom, madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini, iggarantit mill-Artikolu 21 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu jwasslu sabiex il-persuna kkonċernata, peress li hija ma kinitx kisbet, abbażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja matul il-perijodi għat-trobbija tat-tfal jew immedjatament qabel it-twelid ta’ wliedha, kienet tiġi mċaħħda, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija tagħha, mid-dritt għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tagħha għat-trobbija tat-tfal minħabba biss li kienet stabbilixxiet temporanjament ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, anki jekk hija ma kienet eżerċitat ebda attività ta’ persuna impjegata jew ta’ persuna li taħdem għal rasha f’dan l-Istat Membru ieħor.

    61

    Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 41 sa 45 tal-istess sentenza, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tali persuna tiġi applikata, fl-Istat Membru li tiegħu hija ċittadina, trattament inqas favorevoli minn dak li kienet tibbenefika minnu kieku ma użatx il-faċilitajiet mogħtija mit-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment tal-persuni. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor toħloq, għaldaqstant, inugwaljanza fit-trattament li tmur kontra l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, f’tali sitwazzjoni, minn naħa, l-esklużjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa barra mit-territorju tal-Istat Membru kompetenti prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar, tmur kontra l-Artikolu 21 TFUE u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tobbliga lill-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għall-għoti tal-pensjoni tal-irtirar tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-imsemmija pensjoni.

    62

    Għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn, kif mill-punt 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 ma jirregolax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija ta’ tfal barra mill-pajjiż b’mod esklużiv u fejn, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, l-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ moviment liberu kif stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE jipprevalixxi wkoll fil-kuntest tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, l-insenjamenti tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert, (C‑522/10, EU:C:2012:475), jistgħu jiġu trasposti għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha r-Regolament Nru 987/2009 huwa applikabbli ratione temporis, iżda fejn il-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività ta’ persuna impjegata jew ta’ persuna li taħdem għal rasha imposta mill-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament biex tikseb, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni ta’ xjuħija, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni, ta’ perijodi għat-trobbija ta’ tfal li wettqet fi Stati Membri oħra.

    63

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 22 sa 25 ta’ din is-sentenza, il-fatti relatati mal-kawża prinċipali huma paragunabbli ma’ dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), imfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, peress li, minn naħa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħadmet esklużivament u ħallset il-kontribuzzjonijiet fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni tax-xjuħija tagħha, jiġifieri fl-Awstrija, kemm qabel kif ukoll wara ċ-ċaqliq tagħha lejn l-Ungerija, imbagħad lejn il-Belġju, fejn hija ddedikat ruħha għat-trobbija tat-tfal tagħha u, min naħa l-oħra, hija ma eżerċitatx attività ta’ persuna impjegata jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fl-Awstrija fid-data rilevanti għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tagħha għat-trobbija tat-tfal għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija f’dan l-Istat Membru. Għalhekk, teżisti, bħas-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), rabta suffiċjenti bejn il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali barra mill-pajjiż u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fl-Awstrija. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru għandha tapplika għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni u tal-validazzjoni ta’ dawn il-perijodi, fid-dawl tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija mill-imsemmi Stat Membru.

    64

    Huwa paċifiku wkoll li kieku r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx telqet mill-Awstrija, il-perijodi għat-trobbija tat-tfal tagħha kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tax-xjuħija Awstrijaka tagħha. Għaldaqstant, ma hemmx dubju li, bħal fil-każ tal-persuna kkonċernata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija żvantaġġata għas-sempliċi raġuni li hija eżerċitat id-dritt tagħha għall-moviment liberu, fatt li jmur kontra l-Artikolu 21 TFUE.

    65

    Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-persuna kkonċernata tkun ħadmet esklużivament u kkontribwixxiet fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni tax-xjuħija tagħha, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment tar-residenza tagħha fl-Istati Membri l-oħra fejn hija tkun wettqet il-perijodi għat-trobbija tat-tfal tagħha, dan l-Istat Membru huwa obbligat, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, l-imsemmija perijodi skont l-Artikolu 21 TFUE.

    66

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha imposta minn din id-dispożizzjoni sabiex tikseb, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal li hija tkun wettqet fi Stati Membri oħra, dan l-Istat Membru huwa esklużivament marbut li jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi skont l-Artikolu 21 TFUE, peress li din il-persuna ħadmet u ħallset kontribuzzjonijiet esklużivament fl-imsemmi Stat Membru, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment tar-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor fejn wettqet l-imsemmija perijodi.

    It-tieni domanda

    67

    Peress li din id-domanda tqum biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

    Fuq l-ispejjeż

    68

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha imposta minn din id-dispożizzjoni sabiex tikseb, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal li hija tkun wettqet fi Stati Membri oħra, dan l-Istat Membru huwa esklużivament marbut li jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi skont l-Artikolu 21 TFUE, peress li din il-persuna ħadmet u ħallset kontribuzzjonijiet esklużivament fl-imsemmi Stat Membru, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment tar-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor fejn wettqet l-imsemmija perijodi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top