EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0500
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 14 July 2022.#ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft v Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH.#Request for a preliminary ruling from the Oberster Gerichtshof.#Reference for a preliminary ruling – International agreements – Rail transport – Convention concerning International Carriage by Rail (COTIF) – Uniform Rules concerning the Contract of Use of Infrastructure in International Rail Traffic (CUI) – Article 4 – Mandatory law – Article 8 – Liability of the manager – Article 19 – Other actions – Jurisdiction of the Court – Damage to locomotives belonging to the carrier resulting from a derailment – Lease of replacement locomotives – Obligation on the infrastructure manager to reimburse leasing costs – Contract extending the parties’ liability by a reference to national law.#Case C-500/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022.
ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft vs Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehimiet internazzjonali – Trasport bil-ferrovija – Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) – Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall‑Użu ta’ Infrastruttura tat‑Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI) – Artikolu 4 – Dritt vinkolanti – Artikolu 8 – Responsabbiltà tal-amministratur – Artikolu 19 – Azzjonijiet oħra – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ħsara lil lokomottivi tat-trasportatur wara li nqalbu – Kiri ta’ lokomottivi alternattivi – Obbligu għall-amministratur tal-infrastruttura li jirrimborsa l-ispejjeż tal-kiri – Kuntratt li jipprevedi l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-partijiet permezz ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali.
Kawża C-500/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022.
ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft vs Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehimiet internazzjonali – Trasport bil-ferrovija – Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) – Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall‑Użu ta’ Infrastruttura tat‑Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI) – Artikolu 4 – Dritt vinkolanti – Artikolu 8 – Responsabbiltà tal-amministratur – Artikolu 19 – Azzjonijiet oħra – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ħsara lil lokomottivi tat-trasportatur wara li nqalbu – Kiri ta’ lokomottivi alternattivi – Obbligu għall-amministratur tal-infrastruttura li jirrimborsa l-ispejjeż tal-kiri – Kuntratt li jipprevedi l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-partijiet permezz ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali.
Kawża C-500/20.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:563
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehimiet internazzjonali – Trasport bil-ferrovija – Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) – Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall‑Użu ta’ Infrastruttura tat‑Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI) – Artikolu 4 – Dritt vinkolanti – Artikolu 8 – Responsabbiltà tal-amministratur – Artikolu 19 – Azzjonijiet oħra – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ħsara lil lokomottivi tat-trasportatur wara li nqalbu – Kiri ta’ lokomottivi alternattivi – Obbligu għall-amministratur tal-infrastruttura li jirrimborsa l-ispejjeż tal-kiri – Kuntratt li jipprevedi l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-partijiet permezz ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali”
Fil-Kawża C‑500/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura
ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft
vs
Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), M. Ilešič, D. Gratsias u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft, minn J. Andras u A. Egger, Rechtsanwälte, |
– |
għal Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH, minn G. Horak u A. Stolz, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls, C. Vrignon u G. Wilms, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Frar 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad‑9 ta’ Mejju 1980 kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnjus tat‑3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“COTIF”), u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E tal-COTIF, intitolat “Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall‑Użu ta’ Infrastruttura tat‑Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI)” (iktar ’il quddiem l-“Appendiċi E (CUI)”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ÖBB-Infrastruktur AG, impriża Awstrijaka, amministratur ta’ infrastruttura ferrovjarja u Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH (iktar ’il quddiem “Lokomotion Gesellschaft”), impriża ferrovjarja Ġermaniża, dwar talba għad-danni wara inċident li seħħ fuq binarju operat minn ÖBB-Infrastruktur. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
Il‑COTIF
3 |
Il-COTIF daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2006. Id‑49 Stat li huma parti għall-COTIF, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta jikkostitwixxu l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF). |
4 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-għan tal-OTIF huwa li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull rigward, it-trasport internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġi uniformi f’diversi oqsma tad-dritt relatati mat-trasport internazzjonali bil-ferrovija, bħal fil-qasam ta’ kuntratti li jirrigwardaw l-użu tal-infrastruttura. |
5 |
Skont l-Artikolu 6(1) tal-COTIF, intitolat “Regoli uniformi”: “It-traffiku internazzjonali bil-ferrovija u l-aċċettazzjoni ta’ materjal ferrovjarju għall-użu fit-trasport internazzjonali huma rregolati, sakemm ma jkunux saru dikjarazzjonijiet jew riżervi skont l-ewwel sentenza tal-[Artikolu 42(1)], minn: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) jipprevedi: “Bla ħsara għal klawżola kuntrarja f’dawn ir-Regoli Uniformi, kull stipulazzjoni li, direttament jew indirettament, tidderoga minn dawn ir-Regoli Uniformi, hija nulla u bla effett. In-nullità ta’ tali stipulazzjonijiet ma twassalx għan-nullità tal-istipulazzjonijiet l-oħra tal-kuntratt. Minkejja dan, il-partijiet kontraenti jistgħu jassumu responsabbiltà u obbligi iktar onerużi minn dawk previsti minn dawn ir-Regoli Uniformi jew jiffissaw ammont massimu ta’ kumpens għad-danni materjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
7 |
L-Artikolu 8 tal-Appendiċi E (CUI) jipprovdi li: “1. L-amministratur huwa responsabbli
ikkawżati lit-trasportatur jew lill-awżiljarji tiegħu matul l-użu tal‑infrastruttura u li joriġinaw mill-infrastruttura. […] 4. Il-partijiet għall-kuntratt jistgħu jiftiehmu jekk u sa fejn l-amministratur huwa responsabbli għat-telf jew id-dannu kkawżat lit-trasportatur f’każ ta’ dewmien jew ta’ tfixkil tal-attivitajiet tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
8 |
L-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI) huwa fformulat kif ġej: “Fil-każijiet kollha fejn għandhom japplikaw dawn ir-Regoli Uniformi, kwalunkwe azzjoni għad-danni, għal kwalunkwe raġuni, tista’ titressaq kontra l-amministratur jew it-trasportatur biss taħt il-kundizzjonijiet u l‑limitazzjonijiet stabbiliti minn dawn ir-Regoli Uniformi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Ir‑Rapport ta’ Spjega tal‑Appendiċi E (CUI)
9 |
Ir-Rapport ta’ Spjega tal-Appendiċi E (CUI) redatt mill-Assemblea Ġenerali tal-OTIF (AG 12/13 Add.8) tat‑30 ta’ Settembru 2015, (iktar ’il quddiem ir-“Rapport ta’ Spjega”) jindika, fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI): “1. Bħala prinċipju, ir-[Regoli Uniformi] CUI għandhom natura imperattiva u jipprevalu fuq id-dritt nazzjonali. Il-formulazzjoni tirripproduċi dik tal-Artikolu 5 tar-[Regoli Uniformi] CIM. 2. Hemm libertà kuntrattwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-kuntratt ta’ użu. 3. L-aħħar sentenza, li hija riprodotta mill-Artikolu 5 tar-[Regoli Uniformi] CIM, tippermetti lill-partijiet fil-kuntratt jestendu r-responsabbiltà tagħhom. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
10 |
Fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Appendiċi E (CUI), dan ir-Rapport ta’ Spjega jipprovdi: “1. Il-paragrafu 1 jistipula l-prinċipju tar-responsabbiltà oġġettiva (stretta) tal-amministratur. Il-persuna li tkun sofriet id-dannu (it-trasportatur jew l-awżiljarju tagħha) għandha tipprova l-kawża tad-dannu (amministrazzjoni inadempjenti jew difett tal-infrastruttura) u l-ammont tiegħu; barra minn hekk, hija għandha tipproduċi l-prova li d-dannu ġie kkawżat matul il-perijodu tal-użu tal-infrastruttura. […] 2. It-test tal-paragrafu 1(b) jippreċiża li r-responsabbiltà għad-danni materjali ma tinkludix ir-responsabbiltà għad-danni (purament) pekunjarji. Jikkostitwixxu eċċezzjoni, skont il-paragrafu 1(c), id-danni pekunjarji li jirriżultaw mid-danni dovuti mit-trasportatur skont ir-[Regoli Uniformi] CIV jew ir-[Regoli Uniformi] CIM. Id-danni subiti mill-mezzi ta’ trasport huma danni materjali li t-trasportatur isofri direttament, anki jekk dawn il-mezzi ta’ trasport ma jkunux proprjetà tiegħu skont id-dritt ċivili, iżda jagħmel użu minnhom bis-saħħa ta’ kuntratt konformement mar-[Regoli Uniformi dwar il-Kuntratti għall-Użu ta’ Vetturi fit-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (CUV)].” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
11 |
L-imsemmi Rapport ta’ Spjega jippreċiża, fir-rigward tal-Artikolu 19 tal-Appendiċi E (CUI): “L-għan ta’ dan l-artikolu huwa li jipproteġi, permezz tal-limitazzjoni tad-drittijiet mhux kuntrattwali ta’ terzi, is-sistema ta’ responsabbiltà legali għad-drittijiet kuntrattwali minn kull alterazzjoni fil-każijiet fejn dawn it-terzi jkunu jistgħu, altrimenti, iduru b’mod mhux kuntrattwali mingħajr limiti kontra parti fil-kuntratt. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il‑Ftehim ta’ Adeżjoni
12 |
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-COTIF, iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2011 f’Bern (ĠU 2013, L 51, p. 8, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2011, konformement mal-Artikolu 9 tiegħu. |
13 |
L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni jipprovdi li: “Mingħajr preġudizzju għall-objettiv u l-iskop tal-[COTIF] biex tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita t-trasport internazzjonali bil-ferrovija u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ Partijiet Kontraenti oħra għall-[COTIF], fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet għall-Konvenzjoni li huma Stati Membri tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli tal-Unjoni u għalhekk m’għandhomx japplikaw ir-regoli li jirriżultaw mi[ll-COTIF] ħlief sakemm ma jkunx hemm regola tal-Unjoni li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat.” |
14 |
Skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni: “L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni għandu jiġi indikat f’termini ġenerali f’dikjarazzjoni bil-miktub magħmula mill-Unjoni meta jiġi konkluż il-Ftehim. Dik id-dikjarazzjoni tista’ tiġi mmodifikata kif adatt permezz ta’ notifika mill-Unjoni lill-OTIF. Din bl-ebda mod ma għandha tissostitwixxi jew tillimita l-materji li jistgħu jiġu koperti bin-notifiki ta’ kompetenza tal-Unjoni li għandhom isiru qabel it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-OTIF permezz ta’ votazzjoni formali jew mod ieħor.” |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Deċiżjoni 2013/103/UE
15 |
Il-Ftehim ta’ Adeżjoni ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas‑16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad‑9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 1). |
16 |
Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/103/UE hemm dikjarazzjoni mill-Unjoni li saret waqt l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Adeżjoni li jikkonċerna l-eżerċizzju ta’ kompetenzi (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tal-Unjoni”). |
17 |
Id-Dikjarazzjoni tal-Unjoni tipprovdi: “Fis-settur tal-ferroviji, l-Unjoni Ewropea […] taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tal-Unjoni […] skont l-Artikoli 90 u 91, flimkien mal-Artikolu 100(1) u l-Artikoli 171 u 172 tat-[TFUE]. […] Abbażi [tal-Artikoli 91 u 171 TFUE], l-Unjoni adottat għadd sostanzjali ta’ strumenti legali applikabbli għat-trasport bil-ferrovija. Taħt il-liġi tal-Unjoni, l-Unjoni kisbet kompetenza esklussiva fi kwistjonijiet tat-trasport bil-ferrovija fejn il-[COTIF] jew l-istrumenti legali adottati taħtha jkunu jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-ambitu ta’ dawn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ suġġetti regolati mill-[COTIF] li relattivament għalihom għandha kompetenza esklussiva l-Unjoni, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda kompetenza. Fejn ikunu jeżistu regoli tal-Unjoni iżda dawn ma jkunux affettwati mill-[COTIF] jew mill-istrumenti legali adottati taħtha, l-Unjoni taqsam il-kompetenza dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-[COTIF] mal-Istati Membri. Fl-Appendiċi ma’ dan l-Anness tinsab lista tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-konklużjoni tal-Ftehim. L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni li jirriżulta minn dawn it-testi għandu jiġi vvalutat b’relazzjoni mad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ kull test, speċjalment safejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu r-regoli komuni. Il-kompetenza tal-Unjoni hija suġġetta għal żvilupp kontinwu. Fil-qafas tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tat-[Trattat] FUE, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw safejn twassal il-kompetenza tal-Unjoni. Għalhekk l-Unjoni tirriżerva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni skont kif ikun il-każ, mingħajr ma dan jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fi kwistjonijiet koperti mill-[COTIF].” |
Id‑Direttiva 2012/34/UE
18 |
Il-premessi 1 sa 3 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67) jipprovdu:
|
19 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “1. Din id-Direttiva tistabbilixxi:
[…]” |
20 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi fil-punti (1) u (2) tiegħu: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
21 |
Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34, li jinkludi l-Artikoli 26 sa 57 tagħha, huwa intitolat “Id-Debitar ta’ Imposti għall-Użu tal-Infratstruttura Ferrovjarja u tal-Allokazzjoni tal-Kapaċità tal-Infrastruttura Ferrovjarja”. Skont l-Artikolu 28 tagħha, intitolat “Ftehimiet bejn l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura”: “Kull impriża impenjata f’servizzi tat-trasport ferrovjarju għandha tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa mal-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja użata skont il-liġi pubblika jew privata. Il-kundizzjonijiet li jiggvernaw ftehimiet bħal dawn għandhom ikunu nondiskriminatorji u trasparenti, skont din id-Direttiva.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
22 |
Lokomotion Gesellschaft hija impriża ferrovjarja privata li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja. Hija tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha lokomottivi sabiex iwettqu tipi differenti ta’ trasport. |
23 |
ÖBB-Infrastruktur hija impriża Awstrijaka li tamministra infrastrutturi għat-trasport bil-ferrovija u li topera, b’mod partikolari, l-infrastruttura ferrovjarja fiż-żona tal-istazzjon ta’ Kufstein fl-Awstrija. |
24 |
Fix-xahar ta’ Diċembru 2014, dawn l-impriżi kkonkludew kuntratt dwar l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja ta’ ÖBB-Infrastruktur għat-trasport internazzjonali, li permezz tiegħu Lokomotion Gesellschaft għandha d-dritt tuża din l-infrastruttura ferrovjarja permezz ta’ korrispettiv stabbilit konformement mal-Ftehim dwar il-Mogħdijiet tal-Ferrovija Korrispondenti. |
25 |
It-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-kuntratt għall-użu tal-infrastruttura (iktar ’il quddiem it-“termini u l-kundizzjonijiet ġenerali”) jifformaw parti integrali minn dan il-kuntratt. Il-punt 20 ta’ dawn tal-aħħar jipprevedi li r-responsabbiltà tal-partijiet għall-kuntratt hija rregolata mid-dispożizzjonijiet legali u mid-dritt internazzjonali, b’mod partikolari dawk tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali), tal-Unternehmensgesetzbuch (il-Kodiċi dwar il-Kumpanniji), tal-Eisenbahn- und Kraftfahrzeughaftpflichtgesetz (il-(Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili Ferrovjarja u tal-Vetturi bil-Mutur ta’ Terzi) (EKHG) u tal-Appendiċi E (CUI), sakemm ma jkunx provdut mod ieħor fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali. |
26 |
Skont il-punt 34 ta’ dawn it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali, il-kuntratt huwa suġġett għad-dritt Awstrijak bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-Internationale Privatrechtsgesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar id-Dritt Internazzjonali Privat) u għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata fi Vjenna fil-11 ta’ April 1980, dwar il-Kuntratti ta’ Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija. |
27 |
Fil-15 ta’ Lulju 2015, ferrovija lokomottiva, komposta minn sitt lokomottivi, proprjetà ta’ Lokomotion Gesellschaft, nqalbet minn fuq il‑binarji fl-Istazzjon ta’ Kufstein, u kkawżat ħsara lil tnejn minn dawn il-lokomottivi. Dawn tal-aħħar ma setgħux jintużaw matul il-perijodu tat-tiswija tagħhom u Lokomotion Gesellschaft għalhekk kriet żewġ lokomottivi alternattivi. Għaldaqstant hija ppreżentat rikors ġudizzjarju kontra ÖBB-Infrastruktur quddiem qorti tal-ewwel istanza sabiex tikseb ir-rimbors tal-ispiża ta’ din il-kirja, li tammonta għal EUR 629110 flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. |
28 |
Lokomotion Gesellschaft tqis, minn naħa, li l-inċident kien dovut għal difett tal-infrastruttura ferrovjarja amministrata minn ÖBB-Infrastruktur. Din tal‑aħħar allegatament ma osservatx, b’mod illegali u żbaljat, l-obbligi tagħha ta’ manifattura korretta, spezzjoni, isservisjar, manutenzjoni u tiswija tal-ferroviji previsti mil-leġiżlazzjoni tad-dritt ferrovjarju. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-kiri tal‑lokomottivi alternattivi għandhom għaldaqstant jitqiesu bħala “danni materjali” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI). |
29 |
ÖBB-Infrastruktur issostni li l-infrastruttura ferrovjarja ma ppreżentatx difetti. Fil-fehma tagħha, l-inċident kien ikkawżat minn ganċ tat-trattazzjoni li nħall mill-lokomottiva li nqalbet, ganċ li kien intuża wisq qabel ma nqalbet il-lokomottiva, li jimplika li l-ħtija hija ta’ Lokomotion Gesellschaft. Barra minn hekk, id-danni mġarrba huma danni purament pekunjarji, li għalihom Lokomotion Gesellschaft ma tistax tikseb kumpens skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Appendiċi E (CUI). |
30 |
Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet, permezz ta’ sentenza interlokutorja, it-talba ta’ Lokomotion Gesellschaft billi qieset li l-Appendiċi E (CUI), konformement mal-Artikolu 19(1) tagħha, issostitwixxa, bħala sistema ta’ responsabbiltà unika, is-sistemi l-oħra kollha ta’ responsabbiltà nazzjonali. Hija rrilevat li, skont id-definizzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), id-“danni materjali” huma limitati għall-qerda jew għall-ħsara ta’ proprjetà mobbli u immobbli. Issa, l-ispejjeż tal-kiri mitluba fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu danni purament pekunjarji li la huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b) u lanqas minn tal-Artikolu 8(1)(c) tal-Appendiċi E (CUI) u għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kumpens. Barra minn hekk, din il-qorti qieset li l-punt 20 tat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali ma jikkostitwixxix ftehim bejn il-partijiet, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tal-Appendiċi E (CUI), li minnu tirriżulta r-responsabbiltà ta’ ÖBB-Infrastruktur skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali. |
31 |
Il-qorti tal-appell annullat din is-sentenza interlokutorja u rrinvijat fl-ewwel istanza t-talba ta’ Lokomotion Gesellschaft, għall-finijiet ta’ deċiżjoni ġdida. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-espressjoni “danni materjali”, li tinsab fl-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), kellha tiġi interpretata f’sens wiesa’ bħala li tinkludi wkoll id-“danni materjali sekondarji”, bħalma huma l-ispejjeż tal-kiri, għas-sostituzzjoni tal-lokomottivi li ġarrbu ħsara, mitluba mingħand ÖBB-Infrastruktur. |
32 |
ÖBB-Infrastruktur adixxiet lill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ annullament tal-qorti tal-appell. |
33 |
Qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ftehim konkluż bejn l-Unjoni u l-OTIF dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-COTIF jikkostitwixxi ftehim imħallat, peress li l-oqsma tal-COTIF li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva u dawk li fihom hija teżerċita kompetenza kondiviża mal-Istati Membri ma jirriżultawx b’mod espliċitu mid-dikjarazzjoni tal-Unjoni. Hija tirrileva li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher, fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, li tapplika fl-oqsma kollha tal-COTIF. |
34 |
Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-inċertezzi espressi fid-duttrina f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tittratta rinviji għal deċiżjoni preliminari dwar ftehimiet imħallta, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-eżistenza ta’ tali ġurisdizzjoni fil-kawża prinċipali. |
35 |
Sussegwentement, din il-qorti tqis li l-ispejjeż tal-kiri tal-lokomottivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux fihom innifishom “dannu materjali”, li jikkonsisti fil-qerda jew fid-dannu tal-beni mobbli u immobbli, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI). Madankollu, peress li dawn l-ispejjeż għandhom konnessjoni mill-qrib ma’ tali dannu, hija tistaqsi jekk jistgħux jiġu kkunsidrati bħala danni materjali sekondarji. |
36 |
Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-ispejjeż tal-kiri tal-lokomottivi kkonċernati ma jaqgħux taħt id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi ddeterminat, skont il-qorti tar-rinviju, jekk riferiment ġenerali għal corpus leġiżlattiv nazzjonali jistax jinftiehem bħala stipulazzjoni li tidderoga mir-Regoli Uniformi, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) u, f’dan il-każ, jekk tali rinviju għandux effettivament jitqies bħala “estensjoni” ta’ responsabbiltà, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, meta dan il-corpus tad-dritt ikun iktar strett minn dak tal-COTIF f’dak li jikkonċerna il-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm lok għar-responsabbiltà, b’mod partikolari il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ħtija. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja
38 |
Konformement mal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni. |
39 |
Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ftehim konkluż mill-Kunsill, konformement mal-Artikoli 217 u 218 TFUE, jikkostitwixxi, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni, att meħud minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim jifformaw parti integrali, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim (sentenzi tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punti 3 sa 6; u tat-2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldova,C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 23). |
40 |
Għal dak li jirrigwarda l-ftehimiet imħallta konklużi mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bis-saħħa ta’ kompetenza kondiviża, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddistingwi bejn l-obbligi li l-Unjoni tassumi u dawk li jibqgħu biss taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, kif ukoll sabiex tinterpreta għal dan il-għan id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punt 33, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenieC‑240/09, EU:C:2011:125, punt 31). |
41 |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallat relatati mal-obbligi li l-Unjoni tassumi meta dawn jaqgħu f’qasam li fih l-Unjoni eżerċitat il-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punti 32 u 34). |
42 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li meta dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali tkun tista’ tiġi applikata kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ikun jeżisti interess ċert sabiex, bl-għan li jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni uniformi, irrispettivament mill-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ser tiġi applikata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika ta’ Moldova,C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja biss, b’kooperazzjoni mal-qrati tal-Istati Membri skont l-Artikolu 267 TFUE, hija f’pożizzjoni li tiżgura tali interpretazzjoni uniformi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punt 38). |
44 |
Fil-każ ineżami, mill-Artikolu 2 tal-COTIF, jirriżulta li l-OTIF “għandha l-għan li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull rigward, it-trasport internazzjonali bil-ferrovija”, b’mod partikolari billi tistabbilixxi regoli ta’ dritt uniformi f’diversi oqsma relatati mal-imsemmi trasport (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 54). |
45 |
F’dan il-kuntest, l-Appendiċi E (CUI) jirregola l-kuntratti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (CUI) għall-iskopijiet ta’ trasport, inkluż il-forma u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ tali kuntratti. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI), li dwarhom tressqu d-domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jistabbilixxu, b’mod partikolari, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura. Għaldaqstant, dan l-Appendiċi jirrigwarda d-dritt tal-kuntratti dwar it-trasport internazzjonali bil-ferrovija. B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu b’mod partikolari jikkonċernaw is-sistema legali applikabbli għall-ftehimiet li saru bejn l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja użata. |
46 |
Issa, din il-materja taqa’ taħt qasam, jiġifieri dak tat-trasport, li għalih, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2)(g) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża li hija eżerċitat bl-adozzjoni tad-Direttiva 2012/34. |
47 |
F’dan ir-rigward, għalkemm din id-direttiva ma tinkludix regoli paragunabbli għal dawk stabbiliti fl-Appendiċi E (CUI), xorta jibqa’ l-fatt li din tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, riformulazzjoni tad-Direttivi 91/440, 95/18 u 2001/14 li huma espressament imsemmija fl-appendiċi tad-Dikjarazzjoni tal-Unjoni fost l-istrumenti li jirriflettu l-eżerċizzju, mill-Unjoni, tal-kompetenza li hija taqsam fil-qasam tat-trasport mal-Istati Membri. |
48 |
Barra minn hekk, il-premessi 2 u 3 ta’ din id-direttiva jenfasizzaw l-importanza ta’ integrazzjoni ikbar tas-settur tat-trasport tal-Unjoni u ta’ titjib fl-effiċjenza tas-sistema ferrovjarja filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi tal-linji tal-ferrovija. |
49 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/34 jindika, b’mod partikolari, li din tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-amministrazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u għall-attivitajiet ta’ trasport bil-ferrovija tal-impriżi ferrovjarji li huma stabbiliti jew ser jiġu stabbiliti fi Stat Membru kif ukoll il-prinċipji u l-proċeduri applikabbli għall-iffissar u għall-ġbir ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ din l-infrastruttura, kif esposti fil-Kapitolu IV tagħha. Għalhekk, il-punti (1) u (2) tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “impriża ferrovjarja” u ta’ “amministratur tal-infrastruttura”. Barra minn hekk, l-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, jirreferi għall-ftehimiet konklużi bejn l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastrutturi, billi jindika li dawn il-ftehimiet għandhom ikunu nondiskriminatorji u trasparenti. |
50 |
B’mod iktar partikolari, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2012/34 tapplika għad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-impriża ferrovjarja, inklużi d-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tar-responsabbiltà. |
51 |
Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-regoli stabbiliti fl-Appendiċi E (CUI) u, b’mod iktar partikolari, ir-regoli fil-qasam tar-responsabbiltà tal-amministratur previsti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 19(1) ta’ dan l-appendiċi jistgħu japplikaw kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jeżisti interess ċert li dawn jiġu interpretati b’mod uniformi. |
52 |
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI). |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
53 |
Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula waqt l-eżami tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI). |
Fuq it‑tieni domanda
54 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) għandux jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tad-danni materjali tkopri wkoll l-ispejjeż sostnuti mill-impriża ferrovjarja għall-kiri ta’ lokomottivi alternattivi matul il-perijodu ta’ tiswija tal-lokomottivi li ġarrbu ħsara. |
55 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) jipprevedix ukoll ir-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura għall-ispejjeż li, mingħajr ma jkopri d-danni li jikkostitwixxu, fihom innifishom, danni materjali, huma marbuta mill-qrib ma’ dawn tal-aħħar. |
56 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, trattat internazzjonali, bħall-COTIF, għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lill-kliem tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu, skont id-dritt internazzjonali ġenerali, li jorbot lill-Unjoni, kif ikkodifikat fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Altenrhein Luftfahrt, C‑70/20, EU:C:2021:379, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
L-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura huwa responsabbli għad-danni materjali (distruzzjoni jew ħsara lil beni mobbli u immobbli). |
58 |
Peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi responsabbiltà oġġettiva u għalhekk mingħajr ħtija min-naħa tal-amministratur tal-infrastruttura, din għandha tiġi interpretata b’mod strett. |
59 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), l-użu tal-kelmiet “danni materjali” segwiti, bejn parenteżi, minn riferiment għall-qerda jew għall-ħsara ta’ beni mobbli jew immobbli juri li r-responsabbiltà ta’ dan l-amministratur hija limitata għad-danni kkawżati lill-essenza stess tal-oġġett li sofra ħsara u ma testendix għad-danni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dan l-oġġett. |
60 |
Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI). Fil-fatt, l-Artikolu 8(1) tal-Appendiċi E (CUI) jelenka t-tliet tipi ta’ danni li għalihom l-amministratur għandu tali responsabbiltà oġġettiva. Għaldaqstant, il-portata ta’ din ir-responsabbiltà hija ddelimitata b’mod ċar. Dawn huma d-danni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 8(1)(a) tal-Appendiċi E (CUI), danni materjali msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan l-Appendiċi, kif ukoll danni pekunjarji msemmija fl-Artikolu 8(1)(c) tal-imsemmi Appendiċi E. Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni magħmula fl-imsemmi Artikolu 8(1), bejn dawn it-tliet tipi ta’ danni, għandu jiġi kkunsidrat li kull waħda minn dawn il-kategoriji teskludi lill-oħra u li għalhekk, b’mod partikolari, ir-responsabbiltà tal-amministratur għad-danni materjali msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) ma tkoprix id-danni pekunjarji. |
61 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata mir-Rapport ta’ Spjega li, fir-rigward tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), jindika li r-responsabbiltà għad-danni materjali prevista f’din id-dispożizzjoni ma tinkludix ir-responsabbiltà għad-danni pekunjarji. |
62 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat b’mod iktar partikolari li, fir-rigward tad-danni materjali, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija f’dan l-istess Rapport ta’ Spjega dwar l-Artikolu 8 tal-Appendiċi E (CUI) jirriżulta li r-responsabbiltà għad-danni subiti mill-mezzi ta’ trasport, prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), tikkonċerna biss id-danni li t-trasportatur isostni “direttament”. |
63 |
Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li d-danni l-oħra jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(1)(c) tal-Appendiċi E (CUI) jipprevedi li l-amministratur huwa responsabbli għad-danni pekunjarji li jirriżultaw mid-danni dovuti mit-trasportatur skont ir-Regoli Uniformi CIV u r-Regoli Uniformi CIM. |
64 |
Barra minn hekk, kif indikat l-Avukat Ġenerali, fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 8(4) tal-Appendiċi E (CUI) jimmilita favur interpretazzjoni stretta tal-portata tar-responsabbiltà tal-amministratur fir-rigward tad-danni materjali skont l-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan l-appendiċi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-partijiet għall-kuntratt jiftiehmu jekk u sa fejn l-amministratur huwa responsabbli għat-telf jew id-dannu kkawżat lit-trasportatur f’każ ta’ dewmien jew ta’ tfixkil tal-attivitajiet tiegħu. Dawn jistgħu jkunu, b’mod partikolari, danni subiti minn impriża ferrovjarja minħabba l-impossibbiltà għaliha li tuża vettura li ġarrbet ħsara. |
65 |
Fil-każ ineżami, Lokomotion Gesellschaft titlob il-kumpens għall-ispejjeż tal-kiri ta’ żewġ lokomottivi li kellhom jinkrew sabiex jissostitwixxu l-lokomottivi li ġarrbu ħsara matul il-perijodu tat-tiswija tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikors fil-kawża prinċipali ma huwiex intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu materjali kkawżat lil-lokomottivi li ġarrbu ħsara, iżda l-kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mir-rieda ta’ Lokomotion Gesellschaft li tkompli tipprovdi s-servizzi tagħha mingħajr interruzzjoni. Issa, spejjeż sostnuti sabiex jiġu rrimedjati l-effetti tad-danni materjali, bħalma huma b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ kiri ta’ lokomottivi, jikkostitwixxu dannu pekunjarju u mhux dannu materjali, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), u ma jaqgħux, bla ħsara għall-applikazzjoni eventwali ta’ dispożizzjonijiet oħra, taħt ir-responsabbiltà oġġettiva tal-amministratur tal-infrastruttura taħt dan l-Artikolu 8(1)(b). |
66 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) għandu jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tad-danni materjali ma tkoprix l-ispejjeż sostnuti mill-impriża ferrovjarja għall-kiri ta’ lokomottivi alternattivi matul il-perijodu ta’ tiswija tal-lokomottivi li ġarbu ħsara. |
Dwar it‑tielet domanda
67 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-partijiet għall-kuntratt jistgħu jestendu r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali, li permezz tiegħu l-portata tar-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura tkun usa’, iżda li tissuġġetta din ir-responsabbiltà għall-eżistenza ta’ ħtija. |
68 |
Skont l-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI), bla ħsara għal klawżola kuntrarja fir-Regoli Uniformi, kull dispożizzjoni li, direttament jew indirettament, tidderoga mir-Regoli Uniformi, hija nulla. Madankollu, huwa jipprovdi li l-partijiet għall-kuntratt jistgħu jassumu responsabbiltà u obbligi iktar onerużi minn dawk previsti minn dawn ir-Regoli jew jiffissaw ammont massimu ta’ kumpens għad-danni materjali. |
69 |
Kif jindika r-Rapport ta’ Spjega dwar l-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI), dan l-artikolu jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-appendiċi għandhom natura imperattiva u jieħdu preċedenza fuq id-dritt nazzjonali. |
70 |
Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi E (CUI) huma vinkolanti fis-sitwazzjonijiet kollha koperti minn dan l-appendiċi u dan jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-responsabbiltà tal-amministratur, iddefinita fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi appendiċi. |
71 |
Madankollu, kif jindika r-Rapport ta’ Spjega dwar dan l-Artikolu 4, il-partijiet fil-kuntratt jistgħu jestendu r-responsabbiltà tagħhom għas-sitwazzjonijiet li ma humiex diġà koperti mill-Appendiċi E (CUI). Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) ta’ dan l-appendiċi għandhom jinftiehmu bħala imperattivi biss sa fejn jistabbilixxu l-portata minima tar-responsabbiltà tal-amministratur. |
72 |
Il-partijiet għall-kuntratt jistgħu għalhekk jiftiehmu sabiex jestendu r-responsabbiltà tagħhom u jinkludu dan fil-kuntratt ta’ użu. Hija l-libertà kuntrattwali tal-partijiet li jiddefinixxu jekk jagħżlux li jifformulaw huma stess fil-kuntratt klawżola li tipprevedi tali estensjoni tar-responsabbiltà tagħhom jew jekk jagħżlux li jirrikorru għal riferiment għad-dritt nazzjonali. |
73 |
F’dan ir-rigward, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) bl-ebda mod ma jirrestrinġi l-possibbiltà li għandhom, skont din id-dispożizzjoni, il-partijiet għal kuntratt li jiftehmu li jestendu r-responsabbiltà tagħhom. Bl-istess mod, xejn ma jipprekludi li l-estensjoni tar-responsabbiltà ta’ parti għal kuntratt tista’ tieħu l-forma ta’ riferiment għar-regoli tad-dritt nazzjonali. |
74 |
Barra minn hekk, l-estensjoni tar-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) dwar sitwazzjonijiet li ma humiex diġà koperti minn dan l-appendiċi, tiżdied mar-responsabbiltà oġġettiva prevista fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi appendiċi. |
75 |
Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) ma jipprekludix li rinviju għad-dritt nazzjonali jkollu l-konsegwenza li jipprevedi, minbarra r-regoli ta’ responsabbiltà tal-Appendiċi E (CUI), sistema ta’ responsabbiltà differenti minn dik tar-responsabbiltà oġġettiva. |
76 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI) li jipprovdi li kull azzjoni għad-danni, tkun xi tkun, tista’ tiġi eżerċitata kontra l-amministratur jew it-trasportatur biss taħt il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-Appendiċi E (CUI). Kif jindika r-Rapport ta’ Spjega dwar dan l-Artikolu 19, din id-dispożizzjoni tirrigwarda r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-partijiet fil-kuntratti fir-rigward ta’ terzi, u mhux ir-responsabbiltà tal-partijiet fil-kuntratt fir-relazzjoni reċiproka tagħhom. |
77 |
Fil-każ ineżami, mill-punti ta’ fatt esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet qablu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li huma integrati fil-kuntratt. Il-punt 20 tat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi li r-responsabbiltà tal-partijiet għall-kuntratt hija rregolata mid-dispożizzjonijiet legali u ta’ dritt internazzjonali, b’mod partikolari dawk tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali, tal-Kodiċi dwar il-Kumpanniji u tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili Ferrovjarja u tal-Vetturi bil-Mutur ta’ Terzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan ir-riferiment iwassal sabiex tiġi estiża r-responsabbiltà ta’ mill-inqas waħda mill-partijiet għall-kuntratt, mingħajr ma jiġu ppreġudikati d-drittijiet li l-parti l-oħra tislet mid-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi E (CUI). |
78 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-partijiet għall-kuntratt jistgħu jestendu r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali, li permezz tiegħu l-portata tar-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura hija usa’ u li tissuġġetta din ir-responsabbiltà għall-eżistenza ta’ ħtija. |
Fuq l-ispejjeż
79 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.