EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0500

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022.
ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft vs Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehimiet internazzjonali – Trasport bil-ferrovija – Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) – Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall‑Użu ta’ Infrastruttura tat‑Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI) – Artikolu 4 – Dritt vinkolanti – Artikolu 8 – Responsabbiltà tal-amministratur – Artikolu 19 – Azzjonijiet oħra – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ħsara lil lokomottivi tat-trasportatur wara li nqalbu – Kiri ta’ lokomottivi alternattivi – Obbligu għall-amministratur tal-infrastruttura li jirrimborsa l-ispejjeż tal-kiri – Kuntratt li jipprevedi l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-partijiet permezz ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali.
Kawża C-500/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:563

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehimiet internazzjonali – Trasport bil-ferrovija – Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) – Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall‑Użu ta’ Infrastruttura tat‑Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI) – Artikolu 4 – Dritt vinkolanti – Artikolu 8 – Responsabbiltà tal-amministratur – Artikolu 19 – Azzjonijiet oħra – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ħsara lil lokomottivi tat-trasportatur wara li nqalbu – Kiri ta’ lokomottivi alternattivi – Obbligu għall-amministratur tal-infrastruttura li jirrimborsa l-ispejjeż tal-kiri – Kuntratt li jipprevedi l-estensjoni tar-responsabbiltà tal-partijiet permezz ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali”

Fil-Kawża C‑500/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft

vs

Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), M. Ilešič, D. Gratsias u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ÖBB-Infrastruktur Aktiengesellschaft, minn J. Andras u A. Egger, Rechtsanwälte,

għal Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH, minn G. Horak u A. Stolz, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls, C. Vrignon u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad‑9 ta’ Mejju 1980 kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnjus tat‑3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“COTIF”), u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E tal-COTIF, intitolat “Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall‑Użu ta’ Infrastruttura tat‑Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI)” (iktar ’il quddiem l-“Appendiċi E (CUI)”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ÖBB-Infrastruktur AG, impriża Awstrijaka, amministratur ta’ infrastruttura ferrovjarja u Lokomotion Gesellschaft für Schienentraktion mbH (iktar ’il quddiem “Lokomotion Gesellschaft”), impriża ferrovjarja Ġermaniża, dwar talba għad-danni wara inċident li seħħ fuq binarju operat minn ÖBB-Infrastruktur.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

Il‑COTIF

3

Il-COTIF daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2006. Id‑49 Stat li huma parti għall-COTIF, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta jikkostitwixxu l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF).

4

Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-għan tal-OTIF huwa li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull rigward, it-trasport internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġi uniformi f’diversi oqsma tad-dritt relatati mat-trasport internazzjonali bil-ferrovija, bħal fil-qasam ta’ kuntratti li jirrigwardaw l-użu tal-infrastruttura.

5

Skont l-Artikolu 6(1) tal-COTIF, intitolat “Regoli uniformi”:

“It-traffiku internazzjonali bil-ferrovija u l-aċċettazzjoni ta’ materjal ferrovjarju għall-użu fit-trasport internazzjonali huma rregolati, sakemm ma jkunux saru dikjarazzjonijiet jew riżervi skont l-ewwel sentenza tal-[Artikolu 42(1)], minn:

[…]

e)

ir-‘Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall‑Użu ta’ Infrastruttura tat‑Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI)’ li jifformaw l-Appendiċi E taċ-[(CUI)];

[…]”

6

L-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) jipprevedi:

“Bla ħsara għal klawżola kuntrarja f’dawn ir-Regoli Uniformi, kull stipulazzjoni li, direttament jew indirettament, tidderoga minn dawn ir-Regoli Uniformi, hija nulla u bla effett. In-nullità ta’ tali stipulazzjonijiet ma twassalx għan-nullità tal-istipulazzjonijiet l-oħra tal-kuntratt. Minkejja dan, il-partijiet kontraenti jistgħu jassumu responsabbiltà u obbligi iktar onerużi minn dawk previsti minn dawn ir-Regoli Uniformi jew jiffissaw ammont massimu ta’ kumpens għad-danni materjali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 8 tal-Appendiċi E (CUI) jipprovdi li:

“1.   L-amministratur huwa responsabbli

a)

għal telf jew dannu fiżiku (mewt, korriment jew kwalunkwe dannu fiżiku jew psikoloġiku ieħor),

b)

għal telf jew dannu materjali (distruzzjoni ta’, jew dannu għal, proprjetà mobbli jew immobbli),

c)

għal telf pekunjarju li jirriżulta mid-danni dovuti mit-trasportatur skont ir-Regoli Uniformi [dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija (CIV)] u r-Regoli Uniformi [dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bil-Ferrovija (CIM)],

ikkawżati lit-trasportatur jew lill-awżiljarji tiegħu matul l-użu tal‑infrastruttura u li joriġinaw mill-infrastruttura.

[…]

4.   Il-partijiet għall-kuntratt jistgħu jiftiehmu jekk u sa fejn l-amministratur huwa responsabbli għat-telf jew id-dannu kkawżat lit-trasportatur f’każ ta’ dewmien jew ta’ tfixkil tal-attivitajiet tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8

L-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI) huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każijiet kollha fejn għandhom japplikaw dawn ir-Regoli Uniformi, kwalunkwe azzjoni għad-danni, għal kwalunkwe raġuni, tista’ titressaq kontra l-amministratur jew it-trasportatur biss taħt il-kundizzjonijiet u l‑limitazzjonijiet stabbiliti minn dawn ir-Regoli Uniformi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Ir‑Rapport ta’ Spjega tal‑Appendiċi E (CUI)

9

Ir-Rapport ta’ Spjega tal-Appendiċi E (CUI) redatt mill-Assemblea Ġenerali tal-OTIF (AG 12/13 Add.8) tat‑30 ta’ Settembru 2015, (iktar ’il quddiem ir-“Rapport ta’ Spjega”) jindika, fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI):

“1.   Bħala prinċipju, ir-[Regoli Uniformi] CUI għandhom natura imperattiva u jipprevalu fuq id-dritt nazzjonali. Il-formulazzjoni tirripproduċi dik tal-Artikolu 5 tar-[Regoli Uniformi] CIM.

2.   Hemm libertà kuntrattwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-kuntratt ta’ użu.

3.   L-aħħar sentenza, li hija riprodotta mill-Artikolu 5 tar-[Regoli Uniformi] CIM, tippermetti lill-partijiet fil-kuntratt jestendu r-responsabbiltà tagħhom. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Appendiċi E (CUI), dan ir-Rapport ta’ Spjega jipprovdi:

“1.   Il-paragrafu 1 jistipula l-prinċipju tar-responsabbiltà oġġettiva (stretta) tal-amministratur. Il-persuna li tkun sofriet id-dannu (it-trasportatur jew l-awżiljarju tagħha) għandha tipprova l-kawża tad-dannu (amministrazzjoni inadempjenti jew difett tal-infrastruttura) u l-ammont tiegħu; barra minn hekk, hija għandha tipproduċi l-prova li d-dannu ġie kkawżat matul il-perijodu tal-użu tal-infrastruttura. […]

2.   It-test tal-paragrafu 1(b) jippreċiża li r-responsabbiltà għad-danni materjali ma tinkludix ir-responsabbiltà għad-danni (purament) pekunjarji. Jikkostitwixxu eċċezzjoni, skont il-paragrafu 1(c), id-danni pekunjarji li jirriżultaw mid-danni dovuti mit-trasportatur skont ir-[Regoli Uniformi] CIV jew ir-[Regoli Uniformi] CIM. Id-danni subiti mill-mezzi ta’ trasport huma danni materjali li t-trasportatur isofri direttament, anki jekk dawn il-mezzi ta’ trasport ma jkunux proprjetà tiegħu skont id-dritt ċivili, iżda jagħmel użu minnhom bis-saħħa ta’ kuntratt konformement mar-[Regoli Uniformi dwar il-Kuntratti għall-Użu ta’ Vetturi fit-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (CUV)].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

L-imsemmi Rapport ta’ Spjega jippreċiża, fir-rigward tal-Artikolu 19 tal-Appendiċi E (CUI):

“L-għan ta’ dan l-artikolu huwa li jipproteġi, permezz tal-limitazzjoni tad-drittijiet mhux kuntrattwali ta’ terzi, is-sistema ta’ responsabbiltà legali għad-drittijiet kuntrattwali minn kull alterazzjoni fil-każijiet fejn dawn it-terzi jkunu jistgħu, altrimenti, iduru b’mod mhux kuntrattwali mingħajr limiti kontra parti fil-kuntratt. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑Ftehim ta’ Adeżjoni

12

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-COTIF, iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2011 f’Bern (ĠU 2013, L 51, p. 8, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2011, konformement mal-Artikolu 9 tiegħu.

13

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-objettiv u l-iskop tal-[COTIF] biex tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita t-trasport internazzjonali bil-ferrovija u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ Partijiet Kontraenti oħra għall-[COTIF], fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet għall-Konvenzjoni li huma Stati Membri tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli tal-Unjoni u għalhekk m’għandhomx japplikaw ir-regoli li jirriżultaw mi[ll-COTIF] ħlief sakemm ma jkunx hemm regola tal-Unjoni li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat.”

14

Skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni:

“L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni għandu jiġi indikat f’termini ġenerali f’dikjarazzjoni bil-miktub magħmula mill-Unjoni meta jiġi konkluż il-Ftehim. Dik id-dikjarazzjoni tista’ tiġi mmodifikata kif adatt permezz ta’ notifika mill-Unjoni lill-OTIF. Din bl-ebda mod ma għandha tissostitwixxi jew tillimita l-materji li jistgħu jiġu koperti bin-notifiki ta’ kompetenza tal-Unjoni li għandhom isiru qabel it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-OTIF permezz ta’ votazzjoni formali jew mod ieħor.”

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Deċiżjoni 2013/103/UE

15

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas‑16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad‑9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 1).

16

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/103/UE hemm dikjarazzjoni mill-Unjoni li saret waqt l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Adeżjoni li jikkonċerna l-eżerċizzju ta’ kompetenzi (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tal-Unjoni”).

17

Id-Dikjarazzjoni tal-Unjoni tipprovdi:

“Fis-settur tal-ferroviji, l-Unjoni Ewropea […] taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tal-Unjoni […] skont l-Artikoli 90 u 91, flimkien mal-Artikolu 100(1) u l-Artikoli 171 u 172 tat-[TFUE].

[…]

Abbażi [tal-Artikoli 91 u 171 TFUE], l-Unjoni adottat għadd sostanzjali ta’ strumenti legali applikabbli għat-trasport bil-ferrovija.

Taħt il-liġi tal-Unjoni, l-Unjoni kisbet kompetenza esklussiva fi kwistjonijiet tat-trasport bil-ferrovija fejn il-[COTIF] jew l-istrumenti legali adottati taħtha jkunu jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-ambitu ta’ dawn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni.

Fir-rigward ta’ suġġetti regolati mill-[COTIF] li relattivament għalihom għandha kompetenza esklussiva l-Unjoni, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda kompetenza.

Fejn ikunu jeżistu regoli tal-Unjoni iżda dawn ma jkunux affettwati mill-[COTIF] jew mill-istrumenti legali adottati taħtha, l-Unjoni taqsam il-kompetenza dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-[COTIF] mal-Istati Membri.

Fl-Appendiċi ma’ dan l-Anness tinsab lista tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-konklużjoni tal-Ftehim. L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni li jirriżulta minn dawn it-testi għandu jiġi vvalutat b’relazzjoni mad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ kull test, speċjalment safejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu r-regoli komuni. Il-kompetenza tal-Unjoni hija suġġetta għal żvilupp kontinwu. Fil-qafas tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tat-[Trattat] FUE, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw safejn twassal il-kompetenza tal-Unjoni. Għalhekk l-Unjoni tirriżerva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni skont kif ikun il-każ, mingħajr ma dan jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fi kwistjonijiet koperti mill-[COTIF].”

Id‑Direttiva 2012/34/UE

18

Il-premessi 1 sa 3 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2021 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32 u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67) jipprovdu:

“(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341], id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 258] u d-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404] ġew emendati b’mod sostanzjali. Peress li jenħtieġu aktar emendi, dawn id-Direttivi għandhom jiġu riformulati u magħquda f’att wieħed fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

L-integrazzjoni akbar tas-settur tat-trasport tal-Unjoni hija element essenzjali tal-kompletar tas-suq intern, u l-linji tal-ferrovija huma parti essenzjali tas-settur tat-trasport tal-Unjoni fil-mixja lejn il-kisba ta’ mobbiltà sostenibbli.

(3)

L-effiċjenza tas-sistema ferrovjarja trid titjieb, sabiex tiddaħħal f’suq kompetittiv, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali tal-linji tal-ferrovija.”

19

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)

ir-regoli applikabbli għall-immaniġġjar tal-infrastruttura ferrovjarja u għall-attivitajiet tat-trasport ferrovjarju tal-impriżi ferrovjarji stabbiliti jew li se jkunu stabbiliti f’xi Stat Membru kif stabbiliti fil-Kapitolu II;

[…]”

20

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34, intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi fil-punti (1) u (2) tiegħu:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘impriża ferrovjarja’ tfisser impriża pubblika jew privata liċenzjata skont din id-Direttiva, li n-negozju ewlieni tagħha huwa li tipprovdi servizzi għat-trasport ta’ oġġetti u/jew ta’ passiġġieri bil-ferrovija b’kundizzjoni li l-impriża tiżgura trazzjoni; din tinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss;

(2)

‘maniġer tal-infrastruttura’ tfisser kull korp jew ditta responsabbli b’mod partikolari biex tistabbilixxi, timmaniġġja u żżomm l-infrastruttura ferrovjarja, inkluż l-immaniġġjar tat-traffiku u l-kontroll tal-kmand u s-senjalar; il-funzjonijiet tal-maniġer tal-infrastruttura f’netwerk jew f’parti minn netwerk jistgħu jiġu allokati lil korpi jew ditti differenti.”

21

Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34, li jinkludi l-Artikoli 26 sa 57 tagħha, huwa intitolat “Id-Debitar ta’ Imposti għall-Użu tal-Infratstruttura Ferrovjarja u tal-Allokazzjoni tal-Kapaċità tal-Infrastruttura Ferrovjarja”. Skont l-Artikolu 28 tagħha, intitolat “Ftehimiet bejn l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura”:

“Kull impriża impenjata f’servizzi tat-trasport ferrovjarju għandha tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa mal-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja użata skont il-liġi pubblika jew privata. Il-kundizzjonijiet li jiggvernaw ftehimiet bħal dawn għandhom ikunu nondiskriminatorji u trasparenti, skont din id-Direttiva.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

22

Lokomotion Gesellschaft hija impriża ferrovjarja privata li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja. Hija tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha lokomottivi sabiex iwettqu tipi differenti ta’ trasport.

23

ÖBB-Infrastruktur hija impriża Awstrijaka li tamministra infrastrutturi għat-trasport bil-ferrovija u li topera, b’mod partikolari, l-infrastruttura ferrovjarja fiż-żona tal-istazzjon ta’ Kufstein fl-Awstrija.

24

Fix-xahar ta’ Diċembru 2014, dawn l-impriżi kkonkludew kuntratt dwar l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja ta’ ÖBB-Infrastruktur għat-trasport internazzjonali, li permezz tiegħu Lokomotion Gesellschaft għandha d-dritt tuża din l-infrastruttura ferrovjarja permezz ta’ korrispettiv stabbilit konformement mal-Ftehim dwar il-Mogħdijiet tal-Ferrovija Korrispondenti.

25

It-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-kuntratt għall-użu tal-infrastruttura (iktar ’il quddiem it-“termini u l-kundizzjonijiet ġenerali”) jifformaw parti integrali minn dan il-kuntratt. Il-punt 20 ta’ dawn tal-aħħar jipprevedi li r-responsabbiltà tal-partijiet għall-kuntratt hija rregolata mid-dispożizzjonijiet legali u mid-dritt internazzjonali, b’mod partikolari dawk tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali), tal-Unternehmensgesetzbuch (il-Kodiċi dwar il-Kumpanniji), tal-Eisenbahn- und Kraftfahrzeughaftpflichtgesetz (il-(Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili Ferrovjarja u tal-Vetturi bil-Mutur ta’ Terzi) (EKHG) u tal-Appendiċi E (CUI), sakemm ma jkunx provdut mod ieħor fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali.

26

Skont il-punt 34 ta’ dawn it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali, il-kuntratt huwa suġġett għad-dritt Awstrijak bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-Internationale Privatrechtsgesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar id-Dritt Internazzjonali Privat) u għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata fi Vjenna fil-11 ta’ April 1980, dwar il-Kuntratti ta’ Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija.

27

Fil-15 ta’ Lulju 2015, ferrovija lokomottiva, komposta minn sitt lokomottivi, proprjetà ta’ Lokomotion Gesellschaft, nqalbet minn fuq il‑binarji fl-Istazzjon ta’ Kufstein, u kkawżat ħsara lil tnejn minn dawn il-lokomottivi. Dawn tal-aħħar ma setgħux jintużaw matul il-perijodu tat-tiswija tagħhom u Lokomotion Gesellschaft għalhekk kriet żewġ lokomottivi alternattivi. Għaldaqstant hija ppreżentat rikors ġudizzjarju kontra ÖBB-Infrastruktur quddiem qorti tal-ewwel istanza sabiex tikseb ir-rimbors tal-ispiża ta’ din il-kirja, li tammonta għal EUR 629110 flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.

28

Lokomotion Gesellschaft tqis, minn naħa, li l-inċident kien dovut għal difett tal-infrastruttura ferrovjarja amministrata minn ÖBB-Infrastruktur. Din tal‑aħħar allegatament ma osservatx, b’mod illegali u żbaljat, l-obbligi tagħha ta’ manifattura korretta, spezzjoni, isservisjar, manutenzjoni u tiswija tal-ferroviji previsti mil-leġiżlazzjoni tad-dritt ferrovjarju. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-kiri tal‑lokomottivi alternattivi għandhom għaldaqstant jitqiesu bħala “danni materjali” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI).

29

ÖBB-Infrastruktur issostni li l-infrastruttura ferrovjarja ma ppreżentatx difetti. Fil-fehma tagħha, l-inċident kien ikkawżat minn ganċ tat-trattazzjoni li nħall mill-lokomottiva li nqalbet, ganċ li kien intuża wisq qabel ma nqalbet il-lokomottiva, li jimplika li l-ħtija hija ta’ Lokomotion Gesellschaft. Barra minn hekk, id-danni mġarrba huma danni purament pekunjarji, li għalihom Lokomotion Gesellschaft ma tistax tikseb kumpens skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Appendiċi E (CUI).

30

Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet, permezz ta’ sentenza interlokutorja, it-talba ta’ Lokomotion Gesellschaft billi qieset li l-Appendiċi E (CUI), konformement mal-Artikolu 19(1) tagħha, issostitwixxa, bħala sistema ta’ responsabbiltà unika, is-sistemi l-oħra kollha ta’ responsabbiltà nazzjonali. Hija rrilevat li, skont id-definizzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), id-“danni materjali” huma limitati għall-qerda jew għall-ħsara ta’ proprjetà mobbli u immobbli. Issa, l-ispejjeż tal-kiri mitluba fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu danni purament pekunjarji li la huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b) u lanqas minn tal-Artikolu 8(1)(c) tal-Appendiċi E (CUI) u għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ kumpens. Barra minn hekk, din il-qorti qieset li l-punt 20 tat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali ma jikkostitwixxix ftehim bejn il-partijiet, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tal-Appendiċi E (CUI), li minnu tirriżulta r-responsabbiltà ta’ ÖBB-Infrastruktur skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali.

31

Il-qorti tal-appell annullat din is-sentenza interlokutorja u rrinvijat fl-ewwel istanza t-talba ta’ Lokomotion Gesellschaft, għall-finijiet ta’ deċiżjoni ġdida. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-espressjoni “danni materjali”, li tinsab fl-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), kellha tiġi interpretata f’sens wiesa’ bħala li tinkludi wkoll id-“danni materjali sekondarji”, bħalma huma l-ispejjeż tal-kiri, għas-sostituzzjoni tal-lokomottivi li ġarrbu ħsara, mitluba mingħand ÖBB-Infrastruktur.

32

ÖBB-Infrastruktur adixxiet lill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ annullament tal-qorti tal-appell.

33

Qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ftehim konkluż bejn l-Unjoni u l-OTIF dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-COTIF jikkostitwixxi ftehim imħallat, peress li l-oqsma tal-COTIF li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva u dawk li fihom hija teżerċita kompetenza kondiviża mal-Istati Membri ma jirriżultawx b’mod espliċitu mid-dikjarazzjoni tal-Unjoni. Hija tirrileva li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher, fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, li tapplika fl-oqsma kollha tal-COTIF.

34

Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-inċertezzi espressi fid-duttrina f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tittratta rinviji għal deċiżjoni preliminari dwar ftehimiet imħallta, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-eżistenza ta’ tali ġurisdizzjoni fil-kawża prinċipali.

35

Sussegwentement, din il-qorti tqis li l-ispejjeż tal-kiri tal-lokomottivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux fihom innifishom “dannu materjali”, li jikkonsisti fil-qerda jew fid-dannu tal-beni mobbli u immobbli, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI). Madankollu, peress li dawn l-ispejjeż għandhom konnessjoni mill-qrib ma’ tali dannu, hija tistaqsi jekk jistgħux jiġu kkunsidrati bħala danni materjali sekondarji.

36

Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li l-ispejjeż tal-kiri tal-lokomottivi kkonċernati ma jaqgħux taħt id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi ddeterminat, skont il-qorti tar-rinviju, jekk riferiment ġenerali għal corpus leġiżlattiv nazzjonali jistax jinftiehem bħala stipulazzjoni li tidderoga mir-Regoli Uniformi, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) u, f’dan il-każ, jekk tali rinviju għandux effettivament jitqies bħala “estensjoni” ta’ responsabbiltà, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, meta dan il-corpus tad-dritt ikun iktar strett minn dak tal-COTIF f’dak li jikkonċerna il-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm lok għar-responsabbiltà, b’mod partikolari il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ħtija.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-[Qorti tal-Ġustizzja] għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta [l-Appendiċi E (CUI)]?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 8(1)(b) [tal-Appendiċi E (CUI) għandu jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tal-amministratur għad-danni materjali, li hija rregolata minn dan l-artikolu, tkopri wkoll l-ispejjeż mġarrba mit-trasportatur sabiex jikri lokomottivi oħra sabiex jissostitwixxu l-lokomottivi tiegħu li ġarrbu ħsara?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

L-Artikoli 4 u 19(1) [tal-Appendiċi E (CUI)] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-partijiet fil-kuntratt jistgħu effettivament jestendu r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali f’sitwazzjoni fejn, skont dan id-dritt nazzjonali, il-portata tar-responsabbiltà hija usa’ iżda, b’deroga mir-responsabbiltà oġġettiva prevista [fl-Appendiċi E (CUI)], hija meħtieġa l-ħtija sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà?”

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja

38

Konformement mal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni.

39

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ftehim konkluż mill-Kunsill, konformement mal-Artikoli 217 u 218 TFUE, jikkostitwixxi, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni, att meħud minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim jifformaw parti integrali, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim (sentenzi tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punti 3 sa 6; u tat-2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldova,C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 23).

40

Għal dak li jirrigwarda l-ftehimiet imħallta konklużi mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bis-saħħa ta’ kompetenza kondiviża, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddistingwi bejn l-obbligi li l-Unjoni tassumi u dawk li jibqgħu biss taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, kif ukoll sabiex tinterpreta għal dan il-għan id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punt 33, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenieC‑240/09, EU:C:2011:125, punt 31).

41

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallat relatati mal-obbligi li l-Unjoni tassumi meta dawn jaqgħu f’qasam li fih l-Unjoni eżerċitat il-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punti 3234).

42

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li meta dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali tkun tista’ tiġi applikata kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ikun jeżisti interess ċert sabiex, bl-għan li jiġu evitati diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni uniformi, irrispettivament mill-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ser tiġi applikata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika ta’ Moldova,C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja biss, b’kooperazzjoni mal-qrati tal-Istati Membri skont l-Artikolu 267 TFUE, hija f’pożizzjoni li tiżgura tali interpretazzjoni uniformi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punt 38).

44

Fil-każ ineżami, mill-Artikolu 2 tal-COTIF, jirriżulta li l-OTIF “għandha l-għan li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull rigward, it-trasport internazzjonali bil-ferrovija”, b’mod partikolari billi tistabbilixxi regoli ta’ dritt uniformi f’diversi oqsma relatati mal-imsemmi trasport (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 54).

45

F’dan il-kuntest, l-Appendiċi E (CUI) jirregola l-kuntratti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (CUI) għall-iskopijiet ta’ trasport, inkluż il-forma u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ tali kuntratti. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI), li dwarhom tressqu d-domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jistabbilixxu, b’mod partikolari, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura. Għaldaqstant, dan l-Appendiċi jirrigwarda d-dritt tal-kuntratti dwar it-trasport internazzjonali bil-ferrovija. B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu b’mod partikolari jikkonċernaw is-sistema legali applikabbli għall-ftehimiet li saru bejn l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja użata.

46

Issa, din il-materja taqa’ taħt qasam, jiġifieri dak tat-trasport, li għalih, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2)(g) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża li hija eżerċitat bl-adozzjoni tad-Direttiva 2012/34.

47

F’dan ir-rigward, għalkemm din id-direttiva ma tinkludix regoli paragunabbli għal dawk stabbiliti fl-Appendiċi E (CUI), xorta jibqa’ l-fatt li din tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, riformulazzjoni tad-Direttivi 91/440, 95/18 u 2001/14 li huma espressament imsemmija fl-appendiċi tad-Dikjarazzjoni tal-Unjoni fost l-istrumenti li jirriflettu l-eżerċizzju, mill-Unjoni, tal-kompetenza li hija taqsam fil-qasam tat-trasport mal-Istati Membri.

48

Barra minn hekk, il-premessi 2 u 3 ta’ din id-direttiva jenfasizzaw l-importanza ta’ integrazzjoni ikbar tas-settur tat-trasport tal-Unjoni u ta’ titjib fl-effiċjenza tas-sistema ferrovjarja filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi tal-linji tal-ferrovija.

49

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/34 jindika, b’mod partikolari, li din tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-amministrazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u għall-attivitajiet ta’ trasport bil-ferrovija tal-impriżi ferrovjarji li huma stabbiliti jew ser jiġu stabbiliti fi Stat Membru kif ukoll il-prinċipji u l-proċeduri applikabbli għall-iffissar u għall-ġbir ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ din l-infrastruttura, kif esposti fil-Kapitolu IV tagħha. Għalhekk, il-punti (1) u (2) tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “impriża ferrovjarja” u ta’ “amministratur tal-infrastruttura”. Barra minn hekk, l-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, jirreferi għall-ftehimiet konklużi bejn l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastrutturi, billi jindika li dawn il-ftehimiet għandhom ikunu nondiskriminatorji u trasparenti.

50

B’mod iktar partikolari, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2012/34 tapplika għad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-impriża ferrovjarja, inklużi d-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tar-responsabbiltà.

51

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-regoli stabbiliti fl-Appendiċi E (CUI) u, b’mod iktar partikolari, ir-regoli fil-qasam tar-responsabbiltà tal-amministratur previsti fl-Artikolu 4, fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 19(1) ta’ dan l-appendiċi jistgħu japplikaw kemm għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll għal sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li, għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jeżisti interess ċert li dawn jiġu interpretati b’mod uniformi.

52

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI).

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

53

Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula waqt l-eżami tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI).

Fuq it‑tieni domanda

54

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) għandux jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tad-danni materjali tkopri wkoll l-ispejjeż sostnuti mill-impriża ferrovjarja għall-kiri ta’ lokomottivi alternattivi matul il-perijodu ta’ tiswija tal-lokomottivi li ġarrbu ħsara.

55

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) jipprevedix ukoll ir-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura għall-ispejjeż li, mingħajr ma jkopri d-danni li jikkostitwixxu, fihom innifishom, danni materjali, huma marbuta mill-qrib ma’ dawn tal-aħħar.

56

Skont ġurisprudenza stabbilita, trattat internazzjonali, bħall-COTIF, għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lill-kliem tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu, skont id-dritt internazzjonali ġenerali, li jorbot lill-Unjoni, kif ikkodifikat fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Altenrhein Luftfahrt, C‑70/20, EU:C:2021:379, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

L-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) jipprovdi li l-amministratur tal-infrastruttura huwa responsabbli għad-danni materjali (distruzzjoni jew ħsara lil beni mobbli u immobbli).

58

Peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi responsabbiltà oġġettiva u għalhekk mingħajr ħtija min-naħa tal-amministratur tal-infrastruttura, din għandha tiġi interpretata b’mod strett.

59

Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), l-użu tal-kelmiet “danni materjali” segwiti, bejn parenteżi, minn riferiment għall-qerda jew għall-ħsara ta’ beni mobbli jew immobbli juri li r-responsabbiltà ta’ dan l-amministratur hija limitata għad-danni kkawżati lill-essenza stess tal-oġġett li sofra ħsara u ma testendix għad-danni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dan l-oġġett.

60

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI). Fil-fatt, l-Artikolu 8(1) tal-Appendiċi E (CUI) jelenka t-tliet tipi ta’ danni li għalihom l-amministratur għandu tali responsabbiltà oġġettiva. Għaldaqstant, il-portata ta’ din ir-responsabbiltà hija ddelimitata b’mod ċar. Dawn huma d-danni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 8(1)(a) tal-Appendiċi E (CUI), danni materjali msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan l-Appendiċi, kif ukoll danni pekunjarji msemmija fl-Artikolu 8(1)(c) tal-imsemmi Appendiċi E. Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni magħmula fl-imsemmi Artikolu 8(1), bejn dawn it-tliet tipi ta’ danni, għandu jiġi kkunsidrat li kull waħda minn dawn il-kategoriji teskludi lill-oħra u li għalhekk, b’mod partikolari, ir-responsabbiltà tal-amministratur għad-danni materjali msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) ma tkoprix id-danni pekunjarji.

61

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mir-Rapport ta’ Spjega li, fir-rigward tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), jindika li r-responsabbiltà għad-danni materjali prevista f’din id-dispożizzjoni ma tinkludix ir-responsabbiltà għad-danni pekunjarji.

62

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat b’mod iktar partikolari li, fir-rigward tad-danni materjali, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija f’dan l-istess Rapport ta’ Spjega dwar l-Artikolu 8 tal-Appendiċi E (CUI) jirriżulta li r-responsabbiltà għad-danni subiti mill-mezzi ta’ trasport, prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), tikkonċerna biss id-danni li t-trasportatur isostni “direttament”.

63

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li d-danni l-oħra jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(1)(c) tal-Appendiċi E (CUI) jipprevedi li l-amministratur huwa responsabbli għad-danni pekunjarji li jirriżultaw mid-danni dovuti mit-trasportatur skont ir-Regoli Uniformi CIV u r-Regoli Uniformi CIM.

64

Barra minn hekk, kif indikat l-Avukat Ġenerali, fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 8(4) tal-Appendiċi E (CUI) jimmilita favur interpretazzjoni stretta tal-portata tar-responsabbiltà tal-amministratur fir-rigward tad-danni materjali skont l-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan l-appendiċi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-partijiet għall-kuntratt jiftiehmu jekk u sa fejn l-amministratur huwa responsabbli għat-telf jew id-dannu kkawżat lit-trasportatur f’każ ta’ dewmien jew ta’ tfixkil tal-attivitajiet tiegħu. Dawn jistgħu jkunu, b’mod partikolari, danni subiti minn impriża ferrovjarja minħabba l-impossibbiltà għaliha li tuża vettura li ġarrbet ħsara.

65

Fil-każ ineżami, Lokomotion Gesellschaft titlob il-kumpens għall-ispejjeż tal-kiri ta’ żewġ lokomottivi li kellhom jinkrew sabiex jissostitwixxu l-lokomottivi li ġarrbu ħsara matul il-perijodu tat-tiswija tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikors fil-kawża prinċipali ma huwiex intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu materjali kkawżat lil-lokomottivi li ġarrbu ħsara, iżda l-kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mir-rieda ta’ Lokomotion Gesellschaft li tkompli tipprovdi s-servizzi tagħha mingħajr interruzzjoni. Issa, spejjeż sostnuti sabiex jiġu rrimedjati l-effetti tad-danni materjali, bħalma huma b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ kiri ta’ lokomottivi, jikkostitwixxu dannu pekunjarju u mhux dannu materjali, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI), u ma jaqgħux, bla ħsara għall-applikazzjoni eventwali ta’ dispożizzjonijiet oħra, taħt ir-responsabbiltà oġġettiva tal-amministratur tal-infrastruttura taħt dan l-Artikolu 8(1)(b).

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E (CUI) għandu jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tad-danni materjali ma tkoprix l-ispejjeż sostnuti mill-impriża ferrovjarja għall-kiri ta’ lokomottivi alternattivi matul il-perijodu ta’ tiswija tal-lokomottivi li ġarbu ħsara.

Dwar it‑tielet domanda

67

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-partijiet għall-kuntratt jistgħu jestendu r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali, li permezz tiegħu l-portata tar-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura tkun usa’, iżda li tissuġġetta din ir-responsabbiltà għall-eżistenza ta’ ħtija.

68

Skont l-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI), bla ħsara għal klawżola kuntrarja fir-Regoli Uniformi, kull dispożizzjoni li, direttament jew indirettament, tidderoga mir-Regoli Uniformi, hija nulla. Madankollu, huwa jipprovdi li l-partijiet għall-kuntratt jistgħu jassumu responsabbiltà u obbligi iktar onerużi minn dawk previsti minn dawn ir-Regoli jew jiffissaw ammont massimu ta’ kumpens għad-danni materjali.

69

Kif jindika r-Rapport ta’ Spjega dwar l-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI), dan l-artikolu jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-appendiċi għandhom natura imperattiva u jieħdu preċedenza fuq id-dritt nazzjonali.

70

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi E (CUI) huma vinkolanti fis-sitwazzjonijiet kollha koperti minn dan l-appendiċi u dan jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-responsabbiltà tal-amministratur, iddefinita fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi appendiċi.

71

Madankollu, kif jindika r-Rapport ta’ Spjega dwar dan l-Artikolu 4, il-partijiet fil-kuntratt jistgħu jestendu r-responsabbiltà tagħhom għas-sitwazzjonijiet li ma humiex diġà koperti mill-Appendiċi E (CUI). Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) ta’ dan l-appendiċi għandhom jinftiehmu bħala imperattivi biss sa fejn jistabbilixxu l-portata minima tar-responsabbiltà tal-amministratur.

72

Il-partijiet għall-kuntratt jistgħu għalhekk jiftiehmu sabiex jestendu r-responsabbiltà tagħhom u jinkludu dan fil-kuntratt ta’ użu. Hija l-libertà kuntrattwali tal-partijiet li jiddefinixxu jekk jagħżlux li jifformulaw huma stess fil-kuntratt klawżola li tipprevedi tali estensjoni tar-responsabbiltà tagħhom jew jekk jagħżlux li jirrikorru għal riferiment għad-dritt nazzjonali.

73

F’dan ir-rigward, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) bl-ebda mod ma jirrestrinġi l-possibbiltà li għandhom, skont din id-dispożizzjoni, il-partijiet għal kuntratt li jiftehmu li jestendu r-responsabbiltà tagħhom. Bl-istess mod, xejn ma jipprekludi li l-estensjoni tar-responsabbiltà ta’ parti għal kuntratt tista’ tieħu l-forma ta’ riferiment għar-regoli tad-dritt nazzjonali.

74

Barra minn hekk, l-estensjoni tar-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) dwar sitwazzjonijiet li ma humiex diġà koperti minn dan l-appendiċi, tiżdied mar-responsabbiltà oġġettiva prevista fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi appendiċi.

75

Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tal-Appendiċi E (CUI) ma jipprekludix li rinviju għad-dritt nazzjonali jkollu l-konsegwenza li jipprevedi, minbarra r-regoli ta’ responsabbiltà tal-Appendiċi E (CUI), sistema ta’ responsabbiltà differenti minn dik tar-responsabbiltà oġġettiva.

76

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI) li jipprovdi li kull azzjoni għad-danni, tkun xi tkun, tista’ tiġi eżerċitata kontra l-amministratur jew it-trasportatur biss taħt il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-Appendiċi E (CUI). Kif jindika r-Rapport ta’ Spjega dwar dan l-Artikolu 19, din id-dispożizzjoni tirrigwarda r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-partijiet fil-kuntratti fir-rigward ta’ terzi, u mhux ir-responsabbiltà tal-partijiet fil-kuntratt fir-relazzjoni reċiproka tagħhom.

77

Fil-każ ineżami, mill-punti ta’ fatt esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet qablu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li huma integrati fil-kuntratt. Il-punt 20 tat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali jipprevedi li r-responsabbiltà tal-partijiet għall-kuntratt hija rregolata mid-dispożizzjonijiet legali u ta’ dritt internazzjonali, b’mod partikolari dawk tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali, tal-Kodiċi dwar il-Kumpanniji u tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili Ferrovjarja u tal-Vetturi bil-Mutur ta’ Terzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan ir-riferiment iwassal sabiex tiġi estiża r-responsabbiltà ta’ mill-inqas waħda mill-partijiet għall-kuntratt, mingħajr ma jiġu ppreġudikati d-drittijiet li l-parti l-oħra tislet mid-dispożizzjonijiet tal-Appendiċi E (CUI).

78

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E (CUI) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-partijiet għall-kuntratt jistgħu jestendu r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali, li permezz tiegħu l-portata tar-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura hija usa’ u li tissuġġetta din ir-responsabbiltà għall-eżistenza ta’ ħtija.

Fuq l-ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, adita skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad‑9 ta’ Mejju 1980 kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnjus tat‑3 ta’ Ġunju 1999, intitolat “Regoli Uniformi dwar il‑Kuntratt għall‑Użu ta’ Infrastruttura tat‑Trasport Internazzjonali bil‑Ferrovija (CUI)”.

 

2)

L-Artikolu 8(1)(b) tal-Appendiċi E, tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad‑9 ta’ Mejju 1980 kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnjus tat‑3 ta’ Ġunju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tad-danni materjali ma tkoprix l-ispejjeż sostnuti mill-impriża ferrovjarja għall-kiri ta’ lokomottivi alternattivi matul il-perijodu ta’ tiswija tal-lokomottivi li ġarbu ħsara.

 

3)

L-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(1) tal-Appendiċi E, tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad‑9 ta’ Mejju 1980 kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnjus tat‑3 ta’ Ġunju 1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-partijiet għall-kuntratt jistgħu jestendu r-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ riferiment ġenerali għad-dritt nazzjonali, li permezz tiegħu l-portata tar-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura hija usa’ u li tissuġġetta din ir-responsabbiltà għall-eżistenza ta’ ħtija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top