EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0466

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-19 ta’ Mejju 2022.
HEITEC AG vs HEITECH Promotion GmbH u RW.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 9 – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikoli 54, 110 u 111 – Dekadenza minħabba tolleranza – Kunċett ta’ ‘tolleranza’ – Interruzzjoni tat-terminu ta’ dekadenza – Intimazzjoni – Data ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ dekadenza fil-każ ta’ preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja – Effetti tad-dekadenza – Talbiet għall-għoti ta’ danni, għal provvista ta’ informazzjoni u għal distruzzjoni ta’ prodotti.
Kawża C-466/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:400

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 9 – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikoli 54, 110 u 111 – Dekadenza minħabba tolleranza – Kunċett ta’ ‘tolleranza’ – Interruzzjoni tat-terminu ta’ dekadenza – Intimazzjoni – Data ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ dekadenza fil-każ ta’ preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja – Effetti tad-dekadenza – Talbiet għall-għoti ta’ danni, għal provvista ta’ informazzjoni u għal distruzzjoni ta’ prodotti”

Fil-Kawża C-466/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

HEITEC AG

vs

HEITECH Promotion GmbH,

RW,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal HEITEC AG, minn B. Ackermann, Rechtsanwältin,

għal HEITECH Promotion GmbH u RW, minn C. Rohnke, T. Winter u C. Augenstein, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjlament minn T Scharf, É. Gippini Fournier u J. Samnadda, sussegwentement minn T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), kif ukoll tal-Artikoli 54 u 111 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn HEITEC AG (iktar ’il quddiem “Heitec”), u HEITECH Promotion GmbH (iktar ’il quddiem “Heitech”) u RW, dwar l-użu, minn dawn tal-aħħar, tal-isem kummerċjali HEITECH Promotion GmbH u ta’ trade marks li jinkludu l-element verbali “heitech”.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2008/95

3

Il-premessa 12 tad-Direttiva 2008/95 kienet tispeċifika:

“Huwa importanti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u mingħajr ma jsir preġudizzju inġust lill-interessi ta’ proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, li jiġi stipulat li dan ta’ l-aħħar ma jistax jitlob aktar dikjarazzjoni ta’ nullità u l-anqas ma jista’ jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti għal tiegħu li tagħha huwa kuxjentement ittollera l-użu għal tul ta’ żmien sostanzjali, sakemm l-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti ma saretx in mala fede.”

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet ulterjuri għar-rifjut jew nullità li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti”, kien jipprovdi:

“1.   Trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

(a)

jekk tkun identika għal trade mark preċedenti, u l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom it-trade mark hi applikata jew reġistrata jkunu identiċi għall-merkanzija jew servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hi protetta;

(b)

jekk minħabba l-identità tagħha, jew similarità, għat-trade mark preċedenti u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2.   L-espressjoni ‘trade marks preċedenti’ fis-sens tal-paragrafu 1 tfisser:

(a)

trade marks tas-segwenti tipi b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tkun preċedenti għad-data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, tenut kont, fejn ikun il-każ, tal-prijoritajiet pretiżi fir-rigward ta’ dawk it-trade marks;

(i)

trade marks [tal-Unjoni Ewropea];

(ii)

trade marks reġistrati fl-Istat Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, Lussemburgu jew l-Olanda, fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali;

(iii)

trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fl-Istat Membru;

(b)

trade marks [tal-Unjoni Ewropea] li fir-rigward tagħhom tiġi ġustifikament invokata l-preċedenza […];

(c)

applikazzjoniet għat-trade marks li hemm riferenza għalihom fil-punti (a) u (b), suġġett għar-reġistrazzjoni tagħhom;

[…]

4.   Kwalunkwe Stat Membru jista’, addizzjonalment, jistipula li trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew li, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal-dikjarazzjoni ta’ nullità jekk, u sa fejn:

(a)

it-trade mark tkun identika, jew simili, għal trade mark nazzjonali preċedenti fis-sens tal-paragrafu 2 u għandha tiġi, jew ġiet, reġistrata għal merkanzija jew servizzi li mhumiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark preċedenti hi reġistrata, fejn it-trade mark preċedenti ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat u fejn l-użu tat-trade mark ta’ l-aħħar, mingħajr raġuni valida tieħu vantaġġ żleali minn, jew tippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

(b)

xi drittijiet għat-trade mark mhux reġistrata jew għal sinjal ieħor użat matul il-kummerċ ġew miksuba qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, jew id-data tal-prijorità pretiża għall-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, u dik it-trade mark mhux reġistrata jew sinjal ieħor jagħtu lill-proprjetarju tagħhom id-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark sussegwenti;

(c)

l-użu tat-trade mark jista’ jkun projbit permezz ta’ dritt preċedenti divers mid-drittijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 u fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu u b’mod partikolari:

(i)

xi dritt għal isem;

(ii)

xi dritt għal immaġini personali:

(iii)

xi dritt ta’ l-awtur;

(iv)

xi dritt ta’ proprjetà industrijali;

[…]”

5

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Limitazzjoni konsegwenti għal tolleranza”, kien jipprevedi:

“1.   Fejn, fi Stat Membru, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li għaliha hemm referenza fl-Artikolu 4(2) ittollera, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, l-użu ta’ trade mark sussegwenti reġistrata f’dak l-Istat Membru filwaqt li kien konxju ta’ tali użu, huwa m’għandux ikollu aktar id-dritt, abbażi tat-trade mark preċedenti, li japplika għal dikjarazzjoni ta’ nullità tat-trade mark sussegwenti jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ġiet użata t-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma saritx in mala fede.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li l-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(4) (a) jew ta’ dritt ieħor preċedenti li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(4) (b) jew (c).

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti reġistrata m’għandux ikollu d-dritt jopponi għall-użu tad-dritt preċedenti, anke jekk dak id-dritt ma jistax jiġi aktar invokat kontra t-trade mark sussegwenti.”

6

Id-Direttiva 2008/95, li kienet ħassret u ssostitwixxiet l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), ġiet hija stess imħassra u ssostitwita, b’effett mill‑15 ta’ Jannar 2019, mid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 2008/95.

Ir‑Regolament Nru 207/2009

7

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”:

“1.   Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

(a)

jekk tkun identika għal trade mark preċedenti u jekk il-prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem qiegħda ssir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma identiċi mal-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark preċedenti;

(b)

jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2.   Għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:

(a)

trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prijoritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

(i)

trade marks [tal-Unjoni Ewropea],

(ii)

trade marks reġistrati fi Stati Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, l-Olanda jew il-Lussemburgu, fl-Uffiċċju tal-Benelux Għall-Proprjetà Intellettwali

(iii)

trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru,

(iv)

trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett [fl-Unjoni Ewropea];

(b)

applikazzjonijiet għal trade marks imsemmija fis-sub paragrafu (a), bla ħsara għar-reġistrazzjoni tagħhom;

[…]

4.   mal-oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark mhux reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-[Unjoni] jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

(a)

id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea];

(b)

dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.

[…]”

8

L-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Limitazzjoni bħala konsegwenza ta’ kunsens”, kien jipprevedi:

“1.   Meta l-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ikun ta l-kunsens tiegħu, għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, li jsir użu minn trade mark [tal-Unjoni Ewropea] sussegwenti [fl-Unjoni] waqt li huwa jkun jaf b’dan l-użu, hu ma jkunx intitolat iżjed fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun intużat it-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] sussegwenti ma tkunx saret morożament.

2.   Meta l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2) jew ta’ sinjal preċedenti ieħor msemmi fl-Artikolu 8(4) ikun ta l-kunsens tiegħu, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, li jsir użu minn trade mark [tal-Unjoni Ewropea] sussegwenti fl-Istati Membri fejn it-trade mark preċedenti jew is-sinjal preċedenti huwa protett waqt li hu jkun jaf b’dan l-użu, hu ma jkunx intitolat iżjed fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti jew tas-sinjal l-ieħor preċedenti li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun intużat it-trademark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] sussegwenti ma tkunx saret morożament.

[…]”

9

L-Artikolu 110 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-projbizzjoni tal-użu ta’ trademarks [tal-Unjoni Ewropea]”, fil-paragrafu 1 tiegħu kien jipprevedi:

“Dan ir-Regolament m’għandux, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji, jaffetwa id-dritt li jesisti taħt il-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu invokati talbiet ta’ vjolazzjoni ta’ drittijiet preċedenti taħt l-Artikolu 8 […] fir-rigward tal-użu ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] suċċessiva. It-talbiet ta’ vjolazzjoni ta’ drittijiet preċedenti taħt l-Artikolu 8(2) u (4) ma jistgħux, madanakollu, jiġu invokati iżjed jekk il-proprjetarju tad-dritt preċedenti ma jkunx għadu jista’ japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija invalida taħt l-Artikolu 54(2).”

10

L-Artikolu 111 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Drittijiet preċedenti li japplikaw għal lokalitajiet partikolari”, kien jipprovdi:

“1.   Il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti li japplika biss f’lokalità partikolari jista’ jopponi l-użu tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] fit-territorju fejn id-dritt tiegħu huwa protett sa fejn il-liġi tal-Istat Membru konċernat tippermetti.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jieqaf japplika jekk il-proprjetarju tad-dritt preċedenti jkun aċċetta l-użu tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] fit-territorju fejn id-dritt tiegħu jkun protett għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, waqt li kien jaf b’dan l-użu, sakemm l-applikazzjoni għat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ma tkunx saret f’malafede.

3.   Il-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] mhuwiex intitolat li jopponi l-użu tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 anki jekk dak id-dritt ma jistax jiġi invokat iżjed kontra t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea].”

11

Ir-Regolament Nru 207/2009 tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament Nru 207/2009.

Id‑dritt Ġermaniż

12

L-Artikolu 21 tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade Marks u Sinjali Distintivi Oħra) tal‑25 ta’ Ottubru 1994 (BGB1. 1994 I, p. 3082), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Trade marks”, jipprevedi:

“1.   Il-proprjetarju ta’ trade mark jew ta’ isem kummerċjali ma għandux dritt jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark irreġistrata sussegwenti għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija rreġistrata jekk ikun ittollera l-użu ta’ din it-trade mark għal perijodu ta’ ħames snin konsekuttivi filwaqt li kien konxju minn dan l-użu, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma saritx f’mala fide.

2.   Il-proprjetarju ta’ trade mark jew ta’ isem kummerċjali ma għandux dritt jipprojbixxi l-użu […] ta’ isem kummerċjali […] sussegwenti jekk ikun ittollera l-użu ta’ [dan l-isem kummerċjali] għal perijodu ta’ ħames snin konsekuttivi filwaqt li kien konxju minn dan l-użu, sakemm il-proprjetarju ta’ dan id-dritt ma kienx f’mala fide fid-data tal-akkwist tiegħu.

[…]”

13

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 125b tal-Liġi dwar it-Trade Marks:

“Jekk trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata tiġi invokata kontra l-użu ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata skont din il-liġi, l-Artikolu 21(1) […] għandu japplika mutatis mutandis.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Heitec, hija l-proprjetarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali HEITEC, li għaliha saret applikazzjoni fit-18 ta’ Marzu 1998 b’invokazzjoni ta’ anzjanità mit-13 ta’ Lulju 1991 u ġiet irreġistrata fl‑4 ta’ Lulju 2005.

15

Hija ġiet irreġistrata fir-Reġistru Kummerċjali fl‑1984 bl-isem Heitec Industrieplanung GmbH. L-isem tal-kumpannija tagħha nbidel fl‑1988 sabiex isir Heitec GmbH. Mis-sena 2000, hija twettaq l-attività tagħha taħt l-isem Heitec AG.

16

Heitech, li tagħha RW huwa l-amministratur, iddaħħlet fir-Reġistru Kummerċjali fis‑16 ta’ April 2003.

17

Heitech hija proprjetarja ta’ trade mark Ġermaniża figurattiva li tinkludi l-element verbali “heitech promotion”, li għaliha saret applikazzjoni fis‑17 ta’ Settembru 2002 u ġiet irreġistrata fl‑4 ta’ Frar 2003, li hija ilha tuża tal-inqas mid‑29 ta’ Settembru 2004, kif ukoll ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva li tinkludi l-element verbali “heitech”, li għaliha saret applikazzjoni fis‑6 ta’ Frar 2008 u ġiet irreġistrata fl‑20 ta’ Novembru 2008, li hija ilha tuża tal-inqas mis‑6 ta’ Mejju 2009.

18

Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Novembru 2004, Heitech ikkuntattjat lir-rappreżentanti ta’ Heitec sabiex tistaqsi jekk din tal-aħħar kinitx taqbel li tikkonkludi ftehim ta’ koeżistenza.

19

Fis‑7 ta’ Lulju 2008, Heitec saret taf bil-preżentata tal-applikazzjoni ta’ Heitech għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni figurattiva li tinkludi l-element verbali “heitech”.

20

Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ April 2009, Heitec bagħtet intimazzjoni lil Heitech minħabba l-użu, minn din tal-aħħar, tal-isem kummerċjali tagħha u tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li tinkludi l-element verbali “heitech”. Fit-tweġiba tagħha tas‑6 ta’ Mejju 2009, Heitech mill-ġdid ipproponiet il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ koeżistenza.

21

Fil‑31 ta’ Diċembru 2012, il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth, il-Ġermanja) irċeviet, permezz ta’ faks, att promotur ta’ Heitec indirizzat kontra Heitech u RW. Dan l-att kien tal‑15 ta’ Diċembru 2012. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2013, Heitec ġiet mistiedna twettaq ħlas bil-quddiem fuq l-ispejjeż proċedurali.

22

Fit‑12 ta’ Marzu 2013, din il-qorti ġibdet l-attenzjoni tar-rappreżentant ta’ Heitec dwar il-fatt li dan il-ħlas bil-quddiem ma kienx twettaq u li l-oriġinali tal-att promotur ma kinux ġew ippreżentati.

23

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Settembru 2013, Heitec informat lil Heitech li hija kienet qed tirrifjuta li tikkonkludi ftehim ta’ koeżistenza, u pproponitilha li tikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar u ddikjarat li bdiet proċedura ġudizzjarja.

24

Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Diċembru 2013, Heitec informat lil Heitech li hija kienet qiegħda tibbaża ruħha fuq l-isem kummerċjali tagħha u li hija kienet il-propretarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea HEITEC. Hija ddikjarat li l-proċedura ġudizzjarja kienet pendenti.

25

Fit‑30 ta’ Diċembru 2013, il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) irċeviet sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Heitec iddatati t‑12 ta’ Diċembru 2013, flimkien ma’ ċekk għall-ispejjeż proċedurali kif ukoll att promotur ġdid li jġib id-data tal-4 ta’ Ottubru 2013.

26

Fl‑14 ta’ Jannar 2014, dik il-qorti ġibdet l-attenzjoni ta’ Heitec għall-fatt li kellu jiġi nnotifikat ukoll l-att promotur tal‑15 ta’ Diċembru 2012 u li konsegwentement kienet qiegħda tintalab tippreżenta l-oriġinali tiegħu. Dawn l-oriġinali waslu għand l-imsemmija qorti fit‑22 ta’ Frar 2014.

27

Fl‑24 ta’ Frar 2014, l-istess qorti ġibdet l-attenzjoni ta’ Heitec għall-fatt li t-talbiet ippreżentati fl-oriġinali tal-att promotur irċevuti fit‑22 ta’ Frar 2014 ma kinux jaqblu ma’ dawk ippreżentati fl-att promotur ippreżentat fil‑31 ta’ Diċembru 2012.

28

Fis‑16 ta’ Mejju 2014, il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) fetħet il-proċedura bil-miktub preparatorja u ordnat li jiġu nnotifikati lill-konvenuti fil-kawża prinċipali kopji, stabbiliti minn dik il-qorti, tal-att promotur tal‑15 ta’ Diċembru 2012. Din in-notifika finalment seħħet fit‑23 ta’ Mejju 2014.

29

Permezz tal-azzjoni ġudizzjarja tagħha, Heitec ressqet, prinċipalment, talbiet ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet li jagħtiha l-isem kummerċjali tagħha HEITEC u, sussidjarjament, talbiet ibbażati fuq il-kontrafazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea HEITEC tagħha. Hija talbet li Heitech tiġi kkundannata tastjeni milli tidentifika l-impriża tagħha permezz tal-isem kummerċjali HEITECH Promotion GmbH, tastjeni milli twaħħal is-sinjali verbali “heitech promotion” u “heitech” fuq prodotti u milli tikkummerċjalizza jew tippromwovi prodotti jew servizzi taħt dawn is-sinjali, tastjeni milli tuża jew milli tittrasferixxi, għal finijiet kummerċjali, is-sit internet heitech promotion.de u tagħti l-kunsens tagħha sabiex l-isem tal-kumpannija tagħha jitħassar mir-Reġistru Kummerċjali. Barra minn hekk, Heitec ressqet talbiet għal informazzjoni, għall-konstatazzjoni ta’ obbligu ta’ kumpens, għal distruzzjoni kif ukoll għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni.

30

Il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) ikkundannat lil Heitech tħallas lil Heitec ammont ta’ EUR 1 353.80, flimkien mal-interessi, għall-ispejjeż ta’ intimazzjoni u ċaħdet it-talbiet l-oħra mressqa minn Heitec.

31

Heitec appellat mid-deċiżjoni tal-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) quddiem l-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Nürnberg, il-Ġermanja).

32

L-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Nürnberg) ikkunsidrat li l-azzjoni ġudizzjarja ppreżentata minn Heitec kienet infondata, minħabba dekadenza fil-konfront ta’ Heitec. F’dan ir-rigward, hija esponiet li Heitech kienet użat is-sinjali sussegwenti tagħha għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas ħames snin u li Heitec kienet ittollerat tali użu peress li, filwaqt li kienet konxja minn dan l-użu, hija ma kinitx ħadet miżuri suffiċjenti sabiex twaqqaf dan tal-aħħar.

33

Skont dik il-qorti, dik l-azzjoni ġudizzjarja ma kinitx interrompiet it-terminu ta’ dekadenza, peress li ġiet innotifikata lil Heitech u lil RW biss wara l-iskadenza ta’ ħames snin mill-intimazzjoni li kienet ippreċediet dik l-azzjoni ġudizzjarja.

34

Heitec ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

35

Dik il-qorti tikkonstata li l-eżitu tal-appell jiddependi minn jekk, skont l-Artikolu 21(1) u (2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, kif ukoll skont l-Artikolu 54(1) u (2) u l-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009, Heitec iddekadietx mit-talba tagħha għal inibizzjoni u mit-talbiet relatati tagħha.

36

Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dekadenza tat-talbiet ta’ Heitec li jirrigwardaw, essenzjalment, l-użu, minn Heitech, tat-trade mark Ġermaniża li din tal-aħħar hija l-proprjetarja tagħha hija rregolata mill-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar it-Trade Marks, moqri flimkien mal-punt (3) tal-Artikolu 125b ta’ dik il-liġi, sa fejn dawn it-talbiet huma bbażati fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea li Heitec hija l-proprjetarja tagħha.

37

Hija tispeċifika li l-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar it-Trade Marks jittrasponi fid-dritt Ġermaniż id-dekadenza, prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95, mid-dritt, mogħti minn trade marks (Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/95) u minn sinjali oħra – fosthom l-ismijiet kummerċjali – użati fil-kummerċ (Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/95), li wieħed jopponi l-użu ta’ trade mark irreġistrata.

38

Sa fejn Heitec topponi l-użu tal-isem kummerċjali ta’ Heitech, id-dekadenza, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, hija rregolata mill-Artikolu 21(2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tispeċifika li, minkejja l-fatt li l-kontenut normattiv ta’ din id-dispożizzjoni jmur lil hinn minn dak tad-Direttiva 2008/95 u lanqas ma huwa rifless mill-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 207/2009, dan għandu jiġi interpretat billi wieħed jibbaża ruħu fuq l-interpretazzjoni konformi ma’ din id-direttiva li għandha tingħata lill-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar it-Trade Marks.

39

F’dak li jirrigwarda t-talbiet ta’ Heitec li jirrigwardaw l-użu, minn Heitech, tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li tagħha din hija l-proprjetarja, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Artikoli 54 u 110 u l-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009 huma rilevanti.

40

Din il-qorti tosserva li kien mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Nürnberg) ikkonstatat li l-“użu”, fis-sens tal-Artikolu 21(1) u (2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks kif ukoll tal-Artikoli 54 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 kien eżista f’dan il-każ sa minn mhux iktar tard mis‑6 ta’ Mejju 2009 u li Heitec kienet saret taf b’dan permezz tal-ittra tas‑6 ta’ Mejju 2009 li Heitech kienet bagħtitilha. Barra minn hekk, huwa paċifiku li Heitech ma hijiex akkużata li aġixxiet f’mala fide.

41

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat fiex tikkonsisti eżattament it-“tolleranza”, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 u tal-Artikoli 54 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009.

42

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi ppreċiżat jekk huwiex possibbli li tiġi eskluża tolleranza mhux biss meta jkun hemm preżentata ta’ azzjoni quddiem amministrazzjoni jew qorti, iżda wkoll fil-każ ta’ intimazzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta’ azzjoni ġudizzjarja, sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-azzjoni ġietx ippreżentata qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ dekadenza, wieħed għandux jibbaża ruħu fuq id-data tal-preżentata tal-att promotur jew fuq id-data li fiha l-konvenut ikun irċieva dak l-att. F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat jekk il-fatt li n-notifika tal-imsemmi att tiġi mdewma minħabba n-nuqqas tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

43

Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk dekadenza tolqotx biss it-talba għal inibizzjoni jew ukoll it-talbiet relatati jew konnessi ma’ din tal-aħħar, bħal dawk intiżi għall-ħlas tad-danni, għall-provvista ta’ informazzjoni u għad-distruzzjoni ta’ prodotti.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa possibbli li tiġi eskluża t-tolleranza, fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009, mhux biss permezz ta’ rimedju ġuridiku li għandu jiġi ppreżentat quddiem awtorità jew qorti, iżda wkoll permezz ta’ aġir li jseħħ mingħajr l-intervent ta’ awtorità jew qorti?

2)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:

ittra ta’ intimazzjoni, li permezz tagħha l-proprjetarju tas-sinjal preċedenti, qabel ma jibda proċedura ġudizzjarja, jeħtieġ mill-proprjetarju tas-sinjal sussegwenti li dan jimpenja ruħu li jastjeni milli juża s-sinjal inkwistjoni u li jissottoskrivi għal obbligu ta’ penali kuntrattwali fil-każ ta’ ksur, tikkostitwixxi aġir li jipprekludi tolleranza fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009?

3)

Sabiex jiġi kkalkolat, fil-każ ta’ azzjoni ġudizzjarja, it-terminu ta’ dekadenza permezz ta’ tolleranza ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jkun ibbażat fuq id-data ta’ preżentata tar-rikors promotur quddiem il-qorti jew fuq id-data tar-riċezzjoni tiegħu mill-konvenut? Il-fatt li r-riċezzjoni mill-konvenut tiġi mdewma, minħabba n-nuqqas tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, sa data sussegwenti għall-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin għandu importanza f’dan ir-rigward?

4)

Id-dekadenza skont l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikolu 54(1) u (2) u tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament Nru 207/2009 taffettwa, minbarra l-inibizzjoni, ukoll it-talbiet annessi bbażati fuq id-dritt tat-trade marks, b’mod partikolari l-azzjonijiet għal danni, informazzjoni jew qerda?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

45

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll l-Artikoli 54 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li att, bħal intimazzjoni, li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti mingħajr madankollu ma jressaq azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja jista’ jtemm it-tolleranza prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet.

46

Għandu jitfakkar li s-sistema ta’ dekadenza minħabba tolleranza prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks taqa’ taħt l-għan li jikkonsisti fl-ibbilanċjar, minn naħa, tal-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark sabiex jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħra sabiex jużaw sinjali li jistgħu jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Levi Strauss, C‑145/05, EU:C:2006:264, punt 29, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 34).

47

B’mod partikolari, bl-istabbiliment ta’ terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza ta’ ħames snin konsekuttivi b’għarfien tal-użu tat-trade mark sussegwenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura li l-protezzjoni mogħtija minn trade mark preċedenti lill-proprjetarju tagħha tibqa’ limitata għall-każijiet fejn dan juri li huwa biżżejjed attent billi jopponi għall-użu minn operaturi oħra ta’ sinjali li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għal dik it-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Levi Strauss, C-145/05, EU:C:2006:264, punt 30).

48

B’mod iktar speċifiku, kif ġie enfasizzat fil-premessa 12 tad-Direttiva 2008/95, ir-regola tad-dekadenza minħabba tolleranza hija intiża sabiex tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali. Meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor, fis-sens tad-Direttiva 2008/95 jew tar-Regolament Nru 207/2009, konxjament “ittollera”, għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, l-użu ta’ trade mark sussegwenti ppreżentata in bona fide, il-proprjetarju ta’ din l-aħħar trade mark għandu jikseb iċ-ċertezza legali li dan l-użu ma jistax jiġi kkontestat mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark preċedenti jew ta’ dan id-dritt preċedenti l-ieħor.

49

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola, il-kunċett ta’ “tolleranza”, li għandu l-istess sens fid-Direttiva 2008/95 u fir-Regolament Nru 207/2009, ifisser li l-proprjetarju tal-imsemmija trade mark preċedenti jew tal-imsemmi dritt preċedenti ieħor jibqa’ inattiv filwaqt li jkun jaf bl-użu ta’ trade mark sussegwenti li għaliha huwa jkollu l-possibbiltà li jopponi. Dak li “jkun ittollera” ikun naqas milli jieħu l-miżuri li kellu għad-dispoiżzzjoni tiegħu sabiex jirrimedja din is-sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C-482/09, EU:C:2011:605, punti 3544).

50

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor isir prekluż milli jitlob l-invalidità jew sabiex jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti ppreżentata in bona fide jekk huwa jkun, matul perijodu ta’ ħames snin konsekuttivi b’għarfien ta’ dan l-użu, naqas milli jwettaq att li jesprimi b’mod ċar ir-rieda tiegħu li jopponi l-imsemmi użu u li jirrimedja l-allegat ksur tad-drittijiet tiegħu.

51

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikoli 54 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 tgħodd ukoll għall-Artikolu 110 ta’ dan ir-regolament, peress li dan l-aħħar artikolu ċertament ma huwiex imsemmi fid-domandi magħmula, iżda jista’ jkun rilevanti f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li r-regola ta’ dekadenza minħabba tolleranza sa mid-data tal-iskadenza ta’ ħames snin konsekuttivi b’għarfien tal-użu tat-trade mark sussegwenti, stabbilita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95, tinsab, fir-rigward tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikoli 54, 110 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009.

52

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor għandu jiġi kkunsidrat bħala li wettaq att li jipproduċi l-effetti msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza u jinterrompi, għaldaqstant, it-terminu ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, il-preżentata ta’ azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja qabel id-data ta’ skadenza ta’ dan it-terminu ttemm it-tolleranza u konsegwentement tipprekludi d-dekadenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 49).

53

Fil-fatt, bil-preżentata ta’ tali azzjoni, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor jesprimi mingħajr ambigwità r-rieda tiegħu li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti u li jirrimedja l-allegat ksur tad-drittijiet tiegħu.

54

Meta, bħal f’dan il-każ, il-preżentata ta’ dan ir-rikors tkun ippreċeduta minn intimazzjoni li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti ma jkunx ikkonforma ruħu magħha, din l-intimazzjoni tista’ tinterrompi t-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza bil-kundizzjoni li, wara t-tweġiba mhux sodisfaċenti għall-imsemmija intimazzjoni, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew tad-dritt preċedenti l-ieħor ikompli juri l-oppożizzjoni tiegħu għall-użu tat-trade mark sussegwenti u jieħu l-miżuri għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex isostni d-drittijiet tiegħu.

55

Min-naħa l-oħra, jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor, filwaqt li jkun esprima l-oppożizzjoni tiegħu għall-użu tat-trade mark sussegwenti permezz ta’ intimazzjoni, wara li jkun ikkonstata r-rifjut tad-destinatarju ta’ din l-intimazzjoni li jikkonforma ruħu magħha jew li jibda negozjati, ma jkunx kompla bl-isforzi tiegħu f’terminu raġonevoli sabiex jirrimedja din is-sitwazzjoni, jekk ikun il-każ permezz tal-preżentata ta’ azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, minn dan għandu jiġi dedott li dan il-proprjetarju naqas milli jieħu l-miżuri li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex iwaqqaf l-allegat ksur tad-drittijiet tiegħu.

56

Kull interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll tal-Artikoli 54, 110 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 fis-sens li t-trażmissjoni ta’ intimazzjoni hija biżżejjed, bħala tali, sabiex tinterrompi t-terminu ta’ dekadenza, tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor li jevita s-sistema ta’ dekadenza minħabba tolleranza billi jibgħat ripetutament, f’intervalli ta’ kważi ħames snin, ittra ta’ intimazzjoni. Issa, sitwazzjoni bħal din tippreġudika l-għanijiet tas-sistema ta’ dekadenza minħabba tolleranza, imfakkra fil-punti 46 sa 48 ta’ din is-sentenza, u ċċaħħad lil din is-sistema mill-effett utli tagħha.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll l-Artikoli 54, 110 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li att, bħal intimazzjoni, li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti mingħajr madankollu ma jagħmel dak li huwa neċessarju sabiex tinkiseb soluzzjoni legalment vinkolanti ma jtemmx it-tolleranza u, konsegwentement, ma jinterrompix it-terminu ta’ dekadenza msemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq it‑tielet domanda

58

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll l-Artikoli 54 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li tista’ titqies li tipprekludi d-dekadenza minħabba tolleranza prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet il-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor jitlob l-invalidità ta’ trade mark sussegwenti jew jopponi l-użu tagħha, meta l-att promotur, filwaqt li jkun ġie ppreżentat qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ dekadenza, ikun ġie nnotifikat lill-konvenut biss wara din id-data, u dan minħabba nuqqas ta’ diliġenza tar-rikorrent.

59

Kif ġie mfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-preżentata ta’ azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja qabel id-data ta’ skadenza ta’ dan it-terminu ttemm it-tolleranza u konsegwentement timpedixxi d-dekadenza.

60

Fir-rigward tal-punt dwar f’liema data għandu jitqies li ġiet ippreżentata azzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha ta’ regoli adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, ikkonstatat li din id-data tista’ tkun dik tal-preżentata tal-att promotur, filwaqt li l-qorti kkonċernata tista’ madankollu titqies li ġiet adita f’din id-data biss bil-kundizzjoni li r-rikorrent ma jkunx ittraskura sussegwentement milli jieħu l-miżuri li huwa kellu jieħu sabiex dan l-att jiġi nnotifikat lill-konvenut (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, A, C‑489/14, EU:C:2015:654, punt 32, u tal‑4 ta’ Mejju 2017, HanseYachts, C‑29/16, EU:C:2017:343, punt 29).

61

Għalkemm dawn ir-regoli adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili ma humiex formalment applikabbli f’dan il-każ, il-kontenut tagħhom huwa madankollu rilevanti għall-finijiet tar-risposta għat-tielet domanda. Fil-fatt, it-terminu ta’ dekadenza jolqot direttament u immedjatament il-possibbiltà għall-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew tad-dritt preċedenti l-ieħor li jinvoka din it-trade mark jew dan id-dritt f’qorti, fil-konfront tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jiddekadix sakemm ir-rikors jiġi ppreżentat f’dan it-terminu ta’ ħames snin.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-preżentata tal-att promotur normalment tirrifletti l-intenzjoni serja u inekwivoka tar-rikorrent li jinvoka d-drittijiet tiegħu, u dan huwa suffiċjenti, bħala prinċipju, sabiex tintemm it-tolleranza u konsegwentement, sabiex jiġi interrott it-terminu ta’ dekadenza.

63

L-aġir ta’ din il-parti jista’ madankollu, f’ċerti każijiet, iqajjem dubji dwar din l-intenzjoni u dwar in-natura serja tal-azzjoni mibdija quddiem il-qorti adita. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, minħabba nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tar-rikorrenti, l-att promotur, meta ma jissodisfax ir-rekwiżiti formali meħtieġa mid-dritt nazzjonali għall-finijiet tan-notifika tiegħu lill-konvenut, ma jiġix irregolarizzat fil-ħin.

64

Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi imputabbli lir-rikorrent, dan tal-aħħar ma jistax jallega li temm it-tolleranza tal-użu tat-trade mark sussegwenti permezz tal-preżentata tal-att promotur. Huwa biss permezz tar-regolarizzazzjoni ta’ dan l-att, skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali applikabbli, li għandu jitqies li r-rikorrent wera b’mod inekwivoku l-intenzjoni ċara u serja li jinvoka d-drittijiet tiegħu u li, konsegwentement, ir-rikors jista’ jitqies li ġie effettivament ippreżentat.

65

F’dan il-każ, mill-elementi esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju u miġbura fil-qasir fil-punti 22 sa 28 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-qorti li quddiemha Heitec kienet ippreżentat, fil‑31 ta’ Diċembru 2012, att promotur, ikkuntattjat ripetutament lir-rappreżentant ta’ Heitec sabiex tiġbed l-attenzjoni fuq irregolaritajiet li kienu jipprekludu n-notifika, lil Heitech u lil RW, kemm ta’ dan l-att kif ukoll tal-att promotur il-ġdid sussegwentement ippreżentat minn Heitec. Fl-aħħar mill-aħħar, l-att promotur jidher li ġie rregolarizzat bejn l‑24 ta’ Frar 2014, li hija d-data tal-aħħar tfakkira mibgħuta mill-qorti adita lil Heitec, u s‑16 ta’ Mejju tal-istess sena, jiġifieri d-data li fiha din il-qorti fetħet il-proċedura bil-miktub preparatorja.

66

Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li, skont l-evalwazzjonijiet tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu li l-qorti tar-rinviju tieħu konjizzjoni tagħhom, l-għarfien tal-użu tat-trade mark sussegwenti seħħ fis‑6 ta’ Mejju 2009.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika d-data li fiha l-att promotur ġie rregolarizzat b’mod li jippermetti lill-qorti adita tibda l-proċedura u tinnotifika dan l-att lill-konvenuti fil-kawża prinċipali. Li kieku r-regolarizzazzjoni tkun seħħet biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza, tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha tevalwa jekk din iċ-ċirkustanza kinitx prinċipalment dovuta għal aġir tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jista’ jiġi kkaratterizzat bħala nuqqas ta’ diliġenza. Jekk din il-qorti kellha tqis li dan kien il-każ, hija jkollha tikkonkludi li, minħabba n-nuqqas ta’ diliġenza ta’ Heitec, l-azzjoni tagħha għandha titqies li ddekadiet.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll l-Artikoli 54, 110 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tipprekludi d-dekadenza minħabba tolleranza prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet il-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor jitlob l-invalidità ta’ trade mark sussegwenti jew jopponi l-użu tagħha, meta l-att promotur, filwaqt li jkun ġie ppreżentat qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ dekadenza, minħabba nuqqas ta’ diliġenza tar-rikorrent ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-finijiet tan-notifika u ġie rregolarizzat biss wara dik id-data għal raġunijiet imputabbli lir-rikorrent.

Fuq ir‑raba’ domanda

69

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll l-Artikoli 54 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jiddekadi sabiex jitlob l-invalidità ta’ trade mark sussegwenti u sabiex jitlob il-waqfien tal-użu tagħha, din id-dekadenza tipprekludih ukoll milli jressaq talbiet relatati jew konnessi, bħal talbiet intiżi għall-għoti ta’ danni, għall-provvista ta’ informazzjoni jew għad-distruzzjoni ta’ prodotti.

70

Kif ġie espost fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u tat-tieni domanda, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor li, filwaqt li jkun sar jaf bl-użu ta’ trade mark sussegwenti ppreżentata in bona fide, jastjeni, matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, milli jaġixxi b’mod li jesprimi mingħajr ambigwità r-rieda tiegħu li jopponi dan l-użu u li jirrimedja għall-allegat ksur tad-drittijiet tiegħu, jiddekadi sabiex jikkontesta l-użu ta’ din it-trade mark sussegwenti.

71

Ikun, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, imur kontra l-għanijiet tas-sistema ta’ dekadenza minħabba tolleranza, jiġifieri, b’mod partikolari, il-preżervazzjoni taċ-ċertezza legali, jekk f’tali sitwazzjoni wieħed jippermetti lil dan il-proprjetarju jippreżenta, wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ ħames snin konsekuttivi, azzjoni kontra l-proprjetarju ta’ dik it-trade mark sussegwenti sabiex dan jiġi kkundannat għall-ħlas tad-danni jew sabiex jiġu imposti ordnijiet kontrih.

72

Li kieku tali azzjoni jew tali talbiet setgħu jintlaqgħu wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza, dan iwassal sabiex, lil hinn minn din id-data, titħalla intatta l-possibbiltà li jiġi kkonstatat li l-użu tat-trade mark sussegwenti jippreġudika t-trade mark preċedenti jew id-dritt preċedenti u li abbażi ta’ dan tiġi imputata responsabbiltà mhux kuntrattwali lill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti. Issa, tali interpretazzjoni tas-sistema ta’ dekadenza minħabba tolleranza tippreġudika l-għan, imfittex minn din is-sistema, li, fi tmiem dan it-terminu, tingħata ċ-ċertezza lill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti li l-użu tagħha ma jistax jibqa’ jiġi kkontestat, b’xi mod fid-dritt, minn dak li jkun ittolleraha konxjament matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll l-Artikoli 54, 110 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jiddekadi sabiex jitlob l-invalidità ta’ trade mark sussegwenti u sabiex jitlob il-waqfien tal-użu tagħha, din id-dekadenza tipprekludih ukoll milli jifformula talbiet relatati jew konnessi, bħalma huma t-talbiet għall-għoti ta’ danni, għall-provvista ta’ informazzjoni jew għad-distruzzjoni ta’ prodotti.

Fuq l‑ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, kif ukoll l-Artikoli 54, 110 u 111 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li att, bħal intimazzjoni, li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti mingħajr madankollu ma jagħmel dak li huwa neċessarju sabiex tinkiseb soluzzjoni legalment vinkolanti ma jtemmx it-tolleranza u, konsegwentement, ma jinterrompix it-terminu ta’ dekadenza msemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet.

 

2)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll l-Artikoli 54, 110 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tipprekludi d-dekadenza minħabba tolleranza prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet il-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja li permezz tagħha l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor jitlob l-invalidità ta’ trade mark sussegwenti jew jopponi l-użu tagħha, meta l-att promotur, filwaqt li jkun ġie ppreżentat qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ dekadenza, minħabba nuqqas ta’ diliġenza tar-rikorrent ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-finijiet tan-notifika u ġie rregolarizzat biss wara dik id-data għal raġunijiet imputabbli lir-rikorrent.

 

3)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/95 kif ukoll l-Artikoli 54, 110 u 111 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jiddekadi sabiex jitlob l-invalidità ta’ trade mark sussegwenti u sabiex jitlob il-waqfien tal-użu tagħha, din id-dekadenza tipprekludih ukoll milli jifformula talbiet relatati jew konnessi, bħalma huma t-talbiet għall-għoti ta’ danni, għall-provvista ta’ informazzjoni jew għad-distruzzjoni ta’ prodotti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top