EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0451

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-24 ta’ Frar 2022.
Airhelp Limited vs Austrian Airlines AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 3(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Titjira b’konnessjoni minn u b’destinazzjoni lejn pajjiż terz – Riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur bl-ajru Komunitarju – Konnessjoni fit-territorju ta’ Stat Membru – Artikolu 5(1)(ċ)(iii) u Artikolu 7 – Titjira alternattiva mdewma – Teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa tal-wasla effettiva għall-finijiet tal-kumpens.
Kawża C-451/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:123

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 3(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Titjira b’konnessjoni minn u b’destinazzjoni lejn pajjiż terz – Riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur bl-ajru Komunitarju – Konnessjoni fit-territorju ta’ Stat Membru – Artikolu 5(1)(ċ)(iii) u Artikolu 7 – Titjira alternattiva mdewma – Teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa tal-wasla effettiva għall-finijiet tal-kumpens”

Fil-Kawża C‑451/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

Airhelp Ltd

vs

Austrian Airlines AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Airhelp Ltd, minn E. Stanonik-Palkovits, Rechtsanwältin,

għal Austrian Airlines AG, minn M. Klemm, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Kunnert, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff kif ukoll minn J. Nymann-Lindegren u M. Jespersen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Airhelp Limited u Austrian Airlines AG dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lil NT, passiġġier tal-ajru, li tiegħu Airhelp qiegħda tiddefendi d-drittijiet, minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu.

Il‑kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(h)

‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares;

[…]”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.   Dan ir-regolament għandu japplika:

(a)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat;

(b)

għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.

[…]

5.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jiddikjara fil-paragrafu 1(ċ)(iii) tiegħu:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

[…]

(iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.”

6

L-Artikolu 7 tal-istess regolament intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.   Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

(a)

b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)

b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)

b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

[…]

4.   Id-distanzi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mkejlin permezz tal-metodu tal-great circle route.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

7

NT kellu reżervazzjoni għal titjira b’konnessjoni biex tgħaqqad Chişinău (il-Moldova) u Bangkok (it-Tajlandja), via Vjenna (l-Awstrija). Kien previst li t-trasportatur tal-ajru kien ser jagħżel iż-żewġ segmenti li jikkostitwixxu din it-titjira b’konnessjoni li tat lok għal riżervazzjoni waħda. L-ewwel wieħed minnhom kien jgħaqqad liċ-Chişinău ma’ Vjenna, bi tluq u b’wasla previsti fid‑29 ta’ Mejju 2019 fit-15:55 u fl-16:40 rispettivament. It-tieni segment kien imbagħad jgħaqqad lil Vjenna ma’ Bangkok, bi tluq u b’wasla previsti, rispettivament, fid‑29 ta’ Mejju 2019 fil-23:20 u fit‑30 ta’ Mejju 2019 fis-14:20. Skont il-metodu ta’ kalkolu tal-great circle route, id-distanza bejn Chişinău u Bangkok hija ta’ iktar minn 3500 km.

8

It-titjira minn Chisinau għal Vjenna ġiet ikkanċellata inqas minn sebat ijiem qabel it-tluq previst. Konsegwentement, Austrian Airlines bidlet ir-riżervazzjoni ta’ NT billi ttrasferixxietha fuq titjira oħra, bin-numru TK 68 u li tgħaqqad lil Istanbul (it-Turkija) ma’ Bangkok, bi tluq u b’wasla previsti fit‑30 ta’ Mejju 2019, rispettivament fis-1:25 u fit-15:00. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat b’liema mod u f’liema ħin NT kien ġie ttrasportat minn Chişinău sa Istanbul. It-titjira li tgħaqqad lil Istanbul ma’ Bangkok laħqet din l-aħħar destinazzjoni fl-16:47, jiġifieri b’dewmien ta’ siegħa u 47 minuta meta mqabbel mal-ħin skedat ta’ din it-titjira alternattiva.

9

Fil-każ li t-titjira bejn Istanbul u Bangkok ma tkunx iddewmet, NT kien jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu, Bangkok, 40 minuta iktar tard milli kieku seta’ jivvjaġġa skont l-ippjanar inizjali tiegħu via Vjenna. Madankollu, peress li din it-titjira Istanbul-Bangkok ġarrbet dewmien ta’ siegħa u 47 minuta, fir-realtà, NT wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu b’dewmien ta’ sagħtejn u 27 minuta meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat tat-titjira b’konnessjoni inizjalment irriżervata.

10

NT ittrasferixxa lil Airhelp id-dritt li kellu fir-rigward ta’ Austrian Airlines skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

11

Airhelp ressqet talba quddiem il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija) intiża għall-ksib ta’ kumpens fl-ammont ta’ EUR 300, għar-raġuni li Austrian Airlines ma offrietx lil NT rotta alternattiva li tippermettilu jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu fis-sagħtejn wara l-wasla prevista tat-titjira b’konnessjoni inizjalment irriżervata, filwaqt li ammettiet li Austrian Airlines setgħet tinvoka tnaqqis ta’ nofs l-ammont tal-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu.

12

Il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) laqgħet it-talba ta’ Airhelp minħabba li mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta b’mod ċar li, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tiegħu, kellu jsir paragun bejn il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira inizjalment irriżervata u l-ħin li fih it-titjira alternattiva effettivament laħqet id-destinazzjoni finali. Minn dan, din il-qorti ddeduċiet li trasportatur tal-ajru huwa eżentat mill-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament biss jekk, fil-fatt, il-passiġġier ikun wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu permezz tat-titjira alternattiva b’dewmien massimu ta’ sagħtejn meta mqabbel mal-ħin tal-wasla previst tat-titjira inizjalment irriżervata. Madankollu, l-imsemmija qorti ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 kinux applikabbli għall-kawża li kienet tressqet quddiemha.

13

Austrian Airlines appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija) fejn ikkontestat ir-rilevanza tal-limiti temporali miżmuma mill-qorti tal-ewwel istanza. Skont Austrian Airlines, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħin tal-wasla effettiva tat-titjira alternattiva fil-post tad-destinazzjoni finali, iżda l-ħin tal-wasla normalment previst ta’ din it-titjira.

14

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 261/2004 huwiex applikabbli għall-kawża li għandha quddiemha, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li l-waqfa fit-territorju tal-Unjoni ma għandhiex l-effett li tirrendi r-Regolament Nru 261/2004 applikabbli għat-titjiriet b’konnessjoni li ma għandhomx il-post tat-tluq jew tad-destinazzjoni finali tagħhom fit-territorju tal-Unjoni. Issa, dan huwa preċiżament il-każ tat-titjira b’konnessjoni inkwistjoni f’din il-kawża. Din il-qorti tistaqsi jekk tali soluzzjoni hijiex konformi mal-għan tal-imsemmi regolament, intiż sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm iż-żewġ titjiriet ma kinux is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda, kull wieħed minnhom jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, skont il-kliem ċar tal-Artikolu 3(1) tiegħu.

15

Barra minn hekk, fil-każ li r-Regolament Nru 261/2004 jkun applikabbli, għandu jiġi ddeterminat jekk is-sigħat tat-tluq u tal-wasla msemmija fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) ta’ dan ir-regolament jirrigwardawx il-ħin inizjalment skedat tat-titjira alternattiva jew mal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla effettivi ta’ din it-titjira. Fil-fatt, huwa biss f’dan l-aħħar każ li NT ikun jista’ jitlob kumpens mingħand Austrian Airlines.

16

Billi tibbaża ruħha fuq analiżi tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll fuq il-ġurisprudenza nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li għandu jsir paragun bejn il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira inizjalment irriżervata u l-ħin tal-wasla effettiva tat-titjira alternattiva. Hija tqis li tali interpretazzjoni tidher li hija sostnuta wkoll mid-digriet tas‑27 ta’ Ġunju 2018, flightright (C‑130/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:496).

17

Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li l-argument ta’ Austrian Airlines, li jgħid li tali interpretazzjoni tista’ tipproduċi riżultati kuntrarji għall-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri ma huwiex irrilevanti, sa fejn it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħin tal-wasla effettiva tat-titjira alternattiva jista’ jwassal għal konsegwenzi legali differenti għal sitwazzjonijiet identiċi.

18

Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru huwa sempliċement marbut li jagħmel offerta ta’ rotta alternattiva lill-passiġġier ikkonċernat u li sussegwentement ma jassumi ebda responsabbiltà fil-każ ta’ dewmien tat-titjira alternattiva, sa fejn din tal-aħħar ma għandhiex issir mill-imsemmi trasportatur. F’dan ir-rigward, mis-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair (C‑832/18, EU:C:2020:204) jirriżulta li l-inkonvenjenzi mġarrba minn passiġġier minħabba, minn naħa, il-kanċellazzjoni tat-titjira rriżervata u, min-naħa l-oħra, dewmien twil tat-titjira alternattiva, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni separata u jistgħu, jekk ikun il-każ, jagħtu lok għal żewġ drittijiet ta’ kumpens.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(1) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament japplika wkoll għal rotta tal-ajru li ġiet irreżervata b’reżervazzjoni waħda u li hija komposta minn żewġ titjiriet li kellhom it-tnejn isiru minn (l-istess) trasportatur tal-ajru Komunitarju, meta kemm il-post tat-tluq tal-ewwel titjira u kif ukoll il-post tal-wasla tat-tieni titjira jinsabu f’pajjiż terz u huma biss il-post tal-wasla tal-ewwel titjira u l-post tat-tluq tat-tieni titjira li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

2)

L-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier għandu wkoll dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament meta, bit-titjira alternattiva offruta lilu, il-ħin tal-wasla tiegħu fid-destinazzjoni finali kellu jkun inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla prevista għat-titjira kkanċellata, iżda, fil-fatt, huwa ma wasalx fid-destinazzjoni tiegħu f’dan il-ħin?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament japplika għal titjira b’konnessjoni li kienet is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda u li hija komposta minn żewġ titjiriet li għandhom isiru minn trasportatur tal-ajru Komunitarju, meta kemm l-ajruport tat-tluq tal-ewwel titjira kif ukoll l-ajruport tal-wasla tat-tieni titjira jkunu jinsabu f’pajjiż terz, huwa biss l-ajruport fejn il-waqfa sseħħ li jinsab fi Stat Membru.

21

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, dan tal-aħħar japplika għall-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar japplika wkoll għall-passiġġieri li jtiru minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz għal ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE, kemm-il darba huma ma jkunux irċevew benefiċċji jew kumpens u assistenza f’dan il-pajjiż terz, jekk it-trasportatur tal-ajru li jkun qiegħed jopera t-titjira inkwistjoni jkun trasportatur Komunitarju.

22

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2021, Vodafone Kabel Deutschland, C‑484/20, EU:C:2021:975, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li dan tal-aħħar japplika, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jiddetermina, għall-passiġġieri u mhux għat-titjiriet li huma jieħdu, b’tali mod li huma importanti biss il-post tal-ajruport tat-tluq u l-post tal-ajruport tal-wasla tal-passiġġier ikkonċernat u mhux l-ajruporti użati, bħala l-postijiet ta’ waqfa, mit-titjiriet li dan il-passiġġier ħa sabiex jasal fid-destinazzjoni tal-wasla tiegħu. Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ titjiriet b’konnessjoni li jkunu s-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, il-post tal-ajruport ta’ waqfa peress li dan ma jistax jitqies bħala l-post tal-ajruport tat-tluq jew tal-wasla tal-passiġġier ikkonċernat.

24

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn analiżi tal-kuntest li jaqa’ fih l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 261/2004 bħala d-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet b’konnessjoni, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira meħuda mill-passiġġier ikkonċernat.

25

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-kliem “l-aħħar titjira” jirriżulta li l-kunċett ta’ “titjira b’konnessjoni” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal żewġ titjiriet jew iktar li jikkostitwixxu ħaġa waħda għall-finijiet tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri previst mir-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Wegener, C‑537/17, EU:C:2018:361, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ meta żewġ titjiriet jew iktar kienu, bħas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Wegener, C‑537/17, EU:C:2018:361, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Huwa f’dan is-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod kostanti, li titjira b’konnessjoni waħda jew iktar li kienet is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda tikkostitwixxi ħaġa waħda għall-finijiet tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri previst mir-Regolament Nru 261/2004, li jimplika li l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-post tat-tluq inizjali u tad-destinazzjoni finali ta’ din it-titjira (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie, C‑502/18, EU:C:2019:604, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑12 ta’ Novembru 2020, KLM Royal Dutch Airlines, C‑367/20, EU:C:2020:909, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li, għall-finijiet tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, huwa importanti biss, minn naħa, id-dewmien ikkonstatat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali, mifhum bħala d-destinazzjoni tal-aħħar titjira meħuda mill-passiġġier ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, id-distanza bejn il-post tal-ewwel tluq u d-destinazzjoni finali, irrispettivament minn eventwali titjiriet ta’ konnessjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106, punt 35, u d-digriet tat‑22 ta’ April 2021, British Airways, C‑592/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:312, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fil-fatt, ma jistax jitqies li titjira b’konnessjoni għandha tinftiehem bħala ħaġa waħda għall-finijiet tal-kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, filwaqt li tali titjira għandha tiġi ssegmentata artifiċjalment sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

29

Fit-tielet lok, l-għan tar-Regolament Nru 261/2004 ma jipprekludix li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament tiġi eskluża. Fil-fatt, l-għan intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru jeħtieġ ċertament li r-Regolament Nru 261/2004 jiġi interpretat konformement mal-imsemmi għan, iżda ma jistax madankollu jwassal sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jiġi estiż indebitament għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħtu.

30

Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-passiġġier ta’ titjira b’konnessjoni li l-post tat-tluq inizjali u d-destinazzjoni finali tagħha jinsabu f’pajjiżi terzi jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għar-raġuni biss li waħda jew diversi waqfiet tas-segmenti ta’ din it-titjira jinsabu fit-territorju tal-Unjoni.

31

Fi kwalunkwe każ, qari li jgħid li, fil-kuntest tat-titjiriet b’konnessjoni, waqfa f’ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni huwa biżżejjed sabiex japplika r-Regolament Nru 261/2004 mhux biss imur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, iżda jikser ukoll ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi b’mod ċar żewġ ipoteżijiet distinti li fihom dan ir-regolament huwa applikabbli għall-passiġġieri kkonċernati. Kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, l-ewwel ipoteżi, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, subparagrafu (a), u li tikkonċerna lill-passiġġieri kollha li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni, ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni jew raġuni ta’ inapplikabbiltà, filwaqt li t-tieni ipoteżi, imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, subparagrafu (b), li tikkonċerna lill-passiġġieri kollha li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz u b’destinazzjoni għal ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni u bil-kundizzjoni li t-titjira tagħhom tkun saret minn trasportatur Komunitarju, teskludi madankollu l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament għal tali passiġġieri li bbenefikaw minn servizzi jew minn kumpens u assistenza fil-pajjiż terz.

33

Issa, l-interpretazzjoni li passiġġier jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 għas-sempliċi raġuni li l-ajruport ta’ waqfa tat-titjira tiegħu b’konnessjoni jinsab fit-territorju tal-Unjoni hija inkompatibbli mat-tieni ipoteżi, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

34

Fl-ewwel lok, tali interpretazzjoni twassal sabiex il-passiġġieri li la l-post tat-tluq inizjali tagħhom u lanqas id-destinazzjoni finali tagħhom ma jikkorrispondu għal ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni jaqgħu neċessarjament tal-inqas taħt l-ewwel ipoteżi, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, filwaqt li l-passiġġieri li jaqgħu taħt it-tieni ipoteżi, imsemmija fl-imsemmi artikolu, paragrafu (1)(b), minkejja li għandhom bħala destinazzjoni finali ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni, ma humiex koperti minn dan ir-regolament ħlief jekk, minn naħa, it-titjira tagħhom twettqet minn trasportatur Komunitarju u, min-naħa l-oħra, ma humiex ikkonċernati bil-kawża ta’ inapplikabbiltà msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

35

Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni tneħħi parti mis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004, sa fejn l-applikabbiltà tiegħu, anki fil-każ fejn id-destinazzjoni finali tal-passiġġier ikkonċernat tikkorrispondi għal ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni, tkun limitata biss għall-passiġġieri tat-titjiriet diretti lejn l-Unjoni.

36

B’hekk, il-passiġġier ta’ titjira li tkun ġejja minn pajjiż terz u lejn l-Unjoni b’konnessjoni f’ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni jaqa’ awtomatikament taħt l-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament, filwaqt li dan ma jgħoddx għall-passiġġier ta’ titjira diretta li tgħaqqad eżattament l-istess ajruport tat-tluq u l-istess destinazzjoni finali jekk, barra minn hekk, it-titjira tiegħu ma tkunx ġiet operata minn trasportatur tal-ajru Komunitarju jew jekk tkun ikkonċernata mill-kawża ta’ inapplikabbiltà wkoll prevista fl-Artikolu 3(1)(b) tal-istess regolament.

37

Fil-fatt, f’ċerti sitwazzjonijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali interpretazzjoni twassal sabiex iż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jkunu simultanjament applikabbli għall-istess każ.

38

Minn naħa, f’dan il-każ, il-post ta’ waqfa tal-ewwel titjira jinsab fit-territorju tal-Unjoni u huwa identiku għall-post tat-tluq tat-tieni titjira, il-vjaġġ jitwettaq minn trasportatur tal-ajru Komunitarju, u mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li NT irċieva benefiċċji jew ibbenefika minn kumpens u minn assistenza fil-pajjiż terz fejn kien jinsab l-ajruport tat-tluq. Għaldaqstant, NT jista’ a priori jipprevalixxi ruħu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 skont l-Artikolu 3(1)(b) tiegħu.

39

Min-naħa l-oħra, kieku l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 kellu jiġi interpretat fis-sens li waqfa f’ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni hija biżżejjed sabiex tirrendi dan ir-regolament applikabbli għall-passiġġier ikkonċernat, NT ikun jista’ jikkunsidra wkoll li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt l-ipoteżi prevista fl-imsemmi Artikolu (1)(a). Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza f’liema miż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jaqa’ l-passiġġier ikkonċernat.

40

Fit-tielet u l-aħħar lok, tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “titjiriet b’konnessjoni”, dan għandu jinftiehem kultant bħala “unità” magħmula minn żewġ titjiriet jew iktar li jikkostitwixxu ħaġa waħda u kultant bħala żewġ titjiriet jew iktar distinti. Tali inkostanza fil-portata mogħtija lil dan il-kunċett tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali li jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il‑Kummissjoni, C‑67/09 P, EU:C:2010:607, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament ma japplikax għal titjira b’konnessjoni li kienet is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda u li hija komposta minn żewġ segmenti ta’ titjiriet li għandhom jitwettqu minn trasportatur tal-ajru Komunitarju meta kemm l-ajruport tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira kif ukoll l-ajruport tal-wasla tat-tieni segment tat-titjira jinsabu f’pajjiż terz, li huwa biss l-ajruport fejn il-waqfa sseħħ li jinsab fi Stat Membru.

Fuq it‑tieni domanda

42

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok għalfejn tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament ma japplikax għal titjira b’konnessjoni li kienet is-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda u li hija komposta minn żewġ segmenti ta’ titjiriet li għandhom jitwettqu minn trasportatur tal-ajru Komunitarju meta kemm l-ajruport tat-tluq tal-ewwel segment tat-titjira kif ukoll l-ajruport tal-wasla tat-tieni segment tat-titjira jinsabu f’pajjiż terz, li huwa biss l-ajruport fejn il-waqfa sseħħ li jinsab fi Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top