EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0405

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-5 ta’ Mejju 2022.
EB et vs Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 157 TFUE – Protokoll (Nru 33) – Trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 5(c) u Artikolu 12 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess – Skema professjonali ta’ sigurtà soċjali, applikabbli wara d-data msemmija f’dan il-protokoll u f’dan l-Artikolu 12 – Pensjonijiet tal-irtirar ta’ uffiċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar – Aġġustament digressiv skont id-daqs tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar b’assenza totali ta’ aġġustament lil hinn minn ċertu ammont – Ġustifikazzjonijiet.
Kawża C-405/20.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:347

  The document is unavailable in your User interface language.

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Mejju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 157 TFUE – Protokoll (Nru 33) – Trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 5(c) u Artikolu 12 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess – Skema professjonali ta’ sigurtà soċjali, applikabbli wara d-data msemmija f’dan il-protokoll u f’dan l-Artikolu 12 – Pensjonijiet tal-irtirar ta’ uffiċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar – Aġġustament digressiv skont id-daqs tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar b’assenza totali ta’ aġġustament lil hinn minn ċertu ammont – Ġustifikazzjonijiet”

Fil-Kawża C‑405/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura

EB,

JS,

DP

vs

Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal JS u EB, minn M. Riedl, Rechtsanwalt,

–        għal DP, minn M. Riedl, Rechtsanwalt u minnu stess,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u C. Leeb, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Jannar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, tal-Protokoll (Nru 33) dwar l-Artikolu 157 TFUE, anness mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 33”) kif ukoll tal-Artikoli 5 u 12 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn, rispettivament, EB, JS u DP u l-Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB) (il-Fond għall-Mard tal-Uffiċjali u Aġenti tal-Awtoritajiet Pubbliċi, Ferrovija u Settur tal-Minjieri, l-Awstrija), dwar l-aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar tagħhom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-Protokoll Nru 33 jipprovdi:

“Għall-fini ta’ l-Artikolu 157 tat-[TFUE], il-benefiċċji pagabbli taħt skemi ta’ sigurtà soċjali in konnessjoni ma’ l-impjieg, ma jiġux ikkunsidrati bħala rimunerazzjoni jekk u sakemm jistgħu jiġu attribwiti għal perijodi ta’ impjieg li ġew qabel is-17 ta’ Mejju 1990, ħlief fil-każ ta’ ħaddiema jew ta’ dawk l-aventi kawża, u li qabel dik id-data jkunu bdew proċeduri legali jew introduċew talba ekwivalenti taħt il-liġi nazzjonali li tkun tapplika.”

4        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

[...]

(ċ)      l-iskemi okkupazzjonali [professjonali] ta’ sigurtà soċjali.

[...]”

5        L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli,

(b)      ‘discriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[...]

(f)      ‘skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali’: skemi li mhumiex regolati mid-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215)] li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom, f’impriża jew fi grupp ta’ impriżi, f’qasam ta’ attività ekonomika, settur jew grupp ta’ setturi tax-xogħol b’benefiċċji maħsuba biex iżidu l-benefiċċji pprovduti minn skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali jew biex jissostitwixxuhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi ta’ din ix-xorta tkun obbligatorja u kemm jekk tkun b’għażla.”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija Direttiva 2006/54, intitolat “Azzjoni posittiva”:

“L-Istati Membri jistgħu izommu jew jadottaw mizuri fis-sens ta’ l-Artikolu [157(4) TFUE] bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol.”

7        Il-Kapitolu 2, intitolat “Trattament ugwali fi skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali”, tat-Titolu II tal-istess direttiva, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 12 tagħha.

8        Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fi skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)      il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali skemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom;

(b)      l-obbligu tal-kontribuzzjoni u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet;

(ċ)      il-kalkolu tal-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji supplementari dovuti minħabba l-konjuġi jew in-nies dipendenti, u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji.”

9        L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Effett retroattiv”, jipprevedi:

“1.      Kwalunkwe miżura li timplimenta dan il-Kapitolu, fir-rigward ta’ ħaddiema, għandha tkopri l-benefiċċji kollha taħt l-iskemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali li ġejjin minn perjodi ta’ impjieg wara s-17 ta’ Mejju 1990 u għandhom japplikaw b’mod retroattiv għal dik id-data, mingħajr preġudizzju għall-ħaddiema jew għal dawk li jagħmlu talba taħthom li, qabel dik id-data, bdew proċeduri legali jew għamlu talba ekwivalenti skond il-liġi nazzjonali. F’dak il-każ, il-miżuri ta’ l-implimentazzjoni għandhom japplikaw b’mod retroattiv għat-8 ta’ April 1976 u għandhom ikopru l-benefiċċji kollha li ġejjin minn perjodi ta’ impjieg wara dik id-data. Għall-Istati Membri li ssieħbu [fl-Unjoni] wara t-8 ta’ April 1976, u qabel is-17 ta’ Mejju 1990, dik id-data għandha tiġi sostitwita mid-data li fiha l-Artikolu [157 TFUE] sar applikabbli fit-territorju tagħhom.

2.      It-tieni sentenza tal-paragrafu 1 m’għandhiex twaqqaf lir-regoli nazzjonali li jirrelataw mal-limiti taż-żmien biex jinfetħu kawżi skond il-liġi nazzjonali milli ssir dipendenza fuqhom kontra ħaddiema jew dawk li jagħmlu talba taħthom li bdew proċeduri legali jew għamlu talba ekwivalenti taħt il-liġi nazzjonali qabel is- 17 ta’ Mejju 1990, sakemm mhumiex inqas favorevoli għal dik it-tip ta’ azzjoni milli għal azzjonijiet simili ta’ natura domestika u li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-liġi [tal-Unjoni] impossibbli fil-prattika.

3.      Għall-Istati Membri li l-adeżjoni tagħhom seħħet wara s-17 ta’ Mejju 1990 u li fl-1 ta’ Jannar 1994 kienu Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, bid-data tas-17 ta’ Mejju 1990 fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tkun sostitwita mill-1 ta’ Jannar 1994.

4.      Għall-Istati Membri l-oħra li l-adeżjoni tagħhom seħħet wara s- 17 ta' Mejju 1990, id-data tas-17 ta’ Mejju 1990 fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun sostitwita mid-data li fiha l-Artikolu 157 tat-Trattat sar applikabbli fit-territorju tagħhom.”

 Iddritt Awstrijak

10      L-Artikolu 41 tal-Bundesgesetz über die Pensionsansprüche der Bundesbeamten, ihrer Hinterbliebenen und Angehörigen (Pensionsgesetz 1965) (il-Liġi Federali dwar id-Drittijiet għall-Pensjoni tal-Uffiċjali Federali, tas-Superstiti Tagħhom u tal-Membri tal-Familji Tagħhom (il-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-1965)), tat-18 ta’ Novembru 1965 , (BGBI., 340/1965), fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“PG 1965”), jipprevedi:

“[...]

(2)      Il-pensjonijiet tal-irtirar u l-pensjonijiet tas-superstiti dovuti skont din il-liġi […] għandhom ikunu aġġustati fl-istess mument u bl-istess mod bħall-pensjonijiet li jaqgħu taħt l-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni,

1.      meta d-dritt għall-pensjoni jkun diġà ġie kkostitwit qabel l‑1 ta’ Jannar tas-sena kkonċernata

[...]

(4)      il-metodu ta’ aġġustament tal-pensjonijiet li huwa stabbilit fl-Artikolu 711 tal-[Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali] għas-sena kalendarja 2018 japplika b’analoġija […]. F’każ ta’ żieda skont il-punt 2 tal-Artikolu 711(1) tal-[Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali], l-ammont totali taż-żieda għandu jiġi imputat lill-pensjoni tal-irtirar jew tas-superstiti.”

11      L-Artikolu 108 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ASVG”), jipprevedi:

“(1)      Il-Ministru Federali għas-Sigurtà Soċjali, għall-Ġenerazzjonijiet u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi għandu jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ aġġustament għal kull sena kalendarja filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-valur ta’ referenza.

(2)      Il-valur ta’ referenza jiġi stabbilit b’mod li ż-żieda fil-pensjonijiet li tirriżulta mill-aġġustament skont il-valur ta’ referenza tikkorrispondi għaż-żieda fil-prezz tal-konsum, skont il-paragrafu 3. Huwa jiġi arrotondat għal tliet deċimali.

(3)      Iż-żieda fil-prezzijiet tal-konsum għandha tiġi stabbilita skont iż-żieda medja fuq tnax-il xahar sax-xahar ta’ Lulju tas-sena ta’ qabel is-sena ta’ aġġustament, billi jintuża l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum għas-sena 2000 jew kull indiċi ieħor li jkun issostitwixxieh. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tiġi kkalkolata l-medja aritmetika tar-rati ta’ inflazzjoni annwali ppubblikati minn Statistik Austria għall-perijodu tal-kalkolu.”

12      L-Artikolu 55 tal-ASVG huwa redatt kif ġej:

“(1)      B’effett mill‑1 ta’ Jannar ta’ kull sena,

(a)      il-pensjonijiet kollha servuti mill-assigurazzjoni tal-pensjoni li l-ġurnata ta’ referenza tagħhom (Artikolu 223(2)) tiġi qabel l‑1 ta’ Jannar ta’ din is-sena,

[...]

għandhom jiġu mmultiplikati bil-koeffiċjent ta’ aġġustament. [...]

(2)      L-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 1 isir abbażi tal-pensjoni li għaliha jkun ġie kkostitwit dritt skont id-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ fil‑31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti […]”

13      L-Artikolu 711 tal-ASVG jipprevedi:

“(1)      B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 108h(1) u l-Artikolu 108(h)(2), għas-sena kalendarja 2018, iż-żieda fil-pensjonijiet għandha ssir mhux permezz tal-fattur ta’ aġġustament, imma [ssir] kif ġej: id-dħul totali mill-pensjoni (subparagrafu 2) għandu jiżdied

1.      meta ma jkunx iktar minn EUR 1 500 fix-xahar, bi 2.2 %;

2.      meta jaqbeż EUR 1 500 sa EUR 2 000 fix-xahar, bi EUR 33;

3.      b’1.6 % jekk jogħla iktar minn EUR 2 000 imma inqas minn EUR 3 355 fix-xahar;

4.      b’perċentwali li jonqos b’mod lineari bejn il-valuri msemmija minn 1.6 % għal 0 % jekk ikun iktar minn EUR 3 355 u inqas minn EUR 4 980 fix-xahar.

Jekk id-dħul totali mill-pensjoni jammonta għal iktar minn EUR 4 980 fix-xahar, ma ssir l-ebda żieda.

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, EB, JS u DP, huma tliet persuni ta’ sess maskili mwielda qabel is-sena 1955 li ħadmu bħala uffiċjali federali fl-Awstrija. Huma ġew irtirati, rispettivament, matul is-snin 2000, 2013 u 2006. Fl-2017, l-ammont gross fix-xahar tal-pensjoni tal-irtirar tagħhom kien ta’ EUR 6 872.43 għall-ewwel wieħed, għal EUR 4 676.48 għat-tieni u għal EUR 5 713.22 għat-tielet wieħed.

15      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu kull wieħed minnhom lil BVAEB biex jieħu deċiżjoni li tiffissa l-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar tagħhom b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2018. Dan il-korp ikkonstata li l-pensjonijiet ta’ EB u ta’ DP ma kinux eliġibbli għal irkupru mill-ġdid peress li kienu jaqbżu l-limitu ta’ EUR 4 980 fix-xahar imsemmi fl-Artikolu 711(1) tal-ASVG. Fir-rigward tal-pensjoni tal-irtirar ta’ JS, l-aġġustament ġie stabbilit billi ġiet applikata żieda ta’ 0.2989 %.

16      Kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), billi sostnew li l-Artikolu 41(4) tal-PG 1965, moqri flimkien mal-punt 4 u l-aħħar sentenza tal-Artikolu 711(1) tal-ASVG, li ċċaħħadhom kompletament, għal tnejn minnhom, jew kważi kompletament, għat-tielet, fid-dawl tal-ammont tal-pensjoni tagħhom, minn evalwazzjoni mill-ġdid ta’ dan l-ammont, kien jistabbilixxi fir-rigward tagħhom diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

17      Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-aġġustament tal-pensjonijiet li kienet applikabbli għalihom kienet waqfet milli tippreġudika s-sitwazzjoni tagħhom mill-1995 u li, matul is-snin 2001 sa 2017, il-pensjonijiet ta’ ammont ogħla kienu ġew aġġustati biss b’mod żgħir. Barra minn hekk, huma sostnew li din il-leġiżlazzjoni kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, billi pproduċew, f’dan ir-rigward, analiżi statistika li l-benefiċjarji ta’ pensjonijiet tal-irtirar li jaqgħu taħt il-PG 1965 ta’ ammont fix-xahar ta’ iktar minn EUR 4 980 kellhom 8 417 raġel u 1 040 mara, filwaqt li n-numru ta’ benefiċjarji ta’ pensjoni tal-irtirar tas-servizz pubbliku federali kien ta’ 79 491 raġel u 22 470 nisa.

18      Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ċaħdet ir-rikorsi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi qieset li kienu jeżistu kawżi ta’ ġustifikazzjoni li jippermettu li jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Fir-rigward ta’ EB u ta’ DP biss, din il-qorti kkonstatat ukoll li ma kienx ikkontestat li ħafna rġiel kienu kkonċernati mill-Artikolu 41(4) tal-PG 1965, moqri flimkien mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 711(1) tal-ASVG.

19      Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali adixxew lill-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), b’rikors għal Reviżjoni l-kontra din id-deċiżjoni.

20      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-pensjonijiet tal-irtirar irċevuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, abbażi tal-PG 1965 sa fejn twieldu qabel is-sena 1955, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, tal-Protokoll Nru 33 u tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/54. Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-eventwali effett fuq ir-rikorsi tagħhom tal-limitazzjoni ratione temporis tar-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa previst minn dan il-protokoll u minn dan l-artikolu tad-Direttiva 2006/54, li jikkonċerna l-perijodu qabel l‑1 ta’ Jannar 1994 għar-Repubblika tal-Awstrija. Skont l-imsemmija qorti, għalkemm din il-limitazzjoni tista’ titqies bħala applikabbli għal elementi ta’ benefiċċju bħall-aġġustament tal-pensjonijiet ikkontestat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, anki jekk parzjalment, pro rata għall-perijodi ta’ xogħol li huma wettqu qabel id-data tal‑1 ta’ Jannar 1994, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1993, Ten Oever (C‑109/91, EU:C:1993:833), timmilita favur l-interpretazzjoni li tgħid li l-imsemmija limitazzjoni ma hijiex applikabbli għal tali aġġustament u ma tistax tipprekludi lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali milli jinvokaw ir-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa.

21      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi, fit-tieni lok, li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, l-uffiċjali federali tal-irtirar li jirċievu, skont il-PG 1965, pensjoni grossa fix-xahar ta’ iktar minn ċertu ammont ġew irrifjutati totalment jew kważi rivalutazzjoni tiegħu għas-sena 2018, kuntrarjament għall-persuni li jirċievu pensjonijiet iktar baxxi. Tali żvantaġġ jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jekk jikkonċerna numru ħafna ogħla ta’ rġiel milli nisa. Din il-qorti tippreċiża li, sa mis-sena 1997, l-aġġustament annwali ta’ dawn il-pensjonijiet ma jsegwix iktar l-iżvilupp tas-salarji tal-uffiċjali fis-servizz iżda, bħala prinċipju, skont riferiment tal-Artikolu 41 tal-PG 1965 għall-ASVG, ir-rata tal-inflazzjoni, bl-għan li jiġi żgurat il-ħarsien tal-kapaċità ta’ akkwist tal-benefiċjarji. Minkejja li din is-sistema kienet maħsuba sabiex tapplika b’mod ġenerali u fit-tul, il-leġiżlatur Awstrijak uża regolarment il-possibbiltà li jadotta, f’ċerti snin, leġiżlazzjoni li tidderoga mill-indiċjar ġenerali tal-pensjonijiet fuq l-inflazzjoni.

22      Fir-rigward tal-aġġustament tal-pensjonijiet għas-sena 2018, l-imsemmija qorti tirrileva li l-Gvern Awstrijak immotiva din id-deroga bl-eżistenza ta’ komponent soċjali. Il-BVAEB invoka wkoll dan l-għan soċjali bħala ġustifikazzjoni ta’ eventwali diskriminazzjoni indiretta, billi qies, minn naħa, li l-applikazzjoni ta’ perċentwali uniformi kull sena turi malajr “diskrepanza inġustifikabbli” bejn il-livelli ta’ pensjonijiet tal-irtirar u, min-naħa l-oħra, li l-pensjonijiet l-iktar għolja setgħu jbatu aġġustament iktar baxx mingħajr ma l-valur jew il-livell ta’ għajxien tal-benefiċjarji tagħhom jiġi kompromess, b’tali mod li tali aġġustament, fl-interess tal-finanzjament tal-ogħla volum ta’ aġġustament kollu, ma kien ikollu l-ebda inċentiv għall-Istat.

23      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk dawn ir-raġunijiet humiex ta’ natura li jiġġustifikaw eventwali diskriminazzjoni indiretta u jekk ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità humiex osservati. B’mod partikolari, din il-qorti għandha dubji dwar in-natura neċessarja, xierqa u koerenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aġġustament tal-pensjonijiet inkwistjoni. Għalhekk, il-miżura li tinvolvi din tal-aħħar hija limitata għall-benefiċjarji tal-pensjonijiet tal-irtirar u, barra minn hekk, għal ċerti kategoriji ta’ dawn il-benefiċjarji, filwaqt li jeżistu mezzi oħra ta’ politika soċjali adattati, bħal rati ta’ tassazzjoni progressivi fuq id-dħul, trasferimenti u benefiċċji oħra ta’ assistenza ffinanzjati mit-taxxa. Barra minn hekk, skont id-dritt nazzjonali, l-uffiċjali federali għall-pensjoni kkonċernati mill-Artikolu 41 tal-PG 1965 jinsabu f’sitwazzjoni partikolari, li tiddistingwixxihom mill-persuni li jirċievu pensjonijiet li jaqgħu taħt ir-regoli tas-sigurtà soċjali, bħall-ASVG. Fil-fatt, il-pensjonijiet tal-irtirar ta’ dawn l-uffiċjali għandhom jiġu kkunsidrati, skont il-ġurisprudenza tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija), bħala remunerazzjoni ta’ dritt pubbliku għal kumpens ta’ servizzi pprovduti matul il-perijodu ta’ servizz attiv, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg tul il-ħajja. Jekk il-pensjonijiet imħallsa taħt l-iskemi ta’ sigurtà soċjali huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ finanzjament permezz ta’ kontribuzzjonijiet u huma dovuti minn organizzazzjoni ta’ assigurazzjoni, il-kontribuzzjonijiet tal-uffiċjali fis-servizz jitħallsu fil-baġit tal-Istat u l-kunċett li fuqu huwa bbażat il-PG 1965 ma huwiex identiku għal dak ta’ dawn l-iskemi.

24      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-leġiżlatur nazzjonali ma ħax l-istess miżura ta’ “kumpens soċjali” għall-benefiċċju tal-uffiċjali fis-servizz attiv, li kienu jibbenefikaw, għas-sena 2018, minn żieda fir-remunerazzjonijiet ogħla mill-inflazzjoni mingħajr degressività, sabiex jibbenefikaw mit-tkabbir ekonomiku. Bl-istess mod, dan il-leġiżlatur ma ssuġġettax il-pensjonijiet tal-irtirar mogħtija taħt skemi professjonali oħra ta’ sigurtà soċjali, pereżempju privati, għall-istess skema ta’ aġġustament, bl-eċċezzjoni tal-kategorija limitata tal-pensjonijiet imħallsa minn impriżi marbuta mal-Istat. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, waqt l-eżami tal-proporzjonalità u tal-koerenza tal-allegata miżura diskriminatorja, il-fatt li din il-miżura ma kinitx iżolata, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw l-effetti kumulattivi tad-diversi miżuri ta’ aġġustament tal-ammont tal-pensjonijiet adottati sa mill-irtirar tagħhom.

25      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) indikat li t-trattament sfavorevoli subit mill-persuni rtirati li jirċievu pensjonijiet ogħla, fil-parti l-kbira tas-sess maskili, kellu jiġi eżaminat fid-dawl tal-fatt li n-nisa kienu storikament żvantaġġati, jiġifieri sottorrappreżentati f’pożizzjonijiet irremunerati aħjar. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn tali konstatazzjoni fir-rigward tal-proċeduri prinċipali.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-limitazzjoni ratione temporis tar-rekwiżit ta’ trattament ugwali bejn irġiel u nisa skont is-sentenza [tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209)], kif ukoll skont il-Protokoll Nru 33 għall-Artikolu 157 TFUE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/54/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa biss il-pensjonant (Awstrijakk) li ma huwiex intitolat, jew li huwa biss parzjalment intitolat għal dik il-parti tad-dritt li tmur lura għall-perijodu ta’ impjieg wara l-1 ta’ Jannar 1994 [jew prorata għalihom], li jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ trattament ugwali sabiex isostni li huwa kien is-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba r-regoli dwar l-aġġustament għall-2018 previst għall-pensjonijiet tal-uffiċjali tas-servizz pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

2)      Ir-rekwiżit ta’ trattament ugwali bejn irġiel u nisa (skont l-Artikolu 157 TFUE flimkien mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54) għandu jiġi interpretat fis-sens li trattament mhux ugwali indirett bħal dak li – jekk ikun il-każ – jirriżulta fil-kawża prinċipali mir-regoli dwar l-aġġustament tal-pensjoni għall‑2018, b’kunsiderazzjoni wkoll ta’ miżuri simili meħuda qabel u tat-telf kunsiderevoli kkawżat mill-effett kumulattiv ta’ dawn b’rabta ma’ aġġustament relatat mal-inflazzjoni tal-valur reali tal-pensjonijiet (każ b’każ ta’ 25 %) huwa ġġustifikat, b’mod partikolari,

–        biex tiġi evitata ‘interruzzjoni’ (li tirriżulta minn aġġustament regolari b’rata uniformi) bejn ħlasijiet tal-pensjoni ogħla u oħrajn iktar baxxi, minkejja li din tkun purament nominali u l-proporzjon tal-valuri jibqa’ l-istess,

–        biex jiġi implimentat ‘element soċjali’ ġenerali fis-sens li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ xiri ta’ dawk li jirċievu pensjoni iktar baxxa, minkejja li (a) dan l-għan jista’ jintlaħaq ukoll mingħajr limitazzjoni fuq l-aġġustament ta’ pensjonijiet ogħla u (b) il-leġiżlatur ma jipprevedix l-istess tip ta’ miżura biex tiżdied il-kapaċità tax-xiri bl-aġġustament tal-inflazzjoni ta’ pagi iktar baxxi ta’ uffiċjali attivi tas-servizz pubbliku (minflok l-aġġustament ta’ pagi ogħla) u lanqas ma jipprevedi intervent paragunabbli fil-valur ta’ aġġustament tal-pensjonijiet minn sistemi tas-sigurtà soċjali professjonali oħra (mingħajr parteċipazzjoni mill-Istat), sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tax-xiri tal-pensjonijiet iktar baxxi (minflok l-aġġustament ta’ pensjonijiet ogħla),

–        għaż-żamma u għall-finanzjament ‘tas-sistema’, minkejja li l-pensjonijiet ta’ uffiċjali tas-servizz pubbliku ma humiex dovuti minn kumpannija tal-assigurazzjoni ta’ sistema organizzata bħall-assigurazzjonijiet u ffinanzjata permezz tal-kontribuzzjonijiet, iżda mill-Gvern Federali bħala l-persuna li timpjega lill-uffiċjali tas-servizz pubbliku rtirati bħala remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, b’tali mod li huma deċiżivi biss kunsiderazzjonijiet baġitarji, u mhux iż-żamma u lanqas il-finanzjament tas-sistema,

–        għaliex jikkostitwixxi ġustifikazzjoni indipendenti jew (qabel dan) jeskludi a priori l-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta abbażi tas-sess skont id-Direttiva 2006/54 li tmur kontra l-irġiel, jekk il-livell statistikament ħafna ogħla ta’ involviment tal-irġiel fil-grupp ta’ dawk li jirċievu pensjonijiet ogħla għandu jiġi kklassifikat bħala konsegwenza ta’ nuqqas tipiku ta’ opportunitajiet indaqs għan-nisa fil-qasam tax-xogħol u tal-impjieg, b’mod partikolari fil-passat, jew

–        għaliex ir-regola hija permessa bħala vantaġġ speċifiku fis-sens tal-Artikolu 157(4) TFUE?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Protokoll Nru 33 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet tapplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar mogħtija taħt skema professjonali ta’ sigurtà soċjali, applikabbli wara d-data msemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet.

28      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 157 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali.

29      Fir-rigward tad-Direttiva 2006/54, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, din fiha dispożizzjonijiet intiżi sabiex jimplimentaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-iskemi professjonali tas-sigurtà soċjali.

30      Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, pensjoni tal-irtirar, bħal dik tal-uffiċjali federali Awstrijaċi mħallsa skont il-PG 1965, taqa’, minn naħa, taħt il-kunċett ta’ “paga”, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE, sa fejn l-ammont tagħha jiddependi mill-perijodi ta’ servizz u minn perijodi li jistgħu jiġu assimilati kif ukoll mis-salarju li l-uffiċjal kien jirċievi u fejn din il-pensjoni tikkostitwixxi ħlas futur fi flus, imħallas mill-persuna li timpjega lill-impjegati tagħha, bħala konsegwenza tar-relazzjoni diretta tagħhom. Fil-fatt, din il-pensjoni titqies, fid-dritt nazzjonali, li hija remunerazzjoni li tkompli titħallas fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ servizz li tibqa’ fis-seħħ anki wara li l-uffiċjal jibda jibbenefika minn benefiċċji tal-irtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, Felber, C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 23).

31      Min-naħa l-oħra, tali pensjoni titħallas abbażi ta’ “skema okkupazzjoniali ta’ sigurtà soċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2006/54, li tipprovdi lill-ħaddiema ta’ settur professjonali partikolari benefiċċji intiżi sabiex jissostitwixxu l-benefiċċji ta’ skema legali ta’ sigurtà soċjali. Fil-fatt, fl-Awstrija, l-uffiċjali federali huma esklużi mill-iskema tal-assigurazzjoni għall-irtirar stabbilita mill-ASVG minħabba l-impjieg tagħhom fis-servizz pubbliku tal-Istat Federali, sa fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tagħtihom dritt għal benefiċċji tal-irtirar li huma ekwivalenti għal dawk li tipprevedi din l-iskema tal-assigurazzjoni għall-irtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Lesar, C‑159/15, EU:C:2016:451, punt 28).

32      L-ewwel, għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni tal-Protokoll Nru 33, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, benefiċċji taħt skema professjonali ta’ sigurtà soċjali ma jitqisux bħala remunerazzjoni “jekk u sakemm” jistgħu jiġu attribwiti għal perijodi ta’ impjieg li ġew “qabel” is‑17 ta’ Mejju 1990. L-istess japplika għall-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/54, li jipprovdi li l-benefiċċji “kollha” skont tali sistemi mogħtija lill-perijodi ta’ impjieg “wara” din id-data huma koperti mill-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tat-Titolu II ta’ din id-direttiva, dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-imsemmija sistemi.

33      Peress li l-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet tikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali prevista mit-Trattat FUE, din għandha tingħata interpretazzjoni stretta.

34      It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Protokoll Nru 33 hija identika għal dik tal-Protokoll (Nru 17) dwar l-Artikolu 141 KE, anness mat-Trattat KE, li għandhom rabta evidenti mas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209), peress li jirreferu b’mod partikolari għad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

35      Issa, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1993, Ten Oever (C‑109/91, EU:C:1993:833), skont is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209), l-effett dirett tal-Artikolu 119 tat-Trattat KEE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 141 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 157 TFUE) ma jistax jiġi invokat, sabiex wieħed jeżiġi l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-pensjonijiet professjonali, ħlief għall-benefiċċji dovuti għal perijodi ta’ impjieg ta’ wara s‑17 ta’ Mejju 1990, data tal-għoti ta’ din is-sentenza, bla ħsara għall-eċċezzjoni favur ħaddiema jew id-dipendenti tagħhom li, qabel dik id-data, bdew proċeduri legali jew għamlu talba ekwivalenti taħt il-liġi nazzjonali applikabbli (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fil-fatt, kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jipprekludu li sitwazzjonijiet legali li eżawrixxew l-effetti tagħhom fil-passat jiġu kkontestati, filwaqt li, f’każ bħal dan, il-bilanċ finanzjarju ta’ numru ta’ skemi ta’ pensjoni jirriskja li jinqaleb retroattivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 99).

37      Din il-limitazzjoni hija riprodotta mill-Protokoll Nru 33 u tinsab ukoll fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/54.

38      Fir-rigward tar-Repubblika tal-Awstrija, id-data ta’ referenza msemmija fis-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209) ġiet issostitwita, skont l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, bid-data tal‑1 ta’ Jannar 1994.

39      It-tielet, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa msemmi fl-Artikolu 157 TFUE jagħmel parti mill-bażi tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, l-Unjoni għandha tippromwovi, b’mod partikolari, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u, skont l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż fil-qasam tal-impjieg, tax-xogħol u tar-remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Tesco Stores, C‑624/19, EU:C:2021:429, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għas-sena 2018, huwa kkalkolat abbażi tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li l-benefiċjarju kien jirċievi s-sena preċedenti, li għalih kien diġà kkostitwit dritt, peress li dan l-aġġustament iseħħ b’mod digressiv sabiex isir ineżistenti lil hinn minn ċertu ammont. Barra minn hekk, l-imsemmi aġġustament ma jiddependix fuq id-data tal-perijodi ta’ impjieg jew ta’ affiljazzjoni tal-benefiċjarju kkonċernat.

41      Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa biss fir-rigward ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma għandhiex effett retroattiv. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar ġew irtirati wara l‑1 ta’ Jannar 1994 u jibbenefikaw minn pensjoni li huma la jikkontestaw id-data tal-ftuħ u lanqas l-ammont iffissat inizjalment. Huma lanqas ma jikkontestaw l-ammont tal-pensjoni tagħhom b’rabta mal-ħlasijiet magħmula fil-passat u lanqas mal-perijodi ta’ impjieg ta’ qabel l‑1 ta’ Jannar 1994.

42      Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra essenzjalment fil-punti 32 sa 39 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li l-Protokoll Nru 33 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/54 jiġu interpretati fis-sens li l-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha tapplika għal aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar sa fejn tali mekkaniżmu ma għandux il-konsegwenza li jikkontesta drittijiet miksuba jew pagamenti li jseħħu qabel id-data ta’ referenza prevista fl-imsemmija dispożizzjonijiet. Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, din il-limitazzjoni ma tistax tiġi invokata kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għas-sena 2018 biss.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Protokoll Nru 33 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tapplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar mogħtija taħt skema professjonali ta’ sigurtà soċjali, applikabbli wara d-data msemmija mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

 Fuq ittieni domanda

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 157 TFUE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi aġġustament annwali digressiv tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali nazzjonali skont id-daqs ta’ dan l-ammont, b’assenza totali ta’ aġġustament lil hinn minn ċertu ammont ta’ pensjoni.

45      L-Artikolu 5(ċ) ta’ din id-direttiva jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fi skemi professjonali ta’ sigurtà soċjali f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-benefiċċji.

46      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat, qabelxejn, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinvolvix diskriminazzjoni diretta, peress li tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa.

47      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali leġiżlazzjoni twassalx għal diskriminazzjoni indiretta, kif iddefinita, għall-finijiet tal-imsemmija direttiva, fl-Artikolu 2(1)(b) tagħha, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont l-Artikolu 41(4) tal-PG 1965, moqri flimkien mal-Artikolu 711(1) tal-ASVG, l-uffiċjali federali Awstrijaċi li jirċievu pensjoni tal-irtirar fix-xahar ogħla minn ċertu ammont huma żvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li l-pensjoni tal-irtirar tagħhom hija inqas, peress li dawk tal-ewwel ma bbenefikawx minn żieda fl-ammont tal-pensjoni tagħhom, jew ibbenefikaw minnha biss sa ċertu punt. Tali leġiżlazzjoni tistabbilixxi għalhekk differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali federali Awstrijaċi skont kriterju apparentement newtrali, jiġifieri l-ammont tal-pensjoni tagħhom.

48      Fir-rigward tal-punt dwar jekk din id-differenza fit-trattament tiżvantaġġax b’mod partikolari persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, il-qorti tar-rinviju tindika li, abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-konstatazzjonijiet stabbiliti mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), ma huwiex eskluż li jkunu ssodisfatti, minn perspettiva statistika, il-kundizzjonijiet li jistabbilixxu diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ tnejn mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li ħafna iktar nisa huma kkonċernati mill-Artikolu 41(4) tal-PG 1965, moqri flimkien mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 711(1) tal-ASVG, sa fejn iktar irġiel huma rrappreżentati fil-kategorija ta’ persuni li jirċievu pensjonijiet ogħla mill-bażi massima stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni.

49      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ tali żvantaġġ partikolari tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk jiġi pprovat li leġiżlazzjoni nazzjonali taffettwa b’mod negattiv proporzjon sinjifikattivament ikbar ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet ta’ impriża ta’ persunal qafas), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      L-evalwazzjoni tal-fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta għandha ssir mill-qorti nazzjonali, konformement mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki nazzjonali li jistgħu jipprevedu, b’mod partikolari, li d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita b’kull mezz, inkluż abbażi ta’ data statistika. Għalhekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa sa fejn id-data statistika prodotta quddiemha hija affidabbli u jekk din tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, jiġifieri jekk, b’mod partikolari, hijiex l-espressjoni ta’ fenomeni purament fortuwiti jew okkażjonali u jekk hijiex suffiċjentement sinjifikattiva (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet ta’ impriża ta’ persunal qafas), C‑223/19, EU:C:2020:753, punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Jekk l-istatistika li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni għandha effettivament turi li l-perċentwali tal-ħaddiema ta’ sess hija affettwata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni b’mod kunsiderevolment ogħla minn dak tal-ħaddiema tas-sess l-ieħor li wkoll jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, ikun hemm lok li jitqies li tali sitwazzjoni turi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, li tmur kontra l-Artikolu 5(ċ) tad-Direttiva 2006/54, sakemm l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß, C-300/06, EU:C:2007:757, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet ta’ impriża ta’ persunal qafas), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 54).

52      F’każ bħal dan, hija għalhekk din il-qorti li għandha teżamina sa fejn tali differenza fit-trattament tista’ madankollu tiġi ġġustifikata minn fatturi li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54.

53      Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa b’mod partikolari l-każ jekk il-mezzi magħżula jissodisfaw għan leġittimu ta’ politika soċjali, huma adatti sabiex jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u huma neċessarji għal dan il-għan, peress li dawn ma jistgħux jitqiesu li huma xierqa sabiex jiggarantixxu l-għan invokat ħlief jekk dawn jissodisfaw verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq u jekk huma implimentati b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Leone, C‑173/13, EU:C:2014:2090, punti 53 u 54 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet ta’ impriża għall-persunal qafas), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 56).

54      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, huma u jagħżlu l-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali u tal-impjieg tagħhom, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet tal-kumpannija ta’ persunal b’anzjanità), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u sa fejn id-dispożizzjoni leġiżlattiva inkwistjoni fil-kawża li tressqet quddiemha hijiex iġġustifikata minn tali fattur oġġettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tipprovdilha risposti utli, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ta’ natura li jippermettulha tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet ta’ impriża ta’ persunal qafas), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 58).

56      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tippreżerva s-setgħa ta’ akkwist tal-benefiċjarji ta’ pensjonijiet tal-irtirar billi tiffavorixxi, permezz ta’ “kumpens soċjali”, il-pensjonijiet tal-irtirar modest meta mqabbla mal-ogħla, sabiex tiġi evitata differenza kbira wisq bejn dawn il-pensjonijiet u sabiex jiġi żgurat il-finanzjament fit-tul tagħhom.

57      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni għad-detriment ta’ wieħed mis-sessi, l-għanijiet li jikkonsistu f’li jiġi żgurat il-finanzjament sostenibbli tal-pensjonijiet tal-irtirar u li titnaqqas id-differenza bejn il-livelli tal-pensjonijiet iffinanzjati mill-Istat jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet ta’ impriża għall-persunal qafas), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 61, u tal‑21 ta’ Jannar 2021, INSS, C‑843/19, EU:C:2021:55, punt 38).

58      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li ma humiex relatati ma’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

59      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità mfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari fir-rigward tan-natura xierqa tagħha, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tippermetti li jiżdiedu biss il-pensjonijiet tal-irtirar li l-ammont tagħhom huwa medju jew baxx, filwaqt li tiżgura b’mod partikolari li dawk li l-ammont tagħhom huwa l-inqas għoli jkunu f’miżura ogħla mill-inflazzjoni, li b’hekk jikkontribwixxu għall-finanzjament sostenibbli ta’ dawn il-pensjonijiet u li jitnaqqsu d-differenzi bejniethom.

60      Ċertament, kif irrilevat mill-qorti tar-rinviju, l-indiċjar tal-pensjonijiet tal-irtirar fuq ir-rata tal-inflazzjoni ma jbiddilx minnu nnifsu d-differenzi fil-livell bejn id-diversi pensjonijiet u d-diskrepanza bejniethom tibqa’ intatta mill-aspett matematiku. Madankollu, iż-żieda fil-prezzijiet taqa’ iktar fuq il-livell ta’ għajxien tal-persuni li jirċievu pensjonijiet tal-irtirar f’ammont li ma tantx huwa għoli. Barra minn hekk, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tolqot biss il-benefiċċji li l-ammont tagħhom jaqbeż ċertu limitu, għandha bħala effett li tqarreb lil dawn tal-aħħar għal-livell ta’ pensjonijiet iktar baxxi.

61      Fir-rigward tal-punt dwar jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex implimentata b’mod koerenti u sistematiku, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak, li din tapplika għall-pensjonijiet tal-irtirar kollha tal-uffiċjali iżda wkoll għall-benefiċjarji ta’ pensjonijiet tal-irtirar imħallsa kemm taħt l-iskemi professjonali tas-sigurtà soċjali ta’ impriżi suġġetti għall-kontroll tal-Istat kif ukoll taħt l-iskema statutorja ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni prevista mill-ASVG. L-aġġustament annwali tal-pensjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplika għalhekk għall-benefiċjarji kollha ta’ pensjonijiet statali, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

62      Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali u tal-impjieg tagħhom, imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-koerenza tal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ aġġustament ma tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li għodod ta’ politika soċjali speċifiċi oħra jkunu diġà fis-seħħ, intiżi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ appoġġ għad-dħul baxx.

63      L-istess japplika għall-fatt li la l-pensjonijiet tal-iskemi professjonali tas-sigurtà soċjali privati u lanqas is-salarji tal-uffiċjali fis-servizz ma kienu s-suġġett tal-istess miżura ta’ aġġustament.

64      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward ta’ dawn l-iskemi privati, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dawn ma jiddependux mill-Istat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-uffiċjali fis-servizz, għalkemm, skont id-dritt intern, il-ħatra tagħhom toħloq relazzjoni ta’ impjieg tul il-ħajja u li l-pensjoni tal-irtirar tagħhom tikkorrispondi għal remunerazzjoni dovuta mill-Istat bħala kumpens għal servizzi mogħtija matul il-perijodu ta’ servizz attiv, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak jirriżulta wkoll li l-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali kienet suġġetta għal diversi emendi għal madwar dawn l-aħħar għoxrin sena, bil-għan li jsir allinjament mal-iskema tal-ASVG. B’mod partikolari, l-aġġustament tal-pensjonijiet tagħhom ma jsegwix iktar l-evoluzzjoni tas-salarju tal-uffiċjali fis-servizz iżda, bħala prinċipju, dak tar-rata tal-inflazzjoni, kif jirriżulta mill-pensjonijiet mogħtija taħt din l-aħħar skema. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-uffiċjali għall-irtirar u f’attività ma jidhrux li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, peress li l-għan, b’mod partikolari, li titnaqqas id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irtirar, sabiex jiġi evitat li tinħoloq matul iż-żmien diskrepanza bejn il-livelli ta’ dawn il-pensjonijiet, li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-ġestjoni tagħhom u dik tas-salarji.

65      Il-fatt li l-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali ma jingħatawx minn organu ta’ assigurazzjoni li mingħandu huma ħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom, iżda direttament mill-Istat, lanqas ma jidher determinanti fir-rigward tal-għan tal-finanzjament sostenibbli tal-pensjonijiet tal-irtirar u tat-tnaqqis tad-differenza bejniethom imfittex mil-leġiżlatur Awstrijak bl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, aġġustament tal-pensjonijiet ma jikkostitwixxix benefiċċju li jirrappreżenta l-korrispettiv tal-kontribuzzjonijiet imħallsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Brachner, C‑123/10, EU:C:2011:675, punt 79).

66      Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni hija implimentata b’mod sistematiku u koerenti, bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq f’dan ir-rigward.

67      L-imsemmija leġiżlazzjoni lanqas ma tidher li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Ċertament, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw żvalutazzjoni sinjifikattiva tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar tagħhom meta mqabbla mal-każ fejn huma kienu bbenefikaw kull sena mill-irtirar tagħhom, skont id-dritt nazzjonali, minn aġġustament ugwali għall-inflazzjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet kontributtivi tal-persuni kkonċernati. Fil-fatt, il-limitazzjonijiet ta’ żieda tal-pensjonijiet previsti fl-Artikolu 711 tal-ASVG, li għalih jirreferi l-Artikolu 41(4) tal-PG 1965, huma mifruxa skont l-ammonti tal-benefiċċji mogħtija u huwa biss fir-rigward tal-pensjonijiet l-iktar għoljin li tali żieda hija eskluża.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk dawn il-limitazzjonijiet jistgħux jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-Artikolu 157(4) TFUE jew tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux japplikaw għal leġiżlazzjoni nazzjonali li sempliċement tagħti lin-nisa pensjoni żejda mingħajr ma jirrimedjaw għall-problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-karriera professjonali tagħhom u li ma jidhrux li huma ta’ natura li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li għalihom huma esposti n-nisa billi jgħinu lil dawn f’din il-karriera u, għalhekk, jiżguraw ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment ta’ pensjoni għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 157 TFUE u l-Artikolu 5(ċ) tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi aġġustament annwali digressiv tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali nazzjonali skont id-daqs ta’ dan l-ammont, b’assenza totali ta’ aġġustament lil hinn minn ċertu ammont ta’ pensjoni, fl-ipoteżi fejn din il-leġiżlazzjoni taffettwa b’mod negattiv proporzjon sinjifikattiv ikbar ta’ benefiċjarji ta’ pensjoni rġiel minn benefiċjarji nisa, sakemm l-imsemmija regolamenti jsegwu, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet li jiżguraw il-finanzjament sostenibbli tal-pensjonijiet tal-irtirar u li jnaqqsu d-differenza bejn il-livelli tal-pensjonijiet iffinanzjati mill-Istat, mingħajr ma jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

 Fuq lispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Protokoll (Nru 33) dwar l-Artikolu 157 TFUE, anness mat-Trattat FUE, u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tapplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirrigwarda l-benefiċċji mogħtija taħt skema professjonali ta’ sigurtà soċjali, li tipprevedi aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar ta’ wara l1 ta’Jannar 1994, inkluż meta l-perijodi ta’ impjieg tal-persuna kkonċernata kienu parzjalment qabel din id-data.

2)      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 157 TFUE u l-Artikolu 5(ċ) tad-Direttiva 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi aġġustament annwali digressiv tal-ammont tal-pensjonijiet tal-irtirar tal-uffiċjali nazzjonali skont id-daqs ta’ dan l-ammont, b’assenza totali ta’ aġġustament lil hinn minn ċertu ammont ta’ pensjoni, fl-ipoteżi fejn din il-leġiżlazzjoni taffettwa b’mod negattiv proporzjon sinjifikattiv ikbar ta’ benefiċjarji ta’ pensjoni rġiel minn benefiċjarji nisa, sakemm l-imsemmija regolamenti jsegwu, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet li jiżguraw il-finanzjament sostenibbli tal-pensjonijiet tal-irtirar u li jnaqqsu d-differenza bejn il-livelli tal-pensjonijiet iffinanzjati mill-Istat, mingħajr ma jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top