EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0358

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Novembru 2021.
Promexor Trade Srl vs Direcţia Generală a Finanţelor Publice Cluj – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Bihor.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Judecătoria Oradea.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Dritt għal tnaqqis tal-VAT – Annullament tar-reġistrazzjoni għall-VAT ta’ persuna taxxabbli – Rifjut tad-dritt għal tnaqqis – Kundizzjonijiet formali.
Kawża C-358/20.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:936

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

18 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Dritt għal tnaqqis tal-VAT – Annullament tar-reġistrazzjoni għall-VAT ta’ persuna taxxabbli – Rifjut tad-dritt għal tnaqqis – Kundizzjonijiet formali”

Fil-Kawża C‑358/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Oradea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oradea, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

Promexor Trade SRL

vs

Directia Generală a Finantelor Publice Cluj – Administratia Judeteană a Finantelor Publice Bihor,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), Imħallef, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Promexor Trade SRL, minn R. Chiriţă, avocat,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, A. Rotăreanu u A. Wellman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 167 sa 169, 176 sa 180, tal-Artikolu 214(1) kif ukoll tal-Artikoli 250, 272 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, Vol. 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività, ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Promexor Trade SRL (iktar ’il quddiem “Promexor”) u d-Directia Generală a Finantelor Publice Cluj – Administratia Judeteană a Finantelor Publice Bihor (id-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj – l-Amministrazzjoni Dipartimentali għall-Finanzi Pubbliċi ta’ Bihor, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni għall-Finanzi Pubbliċi” dwar l-obbligu impost fuq Promexor, li lilha d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-input imħallsa ġie rrifjutat minħabba l-annullament tal-identifikazzjoni tagħha tal-VAT, li tħallas il-VAT fuq it-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 167 tad-Direttiva dwar il-VAT jistipula:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

4

L-Artikolu 168 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

(b)

il-VAT dovuta rigward transazzjonijiet trattati bħala provvisti ta’ merkanzija jew servizzi skond l-Artikolu 18(a) u l-Artikolu 27;

(ċ)

il-VAT dovuta rigward akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija skond l-Artikolu 2(1)(b)(i);

(d)

il-VAT dovuta fuq transazzjonijiet trattati bħala akkwisti intra-Komunitarji skond l-Artikoli 21 u 22;

e)

taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata f’dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 178 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI.

(b)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(b), fir-rigward ta’ transazzjonijiet trattati bħala l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, hi għandha tkun konformi mal-formalitajiet kif stabbiliti minn kull Stat Membru;

(c)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(c), fir-rigward ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, dan irid jinkludi fil-formola tal-VAT prevista fl-Artikolu 250 l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-ammont ta’ VAT dovut li jrid jiġi kkalkulat għall-akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u għandu jkollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 5 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;

(d)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(d), fir-rigward ta’ transazzjonijiet trattati bħala akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija, hi għandha tikkompleta l-formalitajiet kif inhuma stabbiliti minn kull Stat Membru;

(e)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(e), fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ merkanzija, hi għandha jkollha dokument li jispeċifikaha bħala ir–riċevitur jew importatur u jiddikjara l-ammont ta’ VAT dovuta jew li jippermetti li dan l-ammont jiġi kkalkulat;

(f)

meta tkun meħtieġa tħallas il-VAT bħala konsumatur fejn japplikaw l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199, hi għandha tkun konformi mal-formalitajiet kif stabbiliti minn kull Stat Membru.”

6

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 179 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“Il-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, matul l-istess perijodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u hu eżerċitat skond l-Artikolu 178.”

7

L-Artikolu 180 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw persuna taxxabbli li tagħmel tnaqqis li ma tkunx għamlet skond l-Artikoli 178 u 179.”

8

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 213(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli.”

9

Skont l-Artikolu 214(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:

(a)

kull persuna taxxabbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2) [l-Artikolu 9(2)], li fit-territorju tagħhom twettaq fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħhom tista’ titnaqqas il-VAT, minbarra l-fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom il-VAT għandha titħallas biss mill-konsumatur jew mill-persuna li għaliha hija intenzjonata l-merkanzija jew is-servizzi, skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199;

(b)

kull persuna taxxabbli, jew persuna legali li mhix taxxabbli, li tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija soġġetta għall-VAT skond l-Artikolu 2(1)(b) u kull persuna taxxabbli jew persuna legali li mhix taxxabbli li teżerċita l-għażla skond l-Artikolu 3(3) li jagħmlu l-akkwisti intra-Komunitarji tagħhom soġġetti għall-VAT;

(ċ)

kull persuna taxxabbli li, fit-territorju rispettiv tagħhom, tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija għall-iskopijiet ta’ transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) u li huma mwettqa barra minn dak it-territorju;

(d)

kull persuna taxxabbli li fit-territorju rispettiv tagħha tirċievi servizzi li għalihom għandha tħallas il-VAT skond l-Artikolu 196;

(e)

kull persuna taxxabbli, stabbilita fit-territorju rispettiv tagħha, twettaq forniment ta’ servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li għalihom għandha titħallas il-VAT unikament mir-riċevitur skond l-Artikolu 196.”

10

L-Artikolu 250(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“Kull persuna taxxabbli għandha tipprezżenta denunzja tal-VAT li tistipula l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tinħadem it-taxxa li ġiet imposta u t-tnaqqis li jrid isir inkluż, sa fejn hu meħtieġ biex tkun stabbilita l-bażi tal-valutazzjoni, il-valur totali tat-transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-taxxi u tnaqqis u l-valur ta’ kwalunkwe transazzjonijiet eżenti.”

11

Skont l-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.”

Id-dritt Rumen

Il-Kodiċi tat-Taxxa l-antik

12

L-Artikolu 153(9) u (9bis) tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxi) tat‑22 ta’ Diċembru 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tat‑23 ta’ Diċembru 2003), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa l-antik”), kien jipprevedi:

“9.   “L-awtoritajiet fiskali kompetenti għandhom jannullaw ir-reġistrazzjoni ta’ persuna għall-VAT konformement ma’ dan l-artikolu:

[…]

(e)

jekk, fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT ippreżentati għal sitt xhur konsekuttivi matul semestru kalendarju, fil-każ tal-persuni li s-sena fiskali tagħhom tkun ix-xahar kalendarju, u għal żewġ perijodi fiskali konsekuttivi matul semestru kalendarju, fil-każ tal-persuni taxxabbli li s-sena fiskali tagħhom tkun it-trimestru kalendarju, ma ssemmew la akkwisti ta’ beni jew ta’ servizzi u lanqas provvisti ta’ beni jew ta’ servizzi mwettqa matul dawn il-perijodi ta’ dikjarazzjoni, sa mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara s-semestru kalendarju pendenti. B’effett mid-dikjarazzjoni dwar ix-xahar ta’ Lulju 2012, fil-każ tal-persuni taxxabbli li s-sena fiskali tagħhom tkun ix-xahar kalendarju, jew tad-dikjarazzjoni dwar it-tielet trimestru tas-sena 2012, fil-każ tal-persuni taxxabbli li s-sena fiskali tagħhom tkun it-trimestru kalendarju, l-awtoritajiet fiskali kompetenti għandhom jannullaw ir-reġistrazzjoni ta’ persuna għall-VAT jekk, fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT ippreżentati għal sitt xhur konsekuttivi, fil-każ tal-persuni taxxabbli li s-sena fiskali tagħhom tkun ix-xahar kalendarju, u għal żewġ trimestri kalendarji konsekuttivi, fil-każ tal-persuni taxxabbli li s-sena fiskali tagħhom hija x-xahar kalendarju, u għal żewġ trimestri kalendarji konsekuttivi, fil-każ tal-persuni taxxabbli li s-sena fiskali tagħhom tkun it-trimestru kalendarju, la ssemmew akkwisti ta’ beni jew ta’ servizzi u lanqas kunsinni ta’ beni jew provvisti ta’ servizzi mwettqa matul dawn il-perijodi ta’ dikjarazzjoni, sa mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak li matulu t-terminu għall-preżentata tas-sitt dikjarazzjoni jkun skada, fl-ewwel każ, u sa mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak li matulu t-terminu għall-preżentata tat-tieni dikjarazzjoni jkun skada, fit-tieni;

[…]

9bis.   Il-proċedura ta’ annullament tar-reġistrazzjoni tal-VAT għandha tiġi ddefinita bir-regoli proċedurali fis-seħħ. Wara l-annullament tar-reġistrazzjoni tal-VAT ikkonstatata konformement mal-paragrafu (9)(a) sa (e) u (h), l-awtoritajiet fiskali kompetenti għandhom jidentifikaw il-persuni suġġetti għall-VAT billi japplikaw il-paragrafu 7bis kif ġej:

[…]

(d)

fuq talba tal-persuna taxxabbli, fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 9(e), abbażi ta’ attestazzjoni fuq l-unur li minnha jirriżulta li hija ser teżerċita attivitajiet ekonomiċi. Id-data ta’ reġistrazzjoni għall-VAT tal-persuna taxxabbli hija dik tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni għall-VAT.

Il-persuni taxxabbli li jinsabu fis-sitwazzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu ma jistgħux japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu għall-eżenzjoni għall-impriżi żgħar previst fl-Artikolu 152 sad-data ta’ reġistrazzjoni għall-VAT u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1bis) u (1quater).”

13

L-Artikolu 11(1quater) tal-Kodiċi tat-Taxxa l-antik kien jiddisponi:

“Il-kontribwenti, persuni taxxabbli stabbiliti fir-Rumanija, li r-reġistrazzjoni għall-VAT tagħhom tkun ġiet annullata konformement mal-Artikolu 153(9)(b) sa (e) u (h), ma jibbenefikawx, għall-perijodu inkwistjoni, mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq l-akkwisti mwettqa, iżda huma suġġetti għall-VAT miġbura, konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa matul dak il-perijodu. Għall-akkwisti ta’ beni u/jew ta’ servizzi mwettqa fil-perijodu li matulu l-persuna kkonċernata ma jkollhiex numru tal-VAT validu, intiżi għat-tranżazzjonijiet li ser jitwettqu wara d-data ta’ reġistrazzjoni għall-VAT u li jagħtu dritt għal tnaqqis skont it-Titolu VI, għandha tiġi aġġustata favur il-persuna taxxabbli, permezz ta’ iskrizzjoni fl-ewwel dikjarazzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 156ter ippreżentata mill-persuna taxxabbli wara r-reġistrazzjoni għall-VAT jew, skont il-każ, f’dikjarazzjoni sussegwenti, it-taxxa relatata:

(a)

mal-beni maħżuna u mas-servizzi li ma humiex użati fil-mument tar-reġistrazzjoni, ikkonstatati abbażi ta’ inventarju;

(b)

mal-assi fissi tanġibbli, inkluż l-oġġetti kapitali li fir-rigward tagħhom il-perijodu ta’ aġġustament tat-tnaqqis ma jkunx skada, kif ukoll mal-assi fissi tanġibbli fi proċess ta’ eżekuzzjoni, ikkonstatati abbażi ta’ inventarju, li jkunu proprjetà tal-persuna kkonċernata fil-mument tar-reġistrazzjoni. Fil-każ tal-assi fissi tanġibbli għajr oġġetti kapitali, it-taxxa marbuta mal-valuri li jkunu għadhom mhux deprezzati fil-mument tar-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġustata. L-Artikolu 149 japplika fir-rigward tal-oġġetti kapitali”.

14

L-Artikolu 145 tal-Kodiċi tat-Taxxi l-antik kien jipprevedi:

“1.   Id-dritt għal tnaqqis iseħħ fil-mument meta t-taxxa li tista’ titnaqqas tiġi imposta.

2.   Kull persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas it-taxxa relatata max-xiri jekk dan tal-aħħar jintuża għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet segwenti:

(a)

it-tranżazzjonijiet intaxxati;

(b)

it-tranżazzjonijiet li jirriżultaw minn attivitajiet ekonomiċi li għalihom il-post ta’ kunsinna/provvista jitqies li jinsab barra mill-pajjiż, fil-każ li t-taxxa setgħet titnaqqas li kieku dawn it-tranżazzjonijiet twettqu fir-Rumanija;

(c)

it-tranżazzjonijiet eżentati, konformement mal-Artikoli 143, 144 u 144bis;

(d)

it-tranżazzjonijiet eżentati konformement mal-punti (1) sa (5) tal-Artikolu 141(2)(a), meta l-akkwirent jew id-detentur ikun stabbilit barra mill-Komunità jew meta dawn it-tranżazzjonijiet ikunu direttament marbuta ma’ beni li huma maħsuba li jiġu esportati barra mill-Komunità kif ukoll għat-tranżazzjonijiet imwettqa minn intermedjarji li jaġixxu f’isem u għan-nom ta’ ħaddieħor, meta dawn iseħħu fl-iżvolġiment ta’ tali tranżazzjonijiet;

(e)

it-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 128(7) u fl-Artikolu 129(7) jekk it-taxxa kienet tapplika għall-imsemmi trasferiment.

[…]

4.   Suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli li jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni, id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa għandu jingħata għall-akkwisti mwettqa minn persuna taxxabbli qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT, konformement mal-Artikolu 153.”

Il-Kodiċi tat-Taxxa l-ġdid

15

L-Artikolu 11(8) tal-Legea nr. 227/2015 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 227/2015 dwar il-Kodiċi tat-Taxxi) tat‑8 ta’ Settembru 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 688 tal‑10 ta’ Settembru 2015, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxi l-ġdid”), jiddisponi:

“Il-persuni taxxabbli stabbiliti fir-Rumanija, li r-reġistrazzjoni għall-VAT tagħhom tkun ġiet annullata konformement mal-Artikolu 316(11)(c) sa (e) u (h), ma jibbenefikawx, għall-perijodu inkwistjoni, mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq l-akkwisti mwettqa, iżda huma suġġetti għall-VAT miġbura, konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII, relatata mat-tranżazzjonijiet intaxxati mwettqa matul dan il-perijodu. Fil-każ ta’ reġistrazzjoni għall-VAT konformement mal-Artikolu 316(12), il-persuna taxxabbli għandha teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha għall-akkwisti ta’ beni u/jew ta’ servizzi mwettqa matul il-perijodu li matulu n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT kien ġie annullat, permezz ta’ reġistrazzjoni fl-ewwel dikjarazzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 323 ippreżentata wara r-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT jew, skont il-każ, f’dikjarazzjoni sussegwenti, anki jekk il-fattura ma tinkludix in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT tal-persuna taxxabbli. Wara li jkunu ġew irreġistrati għall-VAT konformement mal-Artikolu 316(12) għall-provvisti ta’ oġġetti/servizzi mwettqa matul il-perijodu li matulu n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT ikun ġie annullat, il-persuni taxxabbli għandhom joħorġu fatturi li jindikaw separatament [il-VAT] miġbura matul dan il-perijodu, li ma hijiex inkluża fid-dikjarazzjoni tal-VAT ippreżentata konformement mal-Artikolu 323.”

16

Skont l-Artikolu 316(12) u (14) tal-Kodiċi tat-Taxxa l-ġdid:

“12.   Il-proċedura ta’ annullament tar-reġistrazzjoni għall-VAT għandha tiġi ddefinita bir-regoli proċedurali fis-seħħ. Wara l-annullament tar-reġistrazzjoni għall-VAT ikkonstatata konformement mal-paragrafu 11(a) sa (e) u (h), l-awtoritajiet fiskali kompetenti għandhom jidentifikaw il-persuna suġġetta għall-VAT, fuq it-talba tagħha, bil-mod li ġej:

[…]

(d)

fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 11(e), abbażi ta’ dikjarazzjoni fuq l-unur li minnha jsegwi li huwa ser jeżerċita attivitajiet ekonomiċi. Id-data ta’ reġistrazzjoni għall-VAT tal-persuna taxxabbli hija dik tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni għall-VAT;

[…]

14.   Il-persuni taxxabbli li jinsabu fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 12 ma jistgħux japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-limitu ta’ eżenzjoni għall-impriżi żgħar previst fl-Artikolu 310 sad-data ta’ reġistrazzjoni għall-VAT u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(6) u (8).”

17

L-Artikolu 297 tal-Kodiċi tat-Taxxa l-ġdid jiddisponi:

“1.   Id-dritt għal tnaqqis jitnissel fil-mument meta t-taxxa tiġi imposta.

[…]

4.   Kull persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas it-taxxa relatata max-xiri jekk dan tal-aħħar jintuża għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet segwenti:

a)

it-tranżazzjonijiet intaxxati;

b)

it-tranżazzjonijiet li jirriżultaw minn attivitajiet ekonomiċi li għalihom il-post tal-provvista huwa kkunsidrat bħala li jinsab barra mill-pajjiż, fil-każ fejn it-taxxa tkun tista’ titnaqqas li kieku dawn it-tranżazzjonijiet twettqu fir-Rumanija;

c)

it-tranżazzjonijiet eżentati, konformement mal-Artikoli 294, 295 u 296;

d)

it-tranżazzjonijiet eżentati konformement mal-punti (1) sa (5) tal-Artikolu 292(2)(a) u mal-Artikolu 292(2)(b), meta l-akkwirent jew id-detentur ikun stabbilit barra mill-Unjoni Ewropea jew meta dawn it-tranżazzjonijiet ikunu direttament marbuta ma’ beni li huma maħsuba għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni Ewropea u għat-tranżazzjonijiet imwettqa minn intermedjarji li jaġixxu f’isem u għan-nom ta’ ħaddieħor, meta dawn iseħħu fl-iżvolġiment ta’ tali tranżazzjonijiet;

[…]

6.   Suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli li jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni, id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa għandu jingħata għall-akkwisti mwettqa minn persuna taxxabbli qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT, konformement mal-Artikolu 316”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2014, ir-reġistrazzjoni għall-VAT ta’ Promexor ġiet annullata ex officio għar-raġuni li d-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha ppreżentati għal sitt xhur konsekuttivi ma kinux isemmu tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT. Mingħajr numru ta’ reġistrazzjoni validu, Promexor madankollu kompliet, minn Mejju 2014, toħroġ fatturi mingħajr VAT.

19

Fix-xahar ta’ April 2019, l-Amministrazzjoni għall-Finanzi Pubbliċi nnotifikat lil Promexor b’avviż ta’ kontroll fiskali li kien ikopri l-perijodu mill‑1 ta’ April 2014 sal‑31 ta’ Diċembru 2017. Sabiex tevita l-ħlas ta’ multa minħabba nuqqas ta’ preżentata, fit-termini previsti, ta’ dikjarazzjonijiet fiskali, Promexor ipproċediet għall-preżentata a posteriori tad-dikjarazzjonijiet dwar il-VAT dovuta mill-persuni taxxabbli li n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT tagħhom ġie annullat konformement mal-Artikolu 153(10) tal-Kodiċi tat-Taxxi l-antik.

20

Abbażi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u mingħajr ma wettqet verifiki addizzjonali, l-Amministrazzjoni għall-Finanzi Pubbliċi ħarġet, fid‑19 ta’ April 2019, titolu eżekuttiv li abbażi tiegħu hija bdiet, kontra Promexor, proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, bil-ħruġ, fl-istess 19 ta’ April 2019, ta’ ordni għall-ħlas tal-VAT.

21

Wara l-kontroll fiskali mwettaq fil‑11 ta’ Ġunju 2019, l-Amministrazzjoni għall-Finanzi Pubbliċi ddeċidiet, f’dak li jirrigwarda l-perijodu msemmi, li Promexor kienet effettivament ippreżentat id-dikjarazzjonijiet dwar il-VAT. Fil‑31 ta’ Lulju 2019, jiġifieri wara l-adozzjoni tar-rapport ta’ kontroll fiskali, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis, Promexor ippreżentat dikjarazzjonijiet ta’ rettifika li jsemmu ammont ta’ VAT ugwali għal żero.

22

Permezz ta’ att tat‑28 ta’ Mejju 2019, Promexor adixxiet lill-Judecătoria Oradea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oradea, ir-Rumanija) b’rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tat-titolu eżekuttiv u tal-ordni ta’ ħlas tad‑19 ta’ April 2019.

23

Insostenn tar-rikors tagħha, Promexor sostniet li, minkejja l-eżistenza ta’ rimedji intiżi sabiex jirrimedjaw il-konsegwenzi ta’ annullament tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT, jiġifieri l-possibbiltà għal persuna taxxabbli li tibbenefika retroattivament, wara reġistrazzjoni ġdida għall-VAT, mit-tnaqqis tal-VAT għall-perijodu kollu li matulu hija ma kellhiex numru ta’ reġistrazzjoni, fil-prattika dawn ir-rimedji baqgħu inaċċessibbli. F’tali ċirkustanzi, il-persuna taxxabbli li r-reġistrazzjoni għall-VAT tagħha tkun ġiet annullata u li, għal raġunijiet formali, ma tistax tirreġistra ruħha mill-ġdid għall-VAT, ma jkollha l-ebda rimedju. Barra minn hekk, Promexor sostniet li ż-żamma indeterminata, fuq persuna ġuridika li n-numru ta’ reġistrazzjoni għall-VAT tagħha jkun ġie annullat, tal-obbligu li tħallas il-VAT miġbura tkun tmur kontra l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

L-Amministrazzjoni għall-Finanzi Pubbliċi, min-naħa tagħha, sostniet li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kienet fondata u regolari. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet dwar il-VAT dovuta mill-persuni taxxabbli li n-numru ta’ reġistrazzjoni għall-VAT tagħhom ikun ġie annullat, bħal dawk ippreżentati minn Promexor, għandhom valur ta’ dikjarazzjonijiet fuq l-unur, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. F’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet ta’ rettifika, l-Amministrazzjoni għall-Finanzi Pubbliċi osservat li dawn kienu ġew ippreżentati wara l-adozzjoni tar-rapport ta’ kontroll fiskali, b’tali mod li, skont il-liġi, ma kienet għadha tista’ ssir ebda korrezzjoni għalihom.

25

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-persuna taxxabbli li r-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT ġiet annullata ma għandhiex dritt għal tnaqqis tal-VAT relatata mal-akkwisti mwettqa, iżda tibqa’ suġġetta għall-obbligu li tħallas il-VAT miġbura. Sussegwentement, hija tindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ ma tistabbilixxi ebda limitu ta’ żmien f’dak li jirrigwarda l-obbligu tal-ġbir tal-VAT impost fuq tali persuna taxxabbli. Fl-aħħar, hija żżid li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT jista’, ċertament, jiġi eżerċitat ukoll b’mod retroattiv, wara reġistrazzjoni ġdida għall-VAT. Madankollu, f’dan il-każ, Promexor hija mċaħħda minn tali possibbiltà, minħabba li ma tissodisfax rekwiżit formali, peress li l-amministratur tagħha għandu wkoll il-kwalità ta’ soċju ta’ kumpannija suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Judecătoria Oradea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Oradea) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [dwar il-VAT] u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludu regoli nazzjonali li permezz tagħhom Stat Membru jimponi lil ċittadin jiġbor u jittrasferixxi l-VAT lill-Istat, għal perijodu ta’ żmien indeterminat, mingħajr, madankollu, ma jirrikonoxxilu d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, peress li dan kellu n-numru tal-VAT tiegħu annullat ex officio minħabba li fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT issottomessi għal sitt xhur konsekuttivi/żewġ trimestri kalendarji konsekuttivi ma kienet indikata l-ebda tranżazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT?

2)

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u [l-prinċipju] ta’ kooperazzjoni leali, hekk kif stabbiliti fid-Direttiva [dwar il-VAT], huma kompatibbli ma’ regola nazzjonali jew prattika amministrattiva fiskali li permezz tagħha, għalkemm l-Istat Membru normalment jippermetti li persuna ġuridika tiġi rreġistrata mill-ġdid għall-finijiet tal-VAT, fuq talba tagħha, wara l-annullament ex officio tan-numru tal-VAT, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi l-persuna taxxabbli ma tistax titlob li tiġi rreġistrata mill-ġdid għall-finijiet tal-VAT għal raġunijiet purament formali u tkun obbligata tiġbor u tittrasferixxi l-VAT lill-Istat, għal perijodu ta’ żmien indeterminat, iżda mingħajr id-dritt korrelattiv għat-tnaqqis tal-VAT?

3)

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u [l-prinċipju] ta’ kooperazzjoni leali, hekk kif stabbiliti fid-Direttiva [dwar il-VAT], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu li jiġi stabbilit obbligu tal-persuna taxxabbli li tiġbor u tħallas il-VAT, għal perijodu ta’ żmien indeterminat, u mingħajr ma tiġi rrikonoxxuta d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, mingħajr ma l-awtorità tat-taxxa inkwistjoni ma tivverifika [l-osservanza tal-]kundizzjonijiet sostantivi rigward id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u mingħajr ma l-persuna taxxabbli ma tkun wettqet frodi?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27

Il-Gvern Rumen jikkontesta d-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku u fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju u jallega li, kieku Promexor kienet ressqet talba għall-kisba ta’ numru ġdid ta’ reġistrazzjoni tal-VAT, l-Amministrazzjoni għall-Finanzi Pubbliċi kienet tagħtih wieħed. Konsegwentement, il-Gvern Rumen jikkunsidra li d-domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

28

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima u li għandha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius, C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius, C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jsegwix b’mod manifest li s-sitwazzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tikkorrispondi għal waħda mill-ipoteżi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, anki jekk il-qorti tar-rinviju ma ċċitatx espressament id-dispożizzjoni nazzjonali li kienet tipprekludi lil Promexor milli tikseb reġistrazzjoni ġdida tal-VAT, hija madankollu semmiet l-eżistenza ta’ tali dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex ikkontestat li tali dispożizzjoni teżisti u tinsab fl-Ordinul președintelui ANAF nr. 2856/2017 (id-Digriet tal-President tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali Nru 2856/2017). Minbarra dan, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju.

31

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

32

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 168, l-Artikolu 213(1), l-Artikolu 214(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lil amministrazzjoni fiskali, li tkun annullat ir-reġistrazzjoni għall-VAT ta’ persuna taxxabbli li, għal sitt xhur konsekuttivi, tkun ippreżentat dikjarazzjonijiet tal-VAT li fihom ma kien hemm ebda tranżazzjoni taxxabbli, tobbliga lil din il-persuna taxxabbli, meta hija ssegwi l-attività tagħha wara l-annullament tar-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT, li tiġbor il-VAT mingħajr madankollu ma tkun tista’ titlob reġistrazzjoni ġdida għall-VAT u tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa upstream.

33

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu, mill-VAT li huma suġġetti għaliha, il-VAT dovuta jew imħallsa għall-beni akkwistati jew għas-servizzi rċevuti minnhom upstream jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq. tad-Direttiva dwar il-VAT jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u, bħala prinċipju, ma jistax jiġi limitat. B’mod partikolari, dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat immedjatament għat-totalità tat-taxxi imposti fuq it-tranżazzjonijiet imwettqa upstream. Is-sistema tat-tnaqqis hija intiża sabiex ittaffi kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu u s-sistema komuni tal-VAT tiżgura n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Dobre, C‑159/17, EU:C:2018:161, punti 28 sa 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, il-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeżiġi li t-tnaqqis tal-VAT tal-input jingħata jekk ir-rekwiżiti sostantivi jkunu ssodisfatti, anki jekk il-persuni taxxabbli jkunu naqsu milli jissodisfaw ċerti rekwiżiti formali (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Dobre, C‑159/17, EU:C:2018:161, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, minkejja li r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi ġġustifikat meta l-ksur tar-rekwiżiti formali jkollu bħala effett li jipprekludi li tiġi prodotta l-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi ġew issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Astone, C‑332/15, EU:C:2016:614, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), tali rifjut ma jistax jiġi invokat meta l-amministrazzjoni kompetenti jkollha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tistabbilixxi li r-rekwiżiti sostantivi ġew issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Idexx Laboratories Italia, C‑590/13, EU:C:2014:2429, punti 4445).

35

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’mod partikolari, ir-reġistrazzjoni għall-VAT, prevista fl-Artikolu 214 tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll l-obbligu tal-persuna taxxabbli li tiddikjara l-bidu, il-bdil u l-waqfien tal-attivitajiet tagħha, previst fl-Artikolu 213 ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxu biss rekwiżiti formali għal finijiet ta’ kontroll, li ma jistgħux jikkompromettu, b’mod partikolari, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, sa fejn il-kundizzjonijiet materjali li jagħtu lok għal dan id-dritt ikunu ssodisfatti (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn dan li persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT ma tistax tiġi prekluża milli teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha għar-raġuni li ma kinitx irreġistrata għall-VAT qabel ma użat il-beni akkwistati fil-kuntest tal-attività taxxabbli tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Salomie u Oltean, C‑183/14, EU:C:2015:454, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

B’mod partikolari, f’kawża dwar l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 167 sa 169 u 179, l-Artikolu 213(1), l-Artikolu 214(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-amministrazzjoni fiskali tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt għal tnaqqis tal-VAT meta jkun stabbilit li, minħabba n-nuqqasijiet allegati fil-konfront ta’ din tal-aħħar, l-amministrazzjoni fiskali ma setax ikollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi li r-rekwiżiti sostantivi li jagħtu lok għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa mill-imsemmija persuna taxxabbli huma ssodisfatti jew li din tal-aħħar aġixxiet b’mod frawdolenti sabiex tkun tista’ tibbenefika minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Dobre, C‑159/17, EU:C:2018:161, punt 42).

38

F’dan il-każ, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tqis li ma kienx hemm frodi tal-VAT fil-kawża prinċipali. Jekk din l-assenza ta’ frodi kellha tiġi kkonfermata, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa ma jistax, għal din ir-raġuni, jiġi rrifjutat lil Promexor.

39

Fil-kuntest ta’ din il-verifika, hija l-qorti tar-rinviju li għandu tieħu inkunsiderazzjoni tal-fatt li, anki jekk in-nuqqasijiet tal-obbligi formali ma jipprekludux li tiġi prodotta l-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi li jagħtu lok għal dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input huma ssodisfatti, tali ċirkustanzi jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza tal-każ l-iktar sempliċi ta’ frodi fiskali, li fih il-persuna taxxabbli deliberatament tonqos milli tissodisfa l-obbligi formali li huma imposti fuqha bl-għan li tevadi l-ħlas tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Astone, C‑332/15, EU:C:2016:614, punt 55).

40

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tindika li, filwaqt li ġiet imċaħħda mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, minħabba l-fatt li l-Amministrazzjoni għall-Finanzi Pubbliċi ma vverifikatx jekk il-kundizzjonijiet sostantivi sabiex tkun tista’ titlob dan it-tnaqqis kinux issodisfatti, Promexor baqgħet obbligata tiġbor il-VAT dovuta fuq it-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha u kienet fl-impossibbiltà, għal raġunijiet purament formali, li tikseb reġistrazzjoni ġdida għall-VAT.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm mill-formulazzjoni tal-Artikoli 213 u 214 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw miżuri sabiex jiżguraw ir-reġistrazzjoni tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikun illimitat, b’tali mod li Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jagħti lil persuna taxxabbli numru individwali mingħajr raġuni leġittima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Ablessio, C‑527/11, EU:C:2013:168, punti 2223). B’mod partikolari, għalkemm l-Istati Membri għandhom interess leġittimu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u jiġġieldu kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali kif ukoll l-abbużi eventwali, u minkejja li huma jistgħu għalhekk jipprevedu wkoll b’mod leġittimu, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, miżuri xierqa sabiex jipprekludu l-użu abbużiv tan-numri ta’ reġistrazzjoni, b’mod partikolari minn impriżi li l-attività tagħhom u, konsegwentement, il-kwalità ta’ persuna taxxabbli jkunu purament fittizji, dawn il-miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tat-taxxa u tiġi evitata l-frodi u ma għandhomx jimminaw b’mod sistematiku d-dritt għal tnaqqis tal-VAT u, għaldaqstant, in-newtralità ta’ din it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Ablessio, C‑527/11, EU:C:2013:168, punti 2830).

42

Issa, il-fatt li amministrazzjoni fiskali tissuġġetta, billi tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT għall-osservanza ta’ obbligi formali, bħar-reġistrazzjoni għall-VAT, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti sostantivi u, b’mod partikolari, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża kif tindika l-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tistaqsi dwar jekk dawn humiex issodisfatti, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, VSTR, C‑587/10, EU:C:2012:592, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess konklużjoni tapplika, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, fil-każ fejn amministrazzjoni fiskali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tiddeċiedi, b’mod sistematiku, li ma tagħtix numru ta’ reġistrazzjoni għall-VAT lil persuna taxxabbli għas-sempliċi raġuni li l-amministratur tagħha huwa assoċjat ma’ kumpannija oħra suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza, mingħajr madankollu ma tevalwa jekk jeżistix riskju għall-ġbir korrett tal-VAT jew riskju ta’ frodi.

43

Madankollu, finalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-applikazzjoni tagħha mill-Amministrazzjoni għall-Finanzi Pubbliċi mar-rekwiżiti msemmija fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 168, l-Artikolu 213(1), l-Artikolu 214(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-każ fejn ir-reġistrazzjoni ta’ persuna taxxabbli għall-VAT tkun ġiet annullata minħabba l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha ppreżentati għal sitt xhur konsekuttivi iżda fejn din il-persuna taxxabbli tkompli bl-attività tagħha minkejja dan l-annullament, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-amministrazzjoni fiskali kompetenti timponi fuq din il-persuna taxxabbli l-obbligu li tiġbor il-VAT dovuta fuq it-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha, sakemm tkun tista’ titlob reġistrazzjoni għall-VAT ġdida u tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa. Iċ-ċirkustanza li l-amministratur tal-persuna taxxabbli jkun assoċjat ma’ kumpannija oħra suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza ma tistax, bħala tali, titqajjem sabiex din il-persuna taxxabbli tiġi sistematikament irrifjutata reġistrazzjoni ġdida għall-VAT.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 168, l-Artikolu 213(1), l-Artikolu 214(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010, kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-każ fejn ir-reġistrazzjoni ta’ persuna taxxabbli għall-VAT tkun ġiet annullata minħabba l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha ppreżentati għal sitt xhur konsekuttivi iżda fejn din il-persuna taxxabbli tkompli bl-attività tagħha minkejja dan l-annullament, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-amministrazzjoni fiskali kompetenti timponi fuq din il-persuna taxxabbli l-obbligu li tiġbor il-VAT dovuta fuq it-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha, sakemm tkun tista’ titlob reġistrazzjoni għall-VAT ġdida u tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa. Iċ-ċirkustanza li l-amministratur tal-persuna taxxabbli jkun assoċjat ma’ kumpannija oħra suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza ma tistax, bħala tali, titqajjem sabiex din il-persuna taxxabbli tiġi sistematikament irrifjutata reġistrazzjoni ġdida għall-VAT.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top