EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0332

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2022.
Roma Multiservizi spa u Rekeep spa vs Roma Capitale u Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Kuntratti ta’ konċessjoni – Kostituzzjoni ta’ kumpannija pubblika b’sehem privat – Għoti lil din il-kumpannija tal-ġestjoni ta’ “servizz skolastiku integrat” – Ħatra tas-soċju privat skont proċedura ta’ sejħa għal offerti – Direttiva 2014/23/UE – Artikolu 38 – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 58 – Applikabbiltà – Kriterji in house – Rekwiżit ta’ parteċipazzjoni minima tas-soċju privat fil-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat – Parteċipazzjoni indiretta tal-awtorità kontraenti fil-kapital tas-soċju privat – Kriterji ta’ selezzjoni.
Kawża C-332/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:610

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Kuntratti ta’ konċessjoni – Kostituzzjoni ta’ kumpannija pubblika b’sehem privat – Għoti lil din il-kumpannija tal-ġestjoni ta’ “servizz skolastiku integrat” – Ħatra tas-soċju privat skont proċedura ta’ sejħa għal offerti – Direttiva 2014/23/UE – Artikolu 38 – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 58 – Applikabbiltà – Kriterji in house – Rekwiżit ta’ parteċipazzjoni minima tas-soċju privat fil-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat – Parteċipazzjoni indiretta tal-awtorità kontraenti fil-kapital tas-soċju privat – Kriterji ta’ selezzjoni”

Fil-Kawża C‑332/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

Ruma Multiservizi SpA,

Rekeep SpA,

vs

Roma Capitale,

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

fil-preżenza ta’:

Consorzio Nazionale Servizi Soc. coop. (CNS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Roma Multiservizi SpA, minn F. Baglivo, T. Frosini, P. Leozappa, D. Lipani u F. Sbrana, avvocati,

għal Rekeep SpA, minn A. Lirosi, M. Martinelli, G. Vercillo u A. Zoppini, avvocati,

għal Roma Capitale, minn L. D’Ottavi, avvocato,

għal Consorzio Nazionale Servizi Soc. coop. (CNS), minn F. Cintioli, G. Notarnicola u A. Police, avvocati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Ondrůšek u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2366 tat‑18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 21) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/23”), kif ukoll tal-Artikoli 12 u 18 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat‑18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”), flimkien mal-Artikolu 107 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Roma Multiservizi SpA u Rekeep SpA, minn naħa, u Roma Capitale (il-belt ta’ Ruma, l-Italja) kif ukoll l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li Tiżgura l-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja), min-naħa l-oħra, dwar id-deċiżjoni ta’ din il-belt li teskludi l-konsorzju propost minn Roma Multiservizi u Rekeep mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2014/23

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/23 jistipula:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni, inkluż l-istima tal-valur, m’għandux isir bil-ħsieb li din tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew sabiex jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi jew ċerti xogħlijiet, provvisti jew servizzi.

2.   L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jimmiraw li jiżguraw trasparenza fil-proċedura tal-għoti u fit-twettiq tal-kuntratt, filwaqt li jikkonformaw mal-Artikolu 28.”

4

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

‘konċessjonijiet’ tfisser konċessjonijiet ta’ xogħlijiet jew servizzi, kif definit fil-punti (a) u (b):

[…]

b)

‘konċessjoni ta’ servizzi’ tfisser kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub, li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar tafda l-forniment u l-ġestjoni ta’ servizzi li mhumiex twettiq ta’ xogħlijiet kif imsemmi fil-punt (a) lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din tkun tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas.

L-għoti ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet jew servizzi għandu jinvolvi t-trasferiment lill-konċessjonarju ta’ riskju operattiv fl-isfruttament ta’ dawk ix-xogħlijiet jew servizzi, li jinkludi riskju ta’ domanda jew ta’ disponibbiltà jew tat-tnejn. Il-konċessjonarju għandu jitqies li jassumi r-riskju operattiv, f’kondizzjonijiet ta’ operazzjoni normali, meta ma jkunx garantit li jirkupra l-investimenti magħmula jew l-ispejjeż imġarrba fl-operat tax-xogħlijiet jew is-servizzi li huma s-suġġett tal-konċessjoni. Il-parti tar-riskju ttrasferita lill-konċessjonarju għandha tinvolvi esponiment reali għall-inċertezzi tas-suq, b’tali mod li kwalunkwe telf potenzjali stmat imġarrab mill-konċessjonarju m’għandux ikun biss nominali jew negliġibbli;

[…]”

5

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal konċessjonijiet li l-valur tagħhom huwa daqs jew aktar minn EUR 5548000.”

6

L-Artikolu 10(3) tal-istess direttiva huwa redatt kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal konċessjonijiet ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru bbażati fuq l-għoti ta’ liċenzja operattiva fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ta’ l‑ 24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3)] jew għal konċessjonijiet għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007[tat‑ 23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1)].”

7

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/23:

“1.   Konċessjoni mogħtija minn awtorità kontraenti jew minn entità kontraenti kif imsemmi fil- punt (a) tal-Artikolu 7(1) lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku għandhom jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fejn il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti:

a)

l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess; u

b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fil-prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti; u

c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali applikabbli, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Awtorità kontraenti jew entità kontraenti kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1) għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifisira tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ oġġettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Dak il-kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti.

[…]

4.   Kuntratt konkluż esklużivament bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti jew aktar kif imsemmi fil- punt (a) tal-Artikolu 7(1) ma jaqax fl-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)

il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti parteċipanti bl-għan li jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi li huma għandhom iwettqu jkunu pprovduti bil-ħsieb li jiksbu l-għanijiet li għandhom komuni;

b)

l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hi rregolata unikament minn konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u

c)

l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti parteċipanti jwettqu inqas minn 20 % tal-attivitajiet li jirrigwardaw il-kooperazzjoni;

[…]”

8

L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Konċessjonijiet għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra elenkati fl-Anness IV li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu soġġetti biss għall-obbligi li ġejjin mill-Artikolu 31(3) u l-Artikoli 32, 46 u 47.”

9

L-Artikolu 20(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Konċessjonijiet li għandhom bħala s-suġġett tagħhom kemm xogħlijiet kif ukoll servizzi għandhom jingħataw f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tip ta’ konċessjoni li jikkaretterizza s-suġġett prinċipali tal-kuntratt inkwistjoni.

Fil-każ ta’ konċessjonijiet imħallta li jikkonsistu parzjalment minn servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra elenkati fl-Anness IV u parzjalment minn servizzi oħra, is-suġġett prinċipali għandu jkun iddeterminat skont liema mill-valuri stmati tas-servizzi rispettivi jkun ogħla.”

10

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/23 jipprevedi:

“1.   L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandu jkollha l‑libertà li torganizza l-proċedura li twassal għall-għażla ta’ konċessjonarju soġġett għal konformità ma’ din id-Direttiva.

2.   It-tfassil tal-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni għandu jirrispetta l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3. B’mod partikolari matul il-proċedura tal-għoti ta’ konċessjoni, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti m’għandhiex tipprovdi informazzjoni b’mod diskriminatorju li tista’ tagħti lil xi kandidati jew offerenti vantaġġ fuq oħrajn.

[…]”

11

L-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2014/23 huwa fformulat kif ġej:

“L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jivverifikaw il-kondizzjonijiet għal parteċipazzjoni relatati mal-kapaċità professjonali u teknika u l-istatus finanzjarju u ekonomiku tal-kandidati jew l-offerenti, abbażi ta’ awtodikjarazzjonijiet, referenza jew referenzi li għandhom jiġu ppreżentati bħala prova f’konformità mar-rekwiżiti speċifikati fl-avviż tal-konċessjoni li għandhom ikunu nondiskriminatorji u proporzjonati għas-suġġett tal-konċessjoni. Il-kondizzjonijiet għal parteċipazzjoni għandhom ikunu relatati u proporzjonati għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-kapaċità tal-konċessjonarju li jwettaq il-konċessjoni, b’kont meħud tas-suġġett tal-konċessjoni u l-fini li tiżgura kompetizzjoni ġenwina.”

Id-Direttiva 2014/24

12

Skont il-premessa 32 tad-Direttiva 2014/24:

“Kuntratti pubbliċi mogħtija lil persuni ġuridiċi kkontrollati ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tal-proċeduri previsti f’din id-Direttiva jekk l-awtorità kontraenti twettaq kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata simili għal dak li twettaq fuq id-dipartimenti tagħha stess, dment li l-persuna legali kkontrollata twettaq aktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fit-twettiq ta’ kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha jew minn persuni ġuridiċi oħrajn ikkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti, irrilevanti mill-benefiċjarju tat-twettiq tal-kuntratt.

L-eżenzjoni m’għandhiex tiġi estiża għal sitwazzjonijiet fejn hemm parteċipazzjoni diretta minn operatur ekonomiku privat fil-kapital tal-persuna ġuridika kkontrollata minħabba li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għotja ta’ kuntratt pubbliku mingħajr proċedura kompetittiva tagħti lill-operatur ekonomiku privat b’parteċipazzjoni kapitali fil-persuna ġuridika kkontrollata vantaġġ mhux dovut fuq il-kompetituri tiegħu. Madankollu, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-korpi pubbliċi bi sħubija obbligatorja, bħal organizzazzjonijiet responsabbli għall-amministrazzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ ċerti servizzi pubbliċi, dan m’għandux japplika f’każijiet fejn il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi privati speċifiċi fil-kapital tal-persuna ġuridika kkontrollata ssir obbligatorja minn dispożizzjoni leġislattiva nazzjonali f’konformità mat-Trattati, sakemm din il-parteċipazzjoni ma tkunx tikkontrolla jew tibblokka u ma jkollhiex influwenza deċisiva fuq id-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata. Barra minn dan għandu jiġi ċċarat li l-element deċisiv huwa biss il-parteċipazzjoni privata diretta fil-persuna ġuridika kkontrollata. Għalhekk fejn ikun hemm parteċipazzjoni ta’ kapital privat fl-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew fl-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll dan ma jeskludix l-għotja ta’ kontratti pubbliċi lil persuna ġuridika kkontrollata, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċeduri previsti minn din id-Direttiva peress li dawn il-parteċipazzjonijiet ma jaffettwawx b’mod negattiv il-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi privati.

Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-awtoritajiet kontraenti bħall-korpi regolati mil-liġi pubblika, li jista’ jkollhom parteċipazzjoni kapitali privata, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jużufruwixxu mill-eżenzjoni tal-kooperazzjoni orizzontali. Konsegwentement, fejn il-kondizzjonijiet l-oħra kollha f’rabta mal-kooperazzjoni orizzontali jiġu sodisfatti, l-eżenzjoni għall-kooperzzjoni orizzontali għandha tkun estiża għal dawn l-awtoritajiet kontraenti fejn il-kuntratt huwa konkluż b’mod esklussiv bejn l-awtoritajiet kontraenti.”

13

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

9)

‘kuntratti pubbliċi ta’ servizzi’ tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan il-forniment ta’ servizzi għajr dawk imsemmija fil-punt 8 l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet;

[…]”

14

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Il-paragrafu 2 għandu japplika għal kuntratti mħallta li għandhom bħala s-suġġett tagħhom tipi differenti ta’ akkwist li kollha huma koperti minn din id-Direttiva.

Il-paragrafi 3 sa 5 għandhom japplikaw għall-kuntratti mħallta li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-akkwist kopert minn din id-Direttiva u l-akkwist kopert minn reġimi legali oħra.

2.   Kuntratti li għandhom bħala suġġett tagħhom żewġ tipi jew aktar ta’ akkwist (xogħlijiet, servizzi jew provvisti) għandhom jingħataw skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tip tal-akkwist li jikkaratterizza s-suġġett ewlieni tal-kuntratt inkwistjoni.

Fil-każ ta’ kuntratti mħallta li jikkonsistu parzjalment f’servizzi fis-sens tal-Kapitolu I tat-Titolu III u parzjalment f’servizzi oħra jew f’kuntratti mħallta li jikkonsistu parzjalment f’servizzi u parzjalment fi provvisti, is-suġġett prinċipali għandu jkun determinat skont liema mill-valuri stmati tas-servizzi jew il-provvisti rispettivi jkun l-ogħla.

3.   Fejn il-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari jkunu oġġettivament separabbli, il-paragrafu 4 għandu japplika. Fejn il-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari ma jkunux oġġettivament separabbli, għandu japplika l-paragrafu 6.

Fejn parti ta’ kuntratt partikolari hija koperta mill-Artikolu 346 TFUE jew mid-Direttiva 2009/81/KE [tal-Kunsill tat‑ 13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2009, L 216, p. 76)], l-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva għandu japplika.

4.   Fil-każ ta’ kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-akkwist kopert b’din id-Direttiva kif ukoll akkwist mhux kopert b’din id-Direttiva, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għall-partijiet separati jew jagħtu kuntratt uniku. Fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għal partijiet separati, id-deċiżjoni dwar liema reġim legali japplika għal kwalunkwe wieħed minn tali kuntratti separati għandha tittieħed abbażi tal-karatteristiċi tal-parti separata kkonċernata.

Fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt uniku, din id-Direttiva għandha, dment li ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 16, tapplika għall-kuntratt imħallat li jirriżulta, irrispettivament mill-valur tal-partijiet li kieku jaqgħu taħt reġim legali differenti u irrispettivament mil-liema reġim legali li dawk il-partijiet kienu jkunu soġġetti għalihom.

F’każ ta’ kuntratti mħallta li jkun fihom elementi ta’ kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizzi u ta’ konċessjonijiet, il-kuntratt imħallat għandu jingħata skont din id-Direttiva, sakemm il-valur stmat tal-parti tal-kuntratt li tikkostitwixxi kuntratt kopert b’din id-Direttiva, ikkalkulat skont l-Artikolu 5, hu ugwali jew akbar mil-limitu rilevanti stipulat fl-Artikolu 4.

5.   Fil-każ ta’ kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom kemm l-akkwist kopert b’din id-Direttiva kif ukoll l-akkwist għall-eżerċitar ta’ attività li hija soġġetta għad- Direttiva 2014/25/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243)], ir-regoli applikabbli għandhom, minkejja l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jiġu determinati skont l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva [2014/25].

6.   Meta l-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari huma oġġettivament mhux separabbli, ir-reġim legali applikabbli għandu jkun iddeterminat abbażi tas-suġġett ewlieni ta’ dak il-kuntratt.”

15

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin:

[…]

b)

EUR 144000 għall-kuntratti ta’ provvisti u ta’ servizzi pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet tal-gvern ċentrali u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati minn awtoritajiet bħal dawn; fejn jingħataw kuntratti pubbliċi ta’ provvista minn awtoritajiet kontraenti li joperaw fil-qasam tad-difiża, dak il-limitu stabbilit għandu japplika biss għall-kuntratti li jikkonċernaw prodotti koperti mill-Anness III;

c)

EUR 221000 għall-kuntratti pubbliċi ta’ provvisti u ta’ servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti subċentrali u għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn organizzati minn tali awtoritajiet; dak il-limitu stabbiliti għandu japplika wkoll għall-kuntratti pubbliċi ta’ provvisti mogħtija minn awtoritajiet tal-gvern ċentrali li joperaw fil-qasam tad-difiża, fejn dawk il-kuntratti jinvolvu prodotti mhux koperti mill-Anness III;

d)

EUR 750000 għall-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra elenkati fl-Anness XIV.”

16

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/24 huwa fformulat b’dan il-mod:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn li, skont id-Direttiva [2014/25], huma mogħtija jew organizzati minn awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw waħda jew iżjed mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14 ta’ dik id-Direttiva u li jingħataw għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet […].”

17

Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva:

“1.   Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)

l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali applikabbli, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Awtorità kontraenti għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifisira tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.

[…]

4.   Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)

il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom;

b)

l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hi rregolata unikament minn konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u

c)

l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.

[…]”

18

L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tal-ambjent, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Anness X.”

19

L-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura tal-akkwist fejn ikunu stabbilixxew, permezz ta’ verifika skont l-Artikoli 59, 60 u 61, jew huma b’xi mod ieħor konxji li dak l-operatur ekonomiku kien is-suġġett ta’ kundanna b’sentenza definittiva għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

a)

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, kif definita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżijoni Qafas tal-Kunsill 2008/841[ĠAI tal‑24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU 2008, L 164, p. 3)];

b)

korruzzjoni, kif definita fl-Artikolu 3 tal- Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri ta l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/JHA [tat‑22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 182)] kif ukoll korruzzjoni kif definita fil-liġi nazzjonali tal-awtorità kontraenti jew l-operatur ekonomiku;

c)

frodi skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-‘interessi finanzjarji’ tal-Komunitajiet Ewropej […];

d)

reati terroristiċi jew reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, kif definiti fl-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI [tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18)] rispettivament, jew inċitazzjoni jew għajnuna jew tixwix jew tentattivi għal twettiq ta’ reat, kif spjegat fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas;

e)

ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑ 26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal- money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p.15)];

f)

it-tħaddim tat-tfal u forom oħra ta’ traffikar tal-bnedmin kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑ 5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU 2011, L 101, p. 1).

L-obbligu li operatur ekonomiku jiġi eskluż għandu japplika wkoll fejn il-persuna kkundannata b’sentenza definittiva hija membru tal-korp amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ superviżjoni ta’ dak l-operatur ekonomiku jew li għandu setgħat ta’ rappreżentazzjoni, deċiżjoni jew kontroll fi ħdanu.

2.   Operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż milli jipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist fejn l-awtorità kontraenti tkun konxja li l-operatur ekonomiku qed jikser l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fejn dan ġie stabbilit b’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li jkollha effett finali u vinkolanti skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn ikun stabbiliti jew skont dawk tal-Istat Membru tal-awtorità kontraenti.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jintalbu mill-Istati Membri biex jeskludu l-parteċipazzjoni tal-operatur ekonomiku minn proċedura tal-akkwist meta l-awtorità kontraenti tista’ turi bi kwalunkwe mezz adegwat li l-operatur ekonomiku qed jikser l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas tat-taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Dan il-paragrafu ma għandux jibqa’ japplika meta operatur ekonomiku jkun issodisfa l-obbligi tiegħu billi ħallas jew daħal fi ftehim vinkolanti bil-ħsieb li jitħallsu t-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali debiti, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe interess akkumulat jew multi.

[…]

4.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat ksur tal-obbligi applikabbli msemmija fl-Artikolu 18(2);

b)

fejn l-operatur ekonomiku jkun fallut jew huwa soġġett għal proċeduri ta’ insolvenza jew stralċ, fejn l-assi tiegħu qed jiġu amministrati minn likwidatur jew mill-qorti, fejn jinsab fi ftehim ma’ kredituri, fejn l-attivitajiet kummerċjali tiegħu huma sospiżi jew qiegħed fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili taħt il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;

c)

fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi b’mezz adegwat li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ kondotta professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tiegħu dubjuża;

d)

fejn l-awtorità kontraenti ikollha indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal f’akkordji ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni;

e)

fejn konflitt ta’ interess skont it-tifsira tal-Artikolu 24 ma jistax jiġi rimedjat b’mod effettiv minn miżuri oħrajn inqas intrużivi;

f)

fejn id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-involviment ta’ qabel tal-operaturi ekonomiċi fit-tħejjija tal-proċedura tal-akkwist, kif imsemmi fl-Artikolu 41, ma tistax tiġi rimedjata minn miżuri oħrajn inqas intrużivi;

g)

fejn l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti fit-twettiq ta’ rekwiżit sostantiv taħt kuntratt pubbliku preċedenti, kuntratt preċedenti ma’ entità kontraenti jew kuntratt ta’ konċessjoni preċedenti li wassal għat-terminazzjoni antiċipata ta’ dan il-kuntratt preċedenti, penali jew sanzjonijiet komparabbli;

h)

fejn l-operatur ekonomiku kien ħati ta’ rappreżentazzjoni qarrieqa serja fl-għoti tal-informazzjoni rikjesta għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, ikun żamm mistura tali informazzjoni jew ma jistax jissottometti id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 59; jew

i)

fejn l-operatur ekonomiku ikun ħa azzjoni biex jinfluwenza b’mod mhux adegwat il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, biex jakkwista informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtih vantaġġi mhux adegwati fil-proċedura tal-akkwist jew biex jagħti informazzjoni qarrieqa b’negliġenza li jista’ jkollha influwenza materjali fuq deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-esklużjoni, l-għażla jew l-għoti.

Irrispettivament mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu jew jistgħu jipprovdu għall-possibblità li l-awtorità kontraenti ma teskludix operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’dak il-punt, fejn l-awtorità kontraenti tkun stabbilixxiet li l-operatur ekonomiku inkwistjoni jkun jista’ jwettaq il-kuntratt, b’teħid fil-kont tar-regoli u l-miżuri nazzjonali applikabbli dwar il-kontinwazzjoni tal-kummerċ fil-każ tas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (b).

[…]”.

20

L-Artikolu 58 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   Kriterji ta’ għażla jistgħu jirreferu għal:

a)

l-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali;

b)

il-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja;

c)

il-kapaċità teknika u professjonali.

Bħala rekwiżiti għall-parteċipazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu biss il-kriterji msemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 dwar l-operaturi ekonomiċi. Huma għandhom jillimitaw kwalunkwe rekwiżit għal dawk li huma addati biex jiġi żgurat li kandidat jew offerent għandu l‑kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali li jwettaq il-kuntratt li għandu jingħata. Ir-rekwiżiti kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt.

[…]

3.   Fir-rigward tal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi għandhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja biex iwettqu l-kuntratt. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu, b’mod partikolari, li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ċertu fatturat annwali minimu, inkluż ċertu fatturat minimu fil-qasam kopert mill-kuntratt. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet annwali tagħhom li turi, pereżempju, il-proporzjon bejn l-assi u l-passivi. Huma jistgħu wkoll jeżigu livell adegwat ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz għar-riskju professjonali.

Il-fatturat annwali minimu li l-operaturi ekonomiċi huma obbligati li jkollhom ma għandux ikun aktar mid-doppju tal-valur stmat tal-kuntratt, għajr f’każijiet debitament ġustifikati bħal dawk relatati mar-riskji speċjali marbutin man-natura tax-xogħlijiet, is-servizzi jew il-provvisti. L-awtorità kontraenti għandha tindika r-raġunijiet prinċipali għal tali rekwiżit fid-dokumenti tal-akkwist jew fir-rapport individwali msemmi fl-Artikolu 84.

Pereżempju, il-proporzjon bejn l-assi u l-passivi jista’ jittieħed kont tiegħu fejn l-awtorità kontraenti tispeċifika l-metodi u l-kriterji għat-tali konsiderazzjoni fid-dokumenti tal-akkwist. Dawn il-metodi u kriterji għandhom ikunu trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji.

Meta kuntratt ikun maqsum f’lottijiet, dan l-Artikolu għandu japplika b’relazzjoni għal kull lott individwali. Madanakollu, l-awtorità kontraenti tista’ tistabbilixxi l-fatturat annwali minimu li l-operaturi ekonomiċi huma obbligati li jkollhom b’referenza għal gruppi ta’ lottijiet f’każ li l-offerent li jirbaħ il-kuntratt jingħata diversi lottijiet li għandhom jitwettqu fl-istess żmien.

Fejn kuntratti bbażati fuq ftehim qafas kellhom jingħataw wara ftuħ mill-ġdid ta’ kompetizzjoni, ir-rekwiżit ta’ fatturat annwali massimu msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-daqs massimu mistenni tal-kuntratti speċifiċi li ser jitwettqu fl-istess żmien, jew inkella, fejn dan ma jkunx magħruf, fuq il-bażi tal-valur stmat tal-ftehim qafas. Fil-każ ta’ sistemi dinamiċi tax-xiri, ir-rekwiżit ta’ fatturat annwali massimu msemmi fit-tieni subparagrafu għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-daqs massimu previst ta’ kuntratti speċifiċi li ser jingħataw taħt dik is-sistema.

[…]”

21

L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/24 huwa fformulat redatt b’dan il-mod:

“Kuntratti għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn elenkati fl-Anness XIV għandhom jingħataw skont dan il-Kapitolu, fejn il-valur tal-kuntratti jkun daqs jew akbar mil-limitu indikat fil-punt (d) tal-Artikolu 4.”

Id‑Direttiva 2014/25

22

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243):

“Kuntratt li huwa maħsub li jkorpi numru ta’ attivitajiet għandu jkun soġġett għar-regoli applikabbli għall-attività li għaliha dan kien maħsub prinċipalment.”

23

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li hu stabbilit netwerk fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kondizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal kondizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li għandha tkun disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.”

Id‑dritt Taljan

24

L-Artikolu 5(9) tad-Decreto legislativo n. 50, Attuazione delle direttive 2014/23/UE, 2014/24/UE e 2014/25/UE sull’aggiudicazione dei contratti di concessione, sugli appalti pubblici e sulle procedure d’appalto degli enti erogatori nei settori dell’acqua, dell’energia, dei trasporti e dei servizi postali, nonche’ per il riordino della disciplina vigente in materia di contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 għat-Traspożizzjoni tad-Direttivi 2014/23/UE, tad-Direttiva 2014/24/UE u tad-Direttiva 2014/25/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, u li temenda d-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, servizzi u provvisti), tat‑18 ta’ April 2016 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 91, tad‑19 ta’ April 2016, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 50/2016”), jgħid:

“Meta d-dispożizzjonijiet fis-seħħ jawtorizzaw il-kostituzzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi b’sehem privat għall-implimentazzjoni u għall‑ġestjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi jew għall-organizzazzjoni u għall‑ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ġenerali, is-soċju privat għandu jintgħażel permezz ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku”.

25

L-Artikolu 4 tad-decreto legislativo n. 175 – Testo unico in materia di società a partecipazione pubblica (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 175 li jistabbilixxi Test Uniku fil-Qasam tal-Kumpanniji b’Parteċipazzjoni Pubblik), tad‑19 ta’ Awwissu 2016 (GURI Nru 210, tat‑8 ta’ Settembru 2016, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 175/2016”) jipprevedi li l-għanijiet segwiti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi meta jirrikorru għall-kostituzzjoni ta’ kumpanniji li fihom huma għandhom sehem huma suġġetti għal restrizzjoni doppja. Minn naħa, dawn għandhom ikunu kumpanniji li għandhom bħala għan li jwettqu attivitajiet strettament neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet istituzzjonali tal-amministrazzjoni kkonċernata. Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet li għandhom jitwettqu għandhom jaqgħu taħt dawk espressament imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jiġifieri, fost l-oħrajn, il-produzzjoni ta’ servizz ta’ interess ġenerali, inkluż it-twettiq u l-ġestjoni tan-netwerks u tal-installazzjonijiet li jservu għall-imsemmija servizzi u l-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ġenerali permezz ta’ kuntratt ta’ sħubija msemmi fl-Artikolu 180 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50/2016, ma’ imprenditur magħżul skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 17(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 175/2016.

26

L-Artikolu 7(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 175/2016 jirrikjedi li s-soċji privati jintgħażlu minn qabel permezz ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, skont l-Artikolu 5(9) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50/2016.

27

L-Artikolu 17(1) tad-Digriet Leġiżlattiv 175/2016 huwa fformulat kif ġej:

“Fil-kumpanniji b’ishma pubbliċi-privati, il-perċentwali ta’ ishma tal‑persuna privata ma tistax tkun inqas minn 30 % u l-għażla tagħha għandha ssir permezz ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku skont l-Artikolu 5(9) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 50/2016] u għandu l-għan kemm is-sottoskrizzjoni kif ukoll l-akkwist tas-sehem mis-soċju privat u l-għoti tal-kuntratt jew tal-konċessjoni li huwa l-għan esklużiv tal-attivitajiet tal-kumpannija pubblika b’sehem privat.”

28

Skont l-Artikolu 17(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 175/2016.

“Is-soċju privat għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni previsti mid-dispożizzjonijiet legali jew regolamentari fir-rigward tal-għan li fir-rigward tiegħu l-kumpannija ġiet ikkostitwita […]”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

29

Fl‑4 ta’ Settembru 2018, il-belt ta’ Ruma nediet sejħa għal offerti intiża, minn naħa, sabiex taħtar soċju sabiex jikkostitwixxi kumpannija b’kapital imħallat u, min-naħa l-oħra, sabiex tagħti lil din il-kumpannija l-ġestjoni tas-“servizz skolastiku integrat”, ta’ ammont stmat għal EUR 277 479 616.21. Skont id-dokumenti tas-sejħa għal offerti, il-belt ta’ Ruma kellha jkollha 51 % tal-ishma tal-imsemmija kumpannija, u l-kumplament tal-49 % kellhom jiġu akkwistati mis-soċju tagħha, b’dan tal-aħħar jintalab ukoll jerfa’ r-riskju operattiv kollu.

30

Ġiet ippreżentata offerta waħda minn konsorzju fi stat ta’ kostituzzjoni, kompost minn Roma Multiservizi u minn Rekeep. Kien previst li dan il-konsorzju jinżamm 10 % minn Rekeep, bħala prinċipali, u 90 % minn Roma Multiservizi, bħala kumpannija li tmexxi, u li dawn iż-żewġ kumpanniji jissottoskrivu għall-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat li għandha tiġi stabbilita mal-belt ta’ Ruma, pro rata għall-parteċipazjoni tagħhom f’dan il-konsorzju.

31

Ruma Multiservizi, maħluqa matul l‑1994 mill-belt ta’ Ruma, hija miżmuma 51 % minn AMA SpA, filwaqt li l-bqija tal-kapital tagħha huwa l-proprjetà ta’ Rekeep u ta’ La Venenta Servizi SpA. Il-kapital ta’ AMA huwa, min-naħa tiegħu, kollu kemm hu miżmum minn din il-belt.

32

Fl‑1 ta’ Marzu 2019, il-konsorzju fi proċess ta’ kostituzzjoni ffurmat minn Roma Multiservizi u Rekeep ġie eskluż mill-proċedura pendenti, minħabba li, fid-dawl tal-parteċipazzjoni ta’ AMA fil-kapital ta’ Roma Multiservizi, il-belt ta’ Ruma kellha, fil-fatt, 73.5 % tal-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat li ġiet ikkostitwita ma’ dan il-konsorzju, u b’hekk qabżet il-limitu ta’ 51 % stabbilit fis-sejħa għal offerti u li wasslet għal-livell ta’ 49 % is-sehem ta’ kapital ta’ riskju f’din il-kumpannija miżmum mill-operaturi privati.

33

Din id-deċiżjoni ta’ esklużjoni ġiet ikkontestata minn Rekeep u Roma Multiservizi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio (l-Italja). Din tal-aħħar ċaħdet ir-rikorsi tagħhom permezz ta’ żewġ sentenzi mogħtija fit‑18 ta’ Ġunju 2019.

34

Roma Multiservizi u Rekeep appellaw minn dawn iż-żewġ sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju.

35

Matul il-proċeduri tal-appell, il-belt ta’ Ruma tat, wara proċedura nnegozjata, il-kuntratt tas-“servizz skolastiku integrat” lill-Consorzio Nazionale Servizi Soc. coop. (CNS). Dan l-aħħar għoti ġie sospiż mill-qorti tar-rinviju.

36

Fit-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jirrileva, fl-ewwel lok, li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, meta kumpanniji pubbliċi b’sehem privat għandhom bħala għan it-twettiq ta’ xogħlijiet pubbliċi jew l-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ġenerali, permezz ta’ kuntratt ta’ sħubija ma’ imprenditur magħżul skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 17(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 175/2016, il-parteċipazzjoni tal-persuna privata ma tistax tkun inqas minn 30 % u l-għażla ta’ dan is-soċju privat għandha ssir permezz tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

37

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-legalità tal-parteċipazzjoni massima tal-awtorità kontraenti f’kumpannija pubblika b’sehem privat ma ġietx ikkontestata quddiemha u li hija mitluba teżamina biss jekk hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni indiretta tal-belt ta’ Ruma fil-kapital ta’ Roma Multiservizi sabiex tiddetermina jekk dan il-limitu ġiex osservat.

38

Fit-tieni lok, skont din il-qorti, l-għoti dirett ta’ servizz lil kumpannija pubblika b’sehem privat ma huwiex, bħala tali, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni, minn naħa, li s-sejħa għal offerti organizzata, għall-finijiet tal-għażla tas-soċju privat tal-awtorità kontraenti fil-kumpannija offerenti rebbieħa, isseħħ b’osservanza tal-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza u, min-naħa l-oħra, li l-kriterji ta’ għażla ta’ dan is-soċju privat ma jkunux marbuta biss mal-kontribuzzjoni tal-kapital ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll fuq il-kapaċitajiet tekniċi u l-karatteristiċi tal-offerta tiegħu fir-rigward tas-servizzi speċifiċi li għandhom jiġu pprovduti, b’tali mod li s-selezzjoni tal-offerent rebbieħ tista’ titqies bħala li tirriżulta indirettament minn dik tas-soċju tal-awtorità kontraenti. Għaldaqstant, dan is-soċju għandu jkun sieħeb operattiv adegwat u mhux sempliċi azzjonist, peress li l-parteċipazzjoni tiegħu hija ġġustifikat preċiżament min-nuqqas, fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, tal-kompetenzi neċessarji li għandu s-soċju privat.

39

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa sabiex jiżgura tali adegwatezza li l-leġiżlatur Taljan stabbilixxa għal 30 % il-livell minimu ta’ parteċipazzjoni privata fil-kumpanniji pubbliċi b’kapital privat. Hija tippreċiża li l-limitu massimu ta’ 70 % tal-parteċipazzjoni pubblika f’tali kumpanniji jikkorrispondi għal-limitu li lil hinn minnu l-attività ta’ dawn il-kumpanniji tista’ tiżnatura l-kompetizzjoni billi ċċaħħad is-suq ikkonċernat mill-attrattività tagħha u billi jippermetti lis-soċju privat li jillimita eċċessivament ir-riskju ekonomiku tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmija kumpanniji.

40

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fit-tielet lok, li, kieku l-perċentwali tal-parteċipazzjoni tas-soċju tal-awtorità kontraenti fil-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat kellu jiġi kkalkolat billi tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-forma ġuridika ta’ dan is-soċju, l-esklużjoni tal-konsorzju propost minn Roma Multiservizi u Rekeep mill-proċedura ta’ għoti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx iġġustifikata. Min-naħa l-oħra, li kieku kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni indiretta tal-belt ta’ Ruma fil-kapital ta’ Roma Multiservizi, is-sehem tas-soċju privat li jirriżulta mill-parteċipazzjoni tal-konsorzju propost minn Roma Multiservizi u Rekeep fil-kumpannija pubblika b’sehem privat, stabbilit formalment għal 49 %, ikun, fir-realtà, ta’ 26.5 %, li tagħti lok għal sitwazzjoni ta’ ineffikaċja tas-suq u tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni sa fejn dan is-soċju jkun jista’ jikseb benefiċċju indebitu mill-vantaġġi tal-parteċipazzjoni pubblika u b’hekk jiżgura sitwazzjoni ta’ profitt sostanzjali.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni [Ewropea] u ma’ interpretazzjoni korretta tal-premessi 14 u 32, kif ukoll tal-Artikoli 12 u 18 tad‑Direttiva 2014/24/UE u 30 tad-Direttiva 2014/23/UE, anki b’riferiment għall-Artikolu 107 TFUE, li, għall-finijiet tad‑determinazzjoni tal-limitu minimu ta’ 30 % ta’ azzjonijiet ta’ soċju privat f’kumpannija futura pubblika-privata, liema limitu ġie meqjus bħala adegwat mil-leġiżlatur nazzjonali fl‑implimentazzjoni tal-prinċipji [tad-dritt tal-Unjoni] stabbiliti fil‑qasam tal-ġurisprudenza [tal-Unjoni] tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kompożizzjoni formali/iddikjarata tal-imsemmi soċju jew inkella l-awtorità li tniedi s-sejħa għal offerti tista’ – jew effettivament għandha – tieħu inkunsiderazzoni l-azzjonijiet indiretti li hija stess għandha fis-soċju privat parteċipanti fil‑proċedura ta’ sejħa għal offerti?

2)

F’każ li tingħata risposta pożittiva għall-ewwel domanda, huwa koerenti u konformi mal-prinċipji legali [tad-dritt tal-Unjoni], u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni, proporzjonalità u ta’ adegwatezza, li l-awtorità li tniedi s-sejħa għal offerti tista’ teskludi mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti dak is-soċju privat parteċipanti, li l-parteċipazzjoni effettiva tiegħu permezz ta’ azzjonijiet fil-kumpannija futura pubblika-privata, meta titqies il‑parteċipazzjoni identifikata pubblika diretta jew indiretta, tkun effettivament tammonta għal inqas minn 30 %?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domandi magħmula

42

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi magħmula lilha (sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 59 u 61, kif ukoll tal‑25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabbli), C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 81).

43

In-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel jew li, mill-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Assigurazzjoni għall-mard kompleta), C‑247/20, EU:C:2022:177, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Issa, il-qorti tar-rinviju la tispega r-raġunijiet li għalihom hija tqis li għandha tinterpreta l-Artikolu 107 TFUE u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn din id-dispożizzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni CNS, il-qorti tar-rinviju, minn naħa, tidentifika bi preċiżjoni suffiċjenti d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2014/23 u 2014/24 li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika d-dritt tal-Unjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domandi preliminari huma ammissibbli, ħlief, fir-rigward tal-ewwel waħda minnhom, sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE.

Fuq il‑mertu

47

It-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-esklużjoni tal-konsorzju propost minn Roma Multiservizi u Rekeep mill-proċedura mibdija fl‑4 ta’ Settembru 2018, u li, qabel ma ġiet abbandunata mill-belt ta’ Ruma minħabba, preċiżament, l-esklużjoni ta’ dan il-konsorzju, li kien l-uniku wieħed li ppreżenta offerta, kienet intiża sabiex tikkonkludi ftehim li għandu bħala għan, minn naħa, li jikkostitwixxi kumpannija pubblika b’sehem privat ma’ operatur ekonomiku magħżul minn din il-belt u, min-naħa l-oħra, li jagħti lil din il-kumpannija l-provvista ta’ numru ta’ servizzi anċillari għall-attivitajiet tal-iskola prinċipali, li jikkonsistu essenzjalment fl-assistenza ġenerali, il-manutenzjoni, is-servizz ta’ purtinar u t-tindif, ta’ ġbir u ta’ kunsinna, u ta’ għajnuna għat-trasport privat tal-iskola. Minn dan isegwi li tali proċedura kellha bħala għan il-konklużjoni ta’ kuntratt imħallat.

48

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-belt ta’ Ruma kkunsidrat li, kieku kienet tikkostitwixxi l-kumpannija pubblika b’sehem privat inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-konsorzju propost minn Roma Multiservizi u Rekeep, hija kienet iżżomm, fil-fatt, 73.5 % tal-kapital ta’ din il-kumpannija, filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tillimita għal 70 % is-sehem massimu li awtorità kontraenti tista’ żżomm fil-kapital ta’ tali kumpannija u li d-dokumenti tas-sejħa għal offerti, ifformulati minn din il-belt, kienu jistabbilixxu għal 51 % l-parteċipazzjoni ta’ din il-belt fil-kapital tal-imsemmija kumpannija.

49

Madankollu, il-belt ta’ Ruma waslet għall-konstatazzjoni li hija kellha, fil-fatti, 73.5 % tal-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat li għandha tiġi kkostitwita biss għaliex ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li waħda mis-sussidjarji tagħha, jiġifieri AMA, li hija kellha 100 % tagħha, żammet 51 % tal-ishma fil-kapital ta’ Roma Multiservizi.

50

Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mir-risposti għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-esklużjoni mill-konsorzju propost minn Roma Multiservizi u Rekeep mill-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet iġġustifikata tal-inqas kemm bl-impossibbiltà li jiġi osservat, jekk dan il-konsorzju ntgħażel mill-belt ta’ Ruma, il-limitu massimu ta’ parteċipazzjoni ta’ din il-belt fil-kumpannija pubbliku b’sehem privat, stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, kif ukoll mill-impossibbiltà li jiġi osservat il-limitu iktar strett għal tali parteċipazzjoni li kien previst mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti.

51

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed, għalhekk, li jiġi eżaminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li, sabiex jiġi eżaminat jekk dan l-aħħar limitu huwiex osservat, awtorità kontraenti tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-parteċipazzjoni indiretta tagħha fil-kapital ta’ operatur ekonomiku li jkun wera l-interess tiegħu li jsir soċju tagħha.

52

Abbażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttivi 2014/24 u 2014/23 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li awtorità kontraenti ma tistax teskludi lil operatur ekonomiku mill-proċedura intiża, minn naħa, sabiex tikkostitwixxi kumpannija pubblika b’sehem privat u, min-naħa l-oħra, sabiex tagħti lil din il-kumpannija kuntratt għal servizzi meta din l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, minħabba l-parteċipazzjoni indiretta ta’ din l-awtorità kontraenti fil-kapital ta’ dan l-operatur ekonomiku, il-parteċipazzjoni massima tal-imsemmija awtorità kontraenti fil-kapital ta’ din l-awtorità kontraenti, kif stabbilit mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, tkun, fil-fatt, inqabżet jekk għażlet dan l-operatur ekonomiku bħala soċju.

Fuq is‑sistema legali applikabbli għall‑kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali

53

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-ħolqien minn awtorità kontraenti u minn operatur ekonomiku privat ta’ impriża konġunta ma jaqax, bħala tali, taħt ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi jew il-konċessjonijiet ta’ servizzi. Madankollu, għandu jiġi żgurat li tranżazzjoni li tinvolvi kapital ma tkunx taħbi, fir-realtà, l-għoti lil sieħeb privat ta’ kuntratti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kuntratti pubbliċi” jew “konċessjonijiet”. Barra minn hekk, il-fatt li entità privata u awtorità kontraenti jikkooperaw fil-kuntest ta’ entità pubblika b’sehem privat ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli waqt l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew ta’ konċessjoni ta’ servizzi lil din l-entità privata jew lill-entità pubblika b’sehem privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mehiläinen u Terveystalo Healthcare, C‑215/09, EU:C:2010:807, punti 33 u 34).

54

Sussegwentement, kif l-Avukat Ġenerali enfasizza, essenzjalment, fil-punti 57 sa 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mir-risposti għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ispeċifiċitajiet tal-kuntratt imħallat inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jirrikjedu li ż-żewġ partijiet tiegħu jiġu konklużi ma’ sieħeb uniku li għandu, kif id-dokumenti tas-sejħa għal offerti jimponu, kemm il-kapaċità finanzjarja neċessarja sabiex jakkwista 49 % tal-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat li għandha tiġi kkostitwita kif ukoll il-kapaċità finanzjarja neċessarja sabiex jassumi, fil-prattika, il-provvista tas-servizzi tekniċi kollha għall-attivitajiet skolastiċi tal-belt ta’ Ruma. Minn dan isegwi li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, iż-żewġ partijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li huma marbuta b’mod inseparabbli u li jifformaw ħaġa waħda indiviżibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2010, Club Hotel Loutraki et, C‑145/08 u C‑149/08, EU:C:2010:247, punti 53 u 54).

55

Issa, f’tali ipoteżi, it-tranżazzjoni inkwistjoni għandha tiġi eżaminata kollha kemm hi b’mod unitarju għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħha u għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli li jiddefinixxu l-parti li tikkostitwixxi s-suġġett prinċipali tagħha jew l-element predominanti tagħha (sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2010, Club Hotel Loutraki et, C‑145/08 u C‑149/08, EU:C:2010:247, punt 48, kif ukoll tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mehiläinen u Terveystalo Healthcare, C‑215/09, EU:C:2010:807, punt 36).

56

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mir-risposti għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan essenzjali tal-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx li tinħoloq kumpannija pubblika b’sehem privat, iżda li s-soċju tal-belt ta’ Ruma jieħu, fi ħdan din il-kumpannija, ir-riskju operattiv kollu marbut mal-provvista ta’ servizzi anċillari għall-attivitajiet skolastiċi ta’ din il-belt, peress li l-imsemmija kumpannija hija kkonċepita biss bħala l-mezz li bih l-imsemmija belt qieset li l-kwalità tas-servizzi tkun l-aħjar żgurata.

57

Barra minn hekk, ma hemm xejn li juri li s-sempliċi żamma ta’ parti mill-kapital tal-istess kumpannija privata b’sehem privat setgħet tikkostitwixxi sors ta’ dħul sostanzjali għas-soċju tal-belt ta’ Ruma.

58

Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-parti marbuta mal-provvista tas-servizzi anċillari għall-attivitajiet skolastiċi nnifisha tikkostitwixxi s-suġġett prinċipali u l-element predominanti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari billi wieħed jitlaq mill-premessa li ż-żewġ partijiet tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu ħaġa waħda indiviżibbli u li l-parti prinċipali tiegħu hija dik li għandha bħala għan li tagħti, lill-kumpannija pubblika b’sehem privat, il-provvisti ta’ servizzi anċillari għall-attivitajiet skolastiċi tal-belt ta’ Ruma. Għaldaqstant, is-sistema legali applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkunsidrata fl-intier tiegħu, hija dik li għaliha hija suġġetta din il-parti.

60

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma ddeċidietx dwar jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienx intiż li jagħti lill-kumpannija b’kapital imħallat konċessjoni ta’ servizzi, li tista’ taqa’ taħt id-Direttiva 2014/23, jew kuntratt pubbliku għal servizzi, li jista’ jaqa’ taħt id-Direttiva 2014/24. Fil-fatt, l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda mingħajr distinzjoni dawn iż-żewġ direttivi, li l-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom huma madankollu esklużivi għal xulxin.

61

F’dan ir-rigward għandu, l-ewwel, jitfakkar li kuntratt pubbliku għal servizzi huwa differenti minn konċessjoni ta’ servizzi minħabba n-natura tal-korrispettiv mogħti lill-offerent magħżul tal-kuntratt għas-servizzi li huwa jipprovdi. B’hekk, il-korrispettiv tal-offerent magħżul ta’ kuntratt pubbliku jikkonsisti fi prezz imħallas mill-awtorità kontraenti, filwaqt li l-korrispettiv tal-konċessjonarju jikkonsisti fid-dritt li jopera s-servizz li huwa s-suġġett tal-konċessjoni, fejn dan id-dritt huwa, jekk ikun il-każ, akkumpanjat bi prezz. L-għoti ta’ konċessjoni jimplika, għaldaqstant, it-trasferiment lill-konċessjonarju ta’ riskju tal-operat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Eurawasser, C‑206/08, EU:C:2009:540, punt 51, u tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Acoset, C‑196/08, EU:C:2009:628, punt 39).

62

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk l-għoti lill-kumpannija pubblika b’sehem privat inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-ġestjoni tas-servizzi anċillari għall-attivitajiet skolastiċi tal-belt ta’ Ruma kienx jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi jew konċessjoni ta’ servizzi. Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom, madankollu, fil-kuntest ta’ din is-sentenza, jiġu eżaminati d-domandi preliminari fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ ipoteżijiet.

63

It-tieni, sa fejn, kif ġie enfasizzat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, servizzi ta’ għajnuna għat-trasport skolastiku rriżervati jagħmlu parti mis-servizzi koperti mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi eżaminat jekk tali ċirkustanza hijiex tali li tinfluwenza l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/23 jew tad-Direttiva 2014/24 għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/24, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jestendix għall-kuntratti pubbliċi fis-settur tas-servizzi ta’ trasport, kif iddefinit fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25.

65

Madankollu, mill-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li s-servizzi ta’ għajnuna għat-trasport skolastiku, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonsistu fl-operat ta’ netwerk intiż li jipprovdi servizz ta’ trasport, b’mod partikolari, permezz ta’ xarabank, fil-kundizzjonijiet iddeterminati mill-awtorità nazzjonali kompetenti, bħalma huma l-kundizzjonijiet dwar ir-rotot li għandhom jiġu segwiti, il-kapaċità ta’ trasport disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11.

66

Fi kwalunkwe każ, mill-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li, meta kuntratt ikollu bħala suġġett għoti ta’ kuntratt li jaqa’ taħt din id-direttiva u għoti ta’ kuntratt bil-għan li tiġi eżerċitata attività li taqa’ taħt id-Direttiva 2014/25, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikoli 5 u 6 ta’ din l-aħħar direttiva. L-Artikolu 6(2) tagħha jipprevedi li, min-naħa tiegħu, kuntratt li huwa maħsub li jkopri numru ta’ attivitajiet għandu jkun suġġett għar-regoli applikabbli għall-attività li għaliha dan kien maħsub prinċipalment.

67

Issa, mill-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-provvisti ta’ għajnuna għat-trasport skolastiku privat, previsti mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25, jikkostitwixxu l-attività prinċipali li għaliha tali kuntratt ġie konkluż.

68

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 10(3) tagħha, id-Direttiva 2014/23 ma tapplikax għall-konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri, fis-sens tar-Regolament Nru 1370/2007.

69

Madankollu, mill-imsemmi proċess jirriżulta wisq inqas li s-servizzi ta’ assistenza għat-trasport skolastiku privat, intiżi mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jitqiesu bħala li kienu servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri li għalihom japplika r-Regolament Nru 1370/2007.

Fuq id‑Direttiva 2014/24

70

Fl-ipoteżi fejn il-parti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar l-għoti ta’ servizzi anċillari għall-attivitajiet skolastiċi għandha tiġi kklassifikata bħala “kuntratt pubbliċi ta’ servizzi [kuntratti pubbliċi għal servizzi]”, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, għandhom isiru, preliminarjament, il-konstatazzjonijiet li ġejjin.

71

L-ewwel, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-valur stmat ta’ tali kuntratt, u għaldaqstant tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-intier tiegħu, huwa ħafna ogħla mil-limiti li lil hinn minnhom, konformement mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24, il-kuntratti pubbliċi għal servizzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

72

It-tieni, għandu jiġi eżaminat, kif tistieden il-qorti tar-rinviju, jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax madankollu jevita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 12 tagħha.

73

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li kuntratt konkluż esklużivament bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew iktar ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti.

74

Mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-kumpannija b’kapital pubblika b’sehem privat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, setgħetx titqies bħala awtorità kontraenti, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sabiex ikun kopert mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva, ftehim ta’ kooperazzjoni ma jistax ikollu l-effett li jqiegħed impriża privata f’sitwazzjoni privileġġata meta mqabbla mal-kompetituri tagħha (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung, C‑796/18, EU:C:2020:395, punt 76). Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan kien ikun neċessarjament il-każ f’dan il-każ, fid-dawl tal-parteċipazzjoni ta’ kapital privat fil-kumpannija pubblika b’sehem privat, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tippermettix li l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tevita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

75

Min-naħa l-oħra, lanqas ma jidher li l-kumpannija pubblika b’sehem privat inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħet tissodisfa l-kundizzjonijiet, imposti fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24, li jippermettu li tiġi kkunsidrata bħala entità in house tal-belt ta’ Ruma.

76

F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li, skont din id-dispożizzjoni, entità in house tista’ tinkludi forom ta’ parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat, jeħtieġ ukoll li dawn tal-aħħar ma joffrux kapaċità ta’ kontroll jew ta’ imblokk, li jkunu rikjesti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, konformement mat-Trattati, u li ma jippermettux li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq din il-kumpannija, fejn l-awtorità kontraenti għandha, għall-kuntrarju, iżżomm tali influwenza.

77

Issa, fir-rigward tal-kundizzjoni li dawn il-forom ta’ parteċipazzjoni għandhom jiġu imposti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li l-ħolqien tal-kumpannija pubblika b’sehem privat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, konsegwentement, is-sehem ta’ soċju privat fil-kapital tagħha, ma jidhirx li jirriżulta minn obbligu legali impost fuq il-belt ta’ Ruma, iżda mill-għażla libera ta’ din l-awtorità kontraenti li tirrikorri għal proċedura ta’ sħubija pubblika-privata sabiex tamministra s-servizzi anċillari għall-attivitajiet skolastiċi.

78

It-tielet, għandu jiġi nnotat li l-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxu sistema ssemplifikata ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi relatata mas-servizzi soċjali u speċjali elenkati fl-Anness XIV ta’ dik id-direttiva. Issa, mir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li kellu, parzjalment, l-għan li jagħti servizzi elenkati f’dak l-anness.

79

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/24, ir-regoli applikabbli għal dan it-tip ta’ kuntratti pubbliċi b’sehem privat huma dawk li jirregolaw l-għoti tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt inkwistjoni, peress li dan is-suġġett prinċipali huwa, huwa stess, iddeterminat skont l-ogħla valur tas-servizzi kkonċernati, kif stmat.

80

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-valur stmat tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistgħu jaqgħu taħt l-Anness XIV tad-Direttiva 2014/24, jista’ jkun inqas mill-valur stmat tas-servizzi l-oħra li huma s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, hemm lok li wieħed jitlaq mill-premessa li l-Artikoli 74 sa 77 ta’ din id-direttiva ma humiex applikabbli f’dan il-każ, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

81

Taħt il-benefiċċju ta’ dawn l-osservazzjonijiet, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-regoli ġenerali tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kif stabbiliti mid-Direttiva 2014/24, jipprekludux li operatur ekonomiku jiġi eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt imħallat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għar-raġuni li, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni indiretta tiegħu fil-kapital ta’ dan l-operatur ekonomiku, l-awtorità kontraenti kkunsidrat li l-kontribuzzjoni tiegħu fil-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat tkun, fil-fatt, lil hinn minn dak li huwa previst mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, jekk tagħżel l-imsemmi operatur ekonomiku bħala soċju tagħha.

82

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta’ kuntratt imħallat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kuntratt pubbliku għal servizzi jingħata mingħajr ma dan tal-aħħar kien is-suġġett, bħala tali, ta’ proċedura ta’ għoti konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/24.

83

Madankollu, dawn ir-rekwiżiti għandhom jitqiesu li ġew osservati fl-għoti ta’ tali kuntratt pubbliku meta l-operatur ekonomiku li miegħu l-awtorità kontraenti tiġi rikjesta tikkostitwixxi l-kumpannija pubblika b’sehem privat, li ngħata dan il-kuntratt, intgħażel skont proċedura li tosserva l-imsemmija rekwiżiti. Minn dan isegwi li din il-proċedura għandha tippermetti, b’mod partikolari, li jintgħażel is-soċju tal-awtorità kontraenti li lilu huma fdati l-attività operattiva u l-ġestjoni tas-servizz li huwa s-suġġett tal-kuntratt pubbliku, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ kompetizzjoni libera kif ukoll ta’ trasparenza. Il-kriterji għall-għażla ta’ dan is-soċju ma jistgħux, għaldaqstant, ikunu bbażati biss fuq il-kapital ipprovdut, iżda għandhom jippermettu lill-kandidati jistabbilixxu, minbarra l-kapaċità tagħhom li jsiru azzjonisti, qabel kollox il-kapaċità teknika tagħhom li jipprovdu s-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt pubbliku u l-vantaġġi, ekonomiċi u oħrajn, tal-offerta tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Acoset, C‑196/08, EU:C:2009:628, punti 59 u 60).

84

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 58(1) u (3) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li awtorità kontraenti tista’ tirrikorri għal kriterji ta’ għażla li huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jeskludu mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti l-kandidati jew l-offerenti li ma jippreżentawx biżżejjed garanziji fir-rigward tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom sabiex jeżegwixxu l-kuntratt pubbliku kkonċernat, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-kriterji jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu li kandidat jew offerent ikollu tali kapaċità u, min-naħa l-oħra, li jkunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt.

85

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li huwa fin-natura stess ta’ kuntratt imħallat bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li l-awtorità kontraenti tiddetermina t-tqassim, bejnha stess u s-soċju tiegħu, tal-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat li għandha tiġi kkostitwita.

86

Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu għal tali kuntratt imħallat, l-Artikolu 58(1) u (3) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti lil awtorità kontraenti tirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi, li jkunu wrew l-interess tagħhom li jsiru soċju tagħha u li jieħdu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni effettiva tal-kuntratt ta’ servizzi mogħti lill-kumpannija stabbilita b’dan il-mod, li juru li għandhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja kemm għall-kostituzzjoni ta’ din il-kumpannija kif ukoll għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

87

It-tieni, sa fejn l-użu ta’ kumpannija pubblika b’sehem privat huwa spjegat, b’mod partikolari, mit-tħassib tal-awtorità kontraenti li tillimita kemm l-investiment tagħha fil-kapital ta’ din il-kumpannija kif ukoll ir-riskji ekonomiċi li jirriżultaw minnha, xorta waħda għandu jkun permess lil din l-awtorità kontraenti li tieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni, anki jekk indiretta, li hija żżomm fil-kapital tal-operaturi ekonomiċi li wrew l-interess tagħhom li jsiru soċju tagħha. Fil-fatt, anki meta tkun indiretta, tali parteċipazzjoni tesponi, bħala prinċipju, lill-awtorità kontraenti għal riskju supplimentari għal dak li kienet issostni li kieku ma kellha, direttament jew indirettament, l-ebda sehem mill-kapital tas-soċju tagħha.

88

Awtorità kontraenti għandha għalhekk tkun tista’, abbażi tas-selezzjoni kwalitattiva tal-operatur ekonomiku intiż sabiex isir soċju tiegħu, teskludi kwalunkwe kandidat li tiegħu hija għandha ishma, anki jekk b’mod indirett, meta dan is-sehem iwassal għal ksur, fil-fatt, tat-tqassim tal-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat bejn l-imsemmija awtorità kontraenti u s-soċju tagħha, kif ġie ddeterminat mid-dokumenti tal-kuntratt, u b’hekk iqiegħed inkwistjoni l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tas-soċju tagħha li jsostni, mingħajr intervent mill-awtorità kontraenti, l-obbligi li jirriżultaw minn tali kuntratt imħallat.

89

Tali rekwiżit jippermetti għalhekk li jiġi żgurat, kif jimponi l-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2014/24, li l-operaturi ekonomiċi jkollhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt imħallat ikkonċernat.

90

Barra minn hekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dan ma jidhirx li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit l-għan li l-awtorità kontraenti ssegwi u li jikkonsisti fil-fatt li ma timpenjax ruħha ekonomikament, anki jekk indirettament, lil hinn mis-sehem tal-kapital tal-kumpannija pubblika b’sehem privat li din l-awtorità kontraenti wriet l-intenzjoni li takkwista fid-dokumenti tal-kuntratt. Tali rekwiżit jista’ jitqies li huwa sproporzjonat biss fil-każ fejn, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jew skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti, ikun eskluż li fil-kuntest tal-attivitajiet tal-kumpannija b’kapital pubblika b’sehem privat ikkostitwita minn awtorità kontraenti u operatur ekonomiku li tiegħu din l-awtorità kontraenti jkollha, direttament jew indirettament, parti mill-kapital, l-imsemmija awtorità kontraenti tkun esposta għal kwalunkwe riskju ekonomiku addizzjonali, anki indirett, minħabba tali parteċipazzjoni fil-kapital tas-soċju tagħha.

91

Fit-tielet lok, għandu jiżdied li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u trasparenza, imfakkra fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, jirrikjedu wkoll li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel, li jippermetti li l-kandidati u l-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust u Coopservice, C‑216/17, EU:C:2018:1034, punt 63, kif ukoll tas‑17 ta’ Ġunju 2021, Simonsen & Weel, C‑23/20, EU:C:2021:490, punt 61).

92

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, setax jiġi dedott b’mod ċar, preċiż u inekwivoku mid-dokumenti tal-kuntratt li l-ishma indiretti tal-belt ta’ Ruma fil-kapital tal-operaturi ekonomiċi li kienu kandidati sabiex isiru s-soċju tagħha kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn kellhomx kapaċità ekonomika u finanzjarja suffiċjenti.

93

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kontraenti tista’ teskludi operatur ekonomiku mill-proċedura intiża, minn naħa, sabiex tikkostitwixxi kumpannija pubblika b’sehem privat u, min-naħa l-oħra, li tagħti lil din il-kumpannija kuntratt pubbliku għal servizzi meta din l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, minħabba l-parteċipazzjoni indiretta ta’ din l-awtorità kontraenti fil-kapital ta’ dan l-operatur ekonomiku, il-parteċipazzjoni massima tal-imsemmija awtorità kontraenti fil-kapital ta’ din il-kumpannija, kif stabbilit mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, tkun, fil-fatt, inqabżet kieku din l-istess awtorità kontraenti għażlet l-imsemmi operatur ekonomiku bħala s-soċju tagħha, sa fejn tali qbiż iwassal sabiex jiżdied ir-riskju ekonomiku li għandha l-istess awtorità kontraenti.

Fuq id-Direttiva 2014/23

94

Fl-ipoteżi fejn il-parti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar l-għoti ta’ provvisti ta’ servizzi anċillari għall-attivitajiet skolastiċi għandha tiġi kklassifikata bħala “konċessjoni ta’ servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2014/23, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-valur stmat ta’ din il-parti, u għaldaqstant tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-intier tiegħu, jaqbeż bil-kbir il-limitu li minnu, skont l-Artikolu 8 tagħha, din id-direttiva hija applikabbli.

95

Fit-tieni lok, għal raġunijiet analogi għal dawk li ġew esposti fil-punti 73 sa 77 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 17(1) u (4) ta’ din id-direttiva ma jidhirx li huwa applikabbli għall-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

96

Fit-tielet lok, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 78 sa 80 ta’ din is-sentenza, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li hija, madankollu, il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2014/23, il-konċessjoni għal servizzi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex suġġetta għas-sistema ssemplifikata ta’ għoti stabbilita fl-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, peress li l-valur stmat tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistgħu jaqgħu taħt l-Anness IV tal-imsemmija direttiva, ma jidhirx ogħla mill-valur tas-servizzi l-oħra li huma s-suġġett tal-konċessjoni.

97

Fir-raba’ lok, għal raġunijiet analogi għal dawk żviluppati fil-punti 82 sa 93 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/23 jawtorizza lil awtorità kontraenti tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe parteċipazzjoni indiretta tagħha fil-kapital tal-operaturi ekonomiċi li wrew l-interess tagħhom li jsiru soċju tagħha sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kostituzzjoni tal-kumpannija pubblika b’sehem privat ma’ tali operaturi tipprekludihiex milli tosserva, fil-fatt, il-limitu ta’ parteċipazzjoni fil-kapital ta’ din il-kumpannija li hija stess imponiet fuqha nnifisha. Dan l-Artikolu 38 jawtorizzaha wkoll, bħala prinċipju, li teskludi mill-proċedura ta’ għoti tal-konċessjoni ta’ servizzi kwalunkwe operatur ekonomiku li, minħabba l-fatt li l-awtorità kontraenti żżomm, anki jekk indirettament, parti mill-kapital tiegħu, ma jistax ikun soċju ta’ din l-awtorità kontraenti mingħajr ma jikser, fil-fatt, il-parteċipazzjoni massima fil-kapital ta’ din il-kumpannija pubblika b’sehem privat li l-awtorità kontraenti stess stabbilixxiet.

98

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kontraenti tista’ teskludi operatur ekonomiku mill-proċedura intiża, minn naħa, sabiex tikkostitwixxi kumpannija pubblika b’sehem privat u, min-naħa l-oħra, li tagħti lil din il-kumpannija konċessjoni ta’ servizzi meta din l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, minħabba l-parteċipazzjoni indiretta ta’ din l-awtorità kontraenti fil-kapital ta’ dan l-operatur ekonomiku, il-parteċipazzjoni massima tal-imsemmija awtorità kontraenti fil-kapital ta’ din l-awtorità kontraenti, kif stabbilit mid-dokumenti tas-sejħa għal-offerti tkun, fil-fatt, inqabżet jekk din l-istess awtorità kontraenti għażlet l-imsemmi operatur ekonomiku bħala s-soċju tagħha, sa fejn tali qbiż wassal sabiex jiżdied ir-riskju ekonomiku li għandha l-istess awtorità kontraenti.

Fuq l‑ispejjeż

99

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat‑18 ta’ Diċembru 2017 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kontraenti tista’ teskludi operatur ekonomiku mill-proċedura intiża, minn naħa, sabiex tikkostitwixxi kumpannija pubblika b’sehem privat, u, min-naħa l-oħra, li tagħti lil din il-kumpannija kuntratt pubbliku għal servizzi meta din l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, minħabba l-parteċipazzjoni indiretta ta’ din l-awtorità kontraenti fil-kapital ta’ dan l-operatur ekonomiku, il-parteċipazzjoni massima tal-imsemmija awtorità kontraenti fil-kapital ta’ din il-kumpannija, kif stabbilit mid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, tkun, fil-fatt, inqabżet kieku din l-istess awtorità kontraenti għażlet l-imsemmi operatur ekonomiku bħala s-soċju tagħha, sa fejn tali qbiż iwassal sabiex jiżdied ir-riskju ekonomiku li għandha l-istess awtorità kontraenti.

 

2)

L-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2366 tat‑18 ta’ Diċembru 2017, għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità kontraenti tista’ teskludi operatur ekonomiku mill-proċedura intiża, minn naħa, sabiex tikkostitwixxi kumpannija pubblika b’sehem privat u, min-naħa l-oħra, li tagħti lil din il-kumpannija konċessjoni ta’ servizzi meta din l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, minħabba l-parteċipazzjoni indiretta ta’ din l-awtorità kontraenti fil-kapital ta’ dan l-operatur ekonomiku, il-parteċipazzjoni massima tal-imsemmija awtorità kontraenti fil-kapital ta’ din l-awtorità kontraenti, kif stabbilit mid-dokumenti tas-sejħa għal-offerti tkun, fil-fatt, inqabżet jekk din l-istess awtorità kontraenti għażlet l-imsemmi operatur ekonomiku bħala s-soċju tagħha, sa fejn tali qbiż wassal sabiex jiżdied ir-riskju ekonomiku li għandha l-istess awtorità kontraenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top