Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0283

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Frar 2022.
    CO et vs MJ et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal du travail francophone de Bruxelles.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (Eulex Kosovo) – Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK – Artikolu 8(3) u (5), Artikolu 9(3) u Artikolu 10(3) – Kwalità ta’ persuna li timpjega lill-persunal ta’ missjoni – Artikolu 16(5) – Effett surrogatorju.
    Kawża C-283/20.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:126

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    24 ta’ Frar 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (Eulex Kosovo) – Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK – Artikolu 8(3) u (5), Artikolu 9(3) u Artikolu 10(3) – Kwalità ta’ persuna li timpjega lill-persunal ta’ missjoni – Artikolu 16(5) – Effett surrogatorju”

    Fil-Kawża C‑283/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

    CO et

    vs

    MJ,

    Il-Kummissjoni Ewropea,

    Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE),

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

    Eulex Kosovo,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, C. Lycourgos, I. Jarukaitis u M. Ilešič, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: M. Krausenböck, amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2021,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal CO et, minn N. de Montigny, avocate,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Mongin, G. Gattinara u Y. Marinova, bħala aġenti,

    għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), minn S. Marquardt, R. Spac u E. Orgován, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment minn P. Mahnič u A. Vitro, sussegwentement minn A. Vitro u K. Kouri, bħala aġenti,

    għal Eulex Kosovo, minn E. Raoult u M. Vicente Hernandez, avocates,

    għall-Gvern Spanjol, initialement minn S. Jiménez García, sussegwentement minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) u (5), tal-Artikolu 9(3) u tal-Artikolu 10(3) tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU 2008, L 42, p. 92).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, CO et, jiġifieri 45 membru jew ex membru tal-persunal ċivili internazzjonali tal-Missjoni għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, imsejħa “Eulex Kosovo”, imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 (iktar ’il quddiem il-“Eulex Kosovo”), u min-naħa l-oħra MJ, fil-kwalità tiegħu ta’ Kap tal-Missjoni, il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u, għal xi wħud minnhom, dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom.

    Il-kuntest ġuridiku

    L-Azzjoni Konġunta 2008/124

    3

    Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 1 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, intitolat “Il-missjoni”, jipprovdi:

    “L-UE b’dan tistabbilixxi l-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (minn hawn ’il quddiem “EULEX KOSOVO”).”

    4

    L-Artikolu 2 ta’ din l-azzjoni konġunta, intitolat “Mandat tal-Missjoni”, jipprovdi:

    “EULEX KOSOVO għandha tassisti lill-istituzzjonijiet tal-Kosovo, lil awtoritajiet ġudizzjarji u lil aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi fil-progress tagħhom lejn is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà u fl-iżvilupp u t-tisħiħ ulterjuri ta’ sistema ġudizzjarja multi-etnika indipendenti u servizz tal-pulizija u tad-dwana multi‑etniku, filwaqt li jiġi żgurat li dawn l-istituzzjonijiet huma ħielsa minn interferenzi politiċi u jaderixxu ma’ l-istandards rikonoxxuti fl-ambitu internazzjonali u l-aħjar prattika Ewropea.

    EULEX KOSOVO, f’koperazzjoni sħiħa mal-Programmi ta’ assistenza tal-Kummissjoni Ewropea, għandha timplimenta l-mandat tagħha permezz ta’ monitoraġġ, iggwidar u konsulenza, filwaqt li żżomm ċerti responsabbiltajiet eżekuttivi.”

    5

    L-Artikolu 8 tal-imsemmija azzjoni konġunta, intitolat, “Kap tal-Missjoni”, jipprovdi:

    “1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll ta’ EULEX KOSOVO fuq il-post ta’ l-operazzjoni.

    […]

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jagħti istruzzjonijiet lill-persunal kollu ta’ EULEX KOSOVO, inkluż f’dan il-każ l-element ta’ appoġġ fi Brussell, għat-tmexxija effikaċi ta’ EULEX KOSOVO fuq il-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u billi jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

    […]

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ EULEX KOSOVO. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

    […]

    7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lil EULEX KOSOVO fil-qasam ta’ l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata ta’ EULEX KOSOVO.

    […]”

    6

    L-Artikolu 9 tal-istess azzjoni konġunta, intitolat “Persunal”, jistipula:

    “1.   In-numri u l-kompetenzi tal-persunal ta’ l-EULEX KOSOVO għandhom ikunu konsistenti mal-Mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2, il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-istruttura ta’ EULEX KOSOVO stabbilita fl-Artikolu 6.

    2.   EULEX KOSOVO għandha tikkonsisti primarjament minn persunal sekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta’ l-[Unjoni]. Kull Stat Membru jew istituzzjoni ta’ l-[Unjoni] għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe membru tal-persunal sekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mill-post ta’ skjerament, is-salarji, il-kopertura medika, u l-benefiċċji, barra l-benefiċċji ta’ kuljum, il-benefiċċji għar-riskji u għax-xogħol iebes.

    3.   EULEX KOSOVO tista’ wkoll tirrekluta, skond kif ikun meħtieġ, persunal internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali.

    […]”

    7

    L-Artikolu 10 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, intitolat “Status ta’ EULEX KOSOVO u tal-persunal tagħha”, fil-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi:

    “Il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.”

    L-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/349/PESK

    8

    L-Azzjoni Konġunta 2008/124 ġiet emendata b’mod partikolari bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2014 (ĠU 2014, L 174, p. 42) (iktar ’il quddiem l-“Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata”), u estiża minnha sal-14 ta’ Ġunju 2016.

    9

    Skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2014/349:

    “(6)

    Il-EULEX KOSOVO ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat [UE].”

    10

    L-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, huwa fformulat kif ġej:

    “Il-EULEX KOSOVO għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din l-Azzjoni Konġunta.”

    11

    L-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, jipprovdi:

    “Il-EULEX KOSOVO għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mill-15 ta’ Ġunju 2014, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe pretensjoni relatata ma’ kondotta serjament skorretta mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha l-Kap tal-Missjoni għandu jerfa’ r-responsabbiltà.”

    12

    Skont l-Artikolu 20 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata:

    “Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi fl-14 ta’ Ġunju 2016. […]”

    13

    Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/349, din daħlet fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha, fit-12 ta’ Ġunju 2014.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    14

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu, jew għadhom, impjegati fis-servizz ta’ Eulex Kosovo bħala membri tal-persunal ċivili internazzjonali permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, li ġew imġedda suċċessivament. Dawn il-kuntratti jinkludu klawżola ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell (il-Belġju). Għal uħud mill-kuntratti kkonċernati, din il-klawżola ġiet sussegwentement issostitwita bi klawżola li, sa mix-xahar ta’ Ottubru 2014, tagħti din il-ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    15

    MJ serva bħala Kap tal-Missjoni mill-1 ta’ Frar 2013 sal-14 ta’ Ottubru 2014, skont it-termini speċifikati, b’mod partikolari, fil-kuntratti li kkonkluda mal-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar u fis-7 ta’ Ġunju 2013.

    16

    Fir-Rebbiegħa tal-2012, twettqet klassifikazzjoni mill-ġdid tad-diversi funzjonijiet eżistenti fi ħdan Eulex Kosovo, u dan wassal, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għal emenda tad-deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom u għal tnaqqis sostanzjali fir-remunerazzjoni tagħhom. Din il-klassifikazzjoni mill-ġdid ġiet segwita minn tliet “mewġiet” ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratti, jiġifieri fir-Rebbiegħa u matul is-Sajf tal-2013, fil-Ħarifa tal-2014 u fil-Ħarifa tal-2016.

    17

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2013, uħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 263 TFUE, kontra l-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo, intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet adottati minn MJ fil-kwalità ta’ Kap tal-Missjoni sabiex il-kuntratt ta’ xogħol ta’ dawn ir-rikorrenti ma jiġġeddilhomx wara ċertu data.

    18

    Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Settembru 2014, Bitiqi et vs Il-Kummissjoni et (T‑410/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:871), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dak ir-rikors minħabba assenza ta’ ġurisdizzjoni, għar-raġuni li r-relazzjoni ġuridika li kienet is-suġġett tat-tilwima kienet taqa’ f’kuntest kuntrattwali u li għalhekk kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola li tinsab fil-kuntratti ta’ xogħol li tassenja l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell sabiex jiddeċiedu t-tilwimiet li jirriżultaw jew li jirrigwardaw dawn il-kuntratti.

    19

    Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fil-11 ta’ Lulju, fl-14 ta’ Lulju u fil-21 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu azzjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri t-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), li kkontestaw il-klassifikazzjoni mill-ġdid tad-dmirijiet tagħhom u/jew in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, kif ukoll l-istatus li ġie applikat għalihom, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà soċjali, u kienu intiżi għall-ksib ta’ danni.

    20

    Inizjalment, dawn l-azzjonijiet tressqu kontra MJ bħala l-Kap tal-Missjoni, il-Kunsill, il-Kummissjoni, u s-SEAE. Dawn l-erba’ konvenuti fil-kawża prinċipali madankollu sostnew li, skont l-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, Eulex Kosovo biss kellha twieġeb għal kull pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat, kemm fil-futur kif ukoll fil-passat, skont l-Artikolu 16(5) ta’ din l-azzjoni konġunta, kif emendata.

    21

    B’reazzjoni għal dan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu talbiet għal intervent forzat sabiex jikkjamaw lil Eulex Kosovo quddiem il-qorti tar-rinviju. Madankollu, l-eżami tat-talbiet għal intervent forzat ġie ddistakkat, minn dik il-qorti, minn dak tad-domandi preliminari ta’ ammissibbiltà u proċedura mqajma mit-talbiet prinċipali magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra l-ewwel erba’ konvenuti fil-kawża prinċipali.

    22

    Permezz ta’ sentenza interlokutorja mogħtija fl-1 ta’ Ġunju 2018, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li MJ kellu jiġi eskluż mill-kawża għall-perijodu li jibda mit-12 ta’ Ġunju 2014, peress li d-Deċiżjoni 2014/349 kienet ġiet adottata f’dik id-data u, konsegwentement, li dan tal-aħħar kellu jitqies bħala li, minn dik id-data, ma kienx għadu jaġixxi f’ismu proprju iżda biss fil-kwalità ta’“rappreżentant” ta’ Eulex Kosovo. Il-qorti tar-rinviju kkonstatat ukoll li l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE kellhom jiġu esklużi mill-kawża għal dak il-perijodu minħabba li, f’dik id-data, Eulex Kosovo ngħatat personalità ġuridika tagħha stess u l-atti inkwistjoni kienu twettqu f’isimha. Madankollu, fir-rigward tal-perijodu qabel it-12 ta’ Ġunju 2014, il-qorti tar-rinviju ordnat il-ftuħ mill-ġdid tad-dibattiti sabiex il-partijiet jitħallew iressqu s-sottomissjonijiet tagħhom rigward l-eżistenza tal-mandat li ġew allegatament fdati bih MJ u l-predeċessuri tiegħu f’dak il-perijodu ġew allegatament fdati fil-kapaċità tagħhom bħala Kap tal-Missjoni.

    23

    Wara li semgħet l-osservazzjonijiet tal-partijiet, il-qorti tar-rinviju tindika li għad għandha dubji dwar jekk MJ aġixxiex f’ismu proprju jew għan-nom ta’ istituzzjoni waħda jew iktar.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u jirreferi d-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-[Artikolu 8(3)] u [l-Artikolu 10(3)] tal-[Azzjoni Konġunta 2008/124], skont il-każ flimkien mad-dispożizzjonijiet possibbilment rilevanti l-oħra kollha, għandhom jinqraw bħala li jagħtu lill-Kap tal-Missjoni, personalment u f’ismu stess, il-kwalità ta’ persuna li timpjega tal-persunal ċivili internazzjonali okkupat fis-servizz tal-missjoni [ta’ Eulex Kosovo] waqt il-perijodu qabel it-12 ta’ Ġunju 2014, jew, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-[Artikolu 8(5)] u [tal-Artikolu 9(3)] tal-Azzjoni [Konġunta 2008/124], bħala li jagħtu l-kwalità ta’ persuna li timpjega lill-[Unjoni] u/jew lil istituzzjoni tal-[Unjoni], bħall-[Kummissjoni], [is-SEAE], il-[Kunsill] jew kull istituzzjoni possibbli oħra, li f’isem […] tagħha l-Kap tal-Missjoni kien aġixxa sa dik id-data skont mandat, skont delega ta’ setgħa jew skont kull forma ta’ rappreżentazzjoni oħra li għandha tiġi stabbilita skont il-każ?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    25

    Il-Kummissjoni ssostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għaliex hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    26

    Minn naħa, din it-talba tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma kinux għadhom fis-seħħ meta ġew ippreżentati r-rikorsi quddiem din il-qorti. Fil-fatt, mill-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Ġunju 2014, jirriżulta li mill-15 ta’ Ġunju 2014, Eulex Kosovo, li għandha l-kapaċità ġuridika, għandha tassumi r-responsabbiltà għal kull pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat tal-missjoni. Barra minn hekk, għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdew proċedura parallela, quddiem l-istess qorti nazzjonali, ibbażata fuq l-istess fatti, kontra Eulex Kosovo.

    27

    Min-naħa l-oħra, abbażi tal-punti 34 sa 51 tas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531), il-Kummissjoni tikkontesta d-distinzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju bejn il-perijodi preċedenti u sussegwenti għat-12 ta’ Ġunju 2014.

    28

    F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali jkun possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-allegata inapplikabbiltà għall-kawża prinċipali tad-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba ma tirriżultax b’mod manifest mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja għad-dispożizzjoni tagħha. B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ att proċedurali separat indirizzat kontra Eulex Kosovo ma tidhirx li hija ta’ natura li turi li d-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex reali jew li l-interpretazzjoni tagħhom ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    31

    Ċertament, fil-punti 34 sa 51 tas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il‑Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar talba għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-aħħar kuntratt ta’ xogħol konkluż minn membru tal-persunal assenjat għal Eulex Kosovo kienet timplika li dik il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntratti konklużi preċedentement minn dan il-membru tal-persunal, minkejja li dik il-qorti ma kellhiex ġurisdizzjoni ratione temporis sabiex tiddeċiedi dwar dawn il-kuntratti. Madankollu, din is-soluzzjoni ma hijiex ta’ natura li tirrendi ipotetika d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, l-imsemmija domanda ma tirrigwardax il-ġurisdizzjoni ratione temporis ta’ dik il-qorti sabiex tiddeċiedi fuq il-kawża prinċipali, iżda tirrigwarda l-identifikazzjoni tal-entità responsabbli għall-implimentazzjoni tal-missjoni Eulex Kosovo u, għaldaqstant, tal-entità li għandha l-kwalità ta’ konvenut fir-rikors fil-kawża prinċipali.

    32

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula ma tistax titqies li hija irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali u li għalhekk hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    33

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fl-imsemmija domandi (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Centraal Justitieel Incassobureau (Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji), C‑671/18, EU:C:2019:1054, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan il-każ, minn naħa, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tidentifika l-entità responsabbli mill-implimentazzjoni tal-missjoni Eulex Kosovo qabel it-12 ta’ Ġunju 2014 u li, għaldaqstant, għandha tiġi rrikonoxxuta l-kwalità tal-konvenut fir-rikors fil-kawża prinċipali.

    35

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fuq il-livell formali, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mhux biss tal-Artikolu 8(3) u (5), tal-Artikolu 9(3) u tal-Artikolu 10(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, iżda wkoll tal-“oħra kollha” moqrija flimkien magħhom. Issa, l-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, jispeċifika li mill-15 ta’ Ġunju 2014, Eulex Kosovo għandha twieġeb għal kull pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-missjoni li ġiet fdata lilha, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe pretensjoni relatata ma’ kondotta serjament skorretta mill-Kap tal-Missjoni.

    36

    Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(3) u (5), l-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 10(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif ukoll l-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jindikaw, bħala li għandhom il-kwalità ta’ persuna li timpjega lill-persunal ta’ Eulex Kosovo għall-perijodu qabel it-12 ta’ Ġunju 2014, il-Kap tal-Missjoni, li jaġixxi personalment u f’ismu stess, u/jew il-Kummissjoni, is-SEAE, il-Kunsill jew kwalunkwe entità oħra.

    37

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, il-qorti tar-rinviju tqis li teżisti ambigwità fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn, essenzjalment, l-espressjoni “mill-15 ta’ Ġunju 2014” tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għad-data li fiha Eulex Kosovo saret responsabbli tal-pretensjonijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat tagħha, u dan inkluż il-pretensjonijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn atti mwettqa qabel, jew, alternattivament, bħala li timputa fuq Eulex Kosovo r-responsabbiltà tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti sa minn dik id-data biss.

    38

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew – Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, dan jipprovdi li Eulex Kosovo hija responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat sa mill-15 ta’ Ġunju 2014, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe pretensjoni relatata ma’ kondotta serjament skorretta mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha l-Kap tal-Missjoni għandu jerfa’ r-responsabbiltà.

    40

    Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża li tippreċiża min huwa responsabbli għall-pretensjonijiet u għall-obbligi dwar l-implimentazzjoni tal-missjoni fdata lil Eulex Kosovo, li jimplika li hija intiża sabiex tiddetermina mhux min għandu jitqies bħala l-awtur, b’effett mill-15 ta’ Ġunju 2014, tal-atti li jaqgħu taħt din il-missjoni, iżda min għandu jirrispondi għalihom minn din l-istess data.

    41

    Konsegwentement, il-kliem “mill-15 ta’ Ġunju 2014” għandhom jinftiehmu bħala li ma jippreċiżawx id-data li fiha atti, obbligi jew pretensjonijiet eventwali għandhom jitnisslu jew jitressqu sabiex jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Eulex Kosovo, iżda li jippreċiżaw dik li minnha din tal-aħħar għandha titqies li tassumi r-responsabbiltà għal kull dannu u għal kull obbligu li diġà nħolqu jew li ser jinħolqu mill-implimentazzjoni tal-missjoni li ġiet fdata lilha u, għaldaqstant, bħala li hija f’dan is-sens issurrogata, minn din id-data, fid-drittijiet u l-obbligi tal-persuna jew tal-persuni li preċedentement kienu responsabbli għal din il-missjoni, bl-eċċezzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kondotta serjament skorretta mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha huwa għandu jerfa’ r-responsabbiltà.

    42

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata kemm mill-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni.

    43

    F’dak li jikkonċerna l-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, wara d-dħul fis-seħħ, fit-12 ta’ Ġunju 2014, tal-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, Eulex Kosovo ngħatat il-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din l-Azzjoni Konġunta.

    44

    Minn din il-kapaċità ġuridika mogħtija lil Eulex Kosovo mill-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, li tinkludi dik li tkun parti fi proċeduri ġudizzjarji, jirriżulta li, sa minn qabel il-15 ta’ Ġunju 2014, din l-entità kellha responsabbiltà marbuta mal-implimentazzjoni tal-missjoni li ġiet fdata lilha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 16(5) ta’ din l-azzjoni konġunta, kif emendata, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li r-responsabbiltà imputata mill-imsemmija azzjoni konġunta lil Eulex Kosovo tikkonċerna biss atti, obbligi jew pretensjonijiet li tnisslu jew tressqu mill-15 ta’ Ġunju 2014.

    45

    Fir-rigward tal-għanijiet tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2014/349 jirriżulta li din tal-aħħar ġiet adottata sabiex tiffaċċja sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat UE. L-interpretazzjoni pprovduta f’din is-sentenza, li tgħid li l-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, issurroga lil Eulex Kosovo fid-drittijiet u l-obbligi tal-persuna jew persuni li qabel kienu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-missjoni, hija konformi mal-għan tad-Deċiżjoni 2014/349 li tissaħħaħ il-missjoni fdata lil Eulex Kosovo.

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jittrasferixxi, b’effett mill-15 ta’ Ġunju 2014, lil Eulex Kosovo, bħala prinċipju, ir-responsabbiltà għal kull pretensjoni u obbligu, li diġà nħolqu jew li ser jinħolqu, abbażi tal-implimentazzjoni tal-mandat fdat lil Eulex Kosovo u, għaldaqstant, bħala li jissurroga, minn din l-istess data, lil Eulex Kosovo fid-drittijiet u l-obbligi tal-persuna jew tal-persuni jew istituzzjonijiet li qabel kienu responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din il-missjoni, u dan inkluż fil-proċeduri kontenzjużi diġà mibdija.

    47

    Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata, għandu jiġi interpretat fis-sens li jindika, mill-15 ta’ Ġunju 2014, lil Eulex Kosovo bħala responsabbli u, għaldaqstant, bħala konvenut f’kull rikors dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-missjoni li ġiet fdata lilha, u dan indipendentement mill-fatt li l-fatti sottostanti tali rikors ikunu seħħew qabel it-12 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2014/349.

    Fuq l-ispejjeż

    48

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 16(5) tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li jindika, mill-15 ta’ Ġunju 2014, il-Missjoni għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, imsejħa “Eulex Kosovo”, imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din l-azzjoni konġunta, bħala responsabbli u, għaldaqstant, bħala konvenut, f’kull rikors dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-missjoni li ġiet fdata lilha, u dan indipendentement mill-fatt li l-fatti sottostanti tali rikors ikunu seħħew qabel it-12 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2014/349.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top