EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0282

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-21 ta’ Ottubru 2021.
Proċeduri kriminali kontra ZX.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis- Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni fi proċeduri kriminali – Artikolu 6(3) – Dritt tal-persuni suspettati jew tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali li jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom – Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rimedju proċedurali sabiex jiġu rrimedjati, wara seduta preliminari, in-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza li jivvizzjaw il-kontenut tal-att ta’ akkuża.
Kawża C-282/20.

Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:874

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

21 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għal informazzjoni fi proċeduri kriminali – Artikolu 6(3) – Dritt tal-persuni suspettati jew tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali li jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom – Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rimedju proċedurali sabiex jiġu rrimedjati, wara seduta preliminari, in-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza li jivvizzjaw il-kontenut tal-att ta’ akkuża”

Fil-Kawża C‑282/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2020, fil-proċeduri kriminali mressqa kontra

ZX,

fil-presenza ta’

Spetsializirana prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, I. Jarukaitis u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Machovičová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Van Nuffel, M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra ZX minħabba pussess ta’ flus foloz.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 14 u 41 tad-Direttiva 2012/13 jiddikjaraw:

“(14)      Din id-Direttiva [...] tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-informazzjoni dwar id-drittijiet u dwar l-akkuża li tingħata lil persuni suspettati jew akkużati li kkommettew reat, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva tibni fuq id-drittijiet stabbiliti fil-Karta, u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikoli 5 u 6 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-‘KEDB’)] kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. [...]

[...]

(41)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tippromwovi d-dritt tal-libertà, id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża. Hija għandha tiġi implimentata skont dan.”

4        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.”

 Id-dritt Bulgaru

5        L-Artikolu 246(2) u (3) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jipprovdi:

“2.      Fil-parti dwar il-fatti tal-att ta’ akkuża għandhom jiġu indikati: ir-reat imwettaq mill-persuna akkużata; il-ħin, il-post u l-mod kif twettaq ir-reat; il-vittma u l-ammont tad-dannu; [...]

3.      Fid-dispożittiv tal-att ta’ akkuża għandhom jiġu indikati: [...] il-klassifikazzjoni legali tal-att imwettaq [...]”

6        L-Artikolu 248(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali huwa fformulat hekk:

“(1)      Il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jitqajmu waqt is-seduta preliminari:

[...]

3.      matul il-proċedura preliminari, twettaq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali li jista’ jiġi rregolarizzat u li wassal għal restrizzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali, tal-vittma jew tal-aventi kawża tagħhom?

[...]

(3)       Waqt is-seduta għall-għoti tas-sentenza quddiem il-qrati tal-ewwel istanza, tal-appell u tal-kassazzjoni, ma huwiex permess li jiġi kkontestat ksur tad-drittijiet proċedurali msemmi fil-punt 3 tal-paragrafu 1 li ma kienx is-suġġett ta’ dibattiti waqt is-seduta preliminari, inkluż fuq l-inizjattiva tal-Imħallef Relatur, jew li jitqies li huwa insinjifikattiv.”

7        Skont l-Artikolu 249(2) ta’ dan il-kodiċi:

“Meta l-istanza tiġi sospiża abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 248(1) tal-[Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali], il-qorti għandha tinnotifika lill-prosekutur pubbliku permezz ta’ digriet li jindika l-ksur imwettaq.”

8        Konformement mal-Artikolu 287(1) tal-imsemmi kodiċi, “[i]l-prosekutur pubbliku għandu jfassal att ta’ akkuża ġdid meta jikkonstata, matul l-inkjesta ġudizzjarja, li hemm raġunijiet sabiex issir emenda sostanzjali fil-parti fattwali tal-akkuża jew sabiex tiġi applikata liġi li tissanzjona reati kriminali iktar gravi”. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-emenda tal-akkuża għandha tkun marbuta ma’ garanziji għad-difiża, jiġifieri d-differiment tal-kawża, fuq talba tad-difiża, sabiex id-difiża tkun tista’ tipprepara ruħha fid-dawl tal-akkuża kif emendata.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        ZX huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-Bulgarija talli kellu fil-pussess tiegħu, fid‑19 ta’ Lulju 2015, flus foloz ta’ munita użata fil-pajjiż u barra mill-pajjiż, jiġifieri 88 karta tal-flus ta’ EUR 200 li huwa kien jaf li kienu foloz, bi ksur tal-Artikolu 244(2) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), moqri flimkien mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

10      Matul is-seduta preliminari, ir-regolarità tal-att ta’ akkuża kienet speċifikament is-suġġett ta’ dibattiti. ZX ma kkontestax din ir-regolarità u l-qorti kompetenti ddeċidiet li dan l-att ta’ akkuża kien regolari mill-perspettiva formali.

11      Madankollu, wara li ġabret il-provi kollha, hija u tevalwa l-kwistjoni ta’ jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tisma’ l-partijiet u tagħti sentenza, dik il-qorti kkonstatat nuqqas ta’ preċiżjoni u nuqqas ta’ kompletezza fl-att ta’ akkuża li ma kinux ġew identifikati matul is-seduta preliminari. Fil-fatt, l-ewwel nett, it-tul ta’ żmien li matulu l-persuna li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali kellha fil-pussess tagħha t-88 karta tal-flus foloz ma kienx ġie indikat bi preċiżjoni, sussegwentement, l-att ta’ akkuża ddeskriva b’mod inkomplet il-karatteristiċi legali tal-att inkriminat u, fl-aħħar nett, kien hemm żball fl-indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali Bulgaru li l-ksur tagħhom huwa allegat.

12      Waqt is-seduta għall-għoti tas-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2020, il-qorti tar-rinviju ġibdet l-attenzjoni fuq dawn l-irregolaritajiet li jivvizzjaw l-att ta’ akkuża. L-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur”) għalhekk esprima x-xewqa li dawn l-irregolaritajiet jiġu rrimedjati immedjatament billi tiġi emendata l-akkuża. ZX osserva li, minkejja l-irregolaritajiet li jivvizzjaw il-klassifikazzjoni legali tal-fatti, ma kienx hemm bażi sabiex issir emenda tal-akkuża skont l-Artikolu 287 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. ZX ippropona lill-qorti tar-rinviju tikkoreġi dawn l-iżbalji fis-sentenza tagħha sabiex tippreċiża l-klassifikazzjoni legali tajba tar-reat.

13      Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija għandha tevalwa jekk huwiex possibbli li tirrimedja, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tal-Prosekutur waqt is-seduta fil-kawża prinċipali, dawn l-irregolaritajiet proċedurali tal-att ta’ akkuża, li hija tqis li huma irregolaritajiet sostanzjali li jostakolaw l-iżvolġiment tajjeb tal-proċess kriminali.

14      Hija tqis, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija irregolaritajiet kellhom jiġu kkonstatati matul is-seduta preliminari, li l-proċedura ġudizzjarja kellha tiġi sospiża u li l-kawża kellha tintbagħat lura quddiem il-Prosekutur b’ordni li jirrimedja dawn l-irregolaritajiet u li jfassal att ta’ akkuża ġdid. Issa, f’dan il-każ, dan ma sarx. Hija tosserva wkoll li, wara riforma leġiżlattiva adottata matul is-sena 2017 (iktar ’il quddiem ir-“riforma tal-2017”), mill-Artikolu 248(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jirriżulta li tali possibbiltà tista’ tiġi eżerċitata biss matul is-seduta preliminari, peress li l-liġi Bulgara ma tipprevedix mekkaniżmu sabiex, wara din is-seduta, jiġu rrimedjati tali irregolaritajiet li jivvizzjaw l-att ta’ akkuża, b’mod partikolari billi l-kawża tintbagħat lura quddiem il-prosekutur pubbliku.

15      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ewwel domanda preliminari tikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk, wara s-seduta preliminari, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi li jiġu diskussi l-irregolaritajiet li jivvizzjaw l-informazzjoni mogħtija fir-rigward tal-akkuża u, f’dan id-dawl, l-impossibbiltà li jiġu rrimedjati dawn l-irregolaritajiet, humiex konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13. Hija għandha dubju, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tapplika wkoll wara s-seduta preliminari, pereżempju matul is-seduti sussegwenti, wara li tkun intemmet il-kompilazzjoni tal-provi iżda qabel ma l-qorti tagħti deċiżjoni dwar il-mertu tal-akkuża. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmija projbizzjoni tista’ tkun inkompatibbli mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkonċerna d-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali.

16      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, dwar il-mod kif għandha tiġi rrimedjata irregolarità proċedurali marbuta mad-dritt tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li tkun taf dak li hija akkużata bih. Sa fejn, konformement mas-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Staatsanwaltschaft Offenburg (C‑615/18, EU:C:2020:376), l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 għandu effett dirett, ser ikun neċessarju li jiġi previst rimedju proċedurali li jippermetti l-materjalizzazzjoni ta’ dan l-effett dirett.

17      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu żewġ rimedji proċedurali possibbli.

18      L-ewwel metodu jikkonsisti fl-applikazzjoni, filwaqt li jingħata interpretazzjoni wiesgħa, tal-Artikolu 287 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li jippermetti l-emenda tal-akkuża, b’mod partikolari, meta l-prosekutur pubbliku jkun wettaq żball fil-formulazzjoni tal-att ta’ akkuża. Tali emenda tkun akkumpanjata mill-garanziji neċessarji sabiex il-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali tkun tista’ tiddefendi ruħha. B’mod konkret, il-qorti tagħti l-possibbiltà lill-prosekutur pubbliku jagħmel l-emendi rilevanti fil-kontenut tal-att ta’ akkuża b’tali mod li jelimina n-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza, fejn imbagħad dan tal-aħħar jinforma b’dan ex officio lid-difiża u jagħtiha l-possibbiltà tipprepara ruħha fid-dawl ta’ dawn l-emendi, li tinkludi, b’mod partikolari, il-possibbiltà li tippreżenta talbiet ġodda għal provi. Il-qorti tar-rinviju tindika, madankollu, li, sa issa, il-possibbiltà li tiġi emendata l-akkuża, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 287, ma ntużatx mill-qrati nazzjonali sabiex jiġu rrimedjati irregolaritajiet proċedurali fl-att ta’ akkuża, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

19      B’dan premess, minn naħa, hija tqis li l-applikazzjoni ta’ dan ir-rimedju proċedurali twassal sabiex is-soluzzjoni mogħtija mill-Artikolu 248(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, din l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-irregolarità proċedurali tal-att ta’ akkuża ser tiġi kkoreġuta wara li l-proċedura għall-kompilazzjoni tal-provi tkun intemmet, iżda qabel id-dibattiti fil-mertu.

20      It-tieni possibbiltà tikkonsisti f’li titħalla mhux applikata l-projbizzjoni prevista fil-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali wara r-riforma tal-2017, u li jiġi applikat ir-rimedju proċedurali li kien fis-seħħ sa din ir-riforma, jiġifieri s-sospensjoni tal-proċedura ġudizzjarja filwaqt li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-prosekutur pubbliku sabiex ifassal att ta’ akkuża ġdid, u t-tkomplija tal-kawża bi smigħ ġdid tax-xhieda kollha.

21      B’hekk, fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dawn ir-rimedji proċedurali possibbli humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13. Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija għandha dubju dwar liema wieħed mill-imsemmija rimedji proċedurali huwa l-iktar konformi mad-drittijiet għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali.

22      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar ċirkustanzi fattwali identiċi, jiġifieri att ta’ akkuża vvizzjat b’irregolaritajiet proċedurali li jiksru d-dritt tal-persuna akkużata li tkun taf dak li hija akkużata bih. B’hekk, mis-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392) kif ukoll tat‑12 ta’ Frar 2020, Kolev et (C‑704/18, EU:C:2020:92) jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi mekkaniżmu suffiċjentement effettiv sabiex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet li jivvizzjaw l-att ta’ akkuża u li jaffettwaw id-drittijiet tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13, kemm jekk dan isir mill-qorti stess jew billi l-kawża tintbagħat lura quddiem il-prosekutur pubbliku. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li dawn is-sentenzi ma jippermettulhiex li tirrispondi għad-domandi li hija qiegħda tagħmel.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 248(3) [tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali] tar-Repubblika tal-Bulgarija, li jipprovdi li, wara li jintemm l-ewwel seduta f’kawża kriminali (smigħ preliminari), ma huwa previst ebda stadju proċedurali sabiex jiġu indirizzati l-ambigwità u l-inkompletezza tal-kontenut tal-att tal-akkuża, bi ksur tad-dritt tal-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali li tifhem l-akkużi miġjuba kontriha, huwa konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2013/13 u mal-Artikolu 47 tal-[Karta]?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv: tkun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq [tad-Direttiva 2012/13], kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-[Karta], interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar l-emenda tal-akkuża li tippermetti lill-prosekutur jirrimedja, matul is-seduta, din l-ambigwità u din l-inkompletezza tal-kontenut tal-att tal-akkuża b’tali mod li d-dritt tal-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali li tifhem l-akkużi miġjuba kontriha jkun protett b’mod effettiv u reali; jew ikun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li titħalla mhux applikata l-projbizzjoni nazzjonali li l-proċedura ġudizzjarja titwaqqaf u li l-każ jintbagħat lura quddiem il-prosekutur sabiex dan ifassal att tal-akkuża ġdida?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rimedju proċedurali li jippermetti li, wara s-seduta preliminari f’kawża kriminali, jiġu rrimedjati n-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza li jivvizzjaw il-kontenut tal-att ta’ akkuża u li jippreġudikaw id-dritt tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li tingħata informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża.

25      L-ewwel, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13 jiddefinixxi, fid-dispożizzjonijiet tiegħu, regoli dwar id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża, li huma intiżi li jiggarantixxu n-natura ġusta tal-proċedura u li jippermettu l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro, C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 43, kif ukoll digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, UC u TD (Irregolaritajiet formali fl-att ta’ akkuża), C‑769/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:28, punt 43).

26      Kif jindikaw essenzjalment il-premessi 14 u 41 tad-Direttiva 2012/13, din id-direttiva hija bbażata fuq id-drittijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u hija intiża li tippromwovi dawn id-drittijiet. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jesprimi b’mod espliċitu aspett tad-dritt għal rimedju effettiv u tad-drittijiet tad-difiża, li huma stabbiliti fl-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 88, kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2020, Staatsanwaltschaft Offenburg, C‑615/18, EU:C:2020:376, punt 71).

27      It-tieni, fir-rigward tal-mument li fih għandu jiġi żgurat il-benefiċċju tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, bħala prinċipju, dan ma għandux ikun iktar tard minn qabel ma l-qorti kriminali tibda teżamina l-akkuża fuq il-mertu u qabel ma jinfetħu d-dibattiti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kolev et, C‑704/18, EU:C:2020:92, punt 39, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, UC u TD (Irregolaritajiet formali fl-att ta’ akkuża), C‑769/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:28, punt 44).

28      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fid-Direttiva 2012/13 ma hemm xejn li jipprekludi lill-qorti milli tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tirregolarizza l-att ta’ akkuża, sakemm ikunu debitament protetti d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 94).

29      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-informazzjoni dwar l-akkuża kkomunikata lid-difiża tista’ tkun is-suġġett ta’ emendi ulterjuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti li jkunu s-suġġett tal-akkuża. Madankollu, tali emendi għandhom jiġu kkomunikati lill-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali jew lill-avukat tagħha f’mument meta dawn ikun għad għandhom l-opportunità jirreaġixxu b’mod effettiv, qabel il-fażi tad-deliberazzjoni. F’dan ir-rigward, din il-possibbiltà hija prevista fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/13, li jipprovdi li kull bidla fl-informazzjoni mogħtija abbażi ta’ dan l-artikolu, li ssir matul il-proċedura kriminali, għandha tiġi kkomunikata malajr lill-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita n-natura ġusta tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 95).

30      Minn din il-ġurisprudenza kollha jirriżulta li d-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu żgurati matul il-proċedura kriminali kollha u, għalhekk, f’dan il-każ, anki wara s-seduta preliminari f’kawża kriminali. Issa, il-qorti tar-rinviju tindika li, wara r-riforma tal-2017, il-possibbiltà li tiġi sospiża l-proċedura ġudizzjarja u li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-prosekutur pubbliku b’ordni li jirrimedja l-irregolaritajiet proċedurali li jivvizzjaw l-att ta’ akkuża u li jfassal att ta’ akkuża ġdid tista’ tiġi eżerċitata biss, skont l-Artikolu 248(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, matul tali seduta, peress li l-liġi Bulgara ma tipprevedix mekkaniżmu sabiex tali irregolaritajiet jiġu rrimedjati wara din is-seduta.

31      Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 u lanqas mal-Artikolu 47 tal-Karta peress li, wara l-imsemmija seduta, l-assenza ta’ rimedju proċedurali li jippermetti li jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet li jivvizzjaw l-att ta’ akkuża tipprekludi lill-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali milli tkun taf, b’mod suffiċjentement iddettaljat, l-akkużi miġjuba kontriha, sitwazzjoni din li tista’ tostakola l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

32      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rimedju proċedurali li jippermetti li jiġu rrimedjati, wara s-seduta preliminari f’kawża kriminali, in-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza li jivvizzjaw il-kontenut tal-att ta’ akkuża u li jippreġudikaw id-dritt tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li tingħata informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża.

 Fuq it-tieni domanda

33      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar l-emenda tal-akkuża li tippermetti lill-prosekutur pubbliku jirrimedja n-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza li jivvizzjaw il-kontenut tal-att ta’ akkuża waqt is-seduta għall-għoti ta’ sentenza filwaqt li jitħarsu b’mod attiv u reali d-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali, jew jekk dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġux li titħalla mhux applikata l-projbizzjoni, prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiġi sospiża l-proċedura ġudizzjarja u li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-prosekutur pubbliku sabiex ifassal att ta’ akkuża ġdid.

34      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li d-dritt tal-Unjoni ma jispeċifikax liema awtorità nazzjonali hija responsabbli sabiex jiġi żgurat li l-persuni li jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali jibbenefikaw mid-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13, u lanqas ma jispeċifika liema proċedura għandha tiġi segwita għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kolev et, C‑704/18, EU:C:2020:92, punt 40, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, UC u TD (Irregolaritajiet formali fl-att ta’ akkuża), C‑769/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:28, punt 44).

35      B’hekk, l-istabbiliment tal-modalitajiet konkreti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 jaqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li jeżiġi li r-regoli nazzjonali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern, u tal-prinċipju ta’ effettività, li jeżiġi li l-modalitajiet proċedurali nazzjonali ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kolev et, C‑704/18, EU:C:2020:92, punti 48 u 49, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, UC u TD (Irregolaritajiet formali fl-att ta’ akkuża), C‑769/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:28, punti 47 sa 49).

36      B’mod partikolari, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 ma jipprekludix li d-dritt tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali li jiġu informati dwar l-akkuża jiġi żgurat jew mill-prosekutur pubbliku wara li l-kawża tintbagħat lura quddiemu fil-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, jew mill-qorti kriminali kompetenti meta l-kawża titressaq għall-għoti ta’ sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kolev et, C‑704/18, EU:C:2020:92, punt 44, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, UC u TD (Irregolaritajiet formali fl-att ta’ akkuża), C‑769/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:28, punt 46).

37      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, f’sitwazzjoni fejn il-proċedura kriminali fl-intier tagħha ma tkunx ingħalqet, l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 jista’ jiġi żgurat kemm-il darba l-qorti, fil-kuntest tal-fażi ġudizzjarja, tkun f’pożizzjoni li tirrimedja hija stess l-irregolaritajiet li bihom ikun ivvizzjat l-att ta’ akkuża, jew il-prosekutur pubbliku, li quddiemu l-kawża tkun intbagħtet lura, ikollu l-opportunità li jagħmel dan, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kolev et, C‑704/18, EU:C:2020:92, punti 54 u 55, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, UC u TD (Irregolaritajiet formali fl-att ta’ akkuża), C‑769/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:28, punt 49).

38      F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, ikun liema jkun il-mument li fih tingħata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13, il-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali u l-avukat tagħha għandhom, b’mod partikolari u b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, jingħataw terminu suffiċjenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din l-informazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jippreparaw id-difiża b’mod effettiv, iressqu l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom u, jekk ikun il-każ, iressqu kwalunkwe talba, b’mod partikolari ta’ istruttorja, li jkollhom dritt iressqu skont id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro, C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2021, UC u TD (Irregolaritajiet formali fl-att ta’ akkuża), C‑769/19, mhux ippubblikat, EU:C:2021:28, punt 50).

39      Fid-dawl tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix jew li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi, jew li titħalla mhux applikata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 248(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, kif tirriżulta mir-riforma tal-2017, sabiex tiġi applikata d-dispożizzjoni li kienet teżisti sa dak iż-żmien u li kienet tippermetti li tiġi sospiża l-proċedura ġudizzjarja u li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-prosekutur pubbliku, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt jobbliga lill-qrati nazzjonali jinterpretaw, sa fejn ikun possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 57).

40      Huwa biss meta jkun impossibbli għaliha li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali li tkun responsabbli sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkollha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ tħalli mhux applikata, fuq l-awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew permezz ta’ kull proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      B’hekk, fil-każ li interpretazzjoni konformi tkun impossibbli, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, hija, bħala korp ta’ Stat Membru, obbligata tħalli mhux applikata kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett fit-tilwima li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 għandu jitqies li għandu tali effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Staatsanwaltschaft Offenburg, C‑615/18, EU:C:2020:376, punt 72).

42      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermettilha twettaq interpretazzjoni wiesgħa tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u, b’mod partikolari, tar-regoli dwar l-emenda tal-akkuża, previsti fl-Artikolu 287 ta’ dan il-kodiċi, li jagħtu l-possibbiltà li jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet proċedurali li jivvizzjaw l-att ta’ akkuża. Konkretament, hija tindika li, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tal-persuna li hija s-suġġett ta’ proċedura kriminali, fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 287, l-ewwel nett, il-qorti tista’ tagħti l-possibbiltà lill-Prosekutur jagħmel l-emendi rilevanti fil-kontenut tal-att ta’ akkuża b’tali mod li jelimina n-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza, imbagħad, dan jinforma lid-difiża b’dawn l-emendi u, fl-aħħar nett, jagħti l-possibbiltà lid-difiża tipprepara ruħha għal dawn l-emendi, inkluż, jekk ikun il-każ, billi tippreżenta talbiet ġodda għal provi.

43      Għandu jiġi osservat li tali mekkaniżmu jidher li huwa konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 u mal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn jippermetti applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 6(3) u jidher li jista’ jiżgura wkoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-qorti tar-rinviju tidher li hija f’pożizzjoni li tinterpreta l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali b’mod li huwa konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija ma hijiex obbligata tħalli mhux applikat l-Artikolu 248(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, kif jirriżulta mir-riforma tal-2017. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tar-rinviju għandha, sa fejn huwa possibbli, tagħti interpretazzjoni konformi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-emenda tal-akkuża, li tippermetti lill-prosekutur pubbliku jirrimedja n-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza li jivvizzjaw il-kontenut tal-att ta’ akkuża waqt is-seduta għall-għoti tas-sentenza filwaqt li jitħarsu b’mod attiv u reali d-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali. Huwa biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni konformi f’dan is-sens ma tidhirx possibbli li għandha tħalli mhux applikata d-dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi li l-proċedura ġudizzjarja tiġi sospiża u li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-prosekutur pubbliku sabiex dan ifassal att ta’ akkuża ġdid.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix rimedju proċedurali li jippermetti li jiġu rrimedjati, wara s-seduta preliminari f’kawża kriminali, in-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza li jivvizzjaw il-kontenut tal-att ta’ akkuża u li jippreġudikaw id-dritt tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li tingħata informazzjoni ddettaljata dwar l-akkuża

2)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/13 u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tar-rinviju għandha, sa fejn huwa possibbli, tagħti interpretazzjoni konformi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-emenda tal-akkuża, li tippermetti lill-prosekutur pubbliku jirrimedja n-nuqqas ta’ preċiżjoni u n-nuqqas ta’ kompletezza li jivvizzjaw il-kontenut tal-att ta’ akkuża waqt is-seduta għall-għoti tas-sentenza filwaqt li jitħarsu b’mod attiv u reali d-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali. Huwa biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni konformi f’dan is-sens ma tidhirx possibbli li għandha tħalli mhux applikata d-dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi li l-proċedura ġudizzjarja tiġi sospiża u li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-prosekutur pubbliku sabiex dan ifassal att ta’ akkuża ġdid.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top