Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0140

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ April 2022.
    G.D. vs The Commissioner of the Garda Síochána et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal komunikazzjonijiet elettroniċi – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data relatata mat-traffiku u ta’ data ta’ lokalizzazzjoni – Aċċess għad-data miżmuma – Stħarriġ ġudizzjarju a posteriori – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Esklużjoni.
    Kawża C-140/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:258

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    5 ta’ April 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal komunikazzjonijiet elettroniċi – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data relatata mat-traffiku u ta’ data ta’ lokalizzazzjoni – Aċċess għad-data miżmuma – Stħarriġ ġudizzjarju a posteriori – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Esklużjoni”

    Fil-Kawża C‑140/20,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l‑Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess data, fil-proċedura

    G.D.

    vs

    The Commissioner of An Garda Síochána,

    Minister for Communications, Energy and Natural Resources,

    Attorney General,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, A. Prechal, S. Rodin, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz (Relatur), M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2021,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal G.D., minn J. Dunphy, solicitor, R. Kennedy, u R. Farrell, SC, kif ukoll minn K. McCormack, BL,

    għall-Commissioner of An Garda Síochána, il-Minister for Communications, Energy and Natural Resources u l-Attorney General, minn M. Browne, S. Purcell, C. Stone, J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn S. Guerin u P. Gallagher, SC, kif ukoll minn D. Fennelly u L. Dwyer, BL,

    għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn J. Vanpraet, advocaat,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Daniż, inizjalment minn J. Nymann-Lindegren u M. Jespersen, kif ukoll minn M. Wolff, u wara minn M. Wolff u V. Jørgensen, bħala aġenti,

    għall-Gvern Estonjan, minn A. Kalbus u M. Kriisa, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

    għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, A. Daniel, D. Dubois, T. Stéhelin u J. Illouz, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċiprijott, minn I. Neophytou, bħala aġent,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. S. Schillemans, K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u J. Sawicka, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa u I. Oliveira, bħala aġenti,

    għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere u A. Laine, bħala aġenti,

    għall-Gvern Svediż, minn O. Simonsson, J. Lundberg, H. Shev, C. Meyer-Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, R. Shahsavan Eriksson u H. Eklinder, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, H. Kranenborg, M. Wasmeier u F. Wilman, bħala aġenti,

    għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn D. Nardi, N. Stolič, K. Ujazdowski u A. Buchta, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Novembru 2021,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 10) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn G.D., minn naħa, u l-Commissioner of An Garda Síochána (il-Kummissarju tal-Pulizija Nazzjonali, l-Irlanda), il‑Minister for Communications, Energy and Natural Ressources (il‑Ministru għall-Komunikazzjonijiet, Enerġija u Riżorsi Naturali) u l-Attorney General, min-naħa l-oħra, dwar il-validità tal-Communications (Retention of Data) Act 2011 (il-Liġi tal‑2011 dwar il-Komunikazzjonijiet (Żamma ta’ Data), iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal‑2011”).

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Il-premessi 2, 6, 7 u 11 tad-Direttiva 2002/58 jipprovdu:

    “(2)

    Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 [tagħha].

    […]

    (6)

    L-Internet qed jaqleb l-istrutturi tas-suq tradizzjonali billi jipprovdi infrastruttura komuni u globali għat-twassil ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fuq l-Internet jiftħu possibiltajiet ġodda għal min jużahom iżda ukoll riskji ġodda għal data personali u privatezza tagħhom.

    (7)

    Fil-każ ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi legali, regolatorji, u tekniċi għandhom jsiru sabiex ikunu protetti d-drittijiet u libertajiet fondamentali tal-persuni naturali u l-interessi leġittimi tal-persuni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna awtomatizzata u l-ipproċessar tad-data li għandha x’taqsam ma’ l-abbonati u l-utenti.

    […]

    (11)

    Bħad-Direttiva [95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi [tal-Unjoni]. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, hekk kif interpretati mid-deċi\jonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali”.

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jiddisponi:

    “1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni Ewropea].

    2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

    3.   Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Trattat FUE], bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’ kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali”.

    5

    Skont it-termini tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Definizzjonijiet”:

    “Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)].

    Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

    (b)

    ‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

    (c)

    ‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

    (d)

    ‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

    […]”

    6

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Servizzi konċernati”, jipprevedi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi [fl-Unjoni], inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

    7

    Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

    8

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jipprovdi:

    “1.   Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

    2.   Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

    3.   Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.

    […]

    5.   L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

    […]”

    9

    L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it -traffiku”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn id-data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil-kunsens ta’ l-utenti jew ta’ l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta’ data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta’ l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkunprovdut servizz bil-valur miżjud. […]”

    10

    L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali [– jiġifieri, is-sigurtà ta’ l-Istat –], id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

    Id-dritt Irlandiż

    11

    Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Liġi tal‑2011 ġiet adottata sabiex tittrasponi fl-ordinament ġuridiku Irlandiż id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).

    12

    L-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑2011 jiddefinixxi t-terminu “data” bħala li jkopri “id-data dwar it-traffiku jew id-data dwar il-lokalizzazzjoni kif ukoll id-data relatata neċessarja sabiex jiġi identifikat l-abbonat jew l-utent”, u t-terminu “reat serju” bħala li jirreferi għal reat punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin jew iktar jew wieħed mir-reati l-oħra elenkati fl-Anness 1 ta’ din il-liġi.

    13

    L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija liġi jobbliga lill-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu d-data msemmija fil-Parti 1 tal-Anness 2 tagħha, għal perijodu ta’ sentejn kif ukoll id-data msemmija fil-Parti 2 tal-Anness 2 tagħha, għal perijodu ta’ sena.

    14

    Il-Parti 1 tal-Anness 2 tal-istess liġi tirrigwarda, fost oħrajn, id-data dwar it-telefonija fissa u t-telefonija mobbli li tippermetti li jiġi identifikat is-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, li tiġi ddeterminata d-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni, li jiġi ddeterminat it-tip ta’ komunikazzjoni kkonċernata kif ukoll li jiġi identifikat it-tip u l-post ġeografiku tal-materjal ta’ komunikazzjoni użat. B’mod partikolari, il-punt 6 tal-Parti 1 ta’ dan l-Anness 2 jipprevedi ż-żamma tad-data neċessarja sabiex jinstab mezz ta’ komunikazzjoni elettronika mobbli, peress li din id-data hija, minn naħa, l-identifikatur ċellulari u, min-naħa l-oħra, data li tippermetti li tiġi stabbilita l-lokalizzazzjoni ġeografika taċ-ċelloli, billi jsir riferiment għall-identità tal-lokalizzazzjoni (identifikatur ċellulari), matul il-perijodu li matulu tinżamm id-data ta’ komunikazzjoni.

    15

    Il-Parti 2 tal-Anness 2 tal-Liġi tal‑2011 tirrigwarda d-data dwar l-aċċess għall-internet, il-posta elettronika u t-telefonija bl-internet u tkopri b’mod partikolari n-numri ta’ identifikatur u tat-telefon, l-indirizzi IP, kif ukoll id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem ta’ komunikazzjoni. Il-kontenut tal-komunikazzjonijiet ma jaqax taħt din il-kategorija ta’ data.

    16

    Skont l-Artikoli 4 u 5 tal-Liġi tal‑2011, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jieħdu ċerti miżuri sabiex jiżguraw li d-data tkun protetta kontra l-aċċess mhux awtorizzat.

    17

    L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi, li jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom talba għal aċċess tista’ tiġi ppreżentata, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Uffiċjal tal-pulizija nazzjonali li l-istatus tiegħu ma jkunx inqas minn dak ta’ supretendent ewlieni jista’ jitlob lil fornitur ta’ servizzi jikkomunikalu d-data miżmuma minn dan il-fornitur ta’ servizzi skont l-Artikolu 3 jekk dan l-uffiċjal iqis li d-data inkwistjoni hija neċessarja għall-finijiet:

    (a)

    ta’ prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reat serju,

    (b)

    ta’ protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat,

    (c)

    tal-preżervazzjoni tal-ħajja umana.”

    18

    L-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi jobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jilqgħu t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 6 tagħha.

    19

    Skont il-mekkaniżmi ta’ stħarriġ tad-deċiżjoni tal-uffiċjal tal-pulizija nazzjonali msemmi fl-Artikolu 6 tal-Liġi tal‑2011 hemm il-proċedura ta’ lment prevista fl-Artikolu 10 ta’ din il-liġi kif ukoll il-proċedura quddiem id-designated judge (imħallef maħtur), fis-sens tal-Artikolu 12 ta’ din, li huwa inkarigat li jeżamina l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    20

    Fix-xahar ta’ Marzu 2015, G.D. ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija għal għomru minħabba l-qtil ta’ persuna li kienet għebet fix-xahar ta’ Awwissu 2012 u li l-kadavru tagħha kien instab biss fix-xahar ta’ Settembru 2013. Fl-appell mill-kundanna tagħha, il-persuna kkonċernata kkritikat b’mod partikolari lill-qorti tal-ewwel istanza talli, b’mod żbaljat, laqgħet bħala provi data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta ma’ sejħiet telefoniċi, minħabba li l-Liġi tal‑2011, li kienet tirregola ż-żamma ta’ din id-data u li abbażi tagħha l-investigaturi tal-pulizija nazzjonali kellhom aċċess għall-imsemmija data, tikser id-drittijiet mogħtija lilha mid-dritt tal-Unjoni. Dan l-appell huwa attwalment pendenti.

    21

    Sabiex ikun jista’ jikkontesta, fil-kuntest tal-proċedura kriminali, l-ammissibbiltà tal-imsemmija provi, G.D. beda proċedura ċivili quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) intiża sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑2011. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2018, din il-qorti laqgħet l-argument ta’ G.D. u qieset li l-Artikolu 6(1)(a) ta’ din il-liġi kien inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. L-Irlanda appellat minn din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), il-qorti tar-rinviju.

    22

    Il-proċedura kriminali pendenti quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-proċedura ċivili fil-kawża prinċipali.

    23

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Irlanda sostniet li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta li jirriżulta miż-żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni skont il-Liġi tal‑2011 huwiex proporzjonat, għandhom jiġu eżaminati l-għanijiet tas-sistema stabbilita minn din il-liġi fl-intier tagħha. Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, l-imsemmija liġi stabbilixxiet qafas iddettaljat li jirregola l-aċċess għad-data miżmuma, li permezz tiegħu l-unità inkarigata, fi ħdan il-pulizija nazzjonali, bl-eżami minn qabel tat-talbiet għal aċċess tgawdi minn indipendenza funzjonali meta mqabbla mal-pulizija nazzjonali fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha u, sussegwentement, tissodisfa r-rekwiżit ta’ stħarriġ minn qabel imwettaq minn entità amministrattiva indipendenti. Din is-sistema ta’ stħarriġ hija kkompletata minn proċedura ta’ lment u minn stħarriġ ġudizzjarju. Fl-aħħar nett, l-imsemmi Stat Membru jsostni li jekk jitqies, b’mod definittiv, li l-Liġi tal‑2011 tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, kull konstatazzjoni li tiġi dedotta minnha mill-qorti tar-rinviju għandha tgħodd biss, mill-perspettiva tal-effetti ratione temporis tagħha, għall-futur.

    24

    Min-naħa tiegħu, G.D. sostna li s-sistema ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data stabbilita mil-Liġi tal‑2011 kif ukoll is-sistema ta’ aċċess għal din id-data prevista minn din il-liġi huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat b’mod partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 120 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970).

    25

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, preliminarjament, li hija għandha biss tevalwa jekk il-High Court (il-Qorti Għolja) kellhiex raġun tiddeċiedi li l-Artikolu 6(1)(a) tal-Liġi tal‑2011 huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u li, għall-kuntrarju, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-provi mqajma fil-kuntest tal-proċess kriminali taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell), adita bl-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ kundanna.

    26

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, dwar ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward taż-żamma tad-data għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja. F’dan ir-rigward, hija tqis, essenzjalment, li hija biss żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li tippermetti li tiġi miġġielda, b’mod effettiv, il-kriminalità serja, fatt li ż-żamma mmirata u żamma rapida (quick freeze) ma jippermettux li ssir. Fir-rigward taż-żamma mmirata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li jiġu indirizzati gruppi jew żoni ġeografiċi speċifiċi għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, sa fejn ċerti reati serji rarament jimplikaw ċirkustanzi magħrufa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li jippermettulhom jissuspettaw it-twettiq ta’ reat minn qabel. Barra minn hekk, iż-żamma mmirata tista’ tagħti lok għal diskriminazzjonijiet. Fir-rigward taż-żamma rapida, il-qorti tar-rinviju tqis li din hija utli biss f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm persuna ssuspettata identifikabbli fi stadju bikri tal-investigazzjoni.

    27

    Sussegwentement, fir-rigward tal-aċċess għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-pulizija nazzjonali stabbilixxiet, fi ħdanha, mekkaniżmu ta’ awtoċertifikazzjoni tat-talbiet għal aċċess indirizzati lil dawn il-fornituri. B’hekk, mill-elementi ppreżentati quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) jirriżulta li l-kap tal-pulizija nazzjonali ddeċieda, bħala miżura interna, li t-talbiet għal aċċess imressqa skont il-Liġi tal‑2011 għandhom ikunu s-suġġett ta’ pproċessar iċċentralizzat minn uffiċjal wieħed tal-pulizija nazzjonali, li għandu l-kwalità ta’ supretendent ewlieni, jiġifieri l-kap tat-taqsima tas-sigurtà u tal-intelligence. Jekk dan tal-aħħar iqis li d-data kkonċernata hija neċessarja għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-prevenzjoni, tal-iskoperta, tal-investigazzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reat serju, huwa jista’ jindirizza talba għal aċċess lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra minn hekk, il-kap tal-pulizija nazzjonali stabbilixxa, fi ħdanha, unità awtonoma msejħa Telecommunications Liaison Unit (Unità ta’ kuntatt fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem it-“TLU”), sabiex tipprovdi appoġġ lill-Kap tat-Taqsima tas-Sigurtà u tal-Intelligence fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u sservi bħala punt ta’ kuntatt uniku ma’ dawn l-istess fornituri ta’ servizzi.

    28

    Il-qorti tar-rinviju żżid li, matul il-perijodu kkonċernat mill-investigazzjoni kriminali miftuħa kontra G.D., l-applikazzjonijiet kollha għal aċċess kellhom jiġu approvati fl-ewwel lok minn supretendent jew spettur li jaġixxi bħala supretendent, qabel ma jintbagħtu lit-TLU bil-għan li jiġu pproċessati, u li l-investigaturi kienu mistiedna jressqu t-talbiet tagħhom għal aċċess għal dettalji suffiċjenti sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni informata. Barra minn hekk, it-TLU u l-kap tat-taqsima tas-sigurtà u tal-intelligence kienu obbligati jeżaminaw il-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità tat-talbiet għal aċċess, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan il-kap seta’ jintalab jagħti risposta għad-deċiżjoni tagħha quddiem qorti magħżula mill-High Court (il-Qorti Għolja). Barra minn hekk, it-TLU hija suġġetta wkoll, għal stħarriġ mid-Data Protection Commissioner (il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, l-Irlanda).

    29

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata u l-effetti ratione temporis ta’ konstatazzjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ konformità tal-Liġi tal‑2011 mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li tali konstatazzjoni tista’ tkun valida biss għall-futur, minħabba li d-data użata bħala prova fil-proċedura kriminali kontra G.D. inżammet u kien hemm aċċess għaliha fl-aħħar tas-sena 2013, jiġifieri f’perijodu fejn l-Irlanda kienet obbligata tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑2011 li tittrasponi d-Direttiva 2006/24. Skont l-Irlanda, tali soluzzjoni hija wkoll xierqa sa fejn, fin-nuqqas ta’ dan, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati serji fl-Irlanda, kif ukoll is-sitwazzjoni ta’ persuni diġà ġġudikati u kkundannati, jkunu jistgħu jiġu affettwati serjament.

    30

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Sistema ġenerali/universali ta’ żamma ta’ data – anki jekk suġġetta għal restrizzjonijiet stretti fil-qasam ta’ żamma u ta’ aċċess – hija, minnha nfisha, kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58], interpretati fid-dawl tal-Karta?

    2)

    Fil-kuntest tal-eżami dwar jekk jekk għandhiex tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali implimentata skont id-Direttiva [2006/24] u li tipprevedi sistema ġenerali ta’ żamma ta’ data (suġġetta għall-kontrolli stretti neċessarji fil-qasam taż-żamma jew ta’ aċċess), u b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ tali sistema, qorti nazzjonali hija intitolata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-data tista’ tinżamm legalment mill-fornituri ta’ servizzi għall-użu kummerċjali tagħhom stess u li ż-żamma tagħha tista’ tiġi imposta għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2002/58]?

    3)

    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Karta, ta’ miżura nazzjonali li tirregola l-aċċess għad-data miżmuma, liema kriterji għandha qorti nazzjonali tapplika meta teżamina jekk tali sistemi ta’ aċċess jipprevedux l-istħarriġ preliminari indipendenti kif iddeterminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha? F’dan il-kuntest, tista’ qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju ex post jew indipendenti?

    4)

    Fi kwalunkwe każ, qorti nazzjonali hija obbligata tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58], fil-każ fejn din il-miżura nazzjonali tipprevedi sistema ġenerali ta’ żamma ta’ data għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalita gravi, u fejn il-qorti nazzjonali tkun ikkonkludiet, fid-dawl tal-provi kollha disponibbli, li tali żamma hija kemm indispensabbli kif ukoll strettament neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi?

    5)

    Jekk qorti nazzjonali hija obbligata tikkonkludi li miżura nazzjonali hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58], interpretati fid-dawl tal-Karta, hija intitolata tillimita l-effetti ratione temporis ta’ tali konstatazzjoni, jekk hija tqis li n-nuqqas li tagħmel dan iwassal għal “kaos u dannu għall-interess pubbliku li jirriżulta” (skont l-approċċ meħud, pereżempju, f’R (National Council for Civil Liberties) vs Secretary of State for Home Department and Secretary of State for Foreign Affairs [2018] EWHC 975, punt 46]?

    6)

    Qorti nazzjonali mitluba tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58] u/jew li ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni, u/jew tiddikkjara li l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni kienet kisret id-drittijiet ta’ persuna fiżika, jew fil-kuntest ta’ proċedura mibdija sabiex tiġi ffaċilitata l-preżentazzjoni ta’ argument relatat mal-ammissibbiltà tal-provi fi proċeduri kriminali jew f’kuntest ieħor, tista’ tkun awtorizzata tirrifjuta li tilqa’ din it-talba f’dak li jikkonċerna d-data miżmuma b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali adottata skont l-obbligu, previst fl-Artikolu 288 TFUE, li jiġu trasposti b’mod fidil fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, jew li tillimita tali konstatazzjoni għall-perijodu wara d-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-Direttiva [2006/24 mis-sentenza tat‑8 ta’ April 2014Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238)]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda

    31

    Permezz tal-ewwel, it-tieni u ir-raba’ domanda tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni għal finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja.

    32

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti u, b’mod partikolari, l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 105 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Mill-kliem stess tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-miżuri leġiżlattivi li din tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw, taħt il-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi, jistgħu biss ikunu intiżi “biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni” tad-drittijiet u tal-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58.

    34

    Fir-rigward tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva u li fiha jinsab l-Artikolu 15(1) tagħha, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjoni u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll il-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom. B’mod partikolari, għandhom l-obbligu li jipprojbixxu lil kull persuna oħra minbarra l-utenti li tisma’, tinterċetta jew taħżen il-komunikazzjonijiet u d-data relatata mat-traffiku relatat, jew li tissuġġettahom għal kull mezz ieħor ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza, mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati, ħlief meta din il-persuna tkun legalment awtorizzata tagħmel dan skont l-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva.

    35

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità kemm tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom u jimplika, b’mod partikolari, il-projbizzjoni applikabbli, bħala regola, għal kwalunkwe persuna oħra, minbarra l-utenti, li taħżen, mingħajr il-kunsens tagħhom, dawn il-komunikazzjonijiet u din id-data (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 107).

    36

    Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-għan intiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-adozzjoni tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (COM(2000) 385 final), li tat lok għad-Direttiva 2002/58, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni “jiżgura li livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali u tal-ħajja privata jibqa’ ggarantit fir-rigward tas-servizzi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, irrispettivament mit-teknoloġija użata”. L-imsemmija direttiva għandha l-għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 6 u 7 tagħha, li tipproteġi lill-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kontra r-riskji għad-data personali tagħhom u għall-ħajja privata tagħhom li jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda u, b’mod partikolari, mill-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna u l-ipproċessar awtomatizzati ta’ data. B’mod partikolari, kif tistipula l-premessa 2 tal-istess direttiva, il-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija li jiġi ggarantit ir‑rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 83, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 106).

    37

    B’hekk, bl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonkretizza dawn id-drittijiet, b’tali mod li l-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala prinċipju, li l-komunikazzjonijiet tagħhom u d-data relatata magħhom jibqgħu, fl-assenza tal-kunsens tagħhom, anonimi u li ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, punt 109).

    38

    Fir-rigward tal-ipproċessar u tal-ħażna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tad-data dwar it-traffiku li tikkonċerna l-abbonati u l-utenti, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din id-data għandha titħassar jew issir anonima meta ma tkunx iktar neċessarja għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni, u jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li d-data dwar it-traffiku fuq l-internet li hija neċessarja sabiex isiru l-kontijiet tal-abbonati u l-ħlasijiet għal interkonnessjoni jistgħu jiġu pproċessati biss sat-tmiem tal-perijodu li matulu l-fattura tista’ tiġi legalment ikkontestata jew jistgħu jinbdew azzjonijiet għall-ħlas tagħhom. Fir-rigward tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li ma tkunx data dwar it-traffiku, l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li din id-data tista’ tiġi pproċessata biss taħt ċerti kundizzjonijiet u wara li tkun ġiet anonimizzata jew wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-utenti jew tal-abbonati.

    39

    Għaldaqstant, id-Direttiva 2002/58 mhux biss tillimita l-aċċess għal tali data permezz ta’ garanziji intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi, iżda tistabbilixxi wkoll, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ħażna tagħha minn terzi.

    40

    Sa fejn l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi sabiex “jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni” tad-drittijiet u tal-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ din id-direttiva, bħal dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u mill-projbizzjoni tal-ħażna tad-data relatata magħhom, imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali prevista b’mod partikolari f’dawn l-Artikoli 5, 6 u 9 u għandha għalhekk, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. Tali dispożizzjoni, għalhekk, ma tistax tiġġustifika li d‑deroga mill-obbligu fuq livell ta’ prinċipju li tiġi żgurata l‑kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data relatata magħhom u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, issir ir-regola, mingħajr ma ċċaħħad din l-aħħar dispożizzjoni mill-portata tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 89, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 111).

    41

    Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-lista tal-għanijiet li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, b’tali mod li miżura leġiżlattiva adottata bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni għandha effettivament u strettament tissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Barra minn hekk, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu impost minn Stat Membru fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jżommu d-data dwar it-traffiku bil-għan li, jekk ikun il-każ, jingħata aċċess għaliha lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqajjem kwistjonijiet dwar l-osservanza mhux biss tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, relatati, rispettivament mal-protezzjoni tal-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali, iżda wkoll dwar dik tal-Artikolu 11 tal-Karta, dwar il-libertà ta’ espressjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    B’hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza kemm tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit bl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit bl-Artikolu 8 tagħha, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li huwa dritt fundamentali, iggarantit bl-Artikolu 11 tal-Karta, li jikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u huwa parti mill-valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tikkostitwixxi, fiha nnifisha, minn naħa, deroga mill-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, applikabbli għal kwalunkwe persuna oħra, għajr l-utenti, li taħżen din id-data u, min-naħa l-oħra, indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, sanċiti bl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew jekk il-persuni kkonċernati jkunux sofrew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil jew jekk id-data miżmuma tkunx intużat jew le sussegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 115116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Din il-konklużjoni tidher iktar u iktar iġġustifikata peress li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni jistgħu jiżvelaw informazzjoni dwar numru sinjifikattiv ta’ aspetti tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, inkluż informazzjoni sensittiva bħall-orjentazzjoni sesswali, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż, filosofiku, soċjali u oħrajn kif ukoll l-istat tas-saħħa, filwaqt li tali data tgawdi, fuq kollox, minn protezzjoni partikolari fid-dritt tal-Unjoni. Meħuda fl-intier tagħha, l-imsemmija data tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji, iċ-ċaqliq ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom. B’mod partikolari, din id-data tipprovdi l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil tal-persuni kkonċernati, informazzjoni daqstant sensittiva, fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, bħall-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 117 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Għalhekk, minn naħa, iż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni għal finijiet ta’ investigazzjoni tista’ tikkawża preġudizzju għad-dritt tar-rispett tal-komunikazzjonijiet, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u twassal għal effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju, mill-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-libertà ta’ espressjoni tagħhom, iggarantita fl-Artikolu 11 tagħha, effetti li huma iktar u iktar gravi meta n-numru u l-varjetà tad-data miżmuma huma għoljin. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kwantità sinjifikattiva ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tista’ tinżamm b’mod kontinwu permezz ta’ miżura ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata kif ukoll tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li din id-data tista’ tagħti, is-sempliċi żamma tal-imsemmija data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tinvolvi riskji ta’ abbuż u ta’ aċċess illeċitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 118119 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ż-żamma ta’ din id-data u l-aċċess għaliha jikkostitwixxu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, indħil distint fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 11 tal-Karta, li jeħtieġ ġustifikazzjoni distinta, skont l-Artikolu 52(1) tagħha. Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżgura l-osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li interpretat id-Direttiva 2002/58 fil-qasam tal-aċċess għad-data miżmuma ma tistax, min-natura tagħha, tillimita u lanqas tirrimedja għall-indħil serju, li jirriżulta miż-żamma ġġeneralizzata ta’ din id-data prevista minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva u mid-drittijiet fundamentali li dawn l-artikoli jikkostitwixxu l-konkretizzazzjoni tagħhom.

    48

    Madankollu, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw id-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-punti 34 sa 37 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirrifletti l-fatt li d-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta ma jidhirx li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. B’hekk, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 fid-dawl tal-Karta għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-importanza tad-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 3, 4, 6 u 7 tal-Karta u tal-għanijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja fil-kontribut għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 120 sa 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Għalhekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ġlieda effettiva kontra r-reati kriminali li tagħhom huma vittmi, b’mod partikolari, il-minuri u l-persuni vulnerabbli l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-obbligi pożittivi fuq l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jirriżultaw mill-Artikolu 7 tal-Karta, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri legali intiżi sabiex jipproteġu l-ħajja privata u tal-familja. Obbligi simili jistgħu jirriżultaw ukoll mill-imsemmi Artikolu 7 fir-rigward tal-protezzjoni tad-domiċilju u tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll mill-Artikoli 3 u 4 fir-rigward tal-protezzjoni tal-integrità fiżika u mentali tal-persuni u l-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattamenti inumani u degradanti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 126 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

    50

    Huwa fl-isfond ta’ dawn l-obbligi pożittivi differenti li għandu jinstab il-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi u d-drittijiet differenti inkwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-obbligi pożittivi li jirriżultaw mill-Artikoli 3 u 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li l-garanziji korrispondenti tagħhom jinsabu fl-Artikoli 4 u 7 tal-Karta, jimplikaw, b’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali u miżuri prattiċi li jippermettu azzjoni effettiva kontra reati mwettqa kontra persuni permezz ta’ investigazzjoni u prosekuzzjonijiet effettivi, fejn dan l-obbligu huwa iktar u iktar sinjifikattiv meta l-benesseri fiżiku u mentali ta’ minuri jkun mhedded. Minkejja dan, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti għandhom josservaw kompletament il-proċeduri legali u l-garanziji l-oħra li jillimitaw il-portata tas-setgħat ta’ investigazzjonijiet kriminali u l-libertajiet u d-drittijiet l-oħra. B’mod partikolari, skont din il-qorti, għandu jiġi stabbilit qafas legali li jippermetti li jiġu rrikonċiljati l-interessi leġittimi differenti u d-drittijiet li għandhom jiġu protetti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 127128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    F’dan il-kuntest, mill-istess termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirriżulta li l‑Istati Membri jistgħu jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità evokata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza meta tali miżura tkun “neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika”, il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tindika, f’dan is-sens, li miżura ta’ dan it-tip għandha tkun “strettament” proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 129).

    52

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tirrikjedi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għaliha għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa għandu jkun irrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi jinstab bilanċ bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    B’mod iktar partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 għandha tkun evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq minn din il-limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 131 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, leġiżlazzjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data personali, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv kontra r-riskji ta’ abbuż. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern u, b’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. In-neċessità li jkun hemm tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju sinjifikattiv ta’ aċċess illeċitu għal din id-data. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari meta tkun involuta l-protezzjoni tal-kategorija partikolari ta’ data personali li hija d-data sensittiva (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 132 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żamma ta’ data personali għandha dejjem tissodisfa kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu relazzjoni bejn id-data li għandha tinżamm u l-għan intiż. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, id-data li ż-żamma tagħha hija prevista għandha tkun ta’ natura li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ ksur serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 59, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 133).

    56

    Fir-rigward tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw miżura meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’mod partikolari mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), li b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, teżisti ġerarkija bejn dawn l-għanijiet skont l-importanza rispettiva tagħhom u li l-importanza tal-għan intiż minn tali miżura għandha tkun f’relazzjoni mal-gravità tal-indħil li jirriżulta minnha.

    57

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-importanza tal-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE skont liema is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tibqa’ responsabbiltà biss ta’ kull Stat Membru, tmur lil hinn minn dik tal-għanijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, anki dik serja, u ta’ salvagwardja tas-sigurtà pubblika. Sakemm jiġu osservati r-rekwiżiti l-oħra previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jista’ għalhekk jiġġustifika miżuri li jwasslu għal indħil fid-drittijiet fundamentali iktar serju minn dak li jistgħu jiġġustifikaw dawk l-għanijiet l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 135136).

    58

    Huwa għal dan il-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l‑għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 168).

    59

    Fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika li jistgħu jiġġustifikaw indħil serju fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, bħal dak li timplika ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Għalhekk, huwa biss indħil fl-imsemmija drittijiet fundamentali li ma jkunx serju li jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    60

    Matul is-seduta, il-Kummissjoni Ewropea sostniet li l-kriminalità partikolarment serja tista’ tiġi assimilata ma’ theddida għas-sigurtà nazzjonali.

    61

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà bil-prevenzjoni u r-repressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l-Istat bħala tali, bħal b’mod partikolari attivitajiet terroristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 135).

    62

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, b’differenza mill-kriminalità, anki partikolarment serja, theddida għas-sigurtà nazzjonali għandha tkun reali u attwali jew, tal-inqas, prevedibbli, li jippreżupponi l-okkorrenza ta’ ċirkustanzi suffiċjentement konkreti, sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata miżura ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, għal perijodu limitat. Tali theddida hija għalhekk differenti, min-natura, il-gravità u n-natura speċifika tagħha, miċ-ċirkustanzi li jikkostitwixxuha, mir-riskju ġenerali u permanenti li huwa dak ta’ tensjoni jew inkwiet, anki gravi, għas-sigurtà pubblika jew dak ta’ reati kriminali serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 136137).

    63

    Għalhekk, il-kriminalità, anki partikolarment serja, ma tistax tiġi assimilata għal theddida għas-sigurtà nazzjonali. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali assimilazzjoni tista’ tintroduċi kategorija intermedja bejn is-sigurtà nazzjonali u s-sigurtà pubblika, għall-finijiet tal-applikazzjoni għat-tieni waħda tar-rekwiżiti inerenti għall-ewwel waħda.

    64

    Minn dan isegwi wkoll li l-fatt, imsemmi fit-tieni domanda preliminari, li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni legalment kienet is-suġġett ta’ żamma għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, ma jaffettwax il-legalità taż-żamma tagħha għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

    65

    Fir-rigward tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għal dan il-għan, iż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma tistax titqies li hija ġġustifikata f’soċjetà demokratika. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tista’ tagħti, il-kunfidenzjalità ta’ din id-data hija essenzjali għad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata. B’hekk, u wara li jiġu kkunsidrati, minn naħa, effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 11 tal-Karta, imsemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li jistgħu jirriżultaw miż-żamma ta’ din id-data u, min-naħa l-oħra, il-gravità tal-indħil li tinvolvi tali żamma, huwa neċessarju, f’soċjetà demokratika, li ż-żamma tkun, kif tipprevedi s-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/58, l-eċċezzjoni u mhux ir-regola u li din id-data ma tistax tinżamm b’mod sistematiku u kontinwu. Din il-konklużjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-għanijiet tal-ġlieda kontra l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika kif ukoll tal-importanza li għandhom jingħataw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 141142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li leġiżlazzjoni li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tkopri l-komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ kważi l-popolazzjoni kollha, mingħajr distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan li għandu jintlaħaq. Tali leġiżlazzjoni tikkonċerna b’mod globali l-persuni kollha li jużaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma dawn il-persuni jinstabu, lanqas b’mod indirett, f’sitwazzjoni li tista’ twassal għal prosekuzzjoni kriminali. Għaldaqstant hija tapplika anki għal persuni li fil-konfront tagħhom ma teżisti ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li l-aġir tagħhom jista’ jkollu rabta, anki indiretta jew remota, ma’ dan il-għan tal-ġlieda kontra atti ta’ kriminalità serji u, b’mod partikolari, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni bejn id-data li ż-żamma tagħha hija prevista u theddida għas-sigurtà pubblika. B’mod partikolari, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tali leġiżlazzjoni ma hijiex limitata għaż-żamma li tikkonċerna kemm data relatata ma’ perijodu fiż-żmien u/jew żona ġeografika u/jew ċirku ta’ persuni li jistgħu b’xi mod jew ieħor ikunu involuti f’reat serju, jew tikkonċerna persuni li jistgħu, għal raġunijiet oħra, jikkontribwixxu, biż-żamma tad-data tagħhom, għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 143144 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Għall-kuntrarju, fil-punt 168 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika,

    żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

    żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

    żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data relatata mal‑identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u

    l-għoti ta’ ordni lill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida (“quick freeze”) ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni li dawn il‑fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

    sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż‑żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal‑kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

    68

    F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja qabel l-għoti tas-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), il-qorti tar-rinviju madankollu qieset li hija biss żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data ta’ lokalizzazzjoni li tippermetti l-ġlieda, b’mod effettiv, kontra l-kriminalità serja. Waqt is-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2021, ġie sostnut, b’mod partikolari mill-Irlanda u mill-Gvern Franċiż, li tali konklużjoni ma kinitx invalidata mill-fatt li l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-miżuri msemmija fil-punt preċedenti.

    69

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-effikaċja tal-proċeduri kriminali tiddependi ġeneralment mhux minn strument ta’ investigazzjoni wieħed, iżda mill-istrumenti kollha ta’ investigazzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal dan il-għan.

    70

    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, jippermetti lill-Istati Membri jadottaw, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, mhux biss miżuri li jistabbilixxu żamma mmirata u żamma rapida, iżda wkoll miżuri li jipprevedu żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata, minn naħa, tad-data relatata mal-identità ċivili tal-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, min-naħa l-oħra, tal-indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ konnessjoni.

    71

    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li ż-żamma tad-data dwar l-identità ċivili tal-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja, sa fejn din id-data tippermetti li jiġu identifikati l-persuni li użaw tali mezzi fil-kuntest tal-preparazzjoni jew tat-twettiq ta’ att li jaqa’ taħt il-kriminalità serja.

    72

    Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mqassra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2002/58 ma tipprekludix, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, iż-żamma ġġeneralizzata tad-data relatata mal-identità ċivili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ppreċiżat li la din id-direttiva u lanqas ebda att ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha bħala suġġett il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, li skontha l-akkwist ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika, bħal kard SIM imħallsa minn qabel, huwa suġġett għall-verifika ta’ dokumenti uffiċjali li jistabbilixxu l-identità tax-xerrej u għar-reġistrazzjoni, mill-bejjiegħ, tal-informazzjoni li tirriżulta minn dan, peress li l-bejjiegħ huwa, skont il-każ, obbligat jagħti aċċess għal din l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    73

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ż-żamma ġġeneralizzata tal-indirizzi IP tas-sors tal-konnessjoni tikkostitwixxi ndħil serju fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta peress li dawn l-indirizzi IP jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-utent mill-mezz ta’ komunikazzjoni elettronika kkonċernat u jista’ jkollhom effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni ggarantita fl-Artikolu 11 tagħha. Madankollu, fir-rigward ta’ tali żamma, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li hemm lok, għall-finijiet tar-rikonċiljazzjoni neċessarja tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi inkwistjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 50 sa 53 ta’ din is-sentenza, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ ta’ reat imwettaq online u, b’mod partikolari, fil-każ tal-akkwist, ix-xandir, it-trażmissjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni online ta’ pedopornografija, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 18, p. 7), l-indirizz IP jista’ jkun l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien attribwit dan l‑indirizz fil-mument tat-twettiq ta’ dan ir-reat (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 153154 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP attribwiti għas-sors ta’ konnessjoni ma tidhirx, bħala prinċipju, kuntrarja għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, sakemm din il-possibbiltà tkun suġġetta għall-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jirregolaw l-użu ta’ din id-data msemmija fil-punti 155 u 156 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791).

    75

    Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-miżuri leġiżlattivi li jipprevedu żamma mmirata u żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari juru fehim iktar strett tal-portata ta’ dawn il-miżuri minn dik adottata mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, għalkemm, konformement ma’ dak li tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, dawn il-miżuri ta’ żamma għandhom ikunu ta’ natura derogatorja fis-sistema implimentata mid-Direttiva 2002/58, din, moqrija fid-dawl tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma tissuġġettax il-possibbiltà li tinħareġ ordni li timponi żamma mmirata għall-kundizzjoni li jkunu magħrufa, minn qabel, il-postijiet li jistgħu jkunu x-xena ta’ att ta’ kriminalità serja u lanqas il-persuni ssuspettati li jkunu involuti f’tali att. Bl-istess mod, l-imsemmija direttiva ma teżiġix li l-ordni li timponi żamma rapida tkun limitata għal persuni ssuspettati identifikati qabel tali ordni.

    76

    Fir-rigward, l-ewwel nett, taż-żamma mmirata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bbażata fuq elementi oġġettivi, li jippermettu li jiġu koperti, minn naħa, il-persuni li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tagħhom tista’ tiżvela rabta, mill-inqas indiretta, ma’ atti ta’ kriminalità serja, li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew li jiġi evitat riskju gravi għas-sigurtà pubblika jew anki riskju għas-sigurtà nazzjonali (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 111, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 148).

    77

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li għalkemm dawn l-elementi oġġettivi jistgħu jvarjaw skont miżuri meħuda għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni tal-kriminalità serja, il-persuni hekk koperti jistgħu b’mod partikolari jkunu dawk li ġew identifikati minn qabel, fil-qafas tal‑proċeduri nazzjonali applikabbli u abbażi ta’ elementi oġġettivi, bħala li jippreżentaw theddida għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 110, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 149).

    78

    L-Istati Membri b’hekk għandhom b’mod partikolari l-possibbiltà li jieħdu miżuri ta’ żamma fir-rigward ta’ persuni li, fir-rigward ta’ tali identifikazzjoni, ikunu s-suġġett ta’ investigazzjoni jew ta’ miżuri oħra ta’ sorveljanza attwali jew ta’ reġistrazzjoni fil-kondotta kriminali nazzjonali li ssemmi kundanna preċedenti għal atti ta’ kriminalità serja li jistgħu jimplikaw riskju għoli ta’ reċidiva. Issa, meta tali identifikazzjoni hija bbażata fuq elementi oġġettivi u mhux diskriminatorji, iddefiniti mid-dritt nazzjonali, iż-żamma mmirata fil-konfront ta’ persuni identifikati hija ġġustifikata.

    79

    Min-naħa l-oħra, miżura ta’ żamma mmirata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni tista’, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali u fl-osservanza stretta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun ibbażata wkoll fuq kriterju ġeografiku meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkunsidraw, abbażi ta’ elementi oġġettivi u mhux diskriminatorji, li teżisti, f’żona ġeografika waħda jew iktar, sitwazzjoni kkaratterizzata minn riskju għoli ta’ preparazzjoni jew ta’ twettiq ta’ atti ta’ kriminalità serja. Dawn iż-żoni jistgħu jkunu, b’mod partikolari, postijiet ikkaratterizzati minn numru għoli ta’ atti ta’ kriminalità serja, postijiet partikolarment esposti għat-twettiq ta’ atti ta’ kriminalità serja, bħal postijiet jew infrastrutturi ffrekwentati regolarment minn numru għoli ferm ta’ persuni, jew inkella postijiet strateġiċi, bħal ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija jew żoni ta’ pedaġġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 150 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    80

    Għandu jiġi enfasizzat li, skont din il-ġurisprudenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jieħdu, għaż-żoni msemmija fil-punt preċedenti, miżura ta’ żamma mmirata bbażata fuq kriterju ġeografiku, bħalma hija b’mod partikolari r-rata medja ta’ kriminalità f’żona ġeografika, mingħajr ma jkollhom neċessarjament indizji konkreti dwar il-preparazzjoni jew it-twettieq, fiż-żoni kkonċernati, ta’ atti ta’ kriminalità serja. Sa fejn żamma mmirata bbażata fuq tali kriterju tista’ taffettwa, skont ir-reati kriminali serji msemmija u s-sitwazzjoni tal-Istati Membri rispettivi, kemm postijiet ikkaratterizzati minn numru għoli ta’ atti ta’ kriminalità serja kif ukoll il-postijiet partikolarment esposti għat-twettiq ta’ tali atti, din lanqas ma hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tagħti lok għal diskriminazzjonijiet, peress li l-kriterju bbażat fuq ir-rata medja ta’ kriminalità serja ma għandu, fih innifsu, ebda rabta ma’ elementi potenzjalment diskriminatorji.

    81

    Barra minn hekk u fuq kollox, miżura ta’ żamma mmirata lejn postijiet jew infrastrutturi ffrekwentati regolarment minn numru għoli ħafna ta’ persuni jew postijiet strateġiċi, bħal ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija, portijiet marittimi jew żoni ta’ pedaġġi, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jiġbru data dwar it-traffiku u, b’mod partikolari, data dwar il-lokalizzazzjoni tal-persuni kollha li jużaw, f’mument partikolari, mezz ta’ komunikazzjoni elettronika f’wieħed minn dawn il-postijiet. Għalhekk, tali miżura ta’ żamma mmirata tista’ tippermetti lill-imsemmija awtoritajiet jiksbu, permezz tal-aċċess għad-data hekk miżmuma, informazzjoni dwar il-preżenza ta’ dawn il-persuni fil-postijiet jew fiż-żoni ġeografiċi koperti minn din il-miżura kif ukoll dwar iċ-ċaqliq tagħhom bejn jew ġewwa dawn tal-aħħar u li minnhom tislet, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, konklużjonijiet dwar il-preżenza u l-attività tagħhom f’dawn il-postijiet jew dawn iż-żoni ġeografiċi f’mument partikolari matul il-perijodu taż-żamma.

    82

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li ż-żoni ġeografiċi kkonċernati minn tali żamma mmirata jistgħu u, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu emendati skont l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet li ġġustifikaw l-għażla tagħhom, u b’hekk jippermettu b’mod partikolari li jirreaġixxu għall-iżviluppi tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tul tal-miżuri ta’ żamma mmirati deskritti fil-punti 76 sa 81 ta’ din is-sentenza ma għandux jaqbeż dak li huwa strettament neċessarju kemm fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq kif ukoll taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawhom, mingħajr preġudizzju għat-tiġdid eventwali tagħhom jekk iż-żamma tkompli tkun neċessarja (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 151).

    83

    Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu previsti kriterji distintivi minbarra kriterju personali jew ġeografiku sabiex tiġi implimentata żamma mmirata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li kriterji oħra, oġġettivi u mhux diskriminatorji, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-portata ta’ żamma mmirata tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju u li tiġi stabbilita rabta, għall-inqas indiretta, bejn l-atti ta’ kriminalità serja u l-persuni li d-data tagħhom tinżamm. Madankollu, peress li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirrigwarda miżuri leġiżlattivi tal-Istati Membri, huma dawn tal-aħħar u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jidentifikaw tali kriterji, peress li ma jistax ikun hemm kwistjoni li tiġi stabbilita mill-ġdid, permezz ta’ dan, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni.

    84

    Fi kwalunkwe każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda SpaceNet u Telekom Deutschland (C‑793/19 u C‑794/19, EU:C:2021:939), l-eżistenza eventwali ta’ diffikultajiet sabiex jiġu ddefiniti preċiżament l-ipoteżijiet u l-kundizzjonijiet li fihom tista’ ssir żamma mmirata ma tistax tiġġustifika li Stati Membri, billi jrendu eċċezzjoni regola, jipprevedu żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni.

    85

    Fir-rigward, it-tieni, taż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni pproċessata u maħżuna mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi abbażi tal-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58, jew abbażi ta’ miżuri leġiżlattivi meħuda skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li tali data għandha, bħala regola, titħassar jew issir anonima, skont il-każ, fi tmiem it-termini statutorji li fihom għandhom jitwettqu, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-imsemmija direttiva, l-ipproċessar u l-ħażna tagħhom. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, matul dak l-ipproċessar u dik il-ħażna, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet li fihom ikun neċessarju li l-imsemmija data tinżamm lil hinn minn dawn it-termini sabiex jintefa’ dawl fuq reati kriminali serji jew attentati kontra s-sigurtà nazzjonali, u dan kemm fis-sitwazzjoni fejn dawn ir-reati jew dawn l-attentati diġà setgħu jiġu kkonstatati kif ukoll fejn l-eżistenza tagħhom tista’, wara eżami oġġettiv taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, tkun raġonevolment issuspettata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 160161).

    86

    F’tali sitwazzjoni, l-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-bilanċ li għandu jinstab bejn id-drittijiet u l-interessi leġittimi inkwistjoni msemmija fil-punti 50 sa 53 ta’ din is-sentenza, jipprevedu, f’leġiżlazzjoni adottata bis-saħħa tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-possibbiltà ta’ ordni, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, lil fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 163).

    87

    Sa fejn l-għan ta’ tali żamma rapida ma jibqax jikkorrispondi mal-għanijiet li għalihom id-data inizjalment inġabret u nżammet u peress li kull ipproċessar ta’ data għandu, skont l-Artikolu 8(2) tal-Karta, jissodisfa għanijiet determinati, l-Istati Membri għandhom jippreċiżaw, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, l-għan li għalih iż-żamma rapida tad-data tista’ sseħħ. Fid-dawl tan-natura gravi tal-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li tista’ tinvolvi tali żamma, huma biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, is-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali li tista’ tiġġustifika dan l-indħil, bil-kundizzjoni li din il-miżura kif ukoll l-aċċess għad-data miżmuma b’dan il-mod josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, kif stabbiliti fil-punti 164 sa 167 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791).

    88

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li miżura ta’ żamma ta’ din in-natura ma għandhiex tkun limitata għad-data tal-persuni identifikati minn qabel bħala li jippreżentaw theddida għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew ta’ persuni ssuspettati b’mod konkret li wettqu att ta’ kriminalità serja jew preġudizzju għas-sigurtà nazzjonali. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li għandha tkun konformi mal-qafas stabbilit mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, tali miżura tista’, skont l-għażla tal-leġiżlatur u skont il-limiti ta’ dak li huwa strettament meħtieġ, tiġi estiża għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni ta’ persuni oħra differenti minn dawk li huma ssuspettati li ppjanaw jew wettqu reat kriminali serju jew attentat kontra s-sigurtà nazzjonali, sakemm dik id-data tista’, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, tikkontribwixxi sabiex jintefa’ dawl fuq tali reat jew fuq tali attentat kontra s-sigurtà nazzjonali, bħad-data li tirrigwarda l-vittma, jew iċ-ċirku soċjali jew professjonali tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 165).

    89

    Għalhekk, miżura leġiżlattiva tista’ tawtorizza l-użu ta’ ordni magħmula lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu għaż-żamma rapida tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari, tal-persuni li magħhom, qabel ma seħħet theddida serja għas-sigurtà pubblika jew għat-twettiq ta’ att ta’ kriminalità serja, vittma kienet f’kuntatt bl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tagħha.

    90

    Tali żamma rapida tista’, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 88 ta’ din is-sentenza u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imsemmija f’dan il-punt, tiġi estiża wkoll għal żoni ġeografiċi speċifiċi, bħall-postijiet tat-twettiq u tal-preparazzjoni tar-reat jew tal-attakk fuq is-sigurtà nazzjonali inkwistjoni. Għandu jiġi ppreċiżat li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni li tirrigwarda l-post fejn persuna, potenzjalment vittma ta’ att ta’ kriminalità serja, tkun sparixxiet, bil-kundizzjoni li din il-miżura kif ukoll l-aċċess għad-data hekk miżmuma josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, kif stabbiliti fil-punti 164 sa 167 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791).

    91

    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jipprekludix li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jordnaw miżura ta’ żamma rapida mill-ewwel stadju tal-investigazzjoni dwar theddida serja għas-sigurtà pubblika jew dwar eventwali att ta’ kriminalità serja, jiġifieri mill-mument li fih dawn l-awtoritajiet jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, jiftħu tali investigazzjoni.

    92

    Fir-rigward tal-varjetà ta’ miżuri ta’ żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat li dawn id-diversi miżuri jistgħu, skont l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali u filwaqt li josservaw il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, japplikaw b’mod konġunt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif interpretat mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), ma jipprekludix kombinazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

    93

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jiġi enfasizzat li l-proporzjonalità tal-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 teħtieġ, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja kif rikapitolata fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), l-osservanza mhux biss tar-rekwiżiti ta’ adegwatezza u ta’ bżonn, iżda wkoll ta’ dik relatata man-natura proporzjonata ta’ dawn il-miżuri meta mqabbla mal-għan intiż.

    94

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-punt 51 tas-sentenza tagħha tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-ġlieda kontra l-kriminalità serja hija ta’ importanza primordjali sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà pubblika u għalkemm l-effettività tagħha tista’ tiddependi fil-parti l-kbira mill-użu tat-tekniki moderni ta’ investigazzjoni, tali għan ta’ interess ġenerali, minkejja li huwa fundamentali, ma jistax, waħdu, jiġġustifika li miżura ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data ta’ lokalizzazzjoni, bħal dik stabbilita mid-Direttiva 2006/24, tiġi kkunsidrata bħala neċessarja.

    95

    Fl-istess ordni ta’ ideat, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 145 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), li anki l-obbligi pożittivi tal-Istati Membri li jistgħu jirriżultaw, skont il-każ, mill-Artikoli 3, 4 u 7 tal-Karta u li jirrigwardaw, kif ġie rrilevat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, l-introduzzjoni ta’ regoli li jiffaċilitaw il-ġlieda effettiva kontra r-reati kriminali, ma jistax ikollhom l-effett li jiġġustifikaw indħil serju daqs dak li jirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ta’ kważi l-popolazzjoni kollha mingħajr ma jkun hemm rabta, mill-inqas b’mod indirett, bejn id-data tal-persuni kkonċernati u l-għan li għandu jintlaħaq.

    96

    Matul is-seduta, il-Gvern Daniż sostna li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikunu jistgħu jaċċedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, għad-data relatata mat-traffiku u mad-data ta’ lokalizzazzjoni li nżammet b’mod ġeneralizzat u indifferenzjat, b’konformità mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 135 sa 139), sabiex tikkonfronta theddida gravi għas-sigurtà nazzjonali li tkun reali jew attwali jew prevedibbli.

    97

    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li jiġi awtorizzat l-aċċess, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni li nżammet b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat, jagħmel dan l-aċċess dipendenti fuq ċirkustanzi estranji għal dan il-għan, skont l-eżistenza jew le, fl-Istat Membru kkonċernat, ta’ theddida serja għas-sigurtà nazzjonali kif imsemmija fil-punt preċedenti, filwaqt li, fid-dawl biss tal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja li għandha tiġġustifika ż-żamma ta’ din id-data u l-aċċess għaliha, xejn ma jiġġustifika differenza ta’ trattament, b’mod partikolari, bejn l-Istati Membri.

    98

    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-aċċess għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma minn fornituri skont miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li għandu jitwettaq b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li interpretat id-Direttiva 2002/58, bħala prinċipju jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri. Ikun differenti biss jekk l-importanza tal-għan intiż mill-aċċess hija ikbar minn dik tal-għan li ġġustifika ż-żamma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 165166).

    99

    Issa, l-argument tal-Gvern Daniż jirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-għan tat-talba għal aċċess prevista, jiġifieri l-ġlieda kontra l-kriminalità serja, huwa ta’ importanza iżgħar, fil-ġerarkija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali, minn dak li ġġustifika ż-żamma, jiġifieri s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali. Li jiġi awtorizzat, f’tali sitwazzjoni, aċċess għad-data miżmuma jmur kontra din il-ġerarkija tal-għanijiet ta’ interess ġenerali mfakkra fil-punt preċedenti kif ukoll fil-punti 53, 56, 57 u 59 ta’ din is-sentenza.

    100

    Barra minn hekk u fuq kollox, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, id-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, għaldaqstant, aċċess għal din id-data ma jistax jiġi ġġustifikat għall-istess finijiet. Issa, meta din id-data tkun inżammet b’mod eċċezzjonali b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat għall-finijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali kontra theddida li tirriżulta reali u attwali jew prevedibbli, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-investigazzjonijiet kriminali ma jistgħux jaċċedu għall-imsemmija data fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, taħt piena li jitneħħa kull effett utli tal-projbizzjoni li ssir tali żamma għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, imfakkra fl-imsemmi punt 65.

    101

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(l) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, bħala prevenzjoni, għall-finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid gravi kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni. Għall-kuntrarju, l-imsemmi Artikolu 15(1), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika,

    żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

    żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

    żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data relatata mal‑identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u

    l-għoti ta’ ordni lill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni li dawn il‑fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

    sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż‑żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal‑kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

    Fuq it-tielet domanda

    102

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ipproċessar iċċentralizzat ta’ talbiet għal aċċess għal data miżmuma, li toriġina mill-pulizija fil-kuntest ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji, għandu jsir minn uffiċjal tal-pulizija, assistit minn unità stabbilita fi ħdan il-pulizija li tgawdi ċertu grad ta’ awtonomija fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha u li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu ulterjorment is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

    103

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-aċċess għad-data li għandhom, leġiżlazzjoni nazzjonali għandha, sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, kif imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li d-data personali tagħhom tkun ikkonċernata jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv mir-riskji ta’ abbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi),C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    104

    B’mod partikolari, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma, adottata skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, ma tistax tillimita ruħha li teżiġi li l-aċċess mill-awtoritajiet għad-data jissodisfa l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni, iżda hija għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-użu (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    105

    B’hekk, peress li aċċess ġenerali għad-data miżmuma kollha, indipendentement minn kwalunkwe rabta, minn tal-inqas indiretta, mal-għan imfittex, ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data inkwistjoni. F’dan ir-rigward, f’relazzjoni mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, bħala prinċipju, jista’ jingħata biss tali aċċess għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat serju jew inkella li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’tali reat. Madankollu, f’sitwazzjonijiet partikolari, bħalma huma dawk li fihom interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża jew tas-sigurtà pubblika jkunu mhedda minn attivitajiet ta’ terroriżmu, l-aċċess għad-data ta’ persuni oħra jista’ jingħata wkoll meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li din id-data tista’, f’każ partikolari, tagħti kontribuzzjoni effettiva għall-ġlieda kontra tali attivitajiet (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    106

    Sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    107

    Dan il-kontroll minn qabel jeħtieġ fost l-oħrajn, li l-qorti jew l-entità amministrattiva indipendenti inkarigata li twettqu jkollha s-setgħat kollha u tippreżenta l-garanziji kollha neċessarji sabiex tiżgura konċiljazzjoni tal-interessi u tad-drittijiet differenti inkwistjoni. Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ investigazzjoni kriminali, tali kontroll jeżiġi li din il-qorti jew din l-entità tkun f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi marbuta mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom hija kkonċernata mill-aċċess (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 52).

    108

    Meta dan l-istħarriġ jitwettaq mhux minn qorti, iżda minn entità amministrattiva indipendenti, din għandha tgawdi minn status li jippermettilha taġixxi, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, b’mod oġġettiv u imparzjali u għandha tkun, għal dan il-għan, ħielsa minn kull influwenza esterna. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ indipendenza li għandha tissodisfa l-entità inkarigata li teżerċita l-istħarriġ minn qabel jimponi li din l-awtorità jkollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward ta’ dik li titlob l-aċċess għad-data, b’mod li tal-ewwel tkun f’pożizzjoni li teżerċita dan l-istħarriġ b’mod oġġettiv u imparzjali li tħalliha ħielsa minn kull influwenza esterna. B’mod partikolari, fil-qasam kriminali, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika li l-awtorità inkarigata minn dan l-istħarriġ minn qabel, minn naħa, ma tkunx involuta fit-tmexxija tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ikollha pożizzjoni ta’ newtralità fil-konfront tal-partijiet fil-proċedura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punti 5354).

    109

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod partikolari li prosekutur pubbliku li jmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni u jeżerċita, jekk ikun il-każ, l-azzjoni pubblika ma tistax tiġilu rrikonoxxuta l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-interessi leġittimi inkwistjoni, peress li ma għandux il-kompitu li jiddeċiedi b’indipendenza sħiħa tilwima, iżda li jissottomettiha, jekk ikun il-każ, lill-qorti kompetenti, bħala parti fil-kawża li teżerċita l-azzjoni kriminali. Konsegwentement, tali prosekutur pubbliku ma huwiex f’pożizzjoni li jwettaq l-istħarriġ minn qabel tat-talbiet għal aċċess għad-data miżmuma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punti 5557).

    110

    Fl-aħħar nett, l-istħarriġ indipendenti meħtieġ skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jsir qabel kull aċċess għad-data kkonċernata, ħlief f’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, f’liema każ l-imsemmi stħarriġ għandu jsir f’terminu qasir. Tali stħarriġ ulterjuri ma jippermettix li jintlaħaq l-għan ta’ kontroll minn qabel, li jikkonsisti f’li jiġi prekluż li jiġi awtorizzat aċċess għad-data inkwistjoni li jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 189, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 58).

    111

    F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, l-ewwel nett, li l-Liġi tal-2011 tattribwixxi lil uffiċjal tal-pulizija, li l-grad tiegħu ma huwiex inferjuri għal dak ta’ supretendent ewlieni, il-kompetenza sabiex jeżerċita l-istħarriġ minn qabel tat-talbiet għal aċċess għad-data li toriġina mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-pulizija u sabiex jitlob lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jikkomunikaw lilu d-data li huma jżommu. Sa fejn dan l-uffiċjal ma għandux il-kwalità ta’ terz fir-rigward ta’ dawn is-servizzi, huwa ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità mfakkra fil-punt 108 ta’ din is-sentenza, minkejja l-fatt li huwa assistit f’din il-missjoni minn unità tal-pulizija, f’dan il-każ it-TLU, li tibbenefika minn ċertu livell ta’ awtonomija fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha.

    112

    Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li l-Liġi tal‑2011 tipprevedi mekkaniżmi ta’ stħarriġ a posteriori tad-deċiżjoni tal-uffiċjal tal-pulizija kompetenti fil-forma ta’ proċedura ta’ lment u ta’ proċedura quddiem qorti inkarigata li tivverifika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 110 ta’ din is-sentenza jirriżulta li stħarriġ eżerċitat a posteriori ma jistax jissostitwixxi r-rekwiżit, imfakkar fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, ta’ stħarriġ indipendenti u, ħlief fil-każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, minn qabel.

    113

    Fl-aħħar nett, il-Liġi tal‑2011 ma tipprovdix kriterji oġġettivi li jiddefinixxu b’mod preċiż il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jingħataw aċċess għad-data, peress li l-uffiċjal tal-pulizija inkarigat mill-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal aċċess għad-data miżmuma huwa l-uniku li għandu l-kompetenza, kif ikkonfermat l-Irlanda matul is-seduta, sabiex jevalwa s-suspetti li għandhom il-persuni kkonċernati u l-ħtieġa ta’ aċċess għad-data relatata ma’ dawn tal-aħħar.

    114

    Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ipproċessar iċċentralizzat ta’ talbiet għal aċċess għal data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li toriġina mill-pulizija fil-kuntest ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji, għandu jsir minn uffiċjal tal-pulizija, assistit minn unità stabbilita fi ħdan il-pulizija li tgawdi minn ċertu grad ta’ awtonomija fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha u li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu ulterjorment is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

    Fuq il-ħames u s-sitt domanda

    115

    Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’ tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Karta.

    116

    Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Liġi tal‑2011, ġiet adottata sabiex tittrasponi fid-dritt nazzjonali d‑Direttiva 2006/24, li sussegwentement ġiet iddikjarata invalida mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238).

    117

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm l-eżami tal-ammissibbiltà tal-provi bbażati fuq data miżmuma skont il-Liġi tal‑2011 u invokati fir-rigward ta’ G.D. fil-kuntest tal-proċedura kriminali jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-qorti kriminali, hija madankollu, fil-kuntest tal-proċedura ċivili, il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ta’ din il-liġi u dwar l-effetti ratione temporis ta’ konstatazzjoni ta’ invalidità tagħhom. Għalhekk, għalkemm l-unika kwistjoni li tqum quddiem il-qorti tar-rinviju hija dik tal-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑2011, l-imsemmija qorti tqis madankollu neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett ta’ konstatazzjoni eventwali ta’ invalidità fuq l-ammissibbiltà tal-provi miksuba permezz taż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data li din il-liġi ppermettiet.

    118

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu l-effett sħiħ tagħhom lid-diversi dispożizzjonijiet tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-dispożizzjonijiet fit-territorju tal-imsemmija Stati. Abbażi ta’ dan il-prinċipju, fil-każ li jkun impossibbli għaliha li tagħti interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li jkollha tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ tħalli mhux applikata, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk tkun ġiet adottata iktar tard, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa,6/64, EU:C:1964:66, p. 1159 u 1160; tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema),C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 157, 158160, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 214215).

    119

    Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, eċċezzjonalment u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali li tmur kontriha. Tali limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tingħata biss fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba. Li kieku l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lil dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru, anki fuq bażi provviżorja, is-supremazija u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 216217 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    120

    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’kawża li kienet tirrigwarda l-legalità ta’ miżuri adottati bi ksur tal-obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni li għandha ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent u fuq sit protett, li qorti nazzjonali tista’, jekk id-dritt nazzjonali jippermettilha, eċċezzjonalment iżżomm l-effetti ta’ tali miżuri meta din iż-żamma hija ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet imperattivi relatati mal-ħtieġa li tiġi evitata theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tistax tiġi solvuta b’mezzi u alternattivi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tas-suq intern, liema żamma tista’ tkopri biss il-perijodu ta’ żmien li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata din l-illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 175, 176, 179181).

    121

    Madankollu, kuntrarjament għal ommissjoni ta’ obbligu proċedurali bħall-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett, li jaqa’ fil-qasam speċifiku tal-protezzjoni tal-ambjent, ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ regolarizzazzjoni simili għal dik imsemmija fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 219).

    122

    Fil-fatt, iż‑żamma ta’ effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi tal‑2011 tfisser li din il-leġiżlazzjoni tkompli timponi fuq il‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligi li huma kuntrarji għad‑dritt tal-Unjoni u li jġibu magħhom indħil serju fid‑drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data tagħhom ġiet miżmuma (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 219).

    123

    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ma tistax tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha tagħmel, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 220).

    124

    F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet adottata sabiex tittrasponi d-Direttiva 2006/24 fid-dritt nazzjonali huwa irrilevanti peress li, minħabba d-dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ din id-direttiva, invalidazzjoni li l-effetti tagħha jmorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 1996, FMC et, C‑212/94,EU:C:1996:40, punt 55), il-validità ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tad-Direttiva 2002/58 u tal-Karta, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    125

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58 u tal-Karta magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenzi tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan isegwi li r-regola interpretata b’dan il-mod tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi li jinħolqu u li jiġu stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu ssodisfatti (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, Romenergo u Aris Capital, C‑339/19, EU:C:2020:709, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    126

    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi ppreċiżat li limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni mogħtija ma saritx fis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), b’mod li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, hija ma tistax tapplika f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wara din.

    127

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-effett tal-konstatazzjoni tal-eventwali inkompatibbiltà tal-Liġi tal‑2011 mad-Direttiva 2002/58, moqrija fid-dawl tal-Karta, fuq l-ammissibbiltà tal-provi mqajma kontra G.D. fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata magħha, b’mod partikolari għall-prinċipji mfakkra fil-punti 41 sa 44 tas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), (C‑746/18, EU:C:2021:152), li minnha jirriżulta li din l-ammissibbiltà taqa’, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    128

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Karta. L-ammissibbiltà tal-provi miksuba permezz ta’ tali żamma taqa’, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    Fuq l-ispejjeż

    129

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, bħala prevenzjoni, għall-finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid gravi kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni. Għall-kuntrarju, l-imsemmi Artikolu 15(1), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika,

    żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

    żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

    żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data relatata mal‑identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u

    l-għoti ta’ ordni lill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni li dawn il‑fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

    sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż‑żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal‑kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

     

    2)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ipproċessar iċċentralizzat ta’ talbiet għal aċċess għal data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li toriġina mill-pulizija fil-kuntest ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji, għandu jsir minn uffiċjal tal-pulizija, assistit minn unità stabbilita fi ħdan il-pulizija li tgawdi minn ċertu grad ta’ awtonomija fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha u li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu ulterjorment is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

     

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-ammissibbiltà tal-provi miksuba permezz ta’ tali żamma taqa’, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top