EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0018

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Settembru 2021.
XY.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċedura ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 40 – Applikazzjoni sussegwenti – Elementi jew fatti ġodda – Kunċett – Ċirkustanzi diġà eżistenti qabel l-għeluq definittiv ta’ proċedura li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti – Prinċipju ta’ res judicata – Ħtija tal-applikant.
Kawża C-18/20.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:710

  The document is unavailable in your User interface language.

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Proċedura ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 40 – Applikazzjoni sussegwenti – Elementi jew fatti ġodda – Kunċett – Ċirkustanzi diġà eżistenti qabel l-għeluq definittiv ta’ proċedura li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedenti – Prinċipju ta’ res judicata – Ħtija tal-applikant”

Fil-Kawża C‑18/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura

XY

fil-preżenza ta’:

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President ta’ Awla, N. Wahl, F. Biltgen, L.S. Rossi (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch kif u minn J. Schmoll u C. Drexel, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil u minn A. Pagáčová, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u D. Dubois, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M.K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande kif ukoll minn H. Leupold u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2

Din it-talba saret fi proċedimenti bejn XY u Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u l-Liġi dwar l-Ażil, l-Awstrija (iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”) dwar iċ-ċaħda, minnu, ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn XY.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2005/85/KE

3

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168), imħassra bid-Direttiva 2013/32, b’effett mill‑21 ta’ Lulju 2015. L-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2005/85 jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli fil-liġi nazzjonali dwar l-eżami preliminari skond l-Artikolu 32. Dawk ir-regoli jistgħu, inter alia:

[…]

(b)

jesiġu l-preżentazzjoni ta’ l-informazzjoni ġdida mill-applikant konċernat f’terminu ta’ żmien wara li jkun kiseb tali informazzjoni;

[…]”

Id-Direttiva 2013/32

4

Il-premessi 3, 18 u 36 tad-Direttiva 2013/32 jiddikjaraw:

“(3)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, qabel li jaħdem sabiex tiġi stabbilita Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra Dwar l-Istatus ta’ Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 […], u b’hekk ikun affermat il-prinċipju ta’ non-refoulement u jkun żgurat li ħadd ma jintbagħat lura għall-persekuzzjoni.

[…]

“(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(36)

Fejn sussegwentement applikant jagħmel applikazzjoni mingħajr ma jippreżenta provi jew argumenti ġodda, ikun sproporzjonat li l-Istati Membri jkunu obbligati jwettqu proċedura sħiħa ġdida ta’ eżami. F’dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jirrifjutaw applikazzjoni bħala inamissibbli taħt il-prinċipju ta’ res judicata

5

L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu fis-seħħ standards aktar favorevoli għal proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawk l-istandards ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 28(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Fejn ikun hemm kawża raġonevoli sabiex jitqies li applikant ikun irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod impliċitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni jew li twaqqaf l-eżami jew, sakemm l-awtorità determinanti tqis li l-applikazzjoni ma tkunx isserraħ fuq il-bażi ta’ eżami xieraq tas-sustanza tagħha f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)], li tirrifjuta l-applikazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jassumu li l-applikant ikun impliċitament irtira jew abbanduna l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall- protezzjoni internazzjonali partikolarment meta jiġi aċċertat li:

(a)

huwa/hija naqas/naqset milli jirrispondi/tirrispondi għal talbiet għal informazzjoni essenzjali għall-applikazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE jew ma deherx għal intervista personali kif previst fl-Artikoli 14 sa 17 ta’ din id-Direttiva, sakemm l-applikant ma jġibx prova fi zmien raġonevoli li n-nuqqas tiegħu/tagħha kien dovut għal ċirkostanzi li fuqhom huwa/hija ma kellux/kellhiex kontroll;

(b)

huwa/hija jkun/tkun ħarab/ħarbet jew telaq/telqet mingħajr awtorizzazzjoni mill-post fejn huwa/hija kien/kienet jgħix/tgħix jew fejn kien/kienet miżmum/miżmuma, mingħajr ma kkuntattja/kkuntattjat l-awtorità kompetenti fi żmien raġonevoli, jew huwa/hija ma kkonformax/kkonformatx fi żmien raġonevoli mal-obbligi ta’ rappurtar jew obbligi oħrajn ta’ komunikazzjoni sakemm l-applikant ma jurix li dan kien minħabba ċirkustanzi li ma kinux fil-kontroll tiegħu/tagħha.

Għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien jew linji ta’ gwida.

2.   Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant li jerġa’ jirrapporta lill-awtorità kompetenti wara li tittieħed deċiżjoni ta’ twaqqif kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ikollu d-dritt li jitlob li jerġa’ jinfetaħ il-każ tiegħu jew li jippreżenta applikazzjoni ġdida li ma għandhiex tkun suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 40 u 41.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu limitu ta’ żmien ta’ mill-anqas disa’ xhur li wara li tagħlaq, il-każ tal-applikant ma jkunx jista’ jerġa’ jinfetaħ jew l-applikazzjoni l-ġdida tista’ titqies bħala applikazzjoni sussegwenti u suġġetta għall-proċedura msemmija fl-Artikoli 40 u 41. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex il-każ tal-applikant jkun jista’ jinfetaħ mill-ġdid darba biss.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali persuna ma tiġix espulsa kuntrarjament għall-prinċipju ta’ non-refoulement.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtorità determinanti terġa’ taqbad l-eżami mill-istadju fejn kien twaqqaf.”

7

Skont l-Artikolu 33(2) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

(d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant; [jew]

[…]”

8

L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 5 tiegħu:

“1.   Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.

2.   Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE.

3.   Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2, jikkonkludi li jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant elementi jew konklużjonijiet ġodda li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-applikazzjoni tiġi eżaminata ulterjorament biss jekk l-applikant konċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu fil-proċedura preċedenti, partikolarment billi jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 46.

5.   Fejn applikazzjoni sussegwenti ma tiġix eżaminata ulterjorment taħt dan l-Artikolu, għandha titqies bħala inammissibbli, taħt l-Artikolu 33(2)(d).”

9

Skont l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli fil-liġi nazzjonali dwar l-eżami preliminari taħt l-Artikolu 40. Dawk ir-regoli jistgħu inter alia:

(a)

jobbligaw lill-applikant ikkonċernat sabiex jindika l-fatti u jissostanzja l-prova li jiġġustifikaw proċedura ġdida;

(b)

jippermettu li jsir eżami preliminari fuq il-bażi unika ta’ sottomissjonijiet miktuba mingħajr intervista personali, bl-eċċezzjoni tal-każijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikol[u] 40(6).

Dawk ir-regoli ma għandhomx jagħmlu impossibbli l-aċċess, fir-rigward tal-applikanti, għal proċedura ġdida u ma għandhomx jirriżultaw fit-tneħħija effettiva jew f’limitazzjoni serja ta’ dan l-aċċess.”

Id-dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 68(1) tal-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar Proċeduri Amministrattivi BGBl. 51/1991) (iktar ’il quddiem l-“AVG”), jipprvedi:

“L-applikazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati li, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 69 u 71, huma intiżi li jimmodifikaw deċiżjoni li ma hijiex jew ma għadhiex suġġetta għal appell għandhom jiġu miċħuda minħabba r-res judicata, meta l-amministrazzjoni ma tara l-ebda raġuni biex toħroġ ordni skont il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu.”

11

L-Artikolu 69 tal-AVG jipprevedi:

“(1)   L-applikazzjoni ta’ parti kkonċernata għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri magħluqa b’deċiżjoni tintlaqa’, meta din id-deċiżjoni ma tkunx jew ma għadhiex suġġetta għal appell u:

[…]

2

meta jidhru fatti jew provi ġodda li, mingħajr l-ebda ħtija attribwibbli lill-persuna kkonċernata, ma setgħux jiġu invokati fil-proċedura preċedenti u li, ikkunsidrati b’mod iżolat jew b’relazzjoni mar-riżultati l-oħra tal-proċedura, probabbilment kienu jwasslu għal deċiżjoni li d-dispożittiv tagħha kien ikollu kontenut differenti; jew

[…]

(2)   L-applikazzjoni għall-ftuħ mill-ġdid għandha tintbagħat fi żmien ġimagħtejn lill-amministrazzjoni li ħarġet id-deċiżjoni. It-terminu jibda jiddekorri mill-mument li fih l-applikant sar jaf bir-raġuni ta’ ftuħ mill-ġdid; Madankollu, meta l-applikant ikun sar jaf b’din ir-raġuni wara l-komunikazzjoni orali tad-deċiżjoni iżda qabel in-notifika tal-verżjoni bil-miktub tad-deċiżjoni, it-terminu jibda jiddekorri biss mid-data ta’ din in-notifika. Wara perijodu ta’ tliet snin li jibdew jgħoddu mill-adozzjoni tad-deċiżjoni, l-applikazzjoni għall-ftuħ mill-ġdid ma tistax issir aktar. Huwa l-applikant li għandu jipproduċi prova taċ-ċirkustanzi li juru konformità mat-terminu legali.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fit‑18 ta’ Lulju 2015, XY, ċittadin Iraqi ta’ twemmin Musulman Xiita, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem il-Bundesamt, li ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2018. Wara ċ-ċaħda, permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Settembru 2018 tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija), tal-aħħar azzjoni ġudizzjarja mressqa minn XY kontra din id-deċiżjoni, din saret definittiva.

13

XY ibbaża kemm l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll ir-rikorsi li huwa ppreżenta kontra d-deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2018 li tiċħad din l-applikazzjoni, fuq il-fatt li kien jibża’ għal ħajtu f’każ ta’ ritorn lejn l-Iraq, għar-raġuni li huwa kien irrifjuta li jiġġieled għall-milizji Xiiti u li dan il-pajjiż kien għadu fi gwerra.

14

Fl‑4 ta’ Diċembru 2018, XY ippreżenta applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali.

15

Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa sostna li, matul il-proċedura li kellha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti tiegħu, huwa ma kienx ipprovda r-raġuni reali li għaliha huwa talab il-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali, peress li dan il-motiv jirrigwarda l-omosesswalità tiegħu. Huwa allega biża’ għal ħajtu fl-Iraq minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, peress li din hija pprojbita mill-pajjiż tiegħu u “mir-reliġjon tiegħu”. Huwa indika li kien biss wara l-wasla tiegħu fl-Awstrija u permezz tas-sostenn ta’ assoċjazzjoni li magħha huwa kien f’kuntatt mix-xahar ta’ Ġunju 2018, li huwa kien jaf li ma kienx ser ikun personalment espost billi jiżvela l-omosesswalità tiegħu.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2019, il-Bundesamt ċaħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni sussegwenti ta’ XY, minħabba li, skont l-Artikolu 68(1) tal-AVG, din l-applikazzjoni kienet intiża sabiex tikkontesta deċiżjoni preċedenti ta’ rifjut li kellha l-awtorità ta’ res judicata. Hija ordnat ukoll ir-ritorn tal-persuna kkonċernata lejn l-Iraq, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju Awstrijak għal perijodu limitat ta’ sentejn.

17

XY ippreżenta rikors quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2019, din il-qorti laqgħet ir-rikors, biss sa fejn din kienet tirrigwarda l-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju Awstrijak u ċaħditu fir-rigward tal-kumplament.

18

Skont il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), peress li XY naqset milli ssemmi l-omosesswalità tagħha waqt l-istruzzjoni tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-awtorità ta’ res judicata li għandha d-deċiżjoni li tiċħad din l-ewwel applikazzjoni tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-fatt.

19

XY ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li permezz tiegħu huwa kkontesta l-inammissibbiltà li ġiet invokata fir-rigward tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu. Fil-fehma tiegħu, huwa rrefera għal fatt ġdid li kellu jippermetti li tiġi kkonstatata l-ammissibbiltà ta’ din it-talba u li jikkonsisti mhux fil-fatt li huwa omosesswali, iżda fil-kapaċità li huwa issa kiseb, minn mindu huwa fl-Awstrija, li jesprimi din l-omosesswalità.

20

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, peress li d-dritt Awstrijak ma jinkludix dispożizzjonijiet speċjali f’dan il-qasam, huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċedura amministrattiva li għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-awtorità ta’ res judicata miksuba permezz ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni preċedenti.

21

Issa, skont l-Artikolu 68(1) tal-AVG, applikazzjonijiet minn partijiet ikkonċernati li huma intiżi li jbiddlu deċiżjoni li ma hijiex jew ma għadhiex suġġetta għal appell għandhom jiġu miċħuda abbażi ta’ res judicata.

22

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, fil-konfront tal-applikazzjonijiet repetuti għal protezzjoni internazzjonali, huma biss ċirkustanzi eventwali li jirriżultaw biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva li tagħlaq il-proċedura preċedenti u li jimmodifikaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tal-applikant li jistgħu, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ġdida.

23

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 2 tal-Artikolu 69(1) tal-AVG, kull applikazzjoni sussegwenti bbażata fuq sitwazzjoni li tkun seħħet qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tista’ twassal biss għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura preċedenti u dan biss jekk il-fatt, għall-applikant, li naqas milli jinvoka din is-sitwazzjoni matul il-proċedura preċedenti ma kienx jikkostitwixxi nuqqas attribwibbli lilu.

24

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-kunċett ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda li jkunu tfaċċaw jew ġew ippreżentati mill-applikant, li jinsab fl-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, għandux jinftiehem fis-sens li jkopri biss elementi jew fatti li jkunu seħħew mill-ġdid jew li dan jinkludi wkoll l-allegazzjoni minn applikant għal elementi jew fatti li kienu jeżistu diġà qabel l-għeluq definittiv ta’ proċedura preċedenti.

25

Hija tippreċiża li d-dritt amministrattiv Awstrijak iżomm l-ewwel minn dawn l-interpretazzjonijiet. Konsegwentement, applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’, abbażi ta’ elementi jew ta’ fatti eżistenti qabel l-għeluq tal-proċedura li għandha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti, jikseb biss, skont id-dritt Awstrijak, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura preċedenti, bil-kundizzjoni li l-fatt li ma invokax, matul din il-proċedura preċedenti, dawn l-elementi jew dawn il-fatti ma jkunx jikkostitwixxi nuqqas attribwibbli lilu.

26

Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni fil-formulazzjoni tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, it-tieni waħda mill-interpretazzjonijiet tiegħu msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li fuqha XY ibbaża ruħu f’dan il-każ, tista’ tiġi aċċettata. F’din l-ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 u li jirregolaw b’mod speċifiku l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet sussegwenti, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura preċedenti huwiex biżżejjed sabiex jiġi implimentat, b’mod partikolari, l-Artikolu 40(3) ta’ din id-direttiva li jipprevedi li, jekk l-eżami preliminari msemmi fl-Artikolu 40(2) u (3) tal-imsemmija direttiva jwassal għall-konklużjoni li elementi jew fatti ġodda jitfaċċaw jew jiġu preżentati mill-applikant u li jżidu b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li dan tal-aħħar jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jitlob l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, l-eżami tal-applikazzjoni sussegwenti titkompla skont il-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32.

27

Fit-tielet lok, l-imsemmija qorti — li tippreżumi, minn naħa, li elementi jew sejbiet ġodda, li ma ġewx invokati matul il-proċedura li kellha bħala suġġett talba preċedenti u li kienu diġà jeżistu qabel id-deċiżjoni li tagħlaq definittivament din il-proċedura, jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ talba sussegwenti, u, min-naħa l-oħra, li l-ftuħ mill-ġdid tal-imsemmija proċedura ma jiżgurax traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 — tirrileva li, interpretata b’dan il-mod, din id-dispożizzjoni timponi li l-Artikolu 68 tal-AVG ma jiġix applikat. Fil-fatt, dan l-Artikolu 68 jipprevedi li l-osservanza tal-awtorità ta’ res judicata tipprekludi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jinvoka, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni ġdida, elementi jew fatti “ġodda” li kienu jeżistu diġà waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva ta’ ċaħda tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni tiegħu.

28

Madankollu, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 68 tal-AVG għal kull applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jagħti lill-applikanti l-possibbiltà li jinvokaw, insostenn tal-applikazzjoni tagħhom, elementi jew fatti “ġodda” mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis. Fil-fatt, l-Artikolu 69 tal-AVG, li jillimita din il-possibbiltà biss għall-każ fejn ma jkunx minħabba n-nuqqas tal-applikant li dawn l-elementi jew fatti ma jkunux tqajmu matul il-proċedura preċedenti, huwa applikabbli biss għall-ftuħ mill-ġdid ta’ din il-proċedura u mhux għal tali applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali.

29

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja l-fatt li d-dritt Awstrijak ma jipprevedix dispożizzjonijiet speċifiċi li jittrasponu l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32, din id-dispożizzjoni tistax tillimita l-possibbiltà għal applikant li jinvoka elementi jew fatti ġodda insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-unika ipoteżi li fiha l-ommissjoni li jinvoka tali elementi jew fatti waqt il-proċedura li kellha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti ma kinitx attribwibbli għal nuqqas tal-applikant. F’dan ir-rigward, id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma wkoll marbuta mal-fatt li risposta fl-affermattiv għal din id-domanda timplika li dispożizzjoni li ma ġietx trasposta għal direttiva jkollha effett dirett għad-detriment ta’ individwu, peress li tali effett dirett huwa madankollu eskluż mill-ġurisprudenza nazzjonali u minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Il-kliem ‘elementi jew [fatti] ġodda’ li ‘ikunu[…] instabu, jew ġew ippreżentati mill-applikant’, li jinsab fl-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali jkopri wkoll ċirkustanzi li kienu jeżistu diġà qabel l-għeluq definittiv tal-proċedura ta’ ażil preċedenti?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2.

Fil-każ li jiġu ppreżentati fatti jew provi ġodda li, mingħajr nuqqas attribwibbli lill-persuna barranija, ma setgħux jiġu invokati fil-proċedura preċendenti, huwa suffiċjenti li applikant għal ażil ikun jista’ jitlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura preċedenti li tkun ingħalqet b’mod definittiv?

3.

Fil-każ li jkun minħabba nuqqas min-naħa tiegħu li l-applikant għal ażil ma jkunx ippreżenta diġà fil-proċedura ta’ ażil preċedenti l-motivi invokati għall-ewwel darba, l-awtorità tista’ tirrifjuta li teżamina l-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi prinċipju validu b’mod ġenerali fil-proċedura amministrattiva, minkejja li l-Istat Membru, minħabba li ma adottax dispożizzjonijiet speċjali, ma ttrasponiex b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 u għaldaqstant ma għamilx użu b’mod espliċitu mill-possibbiltà – mogħtija mill-Artikolu 40(4) ta’ din id-direttiva – li jipprevedi eċċezzjoni mill-eżami tal-mertu tal-applikazzjoni sussegwenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “elementi jew [ta’] [fatti] ġodda” li “[j]kunu […] instabu, jew ġew ippreżentati mill-applikant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludix biss l-elementi jew il-fatti li seħħew wara l-għeluq definittiv tal-proċedura li kellha bħala suġġett applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali jew jekk l-imsemmi kunċett jinkludix ukoll l-elementi jew il-fatti li kienu jeżistu diġà qabel l-għeluq ta’ din il-proċedura.

32

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri biex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata ta’ dik id-dispożizzjoni, għandu normalment jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi mal-Unjoni Ewropea kollha, liema interpretazzjoni għandha tirriżulta minn teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kliem tad-dispożizzjoni, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

B’hekk, l-ewwel, l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 33(2)(d) ta’ din id-direttiva, applikazzjoni sussegwenti għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunux instabu, jew ġewx ippreżentati mill-applikant, elementi jew fatti ġodda dwar l-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95 (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 36).

34

Huwa biss jekk effettivament jeżistu tali elementi jew fatti ġodda meta mqabbla mal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li, fit-tieni lok, l-eżami tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni sussegwenti jitkompla, skont l-Artikolu 40(3) ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn l-elementi u fatti ġodda jżidux b’mod sinjifikattiv il-probabbiltà li l-imsemmi applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għal dan l-istatus (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 37).

35

Għaldaqstant, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 ma tispeċifikax il-kunċett ta’ “elementi jew [ta’ fatti] ġodda” li jistgħu jsostnu talba sussegwenti (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 29), dan l-Artikolu 40 jipprevedi, madankollu, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, li dawn l-elementi jew dawn il-fatti ġodda li fuqhom tali applikazzjoni tista’ tkun ibbażata għandhom “jitfaċċaw” jew “jiġu preżentati mill-applikant”.

36

Dawn id-dispożizzjonijiet jippreċiżaw għalhekk b’mod ċar li talba sussegwenti tista’ tkun ibbażata kemm fuq elementi jew fatti ġodda, sa fejn dawn ikunu dehru wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti, kif ukoll fuq elementi jew fatti ġodda, sa fejn dawn ikunu ġew ippreżentati għall-ewwel darba mill-applikant.

37

Għalhekk, minn tali formulazzjoni jirriżulta li element jew fatt għandu jitqies li huwa ġdid, fis-sens tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, meta d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti tkun ġiet adottata mingħajr ma dan l-element jew dan il-fatt ikun ġie mgħarraf lill-awtorità determinanti tal-istatus tal-applikant. Din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni skont jekk l-elementi jew il-fatti invokati insostenn ta’ applikazzjoni sussegwenti jkunux dehru qabel jew wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

38

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 hija barra minn hekk ikkorroborata mill-kuntest li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnu.

39

Fil-fatt, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu li ma jitkompliex l-eżami tal-applikazzjoni ħlief jekk l-applikant ikkonċernat kien, mingħajr nuqqas min-naħa tiegħu, inkapaċi li jinvoka, matul il-proċedura preċedenti, l-elementi jew il-fatti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 40. Minn dan isegwi li, jekk l-Istati Membri ma jinvokawx il-possibbiltà mogħtija lilhom mill-imsemmi Artikolu 40(4), l-eżami tal-applikazzjoni jkompli, peress li din titqies li hija ammissibbli, anki jekk l-applikant ikun ippreżenta insostenn tal-applikazzjoni sussegwenti biss elementi jew fatti li huwa seta’ jippreżenta waqt l-eżami tal-applikazzjoni preċedenti u li, neċessarjament, kienu jeżistu diġà qabel l-għeluq definittiv tal-proċedura preċedenti.

40

Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 hija kkonfermata wkoll mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

41

Barra minn hekk, fir-rigward tal-proċedura ta’ verifika tal-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti, din hija intiża, kif jirriżulta mill-premessa 36 tad-Direttiva 2013/32, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jiċħdu bħala inammissibbli kull applikazzjoni sussegwenti ppreżentata fl-assenza ta’ kwalunkwe element jew fatt ġdid sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni preċedenti (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 49).

42

Minn dan isegwi li l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni sussegwenti hijiex ibbażata fuq elementi jew fatti ġodda relatati mal-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkwalifika għall-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95 għandu jkun limitat għall-verifika tal-eżistenza, insostenn ta’ din l-applikazzjoni, ta’ elementi jew ta’ fatti li ma ġewx eżaminati fil-kuntest tad-deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni preċedenti u li fuqhom din id-deċiżjoni, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, ma setgħetx tiġi bbażata (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 50).

43

Kull interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 li timplika li l-awtorità determinanti tal-istatus tal-applikant għandha tikkunsidra bħala inammissibbli kull applikazzjoni sussegwenti għas-sempliċi raġuni li hija bbażata fuq elementi jew fatti li l-applikant seta’ jippreżenta insostenn tal-applikazzjoni preċedenti tiegħu tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata u tippreġudika l-eżami xieraq u eżawrjenti tas-sitwazzjoni tal-applikant.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “elementi jew [ta’ fatti] ġodda” li “jitfaċċaw, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-elementi jew il-fatti li seħħew wara l-għeluq definittiv tal-proċedura li kellha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll l-elementi jew il-fatti li kienu diġà jeżistu qabel l-għeluq tal-proċedura, iżda li ma kinux ġew invokati mill-applikant.

Fuq it-tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżami ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali jista’ jsir fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura li kellha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti jew jekk għandhiex tinfetaħ proċedura ġdida.

46

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi pproċessar ta’ applikazzjonijiet sussegwenti f’żewġ stadji. L-ewwel stadju, ta’ natura preliminari, għandu bħala għan il-verifika tal-ammissibbiltà ta’ dawn l-applikazzjonijiet, filwaqt li t-tieni stadju jirrigwarda l-eżami tal-imsemmija talbiet fuq il-mertu (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Elementi jew fatti ġodda), C‑921/19, EU:C:2021:478, punt 34).

47

Issa, għalkemm l-Artikolu 40(2) sa (4) u l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxu ċerti regoli proċedurali dwar l-ewwel stadju tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet sussegwenti dwar l-ammissibbiltà tagħhom, din id-direttiva ma tistabbilixxi ebda qafas proċedurali speċifiku fir-rigward tat-trattament tal-mertu tal-imsemmija talbiet. Fil-fatt, l-Artikolu 40(3) tal-imsemmija direttiva jeżiġi biss li l-eżami tal-mertu tal-applikazzjonijiet sussegwenti jkun ammissibbli skont il-Kapitolu II tal-istess direttiva, li jipprevedi l-prinċipji u l-garanziji fundamentali li, fil-kuntest proċedurali li huma jistabbilixxu, l-Istati Membri għandhom josservaw.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu d-dispożizzjonijiet proċedurali li jirregolaw l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet sussegwenti, sakemm, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti mid-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 33(2)(d) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 40 tagħha, jiġu osservati u, min-naħa l-oħra, l-ipproċessar tal-mertu jitwettaq konformement mal-imsemmija prinċipji bażiċi u mal-imsemmija garanziji fundamentali.

49

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak applikabbli għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura magħluqa permezz ta’ deċiżjoni li tiddeċiedi fuq talba preċedenti jiżgurawx l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet u humiex konformi mal-imsemmija prinċipji u l-imsemmija garanziji fundamentali.

50

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil din il-qorti elementi ta’ evalwazzjoni abbażi tal-informazzjoni li tinsab fil-proċess li jkun ġie sottomess lilha.

51

F’dan ir-rigward, fir-rigward b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, minn dan il-proċess jirriżulta li l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura amministrattiva fid-dritt Awstrijak huwa rregolat mill-Artikolu 69 tal-AVG u li dan l-artikolu jissuġġetta l-ftuħ mill-ġdid ta’ din il-proċedura għall-issodisfar ta’ tliet kundizzjonijiet. B’hekk, l-ewwel nett, il-fatti ġodda jew il-provi ġodda prodotti insostenn tal-applikazzjoni sussegwenti, ikkunsidrati waħedhom jew b’rabta mar-riżultati l-oħra tal-proċedura, huma tali li probabbilment kienu jippermettu li wieħed jasal għal deċiżjoni li d-dispożittiv tagħha kellu kontenut differenti minn dak tad-deċiżjoni preċedenti, it-tieni nett, tali fatti u provi, mingħajr tort attribwibbli lill-persuna kkonċernata, ma setgħux jiġu invokati fil-proċedura li għandha bħala suġġett it-talba preċedenti, u, it-tielet nett, it-talba sussegwenti titressaq f’terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri, essenzjalment, mill-mument li fih l-applikant sar jaf bir-raġuni għall-ftuħ mill-ġdid u, fi kwalunkwe każ, minn tliet snin mill-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiddeċiedi fuq it-talba preċedenti.

52

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tikkorrispondi, essenzjalment, għat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32, li tipprovdi li l-elementi jew il-fatti ġodda “li jżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE”, filwaqt li t-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 69 tal-AVG tikkorrispondi għall-possibbiltà offruta lill-Istati Membri permezz tal-Artikolu 40(4) ta’ din id-direttiva biss, li tikkonsisti f’li “jipprovdu li l-applikazzjoni tiġi eżaminata sussegwentement biss jekk l-applikant ikkonċernat kien, mingħajr ħtija tiegħu, inkapaċi li jiddikjara s-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3” tal-imsemmi Artikolu 40.

53

L-ewwel żewġ kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 69 tal-AVG jidhru għalhekk li josservaw iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet sussegwenti msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

54

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni prevista minn dan l-Artikolu 69, dwar it-termini li għalihom hija suġġetta l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni sussegwenti fid-dritt Awstrijak, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32 ma jipprevedix tali termini u lanqas ma jawtorizza espressament lill-Istati Membri sabiex jipprevedu dan.

55

Mill-kuntest li fih jidħol dan l-Artikolu 40 jirriżulta li l-fatt li dan ma jawtorizzax lill-Istati Membri jistabbilixxu termini ta’ dekadenza għat-tressiq ta’ applikazzjoni sussegwenti jimplika li huwa jipprojbixxi l-iffissar ta’ tali termini.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-Direttiva 2013/32 ma tistabbilixxi l-ebda terminu f’dak li jikkonċerna l-eżerċizzju, mill-applikant, tad-drittijiet li hija tagħti lil dan tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

57

Barra minn hekk, meta l-leġiżlatur ried jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiffissaw it-termini li fihom l-applikant huwa obbligat li jaġixxi, huwa għamel dan espressament, kif jixhed l-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva.

58

Min-naħa l-oħra, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 sa 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-paragun tad-Direttiva 2013/32 mad-Direttiva 2005/85, li hija ssostitwixxiet, b’mod partikolari tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2013/32 u tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2005/85, dwar ir-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-applikazzjonijiet sussegwenti għal applikazzjonijiet sussegwenti, rispettivament, għal protezzjoni internazzjonali u għall-ażil, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jissuġġetta l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għall-osservanza ta’ terminu għall-preżentata ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda. Fil-fatt, il-kliem tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32 ma jikkorrispondix għal dak tal-Artikolu 34(2)(b) tad-Direttiva 2005/85 li jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jeżiġu lill-applikant jippreżenta l-informazzjoni ġdida f’terminu speċifiku li jibda jiddekorri mill-mument meta huwa jkun kiseb din l-informazzjoni. It-tneħħija ta’ din il-fakultà, fid-Direttiva 2013/32, timplika li l-Istati Membri ma jistgħux jibqgħu jipprevedu tali terminu.

59

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/32, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-kontenut normattiv ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda l-proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali biss sa fejn huma jipprevedu jew iżommu regoli iktar favorevoli għall-applikant, bl-esklużjoni ta’ kull possibbiltà li jiġu applikati regoli inqas favorevoli. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza għad-detriment tal-applikant.

60

L-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(2) u (3) ta’ din id-direttiva, jipprojbixxi għalhekk lill-Istati Membri milli jissuġġettaw il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-osservanza tat-termini ta’ dekadenza.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżami tal-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali jista’ jsir fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura li kellha bħala suġġett l-ewwel applikazzjoni, sakemm ir-regoli li japplikaw għal dan il-ftuħ mill-ġdid ikunu konformi mal-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32 u sakemm it-tressiq ta’ din l-applikazzjoni ma tkunx suġġetta għall-osservanza tat-termini ta’ dekadenza.

Fuq it-tielet domanda

62

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li ma jkunx adotta atti speċifiċi li jittrasponu din id-dispożizzjoni, jirrifjuta, skont ir-regoli ġenerali ta’ proċedura amministrattiva nazzjonali, li jeżamina l-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti, meta l-elementi jew il-fatti ġodda invokati insostenn ta’ din l-applikazzjoni kienu jeżistu matul il-proċedura li kellha bħala suġġett it-talba preċedenti u ma jkunux ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura attribwibbli lill-applikant minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

63

Għandu jiġi ppreċiżat li l-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda fl-ipoteżi fejn hija jkollha tikkunsidra, wara l-eżami li hija mitluba twettaq skont il-punt 49 ta’ din is-sentenza, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak applikabbli għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura li kellha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti sabiex teżamina applikazzjoni sussegwenti ma jiżgurawx l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tagħha jew ma humiex konformi mal-prinċipji u mal-garanziji fundamentali previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32.

64

Fil-fatt, f’tali każ, l-applikazzjoni sussegwenti ta’ XY għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ġdida li, fl-assenza ta’ kwalunkwe miżura ta’ traspożizzjoni fid-dritt Awstrijak tal-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32, tkun irregolata mill-Artikolu 68 tal-AVG. Issa, dan tal-aħħar, kuntrarjament għall-Artikolu 69 tal-AVG applikabbli għall-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura amministrattiva preċedenti, ma jissuġġettax il-possibbiltà li tinfetaħ proċedura ġdida għall-kundizzjoni li l-applikant ma jkunx wettaq nuqqas meta naqas milli jinvoka, fil-kuntest tal-proċedura li kellha bħala suġġett it-talba preċedenti, l-elementi u l-fatti li huwa jsostni insostenn tat-talba sussegwenti, peress li dawn kienu diġà jeżistu matul din l-aħħar proċedura.

65

Sabiex tingħata risposta għal din it-tielet domanda, għandu jiġi rrilevat, kif essenzjalment jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 hija dispożizzjoni fakultattiva, fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu li l-eżami tal-applikazzjoni jkompli biss jekk l-applikant ikkonċernat ma kienx, min-naħa tiegħu, inkapaċi li jinvoka, matul il-proċedura preċedenti, is-sitwazzjonijiet esposti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 40. Konsegwentement, peress li l-effetti tal-imsemmi Artikolu 40(4) jiddependu mill-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ traspożizzjoni, din id-dispożizzjoni ma hijiex inkundizzjonata u, għaldaqstant, ma għandhiex effett dirett.

66

Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ta’ direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu, u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih quddiem qorti nazzjonali (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 48, u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 65).

67

Issa, dan ikun il-każ jekk l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 kellu jiġi interpretat fis-sens li, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe miżura ta’ traspożizzjoni nazzjonali, l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni sussegwenti tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant ikun naqas milli jinvoka, fil-kuntest tal-proċedura li kellha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti, l-elementi jew il-fatti ġodda ppreżentati insostenn tal-applikazzjoni sussegwenti u li kienu jeżistu diġà matul l-imsemmija proċedura u li din l-ommissjoni ma tikkostitwixxix nuqqas attribwibbli lilha.

68

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru li ma jkunx adotta atti speċifiċi li jittrasponu din id-dispożizzjoni, jirrifjuta, skont ir-regoli ġenerali ta’ proċedura amministrattiva nazzjonali, li jeżamina l-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti, meta l-elementi jew il-fatti ġodda invokati insostenn ta’ din l-applikazzjoni kienu jeżistu matul il-proċedura li kellha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti u ma jkunux ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura minħabba ħtija attribwibbli lill-applikant.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “elementi jew [ta’ fatti] ġodda” li “jitfaċċaw jew ġew ippreżentati mill-l-applikant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-elementi jew il-fatti li seħħew wara l-għeluq definittiv tal-proċedura li kellha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll l-elementi jew il-fatti li kienu diġà jeżistu qabel l-għeluq tal-proċedura, iżda li ma kinux ġew invokati mill-applikant.

 

2)

L-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżami tal-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali jista’ jsir fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura li kellha bħala suġġett l-ewwel applikazzjoni, sakemm ir-regoli li japplikaw għal dan il-ftuħ mill-ġdid ikunu konformi mal-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32 u sakemm il-preżentata ta’ din l-applikazzjoni ma tkunx suġġetta għall-osservanza tat-termini ta’ dekadenza.

 

3)

L-Artikolu 40(4) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru li ma jkunx adotta atti speċifiċi li jittrasponu din id-dispożizzjoni, jirrifjuta, skont ir-regoli ġenerali ta’ proċedura amministrattiva nazzjonali, li jeżamina l-mertu ta’ applikazzjoni sussegwenti, meta l-elementi jew il-fatti ġodda invokati insostenn ta’ din l-applikazzjoni kienu jeżistu matul il-proċedura li kellha bħala suġġett l-applikazzjoni preċedenti u ma jkunux ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura minħabba ħtija attribwibbli lill-applikant.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top