EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0694

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-5 ta’ April 2022.
Orde van Vlaamse Balies et vs Vlaamse Regering.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Grondwettelijk Hof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Skambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti transkonfinali rapportabbli – Direttiva 2011/16/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/822 – Artikolu 8ab(5) – Validità – Sigriet professjonali tal-avukat – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ rapportar li jgawdi minnha l-avukat intermedjarju suġġett għas-sigriet professjonali – Obbligu ta’ dan l-avukat intermedjarju li jikkomunika, lil kull intermedjarju ieħor li ma huwiex il-klijent tiegħu, l-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuqu – Artikoli 7 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-694/20.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:259

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑5 ta’ April 2022 (1)

Kawża C694/20

Orde van Vlaamse Balies,

IG,

Belgian Association of Tax Lawyers,

CD,

JU

vs

Vlaamse Regering

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Grondwettelijk Hof (il‑Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam fiskali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 47 – Skambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti transkonfinali rapportabbli – Sigriet professjonali tal-avukat – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ rappurtar tal-intermedjarji – Talba għall-evalwazzjoni tal-validità”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tqajjem il-problema tal-portata tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati li jipparteċipaw bħala “intermedjarji” fit-tfassil ta’ strutturi fiskali u tal-obbligi ta’ rappurtar u ta’ notifika li huma għandhom fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16/UE (2).

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-validità tal-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16, kif miżjud mid-Direttiva 2018/822/UE (3) (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontenzjuża”), li jimponi fuq l-“avukat intermedjarju”, li jibbenefika minn eżenzjoni mill-obbligu ta’ rappurtar minħabba l-protezzjoni tas-sigriet professjonali, li jinnotifika lill-“intermedjarji” l-oħra kollha dwar l-obbligi ta’ rappurtar li huwa għandu mal-awtoritajiet fiskali, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

3.        Din it-talba tressqet mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) fil-kuntest ta’ talbiet għas-sospensjoni totali jew parzjali ta’ digriet Fjamming li jittrasponi d-dispożizzjoni kontenzjuża u jemenda l-leġiżlazzjoni Fjamminga li tirrigwarda l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam fiskali, introdotti mill-Orde van Vlaamse Balies (l-Ordni tal-Kmamar tal-Avukati Fjammingi, il-Belġju) u l-assoċjazzjoni de facto Belgian Association of Tax Lawyers (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”).

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

4.        Id-Direttiva 2011/16 tistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali nazzjonali tal-Istati Membri u tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li għandhom japplikaw waqt l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet fiskali.

5.        Id-Direttiva 2018/22 stabbilixxiet obbligu ta’ rappurtar li jirrigwarda eventwali arranġamenti fiskali transkonfinali (4) ta’ natura potenzjalment aggressiva mal-awtoritajiet kompetenti. Din id-direttiva tistabbilixxi, fil-premessi 2, 6, 8 u 18 tagħha:

“(2)      L-Istati Membri jsibuha dejjem aktar diffiċli li jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom mill-erożjoni peress li l-istrutturi tal-ippjanar tat-taxxa evolvew biex saru partikolarment sofistikati u ħafna drabi jieħdu vantaġġ mill-mobilità miżjuda kemm tal-kapital kif ukoll tal-persuni fis-suq intern. [...] Huwa għalhekk fundamentali li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jiksbu informazzjoni komprensiva u rilevanti dwar arranġamenti potenzjalment aggressivi tat-taxxa. Tali informazzjoni tippermetti li dawk l-awtoritajiet jirreaġixxu fil-pront kontra prattiki tat-taxxa dannużi u jagħlqu lakuni bil-promulgazzjoni ta’ leġislazzjoni jew billi jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju adegwati u awditjar tat-taxxa. [...]

[...]

(6)      Ir-rappurtar ta’ arranġamenti ta’ ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa ta’ dimensjoni transkonfinali jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-isforzi biex jinħoloq ambjent ta’ tassazzjoni ġusta fis-suq intern. F’dan id-dawl, l-obbligu li intermedjarji jinformaw lill-awtoritajiet tat-taxxa [...] jkun jikkostitwixxi pass fid-direzzjoni t-tajba. [...]

[...]

(8)      Biex ikun żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern u biex jiġu evitati lakuni fil-qafas propost ta’ regoli, l-obbligu ta’ rappurtar jenħtieġ li jiġi impost fuq l-atturi kollha li huma normalment involuti fit-tfassil, il-kummerċjalizzazzjoni, l-organizzazzjoni jew il-ġestjoni tal-implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni transkonfinali rapportabbli jew sensiela ta’ tali tranżazzjonijiet, kif ukoll fuq dawk li jipprovdu assistenza jew parir. Lanqas ma għandu jiġi injorat li, f’ċerti każijiet, l-obbligu ta’ rappurtar ma jkunx infurzabbli fuq intermedjarju minħabba privileġġ professjonali legali jew fejn ma jkunx hemm intermedjarju minħabba li, pereżempju, il-kontribwent ifassal u jimplimenta skema interna. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ikun għaldaqstant kruċjali li l-awtoritajiet tat-taxxa ma jitilfux l-opportunità li jirċievu informazzjoni dwar arranġamenti relatati mat-taxxa li huma potenzjalment konnessi ma’ ppjanar aggressiv tat-taxxa. F’tali każijiet, ikun għalhekk meħtieġ li l-obbligu ta’ rappurtar jiġi trasferit lill-kontribwent li jibbenefika mill-arranġament.

[...]

(18)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]”.

6.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/16, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi fil-punti 18 sa 22, 24 u 25 tiegħu, kif miżjuda bil-punt 1(b) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2018/822:

“18.      ‘arranġament transkonfinali’ tfisser arranġament li jikkonċerna jew aktar minn Stat Membru wieħed jew xi Stat Membru u pajjiż terz fejn tal-inqas tkun issodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

[...]

19.      ‘arranġament transkonfinali rapportabbli” tfisser kwalunkwe arranġament transkonfinali li jinkludi tal-inqas waħda mill-karatteristiċi distintivi stipulati fl-Anness IV.

20.      ‘karatteristika distintiva’ tfisser karatteristika jew element ta’ arranġament transkonfinali li jippreżentaw indikazzjoni ta’ riskju potenzjali ta’ evitar tat-taxxa, kif elenkat fl-Anness IV.

21.      ‘intermedjarju’ tfisser kwalunkwe persuna li tfassal, tikkummerċjalizza, torganizza jew tagħmel disponibbli għall-implimentazzjoni jew tiġġestixxi l-implimentazzjoni ta’ arranġament transkonfinali rapportabbli.

Tfisser ukoll kwalunkwe persuna li, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkostanzi rilevanti u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli u l-għarfien espert u l-fehim rilevanti meħtieġa għall-forniment ta’ tali servizzi, tkun taf, jew tista’ tkun raġonevolment mistennija li tkun taf li hija impenjat ruħha li tipprovdi, direttament jew permezz ta’ persuni oħra, għajnuna, assistenza jew pariri rigward it-tfassil, il-kummerċjalizzazzjoni, l-organizzazzjoni, it-tqegħid għad-disponibbiltà għall-implimentazzjoni jew rigward il-ġestjoni tal-implimentazzjoni ta’ arranġament transkonfinali rapportabbli. Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tipprovdi evidenza li tali persuna ma kinitx taf u ma setgħetx tkun raġonevolment mistennija li tkun taf li dik il-persuna kienet involuta f’arranġament transkonfinali rapportabbli. Għal dan il-fini, dik il-persuna tista’ tirreferi għall-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha kif ukoll għall-informazzjoni disponibbli u l-għarfien espert u l-fehim rilevanti tagħhom.

Sabiex tkun intermedjarju, persuna għandha tissodisfa tal-inqas waħda mill-kondizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

a)      tkun residenti għal finijiet tat-taxxa fi Stat Membru;

b)      ikollha stabbiliment permanenti fi Stat Membru li permezz tiegħu jiġu pprovduti s-servizzi fir-rigward tal-arranġament;

c)      tkun inkorporata fi Stat Membru jew regolata mil-liġijiet tiegħu;

d)      tkun irreġistrata ma’ assoċjazzjoni professjonali relatata ma’ servizzi legali, ta’ tassazzjoni jew ta’ konsulenza fi Stat Membru.

22.      ‘kontribwent rilevanti’ tfisser kwalunkwe persuna li jkun tqegħdilha għad-dispożizzjoni tagħha arranġament transkonfinali rapportabbli għall-implimentazzjoni, jew li hija lesta li timplimenta arranġament transkonfinali rapportabbli jew tkun implimentat l-ewwel pass ta’ tali arranġament.

[...]

24.      ‘arranġament kummerċjabbli’ tfisser arranġament transkonfinali li jkun imfassal, kummerċjalizzat, lest għall-implimentazzjoni jew disponibbli għall-implimentazzjoni mingħajr il-ħtieġa li jiġi personalizzat b’mod sostanzjali.

25.      ‘arranġament imfassal għal għan speċifiku’ tfisser kwalunkwe arranġament transkonfinali li mhuwiex arranġament kummerċjabbli”.

7.        Fir-rigward tal-obbligu ta’ rappurtar u l-invokazzjoni tas-sigriet professjonali, l-Artikolu 8ab tad-Direttiva 2011/16, kif miżjud bil-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2018/822, jistabbilixxi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li intermedjarji jippreżentaw informazzjoni li jkollhom għarfien tagħha, jew tkun fil-pussess tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien 30 jum minn:

a)      il-jum wara li l-arranġament transkonfinali rapportabbli jkun sar disponibbli għall-implimentazzjoni; jew

b)      il-jum wara li l-arranġament transkonfinali rapportabbli jkun lest għall-implimentazzjoni; jew

c)      meta jkun sar l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-arranġament transkonfinali rapportabbli,

skont liem minn dawn iseħħ l-ewwel.

[...]

5.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jagħti lill-intermedjarji d-dritt ta’ rinunzja mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli fejn l-obbligu ta’ rappurtar jikser il-privileġġ professjonali legali skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. F’tali ċirkostanzi, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi lill-intermedjarji jinnotifikaw, mingħajr dewmien, kwalunkwe intermedjarju ieħor jew, jekk ma jkun hemm ebda tali intermedjarju, lill-kontribwent rilevanti dwar l-obbligi tagħhom ta’ rappurtar taħt il-paragrafu 6.

L-intermedjarji jistgħu jkunu intitolati għal rinunzja taħt l-ewwel subparagrafu biss sa fejn huma jkunu joperaw fil-limiti tal-liġijiet nazzjonali rilevanti li jiddefinixxu l-professjonijiet tagħhom.

6.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li, fejn ma jkun hemm ebda intermedjarju jew l-intermedjarju jinnotifika lill-kontribwent rilevanti jew intermedjarju ieħor dwar l-applikazzjoni ta’ rinunzja taħt il-paragrafu 5, l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli jkun tal-intermedjarju notifikat l-ieħor, jew, jekk ma jkun hemm ebda tali intermedjarju, tal-kontribwent rilevanti.

[...]

9.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li, fejn ikun hemm aktar minn intermedjarju wieħed, l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar l-arranġament transkonfinali rapportabbli jkun tal-intermedjarji kollha involuti fl-istess arranġament transkonfinali rapportabbli.

Intermedjarju għandu jiġi eżentat milli jippreżenta l-informazzjoni biss sa fejn ikollu prova, skont il-liġi nazzjonali, li l-istess informazzjoni msemmija fil-paragrafu 14 tkun diġà ġiet ippreżentata minn intermedjarju ieħor.

[...]

14.      L-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru [lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha] taħt il-paragrafu 13 għandha tinkludi dan li ġej, kif applikabbli:

a)      l-identifikazzjoni ta’ intermedjarji u kontribwenti rilevanti, inklużi isimhom, id-data u l-post tat-twelid tagħhom (fil-każ ta’ individwu), ir-residenza tagħhom għal finijiet ta’ taxxa, it-TIN tagħhom u, fejn xieraq, il-persuni li huma intrapriżi assoċjati għall-kontribwent rilevanti;

b)      id-dettalji tal-karatteristiċi distintivi stipulati fl-Anness IV li permezz tagħhom l-arranġamenti transkonfinali jkun rapportabbli;

c)      ġabra fil-qosor tal-kontenut tal-arranġament transkonfinali rapportabbli, inkluża referenza għall-isem li bih ġeneralment ikun magħruf, jekk ikun hemm, u deskrizzjoni f’termini astratti tal-attivitajiet jew l-arranġamenti ta’ negozju rilevanti, mingħajr ma jiġi żvelat xi sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali, jew xi proċess kummerċjali, jew xi informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku;

[...]”

B.      Iddritt Belġjan

8.        Id-decreet betreffende de administratieve samenwerking op het gebied van belastingen (id-Digriet dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-Qasam Fiskali), tal‑21 ta’ Ġunju 2013 (Belgisch Staatsblad, 26 ta’ Ġunju 2013, p. 40587) (iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013”), jittrasponi d-Direttiva 2011/16 fir-Reġjun ta’ Vlaanderen (il-Belġju).

9.        Dan id-digriet kien emendat bid-decreet tot wijziging van het decreet van 21 juni 2013, wat betreft de verplichte automatische uitwisseling van inlichtingen op belastinggebied met betrekking tot meldingsplichtige grensoverschrijdende constructies (id-Digriet li Jemenda d-Digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013, għal dak li Jirrigwarda l-Iskambju Awtomatiku u Obbligatorju ta’ Informazzjoni fil-Qasam Fiskali fir-Rigward tal-Arranġamenti Transkonfinali Rapportabbli), tas‑26 ta’ Ġunju 2020 (Belgisch Staatsblad, 3 ta’ Lulju 2020, p. 49170) (iktar ’il quddiem id-“digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020”), li jittrasponi d-Direttiva 2018/822.

10.      Is-Subtaqsima 2 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2 tad-digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013 tirregola l-preżentazzjoni obbligatorja, mill-intermedjarji jew mill-persuna taxxabbli kkonċernata, ta’ informazzjoni dwar l-arranġamenti fiskali transkonfinali rapportabbli.

11.      L-Artikolu 11/6 ta’ dan id-digriet, kif miżjud mill-Artikolu 14 tad-digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, jiddefinixxi r-relazzjoni bejn l-obbligu ta’ rappurtar u s-sigriet professjonali li ċerti intermedjarji huma marbutin bih. Huwa jittrasponi l-Artikolu 8ab(5) u (6) tad-Direttiva 2011/16. L-Artikolu 11/6 tad-digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta intermedjarju huwa marbut b’sigriet professjonali, huwa għandu:

1°      jinforma lill-intermedjarju jew intermedjarji l-oħra bil-miktub u b’mod immotivat li huwa ma jistax jissodisfa l-obbligu ta’ rappurtar, u b’hekk jittrasferixxi dan l-obbligu ta’ rappurtar awtomatikament fuq l-intermedjarju jew intermedjarji l-oħra;

2°      fl-assenza ta’ intermedjarju ieħor, jinforma lill-persuna jew persuni taxxabbli kkonċernati dwar l-obbligu ta’ rappurtar tagħha jew tagħhom bil-miktub u b’mod motivat.

L-eżenzjoni mill-obbligu ta’ rappurtar tieħu effett biss fil-mument li fih intermedjarju jissodisfa l-obbligu previst [fl-ewwel paragrafu].

[...]”

12.      L-Artikolu 11/7 tad-digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013, kif miżjud bl-Artikolu 15 tad-digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, jistabbilixxi:

“[...] jekk l-intermedjarju jinforma lill-persuna taxxabbli kkonċernata jew lil intermedjarju ieħor bl-applikazzjoni ta’ eżenzjoni skont [l-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 11/6, l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli, taqa’ fuq l-intermedjarju l-ieħor li ġie informat, jew fl-assenza ta’ dan, fuq il-persuna taxxabbli kkonċernata.”

III. Ilkawża prinċipali, iddomanda preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

13.      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fil‑31 ta’ Awwissu u fl‑1 ta’ Ottubru 2020 rispettivament, ir-rikorrenti talbu lill-qorti tar-rinviju s-sospensjoni tad-digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020 kif ukoll l-annullament totali jew parzjali tiegħu.

14.      Dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi, sad-data ta’ pubblikazzjoni tas-sentenza dwar ir-rikorsi għal annullament, l-ewwel, il-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11/6(1) tad-digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2020, kif miżjud mill-Artikolu 14 tad-digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, sa fejn dan jimponi biss fuq l-avukat li jaġixxi bħala intermedjarju obbligu ta’ informazzjoni lejn intermedjarju ieħor li ma huwiex il-klijent tiegħu, u t-tieni, l-Artikolu 11/6(3) tad-digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013, kif miżjud bl-Artikolu 14 tad-digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, sa fejn dan jipprovdi biss li l-avukat ma jistax jinvoka s-sigriet professjonali għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ rappurtar perjodiku ta’ arranġamenti transkonfinali kummerċjalizzabbli fis-sens tal-Artikolu 11/4 tad-digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-[Direttiva 2018/822] jikser id-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 47 tal-[Karta] u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-[Karta], sa fejn l-Artikolu 8ab(5) il-ġdid li huwa daħħal fid-[Direttiva 2011/16], jipprevedi li, jekk Stat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jagħti lill-intermedjarji d-dritt li jiġu eżentati mill-obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar arranġament transkonfinali li għandu jkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni meta l-obbligu ta’ dikjarazzjoni jikser is-sigriet professjonali applikabbli skont id-dritt nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru, dan l-Istat Membru għandu jobbliga lill-imsemmija intermedjarji li jinnotifikaw mingħajr dewmien lil kull intermedjarju ieħor jew, fejn ma jkunx hemm tali intermedjarju, lill-persuna taxxabbli rilevanti, bl-obbligi ta’ dikjarazzjoni tiegħu, sa fejn dan l-obbligu għandu bħala effett li avukat li jaġixxi bħala intermedjarju jkun obbligat li jaqsam ma’ intermedjarju ieħor li ma jkunx il-klijent tiegħu l-informazzjoni li huwa jikseb fl-eżerċizzju tal-attivitajiet essenzjali tal-professjoni tiegħu, jiġifieri d-difiża jew ir-rappreżentanza legali tal-klijent u l-għoti ta’ pariri legali, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura ġudizzjarja?”

16.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Franċiż u Latvjan, mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek u Latvjan, dawn il-partijiet esprimew ruħhom ukoll waqt is-seduta li nżammet, fl-Awla Manja, fil‑25 ta’ Jannar 2022.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

17.      Id-Direttiva 2011/16 – magħrufa bl-isem “DAC6” – taqa’ fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv u hija allinjata mal-miżuri meħuda mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) fuq livell mondjali sabiex issaħħaħ it-trasparenza fiskali u tiġġieled il-prattiki ta’ evażjoni u ta’ frodi fiskali.

18.      F’dan il-kuntest, din id-direttiva pprevediet l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar l-arranġamenti fiskali transkonfinali, u imponiet obbligu ta’ rappurtar fuq l-intermedjarji fiskali sabiex tiskoraġġixxi t-tfassil jew l-użu ta’ strutturi ta’ ppjanar fiskali aggressiv.

19.      Fir-rigward tal-arranġamenti transkonfinali suġġett tal-iskambju ta’ informazzjoni previst mill-imsemmija direttiva, dawn huma identifikati b’referenza għal lista ta’ karatteristiċi speċifiċi msejħa “karatteristiċi distintivi” li tinsab fl-Anness IV tad-Direttiva 2018/822.

20.      L-element ġdid introdott mid-Direttiva 2018/822 għat-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv huwa l-obbligu li issa għandhom l-intermedjarji kollha, minħabba r-rwol ċentrali tagħhom fit-tfassil ta’ arranġamenti ta’ ppjanar fiskali aggressiv, kif ġie kkonstatat b’mod partikolari mill-OECD, li jipproċedu b’rapport mal-awtoritajiet fiskali. Huwa biss fl-assenza ta’ tali intermedjarji jew meta dawn tal-aħħar ikunu preklużi milli jwettqu r-rapport, li dan l-obbligu jiġi ttrasferit fuq il-persuna taxxabbli. Għalhekk, l-obbligu ta’ rappurtar li għandha l-persuna taxxabbli ġie stabbilit bħala miżura aħħarija, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies, fil-fehma tiegħi ġustament, li s-sistema ta’ rappurtar kienet tkun ferm inqas effettiva kieku kellha tkun il-persuna taxxabbli stess li tirrapporta mal-awtoritajiet fiskali d-deċiżjoni tagħha stess li tipparteċipa f’“arranġament aggressiv”.

21.      Għaldaqstant, l-interferenza tal-intermedjarju tikkostitwixxi l-pedament ta’ din is-sistema u kwalunkwe limitazzjoni għall-funzjonament ta’ din tal-aħħar tirriskja li tippreġudika l-qalba nnifisha tal-għanijiet tad-Direttiva 2011/16. Madankollu, it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet ma għandux iwassal għall-ksur tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2011/16, kif ukoll l-emendi magħmula lilha mid-Direttiva 2018/822, jistgħux iwasslu għal tali ksur.

22.      Qabel nipproċedi bl-analiżi ġuridika tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża mal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, nikkunsidra li huwa importanti li jiġu ċċarati l-karatteristiċi tal-obbligu ta’ notifika li għandhom l-“avukati intermedjarji”.

23.      Fl-ewwel lok, jidher li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija li jipproteġi s-sigriet professjonali tal-avukati, minn naħa billi jagħtihom eżenzjoni mir-rappurtar (5), u min-naħa l-oħra, billi jillimita l-kontenut tal-informazzjoni li l-avukat intermedjarju għandu jibgħat lill-intermedjarju terz fil-każ ta’ eżenzjoni (6). Madankollu, huma biss l-avukati li jaġixxu “fil-limiti tal-liġijiet nazzjonali rilevanti li jiddefinixxu l-professjonijiet tagħhom” li jistgħu jinvokaw is-sigriet professjonali u jingħataw eżenzjoni mir-rappurtar (7). Minn dan isegwi li bħala prinċipju, avukat li jaġixxi lil hinn mill-kuntest nazzjonali li jirregola l-professjoni tiegħu ma jistax jinvoka s-sigriet professjonali u jinsab fis-sitwazzjoni bħal kull intermedjarju ieħor li ma jibbenefikax minn eżenzjoni mir-rappurtar.

24.      Fit-tieni lok, fil-każ li l-avukat‑intermedjarju jibbenefika effettivament mill-eżenzjoni, huwa jkollu jinnotifika lill-intermedjarji l-oħra u jinformahom bl-obbligi ta’ rappurtar li għandhom. Issa, bilfors għandu jiġi kkonstatat, li meta ma jkun jeżisti ebda intermedjarju ieħor ikkonċernat mill-arranġament transkonfinali inkwistjoni, in-notifika mill-avukat intermedjarju tal-eżenzjoni li minnha jibbenefika fir-rigward tal-persuna taxxabbli kkonċernata, jew f’dan il-każ il-klijent tiegħu, ma tistax, f’dan il-każ, tippreġudika s-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent tiegħu. Għalhekk, l-analiżi li ġejja għandha tiffoka biss fuq l-obbligu ta’ notifika tal-avukat intermedjarju lil intermedjarju ieħor li ma huwiex il-klijent tiegħu (8).

25.      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll, li fil-każ ta’ intermedjarju ieħor, l-obbligu ta’ rappurtar tiegħu diġà jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16. Anki fil-każ ta’ diversi intermedjarji, skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu, kull wieħed minnhom għandu jissodisfa dan l-obbligu, sakemm ma jġibx prova li l-imsemmi obbligu diġà kien issodisfat minn intermedjarju ieħor. Fi kliem ieħor, li wieħed jinforma lil intermedjarju ieħor skont id-dispożizzjoni kontenzjuża ma joħloqx obbligu ta’ rappurtar ġdid għall-persuna (intermedjarju) informata.

26.      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni kontenzjuża mkien ma tiddefinixxi l-forma jew il-metodu kif dan l-obbligu ta’ notifika għandu jiġi ssodisfat u lanqas il-kontenut eżatt tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li l-informazzjoni pprovduta tidentifika l-arranġament transkonfinali li lilu tirrigwarda u tfakkar l-obbligu ta’ rappurtar tal-intermedjarju l-ieħor ikkonċernat (9).

27.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jiġi osservat li minħabba l-obbligi ta’ rappurtar tagħhom stess skont l-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16, l-intermedjarji terzi nnotifikati, hekk informati bl-involviment tal-avukat u li huma stess ma humiex marbutin bis-sigriet professjonali, għandhom jinformaw lill-amministrazzjoni fiskali mhux biss bl-eżistenza tal-arranġament transkonfinali u tal-persuna taxxabbli kkonċernata, iżda wkoll bl-involviment tal-avukat‑intermedjarju. F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8ab(9) u mill-Artikolu 8ab (14) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-identifikazzjoni tal-intermedjarji tinsab fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta bi twettiq tal-obbligu ta’ rappurtar.

B.      Fuq ilkompatibbiltà taddispożizzjoni kontenzjuża malArtikoli 7 u 47 talKarta

28.      Infakkar li l-qorti tar-rinviju tinvoka l-kwistjoni tal-validità tad-dispożizzjoni kontenzjuża, billi tistaqsi dwar jekk din id-dispożizzjoni tmurx kontra r-regola tas-sigriet professjonali tal-avukati stabbilita fl-Artikoli 7 u 47 tal-Karta.

29.      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu ta’ notifika, partikolarment għal dak li jirrigwarda l-intermedjarji terzi, jikser is-sigriet professjonali tal-avukati u jmur kontra kemm l-Artikolu 7 kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, huma jargumentaw li s-sigriet professjonali tal-avukat huwa element essenzjali tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għal smigħ xieraq u li r-relazzjoni ta’ fiduċja neċessarja bejn il-klijent u l-avukat tiegħu ma tistax tinżamm ħlief jekk dan tal-ewwel ikollu l-garanzija li dak li ser jafda lil dan tat-tieni mhux ser jiġi żvelat. Is-sempliċi fatt li wieħed jirrikorri għand avukat diġà jaqa’ taħt l-imsemmi sigriet. Konsegwentement, avukat ma jistax jipprovdi lil terzi jew lil awtorità l-inqas informazzjoni dwar arranġament transkonfinali, anki jekk l-intervent tiegħu huwa limitat biss għal sempliċi opinjoni.

30.      Min-naħa tagħhom, il-Gvern Belġjan, Ċek, Franċiż u Latvjan, il-Kummissjoni u kif ukoll il-Kunsill isostnu li l-obbligu ta’ notifika huwa konformi mal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, u li għalhekk, id-dispożizzjoni kontenzjuża ma tiksirx is-sigriet professjonali.

31.      Nenfasizza qabel kollox li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) kellhom l-okkażjoni jiddeċiedu diversi drabi dwar il-portata tas-sigriet professjonali tal-avukat. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-imsemmi sigriet professjonali jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ispirati mill-valuri komuni u tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (10).

32.      Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-regola tas-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent tiegħu hija, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, iggarantita doppjament mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u mill-Artikolu 8 tagħha (11).

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li minkejja li l-portata u l-modalitajiet tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati jibqgħu regolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, il-prinċipju nnifsu ta’ din il-protezzjoni għandu, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta u tal-ġurisprudenza mogħtija dwar l-applikazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi kkunsidrat bħala ggarantit ukoll fuq il-bażi doppja tal-Artikoli 7 u 47 ta’ din il-Karta.

34.      Barra minn hekk, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinsabu fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikoli 6 u 8 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB (12).

1.      Iddispożizzjoni kontenzjuża tippreġudika lArtikolu 47 talKarta?

35.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt għal smigħ xieraq u jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura li tkun informata, difiża u rrappreżentata.

36.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal smigħ xieraq skont il-KEDB huwa kkostitwit minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati u d-dritt ta’ aċċess għal avukat, kemm fil-qasam ċivili kif ukoll fil-qasam kriminali (13).

37.      Ir-relazzjoni bejn il-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, minn naħa, u d-dritt għal smigħ xieraq, min-naħa l-oħra, ġiet ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża li hija simili ħafna għal din il-kawża. Għalhekk, il-kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et qajmet il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tas-sigriet tal-korrispondenza mal-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (14). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura tal-attivitajiet koperti mill-obbligi ta’ rappurtar hija tali li dawn iseħħu f’kuntest mingħajr rabta mal-proċeduri ġudizzjarji, u konsegwentement, dawn l-attivitajiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq (15).

38.      B’mod iktar preċiż fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-iskambji bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, minn naħa, u d-drittijiet tad-difiża, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “[l]-avukat ma jkunx f’pożizzjoni li jiggarantixxi l-inkarigu ta’ konsulenza, ta’ difiża u ta’ rappreżentanza tal-klijent tiegħu b’mod xieraq, u konsegwentement, dan ikun imċaħħad mid-drittijiet mogħtija lilu mill-Artikolu 6 tal-KEDB, jekk l-avukat, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jew tal-preparazzjoni tagħha, ikun obbligat jikkoopera ma’ l-awtoritajiet pubbliċi billi jagħtihom informazzjoni li jkun kiseb matul konsulenzi legali li jkunu seħħew fil-kuntest ta’ tali proċedura” (16).

39.      Barra minn hekk, il-Qorti EDB irrikonoxxiet li fil-każ ta’ avukat, ksur tas-sigriet professjonali jista’ jkollu effett fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u għalhekk, fuq id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 6 tal-KEDB (17).

40.      Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti EDB jirriżulta, l-ewwel, li d-dritt għal smigħ xieraq jimplika, min-natura tiegħu, rabta ma’ proċedura ġudizzjarja u li huwa indissoċjabbli mill-eżistenza ta’ kuntest ġudizzjarju.

41.      Issa, f’din il-kawża, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali rabta ma hijiex stabbilita. Għalhekk, fil-kuntest tad-Direttiva 2011/16, l-intermedjarju ma jaġixxix bħala difensur tal-klijent tiegħu f’tilwima mal-amministrazzjoni fiskali. Minkejja li l-pariri tiegħu jistgħu potenzjalment jagħtu lok għal tilwima mal-amministrazzjoni fiskali fi stadju ulterjuri, dan ma jfissirx li dawn ingħataw “fil-kuntest u għall-finijiet tad-dritt tad-difiża”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42.      It-tieni, l-assenza ta’ rabta ma’ proċedura ġudizzjarja hija iktar u iktar evidenti għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni kontenzjuża, peress li l-obbligu ta’ notifika jitnissel fi stadju bikri, qabel l-implimentazzjoni tal-arranġament transkonfinali rapportabbli, u għalhekk f’mument fejn, bħala prinċipju, ma seta’ jkun hemm ebda tilwima mal-amministrazzjoni fiskali fir-rigward ta’ dan l-arranġament.

43.      Barra minn hekk, l-assenza ta’ rabta ma’ proċedura ġudizzjarja hija kkonfermata wkoll mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2011/16 li huma prinċipalment ta’ natura “preventiva”. F’dan ir-rigward, il-premessa 2 tad-Direttiva 2018/822 tindika b’mod ċar li l-iskambju ta’ informazzjoni huwa intiż ġustament sabiex jippermetti lill-awtoritajiet fiskali “jirreaġixxu fil-pront kontra prattiki tat-taxxa dannużi u jagħlqu lakuni bil-promulgazzjoni ta’ leġislazzjoni jew billi jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju adegwati u awditjar tat-taxxa”.

44.      It-tielet, għandu jiġi nnotat li l-obbligi ta’ informazzjoni previsti mid-Direttiva 2011/16 jirrigwardaw attività legali, għalhekk a priori mhux kontenzjuża, tal-inqas fl-istadju inizjali ta’ dan ir-rappurtar. Għalhekk, l-assenza ta’ rabta ma’ proċedura ġudizzjarja tidher b’mod iktar manifest milli fil-kuntest tal-kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et, peress li l-obbligi ta’ rappurtar hawnhekk jirrigwardaw attivitajiet li ma jiksru direttament ebda liġi applikabbli, għall-kuntrarju ta’ tranżazzjonijiet marbuta mal-ħasil tal-flus.

45.      Fid-dawl tal-preċedenti, jiena tal-opinjoni li n-notifika lill-intermedjarji l-oħra tal-obbligu li jinformaw intermedjarju terz ma tistax tippreġudika d-drittijiet protetti mill-Artikolu 47 tal-Karta, peress li dan l-obbligu ma jaqax fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u għalhekk, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (18).

2.      Iddispożizzjoni kontenzjuża tippreġudika lArtikolu 7 talKarta?

46.      Għandu jitfakkar li d-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB (19). L-Artikolu 7 tal-Karta jagħti lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.

47.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li s-sigriet professjonali tal-avukati huwa speċifikament protett mill-Artikolu 8 tal-KEDB (20).

48.      Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 8 tal-KEDB ma hijiex limitata għall-attivitajiet relatati mad-difiża ġudizzjarja ta’ klijent, iżda għandha dimensjoni iktar wiesgħa (u kamp ta’ applikazzjoni iktar estiż) fis-sens li tipproteġi wkoll ir-relazzjoni ta’ avukat mal-klijent tiegħu lil hinn minn kuntest ġudizzjarju (minkejja l-fatt li din il-protezzjoni hija iktar vinkolanti għall-attivitajiet marbuta ma’ din il-missjoni).

49.      Għalhekk, l-Artikolu 8 tal-KEDB huwa intiż sabiex jipproteġi l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza kollha bejn individwi, inkwantu jagħti protezzjoni ikbar lill-iskambji bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom. Għandu jiġi ppreċiżat barra minn hekk li din il-protezzjoni tkopri wkoll il-konsulenza legali, billi tipproteġi n-natura sigrieta tagħha fir-rigward mhux biss tal-kontenut tagħha (tkun xi tkun il-forma li tieħu) iżda wkoll l-eżistenza tagħha (21).

50.      Fis-sentenza tagħha Michaud, il-Qorti EDB iddeċidiet dwar il-konformità, mal-KEDB, tal-obbligu impost fuq l-avukati li jirrappurtaw l-attivitajiet suspettużi tal-klijenti tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni Franċiża li tittrasponi d-Direttiva 2005/60/KE (22).

51.      F’dik is-sentenza, il-Qorti EDB irrilevat li “peress li jobbligahom jipprovdu lil awtorità amministrattiva informazzjoni dwar persuna oħra, li huma għandhom minħabba l-iskambji li kellhom magħha, l-obbligu ta’ rappurtar ta’ suspett impost fuq l-avukati jikkostitwixxi interferenza fid-dritt tagħhom għar-rispett tal-korrispondenza tagħhom” u “jikkostitwixxi wkoll interferenza fid-dritt tagħhom għar-rispett tal-‘ħajja privata’ tagħhom, liema kunċett jinkludi l-attivitajiet professjonali jew kummerċjali” (23).

52.      Madankollu, skont il-Qorti EDB, l-interferenza fil-ħajja privata kienet iġġustifikata fid-dawl tal-fatt li l-obbligu ta’ rappurtar ta’ suspett kien jirrigwarda biss “attivitajiet mhux marbuta mal-missjoni ta’ difiża mogħtija lill-avukati, simili għal dawk eżerċitati mill-professjonisti l-oħra suġġetti għal dan l-obbligu”, jiġifieri tranżazzjonijiet finanzjarji jew immobbiljari (24), u li l-avukati ma kinux marbutin b’dan l-obbligu “meta l-attività inkwistjoni ‘tirrigwarda proċedura ġudizzjarja, meta l-informazzjoni li huma għandhom tkun riċevuta jew miksuba qabel, matul jew wara din il-proċedura, inkluż fil-kuntest ta’ pariri dwar il-mod kif tibda jew tiġi evitata tali proċedura, u lanqas meta jagħtu konsulenzi legali sa fejn dawn ma jingħatawx għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu jew bl-għarfien li l-klijent jitlobhom għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu’” (25).

53.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-protezzjoni tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 8 tal-KEDB ma tkoprix l-attivitajiet kollha ta’ avukat.

54.      Għalhekk, wieħed isib, minn naħa, l-attivitajiet li jaqgħu tradizzjonalment fil-missjoni ta’ avukat u li, għaldaqstant, jibbenefikaw mis-sigriet professjonali. Għalhekk, l-avukat li jagħti parir lill-klijent tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jew fil-preparazzjoni tagħha jista’ evidentement jinvoka s-sigriet professjonali. L-istess japplika għal avukat li jiġi kkonsultat għal opinjoni legali ad hoc mill-klijent tiegħu.

55.      Min-naħa l-oħra, jeżistu każijiet fejn avukat jista’ jaġixxi lil hinn mir-“rwol abitwali” tiegħu ta’ rappreżentazzjoni ta’ klijent jew tal-għoti ta’ parir legali, b’tali mod li l-attivitajiet eżerċitati minn dan l-avukat ikunu assimilati għal dawk ta’ professjonisti oħra. Issa, f’dawn il-każijiet, in-natura tal-imsemmija attivitajiet ma tistax tiġġustifika l-protezzjoni tas-sigriet professjonali li, kif spjegat hawn fuq, tkopri funzjoni ben speċifika f’soċjetà demokratika, li hija dik li tippermetti l-avukat jissodisfa l-missjoni fundamentali tiegħu, jiġifieri d-difiża tal-partijiet fil-kawża.

56.      Barra minn hekk, ninnota li din id-distinzjoni ma hijiex assoluta u tista’ tqajjem diffikultajiet fl-implimentazzjoni tagħha fil-prattika – kif turi din il-kawża –, b’mod partikolari f’ċerti każijiet fejn ir-rwol tal-avukat huwa iktar sfumat. F’dan ir-rigward, nirrileva l-pożizzjonijiet diverġenti bejn il-partijiet f’din il-kawża għal dak li jirrigwarda r-rwol tal-avukat bħala intermedjarju fil-kuntest tal-arranġament transkonfinali.

57.      Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li l-avukat għandu dejjem ikun jista’ jinvoka s-sigriet professjonali tiegħu, irrispettivament min-natura tal-attivitajiet tiegħu bħala “intermedjarju”, sempliċement fid-dawl tal-istatus tiegħu ta’ avukat. Għalhekk, l-avukat la jista’ jiġi suġġett għal obbligu ta’ rappurtar u lanqas għal obbligu sussidjarju li jinnotifika l-eżenzjoni tiegħu lil intermedjarju terz.

58.      Għall-kuntrarju, ċerti Stati Membri (u b’mod partikolari r-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Latvja) isostnu li l-attività ta’ intermedjarju ma hijiex attività ta’ avukat, u dan jiġġustifika li jiġu imposti fuqu l-obbligu ta’ rappurtar u ta’ notifika.

59.      Fil-fatt, il-qari tad-Direttiva 2011/16 donnu jissuġġerixxi li, bħala prinċipju, is-servizzi offruti minn avukat bħala intermedjarju ma jaqgħux taħt l-attivitajiet abitwali tal-professjoni ta’ avukat li huma d-difiża u l-evalwazzjoni legali. Għalhekk, l-avukat li jaġixxi bħala intermedjarju għandu, mal-ewwel daqqa t’għajn, jiġi assimilat għall-“intermedjarji” l-oħra li wħud minnhom ma jistgħux jibbenefikaw mis-sigriet professjonali (26).

60.      Fil-fatt, jidhirli li huwa dubjuż li avukat li jistabbilixxi – waħdu jew bl-assistenza ta’ professjonisti oħra – arranġament transkonfinali sabiex imbagħad jipproponih lill-persuni taxxabbli, ikun qiegħed jaġixxi neċessarjament fil-kuntest tal-professjoni tiegħu. B’mod partikolari, il-fatt li l-involviment tal-avukat fit-tfassil ta’ dan l-arranġament jista’ jkun preċedenti għall-kummerċjalizzazzjoni tiegħu lejn klijent, donnu jindika, fil-fehma tiegħi, l-assenza tar-rabta neċessarja bejn l-avukat u l-klijent tiegħu li tkun tiġġustifika l-protezzjoni tas-sigriet professjonali (27).

61.      Bħala eżempju, huwa possibbli li avukat joħroġ “mil-limiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li tiddefinixxi l-professjoni tiegħu”, u f’dan ir-rigward, jitlef il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ rappurtar meta huwa jfassal arranġamenti transkonfinali “kummerċjabbli” (28) li l-karatteristika tagħhom hija, bid-differenza għal “arranġament imfassal għal għan speċifiku” (29), li jistgħu jiġu implimentati mingħajr il-ħtieġa li jiġu adattati b’mod sostanzjali. Wieħed jista’ jimmaġina li avukat, mingħajr ma jkun f’relazzjoni ta’ konsulenza ma’ ebda klijent, ifassal arranġament transkonfinali kummerċjabbli, li tiegħu mbagħad jiżgura t-tixrid, kemm direttament mal-persuni taxxabbli jew permezz ta’ intermedjarju distributur. F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li dan l-avukat jopera lil hinn mil-limiti tal-professjoni tiegħu kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, bil-konsegwenza li jkollu l-obbligu ta’ rappurtar (bħal kull intermedjarju ieħor) mal-finalizzazzjoni tal-imsemmi arranġament, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16.

62.      Madankollu, l-aċċettazzjoni ta’ tali definizzjoni tal-avukat intermedjarju biss twassal sabiex jiġi injorat ir-rwol ta’ konsulenza li dan jista’ jkollu fil-kuntest tal-evalwazzjoni legali ta’ arranġament transkonfinali.

63.      Barra minn hekk nenfasizza li jekk wieħed ikollu jikkunsidra li l-attività ta’ intermedjarju eżerċitata minn avukat ma taqa’ qatt taħt l-attività ta’ konsulenza legali, tqum il-kwistjoni dwar għaliex id-Direttiva 2011/16 ipprevediet il-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukat permezz tal-mekkaniżmu tal-eżenzjoni previst fid-dispożizzjoni kontenzjuża. Fil-fehma tiegħi, din l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija spjegata, prinċipalment, permezz ta’ żewġ raġunijiet.

64.      Minn naħa, peress li s-sigriet professjonali ma huwiex armonizzat fuq livell Ewropew, id-Direttiva 2018/822 kienet għalhekk intiża sabiex tevita kull kunflitt mar-regoli nazzjonali filwaqt li tiżgura li jiġu osservati l-prinċipji fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta (30).

65.      Min-naħa l-oħra, id-distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ avukat li jaqgħu taħt l-“eżerċizzju abitwali tal-funzjonijiet tiegħu” u dawk li ma jaqgħux għadha ’l bogħod milli tkun ċara fil-prattika. Għalhekk, huwa probabbli, anki fil-kuntest tal-arranġament transkonfinali inkwistjoni, li avukat ikun mistieden mill-klijent tiegħu jevalwa dan l-arranġament ippreparat, u għalhekk ikun mitlub jipprovdi pariri legali. Issa f’dan il-każ, dan l-avukat għandu jkun jista’ jinvoka b’mod sħiħ is-sigriet professjonali, peress li huwa jipprovdi parir legali lill-persuna taxxabbli kkonċernata mill-imsemmi arranġament.

66.      Bħala eżempju, ninnota li fil-każ ta’ “arranġament imfassal għal għan speċifiku”, ma jistax jiġi eskluż li avukat li jaġixxi bħala “intermedjarju”, fis-sens tad-Direttiva 2018/822, jintervjeni fil-kuntest tal-professjoni tiegħu billi joffri konsulenza legali bl-istess mod bħal, b’mod ġenerali, f’kull attività ta’ tfassil jew ta’ ġestjoni mill-avukat, għall-klijent tiegħu, ta’ kwalunkwe kuntratt jew ftehim tad-dritt ċivili jew kummerċjali, arranġament tad-dritt tal-kumpanniji jew tad-dritt soċjali, jew anki kwalunkwe strateġija legali.

67.      Għalhekk nikkunsidra li huwa proprju għax huwa diffiċli li jiġi eskluż a priori li l-avukat intermedjarju jista’ jintalab jipprovdi pariri legali fl-eżempju ċċitat iktar ’il fuq li d-Direttiva 2011/16 eżentat lill-avukat mill-obbligu ta’ rappurtar sabiex tiżgura l-osservanza tas-sigriet professjonali fir-rigward tiegħu.

68.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minkejja li mhux dejjem huwa faċli li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ avukat – peress li kultant dawn tal-aħħar ikunu kumplessi u indiviżibbli –, jidhirli li huwa possibbli li jiġu sseparati l-każijiet li fihom l-avukat li jaġixxi “bħala avukat” għandu jkun jista’ jinvoka s-sigriet professjonali u għaldaqstant, jibbenefika minn eżenzjoni ta’ rappurtar u l-każijiet li fihom din il-protezzjoni ma għandhiex lok li teżisti. Għalhekk, għandu jiġi żgurat, minn naħa, li d-definizzjoni sostnuta għas-sigriet professjonali ma tkunx wiesgħa ħafna b’tali mod li tkopri attivitajiet ta’ avukat intermedjarju li jmorru lil hinn ħafna mill-missjonijiet speċifiċi ta’ rappreżentazzjoni u ta’ konsulenza billi teżentah minn ċerti obbligi ta’ rappurtar, minkejja li jeżerċita l-istess attività bħal intermedjarji ta’ professjonijiet oħra. Min-naħa l-oħra, ir-restrizzjoni ta’ din id-definizzjoni b’mod sproporzjonat tirriskja li twassal għal interferenza intollerabbli fir-relazzjoni bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

69.      F’dan ir-rigward, l-istabbiliment ta’ din id-distinzjoni għandu dimensjoni partikolarment importanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2018/822 sabiex jiġi ssalvagwardjat il-bilanċ bejn, minn naħa, ir-rekwiżit tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukat li għandu post partikolari f’kull stat tad-dritt, u min-naħa l-oħra, l-għan tal-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv, li jikkostitwixxi wieħed mill-għodod prinċipali sabiex tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi taxxabbli.

70.      Għalhekk, hija prinċipalment, il-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi din id-distinzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li s-sigriet professjonali ma huwiex armonizzat fuq livell Ewropew, liema eżerċizzju għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi fuq imsemmija.

a)      Fuq ilkompatibbiltà talobbligu ta’ notifika previst middispożizzjoni kontenzjuża malArtikolu 7 talKarta

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża mal-Artikolu 7 tal-Karta.

72.      Fir-rigward tad-dispożizzjoni kontenzjuża, għandu jitfakkar li din timponi – meta avukat intermedjarju jibbenefika minn eżenzjoni mill-klijent tiegħu – in-notifika minn dan l-avukat lill-intermedjarji l-oħra tal-obbligi ta’ rappurtar li dawn tal-aħħar għandhom skont l-Artikolu 8ab(6) tad-Direttiva 2011/16. Għalhekk, l-obbligu ta’ notifika jinkludi ipso facto, minbarra l-identifikazzjoni tal-arranġament transkonfinali kkonċernat u t-tfakkira lill-imsemmija intermedjarji terzi tal-obbligi ta’ rappurtar proprji tagħhom, l-identifikazzjoni tal-avukat li jinnotifika.

73.      Fl-ewwel lok, nindika li d-dispożizzjoni kontenzjuża tista’ tapplika biss fil-każ fejn l-avukat intermedjarju u l-intermedjarju terz ikunu jafu lil xulxin permezz tal-parteċipazzjoni komuni tagħhom fl-arranġament transkonfinali.

74.      Għalhekk, l-obbligu ta’ notifika lill-intermedjarji l-oħra ma jirrigwardax il-każ fejn l-avukat intermedjarju ma jkunx jaf bil-parteċipazzjoni ta’ intermedjarju ieħor fl-arranġament transkonfinali meta, pereżempju, il-persuna taxxabbli tkun talbet pariri minn intermedjarji differenti b’mod separat. Wara kollox, jekk il-persuna li tissodisfa l-obbligu ta’ informazzjoni ma kinitx taf bl-intermedjarju l-ieħor, hija bl-ebda mod ma setgħet tinformah. Għalhekk, l-avukat intermedjarju li jissodisfa l-obbligu ta’ informazzjoni ma għandux obbligu li jfittex l-intermedjarji tal-arranġament inkwistjoni li ma jafx bihom. F’dan il-każ, huwa jkollu jipproċedi b’notifika lill-persuna taxxabbli kkonċernata, jiġifieri l-klijent tiegħu, li fuqu jiġi ttrasferit l-obbligu ta’ rappurtar, każ li ma jqajjimx problema mill-perspettiva tas-sigriet professjonali.

75.      Fit-tieni lok, infakkar li, bil-għan li tipproteġi s-sigriet professjonali, id-Direttiva 2011/16 tillimita b’mod sostanzjali l-kontenut tal-informazzjoni li l-avukat intermedjarju għandu jagħti lill-intermedjarju l-ieħor f’każ ta’ eżenzjoni. Għalhekk, din l-informazzjoni hija limitata għall-indikazzjoni tal-eżenzjoni li minnha jibbenefika l-avukat intermedjarju u tal-obbligu ta’ rappurtar li, konsegwentement, għandu dan l-intermedjarju l-ieħor. L-obbligu ta’ notifika previst mid-dispożizzjoni kontenzjuża ma jimplikax l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-kontenut, l-analiżi legali tal-avukat, jew anki l-komunikazzjonijiet li dan seta’ kellu mal-klijent tiegħu (31).

76.      Fit-tielet lok, bħala eżempju ninnota li huwa possibbli li, bi ftehim mal-persuna taxxabbli kkonċernata (u anki bil-koordinazzjoni tagħha), l-intermedjarji kollha involuti fit-tfassil ta’ arranġament transkonfinali jkunu pparteċipaw flimkien fl-istadji kollha ta’ organizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar anki fl-indirizzar tal-kwistjoni tar-rappurtar lill-awtoritajiet fiskali u tal-obbligi rispettivi tagħhom (32). Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li intermedjarju, li fi kwalunkwe każ għandu obbligu ta’ rappurtar, kien (diġà) ikkonkluda li l-arranġament inkwistjoni huwa rapportabbli qabel ma l-avukat (li flimkien miegħu implimenta l-arranġament) ikun għarrfu bl-eżenzjoni tiegħu u fakkru fl-obbligu ta’ notifika tiegħu. Wara kollox, il-kriterji li abbażi tagħhom jitnissel l-obbligu ta’ rappurtar huma elenkati fid-Direttiva 2011/16, b’tali mod li jippermettu li kull intermedjarju ieħor u anki l-persuna taxxabbli stess “tirrikonoxxi” arranġament fiskali rapportabbli. Fil-fatt, f’dawn il-każijiet – u mingħajr ħsara għar-regoli nazzjonali li jirrigwardaw is-sigriet professjonali tal-avukat – , wieħed jista’ jaħseb li s-sigriet professjonali ma jkunx inkiser (33). Il-fatt li l-informazzjoni li l-avukat intermedjarju għandu jinnotifika lill-intermedjarju terz hija limitata għall-eżenzjoni li minnha jibbenefika u għall-identifikazzjoni tal-fajl inkwistjoni, jimmilita f’dan is-sens (34).

77.      Fid-dawl tal-preċedenti, jiena tal-fehma li mal-ewwel daqqa t’għajn, id-dispożizzjoni kontenzjuża ma tistax tippreġudika d-drittijiet protetti skont l-Artikolu 7 tal-Karta peress li l-informazzjoni mogħtija mill-avukat lill-intermedjarju terz, inkluż l-isem tal-avukat, kienu diġà magħrufa minn dan l-intermedjarju terz.

78.      Xorta jibqa’ l-fatt li, indipendendement mill-fatt li l-avukat intermedjarju u l-intermedjarju terz jafu lil xulxin, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, minn dan tista’ tirriżulta interferenza fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

79.      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tal-KEDB jipproteġi l-konsulenza legali mhux biss fir-rigward tal-kontenut tagħha, iżda anki tal-eżistenza tagħha (35). Is-sigriet professjonali tal-avukat li huwa bbażat fuq ir-relazzjoni ta’ fiduċja tiegħu mal-klijent tiegħu jimponi fuqu li ma jiżvela ma’ ħadd l-eżistenza ta’ din ir-relazzjoni u iktar u iktar il-kontenut tal-komunikazzjonijiet tagħhom (ħlief bil-kunsens espress tal-klijent tiegħu) (36).

80.      Għalhekk, meta l-avukat jiġi eżentat mill-obbligu ta’ rappurtar impost fuq l-intermedjarji, mir-relazzjoni ta’ fiduċja li huwa għandu mal-klijent tiegħu u mid-dmir ta’ kunfidenzjalità dovut minnu lil dan tal-aħħar jirriżulta naturalment li huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jinforma b’dan, prinċipalment, lil dan tal-aħħar. Għandu jiġi rrilevat ukoll li n-notifika lill-klijent tal-obbligi legali li għandu l-avukat tikkostitwixxi obbligu professjonali ta’ dan tal-aħħar, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu huwa ta’ natura li jikkomprometti r-responsabbiltà professjonali tiegħu.

81.      Fit-tieni lok, infakkar li s-sigriet professjonali jkopri mhux biss il-komunikazzjoni bejn klijent u l-avukat tiegħu, iżda wkoll l-opinjoni legali mogħtija minnu. Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-avukat u l-intermedjarju terz jafu lil xulxin – minħabba l-parteċipazzjoni komuni tagħhom fl-arranġament inkwistjoni –, xorta jibqa’ l-fatt li, billi jinforma lill-intermedjarju terz bl-eżenzjoni tiegħu, l-avukat jaqsam ma’ dan tal-aħħar l-evalwazzjoni tiegħu fuq il-fatt li l-arranġament inkwistjoni jinkludi l-karatteristiċi (“karatteristiċi distintivi”) elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva 2018/822 u għandu, għalhekk, jiġi notifikat bħala “arranġament transkonfinali”. Issa, din l-evalwazzjoni hija l-frott ta’ analiżi fattwali u legali li tikkostitwixxi l-essenzjal tal-attività ta’ konsulenza ta’ avukat. Għalhekk, din tal-aħħar hija protetta mis-sigriet professjonali u ma għandhiex tiġi kkomunikata mill-avukat ħlief lill-klijent tiegħu.

82.      Fit-tielet lok, ninnota li l-każ eżaminat fil-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriskja li ma jkunx trasponibbli għall-każijiet kollha, anki jekk jiġi preżunt li l-avukat u l-intermedjarju(i) terzi jkunu jafu lil xulxin minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil tal-istess arranġament transkonfinali. Dan ikun partikolarment il-każ meta diversi intermedjarji jkunu involuti fi stadji differenti tat-tfassil tal-arranġament inkwistjoni u meta l-parteċipazzjoni ta’ dawn l-intermedjarji differenti fl-arranġament transkonfinali tkun tvarja skont ir-rwoli rispettivi tagħhom (37).

83.      Għalhekk, minkejja li fil-fatt id-Direttiva 2011/16 tipprova tillimita l-preġudizzju għas-sigriet professjonali, xorta jibqa’ l-fatt li f’ċerti każijiet, tali preġudizzju jista’ jiġi kkonstatat.

b)      Fuq ilġustifikazzjoni taddispożizzjoni kontenzjuża

84.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jista’ jkollhom restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-miżura inkwistjoni u ma jimplikawx, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (38).

85.      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta’ notifika inkwistjoni huwiex previst mil-liġi, għandux għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

86.      Fl-ewwel lok, in-notifika mill-avukat intermedjarju tal-eżenzjoni li minnha jibbenefika lil intermedjarju ieħor li jkun ipparteċipa fl-istess arranġament transkonfinali hija espressament prevista mil-liġi, jiġifieri, f’dan il-każ, mid-dispożizzjoni kontenzjuża.

87.      F’dan ir-rigward, nikkunsidra li l-obbligu ta’ notifika huwa previst minn dispożizzjoni suffiċjentement ċara u preċiża (39).

88.      Fit-tieni lok, l-interess ġenerali mfittex mid-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ huwa dak tal-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv oġġett ta’ kooperazzjoni fiskali internazzjonali, li huwa mmanifestat minn skambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri.

89.      F’dan ir-rigward, infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-prevenzjoni tar-riskju ta’ evażjoni u ta’ frodi fiskali tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni (40). L-istess japplika għall-ġlieda kontra l-istrutturi abbużivi, meta l-kisba ta’ vantaġġ fiskali tikkostitwixxi l-iskop ewlieni tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni (41).

90.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “l-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri” tikkostitwixxi raġuni ta’ natura li tiġġustifika restrizzjonijiet, b’mod partikolari, meta l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma intiżi “sabiex jipprevjenu aġir ta’ natura li jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu” (42).

91.      F’dan ir-rigward, minkejja li d-Direttiva 2018/822 ma tfittixx espressament l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali bħala “attività illegali”, mill-premessi 2, 4, 8 u 9 tagħha jirriżulta b’mod ċar li l-obbligi li hija timponi fuq l-intermedjarji huma intiżi sabiex jipproteġu l-bażijiet fiskali nazzjonali mill-erożjoni permezz tas-sorveljanza ta’ “arranġamenti ta’ ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa”. Għalhekk, l-obbligu ta’ rappurtar li hija tipprovdi huwa intiż, minn naħa, sabiex jiffaċilita l-addattament rapidu tal-leġiżlazzjonijiet fiskali għal prattiki fiskali legali iżda aggressivi, u min-naħa l-oħra, u b’xi mod marbut mal-preċedenti, sabiex jiddiswadi finalment it-tfassil ta’ tali arranġamenti (43).

92.      Minkejja li fil-fehma tiegħi, interferenza fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-għan imfittex mid-Direttiva 2018/822, xorta jibqa’ l-fatt li din l-interferenza għandha tkun neċessarja u proporzjonata.

93.      Għalhekk, fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta’ notifika inkwistjoni huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv u josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

94.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-portata tal-obbligu ta’ notifika għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament il-minimu billi stabbilixxa garanziji relattivi għas-sigriet professjonali.

95.      Għalhekk, minn naħa, id-dispożizzjoni kontenzjuża tapplika biss f’ċerti każijiet ben preċiżi, jiġifieri dawk fejn l-intermedjarji terzi jikkoperaw effettivament mal-avukat intermedjarju u dan bil-kunsens tal-klijent taxxabbli (44). Min-naħa l-oħra, il-preġudizzju għas-sigriet professjonali tal-avukat huwa limitat ukoll mill-portata u l-kontenut tal-informazzjoni li l-avukat intermedjarju għandu jinnotifika lill-intermedjarju terz li – fil-parti l-kbira – hija diġà magħrufa minn dan tal-aħħar (45).

96.      It-tieni, id-dispożizzjoni kontenzjuża tippermetti, fil-fehma tiegħi, li tiġi żgurata l-effettività tas-sistema ta’ rappurtar ta’ arranġamenti transkonfinali lill-awtoritajiet fiskali. Minkejja l-fatt li, indipendentement minn kull notifika mill-avukat intermedjarju, l-intermedjarji terzi jibqgħu suġġetti għal obbligu ta’ rappurtar lill-awtoritajiet fiskali, skont l-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16, l-obbligu ta’ notifika previst mid-dispożizzjoni kontenzjuża jippermetti, fil-fatt, li jiġi żgurat li l-awtoritajiet fiskali jiksbu l-informazzjoni neċessarja sabiex jevalwaw l-arranġament transkonfinali. Fi kliem ieħor, dan il-mekkaniżmu jippermetti, minn naħa, li l-intermedjarji l-oħra jiġu “mgħarrfa” dwar id-dmir tagħhom li jikkonformaw mal-obbligu ta’ rappurtar li huma għandhom, u min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat li l-arranġamenti transkonfinali li jirriskjaw li ma jkunux rappurtati jkunu effettivament rappurtati.

97.      Madankollu, jien tal-fehma li sabiex tiġi evalwata b’mod sħiħ il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża mal-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-obbligu sussidjarju li għandhom l-intermedjarji terzi li jikkomunikaw l-isem tal-avukat intermedjarju lill-awtoritajiet fiskali.

3.      Liżvelar talisem talavukat intermedjarju, protett missigriet professjonali, lillawtoritajiet fiskali filkuntest talobbligu ta’ rappurtar li għandhom lintermedjarji u lpersuna taxxabbli jikkostitwixxi ksur talArtikolu 7 talKarta?

98.      Għandu jiġi osservat li d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà tad-Direttiva 2011/16 mal-Karta jirrigwardaw biss id-dispożizzjoni kontenzjuża u mhux il-proċedura ta’ notifika (fi stadju ulterjuri) lill-awtoritajiet fiskali ta’ informazzjoni dwar l-arranġament transkonfinali. Madankollu nikkunsidra li, mill-perspettiva tal-Artikolu 7 tal-Karta, il-kwistjoni tal-iżvelar tal-isem ta’ avukat intermedjarju li jgawdi mis-sigriet professjonali hija rilevanti wkoll.

99.      Fil-fatt, infakkar li l-Qorti EDB iddeċidiet li l-fatt li avukat jiġi obbligat jipprovdi lil awtorità amministrattiva informazzjoni dwar persuna oħra li huwa għandu minħabba skambji li huwa kellu magħha, jikkostitwixxi interferenza fid-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata (46).

100. Issa, f’dan il-każ, anki fil-każ fejn l-avukat jibbenefika minn eżenzjoni ta’ notifika lill-awtoritajiet fiskali, l-eżistenza ta’ komunikazzjoni mal-klijent taxxabbli tiegħu (u konsegwentement, l-isem tal-avukat) ser tiġi żvelata lill-awtoritajiet fiskali jew mill-persuna taxxabbli stess, jew minn intermedjarju terz.

101. Infakkar li minħabba l-obbligi ta’ rappurtar tagħhom stess skont l-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16, l-intermedjarji‑terzi notifikati, informati bl-involviment tal-avukat u li huma stess mhumiex marbutin bis-sigriet professjonali, għandhom jinformaw l-amministrazzjoni fiskali mhux biss bl-eżistenza tal-arranġament transkonfinali u tal-persuna taxxabbli kkonċernata, iżda wkoll bl-involviment tal-avukat intermedjarju. F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8ab(9) u mill-Artikolu 8ab(14) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-identifikazzjoni tal-intermedjarji tinsab fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fi twettiq tal-obbligu ta’ rappurtar.

102. Għalhekk, nikkunsidra li d-dispożizzjoni kontenzjuża tippreġudika l-protezzjoni ikbar tal-iskambji bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom iggarantita mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu inkwistjoni huwiex fil-fatt previst mil-liġi, għandux għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan u josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

103. Għal dak li jirrigwarda l-ewwel żewġ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, nirreferi għall-analiżi preċedenti dwar id-dispożizzjoni kontenzjuża li tapplika mutatis mutandis għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8ab(9) u għall-Artikolu 8ab(14) tad-Direttiva 2011/16 (47).

104. Għalhekk, l-analiżi li ġejja tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-preżentazzjoni tal-isem tal-avukat lill-awtoritajiet fiskali minn intermedjarju terz jew mill-persuna taxxabbli hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv u tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

105. Għandu jiġi nnotat li, fid-dawl tal-informazzjoni riċevuta, l-awtoritajiet fiskali għandhom l-elementi neċessarji kollha sabiex jevalwaw l-arranġamenti transkonfinali inkwistjoni. Għalhekk, il-kisba tal-isem tal-avukat ma tipprovdilhom ebda informazzjoni essenzjali dwar l-arranġament inkwistjoni.

106. Barra minn hekk, skont is-setgħat ta’ verifika u stħarriġ tagħhom, l-awtoritajiet fiskali jistgħu jitolbu l-informazzjoni kumplimentarja (u addizzjonali għal dik diġà riċevuta fir-rapport), jew mingħand il-persuna taxxabbli nnifisha jew mingħand l-intermedjarji mhux suġġetti għas-sigriet professjonali.

107. L-għarfien tal-identità tal-avukat intermedjarju barra minn hekk hija inutli għalihom peress li kif issemmi, barra minn hekk, id-Direttiva 2011/16 innifisha, is-sigriet professjonali jeżentah minn kwalunkwe obbligu ta’ rappurtar fir-rigward tal-arranġament transkonfinali. Fi kliem ieħor, kull talba għal informazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali indirizzata lill-avukat intermedjarju ser tiġi opposta mis-sigriet professjonali (sakemm il-klijent ma jqabbadx lill-avukat jirrispondiha) u tista’ ssir b’effikaċja biss lill-persuna taxxabbli jew, eventwalment, lill-intermedjarji l-oħra mhux suġġetti għas-sigriet professjonali.

108. Waqt is-seduta, ċerti Stati Membri u l-Kummissjoni sostnew li n-notifika lill-awtoritajiet fiskali tal-isem tal-avukat hija ġġustifikata mill-bżonn li tiġi żgurata l-effettività tal-kontroll tal-intermedjarji involuti fl-arranġamenti transkonfinali. Għal dak li jirrigwarda l-avukati, din il-miżura teħtieġ għalhekk li jiġi vverifikat jekk l-avukat issodisfax l-obbligi li huwa għandu skont id-Direttiva 2018/822 u jekk is-sigriet professjonali ġiex ġustament invokat.

109. Minkejja li, fil-fatt, id-Direttiva 2018/822 hija intiża sabiex tiżgura li minħabba r-rwol ċentrali tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ arranġamenti transkonfinali, l-intermedjarji jkunu obbligati jippreżentaw l-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet fiskali, xorta jibqa’ l-fatt li l-għan prinċipali tagħha huwa dak li tiġġieled kontra l-prattiki ta’ ppjanar fiskali aggressiv.

110. Dan l-għan huwa bbażat fuq il-possibbiltà li issa għandhom l-awtoritajiet fiskali li jiksbu l-informazzjoni neċessarja li tippermettilhom jevalwaw l-arranġamenti transkonfinali, jiskambjaw din id-data bejn Stat Membri u konsegwentement jaddattaw il-leġiżlazzjonijiet fiskali tagħhom. Madankollu, l-imsemmi għan, li huwa ssodisfat sa mill-mument li fih tinkiseb din l-informazzjoni – ftit huwa importanti jekk din intbagħtitx minn intermedjarju jew minn persuna taxxabbli – , ma jeħtieġx l-għarfien tal-isem tal-avukat involut meta dan jinvoka s-sigriet professjonali u lanqas verifika dwar jekk invokax ġustament is-sigriet professjonali tiegħu.

111. Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2018/822 tirrigwarda wkoll il-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-avukati u l-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-Karta (48). Issa jekk l-intermedjarji terzi u l-persuna taxxabbli jiġu suġġetti għal obbligu li jipprovdu l-isem tal-avukat, din il-miżura tmur kontra dan il-għan.

112. Għalhekk ikun paradossali li jiġi rrikonoxxut is-sigriet professjonali tal-avukat u jingħata eżenzjoni mir-rappurtar f’dan ir-rigward, sabiex imbagħad dan id-dritt jiġi ppreġudikat billi jenħtieġ li, bħala konsegwenza indiretta tal-obbligu ta’ rappurtar tal-intermedjarju terz (u tal-persuna taxxabbli), l-isem tiegħu jiġi kkomunikat lill-awtoritajiet fiskali. Barra minn hekk, mill-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2018/822 ma jirriżulta espressament li din hija intiża għall-verifika dwar jekk l-avukat kellux dritt għas-sigriet professjonali.

113. Għalhekk, inqis li minkejja li ma jistax jiġi eskluż li skont id-dritt nazzjonali (u regoli tal-etika applikabbli għall-avukati), Stat Membru jista’ fil-fatt iwettaq tali verifika – pereżempju f’każ ta’ suspett ta’ parteċipazzjoni ta’ avukat f’attività frawdolenti – , din ma għandhiex bażi legali fid-Direttiva 2018/822.

114. Għalhekk, nikkunsidra li fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8ab(9) tad-Direttiva 2011/16, l-intermedjarju terz u l-persuna taxxabbli għandhom ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ rappurtar permezz ta’ skema astratta li ma għandhiex tindika l-identità tal-avukat (49).

115. Barra minn hekk, tali soluzzjoni tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi hija limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2018/822.

116. Fil-fatt, l-użu ta’ skema astratta li ma tinkludix l-isem tal-avukat jippermetti li jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv filwaqt li jiżgura, b’mod parallel, ir-rispett tas-sigriet professjonali u tal-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, is-soluzzjoni proposta tippermetti li tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistema ta’ rappurtar ta’ arranġamenti transkonfinali lill-awtoritajiet fiskali, mingħajr ma ċċaħħad lill-imsemmija awtoritajiet fiskali milli jirċievu l-informazzjoni neċessarja kollha dwar l-arranġamenti fiskali inkwistjoni (l-isem tal-avukat ma jagħmilx parti minn din l-informazzjoni għar-raġunijiet deskritti fil-punti 105 sa 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

117. Fid-dawl tal-preċedenti, jiena nqis, minn naħa, li l-identifikazzjoni ta’ avukat fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fit-twettiq tal-obbligu ta’ rappurtar iddefinit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8ab(9) u fl-Artikolu 8ab(14) tad-Direttiva 2011/16, tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta meta dan l-avukat ikollu eżenzjoni mir-rappurtar skont is-sigriet professjonali. Min-naħa l-oħra, nikkunsidra li l-preġudizzju għall-protezzjoni tal-ħajja privata li jirriżulta mid-dispożizzjoni kontenzjuża ma jimplikax, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sostanza stess tad-drittijiet iggarantiti bil-kundizzjoni, madankollu, li l-isem tal-avukat intermedjarju ma jkunx żvelat lill-awtoritajiet fiskali.

V.      Konklużjoni

118. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju):

L-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/KE tal‑15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822/UE tal‑25 ta’ Mejju 2018, billi jimponi fuq avukat li jaġixxi bħala intermedjarju u li, billi jinvoka s-sigriet professjonali tiegħu għandu eżenzjoni mir-rappurtar, jinnotifika mingħajr dewmien lil intermedjarju ieħor l-obbligi ta’ rappurtar li huwa għandu skont l-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, ma jiksirx id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjoni li l-isem ta’ dan l-avukat ma jkunx żvelat lill-awtoritajiet fiskali fil-kuntest tat-twettiq tal-obbligu ta’ rappurtar previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8ab(9) u fl-Artikolu 8ab(14) ta’ din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tal‑15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal‑25 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 139, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 31, p. 108 u fil-ĠU 2020, L 279, p. 23) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/16”). Is-soluzzjoni adottata f’din il-kawża ser tiddetermina dik tal-Kawża C‑398/21 (Conseil national des barreaux et), li ġiet sospiża sakemm tingħata deċiżjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/16 li huma l-oġġett tad-domanda preliminari f’din il-kawża kif ukoll il-bażi li fuqha hija bbażata, huma identiċi għal dawk invokati fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Conseil d’État (France) (il-Kunsill tal-Istat, Franza) fil-Kawża C‑398/21.


3      Direttiva tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta’ arranġamenti transkonfinali rapportabbli (ĠU 2018, L 139, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 31, p. 108 u fil-ĠU 2020, L 279, p. 23, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2018/822”).


4      Din in-nota ta’ qiegħ il-paġna tikkonċerna biss it-test Grieg ta’ dawn il-konklużjonijiet.


5      Ara d-dispożizzjoni kontenzjuża u l-premessa 8 tad-Direttiva 2018/822.


6      Ara l-Artikolu 8ab(6) tad-Direttiva 2011/16.


7      Ara d-dispożizzjoni kontenzjuża.


8      F’dan ir-rigward, infakkar li fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) ordnat is-sospensjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11/6(1) tad-digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013, kif miżjud mid-digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, “sa fejn dan jimponi biss fuq l-avukat li jaġixxi bħala intermedjarju obbligu ta’ informazzjoni fil-konfront ta’ intermedjarju ieħor li ma huwiex il-klijent tiegħu”.


9      Madankollu, għandu jiġi nnotat li minkejja li l-obbligu ta’ notifika kif previst mid-dispożizzjoni kontenzjuża donnu ma jidhirx li jimponi li l-avukat intermedjarju jikkomunika lil dan l-intermedjarju l-ieħor informazzjoni oħra li huwa għandu dwar il-klijent ikkonċernat, dan ma jidhirx li huwa l-każ tad-dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni Belġjana. Fil-fatt, id-dritt Belġjan jeħtieġ motivazzjoni addizzjonali li tispjega r-raġunijiet li għalihom avukat intermedjarju ma jistax jikkonforma mal-obbligu ta’ rappurtar minħabba s-sigriet professjonali. Madankollu, ninnota li d-domanda preliminari ma tirrigwardax id-dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni Belġjana iżda l-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kontenzjuża mal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta.


10      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punt 18).


11      Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 16 ta’ Diċembru 1992, Niemietz vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:1992:1216JUD001371088, punt 37. Dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, ara Qorti EDB, 24 ta’ Lulju 2008, André et vs Franza, CE:ECHR:2008:0724JUD001860303, punt 36, u Qorti EDB, 6 ta’ Diċembru 2012, Michaud vs Franza, iktar ’il quddiem is-“sentenza Michaud”, CE:ECHR:2012:1206JUD001232311, punti 117 sa 119.


12      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et”, EU:C:2007:383, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Fil-kuntest tal-punt 5 tal-Artikolu 2a tad-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KE tal‑10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 153), ir-rwol tal-avukati kien li jassistu l-klijenti tagħhom fl-ippjanar jew it-twettiq ta’ ċerti tranżazzjonijiet essenzjalment finanzjarji jew immobiljari, jew li jaġixxu f’isem u għan-nom tagħhom fil-kuntest ta’ tali tranżazzjonijiet.


15      Sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et, punti 33 u 35).


16      Sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et, punt 32). Enfasi miżjud minni.


17      Ara l-Qorti EDB, 16 ta’ Diċembru 1992, Niemietz vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:1992:1216JUD001371088, punt 37.


18      Dan japplika wkoll għal kull obbligu ieħor ta’ notifika lill-awtoritajiet fiskali li minnu jirriżulta għal dan l-intermedjarju terz.


19      Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


20      Sentenza Michaud, punti 118 u 119.


21      Sentenza Michaud, punti 118 u 119.


22      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 102).


23      Sentenza Michaud, punt 91.


24      Sentenza Michaud, punt 127. Enfasi miżjud minni.


25      Sentenza Michaud, punt 127. Enfasi miżjud minni.


26      Huwa biss fit-tieni stadju li d-Direttiva 2011/16 tipprovdi l-possibbiltà lill-Istati Membri li jagħtu eżenzjoni favur l-avukat intermedjarju għal dak li jirrigwarda l-obbligu li jipprovdi l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 8ab(1) ta’ din id-direttiva, jekk dan l-obbligu jirriżulta fi ksur tas-sigriet professjonali skont id-dritt nazzjonali.


27      F’dan ir-rigward, ninnota li skont l-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16, l-obbligu ta’ rappurtar jitnissel minħabba t-tfassil tal-arranġament inkwistjoni.


28      Ara l-Artikolu 3(24) tad-Direttiva 2011/16.


29      Ara l-Artikolu 3(25) tad-Direttiva 2011/16.


30      Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2018/822.


31      Ara l-Artikolu 8ab(14)(c) tad-Direttiva 2011/16.


32      Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk il-klijent “ineħħi” huwa stess is-sigriet professjonali billi jinkludi fl-iskambji mal-avukat tiegħu intermedjarji oħra.


33      F’għajnejja, dan ix-xenarju jista’ joqrob għal dak fejn avukat jew professjonisti oħra (bħal nutar, bankier, kontabbli, aġent immobiljari jew kull konsulent ieħor) joffru s-servizzi tagħhom lil klijent fil-kuntest ta’ proġett komuni u jistgħu jkunu mistiedna minn dan il-klijent jikkomunikaw bejniethom direttament u “b’mod liberu” inkluż meta dan jirrigwarda obbligi ta’ dan il-klijent lejn awtoritajiet pubbliċi. Il-fatt li l-avukat “ifakkar” lil wieħed minn dawn il-professjonisti l-obbligu ta’ rappurtar li eventwalment ser ikollu sabiex jiġu żgurati l-interessi (komuni tal-klijent tagħhom) ma għandux iqajjem diffikultà mill-perspettiva tas-sigriet professjonali, evidentement mingħajr ħsara għar-regoli nazzjonali li jirregolaw dawn il-professjonijiet (inkluż dik tal-avukat).


34      Ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Evidentement, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn il-konsulenza mitluba tirrigwarda t-twettiq ta’ reat kriminali mill-klijent, f’liema każ l-avukat li jsir jaf b’dan mhux biss ma jistax jikkontribwixxi f’dan ir-reat permezz tal-pariri tiegħu, iżda jista’ anki jiġi lliberat mill-obbligu tiegħu tas-sigriet professjonali.


37      Għalhekk huwa possibbli li d-diversi intermedjarji jkunu pparteċipaw fi stadji differenti tat-tfassil tal-arranġament inkwistjoni u ma għandhomx kollha l-istess grad ta’ involviment f’dan tal-aħħar, b’tali mod li teżisti nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni bejn l-intermedjarji.


38      Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, UBS Europe et (C‑358/16, EU:C:2018:715, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ċertament, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni jibbenefikawx mill-istess karatteristiċi.


40      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punti 86 sa 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Nirrileva wkoll li l-premessa 14 tad-Direttiva 2018/822 tippreċiża li “l-arranġamenti ta’ ppjanar transkonfinali aggressiv tat-taxxa, li l-għan ewlieni jew wieħed mill-għanijiet ewlenin tagħhom hu li jinkiseb vantaġġ ta’ taxxa li jmur kontra l-objettiv jew il-fini tal-liġi applikabbli tat-taxxa, huma soġġetti għar-regola ġenerali kontra l-abbuż kif stipulat fl-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/664 tat‑12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016, L 193, p. 1).


44      Ara l-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Sentenza Michaud, punt 91.


47      Ara l-punti 86 sa 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2018/822.


49      Pereżempju, l-anonimizzazzjoni tal-isem tal-avukat tista’ tkun soluzzjoni xierqa.

Top