This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CC0451
Opinion of Advocate General Saugmandsgaard Øe delivered on 6 October 2021.#Airhelp Limited v Austrian Airlines AG.#Request for a preliminary ruling from the Landesgericht Korneuburg.#Reference for a preliminary ruling – Air transport – Regulation (EC) No 261/2004 – Article 3(1) – Scope – Flight with connecting flight departing from and arriving in a third country – Single reservation through a Community air carrier – Stopover in the territory of a Member State – Article 5(1)(c)(iii) and Article 7 – Delayed alternative flight – Taking into account of the actual arrival time for the purposes of compensation.#Case C-451/20.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2021.
Airhelp Limited vs Austrian Airlines AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 3(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Titjira b’konnessjoni minn u b’destinazzjoni lejn pajjiż terz – Riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur bl-ajru Komunitarju – Konnessjoni fit-territorju ta’ Stat Membru – Artikolu 5(1)(ċ)(iii) u Artikolu 7 – Titjira alternattiva mdewma – Teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa tal-wasla effettiva għall-finijiet tal-kumpens.
Kawża C-451/20.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2021.
Airhelp Limited vs Austrian Airlines AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 3(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Titjira b’konnessjoni minn u b’destinazzjoni lejn pajjiż terz – Riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur bl-ajru Komunitarju – Konnessjoni fit-territorju ta’ Stat Membru – Artikolu 5(1)(ċ)(iii) u Artikolu 7 – Titjira alternattiva mdewma – Teħid inkunsiderazzjoni tas-siegħa tal-wasla effettiva għall-finijiet tal-kumpens.
Kawża C-451/20.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:829
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2021 ( 1 )
Kawża C‑451/20
Airhelp Limited
vs
Austrian Airlines AG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens tal-passiġġieri f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur tal-ajru Komunitarju – Rotta tal-ajru komposta minn żewġ titjiriet bil-post tat-tluq inizjali u d-destinazzjoni finali jinsabu f’pajjiż terz – Post tal-wasla tal-ewwel titjira u post tat-tluq tat-tieni titjira li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru – Artikolu 3(1)(a) u (b) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 5(1)(ċ) – Offerta ta’ rotta differenti – Titjira b’rotta differenti ttardjata – Ħin tal-wasla effettiv fid-destinazzjoni finali – Obbligi tat-trasportatur tal-ajru li jopera – Artikolu 7(1) – Dritt għall-kumpens”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fil-qasam tal-kumpens tal-passiġġieri tal-ajru ( 2 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Airhelp Ltd (Hong Kong), aventi kawża ta’ passiġġier, u l-kumpannija tal-ajru Austrian Airlines AG (l-Awstrija) dwar talba għal kumpens għal titjira kkanċellata, minħabba li t-titjira b’rotta differenti offruta minn din il-kumpannija tal-ajru ma ppermettietx lill-passiġġier ikkonċernat jilħaq id-destinazzjoni finali tiegħu fi żmien sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat tat-titjira kkanċellata. |
3. |
Il-kawża prinċipali hija l-okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 għal titjira li sew it-tluq kif ukoll id-destinazzjoni finali tagħha huma f’pajjiż terz iżda b’konnessjoni fi Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddetermina jekk il-kumpens previst minn dan ir-regolament għal żewġ titjiriet li għandhom lil Stat Membru bħala punt ta’ tluq jew ta’ wasla, fil-kuntest ta’ żewġ riżervazzjonijiet separati, jestendix għar-rotta tal-ajru kollha kemm hi meta dawn iż-żewġ titjiriet ikunu rriżervati permezz ta’ riżervazzjoni waħda. |
4. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna wkoll tippreċiża l-kunċett ta’ “ħin tal-wasla effettiv”, f’dak li jirrigwarda l-obbligi tat-trasportatur tal-ajru li jopera fil-kuntest ta’ offerta ta’ rotta differenti, kif ukoll tiddetermina jekk dan it-trasportatur huwiex responsabbli mit-titjira b’rotta differenti operata minn trasportatur tal-ajru ieħor b’tali mod li dewmien eventwali li jaffettwa din it-titjira għandu jkun imputabbli lil dan l-ewwel trasportatur. |
5. |
Fi tmiem l-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi fis-sens li r-Regolament Nru 261/2004 huwa applikabbli għal sitwazzjoni li fiha żewġ titjiriet li jkunu s-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda huma koperti b’mod separat minn dan ir-regolament u li t-trasportatur tal-ajru li jopera u li kkonkluda l-kuntratt ta’ trasport mal-passiġġier jista’ biss jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens jekk ikun offrielu rotta differenti li tippermettilu jasal effettivament fid-destinazzjoni finali tiegħu fi żmien sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat tat-titjira kkanċellata. |
II. Id‑dritt tal‑Unjoni
6. |
Il-premessi 1, 2, 6, 12 u 13 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedu:
[…]
[…]
|
7. |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet” jgħid: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]” |
8. |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika:
[…] 5. Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.” |
9. |
L-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tal-istess regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jiddikjara: “1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom: […]
|
10. |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:
Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat. 2. Meta passiġġieri huma offruti [possibbiltá] oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament […] (ċ) b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma [jaqgħux] taħt (a) jew (b), il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.” |
11. |
L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn: […]
|
12. |
L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għal rimedju”, jipprevedi: “F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. […]” |
III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
13. |
Passiġġier kien kiseb riżervazzjoni kkonfermata għal rotta tal-ajru li kellha tiġi operata mit-trasportatur tal-ajru Komunitarju Austrian Airlines bejn Chisinau (il-Moldova) u Bangkok (it-Tajlandja) u li kienet tinvolvi żewġ titjiriet suċċessivi, skedati għad‑29 ta’ Mejju 2019: l-ewwel titjira kienet minn Chisinau (il-Moldova) għal Vjenna (l-Awstrija) u t-tieni titjira, li t-tluq tagħha kien previst diversi sigħat wara l-wasla tal-ewwel titjira, kienet minn Vjenna (l-Awstrija) għal Bangkok (it-Tajlandja), u kellha tasal fid-destinazzjoni tagħha fit‑30 ta’ Mejju 2019 fis‑14.20. |
14. |
It-titjira minn Chisinau għal Vjenna ġiet ikkanċellata inqas minn sebat ijiem qabel it-tluq previst. Austrian Airlines biddlet ir-riżervazzjoni tal-passiġġier billi ttrasferietu fuq titjira b’rotta differenti minn Istanbul (it-Turkija) għal Bangkok (it-Tajlandja), bil-wasla wkoll prevista għat‑30 ta’ Mejju 2019, iżda fit‑15.00 ( 3 ). It-titjira b’rotta differenti kellha għalhekk tittardja b’40 minuta biss mill-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rriżervata inizjalment. Madankollu, din it-titjira b’rotta differenti waslet Bangkok fil-16.47, jiġifieri b’dewmien ta’ sagħtejn u 27 minuta mill-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rriżervata inizjalment. |
15. |
Airhelp, li lilha l-passiġġier ikkonċernat ittrasferixxa d-dritt għal kumpens li kellu skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, qed titlob kumpens ta’ EUR 300 billi sostniet li Austrian Airlines ma offrietx lill-passiġġier rotta differenti li ppermettietlu jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu, Bangkok, fi żmien sagħtejn mill-wasla prevista inizjalment. Dan l-ammont jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li Austrian Airlines għandha d-dritt, skont Airhelp, li tinvoka tnaqqis tal-ammont tal-kumpens skont l-Artikolu 7(2)(ċ) ta’ dan ir-regolament, peress li l-passiġġier wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu f’terminu li ma jeċċedix erba’ sigħat wara l-ħin previst inizjalment. Madankollu, Austrian Airlines qed tikkontesta din it-talba billi ssostni li l-passiġġier ma għandux dritt għal dan il-kumpens peress li l-ħin tal-wasla skedat tat-titjira b’rotta differenti kien it‑15.00 u, għaldaqstant, li d-dewmien kien biss ta’ 40 minuta meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rriżervata inizjalment, jiġifieri s‑14.20. |
16. |
Il-qorti adita fl-ewwel istanza, il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija), laqgħet it-talba, billi kkonstatat li mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li, fil-kuntest tal-kalkolu ta’ dewmien ta’ titjira, kellu jsir paragun bejn il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira inizjali u l-ħin li fih it-titjira b’rotta differenti kienet effettivament waslet fid-destinazzjoni finali. Minn dan, din il-qorti ddeduċiet li trasportatur tal-ajru huwa eżentat mill-ħlas tal-kumpens biss jekk, fil-fatt, il-passiġġier jilħaq id-destinazzjoni finali tiegħu bit-titjira b’rotta differenti mhux iktar tard minn sagħtejn wara l-ħin previst inizjalment. |
17. |
Din l-istess qorti nnotat li, f’dan il-każ, kien previst li l-passiġġier jinżel f’Bangkok fis‑14.20 bit-titjira prevista inizjalment, iżda li, fil-fatt, huwa kien wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu bit-titjira b’rotta differenti biss fil‑16.47, jiġifieri sagħtejn u 27 minuta wara. Hija kkonkludiet li t-talba għal kumpens għal ammont imnaqqas b’50 % hija fondata mingħajr, madankollu, ma ttrattat il-kwistjoni dwar jekk il-fatti tal-każ kinux tabilħaqq jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004. |
18. |
Austrian Airlines appellat mid-deċiżjoni tal-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija). |
19. |
Din il-qorti tosserva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li l-waqfa fit-territorju tal-Unjoni ma għandhiex effett li tirrendi r-Regolament Nru 261/2004 applikabbli għat-titjiriet li kienu suġġetti għal riżervazzjoni waħda u li ma għandhomx il-post tat-tluq inizjali tagħhom jew il-post ta’ destinazzjoni finali tagħhom fit-territorju tal-Unjoni. Kieku dan kien il-każ, hija tqis li dan ir-regolament ma japplikax għat-titjira rriżervata inizjalment minn Chisinau (il-Moldova) għal Bangkok (it-Tajlandja) li tgħaddi minn Vjenna (l-Awstrija), peress li l-post ta’ tluq inizjali u l-post ta’ destinazzjoni finali jinsabu f’pajjiż terz. Madankollu, hija tistaqsi jekk tali riżultat ikunx konformi mal-għan tal-imsemmi regolament li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri, filwaqt li tenfasizza li kieku ż-żewġ titjiriet ma kinux suġġetti għal riżervazzjoni waħda, kull waħda minnhom tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tiegħu. |
20. |
Din il-qorti tosserva sussegwentement li, fil-każ li r-Regolament Nru 261/2004 jkun applikabbli, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-limiti ratione temporis li huwa jistabbilixxi għandhom ikunu bbażati fuq il-ħinijiet skedati tat-tluq u tal-wasla jew fuq il-ħinijiet effettivi tat-tluq u tal-wasla tat-titjira b’rotta differenti. Hija tenfasizza li, fil-kawża prinċipali, id-dritt għal kumpens jiddependi, fil-fatt, mir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi pparagunat il-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali mal-ħin tal-wasla skedat tat-titjira b’rotta differenti (sitwazzjoni li ma tagħtix dritt għal kumpens, peress li d-dewmien huwa ta’ inqas minn sagħtejn) jew pjuttost mal-ħin effettiv tal-wasla tat-titjira b’rotta differenti (sitwazzjoni li tagħti dritt għal kumpens, peress li d-dewmien huwa ta’ iktar minn sagħtejn). |
21. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kliem tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jagħti ebda risposta. Hija tistaqsi jekk il-formulazzjoni “huma offruti” imsemmija f’din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li t-trasportatur tal-ajru huwa sempliċement marbut li joffri rotta differenti lill-passiġġier, mingħajr ma jkun obbligat li jiżgura li t-titjira tasal fil-ħin skedat jew f’ċertu perijodu ta’ żmien meta mqabbel ma’ dak il-ħin, b’tali mod li dewmien eventwali tat-titjira b’rotta differenti operata minn trasportatur ieħor ma għandhiex tkun imputabbli lilu. |
22. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:
|
23. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2020. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u dak Daniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali iżda l-partijiet u l-persuni kkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Daniż, wieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Mejju 2021. |
IV. Analiżi
A. Fuq l‑applikabbiltà tar‑Regolament Nru 261/2004 għal rotta tal‑ajru bit‑tluq inizjali minn pajjiż terz u b’destinazzjoni finali f’pajjiż terz iżda li tinvolvi żewġ titjiriet b’punt tat‑tluq jew punt ta’ wasla fi Stat Membru (l‑ewwel domanda preliminari)
24. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 261/2004 japplikax għal rotta tal-ajru operata minn trasportatur tal-ajru Komunitarju u komposta minn żewġ titjiriet li kienu s-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda, meta l-postijiet tat-tluq inizjali u tad-destinazzjoni finali jinsabu f’pajjiż terz, f’dan il-każ il-Moldova u t-Tajlandja, u l-post tal-wasla tal-ewwel titjira u l-post tat-tluq tat-tieni titjira jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru. |
25. |
Nikkonstata, qabel kollox, li l-ewwel titjira, Chisinau – Vjenna, operata minn trasportatur tal-ajru Komunitarju bi tluq minn pajjiż terz (il-Moldova) u b’destinazzjoni fi Stat Membru (l-Awstrija), taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(b) ( 4 ) tiegħu, filwaqt li t-tieni titjira, Vjenna – Bangkok, li telqet minn Stat Membru (l-Awstrija) b’destinazzjoni f’pajjiż terz (it-Tajlandja) ukoll taqa’ taħt dan ir-regolament konformement mal-Artikolu 3(1)(a) tiegħu. |
26. |
Għalkemm kull waħda minn dawn iż-żewġ titjiriet, meħuda separatament, hija koperta mir-Regolament Nru 261/2004, il-fatt li huma kienu suġġetti għal riżervazzjoni waħda b’postijiet ta’ tluq inizjali u ta’ destinazzjoni finali li jinsabu f’pajjiżi terzi għandu l-effett li jirrendi dan ir-regolament inapplikabbli? |
27. |
Filwaqt li Austrian Airlines u l-Gvern Daniż iqisu li din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv għar-raġuni li dan ir-regolament ma japplikax għal rotta tal-ajru li tgħaqqad pajjiż terz ma’ pajjiż terz ieħor, Airhelp, il-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma kuntrarja. |
28. |
Fl-analiżi li ġejja, nispjega r-raġunijiet li għalihom jiena naqbel mal-opinjoni ta’ dawn tal-aħħar. |
29. |
L-ewwel, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, ma jirriżultax li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan tal-aħħar għandu jiddependi mill-postijiet tat-tluq inizjali u tad-destinazzjoni finali fir-rigward ta’ rotta tal-ajru komposta minn żewġ titjiriet jew iktar. |
30. |
Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jispeċifikax li t-termini “minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru” imsemmija fil-punt (a) tiegħu jirreferu għall-post tat-tluq inizjali tal-passiġġier u lanqas li t-termini “ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat [Membru]” imsemmija fil-punt (b) tiegħu jirreferu għall-post tad-destinazzjoni finali tiegħu ( 5 ). |
31. |
Barra minn hekk, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 ma tidhirx li tiddependi mill-kunċetti ta’ “tluq inizjali” u ta’ “destinazzjoni finali”. Għall-kuntrarju din hija marbuta mal-eżistenza ta’ titjira li jew titlaq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jew titlaq minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz lejn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, dment li t-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira inkwistjoni jkun trasportatur Komunitarju ( 6 ). Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “titjira” kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 7 ), jiġifieri operazzjoni ta’ trasport bl-ajru, li tifforma “unità”, u mwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu ( 8 ), huwa rilevanti. Fil-fehma tiegħi, mit-terminu “unità” jirriżulta b’mod partikolari li titjira tista’ titqies bħala operazzjoni ta’ trasport bl-ajru bejn żewġ ajruporti ( 9 ). |
32. |
Peress li l-post ta’ destinazzjoni tal-ewwel titjira jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u jikkorrispondi għall-post tat-tluq tat-tieni titjira, fil-fehma tiegħi, mit-termini stess tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004, jirriżulta li dan il-post jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament. |
33. |
It-tieni, bħall-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni, inqis li kunsiderazzjonijiet ta’ ugwaljanza fit-trattament jimmilitaw favur l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 għal rotta tal-ajru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tinkludi żewġ titjiriet, indipendentement mill-mod ta’ riżervazzjoni użat. |
34. |
Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 ikopri titjiriet li għandhom ċerta rabta mat-territorju tal-Unjoni, jiġifieri li għandhom jew bħala punt tat-tluq (l-Artikolu 3(1)(a)) jew bħala destinazzjoni (l-Artikolu 3(1)(b)) ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Meta kull waħda minn żewġ titjiriet ikollha tali rabta, il-fatt li dawn it-titjiriet ikunu nxtraw flimkien jew separatament ma għandux jaqta’ din ir-rabta jew iwassal għal differenza fit-trattament bejn il-passiġġieri tal-imsemmija titjiriet. |
35. |
Ser nispjega din il-kunsiderazzjoni billi nieħu l-eżempju ta’ żewġ passiġġieri. Il-passiġġier A, bħall-passiġġier inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irreżerva żewġ titjiriet, l-ewwel titjira, Chisinau (il-Moldova) – Vjenna (l-Awstrija), u t-tieni titjira, Vjenna (l-Awstrija) – Bangkok (it-Tajlandja), permezz ta’ riżervazzjoni waħda. Il-passiġġier B, li jieħu l-istess rotta bħall-passiġġier A, irriżerva l-istess żewġ titjiriet permezz ta’ żewġ riżervazzjonijiet separati. Bħala passiġġier ta’ titjira li, minn naħa, titlaq minn pajjiż terz lejn Stat Membru, operata minn trasportatur Komunitarju (l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004) u, min-naħa l-oħra, li titlaq minn Stat Membru lejn pajjiż terz (l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament), il-passiġġier B jibbenefika b’mod ċar mill-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi regolament. Il-passiġġier A għandu jiġi miċħud din il-protezzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa għamel riżervazzjoni waħda biss? |
36. |
Filwaqt li l-passiġġieri A u B jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament identika bħala passiġġieri tal-istess titjiriet, ir-rifjut tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 għall-passiġġier A jkollu l-konsegwenza li dawn il-passiġġieri jiġu ttrattati b’mod differenti sa fejn ma jibbenefikawx minn protezzjoni identika fir-rigward tal-konsegwenzi dannużi li jista’ jikkawża dewmien fit-titjiriet ( 10 ). |
37. |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 11 ). |
38. |
Konsegwentement, passiġġieri li jġarrbu dewmien tat-titjira, bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandhom, fil-fehma tiegħi, jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli u għalhekk ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti għar-raġuni biss li l-mod ta’ riżervazzjoni użat huwa differenti. |
39. |
It-tielet, l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur jikkorrobora din l-analiżi. |
40. |
Infakkar li r-Regolament Nru 261/2004 għandu l-għan li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri. |
41. |
Peress li kull titjira hija koperta minn dan ir-regolament u, meħuda separatament, tagħti dritt għal kumpens, fil-fehma tiegħi jkun kuntrarju għal dan l-għan ta’ protezzjoni tal-passiġġieri li jitqies li dawn tal-aħħar ma jibbenefikawx minn din il-protezzjoni meta t-titjiriet ikunu s-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda. |
42. |
Il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar reżervazzjoni waħda ( 12 ) ma tikkontradixxix din l-interpretazzjoni. |
43. |
Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tirrigwarda titjiriet b’konnessjonijiet meta, kuntrarjament għall-fatti tal-kawża prinċipali, waħda mit-titjiriet, meħuda separatament, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004. |
44. |
Dan jirriżulta, qabel kollox, mis-sentenza Wegener. Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda titjira b’riżervazzjoni waħda bi tluq minn Berlin (il-Ġermanja) u għalhekk minn Stat Membru, b’Agadir (il-Marokk), li tinsab f’pajjiż terz, bħala destinazzjoni finali, b’konnessjoni f’Casablanca (il-Marokk), li tinsab f’dan l-istess pajjiż terz. Il-passiġġier kien tilef it-tieni titjira minn Casablanca għal Agadir u ġarrab dewmien ta’ iktar minn 4 sigħat biex wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu, minħabba li l-ewwel titjira mill-Ġermanja telqet tard. It-tieni titjira, minn u lejn ajruport li jinsab f’pajjiż terz ma kinitx koperta mir-Regolament Nru 261/2004. |
45. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza Folkerts ( 13 ), li d-dewmien għandu jiġi evalwat għall-finijiet ta’ kumpens fir-rigward tal-ħin tal-wasla fid-destinazzjoni finali, jiġifieri, dak tal-aħħar titjira ( 14 ). Hija ddeċidiet li mit-termini “l-aħħar titjira” jirriżulta li l-kunċett ta’ “titjira b’konnessjoni” għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal żewġ titjiriet jew iktar li jikkostitwixxu vjaġġ wieħed għall-finijiet tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri previst mir-Regolament Nru 261/2004 ( 15 ). Fir-rigward tat-trasport b’riżervazzjoni waħda bħal dak li ta lok għas-sentenza Wegener, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan għandu jitqies, meta kkunsidrat fl-intier tiegħu, bħala titjira b’konnessjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament ( 16 ). |
46. |
Nosserva li t-teħid inkunsiderazzjoni tat-titjiriet kollha fl-intier tagħhom li jitilqu minn ajruport li jinsab fi Stat Membru, f’dan il-każ il-Ġermanja, u b’destinazzjoni finali ta’ ajruport li jinsab f’pajjiż terz, f’dan il-każ il-Marokk, ippermetta li jitqies li l-passiġġier kellu dritt għal kumpens filwaqt li, meħuda separatament, it-tieni titjira, minn u lejn ajruport li jinsab f’dan il-pajjiż terz, ma kinitx tagħti dritt għal kumpens. Din is-soluzzjoni kkontribwixxiet b’mod ċar biex jiġi ggarantit il-livell għoli ta’ protezzjoni previst mil-leġiżlatur. |
47. |
Sussegwentement ġiet adottata soluzzjoni analoga fis-sentenza České aerolinie u fid-digriet KLM. |
48. |
Il-kawża li tat lok għas-sentenza České aerolinie kienet tirrigwarda titjira li telqet minn Stat Membru, b’destinazzjoni finali f’pajjiż terz, b’konnessjoni f’pajjiż terz ( 17 ). Kienet saret riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur tal-ajru Komunitarju li kien opera l-ewwel titjira. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-passiġġier seta’ jfittex lil dan it-trasportatur permezz ta’ rikors għal kumpens anki jekk ma kienx hu li wettaq it-tieni titjira li kkawżat id-dewmien u li din it-titjira, meħuda separatament, ma kinitx tagħti dritt għal kumpens peress li kienet bejn żewġ pajjiżi terzi. |
49. |
Finalment, il-kawża li tat lok għad-digriet KLM kienet tirrigwarda titjira li telqet minn pajjiż terz lejn l-Unjoni Ewropea b’konnessjoni fl-Unjoni ( 18 ). Kienet saret riżervazzjoni waħda ma’ trasportatur Komunitarju. Għalkemm l-ewwel titjira li telqet mill-pajjiż terz lejn l-Unjoni kienet operata minn trasportatur mhux Komunitarju u għalhekk ma kinitx taqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 u d-dewmien ikkonstatat fid-destinazzjoni finali kien ġie kkawżat mit-trasportatur tal-ajru ta’ din l-ewwel titjira, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li tali titjiriet konnessi kellhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda li għaliha japplika dan ir-regolament ( 19 ). Minn dan irriżulta li l-passiġġier li sofra dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar biex wasal fid-destinazzjoni finali tiegħu seta’ jfittex permezz ta’ rikors għal kumpens fuq il-bażi tal-imsemmi regolament lit-trasportatur tal-ajru Komunitarju ( 20 ). |
50. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din is-soluzzjoni hija ġġustifikata mill-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri sabiex jiġi ggarantit li l-passiġġieri ttrasportati jiġu kkumpensati mit-trasportatur tal-ajru li jopera li jkun ikkonkluda l-kuntratt ta’ trasport magħhom, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-arranġamenti magħmula minn dan tal-aħħar fir-rigward tat-twettiq tat-titjiriet li jikkostitwixxu t-titjira b’konnessjonijiet li huwa jkun ikkummerċjalizza ( 21 ). |
51. |
Għalhekk inqis, bħall-Kummissjoni, li din il-ġurisprudenza tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan tar-Regolament Nru 261/2004 li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni meta tinterpreta dan ir-regolament fis-sens li japplika wkoll meta t-titjira konnessa sħiħa tkun tinkludi titjira li għaliha r-Regolament ma jkunx japplika jekk din it-titjira titqies waħedha. |
52. |
Min-naħa l-oħra, inqis, bħal din l-istituzzjoni, li ma hemmx lok li din il-ġurisprudenza tiġi applikata b’analoġija għal rotta tal-ajru li tinkludi żewġ titjiriet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tiegħi, tali applikazzjoni la tkun konformi mal-kliem u lanqas mal-għan tar-Regolament Nru 261/2004 sa fejn dan huwa diġà applikabbli għaż-żewġ titjiriet ikkunsidrati separatament u fejn din l-applikazzjoni twassal għal riżultat kuntrarju għal dak li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni, f’każijiet bħal dawn, tat-titjiriet fl-intier tagħhom, billi jiġu kkunsidrati l-postijiet ta’ tluq inizjali u ta’ destinazzjoni finali, li t-tnejn li huma jinsabu f’pajjiż terz, jirrestrinġi l-protezzjoni mogħtija minn dan ir-regolament billi jċaħħad lill-passiġġier minn kull protezzjoni taħt l-imsemmi regolament minkejja li dawn it-titjiriet operati minn trasportatur Komunitarju għandhom punt ta’ tluq jew punt ta’ wasla fl-Unjoni u jaqgħu, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004. |
53. |
Fi kliem ieħor, inqis li l-ġurisprudenza analizzata hawn fuq dwar riżervazzjoni waħda ma tistax twassal biex sitwazzjoni li hija koperta b’mod ċar mir-Regolament Nru 261/2004 ( 22 ) tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. |
54. |
Minbarra l-fatt li tali applikazzjoni b’analoġija tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004, din ikollha riżultati minn tal-inqas paradossali. |
55. |
Minn dan jirriżulta li l-kombinazzjoni ta’ titjira koperta minn dan ir-regolament ma’ titjira mhux koperta minnu, bħal fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Wegener u České aerolinie kif ukoll għad-digriet KLM, tippermetti lill-passiġġier li jiġi protett għal dawn iż-żewġ titjiriet f’daqqa filwaqt li l-kombinazzjoni taż-żewġ titjiriet koperti separatament mill-imsemmi regolament, bħal fil-kawża prinċipali, twassal sabiex il-passiġġier jiġi mċaħħad totalment mill-protezzjoni. |
56. |
B’mod konkret, dan jimplika li l-passiġġieri ta’ titjira li għaliha ma japplikax ir-Regolament Nru 261/2004, bħall-passiġġieri tat-titjira minn Agadir għal Casablanca fil-kawża li tat lok għas-sentenza Wegener jew dawk tat-titjira minn Abu Dabi għal Bangkok fil-kawża li tat lok għas-sentenza České aerolinie, jibbenefikaw minn protezzjoni ikbar kontra l-konsegwenzi ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien minn dik li jibbenefikaw minnha l-passiġġieri taż-żewġ titjiriet li kull waħda minnhom taqa’ taħt dan ir-regolament, bħall-passiġġieri tat-titjiriet bejn Chisinau u Vjenna u bejn Vjenna u Bangkok, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali. |
57. |
Inżid ngħid li mis-sentenzi Wegener u České aerolinie kif ukoll mid-digriet KLM, ma jirriżultax li titjira konnessa għandha, f’kull każ, titqies bħala titjira waħda għall-finijiet ta’ kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004, iżda li dan jista’ jkun il-każ fil-kuntest tal-konfigurazzjonijiet ta’ titjiriet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi. |
58. |
Fl-aħħar nett, inqis li s-sentenza Emirates Airlines ( 23 ) li tirrigwarda vjaġġ bir-ritorn timmilita favur l-interpretazzjoni li żewġ titjiriet, bħal fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu eżaminati separatament minkejja li kienu s-suġġett ta’ riżervazzjoni waħda. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-titjira ’l barra u t-titjira lura mixtrija fil-kuntest ta’ riżervazzjoni waħda kellhom jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu ( 24 ), b’tali mod li tali vjaġġ bir-ritorn ma kienx jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza hija bbażata b’mod partikolari fuq il-ħtieġa li ma jiġix ippreġudikat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni u li ma titnaqqasx il-protezzjoni li għandha tingħata lill-passiġġieri skont dan ir-regolament ( 25 ). |
59. |
Għar-raġunijiet kollha preċedenti, inqis li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-regolament huwa applikabbli għal rotta tal-ajru operata minn trasportatur Komunitarju li hija komposta minn żewġ titjiriet u li kienet suġġetta għal riżervazzjoni waħda, meta l-post tat-tluq inizjali u l-post tad-destinazzjoni finali jinsabu f’pajjiż terz, iżda l-post tal-wasla tal-ewwel titjira u l-post tat-tluq tat-tieni titjira jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, b’tali mod li kull titjira meħuda separatament taqa’ taħt din id-dispożizzjoni. |
60. |
Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari, inqis li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-Ftehim UE‑Moldova, dwar il-ħolqien ta’ spazju tal-ajru komuni, għas-sitwazzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 26 ). |
B. Fuq it‑teħid inkunsiderazzjoni tal‑ħin tal‑wasla skedat jew effettiv fid‑destinazzjoni finali għall‑finijiet tal‑kumpens (it‑tieni domanda preliminari)
61. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, passiġġier għandux dritt għal kumpens, meta t-titjira b’rotta differenti li jkun ġie offrut kellha effettivament tasal fid-destinazzjoni finali tagħha inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat għat-titjira kkanċellata, iżda fil-fatt, ma tkunx laħqet id-destinazzjoni finali tagħha f’dan it-terminu. |
62. |
Essenzjalment, din id-domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk trasportatur tal-ajru li jopera, li jkun għamel offerta ta’ rotta differenti li inizjalment tissodisfa r-rekwiżiti ratione temporis previsti f’din id-dispożizzjoni, huwiex ukoll responsabbli għad-dewmien tat-titjira b’rotta differenti, operata minn trasportatur tal-ajru ieħor, sa fejn din it-titjira ma tibqax tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. |
63. |
Skont l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri għandhom dritt, bħala prinċipju, għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jopera kif previst fl-Artikolu 7 tiegħu. |
64. |
It-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jeżenta ruħu minn dan l-obbligu ta’ kumpens biss f’eċċezzjonijiet rari previsti fil-punti (i) sa (iii) tal-ewwel dispożizzjoni ( 27 ). |
65. |
Meta, bis-saħħa tal-punt (iii) ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, il-passiġġier ikun ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat, huwa għandu jibbenefika mid-dritt għal kumpens sakemm ma jiġux issodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, il-passiġġier għandu jirċievi offerta ta’ rotta differenti li tippermettilu jitlaq mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat. It-tieni, din ir-rotta differenti għandha tippermettilu jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat ( 28 ). |
66. |
Il-kliem tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 bħal dak tal-Artikolu 7(2) tiegħu, li jsemmi “il-ħin tal-wasla” ma jagħtix tweġiba ċara dwar il-punt jekk huwiex il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira b’rotta differenti jew il-ħin tal-wasla effettiv ta’ din tal-aħħar li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta. |
67. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li għall-finijiet tal-kumpens dovut għal dewmien skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, huwa importanti biss id-dewmien ikkonstatat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali ( 29 ). |
68. |
B’mod aktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 2, 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “ħin tal-wasla”, li jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dewmien li jġarrab il-passiġġieri ta’ titjira, jikkorrispondi għall-ħin meta jinfetaħ mill-inqas bieb wieħed tal-ajruplan, dment li f’dan il-mument, il-passiġġieri jiġu awtorizzati joħorġu mill-ajruplan ( 30 ) u għalhekk jindika l-mument li fih l-ajruplan ikun effettivament wasal fl-ajruport tad-destinazzjoni. |
69. |
Barra minn hekk, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja tat dritt għal kumpens lill-passiġġier skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 billi ħadet inkunsiderazzjoni l-ħin li fih niżel l-ajruplan tat-titjira b’rotta differenti, u għalhekk il-ħin tal-wasla effettiv tiegħu fid-destinazzjoni finali ( 31 ). |
70. |
Minn dan nikkonkludi li meta titjira b’rotta differenti tkun effettivament waslet fid-destinazzjoni finali tagħha b’dewmien ta’ iktar minn sagħtejn meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rriżervata inizjalment, bħat-titjira inkwistjoni li ġarrbet dewmien ta’ sagħtejn u 27 minuta, it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 ma hijiex issodisfatta fiċ-ċirkustanzi tal-każ, b’tali mod li l-passiġġier ikkonċernat għandu jkollu dritt għall-kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. |
71. |
Minn naħa, bħall-Kummissjoni, inqis li din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda adegwata għall-għan tar-Regolament Nru 261/2004 li jiġi rrimedjat id-dannu kkawżat in fine lill-passiġġier bid-dewmien, li jikkonsisti f’telf ta’ ħin li huwa ta’ natura irreversibbli ( 32 ). |
72. |
Peress li l-inkonvenjent li jinħoloq minn dan it-telf ta’ ħin irrimedjabbli fil-kuntest ta’ titjira b’konnessjonijiet jimmaterjalizza ruħu biss mal-wasla tal-passiġġier fid-destinazzjoni finali tiegħu ( 33 ), id-dewmien tat-titjira b’rotta differenti jista’ jiġi evalwat biss fir-rigward tal-ħin tal-wasla effettiv ta’ din tal-aħħar. |
73. |
Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-fatt li t-trasportatur tal-ajru li jopera għamel offerta ta’ rotta differenti, li, fuq il-karta, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ratione temporis meħtieġa għal tali rotta differenti. |
74. |
Fil-fatt, ċertament, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 li t-trasportatur tal-ajru li jopera għandu joffrilhom “rotta differenti, li tħallihom […] jaslu” fid-destinazzjoni finali tagħhom tista’ tfisser li ladarba offerta ta’ rotta differenti li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fiha tkun ġiet aċċettata mill-passiġġier ikkonċernat, l-eżekuzzjoni t-tajba tar-rotta differenti ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta’ dan it-trasportatur. |
75. |
Madankollu, bil-għan li jitnaqqsu d-diffikultajiet u l-inkonvenjenzi serji ( 34 ) kkawżati mill-kanċellazzjoni ta’ titjira, id-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu interpretati f’sens wiesa’ ( 35 ). |
76. |
F’dan ir-rigward, jirriżulta, qabel kollox, mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-premessi 12 u 13 tiegħu, li dan it-trasportatur tal-ajru li jopera jista’ jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens biss jekk dan ikun implimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jipprovdi rotta differenti raġonevoli, sodisfaċenti u fl-iqsar żmien possibbli ( 36 ). |
77. |
Barra minn hekk, l-obbligu ta’ kumpens għandu effetti ta’ inċentiv fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera li jimplika li d-dritt għal rotta differenti tal-passiġġier għandu jkun suġġett għal implimentazzjoni effettiva inkella dan id-dritt ikun f’riskju li jiġi kompromess ( 37 ). |
78. |
Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li t-trasportatur tal-ajru li jopera li għandu joffri rotta differenti lill-passiġġier għandu jiżgura l-eżekuzzjoni t-tajba ta’ din l-offerta b’mod li dan il-passiġġier effettivament jilħaq id-destinazzjoni finali tiegħu f’kundizzjonijiet, li jlaħħqu mal-iskedi, paragunabbli ma’ dawk tat-titjira kkanċellata. |
79. |
Sussegwentement, din l-implimentazzjoni effettiva tar-rotta differenti tirriżulta fl-opinjoni tiegħi, b’mod impliċitu, min-natura kuntrattwali tar-rabta li tgħaqqad lill-passiġġier mat-trasportatur tal-ajru li jopera fid-dawl tad-definizzjoni ta’ dan l-aħħar kunċett li jinsab fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn dawn il-partijiet hija l-garanzija għall-passiġġieri li huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom skont il-ħin skedat ( 38 ). |
80. |
Għalhekk, meta, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004, trasportatur tal-ajru li jopera li ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier ikkonċernat iwettaq obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament, huwa jitqies li jkun qed jaġixxi f’isem il-persuna li tkun ikkonkludiet il-kuntratt ma’ dan il-passiġġier. Dan ifisser, f’dan il-każ, li t-trasportatur tal-ajru li jopera li wettaq it-titjira differenti jitqies li qiegħed jaġixxi f’isem Austrian Airlines li fdalu t-twettiq ta’ din it-titjira differenti. |
81. |
Din is-soluzzjoni tippermetti għalhekk li jiġi evitat li t-trasportatur tal-ajru li miegħu l-passiġġier ikun ikkonkluda l-kuntratt ta’ trasport jinħeba wara t-trasportatur tal-ajru li wassal għall-eżekuzzjoni ħażina tat-titjira b’rotta differenti ( 39 ). |
82. |
Fl-aħħar nett, ma jidhirx irraġonevoli li l-obbligi previsti mir-Regolament Nru 261/2004 jiġu sostnuti mit-trasportaturi tal-ajru li magħhom il-passiġġieri kkonċernati jkunu marbuta b’kuntratt ta’ trasport peress li dan tal-aħħar jagħtihom dritt għal titjira li la għandha tiġi kkanċellata u lanqas imdewma ( 40 ), u dan bla ħsara għal dawn it-trasportaturi li jiksbu tnaqqis fil-qasam tal-kumpens ( 41 ) jew li jitolbu kumpens mingħand kull persuna li tkun ikkawżat id-dewmien ( 42 ). |
83. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li rotta differenti offruta mit-trasportatur tal-ajru li jkun ikkonkluda l-kuntratt ta’ trasport mal-passiġġier għandha tiġi mwettqa b’mod effettiv minn dan tal-aħħar b’tali mod li passiġġier ikollu dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, meta l-ħin tal-wasla effettiv ta’ din ir-rotta differenti fid-destinazzjoni finali tagħha jeċċedi b’iktar minn sagħtejn il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rriżervata inizjalment. |
V. Konklużjoni
84. |
Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija) bil-mod kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).
( 3 ) Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat b’liema mod u lanqas f’liema ħin il-passiġġier ġie ttrasportat minn Chisinau għal Istanbul.
( 4 ) Fid-dawl tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li l-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni li l-passiġġier ikkonċernat ma bbenefikax minn vantaġġi, minn kumpens jew minn assistenza fil-pajjiż terz, hija ssodisfatta, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
( 5 ) Peress li l-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 261/2004, fil-kuntest ta’ titjira b’konnessjoni, bħala d-destinazzjoni tal-aħħar titjira, il-leġiżlatur seta’ jirreferi għal dan il-kunċett fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.
( 6 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 30).
( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines, (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 40); tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Mennens (C‑255/15, EU:C:2016:472, punt 20); kif ukoll tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines (C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 34).
( 8 ) Fejn it-terminu “rotta” jindika l-vjaġġ bl-ajruplan mill-ajruport tat-tluq sal-ajruport tal-wasla (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et (C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 28)). Barra minn hekk nirrileva li l-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” ma huwiex ikkunsidrat, peress li jintużaw biss it-termini “ajruport tal-wasla”.
( 9 ) Filwaqt li l-kunċett ta’ “titjira” ma ġiex iddefinit fir-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur ippropona li jiddefinixxi b’mod ċar it-terminu “titjira” bħala operazzjoni ta’ trasport bl-ajru bejn żewġ ajruporti fil-proposta tiegħu għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Marzu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom (COM (2013) 130 final, premessa 4, kif ukoll il-punt (n) tal-Artikolu 1(1)(e)).
( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 38).
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 95) u tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 39).
( 12 ) Ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Wegener (C‑537/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Wegener”, EU:C:2018:361), u tal‑11 ta’ Lulju 2019, České aerolinie (C‑502/18, EU:C:2019:604, iktar ’il quddiem is-“sentenza České aerolinie”, EU:C:2019:604); kif ukoll id-digriet tat‑12 ta’ Novembru 2020, KLM Royal Dutch Airlines (C‑367/20, EU:C:2020:909, iktar ’il quddiem id-“digriet KLM”, EU:C:2020:909).
( 13 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C‑11/11, EU:C:2013:106, punti 33 u 34).
( 14 ) Sentenza Wegener, punti 16 u 17.
( 15 ) Sentenza Wegener punt 18.
( 16 ) Sentenza Wegener, punti 24 u 25.
( 17 ) Il-postijiet tat-tluq u tal-wasla kienu dawn: tluq inizjali, Praga (ir-Repubblika Ċeka, Unjoni Ewropea); konnessjoni, Abu Dabi (l-Emirati Għarab Magħquda, pajjiż terz); destinazzjoni finali, Bangkok (it-Tajlandja, pajjiż terz).
( 18 ) Il-postijiet tat-tluq u tal-wasla kienu dawn li ġejjin: tluq inizjali, New York (l-Istati Uniti, pajjiż terz); konnessjoni, Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi, Unjoni Ewropea) – destinazzjoni finali Hamburg (il-Ġermanja, Unjoni Ewropea).
( 19 ) Ara d-digriet KLM, punt 29.
( 20 ) Ara d-digriet KLM, punt 33.
( 21 ) Ara s-sentenza České aerolinie, punt 30 u d-digriet KLM, punt 31.
( 22 ) Jiġifieri jew taħt l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 fil-każ tat-titjira minn Vjenna għal Bangkok; jew taħt l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, fil-każ tat-titjira minn Chisinau għal Vjenna, operata minn trasportatur Komunitarju.
( 23 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008 (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 52).
( 24 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 51).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, EU:C:2008:400, punti 34 u 35).
( 26 ) Il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim UE‑Moldova tqajmet mill-Kummissjoni mingħajr madankollu ma din tkellmet b’mod ċar f’dan ir-rigward u mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, nosserva, sussidjarjament, li dan il-ftehim, b’differenza minn ftehimiet oħra konklużi mill-Unjoni li ser niċċita iktar ’il quddiem, ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi bħal dawn tal-aħħar li fil-każijiet kollha fejn l-atti tal-Unjoni msemmija fl-imsemmi ftehim, b’mod partikolari r-Regolament Nru 261/2004, jirreferu għall-“Istat(i) Membru/i”, dawn ir-riferimenti jitqiesu li jirreferu mhux biss għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll għar-Repubblika tal-Moldova. Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Ftehim UE‑Moldova ma għandhiex il-konsegwenza li r-Repubblika tal-Moldova għandha tiġi ttrattata bħala Stat Membru. Dan l-Istat jibqa’ pajjiż terz fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004. Minn dan niddeduċi li t-tluq inizjali fil-Moldova b’destinazzjoni finali fit-Tajlandja ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li t-titjira, meħuda kollha kemm hi, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Il-ftehimiet l-oħrajn konklużi mill-Unjoni jinkludu, pereżempju, il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), kif emendat bil-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 2007, L 221, p. 15) (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 47(2), il-punt 8 tal-Artikolu 126(1) tal-Protokoll 1 u l-Anness XIII, kif ukoll is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 32)), jew il-Ftehim multilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ir-Repubblika ta’ l-Albanija, il-Bosnja u Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika ta’ l-Islanda, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Serbja, u l-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo dwar l-Istabbiliment ta’ Żona ta’ Avjazzjoni Komuni Ewropea, tas-16 ta’ Ottubru 2006 (ĠU 2006, L 285, p. 3, ara b’mod partikolari il-punt 3 tal-Anness II).
( 27 ) Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 20), u d-digriet tas‑27 ta’ Ġunju 2018, flightright (C‑130/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:496, punt 14).
( 28 ) Nippreċiża li l-“ħin tal-wasla skedat” imsemmi f’dan il-punt (iii) jirreferi għall-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rriżervata inizjalment.
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C‑11/11, EU:C:2013:106, punt 35). It-terminu “kkonstatat” użat mill-Qorti tal-Ġustizzja juri n-natura effettiva tal-ħin li fih il-passiġġier ikun wasal, fil-fatt, fid-destinazzjoni finali tiegħu.
( 30 ) Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Germanwings (C‑452/13, EU:C:2014:2141, punt 27), u d-digriet tal‑1 ta’ Ottubru 2020, FP Passenger Service (C‑654/19, EU:C:2020:770, punti 28 u 29).
( 31 ) Ara d-digriet tas‑27 ta’ Ġunju 2018, flightright (C‑130/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:496, punti 6 sa 8 u 23). Il-fatti tal-kawża li tat lok għal dan id-digriet ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk il-ħin tal-wasla effettiv kienx identiku għall-ħin tal-wasla skedat tat-titjira b’rotta differenti. Madankollu, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-ħin tal-inżul huwa indizju sinjifikattiv ħafna.
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 52), u tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 48).
( 33 ) Ara s-sentenza Wegener, punt 16.
( 34 ) Ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 261/2004 u s-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair (C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 30).
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 44 u 45), kif ukoll tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 17). Ara wkoll, f’dan is-sens, l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-passiġġieri tal-ajru, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 50).
( 36 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses (C‑74/19, EU:C:2020:460, punti 58 u 59).
( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Finnair (C‑832/18, EU:C:2020:204, punt 32).
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal‑11 ta’ April 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet (COM(2011) 174 final, p. 8).
( 39 ) Ara, b’analoġija, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kondiviżjoni bejn żewġ trasportaturi tal-ajru li joperaw, is-sentenza České aerolinie, punti 27, 29 u 30, u d-digriet KLM, punti 29 sa 31.
( 40 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 68), kif ukoll tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 80).
( 41 ) Ara l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 261/2004.
( 42 ) Ara l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004 li bis-saħħa tiegħu operatur bħal Austrian Airlines jista’ jitlob kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jopera li kkawża d-dewmien tat-titjira b’rotta differenti.