EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0339

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-18 ta’ Novembru 2021.


Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:940

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑18 ta’ Novembru 2021 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑339/20 u C‑397/20

VD (C‑339/20)

SR (C‑397/20)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza)

“Domanda preliminari – Insider dealings u manipulazzjoni tas-suq – Direttiva 2003/6/KE – Artikolu 12(2)(a) u (d) – Regolament (UE) Nru 596/2014 – Artikolu 23(2)(g) u (h) – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Setgħat ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti – Setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jeżiġu r-rekords tat-telefon u tad-data skambjata eżistenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu fuq l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jżommu temporanjament iżda b’mod iġġeneralizzat id-data ta’ konnessjoni”

1.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari miġbura f’din il-proċedura jikkonċernaw rabta mill-qrib mat-talbiet tal-Kawżi C‑793/19, SpaceNet, C‑794/19, Telekom Deutschland, u C‑140/20, Commissioner of the Garda Síochána et, li dwarhom ukoll qiegħed nippreżenta konklużjonijiet b’din l-istess data ( 2 ).

2.

Fil-konklużjonijiet SpaceNet u Telekom Deutschland u Commissioner of the Garda Síochána nesponi r-raġunijiet li jwassluni sabiex nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja risposta għall-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) u għas-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) fil-linja tal-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 2002/58/KE ( 3 )“irrikapitulata” fis-sentenza La Quadrature du Net ( 4 ).

3.

Madankollu, huwa minnu li s-suġġett immedjat taż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de Cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) ma huwiex id-Direttiva 2002/58, iżda d-Direttiva 2003/6/KE ( 5 ) u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 ( 6 ).

4.

Madankollu, li huwa inkwistjoni f’dawn iż-żewġ proċeduri huwa, essenzjalment, dak li hemm fir-rinviji l-oħra għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri, jekk l-Istati Membri jistgħux jimponu l-obbligu taż-żamma b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat tad-data dwar it-traffiku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ( 7 ).

5.

Għalhekk, għalkemm f’dan il-każ jidħlu inkwistjoni d-Direttiva 2003/6 u r-Regolament Nru 596/2014 (li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-operazzjonijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala abbuż tas-suq) ( 8 ), inqis li f’dan il-kuntest hija applikabbli l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mqassra fis-sentenza La Quadrature du Net.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Direttiva 2002/58

6.

Skont l-Artikolu 1 (“Kamp ta’ applikazzjoni u mira”):

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni].

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

3.   Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-[TFUE], bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’ kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali”.

7.

L-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”) jipprevedi li:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

(ċ)

‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

[…]”.

8.

L-Artikolu 15(1) jispeċifika li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

2. Direttiva 2003/6

9.

Skont l-Artikolu 11:

“Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji, kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità singola amministrattiva kompetensi biex tassigura li d-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva huma applikati.

[…]”.

10.

Skont l-Artikolu 12:

“1.   L-awtorità kompetenti għandha tingġata l-poteri ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni kollha li huma neċesarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha […]

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(7), il-poteri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu eżerċitati in konformità mal-liġi nazzjonali u għandhom jinkludu mill-inqas id-dritt:

(a)

għal aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu kopja tiegħu;

[…]

(d)

li jeħtieġu reġistri tat-telefon u tat-traffikar tad-data eżistenti;

[…]”.

3. Regolament Nru 596/2014

11.

Ir-regolament jinkludi dawn il-premessi:

“(1)

Suq intern ġenwin għas-servizzi finanzjarji huwa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta’ impjiegi fl-Unjoni.

(2)

Suq finanzjarju integrat, effiċjenti u trasparenti jeħtieġ integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli u l-kunfidenza pubblika fis-swieq huma prerekwiżiti għat-tkabbir u għall-ġid ekonomiku. L-abbuż tas-suq jolqot ħażin l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-kunfidenza pubblika f’titoli u derivati.

[…]

(62)

Sett ta’ għodod u setgħat u riżorsi effettivi għall-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru jiggarantixxi effettività ta’ superviżjoni. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jistipula, b’mod partikolari, sett minimu ta’ setgħat superviżorji u investigattivi li għandhom jiġu fdati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati, fejn il-liġi nazzjonali tkun tirrikjedi dan, permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizjarji kompetenti. […]

[…]

(65)

Rekordings eżistenti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi u rekords tat-traffiku tad-data [rekords tad-data dwar it-traffiku] minn kumpaniji tal-investiment, istituzzjonijiet tal-kreditu u instituzzjonijiet finanzjarji li jeżegwixxu u jiddokumentaw l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet, kif ukoll rekords eżistenti tat-telefown u tat-traffiku tad-data minn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, jikkostitwixxu evidenza kruċjali, u kultant anki l-unika evidenza, biex tiġi identifikata u pprovata l-eżistenza ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq. Ir-rekords tat-telefown u tat-traffiku tad-data jistgħu jistabbilixxu l-identità ta’ persuna responsabbli għat-tixrid ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, jew li ċerti persuni jkunu ġew f’kuntatt f’ċertu ħin, jew li teżisti relazzjoni bejn tnejn min-nies jew aktar. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jirrikjedu rekordingst eżistenti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u rekords tat-traffiku tad-data [rekords tad-data dwar it-traffiku] miżmuma minn kumpanija ta’ investiment, istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja skont id-Direttiva 2014/65/UE. L-aċċess għad-data u għar-rekords telefoniċi huwa meħtieġ biex tiġi pprovduta evidenza u jiġi investigat ħjiel dwar abbuż possibbli minn informazzjoni privileġġata jew manipulazzjoni possibbli tas-suq, u b’hekk għall-identifikazzjoni u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għallabbuż tas-suq. […] L-aċċess għar-rekords tat-telefown u tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet ma jinkludux l-aċċess għall-kontenut ta’ komunikazzjonijiet vokali bit-telefown.

(66)

Filwaqt li dan ir-Regolament jispeċifika sett minimu ta’ setgħat li għandu jkollhom l-awtoritajiet kompetenti, dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati fi ħdan sistema kompluta ta’ liġi nazzjonali li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali, inkuż id-dritt għall-privatezza. Għall-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat, li jista’ jammonta għal interferenzi serji mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u dik tal-familja, id-domiċilju u l-komunikazzjonijiet, l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ salvagwardji adegwati u effikaċi kontra kwalunkwe abbuż, pereżempju, fejn opportun, rekwiżit biex tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel minn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-possibilità li l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw tali setgħat intrusivi sal-punt neċessarju għall-investigazzjoni xierqa ta’ każijiet serji fejn ma jkun hemm l-ebda mezz ekwivalenti biex effettivament jinkiseb l-istess riżultat.

[…]

(77)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Karta). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jkun interpretat u applikat bi qbil ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji. […]

[…]”.

12.

L-Artikolu 1 (“Suġġett”) jiddikjara li:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas regolatorju komuni kontra l-abbuż tal-informazzjoni privileġġata, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata, u l-manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) kif ukoll miżuri biex jiġi evitat l-abbuż tas-suq, biex jiżgura l-integrità tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni, u biex itejjeb il-protezzjoni tal-investitur u l-fiduċja f’dawk is-swieq”.

13.

L-Artikolu 3(27) (“Definizzjonijiet”) jindika li, għall-finijiet tiegħu, “rekords tat-traffiku tad-data [rekords tad-data dwar it-traffiku]” tfisser “rekords ta’ traffiku tad-data kif definit fil-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58/KE […]”.

14.

L-Artikolu 22 (“Awtoritajiet kompetenti”) jippreskrivi li:

“Mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-awtoritajiet ġudizzjarji, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti amministrattiva waħdanija għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament […]”.

15.

L-Artikolu 23 (“Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti”) jindika li:

“[…]

2.   Sabiex jaqdu d-dmirjiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji u investigatorji li ġejjin:

(a)

li jaċċessaw kwalunkwe dokument jew data fi kwalunkwe forma, jew jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

[…]

(g)

li jitolbu reġistrazzjonijiet eżistenti ta’ konverżazzjonijiet bit-telefon, komunikazzjonijiet elettroniċi jew rekords tat-traffiku tad-data [rekords tad-data dwar it-traffiku] miżmuma minn kumpaniji tal-investiment, istituzzjonijiet tal-kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji;

(h)

li jitolbu, sa fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali, rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet, meta jeżisti suspett raġonevoli ta’ ksur u meta li tali rekords jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni ta’ ksur tal-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 14 jew l-Artikolu 15;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigatorji li jkunu jeħtieġu biex iwettqu dmirijiethom.

[…]

4.   Persuna li tqiegħed informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti skont dan ir-Regolament m’għandhiex titqies li tkun kisret xi restrizzjoni dwar l-iżvelar tal-informazzjoni imposta b’kuntratt jew b’xi dispożizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva, u dan m’għandu jinvolvi lill-persuna li tagħmel in-notifika f’ebda tip ta’ responsabbiltà relatata ma’ tali notifika”.

16.

F’konformità mal-Artikolu 28 (“Il-protezzjoni tad-data”):

“Rigward l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-[Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)] fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50)].

Id-data personali għandha tinżamm għal perjodu massimu ta’ ħames snin”.

B.   Id-dritt nazzjonali

1. Code monétaire et financier (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, iktar ’il quddiem, iċ-“CMF”)

17.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta seħħew il-fatti, kien jipprovdi li:

“Meta jkun neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni jew tal-ispezzjoni, l-investigaturi jew l-ispetturi jkunu jistgħu jitolbu li jingħatalhom kwalunkwe dokument fi kwalunkwe format. L-investigaturi jistgħu jitolbu wkoll id-data miżmuma u pproċessata mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet fil-kuntest tal-Artikolu L. 34‑1 tal-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u Komunikazzjonijiet Elettroniċi, iktar ’il quddiem, iċ-“CPCE”) u l-fornituri tas-servizzi msemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 6(I) tal-loi n.o 2004‑575 du 21 juin 2004 pour la confiance dans l’économie numérique (il-Liġi Nru 2004‑575 tal‑21 ta’ Ġunju 2004 għall-Istabbiliment tal-Fiduċja fl-Ekonomija Diġitali [Liġi Nru 2004‑575]) u jirċievu kopja ta’ din id-data”.

18.

Skont l-Artikolu L. 621‑10‑2 taċ-CMF applikabbli f’dan il-każ:

“Għall-investigazzjoni tal-abbużi tas-suq […] l-investigaturi jistgħu jitolbu d-data miżmuma u pproċessata mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, bil-kundizzjonijiet u bil-limiti previsti fl-Artikolu L. 34‑1 taċ-[CPCE] u mill-fornituri msemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 6(I) tal-[Liġi Nru 2004‑575].

Il-komunikazzjoni tad-data msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu għandha tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel minn kontrollur tat-talbiet tad-data ta’ konnessjoni.

[…]”.

2. Iċ-CPCE

19.

Skont l-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta seħħew il-fatti:

“[…]

II. L-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi […] għandhom iħassru jew janonimizzaw id-data kollha dwar it-traffiku, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi III […]

[…]

III. Għall-finijiet tal-investigazzjoni, il-verifika u l-prosekuzzjoni tar-reati […] l-operazzjonijiet sabiex jitħassru jew jiġu anonimizzati ċerti kategoriji ta’ data teknika jistgħu jiġu posposti għal perijodu massimu ta’ sena. […]

[…]

VI. Id-data miżmuma u pproċessata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi III, IV u V tirrigwarda esklużivament l-identifikazzjoni tal-utenti tas-servizzi pprovduti mill-fornituri, il-karatteristiċi tekniċi tal-komunikazzjonijiet ipprovduti minn dawn tal-aħħar u l-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali.

Din id-data fl-ebda każ ma għandha tirrigwarda l-kontenut tal-korrispondenzi skambjati jew l-informazzjoni kkonsultata, fi kwalunkwe forma, fil-kuntest ta’ dawn il-komunikazzjonijiet.

[…]”.

20.

L-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE kien jipprovdi li:

“I. Skont l-Artikolu L. 34‑1(III), l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom iżommu, għall-finijiet tal-investigazzjoni, tal-konstatazzjoni u tal-prosekuzzjoni tar-reati:

a)

l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent;

b)

id-data relatata mat-tagħmir terminali tal-komunikazzjonijiet użat;

c)

il-karatteristiċi tekniċi, kif ukoll id-data, il-ħin u t-tul ta’ kull komunikazzjoni;

d)

id-data relatata mas-servizzi komplimentari mitluba jew użati u l-fornituri tagħhom;

e)

id-data li tippermetti li jiġu identifikati d-destinatarju jew id-destinatarji tal-komunikazzjoni.

II. Fil-każ tal-attivitajiet ta’ telefonija, l-operatur għandu jżomm id-data msemmija fit-Taqsima II u, barra minn hekk, dik li tippermetti l-identifikazzjoni tal-oriġini u tal-lokalizzazzjoni tal-komunikazzjoni.

III. Id-data msemmija f’dan l-artikolu għandha tinżamm għal sena mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha.

[…]”.

21.

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li tali data ta’ konnessjoni hija dik li, meta tkun iġġenerata jew ipproċessata bħala konsegwenza ta’ komunikazzjoni, tirrigwarda ċ-ċirkustanzi ta’ din il-komunikazzjoni u l-utenti tas-servizz, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar il-kontenut tal-messaġġi.

II. Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari

22.

Il-fatti sottostanti ta’ dawn iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari huma sostanzjalment l-istess.

23.

Permezz ta’ att ta’ akkuża tat‑22 ta’ Mejju 2014, inbdiet investigazzjoni ġudizzjarja sabiex jiġu investigati azzjonijiet ikklassifikati bħala reati ta’ insider dealing u ħabi.

24.

Fit‑23 u l‑25 ta’ Settembru 2015, l’Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji, iktar ’il quddiem, l-“AMF”) bagħtet lill-Uffiċċju tal-Prosekutur komunikazzjoni li magħha kien hemm mehmużin dokumenti minn investigazzjoni li twettqet minnha, u li inkludew, b’mod partikolari, data personali dwar l-użu ta’ linji tat-telefon.

25.

Sabiex tinkiseb id-data dwar l-użu ta’ dawn il-linji tat-telefon, l-aġenti tal-AMF ibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF.

26.

Wara din il-komunikazzjoni, permezz ta’ tliet atti ta’ akkuża komplimentari tad‑29 ta’ Settembru, tat‑22 ta’ Diċembru 2015 u tat‑23 ta’ Novembru 2016, ġie estiż is-suġġett tal-investigazzjoni sabiex jiġu inklużi ċerti titoli u strumenti finanzjarji relatati, għall-istess reati u għal atti kklassifikati bħala kompliċità kriminali, korruzzjoni u ħasil ta’ flus.

27.

Akkużati bir-reati ta’ insider dealing u ħasil ta’ flus minħabba fatti relatati ma’ dawn it-titoli, VD u SR ippreżentaw rikors għal annullament, fejn fittxew l-esklużjoni ta’ dokumenti proċedurali għall-ksur ta’, inter alia, l-Artikoli 7, 8, 11 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58.

28.

Billi t-talbiet tagħhom ġew miċħuda minn sentenzi separati tal‑20 ta’ Diċembru 2018 u tas‑7 ta’ Marzu 2019, tax-chambre de l’instruction de la cour d’appel de Paris, 2e section (l-Awla Istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, it-Tieni Taqsima, Franza), l-akkużati ppreżentawhom quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)

L-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva [2003/6] kif ukoll l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament [Nru 596/2014], moqri fid-dawl tal-premessa 65 ta’ dan ir-regolament, ma jimplikawx, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura moħbija tal-informazzjoni skambjata u tal-fatt li membri tal-pubbliku ġenerali jistgħu jkunu affettwati, il-possibbiltà, għal-leġiżlatur nazzjonali, li jobbliga lill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jaħżnu temporanjament iżda b’mod ġeneralizzat id-data ta’ konnessjoni sabiex, meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett fil-konfront ta’ ċerti persuni li dawn huma involuti f’insider dealing jew f’manipulazzjoni tas-suq, l-awtorità amministrattiva msemmija fl-Artikolu 11 tad-direttiva u fl-Artikolu 22 tar-regolament tkun tista’ titlob, mingħand l-operatur, ir-rekords eżistenti tad-data dwar it-traffiku fil-każijiet fejn jeżistu raġunijiet ta’ suspett li dawn ir-rekords marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni jistgħu jkunu rilevanti għall-produzzjoni ta’ prova tar-realtà tal-ksur, billi jippermettu, b’mod partikolari, it-traċċar tal-kuntatti stabbiliti mill-persuni kkonċernati qabel ma qamu s-suspetti?

2)

Fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun tali li twassal lill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) sabiex tqis li l-leġiżlazzjoni Franċiża dwar il-ħażna tad-data ta’ konnessjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jistgħu l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni jinżammu b’mod provviżorju sabiex tiġi evitata inċertezza legali u sabiex ikun possibbli li d-data miġbura u maħżuna preċedentement tintuża għal wieħed mill-għanijiet imsemmija f’din il-leġiżlazzjoni?

3)

Tista’ qorti nazzjonali żżomm b’mod provviżorju l-effetti ta’ leġiżlazzjoni li tippermetti lill-aġenti ta’ awtorità amministrattiva indipendenti responsabbli għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet fil-qasam tal-abbuż tas-suq li jiksbu data ta’ konnessjoni mingħajr stħarriġ minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti oħra?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament fl‑24 ta’ Lulju 2020 u fl‑20 ta’ Awwissu 2020.

30.

VD, SR, il-Gvern Spanjol, Estonjan, Franċiż, Irlandiż, Pollakk u dak Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

31.

Fis-seduta pubblika li saret fl‑14 ta’ Settembru 2021 dehru VD, SR, il-Gvern Franċiż, Daniż, Estonjan, Spanjol u dak Irlandiż, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

IV. Analiżi

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

32.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti f’dawn iż-żewġ proċeduri ġiet suġġetta għal ċerti deċiżjonijiet ġurisdizzjonali interni li ta’ min jissemmew.

1. Sentenza tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) tal‑21 ta’ Lulju 2017

33.

Il-qorti tar-rinviju enfasizzat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF ġie ddikjarat li ma huwiex kostituzzjonali mis-sentenza tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) tal‑21 ta’ Lulju 2017 ( 9 ).

34.

Il-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) ippospona, madankollu, l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità sal‑31 ta’ Diċembru 2018.

35.

Intant, il-leġiżlatur nazzjonali, fiċ-CMF introduċa l-Artikolu L. 621‑10‑2, li jintroduċi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità amministrattiva indipendenti, għall-aċċess għad-data ta’ konnessjoni.

36.

Skont il-qorti tar-rinviju:

Minħabba l-posponiment tal-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF – fis-seħħ fil-mument tal-fatti inkwistjoni fil-proċeduri a quibus –, ma tistax tiġi evalwata n-nullità ta’ din id-dispożizzjoni ( 10 );

madankollu, tali dispożizzjoni, sa fejn ma ssuġġettatx l-aċċess għad-data ta’ konnessjoni għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, “ma kinitx kompatibbli mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali […], kif interpretati mill-[Qorti tal-Ġustizzja]” ( 11 ).

37.

F’dan il-kuntest, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tikkonkludi li l-“unika kwistjoni li tqum tikkonċerna l-possibbiltà li jiġu posposti l-effetti tal-inkompatibbiltà tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-[CMF]” ( 12 ).

38.

Il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix, għaldaqstant, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF mad-dritt tal-Unjoni, iżda, abbażi tal-inkompatibbiltà tiegħu ma’ diversi dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sempliċiment tixtieq tkun taf jekk, bħalma seħħ fid-dritt intern bl-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità ta’ din id-dispożizzjoni, huwiex possibbli li jiġu posposti wkoll l-effetti ġuridiċi korrispondenti għan-nuqqas ta’ konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa s-suġġett tat-tielet domanda preliminari.

2. Sentenza tal‑21 ta’ April 2021 tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza)

39.

Sussegwentement għat-tressiq ta’ dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ta d-deċiżjoni tiegħu fil‑21 ta’ April 2021 ( 13 ), fil-proċedura li matulha tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari li wasslet għas-sentenza La Quadrature du Net.

40.

F’din is-sentenza, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE u jordna lill-Gvern sabiex, fi żmien sitt xhur, iħassar l-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE, abbażi tal-fatt li ma jillimitawx b’mod xieraq l-għanijiet tal-obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni ( 14 ).

41.

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għamel riferiment għall-konformità tar-regoli nazzjonali inkwistjoni hawnhekk mad-Direttiva 2002/58. Fil-fehma tiegħu, mir-risposta offruta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza La Quadrature du Net jirriżulta li jew jitħallew mhux applikati (écarter) fil-proċess ewlieni (għalhekk, l-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE) ( 15 ), jew jitħassru (għalhekk, l-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE) ( 16 ).

42.

Ir-rilevanza tas-sentenza La Quadrature du Net fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari ta’ dawn ir-rinviji hija ferm iktar enfasizzata peress li f’din is-sentenza diġà kien ittieħed inkunsiderazzjoni, fost dispożizzjonijiet oħra, l-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE ( 17 ), li, moqri flimkien mal-Artikolu L. 34‑I tal-istess CPCE, huma l-element prinċipali sabiex jiġi applikat l-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF.

43.

Ser infakkar li, sabiex tinġabar id-data dwar l-użu tal-linji tat-telefon użati mill-persuni ssuspettati li wettqu l-ksur li kien is-suġġett tal-investigazzjoni dwar abbuż possibbli tas-suq, l-aġenti tal-awtorità amministrattiva bbażaw ruħhom, preċiżament, fuq l-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF.

3. Telf tal-għan tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari?

44.

Bħalma diġà ddikjarajt, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2003/6 u mar-Regolament Nru 596/2014, sa fejn waħda minnhom tista’ toffri bażi speċifika għall-obbligu taż-żamma tad-data, differenti minn dik li tinsab fid-Direttiva 2002/58.

45.

Jekk dan huwa minnu, inqis li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma tilfux l-għan tagħhom, minkejja l-impatt li s-sentenzi tal-qrati Franċiżi msemmijin iktar ’il fuq seta’ kellhom fuq din il-leġiżlazzjoni nazzjonali:

Minn naħa, ma jistax jiġi prekluż li, skont id-dritt nazzjonali, l-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE seta’ kellu effett fuq il-proċeduri prinċipali, fatt li għandha tiddeterminah il-qorti tar-rinviju.

Min-naħa l-oħra, l-ordni indirizzata lill-Gvern mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), minbarra li tinvolvi l-obbligu li titħassar formalment din id-dispożizzjoni, tinvolvi wkoll sensiela ta’ linji gwida fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mil-leġiżlazzjoni li għandha tissostitwixxi lil dik li għandha titħassar ( 18 ).

46.

Fil-fatt, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ma llimitax lilu nnifsu sabiex jimponi fuq il-Gvern l-obbligu li jħassar l-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE fi żmien sitt xhur, iżda jobbligah b’mod espliċitu sabiex “jillimita l-għanijiet imfittxija minn dawn l-artikoli u jadatta l-qafas regolatorju relatat maż-żamma tad-data ta’ konnessjoni” ( 19 ).

47.

Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju, peress li:

Iż-żamma tad-data dwar it-traffiku jista’, teoretikament, ikollha, fid-Direttiva 2003/6 u fir-Regolament Nru 596/2014, bażi awtonoma u differenti minn dik prevista mid-Direttiva 2002/58.

Mid-Direttiva 2003/6 u mir-Regolament Nru 596/2014 jistgħu jirriżultaw kundizzjonijiet partikolari u speċifiċi, fir-rigward tal-għanijiet taż-żamma tad-data.

B.   L-ewwel domanda preliminari

48.

L-ewwel domanda preliminari tikkonċerna l-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014.

49.

Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jitolbu mingħand l-impriżi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (u, jekk ikun il-każ, l-impriżi tas-servizzi ta’ investiment, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji), ir-rekords ( 20 ) eżistenti dwar it-traffiku tad-data u dwar id-data tat-telefon, meta jkun hemm suspett raġonevoli li twettaq ksur minħabba abbuż tas-suq u dawn ir-rekords jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni tagħhom.

50.

L-assunzjoni li fuqha tibbaża ruħha l-qorti tar-rinviju hija li l-aċċess għal dawn ir-rekords jippreżupponi li “l-leġiżlatur nazzjonali jobbliga lill-impriżi tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi jżommu, temporanjament iżda b’mod iġġeneralizzat, id-data ta’ konnessjoni sabiex l-awtorità amministrattiva […] tikseb mill-impriża tat-telekomunikazzjonijiet ir-rekords eżistenti dwar id-data dwar it-traffiku […] u tippermetti, b’mod partikolari, li jitwettaq monitoraġġ tal-kuntatti stabbiliti mill-persuni interessati qabel ma jqumu s-suspetti”.

51.

Issa, fir-rigward tal-obbligu taż-żamma b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat tad-data ta’ konnessjoni f’oqsma differenti minn dak tas-sigurtà nazzjonali (għall-finijiet ta’ din il-kawża, fil-qasam tal-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq) il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, irrikapitulata fis-sentenza La Quadrature du Net hija valida b’mod sħiħ.

1. Bażi ġuridika awtonoma għall-obbligu taż-żamma tad-data fid-Direttiva 2003/6 u fir-Regolament Nru 596/2014?

52.

Ċertament, il-kummentarju tas-sentenza La Quadrature du Net ġie stabbilit b’rabta mad-Direttiva 2002/58, filwaqt li r-regoli li tagħmel riferiment għalihom il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) huma d-Direttiva 2003/6 u r-Regolament Nru 596/2014.

53.

Madankollu, id-Direttiva 2002/58 tikkostitwixxi d-dispożizzjoni ta’ riferiment sa fejn tikkonċerna, bħalma jindika t-titolu tagħha, l-“ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika”.

54.

Kemm id-Direttiva 2003/6 (li l-għan proprju tagħha huwa l-insider dealings u l-manipulazzjoni tas-suq) kif ukoll ir-Regolament Nru 596/2014 (li huwa ddedikat għall-abbuż tas-suq) jinkludu dispożizzjonijiet li, bħal dawk stabbiliti fl-ewwel domanda ta’ dawn ir-rinviji, jikkonċernaw l-ipproċessar tar-rekords tad-data dwar it-traffiku.

55.

Għaldaqstant, huma regoli li, f’dan il-każ speċifiku, billi huma purament strumentali għall-finijiet u għall-għan tagħhom, għandhom jiġu interpretati fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/58.

56.

Hekk jirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 12(2)(d) tad-Direttiva 2003/6 u mill-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014:

L-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tikkonċerna d-dritt “li jeħtieġu reġistri […] tat-traffikar tad-data eżistenti” ( 21 );

l-Artikolu 23(2)(g) tar-Regolament Nru 596/2014 jikkonċerna “reġistrazzjonijiet eżistenti ta’ konverżazzjonijiet bit-telefon, komunikazzjonijiet elettroniċi jew rekords tat-traffiku tad-data [rekords tad-data dwar it-traffiku] miżmuma minn kumpaniji tal-investiment, istituzzjonijiet tal-kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji” ( 22 );

finalment, l-Artikolu 23(h) jagħmel riferiment ukoll għar-“rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet […]” ( 23 ).

57.

Fil-fehma tiegħi, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tagħti awtorizzazzjonijiet speċifiċi – differenti minn dawk previsti fid-Direttiva 2002/58 – għaż-żamma tad-data. Huma limitati sabiex jawtorizzaw lill-amministrazzjonijiet kompetenti l-aċċess għad-data miżmuma (eżistenti) skont il-leġiżlazzjoni li tirregola, b’mod ġenerali, l-ipproċessar ta’ din id-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jiġifieri, id-Direttiva 2002/58.

58.

U lanqas l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 596/2014 (li barra minn hekk, l-interpretazzjoni tiegħu ma hijiex mitluba mill-qorti tar-rinviju) ma jista’ jintuża bħala bażi legali awtonoma allegata sabiex jiġi impost l-obbligu taż-żamma tad-data f’dan il-qasam.

59.

Dan l-artikolu, taħt l-intestatura “Il-protezzjoni tad-data” u, għal darba oħra, fir-rigward tal-“ipproċessar tad-data personali”:

Jikkorrobora d-dritt, u fl-istess ħin id-dmir, tal-awtoritajiet kompetenti, li jeżerċitaw “[i]l-kompiti tagħhom għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE”.

Ma jagħmilx riferiment għall-obbligu taż-żamma tad-data ( 24 ) meħtieġa mill-impriżi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda huwa limitat sabiex jagħmel riferiment għad-Direttiva 95/46 ( 25 ) fir-rigward tal-protezzjoni tad-data.

60.

Is-silenzju tad-Direttiva 2003/6 u tar-Regolament Nru 596/2014 fuq l-obbligu taż-żamma tad-data impost fuq l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jinftiehem, fid-dawl tal-prossimità ratione temporis tagħhom lejn id-Direttiva 2002/58. Il-leġiżlatur Ewropew diġà kellu din tal-aħħar bħala kuntest eżawrjenti ta’ riferiment sabiex jindika l-limiti (u l-eċċezzjonijiet) ta’ dan l-obbligu, u dan wassal sabiex sistema proprja ta’ żamma għall-ġlieda kontra l-abbużi tas-suq ma tkunx neċessarja.

61.

Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-Direttiva 2002/58 għandha naturalment tiġi estiża għaż-żamma tad-data li, billi huma f’idejn l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-abbużi tas-suq.

62.

Ir-“rekords eżistenti” li jagħmlu riferiment għalihom id-Direttiva 2003/6 u r-Regolament Nru 596/2014 jistgħu biss ikunu r-“rekords eżistenti legalment”, jiġifieri, dawk imwettqa f’konformità mad-Direttiva 2002/58. F’din id-direttiva li, fid-dritt tal-Unjoni “tipprevedi, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarja sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi” ( 26 ).

63.

Il-legalità tar-“rekords eżistenti” tista’ tiġi ġġustifikata biss meta, finalment, l-eżistenza tagħhom tkun koperta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58.

64.

Il-Gvern Franċiż ma jaqbilx ma’ dan l-approċċ. Huwa jallega li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun limitata għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/6 u tar-Regolament Nru 596/2014. It-tnejn li huma jawtorizzaw lill-Istati Membri, b’mod impliċitu, sabiex jintroduċu obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata. Inkella, l-effett utli tagħhom ikun serjament ippreġudikat.

65.

Ma naqbilx mal-argumenti tal-Gvern Franċiż, iżda, anki jekk kelli naċċettahom, jibqa’ l-fatt li din l-allegata “awtorizzazzjoni impliċita” ser tibqa’ suġġetta għall-kundizzjonijiet li għalihom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma suġġetti l-Istati Membri meta jużaw il-possibbiltà li jimponu l-obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata ta’ data skont id-Direttiva 2002/58.

66.

Fi kliem ieħor, jekk jiġi aċċettat, teoretikament, li d-Direttiva 2003/6 u r-Regolament Nru 596/2014 kellhom jipprovdu bażi awtonoma għaż-żamma tad-data (quod non), din iż-żamma għandha tkun suġġetta għall-istess kundizzjonijiet li jkollhom jirregolawha jekk l-appoġġ għaliha jinsab fi kwalunkwe dispożizzjoni regolatorja oħra tal-Unjoni.

67.

Dan huwa minħabba l-fatt li, finalment, dawn il-kundizzjonijiet ġejjin mis-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li għalihom jagħmlu riferiment id-Direttiva 2003/6 u r-Regolament Nru 596/2014. Huma preċiżament dawn id-drittijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja invokat fil-ġurisprudenza ta’ La Quadrature du Net.

68.

Il-Gvern Franċiż innifsu, u dawk li intervjenew f’din il-proċedura, ma setgħux jevitaw li jagħmlu riferiment għall-kummentarju stabbilit f’din l-aħħar sentenza. F’xi każijiet (bħall-Gvern Portugiż jew il-Kummissjoni), billi jiġi enfasizzat li hija tipprovdi l-linja gwida sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi preliminari; f’oħrajn (bħal, b’mod partikolari, il-Gvern Irlandiż), billi tintalab b’mod espliċitu r-reviżjoni tagħha.

69.

Id-dibattitu li rriżulta minn din il-proċedura għaldaqstant iffoka fuq jekk għandux jiġi kkorroborat jew rivedut il-kummentarju tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-legalità taż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

2. Projbizzjoni taż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u l-miżuri leġiżlattivi għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja

70.

Bħalma argumentajt fil-konklużjonijiet Commissioner of the Garda Síochána u SpaceNet u Telekom Deutschland, ta’ din l-istess data, ma nqisx li hija rilevanti r-reviżjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

71.

F’dan il-kuntest, l-elementi essenzjali sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, joħorġu direttament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li rrikapitulat is-sentenza La Quadrature du Net.

72.

Għaldaqstant, għandi nfakkar, qabelxejn, fil-kummentarju tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, li l-punt 168 tagħha jiġbru fil-qosor b’dan il-mod:

“[L]‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet previsti f’dan l‑Artikolu 15(1), b’mod preventiv, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 15(1) moqri fid-dawl tal‑Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi

li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l‑għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti;

li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal‑ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal‑ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal‑ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data relatata mal‑identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi; u

li jippermettu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni li dawn il‑fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż‑żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal‑kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż”.

73.

L-idea ewlenija tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 2002/58 hija li l-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala prinċipju, li l-komunikazzjonijiet u d-data relatata magħhom jibqgħu, fin-nuqqas tal-kunsens tagħhom, anonimi u li ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni ( 27 ).

74.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti eċċezzjonijiet għall-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità. Is-sentenza La Quadrature du Net tkompli teżamina kif dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jiġu rrikonċiljati mad-drittijiet fundamentali li jista’ jiġi affettwat l-eżerċizzju tagħhom ( 28 ).

75.

Iż-żamma ġġeneralizzata u nondiskriminatorja tad-data dwar it-traffiku tista’ tiġi ġġustifikata biss, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-għan tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, li l-importanza tagħha “tmur lil hinn minn dik tal-għanijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58” ( 29 ).

76.

F’dan il-każ (sigurtà nazzjonali), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, “ma jipprekludix [tipprekludix], bħala regola, miżura leġiżlattiva li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jipproċedu biż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni tal-utenti kollha tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi matul perijodu limitat, meta jkun hemm ċirkustanzi suffiċjentement konkreti li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Istat Membru kkonċernat huwa affaċċjat b’theddida serja […] għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli” ( 30 )

77.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tifhem li l-“għan tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali”“tinkludi [jinkludi] l-prevenzjoni u r-ripressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l‑Istat bħala tali” ( 31 ).

78.

Madankollu, it-tifsira tas-sentenza La Quadrature du Net ma tiġix irrispettata jekk id-dikjarazzjonijiet tagħha dwar is-sigurtà nazzjonali jkunu jistgħu jiġu estrapolati għar-reati, inklużi dawk serji, li ma jippreġudikawhiex, iżda jippreġudikaw is-sigurtà pubblika jew interessi oħra li huma protetti b’mod ġuridiku.

79.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bir-reqqa bejn il-miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jistabbilixxu ż-żamma preventiva, iġġeneralizzata u indifferenzjata, tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni sabiex tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali (punti 134 sa 139 tas-sentenza La Quadrature du Net) u dawk li jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-protezzjoni tas-sigurtà pubblika (punti 140 sa 151 tal-istess sentenza). It-tnejn li huma ma jistax ikollhom l-istess portata, inkella d-distinzjoni tispiċċa mingħajr ebda tifsira.

80.

L-istrumenti ta’ żamma tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja huma esposti, nirrepeti, fil-punti 140 sa 151 tas-sentenza La Quadrature du Net. Ma’ dawn għandhom jiżdiedu, għall-istess finijiet, dawk li jawtorizzaw iż-żamma preventiva tal-indirizzi IP u tad-data dwar l-identità ċivili tal-persuna (punti 152 sa 159 ta’ din is-sentenza), kif ukoll iż-“żamma rapida” tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni (punti 160 sa 166 tal-imsemmija sentenza).

81.

Mingħajr dubju, l-abbużi tas-suq huma kompletament oġġezzjonabbli, billi jolqtu ħażin “l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-kunfidenza pubblika f’titoli u derivati”. Sa dan l-istess punt, jistgħu jiġu kklassifikati, skont il-każijiet, bħala ksur punibbli, u fl-iktar każijiet serji, bħala reati serji ( 32 ).

82.

Għaldaqstant, billi jsir riferiment għall-kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li taffettwa lil żewġ Stati Membri jew iktar jew lil interess komuni protetti minn politika tal-Unjoni, l-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/794 ( 33 ) ikopri f’dan il-kunċett, flimkien ma’ aġir ieħor ripress, l-“abbuż minn informazzjoni pprivileġġjata u manipulazzjoni tas-suq finanzjarju”.

83.

Madankollu, in-natura kriminali tiegħu, inkluża dik serja meta sseħħ, hija l-istess natura li jista’ jkollu ħafna iktar ksur ieħor li jaffettwa lill-interessi pubbliċi rilevanti u lill-politiki tal-Unjoni. L-Anness I tar-Regolament 2016/794 jelenka, fost eżempji oħra ta’ kriminalità serja, it-traffikar ta’ droga; l-attivitajiet tal-ħasil ta’ flus; il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni; it-traffikar tal-bnedmin; il-ħtif ta’ persuni, iż-żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi; il-kriminalità kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; il-falsifikazzjoni u l-piraterija tal-prodotti; il-kriminalità permezz tal-kompjuter, il-korruzzjoni u r-reati ambjentali, inkluż it-tniġġis mill-bastimenti.

84.

L-interessi pubbliċi protetti mill-kriminalizzazzjoni ta’ dan l-aġir jista’ jkollhom daqstant rilevanza jew iktar rilevanza minn dawk difiżi mir-ripressjoni tal-abbużi tas-suq. Iżda dan ma jfissirx li tali aġir jinvolvi theddida għas-sigurtà nazzjonali, fis-sens tas-sentenza La Quadrature du Net ( 34 ).

85.

Bħalma sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, l-għanijiet tad-Direttiva 2003/6 u tar-Regolament Nru 596/2014 huma li jinkiseb suq intern (b’mod partikolari, fis-settur tas-swieq finanzjarji), iżda mhux li tiġi ppreservata s-sigurtà nazzjonali ( 35 ).

86.

L-estensjoni tal-kunċett ta’ “theddida kontra s-sigurtà nazzjonali” għar-reati ta’ abbuż tas-suq tiftaħ il-bieb sabiex isir l-istess ma’ ħafna iktar ksur tal-interessi pubbliċi li ma jkunux daqstant importanti, iżda jkun diffiċli għal qorti kriminali sabiex iddaħħlu f’dan il-kunċett li jkun ħafna iktar restrittiv. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel li tiftaħ dan il-bieb, il-bilanċ bir-reqqa sottostanti fis-sentenza La Quadrature du Net ikun inutli.

87.

Fil-qosor, ir-rekords/reġistrazzjonijiet “eżistenti” msemmija fl-Artikolu 12(2)(d) tad-Direttiva 2003/6 u fl-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014 ma jistgħux ikunu għajr dawk li d-Direttiva 2002/58, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tippermetti li jinżammu għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. Fl-ebda każ ma jistgħu jiġu mqabbla ma’ dawk miżmuma b’mod preventiv, iġġeneralizzat u indifferenzjat, sabiex tiġi difiża s-sigurtà nazzjonali.

C.   It-tieni domanda preliminari

88.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ li l-leġiżlazzjoni Franċiża relatata maż-żamma tad-data ta’ konnessjoni ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jistgħux jinżammu b’mod provviżorju l-effetti tagħha.

89.

Minħabba d-data tar-rinviji tagħha, il-qorti tar-rinviju ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-risposta għad-dubji tagħha tinsab fis-sentenza (tas‑6 ta’ Ottubru 2020) La Quadrature du Net (b’mod partikolari, fil-punti 213 sa 228 tagħha), li, f’dan ir-rigward, segwiet il-ġurisprudenza tradizzjonali.

90.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta jinstab ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, “il-qorti tar-rinviju ma tistax tapplika dispożizzjoni tad‑dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, skont dak id-dritt, tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali” ( 36 ).

91.

Ir-raġuni hi li “[h]ija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, b’mod eċċezzjonali u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal‑Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jmur kontriha” ( 37 ). “[L]imitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ dan id‑dritt tista’ tiġi ammessa biss fl-istess sentenza li tiddeċiedi dwar l‑interpretazzjoni mitluba” ( 38 ), li ma kienx il-każ fis-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et ( 39 ).

92.

Konsegwentement, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li hija rilevanti l-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni tagħha tad-Direttiva 2002/58, il-qorti tar-rinviju ma tistax tiddeċiedi li testendi l-effikaċja ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li, bħalma huwa l-każ bid-Direttiva 2003/6 u r-Regolament Nru 596/2014, għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dik l-ewwel direttiva.

D.   It-tielet domanda preliminari

93.

Fl-istess linja tad-domanda preċedenti, permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-Cour de Cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tixtieq tkun taf jekk qorti nazzjonali tistax iżżomm b’mod provviżorju l-effetti ta’ leġiżlazzjoni “li tippermetti lill-aġenti ta’ awtorità amministrattiva indipendenti responsabbli għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet fil-qasam tal-abbuż tas-suq li jiksbu data ta’ konnessjoni mingħajr stħarriġ minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti oħra”.

94.

Il-premessa għal din id-domanda hija, għal darba oħra, li din il-leġiżlazzjoni, fiha nnifisha, hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 40 ). U dan huwa dak li tiddikjara l-qorti tar-rinviju nnifisha: għalkemm l-AMF hija awtorità amministrattiva indipendenti, “is-setgħa mogħtija lill-investigaturi tagħha sabiex jiksbu d-data ta’ konnessjoni mingħajr stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn awtorità indipendenti oħra ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali […] kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja” ( 41 ).

95.

L-istess soluzzjoni hija miksuba fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) ( 42 ), li l-punti 51 et seq. tagħha jenfasizzaw li l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma għandu jkun suġġett għal stħarriġ minn qabel, imwettaq kemm minn qorti, kif ukoll minn entità amministrattiva indipendenti bħala “terz” li fir-rigward tiegħu titlob l-aċċess għal din id-data.

96.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun identika għal dik tat-tieni waħda.

V. Konklużjoni

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) kif ġej:

“1)

L-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), u l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu b’mod iġġeneralizzat u indifferenzjat id-data dwar it-traffiku fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ insider dealings jew ta’ manipulazzjoni u abbuż tas-suq.

2)

Qorti nazzjonali ma tistax tillimita ratione temporis l-effetti tal-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni interna li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u l-Artikolu 52 (1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li jippermetti lill-awtorità amministrattiva inkarigata li twettaq investigazzjonijiet dwar abbuż tas-suq tikseb il-komunikazzjoni tad-data ta’ konnessjoni mingħajr stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Iktar ’il quddiem, il-“konklużjonijiet SpaceNet u Telekom Deutschland” u l-“konklużjonijiet Commissioner of the Garda Síochána”, rispettivament.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).

( 4 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791); iktar ’il quddiem is-“sentenza La Quadrature du Net”.

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4 p. 367).

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320).

( 7 ) F’dan il-każ jidher li hija eskluża d-data dwar il-lokalizzazzjoni, għalkemm id-differenza bejn dawn it-tnejn ma tirriżultax għalkollox ċara.

( 8 ) Fit-tifsira wiesgħa tagħha, li ser nadotta f’dawn il-konklużjonijiet, l-abbuż tas-suq huwa “kunċett li jinkludi l-imġiba illegali fis-swieq finanzjarji u, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun mifhum li jikkonsisti f’abbuż minn informazzjoni privileġġata, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq” (premessa 7 tar-Regolament Nru 596/2014).

( 9 ) Il-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) allegatament sab li l-proċedura ta’ aċċess tal-AMF għad-data ta’ konnessjoni kienet inkompatibbli mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, protett mill-Artikolu 2 tad-Déclaration des Droits de l’Homme et du Citoyen (id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċittadin, Franza).

( 10 ) Punt 28 tad-digriet tar-rinviju, tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari C‑339/20 u l-punt 43 tad-domanda preliminari magħmula C‑397/20.

( 11 ) Loc. ult. cit.

( 12 ) Punti 29 sa 44 tad-digrieti tar-rinviju rispettivi.

( 13 ) Sentenza Nru 393099 (ECLI:FR:CEASS:2021:393099.20210421). Loġikament, fil-kuntest ta’ din il-kawża ma nistax niddeċiedi dwar il-kontenut ta’ din is-sentenza f’dak li jikkonċerna l-adattament għad-dritt tal-Unjoni ta’ wħud mis-siltiet jew id-deċiżjonijiet tagħha (b’mod partikolari, dawk relatati mal-aċċess, għal finijiet oħra, għal data miżmuma għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali) jew għall-interpretazzjoni li twassal għas-sentenza La Quadrature du Net. Fis-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda tevalwa jekk xi tip ta’ reazzjoni kontra din is-sentenza kienx xieraq, mingħajr ma kienet għadha ħadet ebda deċiżjoni fir-rigward.

( 14 ) Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet kellhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar din is-sentenza matul is-seduta.

( 15 ) Punt 58 tas-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

( 16 ) Artikolu 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

( 17 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 70: “Fir-rigward tal-Artikolu R. 10‑13 tal-KPKE u tal-obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma ta’ data relatata mal-komunikazzjonijiet previst fih, il-qorti tar-rinviju […] tiġbed l-attenzjoni li tali żamma tippermetti li l-awtorità ġudizzjarja taċċessa d-data relatata mal‑komunikazzjonijiet li individwu jkun għamel qabel ma jkun issuspettat li wettaq reat kriminali, b’tali mod li din iż-żamma tkun ta’ utilità kbira għall-investigazzjoni, il-konstatazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali”.

( 18 ) Fis-seduta, il-Gvern Franċiż informa bl-approvazzjoni tal-Loi no 2021‑998 du 30 juillet 2021 relative à la prévention d’actes de terrorisme et au renseignement (il-Liġi Nru 2021/998 tat‑30 ta’ Lulju 2021 dwar il-Prevenzjoni ta’ Atti ta’ Terroriżmu u u s-Servizzi ta’ Informazzjoni) (JORF Nru 176 tal‑31 ta’ Lulju 2021). L-Artikolu 17 tagħha jemenda l-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE. Digriet sussegwenti għandu jiddetermina, “skont l-attività tal-operaturi u n-natura tal-komunikazzjonijiet, l-informazzjoni u l-kategoriji tad-data miżmuma skont it-[Taqsimiet] IIa u III”, emendati, bl-Artikolu L. 34 taċ-CPCE.

( 19 ) Punt 59 tas-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). B’mod partikolari, u skont kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, l-adattament meħtieġ għandu jinkludi “eżami mill-ġdid perjodiku tal-eżistenza ta’ theddida serja, reali u attwali jew prevedibbli għas-sigurtà nazzjonali”.

( 20 ) Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 596/2004, rekords tad-“data dwar it-traffiku” tfisser dawk kif iddefiniti fil-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, jiġifieri, “data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha”.

( 21 ) Enfasi miżjuda minni.

( 22 ) Enfasi miżjuda minni.

( 23 ) Enfasi miżjuda minni.

( 24 ) Madankollu jistabbilixxi perijodu ta’ ħames snin għaż-żamma tagħha.

( 25 ) Direttiva mħassra mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). Għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza La Quadrature du Net, punt 210, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, “[…] bħal fil-każ tal‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, is-setgħa li l-Artikolu 23(1) tar‑Regolament 2016/679 jagħti lill-Istati Membri tista’ tiġi eżerċitata biss bl-osservanza tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, li jistipula li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom japplikaw biss fil-limiti strettament neċessarji (ara, b’analoġija, fir‑rigward tad-Direttiva 95/46, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, IPI, C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata)”.

( 26 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 91.

( 27 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 109.

( 28 ) Ibidem, punti 111 sa 133.

( 29 ) Ibidem, punt 136.

( 30 ) Ibidem, punt 137 (enfasi miżjuda minni). Dan huwa minnu, tkompli l-Qorti tal-Ġustizzja, “[a]nki jekk tali miżura tkopri, mingħajr distinzjoni, l-utenti kollha ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr ma dawn ikunu jidhru li għandhom rabta, mal-ewwel daqqa ta’ għajn […] ma’ theddida għas-sigurtà nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru”, u għaldaqstant hemm lok “li jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ tali theddida hija ta’ natura, minnha nnifisha, li tistabbilixxi din ir-rabta” (loc. ult. cit.).

( 31 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 135. Ċertament, bħalma nenfasizza fil-punt 39 tal-konklużjonijiet SpaceNet u Telekom Deutschland, minn dawn ir-rekwiżiti tirriżulta sistema iktar rigoruża u stretta minn dik li toħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Dan, naturalment, huwa aċċettat mill-Artikolu 52(3), in fine tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Bla ħsara għall-fatt li, bħalma nindika fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kummentarju tal-QEDB fis-sentenzi tagħha tal‑25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2021:0525JUD005817013) u Centrum för Rättvisa vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2021:0525JUD003525208), kif ukoll tal‑4 ta’ Diċembru 2015 Zakharov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2015:1204JUD004714306), jikkonċerna każijiet li ma humiex komparabbli ma’ dawk diskussi f’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari. Finalment, is-soluzzjoni għal dawn għandha tinsab billi jiġu applikati leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jkunu meqjusa li huma konformi mar-regolament eżawrjenti tad-Direttiva 2002/58, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 32 ) Ara d-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU 2014, L 173, p. 179).

( 33 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 2016, L 135, p. 53).

( 34 ) Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi stabbilit tertium genus ta’ reati, li jestendi bejn is-sigurtà nazzjonali u l-kriminalità serja, nagħmel riferiment għall-punti 51 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħi ta’ Commissioner of the Garda Síochána.

( 35 ) Minn pożizzjoni iktar kritika, id-difiża ta’ VD fakkret fl-intervent orali tiegħu kif is-sigurtà nazzjonali ġiet marbuta ma’ diversi kategoriji kriminali fis-sistemi politiċi totalitarji, li jsibu theddid għas-sigurtà tal-Istat kullimkien.

( 36 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 220.

( 37 ) Ibidem, punt 216.

( 38 ) Loc. ult. cit.

( 39 ) Kawżi C‑293/12 u C‑594/12 (EU:C:2014:238).

( 40 ) Bħalma diġà fakkart, il-Conseil Constitutionel (il-Kunsill Kostituzzjonali) annulla l-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF. Is-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tal‑21 ta’ April 2021, tirrikonoxxi, f’diversi siltiet, li l-aċċess għad-data għandu jkun ippreċedut minn stħarriġ ġudizzjarju jew stħarriġ minn awtorità indipendenti li għandha setgħa vinkolanti.

( 41 ) Punti 28 u 43 tad-digrieti tar-rinviju rispettivi. Il-ġurisprudenza li jagħmel riferiment għaliha tmur lura għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 120).

( 42 ) Kawża C‑746/18, EU:C:2021:152.

Top