EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0233

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Hogan, ippreżentati fil-15 ta’ April 2021.
WD vs job-medium GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Artikolu 7(1) – Dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud qabel it-tmiem tar‑relazzjoni ta’ xogħol – Tmiem qabel iż-żmien tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba l-impjegat.
Kawża C-233/20.

Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:304

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fil-15 ta’ April 2021 (1)

Kawża C233/20

WD

vs

jobmedium GmbH, fi stralċ

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l‑Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-impjegati — Direttiva 2003/88/KE — Artikolu 7 — Kumpens finanzjarju għal‑leave annwali mhux meħud imħallas fi tmiem ir‑relazzjoni ta’ xogħol — Terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba r‑riżenja tal-impjegat mingħajr raġuni”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa waħda, WD u, min-naħa l-oħra, il-persuna li kienet timpjegah, kumpannija bl‑isem job‑medium. It-tilwima tirrigwarda t-talba ta’ WD għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud qabel it‑terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu fil-kuntest speċifiku fejn it-terminazzjoni kienet ibbażata fuq deċiżjoni tal-impjegat li jittermina l‑kuntratt qabel iż‑żmien mingħajr ma osserva l-perijodu ta’ avviż applikabbli.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3.        L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Kondizzjonijiet tax‑xogħol ġusti u xierqa”, jistipula:

“1.      Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.      Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas.”

2.      Id-Direttiva 2003/88

4.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

B.      Id-dritt Awstrijak

5.        L-Artikolu 10(1) u (2) tal-Urlaubsgesetz (il-Liġi dwar il-Leave Annwali tas-7 ta’ Lulju 1976, iktar ’il quddiem l-“UrlG”) (3), kif emendata, jistipula:

“(1)      Fid-data ta’ tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, l-impjegat għandu jkun intitolat, għas-sena ta’ referenza li fiha r-relazzjoni ta’ xogħol tiġi tterminata, għal kumpens finanzjarju bħala kumpens għal-leave li jikkorrispondi mal-perijodu tax-xogħol matul is-sena ta’ referenza skont is-sena ta’ referenza sħiħa. Leave diġà meħud għandu jitnaqqas mil-leave annwali dovut pro rata temporis […].

(2)      L-ebda kumpens finanzjarju ma għandu jkun dovut jekk l-impjegat itemm ir-relazzjoni ta’ xogħol qabel iż-żmien mingħajr raġuni serja.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

6.        WD kien impjegat ma’ job-medium mill-25 ta’ Ġunju 2018 sad‑9 ta’ Ottubru 2018. Fid-9 ta’ Ottubru 2018, huwa ttermina l-kuntratt tal‑impjieg tiegħu qabel iż-żmien mingħajr ma osserva l-perijodu ta’ avviż applikabbli. Id-dritt għal-leave annwali miksub għall-perijodu tax-xogħol kien ta’ 7.33 ijiem ta’ xogħol, li minnhom kien ħa erbat ijiem. Għalhekk, huwa kien għad fadallu 3.33 ijiem ta’ xogħol f’leave annwali fid-data meta ġiet fi tmiemha r-relazzjoni ta’ xogħol. Job‑medium, wara li ċċitat għal dan il-għan l-Artikolu 10(2) tal‑UrlG – li permezz tiegħu l-ebda kumpens finanzjarju ma huwa dovut għal-leave annwali mhux meħud f’każ ta’ terminazzjoni qabel iż-żmien u mingħajr ġustifikazzjoni min-naħa tal‑impjegat – ma tat l-ebda kumpens finanzjarju lir-rikorrent għal‑leave annwali mhux meħud.

7.        Billi qies li din id-dispożizzjoni hija kuntrarja għad-dritt tal‑Unjoni, WD ressaq kawża għall-ħlas ta’ dan il-kumpens finanzjarju. Il-kawża tiegħu ġiet miċħuda fl-ewwel istanza u fl-appell abbażi tal‑Artikolu 10(2) tal-UrlG.

8.        Il-qorti tar-rinviju, adita b’appell minn din is-sentenza, tiddikjara li t-telf tad-dritt għall-ħlas ta’ kumpens għal‑leave annwali mhux meħud taħt l-Artikolu 10(2) tal-UrlG huwa limitat għall-każ fejn l-impjegat jitlaq mix-xogħol mingħajr ġustifikazzjoni. F’dan il-kuntest, hemm raġuni fejn, fil-mument tat‑terminazzjoni tal-impjieg, l-impjegat ma jistax ikun raġonevolment mistenni jżomm ir-relazzjoni ta’ xogħol, lanqas matul il-perijodu ta’ avviż.

9.        L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tiddikjara li dik id-dispożizzjoni hija, minn naħa waħda, punittiva, inkwantu hija intiża sabiex tiskoraġġixxi lill-impjegati milli jitterminaw relazzjoni ta’ xogħol qabel iż-żmien mingħajr ġustifikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, ekonomika, inkwantu hija intiża sabiex tillibera lill-persuna li timpjega minn oneru finanzjarju meta affaċċjata bit-tluq mhux mistenni ta’ wieħed mill-impjegati tagħha.

10.      Il-qorti tar-rinviju għandu dubju dwar jekk l-Artikolu 10(2) tal‑UrlG huwiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, u mal‑Artikolu 31(2) tal-Karta.

11.      Minn dik il-ġurisprudenza jirriżulta, b’mod partikolari, li l-fatt li impjegat jittermina r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu minn jeddu ma għandux jaffettwa d-dritt tiegħu li jirċievi, fejn dovut, kumpens finanzjarju għal drittijiet ta’ leave annwali li ma setax jieħu qabel tmiem dik ir‑relazzjoni ta’ xogħol. Madankollu, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll li interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/88 li deliberatament tinkoraġġixxi lill-impjegat ma jiħux il-leave annwali biex iżid il-paga tiegħu hija inkompatibbli mal‑għanijiet li kellhom jintlaħqu bl-introduzzjoni tad-dritt għal kumpens tal-leave annwali.

12.      F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali tinnota, l-ewwel nett, li, fil‑każ ta’ tmiem mhux iġġustifikat ta’ relazzjoni ta’ xogħol mill-impjegat, huwa l-impjegat li unilateralment jieħu d-deċiżjoni li ma jeżerċitax id‑dritt tiegħu li jibbenefika mil-leave tiegħu, in natura jew bħala kumpens finanzjarju. Min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta’ dritt għal kumpens finanzjarju fil-każ ta’ terminazzjoni qabel iż-żmien tar-relazzjoni ta’ xogħol mingħajr raġuni serja tmur kontra l-prinċipju li ħadd ma għandu jibbenefika minn dritt li jirriżulta mill-azzjonijiet illegali tiegħu.

IV.    Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti talĠustizzja

13.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li, b’deċiżjoni tad-29 ta’ April 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2020, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      Hija kompatibbli mal-Artikolu 31(2) tal-[Karta] u mal‑Artikolu 7 tad-[Direttiva 2003/88] dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-ebda kumpens finanzjarju għal‑leave annwali mħallas mhux meħud ma huwa dovut għal (l-aħħar) sena ta’ xogħol kurrenti, meta l-impjegat itemm ir‑relazzjoni ta’ xogħol qabel iż-żmien u b’mod unilaterali mingħajr raġuni ġusta (“jirriżenja”)?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda:

(2.1.) Huwa barra minn hekk neċessarju li jiġi vverifikat jekk kienx impossibbli għall-impjegat li jieħu l-leave?

(2.2.) Liema kriterji għandhom jintużaw għal din il-verifika?”

14.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati minn WD, job‑medium, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea.

15.      Fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kellha biżżejjed informazzjoni biex tkun tista’ tiddeċiedi mingħajr ma ssir seduta, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V.      Analiżi

A.      L-ammissibbiltà tad-domandi

16.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, job-medium sostniet li d‑domandi magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli għaliex id-dispożizzjonijiet li għalihom sar riferiment fihom kienu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal‑Ġustizzja bħala li jagħtu risposta applikabbli għall-fatti tat-tilwima fil‑kawża prinċipali.

17.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il‑Qorti tal-Ġustizzja u tal-qrati nazzjonali kif stipulat fl‑Artikolu 267 TFEU, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit‑tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal‑karatteristiċi partikolari tal-kawża kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil‑prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal‑Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l‑Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (4).

18.      Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li WD ma ngħatax kumpens finanzjarju għal leave mhux meħud fi tmiem ir‑relazzjoni tal-impjieg tiegħu ma’ job-medium abbażi tal‑Artikolu 10(2) tal-UrlG, għax din ir-relazzjoni ta’ xogħol ġiet itterminata qabel iż-żmien, mingħajr ma ngħatat raġuni serja. Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali telenka r-raġunijiet għaliex għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dik id-dispożizzjoni mal‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta.

19.      Konsegwentement, huwa ovvju li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li r-risposta għal dawk id-domandi hija utli u rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju. Id-domandi magħmula, għalhekk, huma ammissibbli.

B.      Id-dritt għal kumpens finanzjarju minflok leave annwali mhux meħud f’każ ta’ terminazzjoni ta’ impjieg mhux iġġustifikata

20.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha l-ebda kumpens finanzjarju ma huwa dovut minflok il-leave annwali fir-rigward tal‑aħħar sena ta’ xogħol kurrenti, meta l-impjegat unilateralment itemm ir‑relazzjoni ta’ xogħol tiegħu qabel iż-żmien u mingħajr raġuni, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 31(2) tal-Karta u l-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/88.

21.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 2003/88 jirrifletti u jikkjarifika d-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, ikkonfermat mill-Artikolu 31(2) tal‑Karta (5). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva sempliċement jikkonkretizza dan id-dritt fundamentali (6). Minn dan isegwi, għalhekk, li d-dritt għal leave annwali mħallas ma għandux jingħata interpretazzjoni restrittiva (7).

22.      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll li l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, mogħti lil kull impjegat mill-Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 2003/88, huwa li jippermetti lill-impjegat li jistrieħ mill‑eżekuzzjoni tax-xogħol li huwa mitlub iwettaq taħt il‑kuntratt tax‑xogħol tiegħu kif ukoll sabiex igawdi minn perijodu ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni. Dan l-għan, li jiddistingwi d-dritt għal-leave annwali mħallas minn tipi oħra ta’ leave b’għanijiet differenti, huwa bbażat fuq il-premessa li l-impjegat effettivament ikun ħadem matul il‑perijodu ta’ referenza (8).

23.      Fit-tielet lok, minn kliem id-Direttiva 2003/88 u mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher ċar li, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u għall-implimentazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, huma għandhom jastjenu milli jissuġġettaw għal xi kundizzjoni l‑kostituzzjoni stess tal-imsemmi dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva (9).

24.      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar ukoll li d-dritt għal-leave annwali jikkostitwixxi biss wieħed miż-żewġ aspetti tad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala dritt fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Minbarra d-dritt għal ħlas, dan id-dritt fundamentali jinvolvi wkoll, bħala dritt inerenti għal dan id-dritt għal-leave annwali “imħallas”, id-dritt għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud meta r-relazzjoni ta’ xogħol tiġi fi tmiemha (10).

25.      F’dan il-kuntest huwa ċar ukoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, l-ewwel nett, li r-relazzjoni ta’ xogħol tkun intemmet u, it-tieni nett, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni tkun intemmet (11). Barra minn hekk, ir-raġuni li għaliha r-relazzjoni ta’ xogħol tkun intemmet ma hijiex rilevanti fir-rigward tad-dritt għall-kumpens finanzjarju minflok il-leave annwali mhux meħud kif stipulat fl‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 (12).

26.      Meta nesprimi din il-perspettiva, ma nistax ninsa li l-Qorti tal‑Ġustizzja speċifikat ukoll li minn din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi dedott li, irrispettivament miċ‑ċirkustanzi li jkunu kkawżaw in-nuqqas tal-ħaddiem li jieħu l-leave annwali mħallas, dak l-impjegat xorta għandu jkun intitolat għad-dritt għal-leave annwali msemmi fl-Artikolu 7(1), u, f’każ tat-tmiem tar‑relazzjoni ta’ xogħol, għad-dritt għall-kumpens li jissostitwixxih, skont l-Artikolu 7(2) (13). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll il-ħtieġa li l-impjegat ma kienx f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali mħallas qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu (14).

27.      Madankollu, huwa importanti li d-dettalji li jinsabu f’din il‑ġurisprudenza ma jinftehmux ħażin. Kull interpretazzjoni tal‑Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li hija ta’ natura li tinkoraġġixxi lill‑impjegat li deliberatament ma jiħux il-leave annwali mħallas tiegħu matul il-perijodi ta’ referenza jew ta’ rrimandar awtorizzat applikabbli, sabiex iżid ir-remunerazzjoni tiegħu fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol hija inkompatibbli mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu bl-introduzzjoni tad‑dritt għal-leave annwali mħallas (15). Madankollu, huwa importanti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-oneru li jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad‑dritt għal-leave annwali mħallas jintefa’ kompletament fuq il‑ħaddiem (16).

28.      Għalhekk hija kwistjoni li jinstab bilanċ bejn id-drittijiet tal‑persuna li timpjega u dawk tal-impjegat. Madankollu, għandu jitfakkar li, f’dan il-bilanċ, id-dritt għal-leave annwali mħallas ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (17). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-protezzjoni tal-interessi tal-persuna li timpjega għandha tkun strettament neċessarja sabiex tiġġustifika deroga mid-dritt għal-leave annwali mħallas tal‑impjegat (18).

29.      F’din il-kawża, huwa evidenti li, b’konformità mal-għan tal‑Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, l-impjegat fil-fatt ħadem matul il‑perijodu ta’ referenza. Fi kliem ieħor, l-impjegat akkwista dritt għal‑leave annwali u l-unika raġuni għaliex il-kumpens finanzjarju ma huwiex dovut hija għaliex l-impjegat ittermina r-relazzjoni ta’ xogħol qabel iż-żmien u mingħajr raġuni valida. F’dan il-kuntest, in-natura punittiva li ma jingħatax il-kumpens finanzjarju minflok hija ovvja.

30.      Dan il-mekkaniżmu għalhekk jidher li huwa kuntrarju għall-kliem u l-għan tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li jiena spjegajt f’dawn il‑konklużjonijiet. Dan japplika iktar peress li, skont WD u l-Gvern Awstrijak, hemm mezzi oħra, kuntrattwali jew legali, disponibbli għall‑persuna li timpjega sabiex tikseb kumpens għal kwalunkwe telf li tkun sofriet bħala riżultat tat-tluq qabel iż-żmien u mingħajr raġuni tal‑impjegat tagħha (19). Fid-dawl ta’ dawn il-garanziji, huwa inqas probabbli li l-impjegat ikun deliberatament naqas milli jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza applikabbli għas-sempliċi raġuni prinċipali li jżid ir-remunerazzjoni tiegħu fi tmiem l‑impjieg.

31.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wasalt għall-konklużjoni li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula li ma huwa dovut l-ebda kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fir‑rigward tal-aħħar sena ta’ xogħol kurrenti, meta l‑impjegat itemm ir‑relazzjoni ta’ xogħol unilateralment qabel iż-żmien u mingħajr raġuni.

32.      Għalhekk, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

VI.    Konklużjoni

33.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għall-ewwel domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija):

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal‑organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula li ma huwa dovut l-ebda kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fir-rigward tal-aħħar sena ta’ xogħol kurrenti, meta l‑impjegat itemm ir‑relazzjoni ta’ xogħol unilateralment qabel iż-żmien u mingħajr raġuni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.


3      BGBI., 1976/390.


4      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, AZ (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punti 25 u 26).


5      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 115).


6      Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il-Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et (C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 117).


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 23), u tal-25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 55).


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punti 27 u 28), u tal-25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punti 57 u 58).


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 28); tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 34); u tal-25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 56).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 58), u tal-25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 83).


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke (C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 23); tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 44); tas-6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger (C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 31); tas-6 ta’ Novembru 2018, Max‑Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 23); u tal-25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 84).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Lulju 2016, Maschek (C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 28), u tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 45).


13      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger (C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 37).


14      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 61), u tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 52).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 48).


16      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger (C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 50), u tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 43).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin (C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 23), u tal-25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 55).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca (C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 75).


19      Skont WD, it-tluq mhux iġġustifikat tiegħu ta lok għal ħlas ta’ danni kuntrattwali favur job-medium (ara l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ WD, p. 2). Skont il-Gvern Awstrijak, tluq mhux iġġustifikat huwa ksur tal-kuntratt li bħala regola jintitola lill-persuna li timpjega għal danni abbażi tal-Artikolu 28 tal-Bundesgesetz vom 11. Mai 1921 über den Dienstvertrag der Privatangestellten (Angestelltengesetz) (l-Att Federali tal-11 ta’ Mejju 1921 dwar il-Kuntratt ta’ Xogħol tal-Impjegati Privati (l-Att dwar l-Impjegati) u l-Artikolu 1162a tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbutch) (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali) (ara l-osservazzjonijiet bil-miktub tal‑Awstrija, punt 13).

Top