This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CC0066
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 11 March 2021.#XK.#Request for a preliminary ruling from the Procura della Repubblica di Trento.#Reference for a preliminary ruling – Article 267 TFEU – Definition of ‘court or tribunal of a Member State’ – Criteria – Procura della Repubblica di Trento (Public Prosecutor’s Office, Trento, Italy) – Inadmissibility of the request for a preliminary ruling.#Case C-66/20.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fil-11 ta’ Marzu 2021.
Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster vs XK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Procura della Repubblica di Trento.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Procura della Repubblica di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Trento, l-Italja) – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-66/20.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fil-11 ta’ Marzu 2021.
Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster vs XK.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Procura della Repubblica di Trento.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Procura della Repubblica di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika ta’ Trento, l-Italja) – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-66/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:200
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fil‑11 ta’ Marzu 2021 ( 1 )
Kawża C‑66/20
XK,
fil-preżenza ta’
Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Procura Distrettuale della Repubblica presso il Tribunale ordinario di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika fil-Qorti Distrettwali ta’ Trento, l-Italja)
“Talba għal deċiżjoni preliminari ‑ Status legali skont l-Artikolu 267 TFUE ‑ Koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ‑ Direttiva 2014/41/UE ‑ Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali ‑ Awtorità emittenti ‑ Awtorità amministrattiva maħtura bħala prosekutur pubbliku fi proċeduri kriminali dwar ksur fiskali ‑ Rekwiżit ta’ validazzjoni ġudizzjarja”
1. |
Tista’ awtorità amministrattiva Ġermaniża ( 2 ), awtorizzata mid-dritt nazzjonali sabiex teżerċita d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għal ċerti reati kriminali, toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“OIE”) mingħajr il-validazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41/UE? ( 3 ) |
2. |
Dan huwa, fil-qosor, id-dubju mqajjem mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Taljan ( 4 ) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara li rċieva OIE maħruġa minn waħda minn dawk l-awtoritajiet Ġermaniżi, li huwa għandu jiddeċiedi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha. Bħala pass preliminari, qabel ma jiġi solvut dan id-dubju, jeħtieġ li jiġi deċiż jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento huwiex awtorizzat li jagħmel użu mill-mekkaniżmu ta’ koperazzjoni ġudizzjarja stabbilit mill-Artikolu 267 TFUE. |
3. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda taffaċċja mill-ġdid in-natura “ġudizzjarja” tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ( 5 ), issa minn perspettiva mingħajr preċedent. Hija għandha tiddeċiedi: a) jekk din l-istituzzjoni għandhiex is-setgħa li tagħmel domanda preliminari fil-kuntest tal-OIE ( 6 ); u b) jekk korp amministrattiv li lilu d-dritt nazzjonali jagħti setgħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, sabiex jibda proċeduri kontra ċertu ksur, jistax jiġi pparagunat ma’ dan tal-aħħar, dejjem fil-kuntest tal-OIE. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2014/41
4. |
Fil-premessi tnax u ħmistax jingħad:
[…]
|
5. |
L-Artikolu 1 (“L-[OIE] u l-obbligu li jiġi eżegwit”) jipprovdi: “1. L-[OIE] huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva. […]” |
6. |
L-Artikolu 2(c) jiddefinixxi l-“awtorità emittenti” f’dawn it-termini:
|
7. |
L-Artikolu 6 (“Kondizzjonijiet għall-emissjoni u t-trażmissjoni ta’ OIE”) jistabbilixxi: “1. L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
2. Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ. 3. Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.” |
8. |
L-Artikolu 9 (“Rikonoxximent u eżekuzzjoni”) jipprovdi: “1. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva. 2. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali ta’ dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. 3. Fejn awtorità ta’ eżekuzzjoni tirċievi OIE li ma jkunx inħareġ minn awtorità emittenti kif speċifikat fl-Artikolu 2(c), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura l-OIE lill-Istat emittenti. […]” |
9. |
L-Artikolu 11 jelenka r-“[r]aġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni”. |
B. Id-dritt nazzjonali
1. Id-dritt Ġermaniż. Abgabenordnung (il-Kodiċi Fiskali)
10. |
L-Artikolu 386 jipprevedi: “1. Fil-każ ta’ suspett ta’ ksur tat-taxxa, l-awtorità fiskali tipproċedi b’investigazzjoni. Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, ‘Hauptzollamt’ [l-Uffiċċju Ewlieni tad-Dwana] tfisser il-‘Finanzamt’ [l-Uffiċċju tat-Taxxa], il-‘Bundeszentralamt für Steuern’ [l-Uffiċċju Federali tat-Taxxa] u l-‘Familienkasse’ [fond ta’ benefiċċji tal-familja]. 2. L-awtorità fiskali tmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni b’mod indipendenti, filwaqt li tirrispetta l-limiti tal-Artikolu 399(1), u tal-Artikoli 400 u 401, meta l-fatti
3. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika hekk kif jinħareġ mandat ta’ arrest jew ordni ta’ tqegħid f’kustodja kontra l-persuna akkużata minħabba l-fatti. 4. L-awtorità fiskali tista’ f’kull mument tirreferi l-każ lill-Uffiċċju tal-Prosekutur. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jieħu l-każ f’kull mument. Fiż-żewġ każijiet, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’, bi qbil mal-awtorità fiskali, jgħaddi lura l-kawża lill-awtorità fiskali”. |
11. |
L-Artikolu 399(1) jistipula: “Jekk l-awtorità fiskali taġixxi b’mod indipendenti skont l-Artikolu 386(2), hija teżerċita d-drittijiet u l-obbligi li huma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-fażi ta’ investigazzjoni preliminari”. |
12. |
Fl‑14 ta’ Marzu 2017, ir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja quddiem l-Unjoni Ewropea għamlet id-dikjarazzjoni li ġejja, dwar l-OIE maħruġa mill-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi: “Skont l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva [2014/41], it-talbiet li ġejjin mill-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi għandhom jiġu vvalidati, b’mod ġenerali, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur quddiem il-Qorti Reġjonali li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun tinsab dik l-awtorità amministrattiva. Madankollu, l-Istati Federali huma ħielsa li jagħtu l-kompetenza għall-validazzjoni tagħhom lil qorti jew li jirregolaw l-kompetenza għall-validazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur b’mod ieħor fuq il-livell lokali. It-talbiet tal-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi li huma awtorizzati jmexxu investigazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kriminali b’mod indipendenti skont l-Artikolu 386(2) tal-Kodiċi Fiskali ma jeħtiġux validazzjoni minn awtorità ġudizzjarja jew qorti. F’dan il-każ, l-awtoritajiet fiskali għandhom jeżerċitaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur skont l-Artikolu 399(1) tal-Kodiċi Fiskali […] u jaġixxu inkwantu awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva [2014/41]”. |
2. Id-dritt Taljan. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 108/17 ( 10 )
13. |
L-Artikolu 4(1) jipprovdi li “l-Prosekutur tar-Repubblika quddiem il-qorti tal-kapital tad-disrett li fih għandhom jiġu eżegwiti l-miżuri mitluba, għandu, permezz ta’ digriet motivat, jirrikonoxxi l-ordni ta’ investigazzjoni fi żmien tletin jum minn meta jirċeviha jew, fejn xieraq, f’perijodu differenti indikat mill-awtorità emittenti, li ma jistax ikun ta’ iktar minn sittin jum”. |
14. |
L-Artikolu 5(1) iżid li, “[m]eta l-awtorità emittenti titlob li l-miżura tiġi eżegwita mill-qorti jew meta l-miżura mitluba għandha tiġi eżegwita minn imħallef skont il-liġi Taljana, il-Prosekutur tar-Repubblika għandu jirrikonoxxi l-ordni ta’ investigazzjoni u jitlob l-eżekuzzjoni tagħha mill-imħallef responsabbli għall-investigazzjoni preliminari”. |
15. |
Skont l-Artikolu 10(3), “[l]-ordni ta’ investigazzjoni għandha tiġi rritornata lill-awtorità emittenti meta din ma tkunx inħarġet jew ġiet ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja”. |
II. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
16. |
Fl‑14 ta’ Novembru 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento rċieva OIE maħruġa fl-istess jum mill-Finanzamt Münster, għal tfittxija ta’ ċertu bini kummerċjali, fil-kuntest ta’ investigazzjoni għal frodi fiskali, skont l-Artikoli 369 u 370 tal-Kodiċi Fiskali Ġermaniż. |
17. |
L-OIE kienet iffirmata mid-Direttur Ġenerali tal-Finanzamt Münster u ma kinitx ivvalidata minn qorti. |
18. |
Fl‑20 ta’ Diċembru 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento kkonferma lill-Finanzamt Münster li kien irċieva l-OIE u bagħatlu ittra fejn talab kopja ta’ din l-OIE vvalidata minn awtorità ġudizzjarja. Il-validazzjoni kienet meħtieġa, fil-fehma tiegħu, minħabba n-natura amministrattiva tal-awtorità emittenti. |
19. |
Fit‑8 ta’ Jannar 2020, il-Finanzamt Münster informa lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento li l-OIE ma kinitx teħtieġ validazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, għaliex, skont l-Artikolu 399(1) tal-Kodiċi Fiskali, il-Finanzamt jeżerċita l-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-proċeduri relatati ma’ reati fiskali u għandu jiġi kklassifikat bħala awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/41. |
20. |
F’dan il-kuntest, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento għamel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari: “L-Artikolu 2(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 2014/41 […] safejn jipprevedi li tista’ tkun ikkunsidrata wkoll bħala awtorità emittenti ‘kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali’, billi tipprovdi f’dan il-każ, madankollu ‘qabel ma jintbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti’ għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li jeżenta lil awtorità amministrattiva mill-obbligu li l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) tkun ivvalidata billi tikklassifikaha bħala ‘awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 2 tad-direttiva’?” |
21. |
Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento, fil-proċedura passiva ta’ rikonoxximent tal-OIE, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/41 u l-Artikoli 4 u 10 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 108/17, huwa għandu l-missjoni li “jsolvi tilwima b’indipendenza sħiħa”. Għalhekk, huwa intitolat li jagħmel domanda għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. |
22. |
Fuq il-mertu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento jenfasizza li l- OIE għandha neċessarjament tiġi adottata jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja. Dan jirriżulta, abbażi tal-analoġija bejn l-OIE u l-ODE ( 11 ), mis-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, fil-kawża Özçelik ( 12 ). |
23. |
Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk awtorità amministrattiva bħalma huwa l-Finanzamt, li tkun awtorizzata mid-dritt intern sabiex teżerċita, f’ċerti każijiet, il-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, tistax toħroġ OIE mingħajr approvazzjoni ġudizzjarja. |
24. |
Fil-fehma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento, is-soluzzjoni għandha tingħata billi tiġi estrapolata d-duttrina tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-MAE, jiġifieri, bil-premessa li: (a) il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” huwa uniformi u ma jistax jiddependi fuq l-Istati Membri differenti; u (b) dan il-kunċett ikopri biss organi li ma humiex suġġetti għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari tal-poter eżekuttiv. |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2020. |
26. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Gvern Ġermaniż, Taljan u dak Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. |
27. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li kien meħtieġ li tinżamm seduta pubblika, iżda stiednet lill-partijiet iwieġbu żewġ mistoqsijiet dwar l-istħarriġ ġudizzjarju tal-OIE ( 13 ) u dwar id-dritt Taljan applikabbli ( 14 ). |
IV. L-analiżi
A. Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
28. |
Skont l-Artikolu 267 TFUE, “qorti jew tribunal” biss jistgħu, jew għandhom, jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja, għal “[deċiżjoni] preliminari”, kwistjoni “dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati” jew “dwar il-validità u l-interpretazzjoni” tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. |
29. |
Dak li huwa mfisser, f’dan il-kuntest, b’“qorti jew tribunal” hija kwistjoni li għandha tiġi solvuta fuq il-bażi unika tad-dritt tal-Unjoni: ir-rekwiżiti ta’ unità u ta’ uniformità fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jagħmluh kunċett awtonomu, indipendentement mid-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali ( 15 ). |
30. |
Fid-definizzjoni tal-kunċett, il-Qorti tal-Ġustizzja tradizzjonalment ħadet inkunsiderazzjoni għadd ta’ fatturi li bdew jidhru fis-sentenza Vaassen-Gobbels ( 16 ). L-istatus ta’ “qorti” huwa rriżervat għal dawk li, stabbiliti fuq bażi permanenti mil-liġi, japplikaw regoli legali permezz ta’ proċedura kontradittorja, fl-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni obbligatorja u b’indipendenza sħiħa ( 17 ). |
31. |
Fil-prinċipju, il-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq huma ssodisfatti biss simultanjament mill-imħallfin u mill-qrati integrati fil-ġudikatura ta’ kull Stat Membru. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet relattivament flessibbli fl-evalwazzjoni tal-osservanza tagħhom, li ppermettielha tirrikonoxxi l-istatus ta’ “korp ġudizzjarju” lil istituzzjonijiet barra mill-poter ġudizzjarju, bħal kummissjoni tal-appell ta’ ordni professjonali ( 18 ) jew kumitat tal-appelli muniċipali ( 19 ). |
32. |
L-antiformaliżmu tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam ġie kkritikat, bil-kritika li r-rekwiżiti tas-sentenza Vaassen-Göbbels finalment ġew “żnaturati” ( 20 ). Madankollu, reċentament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrettifikat il-pożizzjoni preċedenti, eċċessivament permissiva, tagħha ( 21 ). |
33. |
Fir-realtà, id-duttrina tal-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza r-raġuni profonda li fuqha huwa bbażat il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Artikolu 267 TFUE: “li jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija [tal-] […] ordinament ġuridiku [tal-Unjoni]” ( 22 ). |
34. |
Dan l-għan huwa indirizzat minn sistema ġudizzjarja li “l-element ċentrali [tagħha] […] huwa l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li, billi tistabbilixxi djalogu bejn imħallef u ieħor, preċiżament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, hija intiża li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni […], u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza ta’ dan id-dritt, l-effettività sħiħa tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura speċifika tad-dritt stabbilit mit-Trattati” ( 23 ). |
35. |
Jekk il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE tieħu l-forma ta’ “djalogu bejn imħallef u ieħor”, dan huwa għaliex huma l-imħallfin li, ġeneralment, jieħdu d-deċiżjoni aħħarija dwar ir-regoli li jikkostitwixxu l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. Meta dawn l-ordinamenti — u tilwimiet sussegwenti — jiġu affettwati mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, ir-riferiment lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa intiż sabiex jiġi evitat li jiġu ffissati soluzzjonijiet finali mhux xierqa, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni nnifsu ( 24 ). |
36. |
Dak li ssemma hawn fuq jispjega għaliex il-qrati nazzjonali jindirizzaw ruħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiksbu risposti għad-dubji li jqumu dwar is-sens korrett tar-regoli tal-Unjoni li għandhom effett fuq tilwima. |
37. |
Fil-qrati nazzjonali — permezz ta’ mekkaniżmi ta’ rimedju — id-diversi interpretazzjonijiet tal-liġi adottati mill-applikaturi mhux ġudizzjarji (inklużi korpi amministrattivi) tas-sistema legali nazzjonali jitnaqqsu għall-unità inaqqsu għall-unità. Fl-aħħar mill-aħħar, ikunu validi biss l-interpretazzjonijiet approvati mill-qrati, u għalhekk huwa loġiku li l-Artikolu 267 TFUE jagħmel lil dawn l-interlokuturi naturali (u esklużivi) tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
38. |
Iżda hemm ftit iktar. Kif għadni kif enfasizzajt, l-għan huwa li tiġi ssalvagwardjata “l-unità tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” ( 25 ). L-Artikolu 267 TFUE jservi, naturalment, sabiex jagħmilha iktar faċli għall-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma jkunu mitluba japplikaw meta jiddeċiedu t-tilwim imressaq quddiemhom. Huwa jservi l-għan li jiġi żgurat li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tkun inaċċessibbli għall-interpretazzjoni awtorevoli tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
39. |
L-għan huwa li jiġi evitat, permezz tal-Artikolu 267 TFUE, li jiġu stabbiliti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali interpretazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma jkunux ġew approvati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk dan ikun il-każ, ir-riskju ta’ interpretazzjoni żbaljata jiżdied bil-pluralità kważi inevitabbli tal-interpretazzjonijiet tar-regoli Ewropej fid-diversi Stati Membri, bil-preġudizzju li jirriżulta minn dan għall-unità tad-dritt tal-Unjoni. Huwa għalhekk li l-Artikolu 267 TFUE mhux biss jagħti lill-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza s-setgħa li jagħmlu domandi preliminari, iżda jobbligahom li jagħmluhom. |
40. |
Għalkemm, tul il-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ funzjonali billi aċċettat rinviji minn istituzzjonijiet mhux strettament ġudizzjarji, naħseb li dan huwa dovut għall-istess intenzjoni. Meta l-atti ta’ dawn l-istituzzjonijiet ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fuq il-livell nazzjonali, ikun jeżisti riskju li jiġu kkonsolidati interpretazzjonijiet finali tad-dritt tal-Unjoni mingħajr l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
41. |
Fil-fatt, kif diġà indikajt, huma l-imħallfin li, normalment, ikollhom l-aħħar kelma fis-sistemi legali tal-Istati Membri ( 26 ). L-Artikolu 267 TFUE għalhekk jirreferi għalihom, intenni, bħala l-interlokuturi naturali tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
42. |
Madankollu, din ir-regola tista’ tiġi mmoderata fid-dawl tar-riskju ta’ tixrid fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’każijiet eċċezzjonali fejn, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-sistema legali nazzjonali, l-intervent mill-qrati inkwantu tali ma jkunx possibbli. |
43. |
Kif l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer irrimarka: “L‑organizzazzjoni tal‑ġustizzja f’Ewropa magħmula minn seba’ u għoxrin Stat Membru hija msejsa fuq parametri u proġetti ferm eteroġeni”, li jagħmilha “diffiċli li jiġi kkonċepiet mudell komuni biex tkun deskritta l‑funzjoni ġudizzjarja ta’ daqstant pajjiżi”. Huwa għalhekk li l-kriterji tas-sentenza Vaassen-Göbbels ingħataw interpretazzjoni “daqstant ġenerika u wiesgħa” ( 27 ). |
44. |
Il-Qorti għalhekk operat fuq il-bażi ta’ standard ideali ddefinit mill-karatteristiċi li tipikament jiddistingwu l-qrati (fil-qosor, dawk stabbiliti fis-sentenza Vaassen-Gobbels) ( 28 ). Madankollu, matul is-snin, hija ġiet ippreżentata b’kawżi li wassluha tqis bħala relattiva l-importanza tal-kriterji ta’ din is-sentenza, meta kien meħtieġ li jiġi inkluż fil-kunċett ta’ “qorti” istituzzjonijiet li, filwaqt li joperaw barra mis-sistema ġudizzjarja, eżerċitaw ġurisdizzjoni ( 29 ). |
45. |
Iżda, dak li qatt ma ġie kompromess huwa r-rekwiżit li l-persuna li tagħmel it-talba għal domanda preliminari teżerċita effettivament ġurisdizzjoni, jiġifieri li hija tiddikjara b’mod irrevokabbli d-dritt f’tilwima speċifika. |
46. |
Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżitatx sabiex tikklassifika kummissjoni tal-appell ta’ ordni professjonali bħala “qorti”, minkejja li d-deċiżjonijiet tagħha setgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati. Din l-aħħar ċirkustanza kellha tkun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li, jekk ikun il-każ, kienu dawn il-qrati li kellhom jagħmlu domanda preliminari. Madankollu, il-fatt li, fil-prattika, l-ebda proċedura ġudizzjarja ma ttieħdet kontra d-deċiżjonijiet tal-kummissjoni kien biżżejjed għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li dawn id-deċiżjonijiet kienu, de facto, ta’ natura ġudizzjarja ( 30 ). |
47. |
Dak li huwa importanti, għalhekk, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, huwa li dawk li għandhom l-aħħar kelma skont id-dritt nazzjonali jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja meta l-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni tkun inkwistjoni. U dan japplika kemm għall-korpi ġudizzjarji, fis-sens strett, kif ukoll għal oħrajn li, fl-assenza ta’ tali status, jeżerċitaw b’mod eċċezzjonali de facto ġurisdizzjoni finali f’tilwima. It-tnejn li huma għandhom jingħataw il-possibbiltà li jċedu l-kelma lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tkun tista’ tagħti l-interpretazzjoni awtorevoli tad-dritt tal-Unjoni. |
48. |
Wieħed jista’ jifhem għalhekk li l-espressjoni “tagħti s-sentenza” użata mill-Artikolu 267 TFUE ġiet interpretata b’mod wiesa’, sabiex jiġi evitat “li numru ta’ kwistjonijiet proċedurali jitqiesu bħala inammissibbli u ma jkunux jistgħu jingħataw interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u li din tal-aħħar ma tkunx tista’ tieħu konjizzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika” ( 31 ). |
49. |
It-tħassib tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun l-aħħar vuċi li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni kollu wassal għalhekk għall-adozzjoni taż-żewġ eċċezzjonijiet li l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer kien indika dak iż-żmien: (i) l-assenza ta’ mezzi ta’ rikors quddiem il-qrati; u (ii) l-attribuzzjoni, permezz ta’ mandat kostituzzjonali, ta’ funzjonijiet ġudizzjarji lil korpi paraġudizzjarji ( 32 ). |
50. |
Huwa abbażi ta’ dawn il-premessi li jistgħu jiġu indirizzati l-oġġezzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rinviju mitlub mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento. Din l-istituzzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ oriġini legali, tal-permanenza, tan-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tagħha u tal-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt. |
51. |
Anki kieku l-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tal-OIE ma kinitx ta’ natura kontradittorja, li huwa dubjuż, din il-karatteristika diġà ġiet żvalutata mill-Qorti tal-Ġustizzja meta ċaħditha bħala “kriterju assolut” ( 33 ). |
52. |
Għaldaqstant, kollox donnu jindika li l-ewwel waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tapplika peress li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento u mill-Gvern Taljan ( 34 ), minkejja li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jirrikonoxxi l-OIE tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, ma jeżisti l-ebda rimedju ġudizzjarju li jkun jippermetti li l-qrati jiġu aditi sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent meħtieġ neċessarju għall-eżekuzzjoni tagħha. |
53. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento għandu jingħata s-setgħa li jagħmel id-domanda preliminari. |
54. |
Wieħed jista’ madankollu joġġezzjona li, jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur jirrikonoxxi l-validità tal-OIE, id-deċiżjoni tiegħu tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti, u din tal-aħħar ikollha l-aħħar kelma, bil-konsegwenza li hija jkollha l-istatus legali sabiex tagħmel domanda preliminari. |
55. |
Fl-istadju attwali tal-proċedura li fiha sar ir-rinviju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento għadu ma setax jiddeċiedi dwar il-vijabbiltà tal-OIE, li fuqha huwa għandu jiddeċiedi. Huwa ma setax jagħmel dan, preċiżament, għaliex jiddubita jekk, taħt id-Direttiva 2014/41, il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-OIE inkwistjoni humiex issodisfatti. |
56. |
Għalhekk, il-Prosekutur ta’ Trento seta’ jġib l-intervent ta’ qorti biss kieku għażel li jirrikonoxxi l-OIE, indipendentement mill-fatt li, fil-fehma tiegħu, din hija OIE maħruġa minn korp mhux kompetenti (il-Finanzamt Münster). Fil-qasir, huwa jkun obbligat jieħu deċiżjoni bl-għarfien li tista’ tkun inkorretta u fl-istennija ta’ intervent ġudizzjarju li, barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala miksub. |
57. |
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Trento seta’ jiddeċiedi biss abbażi tal-għarfien u tal-konvinzjoni tiegħu biss kieku kellu l-garanzija li d-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta r-rikonoxximent tal-OIE tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Ikun irrilevanti, għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE, li tali stħarriġ jitwettaq minn qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-OIE (il-Ġermanja), li dejjem ikollha l-possibbiltà li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 35 ). |
58. |
Madankollu, l-OIE inkwistjoni hawnhekk ma nħarġitx minn qorti, iżda minn korp amministrattiv, li lanqas ma jista’ jaċċedi għall-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE. |
59. |
Sabiex iżomm mal-kuntest li fih isir ir-rinviju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento jtendi li jikkunsidra li l-OIE tal-Finanzamt Münster tirrikjedi l-validazzjoni inkwistjoni. B’din il-premessa, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha tad-Direttiva 2014/41. |
60. |
Fil-każ li d-domanda preliminari tiġi miċħuda, il-Prosekutur ta’ Trento jkun jista’ jaġixxi b’mod konformi mal-interpretazzjoni tiegħu tad-Direttiva 2014/41 u jirrifjuta r-rikonoxximent mitlub mill-Finanzamt Münster. Peress li dan tal-aħħar, nerġa’ ngħid, lanqas ma jista’ jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari u lanqas ma hemm ċertezza li l-ħruġ tal-OIE ġie miftiehem matul il-proċedura ġudizzjarja ( 36 ), jirriżulta li l-ebda qorti ma tkun tista’ tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva. |
61. |
Jekk din is-soluzzjoni kellha tiġi ġġeneralizzata u jekk kellu jiġi konkluż li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Trento ma jistax jagħmel domanda preliminari fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jinħoloq blind spot [punt moħbi] fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa preċiżament dak li għandu jiġi evitat, fl-interess tal-unità ta’ dan l-ordinament ġuridiku, kif ġie enfasizzat fis-sentenza Gradbeništvo Korana. |
62. |
Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat, dak iż-żmien, li tirrikonoxxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Torino bħala korp awtorizzat li jagħmel id-domanda preliminari (sentenza X) ma huwiex determinanti minnu nnifsu għas-soluzzjoni li issa għandha tiġi adottata. |
63. |
Ċertament, id-duttrina tas-sentenza X tibqa’ valida b’mod sħiħ. Madankollu, hija għandha tiġi applikata fid-dawl tal-fatt li ma hijiex il-kwalità organika jew istituzzjonali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur l-uniku fattur rilevanti, iżda r-rwol li huwa għandu, bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni, fil-proċedura tad-Direttiva 2014/41. |
64. |
Kuntrarjament għall-kawża X, li fiha l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Torino aġixxa bħala parti fi proċedura kriminali quddiem qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Torino issa jaġixxi bħala korp għall-applikazzjoni nazzjonali definittiva ta’ norma Ewropea. Fuq il-livell funzjonali, huwa jaġixxi bl-istess mod bħal korp ġudizzjarju u ma hemm l-ebda dritt ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tiegħu li tirrifjuta r-rikonoxximent tal-OIE. Fil-fehma tiegħi, billi jaġixxi taħt dan it-titolu, ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi aċċettata l-kwalità tiegħu ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
65. |
Jidhirli li kunsiderazzjoni aħħarija hija rilevanti. |
66. |
Il-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento jaġixxi materjalment jew funzjonalment bħala korp ġudizzjarju jista’ jiżvela ċerta disfunzjoni tal-liġi nazzjonali, peress li l-atti pubbliċi kollha għandhom, bħala prinċipju, ikunu aċċessibbli għall-istħarriġ ġudizzjarju ( 37 ). |
67. |
Madankollu, din ma hijiex problema li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja issa għandha tiddeċiedi, peress li hija barra mill-portata tar-rinviju. Anki jekk, fl-ipoteżi li l-liġi domestika kellha tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento li tirrifjuta li tirrikonoxxi OIE (kwistjoni li, nirrepeti, ma tidħolx fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li, barra minn hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni u tal-Gvern Taljan, jistħoqqilha risposta fin-negattiv) ( 38 ), id-diffikultà li tqum mill-assenza ta’ mezz ta’ aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja fis-sitwazzjoni fattwali speċifika li tat lok għal din id-domanda preliminari ma tiġix solvuta. |
68. |
Fil-qosor, peress li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento ġie stabbilit bħala “qorti” sabiex jiddeċiedi, mingħajr rikors ulterjuri, dwar ir-rifjut tal-OIE, kif ġie espost iktar ’il fuq, huwa għandu l-kapaċità li jirreferi din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. |
B. Fuq il-mertu
69. |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41, l-OIE hija “deċiżjoni ġudizzjarja” ( 39 ). Skont l-Artikolu 2(c) tal-istess direttiva, tali deċiżjoni tista’ tingħata u tinħareġ minn imħallef jew minn prosekutur ( 40 ) u, barra minn hekk, minn kull persuna li “taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi” ( 41 ). |
70. |
F’din l-aħħar ipoteżi, l-OIE maħruġa minn dawn l-“awtoritajiet ta’ investigazzjoni” għandhom jgħaddu minn “eżami [ex-ante] […] minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku” ( 42 ), jiġifieri minn dawk li jistgħu joħorġu OIE motu proprio. |
71. |
Jidhirli li t-termini tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41 huma konklużivi sabiex tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda magħmula. Għalhekk naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Taljan u dak Portugiż, u dik tal-Kummissjoni. |
72. |
Ir-raġunijiet mogħtija mill-Gvern Ġermaniż sabiex jiġġustifika l-għoti lill-Finanzamt tas-setgħat ta’ investigazzjoni li huwa għandu fil-qasam fiskali, skont id-dritt nazzjonali, ma jidhirlix li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
73. |
B’mod partikolari, dan l-għoti ta’ setgħat huwa konformi mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, li tirreferi għal “kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti” li “taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali” ( 43 ). |
74. |
Iżda dan ma huwiex il-punt. |
75. |
Fil-fatt, wara li ta lill-Istati Membri s-setgħa li jaħtru l-awtoritajiet kompetenti sabiex jinvestigaw fil-kuntest ta’ proċedura kriminali u sabiex jordnaw il-ksib ta’ provi, l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41 ma jagħtix lill-awtoritajiet hekk maħtura funzjoni oħra għajr dik li jagħtu l-kunsens tagħhom għall-ħruġ ta’ OIE li, “qabel ma [t]intbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, [..] [għandha tiġi vvalidata]”. U għandha tiġi vvalidata, b’mod partikolari, minn qorti, imħallef jew prosekutur. |
76. |
Il-Finanzamt Münster huwa istituzzjoni bla dubju amministrattiva, b’tali mod li skont id-Direttiva 2014/41, huwa ma huwiex awtorizzat joħroġ OIE fuq l-inizjattiva tiegħu stess. B’mod iktar preċiż, huwa ma huwiex awtorizzat “jibgħatha” lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni mingħajr il-validazzjoni minn qabel ta’ awtorità ġudizzjarja, jiġifieri qorti, imħallef jew prosekutur, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41. |
77. |
Il-Gvern Ġermaniż isostni li, fil-qasam fiskali, huwa ta lill-Finanzamt, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tiegħu, l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet li huma karatteristiċi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, billi tah id-drittijiet u l-obbligi karatteristiċi ta’ dan. Din hija eċċezzjoni prevista mil-liġi, li tħassar il-monopolju tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-investigazzjoni kriminali. |
78. |
Din l-attribuzzjoni tagħmel lill-Finanzamt “prosekutur” fis-sens tad-Direttiva 2014/41? Fl-opinjoni tiegħi, le. |
79. |
Il-fatt li d-dritt nazzjonali jagħti lill-Finanzamt, fil-qasam tal-prosekuzzjoni tal-ksur fiskali, setgħat ta’ investigazzjoni ekwivalenti għal dawk tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ma huwiex suffiċjenti sabiex iż-żewġ istituzzjonijiet jiġu assimilati fl-iskema tad-Direttiva 2014/41. |
80. |
Kif tisħaq il-Kummissjoni, il-Finanzamt huwa awtorità amministrattiva li hija responsabbli għat-tmexxija ta’ kwistjonijiet ta’ taxxa u li tagħmel parti mill-poter eżekuttiv. Minkejja li l-liġi Ġermaniża tagħtih setgħat limitati sabiex jinvestiga ċertu ksur, teżisti distinzjoni ċara bejn l-amministrazzjoni fiskali u l-Uffiċċju tal-Prosekutur. Il-Finanzamt ma għandux is-setgħat kollha tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u għalhekk ma jistax jiġi assimilat ma’ dan tal-aħħar bħala awtorità emittenti ta’ OIE. |
81. |
Ir-raġunament li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/41 huwa li l-awtoritajiet amministrattivi, ikunu xi jkunu s-setgħat tagħhom skont id-dritt nazzjonali, għandhom jeżiġu l-validazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji (inkluż il-Prosekutur) sabiex joħorġu OIE. |
82. |
Dan ir-raġunament jintilef jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu, mingħajr ma jagħmlu xejn iktar, jippermettu lill-awtoritajiet li jaqgħu taħt il-poter eżekuttiv jittrażmettu OIE mhux ivvalidati mill-awtoritajiet ġudizzjarji (inkluż il-Prosekutur Pubbliku), permezz tal-mekkaniżmu ta’ tqabbil, għal dan il-għan, tal-ewwel ma’ tat-tieni. |
83. |
Ma’ dan l-argument jiżdied ieħor, li jirreferi għar-rwol li l-awtoritajiet ġudizzjarji nfushom (inkluż il-Prosekutur Pubbliku) għandhom fir-rigward tal-OIE. |
84. |
Skont il-premessa tnax tad-Direttiva 2014/41, l-awtorità emittenti għandha d-dmir li tagħti attenzjoni partikolari għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, peress li “[l]-preżunżjoni tal-innoċenza u d-drittijiet ta’ difiża fi fi proċedimenti kriminali, huma pilastru tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta fil-qasam tal-ġustizzja kriminali”. |
85. |
Huwa għalhekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni insista li “[k]walunkwe limitazzjoni ta’ tali drittijiet minn miżura investigattiva ordnata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandha tkun konformi b’mod sħiħ mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52 tal-Karta fir-rigward tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-għanijiet li għandha tfittex, partikolarment il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn” ( 44 ). |
86. |
Fuq din il-linja, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41 jippermetti biss il-ħruġ ta’ OIE jekk din tkun “meħtieġa u proporzjonata […] b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata”. Barra minn hekk, l-awtorità emittenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 6(2) għadd ta’ direttivi dwar id-drittijiet proċedurali fil-proċeduri kriminali ( 45 ). |
87. |
L-awtorità li toħroġ OIE hija għalhekk obbligata, fl-interess ta’ bilanċ tajjeb bejn l-interess ġenerali u d-drittijiet fundamentali possibbilment affettwati, li tagħmel ġudizzju ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità li għalih pożizzjoni istituzzjonali, li ma hijiex dik tal-korpi amministrattivi, hija indispensabbli. |
88. |
Anki jekk korp amministrattiv bħall-Finanzamt għandu setgħat tipiċi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, din l-attribuzzjoni ma tagħmilx minnu “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tad-Direttiva 2014/41 li tista’ tagħmel dan il-ġudizzju ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità. |
89. |
Il-kompetenza sostantiva kkwalifikata li wasslet lil-leġiżlatur Ġermaniż sabiex jagħti lill-Finanzamt setgħat fil-qasam tal-investigazzjoni tal-ksur fiskali turi li dan huwa korp speċjalizzat ħafna f’dan il-qasam partikolari. Madankollu, din l-ispeċjalizzazzjoni ma hijiex biżżejjed, fit-tfassil tad-Direttiva 2014/41, sabiex tagħtihom il-perspettiva jew il-kompetenza b’mod iktar ġenerali, meħtieġa għall-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi qabel id-deċiżjoni li tinħareġ OIE. |
90. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” ma huwiex limitat “[għall-ħatra ta’] l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda [għandu jinftiehem] li jkopr[i], b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali” ( 46 ), iżda dejjem bl-esklużjoni tal-awtoritajiet amministrattivi, li jaqgħu fl-ambitu tal-poter eżekuttiv ( 47 ). |
91. |
Mingħajr ma jgawdi neċessarjament mill-indipendenza karatteristika tal-qrati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma huwiex istituzzjoni suġġetta għall-poter eżekuttiv f’termini ta’ suġġezzjoni u subordinazzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi. Huwa minnu li, f’ċerti sistemi legali, il-membri tagħhom jistgħu jirċievu mingħand il-poter eżekuttiv istruzzjonijiet individwali iżda, anki hekk, huma jgawdu minn status ta’ awtonomija li jiddistingwihom mill-korpi tal-poter eżekuttiv ( 48 ). |
92. |
Il-pożizzjoni istituzzjonali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala garanti tal-legalità quddiem il-qrati tagħmlu parteċipant veru fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, sa fejn huwa ma jservix prinċipalment l-interess ta’ parti mill-amministrazzjoni pubblika, iżda l-interess ġenerali tal-osservanza tal-liġi. Għalhekk, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/41 iqiegħed lill-Uffiċċju tal-Prosekutur f’parità mal-imħallfin ( 49 ). |
93. |
L-eżerċizzju ad casum ta’ funzjonijiet ta’ investigazzjoni, simili għal dawk tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, ma jfissirx li l-Finanzamt ma jibqax korp amministrattiv u, bħala tali, suġġett strutturalment u funzjonalment għall-ġerarkija tal-amministrazzjoni u, b’mod partikolari, mingħajr il-kompetenza neċessarja sabiex iwettaq il-ġudizzju ta’ neċessità u ta’ bbilanċjar meħtieġ mid-Direttiva 2014/41. Din is-sentenza tmur lil hinn mill-interess partikolari tal-amministrazzjoni fiskali u tinkludi l-interess ġenerali tal-Istat kollu u l-garanzija tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. |
V. Konklużjoni
94. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Procura Distrettuale della Repubblica presso il Tribunale Ordinario di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika fil-Qorti Distrettwali ta’ Trento, l-Italja) b’dan il-mod: “L-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jeżenta lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali kompetenti fil-qasam fiskali, anki meta jkunu awtorizzati jmexxu investigazzjonijiet fil-kuntest ta’ ċerti proċeduri kriminali, mill-obbligu li jeżiġu, qabel it-trażmissjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, il-validazzjoni tagħha minn imħallef, qorti, prosekutur jew imħallef responsabbli għall-investigazzjoni tal-Istat emittenti”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) F’dan il-każ, il-Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster (l-Amministrazzjoni Finanzjarja għall-Investigazzjonijiet Fiskali u għar-Reati fil-Qasam Fiskali ta’ Münster, il-Ġermanja; iktar ’il quddiem il-“Finanzamt ta’ Münster”).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1; rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).
( 4 ) Il-Procura Distrettuale della Repubblica presso il Tribunale Ordinario di Trento (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika fil-Qorti Distrettwali ta’ Trento, l-Italja; iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Trento”).
( 5 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-kapaċità tal-Uffiċċju tal-Prosekutur sabiex joħroġ, inkwantu “awtorità ġudizzjarja”, mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) fis-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456; iktar ’il quddiem, is-“sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau))”, u tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457). Hija għamlet dan ukoll fir-rigward tal-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur sabiex joħroġ OIE fis-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, EU:C:2020:1002; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati))”.
( 6 ) Kawża li fuqha ddeċidiet, b’mod sfavorevoli, fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1996, X (C‑74/95 u C-129/95, EU:C:1996:491; iktar ’il quddiem is-“sentenza X”).
( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1).
( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).
( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1).
( 10 ) Digriet Leġiżlattiv Nru 108/17. Norme di attuazione della direttiva 2014/41/UE del Parlamento europeo e del Consiglio, del 3 aprile 2014, relativa all’ordine europeo di indagine penale (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 108/17. Regoli ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/41/UE […]), tal‑21 ta’ Ġunju 2017 (ĠURI Nru 162, tat‑13 ta’ Lulju 2017).
( 11 ) Irregolati mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).
( 12 ) Kawża C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860.
( 13 ) Huma ġew mistoqsija jekk, taħt id-dritt tal-Unjoni, fil-każ li fih id-deċiżjoni li ma tiġix irrikonoxxuta OIE tittieħed minn “awtorità ta’ eżekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2014/41, minbarra mħallef jew qorti, din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.
( 14 ) Il-Gvern Taljan ġie mitlub jispjega l-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tal-OIE mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, billi jindika meta mħallef jew qorti jiġu eventwalment imsejħa jintervjenu u meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur biss jintalab biex jintervjeni. Intalab ukoll jispjega r-rimedji disponibbli taħt id-dritt nazzjonali, fil-każ ta’ rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tal-OIE.
( 15 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17); iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco de Santander”).
( 16 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1996 (C‑61/65, EU:C:1966:39; iktar ’il quddiem, “sentenza Vaassen-Göbbels”).
( 17 ) Sentenza Banco de Santander, punt 51, li tiċċita l-ġurisprudenza.
( 18 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1981, Broekmeulen (246/80, EU:C:1981:218; iktar ’il quddiem is-“sentenza Broekmeulen”).
( 19 ) Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2001, De Coster (C‑17/00, EU:C:2001:651).
( 20 ) Hekk iddenunzja l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Umweltanwalt von Kärnten (C‑205/08, EU:C:2009:397; iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet Umweltanwalt von Kärnten”), punt 25. Fl-opinjoni tiegħu, l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza kienet tat “[lok għal] taħlita [eteroġena] ta’ istituzzjonijiet, li mhux dejjem huma koerenti mal‑ispirtu ġudizzjarju li fuqu huwa msejjes l‑Artikolu [267 TFUE]”. Huwa għalhekk segwa l-linja tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża De Coster (C‑17/00, EU:C:2001:366, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet De Coster”), punt 14.
( 21 ) Sentenza Banco de Santander, punt 55.
( 22 ) Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454; iktar ’il quddiem l-“Opinjoni 2/13”), punt 174.
( 23 ) Opinjoni 2/13, punt 176. Korsiv miżjud.
( 24 ) Fl-aħħar mill-aħħar, huma l-imħallfin li, billi jiddikjaraw id-dritt (ius dicere) b’mod irrevokabbli fil-każ speċifiku, jiżguraw li l-proċedura normattiva u ta’ teħid ta’ deċiżjoni li twassal għall-applikazzjoni finali tad-dispożizzjonijiet normattivi ġenerali u astratti tas-sistema legali tkun twettqet bil-mod preskritt minn din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:337), punt 66. Fuq l-istess linja, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża PF (il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:338), punt 27, enfasizzajt li l-kompitu tal-imħallef “huwa li jagħti l-aħħar kelma, li tfisser l-applikazzjoni tad-dritt b’mod li r-riposta mogħtija [fiha] jkollha l-forza ta’ res judicata, tkun konformi mad-dritt u, bħala tali, valida”. Il-kompetenza li tiġi żgurata r-regolarità tal-aħħar kelma tas-sistema ġudizzjarja hija tant determinanti li “jista’ jingħad li [din tal-aħħar] ma hijiex mezz għall-imħallef, iżda għan aħħari fih innifsu. B’mod iktar preċiż, hija l-uniku skop li għalih għandu jitwettaq ” (ibidem, punt 28).
( 25 ) Opinjoni 2/13, punt 176.
( 26 ) Fost il-prinċipji tal-Istat tad-dritt hemm ir-rekwiżit li huma jkollhom l-aħħar kelma, minħabba li s-sottomissjoni tal-awtoritajiet pubbliċi għall-Istat tad-dritt hija ggarantita mill-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-atti kollha ta’ dawn l-awtoritajiet, mingħajr eċċezzjoni. Ma’ din il-garanzija tiżdied dik irrikonoxxuta lill-individwi inkwantu detenturi tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ipproklamata fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dispożizzjoni reċenti tad-dritt tal-Unjoni tiddefinixxi l-“Istat tad-dritt” bħala “[l-]valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 TUE”, li jinkludi, fost prinċipji oħra, dak tal-“protezzjoni ġudizzjarja effettiva […] minn qrati […] anki fir-rigward tad-drittijiet fundamentali” (l-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU 2020, L 433I, p. 1)).
( 27 ) Konklużjonijiet fil-kawża Umweltanwalt von Kärnten, punt 35. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet b’dan il-mod “tentattiv li jintlaqgħu t‑tradizzjonijiet kulturali komuni fil‑formazzjoni ta’ dibattitu ġudizzjarju Ewropew” (ibidem, punt 36).
( 28 ) Kurjożament, il-kriterju tal-indipendenza ġudizzjarja ma kienx fosthom. L-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer enfasizza fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża De Coster, punt 17, li r-rekwiżit ta’ indipendenza ssemma għall-ewwel darba fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1987, X (14/86, EU:C:1987:275), u ġie riprodott b’mod inkundizzjonat biss fis-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 1993, Corbiau (C‑24/92, EU:C:1993:118).
( 29 ) Minkejja l-fatt li d-dritt nazzjonali kklassifikahom b’mod espliċitu bħala korpi amministrattivi. Dan kien il-każ, pereżempju, tat-Tribunal Català de Contractes del Sector Públic, istituzzjoni amministrattiva taħt id-dritt Spanjol, li s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664), qieset bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.
( 30 ) Sentencia Broekmeulen, punt 17: “fl-assenza fil-prattika ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem il-qrati ordinarji f’qasam li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni], il-bord tal-appell”, li d-deċiżjonijiet tiegħu “huma fil-fatt irrikonoxxuti bħala definittivi, għandu jitqies bħala qorti ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu [267 TFUE]” (enfasi miżjuda).
( 31 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana (C‑579/17, EU:C:2019:162; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Gradbeništvo Korana”), punt 35. Korsiv miżjud.
( 32 ) Konklużjonijiet fil-kawża Umweltanwalt von Kärnten, punti 40 sa 49.
( 33 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413), punt 31.
( 34 ) Dan huwa s-sens espliċitu tar-risposta bil-miktub (punt 8) tal-Gvern Taljan għall-mistoqsija li saritlu mill-Qorti tal-Ġustizzja, miktuba fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Il-possibbiltà li qorti tal-Istat ta’ oriġini tinvoka l-Artikolu 267 TFUE fl-okkażjoni tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ġiet aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest — Xhud) (C‑268/17, EU:C:2018:602). Imbagħad, il-fatt li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fi Stat Membru tista’ twassal lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor sabiex tirtira MAE, indirizzat lill-ewwel wieħed, wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li “ma jistax jiġi allegat li d-domandi magħmula ma għandhom ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika” (loc. cit., punt 27).
( 36 ) Il-Gvern Ġermaniż jafferma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (punt 54) li l-OIE maħruġa mill-Finanzamt Münster kienet ippreċeduta minn mandat ta’ tfittxija maħruġ mill-Amtsgericht Münster (il-Qorti Distrettwali ta’ Münster, il-Ġermanja). Madankollu, ma huwiex ċar jekk l-OIE sempliċement tirriproduċi l-kontenut ta’ dan il-mandat — ipoteżi li fiha l-OIE tista’ tiġi imputata lill-Amtsgericht — jew jekk din tal-aħħar sservix bħala bażi ġenerika għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li l-kontenut preċiż tagħha huwa r-responsabbiltà esklużiva tal-Finanzamt. Fi kwalunkwe każ, l-OIE maħruġa minn korpi amministrattivi, qabel il-ftuħ formali ta’ proċedura ġudizzjarja, ma humiex esklużi.
( 37 ) F’dan ir-rigward, supra, punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Din hija l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fit-tweġiba bil-miktub tagħha għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din hija wkoll il-pożizzjoni tal-Gvern Taljan (punti 22 sa 30 tat-tweġiba tiegħu).
( 39 ) Il-Gvern Ġermaniż enfasizza (punti 38 sa 43 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu) li, b’mod differenti minn verżjonijiet lingwistiċi oħra, il-verżjoni Ġermaniża tad-dispożizzjoni ma tużax l-aġġettiv “ġudizzjarju” (“justizielle”), iżda t-terminu “ġurisdizzjonali (“gerichtliche”). Ma narax li din id-differenza hija rilevanti, għaliex ir-referenza espliċita għall-prosekuturi fl-Artikolu 2(c), tad-Direttiva 2014/41 tisħaq li l-OIE ma hijiex ikkonċepita bħala deċiżjoni meħuda fi kwalunkwe każ mill-persuna li teżerċita strettament il-ġurisdizzjoni.
( 40 ) B’mod speċifiku, skont il-punt (i), minn “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat”.
( 41 ) Artikolu 2(c)(ii), tad-Direttiva 2014/41.
( 42 ) Ibidem.
( 43 ) Korsiv miżjud.
( 44 ) Korsiv miżjud.
( 45 ) Id-Direttivi 2010/64, 2012/13 u 2013/48. Ara l-punt 4 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 7, 8 u 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 46 ) Sentenza OG u PI (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), punt 50.
( 47 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858), punt 35.
( 48 ) Il-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa suġġett għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv jimplika li huwa ma jistax joħroġ MAE (sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lubeck u Zwickau)), iżda ma jipprekludihx milli joħroġ OIE (sentenza Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati)).
( 49 ) Fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, UE:C:2021:152, għall-każ speċifiku tal-aċċess għad-data dwar it-traffiku u għad-data ta’ lokalizzazzjoni għal finijiet ta’ investigazzjoni kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9), fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur is-setgħa li jawtorizza tali aċċess, sa fejn huwa jwettaq investigazzjoni kriminali u, jekk ikun il-każ, jibda proċeduri.