Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CC0035

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2021.
    Proċeduri kriminali kontra A.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 4 u 5 – Obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport – Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Anness VI – Qsim tal-fruntiera marittima ta’ Stat Membru fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni – Reġim ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ moviment bejn Stati Membri mingħajr karta tal-identità jew passaport – Reġim kriminali ta’ multi ta’ kuljum – Kalkolu tal-multa abbażi tad-dħul fix-xahar medju tal-awtur tar-reat – Proporzjonalità – Severità tal-piena fir-rigward tal-ksur.
    Kawża C-35/20.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:456

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI SZPUNAR

    ippreżentati fit‑3 ta’ Ġunju 2021 ( 1 )

    Kawża C‑35/20

    Syyttäjä

    vs

    A

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 21 TFUE – Obbligu, taħt piena ta’ sanzjoni, li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport meta jaqsam il-fruntiera ta’ Stat Membru – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 4 u 5 – Qsim tal-fruntiera marittima ta’ Stat Membru permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni – Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Anness VI – Reġim kriminali ta’ multi ta’ kuljum – Kalkolu tal-multa abbażi tal-kapaċità ta’ ħlas tal-awtur tar-reat – Proporzjonalità”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Ċittadin tal-Unjoni Ewropea jaqsam fruntiera marittima nazzjonali abbord ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni fil-kuntest ta’ vjaġġ bir-ritorn bejn żewġ Stati Membri, jiġifieri l-Finlandja u l-Estonja, mingħajr ma jkollu dokumenti ta’ vvjaġġar.

    2.

    Huwa f’dan il-kuntest li jaqgħu d-domandi preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), li jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jimponu fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni l-obbligu, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, li jkollhom karta tal-identità jew passaport li huma validi meta jaqsmu l-fruntiera ta’ Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll imsejħa sabiex tiddeċiedi dwar il-proporzjonalità tar-reġim kriminali Finlandiż ta’ multi ta’ kuljum previst fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu.

    3.

    Għalhekk dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 21(1) TFUE, u tal-Artikoli 4, 5 u 36 tad-Direttiva 2004/38/KE ( 2 ), liema artikolu tal-aħħar għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 ( 3 ).

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    1.   Id-Direttiva 2004/38

    4.

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ ħruġ”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.”

    5.

    L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva intitolat “Dritt ta’ dħul”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 4 u 5 tiegħu:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

    […]

    4.   Meta ċittadin ta’ l-Unjoni, jew membru tal-familja li mhux ċittadin ta’ Stat Membru, m’għandux id-dokumenti ta’ vjaġġar neċessarji jew, jekk meħtieġ, il-visas neċessarji, l-Istat Membru kkonċernat, qabel ma jibgħathom lura, għandu jagħti lil dawn il-persuni kull opportunità raġonevoli biex jiksbu jew iġibu d-dokumenti neċessarji f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jew inkella jistgħu juru jew jiċċertifikaw b’mezzi oħra li huma koperti mid-dritt ta’ moviment liberu u residenza.

    5.   L-Istat Membru jista’ jeħtieġ lill-persuna kkonċernata li tiddikjara l-presenza tagħha fit-territorju nazzjonali fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju. In-nuqqas li dan l-obbligu jiġi osservat jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.”

    6.

    L-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sanzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-disposizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-regoli nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom. Is-sanzjonijiet stabbiliti għandhom ikunu effettivi u proporzjonati. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dawn id-disposizzjonijiet mhux aktar tard mit‑30 ta’ April 2006 u kemm jista’ jkun malajr fil-każ ta’ tibdil sussegwenti.”

    2.   Ir-Regolament Nru 562/2006

    7.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 562/2006 ( 4 ), intitolat “Suġġett u prinċipji”, kien jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Huwa jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-[Unjoni].”

    8.

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jistipula:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1)

    ‘fruntieri interni’ tfisser:

    […]

    ċ)

    il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi tal-Istati Membri għal kollegamenti regolari interni bit-traġitt;

    2)

    ‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

    […]

    8)

    ‘punt ta’ qsim tal-fruntiera’ tfisser kwalunkwe punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jinqasmu l-fruntieri esterni;

    […]”

    9.

    L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Qsim ta’ fruntieri esterni” kien jipprovdi:

    “1.   Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum.

    […]

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jkunu permessi eċċezzjonijiet għall-obbligu li wieħed jaqsam fruntieri esterni biss f’punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti:

    a)

    għal individwi jew gruppi ta’ persuni, fejn hemm rekwiżit ta’ natura speċjali għall-qsim ta’ kultant tal-fruntieri esterni minn punti differenti minn dawk tal-qsim tal-fruntiera jew barra l-ħinijiet tal-ftuħ fissi, basta li jkunu fil-pussess tal-permessi meħtieġa mil-liġi nazzjonali u li dan ma jkunx f’konflitt mal-interessi tal-politika pubblika u s-sigurtà interna tal-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu arranġamenti speċifiċi fil-ftehimiet bilaterali. L-eżenzjonijiet ġenerali previsti mil-liġi nazzjonali u l-ftehimiet bilaterali għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 34;

    […]

    c)

    f’konformità mar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 18 u 19 flimkien mal-Annessi VI u VII.

    […]”

    10.

    L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera”, kien jistipula:

    “[…]

    2.   Il-persuni kollha għandhom jgħaddu minn verifika minima sabiex jiġu stabbiliti l-identitajiet tagħhom abbażi tal-produzzjoni jew il-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tagħhom. Tali verifika minima tikkonsisti f’verifika rapida u sempliċi, fejn ikun xieraq bl-użu ta’ mezzi tekniċi u billi tkun ikkonsultata informazzjoni esklussivament dwar dokumenti misruqa, misapproprijati, mitlufa u invalidati fid-databases rilevanti, dwar il-validità tad-dokument li jawtorizza lid-detentur leġittimu li jaqsam il-fruntiera u dwar il-preżenza ta’ sinjali ta’ falsifikazzjoni jew kontrafazzjoni.

    Il-verifika minima msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun ir-regola għal persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni.

    Madankollu, fuq bażi mhux sistematika, meta jwettqu verifiki minimi fuq persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni, il-gwardji tal-fruntiera jistgħu jikkonsultaw id-databases nazzjonali u Ewropej sabiex jiżguraw li persuna ma tirrappreżentax theddida ġenwina, preżenti u suffiċjentement serja għas-sigurtà interna, il-politika pubblika, ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri jew theddida għas-saħħa pubblika.

    Il-konsegwenzi ta’ tali konsultazzjonijiet m’għandhomx jipperikolaw id-dritt ta’ dħul ta’ persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat kif stabbilit fid-Direttiva [2004/38].

    […]

    6.   Verifiki fuq persuna li jkollha d-dritt għal moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni għandhom jitwettqu skond id-Direttiva [2004/38].

    […]”

    11.

    L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 562/2006, intitolat “Regoli speċifiċi għal tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni”, kien ifformulat kif ġej:

    “Ir-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness VI għandhom japplikaw għall-verifiki mwettqa fit-tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-punti ta’ qsim tal-fruntieri [esterni].

    Dawk ir-regoli speċifiċi jista’ jkun fihom derogi mill-Artikoli 4 u 5 u l-Artikoli 7 sa 13.”

    12.

    L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Qsim tal-fruntieri interni” kien jistipula:

    “Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.”

    13.

    L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Verifiki fit-territorju”, kien jipprevedi:

    “It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

    […]

    ċ)

    il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti;

    […]”

    14.

    L-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006 kien jirrigwarda, skont it-titolu tiegħu stess, ir-“[r]egoli speċifiċi għal tipi differenti ta’ fruntieri u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri”. Il-punt 3 ta’ dan l-anness, intitolat “Fruntieri marittimi”, kien fih fil-punt 3.1., huwa nnifsu intitolat “Proċeduri ta’ verifika ġenerali fuq it-trasport marittimu”, li kien jipprovdi:

    “3.1.1.

    Verifiki fuq bastimenti għandhom jitwettqu fil-port tal-wasla jew tat-tluq, jew f’żona maħsuba għal dak il-għan, li tkun tinsab eżatt fil-qrib tal-bastiment jew abbord il-bastiment fl-ilmijiet territorjali kif iddefinit mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar [ ( 5 )]. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jitwettqu wkoll verifiki waqt il-qsim jew, mal-wasla jew t-tluq tal-bastiment, fit-territorju ta’ pajjiż terz, b’rispett tal-prinċipji stipulati fil-punt 1.1.4.

    […]”

    15.

    Il-punt 3.2. ta’ dan l-anness, intitolat “Proċeduri ta’ verifiki speċifiċi għal ċerti tipi ta’ tbaħħir”, kien jinkludi taqsima intitolata “Dgħajjes tad-divertiment”, ifformulata kif ġej:

    “3.2.5.

    B’deroga mill-Artikoli 4 u 7, il-persuni abbord ta’ dgħajjes tad-divertiment li jkunu ġejjin minn jew qed jitilqu lejn port li jinsab fi Stat Membru m’għandhomx ikunu soġġetti għal kontrolli tal-fruntiera u jistgħu jidħlu f’port li mhux punt ta’ qsim tal-fruntiera.

    Madankollu, meta skond il-valutazzjoni tar-riskji ta’ l-immigrazzjoni illegali, u b’mod partikolari fejn il-kosta ta’ pajjiż terz tinsab fil-viċinanza immedjata tat-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat, għandhom jitwettqu verifiki fuq dawn il-persuni u/jew tfittxija fiżika fid-dgħajjes tad-divertiment.

    3.2.6.

    B’deroga mill-Artikolu 4, dgħajsa tad-divertiment li tkun ġejja minn pajjiż terz tista’, f’każijiet eċċezzjonali, tidħol f’port li m’hux punt ta’ qsim tal-fruntiera. […]

    […]

    3.2.7.

    Waqt dawn il-verifiki, għandu jiġi sottomess dokument li fih il-karatteristiċi tekniċi kollha tad-dgħajsa u l-ismijiet tal-persuni abbord. Kopja ta’ dan id-dokument għandha tingħata lill-awtoritajiet fil-portijiet tad-dħul u tat-tluq. Sakemm id-dgħajsa tibqa’ fl-ilmijiet territorjali ta’ wieħed mill-Istati Membri, kopja ta’ dan id-dokument għandha tkun inkluża fost il-karti tad-dgħajsa.”

    B. Id-dritt Finlandiż

    16.

    L-Artikolu 1 tal-passilaki (il-Liġi dwar il-Passaporti) (671/2006), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, li hija redatta, essenzjalment, f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 9 tal-perustuslaki (il-Kostituzzjoni Finlandiża) (791/1999), jipprovdi:

    “Iċ-ċittadini Finlandiżi għandhom id-dritt li jitilqu mill-pajjiż skont id-dispożizzjonijiet previsti f’din il-liġi.

    Iċ-ċittadini Finlandiżi ma jistgħux jitwaqqfu milli jidħlu fit-territorju.”

    17.

    Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Passaporti:

    “Iċ-ċittadini Finlandiżi għandhom id-dritt li jitilqu, u li jidħlu fit-territorju b’ passaport, suġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi, skont id-dritt tal-Unjoni jew skont ftehim internazzjonali li jorbot lill-Finlandja. Iċ-ċittadini Finlandiżi jistgħu jivvjaġġaw lejn l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvezja u d-Danimarka mingħajr passaport. Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri jiddetermina l-pajjiżi l-oħra li ċ-ċittadini Finlandiżi jistgħu jivvjaġġaw lejhom billi jużaw bħala dokument tal-ivvjaġġar, karta tal-identità minflok passaport […]”

    18.

    L-Artikolu 1 tal-valtioneuvoston asetus matkustusoikeuden osoittamisesta eräissä tapauksissa (ir-Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri dwar prova tal-ivvjaġġar f’ċerti każijiet speċifiċi) (660/2013), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali, jiddikjara:

    “Iċ-ċittadini Finlandiżi jistgħu jivvjaġġaw mill-Finlandja lejn il-pajjiżi li ġejjin billi jużaw bħala dokument tal-ivvjaġġar karta tal-identità minflok passaport […]: il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Bulgarija, Spanja, l-Irlanda, ir-Renju Unit, l-Italja, l-Awstrija, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, il-Polonja, Franza, ir-Rumanija, il-Ġermanja, San Marino, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvizzera, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Estonja.”

    19.

    L-Artikolu 7 tar-rikoslaki (il-Kodiċi Kriminali) (39/1889), intitolat “Ksur fir-rigward tal-fruntieri”, li jinsab fil-Kapitolu 17 ta’ dan il-kodiċi, huwa stess intitolat “Ksur tal-ordni pubbliku”, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

    “Kull min

    jaqsam jew jipprova jaqsam il-fruntiera Finlandiża mingħajr dokument tal-ivvjaġġar, viża, permess ta’ residenza jew kwalunkwe dokument ieħor ekwivalenti għal dokument tal-ivvjaġġar validu, jew xi mkien ieħor għajr f’post ta’ dħul jew ta’ ħruġ awtorizzat, jew bi ksur ta’ kwalunkwe projbizzjoni legali għajr il-projbizzjoni tad-dħul,

    […]

    iwettaq ksur fir-rigward tal-fruntieri punibbli b’multa jew b’piena sa massimu ta’ sena priġunerija.”

    20.

    L-Artikolu 7a tal-istess kapitolu ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri”, jistipula:

    “L-awtur tar-reat huwa kkastigat b’multa għal ksur minuri rigward il-fruntieri jekk, fid-dawl tal-qosor tal-waqfa jew taċ-ċirkulazzjoni irregolari, in-natura tal-att ipprojbit jew ta’ ċirkustanzi oħra tal-ksur, il-ksur fir-rigward tal-fruntieri huwa kkunsidrat minuri fl-assjem tiegħu.”

    21.

    Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2a tal-imsemmi kodiċi:

    “Il-multa hija imposta fil-forma ta’ multi ta’ kuljum fejn in-numru minimu huwa ta’ multa ta’ kuljum waħda u n-numru massimu huwa ta’ 120 multa ta’ kuljum.”

    22.

    L-Artikolu 2 ta’ dan il-kapitolu tal-istess kodiċi jipprovdi:

    “L-ammont tal-multa ta’ kuljum huwa stabbilit b’mod raġonevoli, fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-awtur tar-reat.

    L-ammont tal-multa ta’ kuljum huwa kkunsidrat raġonevoli jekk jikkorrispondi għal wieħed minn sittin tad-dħul medju fix-xahar tal-awtur tar-reat, wara li jitnaqqsu l-imposti u t-taxxi li jiġu ddeterminati permezz ta’ regolament adottat mill-kunsill tal-ministri kif ukoll ammont stabbilit li jikkorrispondi mal-ispejjeż tal-konsum ta’ kuljum. L-obbligu ta’ manteniment dovut mill-awtur tar-reat jista’ jnaqqas l-ammont tal-multa ta’ kuljum.

    Id-dħul tal-awtur tar-reat li tinsab fl-aħħar taxxa implimentata huwa l-bażi prinċipali għall-kalkolu tal-imsemmi dħul fix-xahar. Jekk id-dħul tal-awtur tar-reat ma jistax jiġi stabbilit b’mod suffiċjentement affidabbli mid-data tat-taxxa jew jekk inbidlu b’mod sinjifikattiv mill-aħħar taxxa implimentata, jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ dokument ieħor aċċessibbli.

    Il-multa ta’ kuljum hija stabbilita mill-qorti abbażi tad-data disponibbli fil-mument tal-proċedura ġudizzjarja, u fil-kuntest ta’ proċedura kriminali sommarja, abbażi tad-data disponibbli fil-mument meta din il-proċedura hija mitluba. Madankollu, il-prosekutur jistabbilixxi l-multa abbażi tad-data disponibbli fil-mument meta jinħareġ id-digriet kriminali sommarju jekk jidher li l-kapaċità ta’ ħlas tal-persuna li rċeviet id-digriet inbidlet b’mod sinjifikanti meta mqabbla mad-data disponibbli fil-mument meta ġiet mitluba l-proċedura.

    Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri jirregola iktar preċiżament il-kalkolu tad-dħul medju fix-xahar, il-mod kif jiġi stabbilit l-ammont tal-multa ta’ kuljum, l-ammont fiss li jikkorrispondi mal-ispejjeż tal-konsum ta’ kuljum, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligu ta’ manteniment kif ukoll l-ammont minimu tal-multa ta’ kuljum.”

    23.

    L-Artikolu 5 tal-asetus päiväsakon rahamäärästä (ir-Regolament adottat mill-kunsill tal-ministri dwar l-ammont tal-multa ta’ kuljum) (609/1999), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali, jistipula:

    “L-ammont tal-multa ta’ kuljum ma jistax ikun inqas minn EUR 6.”

    III. Il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    24.

    Il-fatti rilevanti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, jistgħu jiġu deskritti kif ġej.

    25.

    Fil‑25 ta’ Awwissu 2015, A, ċittadin Finlandiż, wettaq vjaġġ bir-ritorn bejn il-Finlandja u l-Estonja abbord dgħajsa ta’ rikreazzjoni. Il-post tat-tluq ta’ dan il-vjaġġ kif ukoll dak tar-ritorn kienu jinsabu fil-Finlandja. Matul dan il-vjaġġ, A qasam iż-żona marittima internazzjonali li tinsab bejn il-Finlandja u l-Estonja.

    26.

    A kien id-detentur ta’ passaport validu Finlandiż, iżda matul dan il-vjaġġ la kellu dan il-passaport u lanqas ebda dokument ieħor tal-ivvjaġġar u għalhekk ma kienx f’pożizzjoni li jippreżenta l-passaport tiegħu waqt kontroll tal-fruntiera mwettaq f’Ħelsinki (il-Finlandja), matul il-vjaġġ ta’ ritorn. Minkejja n-nuqqas tal-preżentazzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar, l-identità ta’ A setgħet tiġi stabbilita abbażi tal-liċenzja tas-sewqan li kellu fuqu. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li seta’ jiġi vverifikat, permezz tal-informatika, li A kien id-detentur ta’ passaport li kien validu.

    27.

    Is-syyttäjä (il-Prosekutur) ressaq proċeduri kontra A quddiem il- Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) għal ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri. A kkontesta dawn il-proċeduri.

    28.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2016, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki) ikkonstatat li A kien wettaq ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri. Il-qsim tal-fruntiera nazzjonali mingħajr ma wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar fil-fatt jikkostitwixxi att punibbli. Il-fatt li A huwa d-detentur ta’ passaport validu huwa irrilevanti. Madankollu, din il-qorti ma ppronunzjatx ruħha dwar piena, billi kkunsidrat li l-ksur kien minuri u li, fil-każ ta’ kundanna għall-ħlas ta’ multa, l-ammont tagħha, ikkalkolat skont id-dħul medju fix-xahar ta’ A b’konformità mar-reġim kriminali ta’ multa ta’ kuljum, kienet tkun eċċessiva.

    29.

    Il-Prosekutur appella quddiem il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja). A ppreżenta appell inċidentali.

    30.

    Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2018, il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki), filwaqt li sabet li kien ġie debitament stabbilit li A ma kellux dokument tal-ivvjaġġar waqt il-kontroll, ċaħdet l-appell tal-Prosekutur. Din il-qorti kkunsidrat li l-fatti mwettqa minn A ma kinux jikkostitwixxu ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri.

    31.

    Il-Prosekutur appella minn din is-sentenza quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema). Din il-qorti tqis li l-kawża għandha tiġi eżaminata skont id-dritt tal-Unjoni.

    32.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 45 tas-sentenza Wijsenbeek ( 6 ), li d-dritt tal-Unjoni, kif kien fiż-żmien tal-fatti prinċipali, ma kienx jipprekludi li Stat Membru jirrikjedi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, persuna, kemm jekk hija ċittadin ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz, li tistabbilixxi n-nazzjonalità tagħha meta tidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru permezz ta’ fruntiera interna tal-Unjoni, sakemm is-sanzjonijiet ikunu paragunabbli ma’ dawk li japplikaw għal ksur nazzjonali simili u ma jkunux sproporzjonati.

    33.

    Din il-qorti tosserva wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Oulane ( 7 ), eżaminat jekk l-obbligu li tiġi ppreżentata, f’ċerti sitwazzjonijiet, karta tal-identità jew passaport li huma validi, kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ f’dak iż-żmien. Madankollu, skont hi, teżisti inċertezza dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mad-dritt tal-Unjoni li daħal fis-seħħ wara dawn iż-żewġ sentenzi.

    34.

    Ċertament, mir-Regolament Nru 562/2006 jsegwi li kull Stat Membru jista’ jipprevedi obbligu “li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti” ( 8 ). Madankollu, jekk wieħed jassumi li dan jimplika li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq kwalunkwe persuna l-obbligu li jkollha magħha dokument tal-ivvjaġġar meta taqsam fruntiera nazzjonali, jibqa’ inċert jekk, u, fil-każ affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet, jista’ jiġi kkastigat in-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu. Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2004/38 jistipula l-possibbiltà, għal Stat Membru, li jimponi fuq il-persuna kkonċernata li “tiddikjara l-preżenza tagħha fit-territorju nazzjonali fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju” u li hija r-raġuni għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni ippreveda, f’dan l-artikolu, il-possibbiltà li jimponi sanzjonijiet.

    35.

    Il-qorti tar-rinviju ma teskludix li l-impożizzjoni, taħt piena ta’ sanzjoni, ta’ dan l-obbligu fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni tista’ tikser id-dritt tal-moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri, mogħti mill-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) u l-Artikolu 21(1) TFUE.

    36.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan id-dritt inkisirx, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006, billi dan ir-regolament ikkostitwixxa l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fis-seħħ fil-mument tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali.

    37.

    Ikun ukoll neċessarju li jiġi ddeterminat, fir-rigward tal-Artikoli 2, 4, 7, 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006, kif ukoll tal-punt 3.2.5 tal-Anness VI ta’ dan, jekk il-fatt li ċ-ċaqliq tal-persuna kkonċernata minn Stat Membru lejn ieħor, abbord ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni, seħħ f’żona marittima internazzjonali huwiex rilevanti.

    38.

    Barra minn hekk, jekk wieħed jassumi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-obbligu, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar ieħor validu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk reġim ta’ multi ta’ kuljum, bħal dak previst mill-Kodiċi Kriminali, huwiex inkonformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mill-perspettiva tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.

    39.

    F’dan ir-rigward, din il-qorti tispeċifika li ksur minuri fir-rigward tal-fruntieri kif deskritt, f’dan il-każ, fl-att ta’ akkuża huwa normalment punibbli b’piena ta’ ħmistax-il jum multi ta’ kuljum. Bl-applikazzjoni tal-kriterji previsti fil-Kodiċi Kriminali u meta jiġi kkunsidrat il-mument meta ġie mwettaq il-ksur, l-ammont ta’ multa ta’ kuljum jammonta, fil-każ ta’ A, għal EUR 6350. Għalhekk, l-ammont totali tal-multa li setgħet tiġi imposta fuqu f’dan il-mument kienet ta’ EUR 95250.

    40.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2020, li waslet għand ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2020, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2004/38], l-Artikolu 21 tar-[Regolament Nru 562/2006] jew id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Unjoni, jipprekludi applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lil persuna (irrispettivament minn jekk hijiex ċittadina tal-Unjoni) taħt piena ta’ sanzjoni, ikollha passaport validu jew dokument ta’ vvjaġġar ieħor validu meta tmur minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni billi tgħaddi minn żona marittima internazzjonali mingħajr madankollu tidħol fit-territorju ta’ Stat terz?

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 2004/38], l-Artikolu 21 tar-[Regolament Nru 562/2006]jew id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu liberament fit-territorju tal-Unjoni, jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lil persuna (irrispettivament minn jekk hijiex ċittadina tal-Unjoni), taħt piena ta’ sanzjoni, ikollha passaport validu jew dokument ta’ vvjaġġar ieħor validu meta tidħol fl-Istat Membru kkonċernat minn Stat Membru ieħor permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni billi tgħaddi minn żona marittima internazzjonali mingħajr madankollu ma tidħol fit-territorju ta’ Stat terz?

    3)

    Fil-każ li ma jkunx hemm ostakolu fid-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel u tat-tieni domanda, is-sanzjoni fil-forma ta’ multi ta’ kuljum li hija normalment imposta fil-Finlandja għall-qsim tal-fruntiera Finlandiża mingħajr dokument ta’ vvjaġġar validu hija kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità li jirriżulta mill-Artikolu 27(2) tad-[Direttiva 2004/38]?”

    41.

    Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn A, il-Gvern Finlandiż u dak Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet wieġbu wkoll bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din tal-aħħar iddeċidiet li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tagħmel smigħ.

    IV. Analiżi

    42.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A ma kienx is-suġġett ta’ kontroll matul it-tluq tiegħu mill-Finlandja. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jkollu dokument tal-ivvjaġġar kien ikkonstatat mill-awtoritajiet Finlandiżi biss fir-ritorn tiegħu, matul kontroll tal-fruntieri mwettaq f’Ħelsinki. Il-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, madankollu, jikkonċernaw kemm il-ħruġ mill-Finlandja kif ukoll ir-ritorn lejn dan l-Istat Membru peress li l-obbligu li wieħed ikun fil-pussess ta’ dokument tal-ivvjaġġar huwa impost fuq kull qsim tal-fruntiera.

    43.

    Il-qorti tar-rinviju fformulat tliet domandi. Kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tagħhom, l-ewwel żewġ domandi huma intiżi, essenzjalment, sabiex il-qorti tkun taf jekk id-dritt tal-moviment liberu tal-persuni jipprekludix Stat Membru milli jirrikjedi, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom dokument tal-ivvjaġġar meta jiċċaqilqu bejn dan l-Istat Membru u Stat Membru ieħor meta jaqsmu żona marittima internazzjonali. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tifformula t-tielet domanda li hija intiża sabiex tkun taf jekk reġim ta’ multa ta’ kuljum, bħal dak previst mill-Kodiċi Kriminali Finlandiż, huwiex inkonformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    44.

    Fid-dawl tal-konnessjoni bejn l-ewwel u t-tieni domanda, jiena ser nindirizzahom flimkien, billi madankollu nifformula risposti separati. Fl-ewwel lok, ser neżamina l-obbligu impost fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali, dokument tal-ivvjaġġar, minn naħa, fil-kuntest tad-dritt tal-ħruġ, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38 (l-ewwel domanda), u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-dritt ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 (it-tieni domanda). Fit-tieni lok, ser neżamina l-verifiki mwettqa matul il-kontrolli fil-fruntieri rigward persuni li jgawdu d-dritt tal-moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, b’konformità mar-Regolament Nru 562/2006 (l-ewwel u t-tieni domanda). Fit-tielet lok, ser nanalizza l-proporzjonalità tal-ammont tal-multa kriminali imposta fil-każ tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu (it-tielet domanda).

    45.

    Qabel ma nibda din l-analiżi, jidhirli li huwa utli li nifformula xi rimarki preliminari dwar il-korrelazzjoni bejn l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2004/38 u r-relazzjoni tagħhom mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

    A. Rimarki Preliminari

    46.

    Qabelxejn nixtieq infakkar li, skont l-Artikolu 20 TFUE, kwalunkwe ċittadin ta’ Stat Membru jgawdi l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u jista’ għalhekk juża, inkluż fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, drittijiet relatati ma’ dan l-istatus, b’mod partikolari d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħti mill-Artikolu 21 TFUE ( 9 ).

    47.

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt ta’ moviment liberu jinkludi kemm id-dritt għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jidħlu fi Stat Membru differenti minn dak fejn għandhom in-nazzjonalità kif ukoll id-dritt li joħorġu minn dan tal-aħħar ( 10 ). Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE jitilfu l-valur tagħhom jekk l-Istat Membru tal-oriġini jista’, mingħajr ġustifikazzjoni valida, jipprojbixxi liċ-ċittadini tiegħu milli joħorġu mit-territorju tiegħu sabiex jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ( 11 ). Minn dan jirriżulta li, sabiex dan id-dritt ta’ ħruġ, iggarantit mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38, ikun kompletament effettiv, iċ-ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi joħroġ mill-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità sabiex imur fi Stat Membru ieħor għandu jkun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jirritorna fl-Istat Membru tiegħu skont il-proċeduri u l-fakultajiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

    48.

    L-acquis ta’ Schengen huwa partikolarment importanti għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u, għalhekk, tad-drittijiet ta’ dħul u ta’ ħruġ previsti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2004/38. Mill-premessi u mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta’ Schengen ( 12 ) jirriżulta li l-miżuri rigward il-qsim tal-fruntieri esterni u interni tal-Istati Membri japplikaw mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuni li jgawdu minn dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni ( 13 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tenfasizza, id-dispożizzjonijiet applikabbli taż-żona Schengen jistipulaw espressament li dawn ma jaffettwawx il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom, kif iggarantit, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2004/38 ( 14 ), inklużi ċ-ċittadini tal-Istati Membri li ma humiex parti miż-żona Schengen ( 15 ).

    49.

    Huwa f’dan il-kuntest li nipproponi li neżamina t-tliet domandi sottomessi mill-qorti tar-rinviju.

    B. Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

    1.   Fuq l-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar, taħt piena ta’ sanzjoni kriminali

    a)   Fil-kuntest tad-dritt ta’ ħruġ, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38

    50.

    Qabelxejn għandi nfakkar li l-Artikolu 21 TFUE jagħti liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fuq it-territorji tal-Istati Membri “salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”, jiġifieri d-Direttiva 2004/38.

    51.

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi espressament, mingħajr ma jeżiġi l-eżerċizzju minn qabel ta’ dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera, li “iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu […] għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor” ( 16 ).

    52.

    F’dan il-każ, A huwa ċittadin Finlandiż li, fil-kuntest ta’ vjaġġ bir-ritorn abbord dgħajsa ta’ rikreazzjoni, ħareġ mill-Finlandja sabiex imur fl-Estonja. Għalhekk is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju.

    53.

    Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu impost mil-leġiżlazzjoni Finlandiża li wieħed għandu jkollu, taħt piena ta’ sanzjoni, karta tal-identità jew passaport fil-każ ta’ vjaġġ bir-ritorn bejn il-Finlandja u l-Estonja huwiex inkonformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38.

    1) Fuq l-espressjoni “għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu”

    54.

    Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikulari mill-użu tal-espressjoni “għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu”, jirriżulta li d-dritt ta’ ħruġ huwa suġġett għall-kundizzjoni li “għandhom” dokument tal-ivvjaġġar validu.

    55.

    Il-Gvern Finlandiż jidher li jifhem it-terminu “għandhom” fis-sens li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma għandux ikollu fil-pussess tiegħu dokument tal-ivvjaġġar fil-mument meta joħroġ mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat iżda għandu jkun id-detentur ta’ tali dokument.

    56.

    Ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni tal-Gvern Finlandiż, u dan għar-raġunijiet segwenti.

    57.

    L-ewwel nett, nosserva li l-użu tat-terminu “għandhom” fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38, jimplika li persuna jkollha fuqha dokument tal-ivvjaġġar. Fil-fatt, l-għażla tal-leġiżlatur li juża dan it-terminu ma tistax tinftiehem bħala li tirreferi biss għall-fatt li wieħed ikun id-detentur ta’ tali dokument. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-verżjonijiet lingwistiċi eżaminati ma jidhrux li jissuġġerixxu l-kuntrarju ( 17 ).

    58.

    It-tieni, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-analiżi tal-finalità tad-Direttiva 2004/38. Din id-direttiva għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 4, li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali għal-libertà ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri li jingħata direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u dan għandu b’mod partikolari l-għan li jsaħħaħ l-imsemmi dritt ( 18 ). L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38 għandu għalhekk l-għan li jiżgura li persuna li tgawdi mid-dritt ta’ moviment liberu tkun tista’ tkun identifikata bħala tali fil-kuntest ta’ verifika eventwali tal-identità tagħha ( 19 ). Dan l-għan ikun kompromess jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jitolbu eżenzjoni mill-obbligu, stabbilit f’dan l-artikolu, li jkollhom karta tal-identità jew passaport li huma validi meta jivvjaġġaw minn Stat Membru għal ieħor.

    59.

    Finalment, it-tielet, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-oriġini tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, skont l-Artikolu 5(1), tal-Proposta inizjali tal-Kummissjoni ( 20 ) (l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38) “[i]l-paragrafu 1, ġeneralment jirrepeti t-termini tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 68/360/KEE [ ( 21 )] li jipprovdi li d-dritt ta’ ħruġ mit-territorju ta’ Stat Membru ‘għandu jkun eżerċitat sempliċiment mal-preżentazzjoni ta’ karta tal-identità valida jew passaport validu’, billi jadattah għar-reġim ġdid tal-abolizzjonijiet tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-Unjoni. Għal dan l-għan, l-espressjoni ‘mal-preżentazzjoni’ hija ssostitwita minn ‘għandhom’ […] ( 22 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn din id-dispożizzjoni tal-Proposta għal direttiva jirriżulta li din is-sostituzzjoni tirrifletti l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni tal-Unjoni fil-kuntest tal-acquis ta’ Schengen.

    60.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38 jimponi fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni, meta huma joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru, l-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar ( 23 ). Konsegwentement, billi timponi l-obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport sabiex jivvjaġġa mill-Finlandja lejn l-Estonja, il-leġiżlazzjoni Finlandiża tikkonforma mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38.

    61.

    Madankollu, issa huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax jimponi sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu.

    2) Fuq il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar

    62.

    Għal raġunijiet ta’ qosor, u b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar validu ġie kkonstatat biss fil-mument tar-ritorn fil-Finlandja, matul verifiki mwettqa mill-awtoritajiet Finlandiżi, il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jimponi sanzjoni kriminali f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ser tiġi indirizzata fil-kuntest tal-eżami tal-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar fil-kuntest ta’ dritt ta’ dħul.

    b)   Fil-kuntest tad-dritt ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38

    63.

    Il-Gvern Finlandiż isostni, fl-osservazzjonijiet miktuba tiegħu, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni meta ċ-ċittadini ta’ Stat Membru joħorġu minn dan l-Istat Membru u jirritornaw fih. Madankollu, dan il-gvern jispeċifika, minn naħa, li l-qrati superjuri għadhom ma ddeċidewx dwar jekk fatti bħal dawk imwettqa minn A jikkostitwixxux ksur, fis-sens tal-Kodiċi Kriminali. Min-naħa l-oħra, huwa jenfasizza li jirriżulta mix-xogħol preparatorju għall-Kodiċi Kriminali li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkwalifikax la bħala “ksur fir-rigward tal-fruntieri”, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 17 ta’ dan il-kodiċi, lanqas bħala “ksur minuri”, fis-sens tal-Artikolu 7a tal-Kapitolu 17 tal-imsemmi kodiċi ( 24 ).

    64.

    Qabelxejn nixtieq infakkar li, bħala korollarju tad-dritt ta’ ħruġ, iggarantit mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jiggarantixxi d-dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom karta tal-identità jew passaport li huma validi ( 25 ). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet imsemmija mit-Trattat, jikkostitwixxi dritt direttament mogħti mit-Trattat, jew, skont il-każ, mid-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu ( 26 ).

    65.

    F’dan il-każ, A, ċittadin Finlandiż, kien is-suġġett ta’ verifiki meta rritorna fil-Finlandja. Konsegwentement, A ma marx, kif jipprevedi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, fi Stat li ma huwiex dak li tiegħu A għandu n-nazzjonalità, iżda fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin. Fi kliem ieħor, jidher li, fil-prinċipju, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 ma humiex issodisfatti fis-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ.

    66.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni preliminari segwenti: għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 ma japplikax fis-sitwazzjonijiet fejn ċittadin tal-Unjoni qiegħed jirritorna fl-Istat Membru fejn għandu ċ-ċittadinanza?

    1) Fuq il-portata tal-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38

    67.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 japplika b’analoġija f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    68.

    Il-kwistjoni dwar jekk din id-direttiva hijiex applikabbli f’sitwazzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni rritorna lejn l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin diġà ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi rigward id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza dderivati taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Analiżi ta’ din il-ġurisprudenza tagħmilha possibbli li jiġu identifikati żewġ linji ta’ ġurisprudenza.

    69.

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dritt ta’ dħul, qabelxejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza McCarthy et ( 27 ), li, sa fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ikun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu, u fejn il-konjuġi tiegħu, ċittadina ta’ pajjiż terz, kienet toqgħod miegħu, huma kienu jibbenefikaw it-tnejn mid-Direttiva 2004/38, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha ( 28 ). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 ikopri “l-Istati Membri” u ma jagħmilx distinzjoni skont l-Istat Membru ta’ dħul, b’mod partikolari, sa fejn jipprevedi li l-pussess ta’ permess ta’ residenza validu, imsemmi fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, jeżenta lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru mill-obbligu li jiksbu viża ta’ dħul. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li bl-ebda mod ma jirriżulta mill-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva li d-dritt ta’ dħul tal-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru għandu jkun limitat għall-Istati Membri l-oħra għajr l-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni ( 29 ).

    70.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt ta’ residenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod partikolari fis-sentenzi O. u B. ( 30 ), Coman et ( 31 ) u Banger ( 32 ), li jsegwu mis-sentenzi Singh ( 33 ) u Eind ( 34 ), dwar l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, li minn interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tirregola biss il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri li ma jkunux dawk fejn ikollu n-nazzjonalità tiegħu u li din id-direttiva ma tippermettix li sservi ta’ bażi għal dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadini ta’ Stat terz, li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li tiegħu huwa jkollu n-nazzjonalità ( 35 ). Madankollu, sabiex jiġi evitat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun dissważ milli jitlaq mill-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità sabiex jeżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 21(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, f’ċerti każi, ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma setgħux jibbenefikaw, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità setgħu madankollu jingħataw tali dritt abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE ( 36 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, li miegħu dan tal-aħħar irrisjeda, fil-kwalità tiegħu biss ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ospitanti, bħala prinċipju, ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 għall-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru differenti minn dak fejn għandu n-nazzjonalità tiegħu. Għalhekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva 2004/38 ma tkoprix tali każ ta’ ritorn, hija madankollu ddeċidiet li din id-direttiva għandha tiġi applikata b’analoġija ( 37 ).

    71.

    L-analiżi ta’ dawn iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza tippermetti, fil-fehma tiegħi, li jsiru diversi konklużjonijiet fir-rigward tal-portata tal-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 f’dan il-każ.

    72.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza McCarthy et ( 38 ), li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, għalkemm kien qiegħed jivvjaġġa lejn l-Istat Membru li tiegħu kien ċittadin (ir-Renju Unit), kien jibbenefika mid-Direttiva 2004/38, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din, għaliex kien “jgħix” fi Stat Membru ieħor (Spanja). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta daħal fir-Renju Unit, dan iċ-ċittadin xorta għamel użu mid-drittijiet ta’ moviment liberu tiegħu peress li kien joqgħod fl-Istat Membru ospitanti (Spanja). Il-konjuġi tiegħu, ċittadina ta’ pajjiż terz, sa fejn kienet toqgħod mal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni fi Spanja, kienet tibbenefika wkoll mid-Direttiva 2004/38, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wara li kkunsidrat il-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 tirrigwarda “l-Istati Membri” u ma tagħmilx distinzjoni skont l-Istat Membru ta’ dħul, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni u, għalhekk, il-formalitajiet marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ dħul previsti fiha kienu japplikaw għall-konjuġi ċittadina ta’ pajjiż terz taċ-ċittadin tal-Unjoni.

    73.

    Min-naħa l-oħra, fis-sentenzi O. u B. ( 39 ), Coman et ( 40 ) u Banger ( 41 ), kif ukoll fil-ġurisprudenza li fuqha kienu bbażati dawn is-sentenzi ( 42 ), iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, fil-prinċipju kien telaq definittivament mill-Istat Membru ospitanti u rritorna ma’ membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fl-Istat Membru li tiegħu kellu n-nazzjonalità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ma kienx jibbenefika iktar mid-Direttiva 2004/38, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din u, għalhekk, ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, minħabba l-fatt li huwa kien eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, il-membri tal-familja tiegħu ċittadini ta’ pajjiż terz li kienu jgħixu miegħu fl-Istat Membru ospitanti setgħu jingħataw dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru fejn kellu n-nazzjonalità abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE. F’dawn il-każijiet, u għar-raġunijiet diġà esposti hawn fuq ( 43 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2004/38 kellha tiġi applikata b’analoġija għaċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati ( 44 ).

    74.

    F’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ A hija dik ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità wara li kien mar fi Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ vjaġġ bir-ritorn abbord dgħajsa ta’ rikreazzjoni. Għalhekk, b’differenza għall-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza analizzati hawn fuq ( 45 ), fil-kawża preżenti, minn naħa, ma jirriżultax mid-deċiżjoni preliminari li, matul ir-ritorn tiegħu fil-Finlandja, A kien akkumpanjat minn membri tal-familja tiegħu ċittadini ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, għalkemm eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, huwa ma kienx stabbilixxa ruħu fl-Estonja fil-mument tar-ritorn tiegħu fil-Finlandja.

    75.

    Għaldaqstant, il-ġurisprudenza misluta mis-sentenza McCarthy et ( 46 ) hija irrilevanti fil-kuntest tal-kawża preżenti ( 47 ). Iżda xi ngħidu għal dik misluta mis-sentenzi O. u B. ( 48 ), Coman et ( 49 ) u Banger ( 50 )?

    76.

    Minn din it-tieni linja ta’ ġurisprudenza jirriżulta li dak li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn is-sentenzi, li tapplika b’analoġija d-Direttiva 2004/38 għaċ-ċittadini tal-Unjoni li, wara li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, jirritornaw fl-Istat Membru fejn għandhom in-nazzjonalità huwa li tiggarantilhom l-eżerċizzju sħiħ tad-dritt fundamentali tagħhom ta’ moviment liberu u għalhekk jiġi evitat li jiġu dissważi milli jitilqu mill-Istat Membru fejn għandhom in-nazzjonalità sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, fi Stat Membru ieħor. Fi kliem ieħor, ċittadin tal-Unjoni li qiegħed jirritorna fl-Istat Membru tiegħu u li, bħala konsegwenza, ma jaqax taħt id-Direttiva 2004/38 ma għandux jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn ċittadin tal-Unjoni li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta jitlaq u jmur jgħix fi Stat Membru ieħor.

    77.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 21(1) TFUE fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, għandu dritt ta’ residenza dderivat fit-territorju tal-Istat Membru fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità u li dan id-dritt ta’ residenza dderivat ma jistax ikun suġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38, huwa preċiżament għaliex il-modalitajiet u l-faċilitajiet ta’ dħul u ta’ residenza stabbiliti minn din id-direttiva għaċ-ċittadini tal-Unjoni jinkludu, għall-membri tal-familji tagħhom, id-dritt ta’ dawn tal-aħħar li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, maċ-ċittadin tal-Unjoni.

    78.

    Ċertament, il-kawża preżenti ma tirrigwardax id-dritt ta’ residenza dderivat tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, kif indikajt diġà, din il-ġurisprudenza tidher li hija rilevanti fil-kawża preżenti, u dan għar-raġunijiet segwenti.

    79.

    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat diversi drabi li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 51 ). Mill-ġurisprudenza tagħha jirriżulta li ċittadin ta’ Stat Membru li, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, ikun eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu liberament fi Stat Membru differenti minn dak fejn għandu n-nazzjonalità jista’ jinvoka d-drittijiet marbuta ma’ din il-kwalità, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 21(1)TFUE, inkluż, skont il-każ, fir-rigward tal-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità ( 52 ).

    80.

    Fit-tieni lok, jekk din il-ġurisprudenza, kif ukoll dik eżaminata fil-punti 70 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tiġi applikata għall-kawża prinċipali, dan jimplika li, meta ċittadin tal-Unjoni jirritorna fl-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità, il-kundizzjonijiet materjali relatati mad-dritt ta’ dħul li jirriżultaw mill-Artikolu 21(1) TFUE ma jkunux jistgħu jiġu interpretati bħala iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 ( 53 ). Fil-fatt, kif irrilevajt ( 54 ), sabiex id-dritt ta’ ħruġ iggarantit mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jkun kompletament effettiv, iċ-ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jitlaq mill-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità sabiex imur fi Stat Membru ieħor għandu, anki jekk id-Direttiva 2004/38 ma tkoprix ir-ritorn f’dan l-Istat Membru, ikun jista’ jeżerċita d-dritt ta’ dħul tiegħu fl-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità, inkonformità mal-modalitajiet u mal-faċilitajiet stabbiliti f’din id-direttiva u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5 ta’ din.

    81.

    Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi applikata b’analoġija d-Direttiva 2004/38, inkluż l-Artikolu 5(1) tagħha, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jaċċettaw fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini tal-Unjoni li “għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi”.

    82.

    Barra minn hekk, nirrileva li mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Finlandiż jirriżulta li l-Artikolu 155(1) u (2) tal-Ulkomaalaislaki (il-Liġi dwar il-Barranin) (301/2004) jirrigwarda d-dħul u r-residenza fit-territorju Finlandiż taċ-ċittadini tal-Unjoni ( 55 ). F’dan ir-rigward, dan il-gvern ikkonferma, fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 155(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Barranin tittrasponi, fid-dritt Finlandiż, l-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 2004/38 ( 56 ).

    2) Fuq il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar

    83.

    L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-disposizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-regoli nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom”.

    84.

    Għalhekk, fl-ewwel lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-artikolu huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Naħseb li dan huwa l-każ, kif ser nispjega fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

    85.

    Mill-Proposta għal direttiva ( 57 ) jirriżulta li l-Artikolu 33 ta’ din il-proposta (Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38) jikkodifika l-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li biha d-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jissanzjonaw il-persuni suġġetti għal dan id-dritt li jkunu naqsu milli jġibu wieħed mid-dokumenti tal-identità ( 58 )..

    86.

    B’mod iktar speċifiku, is-sanzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu huma dawk previsti fl-Artikolu 5(5) ( 59 ), fl-Artikolu 8(2) ( 60 ), fl-Artikolu 9(3) ( 61 ), u fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2004/38 ( 62 ).

    87.

    Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 4 u lanqas l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ma jipprevedu dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu lill-Istati Membri li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkollhom karta tal-identità jew passaport li huma validi ( 63 ). Fil-fatt, ir-raġuni għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2004/38, il-possibbiltà li jimponi sanzjonijiet hija spjegata mill-fatt li din id-dispożizzjoni tistipula l-possibbiltà, għal Stat Membru, li jimponi fuq il-persuna kkonċernata l-obbligu li “tiddikjara l-presenza tagħha fit-territorju nazzjonali fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju”.

    88.

    Madankollu, is-silenzju tal-Artikoli 4 u 5 ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi ssanzjonat in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu taċ-ċittadini tal-Unjoni kollha li jkollhom karta tal-identità jew passaport li huma validi jidhirli li jiġi kkumpensat bl-eżistenza tal-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva, peress li dan l-artikolu jikkodifika l-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà tal-Istati Membri li jissanzjonaw lill-persuni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li naqsu milli jġibu wieħed mid-dokumenti ta’ identità ( 64 ).

    89.

    Konsegwentement, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport li għadhom validi matul l-ivvjaġġar minn Stat Membru għal ieħor jista’ jwassal għal sanzjonijiet.

    90.

    Fit-tieni lok, terġa’ tqum il-kwistjoni dwar x’inhi n-natura tas-sanzjoni li jistgħu jimponu l-Istati Membri fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ formalità amministrattiva prevista mid-Direttiva 2004/38 ( 65 ), peress li l-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva ma jistabbilixxix it-tipi ta’ sanzjonijiet (amministrattivi jew kriminali) li jistgħu jiġu imposti fil-każ ta’ ommissjoni ta’ dan l-obbligu.

    91.

    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, fil-kuntest tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza, li l-preżentazzjoni ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport li huma validi, għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tal-kwalità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru “tikkostitwixxi formalità amministrattiva li l-unika għan tagħha hija li tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali bil-prova ta’ dritt li jirriżulta b’mod dirett mill-istatus tal-persuna in kwistjoni” ( 66 ) u, għalhekk, Stat Membru ma jistax jimponi fuq ċittadin tal-Unjoni, bħala kundizzjoni għad-dħul fit-territorju tiegħu, obbligu ieħor minbarra li jkun fil-pussess ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport li huma validi ( 67 ).

    92.

    Madankollu, sa fejn l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38 huwa sieket fuq in-natura tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu applikati fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 68 ), l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar ma hijiex, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mad-Direttiva 2004/38, peress li l-Istati Membri għandhom il-kompetenza “li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa”, sakemm jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu u, konsegwentement, billi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 69 ).

    93.

    F’dan il-kuntest, minħabba l-fatt li t-tielet domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-proporzjonalità tar-reġim kriminali Finlandiż ta’ multi ta’ kuljum, ser nerġa’ lura fuq dan l-aspett fil-kuntest tal-eżami tiegħi ta’ din id-domanda.

    94.

    Qabelxejn, ser neżamina l-verifiki mwettqa matul il-kontrolli fuq il-fruntieri fil-kuntest tar-Regolament Nru 562/2006.

    2.   Fuq il-verifiki mwettqa matul il-kontrolli fuq il-fruntieri rigward il-persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 562/2006

    95.

    L-ewwel u tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jirreferu wkoll għall-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006.

    96.

    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-vjaġġ tiegħu bejn l-Estonja u l-Finlandja, A baħħar abbord dgħajsa ta’ rikreazzjoni f’żona marittima internazzjonali, u għalhekk qasam il-fruntiera marittima Finlandiża.

    97.

    F’dan ir-rigward, għandi nirrileva qabelxejn li l-fatt li A qasam il-fruntiera marittima Finlandiża jidher negliġibbli sa fejn inkwistjoni f’dan il-każ hemm ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu bejn żewġ Stati Membri u li, irrispettivament mill-fatt li huwa qasam fruntiera interna jew esterna, huwa għandu jkollu karta tal-identità jew passaport li huma validi matul il-qsim tal-fruntieri, fis-sens tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38. Madankollu, jiena ser nindirizza b’mod sussidjarju u għal finijiet ta’ kompletezza, il-kwistjoni ta’ jekk persuna, fis-sitwazzjoni ta’ A, għandhiex titqies bħala li qasmet fruntiera esterna taż-żona Schengen meta hija vvjaġġat bejn żewġ Stati Membri sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament Nru 562/2006 jipprekludix verifika bħal dik li kien suġġett għaliha A.

    98.

    Għal dan l-għan, qabelxejn ser neżamina l-portata tal-kunċett ta’ “fruntiera marittima”, fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006.

    a)   Fuq il-portata tal-kunċett ta’ “fruntiera marittima” fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006

    99.

    Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, A indika li baħħar fuq dgħajsa ta’ rikreazzjoni bejn żewġ Stati Membri li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Schengen, mingħajr ma qasam żona li tinsab ’il barra miż-żona Schengen ( 70 ). Fir-rigward tal-kunċett ta’ “fruntiera marittima” fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006, il-Gvern Finlandiż u dak Ġermaniż sostnew li dan jagħmel riferiment għal-limitu estern tal-baħar territorjali, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ( 71 ), filwaqt li l-Kummissjoni indikat li dan huwa kunċett speċifiku applikabbli għar-Regolament Nru 562/2006, li mhux neċessarjament jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “fruntiera marittima” kif iddefinit fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

    100.

    Jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi fatt li persuna tkun qasmet “punt ta’ qsim tal-fruntiera” fis-sens tal-punt (8) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006, fejn kien hemm il-kontroll fil-fruntieri esterni impost minn dan ir-regolament, ma jfissirx li din il-persuna telqet miż-żona Schengen jekk hija tkun għadha tirrisjedi f’parti mit-territorju ta’ Stat li tagħmel parti minn din iż-żona ( 72 ). Ċertament, il-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “fruntieri esterni” taż-żona Schengen bħala li jkopri, minn naħa, il-fruntieri terrestri u marittimi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, l-ajruporti u l-portijiet marittimi tagħhom, sakemm dawn ma jkunux fruntieri interni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija intiża biss, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, li torbot ċerti ajruporti u portijiet tal-Istati li jagħmlu parti miż-żona Schengen għal-fruntieri esterni tagħha għall-finijiet biss, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 77(2)(b) TFUE, li tiffaċilita l-applikazzjoni konkreta tal-kontrolli tal-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen ( 73 ).

    101.

    F’dan il-każ, A indika fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub li huwa baħħar, matul ġurnata, abbord dgħajsa ta’ rikreazzjoni bejn Ħelsinki u Tallinn. Huwa spjega wkoll li, matul ir-ritorn tiegħu, il-gwardji tal-fruntiera Finlandiża, bi ftehim mal-kaptan, skortaw id-dgħajsa ta’ rikreazzjoni li fuqha kien qiegħed ibaħħar A sal-port tat-tluq tagħha f’Ħelsinki, il-marina ta’ Katajanokka (il-Finlandja), li tinsab fiċ-ċentru ta’ Ħelsinki, u speċifikaw li l-aħħar port ma kienx “punt ta’ qsim ta’ fruntiera”, fis-sens tal-punt (8) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006, jiġifieri ma kienx “punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jinqasmu l-fruntieri esterni”.

    102.

    F’dan ir-rigward, jidhirli utli li nirrileva li mil-lista tal-punti ta’ qsim tal-fruntiera msemmija fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006, jirriżulta li huwa stabbilit abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika tal-Finlandja lill-Kummissjoni, b’konformità mal-Artikolu 34(1)(b) ta’ dan ir-regolament ( 74 ), li, fid-data rilevanti għall-kawża prinċipali, il-marina ta’ Katajanokka ma kinitx tidher fost il-“postijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri marittimi li jaġixxu bħala punti ta’ qsim għal dgħajjes ta’ rikreazzjoni” ( 75 ).

    103.

    Minn dan isegwi li, fil-prinċipju, fid-data rilevanti għall-kawża prinċipali, A ma kienx qasam “fruntiera esterna”, fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006, matul iċ-ċaqliq tiegħu bejn l-Estonja u l-Finlandja, iżda “fruntiera interna”, fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, is-sitwazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, il-verifiki li A kien suġġett għalihom min-naħa tal-awtoritajiet Finlandiżi jaqgħu, fil-prinċipju, taħt l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda l-possibbiltà għal Stat Membru li jipprevedi fid-dritt nazzjonali tiegħu l-obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew ikollu miegħu karti u dokumenti. Madankollu, jiena tal-fehma li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, u għar-raġunijiet segwenti.

    b)   Persuna fis-sitwazzjoni ta’ A taqsam fruntiera esterna taż-żona Schengen matul iċ-ċaqliq tagħha bejn żewġ Stati Membri

    104.

    Qabelxejn, nirrileva li, peress li A baħħar abbord dgħajsa ta’ rikreazzjoni, is-sitwazzjoni tiegħu ma għandhiex tkun irregolata mill-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006, iżda mill-Anness VI ta’ dan. Fil-fatt, mill-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss mill-punti ta’ qsim tal-fruntiera, li għandhom jiġu nnotifikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Madankollu, l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu (2)(c) tiegħu, deroga minn dan l-obbligu għad-dgħajjes ta’ rikreazzjoni. Għalhekk, skont il-“Proċeduri ta’ verifika ġenerali fuq it-trasport marittimu” stabbiliti fil-punt 3.1 tal-Anness VI ta’ dan l-istess regolament, il-verifiki rigward il-bastimenti, fil-prinċipju, huma mwettqa “fil-port tal-wasla jew tat-tluq, jew f’żona maħsuba għal dak il-għan, li tkun tinsab eżatt fil-qrib tal-bastiment”.

    105.

    Minn dan jirriżulta li l-fatt li d-dgħajjes ta’ rikreazzjoni huma eżentati mill-obbligu li jaqsmu l-fruntieri esterni fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera nnotifikati għal dan l-għan mill-Istati Membri u l-Kummissjoni ma jfissirx li A ma qasamx fruntiera esterna taż-żona Schengen, u dan anki jekk, kif indikajt fil-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-port ta’ Katajanokka ma kienx jidher, fid-data rilevanti għall-kawża prinċipali, fost il-punti ta’ qsim tal-fruntiera għal dan it-tip ta’ bastimenti ( 76 ).

    106.

    Barra minn hekk, għalkemm, fil-prinċipju, persuna tista’ tiġi meqjusa bħala li qasmet il-fruntiera esterna taż-żona Schengen hekk kif timbru li jimmaterjalizza l-awtorizzazzjoni ta’ dħul jew ta’ ħruġ minn din iż-żona jiġi ttimbrat fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar “mad-dħul” u “mal-ħruġ” ( 77 ), il-fatt li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ persuna li tgawdi d-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni ma humiex ittimbrati waqt verifiki fil-fruntieri esterni ma jfissirx li din il-persuna ma qasmitx fruntiera esterna meta, bħal f’dan il-każ, filwaqt li qiegħda taqsam fruntiera marittima, hija tiċċaqlaq bejn żewġ Stati Membri ( 78 ). Madankollu, infakkar li l-fatt li persuna qasmet fruntiera esterna ma jfissirx li hija telqet miż-żona Schengen jekk hija tkun għadha tirrisjedi f’parti mit-territorju ta’ Stat li tagħmel parti minn din iż-żona ( 79 ). Konsegwentement, nikkonstata li A qasam fruntiera esterna fis-sens tar-Regolament Nru 562/2006 matul iċ-ċaqliq tiegħu bejn l-Estonja u l-Finlandja, mingħajr madankollu ma telaq miż-żona Schengen.

    107.

    Fir-rigward tal-verifiki li għalihom kien suġġett A matul il-kontroll imwettaq mill-gwardji tal-fruntiera Finlandiżi, l-ewwel paragrafu tal-punt 3.2.5. tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006 jipprevedi, b’deroga mill-Artikoli 4 u 7 ta’ dan ir-regolament ( 80 ), eżenzjoni mill-verifiki minimi fil-fruntieri esterni fil-każ ta’ tbaħħir abbord bastimenti ta’ rikreazzjoni ( 81 ). Madankollu, it-tieni paragrafu tal-punt 3.2.5. ta’ dan l-anness jipprevedi, min-naħa tiegħu, eċċezzjoni għall-eżenzjoni prevista fil-paragrafu preċedenti, skont liema “Madankollu, meta skond il-valutazzjoni tar-riskji ta’ l-immigrazzjoni illegali […]għandhom jitwettqu verifiki [mal-fruntieri] fuq dawn il-persuni u/jew tfittxija fiżika fid-dgħajjes tad-divertiment”.

    108.

    F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet ta’ A jirriżulta li l-vjaġġ tiegħu seħħ matul perijodu ta’ riskju ikbar ta’ immigrazzjoni illegali. Il-Gvern Finlandiż isostni li, skont l-informazzjoni pprovduta mis-servizz ta’ sorveljanza tal-fruntieri, ir-riskju ta’ immigrazzjoni illegali beda jikber mix-xahar ta’ April 2015 u li l-immigrazzjoni kienet żdiedet drastikament fl-aħħar ta’ Lulju 2015, u laħqet il-quċċata tagħha matul il-perijodu bejn il-Ħarifa u l-aħħar tas-sena 2015. Għalhekk, l-awtoritajiet Finlandiżi kellhom id-dritt li jwettqu verifiki fuq il-fruntiera peress li, fil‑25 ta’ Awwissu 2015, A rritorna f’Ħelsinki wara li kien qasam il-fruntiera marittima Finlandiża. Fid-dawl tal-fatt li l-eċċezzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal-punt 3.2.5. tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006 tidher li ġiet applikata mill-gwardji tal-fruntiera Finlandiżi, id-deroga fl-Artikoli 4 u 7 ta’ dan ir-regolament ma tapplikax.

    109.

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li A huwa ċittadin tal-Unjoni, bl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 562/2006, il-gwardji tal-fruntiera Finlandiżi setgħu jissuġġettaw lil A għal verifika minima msemmija f’din id-dispożizzjoni, li “għandha tkun ir-regola għal persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni” ( 82 ). Din il-verifika minima hija intiża sabiex tistabbilixxi l-identità tal-persuni “abbażi tal-produzzjoni jew il-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tagħhom” u “tikkonsisti f’verifika rapida u sempliċi […] dwar il-validità” ta’ dawn id-dokumenti.

    110.

    F’dan ir-rigward, jidhirli neċessarju li nenfasizza, minn naħa, li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdi li, fir-rigward tal-persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, il-konsegwenzi ta’ tali konsultazzjonijiet “mhux sistematiċi” tad-databases nazzjonali u Ewropej ma jikkompromettux id-dritt tagħhom ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kif tipprevedi d-Direttiva 2004/38. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 562/2006 jipprevedi li l-verifiki dwar persuni li jgawdu d-dritt tal-moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni jkunu mwettqa b’konformità mad-Direttiva 2004/38 ( 83 ).

    111.

    Konsegwentement, għalkemm il-gwardji tal-fruntiera kellhom id-dritt li jwettqu verifika fuq il-fruntiera esterna Finlandiża matul ir-ritorn ta’ A fil-Finlandja mill-Estonja, id-dritt ta’ A għall-moviment liberu, b’mod partikolari d-dritt ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 2004/38 ma jistax jiġi ppreġudikat. Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet applikabbli taż-żona Schengen jistipulaw espressament li dawn ma jaffettwawx il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom, kif iggarantit, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2004/38 ( 84 ).

    3.   Konklużjoni intermedja dwar l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

    112.

    Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li d-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni ma jipprekludix li Stat Membru jobbliga ċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom dokument tal-ivvjaġġar meta jiċċaqilqu bejn dan l-Istat Membru u Stat Membru ieħor billi jaqsmu żona marittima nazzjonali abbord dgħajsa ta’ rikreazzjoni. Għalkemm l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar ma huwiex, fil-prinċipju, inkompatibbli mad-Direttiva 2004/38, għandi wkoll nanalizza l-proporzjonalità ta’ tali sanzjoni.

    C. Fuq it-tielet domanda preliminari

    113.

    It-tielet domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex teżamina l-proporzjonalità ta’ reġim ta’ multi ta’ kuljum, bħal dak previst mill-Kodiċi Kriminali Finlandiż, fid-dawl tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Dan l-artikolu huwa dwar il-ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li ma ġewx issodisfatti l-formalitajiet legali dwar l-aċċess, iċ-ċaqliq u r-residenza tal-persuni ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi ksur tal-ordni u tas-sigurtà pubbliċi ( 85 ).

    114.

    Konsegwentement, kif sostnejt ( 86 ), huwa xieraq li jiġi analizzat ir-reġim kriminali tal-multi ta’ kuljum fil-kawża prinċipali mhux mill-perspettiva tal-Artikolu 27, iżda minn dik tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38.

    115.

    Għalhekk, jiena tal-fehma li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li hija adita biha ( 87 ), it-tielet domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid bħala li tfittex, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti ta’ effettività u ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jipprekludu reġim kriminali ta’ multi ta’ kuljum, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikabbli fil-każ tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar li huwa validu matul il-qsim tal-fruntiera, sa fejn dan ir-reġim jipprevedi, għal ksur minuri, multa li tammonta għal 20 % tad-dħul medju fix-xahar tal-awtur tar-reat.

    116.

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva hija ċara ħafna: is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-imsemmija direttiva għandhom ikunu “effettivi u proporzjonati” ( 88 ).

    117.

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-Istati Membri jadottaw miżuri adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu ( 89 ).

    118.

    Fl-ewwel lok, f’dan il-każ, ir-reġim ta’ multi ta’ kuljum previst mill-Kodiċi Kriminali Finlandiż ma għandux jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, peress li huwa mifhum li, meta tkun teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija ( 90 ).

    119.

    Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, fil-kuntest tad-dritt ta’ residenza, minn naħa, li l-uniku għan tal-preżentazzjoni ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport li huma validi mill-benefiċjarji tad-dritt ta’ moviment liberu huwa l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, li jekk, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dawn id-dokumenti, il-persuna kkonċernata madankollu ma tkunx f’pożizzjoni li tistabbilixxi, mingħajr ebda dubju, l-identità tagħha permezz ta’ mezzi oħra, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jikkontesta d-dritt tagħha ta’ residenza minħabba l-uniku motiv li hija ma ppreżentatx wieħed jew l-ieħor mid-dokumenti msemmija iktar ’il fuq ( 91 ).

    120.

    Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza, li tirrigwarda d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, hija applikabbli b’analoġija għad-dritt ta’ dħul ta’ dawn iċ-ċittadini, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38. Din id-dispożizzjoni hija ntiża sabiex tiggarantixxi li persuna li tibbenefika mid-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri tista’ tiġi identifikata bħala tali sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Għalhekk, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu karta tal-identità jew passaport li huma validi matul id-dħul fi Stat Membru, stabbilit fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi meqjus bħala ksur serju meta l-għan ta’ dan l-obbligu huwa miksub permezz ta’ mezzi oħrajn ( 92 ). Ċertament, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 7a tal-Kapitolu 17 tal-Kodiċi Kriminali, il-ksur li normalment huwa responsabbli għalih fil-Finlandja l-awtur tar-reat għal tali obbligu hija kkunsidrata minuri. Madankollu f’dan il-każ, A qiegħed jaffaċċja multa ta’ ħmistax-il jum ta’ multi ta’ kuljum, bl-ammont tal-multa jkun jammonta għal 20 % tad-dħul fix-xahar nett ( 93 ).

    121.

    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li reġim kriminali ta’ multi ta’ kuljum li jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ ħlas tal-awtur tar-reat ( 94 ) ma jidhirx, fih innifsu, sproporzjonat ( 95 ). Madankollu, fid-dawl tan-natura u tal-gravità tal-ksur, li huwa meqjus bħala ksur minuri, l-impożizzjoni ta’ multa fejn l-ammont jammonta għal 20 % tad-dħul medju fix-xahar tal-awtur tar-reat minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ formalità amministrattiva hija, fl-opinjoni tiegħi, kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt, invokat mill-Gvern Finlandiż, li l-qorti tista’ dejjem tiddeċiedi li teħles lill-akkużat meta, bħal f’dan il-każ, l-ammont tal-multa jidher għoli wisq.

    122.

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minkejja l-fatt li A pprova l-identità tiegħu permezz ta’ mezzi oħra, multa li ammontat għall-ammont ta’ EUR 95250 setgħet tiġi imposta fuqu ( 96 ). Għalhekk, ma jidhirx li din iċ-ċirkustanza ttieħdet inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ( 97 ).

    123.

    Fit-tielet lok, l-effikaċja tar-reġim ta’ multi ta’ kuljum previst mill-Kodiċi Kriminali Finlandiż ma jistax jiġi kkontestat. Madankollu, inqis li l-applikazzjoni ta’ multa daqshekk għolja minħabba n-nuqqas ta’ osservanza minn ċittadin tal-Unjoni ta’ kundizzjoni formali tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 u tippreġudika s-sustanza stess tad-dritt ta’ moviment liberu mogħti direttament mit-Trattat ( 98 ) sa fejn tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu ta’ dan iċ-ċittadin.

    124.

    Konsegwentement, inqis li dan ir-reġim huwa sproporzjonat fid-dawl tal-fatt li l-ksur imwettaq huwa ksur minuri.

    125.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti ta’ effettività u ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet, imsemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jipprekludu reġim ta’ multi ta’ kuljum, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar li huwa validu meta jaqsam il-fruntiera, sa fejn dan ir-reġim jipprevedi, għal ksur minuri, multa li tammonta għal 20 % tad-dħul fix-xahar medju tal-awtur tar-reat.

    V. Konklużjoni

    126.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) bil-mod segwenti:

    1)

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE u l-punt 3.2.5. tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013, ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-obbligu fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, taħt piena ta’ sanzjoni, li jkollhom dokument tal-ivvjaġġar validu meta jitilqu mit-territorju ta’ Stat Membru bil-għan li jmorru fi Stat Membru ieħor billi jaqsmu żona marittima internazzjonali abbord ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni.

    2)

    L-Artikolu 21(1) TFUE, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38 u l-punt 3.2.5. tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013, ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-obbligu fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni, taħt piena ta’ sanzjoni, li jkollhom dokument tal-ivvjaġġar validu meta jirritornaw f’dan l-Istat Membru wara li qasmu żona marittima internazzjonali abbord ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni.

    3)

    L-Artikolu 21(1) TFUE u l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżiti ta’ effettività u ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet, imsemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jipprekludu reġim ta’ multi ta’ kuljum, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed ikollu dokument tal-ivvjaġġar li huwa validu meta jaqsam il-fruntiera, sa fejn dan ir-reġim jipprevedi, għal ksur minuri, multa li tammonta għal 20 % tad-dħul fix-xahar medju tal-awtur tar-reat.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

    ( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2014, L 225, p. 91) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 562/2006”). Ir-Regolament Nru 562/2006, applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32).

    ( 4 ) L-Artikoli 1, 2, 22 u 23 tar-Regolament 2016/399 huma redatti, essenzjalment, f’termini identiċi, rispettivament, għal dawk tal-Artikoli 1, 2, 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006. L-istess jgħodd għall-punti 3.2.4. u 3.2.6. tal-Anness VI tar-Regolament 2016/399 u l-punti 3.2.5. u 3.2.7. tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006.

    ( 5 ) Konvenzjoni ffirmata f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”) u daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 1994 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1833, 1834 u 1835, p. 3). Il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat‑23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260, u rettifika fil-ĠU 2014, L 316, p. 69).

    ( 6 ) Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1999 (C‑378/97, EU:C:1999:439).

    ( 7 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2005 (C‑215/03, EU:C:2005:95).

    ( 8 ) Ara l-Artikolu 21(c), tar-Regolament Nru 562/2006, (Artikolu 23(c), tar-Regolament Nru 2016/399).

    ( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Jipa (C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 17), tas‑17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov (C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 24), u tas‑17 ta’ Novembru 2011, Aladzhov (C‑434/10, EU:C:2011:750, punt 24).

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Jipa (C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 18); tas‑17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov (C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 25), u tas‑17 ta’ Novembru 2011, Aladzhov (C‑434/10, EU:C:2011:750, punt 25).

    ( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Jipa (C‑33/07, EU:C:2008:396, punt 18), u tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov (C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 31).

    ( 12 ) Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 562/2006 tistipula li “[d-]definizzjoni ta’ regoli komuni dwar il-moviment liberu ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri la [tqiegħed] f’dubju u lanqas ma [taffettwa] d-drittijiet ta’ moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom”. Għalhekk, minn naħa, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li dan japplika “għal kull persuna li taqsam il-fruntieri interni jew esterni ta’ l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju [b’mod partikolari] għad-drittijiet ta’ persuni li jgawdu mid-dritt għal moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni” u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera”, jipprovdi, fil-paragrafu (6) tiegħu, li “[v]erifiki fuq persuna li jkollha d-dritt għal moviment liberu taħt il-liġi tal-Unjoni għandhom jitwettqu skond id-Direttiva [2004/38]”. Miktub bil-korsiv minni.

    ( 13 ) L-Artikolu 2(5)(a), tar-Regolament Nru 562/2006 jiddefinixxi l-persuni li għandhom id-dritt għal moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni bħala “ċittadini ta’ l-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) [TFUE], u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jeżerċita id-dritt tiegħu għal moviment liberu u li għalihom tapplika d-Direttiva [2004/38]”.

    ( 14 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Ryanair Designated Activity Company (C‑754/18, EU:C:2020:478, punt 40).

    ( 15 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Ryanair Designated Activity Company (C‑754/18, EU:C:2020:478, punt 41), li, “b’mod ġenerali, din id-direttiva tapplika mingħajr distinzjoni għall-Istati Membri kollha, irrispettivament minn jekk dawn jagħmlux parti miż-żona Schengen jew le”. Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tirrigwarda d-dritt ta’ dħul fi Stat Membru b’permess ta’ residenza permanenti ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni maħruġ mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.

    ( 16 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov (C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 32). Ara, ukoll, il-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 17 ) Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola (“estén en posesión”), Ġermaniża (“mit sich führen”), Griega (“φέρουν”), Ingliża (“with”), Taljana (“munito”), Litwana (“turintys”), Pollakka (“posiadający”), Portugiża (“munidos”), Rumena (“dețin”), u dik Slovena (“z”).

    ( 18 ) Sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 19 ) Din l-identifikazzjoni tista’ tkun ukoll neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika.

    ( 20 ) Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom għal moviment liberu u residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri [traduzzjoni mhux uffiċjali], COM(2001) 257 finali, p. 10.

    ( 21 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27).

    ( 22 ) Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din il-proposta (l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38), “[d]an il-paragrafu jirrepeti t-termini tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [68/360] dwar id-dritt ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru, li huwa eżerċitat miċ-ċittadin tal-Unjoni u mill-membri tal-familja tiegħu sempliċiment mal-[preżentazzjoni] ta’ karta tal-identità valida jew passaport validu. Hemmhekk ukoll l-espressjoni ‘mal-preżentazzjoni’ ġiet issostitwita minn ‘għandhom’” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 23 ) L-istess kunsiderazzjonijiet jgħoddu għall-interpretazzjoni tat-terminu “għandhom” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38, li huwa s-suġġett tat-tieni domanda. F’dan ir-rigward, ara l-punt 58 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 24 ) Ara l-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 25 ) Fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-terminu “għandhom”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/38, nirreferi għall-punti 57 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 26 ) Sentenzi tat‑8 ta’ April 1976, Royer (48/75, EU:C:1976:57, punt 31); tal‑5 ta’ Marzu 1991, Giagounidis (C‑376/89, EU:C:1991:99, punt 12), u tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95, punt 17).

    ( 27 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑202/13, EU:C:2014:2450).

    ( 28 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 36). Ara, ukoll, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 73), kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 39).

    ( 29 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 41).

    ( 30 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014 (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 37).

    ( 31 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018 (C‑673/16, EU:C:2018:385).

    ( 32 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018 (C‑89/17, EU:C:2018:570).

    ( 33 ) Sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992 (C‑370/90, EU:C:1992:296).

    ( 34 ) Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (C‑291/05, EU:C:2007:771).

    ( 35 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 37); tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 20), kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 23). Ara, ukoll, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 53), kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 33).

    ( 36 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 54), tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 2324), kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punti 2728).

    ( 37 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punti 5061), tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 25), kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 29).

    ( 38 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑202/13, EU:C:2014:2450).

    ( 39 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014 (C‑456/12, EU:C:2014:135).

    ( 40 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018 (C‑673/16, EU:C:2018:385).

    ( 41 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018 (C‑89/17, EU:C:2018:570).

    ( 42 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296), u tal‑11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771).

    ( 43 ) Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 44 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punti 5061), tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 25), kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 29).

    ( 45 ) Ara l-punti 69 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑202/13, EU:C:2014:2450).

    ( 47 ) Madankollu, kif kont diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:345, punti 5760 sa 88), għandi dubji dwar l-applikabbiltà b’analoġija tad-Direttiva 2004/38, minħabba l-prinċipju tal-ġerarkija bejn id-dritt primarju u d-dritt idderivat. Fil-fatt, jiena tal-fehma li huwa d-dritt idderivat li għandu jiġi interpretat fid-dawl tat-trattati, u mhux bil-kontra, b’mod partikolari sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha att tal-Unjoni jwassal għal reviżjoni tat-trattati barra mill-proċeduri previsti għal dan l-għan. Għalhekk, f’dawn il-konklużjonijiet, kont ipproponejt lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra, b’mod partikolari, li d-Direttiva 2004/38, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 21(1) TFUE, tapplika għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tagħha, meta, wara l-eżerċizzju minn qabel tad-dritt tal-moviment liberu miċ-ċittadin tal-Unjoni u wara li kien għex b’mod effettiv fi Stat Membru ieħor, iċ-ċittadin u l-membri tal-familja tiegħu jiċċaqilqu lejn l-Istat Membru fejn dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità. Wara li dan ġie ppreċiżat, jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 48 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014 (C‑456/12, EU:C:2014:135).

    ( 49 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018 (C‑673/16, EU:C:2018:385).

    ( 50 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018 (C‑89/17, EU:C:2018:570).

    ( 51 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31); tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 41); digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:758, punt 29); u s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 30).

    ( 52 ) Sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 51).

    ( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punti 5061); tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 61); tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 25), kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 29). Ara, ukoll, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 5455).

    ( 54 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 55 ) Skont dan il-gvern, l-Artikolu 155 ta’ din il-liġi jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “ċittadin tal-Unjoni li jidħol jew jirrisjedi fit-territorju għandu jkollu karta tal-identità jew passaport validu” u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “jekk ċittadin tal-Unjoni […] ma għandux id-dokument tal-ivvjaġġar meħtieġ jew il-viża li tista’ tkun neċessarja, huwa jingħata l-possibbiltà, qabel ma jiġi rrifjutat id-dħul, li jikseb jew li jintbagħtulu d-dokumenti rikjesti jew li jipprova, b’mezzi oħra, li huwa jibbenefika mid-dritt ta’ moviment liberu u residenza libera”.

    ( 56 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni Finlandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppermettiet lil A jidħol fit-territorju nazzjonali minn meta kien f’pożizzjoni li jipprova, b’mezz ieħor, f’dan il-każ il-liċenzja tas-sewqan, il-kwalità tiegħu ta’ benefiċjarju tad-dritt ta’ dħul. F’dan ir-rigward, il-Gvern Finlandiż indika, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-Finlandja, il-liċenzja tas-sewqan hija, f’ċerti sitwazzjonijiet, aċċettata bħala dokument li jipprova l-identità tad-detentur tagħha. Dan il-gvern jindika li huwa konċepibbli li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jkun nesa l-karta tal-identità tiegħu jew il-passaport tiegħu fil-Finlandja meta telaq minn dan l-Istat Membru, dan jista’, fir-ritorn tiegħu, jipprova l-identità tiegħu b’mod partikolari permezz tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu u jiġi awtorizzat sabiex jidħol fil-Finlandja. Huwa jispeċifika li l-leġiżlazzjoni Finlandiża madankollu ma tipprevedi l-ebda obbligu f’dan is-sens u li huma l-awtoritajiet Finlandiżi li għandhom jevalwaw dak li, f’każ partikolari, jikkostitwixxi dokument li jippermetti li tiġi stabbilita l-identità tal-persuna kkonċernata.

    ( 57 ) COM(2001) 257 finali, p. 26.

    ( 58 ) Dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-formalitajiet rikjesti għall-konstatazzjoni tad-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem protett mid-Direttiva (68/360) u d-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 167), direttivi li tħassru permezz tad-Direttiva 2004/38, ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1976, Watson u Belmann (118/75, EU:C:1976:106, punti 20 sa 21 u l-punt 2 tad-dispożittiv); tat‑12 ta’ Diċembru 1989, Messner (C‑265/88, EU:C:1989:632), punti 145 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑30 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑24/97, EU:C:1998:184, punt 14).

    ( 59 ) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja li ma għandux in-nazzjonalità ta’ Stat Membru li jiddikjara l-preżenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

    ( 60 ) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

    ( 61 ) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi sottomessa applikazzjoni għal karta ta’ residenza għall-membri tal-familja li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru.

    ( 62 ) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi sottomessa applikazzjoni għal karta ta’ residenza permanenti.

    ( 63 ) Fil-każ tad-dritt ta’ dħul, ara l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/38.

    ( 64 ) Ara l-punt 85 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 65 ) Skont il-premessa 7 tad-Direttiva 2004/38, in-natura tas-sanzjonijiet għandha tiġi ddefinita b’mod ċar, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kontrolli fil-fruntieri nazzjonali. Ara, ukoll, l-Artikolu 21(c), tar-Regolament Nru 562/2006.

    ( 66 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95, punt 24). Miktub bil-korsiv minni.

    ( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1980, Pieck (157/79, EU:C:1980:179, punt 10).

    ( 68 ) Il-possibbiltà li jiġu previsti biss sanzjonijiet amministrattivi fid-dispożizzjonijiet kollha dwar is-sanzjonijiet ġiet prevista f’ċertu stadju tal-proċedura leġiżlattiva, iżda ma nżammitx fid-dokument finali. Ara l-emenda 33 u l-kunsiderazzjonijiet sottostanti tagħha fil-proposta emendata, COM(2003) 199 finali, p. 6.

    ( 69 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker (C‑655/18, EU:C:2020:157, punt 42), u tad‑19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001 (C‑501/14, EU:C:2016:777, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 70 ) Fil-fatt, A spjega li, “skont il-leġiżlazzjonijiet Estonjani u Finlandiżi, bl-applikazzjoni tar-regola ġenerali tal-portata taż-żoni marittimi tagħhom, il-fruntieri marittimi ta’ Schengen imissu bejn Tallinn (l-Estonja) u Ħelsinki, minbarra l-kuritur ta’ navigazzjoni marittima libera ta’ 11.11 km (jiġifieri 6 mili x 1,852)”. Fir-rigward tal-fruntiera marittima Finlandiża, A jagħmel riferiment għall-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 981/1995.

    ( 71 ) L-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi li “[i]l-limitu estern tal-baħar territorjali huwa bi dritt kull punt li fih ikun f’distanza mill-eqreb punt tal-linja bażi ugwali għall-wisa’ tal-baħar territorjali”.

    ( 72 ) Sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam) (C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 45).

    ( 73 ) Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħruġ”, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 562/2006, ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam) (C‑341/18, EU:C:2020:76, punti 4748). Ara, wkoll, il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li tistabbilixxi kodiċi komunitarju dwar ir-reġim ta’ qsim ta’ fruntieri minn persuni (COM(2004) 391 finali, tas‑26 ta’ Mejju 2004, p. 28) skont liema: “[…] fil-prinċipju, il-portijiet huma dejjem fruntieri esterni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 562/2006 (miktub bil-korsiv minni).

    ( 74 ) Aġġornament tal-lista tal-punti ta’ qsim tal-fruntiera msemmija fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tar-(Regolament Nru 562/2006) (ĠU 2015, C 72, p. 17).

    ( 75 ) Madankollu jirriżulta mil-lista tal-punti ta’ qsim tal-fruntiera msemmija fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tar-(Regolament 2016/399) (ĠU 2016, C 484, p. 30, u rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32), li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, li l-port ta’ Ħelsinki jidher fost il-“postijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri marittimi li jaġixxu bħala punti ta’ qsim għal dgħajjes ta’ rikreazzjoni”.

    ( 76 ) Ara l-punt 100 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 77 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam) (C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 78 ) Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Anness VII tar-Regolament Nru 562/2006, intitolat “Regoli speċjali għal ċerti kategoriji ta’ persuni” fejn il-punt 8 jipprovdi li “B’deroga mill-Artikoli 4 u 7, il-haddiema offshore kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt 18a li regolarment jirritornaw bil-baħar jew bl-ajru fit-territorju tal-Istati Membri mingħajr ma jkunu dahlu fit-territorju ta’ pajjiż terz, m’għandhomx jiġu verifikati sistematikament”. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-ħaddiema li jirritornaw fuq installazzjoni offshore li tinsab fl-ibħra territorjali ta’ Stat Membru qasmu l-fruntieri esterni u għalhekk, fil-każ kuntrarju, ma kienx ikun hemm il-ħtieġa li tiġi prevista deroga għall-Artikoli 4 u 7 ta’ dan ir-regolament.

    ( 79 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam) (C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 45). Ara, f’dan ir-rigward ukoll, il-punt 100 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 80 ) Jidhirli utli li nenfasizza li l-fatt li l-ewwel paragrafu tal-punt 3.2.5. tal-Anness VI tar-Regolament Nru 562/2006 jipprevedi, b’deroga mill-Artikoli 4 u 7 ta’ dan ir-regolament, eżenzjoni mill-verifiki minimi fil-fruntieri esterni fil-każ ta’ tbaħħir ta’ rikreazzjoni juri li huwa meqjus li fruntiera esterna ġiet maqsuma fil-każ ta’ tbaħħir għal rikreazzjoni peress li, fil-każ kuntrarju, ma kienx ikun hemm il-ħtieġa li tiġi prevista deroga għall-Artikoli 4 u 7 ta’ dan ir-regolament. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 107 tal-konklużjonijiet preżenti.

    ( 81 ) Ara l-Artikolu 7(2) u (6) tar-Regolament Nru 562/2006.

    ( 82 ) It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 562/2006.

    ( 83 ) F’dan ir-rigward, ara r-rimarki preliminari tiegħi u, b’mod partikolari, il-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 84 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Ryanair Designated Activity Company (C‑754/18, EU:C:2020:478, punt 40). Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 85 ) Sentenza tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95, punt 42).

    ( 86 ) Ara l-punti 83 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 87 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 88 ) F’dan ir-rigward, għandi nfakkar li jirriżulta mill-Proposta għal direttiva li dan l-artikolu jiddefinixxi b’mod ċar il-prinċipji li għandhom jiġu osservati mis-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda bl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva (COM(2001) 257 finali, p. 26). Għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 33 ta’ din il-proposta għal direttiva (Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38) kienet tipprovdi li “[is-sanzjonijiet previsti b’dan il-mod] għandhom ikunu effettivi, proprozjonali u dissważivi u huma għandhom ikunu paragunabbli ma’ dawk li l-Istati Membri japplikaw għaċ-ċittadini tagħhom stess għal ksur tal-liġi ta’ importanza minuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta modifikata madankollu tindika li l-modifika dwar dan l-artikolu proposta mill-Parlament Ewropew u miżmuma fid-dokument finali, “għandha l-għan li żżomm bħala l-uniċi elementi ta’ referenza għas-sanzjonijiet il-prinċipji ta’ effikaċja u ta’ proporzjonalità”. Ara l-emenda 90 u l-kunsiderazzjonijiet sottostanti fil-proposta modifikata, COM(2003) 199 finali, p. 10. Ara, ukoll, ir-rapport tal-Parlament Ewropew, Finali A5-0009/2003, p. 51.

    ( 89 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 40). Skont il-punt 41 ta’ din is-sentenza, “[d]an il-prinċipju, li huwa ggarantit ukoll mill-Artikolu 49(3) tal-[Karta], li jipprevedi li l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur, jorbot lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 51(1) tal-Karta”. Wara li ntqal dan, jiena tal-opinjoni li, sa fejn f’dan il-każ jirrigwarda d-dritt ta’ moviment liberu ta’ persuni, l-eżami tal-proporzjonalità għandu jkun iktar strett u jitwettaq fid-dawl tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2004/38, peress li l-Artikolu 49(3) tal-Karta japplika għat-tipi kollha ta’ sanzjonijiet f’kuntest ferm iktar wiesa’.

    ( 90 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 91 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95, punti 2425). Ara, ukoll, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1991, Giagounidis (C‑376/89, EU:C:1991:99, punti 1518). Ara, ukoll, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/38.

    ( 92 ) F’dan ir-rigward, nirreferi għall-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2004/38.

    ( 93 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li, matul is-sena 2014, l-ammont medju ta’ multa ta’ kuljum kien ta’ EUR 16.70 għal dħul fix-xahar nett ta’ EUR 1257.

    ( 94 ) Ara l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 17 tal-Kodiċi Kriminali.

    ( 95 ) Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Maksimovic et (C‑64/18, C‑140/18, C‑146/18 u C‑148/18, EU:C:2019:723, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 96 ) Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-mument meta twettaq il-ksur, fid-dawl tad-dħul ta’ A, l-ammont tal-multa ta’ kuljum kellu jkun ta’ EUR 6350 u l-ammont totali tal-multa kellu jkun EUR 95250. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 97 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Louloudakis (C‑262/99, EU:C:2001:407, punti 7576).

    ( 98 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95, punt 40). Ara, ukoll, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Maksimovic et (C‑64/18, C‑140/18, C‑146/18 u C‑148/18, EU:C:2019:723, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top