Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0755

Kawża T-755/19: Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Novembru 2019 – BBA International Investments vs Il-Kummissjoni

ĠU C 27, 27.1.2020, p. 54–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/54


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Novembru 2019 – BBA International Investments vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-755/19)

(2020/C 27/56)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BBA International Investments Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: N. Niejahr, B. Hoorelbeke, avukati, A. Stratakis u P. O’Gara, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1352 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit dwar l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ta’ CFC (ĠU 2019 L 216, p. 1), sa fejn din issostni li l-allegata miżura ta’ għajnuna tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u tordna l-irkupru tagħha bl-interessi, inkluż mingħand ir-rikorrenti;

alternattivament, tannulla l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli flimkien mal-interessi, inkluż mingħand ir-rikorrenti;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess u l-ispejjeż tar-rikorrenti relatati ma’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, li jallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi sostniet li l-miżura ta’ għajnuna allegata tipprovdi vantaġġ selettiv:

a)

lill-kumpanniji li jużaw l-eżenzjoni ta’ 75 % għal relazzjonijiet ta' self kwalifikanti b’riskju baxx, għaliex il-Kummissjoni:

identifikat b’mod żbaljat is-sistema CFC tar-Renju Unit bħala s-sistema ta’ referenza;

wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li l-eżenzjoni ta’ 75 % tikkostitwixxi deroga mis-sistema tat-taxxa ta’ riferenza, abbażi tal-fatt li:

(i)

il-konstatazzjoni ta’ deroga hija bbażata b’mod żbaljat fuq it-teknika regolatorja;

(ii)

it-test tal-funzjonijiet tal-persuni sinifikanti ma huwiex it-test ċentrali għas-sistema CFC tar-Renju Unit; u

(iii)

relazzjonijiet ta’ self kwalifikanti u mhux kwalifikanti ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali u, f’kull każ, wettqet żball ta’ liġi meta applikat b’analoġija jew meta bbażat ruħha b’mod inġustifikat fuq it-termini tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 (1).

wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li l-eżenzjoni ta’ 75 % ma hijiex iġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ taxxa bl-istess mod bħall-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi li tapplika għal profitti finanzjarji mhux kummerċjali li jaqgħu taħt it-Taqsima 371EC tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010.

b)

lill-kumpanniji li jużaw l-eżenzjonijiet ta’ mgħax imqabbel u ta’ riżorsi kwalifikanti, għaliex il-Kummissjoni:

identifikat b’mod żbaljat is-sistema CFC tar-Renju Unit bħala s-sistema ta’ referenza;

wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li l-eżenzjonijiet ta’ mgħax imqabbel u ta’ riżorsi kwalifikanti jikkostitwixxu deroga mis-sistema tat-taxxa ta’ riferenza, abbażi tal-fatt li:

(i)

il-konstatazzjoni ta’ deroga hija bbażata b’mod żbaljat fuq it-teknika regolatorja u t-test tal-funzjonijiet tal-persuni sinifikanti ma huwiex it-test ċentrali għas-sistema CFC tar-Renju Unit;

(ii)

persuni taxxabbli li jikkwalifikaw għall-eżenzjonijiet ta’ mgħax imqabbel u ta’ riżorsi kwalifikanti ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-persuni taxxabbli li ma jikkwalifikawx b’dan il-mod.

wettqet żball ta’ fatt u ta’ liġi meta kkonkludiet li l-eżenzjonijiet ta’ mgħax imqabbel u ta’ riżorsi kwalifikanti ma humiex iġġustifikati min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ taxxa.

2.

It-tieni motiv, li jallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi naqset milli turi li l-allegata miżura ta’ għajnuna setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u kienet thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

3.

It-tielet motiv, li jallega, sussidjarjament, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 49 TFUE billi kkwalifikat lill-allegata miżura ta’ għajnuna bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ma tiksirx il-libertà ta’ stabbiliment żgurata mill-Artikolu 49 TFUE.

4.

Ir-raba’ motiv, li jallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament/nondiskriminazzjoni billi:

ittrattat profitti finanzjarji mhux kummerċjali derivanti minn self kwalifikanti bl-istess mod bħal profitti finanzjarji mhux kummerċjali derivanti minn self mhux kwalifikanti; u

ittrattat l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi b’mod differenti skont jekk il-profitti finanzjarji mhux kummerċjali jaqawx taħt it-Taqsimiet 371EB jew 371EC tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010.

5.

Il-ħames motiv, li jallega, sussidjarjament, li, anki jekk l-allegata miżura ta’ għajnuna taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (2), billi ordnat l-irkupru ta’ ammonti ta’ għajnuna allegatament inkompatibbli mingħand il-benefiċjarji tal-allegata miżura ta’ għajnuna, għaliex tali rkupru jikser il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.


(1)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU 2016 L 193, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015 L 248, p. 9).


Top