Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0611

Kawża T-611/19: Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2019 – Iniciativa ciudadana - Derecho de la UE, derechos de las minorías y democratización de las instituciones españolas vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 363, 28.10.2019, pp. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/32


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2019 – Iniciativa ciudadana - Derecho de la UE, derechos de las minorías y democratización de las instituciones españolas vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-611/19)

(2019/C 363/41)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Iniciativa ciudadana - Derecho de la UE, derechos de las minorías y democratización de las instituciones españolas (Spanja) (rappreżentanti: G. Boye, I. Elbal Sánchez, E. Valcuende Sillero u I. González Martínez, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2019/1182 tat-3 ta’ Lulju 2019 li permezz tagħha ġiet irrifjtuata r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini “Il-liġi tal-UE, id-drittijiet tal-minoranzi u d-demokratizzazzjoni tal-istituzzjonijiet Spanjoli”.

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors ineżami huwa ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-inizjattiva, imsemmija iktar ’il fuq, li permezz tagħha l-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-suġġetti segwenti: il-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati, is-separazzjoni tal-poteri, il-libertà ta’ għaqda, il-libertà ta’ espressjoni, id-dritt għal elezzjonijiet liberi, id-dritt għal-libertà u d-dritt għal trattament ugwali.

Id-deċiżjoni kkontestata qieset li l-azzjonijiet proposti fl-inizjattivi ma kinux jaqgħu fil-portata tal-kompetenzi tal-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-rekwiżiti essenzjali proċedurali.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li l-atti legali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), li jipprovdi li l-Kummissjoni, meta tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini proposta, għandha tinforma lill-organizzaturi “bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut”.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tat-Trattati jew ta’ dispożizzjoni legali oħra dwar l-applikazzjoni tagħhom.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni ta’ rifjut ikkontestata tikser l-Artikolu 11 TUE, l-Artikolu 24(1) TFUE u l-Artikolu 4(2)(a), (b) u (c) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq, li jimplimenta dawn id-deċiżjonijiet tat-Trattati.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-natura tal-azzjonijiet proposti fl-inizjattiva taċ-ċittadini.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li ebda wieħed mis-suġġetti indirizzati fl-inizjattiva taċ-ċittadini ma jaqa’ manifestament lil hinn mil-limiti tas-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tipproponi att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta taqa’ fil-qafas legali tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 211/2011, kif ukoll mill-kontenut stess tal-inizjattiva li hija s-suġġett tat-tilwima, jirriżulta li fil-każ ineżami huma ssodisfatti r-rekwiżiti kollha imposti minn dan ir-regolament u, għaldaqstant, l-inizjattiva kien imissha ġiet irreġistrata.


(1)  ĠU 2011, L 65, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 94, p. 49.


Top