Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0002

Kawża T-2/19: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2019 – Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs SRB

OJ C 82, 4.3.2019, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/60


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2019 – Algebris (UK) u Anchorage Capital Group vs SRB

(Kawża T-2/19)

(2019/C 82/72)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Algebris (UK) Ltd (Londra, ir-Renju Unit) u Anchorage Capital Group (New York, New York, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: T. Soames, lawyer, R. East, Solicitor, N. Chesaites, u D. Mackersie, Barristers)

Konvenut: Single Resolution Board (SRB)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-SRB fis-sens li valutazzjonijiet definittivi ex post ta’ Banco Popular Español S.A. ma kinux meħtieġa mill-Artikolu 20(11) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014; (1)

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu d-deċiżjoni tas-SRB li valutazzjonijiet definittivi ex post ta’ Banco Popular Español S.A. ma kinux meħtieġa mill-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 tmur kontra l-Artikolu 20(11) u/jew l-Artikolu 20(12) ta’ dan ir-regolament, li jirrikjedi li ssir valutazzjoni definittiva ex post f’ċirkustanzi fejn valutazzjoni provviżorja li ma tkunx issodisfat ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) u (4) sa (9) tar-Regolament Nru 806/2014 tintuża sabiex jittieħdu miżuri ta’ riżoluzzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni min-naħa tas-SRB fl-applikazzjoni tiegħu tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 fid-deċiżjoni kkontestata, peress li, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ipproċeda fuq il-bażi żbaljata li ebda valutazzjonijiet definittivi ex post ma huma meħtieġa f’dan il-każ.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u/jew żball manifest ta’ evalwazzjoni bi ksur tal-Artikolu 20(11) u (12) tar-Regolament Nru 806/2014 sa fejn id-deċiżjoni kkontestata timplika deċiżjoni tas-SRB li ma jiġix miżjud il-valur ta’ EUR 1 imħallas bħala kunsiderazzjoni minn Banco Santander, S.A..

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata min-naħa tas-SRB, kuntrarjament għall-Artikolu 296 TFUE.


(1)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 225, p. 1).


Top