EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0928

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Settembru 2021.
European Federation of Public Service Unions (EPSU) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dritt istituzzjonali – Politika soċjali – Artikoli 154 u 155 TFUE – Djalogu bejn l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni Ewropea – Informazzjoni u konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri – Ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali – Talba konġunta tal-partijiet firmatarji ta’ dan il-ftehim għall-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni – Rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta għal deċiżjoni – Grad ta’ stħarriġ ġudizzjarju – Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut.
Kawża C-928/19 P.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:656

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Settembru 2021 (*)

“Appell – Dritt istituzzjonali – Politika soċjali – Artikoli 154 u 155 TFUE – Djalogu bejn l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni Ewropea – Informazzjoni u konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri – Ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali – Talba konġunta tal-partijiet firmatarji ta’ dan il-ftehim għall-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni – Rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta għal deċiżjoni – Grad ta’ stħarriġ ġudizzjarju – Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut”

Fil-Kawża C‑928/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid‑19 ta’ Diċembru 2019,

European Federation of Public Service Unions (EPSU), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn R. Arthur, solicitor, kif ukoll minn K. Apps, barrister,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Jan Willem Goudriaan, residenti fi Brussell, irrappreżentat minn R. Arthur, solicitor, kif ukoll minn K. Apps, barrister,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral, M. Kellerbauer u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Safjan, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Jannar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-European Federation of Public Service Unions (EPSU) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Ottubru 2019, EPSU u Goudriaan vs Il‑Kummissjoni (T‑310/18, is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:757), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal‑5 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) li tirrifjuta li tippreżenta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta għal deċiżjoni li timplimenta fil-livell tal-Unjoni l-ftehim intitolat “Qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u [tal-]impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali [tal-Istati Membri]”, konkluż bejn id-Delegazzjoni tas-Sindakati Nazzjonali u l-Amministrazzjoni Ewropea (TUNED) u mill-Persuni li Jimpjegaw tal-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea (EAPE) (iktar ’il quddiem il-“ftehim inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 151 TFUE:

“L-Unjoni [Ewropea] u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li kienet iffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità ta’ l-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandu jkollhom bħala mira il-promozzjoni ta’ l-impjieg, it-titjib tal-kondizzjonijeit tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla it-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta’ livell għoli ta’ mpjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.

B’dan l-għan l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri li jieħdu kont tad-diversi forom ta’ prattiċi nazzjonali, partikolarment fil-qasam ta’ relazzjonijiet kontrattwalli, u l-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività fl-ekonomija ta’ l-Unjoni.

Huma jemmnu li żvilupp bħal dan għandu jirriżulta mhux biss mill-funzjonament tas-suq intern, li għandu jiffavorixxi l-armonizzazzjoni ta’ sistemi soċjali, imma wkoll mill-proċeduri previsti fit-Trattati u mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva.”

3        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 152 TFUE:

“L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol ta’ l-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom.”

4        L-Artikolu 153(1) TFUE jipprevedi:

“1.      Bl-għan li jinkisbu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri f’dawn l-oqsma:

[…]

e)      l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema;

[…]”

5        L-Artikolu 154 jistabbilixxi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha jkollha d-dmir li tippromwovi l-konsultazzjoni ta’ min imexxi u tal-ħaddiema [tal-imsieħba soċjali] fil-livell ta’ l-Unjoni u għandha tieħu l-miżuri rilevanti sabiex tiffaċilita id-djalogu ta’ bejniethom billi tassigura sostenn bilanċjat għal dawn il-partijiet.

2.      B’dan il-għan, qabel ma tippreżenta proposti fil-qasam tal-politika soċjali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-min imexxi u lill-ħaddiema dwar id-direzzjoni possibli ta’ l-azzjoni mill-Unjoni.

3.      Jekk, wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tikkonsidra li azzjoni mill-Unjoni tkun ta’ min jirrakomandaha, hi għandha tikkonsulta lill-min imexxi u l-ħaddiema dwar il-kontenut tal-proposta maħsuba. Min imexxi u l-ħaddiema għandhom iwasslu lill-Kummissjoni opinjoni jew, fejn jixraq, rakkomandazzjoni.

4.      Fl-okkażjoni ta’ konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, min imexxi u l-ħaddiema jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew il-proċess previst fl-Artikolu 155. It-tul ta’ żmien ta’ dan il-proċess m’għandux jeċċedi disa’ xhur, sakemm min imexxi u l-ħaddiema kkonċernati u l-Kummissjoni, flimkien jiddeċiedu li jestenduh.”

6        L-Artikolu 155 TFUE jiddisponi:

“1.      Jekk min imexxi u l-ħaddiema [l-imsieħba soċjali] hekk jixtiequ, id-djalogu bejniethom fil-livell ta’ l-Unjoni jista’ jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inkluż ftehim.

2.      Il-Ftehim [Il-ftehimiet] konklużi fil-livell ta’ l-Unjoni għandhom jkunu implementati skond il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 153, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu meta l-ftehim in kwistjoni jkun fih dispożizzjoni waħda jew aktar konnessi ma’ wieħed mill-oqsma li għalihom hija meħtieġa l-unanimità skond l-Artikolu 153(2).”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

7        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 6 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qasir kif ġej.

8        Permezz tad-dokument ta’ konsultazzjoni C(2015) 2303 final tal‑10 ta’ April 2015, intitolat “L-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali taħt l-Artikolu [154 TFUE] dwar konsolidazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema”, il-Kummissjoni stiednet lill-imsieħba soċjali, abbażi tal-Artikolu 154(2) TFUE, sabiex jiddeċiedu dwar l-orjentazzjoni possibbli ta’ azzjoni tal-Unjoni dwar il-konsolidazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327), tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98) u tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea [– Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“Direttivi dwar l-Informazzjoni u l-Konsultazzjoni tal-Ħaddiema”). Din il-konsultazzjoni kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-eventwali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-Informazzjoni u l-Konsultazzjoni tal-Ħaddiema għall-uffiċjali u għall-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri.

9        Fit‑2 ta’ Ġunju 2015, l-imsieħba soċjali fi ħdan il-kumitat ta’ djalogu soċjali għall-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali (SDC CGA), jiġifieri, minn naħa, it-TUNED u, min-naħa l-oħra, l-EAPE, abbażi tal-Artikolu 154(4) TFUE, informaw lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħhom li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim fuq il-bażi tal-Artikolu 155(1) TFUE.

10      Fil‑21 ta’ Diċembru 2015, it-TUNED u l-EAPE ffirmaw il-ftehim inkwistjoni.

11      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Frar 2016, it-TUNED u l-EAPE talbu b’mod konġunt lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta għal deċiżjoni li timplimenta l-ftehim inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE.

12      Fil‑5 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija rrifjutat li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni lill-Kunsill.

13      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-ewwel, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li l-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri kienu suġġetti għall-awtorità ta’ dawn il-gvernijiet, li huma kienu jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tagħhom kienu jaqgħu kompletament fil-kompetenza tal-Istati Membri. It-tieni, il-Kummissjoni rrilevat li dispożizzjonijiet li jiżguraw ċertu livell ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-imsemmija amministrazzjonijiet kienu diġà jeżistu f’bosta Stati Membri. It-tielet, il-Kummissjoni qieset li d-daqs tal-istess amministrazzjonijiet kien jiddependi mill-grad ta’ ċentralizzazzjoni jew ta’ deċentralizzazzjoni tal-Istati Membri, b’tali mod li, fil-każ ta’ implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, il-livell ta’ protezzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati kkonċernati jkun ivarja b’mod kunsiderevoli skont l-Istati Membri.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Mejju 2018, l-EPSU, assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha organizzazzjonijiet sindakali Ewropej li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tas-servizzi pubbliċi u li ħolqot it-TUNED flimkien mal-Konfederazzjoni Ewropea tas-Sindakati Indipendenti (CESI), u Jan Willem Goudriaan, Segretarju Ġenerali tal-EPSU (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fl-ewwel istanza”), talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

15      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza qajmu żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tas-setgħat tal-Kummissjoni, huma sostnew, essenzjalment, li, bis-saħħa tal-Artikolu 155(2) TFUE, il-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta fil-livell tal-Unjoni l-ftehim inkwistjoni. It-tieni motiv tagħhom kien ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti u manifestament żbaljata tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

16      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fl-intier tiegħu u kkundannat lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż.

17      B’mod partikolari, fir-rigward tal-eżami tal-fondatezza tal-imsemmi rikors, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv, billi wettqet b’mod partikolari, fil-punti 49 sa 90 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 155(2) TFUE, sabiex tikkonkludi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma humiex obbligati li jilqgħu talba konġunta ppreżentata mill-partijiet firmatarji ta’ ftehim u intiża għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni. Sussegwentement hija eżaminat, fil-punti 91 sa 102 ta’ din is-sentenza, ir-regoli, il-prinċipji u l-għanijiet tal-Unjoni invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza insostenn tal-interpretazzjoni tagħhom ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 104 tal-imsemmija sentenza, li, bir-rifjut li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta fil-livell tal-Unjoni l-ftehim inkwistjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tas-setgħat tagħha.

18      Fir-rigward tat-tieni motiv tar-rikors, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 106 sa 140 tas-sentenza appellata, l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE fid-deċiżjoni kontenzjuża u l-fondatezza tal-motivazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni. Wara li kkunsidrat li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ristrett, il-Qorti Ġenerali qieset li din id-deċiżjoni kienet tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, u li t-tliet motivi kkontestati tal-imsemmija deċiżjoni kienu fondati.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19      Permezz tal-appell tagħha, l-EPSU titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-appell.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-EPSU għall-ispejjeż.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Marzu 2020, J. Goudriaan informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa ma xtaqx li jkun parti fil-proċedura ta’ appell.

 Fuq l-appell

22      Insostenn tal-appell, l-EPSU tqajjem erba’ aggravji.

23      Għandhom jiġu eżaminati suċċessivament it-tieni, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ aggravju.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji taliġi fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 154 u 155 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

24      Permezz tat-tieni aggravju, l-EPSU ssostni li l-interpretazzjonijiet letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikoli 154 u 155 TFUE magħmula mill-Qorti Ġenerali huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi fir-rigward, b’mod partikolari, tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi bejn l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE. F’dan ir-rigward, l-EPSU ssostni, essenzjalment, li, bis-saħħa ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, sakemm ma tirrilevax in-natura rappreżentattiva insuffiċjenti tal-partijiet firmatarji ta’ ftehim jew l-illegalità tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim, il-Kummissjoni hija obbligata tilqa’ talba konġunta ta’ dawn il-partijiet firmatarji intiża għall-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-imsemmi ftehim u li tippreżenta proposta għal deċiżjoni lill-Kunsill għal dan il-għan.

25      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 155(2) TFUE, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 49 sa 63 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-kliem “shall be implemented”, użat fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ din id-dispożizzjoni, jesprimu l-obbligu tal-Kummissjoni li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta fil-livell tal-Unjoni l-ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali kkonċernati. L-EPSU ssostni wkoll li l-fatt li ż-żewġ metodi ta’ implimentazzjoni ta’ ftehim bejn imsieħba soċjali skont l-Artikolu 155(2) TFUE ġew miġbura fl-istess sentenza ma jnaqqasx in-natura vinkolanti tal-obbligi tal-istituzzjonijiet fir-rigward tat-tieni proċedura, peress li l-għażla tal-metodu li għandu jiġi adottat hija f’idejn l-imsieħba soċjali u mhux l-istituzzjonijiet.

26      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjonijiet kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 155(2) TFUE, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-punti 34, 62, 63, 69 sa 82, 87, 89, 93 sa 100 u 109 tas-sentenza appellata.

27      L-ewwel, l-EPSU tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali estendiet b’mod żbaljat ir-rwol tal-Kummissjoni għad-detriment ta’ dak tal-imsieħba soċjali u ta’ dak tal-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 TFUE.

28      It-tieni, l-EPSU tikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 sa 77, 87 u 96 tas-sentenza appellata, dwar l-iżvolġiment tal-proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 TFUE.

29      It-tielet, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 sa 76 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat il-punt 84 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128), li minnu jirriżulta li s-setgħat tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 154 u 155 TFUE huma limitati għall-istħarriġ tan-natura rappreżentattiva tal-imsieħba soċjali firmatarji tal-ftehim ikkonċernat u għall-istħarriġ tal-legalità tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim, u ebda stħarriġ ta’ jekk huwiex xieraq li tiġi ppreżentata lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta l-imsemmi ftehim fil-livell tal-Unjoni ma huwa, għall-kuntrarju, imsemmi f’dik is-sentenza.

30      Ir-raba’, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 82 u 94 sa 98 tas-sentenza appellata, fid-definizzjoni tagħha tar-rwol tal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 TFUE meta mqabbel ma’ dak irriżervat għall-imsieħba soċjali. F’dan ir-rigward, l-EPSU, billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-punt 89 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128), issostni li s-setgħat tal-Parlament u tal-imsieħba soċjali huma differenti u komplementari.

31      Il-Kummissjoni tikkonfuta l-allegazzjonijiet tal-EPSU u taqbel mal-interpretazzjoni tal-Artikoli 154 u 155 TFUE kif ukoll tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128) adottata mill-Qorti Ġenerali.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-EPSU bbażati fuq interpretazzjoni letterali żbaljata tal-Artikolu 155(2) TFUE mwettqa mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi bejn imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni sseħħ jew skont il-proċeduri u l-prattiki speċifiċi għalihom u għall-Istati Membri, jew, fl-oqsma li jaqgħu taħt l-Artikolu 153 TFUE, fuq talba konġunta tal-partijiet firmatarji ta’ dawn il-ftehimiet, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

33      Għalhekk, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata, l-użu tal-formulazzjonijiet imperattivi “intervient”, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE, jew “shall be implemented”, fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jkollu bħala funzjoni li jispeċifika li ftehim konkluż fil-livell tal-Unjoni bejn l-imsieħba soċjali għandu obbligatorjament jiġi implimentat permezz ta’ waħda minn żewġ proċeduri alternattivi, jiġifieri jew skont il-proċeduri u l-prattiki speċifiċi għall-imsieħba soċjali u għall-Istati Membri, jew, fl-oqsma li jaqgħu taħt l-Artikolu 153 TFUE, skont proċedura speċifika li twassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni.

34      B’mod partikolari, fir-rigward tal-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ tali ftehim, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE sempliċement jipprovdi li din l-implimentazzjoni tista’ tieħu l-forma tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill meħuda fuq talba konġunta tal-partijiet firmatarji tal-ftehim ikkonċernat u fuq proposta tal-Kummissjoni, mingħajr ma jindika jekk din tal-aħħar hijiex obbligata tippreżenta tali proposta lill-Kunsill.

35      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ddeċidiet, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li l-formulazzjonijiet imperattivi użati fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE “intervient” u fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ din id-dispożizzjoni “shall be implemented” ma jippermettux, waħedhom, li jiġi konkluż li l-Kummissjoni hija obbligata tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni meta hija tiġi adita b’talba konġunta f’dan is-sens mill-partijiet firmatarji ta’ ftehim.

36      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument, li barra minn hekk ma huwiex issostanzjat, tal-EPSU li l-fatt li, fl-Artikolu 155(2) TFUE, jissemmew fl-istess sentenza ż-żewġ proċeduri previsti għall-implimentazzjoni ta’ ftehim bejn imsieħba soċjali ma huwiex tali li jnaqqas in-natura vinkolanti tal-obbligi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni taħt it-tieni waħda minnhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li l-EPSU ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom mill-fatt li l-għażla inizjali bejn il-proċeduri alternattivi msemmija f’din is-sentenza hija f’idejn l-imsieħba soċjali jirriżulta li l-formulazzjonijiet imperattivi inkwistjoni jirrigwardaw speċifikament it-tieni proċedura, b’mod li l-Kummissjoni hija obbligata tippreżenta tali proposta lill-Kunsill.

37      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 155(2) TFUE ssuġġerita mir-rikorrenti fl-ewwel istanza timplika, minbarra l-obbligu għall-Kummissjoni, fi kwalunkwe ċirkustanza, li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta fil-livell tal-Unjoni l-ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali, l-obbligu għall-Kunsill li jimplimenta dan il-ftehim u li jadotta d-deċiżjoni kontenzjuża.

38      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-EPSU tammetti li l-Kummissjoni tista’ ma tippreżentax tali proposta lill-Kunsill f’ċerti ċirkustanzi, fil-każ ta’ assenza ta’ natura rappreżentattiva tal-imsieħba soċjali firmatarji tal-ftehim ikkonċernat jew ta’ illegalità tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-Kunsill, jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni letterali ssuġġerita mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, dan ineħħi l-effett utli tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE li jipprevedi li l-Kunsill jiddeċiedi unanimament fuq il-proposta tal-Kummissjoni meta l-ftehim inkwistjoni jinkludi dispożizzjonijiet dwar ċerti oqsma, li ma jagħmilx sens kieku l-Kunsill ikun obbligat jadotta d-deċiżjoni proposta mill-Kummissjoni.

39      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti fl-ewwel istanza timplika li, meta l-imsieħba soċjali ma jippreżentawx talba konġunta intiża għall-implimentazzjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni, l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri jkunu marbuta jimplimentaw dan il-ftehim fil-livell tagħhom skont il-proċeduri u skont il-prattiki speċifiċi tagħhom, u dan imur kontra l-intenzjoni tal-ħdax-il Stat Membru firmatarji tal-ftehim fuq il-politika soċjali konkluż bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea minbarra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1992, C 191, p. 91). Issa, għalkemm l-EPSU tafferma, fl-appell, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat dak li l-EAPE effettivament ftiehmet, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument bl-ebda mod ma huwa sostnut u lanqas ma jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt tas-sentenza appellata, dwar id-Dikjarazzjoni Nru 2 annessa ma’ dan il-ftehim.

40      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fil-kuntest tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 155(2) TFUE, li turi li l-formulazzjonijiet imperattivi użati fil-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża u bil-lingwa Ingliża huma intiżi biss sabiex jesprimu n-natura esklużiva taż-żewġ proċeduri alternattivi previsti f’din id-dispożizzjoni, li huwa barra minn hekk ikkorroborat minn diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu.

41      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-EPSU dwar l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika żbaljata tal-Artikolu 155(2) TFUE magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-EPSU ssostni, l-ewwel, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 34, 63 sa 81 u 93 tas-sentenza appellata, fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 17(1) u (2) TUE, minħabba li din id-dispożizzjoni ġenerali ma tistax testendi l-kompetenzi tal-Kummissjoni lil hinn mil-limiti stabbiliti fl-Artikoli 154 u 155 TFUE, peress li dawn l-artikoli jikkostitwixxu lex specialis.

42      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-EPSU ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn l-Artikoli 154 u 155 TFUE għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu lex specialis meta mqabbla mal-Artikolu 17(1) u (2) TUE. Hija sempliċement tafferma li l-Artikolu 17 TUE ma jistax jingħata preċedenza fuq l-Artikoli 154 u 155 TFUE.

43      Barra minn hekk, minn dawn il-punti tas-sentenza appellata lanqas ma jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-Artikoli 154 u 155 TFUE sabiex tapplika l-Artikolu 17 TUE minflok dawn id-dispożizzjonijiet. Bil-kontra, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li “fl-evalwazzjoni tal-opportunità [tan-natura xierqa] ta’ implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni sempliċement teżerċita l-prerogattivi mogħtija lilha permezz tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) u (3) TUE”.

44      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-setgħa li tipproponi l-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE, tagħmel parti mis-setgħat mogħtija mit-Trattati lill-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-Artikolu 17 TUE.

45      F’dan ir-rigward, is-setgħat mogħtija mit-Trattati lill-Kummissjoni jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-promozzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) TUE, tal-interess ġenerali tal-Unjoni u fit-teħid, jekk ikun il-każ, tal-inizjattivi xierqa għal dan il-għan.

46      Fil-qasam partikolari tal-politika soċjali, it-Titolu X tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE għandu b’mod partikolari l-għan, kif l-Avukat Ġenerali fakkar fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jippromwovi r-rwol tal-imsieħba soċjali u li jiffaċilita d-djalogu bejniethom, b’osservanza tal-awtonomija tagħhom, u l-Artikolu 154(1) TFUE jiddisponi li l-Kummissjoni għandha b’mod partikolari l-kompitu li tippromwovi l-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest partikolari tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet konklużi bejn imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, l-Artikolu 155(2) TFUE ta lill-imsieħba soċjali dritt paragunabbli għal dak li għandhom b’mod iktar ġenerali, bis-saħħa, rispettivament, tal-Artikoli 225 u 241 TFUE, il-Parlament u l-Kunsill li jitolbu lill-Kummissjoni tissottometti proposti xierqa għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

47      Madankollu, bil-kliem “fuq proposta mill-Kummissjoni”, l-Artikolu 155(2) TFUE jagħti lil din l-istituzzjoni kompetenza speċifika li, anki jekk tista’ tiġi eżerċitata biss fuq talba konġunta tal-imsieħba soċjali, hija simili, ladarba ssir tali talba, għas-setgħa ta’ inizjattiva ġenerali prevista fl-Artikolu 17(2) TUE għall-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi, peress li l-eżistenza ta’ proposta tal-Kummissjoni hija kundizzjoni preliminari għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kunsill skont din id-dispożizzjoni. Din il-kompetenza tagħmel parti mir-rwol mogħti lill-Kummissjoni fl-Artikolu 17(1) TUE, li jikkonsisti f’dan il-kuntest li hija tevalwa, fid-dawl tal-interess ġenerali tal-Unjoni, jekk huwiex xieraq li tagħmel proposta lill-Kunsill abbażi ta’ ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali bl-għan tal-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni.

48      Għandu jitfakkar ukoll, f’dan ir-rigward, li, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha fit-Trattati, konformement mal-proċeduri, mal-kundizzjonijiet u mal-finijiet previsti minnhom. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, li huwa element karatteristiku tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, li jimplika li kull istituzzjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawk tal-oħrajn (sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, is-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 17(2) TUE, tikkostitwixxi waħda mill-espressjonijiet ta’ dan il-prinċipju (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 60). L-istess japplika, fil-kuntest partikolari tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet konklużi bejn imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, għall-kompetenza speċifika mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 155(2) TFUE.

49      Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE, issuġġerita mill-EPSU, tqiegħed f’dubju l-imsemmi ekwilibriju u jkollha mnejn tostakola t-twettiq mill-Kummissjoni tal-missjoni tagħha, imfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li tikkonsisti fil-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 17(1) TUE. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni jkollha bħala riżultat li l-interessi tal-imsieħba soċjali firmatarji ta’ ftehim jipprevalu fuq il-funzjoni ta’ promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni li għandha l-Kummissjoni.

50      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(3) TUE, “[il]-Kummissjoni għandha twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b’indipendenza totali”, u “[l]-membri tal-Kummissjoni la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern, xi istituzzjoni, korp jew organu”. Issa, kif il-Qorti Ġenerali qieset ġustament fil-punt 78 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni tal-Artikolu 155(2) TUE, li tgħid li l-Kummissjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ inizjattiva tagħha, li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta fil-livell tal-Unjoni l-ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali, tkun tmur kontra l-prinċipju ta’ indipendenza tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħha kif dan il-prinċipju huwa stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(3) TUE.

51      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-EPSU li l-indipendenza tal-Kummissjoni hija ppreżervata peress li din l-istituzzjoni hija, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni li tippreżenta l-pożizzjoni tagħha lill-Kunsill permezz ta’ “espożizzjoni tal-motivi”. Fil-fatt, l-espożizzjoni tal-motivi li takkumpanja proposta tal-Kummissjoni hija mistennija li tindika biss il-motivi li jiġġustifikaw din il-proposta.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fil-punti 34, 63 sa 81 u 93 tas-sentenza appellata, fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 17(1) sa (3) TUE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma estendietx ir-rwol tal-Kummissjoni għad-detriment ta’ dak tal-imsieħba soċjali u ta’ dak tal-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 TFUE.

53      It-tieni, fir-rigward tal-argument tal-EPSU li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 74 sa 77 u 87 tas-sentenza appellata meta kkunsidrat li, ladarba l-imsieħba soċjali jkunu kkonkludew ftehim, il-Kummissjoni “tirkupra l-kontroll tal-proċedura” sabiex tevalwa jekk huwiex xieraq li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta fil-livell tal-Unjoni tali ftehim, għandu jiġi rrilevat li l-EPSU tillimita ruħha li tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet tali interpretazzjoni fid-dawl biss tal-kliem tal-Artikolu 155(2) TFUE, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-għan u l-kuntest tal-Artikoli 154 u 155 TFUE.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata jirriżultaw preċiżament mill-analiżi mwettqa minnha, fil-punti 71 sa 73 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tar-rwol rispettiv tal-istituzzjonijiet u tal-imsieħba soċjali fil-kuntest tal-fażijiet distinti, previsti fl-Artikoli 154 u 155 TFUE, ta’ konsultazzjoni, ta’ negozjar u ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-ftehimiet konklużi fil-qasam tal-politika soċjali.

55      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali osservat ġustament li, matul il-fażi ta’ konsultazzjoni mibdija mill-Kummissjoni u rregolata mill-Artikolu 154(2) u (3) TFUE, l-imsieħba soċjali jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni bir-rieda tagħhom li jibdew il-proċess previst fl-Artikolu 155 TFUE. Sussegwentement, matul il-fażi ta’ negozjar innifisha, l-imsieħba soċjali jistgħu, kif previst fl-Artikolu 155(1) TFUE, jistabbilixxu relazzjonijiet kuntrattwali, inkluż bil-konklużjoni ta’ ftehim. Fl-aħħar nett, tinfetaħ il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-ftehim skont waħda miż-żewġ proċeduri previsti mill-Artikolu 155(2) TFUE. B’mod partikolari, fir-rigward tal-proċedura li tippermetti l-implimentazzjoni tal-ftehim fil-livell tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod espliċitu li d-deċiżjoni tal-Kunsill tittieħed “fuq proposta mill-Kummissjoni” u tikkonkretizza, fil-kuntest tal-proċedura mhux leġiżlattiva li hija tistabbilixxi, is-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 17(2) TUE.

56      Minn dan isegwi li, sabiex tasal għall-konklużjoni msemmija, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 71 sa 73 ta’ din is-sentenza, ma bbażatx ruħha esklużivament fuq il-kliem tal-Artikolu 155(2) TFUE, iżda ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest ikkostitwit mill-Artikoli 154 u 155 TFUE u mill-Artikolu 17(2) TUE, meħuda flimkien, peress li dan il-kuntest jikkonferma, kif ġie kkonstatat fil-punti 45 sa 49 ta’ din is-sentenza, li, filwaqt li l-inizjattiva tal-fażi ta’ negozjar kif ukoll il-konklużjoni ta’ ftehim jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-imsieħba soċjali kkonċernati, fil-kuntest tal-fażi ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina jekk hemmx lok li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta l-imsemmi ftehim fil-livell tal-Unjoni, u l-Kummissjoni tirkupra, b’dan il-mod, il-kontroll tal-proċedura.

57      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tal-EPSU li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata billi kkunsidrat li, ladarba l-imsieħba soċjali jkunu kkonkludew ftehim u talbu l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni “tirkupra l-kontroll tal-proċedura”.

58      It-tielet, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata sa fejn interpretazzjoni fis-sens li l-Kummissjoni teżerċita setgħa diskrezzjonali ta’ natura “politika” rigward jekk huwiex xieraq li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta fil-livell tal-Unjoni ftehimiet konklużi bejn imsieħba soċjali twassal sabiex tiġi ppreġudikata l-awtonomija ta’ dawn tal-aħħar u sabiex tibdel in-natura tal-proċess previst fl-Artikolu 155 TFUE, bi ksur tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti lill-imsieħba soċjali. Il-Kummissjoni b’hekk tokkupa t-“tielet siġġu mal-mejda tan-negozjar” u l-Kunsill ikun imċaħħad mill-possibbiltà li jeżerċita s-setgħa tiegħu li jadotta jew le t-test tal-ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali li l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni hija prevista skont l-Artikolu 155(2) TFUE.

59      Tali argument lanqas ma jista’ jintlaqa’, peress li l-EPSU tagħti interpretazzjoni żbaljata ta’ din l-aħħar dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda r-rabta bejn il-fażi ta’ negozjar u l-fażi ta’ implimentazzjoni tal-ftehimiet innegozjati u konklużi mill-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni.

60      Huwa minnu li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 151 TFUE, id-“djalogu soċjali” jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu X tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar il-“politika soċjali”, għandhom l-għan li jippromwovu r-rwol tal-imsieħba soċjali u li jiffaċilitaw id-djalogu bejn dawn tal-aħħar, b’osservanza tal-awtonomija tagħhom.

61      Din l-awtonomija, stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 152 TFUE, timplika, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li, matul il-fażi ta’ negozjar ta’ ftehim mill-imsieħba soċjali, li “tirrigwarda esklużivament” lil dawn tal-aħħar, dawn jistgħu jiddjalogaw u jaġixxu liberament, mingħajr ma jirċievu ordnijiet jew struzzjonijiet minn kwalunkwe persuna, u b’mod partikolari mhux mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

62      Issa, l-eżistenza ta’ din l-awtonomija, li tikkaratterizza l-fażi ta’ negozjar ta’ eventwali ftehim bejn l-imsieħba soċjali, ma tfissirx li l-Kummissjoni għandha tippreżenta awtomatikament lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta, fil-livell tal-Unjoni, tali ftehim fuq talba konġunta ta’ dawn l-imsieħba, għaliex dan ikun iwassal sabiex l-imsieħba soċjali jingħataw setgħa ta’ inizjattiva proprja li ma hijiex tagħhom.

63      Fil-fatt, kif jirriżulta minn dak li ġie deċiż fil-punti 47 sa 49 ta’ din is-sentenza, kieku din kienet il-konsegwenza tal-eżistenza tal-imsemmija awtonomija, l-ekwilibriju istituzzjonali li jirriżulta mill-Artikoli 154 u 155 TFUE jiġi mibdul, billi l-imsieħba soċjali jingħataw setgħa fil-konfront tal-Kummissjoni, li la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma għandhom.

64      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li, ladarba msieħba soċjali jkunu nnegozjaw liberament u kkonkludew ftehim u l-partijiet firmatarji ta’ dan il-ftehim ikunu talbu b’mod konġunt l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni “għandha mill-ġdid dritt li tintervjeni u tirkupra l-kontroll tal-proċedura”, skont l-Artikolu 155(2) TFUE.

65      Jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-EPSU, dan ikun iwassal, għalhekk, sabiex tiġi konfuża l-fażi ta’ negozjar tal-ftehim ikkonċernat, li fil-kuntest tagħha l-imsieħba soċjali jibbenefikaw minn awtonomija totali, li, f’dan il-każ, ġiet osservata, mal-fażi ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni, li fil-kuntest tagħha dawn ma jibqgħux atturi, għaliex, kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 74 tas-sentenza appellata, bis-saħħa tal-Artikolu 155(2) TFUE, “il-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni”.

66      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, li l-għan ta’ promozzjoni tar-rwol tal-imsieħba soċjali u tad-djalogu bejn dawn tal-aħħar, b’osservanza tal-awtonomija tagħhom, previst fit-Trattat FUE, ma jimplikax li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tilqa’ talba konġunta ppreżentata mill-partijiet firmatarji ta’ ftehim u intiża għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 155(2) TFUE.

67      Barra minn hekk, għandha titfakkar l-importanza primordjali, fid-dritt tal-Unjoni, tad-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehimiet kollettivi, li huwa stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑271/08, EU:C:2010:426, punt 37). F’dan il-każ, dan id-dritt fundamentali ġie rrispettat fil-kuntest tal-fażi ta’ negozjar mill-imsieħba soċjali tal-ftehim inkwistjoni. Konsegwentement, l-EPSU ma tistax tallega li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 155(2) TFUE, li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ setgħa deċiżjonali tal-Kummissjoni fl-istadju tal-fażi ta’ implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni, fis-sitwazzjoni fejn l-imsieħba soċjali jagħżlu li jressqu quddiem din l-istituzzjoni talba intiża għat-twettiq ta’ din l-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni, tikser id-drittijiet fundamentali ta’ dawn tal-aħħar.

68      Dan huwa inqas u inqas il-każ peress li, bis-saħħa tal-Artikolu 155(2) TFUE, l-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi fil-livell tal-Unjoni tista’ fi kwalunkwe każ issir skont il-proċeduri u l-prattiki tal-imsieħba soċjali u tal-Istati Membri.

69      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argument li permezz tiegħu l-EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali li tbiegħdet b’mod żbaljat mill-ġurisprudenza tagħha stess li tirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128), minħabba li minn din is-sentenza jirriżulta li s-setgħat tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-fażi ta’ implimentazzjoni ta’ ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE huma limitati għall-istħarriġ tan-natura rappreżentattiva tal-imsieħba soċjali firmatarji ta’ dan il-ftehim u għal dak tal-legalità tal-imsemmi ftehim, iżda ma humiex estiżi għall-istħarriġ dwar jekk huwiex xieraq li tiġi ppreżentata lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta dan il-ftehim, huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-imsemmija sentenza u huwa, għaldaqstant, infondat.

70      Fil-fatt, fis-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128), il-Qorti Ġenerali, wara li rrilevat fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni tirkupra, wara talba konġunta tal-imsieħba soċjali għall-implimentazzjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni, il-kontroll tal-proċedura, iddeċidiet b’mod espliċitu, fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni, fil-mument meta hija jkollha mill-ġdid id-dritt li tintervjeni fl-iżvolġiment tal-proċedura, għandha “b’mod partikolari” teżamina n-natura rappreżentattiva tal-firmatarji, u b’hekk il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eskludiet li l-Kummissjoni kellha setgħat oħra. Barra minn hekk, peress li l-kwistjoni tal-eżami, minn din l-istituzzjoni, dwar in-natura xierqa tal-implimentazzjoni tal-ftehim fil-livell tal-Unjoni ma qamitx fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tindirizza dan l-aspett.

71      Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li tafferma l-EPSU, l-espressjoni “jekk ikun il-każ” użata fil-punt 84 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128), ma tistax tiġi interpretata bħala li tillimita s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-fażi ta’ implimentazzjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni biss għall-istħarriġ tan-natura rappreżentattiva tal-imsieħba soċjali u tal-legalità tal-klawżoli tal-ftehim.

72      Ir-raba’, fir-rigward tal-argument tal-EPSU li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 82 u 94 sa 98 tas-sentenza appellata, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tar-rwol tal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 TFUE meta mqabbel ma’ dak irriżervat għall-imsieħba soċjali, hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-argument, l-EPSU fir-realtà tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punt 82 tas-sentenza appellata, mingħajr ma tagħmel l-iċken kritika fir-rigward ta’ dawk li huma żviluppati fil-punti 94 sa 98 ta’ din is-sentenza, rigward il-prinċipju ta’ demokrazija, stabbilit fl-Artikolu 10(1) u (2) TUE, u rigward l-allegat prinċipju ta’ “sussidjarjetà orizzontali”.

73      Fir-rigward tal-punt 82 tas-sentenza appellata, sa fejn ir-rikorrenti fl-ewwel istanza sostnew li l-imsieħba soċjali għandhom is-setgħa li jġiegħlu lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta l-ftehimiet tagħhom fil-livell tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament li, jekk tali interpretazzjoni kellha tiġi adottata, l-imsieħba soċjali jkunu jeżerċitaw influwenza ikbar fuq il-kontenut tal-atti ġuridiċi adottati fil-qasam tal-politika soċjali abbażi tal-Artikoli 154 u 155 TFUE minn dik li tista’ tiġi eżerċitata mill-Parlament, li għandu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE, jiġi sempliċement informat qabel ma jiġu adottati atti ġuridiċi.

74      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti fl-ewwel istanza jkollha bħala riżultat li l-imsieħba soċjali jkollhom is-setgħa li jġiegħlu lill-Kummissjoni taġixxi fil-qasam tal-politika soċjali meta l-Artikolu 225 TFUE jagħti biss lill-Parlament id-dritt li jitlob lill-Kummissjoni li tissottometti lill-Kunsill “proposti adegwati fuq dawk il-kwistjonijiet li dwarhom ikun iqis li hu neċessarju li jsir att ta’ l-Unjoni sabiex jiġu implimentata [implimentati] t-Trattati” u, jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, id-dritt li hija tikkomunikalu r-raġunijiet għal dan. B’mod simili, bis-saħħa tal-Artikolu 241 TFUE, il-Kunsill jista’ sempliċement jitlob lill-Kummissjoni li hija tipproċedi bl-istudji kollha li huwa jqis li huma xierqa għat-twettiq tal-għanijiet komuni kif ukoll li tippreżentalu l-proposti kollha li huma xierqa u huwa għandu d-dritt, jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposti, li hija tikkomunikalu r-raġunijiet għal dan. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-EPSU li l-imsieħba soċjali jinnegozjaw, jifformulaw u japprovaw it-test tal-ftehim ikkonċernat b’mod awtonomu u l-Parlament dejjem jipparteċipa f’tali proċess peress li l-Kummissjoni hija obbligata li tinformah.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjonijiet letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 155(2) TFUE u lanqas ma biddlet l-ekwilibriju istituzzjonali li jirriżulta mill-Artikoli 154 u 155 TFUE, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-EPSU.

76      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument ġenerali tal-EPSU li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma applikatx il-prinċipji stabbiliti fil-punt 70 tas-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217).

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 70 tas-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva rrikonoxxuta lill-Kummissjoni fl-Artikolu 17(2) TUE u fl-Artikolu 289 TFUE timplika li hija din l-istituzzjoni li għandha tiddeċiedi jekk tippreżentax proposta ta’ att leġiżlattiv, ħlief fil-każ fejn hija tkun obbligata tagħmel dan, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

78      Huwa minnu li mis-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217), jirriżulta li jeżistu każijiet previsti fit-Trattati li fihom il-Kummissjoni hija obbligata tippreżenta proposta leġiżlattiva.

79      Madankollu, l-EPSU ma ssostnix l-argument tagħha li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza li toħroġ minn din is-sentenza, l-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 155(2) TFUE tikkostitwixxi tali każ. Fil-fatt, hija sempliċement tafferma li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata tippreżenta tali proposta u li huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi, fid-dawl tat-test tal-ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali li l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni hija prevista, jekk għandhiex tiġi adottata din il-proposta. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

80      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda n-natura leġiżlattiva tal-atti ġuridiċi adottati abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

81      Permezz tal-ewwel aggravju, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 69, 73, 89, 96 u 100 tas-sentenza appellata meta kkunsidrat li l-atti ġuridiċi adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, skont l-Artikolu 155(2) TFUE, ma humiex ta’ natura leġiżlattiva.

82      F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-EPSU ssostni li l-“konsegwenzi” tad-direttivi adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) TFUE ma humiex differenti minn dawk tad-direttivi adottati taħt l-Artikolu 153 TFUE.

83      It-tieni, l-EPSU ssostni li, fil-punti 69 u 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat in-natura tal-fażi ta’ implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE, u l-klassifikazzjoni tal-att adottat taħt din id-dispożizzjoni, pjuttost milli l-“konsegwenzi sostanzjali” ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, hija ssostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, misluta fil-punt 96 tas-sentenza appellata, hija inkompatibbli, minn naħa, mal-miżuri adottati bis-saħħa tal-Artikolu 155(2) TFUE, li jżommu n-natura leġiżlattiva tagħhom, u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-direttivi adottati fil-qasam tal-politika soċjali.

84      It-tielet, l-EPSU ssostni li l-fażi ta’ implimentazzjoni ta’ ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE tikkostitwixxi “proċedura leġiżlattiva speċjali”, fis-sens tal-Artikolu 289(2) TFUE. Fil-fehma tagħha, ir-riferiment għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631), magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, ma huwiex rilevanti u ma jistax ixejjen in-natura “essenzjalment leġiżlattiva” tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 155(2) TFUE.

85      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

86      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-kuntest tal-interpretazzjoni kuntestwali tagħha tal-Artikolu 155(2) TFUE, li, peress li din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għall-“proċedura leġiżlattiva ordinarja” jew għall-“proċedura leġiżlattiva speċjali”, fis-sens tal-Artikolu 289(1) u (2) TFUE, il-fażi ta’ implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, tal-ftehimiet konklużi bejn imsieħba soċjali ma tikkostitwixxix “proċedura leġiżlattiva”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, u li l-miżuri adottati fi tmiem din il-fażi ma jikkostitwixxux “atti leġiżlattivi” fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni tan-natura leġiżlattiva tal-atti ġuridiċi adottati bis-saħħa tal-Artikolu 155(2) TFUE hija distinta minn dik tas-setgħa li l-Kummissjoni għandha sabiex tiddeċiedi dwar jekk huwiex xieraq li tippreżenta lill-Kunsill proposta li timplimenta fil-livell tal-Unjoni l-ftehimiet konklużi bejn imsieħba soċjali.

88      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-portata ta’ din is-setgħa hija l-istess kemm jekk l-att li l-proposta tiegħu hija ppreżentata lill-Kunsill bil-għan tal-adozzjoni tiegħu jkun ta’ natura leġiżlattiva jew le.

89      Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-livell tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha

 L-argumenti tal-partijiet

90      Permezz tat-tielet aggravju, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 31 sa 33, 78, 79, 109 sa 112, 122 u 133 tas-sentenza appellata, billi llimitat l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba, minn naħa, in-natura politika tagħha u, min-naħa l-oħra, ir-riskju li tiġi kompromessa l-indipendenza tal-Kummissjoni.

91      F’dan ir-rigward, l-EPSU tosserva li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ natura politika sabiex tiddeċiedi li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta l-ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, tal-kuntest u tal-għan ta’ dawn tal-aħħar, kif ukoll tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128). Skont l-EPSU, qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta lill-Kunsill il-proposta għal deċiżjoni li timplimenta tali ftehim fil-livell tal-Unjoni, ir-rwol tagħha fil-fatt ma huwiex politiku, iżda “essenzjalment ġuridiku”.

92      Barra minn hekk, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, meta “stabbilixxiet paralleli” mas-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni (T‑561/14, EU:T:2018:210), mogħtija fil-qasam ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Fil-fehma tagħha, il-proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 TFUE ma tixbahx il-proċedura ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej peress li, minn naħa, din tal-aħħar la tikkostitwixxi proċess ta’ negozjar kollettiv u lanqas l-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali protett mill-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, min-naħa l-oħra, il-partijiet li jibdew din il-proċedura ma jipparteċipawx fit-tfassil tat-test ta’ proposta leġiżlattiva.

93      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-EPSU. B’mod partikolari, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq id-deċiżjoni kontenzjuża kienet limitata, b’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

94      Fil-kuntest tat-tielet aggravju, l-EPSU tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq id-deċiżjoni kontenzjuża u tirreferi għall-punti 31 sa 33, 78, 79, 109 sa 112, 122 u 133 tas-sentenza appellata.

95      F’dan ir-rigward, mill-punti 62 u 64 ta’ din is-sentenza jirriżulta, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta fil-livell tal-Unjoni l-ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali, skont l-Artikolu 155(2) TFUE, peress li din l-istituzzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi dwar jekk huwiex xieraq li tippreżenta lill-Kunsill tali proposta.

96      Issa, kif il-Qorti Ġenerali osservat ġustament fil-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta istituzzjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat, bħala prinċipju, għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti ammessi, u għall-istħarriġ tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 143 u l-ġurisprudenza stabbilita). Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ hija neċessarja b’mod partikolari meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom, bħal f’dan il-każ, minn naħa, jieħdu inkunsiderazzjoni interessi potenzjalment diverġenti, bħalma huma b’mod partikolari l-interess ġenerali tal-Unjoni kif ukoll dak tal-imsieħba soċjali u, min-naħa l-oħra, jieħdu deċiżjonijiet li jimplikaw għażliet politiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑280/93, EU:C:1994:367, punt 91, u tal‑14 ta’ Lulju 2005, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni, C‑40/03 P, EU:C:2005:455, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      L-argument tal-EPSU ma jistax jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-grad tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq id-deċiżjoni kontenzjuża.

98      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tal-EPSU li jgħid li s-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha sabiex tiddeċiedi li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni ma hijiex ta’ natura politika, iżda “essenzjalment ġuridika”, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ġuridika meta hija jkollha teżamina n-natura rappreżentattiva tal-partijiet firmatarji ta’ dan il-ftehim u l-legalità tal-klawżoli tiegħu, konformement mal-Artikolu 155(2) TFUE. Madankollu, kif ġie ġustament irrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, meta l-Kummissjoni tiġi adita mill-imsieħba soċjali kkonċernati b’talba għal implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, tal-imsemmi ftehim, il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa n-natura xierqa, fid-dawl b’mod partikolari tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, tal-eventwali implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni.

99      Fit-tieni lok, l-argument tal-EPSU li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, meta “stabbilixxiet paralleli” mas-sentenza tat‑23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il‑Kummissjoni (T‑561/14, EU:T:2018:210), mogħtija fil-qasam tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, ma jistax ikun tali li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, peress li, kif jirriżulta mill-motivi preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta llimitat l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq id-deċiżjoni kontenzjuża kienet limitata f’dan il-każ.

101    It-tielet aggravju għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-legalità tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża

 L-argumenti tal-partijiet

102    Permezz tar-raba’ aggravju, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 116 sa 140 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinux “żbaljati, infondati u insuffiċjenti”.

103    L-ewwel, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjenti, skont l-Artikolu 296 TFUE, sabiex tippermetti li jsiru magħrufa l-ġustifikazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, l-EPSU ssostni li l-motivi esposti fid-deċiżjoni kontenzjuża huma żbaljati, u li dawn il-ġustifikazzjonijiet ma jikkorrispondux għal dawk invokati matul il-proċedura li ppreċediet l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

104    It-tieni, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji fl-analiżi tal-motivi fil-punti 130, 131, 133 u 136 tas-sentenza appellata, meta dawn il-motivi huma “materjalment ineżatti u/jew irrilevanti”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punti 136 u 138 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx indikat fid-deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, ir-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx wettqet “analiżi tal-impatt”, kuntrarjament għal dak li hija ħabbret fil-korrispondenza tagħha mal-EPSU u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw li hija titbiegħed mill-komunikazzjonijiet li hija kienet ippubblikat f’dan il-qasam. B’mod partikolari, l-EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux speċifikaw bis-saħħa ta’ liema dispożizzjoni l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq tali “analiżi tal-impatt” qabel ma tirrifjuta li tuża s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha filwaqt li dawn il-komunikazzjonijiet ħolqu “aspettattivi leġittimi” għar-rikorrenti fl-ewwel istanza li jagħmlu obbligatorju t-twettiq ta’ “stħarriġ ġuridiku” u ta’ “analiżi tal-impatt”.

105    It-tielet, l-EPSU tikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 131 u 132 tas-sentenza appellata, dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-Direttivi dwar l-Informazzjoni u l-Konsultazzjoni tal-Ħaddiema.

106    Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

107    Ir-raba’ aggravju huwa maqsum, essenzjalment, f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, it-tieni waħda, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-fondatezza ta’ din.

–       Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni

108    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni mitluba fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura ta’ dan l-att u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-imsemmi att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Imbagħad, skont ġurisprudenza ugwalment stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 115 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att kontenzjuż, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    F’dan ir-rigward, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 118 tas-sentenza appellata meta kkunsidrat li d-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri t-TUNED u l-EAPE, setgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni.

111    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, it-tliet motivi li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni kontenzjuża u li huma riprodotti fil-punt 13 ta’ din is-sentenza. Fil-punt 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-kuntest li fih kienet ittieħdet din id-deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni kienet ikkonsultat lill-imsieħba soċjali fir-rigward tal-possibbiltà ta’ azzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali u li kien preċiżament wara tali konsultazzjoni li l-imsieħba soċjali nnegozjaw u ffirmaw il-ftehim inkwistjoni. Għalhekk, fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża u tal-kuntest li fih ittieħdet din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija deċiżjoni kienet motivata suffiċjentement fid-dawl tal-Artikolu 296 TFUE, b’tali mod li, minn naħa, id-destinatarji tagħha, jiġifieri t-TUNED u l-EAPE, setgħu jkunu jafu t-tliet ġustifikazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u jikkontestawhom u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali setgħet twettaq l-istħarriġ ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet.

112    Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni kontenzjuża hija ddestinata għall-imsieħba soċjali li kkonkludew il-ftehim inkwistjoni, li, kemm minħabba l-pożizzjoni tagħhom kif ukoll minħabba l-iskambji u l-konsultazzjonijiet minn qabel immexxija mill-Kummissjoni, kienu diġà jafu l-kuntest li fih din id-deċiżjoni ta’ rifjut kienet ġiet adottata.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjenti u li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni setgħu għalhekk ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tagħha għandu jiġi miċħud.

114    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

115    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża

116    Fir-rigward tal-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-EPSU tqis li l-motivi invokati fl-imsemmija deċiżjoni huma materjalment ineżatti u/jew irrilevanti.

117    Fl-ewwel lok, l-EPSU ssostni, fir-rigward tal-punti 130 u 136 tas-sentenza appellata li jirrigwardaw l-ewwel wieħed minn dawn il-motivi, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa ineżatt fil-fatt u fil-liġi peress li bosta direttivi japplikaw diġà għall-uffiċjali u għall-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri u li xejn ma kien jippermetti lill-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni li timplimenta l-ftehim inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni setgħet tbiddel l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ dawn l-amministrazzjonijiet mingħajr ma tkun wettqet minn qabel “analiżi tal-impatt”.

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li sa fejn l-EPSU tfittex li tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala tali, mingħajr ma tinvoka żnaturament tal-fatti f’dan ir-rigward, dan huwa inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li ma twettqet ebda “analiżi tal-impatt” tal-ftehim inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-EPSU ma tispjegax kif tali “analiżi tal-impatt” kienet neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk l-implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni setax ikollha effett fuq il-funzjonament tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri, u, għaldaqstant, ma identifikatx żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali.

120    F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim inkwistjoni kien jinkludi klawżola msejħa ta’ “nuqqas ta’ rigressjoni” li tagħti lill-persuni kkonċernati drittijiet iktar estiżi minn dawk diġà rrikonoxxuti f’ċerti Stati Membri u li tipprekludi r-revoka ta’ dawn id-drittijiet fil-każ ta’ bidla fil-gvern.

121    F’dan ir-rigward, minn naħa, l-EPSU baqgħet ma spjegatx kif in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-ftehim inkwistjoni kien jinkludi tali klawżola ta’ “nuqqas ta’ rigressjoni” jimplika li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 131 tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-EPSU ma tinvoka ebda żnaturament tal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt 131, dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li 22 Stat Membru diġà għandhom, fl‑2014, regoli dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali.

122    Fir-rigward tat-tielet motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-EPSU ssostni li, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura settorjali tal-ftehim inkwistjoni u lanqas in-natura rappreżentattiva tal-imsieħba soċjali kkonċernati. Skont l-EPSU, l-EAPE huma s-sieħeb soċjali tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri, b’tali mod li l-ftehim inkwistjoni kien jikkonċerna lill-gvernijiet ċentrali u mhux lill-gvernijiet lokali ta’ dawn. Barra minn hekk, il-ftehim inkwistjoni ma jaffettwax l-istruttura tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri, peress li huwa jirrigwarda biss id-drittijiet għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati ta’ dawn l-amministrazzjonijiet.

123    Għandu jiġi rrilevat li ma huwiex il-punt 133 tas-sentenza appellata iżda l-punt 132 ta’ din is-sentenza li jirrigwarda speċifikament l-eżami tat-tielet motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, fl-imsemmi punt 132, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni fattwali, li tgħid li l-implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni taffettwa b’mod varjabbli ħafna lill-Istati Membri, skont il-grad ta’ ċentralizzazzjoni jew ta’ deċentralizzazzjoni tagħhom. Din il-konstatazzjoni ppermettiet lill-Qorti Ġenerali tirrileva li xejn ma kien jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza msemmija l-aħħar sabiex tikkunsidra li l-implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni ma kinitx mixtieqa. Peress li l-EPSU ma invokatx żnaturament tal-fatti meħuda inkunsiderazzjoni għal din l-evalwazzjoni fattwali, l-argument tagħha dwar it-tielet motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jistax jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tal-EPSU dwar il-fatt li l-motivi invokati fid-deċiżjoni kontenzjuża huma ineżatti jew irrilevanti għandu jiġi miċħud.

125    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-EPSU li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fis-sentenza appellata, il-fatt li l-Kummissjoni, wara li ħabbret fil-korrispondenza tagħha li kienet ser titwettaq “analiżi tal-impatt”, jew li hija kienet pendenti, ma kinitx indikat fid-deċiżjoni kontenzjuża r-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx wettqet tali analiżi, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux speċifikaw bis-saħħa ta’ liema dispożizzjoni l-Kummissjoni kellha twettaq tali “analiżi tal-impatt” qabel ma tirrifjuta li teżerċita s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha u għalhekk ċaħdet l-argument tagħhom bħala infondat. Għaldaqstant, l-EPSU ma tistax tallega li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni tali kunsiderazzjonijiet fis-sentenza appellata. Barra minn hekk, sa fejn l-EPSU ma invokatx allegat ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħha fl-ewwel istanza minħabba l-imsemmija kunsiderazzjonijiet, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija ma tistax tinvoka tali argument għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ dan l-appell, u għalhekk dan huwa inammissibbli.

126    Fit-tielet lok, l-EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li l-komunikazzjonijiet ippubblikati fil-qasam tal-politika soċjali mill-Kummissjoni ma kinux ħolqu “aspettattivi leġittimi” għar-rikorrenti fl-ewwel istanza, li jirrendu b’mod partikolari obbligatorju t-twettiq ta’ “stħarriġ ġuridiku” u ta’ “analiżi tal-impatt” u li ma ġġustifikatx il-fatt li hija tbiegħdet minn dawn il-komunikazzjonijiet meta l-EPSU kellha l-aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni ssegwihom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan il-punt tas-sentenza appellata ma jikkonċernax il-komunikazzjonijiet ippubblikati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-politika soċjali, iżda l-“analiżi tal-impatt” li din l-istituzzjoni ħabbret fil-korrispondenza tagħha.

127    Sa fejn l-EPSU tfittex, permezz ta’ dan l-argument, li tinvoka allegat ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħha li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni tbiegħdet mill-imsemmija komunikazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-EPSU siltet diversi argumenti speċifiċi minn dawn fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha fl-ewwel istanza, dwar allegat ksur tal-Artikolu 155(2) TFUE u nuqqas ta’ kompetenza, u għalhekk bdiet mill-premessa li l-Kummissjoni kienet obbligata tosserva dawn il-komunikazzjonijiet. Għalhekk, billi invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħha li l-Kummissjoni tosserva l-impenji meħuda fil-komunikazzjonijiet tagħha stess, l-EPSU żviluppat l-argument li hija kienet diġà ressqet fl-ewwel istanza.

128    Huwa minnu li billi tadotta regoli ta’ kondotta u billi tħabbar permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija ser tapplikahom minn issa ’l quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, istituzzjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

129    Madankollu, fir-rigward, bħal f’dan il-każ, tal-eżerċizzju ta’ kompetenza, mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju, li tippreżenta jew le lill-Kunsill proposta li tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn din l-istituzzjoni tal-aħħar, ma jistax jiġi kkunsidrat fl-assenza ta’ impenn espliċitu u inekwivoku min-naħa tagħha, fid-dawl b’mod partikolari tal-importanza tal-ekwilibriju istituzzjonali li taqa’ taħtu din il-kompetenza, imfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni llimitat ruħha fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza billi impenjat ruħha li teżamina biss ċerti ċirkustanzi speċifiċi qabel ma tippreżenta l-proposta tagħha, u b’hekk biddlet din is-setgħa diskrezzjonali f’setgħa li hija marbuta ladarba jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Issa, mill-argumenti mressqa mill-EPSU f’dan il-każ ma jirriżultax li l-Kummissjoni ħadet tali impenn, fil-komunikazzjonijiet invokati, fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 155(2) TFUE.

130    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tal-EPSU li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 131 u 132 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttivi dwar l-Informazzjoni u l-Konsultazzjoni tal-Ħaddiema minħabba li “diġà teżisti disparità bejn gvern lokali u gvern ċentrali”, hemm lok li dan jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli sa fejn dan ma jirrigwardax speċifikament l-iżball ta’ liġi li bih huma allegatament ivvizzjati dawn il-punti tas-sentenza appellata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Deza vs ECHA, C‑419/17 P, EU:C:2019:52, punt 94).

131    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda, kif ukoll ir-raba’ aggravju fl-intier tiegħu.

132    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

133    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

134    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

135    Peress li l-EPSU tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-European Federation of Public Service Unions (EPSU) hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top