EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0775

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-19 ta’ Novembru 2020.
5th AVENUE Products Trading GmbH vs Hauptzollamt Singen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 29(1) u (3)(a) – Artikolu 32(1)(ċ) u (5)(b) – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 157(2) – Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija importata – Kunċett ta’ “kundizzjoni tal-bejgħ” – Ħlas inkambju għall-għoti ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva.
Kawża C-775/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:948

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

19 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Artikolu 29(1) u (3)(a) – Artikolu 32(1)(ċ) u (5)(b) – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 157(2) – Determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali – Valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija importata – Kunċett ta’ “kundizzjoni tal-bejgħ” – Ħlas inkambju għall-għoti ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva”

Fil-Kawża C‑775/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

5th AVENUE Products Trading GmbH

vs

Hauptzollamt Singen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Regan, (Relatur), President tal-Ħames Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, E. Juhász u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Hauptzollamt Singen, minn B. Geyer, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Vollrath u M. Kocjan, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(1)(ċ) u (5)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll tal-Artikolu 157(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn 5th AVENUE Products Trading GmbH (iktar ’il quddiem “5th Avenue”) u l-Hauptzollamt Singen (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Singen, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju doganali”), dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħlas imwettaq inkambju għall-għoti ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ merkanzija importata minn pajjiż terz bil-għan tar-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Kodiċi Doganali

3

Il-Kodiċi Doganali tħassar u ġie ssostitwit permezz tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008, L 145, p. 1), u sussegwentement permezz tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2). Madankollu, skont l-Artikolu 286(2) ta’ dan l-aħħar regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 288(2) tiegħu, il-Kodiċi Doganali baqa’ applikabbli sat-30 ta’ April 2016.

4

Fil-Kapitolu 3, intitolat “Valur doganali tal-merkanzija”, tat-Titolu II, intitolat “Fatturi li skond il-bażi tagħhom jiġu applikati d-dazji fuq l-importazzjoni jew id-dazji fuq l-esportazzjoni u l-miżuri l-oħra stipulati fir-rigward ta’ kummerċ f’merkanzija”, tal-Kodiċi Doganali, kien jinsab l-Artikolu 29 tiegħu, li kien jipprevedi:

“1.   Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33 […]

[…]

3.   

(a)

Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa l-ħlas totali li jkun sar jew li ser isir mix-xerrej lil jew għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija impurtata u jinkludi l-ħlasijiet kollha li jkunu saru jew li jkunu dovuti bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija impurtati mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil terza persuna biex jissodisfa obbligazzjoni tal-bejjiegħ. […]

[…]”

5

L-Artikolu 32 tal-imsemmi kodiċi, li jidher fl-istess kapitolu, kien jipprovdi:

“1.   Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:

[…]

(ċ)

drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet ta’ liċenzji li għandhom x’jaqsmu mal-merkanzija li qed tkun stmata li x-xerrej għandu jħallas, direttament jew indirettament, bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li qed tkun stmata, sal-punt li dawk id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet [ta’ liċenzji] m’humiex inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas;

(d)

il-valur ta’ xi parti mid-dħul minn xi bejgħ mill-ġdid, kif jiddisponu minn jew jużaw il-merkanzija li tmiss direttament jew indirettament lill-bejjiegħ;

[…]

2.   Żidiet fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għandhom isiru taħt dan l-Artikolu biss skond il-bażi ta’ data oġġettiva u li tista’ tiġi kwantifikata.

[…]

5.   Minkejja l-paragrafu 1 (ċ):

[…]

(b)

ħlasijiet magħmula mix-xerrej għad-dritt li jqassam jew li jerġa’ jbigħ il-merkanzija importata m’għandhomx jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata jekk dawk il-ħlasijiet ma jkunux kondizzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija lejn il-Komunità.”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

6

L-Artikolu 157 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li jinsab fil-Kapitolu 2, liema kapitolu huwa intitolat “Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħlasijiet tad-drittijiet u l-liċenzi”, tat-Titolu V, intitolat “Valur Doganali”, ta’ dan ir-regolament, kien jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi [Doganali], ħlasijiet tad-drittijiet u l-liċenzi għandhom jinftiehmu b’mod partikolari bħala pagamaneti għall-użu tad-drittijiet li għandhom x’jaqsmu ma:

il-fabbrikazzjoni ta’ merkanzija importata (partikolarment, patenti, disinni, mudelli u tagħrif dwar kif għandha ssir il-fabbrikazzjoni),

jew

l-bejgħ għall-esportazzjoni ta’ merkanzija importati (partikolarment, trademarks, disinni rreġistrati)

jew

l-użu jew bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti impurtati (partikolarment, drittijiet ta’ l-awtur, proċessi tal-fabbrikazzjoni inkorporati inseparabbilment fil-merkanzija importata.).

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 32(5) tal-Kodiċi [Doganali], meta l-valur doganali tal-merkanzija importati jiġi determinat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [Doganali], ħlasijiet ta’ drittijiet jew liċenzi għandhom jingħaddu mal-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas, biss, meta dan il-pagament:

ikollu x’jaqsam mal-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata,

u

jikkostitwixxi kondizzjoni tal-bejgħ ta’ dik il-merkanzija.”

7

L-Artikolu 158(3) tal-imsemmi regolament, li jinsab f’dan il-Kapitolu 2, kien jipprevedi li:

“Jekk il-ħlasijiet tad-drittijiet jew liċenzi jirrelataw parzjalment għall-merkanzija importati u parzjalment għal ingredjenti oħra jew partijiet komponenti miżjuda mal-merkanzija wara l-importazzjoni tagħha, jew għal attivitajiet jew servizzi post-importazzjoni, distirbuzzjoni approprjata għandha ssir biss a bażi tad-data objettiva u kwantifikabli skond in-nota interpretattiva ta’ l-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi [Doganali] fl-Anness 23.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fil-31 ta’ Jannar 2012, 5th Avenue, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja li għandha bħala għan kummerċjali, b’mod partikolari, il-kummerċ tat-tabakk immanifatturat kif ukoll ta’ prodotti għal persuni li jpejpu, u Habanos SA, il-kumpannija pubblika Kubana li tesporta s-sigarri, ikkonkludew kuntratt, imsejjaħ “Exclusive Distribution Agreement” (Ftehim ta’ Distribuzzjoni Esklużiva, iktar ’il quddiem l-“EDA”), li permezz tiegħu 5th Avenue kisbet id-dritt esklużiv, bħala l-uniku distributur, li timporta, li tbigħ u li tiddistribwixxi, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, is-sigarri prodotti mill-imsemmija kumpannija pubblika. Inkambju għall-għoti ta’ dan id-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva fl-Awstrija, 5th Avenue kienet intrabtet li tħallas lil Habanos, matul perijodu ta’ erba’ snin, ammont annwali, ikklassifikat bħala “kumpens”, li jammonta għal 25 % tad-dħul mill-bejgħ annwali li jirriżulta mill-bejgħ ta’ sigarri f’dan l-Istat Membru.

9

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li 5th Avenue kienet tordna s-sigarri abbażi ta’ lista ta’ prezzijiet u li, għall-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti, hija kienet tuża maħżen doganali awtorizzat, li jinsab fil-post tas-sede tagħha, fil-Ġermanja. Fil-mument tal-ħażna ta’ din il-merkanzija, 5th Avenue kienet tiddikjara lill-awtoritajiet doganali l-prezz tax-xiri effettivament imħallas kif ukoll in-nol u l-assigurazzjoni, mingħajr madankollu ma kienet tinkludi l-kumpens dovut skont l-EDA għall-parti tal-merkanzija mibjugħa fl-Awstrija. Fil-fatt, f’dak il-mument, hija kienet tkun għadha ma stabbilixxietx f’liema proporzjon l-imsemmija merkanzija kienet ser tinbiegħ fl-Awstrija jew fil-Ġermanja. Mal-ħruġ mill-imsemmi maħżen, is-sigarri kienu jitqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera skont il-proċedura ssimplifikata ta’ clearance mis-sistema, permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom fil-kotba tal-kontabbiltà, mingħajr ma kienu jiġu ppreżentati mill-ġdid lill-awtoritajiet doganali.

10

Wara spezzjoni doganali, il-kontrollur ikkonkluda li l-ħlas tal-kumpens previst mill-EDA kien jikkostitwixxi element distint mill-prezz tax-xiri tal-merkanzija importata li, skont l-Artikolu 29(3)(a) tal-Kodiċi Doganali, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali ta’ din il-merkanzija.

11

L-uffiċċju doganali, li segwa l-pożizzjoni tal-kontrollur, ħareġ diversi avviżi li jistabbilixxu d-dazji u t-taxxi fuq l-importazzjoni, fosthom avviż tat-28 ta’ Awwissu 2015, li huwa l-uniku wieħed inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont dan l-avviż, l-imsemmi uffiċċju pproċeda bl-irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni għal merkanzija li 5th Avenue kienet qiegħdet taħt il-proċedura tal-ħażna doganali matul il-perijodu bejn il-21 ta’ Frar u t-12 ta’ Diċembru 2013.

12

Fit-23 ta’ Settembru 2015, 5th Avenue ressqet oppożizzjoni kontra l-imsemmi avviż.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Novembru 2017, l-uffiċċju doganali essenzjalment ċaħad din l-oppożizzjoni bħala infondata.

14

Fis-6 ta’ Diċembru 2017, 5th Avenue adixxiet il-Finanzgericht Baden‑Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja) b’rikors kontra din id-deċiżjoni, u dan minħabba li l-ħlasijiet magħmula bħala kumpens għall-għoti tad-drittijiet esklużivi ta’ distribuzzjoni la huma kundizzjoni tal-bejgħ u lanqas kundizzjoni b’rabta mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, fis-sens tal-Artikolu 32(5)(b) tal-Kodiċi Doganali u tal-Artikolu 157(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Minn naħa, il-ħlas ta’ dan il-kumpens ma huwiex ta’ importanza tali li l-bejjiegħ kien jirrifjuta li jbigħ fin-nuqqas ta’ ħlas tiegħu. Fil-fatt, l-imsemmi kumpens kellu jitħallas biss bħala korrispettiv tad-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva fl-Awstrija u biss għall-perijodu li jikkorrispondi għall-ewwel erba’ snin. Min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva jmur lil hinn mid-dritt li wieħed jiddisponi mill-merkanzija sabiex terġa’ tinbiegħ u ma jinfluwenzax il-valur tal-merkanzija waqt l-importazzjoni. Fil-fatt, il-bejgħ tal-merkanzija ma jkunx legalment eskluż fin-nuqqas tal-għoti ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva.

15

L-uffiċċju doganali jsostni li l-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm jekk jitqies bħala element distint mill-prezz tax-xiri jew bħala drittijiet tal-awtur jew dritt ta’ liċenzji, għandu jiġi miżjud mal-valur għal skopijiet doganali, peress li jikkostitwixxi kundizzjoni tal-bejgħ u peress li huwa relatat mal-merkanzija importata. Fil-fatt, skont l-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, il-ħlas ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt ta’ liċenzji jitqies bħala kundizzjoni tal-bejgħ jekk il-bejjiegħ jew persuna assoċjata miegħu teħtieġ li x-xerrej iwettaq dan il-ħlas. Meta, bħal f’dan il-każ, il-bejjiegħ tal-merkanzija u d-detentur tad-drittijiet relatati li lilu x-xerrej ta’ din il-merkanzija jħallas drittijiet tal-awtur għall-għoti ta’ dawn id-drittijiet ikunu l-istess persuna, ikollu jitqies li l-kunsinna tal-merkanzija suġġetta għal liċenzja ma tiddependix biss fuq il-ħlas tal-prezz tax-xiri, iżda wkoll fuq dak tad-drittijiet tal-awtur, kif issa jipprevedi l-Artikolu 136(4)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 952/2013 (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195). Barra minn hekk, 5th Avenue ma pprovdietx elementi li jagħtu prova li Habanos tikkunsinna l-merkanzija anki jekk dawn id-drittijiet tal-awtur ma jitħallsux. Barra minn hekk, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet ta’ liċenzji huma wkoll relatati mal-merkanzija importata. Fil-fatt, dawn jiġu kkalkolati abbażi tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ ta’ din il-merkanzija. Barra minn hekk, it-talba għal protezzjoni territorjali ma kinitx ġejja mix-xerrej.

16

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali, previst mill-EDA, ma jikkostitwixxix element distint mill-prezz tax-xiri, fis-sens tal-Artikolu 29(3)(a) tal-Kodiċi Doganali, iżda jaqa’ taħt id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet ta’ liċenzji, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(ċ) u (5)(b) tal-imsemmi kodiċi, moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 157(1) u mal-Artikolu 157(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Fil-fatt, dan il-kumpens jitħallas għall-użu tad-drittijiet li jirrigwardaw l-użu jew il-bejgħ mill-ġdid tal-merkanzija importata. Skont is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare (C‑173/15, EU:C:2017:195), dawn id-drittijiet tal-awtur u drittijiet ta’ liċenzji għaldaqstant għandhom jiżdiedu mal-prezz tax-xiri meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li dawn ma jkunux ġew inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, li dawn huma relatati mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata u li x-xerrej huwa obbligat iħallashom bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata.

17

Skont dik il-qorti, l-ewwel u t-tielet kundizzjoni huma ssodisfatti f’dan il-każ. Minn naħa, mill-istipulazzjonijiet tal-EDA jirriżulta, u, barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet, li d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet ta’ liċenzji mħallsa inkambju għad-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva tal-merkanzija kkonċernata fl-Awstrija ma kinux inklużi fil-prezz tax-xiri tal-merkanzija li kellha tiġi vvalutata. Min-naħa l-oħra, il-ħlas tal-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi wkoll kundizzjoni tal-bejgħ. Fil-fatt, meta l-bejjiegħ tal-merkanzija importata jkun ukoll min jagħti l-liċenzja, għandu jiġi preżunt li dan jeżiġi wkoll mix-xerrej, li huwa wkoll dak li jikseb il-liċenzja, il-ħlas, minbarra l-prezz, tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet ta’ liċenzji. Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li Habanos ma kinitx ser tikkunsinna l-merkanzija ddestinata għad-distribuzzjoni fl-Awstrija mingħajr il-ħlas ta’ dan il-kumpens jew, fi kwalunkwe każ, li ma kinitx ser tipprovdihom taħt l-istess kundizzjonijiet kuntrattwali bħal dawk miftiehma. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti l-fatt li dan l-obbligu kien ser jieqaf wara li jgħaddi perijodu ta’ erba’ snin, peress li tali ċirkustanza ma turix li x-xerrej kien ser jikseb dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva matul dan il-perijodu fl-assenza tal-ħlas tal-imsemmi kumpens. Huwa wkoll irrilevanti l-fatt li l-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie miftiehem f’kuntratt qafas, bħall-EDA, peress li dan jipprevedi l-prinċipju ta’ ħlas ta’ dan il-kumpens waqt kull xiri individwali sussegwenti.

18

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar jekk it-tieni kundizzjoni hijiex issodisfatta. F’dan ir-rigward, fil-fehma tagħha, għandha ssir distinzjoni bejn id-dritt ta’ distribuzzjoni, li bis-saħħa tiegħu d-distributur għandu d-dritt li jbigħ għall-ewwel darba l-merkanzija importata f’territorju partikolari, u l-esklużività territorjali, li permezz tagħha dan id-distributur jikseb id-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva tal-merkanzija kkonċernata f’dan it-territorju, billi jgawdi minn protezzjoni territorjali. Għalkemm dawn iż-żewġ elementi kienu, skont l-EDA, koperti indistintament mill-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biss id-dritt ta’ distribuzzjoni li għandu rabta ċara mal-merkanzija importata, peress li d-dritt li din il-merkanzija tinbiegħ mill-ġdid jew li tiġi ddistribwita jaqa’ taħt is-setgħa li wieħed jiddisponi minnha u għalhekk huwa inkorporat fiha. Min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva jikkostitwixxi dritt addizzjonali, li jmur lil hinn mit-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi mill-merkanzija. Minn dan jirriżulta li d-drittijiet tal-awtur jew id-dritt ta’ liċenzji mitlub għall-għoti ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva lanqas ma jitħallas bħala korrispettiv għall-merkanzija importata, iżda sabiex il-bejjiegħ ma jfornix lil persuni oħra fit-territorju msemmi mill-ftehim.

19

Fil-każ fejn l-għoti tal-esklużività territorjali ma jitqiesx li huwa marbut mal-merkanzija importata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk dan il-kumpens kollu għandux jiġi miżjud mal-prezz tax-xiri ta’ din il-merkanzija għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tagħha jew jekk hijiex biss il-parti li tikkorrispondi għall-valur tal-imsemmi kumpens li jkollha rabta mal-merkanzija li għandha tiġi integrata fih. Fil-punt 52 tas-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare (C‑173/15, EU:C:2017:195), f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 158(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji jkunu relatati parzjalment mal-merkanzija importata u parzjalment mal-provvisti ta’ servizzi sussegwenti għall-importazzjoni, l-aġġustament previst fl-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali jkun jista’ jiġi applikat abbażi ta’ data oġġettiva u kwantifikabbli li tippermetti li jiġi vvalutat l-ammont tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet ta’ liċenzji marbuta ma’ din il-merkanzija. Għaldaqstant ikollu jiġi ddeterminat jekk dawn il-prinċipji humiex trasponibbli għall-kawża prinċipali. Jekk dan huwa l-każ, tqum il-kwistjoni dwar abbażi ta’ liema kriterji dan it-tqassim għandu jsir f’dak li jirrigwarda l-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-assenza ta’ kull data oġġettiva u kwantifikabbli, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Il-ħlasijiet li x-xerrej ta’ merkanzija jagħmel kull sena għal erba’ snin, minbarra l-prezz tax-xiri u skont id-dħul mill-bejgħ tiegħu, b’korrispettiv għad-dritt li jiddistribwixxi l-merkanzija:

fuq territorju partikolari,

għall-ewwel darba,

b’mod esklużiv u

b’mod permanenti

jikkostitwixxu drittijiet tal-awtur u drittijiet ta’ liċenzji skont l-Artikolu 32(1)(ċ) [tal-Kodiċi Doganali], li jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata skont l-Artikolu 32(5)(b) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 157(2) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni]?

2.

Dawn id-drittijiet tal-awtur għandhom jiżdiedu biss, jekk ikun il-każ, proporzjonalment mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata u, jekk dan huwa l-każ, skont liema kriterji?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 32(1)(ċ) u (5)(b) tal-Kodiċi Doganali, moqri mal-Artikolu 157(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, għandux jiġi interpretat fis-sens li ħlas imwettaq matul perijodu limitat mix-xerrej ta’ merkanzija importata lill-bejjiegħ tagħha, inkambju għall-għoti, minn dan tal-aħħar, ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva ta’ din il-merkanzija f’territorju partikolari, u kkalkolat fuq id-dħul mill-bejgħ imwettaq f’dan it-territorju, għandu jiġi integrat fil-valur għal skopijiet doganali tal-imsemmija merkanzija.

22

Għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni dwar il-valutazzjoni għal skopijiet doganali huwa intiż sabiex jistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri għal skopijiet doganali arbitrarji jew fittizji. Il-valur għal skopijiet doganali għandu għaldaqstant jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation, C‑306/04, EU:C:2006:716, punt 30; tal-20 ta’ Diċembru 2017, Hamamatsu Photonics Deutschland, C‑529/16, EU:C:2017:984, punt 24; u tal-20 ta’ Ġunju 2019, Oribalt Rīga, C‑1/18, EU:C:2019:519, punt 22).

23

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata huwa kkostitwit mill-valur ta’ tranżazzjoni tagħha, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, bla ħsara, madankollu, għal aġġustamenti li għandhom, skont il-każ, isiru konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 24; tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 31; u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Hamamatsu Photonics Deutschland, C‑529/16, EU:C:2017:984, punt 25).

24

Hekk kif diġà indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-valur għal skopijiet doganali għandu jiġi ddeterminat, bi prijorità, skont il-metodu msejjaħ “tal-valur ta’ tranżazzjoni” tal-merkanzija importata (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 30, u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Hamamatsu Photonics Deutschland, C‑529/16, EU:C:2017:984, punt 26). B’hekk, dan il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali huwa meqjus bħala l-iktar wieħed adattat u l-iktar wieħed użat ta’ spiss (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 44, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 30).

25

Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija għaldaqstant jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-bażi għall-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali, anki jekk dan il-prezz huwa fattur li għandu eventwalment jiġi aġġustat meta din l-operazzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi evitata d-determinazzjoni ta’ valur għal skopijiet doganali arbitrarju jew fittizju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 25; tal-20 ta’ Diċembru 2017, Hamamatsu Photonics Deutschland, C‑529/16, EU:C:2017:984, punt 27; u tal-20 ta’ Ġunju 2019, Oribalt Rīga, C‑1/18, EU:C:2019:519, punt 23).

26

Fil-fatt, konformement mal-għan imfittex mir-regoli tal-Kodiċi Doganali dwar id-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali, imfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-valur ta’ tranżazzjoni għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 40; tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 26; kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Hamamatsu Photonics Deutschland, C‑529/16, EU:C:2017:984, punt 28).

27

Għal dan il-għan, l-elementi li għandhom jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, sabiex jiġi ddeterminat il-valur għal skopijiet doganali tagħha, huma msemmija fl-Artikolu 32 tal-Kodiċi Doganali. B’hekk, skont il-paragrafu 1(ċ) ta’ din id-dispożizzjoni, jiżdiedu ma’ dan il-prezz id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji li għandhom x’jaqsmu mal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, li x-xerrej għandu jħallas bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata, sa fejn dawn id-drittijiet tal-awtur u drittijiet ta’ liċenzji ma ġewx inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

28

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 157(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jippreċiża li d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet ta’ liċenzji għandhom jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas meta l-ħlas, minn naħa, ikollu x’jaqsam mal-merkanzija li tkun qiegħda tiġi vvalutata u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi kundizzjoni tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija.

29

Madankollu, kif osservat ġustament il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċetti ta’ “drittijiet tal-awtur” u ta’ “drittijiet ta’ liċenzji”, li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet, jikkonċernaw biss ħlasijiet magħmula minn xerrej lil bejjiegħ abbażi tal-użu ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

30

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 157(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dawn il-kunċetti jirrigwardaw ħlasijiet għall-użu ta’ drittijiet li jirrigwardaw il-fabbrikazzjoni tal-merkanzija, bħal, b’mod partikolari, “patenti, disinni, mudelli u tagħrif dwar kif għandha ssir il-fabbrikazzjoni”, il-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija, bħal, b’mod partikolari, “trademarks, disinni rreġistrati”, kif ukoll l-użu jew bejgħ mill-ġdid ta’ din il-merkanzija, bħal, b’mod partikolari, “drittijiet ta’ l-awtur u l-proċessi tal-fabbrikazzjoni marbuta inseparabbilment mal-imsemmija merkanzija” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 33).

31

Issa, f’dan il-każ, mill-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitwettqu, skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jorbtu lill-partijiet fil-kawża prinċipali, bħala korrispettiv għall-għoti mhux ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, iżda ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva. B’mod partikolari, xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jissuġġerixxi li dawn il-ħlasijiet huma dovuti minħabba l-konċessjoni mill-bejjiegħ ta’ liċenzja eventwali fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li tagħhom huwa l-proprjetarju.

32

Minn dan isegwi li l-Artikolu 32(1)(ċ) u (5)(b) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll l-Artikolu 157(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma humiex applikabbli fil-kawża prinċipali.

33

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li tkun adita biha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament indikati fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle, C‑769/18, EU:C:2020:203, punt 39).

34

Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat l-ewwel domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(1)(ċ) u (5)(b) tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll tal-Artikolu 157(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk dik il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, għandha tislet l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tat-12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance retraite et de la santé au travail d’Alsace-Moselle, C‑769/18, EU:C:2020:203, punt 40).

35

F’dan il-każ, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 23 sa 25 ta’ din is-sentenza, l-aġġustamenti previsti fl-Artikolu 32 tal-Kodiċi Doganali għandhom isiru fuq il-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija importata, fis-sens tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, biss meta tali aġġustamenti jkunu neċessarji sabiex dan il-valur jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ din il-merkanzija, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, ħlas bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmilx diġà parti mill-valur għal skopijiet doganali tal-imsemmija merkanzija, bħala element tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, b’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 29, u b’mod partikolari tal-paragrafi (1) u (3)(a) tiegħu.

36

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 29(1) u (3)(a) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li ħlas, imwettaq matul perijodu limitat, mix-xerrej ta’ merkanzija importata lill-bejjiegħ tagħha, bħala korrispettiv għall-għoti, minn dan tal-aħħar, ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva ta’ din il-merkanzija f’territorju partikolari, u kkalkolat fuq id-dħul mill-bejgħ iġġenerat f’dan it-territorju, għandu jiġi integrat fil-valur għal skopijiet doganali tal-imsemmija merkanzija.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-“prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas”, fis-sens tal-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali, jikkorrispondi, skont il-paragrafu 3(a) ta’ dan l-artikolu, għall-ħlas totali li jkun sar jew li jkun dovut mix-xerrej lill-bejjiegħ għall-merkanzija importata u jinkludi l-ħlasijiet kollha li saru bejniethom bħala “kundizzjoni tal-bejgħ” ta’ din il-merkanzija.

38

Minn dan jirriżulta li ħlas imwettaq mix-xerrej lill-bejjiegħ għandu jiġi inkluż fil-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija kkonċernata meta dan il-ħlas ikun jagħmel parti mill-“kundizzjonijiet tal-bejgħ” ta’ din il-merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 29(3)(a) tal-Kodiċi Doganali.

39

Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 32(5)(b) ta’ dan il-kodiċi, li jipprevedi, għall-kuntrarju, fir-rigward preċiżament tal-ħlasijiet imwettqa mix-xerrej bħala korrispettiv għad-dritt ta’ distribuzzjoni jew ta’ bejgħ mill-ġdid tal-merkanzija importata, li dawn il-ħlasijiet ma humiex miżjuda mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas meta dawn ma jkunux tali kundizzjoni tal-bejgħ ta’ din il-merkanzija.

40

Għalkemm l-ebda dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma fiha definizzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjoni tal-bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 29(3)(a) ta’ dan il-kodiċi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi ppreżervata l-prijorità tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni, il-kunċetti li jinsabu f’dan l-Artikolu 29 għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 45).

41

B’hekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjoni tal-bejgħ” li jinsab fl-Artikolu 32(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ħlas jikkostitwixxi tali “kundizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija li għandha tiġi vvalutata meta, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali stabbiliti bejn il-bejjiegħ, jew il-persuna li hija assoċjata ma’ dan, u x-xerrej, dan il-ħlas huwa ta’ importanza tali għall-bejjiegħ li, fin-nuqqas tal-imsemmi ħlas, dan tal-aħħar ma jwettaqx il-bejgħ (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 60).

42

Peress li l-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi huwa intiż li jippreċiża l-valur ta’ tranżazzjoni ta’ merkanzija importata, fis-sens tal-Artikolu 29 tal-imsemmi kodiċi, u jsegwi għalhekk l-istess għan bħal dak previst f’dan l-Artikolu 29, għandu jiġi kkunsidrat li din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjoni tal-bejgħ” tapplika wkoll fil-kuntest ta’ dan l-aħħar artikolu. Fil-fatt, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ unità u ta’ koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati fl-atti adottati fuq l-istess suġġett għandu jkollhom l-istess tifsira, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx esprima intenzjoni differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Landkreis Potsdam-Mittelmark, C‑400/15, EU:C:2016:687, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Minn dan jirriżulta li ħlas, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies bħala “kundizzjoni tal-bejgħ” tal-merkanzija importata, fis-sens tal-Artikolu 29(3)(a) tal-Kodiċi Doganali, meta dan il-ħlas ikun ġie rikjest mill-bejjiegħ bħala kundizzjoni għad-distribuzzjoni esklużiva ta’ din il-merkanzija fit-territorju kkonċernat.

44

Issa, mill-elementi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-evalwazzjoni mwettqa mill-qorti tar-rinviju, dan huwa preċiżament il-każ, peress li fid-deċiżjoni tar-rinviju dik il-qorti kienet diġà waslet għall-konklużjoni li, fl-assenza ta’ dan il-ħlas, il-bejjiegħ tal-merkanzija, peress li huwa wkoll il-benefiċjarju tal-ħlas inkwistjoni, ma kienx ser jipprovdi din il-merkanzija għad-distribuzzjoni esklużiva tagħha fit-territorju Awstrijak, b’tali mod li dan il-ħlas għandu jitqies li jagħmel parti mill-kundizzjonijiet tal-bejgħ tal-imsemmija merkanzija.

45

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti, kif barra minn hekk ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, il-fatt li dan il-ħlas ikun impost fil-kuntratt qafas ta’ distribuzzjoni esklużiva minflok f’kull kuntratt individwali ta’ bejgħ sussegwenti tal-merkanzija kkonċernata, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kuntratt qafas jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li għalihom kull bejgħ individwali għandu jitwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 1986, Van Houten International, 65/85, EU:C:1986:53, punt 13, kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2006, Dollond & Aitchison, C‑491/04, EU:C:2006:144, punt 26).

46

Bl-istess mod, huwa irrilevanti li, kif indikat ukoll dik il-qorti, l-imsemmi ħlas għandu jsir biss matul perijodu limitat, f’dan il-każ matul erba’ snin, peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda preċiżament id-determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija kkonċernata matul dan il-perijodu inizjali, li matulu l-bejjiegħ effettivament talab tali ħlas għad-distribuzzjoni esklużiva tal-merkanzija tiegħu.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 29(1) u (3)(a) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li ħlas imwettaq matul perijodu limitat mix-xerrej ta’ merkanzija importata lill-bejjiegħ tagħha bħala korrispettiv għall-għoti, minn dan tal-aħħar, ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva ta’ din il-merkanzija f’territorju partikolari, u kkalkolat fuq id-dħul mill-bejgħ iġġenerat f’dan it-territorju, għandu jiġi integrat fil-valur għal skopijiet doganali tal-imsemmija merkanzija.

Fuq it-tieni domanda

48

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 29(1) u (3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li ħlas imwettaq matul perijodu limitat mix-xerrej ta’ merkanzija importata lill-bejjiegħ tagħha bħala korrispettiv għall-għoti, minn dan tal-aħħar, ta’ dritt ta’ distribuzzjoni esklużiva ta’ din il-merkanzija f’territorju partikolari, u kkalkolat fuq id-dħul mill-bejgħ iġġenerat f’dan it-territorju, għandu jiġi integrat fil-valur għal skopijiet doganali tal-imsemmija merkanzija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top