EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0771

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-24 ta’ Marzu 2021.
NAMA Symvouloi Michanikoi kai Meletites A.E. – LDK Symvouloi Michanikoi A.E. et vs Archi Exetasis Prodikastikon Prosfigon (AEPP) u Attiko Metro A.E.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni – Direttiva 92/13/KEE – Proċeduri tal-appelli – Fażi prekuntrattwali – Evalwazzjoni tal-offerti – Ċaħda ta’ offerta teknika u ammissjoni tal-offerta tal-kompetitur – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Interess leġittimu tal-offerent eskluż li jikkontesta r-regolarità tal-offerta tal-offerent magħżul.
Kawża C-771/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:232

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

24 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni – Direttiva 92/13/KEE – Proċeduri tal-appelli – Fażi prekuntrattwali – Evalwazzjoni tal-offerti – Ċaħda ta’ offerta teknika u ammissjoni tal-offerta tal-kompetitur – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Interess leġittimu tal-offerent eskluż li jikkontesta r-regolarità tal-offerta tal-offerent magħżul”

Fil-Kawża C‑771/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (Epitropi Anastolon) (il-Kunsill tal-Istat (il-Kummissjoni ta’ Sospensjoni), il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

NAMA Symvouloi Michanikoi kai Meletites AE – LDK Symvouloi Michanikoi AE,

NAMA Symvouloi Michanikoi kai Meletites AE,

LDK Symvouloi Michanikoi AE

vs

Archi Exetasis Prodikastikon Prosfigon (AEPP),

Attiko Metro AE,

fil-preżenza ta’:

SALFO kai Synergates Anonymi Etairia Meletitikon Ypiresion Technikon Ergon – Grafeio Doxiadi Shymvouloi gia Anaptyxi kai Oikistiki AE – TPF Getinsa Euroestudios SL,

SALFO kai Synergates Anonymi Etairia Meletitikon Ypiresion Technikon Ergon,

Grafeio Doxiadi Shymvouloi gia Anaptyxi kai Oikistiki AE,

TPF Getinsa Euroestudios SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal NAMA Symvouloi Michanikoi kai Meletites AE – LDK Symvouloi Michanikoi AE, LDK Symvouloi Michanikoi AE, NAMA Symvouloi Michanikoi kai Meletites AE, minn S. Vlachopoulos u N. Gountza, dikigoroi,

għal Archi Exetasis Prodikastikon Prosfigon (AEPP), minn S. Karatza u F. Katsigianni, dikigoroi,

għal Attiko Metro AE, minn G. Arvanitis u E. Christofilopoulos, dikigoroi,

għal SALFO kai Synergates Anonymi Etairia Meletitikon Ypiresion Technikon Ergon – Grafeio Doxiadi Shymvouloi gia Anaptyxi kai Oikistiki AE – TPF Getinsa Euroestudios SL, minn K. Vrettos, dikigoros,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis kif ukoll minn Z. Chatzipavlou u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar u P. Ondrůšek kif ukoll minn L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3), tal-Artikolu 2(1)(a) u (b), kif ukoll tal-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1 p. 315), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2007, L 94, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 94, p. 65) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”), moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni mressqa minn assoċjazzjoni ta’ impriżi u l-kumpanniji li jikkomponuha (iktar ’il quddiem “NAMA”) kontra l-Archi Exetasis Prodikastikon Prosfion (l-Awtorità Inkarigata mill-Azzjonijiet Amministrattivi Prekontenzjużi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (AEPP), il-Greċja) u Attiko Metro AE, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni adottata minn din tal-aħħar, bħala awtorità kontraenti, dwar l-evalwazzjoni tal-offerti pubbliċi ta’ trasport fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont it-tieni premessa tad-Direttiva 92/13, “l-arranġamenti eżistenti f’livell kemm nazzjonali kemm tal-Komunità għall-assigurazzjoni ta’ [applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-akkwist] mhumiex dejjem adegwati”.

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13, intitolat “Skop u disponibilità tal-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2014/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243)], sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skont l-Artikoli 18 sa 24, 27 sa 30, 34 jew 55 ta’ dik id-Direttiva.

[…]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE, deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, fuq il-bażi li tali deċiżjonijiet jiksru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludu dispożizzjoni għall-poteri:

jew:

(a)

li jieħu, ma’ l-opportunità l-iktar kmieni u bħala proċedura interlokutorja, miżuri interim bl-iskop li jiġi kkoreġut il-ksur allegat jew li jiġi pprevenut dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi assigurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-parti kontraenti;

u

(b)

li jwarrab jew jiżgura li jitwarrbu deċiżjonijiet meħuda kontra l-liġi, inkluża t-tneħħija ta’ l-ispeċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjari fin-notifika ta’ kuntratt, in-notifika perjodika indikativa, in-notifika dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni, l-invit għal offerta, d-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li għandu x’jaqsam mall-proċeudra ta’ l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni;

jew:

(ċ)

sabiex jieħdu, fl-opportunità l-iktar kmieni, jekk possibbli permezz ta’ proċeduri interlokutorji u jekk neċessarju permezz ta’ proċedura finali dwar is-sustanza, miżuri ta’ xort’ oħra minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) bl-iskop li jiġi kkoreġut kull ksur identifikat u li jiġi pprevenut dannu għall-interessi konċernati; b’mod partikolari, li ssir ordni għall-ħlas ta’ somma partikolari f’każijiet meta l-ksur ma ġiex korrett jew prevenut.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din l-għażla jew għall-partijiet kollha kontraenti jew għal kategorijii ta’ entitajiet definiti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, u f’kull każ jippreservaw l-effettività tal-miżuri stabbiliti sabiex jiġi pprevenut dannu kkawżat lill-interessi kkonċernati;

(d)

u, fiż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, sabiex jingħata kumpens lil persuni milquta ħażin minn ksur

Meta jintalab kumpens fuq il-bażi li ttieħdet deċiżjoni illegalment, l-Istati Membri, meta s-sistema tagħhom tal-liġi interna teħtieġ hekk u tipprovdi għal entitajiet li jkollhom il-poteri neċessarji għal dak l-iskop, jipprovdu li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab jew tiġi ddikjarata illegali.

2.   Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.

3.   Meta korp tal-prim istanza, li hu indipendenti mill-entità kontraenti, jkollu jirrevedi deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entità kontraenti ma tkunx tista’ tikkonkludi l-kuntratt qabel ma l-korp ta’ reviżjoni jkun ħa deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal miżuri intermedjarji jew għal reviżjoni. Is-sospensjoni m’għandhiex tintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ waqfien imsemmi fl-Artikolu 2a(2) u l-Artikoli 2d(4) u (5).

[…]

9.   Billi l-entitajiet responsabbli għall-proċeduri tar-reviżjoni mhumiex ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, f’dak il-każ, għandha ssir dispożizzjoni biex tiggarantixxi proċeduri li bihom kull miżura allegatament illegali meħuda mill-korp ta’ reviżjoni jew kull difett allegat fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija jistgħu jkunu suġġett ta’ reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun il-qorti jew it-tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu [267 TFUE] u indipendentement minn kemm l-awtorità li tikkuntratta kif ukoll il-korp ta’ reviżjoni.

[…]”

6

L-Artikolu 2a tal-imsemmija direttiva, intitolat “Terminu ta’ sospensjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) jkollhom żmien biżżejjed għal reviżjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ l-għoti ta’ kuntratt meħuda mill-entitajiet kontraenti, billi jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa li jirrispettaw il-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2ċ.

2.   Kuntratt ma jistax jiġi konkluż wara d-deċiżjoni li jingħata kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jekk jintużaw fax jew mezzi elettroniċi, jew jekk jintużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ mill-inqas 15-il jum kalendarji b’effett mill-jum wara d-data li fiha tintbagħat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati konċernati jew mill-inqas 10 ijiem kalendarji b’effett mill-jum wara d-data tal-wasla tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt.

L-offerenti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati jekk għad ma ġewx esklużi definittivament. Esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet notifikata lill-offerenti kkonċernati u tkun jew ġiet ikkunsidrata legali minn korp ta’ reviżjoni indipendenti ma tkunx għadha tista’ tiġi soġġetta għal proċedura ta’ reviżjoni.

Il-kandidati għandhom jitqiesu li jkunu kkonċernati jekk l-awtorità kontraenti ma tkunx għamlet disponibbli informazzjoni dwar ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħhom qabel in-notifika tad-Deċiżjoni ta’ l-għoti tal-kuntratt lill-offerenti kkonċernati.

[…]”

Id-dritt Elleniku

7

Il-Liġi 4412/2016 dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi (FEK A’ 147/8.8.2016), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi 4412/2016”) irriorganizzat is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fil-fażi prekuntrattwali, b’mod partikolari bil-ħolqien ta’ awtorità amministrattiva indipendenti ċentrali, jiġifieri l-AEPP, responsabbli mill-eżami prekontenzjuż tal-atti adottati mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti, u bl-introduzzjoni tal-possibbiltà li tintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-annullament tad-deċiżjonijiet adottati minn din l-awtorità.

8

L-Artikolu 346(1) u (2) tal-Liġi 4412/2016 jipprevedi:

“1.   Kull persuna interessata li jkollha jew kellha interess li tikseb kuntratt kif imsemmi fl-Artikolu 1(2)(a) jew (b) u li tkun sofriet ħsara jew li tinsab fir-riskju li ssir permezz ta’ att eżekuttiv jew ommissjoni tal-awtorità kontraenti, bi ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni, tista’ tressaq il-każ quddiem l-[AEPP] skont il-kundizzjonijiet speċjali previsti fl-Artikolu 360, u titlob miżuri protettivi proviżorji skont l-Artikolu 366 l-annullament ta’ att illegali jew ommissjoni tal-awtorità kontraenti skont l-Artikolu 367 jew l-annullament b’mod illegali skont l-Artikolu 368.

2.   Kull persuna interessata li tkun sofriet ħsara jew li tinsab fir-riskju li tiġi affettwata b’deċiżjoni tal-AEPP dwar rimedju amministrattiv prekontenzjuż taħt l-Artikolu 360 tista’ tippreżenta rikors għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati kompetenti, skont l-Artikolu 372. L-awtorità kontraenti għandha d-dritt li teżerċita l-istess reviżjoni jekk l-azzjoni amministrattiva prekontenzjuż tiġi aċċettata mill-AEPP.”

9

L-Artikolu 347 tal-Liġi 4412/2016 jipprevedi:

“1.   Huwa stabbilit l-AEPP li l-funzjoni tagħha hija li ssolvi l-kwistjonijiet li jqumu matul il-fażi tal-proċedura li tippreċedi l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvista u għal servizzi, meta jkollha quddiemha azzjoni amministrattiva prekontenzjuż, skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima II ta’ dan it-titolu. […]

2.   L-AEPP tgawdi minn indipendenza funzjonali, awtonomija amministrattiva u finanzjarja u ma hijiex suġġetta għall-kontroll jew għas-sorveljanza ta’ awtoritajiet governattivi jew ta’ awtoritajiet amministrattivi oħra. Hija suġġetta biss għall-kontroll tal-Parlament, skont ir-Regoli tal-Proċedura tagħha.”

10

L-Artikolu 360 tal-Liġi 4412/2016 jipprovdi:

“1.   Kull persuna kkonċernata li għandha jew kellha interess li tikseb kuntratt speċifiku kopert minn din il-liġi li tkun sofriet dannu, kienet jew tista’ tiġi ppreġudikata minħabba att eżekuttiv jew ommissjoni tal-awtorità kontraenti, bi ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ta’ dik tal-Unjoni, għandha, qabel ma tippreżenta rikorsi skont it-Titolu 3, tadixxi lill-AEPP b’rikors amministrattiv prekontenzjuż kontra l-imsemmi att jew l-imsemmija ommissjoni tal-awtorità kontraenti.

2.   L-eżerċizzju ta’ azzjoni amministrattiva prekontenzjuża hija kundizzjoni preliminari għall-preżentata ta’ rikorsi skont it-Titolu 3 kontra atti eżekuttivi jew ommissjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti.

3.   L-atti eżekuttivi jew ommissjonijiet tal-awtorità kontraenti fil-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors amministrattiv prekontenzjuż minbarra dak imsemmi fil-paragrafu 1.”

11

Skont l-Artikolu 372 tal-Liġi 4412/2016, il-persuna li tiġġustifika interess leġittimu tista’ titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-annullament tad-deċiżjoni tal-AEPP quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat) fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat fl‑24 ta’ Jannar 2018, Attico Metro nediet sejħa għall-offerti miftuħa li kellha bħala suġġett is-servizzi ta’ konsulenza teknika għall-proġett ta’ estensjoni tal-metro ta’ Ateni (il-Greċja) ta’ valur ta’ madwar EUR 21.5 miljun. Il-kriterju ta’ għoti kien dak tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament abbażi tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz. Skont l-avviż ta’ kuntratt, l-ewwel fażi tal-proċedura kienet tinkludi l-kontroll tad-dokumenti ta’ sostenn u tal-offerti tekniċi tal-kandidati, filwaqt li t-tieni fażi kienet tinkludi l-ftuħ tal-offerti ekonomiċi u l-evalwazzjoni globali.

13

Kull wieħed minn erba’ operaturi ekonomiċi ssottometta offerta. Fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-proċedura, il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-entità kontraenti, minn naħa, ippropona ċ-ċaħda tal-offerta ta’ wieħed minn dawn il-kandidati fl-istadju tal-kontroll tad-dokumenti ta’ sostenn u ta’ dik ta’ żewġ kandidati oħra, fosthom NAMA, fl-istadju tal-kontroll tal-offerti tekniċi. Min-naħa l-oħra, huwa ppropona li tiġi ammessa l-assoċjazzjoni ta’ impriżi SALFO u t-tliet kumpanniji li jiffurmawha (iktar ’il quddiem “SALFO”) fit-tieni fażi tal-proċedura. Qabel ma ħarġet deċiżjoni definittiva f’dan ir-rigward, l-entità kontraenti talbet preċiżazzjonijiet dwar l-esperjenza tat-tim propost minn NAMA.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tal-bord tad-diretturi tal-entità kontraenti, tas‑6 ta’ Marzu 2019, il-proposti msemmija iktar ’il fuq tal-kumitat ġew ivvalidati. B’mod partikolari, l-offerta ta’ NAMA ġiet eskluża mill-kumplament tal-proċedura minħabba li l-esperjenza ta’ ċerti membri tat-tim tagħha fil-qasam tal-kostruzzjoni ta’ xogħlijiet ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-avviż ta’ kuntratt. Fis‑26 ta’ Marzu 2019, NAMA ppreżentat rikors amministrattiv prekontenzjuż kontra din id-deċiżjoni quddiem l-AEPP, li permezz tiegħu hija kkontestat kemm iċ-ċaħda tal-offerta teknika tagħha kif ukoll l-ammissjoni ta’ dik ta’ SALFO.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2019, l-AEPP laqgħet ir-rikors ta’ NAMA biss sa fejn kien dirett kontra l-motivi tad-deċiżjoni tal-entità kontraenti dwar il-prova tal-esperjenza ta’ wieħed mill-membri tat-tim propost. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

16

Wara ċ-ċaħda parzjali tar-rikors amministrattiv tagħha, NAMA ppreżentat quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (Epitropi Anastolon) (il-Kunsill tal-Istat (il-Kummissjoni tas-Sospensjoni)), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, rikors li permezz tiegħu hija talbet li tiġi ordnata, minn naħa, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-AEPP, tal‑21 ta’ Mejju 2019, u tad-deċiżjoni tal-bord tad-diretturi tal-entità kontraenti Attico Metro, tas‑6 ta’ Marzu 2019, u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata l-protezzjoni provviżorja tagħha fir-rigward tal-miżura kollha. Is-Symvoulio tis Epikrateias (Epitropi Anastolon) (il-Kunsill tal-Istat (il-Kummissjoni tas-Sospensjoni)) jikkunsidra li huma inammissibbli jew infondati l-motivi invokati minn NAMA li permezz tagħhom din il-parti allegat, minn naħa, li l-esklużjoni tagħha minn din il-proċedura kienet illegali minħabba li l-entità kontraenti evalwat b’mod żbaljat l-esperjenza ta’ wħud mill-esperti tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fl-evalwazzjoni tal-offerti tekniċi tal-offerenti kien ġie miksur peress li l-entità kontraenti eżaminathom b’mod differenti.

17

Il-qorti tar-rinviju tosserva li hija ddeċidiet b’mod kostanti li l-offerent li ġie eskluż mill-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għoti ma jistax jiġġustifika interess ġuridiku sabiex jikkontesta l-legalità tal-parteċipazzjoni ta’ offerent ieħor f’din il-proċedura, ħlief għal raġunijiet relatati mal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fl-evalwazzjoni tal-offerti. Din il-qorti tistaqsi madankollu sa fejn is-soluzzjoni li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama (C‑131/16, EU:C:2017:358), tapplika wkoll fil-kuntest ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mressqa minn offerent eskluż mhux fl-istadju finali tal-għoti tal-kuntratt pubbliku, iżda matul fażi preċedenti tal-proċedura ta’ għoti tiegħu, bħall-fażi ta’ verifika tad-dokumenti ta’ sostenn ta’ parteċipazzjoni jew ta’ verifika u ta’ evalwazzjoni tal-offerti tekniċi. Din il-kwistjoni għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja u wasslet għal diverġenzi fl-interpretazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni tas-Sospensjoni tas-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat), li finalment wasslu għar-rinviju tal-kawża prinċipali quddiem formazzjoni plenarja ta’ ħames imħallfin.

18

Il-qorti tar-rinviju tesponi li din il-Kummissjoni tas-Sospensjoni hija tal-opinjoni li l-offerent eskluż minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandu jitqies li huwa definittivament eskluż meta ma jkunx ikkontesta d-deċiżjoni ta’ esklużjoni li tikkonċernah jew meta din id-deċiżjoni tkun saret res judicata. Min-naħa l-oħra, ma jistax jitqies li huwa definittivament eskluż meta l-azzjoni amministrattiva prekontenzjuża li huwa ppreżenta tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-AEPP iżda t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament jew talba għal sospensjoni skont il-Liġi 4412/2016 ikun għadu ma skadiex. Bl-istess mod, ma huwiex definittivament eskluż l-offerent li t-talba tiegħu għas-sospensjoni imressqa kontra ċ-ċaħda, mill-AEPP, tal-azzjoni amministrattiva prekontenzjuża tiegħu ġiet miċħuda, sakemm huwa għandu d-dritt li jippreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda jew li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors għal annullament li huwa ppreżenta ma saritx definittiva. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-rikonoxximent ta’ interess ġuridiku tal-offerent eskluż kontra d-deċiżjoni li taċċetta l-offerta ta’ wieħed mill-kompetituri tiegħu u l-għoti tal-kuntratt lil dan tal-aħħar huwa suġġett għall-fatt li t-tilwima ma twassalx għall-annullament definittiv tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt ikkonċernat, jiġifieri għall-impossibbiltà li terġa’ tinbeda. F’dan il-kuntest huwa irrilevanti f’liema stadju tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt l-offerent inkwistjoni ġie eskluż, peress li l-interess ġuridiku jeżisti fl-istadji kollha ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, bħala prinċipju, NAMA għandha interess ġuridiku sabiex tqajjem l-ilmenti l-oħra li hija invokat kontra SALFO, minbarra dawk li jirrigwardaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fl-evalwazzjoni.

19

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tesponi li hija ċaħdet it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu NAMA kkontestat il-legalità tal-esklużjoni tagħha mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u l-ammissjoni tal-offerta ta’ SALFO billi invokat il-motiv li jgħid li d-deċiżjonijiet ikkontestati kisru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fl-evalwazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà għal NAMA li tinvoka, insostenn tat-talba tagħha għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, motivi diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ammissjoni tal-offerta ta’ SALFO bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż tal-kuntratt, tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 4412/2016 kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ trasparenza.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (Epitropi Anastolon) (il-Kunsill tal-Istat (il-Kummissjoni tas-Sospensjoni)), iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“1)

a)

L-Artikoli 1(3), 2(1)(a) u (b) u 2a(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE […] moqrija fid-dawl tas-sentenzi Fastweb (C-100/12), PFE(C 689/13), Archus u Gama (C-131/16) u Lombardi (C-333/18), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prassi ġudizzjarja nazzjonali li permezz tagħha, meta, b’deċiżjoni tal-awtorità kontraenti adottata mhux matul il-fażi finali tal-għoti tal-kuntratt, iżda fi stadju iktar bikri tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku (bħal fażi tal-verifika ta’ offerti tekniċi), offerent jiġi eskluż minn proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku u li parti kkonċernata oħra (kompetitur) tiġi madankollu ammessa, l-offerent eskluż iżomm – f’każ li t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni li huwa jkun ressaq tiġi miċħuda mill-qorti kompetenti billi din tkun immirata kontra l-esklużjoni tiegħu - l-interess ġuridiku tiegħu sabiex jinvoka kontra l-offerent l-ieħor, f’din l-istess talba, l-ilment uniku skont liema l-ammissjoni tiegħu tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet?

b)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 1(a), id-disposizzjonijiet ta’ hawn fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-offerent eskluż kif deskritt hawn fuq jista’, permezz ta’ din it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, iressaq kull ilment kontra l-parteċipazzjoni tal-kompetitur tiegħu fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku; fi kliem ieħor, jista’ jilmenta wkoll minn nuqqasijiet oħra, distinti, li jivvizzjaw l-offerta tal-kompetitur li ma għandhom l-ebda rabta man-nuqqasijiet li għalihom ġiet eskluża l-offerta tiegħu, sabiex tinkiseb sospensjoni tat-tkomplija tal-proċedura u tal-għoti tal-kuntratt pubbliku lill-kompetitur tiegħu f’deċiżjoni li għandha tiġi adottata fi stadju iktar tard tal-proċedura, sabiex jekk ir-rikors prinċipali (talba għal annullament) jiġi milqugħ sussegwentement, il-kompetitur tiegħu jiġi eskluż, li l-għoti tal-kuntratt jiġi kkanċellat u l-unika possibbiltà li jibqa’ se tkun li titnieda proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt li fiha r-rikorrent eskluż ikun jista’ jipparteċipa?

2)

Il-fatt li l-għoti ta’ protezzjoni ġudizzjarja provviżorja (u anki finali) jippreżupponi li jkun ġie preċedentement miċħud ilment mingħajr suċċess, quddiem entità nazzjonali ta’ reviżjoni indipendenti ta’ rikors prekontenzjuż, jaffettwa r-risposta għal domanda preċedenti, ukoll fir-rigward ta’ dak li ġie deċiż fid-dawl tas-sentenza Bietergemeinschaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion Österreich (C-355/15)?

3)

Il-konstatazzjoni li, fl-eventwalità fejn l-ilmenti tal-offerent eskluż invokati kontra l-parteċipazzjoni tal-kompetitur fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jintlaqgħu, (a) il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jkun impossibbli jew (b) ir-raġuni għall-esklużjoni tar-rikorrent tagħmilha impossibbli li dan tal-aħħar jipparteċipa fil-każ li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura, taffettwa r-risposta għall-ewwel domanda?”

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Ottubru 2019, it-talba tas-Symvoulio tis Epikrateias (Epitropi Anastolon) (il-Kunsill tal-Istat (il-Kummissjoni tas-Sospensjoni)) sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa ġiet miċħuda.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi

22

Il-Kummissjoni tqis li t-tieni u t-tielet domanda preliminari ma għandhom ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali u għandhom, għaldaqstant, jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli. NAMA ssostni, essenzjalment, l-istess eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-tielet domanda preliminari.

23

Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tinstabx fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda fil-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kawża. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju għandha tesponi b’mod preċiż ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 167168 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk il-fatt li l-esklużjoni tal-offerta ta’ NAMA mill-entità kontraenti ġiet ivvalidata parzjalment mill-AEPP, wara rikors amministrattiv prekontenzjuż obbligatorju, jikkostitwixxix element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-offerent għadux jista’ jikkontesta, quddiem il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni tal-entità kontraenti li taċċetta l-offerta tagħha. Għalhekk, din id-domanda hija ammissibbli.

25

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom ir-risposta għat-tielet domanda hija neċessarja sabiex tiġi riżolta t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju ma tiddeterminax kif iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jikkorrispondu għal wieħed miż-żewġ każijiet previsti mit-tielet domanda.

26

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq il-mertu

27

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3), l-Artikolu 2(1)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 92/13, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi nazzjonali li permezz tagħha offerent li ġie eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fi stadju preċedenti għall-fażi tal-għoti ta’ dan il-kuntratt ma jistax jiġi miċħud, u li t-talba tiegħu fl-istess ħin tiġi sospiża, tad-deċiżjoni li teskludih minn din il-proċedura ġiet irrifjutata, minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, ma jistax jinvoka, fit-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tiġi ammessa l-offerta ta’ offerent ieħor, introdotta fl-istess ħin, raġunijiet mhux relatati mal-irregolaritajiet li minħabba fihom ġiet eskluża l-offerta tiegħu, bl-eċċezzjoni tar-raġuni li skontha d-deċiżjoni li tiddaħħal din l-offerta tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza fl-evalwazzjoni tal-offerti. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk l-interess ġuridiku tal-offerent mhux magħżul huwiex affettwat mill-fatt, li r-rikors amministrattiv prekontenzjuż kontra d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiegħu li kellu jiġi ppreżentat, skont id-dritt nazzjonali, quddiem korp nazzjonali indipendenti, ġie miċħud.

28

Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, skont regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għall-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

29

L-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi r-rekwiżiti li l-miżuri nazzjonali meħuda għall-finijiet tar-rikorsi msemmija fl-Artikolu 1 tagħha għandhom josservaw, fosthom il-fatt li dawn ir-rimedji għandhom jippermettu, minn naħa, li jittieħdu miżuri provviżorji bil-għan li jiġi kkoreġut il-ksur allegat jew li jiġi evitat li jiġu ppreġudikati l-interessi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li jiġu annullati jew jiġu annullati d-deċiżjonijiet illegali.

30

L-Artikolu 2a tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi r-regoli dwar it-termini li għandhom ikollhom il-persuni msemmija fl-Artikolu 1(3) tal-istess direttiva sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw reviżjonijiet effettivi kontra d-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt meħuda mill-entitajiet kontraenti. B’hekk, l-Artikolu 2a(2) jipprovdi li l-konklużjoni tal-kuntratt li ssegwi d-deċiżjoni ta’ għoti ma tistax isseħħ qabel l-iskadenza ta’ terminu kkalkolat skont il-metodu ta’ trażmissjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerenti u lill-kandidati kkonċernati u tippreċiża, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom offerent jew kandidat jitqies li huwa kkonċernat. Fir-rigward tal-offerenti, it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jindika li dawn huma kkunsidrati bħala kkonċernati jekk ikunu għadhom ma ġewx definittivament esklużi u li esklużjoni tkun definittiva jekk tkun ġiet innotifikata lill-offerenti kkonċernati u tkun ġiet meqjusa legali minn awtorità ta’ reviżjoni indipendenti jew ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors.

31

Mitluba tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (kuntratti pubbliċi ta’ provvista u ta’ xogħlijiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246; rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku l-offerenti, li l-esklużjoni tagħhom hija mitluba, għandhom interess leġittimu ekwivalenti għall-esklużjoni tal-offerta tal-offerenti l-oħra għall-finijiet tal-ksib tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb, C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33). Fil-punt 27 tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, minn naħa, l-esklużjoni ta’ offerent tista’ twassal sabiex l-offerent l-ieħor jikseb direttament il-kuntratt skont l-istess proċedura u, min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi ta’ esklużjoni taż-żewġ offerenti u tal-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, kull wieħed mill-offerent jista’ jipparteċipa fih u, għalhekk, jikseb il-kuntratt indirettament. Barra minn hekk, fil-punt 29 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li n-numru ta’ parteċipanti fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, l-istess bħan-numru ta’ parteċipanti li ppreżentaw rikorsi kif ukoll id-diverġenza tal-motivi mqajma minnhom, ma humiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju ġurisprudenzjali li jirriżulta mis-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448).

32

Il-prinċipju ġurisprudenzjali espost fil-punt preċedenti, li ġie żviluppat taħt is-sistema tad-Direttiva 89/665 jista’ jiġi traspost għas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mid-Direttiva 92/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u GamaC‑131/16, EU:C:2017:358, punti 50 sa 53).

33

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-prinċipju ġurisprudenzjali japplikax ukoll meta r-regolarità tad-deċiżjoni li taċċetta l-offerta ta’ offerent hija kkontestata fi stadju preċedenti għall-għoti tal-kuntratt minn offerent li l-offerta tiegħu ġiet eskluża.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 92/13 ma tippreċiżax l-istadju li fih rikors kontra tali deċiżjoni tal-entità kontraenti jista’ jiġi ppreżentat minn offerent.

35

Kif jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva 92/13, din tal-aħħar hija intiża sabiex issaħħaħ il-mekkaniżmi eżistenti, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-direttivi fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li “jiżguraw li […] id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et, C‑391/15, EU:C:2017:268, punt 30).

36

L-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u rapida, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri provviżorji, li din id-direttiva tfittex li tilħaq għalhekk ma tawtorizzax lill-Istati Membri jissuġġettaw l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni legali għall-fatt li l-proċedura ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni tkun laħqet formalment stadju speċifiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 38, kif ukoll is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et, C‑391/15, EU:C:2017:268, punt 31).

37

B’mod iktar partikolari, leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, fi kwalunkwe każ, li l-offerent jistenna d-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni qabel ma jkun jista’ jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ammissjoni ta’ offerent ieħor tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/13 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et, C‑391/15, EU:C:2017:268, punt 34).

38

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-offerent eskluż jista’ jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-entità kontraenti li taċċetta l-offerta ta’ wieħed mill-kompetituri tagħha, irrispettivament mill-istadju tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li fih ittieħdet din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li, fil-kuntest ta’ tali rikors, il-prinċipju ġurisprudenzjali mfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza huwa applikabbli.

39

Fir-rigward tal-motivi li offerent eskluż jista’ jqajjem fil-kuntest ta’ tali rikors, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 92/13 ma tipprevedix rekwiżit ieħor ħlief dak stabbilit fl-Artikolu 1(1) tagħha, jiġifieri li dan l-offerent jista’ jinvoka motivi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt.

40

Mill-bqija, fil-punt 29 tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-diverġenza tal-motivi mqajma mill-offerenti li ġew esklużi mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni ma hijiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-prinċipju ġurisprudenzjali mfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

41

Minn dan jirriżulta li l-offerent eskluż għandu d-dritt li jqajjem kull motiv kontra d-deċiżjoni ta’ ammissjoni ta’ offerent ieħor, inklużi dawk li ma għandhomx rabta mal-irregolaritajiet li minħabba fihom l-offerta tiegħu ġiet eskluża.

42

Madankollu, il-prinċipju ġurisprudenzjali mfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza japplika biss sakemm l-esklużjoni tal-offerent ma tkunx ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Archus u Gama, C‑131/16, EU:C:2017:358, punti 5758, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi, C‑333/18, EU:C:2019:675, punti 3132).

43

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, f’dan il-każ, l-esklużjoni ta’ NAMA għandhiex titqies bħala definittiva minħabba li din ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata. Madankollu, kif tfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li dan huwa l-każ.

44

Suġġett għal din ir-riżerva, il-fatt li d-dritt nazzjonali jimponi fuq l-offerent li ma ntgħażilx li jippreżenta rikors amministrattiv prekontenzjuż qabel ma jkun jista’ jadixxi lill-qorti tar-rinviju ma jaffettwax l-interpretazzjoni esposta fil-punti 38 u 41 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-Artikolu 2(9) tad-Direttiva 92/13 jawtorizza espressament lill-Istati Membri jagħtu lil korpi mhux ġudizzjarji r-responsabbiltà li jiddeċiedu, fl-ewwel lok, fuq ir-rikorsi previsti minn din id-direttiva, sakemm kull miżura allegatament illegali meħuda minn din l-istanza jew kull nuqqas preżunt ta’ twettiq ta’ obbligu fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja jew ta’ rikors minn entità oħra li tkun qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE li tkun indipendenti mill-entità kontraenti u mill-korp mhux ġudizzjarju li jkun iddeċieda fl-ewwel istanza.

45

Tali interpretazzjoni ma hijiex kkontradetta mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Bietergemeinschaft Technische Gebäudebetreuung und Caverion Österreich (C‑355/15, EU:C:2016:988), imsemmija mill-qorti tar-rinviju f’dan il-kuntest. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, fil-punti 13 sa 16, 31 u 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li offerent li l-offerta tiegħu kienet ġiet eskluża mill-awtorità kontraenti ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku seta’ jiġi rrifjutat l-aċċess għal rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, id-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-imsemmi offerent kienet ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni li kisbet awtorità ta’ res judicata qabel ma l-qorti adita bir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt tiddeċiedi, b’tali mod li dan l-offerent kellu jitqies li kien definittivament eskluż mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi, C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 31).

46

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u (3), l-Artikolu 2(1)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 2a(2) tad-Direttiva 92/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li offerent li ġie eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fi stadju preċedenti għall-fażi tal-għoti ta’ dan il-kuntratt u li t-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li teskludih minn din il-proċedura ġiet miċħuda, jista’ jinvoka, fit-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, tad-deċiżjoni li tiġi ammessa l-offerta ta’ offerent ieħor, imressqa fl-istess ħin, ir-raġunijiet kollha li jallegaw ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponu din il-liġi, inklużi motivi li ma jippreżentawx relatati mal-irregolaritajiet li għalihom kienet l-offerta tagħha esklużi. Din il-possibbiltà ma hijiex affettwata mill-fatt li r-rikors amministrattiv prekontenzjuż quddiem korp nazzjonali indipendenti li kellu, skont id-dritt nazzjonali, jiġi ppreżentat, minn qabel, minn dan l-offerent kontra d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiegħu, ġie miċħud, sakemm din iċ-ċaħda ma saritx res judicata.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) u (3), l-Artikolu 2(1)(a) u (b), kif ukoll l-Artikolu 2a(2), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014, għandhom jiġu interpretati fis-sens li offerent li ġie eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fi stadju preċedenti għall-fażi tal-għoti ta’ dan il-kuntratt u li t-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li teskludih minn din il-proċedura ġiet miċħuda, jista’ jinvoka, fit-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tiġi ammessa l-offerta ta’ offerent ieħor, imressqa fl-istess ħin, ir-raġunijiet kollha li jallegaw ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponu din il-liġi, inklużi motivi li ma jippreżentawx relatati mal-irregolaritajiet li għalihom kienet l-offerta tagħha esklużi. Din il-possibbiltà ma hijiex affettwata mill-fatt li r-rikors amministrattiv prekontenzjuż quddiem korp nazzjonali indipendenti li kellu, skont id-dritt nazzjonali, jiġi ppreżentat, minn qabel, minn dan l-offerent kontra d-deċiżjoni ta’ esklużjoni tiegħu ġie miċħud, sakemm din iċ-ċaħda ma saritx res judicata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top