EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0629

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2020.
Sappi Austria Produktions-GmbH & Co KG u Wasserverband “Region Gratkorn-Gratwein” vs Landeshauptmann von Steiermark.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Direttiva 2008/98/KE – Artikolu 2(2)(a), il-punt 1 tal-Artikolu 3, u l-Artikolu 6(1) – Ilmijiet mormija – Ħama tad-dranaġġ – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘skart’ – Tmiem tal-istatus ta’ skart – Operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ.
Kawża C-629/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:824

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Direttiva 2008/98/KE – Artikolu 2(2)(a), il-punt 1 tal-Artikolu 3, u l-Artikolu 6(1) – Ilmijiet mormija – Ħama tad-dranaġġ – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘skart’ – Tmiem tal-istatus ta’ skart – Operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ”

Fil-Kawża C‑629/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Styrie, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

Sappi Austria Produktions-GmbH & Co. KG,

Wasserverband “Region Gratkorn-Gratwein”

vs

Landeshauptmann von Steiermark

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-funzjoni ta’ Mħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, T. Von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sappi Austria Produktions-GmbH & Co. KG u l-Wasserverband “Region Gratkorn-Gratwein”, minn P. Schaden u W. Thurner, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Thiran u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a), tal-punt 1 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sappi Austria Produktions-GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Sappi”) u l-Wasserverband “Region Gratkorn-Gratwein” (l-Għaqda tal-Ilmijiet għar-Reġjun Gratkorn-Gratwein, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“Wasserverband”) u l-Landeshauptmann von Steiermark (il-Kap tal-Gvern Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni reġjonali”) dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tikkonstata li l-modifiki li jirrigwardaw l-installazzjoni industrijali ta’ Sappi u dik tal-Wasserverband, li jinsabu fl-istess lok, għandhom ikunu suġġetti għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3, (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/442”), kellha bħala għan essenzjali l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti dannużi kkawżati mill-ġbir, it-trasport, it-trattament, il-ħażna u d-depożitu tal-iskart.

4

Id-Direttiva 75/442 ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9) li sussegwentement tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2008/98. L-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva 75/442 ġew essenzjalment riprodotti fl-Artikolu 13, fl-Artikolu 36(1), kif ukoll fl-Artikoli 15 u 23 tad-Direttiva 2008/98.

5

Il-Kapitolu I tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Suġġett, Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 7 tagħha.

6

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u permezz tat-tnaqqis ta’ l-impatti ġenerali ta’ l-użu ta’ riżorsi u t-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ tali użu.”

7

L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni:

[…]

(a) Dawn li ġejjin għandhom jiġu eskluzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva sal-punt li huma koperti minn leġislazzjoni Komunitarja oħra:

(a)

ilmijiet mormija;

[…]”

8

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

[…]

(15)

‘irkupru’ tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. L-Anness II fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru;

[…]”

9

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Prodotti sekondarji”, jipprovdi:

“1.   Sustanza jew oġġett, li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan primarju tagħhom mhuwiex il-produzzjoni ta’ dak l-artikolu, jista’ jitqies li mhuwiex skart kif imsemmi fil-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 iżda bħala prodott sekondarju biss jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-użu ulterjuri tas-sustanza jew l-oġġett ikun ċert;

(b)

is-sustanza jew l-oġġett jistgħu jiġu użati direttament mingħajr kwalunkwe proċessar ulterjuri ħlief prattika industrijali normali;

(ċ)

is-sustanza jew l-oġġett huma prodotti bħala parti integrali ta’ proċess ta’ produzzjoni; u

(d)

l-użu ulterjuri jkun skond il-liġi, i.e. is-sustanza jew l-oġġett jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti kollha tal-prodott, dawk ambjentali u ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-użu speċifiku, u mhuwiex ser jirriżulta f’impatti ġenerali li jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem.

[…]”

10

Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Tmiem ta’ l-istatus ta’ skart”:

“1.   Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sustanza jew l-oġġett ikunu użati komunement għal skopijiet speċifiċi;

(b)

ikun jeżistu suq jew domanda għal tali sustanza jew oġġett;

(ċ)

is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

(d)

l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjenta jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

[…]”

Id-dritt Awstrijak

11

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Abfallwirtschaftsgesetz tal-2002 (il-Liġi Federali tal-2002 dwar l-Immaniġġar tal-Iskart, iktar ’il quddiem l-“AWG 2002”) li tittrasponi d-Direttiva 2008/98 huma fformulati kif ġej:

“Definizzjonijiet

Artikolu 2(1) Għall-finijiet ta’ din il-liġi federali, skart ifisser oġġetti mobbli,

1.

li d-detentur ikun rema jew ikun beħsiebu jarmi, jew

2.

li l-ġbir, il-ħażna, it-trasport u t-trattament tagħhom bħala skart huma neċessarji sabiex ma jiġux ippreġudikati l-interessi pubbliċi (Artikolu 1(3)).

[…]

(3a) Sustanza jew oġġett li huwa l-frott ta’ proċess ta’ manifattura li l-għan ewlieni tiegħu ma jkunx il-produzzjoni ta’ din is-sustanza jew ta’ dan l-oġġett ma jistax jitqies bħala prodott sekondarju jew bħala skart ħlief meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.

ikun ċert li s-sustanza jew l-oġġett ser jerġa’ jintuża;

2.

is-sustanza jew l-oġġett ikun jista’ jintuża direttament mingħajr trasformazzjoni oħra li tmur lil hinn mill-prattiki industrijali kurrenti;

3.

is-sustanza jew l-oġġett ikun prodott bħala parti integrali ta’ proċess ta’ produzzjoni u

4.

l-użu mill-ġdid ikun legali, jiġifieri s-sustanza jew l-oġġett ikun jista’ b’mod partikolari jintuża b’mod kompletament sigur għall-għan imfittex, l-użu ma jkunx jippreġudika oġġetti protetti (ara l-Artikolu 1(3)) u r-regoli rilevanti kollha jkunu osservati.

[…]

Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni

Artikolu 3(1) Ma huwiex skart fis-sens ta’ din il-liġi federali

1.

l-ilma mormi inkluż ilmijiet l-oħra li huma elenkati fil-punti 1 sa 4 u 6 tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(2) tal-Verordnung über die allgemeine Begrenzung von Abwasseremissionen in Fließgewässer und öffentliche Kanalisationen (ir-Regolament dwar il-Limitazzjoni Ġenerali tar-Rimi tal-Ilmijiet Użati fil-Passaġġi tal-Ilma u l-Katusi tad-Dranaġġ Pubbliċi, BGBl. Nru 186/1996).

[…]

Tmiem tal-istatus ta’ skart

Artikolu 5(1) Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’regolament imsemmi fil-paragrafu 2 jew f’regolament imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, is-sustanzi eżistenti għandhom jitqiesu bħala skart sakemm huma stess jew sustanzi dderivati direttament minnhom jintużaw bħala sostituti għal materji prima jew għal prodotti miksuba minn materji prima primarji. Fil-każ ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2(5), it-tmiem tal-istatus ta’ skart iseħħ fl-aħħar ta’ din l-operazzjoni ta’ rkupru.

[…]

Deċiżjonijiet ta’ konstatazzjoni

Artikolu 6 […]

(6)   Fuq talba ta’ kuntrattur jew tal-Umweltanwalt jew ex officio, il-Landeshauptmann [il-Kap tal-Gvern Reġjonali] għandu jikkonstata fi żmien tliet xhur jekk

1.

impjant huwiex suġġett għall-obbligu li jikseb awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 37(1) jew (3), jew skont l-Artikolu 52, jew jekk teżistix eċċezzjoni skont l-Artikolu 37(2),

[…]

3.

il-modifika ta’ impjant ta’ trattament hija suġġetta għall-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 37(1) jew (3), jew jekk tkun suġġetta għal dikjarazzjoni obbligatorja skont l-Artikolu 37(4). […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Sappi topera, fi Gratkorn (l-Awstrija), impjant industrijali kbir tal-produzzjoni tal-karta u taċ-ċelluloża. Fuq dan is-sit, jinsab ukoll impjant ta’ trattament, operat b’mod konġunt minn Sappi u l-Wasserverband, li jittratta l-ilmijiet mormija li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-karta u taċ-ċelluloża kif ukoll l-ilmijiet urbani mormija. Waqt it-trattament ta’ dawn l-ilmijiet mormija, impost mid-dritt nazzjonali, jiġi prodott il-ħama tad-dranaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, dan il-ħama huwa magħmul kemm minn sustanzi li jirriżultaw mill-ilmijiet industrijali mormija kif ukoll minn sustanzi li joħorġu mill-ilmijiet urbani mormija. Il-ħama tad-dranaġġ li huwa għalhekk ifformat fl-impjant ta’ trattament huwa sussegwentement inċinerat f’bojler ta’ Sappi u f’inċineratur ta’ skart residwu operat mill-Wasserverband, u l-fwar irkuprat għall-finijiet tal-irkupru tal-enerġija, iforni l-produzzjoni tal-karta u taċ-ċelluloża.

13

L-amministrazzjoni reġjonali kkonstatat, wara proċedura ta’ investigazzjoni fil-fond skont l-Artikolu 6(6) tal-AWG 2002, li l-modifiki magħmula lill-bojler ta’ Sappi u lill-inċineratur tal-iskart residwu, proprjetà tal-Wasserverband, li wkoll jinsab fi Gratkorn, kienu suġġetti għal obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni.

14

L-imsemmija amministrazzjoni kkunsidrat li, ċertament, il-ħama tad-dranaġġ intiż għall-inċinerazzjoni kien joriġina, fil-parti l-kbira tiegħu, jiġifieri madwar 97 %, minn proċess ta’ produzzjoni tal-karta u li, għal din il-parti, jista’ jiġi aċċettat li dawn għandhom l-istatus ta’ “prodott sekondarju”, fis-sens tal-Artikolu 2(3a) tal-AWG 2002. Madankollu, dan ma huwiex il-każ għall-parti tal-ħama tad-dranaġġ prodott matul it-trattament tal-ilmijiet urbani mormija. Dan il-ħama tad-dranaġġ jibqa’ skart.

15

Sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), ma hemmx limitu de minimis għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala “skart”, hemm lok li wieħed jitlaq mill-prinċipju li l-ħama tad-dranaġġ kollu maħruq fl-impjanti industrijali ta’ Sappi u tal-Wasserverband għandhom jiġu kklassifikati bħala “skart”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-AWG 2002. Sappi u l-Wasserverband ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

16

B’sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2016, dik il-qorti laqgħet ir-rikors ta’ Sappi u tal-Wasserverband. Adita b’appell ta’ reviżjoni minn dik is-sentenza, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) annullatha b’sentenza tas-27 ta’ Frar 2019 u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

17

Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) tirrileva li l-Artikolu 2(3a) tal-AWG 2002 jistabbilixxi, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex sustanza jew oġġett li huwa, ċertament, ir-riżultat ta’ proċess ta’ manifattura, iżda ma huwiex l-għan prinċipali tiegħu, ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “prodott sekondarju” u mhux bħala “skart”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li din għandha tkun sustanza jew oġġett prodott matul proċess ta’ produzzjoni.

18

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, kif ikkunsidrat il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva), il-ħama tad-dranaġġ li jirriżulta mit-trattament komuni tal-ilmijiet mormija ta’ oriġini industrijali u komunali jikkostitwixxix “skart” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Dik il-qorti tenfasizza li, jekk it-trattament tal-ilmijiet mormija ma jaqax fl-ambitu ta’ proċess ta’ produzzjoni, waħda mill-kundizzjonijiet determinanti tal-eżistenza ta’ prodott sekondarju ma tkunx osservata.

19

Il-Qorti tar-rinviju tirrileva, madankollu, li ż-żieda tal-ħama tad-dranaġġ bl-għajnuna ta’ sistema magħluqa awtomatizzata ssir fi ħdan l-impriża, li l-użu tal-ħama tad-dranaġġ huwa integrali u li dan il-proċess ma joħloq ebda perikolu għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, dan l-approċċ isegwi l-għan li tiġi evitata l-produzzjoni ta’ skart u li jiġi ssostitwit l-użu ta’ materjali fossili.

20

F’dan il-kuntest, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Styrie, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-ħama tad-dranaġġ għandu jitqies bħala skart, fid-dawl tal-eċċezzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/98 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, moqrija flimkien mad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), u/jew id-Direttiva dwar il-ħama tad-dranaġġ fil-verżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008, [li jadatta numru ta’ strumenti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tal-proċedura regolatorja bi skrutinju – Adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju – L-Ewwel Parti (ĠU 2008, L 311, p. 1)]?

2)

Fil-każ li għall-ewwel domanda ma tkunx diġà ngħatat risposta fin-negattiv:

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 […] jippermetti li sustanza tiġi kklassifikata bħala prodott sekondarju fis-sens tal-kunċett ta’ skart fid-dritt tal-Unjoni jekk, għal raġunijiet tekniċi, jiżdiedu ma’ din is-sustanza f’proporzjon limitat sustanzi oħra li, fin-nuqqas, ikollhom jitqiesu li huma skart, meta dan ma jkollux effett fuq il-kompożizzjoni tas-sustanza fit-totalità tagħha u jkun ta’ vantaġġ sinjifikattiv għall-ambjent?”

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

21

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Awstrijak isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli.

22

L-ewwel nett, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel domanda. L-għan tal-kawża prinċipali huwa li jsir magħruf jekk il-ħama tad-dranaġġ huwiex “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva. Issa, l-ewwel domanda tirrigwarda l-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva. Peress li l-ħama tad-dranaġġ ma huwiex element kostituttiv tal-ilmijiet mormija, din id-dispożizzjoni manifestament ma għandha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali u għalhekk id-domanda hija ipotetika.

23

It-tieni nett, ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultawx mill-espożizzjoni tal-motivi. Dik il-qorti tistaqsi biss dwar il-konformità tal-Artikolu 2(1) u (3a) tal-AWG 2002 mad-dritt tal-Unjoni u l-interpretazzjoni tiegħu li saret. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet ma jittrasponux l-Artikolu 2(2)(a) iżda l-punt 1 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98.

24

Hija titlob, fir-realtà, interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98 u mhux tal-Artikolu 6 tagħha. Issa, is-sodisfazzjon tal-kriterji sabiex sustanza tiġi kklassifikata bħala “prodott sekondarju” ikollu l-effett li ma jkunx hemm skart. Fl-aħħar nett, hija ma tesponix id-dubji tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, iżda sempliċement tikkritika, b’mod ġenerali, l-assenza ta’ “promozzjoni tal-ġerarkija tal-iskart” fil-kawża prinċipali u ma tqajjimx kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għadhom ma ġewx solvuti.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet, b’mod partikolari, ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom u huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jqisu xieraq (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar tali domandi biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C 407/18, EU:C:2019:537, punt 36).

27

Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

28

Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li s-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkostitwita minn ħama tad-dranaġġ li ġej mit-trattament tal-ilmijiet mormija tal-impjant ta’ trattament operat minn Sappi u l-Wasserverband. Issa, f’ċerti ċirkustanzi, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/98 jeskludi l-ilmijiet mormija mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, il-fatt li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu ma jidhirx li ma għandux rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

29

Min-naħa l-oħra, id-domandi magħmula jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ tali ħama bħala “skart” jew “prodott sekondarju”, li għandha konsegwenzi ġuridiċi preċiżi u hija marbuta b’mod ċar mal-kawża prinċipali. Issa, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kundizzjonijiet kollha li jinsabu fl-Artikolu 5(1) jew fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 humiex issodisfatti. Barra minn hekk, għal dan l-għan, dik il-qorti esponiet suffiċjentement il-punti ta’ liġi u ta’ fatt sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din id-domanda b’mod utli.

30

Minn dan jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

31

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a), il-punt 1 tal-Artikolu 3, l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ħama tad-dranaġġ prodott matul it-trattament komuni, f’impjant ta’ trattament, ta’ ilmijiet mormija ta’ oriġini industrijali u residenzjali jew komunali, inċinerat f’inċineratur ta’ skart residwu għall-finijiet ta’ rkupru ta’ enerġija permezz tal-produzzjoni ta’ fwar, għandux jiġi kklassifikat bħala “skart”.

32

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk is-sustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/98.

33

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/98 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-ilmijiet mormija, bl-eċċezzjoni tal-iskart likwidu, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn l-ilmijiet mormija jkunu koperti minn “leġiżlazzjoni [tad-dritt tal-Unjoni] oħra”.

34

Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried espressament jikklassifika l-ilmijiet mormija bħala “skart”, fis-sens ta’ din id-direttiva, filwaqt li pprovda li dan l-iskart jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, joħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u jaqa’ taħt leġiżlazzjoni oħra (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 75/442, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities, C‑252/05, EU:C:2007:276, punt 26).

35

Sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “leġiżlazzjoni [tad-dritt tal-Unjoni] oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/98, ir-regoli inkwistjoni ma għandhomx jillimitaw ruħhom għal sustanza partikolari, iżda għandhom jinkludu dispożizzjonijiet preċiżi li jorganizzaw l-immaniġġar ta’ dawn is-sustanzi bħala “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98. Fin-nuqqas ta’ dan, l-immaniġġar tal-iskart inkwistjoni ma jkunx organizzat la fil-kuntest ta’ din id-direttiva ta’ l-aħħar, la f’dak ta’ direttiva oħra, u lanqas f’dak ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jmur kontra l-kliem tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva kif ukoll kontra l-għan stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 75/442, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities, C‑252/05, EU:C:2007:276, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Minn dan jirriżulta li, sabiex jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “leġiżlazzjoni [tad-dritt tal-Unjoni] oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/98, ir-regoli tal-Unjoni inkwistjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet preċiżi li jorganizzaw l-immaniġġar tal-iskart u jiżguraw livell ta’ protezzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities, C‑252/05, EU:C:2007:276, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Issa, id-Direttiva 91/271 ma tiżgurax tali livell ta’ protezzjoni. Għalkemm hija tirregola l-ġbir, it-trattament u r-rimi ta’ ilmijiet użati, hija ma tinkludix dispożizzjonijiet preċiżi dwar l-immaniġġar tal-ħama tad-dranaġġ. Hija ma tistax, għalhekk, titqies li tirrigwarda l-immaniġġar ta’ dan tal-aħħar u li tiżgura livell ta’ protezzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dak li joħroġ mid-Direttiva 2008/98 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, Thames Water Utilities, C‑252/05, EU:C:2007:276, punt 35).

38

Fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni ta’ l-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 265), imsemmija kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mit-titolu tagħha kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, hija tirregola biss l-użu tal-ħama tad-dranaġġ fl-agrikoltura. Għaldaqstant, din id-direttiva ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ħama tad-dranaġġ inċinerat f’inċineratur ta’ skart residwu għall-finijiet ta’ rkupru tal-enerġija permezz ta’ produzzjoni ta’ fwar, mingħajr rabta mal-attivitajiet agrikoli.

39

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-ilmijiet mormija ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/98. L-istess japplika għall-ħama tad-dranaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prodott matul it-trattament tal-imsemmija ilmijiet mormija, billi l-ħama tad-dranaġġ ma jinsabx fost is-sustanzi u l-oġġetti li jistgħu jkunu esklużi, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

40

Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ħama tad-dranaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix “skart” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98.

41

Għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart” bħala li huwa kull sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew ikun biħsiebu jew obbligat li jarmi.

42

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni bħala “skart” tirriżulta qabelxejn mill-aġir tad-detentur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi” (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Tronex, C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għal dak li jirrigwarda l-espressjoni “jarmi”, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li din l-espressjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva 2008/98, li huwa, skont il-premessa 6 tagħha, li jiġu mminimizzati l-effetti negattivi li għandhom il-ġenerazzjoni u l-immaniġġar tal-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 191(2) TFUE, li jipprovdi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha l-għan li tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Minn dan isegwi li l-kelma “jarmi”, u għalhekk il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Tronex, C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-kelma “jarmi” tinkludu kemm l-“irkupru” kif ukoll ir-“rimi” ta’ sustanza jew ta’ oġġett, fis-sens tal-punti 15 u 19 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Tronex, C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

B’mod iktar speċifiku, l-eżistenza ta’ “skart”, fis-sens tad-Direttiva 2008/98, għandha tiġi vverifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din id-direttiva u billi jiġi żgurat li l-effettività tagħha ma tiġix ippreġudikata. Għalhekk, ċerti ċirkustanzi jistgħu jikkostitwixxu indizji tal-eżistenza ta’ azzjoni, ta’ intenzjoni jew ta’ obbligu li tintrema sustanza jew oġġett, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Tronex, C‑624/17, EU:C:2019:564, punti 2021).

46

Fost iċ-ċirkustanzi li jistgħu jikkostitwixxu tali indizji, hemm il-fatt li s-sustanza użata hija fdal tal-produzzjoni jew tal-konsum, jiġifieri prodott li ma ġiex imfittex bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 41, u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Brady, C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 40).

47

F’dan ir-rigward, jista’ wkoll jikkostitwixxi tali indizju l-fatt li s-sustanza kkunsidrata tkun fdal tal-produzzjoni li l-użu eventwali tagħha jkollu jsir f’kundizzjonijiet partikolari ta’ prekawzjoni minħabba n-natura perikoluża tal-kompożizzjoni tagħha għall-ambjent (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Brady, C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-metodu ta’ trattament jew il-mod ta’ użu ta’ sustanza ma jiddeterminawx jekk din is-sustanza tiġix ikklassifikata bħala “skart” u li l-kunċett ta’ “skart” la jeskludi s-sustanzi u lanqas l-oġġetti li jistgħu jintużaw mill-ġdid ekonomikament. Is-sistema ta’ sorveljanza u ta’ mmaniġġar stabbilita mid-Direttiva 2008/98 hija, fil-fatt, intiża li tkopri l-oġġetti u s-sustanzi kollha li l-proprjetarju jarmi, anki jekk għandhom valur kummerċjali u jinġabru fuq bażi kummerċjali għall-finijiet ta’ riċiklaġġ, ta’ rkupru jew ta’ użu mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 40 u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Brady, C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li l-oġġett jew is-sustanza inkwistjoni ma hijiex jew ma tistax tibqa’ tiġi użata mid-detentur tagħha, b’mod li dan l-oġġett jew din is-sustanza tikkostitwixxi piż li dan id-detentur ifittex li jeħles minnu. Jekk dan huwa fil-fatt il-każ, hemm riskju li l-imsemmi detentur jarmi l-oġġett jew is-sustanza fil-pussess tiegħu b’mod li jista’ jikkawża ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari billi jabbanduna, ineħħi jew jarmi tali oġġett b’mod li ma jkunx ikkontrollat. Billi jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tad-Direttiva 2008/98, dan l-oġġett jew din is-sustanza hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li jimplika li l-irkupru jew ir-rimi tal-imsemmi oġġett jew tal-imsemmija sustanza għandu jsir b’mod li s-saħħa tal-bniedem ma titqegħidx f’perikolu u mingħajr ma jintużaw proċeduri jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Tronex, C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 22).

50

F’dan ir-rigward, il-grad ta’ probabbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ oġġett, ta’ sustanza jew ta’ prodott mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel jikkostitwixxi kriterju rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk dawn jikkostitwixxux jew le skart fis-sens tad-Direttiva 2008/98. Jekk, lil hinn mis-sempliċi possibbiltà ta’ użu mill-ġdid tal-oġġett, tas-sustanza jew tal-prodott ikkonċernat, jeżisti vantaġġ ekonomiku għad-detentur li jagħmel hekk, il-probabbiltà ta’ tali użu mill-ġdid hija kbira. F’każ bħal dan, l-oġġett, is-sustanza jew il-prodott inkwistjoni ma jistgħux jibqgħu jiġu analizzati bħala piż li d-detentur jixtieq “jarmi”, iżda bħala prodott awtentiku (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Tronex, C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Bl-istess mod, f’ċerti sitwazzjonijiet, oġġett, materjal jew materja prima li tirriżulta minn proċess ta’ estrazzjoni jew ta’ manifattura li ma huwiex intiż prinċipalment sabiex jipproduċih jista’ jikkostitwixxi mhux residwu, iżda prodott sekondarju, li d-detentur tiegħu ma jipprovax “jarmi”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, iżda li huwa għandu l-intenzjoni li jisfrutta jew jikkummerċjalizza — inkluż, jekk ikun il-każ, għall-bżonnijiet ta’ operaturi ekonomiċi minbarra dak li pproduċih — f’kundizzjonijiet vantaġġużi għalih, fi proċess sussegwenti, sakemm dan l-użu mill-ġdid ma jkunx biss possibbiltà iżda ċert, mingħajr trasformazzjoni minn qabel, u fit-tkomplija tal-proċess ta’ produzzjoni (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Brady, C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fil-fatt, qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat li jiġu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/98, li huma intiżi sabiex jiżguraw li l-operazzjonijiet ta’ rkupru u ta’ rimi tal-iskart jiġu implimentati mingħajr ma titqiegħed f’perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jiġu użati proċeduri jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent, oġġetti, sustanzi jew prodotti li d-detentur jixtieq juża jew jikkummerċjalizza f’kundizzjonijiet vantaġġużi, irrispettivament minn kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru. Madankollu, fid-dawl tal-obbligu li l-kunċett ta’ “skart” jingħata interpretazzjoni wiesgħa, għandu jitqies li huma koperti biss is-sitwazzjonijiet li fihom l-użu mill-ġdid tal-oġġett jew tas-sustanza inkwistjoni ma jikkostitwixxix biss possibbiltà, iżda ċertezza, mingħajr il-ħtieġa li tintuża bil-quddiem waħda mill-proċeduri ta’ rkupru tal-iskart imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2008/98, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Tronx, C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Huwa finalment il-kompitu tal-qorti tar-rinviju, li unikament għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża adita biha, li tivverifika jekk id-detentur tal-oġġett jew tas-sustanza inkwistjoni kellux effettivament l-intenzjoni li “jarmi” tali oġġett jew sustanza, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, filwaqt li tiżgura l-osservanza tal-għan tal-imsemmija Direttiva 2008/98. B’dan premess, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lil dik il-qorti kull indikazzjoni utli sabiex taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Tronex, C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-każ, l-għan tal-proċedura fil-kawża prinċipali huwa li jsir magħruf jekk il-ħama tad-dranaġġ li joriġina mill-impjant ta’ trattament ta’ ilmijiet mormija operat b’mod konġunt minn Sappi u l-Wasserverband, għandux jiġi kklassifikat bħala “skart” u jekk, għaldaqstant, l-inċinerazzjoni tiegħu taqax taħt id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-iskart. Fejn xieraq, skont id-dritt nazzjonali, il-modifiki magħmula lill-bojler ta’ Sappi u lill-inċineratur tal-iskart residwu miżmum mill-Wasserverband għandhom ikunu suġġetti għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni.

55

Sappi ssostni li dan ma huwiex il-każ, peress li l-ħama tad-dranaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kompost kważi 100 % minn residwi veġetali, li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni tal-karta u taċ-ċelluloża, inkorporati sa mill-ħolqien tal-impjant u użati għall-finijiet tal-irkupru tal-enerġija għall-produzzjoni tal-karta. B’hekk, dan jagħti vantaġġ ekonomiku sinjifikattiv lil din l-impriża. Minħabba ċ-ċiklu magħluq tal-użu li jinkludi trasport, 24 siegħa fuq 24 siegħa, b’konvokaturi, ma teżisti l-ebda sustanza li d-detentur tagħha jkun jixtieq jarmi.

56

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan il-ħama tad-dranaġġ huwa prodott matul it-trattament komuni ta’ ilmijiet mormija ta’ oriġini industrijali u, fi proporzjon żgħir, ta’ oriġini residenzjali jew komunali fl-impjant ta’ trattament u użat, wara nixfa mekkanika, f’inċineratur ta’ skart residwu għall-finijiet ta’ rkupru tal-enerġija permezz tal-produzzjoni tal-fwar, fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ Sappi. Minħabba din l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħama tad-dranaġġ fis-sistema kif ukoll l-inċinerazzjoni permanenti u kontinwa tiegħu, newtrali f’termini ta’ emissjonijiet, sabiex jiġi prodott il-fwar fil-proċess tal-produzzjoni tal-karta, il-qorti tar-rinviju tqis li l-imsemmi ħama jerġa’ jintuża b’mod kostanti, immedjat u ċert.

57

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “skart” huwa ddefinit bħala li huwa kull sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew biħsiebu jarmi jew huwa obbligat li jarmi.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li, fl-impjant ta’ trattament, huwa biss proporzjon żgħir ta’ ilmijiet urbani mormija li jiżdied mal-ilmijiet mormija li joriġinaw mill-produzzjoni tal-karta u taċ-ċelluloża ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ħama tad-dranaġġ li jirriżulta mit-trattament komuni ta’ dawn l-ilmijiet mormija jikkostitwixxix “skart” jew le.

59

Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tiggarantixxi l-osservanza tal-għanijiet ta’ tnaqqis għal minimu tal-impatti negattivi tal-produzzjoni u tal-immaniġġar tal-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent previst mid-Direttiva 2008/98. Fil-fatt, f’tali każ, l-ilmijiet mormija li joriġinaw mill-produzzjoni tal-karta u taċ-ċelluloża ma humiex separabbli mill-ilmijiet mormija ta’ oriġini residenzjali jew komunali u ma jistgħux jiġu rkuprati jew mormija mingħajr ma jkunu huma wkoll suġġetti għal operazzjonijiet neċessarji ta’ trattament meħtieġa mid-dritt nazzjonali. Issa, huwa paċifiku li l-ilmijiet mormija ta’ oriġini residenzjali jew komunali għandhom jitqiesu li huma sustanzi li d-detentur tagħhom rema.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-ilmijiet mormija inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu sustanzi li d-detentur jixtieq jarmi, u dan iwassal għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala “skart” fis-sens tad-Direttiva 2008/98.

61

Skont l-informazzjoni li tinsab fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-trattament ta’ dawn l-ilmijiet mormija jikkostitwixxi proċess ta’ trattament impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-immaniġġar tal-ilma qabel l-iskarikar tal-ilmijiet mormija f’kanal tal-ilma, sa fejn huma biss is-sustanzi li ma jagħmlux ħsara li jistgħu jiġu rrilaxxati fih. F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni pprovduta f’dan il-proċess jirriżulta li, skont it-tip ta’ ilmijiet mormija u tal-proċess ta’ trattament, il-ħama tad-dranaġġ jista’ jkun fih ċerti sustanzi li jagħmlu ħsara, bħal mikrobi patoġeniċi jew metalli tqal, li jippreżentaw riskju għall-ambjent kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem u dik tal-annimali.

62

F’dak li jikkonċerna l-ħama tad-dranaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li dan huwa residwu li joħroġ mit-trattament ta’ ilmijiet mormija. Tali element jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, indikazzjoni li l-istatus ta’ skart huwa miżmum.

63

Madankollu, jidher li l-qorti tar-rinviju tqis li, anki qabel l-inċinerazzjoni tiegħu, il-ħama tad-dranaġġ ma jistax jiġi kklassifikat bħala “skart”.

64

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprovdi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-kriterji speċifiċi li jippermettu li jiġi stabbilit liema skart ma jibqax “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ.

65

Meta jiġi rkuprat l-iskart, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. B’mod partikolari, l-irkupru tal-ħama tad-dranaġġ jinvolvi ċerti riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari marbuta mal-preżenza potenzjali ta’ sustanzi perikolużi (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi, C‑60/18, EU:C:2019:264, punt 28).

66

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ fejn l-inċinerazzjoni tal-ħama tad-dranaġġ tkun tikkonsisti f’operazzjoni ta’ “rkupru”, fis-sens tal-punt 15 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 li jipprevedi operazzjonijiet li jirrigwardaw skart, dan il-ħama jkun għad irid jiġi kklassifikat bħala “skart” fil-mument tal-inċinerazzjoni tiegħu. Bidla fl-istatus bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju tippreżumi għalhekk li t-trattament imwettaq bl-għan tal-irkupru jippermetti li jinkiseb ħama tad-dranaġġ li jissodisfa livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif teżiġi d-Direttiva 2008/98, li huwa, b’mod partikolari, eżentat minn kull sustanza perikoluża. Għal dan il-għan, għandu jiġi żgurat li l-ħama tad-dranaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex perikoluż.

67

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 humiex diġà ssodisfatti qabel l-inċinerazzjoni tal-ħama tad-dranaġġ. Għandu, b’mod partikolari, jiġi vverifikat, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ analiżi xjentifika u teknika, li l-ħama tad-dranaġġ jissodisfa l-valuri ta’ limitu legali għall-inkwinanti u li l-inċinerazzjoni tiegħu ma għandhiex effetti globali li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

68

Huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni l-fatt li s-sħana prodotta waqt l-inċinerazzjoni tal-ħama tad-dranaġġ tintuża mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċess ta’ produzzjoni tal-karta u taċ-ċelluloża kif ukoll il-fatt li tali proċess jippreżenta vantaġġ sinjifikattiv għall-ambjent minħabba l-użu ta’ materjali li jirriżultaw mill-irkupru għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali kif ukoll għall-ħolqien ta’ ekonomija ċirkulari.

69

Jekk, abbażi ta’ tali analiżi, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 kienu ssodisfatti qabel l-inċinerazzjoni tal-ħama tad-dranaġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix skart.

70

Fil-każ invers, hemm lok li jitqies li l-imsemmi ħama tad-dranaġġ għandu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “skart” fid-data ta’ din l-inċinerazzjoni.

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sa fejn, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, il-kwalità ta’ “prodott sekondarju” u l-istatus ta’ “skart” jeskludu lil xulxin reċiprokament, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-ħama inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi kklassifikat bħala “prodott sekondarju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(a), il-punt 1 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħama tad-dranaġġ prodott matul it-trattament komuni, f’impjant ta’ trattament, ta’ ilmijiet mormija ta’ oriġini industrijali u residenzjali jew komunali, inċinerat f’inċineratur ta’ skart residwu għall-finijiet ta’ rkupru ta’ enerġija permezz ta’ produzzjoni ta’ fwar, għandu jitqies li ma jikkostitwixxix skart jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 ikunu diġà ssodisfatti qabel l-inċinerazzjoni tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(2)(a), il-punt 1 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħama tad-dranaġġ prodott matul it-trattament komuni, f’impjant ta’ trattament, ta’ ilmijiet mormija ta’ oriġini industrijali u residenzjali jew komunali, inċinerat f’inċineratur ta’ skart residwu għall-finijiet ta’ rkupru ta’ enerġija permezz ta’ produzzjoni ta’ fwar għandu jitqies li ma jikkostitwixxix skart jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 ikunu diġà ssodisfatti qabel l-inċinerazzjoni tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top