EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0526
Judgment of the Court (Third Chamber) of 1 October 2020.#Entoma SAS v Ministre de l’Économie et des Finances and Ministre de l'Agriculture et de l'Alimentation.#Request for a preliminary ruling from the Conseil d'État.#Reference for a preliminary ruling – Food safety – Novel foods and novel food ingredients – Regulation (EC) No 258/97 – Article 1(2)(e) – Concept of ‘food ingredients isolated from animals’ – Placing on the market – Whole insects intended for human consumption.#Case C-526/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2020.
Entoma SAS vs Ministre de l’Économie et des Finances u Ministre de l'Agriculture et de l'Alimentation.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-prodotti tal-ikel – Ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda – Regolament (KE) Nru 258/97 – Artikolu 1(2)(e) – Kunċett ta’ ‘ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali’ – Tqegħid fis-suq – Insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem.
Kawża C-526/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2020.
Entoma SAS vs Ministre de l’Économie et des Finances u Ministre de l'Agriculture et de l'Alimentation.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-prodotti tal-ikel – Ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda – Regolament (KE) Nru 258/97 – Artikolu 1(2)(e) – Kunċett ta’ ‘ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali’ – Tqegħid fis-suq – Insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem.
Kawża C-526/19.
Digital reports (Court Reports - general)
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:769
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
1 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-prodotti tal-ikel – Ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda – Regolament (KE) Nru 258/97 – Artikolu 1(2)(e) – Kunċett ta’ ‘ingredjenti tal-ikel iżolati mill-annimali’ – Tqegħid fis-suq – Insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem”
Fil-Kawża C‑526/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura
Entoma SAS
vs
Ministre de l’Économie et des Finances,
Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský (Relatur), F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Entoma SAS, minn F. Molinié, avocat, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u C. Mosser, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo u G. Damiani, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u C. Valero, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 18, p. 244, rettifika fil-ĠU 2012, L 68, p. 42), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 188, p. 14) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 258/97”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Entoma SAS, minn naħa, u l-ministre de l’Économie et des Finances (il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi) u l-ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel), min-naħa l-oħra, dwar ordni tal-prefett li tordna, minn naħa, is-sospensjoni tat-tqegħid fis-suq minn Entoma ta’ insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem u, min-naħa l-oħra, l-irtirar ta’ dawn l-insetti mis-suq sakemm tinkiseb awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, maħruġa wara evalwazzjoni li turi li dawn ma jippreżentawx perikolu għas-saħħa tal-konsumatur. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 258/97
3 |
Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 258/97 kienu jistipulaw:
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament jirrigwarda t-tqegħid fis-suq [fl-Unjoni] ta’ ikel ġdid jew l-ingredjenti ġodda tal-ikel. 2. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tqegħid fis-suq [fl-Unjoni] ta’ ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel li s’issa ma ġewx użati għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti ġewwa [l-Unjoni] u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:
3. Fejn ikun meħtieġ, jista’ jiġi stabbilit skond il-proċedura stabbilita l-Artikolu 13(2) jekk tip ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel jaqax jew le skond fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.” |
5 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi: “L-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx:
|
6 |
Skont l-Artikolu 12 tal-istess regolament: “1. Fejn Stat Membru, bħala riżultat ta’ tagħrif ġdid jew ta’ stima mill-ġdid tat-tagħrif li diġà jeżisti, ikollu raġunijiet iddettaljati sabiex iqis illi l-użu ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament jipperikola s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ jew jirrestrinġi temporanjament jew jissospendi l-kummerċ fl-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel fil-kwistjoni u l-użu tagħhom fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni [Ewropea] u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu. 2. Il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet referiti fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibli fil-Kumitat Permanenti tal-Oġġetti tal-Ikel; għandha tieħu l-miżuri xierqa intenzjonati biex jikkonfermaw, jemendaw jew iħassru l-miżura nazzjonali skont il-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikolu 13(2). L-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni riferita fil-paragrafu 1 jista’ jżommha sakemm il-miżuri jkunu daħlu fis-seħħ.” |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283
7 |
Ir-Regolament Nru 258/97 ġie mħassar u ssostitwit, mill‑1 ta’ Jannar 2018, bir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 327, p. 1). |
8 |
Skont il-premessi 6 u 8 tar-Regolament Nru 2015/2283:
[…]
|
9 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u għan”, jipprovdi: “1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-tqegħid ta’ prodotti ġodda fis-suq fl-Unjoni. 2. L-għan ta’ dan ir-Regolament hu li jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumaturi.” |
10 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi: “1. Dan ir-Regolament japplika għat-tqegħid ta’ ikel ġdid fis-suq fl-Unjoni. […]” |
11 |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Għandhom japplikaw […] id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
12 |
L-Artikolu 35 tar-Regolament 2015/2283, intitolat “Miżuri tranżitorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Ikel li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru 258/97], li jitqiegħdu fis-suq skont il-liġi sal-1 ta’ Jannar 2018 u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq sakemm tittieħed deċiżjoni skont l-Artikoli 10 sa 12 jew l-Artikoli 14 sa 19 ta’ dan ir-Regolament wara li applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel ġdid jew notifika ta’ ikel tradizzjonali minn pajjiż terz tiġi sottomessa sad-data speċifikata fir-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 13 jew 20 ta’ dan ir-Regolament rispettivament, iżda mhux aktar tard mit-2 ta’ Jannar 2020”. |
Id-dritt Franċiż
13 |
L-Artikolu L. 218‑5‑4 tal-code de la consommation (il-Kodiċi dwar il-Konsum), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fis‑27 ta’ Jannar 2016, kien jipprovdi: “Jekk jiġi stabbilit li prodott tqiegħed fis-suq mingħajr ma kien is-suġġett tal-awtorizzazzjoni, tar-reġistrazzjoni jew tad-dikjarazzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli għal dan il-prodott, il-Kummissarju jew, f’Pariġi, il-Kummissarju tal-Pulizija jista’ jordna s-sospensjoni tat-tqegħid fis-suq tiegħu u tal-irtirar tiegħu sakemm ikun konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
Meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, Entoma kienet tikkummerċjalizza prodotti li jikkonsistu f’dud tad-dqiq, ġurati u grilli ppreparati u intiżi għall-konsum mill-bniedem fil-forma ta’ insetti sħaħ. |
15 |
Permezz ta’ ordni tas‑27 ta’ Jannar 2016, il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Pariġi ssospenda t-tqegħid fis-suq tal-insetti sħaħ ikkummerċjalizzati minn Entoma, għar-raġuni, b’mod partikolari, li din tal-aħħar ma kellhiex l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq prevista mir-Regolament Nru 258/97, u ordna l-irtirar ta’ dawn l-insetti mis-suq sal-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni, maħruġa wara evalwazzjoni intiża li turi li dawn il-prodotti ma kienu jippreżentaw ebda perikolu għall-konsumatur. |
16 |
Entoma ppreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din l-ordni quddiem it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza). Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors. |
17 |
Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat minn Entoma, billi ddeċidiet li l-imsemmija ordni kienet ittieħdet legalment abbażi tal-Artikolu L. 218‑5‑4 tal-Kodiċi dwar il-Konsum. |
18 |
Entoma għalhekk appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza). Insostenn tal-appell tagħha, hija argumentat b’mod partikolari li l-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-prodotti li hija kienet tikkummerċjalizza kienu suġġetti għar-Regolament Nru 258/97, filwaqt li, peress li jikkonsistu f’insetti sħaħ intiżi li jiġu kkonsmati bħala tali, dawn kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. B’mod iktar preċiż, hija tikkritika lill-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi) li adottat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 1(2)(e) tal-imsemmi regolament, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tkopri espressament biss “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]” u mhux l-annimali sħaħ. F’dan ir-rigward, Entoma targumenta, billi tibbaża ruħha fuq il-premessa 8 tar-Regolament 2015/2283, li l-inklużjoni tal-insetti sħaħ fil-kategorija ta’ “ikel ġdid”, li tirriżulta mill-Artikolu 3(2)(a)(v) tar-Regolament 2015/2283, ma tippreċiżax id-definizzjoni preċedenti li kienet limitata għall-partijiet biss ta’ annimali, iżda temenda l-portata tagħha biż-żieda tad-definizzjoni preċedenti. Hija tiddeduċi minn dan li l-prodotti tal-ikel li hija kienet tikkummerċjalizza kienu tqiegħdu fis-suq legalment qabel l‑1 ta’ Jannar 2018 u li, għalhekk, huma kienu jgawdu mill-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2015/2283 li kienu jippermettu li jinżammu fis-suq bil-kundizzjoni li jkunu s-suġġett, qabel it‑2 ta’ Jannar 2020, ta’ talba għal awtorizzazzjoni bħala “ikel ġdid” jew ta’ notifika bħala ikel tradizzjonali suġġett għall-iskema ddefinita minn dan ir-regolament. |
19 |
Il-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi jargumenta li ma kien hemm ebda raġuni sanitarja li teskludi t-tqegħid fis-suq ta’ insetti sħaħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97, peress li l-konsum ta’ insetti sħaħ jippreżenta l-istess riskji għas-saħħa tal-konsumatur bħal dak ta’ ingredjenti iżolati tal-ikel minn annimali. |
20 |
Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qies li, fid-dawl tal-possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni differenti tal-kliem tar-Regolament Nru 258/97, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 1(2)(e) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat bħala li jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ikel ikkostitwit minn annimali sħaħ intiżi li jiġu kkonsmati bħala tali jqajjem diffikultà serja ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
21 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament [Nru 258/97] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jinkludi ikel magħmul minn annimali sħaħ intiż sabiex jiġi kkonsmat bħala tali jew dan japplika biss għal ingredjenti tal-ikel iżolati minn insetti?” |
Fuq id-domanda preliminari
22 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 għandux jiġi interpretat fis-sens li insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem jikkostitwixxu “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li, għaldaqstant, huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
23 |
Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li din id-domanda hija rilevanti biss fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97, li kien applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ir-Regolament 2015/2283, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 258/97 mill‑1 ta’ Jannar 2018, jipprevedi espressament li l-annimali sħaħ, inklużi l-insetti sħaħ, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (premessa 8 u Artikolu 3(2)(a)(v) tar-Regolament 2015/2283). |
24 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 258/97 għandu bħala għan it-tqegħid fis-suq ta’ ikel ġdid u ta’ ingredjenti tal-ikel ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Davitas, C‑448/14, EU:C:2016:839, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 huwa intiż li jistabbilixxi l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari billi jiddefinixxi xi jfissru “ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda”. Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jsegwi li, sabiex jiġu kklassifikati bħala “ġodda” fis-sens ta’ dan ir-regolament, l-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel għandhom jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, huwa meħtieġ li l-konsum mill-bniedem ta’ dan l-ikel jew ingredjenti tal-ikel ma kienx “fi grad sinifikanti” fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, dawn għandhom jaqgħu f’waħda mill-kategoriji msemmija espressament fl-Artikolu 1(2)(ċ) sa (f) tal-istess regolament (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Davitas, C‑448/14, EU:C:2016:839, punti 18 sa 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel kundizzjoni li jagħmel l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 sabiex jikklassifika l-insetti sħaħ intiżi għall-konsum mill-bniedem bħala “ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda”, jiġifieri dik li l-konsum mill-bniedem ta’ insetti ma kienx “fi grad sinifikanti” fl-Unjoni qabel il‑15 ta’ Mejju 1997. |
27 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar l-applikazzjoni tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97. B’mod iktar konkret, hija tixtieq tkun taf jekk jistax jitqies li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta mill-fatt li l-insetti sħaħ jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda” sa fejn dawn jistgħu jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji ddefiniti fl-Artikolu 1(2)(ċ) sa (f) tal-imsemmi regolament, u b’mod iktar partikolari taħt dik imsemmija fil-punt (e) ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li tagħmel riferiment għal “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]”. |
28 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, qabelxejn, li jiġi rrilevat li l-kliem “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]” ma huwiex iddefinit mir-Regolament Nru 258/97. |
29 |
Bħalma jsegwi minn ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha ssir konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwa kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2016, Davitas, C‑448/14, EU:C:2016:839, punt 26, u tas‑26 ta’ Ottubru 2017, The English Bridge Union, C‑90/16, EU:C:2017:814, punt 18). |
30 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sens normali tal-espressjoni “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]” fil-lingwa kurrenti, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li l-kelma “bhejjem [annimali]” għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi l-insetti, l-użu tal-kliem “ingredjenti ta’ l-ikel”, assoċjati mal-espressjoni “iżolati mill-bhejjem [annimali]”, iwassal sabiex jitqies li s-sens normali li għandu jingħata lil din l-espressjoni fil-lingwa kurrenti huwa li huma biss l-ingredjenti tal-ikel komposti minn partijiet tal-annimali, bl-esklużjoni tal-annimali (u għaldaqstant tal-insetti) sħaħ, li kienu koperti mill-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97. |
31 |
Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-kliem “ingredjenti ta’ l-ikel”, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 258/97 ma jiddefinixxix il-kelma “ingredjent”. Madankollu, din il-kelma, irrispettivament mil-lingwa uffiċjali użata, tagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għal element li jagħmel parti minn prodott finali kompost ikbar, essenzjalment, “prodotti tal-ikel” (jew “ikel”). Konsegwentement, bħala prinċipju, ingredjent ma huwiex prodott intiż li jiġi kkonsmat fih innifsu, iżda pjuttost sustanza jew prodott li għandu jiġi miżjud ma’ sustanzi oħrajn sabiex jikkostitwixxi ikel. |
32 |
Għaldaqstant, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx li l-annimali sħaħ jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ingredjent”, peress li dawn jikkostitwixxu “prodotti tal-ikel” u mhux “ingredjent tal-ikel”. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata impliċitament, iżda neċessarjament, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97, li jagħmel distinzjoni ċara bejn il-“prodotti tal-ikel” (jew “ikel”) u l-“ingredjenti ta’ l-ikel”, filwaqt li juża biss il-kliem “ingredjenti ta’ l-ikel” meta jagħmel riferiment għall-annimali. |
33 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tikkorrispondi wkoll, essenzjalment, mad-definizzjoni tal-kelma “ingredjent” adottata f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħrajn tal-Unjoni dwar l-ikel, bħal dik prevista fl-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7). |
34 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-espressjoni “iżolati mill-”annimali, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, din tagħmel riferiment għal proċess ta’ estrazzjoni mill-annimal. Għalhekk, l-ebda interpretazzjoni tagħha ma tista’ twassal li tindika annimal sħiħ, sakemm wieħed ma kellux joħloq tawtoloġija, fejn l-annimali sħaħ huma “iżolati minn” annimali sħaħ. |
35 |
Barra minn hekk, din l-espressjoni hija distinta b’mod ċar, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, mill-kliem “li jikkonsistu fi”, li l-portata tagħhom hija usa’, li jinsabu fl-Artikolu 1(2)(d) u (e) tar-Regolament Nru 258/97, meta l-kategoriji tal-ikel ikkonċernati jaqgħu taħt “pjanti”, “mikro-organiżmi”, “fungi” jew“alka”, u li jippermettu li jiġi inkluż ikel kompost minn ħaġa waħda (pereżempju “pjanta” sħiħa). F’dan ir-rigward, ir-Regolament 2015/2283 jinkludi l-annimali sħaħ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, meta huwa jagħmel riferiment għall-“ikel li jikkonsisti minn, annimali jew mill-partijiet tagħhom”. |
36 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-espressjoni “ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem [annimali]” għandha sens ċar u preċiż. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 ma tkoprix l-“annimali sħaħ” u, minħabba dan il-fatt, ma tinkludix l-insetti sħaħ. |
37 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni hija koerenti kemm mal-kuntest li tidħol fih kif ukoll mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 258/97. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi osservat, bħalma l-Kummissjoni tindika fl-osservazzjonijiet tagħha, li ma jidhirx li, billi uża l-kelma “bhejjem [annimali]”, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jkopri speċifikament l-insetti u lanqas li kellu f’moħħu r-riskji li jġib il-konsum tagħhom. Fil-fatt, jidher li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 258/97, huwa ddeċieda li jirregola biss il-prodotti li huwa antiċipa, fl‑1997, it-tqegħid fis-suq tagħhom. Issa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu ta’ insetti fl-industrija tal-ikel huwa fenomenu relattivament reċenti u, bħalma jsegwi mill-premessa 8 tar-Regolament 2015/2283, huwa preċiżament fid-dawl tal-“[i]żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li seħħew mill-1997” li l-imsemmi leġiżlatur iddeċieda fl‑2015, bl-adozzjoni tar-Regolament 2015/2283, li “jiġu riveduti, iċċarati u aġġornati l-kategoriji tal-ikel li jikkostitwixxu ikel ġdid” u li jinkludi espliċitament “l-insetti sħaħ u l-partijiet tagħhom”. |
39 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-Regolament Nru 258/97 isegwi għan doppju li jikkonsisti f’li jiżgura l-funzjonament tas-suq intern tal-ikel ġdid u li jipproteġi s-saħħa pubblika kontra r-riskji li dan jista’ jikkawża (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Davitas, C‑448/14, EU:C:2016:839, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Fir-rigward tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, bħalma argumentaw il-Gvern Franċiż u dak Taljan fl-osservazzjonijiet tagħhom, ċertament jista’ jidher illoġiku, minn perspettiva sanitarja, li wieħed ikun irid jissuġġetta għal-leġiżlazzjoni l-ingredjenti tal-ikel iżolati minn insetti, filwaqt li jiġu esklużi l-insetti sħaħ, sa fejn insett sħiħ huwa kompost mill-partijiet kollha tiegħu u li l-insett sħiħ, bħall-partijiet tiegħu, huwa maħsub li jiġi inġestit mill-konsumatur, li jista’ jkollu, għalhekk, l-istess riskji mill-perspettiva tas-saħħa pubblika. |
41 |
Madankollu, tali argument, ibbażat fuq wieħed miż-żewġ għanijiet tar-Regolament Nru 258/97, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika interpretazzjoni estensiva tal-kliem inekwivokabbli “iżolati mill-bhejjem [annimali]” li għandu bħala effett li l-“annimali sħaħ” jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
42 |
Minn naħa, bħalma jsegwi mill-punti 30 sa 36 ta’ din is-sentenza, is-sens normali fil-lingwa kurrenti tal-kliem “iżolati mill-bhejjem [annimali]” li jinsab fl-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97, li huwa barra minn hekk l-istess fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, iwassal sabiex jiġi kkonstatat li dan il-kliem ma jinkludix manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-annimali sħaħ. Issa, bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax bħala prinċipju tiġi kkontestata b’interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmija dispożizzjoni li twassal sabiex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li huwa l-kompitu biss tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddeċiedi. |
43 |
Fil-fatt, bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 72 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni ma tistax tmur contra legem. Tali limitu, li mingħajr ebda dubju jissodisfa r-rekwiżit taċ-ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà tad-dritt, ġie barra minn hekk irrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100, u tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni li twassal li jiġu esklużi l-annimali sħaħ, bħall-insetti, mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97 ma tikkompromettix fiha nnifisha l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, bħalma jsegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, iċ-ċirkustanza li l-insetti sħaħ ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament timplika biss nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni tal-kundizzjonijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq, u, għaldaqstant, li ebda notifika jew awtorizzazzjoni ma jkunu meħtieġa skont l-imsemmi regolament. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni u sa fejn jibqa’ jkun hemm inċertezzi, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu dwar il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni li huma għandhom l-intenzjoni li jiżguraw u dwar il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-ikel, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Solgar Vitamin’s France et, C‑446/08, EU:C:2010:233, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-fatt li l-insetti sħaħ ikunu eżentati mill-evalwazzjoni ta’ innokwità prevista mir-Regolament Nru 258/97 ma jeskludix il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li l-eventwalità ta’ perikolu għas-saħħa pubblika li jista’ jkollhom insetti sħaħ kellha tkun is-suġġett ta’ tali evalwazzjoni. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 258/97 għandu jiġi interpretat fis-sens li ikel kompost minn annimali sħaħ intiżi li jiġu kkonsmati bħala tali, inklużi insetti sħaħ, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
Fuq l-ispejjeż
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ikel kompost minn annimali sħaħ intiżi li jiġu kkonsmati bħala tali, inklużi insetti sħaħ, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.