EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0510

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Novembru 2020.
Openbaar Ministerie et vs AZ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(2) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni’ – Artikolu 27(2) – Regola ta’ speċjalità – Artikolu 27(3)(g) u (4) – Deroga – Azzjoni kriminali għal ‘reat minbarra’ dak li fir-rigward tiegħu l‑persuna ġiet ikkonsenjata – Kunsens tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Kunsens tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
Kawża C-510/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:953

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(2) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni’ – Artikolu 27(2) – Regola ta’ speċjalità – Artikolu 27(3)(g) u (4) – Deroga – Azzjoni kriminali għal ‘reat minbarra’ dak li fir-rigward tiegħu l‑persuna ġiet ikkonsenjata – Kunsens tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Kunsens tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑510/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2019, fil-proċeduri kriminali kontra

AZ,

fil-preżenza ta’:

Openbaar Ministerie,

YU,

ZV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe (Relatur), C. Lycourgos u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AZ, minn F. Thiebaut u M. Souidi, advocaten,

għall-Openbaar Ministerie, minn J. Van Gaever,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, E. Lankenau u A. Berg, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2), u tal-Artikoli 14, 19 u 27 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija, fil-Belġju, kontra AZ, ċittadin Belġjan, akkużat b’atti ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti, ta’ użu minn dokumenti ffalsifikati u ta’ frodi u kkonsenjat mill-awtoritajiet Olandiżi b’eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 5, 7 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

[…]

(7)

Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(8)

Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

5

L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas jelenkaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni qafas jipprevedi l-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti f’każijiet partikolari.

6

Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

7

L-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Smigħ tal-persuna rikjesta”, jipprevedi:

“Fejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 13, hija għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.”

8

L-Artikolu 15 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.”

9

L-Artikolu 19 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Smigħ tal-persuna sakemm tittieħed id-deċiżjoni”, jipprovdi:

“1.   Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra nominata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

2.   Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta’ esekuzzjoni.

3.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni kompetenti tista’ tinkariga awtorità ġudizzjarja oħra ta’ l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fis-smigħ tal-persuna rikjesta sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dan l-Artikolu u tal-kondizzjonijiet stabbiliti.”

10

Skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra”:

“1.   Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.   Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.   Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

[…]

g)

fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.   Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Id-dritt Belġjan

11

L-Artikolu 37 tal-wet betreffende het Europees aanhoudingsbevel (il-Liġi dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) tad-19 ta’ Diċembru 2003 (Belgisch Staatsblad, 22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075) jipprevedi:

“1.   Il-persuna li ġiet ikkonsenjata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità ġudizzjarja Belġjana ma tistax tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, tiġi kkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih hija ġiet ikkonsenjata.

2.   Il-paragrafu 1 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

[…]

Jekk, barra mill-każijiet previsti fl-ewwel subparagrafu, il-qorti istruttorja, il-prosekutur jew il-qorti jkunu jixtiequ, skont il-każ, jissuġġettaw għal azzjoni kriminali, jikkundannaw jew iċaħħdu mil-libertà lill-persuna kkonsenjata, għal reat imwettaq qabel il-konsenja minbarra dak li għalih hija ġiet ikkonsenjata, talba għal kunsens għandha titressaq quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(4) kif ukoll, jekk ikun il-każ, ma’ traduzzjoni.”

Id-dritt Olandiż

– L-Overleveringswet

12

L-Artikolu 14 tal-wet tot implementatie van het kaderbesluit van de Raad van de Europese Unie betreffende het Europees aanhoudingsbevel en de procedures van overlevering tussen de lisdstaten van de Europese Unie (il-Liġi li Timplimenta d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Proċeduri ta’ Konsenja bejn l-Istati Membri), tad-29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, Nru 195), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Overleveringswet”), jipprevedi dan li ġej:

“1.   Il-konsenja hija awtorizzata biss bil-kundizzjoni li l-persuna rikjesta ma tkunx is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, ma tiġix issanzjonata jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà tagħha għal reati mwettqa qabel il-konsenja tagħha minbarra dawk li għalihom hija ġiet ikkonsenjata, ħlief:

[…]

f)

meta jkun intalab u nkiseb il-kunsens minn qabel tal-officier van justitie (il-Prosekutur).

[…]

3.   L-officier van justitie (il-Prosekutur) għandu jagħti l-kunsens imsemmi fil-paragrafu 1(f) […] fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ippreżentat u akkumpanjat minn traduzzjoni għal reati li fir-rigward tagħhom il-konsenja kienet tkun awtorizzata bis-saħħa ta’ din il-liġi […]”.

– Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja

13

Skont l-Artikolu 127 tal-wet op de rechterlijke organisatie (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja) (iktar ’il quddiem il-“Wet RO”), il-Ministru għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà jista’ jagħti istruzzjonijiet ġenerali u speċifiċi relatati mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

B’digriet tas-26 ta’ Settembru 2017, il-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Leuven (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Leuven, il-Belġju) ħarġet, fuq talba tal-Prosekutur Pubbliku ma’ din il-qorti, mandat ta’ arrest Ewropew kontra AZ, ċittadin Belġjan, intiż għall-konsenja tiegħu għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali għal atti ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti, ta’ użu minn dokumenti ffalsifikati u ta’ frodi, imwettqa fil-Belġju bejn il-5 u t-13 ta’ Mejju 2017 (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew inizjali”).

15

Għal dawn l-atti, AZ ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi. B’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inizjali, huwa ġie kkonsenjat, fit-13 ta’ Diċembru 2017, lill-awtoritajiet Belġjani skont deċiżjoni tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).

16

Fis-26 ta’ Jannar 2018, il-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Leuven (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Leuven) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew addizzjonali kontra AZ (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew addizzjonali”) intiż għall-konsenja tiegħu għal atti ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti, ta’ użu minn dokumenti ffalsifikati u ta’ frodi minbarra dawk imsemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew inizjali u li kienu s-suġġett ta’ akkużi tal-Prosekutur Pubbliku fi ħdan din il-qorti fid-dati tas-26 ta’ Ottubru u tal-24 ta’ Novembru 2017, u tad-19 u l-25 ta’ Jannar 2018.

17

B’ittra tat-13 ta’ Frar 2018, indirizzata lill-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Leuven (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Leuven), l-officier van justitie (il-Prosekutur) tal-arrondissementsparket Amsterdam (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), skont l-Artikolu 14 tal-Overleveringswet, ta l-kunsens tiegħu għall-azzjoni kriminali għar-reati msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew addizzjonali.

18

Mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li AZ kien is-suġġett ta’ azzjoni kriminali għall-atti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew inizjali u f’dak addizzjonali. Il-correctionele rechtbank te Leuven (il-Qorti Kriminali ta’ Leuven, il-Belġju) ikkundannat lil AZ għal dawn l-atti, b’mod partikolari, għal piena prinċipali ta’ priġunerija ta’ 3 snin.

19

AZ appella mis-sentenza tal-imsemmija qorti quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju). Quddiem dik il-qorti, AZ iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 14 tal-Overleveringswet huwiex konformi mal-Artikolu 6(2), mal-Artikolu 14, mal-Artikolu 19(2) u mal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam huwiex, f’dan il-każ, “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jista’ jagħti l-kunsens previst fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Il-kliem ‘awtorità ġudizzjarja’ imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni [Qafas] [2002/584] […] jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni?

b)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda [1(a)] tkun fl-affermattiv: fuq liema kriterji jista’ jiġi stabbilit li awtorità ta’ Stat Membru tal-eżekuzzjoni hija din l-awtorità ġudizzjarja u li l-mandat ta’ arrest Ewropew eżegwit minnha huwa konsegwentement tali deċiżjoni ġudizzjarja?

c)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda [1(a)] tkun fl-affermattiv, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod iktar preċiż l-officier van justitie (il-Prosekutur), jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] […] u l-mandat ta’ arrest Ewropew eżegwit minn din l-awtorità huwa konsegwentement deċiżjoni ġudizzjarja?

d)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda [1(c)] tkun fl-affermattiv, jista’ jiġi ammess li l-konsenja inizjali hija evalwata minn awtorità ġudizzjarja, b’mod iktar preċiż mill-[internationale rechtshulpkamer (l-Awla tal-Għajnuna Ġudizzjarja Reċiproka Internazzjonali) tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam)], skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] […], li jiggarantixxi b’mod partikolari r-rispett tad-dritt ta’ smigħ tal-parti fil-kawża u d-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, filwaqt li l-konsenja supplimentari skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] […] tiġi ddevoluta lil awtorità oħra, jiġifieri l-officier van justitie (il-Prosekutur), li ma jiggarantixxix lill-parti fil-kawża la d-dritt ta’ smigħ u lanqas id-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, b’tali mod li jiġi stabbilit nuqqas manifest ta’ koerenza fid-Deċiżjoni Qafas [2002/584] […] mingħajr ebda ġustifikazzjoni raġonevoli?

e)

Jekk ir-risposta għad-[domanda 1(c) u (d)] tkun affermattiva, l-Artikoli 14, 19 u 27 tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, qabel ma jkun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu biex persuna tiġi [suġġetta] għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha skont il-mandat ta’ arrest Ewropew li ma huwiex dak li għalih ġiet mitluba l-konsenja, il-Prosekutur Pubbliku li jaġixxi bħala awtorità ġudizzjarja għandu l-ewwel jiżgura r-rispett tad-dritt ta’ smigħ u d-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja tal-parti fil-kawża?

2)

L-officier van justitie (il-Prosekutur) tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam li jaġixxi b’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-[Overleveringswet] huwa l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] […] li kkonsenjat lill-persuna rikjesta u li tista’ tagħti l-kunsens fis-sens tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

21

Il-Gvern Ġermaniż iqiegħed f’dubju l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, essenzjalment, minħabba li d-domandi magħmula ma għandhom l-ebda rabta mar-realtà tat-tilwima fil-kawża prinċipali u minħabba li, fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom ir-risposti għal dawn id-domandi huma rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

22

Fil-fehma ta’ dan il-gvern, id-domandi preliminari jirrigwardaw il-proċedura ta’ konsenja u ta’ kunsens fil-Pajjiżi l-Baxxi, li fil-kuntest tagħha l-awtoritajiet Olandiżi adottaw deċiżjoni finali. Il-persuna rikjesta kienet diġà ġiet ikkonsenjata lill-awtoritajiet Belġjani b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti ma għandhomx il-possibbiltà li jistħarrġu l-imsemmija deċiżjoni meħuda fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u din tkun tista’ tiġi kkontestata biss quddiem il-qrati ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

23

Barra minn hekk, awtorizzazzjoni ta’ eżami mill-ġdid, minn qorti tal-Istat Membru emittenti, tal-validità tal-kunsens mogħti minn awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

24

Fl-aħħar nett, l-istħarriġ ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni diġà mitmuma fl-Istat Membru emittenti jmur ukoll kontra l-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li huwa li s-sistema ta’ kooperazzjoni klassika bejn Stati sovrani, li timplika l-intervent u l-evalwazzjoni tas-setgħa politika, tiġi ssostitwita b’sistema ta’ konsenja ssemplifikata u effikaċi bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ azzjonijiet, u din l-aħħar sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Anki fil-kuntest tal-proċeduri ta’ estradizzjoni klassiċi, il-proċedura nazzjonali li twassal għad-deċiżjoni ta’ estradizzjoni tal-akkużat ma hijiex suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat rikjedenti.

25

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha. Għalhekk, il-proċedura preliminari tippreżupponi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma mitluba jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 4546 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, u mill-premessi 5 u 7 tagħha, għandha bħala għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ azzjonijiet, u din l-aħħar sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 31, u tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 46).

29

L-effikaċja u l-funzjonament tajjeb ta’ din is-sistema ssemplifikata ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali huma bbażati fuq l-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti stabbiliti minn din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 46). Fost dawn ir-rekwiżiti hemm dak marbut man-natura ġudizzjarja tal-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni mitluba sabiex jikkooperaw fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konsenja bbażata fuq l-imsemmija deċiżjoni qafas.

30

Issa, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw preċiżament l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) kif ukoll tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 27(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jistabbilixxi r-regola ta’ speċjalità li abbażi tagħha persuna li tkun ġiet ikkonsenjata ma tistax tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra għal dak li jkun ta lok għal din il-konsenja. Skont l-Artikolu 27(3)(g) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, l-imsemmija regola madankollu ma tapplikax meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tat il-kunsens tagħha skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.

32

Mill-kliem tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tal-istess deċiżjoni qafas jirriżulta li dan il-kunsens, li jikkundizzjona l-possibbiltà ta’ azzjoni kriminali, ta’ kundanna jew ta’ ċaħda mil-libertà lill-persuna kkonsenjata lill-Istat Membru emittenti b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, għal reati oħra minbarra dawk imsemmija fl-imsemmi mandat, għandu jingħata minn awtorità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li għandha l-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

33

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tesponi li t-tilwima fil-kawża prinċipali tagħmel parti mill-kuntest tal-proċedura kriminali mmexxija fil-Belġju kontra AZ wara l-konsenja tiegħu mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inizjali. AZ kien is-suġġett ta’ proċedura kriminali u ġie kkundannat fil-Belġju għal piena ta’ priġunerija għall-atti kklassifikati bħala falsifikazzjoni ta’ dokumenti, użu minn dokumenti ffalsifikati u frodi msemmija f’dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ikkompletat bil-mandat ta’ arrest Ewropew addizzjonali. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-kunsens previst fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għall-proċeduri kriminali għall-atti msemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew addizzjonali, ingħata mill-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam skont l-Artikolu 14 tal-Overleveringswet.

34

Issa, quddiem il-qorti tar-rinviju, AZ iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam jissodisfax il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u jekk, konsegwentement, dan il-prosekutur setax, f’dan il-każ, jagħti l-kunsens previst fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni, mitluba mill-qorti tar-rinviju, tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 imsemmija fil-punt preċedenti, tidher li hija neċessarja sabiex tippermetti lil dik il-qorti tiddetermina jekk il-kunsens previst fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ din id-deċiżjoni qafas ingħatax, minn tali awtorità, għall-atti koperti mill-mandat ta’ arrest Ewropew addizzjonali għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali u, għaldaqstant, sabiex tiddeċiedi dwar il-kundanna ta’ AZ li rriżultat minn dawn il-proċeduri fil-Belġju.

36

Il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, l-imsemmi kunsens ingħatax konformement mad-dispożizzjonijiet tal-istess deċiżjoni qafas u jekk, skont il-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi, il-qorti tar-rinviju hijiex obbligata tirrikonoxxi l-effetti tiegħu fl-ordinament ġuridiku tagħha, taqa’ taħt il-mertu ta’ din il-kawża u għalhekk ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

37

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda

38

Permezz tal-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jikkostitwixxix kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u, fl-affermattiv, liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ dan il-kunċett.

39

Skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti skont id-dritt nazzjonali tagħhom sabiex joħorġu jew jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, essenzjalment, li għandha tittieħed minn “awtorità ġudizzjarja” mhux biss id-deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, iżda wkoll dik dwar l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat.

40

Fir-rigward tal-“awtorità ġudizzjarja emittenti”, imsemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, l-Istati Membri jistgħu jindikaw, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, l-“awtorità ġudizzjarja” li għandha l-kompetenza sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, is-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett ma jistgħux jitħallew għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru, peress li l-imsemmi kunċett jirrikjedi, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex b’teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-kliem tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, kif ukoll tal-kuntest li huwa jagħmel parti minnu u tal-għan segwit permezz tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 48 u 49, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 51).

41

Għal dawn l-istess raġunijiet, il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

42

Fir-rigward tal-kriterji li għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ dan il-kunċett, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kliem “awtorità ġudizzjarja”, li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jindikax biss l-imħallfin jew il-qrati ta’ Stat Membru, iżda għandu jinftiehem bħala li jindika, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, b’mod differenti, b’mod partikolari, mill-ministeri jew mis-servizzi tal-pulizija, li jaqgħu taħt is-setgħa u l-qrati ta’ Stat Membru, li għalhekk jaqgħu taħt il-poter eżekuttiv (sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 50, kif ukoll tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

L-Uffiċċji tal-Prosekutur jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-Istat Membru kkonċernat (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 63, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 53).

44

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “l-awtorità ġudizzjarja emittenti”, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tkun tista’ teżerċita din il-funzjoni oġġettivament, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha inkriminanti u skaġunanti, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li s-setgħa deċiżjonali tagħha tkun suġġetta għal ordnijiet jew istruzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, b’tali mod li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ta’ din l-awtorità u mhux, finalment, tal-imsemmi poter. Konsegwentement, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qiegħda taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Din l-indipendenza teħtieġ li jkun hemm regoli statutorji u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal istruzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv (sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 7374, kif ukoll tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), C‑509/18, EU:C:2019:457, punti 5152).

45

Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex minnha nnifisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti, fl-imsemmi Stat Membru, għal stħarriġ ġudizzjarju li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 75, kif ukoll tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 53).

46

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meħuda minn awtorità li ma hijiex qorti ma tikkostitwixxix kundizzjoni sabiex din l-awtorità tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Tali rekwiżit ma jaqax taħt ir-regoli statutorji u organizzattivi tal-imsemmija awtorità, iżda jirrigwarda l-proċedura ta’ ħruġ ta’ tali mandat, li għandha tissodisfa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punti 48 u 63, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, Openbaar Ministerie (Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Isvezja), C‑625/19 PPU, EU:C:2019:1078, punti 3053).

47

Issa, l-istatus u n-natura tal-awtoritajiet ġudizzjarji msemmija, rispettivament, fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma l-istess, minkejja li dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji jeżerċitaw funzjonijiet distinti marbuta, minn naħa, mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, mal-eżekuzzjoni ta’ tali mandat.

48

Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ssemplifikata ta’ konsenja direttament bejn awtoritajiet ġudizzjarji, maħsuba sabiex tissostitwixxi sistema ta’ kooperazzjoni klassika bejn Stati sovrani, li timplika l-intervent u l-evalwazzjoni tas-setgħa politika, sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 65; tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 43; kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna), C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punt 32).

49

Din id-deċiżjoni qafas hija bbażata fuq il-prinċipju skont liema d-deċiżjonijiet marbuta mal-mandat ta’ arrest Ewropew jibbenefikaw mill-garanziji kollha xierqa għal dan it-tip ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari minn dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji ġuridiċi fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Dan jimplika li mhux biss id-deċiżjoni dwar il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew iżda wkoll dik dwar l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat għandhom jittieħdu minn awtorità ġudizzjarja li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom il-garanzija ta’ indipendenza, b’tali mod li l-proċedura kollha ta’ konsenja bejn Stati Membri prevista mill-istess deċiżjoni qafas għandha titwettaq taħt stħarriġ ġudizzjarju (sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 37, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 56).

50

Kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, id-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ suffiċjenti, li jimplika li awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata għandha tieħu d-deċiżjoni tal-konsenja ta’ din tal-aħħar.

51

F’dan ir-rigward, hemm lok, fit-tieni lok, li jiġi rrilevat li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija tali li tippreġudika, bħal fil-każ tal-ħruġ ta’ tali mandat, il-libertà tal-persuna kkonċernata, sa fejn din l-eżekuzzjoni twassal għall-arrest tal-persuna rikjesta bil-għan tal-konsenja tagħha lill-awtorità ġudizzjarja emittenti għall-eżerċizzju ta’ azzjonijiet kriminali.

52

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ tali azzjonijiet, is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tiggarantixxi protezzjoni fuq żewġ livelli tad-drittijiet fil-qasam tal-proċedura u tad-drittijiet fundamentali li għandha tibbenefika minnhom il-persuna rikjesta, li jimplika, minn naħa, li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiġi adottata, tal-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli tal-imsemmija protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 68, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 60) u, min-naħa l-oħra, li l-“awtorità ġudizzjarja emittenti”, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri l-entità li, finalment, tieħu d-deċiżjoni li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun tista’ taġixxi b’mod oġġettiv u indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti għall-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, u dan anki meta dan ikun ibbażat fuq deċiżjoni nazzjonali mogħtija minn imħallef jew qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 71 sa 74, kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna), C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punti 37 u 38).

53

Min-naħa l-oħra, l-intervent tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jikkostitwixxi l-uniku livell ta’ protezzjoni previst mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex jiġi ggarantit li, fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, din il-persuna tkun ibbenefikat mill-garanziji kollha xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari minn dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali u mill-prinċipji legali fundamentali msemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

54

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 47 sa 53 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirreferi, bħall-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, għal imħallef jew għal qorti, jew għal awtorità ġudizzjarja, bħalma huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru, li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru u li għandu l-indipendenza meħtieġa fir-rigward tal-poter eżekuttiv, konformement mal-ġurisprudenza mfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. Meta d-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jagħti l-kompetenza għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew lil tali awtorità, din għandha madankollu teżerċita l-funzjoni tagħha fil-kuntest ta’ proċedura li tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jimplika li d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità tista’ tiġi suġġetta, fl-imsemmi Stat Membru, għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

55

Huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-ordinament ġuridiku tagħhom jiggarantixxi b’mod effettiv il-livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja meħtieġ mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ regoli tal-proċedura li huma jimplimentaw u li jistgħu jvarjaw minn sistema għal oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours), C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077, punt 64).

56

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li, mingħajr ma jkunu neċessarjament imħallfin jew qrati, jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, jaġixxu b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura li tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Fuq il-punt (c) tal-ewwel domanda u fuq it-tieni domanda

57

Permezz tal-punt (c) tal-ewwel domanda u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) kif ukoll l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-prosekutur ta’ Stat Membru jikkostitwixxi “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

58

Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda, id-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ suffiċjenti, li jimplika li “awtorità ġudizzjarja” tal-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata, li tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, għandha tieħu d-deċiżjoni ta’ konsenja.

59

L-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja li tissodisfa dawn l-istess kundizzjonijiet huwa wkoll meħtieġ fir-rigward tal-kunsens previst fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

60

Fil-fatt, id-deċiżjoni li jingħata l-kunsens previst fl-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija distinta minn dik dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u għandha, għall-persuna kkonċernata, effetti distinti minn dawk ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, dan il-kunsens jingħata meta r-reat li għalih huwa mitlub iwassal huwa stess għall-obbligu ta’ konsenja skont din id-deċiżjoni qafas. Barra minn hekk, il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għall-istess raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorji jew fakultattivi bħal dawk previsti għall-mandat ta’ arrest Ewropew fl-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

62

Min-naħa l-oħra, huwa minnu, kif isostni l-Gvern Olandiż, li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tintalab tagħti l-kunsens tagħha skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-persuna kkonċernata tkun diġà ġiet ikkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Madankollu, id-deċiżjoni dwar dan il-kunsens hija, bħal dik dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, tali li tippreġudika l-libertà tal-persuna kkonċernata, peress li tikkonċerna reat differenti minn dak li ġġustifika din il-konsenja u tista’ twassal għal kundanna iktar severa ta’ din il-persuna.

63

Fil-fatt, skont ir-regola ta’ speċjalità stabbilita fl-Artikolu 27(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, persuna li tkun ġiet ikkonsenjata ma tistax tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, jew tiġi kkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li fir-rigward tiegħu tkun ġiet ikkonsenjata. Huwa biss fil-każijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari meta l-kunsens ikun ingħata konformement mal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti huma awtorizzati li jieħdu azzjoni kriminali jew li jikkundannaw lil din il-persuna għal reat differenti minn dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata.

64

Għaldaqstant, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-awtorità ġudizzjarja li tagħti l-kunsens previst fl-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tkun l-istess bħal dik li eżegwiet il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, dan il-kunsens ma jistax, fi kwalunkwe każ, jingħata minn awtorità li tista’ tirċievi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tagħha, istruzzjoni individwali mill-poter eżekuttiv, u li, konsegwentement, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi kklassifikata bħala “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

65

F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż jirriżulta li, fir-rigward tal-proċedura ta’ konsenja ta’ persuna b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjonijiet kriminali, huwa l-kompitu, skont id-dritt Olandiż, tal-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam li jitlob lir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) li teżamina dan il-mandat ta’ arrest Ewropew bil-għan ta’ din l-eżekuzzjoni. Madankollu, dan il-gvern enfasizza li d-deċiżjoni dwar il-konsenja taqa’ finalment f’idejn dik il-qorti, u li l-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam sempliċement jeżegwixxi din id-deċiżjoni.

66

Għaldaqstant, jidher li d-deċiżjoni ġudizzjarja intiża għall-konsenja ta’ persuna b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija, skont id-dritt Olandiż, adottata mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam), li l-kwalità tagħha ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bl-ebda mod ma hija kkontestata.

67

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li jingħata l-kunsens previst fl-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Gvern Olandiż indika li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet esklużivament mill-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam, peress li l-persuna kkonċernata kienet diġà ġiet ikkonsenjata lill-awtorità ġudizzjarja emittenti skont deċiżjoni meħuda mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam). Issa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 127 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja, dan il-prosekutur jista’ jkun suġġett għal istruzzjonijiet individwali mill-Ministru għall-Ġustizzja Olandiż. Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li l-imsemmi prosekutur jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

68

Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, kif isostni l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-kunsens mogħti mill-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors mill-persuna kkonċernata quddiem il-voorzieningenrechter (l-Imħallef għal Miżuri Provviżorji, il-Pajjiżi l-Baxxi).

69

Fil-fatt, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti minn dan il-gvern, ma jidhirx li l-eżistenza ta’ dan ir-rimedju huwa tali, minnu nnifsu, li jipproteġi lill-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam mir-riskju li d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kunsens imsemmi fl-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tkun suġġetta għal istruzzjoni individwali tal-Ministru għall-Ġustizzja Olandiż (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 86).

70

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (c) tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) kif ukoll l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prosekutur ta’ Stat Membru li, filwaqt li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jista’ jirċievi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tiegħu, istruzzjoni individwali mill-poter eżekuttiv ma jikkostitwixxix “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq il-punti (d) u (e) tal-ewwel domanda

71

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-punti (a) sa (c) tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punti (d) u (e) tal-ewwel domanda.

Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza

72

L-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Belġju) talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li awtorità bħall-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam ma taqax taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Huwa sostna, għal dan il-għan, li, qabel is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), l-ebda element ma kien jippermetti li tiġi ddubitata l-konformità tal-intervent ta’ tali prosekutur mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas.

73

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan isegwi li r-regola hekk interpretata tista’, u għandha, tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi dwar it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jinvokaw dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li jiġu kkontestati relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti f’bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi osservat li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma ppreżenta l-ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-elementi ta’ interpretazzjoni kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza jinvolvu riskju ta’ diffikultajiet serji għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li, mingħajr ma jkunu neċessarjament imħallfin jew qrati, jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, jaġixxu b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet inerenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura li tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 

2)

L-Artikolu 6(2) kif ukoll l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prosekutur ta’ Stat Membru li, filwaqt li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jista’ jirċievi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali tiegħu, istruzzjoni individwali mill-poter eżekuttiv ma jikkostitwixxix “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top