EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0480

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ April 2021.
Kawża mressqa minn E.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dħul – Dħul mill-kapital – Dħul imqassam minn impriża għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) residenti, taħt forma kuntrattwali – Dħul imqassam minn UCITS stabbilita fi Stat Membru ieħor u li għandha l-forma statutorja – Differenza fit-trattament – Artikolu 65 TFUE – Sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.
Kawża C-480/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:334

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ April 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dħul – Dħul mill-kapital – Dħul imqassam minn impriża għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) residenti, taħt forma kuntrattwali – Dħul imqassam minn UCITS stabbilita fi Stat Membru ieħor u li għandha l-forma statutorja – Differenza fit-trattament – Artikolu 65 TFUE – Sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli”

Fil-Kawża C‑480/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura mibdija minn

E

fil-preżenza ta’:

Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, A. Kumin, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E, minn A. Leppänen, varatuomari,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 u 65 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn E dwar id-deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2017 tal-keskusverolautakunta (il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali, il-Finlandja) li permezz tagħha din tal-aħħar qieset li d-dħul imħallas minn kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli (SICAV) taħt id-dritt Lussemburgiż għal E kellu jiġi ntaxxat fil-Finlandja bħala dħul professjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Abbażi tal-premessa 4 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva UCITS”), din id-direttiva għandha l-għan li jkunu previsti għall-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) stabbiliti fl-Istati Membri, regoli bażiċi komuni għall-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni, l-istruttura u l-attivitajiet u l-informazzjoni li huma obbligati li jippubblikaw.

4

Il-premessa 83 tad-Direttiva UCITS tipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa r-regoli nazzjonali dwar it-tassazzjoni, inklużi arranġamenti li jistgħu jiġu imposti mill-Istati Membri sabiex jiżguraw konformità ma’ dawn ir-regoli fit-territorju tagħhom.”

5

L-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u suġġett għall-Artikolu 3, il- UCITS tfisser impriża:

(a)

b’għan waħdieni ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli jew f’assi likwidi finanzjarji oħrajn imsemmija fl-Artikolu 50(1) ta’ kapital miġbur mill-pubbliku u li joperaw fuq il-prinċipju ta’ tixrid tar-riskju; u

(b)

b’unitajiet li huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mifdija, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Azzjoni meħuda minn UCITS sabiex jiġi żgurat li l-valur tal-Borża tal-unitajiet tagħha ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-valur nett tagħhom tal-assi għandha titqies bħala ekwivalenti għal dan ix-xiri mill-ġdid jew it-tifdija.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li UCITS ikunu jikkonsistu f’diversi kompartimenti ta’ investiment.

3.   L-impriżi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu kkostitwiti f’konformita’ mal-liġi tal-kuntratti (bħala fondi komuni mmaniġġjati minn kumpaniji tal-maniġment), il-liġi dwar it-‘trusts’ (bħala unitajiet ta’ trust), jew statut (bħala kumpaniji ta’ investiment).

[…]”

6

Skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU 2011, L 174, p. 1), impriżi ta’ investiment kollettiv tfisser:

“impriżi ta’ investiment kollettiv, inkluż kompartimenti ta’ investiment tagħhom li:

i)

jiġġeneraw kapital minn numru ta’ investituri bil-ħsieb ta’ investiment f’konformità ma’ politika ta’ investiment definita għall-benefiċċju ta’ dawk l-investituri, u

ii)

ma jeħtieġux awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva UCITS”.

Id-dritt Finlandiż

7

Il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2(1) tal-Kapitolu 1 tas-sijoitusrahastolaki (48/1999) (il-Liġi dwar il-Fond ta’ Investimenti Nru 48/1999), tad‑29 ta’ Jannar 1999, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din il-liġi:

1)

attività ta’ investiment, l-akkwist ta’ assi mingħand il-pubbliku għall-finijiet ta’ investiment kollettiv u l-investiment tal-imsemmija assi prinċipalment fi strumenti finanzjarji, proprjetà immobbli, titoli immobbli jew investimenti oħra, kif ukoll il-ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment, ta’ fondi speċjali ta’ investiment u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet ta’ fondi […];

2)

fondi ta’ investiment, l-assi akkwistati fil-kuntest ta’ attività ta’ investiment kollettiv u investiti skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Finlandja u fil-Kapitolu 11, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw minnha […]”

8

Skont il-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tal-Kapitolu 1 ta’ din il-liġi, “impriża ta’ investiment kollettiv” tfisser impriża li teżerċita attività ta’ investiment kollettiv awtorizzata fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li ma hijiex ir-Repubblika tal-Finlandja u li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-Direttiva UCITS.

9

L-Artikolu 3, intitolat “Entitajiet” tat-tuloverolaki (1535/1992) (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (1535/1992), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul”), tat‑30 ta’ Diċembru 1992, hija fformulata kif ġej:

“Entitajiet fis-sens ta’ din il-liġi jfissru:

[…]

4)

il-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, kooperattivi, banek tat-tfaddil, fondi ta’ investiment, universitajiet, kumpanniji ta’ assigurazzjoni reċiproka, imħażen għall-ħżin taċ-ċereali, assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru jew bi skop ekonomiku, fondazzjonijiet u stabbilimenti;

[…]”

10

L-Artikolu 20 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, intitolat “Entitajiet eżenti mit-taxxa fuq id-dħul”, jipprovdi, fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tiegħu, eżenzjoni fiskali tal-fondi ta’ investiment mit-taxxa fuq id-dħul.

11

L-Artikolu 32 ta’ din il-liġi, intitolat “Dħul mill-kapital”, jipprovdi:

“Jikkostitwixxi dħul mill-kapital li huwa taxxabbli skont il-modalitajiet previsti iktar ’il quddiem id-dħul mill-assi, il-profitt magħmul minn trasferiment ta’ assi u d-dħul l-ieħor li jista’ jiġi kkunsidrat li ġie ġġenerat minn assi. Jikkostitwixxi b’mod partikolari dħul mill-kapital id-dħul li ġej minn interessi, id-dħul li ġej mid-dividendi skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 33a sa 33d, id-dħul mill-kiri, il-parteċipazzjonijiet fil-profitti, il-prodotti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja, id-dħul mill-kapital provenjenti mill-kultivazzjoni ta’ siġar, id-dħul minn immobbli u l-qligħ kapitali. Tikkostitwixxi wkoll dħul mill-kapital il-parti tad-dħul mill-kapital relatat mad-dħul li għandu jiġi ddistribwit ta’ kumpannija, il-parti tad-dħul tal-azzjonist ta’ grupp kif ukoll id-dħul mit-trobbija ta’ ċriev.”

12

L-Artikolu 33b ta’ din il-liġi, intitolat “Dividendi mqassma minn kumpannija mhux ikkwotata”, jipprovdi:

“Tmienja u ħamsin fil-mija ta’ dividend imqassam minn kumpannija kkwotata huwa dħul mill-kapital u 15 % huwa dħul mhux taxxabbli.

Jikkostitwixxu dividendi provenjenti minn kumpannija kkwotata d-dividendi provenjenti minn kumpannija li l-azzjonijiet tagħha huma s-suġġett, fil-mument meta din tiddeċiedi li tqassam id-dividendi:

1)

ta’ negozjati fuq suq irregolat fis-sens tal-laki kaupankäynnistä rahoitusvälineillä (748/2012) [(il-Liġi dwar in-Negozjati ta’ Strumenti Finanzjarji (748/2012))];

2)

ta’ negozjati fuq suq irregolat ieħor u kkontrollat minn awtorità pubblika barra ż-[ŻEE]; jew

3)

ta’ negozjati fuq pjattaforma ta’ negozjati multilaterali fis-sens tal-Liġi [(748/2012)], bil-kundizzjoni li l-azzjoni tkun ġiet innegozjata fuq talba tal-kumpannija jew bl-approvazzjoni tagħha.

Id-distribuzzjoni, minn kumpannija kkwotata, ta’ assi fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Kapitolu 13 tal-osakeyhtiölaki (624/2006) [(il-Liġi dwar il-Kumpanniji Pubbliċi b’Responsabbiltà Limitata (624/2006))], li huma provenjenti minn riżerva ta’ fondi proprji disponibbli hija kkunsidrata bħala dividend u hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu.”

13

B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 33b tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, intitolat “Dividendi mqassma minn kumpannija kkwotata”, jipprovdi li:

“Ħamsa u għoxrin fil-mija tad-dividendi mqassma minn kumpannija mhux ikkwotata jikkostitwixxu dħul mill-kapital taxxabbli u 75 % jikkostitwixxu dħul mill-kapital mhux taxxabbli, sal-ammont ta’ dħul annwali ta’ 8 % kkalkolat abbażi tal-valur matematiku tal-azzjoni fis-sena fiskali, liema valur huwa stabbilit fil-laki varojen arvostamisesta verotuksessa annettu (1142/2005) [(l-Att dwar l-Evalwazzjoni tal-Assi għat-Tassazzjoni (1142/2005))]. Sa fejn l-ammont tad-dividendi rċevuti mill-persuna taxxabbli jaqbeż EUR 150000, 85 % tad-dividendi jikkostitwixxu dħul minn kapital u 15 % jikkostitwixxu dħul mhux taxxabbli.

Għall-parti li taqbeż id-dħul annwali msemmi fis-subparagrafu 1 hawn fuq, 75 % tad-dividendi jikkostitwixxu dħul minn salarju u 25 % jikkostitwixxu dħul mhux taxxabbli.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra dwar it-tassazzjoni tad-dividendi previsti minn din il-liġi, id-dividendi jikkostitwixxu dħul minn salarju jekk, skont klawżola fl-istatut ta’ assoċjazzjoni, deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali, ftehim bejn l-azzjonisti jew kull ftehim ieħor, id-distribuzzjoni tagħhom hija l-korrispettiv ta’ kontribuzzjoni fix-xogħol magħmula mill-benefiċjarju tad-dividend jew persuna li tappartjeni għall-komunità ta’ interessi tiegħu. Id-dividend jikkostitwixxi d-dħul tal-persuna li pprovdiet il-kontribuzzjoni ta’ xogħol inkwistjoni.

[…]

Id-distribuzzjoni, minn kumpannija mhux ikkwotata, ta’ assi fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Kapitolu 13 tal-Liġi (624/2006), provenjenti minn riżerva ta’ fondi proprji disponibbli, hija kkunsidrata bħala dividend u hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu […].”

14

L-Artikolu 33c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, intitolat “Dividendi mħallsa minn entità barranija”, jipprovdi:

“Id-dividendi rċevuti minn kumpannija barranija jikkostitwixxu dħul taxxabbli skont l-Artikoli 33a u 33b ta’ din il-liġi, jekk din hija kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat‑30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/86/UE tat‑8 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 219, p. 40)] […]

Id-dividendi rċevuti minn kumpanniji barranin minbarra dawk imsemmija fis-subparagrafu 1 jikkostitwixxu dħul taxxabbli skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 33a u 33b, jekk il-kumpannija hija obbligata, mingħajr għażla jew eżenzjoni, tħallas taxxa ta’ mill-inqas 10 % fuq id-dħul tagħha li minnu tqassmu d-dividendi u:

1)

skont id-dritt fiskali ta’ Stat li jappartjeni liż-ŻEE, il-kumpannija għandha s-sede tagħha f’dan l-Istat u, skont konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, il-kumpannija ma għandhiex is-sede tagħha fi Stat li jinsab barra miż-ŻEE; jew

2)

konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, applikabbli għad-dividendi mqassma mill-kumpannija, hija fis-seħħ bejn l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija u l-Finlandja matul is-sena fiskali.

Id-dividendi rċevuti minn kumpanniji barranin differenti minn dawk imsemmija fis-subparagrafi 1 u 2 jikkostitwixxu dħul mix-xogħol taxxabbli fl-intier tagħhom.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

E hija persuna fiżika residenti fil-Finlandja li investiet f’parti ta’ SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż, li tikkostitwixxi UCITS ta’ “forma statutorja (kumpannija ta’ investiment)”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva UCITS. L-investimenti ta’ E jirrigwardaw dak li huwa miftiehem li jissejħu sehem mill-profitti, li għalihom id-dħul magħmul jiġi ddistribwit kull sena minn din is-SICAV lill-investituri.

16

Fl‑20 ta’ Ġunju 2017, E talab lill-Kummissjoni Fiskali Ċentrali tiddeċiedi preliminarjament dwar it-trattament fiskali tad-dħul li kien ser jiġi ddistribwit lilha mis-SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż inkwistjoni.

17

F’din it-talba, E sostniet li SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż kellha tiġi assimilata ma’ fond ta’ investiment taħt id-dritt Finlandiż, jiġifieri UCITS ta’ “forma kuntrattwali (fondi komuni ta’ investiment amministrati minn kumpannija ta’ ġestjoni)”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva UCITS. Fil-fehma tiegħu, id-dħul iddistribwit minn tali SICAV kellu għalhekk jiġi ntaxxat bl-istess mod bħal dak iddistribwit mill-fondi ta’ investiment taħt id-dritt Finlandiż, jiġifieri bħala dħul mill-kapital, skont l-Artikolu 32 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul. F’dan ir-rigward, E b’mod partikolari enfasizza li s-SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż inkwistjoni kienet teżerċita attività simili għal dik tal-fondi ta’ investiment taħt id-dritt Finlandiż u li l-ġestjoni ta’ din is-SICAV kienet tikkorrispondi għal dik ta’ dawn il-fondi.

18

Fid-deċiżjoni preliminari definittiva tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja tad-dħul li ġej minn operatur stabbilit fi Stat ieħor, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi funzjonali u legali tal-operatur meta mqabbla ma’ operaturi Finlandiżi paragunabbli.

19

Il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali qieset li s-SICAV għandha l-karatteristiċi funzjonali ta’ fond ta’ investiment Finlandiż, iżda li karatteristiċi ġenerali funzjonali simili jistgħu jiġu osservati, pereżempju, fl-investiment kollettiv fil-forma ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata. Il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali kkunsidrat li s-SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba l-forma ġuridika tagħha, kienet oġġettivament simili għal kumpannija b’responsabbiltà limitata Finlandiża li teżerċita attivitajiet ta’ investiment.

20

Skont din il-kummissjoni, id-dħul li din is-SICAV qassmet għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala dividend u ntaxxat bħala dħul professjonali skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 33c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

21

E adixxa lill-qorti tar-rinviju, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Fiskali Ċentrali. Quddiem din il-qorti, E jsostni li t-tassazzjoni tad-dħul iddistribwit mis-SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż inkwistjoni bħala dħul professjonali, skont l-imsemmi t-tielet paragrafu tal-Artikolu 33c, hija ogħla mit-taxxa fuq id-dħul iddistribwit minn fond ta’ investiment taħt id-dritt Finlandiż bħala dħul mill-kapital u, konsegwentement, tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE.

22

Il-qorti tar-rinviju tesponi li t-taxxa fuq id-dħul li għandha titħallas għad-dħul professjonali tista’ titla’ għal iktar minn 50 %, filwaqt li, għad-dħul mill-kapital, din it-taxxa hija biss ta’ 30 % jew ta’ 34 % meta l-ammont taxxabbli jaqbeż EUR 30000. Hija żżid li, sabiex tiġi ddeterminata n-natura tad-dħul, fis-sens tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, ikkostitwit mill-profitt inkwistjoni, għandu jiġi deċiż għal liema entità Finlandiża l-imsemmija SICAV għandha tiġi assimilata, billi jiġi vverifikat li interpretazzjoni bbażata fuq il-forma legali tal-entità bħal dik tal-Kummissjoni Fiskali Ċentrali ma tmurx kontra l-Artikoli 63 u 65 TFUE, u tistaqsi, b’mod partikolari, jekk UCITS ta’ forom ġuridiċi differenti, stabbiliti skont id-Direttiva UCITS, għandhomx jiġu kkunsidrati simili għall-finijiet tat-taxxa tad-dħul irċevut mill-investituri.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni [tad-dispożizzjonijiet] nazzjonali fis-sens li d-dħul li persuna fiżika residenti fil-Finlandja tirċievi mingħand [UCITS] li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni u li hija kkostitwita fil-forma statutorja fis-sens tad-Direttiva [UCITIS] […] ma huwiex, għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, assimilat ma’ dħul imħallas minn fond ta’ investiment Finlandiż ikkostitwit fil-forma kuntrattwali fis-sens ta’ din id-direttiva […], minħabba li l-forma legali tal-[UCITS] li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru l-ieħor ma tikkorrispondix mal-istruttura legali tal-fond ta’ investiment nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi fiskali ta’ Stat Membru li skontha, għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuna fiżika residenti f’dan l-Istat Membru, id-dħul imħallas minn UCITS li għandha l-forma statutorja stabbilita fi Stat Membru ieħor ma huwiex assimilat mad-dħul imħallas mill-UCITS stabbiliti fl-ewwel Stat Membru, minħabba li dawn tal-aħħar ma għandhomx l-istess forma ġuridika.

25

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam ta’ tassazzjoni diretta fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, Romenergo u Aris Capital, C‑339/19, EU:C:2020:709, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale, C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 22).

27

B’mod partikolari, differenza fit-trattament, meta twassal għal trattament inqas vantaġġuż tad-dħul ta’ resident ta’ Stat Membru li joriġina minn Stat Membru ieħor, meta mqabbel mat-trattament tad-dħul li joriġina fl-ewwel Stat Membru tista’ tiddisswadi tali resident milli jinvesti l-kapital tiegħu fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 80; tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL, C‑464/14, EU:C:2016:896, punt 50, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2018, EV, C‑685/16, EU:C:2018:743, punt 63).

28

Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE madankollu ma jippreġudikax id-dritt li l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tar-residenza tagħhom jew tal-post li fih il-kapital tagħhom huwa investit.

29

Sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija fiha nnifisha limitata mill-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 65(1) TFUE “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li hemm lok li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minnha tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale, C‑565/18, EU:C:2020:318, punt 24).

31

Għaldaqstant, qabel kollox, għandha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament, sussegwentement, il-paragunabbiltà eventwali tas-sitwazzjonijiet, u, jekk ikun il-każ, fl-aħħar nett, il-possibbiltà li t-trattament ddifferenzjat jiġi ġġustifikat.

Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament

32

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domanda preliminari hija mqajma fil-kuntest ta’ kawża relatata mat-tassazzjoni tad-dħul imħallas lil E minn SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż, jiġifieri UCITS li għandha l-forma statutorja, fis-sens tad-Direttiva UCITS. Issa, fil-Finlandja, l-UCITS li jaqgħu taħt id-Direttiva UCITS għandhom forma kuntrattwali u ma jistgħux jieħdu forma statutorja.

33

E tqis li d-dħul imħallas minn SICAV għandu jiġi ntaxxat bħala d-dħul ta’ UCITS taħt id-dritt Finlandiż li għandu l-forma kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali tikkunsidra li, sa fejn SICAV, UCITS li għandha l-forma statutorja, tixbah lil kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Finlandja, id-dħul imħallas minnha għandu jiġi ttrattat bħala dividendi mħallsa minn tali kumpanniji.

34

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk, billi jingħata lid-dħul imħallas mis-SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali, trattament differenti minn dak mogħti lil dħul imħallas minn UCITS taħt id-dritt Finlandiż, dan l-ewwel dħul huwiex suġġett għal trattament fiskali inqas vantaġġuż.

35

Skont l-Artikolu 32 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-dħul minn kapital jinkludi l-profitt minn assi, profitt mit-trasferiment ta’ assi u dħul ieħor li jista’ jitqies li ġie ġġenerat mill-assi. Fost l-eżempji ta’ dħul mill-kapital elenkati espliċitament mil-leġiżlatur Finlandiż f’dan l-Artikolu 32, jinsabu kemm l-ishma fil-profitti mħallsa mill-UCITS, kif ukoll id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji b’responsabbiltà limitata. Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-dħul mill-kapital huwa bħala prinċipju ntaxxat sa 30 % f’dak li jirrigwarda l-parti ta’ dan id-dħul li hija inqas minn EUR 30000 u ta’ 34 % għall-parti ta’ dan id-dħul li taqbeż din is-somma.

36

Issa, għalkemm l-ishma fil-profitti mqassma mill-UCITS taħt id-dritt Finlandiż huma suġġetti għal taxxa fuq il-livell tal-benefiċjarju, bħala dħul mill-kapital, id-dħul imħallas minn SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż huwa ttrattat bħala dividendi mħallsa minn entità stabbilita fi Stat li ma huwiex ir-Repubblika tal-Finlandja, fis-sens tal-Artikolu 33c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u huwa ntaxxat, skont it-tielet paragrafu tiegħu, bħala dħul professjonali, b’rata progressiva li tista’ titla’ sa 50 %.

37

Tali differenza fit-trattament tista’ twassal għal trattament inqas vantaġġuż tad-dħul imqassam minn SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż meta mqabbel mat-trattament tad-dħul imqassam minn UCITS taħt id-dritt Finlandiż.

38

Fit-tieni lok, għandu jitqies li t-trattament fiskali rriżervat għad-dħul imqassam mis-SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil E lanqas ma huwa simili għal dak irriżervat għad-dħul imħallas minn fondi ta’ investiment alternattivi, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61, li ma jaqgħux taħt id-Direttiva UCITS, u li għandhom il-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. Kif ippreċiża l-Gvern Finlandiż fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula, tali fondi jistgħu jinħolqu skont id-dritt Finlandiż.

39

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dħul tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti fil-Finlandja huwa suġġett għal taxxa doppja, darba fil-livell tal-kumpannija, bħala dħul tal-kumpanniji, u darba fil-livell tal-benefiċjarju, bħala dħul mill-kapital. Sabiex jitnaqqsu l-effetti tat-taxxa doppja, il-miżuri previsti fl-Artikoli 33a u 33b tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jirregolaw it-taxxa fuq il-livell tal-benefiċjarju, b’mod partikolari billi jeżentaw parti mid-dħul mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital.

40

F’dan ir-rigward, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Finlandiż jippreċiża li, jekk kumpannija b’responsabbiltà limitata teżerċita attività ta’ investiment ta’ tip analogu għall-fondi ta’ investiment, hija ma tkunx eżentata mit-taxxa, iżda normalment tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, u d-dħul li hija tqassam ikun suġġett għar-regoli dwar it-tassazzjoni tad-dividendi, li huma bbażati fuq taxxa doppja parzjali.

41

Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dan ma huwiex il-każ ta’ SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li, skont il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali, tali SICAV tikkostitwixxi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 33c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, entità li ma hijiex koperta mid-Direttiva 2011/96, kif emendata, li tirrisjedi fi Stat Membru taż-ŻEE li ma huwiex ir-Repubblika tal-Finlandja, li hija suġġetta għal ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja u li ma hijiex obbligata tħallas taxxa bir-rata minima ta’ 10 % fuq id-dħul li hija għamlet. Għalhekk, il-miżuri fil-livell nazzjonali intiżi sabiex itaffu t-taxxa doppja ma japplikawx għad-dħul imħallas minnha.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-dħul imħallas mis-SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil benefiċjarju residenti fil-Finlandja huwa suġġett għal trattament inqas favorevoli mid-dħul imħallas kemm mill-kumpanniji b’responsabbiltà limitata kif ukoll mill-UCITS irregolati taħt id-dritt Finlandiż li għandhom il-forma kuntrattwali.

43

Din id-differenza fit-trattament tista’ tiddisswadi lir-residenti Finlandiżi milli jinvestu fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika tal-Finlandja, u b’hekk, jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital.

Fuq l-eżistenza ta’ sitwazzjoni oġġettivament komparabbli

44

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, tali differenza fit-trattament tista’ tiġi aċċettata biss jekk tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli.

45

Għandu jiġi kkonstatat li s-SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż inkwistjoni fil-kawża prinċipali u UCITS taħt id-dritt Finlandiż huma żewġ tipi ta’ UCITS fis-sens tad-Direttiva UCITS.

46

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva UCITS, l-għan esklużiv tagħhom huwa l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli jew f’assi finanzjarji likwidi oħra tal-kapital miġbur mill-pubbliku, il-funzjonament tagħhom huwa suġġett għall-prinċipju tat-tqassim tar-riskji u l-unitajiet tagħhom huma, fuq talba tad-detenturi, mixtrija mill-ġdid jew irrimborsati, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawn l-impriżi.

47

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ ċerti sitwazzjonijiet għall-finijiet tad-dritt kummerċjali ma hijiex neċessarjament trasponibbli għal finijiet fiskali. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-Gvern Finlandiż, li s-sempliċi fatt li l-UCITS residenti u mhux residenti huma UCITS, fis-sens tad-Direttiva UCITS, ma huwiex determinanti sabiex tiġi stabbilita l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni.

48

Fil-fatt, minn naħa, din id-direttiva ma armonizzatx it-tassazzjoni applikabbli għall-UCITS u għall-prodotti li huma jiddistribwixxu. B’mod partikolari mill-premessi 4 u 83 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, għalkemm hija tistabbilixxi regoli minimi komuni f’dak li jirrigwarda l-approvazzjoni, il-kontroll, l-istruttura, l-attività u l-informazzjoni li l-UCITS għandhom jippubblikaw, hija ma tippreġudikax ir-regoli nazzjonali fil-qasam fiskali.

49

Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura komparabbli jew le ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-għan u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar, u li huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et, C‑480/16, EU:C:2018:480, punti 5051 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, mit-tweġiba bil-miktub tal-Gvern Finlandiż għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-għan tat-trattament fiskali tal-attività tal-fondi ta’ investiment previst mil-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża jista’ jitqies bħala l-implimentazzjoni ta’ taxxa unika fuq il-livell tal-investitur. Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament fiskali tad-dividendi rċevuti mill-persuni fiżiċi huma intiżi, min-naħa tagħhom, sabiex id-dħul ta’ kumpannija jiġi ntaxxat ukoll fil-livell tal-azzjonisti tagħha, filwaqt li jipprevedu t-tnaqqis tat-taxxa doppja ta’ dan id-dħul.

51

Issa, fir-rigward ta’ tali għanijiet, jidher li s-SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż tinsab f’sitwazzjoni li hija oġġettivament paragunabbli ma’ dik ta’ UCITS taħt id-dritt Finlandiż. Kif jirriżulta mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja u taħt verifika mill-qorti tar-rinviju, dawn iż-żewġ korpi huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul u d-dħul imħallas minnhom huwa ntaxxat biss fuq il-livell tal-benefiċjarji.

52

Ċertament, b’differenza minn UCITS taħt id-dritt Finlandiż, SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż għandha forma statutorja u hija, għal din ir-raġuni, assimilata ma’ kumpannija b’responsabbiltà limitata li d-dħul imqassam tagħha huwa ntaxxat skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 33c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

53

Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li, fost l-eżempji ta’ dħul mill-kapital elenkati fl-Artikolu 32 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, hemm kemm l-ishma fil-profitti mħallsa mill-UCITS, kif ukoll id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji b’responsabbiltà limitata. Konsegwentement, il-leġiżlatur Finlandiż ma jidhirx li ssuġġetta d-distinzjoni bejn id-dħul mill-kapital, minn naħa, u d-dħul professjonali, min-naħa l-oħra, għall-forma ġuridika tal-korp distributur, iżda, għall-kuntrarju, ikkunsidra li kemm il-prodotti ddistribwiti minn korpi li għandhom forma kuntrattwali kif ukoll dawk li għandhom forma statutorja jikkostitwixxu dħul mill-kapital.

54

Minn dan isegwi li l-forma statutorja ta’ SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż ma tpoġġix lil din l-impriża f’sitwazzjoni differenti meta mqabbla ma’ UCITS taħt id-dritt Finlandiż li għandha forma kuntrattwali fir-rigward tat-trattament fiskali tal-prodott imqassam.

55

Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, id-differenza fit-trattament bejn id-dħul rispettiv mħallas minn SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż u UCITS taħt id-dritt Finlandiż tikkonċerna sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

56

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi aċċettata jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 70, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Issa, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Gvern Finlandiż ma invokax tali raġunijiet, peress li lanqas il-qorti tar-rinviju ma semmiethom.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi fiskali ta’ Stat Membru li skontha, għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuna fiżika residenti f’dan l-Istat Membru, id-dħul imħallas minn UCITS li għandha l-forma statutorja stabbilita fi Stat Membru ieħor ma huwiex assimilat mad-dħul imħallas mill-UCITS stabbiliti fl-ewwel Stat Membru, minħabba li dawn tal-aħħar ma għandhomx l-istess forma ġuridika.

Dwar l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi fiskali ta’ Stat Membru li skontha, għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuna fiżika residenti f’dan l-Istat Membru, id-dħul imħallas minn impriża għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) li għandha l-forma statutorja stabbilita fi Stat Membru ieħor ma huwiex assimilat mad-dħul imħallas mill-UCITS stabbiliti fl-ewwel Stat Membru, minħabba li dawn tal-aħħar ma għandhomx l-istess forma ġuridika.

 

Reġistratur


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top