EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0450

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Jannar 2021.
Kawża mressqa minn Kilpailu- ja kuluttajavirasto.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Manipulazzjoni tal-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti – Determinazzjoni tat-tul tal-perijodu tal-ksur – Inklużjoni tal-perijodu li matulu l-parteċipanti fl‑akkordju implimentaw il-ftehim antikompetittiv – Effetti ekonomiċi tal-aġir antikompetittiv – Waqfien tal-ksur fil-mument tal-għoti definittiv tal-kuntratt.
Kawża C-450/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:10

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Manipulazzjoni tal-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti – Determinazzjoni tat-tul tal-perijodu tal-ksur – Inklużjoni tal-perijodu li matulu l-parteċipanti fl‑akkordju implimentaw il-ftehim antikompetittiv – Effetti ekonomiċi tal-aġir antikompetittiv – Waqfien tal-ksur fil-mument tal-għoti definittiv tal-kuntratt”

Fil-Kawża C‑450/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura mressqa minn

Kilpailu‑ ja kuluttajavirasto,

fil-preżenza ta’:

Eltel Group Oy,

Eltel Networks Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, T. von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kilpailu‑ ja kuluttajavirasto, minn J. Nyländen, J. Broms, K. Leivo u T. Mattila, bħala aġenti,

għal Eltel Group Oy u Eltel Networks Oy, minn T. Saraste, M. Joutsimo, C. Wik u A. Paanajärvi, asianajajat,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u A. Laine, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Kanitz u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Latvjan, minn V. Soņeca, L. Juškeviča u K. Pommere, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Paasivirta, G. Meessen u L. Wildpanner, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Kilpailu‑ ja Kuluttajavirasto (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum, il-Finlandja) fir-rigward tad-deċiżjoni tal-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja) li tiċħad il-proposta tagħha li tikkundanna in solidum lil Eltel Group Oy u Eltel Networks Oy (iktar ’il quddiem, flimkien, “Eltel”) għal multa minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Finlandiż u tal-Unjoni li huma wettqu.

Id-dritt Finlandiż

3

Skont l-Artikolu 22 tal-kilpailunrajoituksista annettu laki 480/1992 (il-Liġi 480/1992 dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni), kif emendata bil‑Liġi 318/2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni”), multa ma tistax tiġi imposta fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ ksur tal-Artikolu 4 ta’ din l-istess liġi jew tal-Artikolu 101 TFUE jekk ma tiġix sottomessa proposta f’dan is-sens lill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) fi żmien ħames snin mit-tmiem tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni jew mid-data li fiha l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum tkun saret taf b’din ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4

Fis‑16 ta’ April 2007, Fingrid Oyj, l-impriża proprjetarja u responsabbli għall-iżvilupp tan-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku b’vultaġġ għoli u l-klijent prinċipali ta’ xogħlijiet ta’ trażmissjoni ta’ dan it-tip ta’ enerġija fil-Finlandja, ippubblikat, għall-attenzjoni tal-operaturi fis-settur, sejħa għal offerti, redatta bl-Ingliż, li tirrigwarda x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ linja ta’ trażmissjoni ta’ elettriku ta’ vultaġġ għoli (400 kV) bejn l-entitajiet Finlandiżi ta’ Keminmaa u ta’ Petäjäskoski (iktar ’il quddiem il-“linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni”). Din is-sejħa għal offerti kienet tispeċifika li l-offerti, bi prezz fiss, kellhom jiġu ddepożitati sa mhux iktar tard mill‑5 ta’ Ġunju 2007. Id-data tat-tlestija tax-xogħlijiet kienet iffissata mis-sejħa għal offerti għat‑12 ta’ Novembru 2009.

5

Fl‑4 ta’ Ġunju 2007, Eltel ressqet l-offerta tagħha u, sussegwentement, rebħet il-kuntratt.

6

Fid‑19 ta’ Ġunju 2007, Eltel u Fingrid iffirmaw il-kuntratt dwar ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni. Dawn ix-xogħlijiet intemmu fit‑12 ta’ Novembru 2009. Fingrid ħallset lil Eltel l-aħħar parti tal-prezz għal dawn ix-xogħlijiet fis‑7 ta’ Jannar 2010.

7

Fil‑31 ta’ Jannar 2013, Empower Oy bagħtet talba għal klemenza lill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum li wasslet lil din l-awtorità tibda investigazzjoni dwar eventwali akkordju bejn din il-kumpannija u Eltel.

8

Fil‑31 ta’ Ottubru 2014, l-imsemmija awtorità aċċettat li Empower tibbenefika mill-klemenza u li din tiġi eżentata minn kull sanzjoni.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2014, l-istess awtorità pproponiet lill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) li tikkundanna lil Eltel Group u Eltel Networks Oy in solidum għal multa ta’ EUR 35000000 talli kisru l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni kif ukoll l-Artikolu 101 TFUE, billi dawn ftiehmu ma’ Empower fuq il-prezzijiet, il-marġni u t-tqassim tas-swieq ta’ ddisinjar u ta’ kostruzzjoni ta’ linji ta’ trażmissjoni tal-enerġija elettrika fil-Finlandja.

10

F’din id-deċiżjoni, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum qieset, barra minn hekk, li dan kien ksur uniku u kontinwu li ġie implimentat waqt laqgħat bejn ir-rappreżentanti ta’ Empower u ta’ Eltel, li matulhom dawn ittrattaw u saħansitra żviluppaw, flimkien, stimi ppreżentati fil-forma ta’ tabelli fuq il-kuntratti pubbliċi futuri ta’ linji ta’ trażmissjoni ta’ enerġija elettrika, il-prezzijiet tagħhom, il-marġni realizzabbli kif ukoll fuq it-tqassim ta’ ċerti swieq. Dan l-akkordju kien beda l-iktar tard f’Ottubru 2004 u kompla mingħajr interruzzjoni tal-inqas sax-xahar ta’ Marzu 2011. Il-ksur jirrigwarda t-territorju Finlandiż kollu u jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2016, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi), b’applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni, ċaħdet il-proposta ta’ multa, billi qieset li Eltel kienet waqfet tipparteċipa fir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni qabel il‑31 ta’ Ottubru 2009 u li, għaldaqstant, il-ksur relattiv kien preskritt fil-mument meta din il-proposta ġiet sottomessa lilha mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum, jiġifieri fil‑31 ta’ Ottubru 2014. Skont dik il-qorti, l-akkordju kien ċertament ikkonċerna x-xogħlijiet ta’ disinn li ppreċedew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni, li kienu previsti separatament u ntemmu f’Jannar 2007, iżda ma kienx ikopri x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ din il-linja ta’ vultaġġ għoli.

12

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum adixxiet lill-qorti tar-rinviju, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), b’appell mid-deċiżjoni tal-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) fejn talbet l-annullament tagħha kif ukoll il-kundanna ta’ Eltel għall-multa proposta. Din l-awtorità ssostni li l-proposta tagħha ta’ multa waslet il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) fit-terminu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni. Fil-fatt, sas‑7 ta’ Jannar 2010, data li fiha Fingrid ħallset lil Eltel l-aħħar parti tal-prezz tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni, il-kuntratt li jorbot lil dawn il-kumpanniji kien għadu fis-seħħ u ġiet applikata t-tariffikazzjoni illegali li tirriżulta mill-akkordju. Sussidjarjament, l-imsemmija awtorità ssostni li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ġiet fi tmiemha mhux qabel it‑12 ta’ Novembru 2009, id-data tat-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet. Skont l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum, kuntratt għal xogħlijiet li ngħata lil operatur li pparteċipa f’akkordju jipproduċi effetti konkreti ħafna u fit-tul għall-parti kontraenti li hija obbligata tħallas prezz ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta’ akkordju peress li l-ħlas ta’ dan il-prezz kien mifrux fuq diversi snin skont il-progress tal-proġett. B’hekk, f’kull skadenza annwali ta’ ħlas ta’ parti mix-xogħlijiet li kienu s-suġġett tal-akkordju, l-effetti dannużi tal-kuntratt ikollhom effett dirett fuq l-ispejjeż ta’ attività tal-parti kontraenti għas-sena kkonċernata u, konsegwentement, fuq ir-riżultati ekonomiċi tagħha kif ukoll, ulterjorment, fuq il-kompetittività tagħha fis-suq ikkonċernat. F’dan il-każ, peress li Fingrid ħallset għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni prezz ogħla minn dak li kien jiġi pprattikat fin-nuqqas ta’ akkordju, din l-ispiża addizzjonali kienet ukoll riflessa fil-prezz ta’ trasport tal-elettriku mħallas mill-utenti finali.

13

Eltel tiċħad, għal raġunijiet marbuta mal-evalwazzjoni tal-provi, l-eżistenza ta’ kull akkordju bejnha u Empower dwar il-linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li t-tul tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu jiġi ddeterminat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu l-impriżi li wettqu l-ksur implimentaw l-aġir ipprojbit. Fil-każ ta’ xogħlijiet li kienu s-suġġett ta’ sejħa għal offerti, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum tas-sottomissjoni tal-offerta, jiġifieri, f’dan il-każ l‑4 ta’ Ġunju 2007. Sussidjarjament, Eltel issostni li, meta l-prezz ikun għadu jista’ jiġi nnegozjat wara s-sottomissjoni tal-offerta, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt definittiv, f’dan il-każ id‑19 ta’ Ġunju 2007. Wara s-sottomissjoni tal-offerta jew, l-iktar tard, wara l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, il-prezz offrut jew miftiehem ma jkollu ebda effett fuq il-kuntratt, anki jekk it-twettiq tal-proġett inkwistjoni jew il-ħlas tal-porzjonijiet ta’ ħlas relatati miegħu jinfirxu ulterjorment fuq diversi snin. La r-ritmu tal-iżvolġiment tax-xogħlijiet u lanqas il-pjan tal-pagamenti relatati magħhom ma għandhom effett fuq il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat peress li dawn il-fatturi ma jbiddlux iktar il-prezz miftiehem.

14

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-effetti ekonomiċi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tat-tul tiegħu f’sitwazzjoni li fiha, l-ewwel nett, parti f’akkordju kkonkludiet ma’ terz kuntratt għal xogħlijiet bil-prezz miftiehem fil-kuntest ta’ dan l-akkordju, it-tieni nett, ix-xogħlijiet jintemmu diversi snin wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt u, it-tielet nett, il-ħlas tal-prezz huwa mqassam fi ħlasijiet li wħud minnhom isiru wara li jitlestew ix-xogħlijiet.

15

Mis-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1976, EMI Records (51/75, EU:C:1976:85), tat‑3 ta’ Lulju 1985, Binon (243/83, EU:C:1985:284), kif ukoll tat‑30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351), jirriżulta li huma l-effetti ekonomiċi tal-aġir antikompetittiv, u mhux il-forma ġuridika tiegħu li huma importanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-tul tiegħu. L-effetti ekonomiċi ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni jistgħu jkomplu anki wara l-waqfien formali ta’ ksur uniku u kontinwu, pereżempju, sat-tmiem tal-perijodu li matulu l-prezzijiet kollużivi kienu fis-seħħ.

16

Skont il-qorti tar-rinviju, din il-ġurisprudenza tissostanzja t-teżi li ksur tal-Artikolu 101 TFUE, bħal dak identifikat mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum fil-kawża prinċipali, ikompli sakemm il-parti kontraenti leża mill-akkordju tkun ħallset il-prezz kollużiv kollu fejn dan il-prezz jipproduċi effetti ekonomiċi fuq l-attività tagħha matul il-perijodu kollu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Madankollu, l-imsemmija ġurisprudenza tista’ wkoll tissostanzja indirettament it-teżi li l-effetti tal-prezz kollużiv fuq il-kompetizzjoni jibqgħu fis-seħħ sad-data tas-sottomissjoni tal-offerta jew tal-konklużjoni tal-kuntratt definittiv peress li l-imsemmi prezz ma jipproduċix iktar effetti fis-suq wara din id-data.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Is-sistema ta’ kompetizzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn parteċipant f’akkordju jkun ikkonkluda, ma’ terz barra mill-akkordju, kuntratt ta’ kostruzzjoni bħal dak li huwa s-suġġett tal-akkordju, il-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni jissokta, minħabba l-effetti ekonomiċi kkawżati minn tali sitwazzjoni, matul il-perijodu kollu li fih jitwettqu l-obbligi kuntrattwali ta’dan il-kuntratt, jew li fih ikompli jitħallas il-prezz għax-xogħlijiet lill-partijiet kontraenti, jiġifieri sal-punt li fih jitħallas l-aħħar pagament għax-xogħlijiet, jew minn tal-inqas sa kemm jitlestew ix-xogħlijiet inkwistjoni;

jew inkella huwa possibbli li jitqies li l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jissokta biss sal-punt li fih l-impriża li tkun wettqet il-ksur tkun ippreżentat offerta rigward ix-xogħlijiet inkwistjoni, jew tkun ikkonkludiet kuntratt għat-twettiq tax-xogħlijiet?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’liema mument għandu jitqies li tintemm l-allegata parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE li jikkonsisti fis-sottomissjoni miftiehma mal-kompetituri tagħha għal sejħa għal offerti, meta din l-impriża tkun rebħet dan u tkun ikkonkludiet, mal-awtorità kontraenti, kuntratt ta’ xogħlijiet li l-eżekuzzjoni u l-ħlas tal-prezz tiegħu huma mifruxa fiż-żmien.

19

F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi ddeterminat f’liema mument tintemm il-parteċipazzjoni preżunta ta’ impriża fi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, huma konċepibbli erba’ mumenti, jiġifieri, rispettivament, dak meta l-imsemmija impriża tkun issottomettiet l-offerta tagħha, dak fejn il-kuntratt ġie konkluż, dak fejn sar il-ħlas tal-aħħar parti tal-prezz miftiehem u dak meta x-xogħol li huwa s-suġġett tal-kuntratt ikun tlesta.

20

Skont l-Artikolu 101(1) TFUE, huma inkompatibbli mas-suq intern u pprojbiti kull ftehim bejn impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u kull prattika miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

21

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun hemm “ftehim” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa meħtieġ sempliċement li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, EU:C:1970:71, punt 112, kif ukoll tad‑29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, mhux ippubblikata, EU:C:1980:248, punt 86).

22

Il-kunċett ta’ “prattika miftiehma”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, ikopri forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma tkun wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim inkwantu tali, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Dawn il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu “prattika miftiehma”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kompetizzjoni li skontu kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina awtonomament il-politika li huwa għandu l-intenzjoni jadotta fis-suq intern (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 71).

24

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprekludi kull kuntatt, dirett jew indirett, bejn operaturi ekonomiċi, li jista’ jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku nnifsu ddeċieda li japplika jew li għandu l-intenzjoni li jadotta fis-suq meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 72).

25

Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ftehimiet dwar it-tqassim tal-klijentela jaqgħu, bħal kull ftehim ieħor dwar il-prezzijiet, taħt il-kategorija tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għandu jitfakkar ukoll li l-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu”, kif irrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippreżumi l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali”, li minnu jagħmlu parti diversi atti, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, u dan indipendentement mill-fatt li wieħed jew iktar minn dawn l-atti jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom innifishom u kkunsidrati individwalment, ksur tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-aġir tal-impriżi kkonċernati mill-investigazzjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum, identifikat minnha, kien jikkonsisti fiż-żamma ta’ laqgħat bejn rappreżentanti ta’ dawn l-impriżi, li matulhom dawn ittrattaw u xi kultant żviluppaw, flimkien, stimi ppreżentati fil-forma ta’ tabelli fuq is-sejħiet għal offerti pubbliċi futuri għall-kostruzzjoni ta’ linji ta’ trażmissjoni ta’ enerġija elettrika, fuq il-prezzijiet tagħhom, fuq il-marġni li jistgħu jitwettqu u fuq it-tqassim ta’ dawn is-sejħiet għal offerti kif ukoll fuq is-sottomissjoni miftiehma tal-imsemmija sejħiet għal offerti. Din l-awtorità kklassifikat dan l-aġir bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE.

28

Fir-rigward tal-aħħar aġir ta’ Eltel li l-imsemmija awtorità kkunsidrat li jaqa’ taħt dan il-ksur, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-awtorità kkunsidrat li, qabel it-tressiq tal-offerti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti li tirrigwarda l-kostruzzjoni tal-linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni, li kien jirrikjedi li kull offerent jagħmel offerta bi prezz fiss, Eltel kienet ikkonkludiet mal-kompetitur tagħha Empower il-prezz tal-offerti rispettivi tagħhom. Sussegwentement, dawn il-kumpanniji ssottomettew l-offerti tagħhom u Eltel rebħet il-kuntratt fuq il-bażi tal-offerta tagħha. Din kienet fis-seħħ sad‑19 ta’ Ġunju 2007, data li fiha ġie konkluż kuntratt bejn Eltel u Fingrid bil-prezz indikat fl-imsemmija offerta.

29

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 20 sa 26 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali aġir, jekk in-natura materjali tiegħu tiġi stabbilita, jista’, bħala prinċipju, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

30

Fir-rigward tat-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur bħal dan, hija ġurisprudenza stabbilita li s-sistema ta’ kompetizzjoni stabbilita mill-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tikkonċerna r-riżultati ekonomiċi tal-ftehimiet, jew ta’ kull forma paragunabbli ta’ ftehim jew ta’ koordinazzjoni, iktar milli l-forma ġuridika tagħhom. Konsegwentement, fil-każ ta’ akkordji li waqfu milli jkunu fis-seħħ, jeħtieġ sempliċement, sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 101 TFUE, li l-effetti tagħhom ikomplu wara l-waqfien formali tal-kuntatti kollużivi. Minn dan jirriżulta li t-tul tal-perijodu tal-ksur jista’ jiġi evalwat skont dak li matulu l-impriżi inkriminati implimentaw aġir ipprojbit mill-imsemmija dispożizzjoni. Pereżempju, it-tul tal-ksur jista’ jinkludi l-perijodu kollu li matulu l-prezzijiet kollużivi kienu fis-seħħ, minkejja li l-akkordju jkun diġà waqaf formalment milli jkun fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, kif inhu mfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li s-sottomissjoni miftiehma għas-sejħa għal offerti għall-kuntratt li jirrigwarda l-kostruzzjoni tal-linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni tikkostitwixxi l-aħħar aġir ta’ Eltel li l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum qieset li jaqa’ taħt il-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont din l-awtorità, Eltel u Empower, minn naħa, ftiehmu fuq il-prezzijiet tal-offerti rispettivi tagħhom u, min-naħa l-oħra, implimentaw dan il-ftehim billi ssottomettew offerti kkoordinati b’dan il-mod.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għal evalwazzjoni definittiva mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha li ġew sottomessi lilha, għandu jiġi kkunsidrat li t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Eltel fil-ksur allegat fl-Artikolu 101(1) TFUE jkopri l-perijodu kollu li matulu din l-impriża implimentat il-ftehim antikompetittiv li hija kienet ikkonkludiet mal-kompetituri tagħha, li jinkludi l-perijodu li matulu l-offerta bi prezz fiss li l-imsemmija impriża ssottomettiet kienet fis-seħħ jew setgħet tiġi ttrasformata f’kuntratt definittiv bejn Eltel u Fingrid.

33

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum kif ukoll il-Gvern Finlandiż, Ġermaniż u Latvjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, ma jistax jitqies li l-parteċipazzjoni ta’ Eltel fil-ksur allegat tal-Artikolu 101(1) TFUE tkopri perijodu li jestendi lil hinn mid-data li fiha ġew iddeterminati b’mod definittiv il-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt li jirrigwarda l-kostruzzjoni tal-linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni u b’mod partikolari l-prezz globali li għandu jitħallas bħala korrispettiv għal dawn ix-xogħlijiet.

34

Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 33 sa 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan li għandu jintlaħaq mir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mfakkar fil-punt 38 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343), intiż li ma jipproteġix biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq inkwistjoni u b’hekk il-kompetizzjoni bħala tali, jirrikjedi li jiġi kkunsidrat li ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jdum daqskemm tippersisti r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-aġir ikkonċernat.

35

Issa, fir-rigward tal-aġir ipprojbit mill-Artikolu 101(1) TFUE li jikkonsisti fil-manipulazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti organizzata fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, permezz ta’ ftehim bejn il-kompetituri fuq il-prezzijiet li għandhom jiġu proposti fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal offerti u/jew fir-rigward tal-għoti tagħha, l-effetti restrittivi tal-akkordju miftiehem jisparixxu, bħala prinċipju, l-iktar tard mill-mument fejn il-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt, u b’mod partikolari l-prezz globali li għandu jitħallas bħala korrispettiv għall-oġġetti, għax-xogħlijiet, jew għas-servizzi oġġett tal-kuntratt ikunu ġew definittivament iddeterminati, jekk ikun il-każ, bil-konklużjoni ta’ kuntratt bejn l-offerent rebbieħ u l-awtorità kontraenti, billi huwa f’dan il-mument li din tal-aħħar tiġi definittivament imċaħħda mill-possibbiltà li tikseb l-oġġetti, ix-xogħlijiet jew is-servizzi inkwistjoni taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. F’dan il-każ hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika d-data li fiha l-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt inkwistjoni, u b’mod partikolari l-prezz globali li għandu jitħallas bħala korrispettiv għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-linja ta’ vultaġġ għoli inkwistjoni, ġew iddeterminati b’mod definittiv.

36

Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argument imressaq mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum kif ukoll mill-Gvern Finlandiż, Ġermaniż u Latvjan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom, li skontu l-effetti ekonomiċi dannużi tal-akkordju fuq il-prezz miftiehem fil-kuntratt konkluż bejn Eltel u Fingrid immanifestaw ruħhom sal-mument tal-ħlas tal-aħħar parti ta’ dan il-prezz u seta’ kellhom riperkussjonijiet ekonomiċi dannużi iktar ’il quddiem, b’mod partikolari, fil-forma ta’ tariffi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku ogħla fuq il-klijenti ta’ Fingrid.

37

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha ssir distinzjoni bejn l-effetti restrittivi tal-akkordju miftiehem, li jikkonsistu fl-esklużjoni tal-kompetituri offerenti u/jew il-limitazzjoni eventwalment artifiċjali tal-għażla tal-klijent, u li jipprekludu l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tikseb l-oġġetti, ix-xogħlijiet jew is-servizzi miftiehma f’kundizzjonijiet kompetittivi, u l-effetti ekonomiċi ikbar dannużi għall-atturi l-oħra tal-kuntratt li jirriżultaw minn dan u li fir-rigward tagħhom dawn l-atturi jistgħu, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jitolbu l-kumpens quddiem il-qorti nazzjonali.

38

Barra minn hekk, il-kwistjonijiet tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tali azzjoni għad-danni, bħal fil-każ ta’ azzjoni eventwali tal-awtorità kontraenti intiża li tikkontesta l-legalità tas-sejħa għal offerti jew li tirrexxindi l-kuntratt, jikkostitwixxu kwistjonijiet legali distinti minn dawk tad-data li fiha ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun intemm u tat-terminu li matulu tista’ tiġi imposta sanzjoni għal dan il-ksur qabel ma tkun ingħalqet il-preskrizzjoni.

39

Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ifformulat mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum kif ukoll mill-Gvern Finlandiż u dak Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom li skontu l-fatt li jiġi kkunsidrat tul tal-ksur qasir wisq f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmur kontra r-rekwiżit ta’ effettività tal-Artikolu 101 TFUE, peress li ammont ogħla ta’ reati jibqa’ mhux issanzjonat minħabba l-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni.

40

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li d-dritt tal-Unjoni, b’applikazzjoni tal-prinċipji karatteristiċi ta’ Unjoni ta’ dritt, jaċċetta l-prinċipju nnifsu tal-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jiġi investigat u ssanzjonat il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, l-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika li t-tul tal-perijodu tal-ksur jiġi estiż b’mod artifiċjali sabiex tkun tista’ ssir il-prosekuzzjoni tiegħu.

41

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta impriża li allegatament ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu ta’ din id-dispożizzjoni, li l-aħħar element kostituttiv tiegħu kien jikkonsisti fis-sottomissjoni miftiehma mal-kompetituri tagħha ta’ offerta f’sejħa għal offerti intiża għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, tkun rebħet il-kuntratt inkwistjoni u kkonkludiet mal-awtorità kontraenti kuntratt għal xogħlijiet li jiddetermina l-karatteristiċi essenzjali ta’ dan il-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet u b’mod partikolari l-prezz globali li għandu jitħallas bħala korrispettiv għall-imsemmija xogħlijiet, li l-eżekuzzjoni u l-ħlas tagħhom ikunu mifruxa maż-żmien, il-perijodu tal-ksur jikkorrispondi għal dak sad-data tal-iffirmar tal-kuntratt konkluż bejn l-imsemmija impriża u l-awtorità kontraenti fuq il-bażi tal-offerta miftiehma li din kienet issottomettiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika d-data li fiha l-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt inkwistjoni, u b’mod partikolari l-prezz globali li għandu jitħallas bħala korrispettiv għax-xogħlijiet, ikunu ġew definittivament iddeterminati.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta impriża li allegatament ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu ta’ din id-dispożizzjoni, li l-aħħar element kostituttiv tiegħu kien jikkonsisti fis-sottomissjoni miftiehma mal-kompetituri tagħha ta’ offerta f’sejħa għal offerti intiża għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, tkun rebħet il-kuntratt inkwistjoni u kkonkludiet mal-awtorità kontraenti kuntratt għal xogħlijiet li jiddetermina l-karatteristiċi essenzjali ta’ dan il-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet u b’mod partikolari l-prezz globali li għandu jitħallas bħala korrispettiv għall-imsemmija xogħlijiet, li l-eżekuzzjoni u l-ħlas tagħhom ikunu mifruxa maż-żmien, il-perijodu tal-ksur jikkorrispondi għal dak sad-data tal-iffirmar tal-kuntratt konkluż bejn l-imsemmija impriża u l-awtorità kontraenti fuq il-bażi tal-offerta miftiehma li din kienet issottomettiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika d-data li fiha l-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt inkwistjoni, u b’mod partikolari l-prezz globali li għandu jitħallas bħala korrispettiv għax-xogħlijiet, ikunu ġew definittivament iddeterminati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top