EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0402

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Settembru 2020.
LM vs Centre public d'action sociale de Seraing.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour du travail de Liège.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Ġenitur ta’ wild maġġorenni li jbati minn marda gravi – Deċiżjoni ta’ ritorn – Rimedju ġudizzjarju – Effett sospensiv ipso jure – Salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn – Bżonnijiet bażiċi – Artikoli 7, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-402/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:759

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Ġenitur ta’ wild maġġorenni li jbati minn marda gravi – Deċiżjoni ta’ ritorn – Rimedju ġudizzjarju – Effett sospensiv ipso jure – Salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn – Bżonnijiet bażiċi – Artikoli 7, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑402/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura,

LM

vs

Centre public d’action sociale de Seraing,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn M. J.-C Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u M. N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u A. Azema, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LM, ċittadin ta’ pajjiż terz, u s-centre public d’action sociale de Seraing (iċ-Ċentru Pubbliku ta’ Azzjoni Soċjali ta’ Seraing, il-Belġju, iktar ’il quddiem iċ-“CPAS”) fir-rigward ta’ deċiżjonijiet adottati minn dan tal-aħħar li jirtiraw lil-LM il-benefiċċju tal-għajnuna soċjali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)

‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

5)

‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru”.

4

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

[…]

c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat

u, jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

5

L-Artikolu 8(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.”

6

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Posponiment ta’ tneħħija”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

a)

meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement jew

b)

sakemm jingħata effett sospensiv skond l-Artikolu 13(2).”

7

L-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 jistipula:

“1.   Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.

2.   L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.”

8

L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 u matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta skond l-Artikolu 9:

a)

tinżamm l-għaqda tal-familja ma’ membri tal-familja preżenti fit-territorju tagħhom;

b)

jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard;

c)

jingħata aċċess lill-minuri għas-sistema bażika ta’ l-edukazzjoni soġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom;

d)

jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli.”

Id-dritt Belġjan

9

L-Artikolu 57(2) tal-loi organique des centres publics d’action sociale (il-Liġi Organika taċ-Ċentri Pubbliċi ta’ Azzjoni Soċjali) tat-8 ta’ Lulju 1976 (Moniteur belge tal-5 ta’ Awwissu 1976, p. 9876) jipprovdi:

“Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din il-liġi, il-missjoni taċ-Ċentru Pubbliku ta’Azzjoni Soċjali hija limitata għal:

l-għoti ta’ għajnuna medika urġenti, fil-konfront ta’ barrani li jirrisjedi illegalment fir-Renju;

[…]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Fl-20 ta’ Awwissu 2012, LM ippreżenta, għalih innifsu u għal bintu R, li dak iż-żmien kienet minuri, applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal raġunijiet mediċi, motivati mill-fatt li R issofri minn diversi mardiet gravi.

11

Peress li dawn l-applikazzjonijiet ġew iddikjarati ammissibbli fis-6 ta’ Marzu 2013, LM ibbenefika mill-għajnuna soċjali, fejn din tal-aħħar kienet akkarigu taċ-CPAS.

12

L-awtorità kompetenti adottat u rtirat suċċessivament tliet deċiżjonijiet li jiċħdu l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ residenza mressqa minn LM. Ir-raba’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dawn l-applikazzjonijiet ġiet adottata fit-8 ta’ Frar 2016. Din id-deċiżjoni kienet akkumpanjata minn ordni ta’ tluq mit-territorju Belġjan.

13

Fil-25 ta’ Marzu 2016 LM ressaq rikors intiż għall-annullament u għas-sospensjoni tal-imsemmija deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjonijiet tiegħu u tal-ordni ta’ tluq mit-territorju quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju).

14

Iċ-CPAS irtira l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali lil-LM mis-26 ta’ Marzu 2016, li kienet id-data tal-iskadenza tat-terminu għat-tluq volontarju li kien ingħatalu permezz tal-ordni ta’ tluq mit-territorju Belġjan. Iċ-CPAS, min-naħa l-oħra, ta’ lil LM il-benefiċċju tal-għajnuna medika urġenti b’effett mit-22 ta’ Marzu 2016.

15

Wara proċedura għal miżuri proviżorji mibdija minn LM quddiem it-tribunal du travail de Liège (it-Tribunal Industrijali ta’ Liège, il-Belġju), id-drittijiet tal-persuna kkonċernata li tirċievi l-għajnuna soċjali reġgħu ġew stabbiliti.

16

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tas-16 ta’ Mejju 2017, iċ-CPAS irtira dawn id-drittijiet għall-għajnuna soċjali b’effett mill-11 ta’ April 2017, jiġifieri d-data ta’ meta bint LM saret maġġorenni.

17

LM ippreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-tribunal du travail de Liège (it-Tribunal Industrijali ta’ Liège). Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ April 2018, l-imsemmija qorti qieset li l-irtirar tad-drittijiet għall-għajnuna soċjali kienet fondata legalment b’effett mid-data ta’ meta R saret maġġorenni.

18

Fit-22 ta’ Mejju 2018, LM appella minn din is-sentenza quddiem il-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju).

19

Dik il-qorti tikkonstata li d-deterjorazzjoni prevedibbli tal-istat tas-saħħa ta’ R fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha jidher li jikkorrispondi mal-punti kollha tal-livell ta’ gravità meħtieġ sabiex jitqies li t-tneħħija tal-persuna kkonċernata għandha tesponiha għal trattamenti inumani u degradanti. Barra minn hekk, hija tosserva li, fid-dawl tal-istat tas-saħħa ta’ R, il-preżenza ta’ missierha ma’ djulha tibqa’ kompletament indispensabbli daqs meta hija kienet minuri.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tal-Liġi Belġjana tat‑8 ta’ Lulju 1976 bażika taċ-ċentri pubbliċi ta’ azzjoni soċjali, imur kontra l-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva [2008/115], moqrija fid-dawl tal-Artikoli 19(2), u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva u tal-Artikoli 7 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali […] kif interpretati mis-sentenza [tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453)]:

l-ewwel nett, sa fejn dan iwassal sabiex barrani li huwa ċittadin ta’ Stat terz u li jkun qiegħed jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jiġi mċaħħad mit-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż, sa fejn huwa possibbli, tal-bżonnijiet bażiċi tiegħu matul l-eżerċizzju tar-rikors għal annullament u sospensjoni li jkun ippreżenta, f’ismu personali u bħala rappreżentant tal-wild tiegħu li f’dak iż-żmien ikun għadu minuri, kontra deċiżjoni li tkun ordnatilhom li jitilqu mit-territorju ta’ Stat Membru,

filwaqt li, it-tieni nett, minn naħa, l-imsemmi wild li llum huwa maġġuri huwa milqut minn marda serja li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tista’ tesponi għal riskju serju ta’ deterjorament serju u irreversibbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu u li, min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ dan il-ġenitur mal-wild maġġuri tiegħu titqies indispensabbli mill-korp mediku minħabba l-vulnerabbiltà tiegħu li tirriżulta mill-istat ta’ saħħa tiegħu (attakki rikorrenti taċ-ċelluli “sickle” reċidivi u neċessità ta’ intervent kirurġiku sabiex tiġi evitata l-paraliżi)?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

21

Il-Gvern Belġjan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, sa fejn din tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ regola tad-dritt Belġjan ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), peress li, fil-fehma tiegħu, ma teżisti l-ebda rabta ta’ konnessjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ LM u d-dritt tal-Unjoni.

22

Dan il-gvern għalhekk iqis li LM ma huwiex intitolat għall-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali. Fil-fatt, dan ma huwiex is-suġġett ta’ tneħħija u ma jinstabx f’waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, peress li, minn naħa, it-terminu għat-tluq volontarju li kien ingħatalu skada u li, min-naħa l-oħra, huwa ma jinstabx f’perijodu li matulu ġiet posposta t-tneħħija.

23

Barra minn hekk, peress li LM ma jbatix minn marda gravi, l-eventwali tneħħija tiegħu ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 19(2) tal-Karta. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tiegħu ma hijiex paragunabbli għal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453).

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata skont dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwidi kollha għall-interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1981, Frans-Nederlandse Maatschappij voor Biologische Producten, 272/80, EU:C:1981:312, punt 9, u tat-30 ta’ April 2020, CTT – Correios de Portugal, C‑661/18, EU:C:2020:335, punt 28).

25

Għaldaqstant, għalkemm it-termini tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern mad-dritt tal-Unjoni, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju billi tipprovdilha l-gwidi għall-interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi hija stess dwar il-kompatibbiltà tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, sa fejn din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2020, CTT – Correios de Portugal, C‑661/18, EU:C:2020:335, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula hija, b’mod partikolari, intiża li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 huwiex applikabbli għal ċittadin ta’ pajjiż terz bħal ma huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali, minkejja li ma jbatix minn marda gravi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-argumenti ppreżentati mill-Gvern Belġjan, li jgħid li s-sitwazzjoni ta’ LM ma għandha l-ebda rabta ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni, huwa indisassoċjabbilment marbut mar-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula u ma huwiex, b’konsegwenza ta’ dan, ta’ natura li jwassal għall-inammissibbiltà ta’ din id-domanda (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2019, KPMG Baltics, C‑639/17, EU:C:2019:31, punt 11, u tat-3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 30).

27

Minn dan isegwi li d-domanda magħmula hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

28

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli‑5, 13 u 14 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7, tal-Artikolu 19(2) kif ukoll tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid tar-responsabbiltà, sa fejn possibbli, tal-bżonnijiet bażiċi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz meta:

huwa ppreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu;

il-wild maġġorenni ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ibati minn marda gravi;

il-preżenza tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ djul dan il-wild maġġorenni hija indispensabbli għal dan tal-aħħar, u

meta ġie ppreżentat rikors f’isem l-imsemmi wild maġġorenni kontra deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu, li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponi lil dan tal-aħħar għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat tas-saħħa tiegħu.

29

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi ċerti salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn, b’mod partikolari matul perijodi li matulhom it-tneħħija tkun ġiet posposta b’mod konformi mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 55).

30

Għalkemm mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet Belġjani ma ddeċidewx formalment li jipposponi t-tneħħija tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu ta’ posponiment tat-tneħħija previst fl-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmija direttiva japplika fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom Stat Membru huwa obbligat li jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn wara li jkun ġie ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 57).

31

Minn dan isegwi li s-salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu żgurati fis-sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li joffri lil ċittadin ta’ pajjiż terz rimedju b’effett sospensiv ipso jure kontra deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 5358).

32

Hemm, għalhekk, lok li jiġi ddeterminat, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, jekk missier wild maġġorenni li huwa marid gravi, li l-preżenza tiegħu ma’ djul dan il-wild maġġorenni hija indispensabbli għal dan tal-aħħar, għandux jibbenefika, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn tali rimedju b’effett sospensiv.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115, ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv sabiex jikkontesta deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu, iżda li dan ir-rimedju ma għandux, neċessarjament, effett sospensiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 4344).

34

Madankollu, il-karatteristiċi tal-imsemmi rimedju għandhom jiġu ddeterminati b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprevedi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu, u mal-prinċipju ta’ non-refoulement, iggarantit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 19(2) tal-Karta u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 4546, kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 5253).

35

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li r-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn għandu, sabiex jiġi żgurat, fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ non-refoulement u tal-Artikolu 47 tal-Karta, ikollu effett sospensiv ipso jure, peress li l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tista’, b’mod partikolari, tesponi lil dan iċ-ċittadin għal riskju reali li jiġi ssuġġettat għal trattamenti li jiksru l-Artikolu 19(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 56).

36

Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tesponi lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda gravi għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat tas-saħħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 53).

37

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ġenitur ta’ tali ċittadin ta’ pajjiż terz ma huwiex, minħabba din il-kwalità waħedha, direttament espost għal riskju li jkun suġġett għal trattamenti li jiksru l-Artikolu 19(2) tal-Karta fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

38

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu li jiġi żgurat, f’ċerti każijiet, li ċittadin ta’ pajjiż terz li jbati minn marda gravi jibbenefika minn rimedju b’effett sospensiv ipso jure kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu huwa intiż, fl-aħħar mill-aħħar, li jiggarantixxi li din id-deċiżjoni ma tiġix eżegwita qabel ma l-argumenti invokati insostenn ta’ dan ir-rimedju ma jiġu eżaminati minn awtorità kompetenti, sa fejn din l-eżekuzzjoni tkun timplika ritorn lejn pajjiżi terzi li fih hemm ir-riskju li dan iċ-ċittadin iġarrab trattamenti inumani jew degradanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 4950).

39

L-għan ta’ dan l-obbligu huwa, għalhekk, li jippermetti li l-persuna kkonċernata tibqa’ temporanjament fit-territorju tal-Istat Membru li adotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħha.

40

Madankollu, meta din il-persuna hija, minħabba l-istat tas-saħħa tagħha, kompletament dipendenti fuq ġenitur li l-preżenza tiegħu ma’ djulha hija indispensabbli, ikun hemm ir-riskju li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn adottata fir-rigward ta’ dan il-ġenitur, sa fejn din timplika t-tluq immedjat tal-imsemmi ġenitur lejn pajjiżi terzi, tipprekludi, effettivament, lill-imsemmija persuna milli tibqa’ temporanjament fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

41

Għaldaqstant, il-fatt li l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ ritorn tiġi awtorizzata qabel ma awtorità kompetenti teżamina l-argument ibbażat fuq is-sitwazzjoni ta’ dan il-wild jirriskja li, fil-prattika, iċaħħad lill-imsemmi wild mill-protezzjoni li minnha huwa għandu jibbenefika abbażi tal-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 19(2) u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk, sabiex tiġi ggarantita l-effettività ta’ din il-protezzjoni, il-ġenitur tal-istess wild għandu, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jibbenefika minn rimedju b’effett sospensiv ipso jure kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu.

42

Iċ-ċirkustanza li l-wild ikkonċernat kien maġġorenni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tal-ġenitur tiegħu jew li huwa sar maġġorenni matul il-proċedura huwa indifferenti f’dan ir-rigward, sakemm ikun stabbilit li, minkejja l-fatt li dan il-wild huwa maġġorenni, huwa jkun għadu dipendenti fuq il-ġenitur tiegħu.

43

Barra minn hekk, peress li l-Gvern Belġjan isostni li rimedju b’effett sospensiv ipso jure għandu, f’kull każ, jiġi ggarantit biss kontra deċiżjoni ta’ tneħħija u mhux kontra deċiżjoni ta’ ritorn, għandu jiġi speċifikat li l-protezzjoni ġudizzjarja żgurata lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponih għal riskju reali li jkun suġġett għal trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 19(2) tal-Karta, tkun insuffiċjenti jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollux tali rimedju b’effett sospensiv kontra din id-deċiżjoni, b’effett min-notifika tagħha.

44

Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 3(3) sa (5) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li, mid-definizzjoni tagħha stess, deċiżjoni ta’ ritorn timponi obbligu, fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat minnha, li jirritorna lejn pajjiżi terzi, filwaqt li l-kunċett ta’ “tneħħija” jiddenota t-trasferiment fiżiku ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz il-barra mill-Istat Membru kkonċernat.

45

Għaldaqstant, anki fi Stat Membru li fih, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, att separat li jordna t-tneħħija jiġi adottat wara d-deċiżjoni ta’ ritorn, din id-deċiżjoni għandha, minnha nnifisha, l-effett li tipprekludi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat milli jkun jista’ jibqa’ temporanjament fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sakemm iseħħ l-eżami tal-argumenti ppreżentati insostenn tar-rikors ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni. Ir-realizzazzjoni tal-għan espost fil-punt 39 ta’ din is-sentenza timponi, konsegwentement, li tiġi ggarantita s-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, li ma tistax tiġi ssostitwita validament mis-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija li tista’ tiġi adottata sussegwentement.

46

Min-naħa l-oħra, ir-rabta stabbilita espliċitament mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn l-Artikolu 9(1)(b), l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/115 turi li din l-aħħar dispożizzjoni għandha b’mod partikolari l-għan li toffri salvagwardji minimi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul kull perijodu li matulu l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn ippronunċjata fil-konfront tagħhom għandha imperattivament tiġi posposta.

47

Madankollu, is-soluzzjoni ssuġġerita mill-Gvern Belġjan tkun tippermettilha, bil-kontra ta’ dan, li l-Istati Membri joffru tali salvagwardji biss fil-każijiet fejn, minbarra d-deċiżjoni ta’ ritorn, tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ tneħħija. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiddifferixxu, għad-diskrezzjoni tagħhom, l-għoti ta’ dawn is-salvagwardji billi jastjenu ruħhom milli jadottaw deċiżjoni ta tneħħija.

48

Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ippreċiżat, fil-punt 56 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465), li l-obbligu li jiġi previst, f’ċerti każijiet, rimedju b’effett sospensiv ipso jure kontra deċiżjoni ta’ ritorn huwa impost, a fortiori, fir-rigward ta’ eventwali deċiżjoni ta’ tneħħija, u ddeċidiet, għalhekk, li dan l-obbligu ma kienx limitat għal dan tal-aħħar tip ta’ deċiżjoni.

49

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Belġjan intiż li jistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni Belġjana li tirregola r-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

50

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ wild maġġorenni marid gravi li huwa dipendenti fuqu u li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponi lil dan il-wild maġġorenni għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat tas-saħħa tiegħu, għandu jibbenefika mis-salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115.

51

Abbażi ta’ dawn is-salvagwardji, l-Istati Membri għandhom, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a), (b) u (d), ta’ din id-direttiva, jiżguraw li, sa fejn possibbli, tinżamm l-għaqda tal-familja ma’ membri tal-familja preżenti fit-territorju tagħhom, li tiġi żgurata l-kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard u li jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli.

52

L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji tippreżupponi li l-bżonnijiet bażiċi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali jittieħdu inkunsiderazzjoni, fin-nuqqas ta’ dan, hekk kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju u hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-rikorrent ma jkunx f’pożizzjoni li jibqà ma’ djul wildu maġġorenni u li jagħtih is-sostenn li huwa għandu bżonn matul il-perijodu li matulu dan tal-aħħar jista’ jibqa’ temporanjament fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 60).

53

Madankollu, dan l-obbligu jimponi ruħu biss jekk dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollux il-mezzi li jippermettulu li jipprevedi huwa nnifsu għall-bżonnijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 59).

54

Barra minn hekk, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-forma li għandu jkollu dan it-teħid tar-responsabbiltà tal-bżonnijiet bażiċi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 61). Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li dan it-teħid tar-responsabbiltà jista’ jieħu l-forma ta’ għajnuna soċjali mogħtija direttament lill-wild maġġorenni, sakemm din tkun xierqa u suffiċjenti sabiex jiġi żgurat l-imsemmi teħid tar-responsabbiltà kif ukoll sabiex il-ġenitur ta’ dan il-wild ikun jista’ jagħtih is-sostenn li huwa għandu bżonn, fatt li għandu, jekk ikun il-każ, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 5, 13 u 14 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7, tal-Artikolu 19(2) kif ukoll tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid tar-responsabbiltà, sa fejn possibbli, tal-bżonnijiet bażiċi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz meta:

huwa ppreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu;

il-wild maġġorenni ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ibati minn marda gravi;

il-preżenza tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ djul dan il-wild maġġorenni hija indispensabbli;

ġie ppreżentat rikors f’isem l-imsemmi wild maġġorenni kontra deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu u li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponi lil dan tal-aħħar għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat tas-saħħa tiegħu, u meta

l-istess ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux il-mezzi li jippermettulu li jipprovdi huwa nnifsu għall-bżonnijiet tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-parties fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 5, 13 u 14 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7, tal-Artikolu 19(2) kif ukoll tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix it-teħid tar-responsabbiltà, sa fejn possibbli, tal-bżonnijiet bażiċi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz meta:

 

huwa ppreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu;

il-wild maġġorenni ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ibati minn marda gravi;

il-preżenza tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz ma’ djul dan il-wild maġġorenni hija indispensabbli;

ġie ppreżentat rikors f’isem l-imsemmi wild maġġorenni kontra deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fil-konfront tiegħu u li l-eżekuzzjoni tagħha tista’ tesponi lil dan tal-aħħar għal riskju serju ta’ deterjorament gravi u irriversibbli tal-istat tas-saħħa tiegħu, u meta

l-istess ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux il-mezzi li jippermettulu li jipprovdi huwa nnifsu għall-bżonnijiet tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top