EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0081

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Lulju 2020.
NG u OH vs SC Banca Transilvania SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Kunċett ta’ ‘Dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi’ – Dispożizzjonijiet supplenti – Kuntratt ta’ self redatt f’munita barranija – Klawżola dwar ir-riskju tal-kambju.
Kawża C-81/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:532

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2) – Kunċett ta’ ‘Dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi’ – Dispożizzjonijiet supplenti – Kuntratt ta’ self redatt f’munita barranija – Klawżola dwar ir-riskju tal-kambju”

Fil-Kawża C‑81/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

NG,

OH

vs

SC Banca Transilvania SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, L. Bay Larsen, C. Toader u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal NG u OH, minn V. Lupu u G. Perju, avocaţi,

għal SC Banca Transilvania SA, minn S. Tîrnoveanu, L. Retegan u A. Iorgulescu, avocaţi,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn E. Gane, L. Liμu, O.-C. Ichim kif ukoll minn C.-R. Canţăr, sussegwentement minn E. Gane, L. Liμu u O.-C. Ichim, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u E. Lankenau, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-19 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn NG u OH, minn naħa, u SC Banca Transilvania SA (iktar’ il quddiem “Banca Transilvania”), min-naħa l-oħra, dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt ta’ self ta’ rifinanzjament konkluż bejn dawn il-partijiet, redatt f’munita barranija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont it-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13:

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”.

4

L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża zbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[…]”

Id-dritt Rumen

6

L-Artikolu 1578 tal-Cod Civil (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), ipprovda:

“L-obbligu li jirriżulta minn self fi flus huwa dejjem biss dak tas-somma li tissemma fil-kuntratt.

Jekk kien hemm żieda jew tnaqqis fil-valur tal-munita qabel iż-żmien tal-ħlas, id-debitur għandu jagħti s-somma numerika mislufa u għandu jagħti din is-somma biss fil-munita viġenti fil-mument tal-ħlas.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Fil-31 ta’ Marzu 2006, NG u OH ikkonkludew kuntratt ta’ self għall-konsum ma’ SC Volksbank România SA, li sussegwentement saret Banca Transilvania, li permezz tiegħu din tal-aħħar tathom is-somma ta’ RON 90000 (lei Rumeni) (madwar EUR 18930) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inizjali”).

8

Fil-15 ta’ Ottubru 2008, dawn l-istess partijiet ikkonkludew kuntratt ta’ self redatt fi franki Svizzeri (CHF), intiż għar-rifinanzjament tal-kuntratt inizjali (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ rifinanzjament”). Dan tal-aħħar kien jinvolvi s-somma ta’ CHF 65000 (madwar EUR 42139), jiġifieri madwar RON 159126 bir-rata tal-kambju applikabbli bejn dawn il-muniti fid-data tal-iffirmar tal-imsemmi kuntratt.

9

Skont ir-regoli interni ta’ Banca Transilvania, il-livell massimu ta’ dejn awtorizzat kien ta’ 55 % tal-kapaċità finanzjarja ta’ min jissellef. Fir-rigward ta’ NG u OH, dan il-limitu ġie kkalkolat billi ttieħdet inkunsiderazzjoni r-rata tal-kambju tal-frank Svizzeru meta mqabbel mal-leu Rumen (iktar ’il quddiem ir-“rata tal-kambju CHF/RON”) kif kienet tapplika qabel l-iffirmar tal-kuntratt ta’ rifinanzjament u kien jirrappreżenta, fid-data tal-konklużjoni tas-self, 35.04 % tad-dħul tagħhom.

10

Il-punt 1 tat-Taqsima 4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ rifinanzjament kien jistipula li kull ħlas imwettaq abbażi tiegħu kellu jsir fil-munita li fiha kien redatt is-self. Ġie ppreċiżat ukoll li min jissellef seta’ jitlob lill-bank, taħt ċerti kundizzjonijiet, li s-self jiġi redatt f’munita ġdida, mingħajr madankollu ma dan ikun marbut li jaċċedi għal tali talba. Kien previst ukoll li l-bank kien inkarigat sabiex iwettaq il-bidla, f’isem u għall-persuna li tissellef, għall-finijiet ta’ likwidazzjoni tal-obbligi ta’ ħlas dovuti, bl-użu tar-rata tal-kambju tiegħu stess.

11

Il-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju CHF/RON bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2008 u x-xahar ta’ April 2017 kellhom l-effett ta’ żieda b’RON 117760 (madwar EUR 24772) tas-somma mislufa lil NG u OH.

12

Fit-23 ta’ Marzu 2017, NG u OH ressqu azzjoni quddiem it-Tribunalul Specializat Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj, ir-Rumanija) intiża sabiex tiġi kkonstatata, b’mod partikolari, in-natura inġusta tal-punt 1 tat-Taqsima 4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ rifinanzjament. NG u OH sostnew ukoll li Banca Transilvania kienet naqset mill-obbligu tagħha ta’ informazzjoni billi ma avżathomx, matul in-negozjati u l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, bir-riskju li kien hemm fil-konverżjoni tal-kuntratt inizjali f’munita barranija. B’mod partikolari, peress li l-persuni li ssellfu għandhom biss dħul irċevut f’lei Rumeni, Banca Transilvania kellha tiġbed l-attenzjoni tagħhom dwar l-effetti ta’ żvalutazzjoni ta’ din il-munita meta mqabbla mal-munita barranija li fiha s-self kellu jiġi rrimborsat. Barra minn hekk, il-klawżola ta’ rimbors f’munita barranija toħloq żbilanċ għad-detriment tal-persuni li jissellfu, peress li huma biss ibatu r-riskju tal-kambju. Għaldaqstant, NG u OH talbu lit-Tribunalul Specializat Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj) sabiex ir-rata tal-kambju CHF/RON tiġi mblokkata għal dik kif kienet fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ rifinanzjament, kif ukoll sabiex jiġu rrimborsati s-somom imħallsa abbażi ta’ rata tal-kambju inqas favorevoli.

13

Dik il-qorti laqgħet parzjalment l-azzjoni mressqa minn NG u OH. Madankollu, hija ċaħdet it-talba dwar l-iffissar tar-rata tal-kambju CHF/RON fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ rifinanzjament. Sabiex tagħmel dan, l-imsemmija qorti kkunsidrat, minn naħa, li minkejja li l-klawżola li tinsab fil-punt 1 tat-Taqsima 4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ rifinanzjament kienet tirrifletti l-prinċipju msejjaħ “nominaliżmu monetarju”, kif stabbilit fl-Artikolu 1578 tal-Kodiċi Ċivili, din kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 minħabba n-natura mhux imperattiva, iżda supplenti ta’ tali dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija qorti qieset li hija setgħet teżamina n-natura inġusta ta’ din il-klawżola. Fi tmiem dan l-eżami, hija, min-naħa l-oħra, ikkonstatat li l-imsemmija klawżola kienet ifformulata f’termini ċari u li jiftiehmu u li Banca Transilvania kienet issodisfat l-obbligu tagħha ta’ informazzjoni, peress li din ma setgħetx tipprevedi l-varjazzjonijiet sinjifikattivi tar-rata tal-kambju CHF/RON.

14

NG u OH, minn naħa, kif ukoll Banca Transilvania, min-naħa l-oħra, appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija). Banca Transilvania ssostni, kontra l-appell ippreżentat minn NG u OH, li l-punt 1 tat-Taqsima 4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ rifinanzjament, li jipprovdi li kull ħlas imwettaq abbażi tal-imsemmi kuntratt kellu jsir fil-munita li fiha kien redatt is-self, jaqa’ taħt l-għan prinċipali ta’ dan il-kuntratt. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni kuntrattwali tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva imperattiva, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, li ma tistax tkun suġġetta għal stħarriġ dwar in-natura inġusta tagħha.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703), jirriżulta li meta klawżola kuntrattwali tirrifletti dispożizzjoni imperattiva tad-dritt nazzjonali li tapplika bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom jew dispożizzjoni ta’ natura supplenti u għalhekk applikabbli awtomatikament, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet f’dan ir-rigward, din ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

16

Din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 1578 tal-Kodiċi Ċivili huwa ta’ natura supplenti, iżda saret applikazzjoni diverġenti mill-qrati Rumeni tas-soluzzjoni stabbilita fis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703).

17

Il-parti l-kbira ta’ dawn il-qrati jiddeċiedu li l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu din id-dispożizzjoni leġiżlattiva ma jistgħux ikunu suġġetti għal eżami tan-natura inġusta tagħhom, bħala regoli supplenti li japplikaw awtomatikament fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet. Madankollu, numru partikolari ta’ qrati Rumeni jqisu li klawżola bħal din ġiet imposta mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-konsumatur. Peress li dan tal-aħħar ma setax jeskludiha bl-inklużjoni ta’ klawżola differenti fil-kuntratt, l-istħarriġ tan-natura possibbilment inġusta tagħha ma jistax jiġi eskluż.

18

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-opinjoni tal-maġġoranza tal-qrati nazzjonali tnaqqas, sakemm teliminaha, id-distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ natura imperattiva u dawk ta’ natura supplenti, u dan iwassal sabiex dawn jiġu suġġetti, f’dak li jirrigwarda l-eżami tan-natura possibbilment inġusta tagħhom, għall-istess sistema legali.

19

Tali interpretazzjoni ssib is-sors tagħha f’differenza terminoloġika bejn il-verżjoni bil-lingwa Rumena tal-kliem tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 u l-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-istess artikolu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, jekk din il-verżjoni tal-aħħar tuża t-terminu “impératif” [“imperattiv”], il-verżjoni fil-lingwa Rumena tirreferi għad-“dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari obbligatorji”. Din il-qorti tenfasizza li, kuntrarjament għat-terminu “impératif”, li jeskludi, fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ natura supplenti, it-terminu “obbligatorju” jinkludi tali dispożizzjonijiet. Fil-fatt, jekk id-dispożizzjonijiet imperattivi huma obbligatorji, id-dispożizzjonijiet supplenti jsiru wkoll hekk wara l-għażla magħmula mill-partijiet kontraenti li ma jidderogawx minnhom.

20

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, dwar x’inhi l-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-bank fir-rigward ta’ varjazzjonijiet futuri fir-rata tal-kambju ta’ munita u liema huma l-miżuri li huwa għandu jadotta sabiex jiggarantixxi l-effettività tad-drittijiet irrikonoxxuti lill-konsumatur mid-Direttiva 93/13 meta ma jkunx hemm dispożizzjoni supplenti sabiex tissostitwixxi klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha tkun ġiet ikkonstatata.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1[(2)] tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-eżami tal-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali li tirriproduċi regola supplettiva li l-partijiet setgħu jidderogaw minnha, deroga li madankollu huma ma għamlux sa fejn din il-klawżola ma kienet is-suġġett ta’ ebda negozjar, bħall-klawżola eżaminata f’din il-kawża, li teżiġi li s-self jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija bħal dik li s-self ingħata fiha?

2)

Meta kalkoli jew previżjonijiet dwar l-impatt ekonomiku ta’ eventwali varjazzjoni fir-rata ta’ kambju fuq l-obbligi ta’ ħlas kollha li jirriżultaw mill-kuntratt ma jkunux ġew ippreżentati lill-konsumatur meta jingħata s-self f’munita barranija, jista’ wieħed jargumenta ġustament li tali klawżola, li tpoġġi r-riskju kollu ta’ bidla fuq il-konsumatur (konformement mal-prinċipju ta’ nominaliżmu), hija ċara u li tinftiehem u li l-bejjiegħ jew fornitur jew il-bank issodisfaw b’bona fide l-obbligu tagħhom li jinformaw lill-parti kontraenti tagħhom, meta l-livell massimu ta’ dejn tal-konsumaturi impost mill-Bank nazzjonali tar-Rumanija ġie kkalkulat b’riferiment għar-rata ta’ kambju fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tas-self?

3)

Id-Direttiva 93/13 u l-ġurisprudenza relatata magħha kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività jipprekludu li, wara l-konstatazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola dwar ir-responsabbiltà għar-riskju ta’ bidla, il-kuntratt jissussisti mingħajr modifiki? Liema modifika tkun possibbli sabiex titwarrab il-klawżola inġusta u jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali, iżda li tirrifletti regola li, skont il-liġi nazzjonali, tapplika bejn il-partijiet kontraenti meta ma jkun ġie miftiehem ebda arranġament ieħor f’dan ir-rigward, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

23

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, li jirrigwarda l-klawżoli li jirriflettu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi, jistabbilixxi esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 52).

24

Din l-esklużjoni hija ta’ interpretazzjoni stretta u l-applikazzjoni tagħha tippreżupponi li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li, minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun imperattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punti 3031 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Kif joħroġ mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13, l-espressjoni “disposizzjonijiet mandatarji [imperattivi] statutorji jew regolatorji”, li tinsab fl-Artikolu 1(2) tagħha, tkopri wkoll ir-regoli li, skont il-liġi nazzjonali, japplikaw bejn il-partijiet kontraenti meta ma jkun ġie miftiehem ebda arranġament ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 26, u tat-3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 29).

26

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod repetittiv li din l-esklużjoni mill-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 93/13 hija ġġustifikata mill-fatt li, bħala prinċipju, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet għal ċerti kuntratti (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 28, u tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 53).

27

Għaldaqstant, il-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti ma jikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, iżda l-ġustifikazzjoni ta’ tali esklużjoni.

28

Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-klawżola kuntrattwali kkonċernata tirriflettix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw b’mod imperattiv bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom jew dispożizzjonijiet ta’ natura supplenti u għaldaqstant applikabbli awtomatikament, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 26; tal-10 ta’ Settembru 2014, KušionováC‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 79; tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 2930, u tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 32).

29

F’dan il-każ mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-klawżola stipulata fil-punt 1 tat-Taqsima 4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ rifinanzjament, li n-natura inġusta tagħha hija allegata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tipprevedi li “[k]ull ħlas magħmul abbażi tal-kuntratt għandu jsir fil-munita tas-self […]”.

30

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li tali klawżola tirrifletti l-prinċipju ta’ “nominaliżmu monetarju”, kif stipulat fl-Artikolu 1578 tal-Kodiċi Ċivili. Skont dan l-artikolu, “id-debitur għandu jħallas is-somma numerika mislufa u għandu jħallas din is-somma biss fil-munita viġenti fil-mument tal-ħlas”. Barra minn hekk, dik il-qorti kklassifikat l-Artikolu 1578 tal-Kodiċi Ċivili bħala dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ natura supplenti, jiġifieri li din tkun applikabbli għall-kuntratti ta’ self meta l-partijiet ma jkunux għamlu arranġament differenti.

31

Għaldaqstant, peress li, skont il-qorti tar-rinviju, il-klawżola tal-kundizzjonijiet ġenerali li n-natura inġusta tagħhom hija allegata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrifletti dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija ta’ natura supplenti, hija taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.

32

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-verżjoni bil-lingwa Rumena, il-kliem tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 juża l-espressjoni “normă obligatorie” (“dispożizzjoni obbligatorja”) fejn il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tuża dik ta’ “disposition impérative” (“dispożizzjoni imperattiva”). Kuntrarjament għat-terminu “imperattiv”, li jeskludi d-dispożizzjonijiet ta’ natura supplenti, it-terminu “obbligatorju” jinkludi tali dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat liema verżjoni lingwistika hija korretta, billi wieħed jibbaża ruħu fuq l-iskop finali u l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-unika bażi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-iskop finali tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 48, u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 42).

34

Kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-espressjoni “dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, tkopri wkoll, fid-dawl tat-tlettax-il premessa tagħha, regoli supplenti, jiġifieri dawk li, skont il-liġi, japplikaw bejn il-partijiet kontraenti meta ma jkun ġie miftiehem ebda arranġament ieħor. Issa, minn din il-perspettiva, din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet li japplikaw indipendentement mill-għażla tal-partijiet kontraenti u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet supplenti.

35

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li tista’ ssir deroga minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali supplenti huwa irrilevanti għall-finijiet tal-verifika dwar jekk klawżola kuntrattwali li tirrifletti tali dispożizzjoni hijiex eskluża, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

36

Min-naħa l-oħra, il-fatt li klawżola kuntrattwali li tirrifletti waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma kinitx suġġetta għal negozjati individwali ma għandux effett fuq l-esklużjoni tagħha mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, l-assenza ta’ negozjati individwali hija kundizzjoni marbuta mal-ftuħ tal-istħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżola li ma jistax iseħħ meta l-klawżola kuntrattwali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li ma kinitx suġġetta għal negozjati individwali, iżda li tirrifletti regola li, skont il-liġi nazzjonali, tapplika bejn il-partijiet kontraenti meta ma jkun ġie miftiehem ebda arranġament ieħor f’dan ir-rigward, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

38

Billi l-qorti tar-rinviju tqis li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrifletti dispożizzjoni nazzjonali kklassifikata li hija supplenti, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet premessi li din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 skont l-Artikolu 1(2) tagħha. Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali li ma kinitx suġġetta għal negozjati individwali, iżda li tirrifletti regola li, skont il-liġi nazzjonali, tapplika bejn il-partijiet kontraenti meta ma jkun ġie miftiehem ebda arranġament ieħor f’dan ir-rigward, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top