EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0016

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Jannar 2021.
VL vs Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b) – ‘Kunċett ta’ diskriminazzjoni’ – Diskriminazzjoni diretta – Diskriminazzjoni indiretta – Diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Differenza fit-trattament fi ħdan grupp ta’ ħaddiema b’diżabbiltà – Għoti ta’ suppliment tas-salarju lill-ħaddiema b’diżabbiltà li ssottomettew, wara data magħżula mill-persuna li timpjega, ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà – Esklużjoni tal-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew id-dikjarazzjoni tagħhom qabel din id-data.
Kawża C-16/19.

Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:64

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(1) u (2)(a) u (b) – ‘Kunċett ta’ diskriminazzjoni’ – Diskriminazzjoni diretta – Diskriminazzjoni indiretta – Diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Differenza fit-trattament fi ħdan grupp ta’ ħaddiema b’diżabbiltà – Għoti ta’ suppliment tas-salarju lill-ħaddiema b’diżabbiltà li ssottomettew, wara data magħżula mill-persuna li timpjega, ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà – Esklużjoni tal-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew id-dikjarazzjoni tagħhom qabel din id-data”

Fil-Kawża C‑16/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

VL

vs

Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan u M. Ilešič, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, T. von Danwitz (Relatur), S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VL, minn M. Podskalna u A. M. Niżankowska‑Horodecka, adwokaci,

għas-Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, minn A. Salamon, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn A. Siwek‑Ślusarek u D. Lutostańska, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn A. Pimenta, J. Marques u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Szmytkowska u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VL u Szpital Kliniczny im. j. J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie (sptar kliniku J. Babiński, stabbiliment pubbliku awtonomu tal-kura tas-saħħa ta’ Kraków, il-Polonja) dwar il-ħlas ta’ suppliment tas-salarju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 11 u 12 tad-Direttiva 2000/78 jiddikjaraw:

“(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat [FUE], speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti [fl-Unjoni Ewropea]. […]”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1;

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)

fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

6

L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li din id-Direttiva, sa fejn tirrelata ma’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżablità u età, m’għandhiex tapplika għall-forzi armati.”

Id-dritt Pollakk

7

L-Artikolu 113 yal-Kodeks pracy (il-Kodiċi tax-Xogħol), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Hija inammissibbli kull diskriminazzjoni fir-rigward tax-xogħol, diretta jew indiretta, b’mod partikolari, minħabba s-sess, l-età, id-diżabbiltà, ir-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, il-fehmiet politiċi, is-sħubija f’sindakat, l-oriġini etnika, it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali, u anki minħabba t-tip ta’ kuntratt għal żmien definit jew indefinit, full-time jew part-time.”

8

Skont l-Artikolu 183a ta’ dan il-kodiċi:

“§ 1.   Il-ħaddiema għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod għal dak li jirrigwarda l-ħolqien u t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-promozzjoni u l-aċċess għat-taħriġ professjonali, mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, tas-sess, età, diżabbiltà, razza, reliġjon, nazzjonalità, fehmiet politiċi, sħubija f’sindakat, oriġini etnika, twemmin, orjentazzjoni sesswali, u anki indipendentement mit-tip ta’ kuntratt għal żmien definit jew indefinit, full-time jew part-time.

§ 2.   L-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tax-xogħol tfisser l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, ibbażata fuq xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

§ 3.   Ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta, għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, ħaddiem ikun jew jista’ jkun ittrattat b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema oħrajn f’sitwazzjoni simili..

§ 4.   Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta, minħabba dispożizzjoni, kriterju li jiġi applikat jew azzjoni li tittieħed li tkun apparentement newtrali, iseħħu jew jistgħu jseħħu inugwaljanzi sfavorevoli jew sitwazzjonijiet partikolarment sfavorevoli għal dak li jirrigwarda il-ħolqien jew it-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-promozzjoni, l-aċċess għat-taħriġ professjonali, fir-rigward tal-ħaddiema kollha jew parti sinjifikattiva minnhom, li jappartjenu lil grupp li huwa kkaratterizzat minn raġuni waħda jew iktar imsemmija fil-paragrafu 1, ħlief jekk id-dispożizzjoni, il-kriterju jew l-azzjoni jkunu oġġettivament iġġustifikati b’għan leġittimu u l-mezzi sabiex dan jintlaħaq ikunu neċessarji jew xierqa

[…]”

9

L-Artikolu 183b tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“§ 1.   Il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tax-xogħol, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, ifisser distinzjoni li ssir mill-persuna li timpjega tas-sitwazzjoni tal-ħaddiem għal raġuni waħda jew iktar imsemmija fl-Artikolu 183a(1), li jkollha bħala effett, b’mod partikolari:

1)

ir-rifjut li tiġi konkluża r-relazzjoni ta’ xogħol jew it-terminazzjoni tagħha,

2)

id-determinazzjoni sfavorevoli tal-paga jew tal-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol jew l-esklużjoni mill-promozzjoni jew minn servizzi oħra marbutin max-xogħol,

3)

[…]

– Sakemm il-persuna li timpjega ma turix li aġixxiet minħabba għanijiet iġġustifikati.

[…]”

10

L-Artikolu 2a(1) tal-ustawa o rehabilitacji zawodowej i społecznej oraz zatrudnianiu osób niepełnosprawnych (il-Liġi dwar ir-Riabilitazzjoni Professjonali u Soċjali u l-Impjieg tal-Persuni b’Diżabbiltà), tas‑27 ta’ Awwissu 1997 (Dz. U. Nru 123, pożizzjoni 776), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas‑27 ta’ Awwissu 1997”), jipprovdi:

“Persuna b’diżabbiltà titqies bħala li tagħmel parti mill-ħaddiema b’diżabbiltà b’effett mid-data li fiha hija tissottometti lill-persuna li timpjega ċertifikat ta’ rikonoxximent tal-invalidità tagħha. […]”

11

Bis-saħħa tal-Artikolu 21 ta’ din il-liġi:

“1.   Persuna li timpjega li tħaddem 25 ħaddiem jew iktar f’termini ta’ xogħol full-time hija obbligata […] tħallas kontribuzzjonijiet ta’ kull xahar fil-[Fond Nazzjonali għar-Riabilitazzjoni tal-Persuni b’Diżabbiltà (PFRON)] fl-ammont ta’ 40.65 % tas-salarju medju mmultiplikat bin-numru ta’ ħaddiema ekwivalenti għad-differenza bejn in-numru ta’ ħaddiema li jiggarantixxu l-osservanza tal-indiċi ta’ okkupazzjoni ta’ 6 % tal-persuni b’diżabbiltà u n-numru effettiv ta’ persuni b’diżabbiltà impjegati.

2.   Il-persuni li jimpjegaw li jħaddmu tal-anqas is-6 % ta’ ħaddiema b’diżabbiltà huma eżentati mill-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

VL ġiet impjegata bħala psikologa fl-isptar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-iktar riċenti mit‑3 ta’ Ottubru 2011 sat‑30 ta’ Settembru 2016. Fit‑8 ta’ Diċembru 2011 hija kisbet ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà, li ġiet ikklassifikata bħala moderata u permanenti, li hija bagħtet lill-persuna li timpjegaha fil‑21 ta’ Diċembru 2011.

13

Fit-tieni semestru tas-sena 2013, wara laqgħa mal-persunal, id-direttur tal-isptar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ddeċieda li jagħti suppliment tas-salarju ta’ kull xahar, li jammonta għal 250 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 60), lill-ħaddiema li jissottomettulu, wara din il-laqgħa, ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà.

14

Din il-miżura kienet intiża sabiex jitnaqqas l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-isptar inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-Fond Nazzjonali għar-Riabilitazzjoni tal-Persuni b’Diżabbiltà (iktar ’il quddiem il-“PFRON”).

15

Fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, is-suppliment tas-salarju ngħata individwalment lil tlettax-il ħaddiem li ssottomettew id-dikjarazzjoni tagħhom ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà wara din il-laqgħa. Min-naħa l-oħra, sittax-il ħaddiem li kienu ssottomettew iċ-ċertifikat tagħhom lill-persuna li timpjega qabel l-imsemmija laqgħa, fosthom VL, ma bbenefikawx mill-imsemmi suppliment.

16

VL ippreżentat rikors kontra l-persuna li timpjegaha quddiem is-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Nowej Huty w Krakowie IV Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków - Nowa Huta, IV Diviżjoni tax-Xogħol u tal-Assigurazzjonijiet Soċjali, il-Polonja), billi sostniet li hija kienet ġarrbet diskriminazzjoni fil-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni.

17

Peress li din il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħha, VL appellat quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja).

18

Fil-kuntest tal-appell tagħha, VL issostni li l-persuna li timpjegaha tat is-suppliment tas-salarju lil grupp ta’ ħaddiema li jikkondividu karatteristika komuni, jiġifieri diżabbiltà, iżda bil-kundizzjoni li jkunu ttrażmettew iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà tagħhom wara data magħżula minnu, li kellu l-effett li jeskludi lill-ħaddiema li ssottomettew iċ-ċertifikat tagħhom qabel din id-data ta’ benefiċċju minn dan is-suppliment tas-salarju. VL tqis li tali prattika, li l-għan tagħha kien li tħeġġeġ lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu għadhom ma ssottomettewx ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà biex jagħmlu dan, sabiex jitnaqqas l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-isptar inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-PFRON, tmur kontra d-Direttiva 2000/78, li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, ibbażata fuq id-diżabbiltà.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, tistax isseħħ meta ssir distinzjoni minn persuna li timpjega fi ħdan l-istess grupp ta’ ħaddiema ddefiniti mill-istess karatteristika protetta, f’dan il-każ id-diżabbiltà, mingħajr ma l-ħaddiema b’diżabbiltà inkwistjoni jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 2 tad-Direttiva [2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trattament differenti ta’ membri individwali ta’ grupp iddistingwit permezz ta’ karatteristika protetta (diżabbiltà) jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jekk il-persuna li timpjega tittratta membri individwali ta’ dak il-grupp b’mod differenti abbażi ta’ kriterju apparentement newtrali, u dan il-kriterju ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat oġġettivament b’għan leġittimu, u jekk il-miżuri meħuda sabiex jintlaħaq dan l-għan ma jkunux xierqa u meħtieġa?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prattika ta’ persuna li timpjega, li tikkonsisti fl-esklużjoni, minn data magħżula minnha, mill-benefiċċju ta’ suppliment ta’ salarju mħallas lill-ħaddiema b’diżabbiltà b’korrispettiv għas-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà, tal-persuni li diġà jkunu ssottomettew tali ċertifikat lil din il-persuna li timpjega qabel l-imsemmija data, tista’ taqa’ taħt il-“kunċett ta’ diskriminazzjoni” msemmi f’din id-dispożizzjoni.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 fil-limiti tal-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandha testendi għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-organi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija u ta’ remunerazzjoni.

23

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dan għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’ u jinkludi, b’mod partikolari, il-vantaġġi kollha fi flus jew in natura, attwali jew futuri, sakemm dawn jingħataw, anki jekk b’mod indirett, mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem b’konsegwenza tal-impjieg ta’ dan tal-aħħar, irrispettivament minn jekk dan iseħħx bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol, ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew b’mod volontarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, C, C‑122/15, EU:C:2016:391, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għaldaqstant, suppliment ta’ salarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li jaqa’ taħt il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

25

Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, għandu qabel kollox jiġi ddeterminat jekk differenza fit-trattament li sseħħ fi ħdan grupp ta’ persuni b’diżabbiltà tistax taqa’ taħt il-“kunċett ta’ diskriminazzjoni”, imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jiddefinixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-finijiet ta’ din id-direttiva bħala l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, fosthom id-diżabbiltà.

28

Dan l-istess Artikolu 2 jipprevedi, fil-paragrafu 2(a) tiegħu, li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn kif persuna oħra qed tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew ser tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tad-diżabbiltà, u fil-paragrafu 2(b) tiegħu, li, b’eċċezzjoni għall-każijiet imsemmija fil-punti (i) u (ii) ta’ dan is-subparagrafu (b), isseħħ diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju u jew prattika apparentement newtrali tkun tista’ tikkawża żvantaġġ speċifiku lil persuni, b’mod partikolari, li jkollhom diżabbiltà speċifika meta mqabbla ma’ persuni oħra.

29

F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi rrilevat li, billi tirreferi, minn naħa, għad-diskriminazzjoni “fuq bażi” ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, u, min-naħa l-oħra, għal trattament inqas favorevoli “[fuq il-bażi]” ta’ wieħed minn dawn il-motivi, u billi jintużaw il-kliem persuna “oħra” u “persuni oħra”, il-kliem tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva ma jippermettix li jiġi konkluż li, fir-rigward tar-raġuni protetta li tikkostitwixxi d-diżabbiltà, imsemmija fl-Artikolu 1, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista mill-imsemmija direttiva hija limitata għas-sempliċi differenzi fit-trattament eżistenti bejn il-persuni li għandhom diżabbiltà u persuni li ma għandhomx diżabbiltà. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija espressjoni “fuq bażi”, imsemmija iktar ’il fuq, jirriżulta li diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens ta’ din l-istess direttiva, tista’ tiġi kkonstatata biss meta t-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ speċifiku inkwistjoni jkun imġarrab minħabba diżabbiltà.

30

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-direttiva lanqas ma jagħtu lok għal limitazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 1 l-Artikolu 3(4) kif ukoll il-premessi 11 u 12 tal-imsemmija direttiva jirreferu b’mod ġenerali għad-diskriminazzjoni “fuq bażi”, b’mod partikolari, tad-diżabbiltà, huma ma jinkludu ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-persuna jew tal-grupp ta’ persuni li jistgħu jservu bħala paragun sabiex tiġi evalwata l-eżistenza eventwali ta’ tali diskriminazzjoni.

31

Fit-tielet lok, l-għan li d-Direttiva 2000/78 tixtieq tilħaq jimmilita favur interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva fis-sens li din ma tillimitax iċ-ċirku tal-persuni li fir-rigward tagħhom jista’ jsir paragun, bil-għan li tiġi identifikata diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tal-imsemmija direttiva, għal dawk li ma għandhomx diżabbiltà.

32

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 u kif jirriżulta kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-iskop tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq id-diżabbiltà għal dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol sabiex fl-Istati Membri jiġi implimentat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi kull persuna tingħata protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq din ir-raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

B’dan il-mod id-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza, fil-qasam li hija tkopri, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Issa, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tad-Direttiva 2000/78 f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol huwa l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sanċit mill-imsemmija direttiva f’dan il-qasam ma japplikax għal kategorija speċifika ta’ persuni iżda skont ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, elenkati b’mod eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 3846, kif ukoll tal‑21 ta’ Mejju 2015, SCMD, C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punt 29).

35

Għalkemm huwa minnu li l-każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, huma, bħala regola ġenerali, dawk li fihom persuni b’diżabbiltà huma suġġetti għal trattament inqas favorevoli jew iġarrbu żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni li ma għandhomx diżabbiltà, il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva titnaqqas li kieku kellu jitqies li sitwazzjoni li fiha tali diskriminazzjoni sseħħ fi ħdan grupp ta’ persuni li kollha għandhom diżabbiltà taħrab, mid-definizzjoni tagħha stess, mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni ddikjarata minnha għas-sempliċi raġuni li d-differenza fit-trattament isseħħ bejn persuni b’diżabbiltà.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif sostnew kemm il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha waqt is-seduta kif ukoll il-Gvern Pollakk u dak Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mid-Direttiva 2000/78 huwa intiż li jipproteġi ħaddiem li għandu diżabbiltà fis-sens ta’ din id-direttiva kontra kull diskriminazzjoni bbażata fuqu mhux biss meta mqabbel mal-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà iżda wkoll meta mqabbel mal-ħaddiema l-oħra li għandhom diżabbiltà.

37

Huwa fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni li, sussegwentement, għandu jiġi evalwat jekk tistax taqa’ taħt il-“kunċett ta’ diskriminazzjoni”, imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, il-prattika ta’ persuna li timpjega li tikkonsisti fl-esklużjoni, minn data magħżula minnu, mill-benefiċċju ta’ suppliment ta’ salarju mħallas lill-ħaddiema b’diżabbiltà b’korrispettiv għas-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà, tal-persuni li diġà jkunu ssottomettew tali ċertifikat lil din il-persuna li timpjega qabel l-imsemmija data.

38

Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni biex tevalwa l-fatti u biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk il-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvix diskriminazzjoni pprojbita mid-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba tagħti risposti utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet, fuq il-bażi tal-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-osservazzjonijiet bil-miktub u orali mressqa quddiemha, ta’ natura li jippermettu lil din il-qorti tiddeċiedi fil-kawża konkreta li biha hija adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 36, kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth, C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 79).

39

Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju rreferiet, fid-domanda tagħha, għall-eżistenza ta’ differenza fit-trattament li hija bbażata fuq kriterju apparentement newtrali, jiġifieri d-data ta’ trażmissjoni taċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà, dan il-fatt waħdu ma jipprekludix, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, sew jekk għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha sew jekk le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, dawk l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi b’mod partikolari kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà.

41

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq id-diżabbiltà, mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, kif imfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li tali diskriminazzjoni sseħħ meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn kif persuna oħra qed tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew ser tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli fuq il-bażi tad-diżabbiltà.

42

Minn naħa, għandu jitfakkar li r-rekwiżit relatat man-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

B’mod iktar partikolari, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli, fejn l-eżami ta’ din in-natura paragunabbli ma għandux isir b’mod globali u astratt iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-benefiċċju kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Min-naħa l-oħra, ma jistax jitqies li dispożizzjoni jew prattika toħloq inugwaljanza fit-trattament direttament ibbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, sa fejn din hija bbażata fuq kriterju li ma huwiex marbut indissoċabbilment mad-diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2018, Ruiz Conejero, C‑270/16, EU:C:2018:17, punt 7).

45

F’dan ir-rigward, fir-rigward tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva minbarra d-diżabbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-istatus taż-żwieġ tal-ħaddiema u mhux espressament fuq l-orjentazzjoni sesswali tagħhom kienet tikkostitwixxi madankollu diskriminazzjoni diretta bbażata fuq din l-orjentazzjoni, peress li, ladarba ż-żwieġ kien, fiż-żmien tal-fatti kkunsidrati, irriżervat, fl-Istati Membri kkonċernati, għall-persuni ta’ sess differenti, il-ħaddiema omosesswali kienu fl-impossibbiltà li jissodisfaw il-kundizzjoni neċessarja sabiex jiksbu l-benefiċċju mitlub. F’sitwazzjoni bħal din, l-istatus matrimonjali ma setax jiġi kkunsidrat bħala kriterju apparentement newtrali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 73; tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punti 4952, kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Hay, C‑267/12, EU:C:2013:823, punti 41, 4447).

46

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li differenza fit-trattament bejn ħaddiema bbażata fuq jekk dawn jistgħux jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija u mhux espressament fuq l-età, fil-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ allowance speċjali ta’ tkeċċija, kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, sa fejn, peress li din l-ammissjoni hija suġġetta għal kundizzjoni ta’ età minima, l-imsemmija differenza fit-trattament kienet tibbaża ruħha fuq kriterju indissoċjabbilment marbut mal-età (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, EU:C:2010:600, punti 2324).

47

Bl-istess ħsieb, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tippermetti lil persuna li timpjega tkeċċi persuni impjegati li jkunu kisbu d-dritt għal pensjoni ta’ rtirar kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess peress li d-dritt għal tali pensjoni kien jinkiseb għan-nisa f’età iżgħar meta mqabbel mal-età li fiha kien jinkiseb l-imsemmi dritt għall-irġiel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, Kleist, C‑356/09, EU:C:2010:703, punt 46).

48

Minn dan isegwi li meta persuna li timpjega tittratta lil ħaddiem b’mod inqas favorevoli minn kif ħaddiem ieħor minn tagħha qed jiġi ttrattat, ġie ttrattat jew ser jiġi ttrattat f’sitwazzjoni paragunabbli u meta jirriżulta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, li dan it-trattament sfavorevoli jseħħ fuq il-bażi tad-diżabbiltà ta’ dan l-ewwel ħaddiem, sa fejn huwa bbażat fuq kriterju indissoċjabbilment marbut ma’ din id-diżabbiltà, tali trattament imur kontra l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta ddikjarata fl-Artikolu 2(2) (a) tad-Direttiva 2000/78.

49

F’dan il-każ, huwa qabel kollox paċifiku li l-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq differenza fit-trattament peress li l-ħaddiema b’diżabbiltà li sottomettew lill-isptar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ċ-ċertifikat tagħhom ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà qabel id-data tal-laqgħa msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, fosthom VL, ġew ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema b’diżabbiltà li, f’dik id-data, kienu għadhom ma ssottomettewx iċ-ċertifikat tagħhom peress li huma biss dawn tal-aħħar li kellhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mis-suppliment ta’ salarju propost mill-persuna li timpjegahom, billi jipprovdulha, minn din id-data, ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà. Fil-fatt, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuna li timpjega ma tidhirx li ħalliet il-possibbiltà lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu diġà ssottomettewlha ċ-ċertifikazzjoni tagħhom li jissottomettu mill-ġdid iċ-ċertifikat tagħhom jew li jissottomettu ċertifikat ġdid sabiex jibbenefikaw minn tali suppliment tas-salarju.

50

Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-għan ta’ dan is-suppliment tas-salarju, li ġie stabbilit bil-għan li jitnaqqas l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-isptar inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-PFRON, billi, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawk il-ħaddiema b’diżabbiltà diġà impjegati minn dan l-isptar u li kienu għadhom ma ssottomettewx iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà tagħhom jiġu inkoraġġuti jibagħtuh, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema b’diżabbiltà kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-ħaddiema kienu diġà daħlu fis-servizz tal-isptar inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-mument meta dan tal-aħħar iddeċieda li jistabbilixxi tali suppliment tas-salarju u kollha kkontribwew għall-ekonomija li din il-persuna li timpjega xtaqet tikseb, indipendentement mid-data li fiha huma ssottomettew iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà tagħhom.

51

Fl-aħħar nett, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-interpretazzjoni tagħha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, jekk il-kundizzjoni ratione temporis imposta mill-persuna li timpjega sabiex tibbenefika mis-suppliment tas-salarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri s-sottomissjoni taċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà wara data magħżula minn din tal-aħħar, tikkostitwixxix kriterju indissoċjabbilment marbut mad-diżabbiltà tal-ħaddiema li ġew irrifjutati dan is-suppliment, f’liema każ għandha tiġi kkonstatata diskriminazzjoni diretta bbażata fuq din id-diżabbiltà.

52

Fost l-indizji partikolarment sinjifikattivi għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni hemm, minn naħa, iċ-ċirkustanza, irrilevata minn VL, li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà jagħti drittijiet speċifiċi li l-ħaddiem jista’ jinvoka mal-persuna li timpjega li huma direttament ibbażati fuq l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem b’diżabbiltà.

53

Min-naħa l-oħra, sa fejn il-persuna li timpjega ma tidhirx li ħalliet il-possibbiltà lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu diġà ssottomettewlha ċ-ċertifikat tagħhom li jissottomettu mill-ġdid iċ-ċertifikat tagħhom jew li jissottomettu ċertifikat ġdid, il-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma kinitx prevista mil-Liġi tas‑27 ta’ Awwissu 1997 u li għaliha ebda kriterju trasparenti ma jidher li ġie stabbilit minn qabel fid-dawl tal-għoti jew le tas-suppliment tas-salarju inkwistjoni, setgħet kienet ta’ natura li tqiegħed definittivament lil grupp kjarament identifikat ta’ ħaddiema, kompost mill-ħaddiema kollha li għandhom diżabbiltà li dwarhom il-persuna li timpjegahom neċessarjament kienet taf l-istat ta’ diżabbiltà meta ġiet introdotta din il-prattika, fl-impossibbiltà li jissodisfa din il-kundizzjoni ratione temporis. Fil-fatt, dawn tal-aħħar kienu uffiċjalizzaw dan l-istat minn qabel permezz tas-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà.

54

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li teżisti diskriminazzjoni diretta, tali diskriminazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Hay, C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 45).

55

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali diskriminazzjoni tista’ tirriżulta minn miżura li, għalkemm ifformulata b’mod newtrali, jiġifieri b’riferiment għal kriterji mhux marbuta mal-karatteristika protetta, twassal madankollu sabiex tiżvantaġġa b’mod partikolari l-persuni li għandhom din il-karatteristika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 94, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, jekk il-qorti tar-rinviju kellha, b’mod definittiv, tikkonstata li d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta minn prattika apparentement newtrali, hija jkollha tivverifika ulterjorment jekk din id-differenza fit-trattament kellhiex l-effett li tqiegħed partikularment fi żvantaġġ lil persuni li għandhom ċertu diżabbiltajiet meta mqabbla ma’ persuni li għandhom diżabbiltajiet oħra. Fil-fatt, id-Direttiva 2000/78 tipprevedi d-diżabbiltà b’mod ġenerali u, b’hekk, mingħajr distinzjoni jew limitazzjoni, id-diżabbiltajiet kollha, fis-sens tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2016, Daouidi, C‑395/15, EU:C:2016:917, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

B’mod partikolari, hija din il-qorti li għandha tfittex jekk, billi ssuġġetta l-benefiċċju tas-suppliment tas-salarju għall-kundizzjoni li ċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà jiġi trażmess wara data li huwa stess għażel, il-prattika stabbilita mill-isptar inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhiex l-effett li tiżvantaġġa ċerti ħaddiema b’diżabbiltà minħabba n-natura partikolari tad-diżabbiltà tagħhom, b’mod partikolari minħabba n-natura evidenti tagħha jew minħabba l-fatt li din id-diżabbiltà kienet teħtieġ arranġamenti raġonevoli bħal post jew ħinijiet tax-xogħol adattati.

58

Fil-fatt, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jista’ jiġi kkunsidrat li huma prinċipalment ħaddiema li għandhom tali diżabbiltà li, fil-prattika, sabu ruħhom fl-obbligu, qabel id-data magħżula mill-isptar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li juffiċjalizzaw l-istat ta’ saħħa tagħhom miegħu, permezz tas-sottomissjoni ta’ ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà, filwaqt li ħaddiema oħra li għandhom diżabbiltajiet ta’ natura differenti, pereżempju minħabba l-fatt li huma inqas onerużi jew ma jirrikjedux immedjatament arranġamenti raġonevoli bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti, kellhom għażla jekk jagħmlux dan jew le.

59

Konformement mal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament li twassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jbatu minn diżabbiltà evidenti jew minn diżabbiltà li timponi arranġamenti raġonevoli, ma tistax madankollu tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta meta din tkun oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji. F’dan il-każ, jidher li jirriżulta mill-għan tal-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fit-twettiq ta’ ekonomiji, li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet ta’ tali ġustifikazzjoni ma humiex issodisfatti, liema fatt, jekk ikun il-każ, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

60

Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-prattika ta’ persuna li timpjega li tikkonsisti fil-ħlas ta’ suppliment tas-salarju lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà tagħhom wara data magħżula minn din il-persuna li timpjega, u mhux lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew dan iċ-ċertifikat qabel din id-data, tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta meta jirriżulta li din il-prattika hija bbażata fuq kriterju indissoċjabbilment marbut mad-diżabbiltà, sa fejn hija ta’ natura li tqiegħed definittivament lil grupp kjarament identifikat ta’ ħaddiema, kompost mill-ħaddiema kollha li għandhom diżabbiltà li dwarhom il-persuna li timpjegahom neċessarjament kienet taf l-istat ta’ diżabbiltà meta ġiet introdotta din il-prattika, fl-impossibbiltà li jissodisfa din il-kundizzjoni ratione temporis;

l-imsemmija prattika, għalkemm apparentement newtrali, tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indirettament ibbażata fuq id-diżabbiltà meta jirriżulta li din twassal għal żvantaġġ partikolari għal ħaddiema b’diżabbiltà skont in-natura tad-diżabbiltà tagħhom, b’mod partikolari minħabba n-natura evidenti tagħha jew minħabba l-fatt li din id-diżabbiltà teħtieġ arranġamenti raġonevoli fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, mingħajr ma tkun oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u mingħajr ma l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

il-prattika ta’ persuna li timpjega li tikkonsisti fil-ħlas ta’ suppliment tas-salarju lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent ta’ diżabbiltà tagħhom wara data magħżula minn din il-persuna li timpjega, u mhux lill-ħaddiema b’diżabbiltà li jkunu ssottomettew dan iċ-ċertifikat qabel din id-data, tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta meta jirriżulta li din il-prattika hija bbażata fuq kriterju indissoċjabbilment marbut mad-diżabbiltà, sa fejn hija ta’ natura li tqiegħed definittivament lil grupp kjarament identifikat ta’ ħaddiema, kompost mill-ħaddiema kollha li għandhom diżabbiltà li dwarhom il-persuna li timpjegahom neċessarjament kienet taf l-istat ta’ diżabbiltà meta ġiet introdotta din il-prattika, fl-impossibbiltà li jissodisfa din il-kundizzjoni ratione temporis;

 

l-imsemmija prattika, għalkemm apparentement newtrali, tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indirettament ibbażata fuq id-diżabbiltà meta jirriżulta li din twassal għal żvantaġġ partikolari għal ħaddiema b’diżabbiltà skont in-natura tad-diżabbiltà tagħhom, b’mod partikolari minħabba n-natura evidenti tagħha jew minħabba l-fatt li din id-diżabbiltà teħtieġ arranġamenti raġonevoli fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, mingħajr ma tkun oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u mingħajr ma l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top