EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0005

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-30 ta’ April 2020.
"Оvergas Mrezhi" AD u "Balgarska gazova asotsiatsia" vs Komisia za energiyno i vodno regulirane.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven administrativen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 3(1) sa (3) u Artikolu 41(16) – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Obbligi ta’ ħżin ta’ gass naturali sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista u r-regolarità tagħha – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-piż finanzjarju relatat mal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq impriżi tal-gass naturali jinġarr mill-klijenti tagħhom – Kundizzjonijiet – Adozzjoni, minn awtorità regolatorja nazzjonali, ta’ att li jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku – Proċedura – Artikoli 36 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-5/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:343

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

30 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 3(1) sa (3) u Artikolu 41(16) – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Obbligi ta’ ħżin ta’ gass naturali sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista u r-regolarità tagħha – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-piż finanzjarju relatat mal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq impriżi tal-gass naturali jinġarr mill-klijenti tagħhom – Kundizzjonijiet – Adozzjoni, minn awtorità regolatorja nazzjonali, ta’ att li jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku – Proċedura – Artikoli 36 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑5/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

“Оvergas Mrezhi” AD,

“Balgarska gazova asotsiatsia”

vs

Komisia za energiyno i vodno regulirane,

fil-preżenza ta’:

Prokuratura na Republika Bulgaria,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Оvergas Mrezhi” AD, minn S. Dimitrov,

għall-“Balgarska gazova asotsiatsia”, minn P. Pavlov,

għall-Komisia za energiyno i vodno regulirane, minn I. Ivanov,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u T. Mitova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u Y. Marinova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 36 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, “Оvergas Mrezhi” AD, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Bulgaru, u l-“Balgarska gazova asotsiatsia”, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, u, min-naħa l-oħra, il-Komisia za energiyno i vodno regulirane (il-Kummissjoni Regolatorja dwar l-Enerġija u l-Ilma, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Regolatorja”) dwar il-legalità tad-dispożizzjonijiet adottati minn din tal-aħħar, li permezz tagħhom il-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuq l-impriżi fis-settur tal-enerġija għandu jiġi kkumpensat mill-klijenti tagħhom, li jistgħu jkunu individwi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

3

L-Artikolu 36 tal-Karta, intitolat “L-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, jistabbilixxi li:

“L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skond it-Trattati, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali ta’ l-Unjoni.”

4

Skont l-Artikolu 38 tal-Karta, intitolat “Protezzjoni tal-konsumatur”:

“Il-politika ta’ l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

Id-Direttiva 2009/73

5

Il-premessi 22, 44 u 47 sa 49 tad-Direttiva 2009/73 jgħidu li ġej:

“(22)

Is-sigurtà tal-forniment tal-enerġija huwa element essenzjali ta’ sigurtà pubblika u huwa għalhekk marbut b’mod inerenti mal-funzjonament effiċjenti tas-suq intern Komunitarju tal-gass u mal-integrazzjoni tas-swieq iżolati tal-gass tal-Istati Membri. […]

[…]

“(44)

Ir-rispett tar-rekwiziti tas-servizz pubbliku huwa rekwiżit fundamentali ta’ din id-Direttiva u huwa important li jiġu speċifikati hawn l-istandards komuni, rispettati mill-Istati Membri kollha, li jqisu l-għanijiet tal-ħarsiet [tal-protezzjoni] tal-konsumatur, sigurtà tal-fornitura, protezzjoni tal-ambjent u livelli ta’ kompetizzjoni ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li l-kriterji tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u suġġett għar-rispett lejn il-liġi tal-[Unjoni].

[…]

(47)

Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku u l-istandards minimi komuni li jitnisslu minnhom jeħtieġ li jissaħħu aktar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk vulnerabbli, jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali;il-liġi Komunitarja għandha, madanakollu, tiġi rispettata mill-Istati Membri. Iċ-ċittadini tal-Unjoni u, meta l-Istati Membri jqisu li jkun xieraq, l-impriżi ż-żgħar, għandhom ikunu jistgħu jgawdu minn obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u tariffi raġonevoli. […] [I]l-konsumaturi għandhom ikollhom aċċess għad-data tal-konsum tagħhom u l-prezzijiet assoċjati u l-ispejjeż tas-servizzi […]

(48)

L-interessi tal-konsumatur għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva u l-kwalità tas-servizz għandha tkun responsabilità ċentrali tal-impriżi tal-gass naturali. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jiġu msaħħa u jiġu garantiti, u għandhom jinkludu trasparenza akbar. […] Id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, jew fejn Stat Membru hekk jistipula, mill-awtoritajiet regolatorji.

(49)

Għandha tkun disponibbli informazzjoni ċara u komprensiva għall-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom relatati mas-settur tal-enerġija. […]”

6

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘impriża tal-gass naturali’ tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali li twettaq għall-inqas waħda mill-funzjonijiet li ġejjin: produzzjoni, trasmissjoni, distribuzzjoni, fornitura, xiri jew ħżin tal-gass naturali, inkluż [il-gass naturali likwifikat (LNG)], li hija responsabbli għall-kompiti kummerċjali, tekniċi u/jew tal-manutenzjoni relatati għal dawk il-funzjonijiet, iżda m’għandhomx jinkludu l-klijenti finali;

[…]

(5)

‘distribuzzjoni’ tfisser it-trasport tal-gass naturali minn pipeline networks lokali jew reġjonali bi skop tal-konsenja tiegħu lill-klijent, iżda li ma tinkludix il-fornitura;

[…]

(7)

‘fornitura’ tfisser il-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, tal-gass naturali, inkluż LNG, lill-klijenti;

[…]

(24)

‘klijent’ tfisser klijent bl-ingrossa jew finali tal-gass naturali jew impriża tal-gass naturali li jixtru l-gass naturali;

[…]”

7

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jaċċertaw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, impriżi tal-gass naturali jigu operati konformement mal-principji ta’ din id-Direttiva bi skop li jinkiseb suq tal-gass naturali li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli, u m’għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

2.   Tenut kont sħiħ tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat [FUE], b’mod partikolari l-Artikolu [106] tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-fornitura, regolarità, kwalità u prezz tal-provvisti, u l-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludi l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u protezzjoni tal-klima. Obbligi bħal dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-kumpaniji tal-gass tal-[Unjoni] għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda […], l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għall-perijodu fit-tul, b’kont meħud tal-possibbiltà li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi adegwati biex iħarsu l-klijenti finali, u għandhom, b’mod partikolari, jaċċertaw illi hemm salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli. F’dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jiddefinixxi l-kunċett ta’ konsumaturi vulnerabbli li jista’ jirreferi għall-faqar tal-enerġija u, inter alia, għall-projbizzjoni tal-iskonnessjoni tal-gass ta’ konsumaturi bħal dawn fi żminijiet kritiċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi marbuta ma’ konsumaturi vulnerabbli jkunu applikati. […] Għandhom jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward trasparenza rigward it-termini u l-kondizzjonijiet tal-appalti, informazzjoni ġenerali u mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni ta’ disputi. […]”

8

L-Artikoli 39 u 41 tal-istess direttiva jinsabu fil-Kapitolu VIII tagħha, dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. L-Artikolu 39 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja nazzjonali waħda fil-livell nazzjonali”. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 41, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja”, dan jistabbilixxi, fil-paragarafi 1 u 16 tiegħu, li:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

(a)

li jiffissaw jew japprovaw, b’konformità ma’ kriterji trasparenti, tariffi ta’ trasmissjoni regolata jew ta’ distribuzzjoni jew il-metodoloġiji tagħhom;

[…]

16.   Id-Deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu motivati b’mod sħiħ u ġustifikati sabiex jippermettu reviżjoni ġudizzjarja. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li jippreservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.”

Ir-Regolament (UE) Nru 994/2010

9

Ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (ĠU 2010, L 295, p. 1), tħassar mir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU 2017, L 280, p. 1), b’effett, essenzjalment, mill‑1 ta’ Novembru 2017.

10

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 994/2010 kien intitolat “Stabbiliment ta’ Pjan ta’ Azzjoni Preventiv u ta’ Pjan ta’ Emerġenza”. Dan kien jipprevedi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, li l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru, wara konsultazzjoni mal-impriżi tal-gass naturali, mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi tal-klijenti domestiċi u industrijali tal-gass, u mal-awtorità regolatorja nazzjonali, meta din ma tkunx l-awtorità kompetenti, għandha tistabbilixxi fuq livell nazzjonali pjan ta’ emerġenza li jkun fih il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jitneħħa jew jittaffa l-impatt ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 10 kien jippreċiża, essenzjalment, il-kriterji għall-istabbiliment tal-pjanijiet ta’ emerġenza nazzjonali kif ukoll l-għanijiet tagħhom, il-kontenut tagħhom u l-proċedura għall-adozzjoni tagħhom.

Id-dritt Bulgaru

Il-Liġi dwar l-Atti Normattivi

11

Iż-zakon za normativnite aktove (il-Liġi dwar l-Atti Normattivi), tat‑3 ta’ April 1973 (DV Nru 27, tat‑3 ta’ April 1973), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Atti Normattivi”), tipprevedi, fl-Artikolu 26 tagħha, li:

“(1)   L-abbozz ta’ att normattiv għandu jiġi mfassal fl-osservanza tal-prinċipji ta’ neċessità, ta’ motivazzjoni, ta’ prevedibbiltà, ta’ trasparenza, ta’ koerenza, ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità u ta’ stabbiltà.

(2)   Fit-tfassil tal-abbozz tal-att normattiv, għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi maċ-ċittadini u mal-persuni ġuridiċi.

(3)   Qabel ma jitressaq l-abbozz ta’ att normattiv bil-għan tal-ħruġ jew tal-adozzjoni tiegħu mill-awtorità kompetenti, il-persuna li tfassal l-abbozz għandha tippubblikah fuq is-sit internet tal-istituzzjoni kkonċernata, flimkien ma’ espożizzjoni tal-motivi […]

[…]”

12

Skont l-Artikolu 28 ta’ din il-liġi:

“(1)   L-abbozz ta’ att normattiv, flimkien mal-espożizzjoni tal-motivi […] għandu jkun suġġett għall-evalwazzjoni u għad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti.

(2)   L-espożizzjoni tal-motivi […] għandha tinkludi:

[…]

5.

analiżi tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.”

13

L-imsemmija liġi tistabbilixxi, fil-paragrafu 5 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tagħha, li:

“Bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, din għandha tapplika għall-atti normattivi kollha adottati mill-awtoritajiet previsti mill-Kostituzzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-atti normattivi l-oħra, l-Artikoli 2, 9 sa 16, 34 sa 46 u 51 tal-liġi għandhom japplikaw b’analoġija.”

Il-Liġi dwar l-Enerġija

14

Iż-zakon za energetikata (il-Liġi dwar l-Enerġija), tad‑9 ta’ Diċembru 2003 (DV Nru 107, tad‑9 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Enerġija”), tipprevedi, fl-Artikolu 10(1) tagħha, li r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet marbuta mal-enerġija, mal-provvista tal-ilma u mat-tindif tal-ilma għandha tiġi żgurata mill-kummissjoni regolatorja u, fl-Artikolu 21 tagħha, li din il-kummissjoni għandha tirregola l-prezzijiet fil-każijiet imsemmija f’din il-liġi.

15

L-Artikolu 30 tal-imsemmija liġi jipprevedi li:

“(1)   Huma suġġetti għar-regolamentazzjoni mill-[kummissjoni regolatorja], il-prezzijiet:

[…]

14.

ta’ aċċess u ta’ ħżin ta’ gass naturali f’sit ta’ ħżin;

[…]

(2)   Il-prezzijiet tal-enerġija, tal-gass naturali u tas-servizzi pprovduti mill-impriżi tal-enerġija ma humiex suġġetti għar-regolamentazzjoni mill-[kummissjoni regolatorja] meta din tikkonstata l-eżistenza ta’ kompetizzjoni li tippermetti, għall-attività kkonċernata tas-settur tal-enerġija, negozjar liberu tal-prezzijiet skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

[…]”

16

L-Artikolu 31 tal-istess liġi jistabbilixxi li:

“Fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet, il-[kummissjoni regolatorja] għandha tkun iggwidata, minbarra mill-prinċipji msemmija fl-Artikoli 23 u 24, mill-prinċipji segwenti:

1.   il-prezzijiet għandhom ikunu eżenti minn diskriminazzjoni, ibbażati fuq kriterji oġġettivi u ddeterminati b’mod trasparenti;

2.   it-tariffi tal-impriżi tal-enerġija għandhom jikkumpensaw l-ispejjeż ekonomiċi ġġustifikati ta’ dawn tal-aħħar, inklużi l-ispejjeż:

[…]

b)

għaż-żamma ta’ riżervi u ta’ kapaċitajiet regolatorji meħtieġa għal provvista affidabbli tal-klijenti;

[…]

3.   minbarra l-ispejjeż imsemmija fil-punt 2, il-prezzijiet jistgħu jinkludu wkoll spejjeż li ma’ jistgħux jiġu rkuprati, assoċjati mat-tranżizzjoni lejn suq kompetittiv tal-enerġija, kif ukoll spejjeż ikkawżati mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku marbuta mas-sigurtà tal-provvista, inklużi dawk għall-protezzjoni ta’ siti li jikkostitwixxu infrastrutturi strateġiċi tas-settur tal-enerġija.

4.   il-prezzijiet għandhom jiggarantixxu rata ekonomikament raġonevoli ta’ qligħ fuq il-kapital;

5.   il-prezzijiet applikabbli għall-varji gruppi ta’ klijenti għandhom jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ provvista tal-enerġija u tal-gass naturali ta’ dawn il-klijenti;

6.   il-prezzijiet ma għandhom ikun fihom ebda sussidju inkroċjat: […]

[…]”

17

L-Artikolu 35 tal-Liġi dwar l-Enerġija jippreċiża li:

« (1)   L-impriżi tal-enerġija jistgħu jitolbu l-kumpens tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuqhom, inklużi dawk marbuta mas-sigurtà tal-provvista, […]

[…]

(3)   L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom iressqu b’mod regolari lill-[kummissjoni regolatorja] talba għal kumpens tal-ispejjeż korrispondenti. It-talba għandha titressaq flimkien ma’ provi dwar il-ġustifikazzjoni u l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż.

(4)   Il-[kummissjoni regolatorja] għandha tistabbilixxi l-ammont tal-kumpens għal kull impriża kif ukoll l-ammont totali tal-kumpens għall-perijodu kkonċernat.

(5)   Il-modalitajiet tal-kumpens tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu ddefiniti b’metodu adottat mill-[kummissjoni regolatorja] għall-finijiet tat-tqassim trasparenti ta’ dawn l-ispejjeż bejn il-klijenti finali kollha, inklużi l-importaturi tal-elettriku konnessi mas-sistema tal-elettriku, l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni u l-operaturi tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku u/jew dawn il-modalitajiet għandhom jiġu ddefiniti b’mod ieħor previst mil-liġi.”

18

L-Artikolu 36 tal-imsemmija liġi jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, li:

“(1)   Il-prezzijiet suġġetti għar-regolamentazzjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-impriżi tal-enerġija skont ir-rekwiżiti ta’ din il-liġi u r-regolamenti msemmija fil-paragrafu 3. L-istruzzjonijiet mogħtija mill-[kummissjoni regolatorja] relatati mal-istabbiliment tal-prezzijiet huma vinkolanti għall-impriżi tal-enerġija.

[…]

(3)   Il-metodi ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet, ir-regoli dwar l-istabbiliment, l-iffissar jew il-modifika tagħhom, il-modalitajiet ta’ sottomissjoni ta’ informazzjoni, il-proposti ta’ prezzijiet u l-validazzjoni tat-tariffi, […] għandhom jiġu stabbiliti f’regolamenti adottati mill-[kummissjoni regolatorja] u relatati mal-elettriku, mal-enerġija termika kif ukoll mal-gass naturali.”

19

Skont l-Artikolu 69 tal-imsemmija liġi:

“L-impriżi tal-enerġija huma meħtieġa jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-interess tal-awtorità u tal-klijenti individwali u skont ir-rekwiżiti ta’ din il-liġi u ta’ atti normattivi oħra, billi jiżguraw is-sigurtà tal-provvista, inkluża l-protezzjoni tas-siti li jikkostitwixxu infrastrutturi strateġiċi tas-settur tal-enerġija, il-provvista kontinwa u l-kwalità tal-elettriku, tal-enerġija termika u tal-gass naturali, […]”

20

L-Artikolu 70 tal-istess liġi jistabbilixxi li:

“(1)   Il-Ministru għall-Enerġija jista’ jimponi obbligi ta’ servizz supplimentari fuq impriżi tal-enerġija għall-benefiċċju tal-awtorità.

(2)   L-obbligi supplimentari msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu imposti meta jirrigwardaw:

1.

il-kontinwità tal-provvista tal-elettriku, tal-enerġija termika u tal-gass naturali;

[…]

(3)   L-obbligi supplimentari msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu imposti permezz ta’ digriet, li għandu jsemmi:

1.

il-persuna li fuqha jkun impost l-obbligu;

2.

il-kontenut tal-obbligu;

3.

it-terminu u l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu;

4.

kundizzjonijiet oħra.

(4)   L-ispejjeż supplimentari sostnuti mill-impriżi tal-enerġija skont il-paragrafu 3 għandhom jiġu assimilati mal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 35.”

Ir-Regolament Nru 2/2013

21

Abbażi tal-Artikolu 36(3) tal-Liġi dwar l-Enerġija ġie adottat in-naredba no 2 za regulirane na tsenite na prirodniya gaz (ir-Regolament Nru 2 dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Prezzijiet tal-Gass Naturali), tad‑19 ta’ Marzu 2013 (DV Nru 33, tal‑5 ta’ April 2013), li, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, ġie emendat u kkompletat l-aħħar b’regolament ippubblikat fid-DV Nru 105, tat‑30 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2/2013”).

22

Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2/2013 jipprevedi li dan ir-regolament għandu jistabbilixxi “il-metodu ta’ kumpens tal-ispejjeż ta’ impriżi tal-enerġija li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuqhom mil-Liġi dwar l-Enerġija”.

23

L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“(1)   L-ispejjeż ammessi mill-[kummissjoni regolatorja], sostnuti mill-impriżi tal-enerġija bħala riżultat tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuqhom, għandhom jiġu kkumpensati, b’mod mhux diskriminatorju u trasparenti, permezz tal-prezzijiet imħallsa mill-klijenti kollha.

(2)   L-ammont totali tal-ispejjeż ammessi mill-[kummissjoni regolatorja] u marbuta mal-obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jiġi integrat fid-dħul annwali neċessarju tal-impriża ta’ trażmissjoni.

(3)   L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rrimborsati minn kull konsumatur tal-gass naturali fil-forma ta’ frazzjoni tal-prezz tal-provvista, skont il-konsum imkejjel tagħhom, u għandhom jiġu identifikati bħala entrata ta’ fatturazzjoni separata mill-prezz ta’ trażmissjoni fuq in-netwerk tal-provvista tal-gass – liema prezz huwa ffissat jew determinat skont il-metodu msemmi fil-punt 3 tal-Artikolu 2.

(4)   Il-modalitajiet ta’ kumpens tal-ispejjeż sostnuti mill-impriżi tal-enerġija kkonċernati bħala riżultat tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuqhom, kif ukoll il-mekkaniżmu li permezz tiegħu dawn l-ispejjeż jitħallsu lura lill-impriżi tal-enerġija li sostnuhom, għandhom jiġu ddeterminati b’metodoloġija adottata mill-[kummissjoni regolatorja].”

24

L-Artikolu 11a tal-istess regolament jgħid li ġej:

“(1)   Meta obbligu ta’ servizz pubbliku jiġi impost fuq iktar minn impriża waħda tal-enerġija, l-ispejjeż li jirriżultaw minn dan l-obbligu għandhom jiġu rrimborsati lill-impriżi tal-enerġija kkonċernati fuq bażi pro rata skont il-parti tal-obbligu impost fuqhom, permezz tal-prezzijiet imħallsa mill-klijenti tagħhom.

(2)   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ispejjeż ammessi mill-[kummissjoni regolatorja] għandhom jiġu identifikati bħala entrata ta’ fatturazzjoni separata mill-prezz stabbilit mill-impriża tal-enerġija kkonċernata u għandhom jiġu rrimborsati lilha mill-klijenti tagħha u/jew mill-fornituri finali ta’ gass naturali li magħhom tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ provvista, skont il-konsum imkejjel tagħhom.

(3)   L-entrata ta’ fatturazzjoni separata msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ stima motivata tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligu ta’ servizz pubbliku għas-sena inkwistjoni kif ukoll mill-kwantitajiet ipproġettati ta’ gass naturali ordnati għal dik l-istess sena.

(4)   Meta l-impriża tal-enerġija jkollha iktar minn perijodu wieħed ta’ tarifikazzjoni matul is-sena msemmija fil-paragrafu 3, l-entrata ta’ fatturazzjoni separata msemmija fil-paragrafu 2 għandu jiġi kkoreġut għal kull perijodu ta’ tarifikazzjoni, abbażi tad-differenza bejn l-ispejjeż stmati u l-ispejjeż attwali sostnuti matul il-perijodu ta’ tarifikazzjoni preċedenti fil-kuntest tal-obbligu ta’ servizz pubbliku.”

Il-metodu relatat mal-prezzijiet ta’ Bulgartransgaz

25

Il-metodu għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ aċċess u ta’ trażmissjoni ta’ gass naturali fin-netwerks li huma l-proprjetà ta’ “Bulgartransgaz” EAD, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (DV Nru 76, tat‑30 ta’ Settembru 2016) (iktar ’il quddiem il-“metodu relatat mal-prezzijiet ta’ Bulgartransgaz”), jippreċiża, fl-Artikolu 17 tiegħu, li:

“(1)   L-ispejjeż direttament imputabbli għas-sena rilevanti tal-perijodu ta’ regolamentazzjoni għandhom jiġu ddeterminati kull sena u jinkludu l-elementi li ġejjin:

1.

l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, inklużi dawk marbuta mas-sigurtà tal-provvista, u tal-eżekuzzjoni ta’ obbligi imposti fuq l-operatur permezz ta’ pjan ta’ emerġenza approvat b’digriet tal-Ministru għall-Enerġija skont ir-Regolament [Nru 994/2010];

[…]”

26

L-Artikolu 25 tal-metodu relatat mal-prezzijiet ta’ Bulgartransgaz jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li “[i]l-prezz tat-trażmissjoni jista’ jinkludi spejjeż li jirriżultaw mill-impożizzjoni ta’ obbligi għall-benefiċċju tal-awtorità” u li “[d]awn l-ispejjeż għandhom jiġu identifikati bħala komponent separat li jagħmel parti mill-prezz”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27

Bulgartransgaz hija operatur tan-netwerk tal-gass ikkombinat u, bħala tali, timmaniġġja n-netwerk nazzjonali ta’ trażmissjoni tal-gass naturali fit-territorju Bulgaru, li permezz tiegħu dan il-gass jintbagħat lejn in-netwerks ta’ distribuzzjoni u lejn ċerti klijenti mhux residenzjali. Hija timmaniġġja wkoll is-sit ta’ ħżin taħt l-art tal-gass li jinsab fi Chiren (il-Bulgarija), li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali u li jtaffi il-varjazzjonijiet staġjonali fil-konsum.

28

“Bulgargaz” EAD hija l-fornitur pubbliku tal-gass fit-territorju Bulgaru, li hija tipprovdi bi prezzijiet irregolati mill-kummissjoni regolatorja. Fl‑2016, hija kellha 98 % tas-suq tal-bejgħ tal-gass naturali fil-Bulgarija.

29

Il-kumpanniji ta’ distribuzzjoni jeżerċitaw attivitajiet ta ’distribuzzjoni ta’ gass naturali u ta’ provvista ta’ gass naturali lill-fornituri finali. Fl‑2016, 24 kumpannija ġew approvati fit-territorju Bulgaru u n-numru totali tal-klijenti tagħhom kien ta’ 87274, li minnhom 80705 kienu klijenti residenzjali, jiġifieri 92 %, u 6569 kienu klijenti professjonali, jiġifieri 8 %.

30

Overgas, li tixtri l-gass minn Bulgargaz, tiżgura l-provvista tal-gass naturali lil 66 % tal-konsumaturi kollha fil-Bulgarija. Hija tikkontesta quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, il-legalità tal-punt 2 tal-Artikolu 1 kif ukoll tal-Artikoli 11 u 11a tar-Regolament Nru 2/2013, li permezz tagħhom, fit-tieni trimestru tal‑2017, Bulgargaz applikat għall-prezz tal-gass naturali żieda ta’ 2.40 leva Bulgari (BGN) (madwar 1.22 euro) għal kull 1000 m3, li wassal, għax-xhur ta’ April u ta’ Mejju tal‑2017, għal fatturazzjoni supplimentari ta’ 85980 BGN (bejn wieħed u ieħor 43960 euro), fejn din l-entrata ta’ fatturazzjoni żdiedet għal 2.42 BGN (bejn wieħed u ieħor 1.23 euro) għal kull 1000 m3 fl‑1 ta’ Lulju 2017.

31

Il-Balgarska gazova asotsiatsia tikkontesta, quddiem din l-istess qorti, il-legalità tal-istess dispożizzjonijiet għar-raġuni li jiksru r-regoli tal-proċedura amministrattiva kif ukoll id-dritt sostantiv applikabbli u li jippreġudikaw l-interess ġenerali, billi dawn wasslu għal żieda sinjifikattiva fil-prezz tal-gass naturali.

32

Il-kummissjoni regolatorja, li adottat id-dispożizzjonijiet ikkontestati, issostni, l-ewwel nett, li, meta tfassal l-atti tagħha, hija eżentata milli tosserva ċerti rekwiżiti proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ atti normattivi. It-tieni nett, hija tosserva li l-Artikolu 69 tal-Liġi dwar l-Enerġija jipprevedi li l-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jiġu imposti fuq impriżi tal-enerġija fis-settur tal-gass naturali u li hija għandha s-setgħa tipprevedi t-tipi ta’ elementi ta’ tarifikazzjoni kif ukoll it-tipi ta’ spejjeż tal-fornitur pubbliku li għandhom jiġu rrimborsati lil dan tal-aħħar.

33

F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, sabiex tittaffa t-theddida għas-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali li teżisti fil-Bulgarija, il-pjan ta’ azzjoni għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, approvat mill-Ministru għall-Enerġija skont ir-Regolament Nru 994/2010, jipprevedi, minn naħa waħda, li l-Bulgartransgaz għandha taħżen ċerta kwantità ta’ gass naturali fis-sit ta’ Chiren, billi din ir-riżerva hija intiża li tiżgura l-kontinwità tal-provvista u tiġi rrestitwita minn Bulgartransgaz biss fil-każ ta’ interruzzjoni fil-provvista. Skont din il-kummissjoni, dan il-pjan jipprevedi, min-naħa l-oħra, li l-impriżi tas-settur tal-gass naturali, f’liema kategorija taqa’ Bulgartransgaz, huma meħtieġa wkoll iżommu f’dan is-sit, fil-bidu tal-istaġun tax-xitwa, ċerti kwantitajiet ta’ gass naturali sabiex jiġu mmitigati n-nuqqasijiet staġjonali, billi dawn ir-riżervi jintużaw matul l-istaġun tax-xitwa sabiex jikkumpensaw għall-waqfien fil-konsum.

34

Il-kummissjoni regolatorja tindika li l-imsemmi pjan jipprevedi, barra minn hekk, li l-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn l-obbligi huma koperti, għall-ewwel wieħed minnhom, permezz tal-prezzijiet ta’ aċċess u ta’ trażmissjoni tal-gass naturali fin-netwerks, skont l-Artikolu 35 tal-Liġi dwar l-Enerġija, fejn il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-iffissar ta’ dawn il-prezzijiet huma rregolati bil-metodu relatat mal-prezzijiet ta’ Bulgartransgaz. Hija żżid li, għat-tieni wieħed minn dawn, l-ispejjeż huma koperti permezz tal-prezzijiet tas-servizzi taħt konċessjoni, wkoll konformement mal-Artikolu 35 tal-Liġi dwar l-Enerġija, skont liema ġie adottat ir-Regolament Nru 2/2013.

35

Il-Prokuratura na Republika Bulgaria (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija) iqis li l-leġiżlazzjoni Bulgara ma tipproteġix b’mod effettiv lill-konsumaturi. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 2/2013 jiksru l-prinċipji tal-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jippermettu lill-impriżi tas-settur tal-enerġija jistabbilixxu prezzijiet li ma humiex konformi mas-servizzi pprovduti.

36

Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenzi tal‑20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑36/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:570), kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637), u tindika li għandha dubji dwar il-limiti li d-dritt tal-Unjoni jpoġġi fuq il-possibbiltà għall-Istati Membri sabiex jintervjenu fl-istabbiliment tal-prezzijiet għall-provvista tal-gass naturali. Jekk jirriżulta, fil-fehma tagħha, minn dawk is-sentenzi li tali intervent, fir-rigward tal-provvista tal-konsumaturi finali, jista’ jiġi ammess fil-kuntest tad-Direttiva 2009/73 bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet, din il-ġurisprudenza ma tneħħix id-dubji li għandha. B’mod partikolari, l-imsemmija sentenzi ma jittrattawx il-kwistjoni tal-komponent tal-prezz ikkostitwit min-nefqa tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuq l-impriżi tal-enerġija u d-Direttiva 2009/73 ma tindikax min irid iġorr dan il-piż.

37

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2009/73, il-qorti tar-rinviju tqis li l-mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni tal-impriżi li fuqhom jiġu imposti obbligi ta’ servizz ta’ interess ġenerali jew obbligi sabiex iġorru n-nefqa ta’ tali servizz ma għandu jeżenta ebda impriża tas-settur tal-gass naturali, lanqas il-fornitur pubbliku jew l-operatur tan-netwerk ikkombinat.

38

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwiex osservat meta l-piż finanzjarju ta’ tali obbligi jinġarr mill-klijenti finali, li ma huma suġġetti għal ebda distinzjoni bejniethom u li, fil-biċċa l-kbira, ma humiex impriżi tal-enerġija. F’dan ir-rigward, hija żżid ukoll li d-dritt Bulgaru ma jillimitax ratione temporis l-obbligu tal-fornitur pubbliku li jipprovdi l-gass naturali b’tariffi rregolati, u lanqas l-obbligu tal-klijenti finali li jġorru l-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi tal-enerġija. Tqum ukoll il-kwistjoni dwar liema spejjeż marbuta ma’ dawn l-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati t-tariffi rregolati.

39

L-imsemmija qorti żżid li d-deċiżjonijiet tal-kummissjoni regolatorja li jiddeterminaw, għal kull perijodu, il-kwantitajiet ta’ gass li għandhom jinżammu fis-sit ta’ Chiren ma jistgħux jiġi kkontestati mill-klijenti finali, fin-nuqqas ta’ interess leġittimu dirett u attwali, u li dawn il-klijenti lanqas ma jistgħu jikkontestaw in-nefqa għall-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħżin inkwistjoni kif iddeterminat minn din il-kummissjoni. Għaldaqstant, hija tistaqsi jekk id-drittijiet tal-konsumaturi humiex protetti fuq il-livell meħtieġ mid-Direttiva 2009/73.

40

Barra minn hekk, l-istess qorti tistaqsi dwar l-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 5 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi dwar l-Atti Normattivi, li tibbenefika minnha l-kummissjoni regolatorja. Fid-dawl tar-rekwiżit tad-Direttiva 2009/73 li jipprevedi li l-obbligi marbuta ma’ servizz ta’ interess ġenerali għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji, verifikabbli u ta’ natura li jiggarantixxu lill-impriżi tal-gass tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali, jidher li huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jintroduċu tali obbligi jinkludu motivazzjoni ddettaljata.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 36 u 38 tal-[Karta] u l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2009/73] jippermettu miżura nazzjonali bħalma hija l-proċedura dwar ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet tal-gass naturali, prevista fl-Artikolu 35 [tal-Liġi dwar l-Enerġija] u implimentata permezz tal-Artikolu 11 [tar-Regolament Nru 2/2013] li permezz tagħha l-piż finanzjarju marbut mal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi tal-enerġija jinġarr kompletament mill-klijenti, f’sitwazzjoni fejn:

a)

il-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligi ta’ servizz pubbliku ma jaffettwax lill-impriżi tal-enerġija kollha;

b)

in-nefqa tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tinġarr prinċipalment mill-klijenti finali li ma jistgħux joġġezzjonaw għaliha, minkejja li jixtru l-gass naturali bi prezzijiet liberi mill-fornituri finali;

c)

ma hemmx limitazzjoni fir-rigward tal-piż finanzjarju marbut mat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li jinġarr mid-diversi tipi ta’ klijenti;

d)

ma hemmx terminu għall-implimentazzjoni ta’ din il-miżura;

e)

il-kalkolu tal-valur tal-obbligi ta’ servizz pubbliku jitwettaq skont mudell ta’ previżjoni, fuq il-bażi ta’ metodu ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż?

2)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva [2009/73], jippermetti, anki fid-dawl tal-premessi 44, 47, 48 u 49 tagħha, dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fil-punt 5 [tad-Dispożizzjonijiet Tranżitorji u Finali tal-Liġi dwar l-Atti Normattivi], li jeżenta lill-[kummissjoni regolatorja] mill-obbligi previsti fl-Artikoli 26 sa 28 tal-Liġi dwar l-Atti Normattivi u b’mod partikolari mill-obbligu li, fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni sussidjarja jiġu osservati l-prinċipji ta’ neċessità, ta’ ġustifikabbiltà, ta’ prevedibbiltà, ta’ trasparenza, ta’ konsistenza, ta’ sussidjarjetà, ta’ proporzjonalità u ta’ stabbiltà, mill-obbligu li jitwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi maċ-ċittadini u ma’ persuni ġuridiċi, mill-obbligu li jiġi ppubblikat minn qabel abbozz motivat, kif ukoll mill-obbligu li tingħata motivazzjoni, b’mod partikolari dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Fuq l-ammissibbiltà

42

Billi l-kummissjoni regolatorja tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda għar-raġuni li, jekk ittieħdet inkunsiderazzjoni sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt konformi mar-realtà, li ma hijiex riflessa fiha, ir-risposta għal din id-domanda tkun tirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolatorju u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

B’mod partikolari, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika jew li tikkontesta mill-ġdid l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, meta tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali, tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun tressqet quddiemha mill-imsemmija qorti (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium, C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi magħmula lilha (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium, C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Min-naħa l-oħra, u barra minn hekk, ma huwa bl-ebda mod ipprojbit għal qorti nazzjonali li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-opinjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-risposta ma tħalli l-ebda lok għal dubju raġonevoli. Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li dan huwa l-każ, din id-domanda ma ssirx inammissibbli (sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 6465 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, l-ewwel domanda għandha rabta evidenti mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tipprova tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-legalità tagħhom qiegħda tiġi kkontestata quddiemha humiex kompatibbli mal-obbligi li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-Artikoli 36 u 38 tal-Karta, jimponi fuq l-Istati Membri fis-settur tal-gass naturali u ma jidhirx li l-problema li hija tqajjem hija ipotetika. Barra minn hekk, għal dan il-għan, dik il-qorti esponiet suffiċjentement il-punti ta’ liġi u ta’ fatt sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din id-domanda b’mod utli. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-preżentazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tad-dritt nazzjonali applikabbli hija żbaljata, dan ma jistax iwassal sabiex jitqies li l-imsemmija kwistjoni hija inammissibbli.

47

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

48

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fir-rigward tad-Direttiva 2009/73, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 kollu tagħha. Madankollu, il-kawża prinċipali tikkonċerna, essenzjalment, il-konformità, fir-rigward ta’ din id-direttiva, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ispejjeż sostnuti mill-impriżi tal-gass naturali fil-kuntest tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuqhom jiġu rrimborsati lilhom mill-klijenti tagħhom. Għalhekk, hija biss l-interpretazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu li hija neċessarja għar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima.

49

Għandu jiġi osservat ukoll li l-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari juru li l-kawża prinċipali tirrigwarda kemm ir-rekwiżit ta’ riperkussjoni tal-ispejjeż marbuta mal-obbligu ta’ ħżin ta’ gass naturali impost fuq Bulgartransgaz sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali fil-Bulgarija kif ukoll ir-rekwiżit ta’ riperkussjoni tal-ispejjeż marbuta mal-obbligi ta’ ħżin ta’ gass naturali imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali sabiex tiġi żgurata r-regolarità tal-provvista tal-gass naturali matul l-istaġun tax-xitwa. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda mhux biss il-legalità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2/2013, iżda wkoll dik tal-Artikolu 11a tal-imsemmi regolament, li tirrigwarda l-obbligi ta’ servizz pubbliku “imposti fuq iktar minn operatur wieħed tal-enerġija”.

50

Madankollu, u fi kwalunkwe każ, billi minn dik id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-prinċipji applikabbli għad-determinazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż u għall-modalitajiet tar-riperkussjoni tagħhom huma simili, dawn iż-żewġ tipi ta’ obbligi jistgħu jkunu suġġetti, għall-finijiet tal-kawża prinċipali, għal istess waħda.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-Artikoli 36 u 38 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ ħżin ta’ gass naturali, imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali sabiex tiġi assigurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali u r-regolarità tal-provvista tiegħu f’dan l-Istat Membru, jinġarru kompletament mill-klijenti ta’ dawn l-impriżi, li jistgħu jkunu individwi.

52

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73, l-Istati Membri, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-gass naturali, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jitħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-direttiva, bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-gass naturali, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw fir-rigward tad-drittijiet jew tal-obbligi ta’ dawn l-impriżi.

53

L-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li, billi jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-Artikolu 106 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li joperaw fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, u r-regolarità tal-provvista. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u għandhom jiggarantixxu lill-impriżi tal-gass naturali tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali. Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sigurtà tal-provvista u tal-ġestjoni tad-domanda, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perijodu fit-tul, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li terzi jitolbu aċċess għas-sistema.

54

L-Artikolu 3 jistabbilixxi wkoll, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Istati Membri, b’mod partikolari, għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jipproteġu lill-klijenti finali, jiżguraw b’mod partikolari li protezzjoni adegwata tiġi żgurata lill-konsumaturi vulnerabbli u jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

55

F’dan il-każ, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali la tirrigwarda l-klassifikazzjoni, bħala “obbligi ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, tal-obbligi ta’ ħżin imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali u lanqas il-konformità ta’ dawn l-obbligi ta’ ħżin mal-kundizzjonijiet stipulati f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-kawża prinċipali tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-ispejjeż sostnuti mill-impriżi tal-gass naturali bħala riżultat tal-imsemmija obbligi għandhom jiġu mgħoddija fuq il-prezzijiet li dawn l-impriżi jiffatturaw lill-klijenti tagħhom. Għaldaqstant, din it-tilwima tirrigwarda l-konformità ma’ din id-direttiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonsisti, essenzjalment, f’intervent mill-Istat fuq il-prezz tal-gass naturali, kemm jekk huwa l-prezz tat-trażmissjoni tiegħu jew il-prezz tal-provvista tiegħu.

56

Għandu jitfakkar li, minkejja intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz tal-gass naturali jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv, dan l-intervent jista’ madankollu jkun permess fil-kuntest tad-Direttiva 2009/73 jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-imsemmi intervent għandu jfittex għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, it-tieni nett, għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet nett, għandu jistabbilixxi obbligi ta’ servizz pubbliku li jkunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u għandhom jiggarantixxu lill-impriżi tal-gass tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kundizzjoni relatata mat-tfittxija ta’ interess ekonomiku ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2009/73 ma tiddefinixxix din il-kundizzjoni. Madankollu, ir-referenza fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, kemm għal din il-kundizzjoni kif ukoll għall-Artikolu 106 TFUE, li jikkonċerna impriżi fdati bil-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, timplika li l-istess kundizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl ta ’din id-dispożizzjoni tat-Trattat (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

L-interpretazzjoni tal-kundizzjoni relatata mat-tfittxija ta’ interess ekonomiku ġenerali għandha, barra minn hekk, tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 14 TFUE, il-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona, u mat-Trattat TFUE, li jirrikonoxxi b’mod espliċitu r-rwol essenzjali u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-provvista, fl-eżekuzzjoni u fl-organizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif ukoll il-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 36 tagħha dwar l-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punti 4041).

59

Għal dak li jirrigwarda speċifikament is-settur tal-gass naturali, mit-tieni sentenza tal-premessa 47 tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu ddefiniti fuq livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali, bid-dritt tal-Unjoni li għandu, madankollu, jiġi osservat mill-Istati Membri.

60

Huwa f’din il-perspettiva li l-Artikolu 106(2) TFUE jfittex li jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali mal-interess tal-Unjoni għall-osservanza tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għall-ħarsien tal-unità tas-suq komuni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

L-Istati Membri huma għalhekk intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom ta’ interess ekonomiku ġenerali u jistgħu, b’mod partikolari, jieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet attribwibbli għall-politika nazzjonali tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li l-Istati Membri għandhom iwettqu, skont id-Direttiva 2009/73, sabiex jiddeterminaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, għandhomx jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku, għandhom ikunu l-Istati Membri li jwettqu konċiljazzjoni bejn l-għan ta’ liberalizzazzjoni u l-għanijiet l-oħra mfittxija minn din id-direttiva (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-Artikoli 14 u 106 TFUE, jippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, hemmx lok li jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw il-prezz tal-gass naturali sabiex, b’mod partikolari, jiżguraw is-sigurtà u r-regolarità tal-provvista tiegħu, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha li din id-direttiva tipprevedi jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 52).

64

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rekwiżit ta’ riperkussjoni tal-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ ħżin imposti fuq l-impriżi ta’ gass naturali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali u r-regolarità tal-provvista tiegħu fit-territorju Bulgaru, żewġ għanijiet li huma espressament maħsuba fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 bħala għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li jiġġustifikaw l-impożizzjoni, mill-Istati Membri, obbligi ta ’servizz pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

65

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ispejjeż li jirriżultaw, għall-impriżi tal-gass naturali, minn tali obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu mgħoddija minn dawn l-impriżi fuq il-prezzijiet li jiffatturaw lill-klijenti tagħhom hija intiża wkoll li tilħaq dawn l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali peress li, billi għandha l-għan li tiżgura lill-imsemmija impriżi li dawn l-obbligi jkunu, fil-konfront tagħhom, newtrali f’termini ta’ spejjeż, hija tikkontribwixxi għat-twettiq effettiv tal-imsemmija obbligi mill-istess impriżi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-fatt, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li ma huwiex eskluż li regolament li jinkludi l-obbligu li l-gass naturali jiġi pprovdut bi prezz stabbilit jista’ jitqies bħala kapaċi li jiżgura t-twettiq ta’ tali għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 58).

66

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kundizzjoni dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 106 TFUE li l-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jippermetti li jiġu imposti fuq l-impriżi għandhom josservaw dan il-prinċipju u li, għaldaqstant, wara l‑1 ta’ Lulju 2007, dawn l-obbligi jistgħu jippreġudikaw il-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-gass naturali biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma intiżi li jilħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jekk dan ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità hijiex issodisfatta, madankollu hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħtiha, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, l-indikazzjonijiet kollha neċessarji f’dan is-sens fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għaldaqstant, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika, l-ewwel nett, li l-miżura inkwistjoni tkun ta’ natura li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali previst (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan ir-rigward, ma hemm l-ebda element fil-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. Hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-ispejjeż sostnuti mill-impriżi tal-gass naturali bħala riżultat tal-obbligi ta’ ħżin imposti fuqhom sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali u r-regolarità tal-provvista tiegħu huma rrimborsati lilhom huwa intiż li tiġi żgurata n-newtralità ekonomika ta’ dawn l-obbligi fil-konfront tagħhom. Tali rekwiżit ta’ riperkussjoni tal-ispejjeż jidher għalhekk li jiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

70

It-tieni nett, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, intervent statali fuq il-prezzijiet għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, li jimplika eżami mill-ġdid perijodiku tan-neċessità tal-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-informazzjoni speċifika disponibbli għaliha, li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfax din il-kundizzjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk u sa liema punt l-amministrazzjoni hija suġġetta mid-dritt nazzjonali applikabbli għal obbligu ta’ eżami mill-ġdid perijodiku, f’intervalli regolari u suffiċjentement fil-qrib, tan-neċessità u tal-modalitajiet tal-intervent tagħha, skont l-evoluzzjoni tas-settur tal-gass, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li hija għandha, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 994/2010, applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali u issa ssostitwit bir-Regolament 2017/1938, li jirregola, b’mod partikolari, l-istabbiliment minn kull Stat Membru ta’ pjan ta’ azzjoni preventiva u ta’ pjan ta’ emerġenza sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass fuq livell nazzjonali.

72

It-tielet nett, il-metodu ta’ intervent implimentat ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-interess ekomoniku ġenerali mfittex (sentenza tas‑7 ta ’Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ma tagħti l-ebda prova sabiex jiġi evalwat jekk il-kalkolu tal-ispejjeż li jinġarru mill-klijenti jissodisfax din il-kundizzjoni, ħlief l-indikazzjoni, li tinsab fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha, li tgħid li “il-kalkolu tal-valur tal-obbligi ta’ servizz pubbliku jitwettaq skont mudell ta’ previżjoni, fuq il-bażi ta’ metodu ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż”.

74

F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-metodu ta’ kalkolu tal-ispejjeż, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jwassalx għal kumpens żejjed tal-ispejjeż sostnuti mill-impriżi kkonċernati fil-kuntest tal-obbligi ta’ ħżin imposti fuqhom u jekk il-metodu użat mill-kummissjoni regolatorja għall-kalkolu tal-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn l-obbligi, li d-determinazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, jiħux inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

75

Ir-raba’ nett, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha wkoll tiġi evalwata fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura inkwistjoni u, b’mod iktar speċifiku, tal-benefiċjarji tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li għandu jiġi eżaminat sa liema punt l-intervent statali inkwistjoni jibbenefika individwi u impriżi rispettivament, bħala konsumaturi finali tal-gass (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punti 6768 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

L-osservanza ta’ dan il-prinċipju ma tipprekludix madankollu l-fatt li jistgħu jiġu deċiżi obbligi ta’ servizz pubbliku mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 li jirrigwardaw il-konsumaturi finali kollha tal-gass. F’dan il-każ, madankollu, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, minn naħa, il-fatt li s-sitwazzjoni tal-impriżi hija bħala prinċipju differenti minn dik tal-konsumaturi domestiċi, billi l-għanijiet tagħhom u l-interessi involuti ma humiex neċessarjament l-istess u, min-naħa l-oħra, differenzi oġġettivi bejn l-impriżi nfushom, skont id-daqs tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 40 sa 42).

77

F’dan il-każ, ir-rekwiżit ta’ riperkussjoni tal-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax, prima facie u bħala tali, jitqies bħala miżura li “tibbenefika” lill-klijenti jew lill-konsumaturi li fl-aħħar mill-aħħar għandhom isostnuhom. Madankollu, dan ir-rekwiżit ta’ riperkussjoni jirriżulta direttament mill-obbligi ta’ ħżin tal-gass naturali imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali. Issa, dawn l-obbligi, peress li għandhom l-għan li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u r-regolarità tagħha, jibbenefikaw il-konsumaturi kollha tal-gass naturali.

78

Barra minn hekk, xejn ma jidher li jipprekludi, bħala prinċipju, li r-rekwiżit ta’ riperkussjoni tal-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplika għall-impriżi kollha tal-gass naturali li fuqhom huma imposti l-obbligi ta’ ħżin u jirrigwarda l-klijenti kollha ta’ dawn l-impriżi, inklużi l-individwi.

79

Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju tippreċiża, fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha, li ma hemm ebda distinzjoni bejn il-piż finanzjarju sostnut, f’dan ir-rigward, mid-diversi tipi ta’ klijenti, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikoli 11 u 11a tar-Regolament Nru 2/2013, kif esposti minn din il-qorti, l-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma rrimborsati permezz tal-prezzijiet imħallsa mill-klijenti “skont il-konsum imkejjel tagħhom”. Dan jimplika li, minkejja l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu apparentement uniformi, ir-rekwiżit ta’ riperkussjoni tal-ispejjeż inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’, fuq dan il-punt, jissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-piż ekonomiku tal-obbligi ta’ ħżin, sostnut mid-diversi tipi ta’ klijenti finali, jaffettwa lill-klijenti kollha bl-istess mod ma jmurx kontra dan il-prinċipju, u lanqas il-fatt li, għalkemm ma jaffettwax lill-klijenti kollha bl-istess mod, id-distinzjoni magħmula bejn it-tipi ta’ klijenti hija ġġustifikata oġġettivament, pereżempju minħabba l-effett tal-konsum tagħhom fuq l-ispejjeż ta’ ħżin.

80

Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-kundizzjoni li tgħid li l-obbligi ta’ servizz pubbliku inkwistjoni għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u għandhom jiggarantixxu lill-impriżi tal-gass tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali, għandu jitfakkar li, għal dak li jirrigwarda n-natura nondiskriminatorja ta’ dawn l-obbligi, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jippermetti l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku b’mod ġenerali “fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass”, u mhux fuq ċerti impriżi b’mod partikolari. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri ma għandhomx jiddiskriminaw f’dak li jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi tal-impriżi tal-gass naturali. F’dan il-kuntest, is-sistema ta’ indikazzjoni tal-impriżi li fuqhom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku ma għandhiex teskludi a priori l-ebda waħda mill-impriżi li joperaw fis-settur tad-distribuzzjoni tal-gass (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, kull differenza fit-trattament eventwali għandha tkun oġġettivament iġġustifikata.

81

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju llimitat ruħha li tindika, f’dan ir-rigward, li, minn naħa, il-piż ekonomiku li jirriżulta mill-obbligi ta’ ħżin inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaffettwax “l-impriżi kollha fis-settur tal-enerġija” u, min-naħa l-oħra, il-klijenti finali ma jistgħux jikkontestaw l-ispejjeż tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma finalment imputati lilhom.

82

Issa, peress li l-obbligi ta’ ħżin inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu, min-natura tagħhom, jikkonċernaw biss impriżi attivi fis-settur tal-gass, il-fatt li l-ispejjeż ta’ dawn l-obbligi ma humiex sostnuti mill-impriżi kollha tas-settur tal-enerġija ma jistax jistabbilixxi li r-rekwiżit ta’ riperkussjoni ta’ dawn l-ispejjeż japplika b’mod diskriminatorju. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-piż ekonomiku li jirriżulta mill-imsemmija obbligi jaffettwax l-impriżi kollha tal-gass naturali u, fil-każ kuntrarju, jekk id-distinzjoni magħmula hijiex iġġustifikata oġġettivament, u jekk il-modalitajiet ta’ kumpens ta’ dan il-piż għall-impriżi kkonċernati humiex diskriminatorji jew le (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 4546).

83

Fir-rigward tal-fatt li l-klijenti finali ma humiex f’pożizzjoni li jikkontestaw l-ispejjeż tal-obbligi ta’ ħżin li huma finalment imputati lilhom, dan ma jistax bħala tali jistabbilixxi li dawn l-ispejjeż ma humiex verifikabbli, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-impriżi li fuqhom huma imposti dawn l-obbligi ma humiex huma stess f’pożizzjoni li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-kummissjoni regolatorja li tiddetermina l-ispejjeż koperti minn dan ir-rekwiżit ta’ riperkussjoni.

84

Fl-assenza ta’ elementi oħra f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni tar-rinviju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk ir-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax il-kundizzjoni mfakkra fil-punt 80 ta’ din is-sentenza.

85

Barra minn hekk, billi l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-ammissibbiltà tar-rekwiżit ta’ riperkussjoni tal-ispejjeż, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/73, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li ġġiegħel lill-konsumaturi finali tal-gass naturali jbatu l-ispejjeż tal-obbligi ta’ ħżin, li huma parzjalment individwi, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk humiex konsumaturi vulnerabbli, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu lill-klijenti finali, jiżguraw li jiggarantixxu l-protezzjoni adegwata tal-konsumaturi vulnerabbli u jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-klijenti, li huwa wkoll stabbilit fl-Artikolu 38 tal-Karta.

86

Madankollu, f’dan il-każ, xejn ma jindika li rekwiżit ta’ riperkussjoni tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 u josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jistax jiżgura l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-konsumaturi vulnerabbli, li din id-direttiva teżiġi.

87

F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi osservat li tali rekwiżit ta’ riperkussjoni għandu effett biss fuq parti mill-prezz tal-provvista ta’ gass naturali, li jidher li jiddependi mill-konsum reali tiegħu, u li huwa previst li l-frazzjoni tal-prezz ikkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ fatturazzjoni separata. Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni ma tidhirx li teskludi li l-Istat Membru kkonċernat jista’, jekk ikun il-każ, jintervjeni fil-prezz tal-provvista tal-gass naturali għall-benefiċċju tal-konsumaturi vulnerabbli.

88

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/73, moqri fid-dawl tal-Artikoli 36 u 38 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ ħżin ta’ gass naturali, imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali u r-regolarità tal-provvista tiegħu f’dan l-Istat Membru, huma sostnuti kompletament minn dawn l-impriżi, li jistgħu jkunu individwi, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun intiża li tilħaq għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, li hija tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-obbligi ta’ servizz pubbliku li hija tipprevedi jkunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u jkunu jiggarantixxu lill-impriżi tal-gass naturali tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali.

Fuq it-tieni domanda

89

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/73 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta lill-awtorità regolatorja ta’ dan l-Istat Membru, fis-sens ta’ din id-direttiva, mill-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirregola l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti normattivi, meta hija tadotta att li jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

90

Qabelxejn, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Gvern Bulgaru jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din id-domanda għar-raġuni li din ma tirrigwardax id-dritt tal-Unjoni, iżda d-dritt nazzjonali, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix miżura ta’ traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

91

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/73 tippermettix li awtorità regolatorja, fis-sens ta’ din id-direttiva, meta teżerċita kompetenzi regolatorji skont l-imsemmija direttiva, tkun suġġetta għal proċedura ta’ adozzjoni tal-atti tagħha li hija differenti mis-sistema ta’ adozzjoni tal-atti normattivi prevista barra minn hekk fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Peress li t-tieni domanda tirrigwarda b’mod ċar id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha.

92

Min-naħa l-oħra, il-kummissjoni regolatorja tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda, peress li d-Direttiva 2009/73 ma tinkludi, fil-fehma tagħha, ebda rekwiżit fir-rigward tal-proċeduri skont liema l-atti normattivi sussidjarji nazzjonali għandhom jiġu adottati.

93

Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk it-tieni domanda tikkonċernax suġġett li ma huwiex parti mid-dritt tal-Unjoni, għar-raġuni li din id-direttiva ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu fil-leġiżlazzjoni tagħhom regoli analogi għal dawk li għalihom il-kummissjoni regolatorja hija eżenti permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-mertu tad-domanda magħmula, u mhux taħt l-ammissibbiltà tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, din id-domanda hija ammissibbli.

94

Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku li huma ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u li jiggarantixxu lill-impriżi tal-gass naturali tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali.

95

Issa, billi teżiġi li tali obbligi jkunu “definiti b’mod ċar”, “trasparenti” u “verifikabbli”, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-atti li permezz tagħhom tali obbligi jiġu imposti għandhom ikunu motivati, ippubblikati u suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

96

Barra minn hekk, l-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73, dwar id-dmirijiet u s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji, jipprevedi, fil-paragrafu 16 tiegħu, li dawn l-awtoritajiet għandhom jimmotivaw u jiġġustifikaw b’mod sħiħ id-deċiżjonijiet tagħhom sabiex jippermettu stħarriġ ġudizzjarju u li d-deċiżjonijiet tagħhom għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li jippreżervaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

97

Madankollu, lil hinn minn dawn il-preċiżazzjonijiet, id-Direttiva 2009/73 ma tipprevedix modalitajiet proċedurali ddettaljati li l-imsemmija awtoritajiet għandhom jikkonformaw magħhom meta jadottaw atti li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

98

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-awtorità regolatorja tagħhom, meta tadotta tali att, mill-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li tirregola l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi sakemm, barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tagħhom tiggarantixxi li, waqt l-adozzjoni ta’ tali att, din l-awtorità hija marbuta li tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2009/73.

99

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, minkejja l-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 5 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Liġi dwar l-Atti Normattivi, il-kummissjoni regolatorja hijiex madankollu, kif hija tallega, marbuta li tosserva dawn il-kundizzjonijiet.

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-Direttiva 2009/73 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta lill-awtorità regolatorja ta’ dan l-Istat Membru, fis-sens ta’ din id-direttiva, mill-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirregola l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti normattivi, meta hija tadotta att li jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, sakemm, barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiggarantixxi li dan l-att ikun konformi mar-rekwiżiti sostantivi ta’ din id-dispożizzjoni, ikun kompletament motivat, jiġi ppubblikat, filwaqt li jippreżerva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, u jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.

Fuq l-ispejjeż

101

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 36 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ ħżin ta’ gass naturali, imposti fuq l-impriżi tal-gass naturali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali u r-regolarità tal-provvista tiegħu f’dan l-Istat Membru, huma sostnuti kompletament minn dawn l-impriżi, li jistgħu jkunu individwi, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun intiża li tilħaq għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, li hija tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-obbligi ta’ servizz pubbliku li hija tipprevedi jkunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u jkunu jiggarantixxu lill-impriżi tal-gass naturali tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali.

 

2)

Id-Direttiva 2009/73 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta lill-awtorità regolatorja ta’ dan l-Istat Membru, fis-sens ta’ din id-direttiva, mill-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirregola l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti normattivi, meta hija tadotta att li jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, sakemm, barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiggarantixxi li dan l-att ikun konformi mar-rekwiżiti sostantivi ta’ din id-dispożizzjoni, ikun kompletament motivat, jiġi ppubblikat, filwaqt li jippreżerva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, u jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top