EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0928

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fl-20 ta’ Jannar 2021.
European Federation of Public Service Unions (EPSU) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dritt istituzzjonali – Politika soċjali – Artikoli 154 u 155 TFUE – Djalogu bejn l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni Ewropea – Informazzjoni u konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri – Ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali – Talba konġunta tal-partijiet firmatarji ta’ dan il-ftehim għall-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni – Rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta għal deċiżjoni – Grad ta’ stħarriġ ġudizzjarju – Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut.
Kawża C-928/19 P.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:38

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fid‑19 ta’ Jannar 2021 (1)

Kawża C928/19 P

European Federation of Public Service Unions (EPSU)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Dritt istituzzjonali – Politika soċjali – Artikoli 154 u 155 TFUE – Djalogu soċjali bejn l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni – Informazzjoni u konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali – Ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali – Informazzjoni u konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri – Rifjut tal-Kummissjoni li tissottometti lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta l-ftehim – Klassifikazzjoni tal-atti li jirriżultaw mill-proċedura ta’ implimentazzjoni – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni – Grad ta’ stħarriġ ġudizzjarju – Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rifjut”






1.        Permezz tal-appell tagħha, il-European Federation of Public Service Unions (EPSU) (il-Federazzjoni Ewropea tas-Sindakati tas-Servizzi Pubbliċi) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Ottubru 2019, EPSU u Goudriaan vs Il‑Kummissjoni (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza (EPSU u Jan Goudriaan) kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea fl-ittra tagħha tal‑5 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tippreżenta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea proposta għal deċiżjoni li timplimenta ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali (3) (iktar ’il quddiem il-“ftehim inkwistjoni”) (4).

2.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE. Għalkemm din ma hijiex l-ewwel darba li l-Kummissjoni opponiet għal ftehim innegozjat mill-imsieħba soċjali (5), min-naħa l-oħra din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’tali oppożizzjoni u li hija għandha tiddeċiedi dwar is-setgħat u l-obbligi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali skont din id-dispożizzjoni (6).

3.        Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk il-Kummissjoni tistax, minbarra li tistħarreġ il-legalità tal-ftehim innegozjat mill-imsieħba soċjali u r-rappreżentattività tagħhom, teżerċita stħarriġ fir-rigward tal-opportunità tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim.

I.      Il-kuntest ġuridiku

4.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 152 TFUE jipprevedi:

“L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol ta’ l-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali. Għandha tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom.”

5.        L-Artikolu 153(1) TFUE jipprevedi li, bl-għan li jinkisbu l-għanijiet tal-Artikolu 151, l-Unjoni għandha ssostni u tikkompleta l-attivitajiet tal-Istati Membri f’diversi oqsma, fosthom “l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema”.

6.        L-Artikolu 154 TFUE jiddisponi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha jkollha d-dmir li tippromwovi l-konsultazzjoni ta’ min imexxi u tal-ħaddiema [tal-imsieħba soċjali] fil-livell ta’ l-Unjoni u għandha tieħu l-miżuri rilevanti sabiex tiffaċilita id-djalogu ta’ bejniethom billi tassigura sostenn bilanċjat għal dawn il-partijiet.

2.      B’dan il-għan, qabel ma tippreżenta proposti fil-qasam tal-politika soċjali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-min imexxi u lill-ħaddiema dwar id-direzzjoni possibli ta’ l-azzjoni mill-Unjoni.

3.      Jekk, wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tikkonsidra li azzjoni mill-Unjoni tkun ta’ min jirrakomandaha, hi għandha tikkonsulta lill-min imexxi u l-ħaddiema dwar il-kontenut tal-proposta maħsuba. Min imexxi u l-ħaddiema għandhom iwasslu lill-Kummissjoni opinjoni jew, fejn jixraq, rakkomandazzjoni.

4.      Fl-okkażjoni ta’ konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, min imexxi u l-ħaddiema jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew il-proċess previst fl-Artikolu 155. It-tul ta’ żmien ta’ dan il-proċess m’għandux jeċċedi disa’ xhur, sakemm min imexxi u l-ħaddiema kkonċernati u l-Kummissjoni, flimkien jiddeċiedu li jestenduh.”

7.        Skont l-Artikolu 155 TFUE:

“1.      Jekk min imexxi u l-ħaddiema [l-imsieħba soċjali] hekk jixtiequ, id-djalogu bejniethom fil-livell ta’ l-Unjoni jista’ jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inkluż ftehim.

2.      Il-Ftehim [Il-ftehimiet] konklużi fil-livell ta’ l-Unjoni għandhom jkunu implementati skond il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 153, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu meta l-ftehim in kwistjoni jkun fih dispożizzjoni waħda jew aktar konnessi ma’ wieħed mill-oqsma li għalihom hija meħtieġa l-unanimità skond l-Artikolu 153(2).”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

8.        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 6 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jitqassru bil-mod segwenti.

9.        Permezz ta’ dokument ta’ konsultazzjoni tal‑10 ta’ April 2015 (7), il-Kummissjoni stiednet lill-imsieħba soċjali, fuq il-bażi tal-Artikolu 154(2) TFUE, sabiex jiddeċiedu dwar l-orjentazzjoni possibbli ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-konsolidazzjoni tad-direttivi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Din il-konsultazzjoni kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-eventwali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi għall-uffiċjali u għall-impjegati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri.

10.      Fit‑2 ta’ Ġunju 2015, l-imsieħba soċjali fi ħdan il-kumitat ta’ djalogu soċjali għall-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali, jiġifieri, minn naħa, it-TUNED u, min-naħa l-oħra, l-EAPE, abbażi tal-Artikolu 154(4) TFUE, informaw lill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħhom li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim fuq il-bażi tal-Artikolu 155(1) TFUE.

11.      Fil‑21 ta’ Diċembru 2015, it-TUNED u l-EAPE ffirmaw ftehim intitolat “Qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u [tal-]impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali”.

12.      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Frar 2016, it-TUNED u l-EAPE talbu b’mod konġunt lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta għall-implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottata abbażi tal-Artikolu 155(2) TFUE.

13.      Fil‑5 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni informat lit-TUNED u lill-EAPE li hija kienet iddeċidiet li tirrifjuta li tippreżenta proposta għal deċiżjoni lill-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni.

14.      Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, qabel kollox, li l-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali kienu suġġetti għall-awtorità tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li huma kienu jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika u li l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tagħhom kienu jaqgħu kompletament fil-kompetenza tal-Istati Membri. Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat li dispożizzjonijiet li jiżguraw ċertu grad ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati ta’ dawn l-amministrazzjonijiet kienu diġà jeżistu f’diversi Stati Membri. Finalment, il-Kummissjoni kkonstatat li d-daqs tal-imsemmija amministrazzjonijiet kien jiddependi mill-grad ta’ ċentralizzazzjoni jew ta’ deċentralizzazzjoni tal-Istati Membri, b’tali mod li, fil-każ ta’ implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, il-livell ta’ protezzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jkun ivarja b’mod kunsiderevoli skont l-Istati Membri.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

16.      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti invokaw, essenzjalment, żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tas-setgħat tal-Kummissjoni u fuq in-natura insuffiċjenti u manifestament żbaljata tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

17.      Il-Kummissjoni Ewropea talbet iċ-ċaħda tar-rikors.

18.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19.      Wara li, fil-punti 19 sa 36 tas-sentenza appellata, eżaminat in-natura li tista’ tiġi kkontestata, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, tad-deċiżjoni kontenzjuża u qieset li r-rikors kontra din id-deċiżjoni kien ammissibbli f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza, li parti waħda mir-rikorrenti kellha locus standi, b’tali mod li ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata l-locus standi għar-rikorrent l-ieħor.

20.      Fir-rigward tal-eżami tal-mertu ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv tar-rikorrenti, billi tat b’mod partikolari, fil-punti 49 sa 90 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 155(2) TFUE u billi eżaminat, fil-punti 91 sa 102 ta’ din is-sentenza, ir-regoli, il-prinċipji u l-għanijiet tal-Unjoni invokati mir-rikorrenti insostenn tal-interpretazzjoni tagħhom ta’ din id-dispożizzjoni. Hija kkonkludiet, fil-punt 104 tal-imsemmija sentenza, li, bir-rifjut li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li timplimenta l-ftehim inkwistjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tas-setgħat tagħha.

21.      Fir-rigward tat-tieni motiv tar-rikors, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 108 sa 140 tas-sentenza appellata, l-osservazzjoni mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE fid-deċiżjoni kontenzjuża u l-fondatezza tal-motivazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni. Wara li stabbilixxiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ristrett, il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, sa fejn dan kien jikkonċerna s-suffiċjenza tal-motivi kif ukoll il-fondatezza tagħhom.

22.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

IV.    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Permezz ta’ att tat‑2 ta’ Marzu 2020, J. Goudriaan innotifika lill-Qorti tal-Ġustizzja li huwa ma kienx parti għall-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

24.      Permezz tal-appell tagħha, EPSU titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25.      Il-Kummissjoni titlob:

–        iċ-ċaħda tal-appell; u

–        il-kundanna ta’ EPSU għall-ispejjeż.

26.      EPSU u l-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2020.

V.      Analiżi ġuridika

27.      Dan l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa maqsum f’erba’ aggravji distinti.

28.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, EPSU ssostni li d-direttivi adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) TFUE huma ta’ natura leġiżlattiva (8). Permezz tat-tieni aggravju tagħha, EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikoli 154 u 155 TFUE (9). It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-grad tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali (10). Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonfermat il-legalità tal-espożizzjoni tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża (11).

29.      Nipproponi, fl-ewwel lok, li jiġu analizzati flimkien l-ewwel u t-tieni aggravju, li huma intrinsikament marbuta u jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni allegatament żbaljata tal-Artikoli 154 u 155 TFUE. Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ aggravju fl-ordni li ġew ippreżentati fih.

A.      Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju, ibbażati fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 154 u 155 TFUE

1.      L-argumenti tal-partijiet

30.      Fl-ewwel lok, EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet indebitament l-ewwel motiv tagħha, sa fejn hija qieset b’mod żbaljat li d-direttivi adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) TFUE huma ta’ natura mhux leġiżlattiva (12).

31.      F’dan ir-rigward, qabel kollox, EPSU ssostni li l-konsegwenzi tad-direttivi adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) TFUE ma humiex differenti minn dawk tad-direttivi adottati skont l-Artikolu 153 TFUE. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali allegatament, b’mod żbaljat, ibbażat fuq l-aspetti proċedurali u fuq il-klassifikazzjoni tal-att adottat skont l-Artikolu 155(2) TFUE, minflok ma ffokat fuq l-effetti sostanzjali tiegħu (13). Finalment, EPSU ssostni li l-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(2) TFUE. F’dan ir-rigward, ir-riferiment għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (14) ma jistax ikun rilevanti u ma jistax ineħħi n-natura essenzjalment leġiżlattiva tal-miżuri adottati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE.

32.      Fit-tieni lok, EPSU ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikoli 154 u 155 TFUE mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija żbaljata fil-liġi fir-rigward, b’mod partikolari, tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fil-proċedura relatata mal-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi bejn l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta-Artikolu 155(2) TFUE.

33.      Minn naħa, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali, EPSU ssostni li t-termini “intervient”, fil-verżjoni Franċiża, u “shall be implemented”, fil-verżjoni Ingliża, li jinsabu fl-Artikolu 155(2) TFUE, huma imperattivi, u ma jħallu l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni dwar l-għażla li tipproponi lill-Kunsill il-ftehim imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha tan-natura tal-kompetenzi tal-Kummissjoni (15). Skont EPSU, hija l-Kummissjoni li, fi tmiem stħarriġiet tal-legalità tal-ftehim u tar-rappreżentattività tal-imsieħba soċjali li nnegozjaw dan il-ftehim, għandha tipproponih lill-Kunsill.

34.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikoli 154 u 155 TFUE (16), meta l-Kummissjoni tiġi adita b’talba konġunta sabiex timplimenta ftehim skont l-Artikolu 155(2) TFUE, tkun ir-responsabbiltà tagħha li tippreżenta proposta lill-Kunsill u tkun ir-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar li jiddeċiedi jekk għandux jiġi adottat il-ftehim inkwistjoni. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament wessgħet ir-rwol tal-Kummissjoni għad-detriment tar-rwol tal-imsieħba soċjali u ta’ dak tal-Kunsill. B’dan il-mod, hija allegatament wettqet applikazzjoni ħażina tas-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (17), li minnha jirriżulta li jeżistu każijiet fejn il-Kummissjoni hija marbuta, skont id-dritt tal-Unjoni, tippreżenta proposta ta’ att leġiżlattiv.

35.      EPSU hija tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni l-Artikolu 17(1) u (2) TUE (18). Din id-dispożizzjoni ma tistax issaħħaħ is-setgħat tal-Kummissjoni meta t-Trattat UE jew it-Trattat FUE jillimitawhom b’mod speċifiku, u dan ikun il-każ b’mod partikolari tal-Artikoli 154 u 155 TFUE. B’mod sussidjarju, EPSU ssostni li, kieku kellu jitqies li l-atti adottati skont l-Artikolu 155(2) TFUE ma humiex atti leġiżlattivi, l-Artikolu 17(2) TUE ma jkunx applikabbli, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali wettqet żball (19) meta kkonkludiet li t-tieni fażi ta’ din id-dispożizzjoni kienet issaħħaħ is-setgħat tal-Kummissjoni.

36.      Il-Qorti Ġenerali allegatament iddeskriviet b’mod żbaljat ukoll il-funzjonament tal-proċeduri msemmija fl-Artikoli 154 u 155 TFUE (20). F’dan ir-rigward, EPSU tirrileva, qabel kollox, li l-proċedura ta’ konsultazzjoni hija mibdija mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ inizjattiva. Sussegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li tindika s-sentenza appellata, din l-istituzzjoni ma tirkuprax il-kontroll tal-proċedura sabiex tivverifika l-fondatezza tal-ftehim innegozjat mill-imsieħba soċjali. Finalment, il-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tenfasizza li t-tul tal-proċess huwa limitat għal disa’ xhur.

37.      Barra minn hekk, EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet applikazzjoni ħażina tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (21), li minnha jirriżulta li s-setgħat tal-Kummissjoni huma limitati għall-istħarriġ tar-rappreżentattività jew tal-legalità, peress li l-istħarriġ tal-opportunità ma huwiex imsemmi f’din is-sentenza. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa “politika” diskrezzjonali (22). Il-Qorti Ġenerali allegatament, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, żnaturat l-argument ta’ EPSU. Finalment, minn din is-sentenza jirriżulta li r-rwol u s-setgħat tal-Parlament huma differenti u komplementari għal dawk tal-imsieħba soċjali (23).

38.      Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, bħat-tieni aggravju, huwa infondat.

2.      Evalwazzjoni

39.      L-ewwel u t-tieni aggravju huma bbażati, essenzjalment, fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikoli 154 u 155 TFUE, b’mod partikolari, dwar ir-rwol tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 155(2) TFUE.

a)      Fuq in-natura allegatament ineffettiva tal-ewwel aggravju

40.      Il-Kummissjoni tqis li EPSU ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn il-klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-atti ġuridiċi adottati skont l-Artikolu 155(2) TFUE kellha rwol determinanti fiċ-ċaħda tal-ewwel motiv tar-rikors li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, kellha importanza fiċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors.

41.      Il-kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża hija dik dwar jekk il-Qorti Ġenerali kkonfermatx ġustament id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tipproponi lill-Kunsill l-implimentazzjoni tal-ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali. Peress li din hija deċiżjoni ta’ rifjut u ma ġiet ippreżentata l-ebda proposta lill-Kunsill f’dan ir-rigward, id-dubji li tqajjem il-Kummissjoni dwar in-neċessità li jiġi ddeterminat it-tip ta’ att li kellu jirriżulta mill-proċedura skont l-Artikolu 155(2) TFUE jidhru, prima facie, fondati, peress li tali kwistjoni għandha natura ipotetika fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni.

42.      Madankollu, għandu jiġi ammess li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-karatteristiċi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 155(2) TFUE u n-natura tal-miżuri adottati mill-Kunsill. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bdiet tali eżami fil-parti tas-sentenza appellata dwar l-interpretazzjoni kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni (24). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti kontra l-motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant huma ineffettivi (25). Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali bbażat fuq din il-parti sabiex tasal għall-konklużjoni tagħha dwar ir-rwol tal-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni.

43.      Għal dawn ir-raġunijiet, u bl-applikazzjoni tal-prinċipju in dubio pro actione (26), inqis neċessarju li nipproċedi għal eżami tal-mertu tal-ewwel aggravju mqajjem minn EPSU, li għandu jiġi analizzat flimkien mat-tieni aggravju, peress li dawn iż-żewġ aggravji huma marbuta mill-qrib.

b)      Fuq il-mertu

44.      Meta l-imsieħba soċjali jiġu kkonsultati mill-Kummissjoni, huma jistgħu jinnotifikaw lil din tal-aħħar ir-rieda tagħhom li jikkonkludu bejniethom ftehim fil-livell tal-Unjoni, konformement mal-proċess previst fl-Artikolu 155 TFUE, f’qasam wieħed jew iktar imsemmija fl-Artikolu 153 TFUE. Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni, din issir, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 155(2) TFUE, fuq talba konġunta tal-partijiet, fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq deċiżjoni tal-Kunsill. F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-ftehim inkwistjoni jaqa’ taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 153(1)(e) TFUE u li dan jista’, bħala prinċipju, jiġi implimentat fil-livell tal-Unjoni. It-tilwima tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-proposta magħmula mill-Kummissjoni, bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hijiex att diskrezzjonali u x’inhi l-portata eventwali ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni. EPSU hija tal-opinjoni li, meta tiġi msejħa sabiex tiddeċiedi li tissottometti jew le proposta lill-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ tistħarreġ biss il-legalità tal-ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali u r-rappreżentattività tagħhom. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tqis li hija għandha l-kompetenza, minbarra ż-żewġ stħarriġiet imsemmija iktar ’il fuq, sabiex tiddeċiedi dwar l-opportunità tal-implimentazzjoni tal-ftehim fil-livell tal-Unjoni.

45.      Għalhekk, il-kwistjoni prinċipali ta’ din il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fl-assenza ta’ elementi li jqiegħdu f’dubju l-legalità tal-ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali u r-rappreżentattività tal-partijiet firmatarji ta’ dan il-ftehim, il-Kummissjoni hijiex marbuta mit-talba konġunta tagħhom u, għaldaqstant, obbligata tipproponi lill-Kunsill l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni. Sabiex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, hemm lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata (27), li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-Artikolu 155(2) TFUE, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-dispożizzjoni (28). B’kunsiderazzjoni ta’ dan u kif irrilevajt fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li tipproċedi għal interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni bl-għan li tiddetermina l-portata tas-setgħat tal-Kummissjoni u tan-natura tal-att adottat skont din l-istess dispożizzjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hijiex ivvizzjata bi żball.

1)      Interpretazzjoni letterali

46.      EPSU tikkunsidra, essenzjalment, li l-użu tal-espressjoni Ingliża “shall be implemented” li tinsab fl-Artikolu 155(2) TFUE hija ekwivalenti għal impożizzjoni fuq il-Kummissjoni ta’ obbligu li ma jħallilha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-opportunità li tipproponi jew le lill-Kunsill test approvat mill-imsieħba soċjali.

47.      Dan l-argument, fil-fehma tiegħi, ma jistax jirnexxi fil-livell letterali għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

48.      F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li, skont prattika redazzjonali leġiżlattiva komunement aċċettata, id-dikjarazzjonijiet legali huma ġeneralment imfassla fl-indikattiv, sakemm l-għan li għandu jintlaħaq mir-regola kkonċernata ma jeħtieġx l-użu ta’ mod verbali ieħor. Peress li l-użu tal-indikattiv fid-dikjarazzjonijiet legali huwa r-regola, mis-sempliċi użu ta’ dan il-mod ma jistax jiġi dedott li l-verb inkwistjoni jesprimi obbligu jew imperattiv (29) fil-konfront tad-destinatarji tar-regola kkonċernata (30). Dan jidhirli li huwa l-każ fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE. Għal dawn ir-raġunijiet, l-espressjoni li għandha tiġi interpretata għandha tiġi eżaminata bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjoni li tinsab fiha.

49.      Għan dan il-għan, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE jirriżulta li l-ftehimiet konklużi fil-livell tal-Unjoni għandhom jkunu implimentati skont il-proċeduri u prattiki speċifiċi għall-imsieħba soċjali u għall-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 153 TFUE (31), fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-kliem “intervient”, fil-verżjoni Franċiża, u “shall be implemented”, fil-verżjoni Ingliża, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, huwa relatat maż-żewġ ipoteżijiet previsti f’dan il-paragrafu 2 u jikkostitwixxi, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 58 u 59 tas-sentenza appellata, formulazzjoni maħsuba sabiex tesprimi n-natura esklużiva ta’ dawn iż-żewġ proċeduri bl-għan tal-implimentazzjoni tal-ftehim, jiġifieri fil-livell nazzjonali, jew fil-livell tal-Unjoni. Jidhirli li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (32) huma saħansitra iktar ċari dwar il-fatt li l-Artikolu 155(2) TFUE jiddeskrivi, b’mod eżawrjenti, iż-żewġ possibbiltajiet li jistgħu jintgħażlu għall-implimentazzjoni tal-ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali. Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxi l-ebda implimentazzjoni oħra tal-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali ħlief iż-żewġ possibbiltajiet alternattivi msemmija iktar ’il fuq.

50.      Barra minn hekk, inqis li l-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament fil-punt 62 tas-sentenza appellata li l-kliem “intervient”, fil-verżjoni Franċiża, u “shall be implemented”, fil-verżjoni Ingliża, huwa relatat kemm mad-“deċiżjoni tal-Kunsill” kif ukoll mal-“proposta mill-Kummissjoni”. Mill-istruttura grammatikali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 155(2) TFUE jirriżulta li ma huwiex possibbli li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata bħala li tinkludi fl-istess ħin, minn naħa, l-obbligu għall-Kummissjoni li tipproponi l-implimentazzjoni tal-ftehim konkluż bejn is-sħab soċjali u, min-naħa l-oħra, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill li jiddeċiedi jekk jadottax deċiżjoni dwar implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim. L-interpretazzjoni kuntrarja, jiġifieri dik li tgħid li l-Kunsill ikun obbligat jimplimenta ftehim tal-imsieħba soċjali u li jadotta d-deċiżjoni inkwistjoni, ixxejjen għalkollox, fil-fehma tiegħi, is-sens tat-tieni paragrafu li jirregola l-vot fi ħdan il-Kunsill (33).

51.      Konsegwentement, ikun impossibbli li l-kliem tal-Artikolu 155(2) TFUE jiġi interpretat bħala li jrendi obbligatorja għall-Kummissjoni l-proposta lill-Kunsill tal-ftehim innegozjat mill-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-espressjoni “fuq proposta mill-Kummissjoni” li tinsab fl-Artikolu 155(2) TFUE tippreċiża b’mod espliċitu li l-Kummissjoni tipproponi l-ftehim inkwistjoni lill-Kunsill, bil-proposta tkun, fil-fehma tiegħi, att diskrezzjonali li jibda l-proċedura inkwistjoni, li fin-nuqqas tagħha l-Kunsill ma jistax jaġixxi bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (34). Il-possibbiltà għall-Kummissjoni li ma tipproponix lill-Kunsill l-implimentazzjoni tal-ftehim bejn l-imsieħba soċjali ma hijiex, essenzjalment, ikkontestata minn EPSU. Fil-fatt, hija ammettiet, kemm fl-appell tagħha kif ukoll matul is-seduta, li din l-istituzzjoni għandha l-kompetenza sabiex twettaq stħarriġ tal-legalità tal-ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali u tar-rappreżentattività ta’ dawn tal-aħħar, b’dawn iż-żewġ stħarriġiet ikunu jistgħu jwasslu għal rifjut tal-Kummissjoni li tissottometti lill-Kunsill proposta bl-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni minnha. Barra minn hekk, EPSU tqis li tali possibbiltà hija kkombinata minn kundizzjonijiet li bl-ebda mod ma huma previsti minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, inqis li l-qari li għamlet EPSU tal-Artikolu 155(2) TFUE, li jidher li huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill, T‑135/96 (35), għar-raġunijiet li sejrin jiġu esposti fil-punti 59 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa manifestament inkoerenti u jmur kontra l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għar-raġunijiet preċedenti, jien tal-opinjoni li l-possibbiltà għall-Kummissjoni, prevista fl-Artikolu 155(2) TFUE, li tipproponi jew le lill-Kunsill l-implimentazzjoni ta’ ftehim konkluż bejn imsieħba soċjali ma tistax tkun att diskrezzjonali li jinkludi evalwazzjoni prospettiva tal-opportunità tal-aspetti kollha relatati miegħu.

52.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, nosserva li l-Artikolu 155(2) TFUE juża l-kelma “deċiżjoni”, mingħajr ma jipprovdi iktar preċiżazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ dan l-att adottat mill-Kunsill (36). Għalkemm din il-kelma teoretikament tista’ tiġi estiża stricto sensu jew lato sensu, fejn dan tal-ewwel jirreferi għad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 288 TFUE (37), li jgħid li d-“deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha” u, “[d]eċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawn biss”, u t-tieni wieħed jimplika kull att li jipproduċi effetti legali (38), huwa komunement aċċettat, fil-kummentarji, li dawn huma, f’dan il-każ, deċiżjonijiet sui generis li għandhom effett vinkolanti erga omnes (39) u li jorbtu lill-Istati Membri dwar ir-riżultati li għandhom jinkisbu (40). Fil-prattika istituzzjonali, il-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali u adottati mill-Kunsill fil-livell tal-Unjoni ħadu l-forma ta’ direttivi li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali (41).

53.      Konsegwentement, mill-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 155(2) TFUE jirriżulta li l-approċċ irrakkomandat minn EPSU jmur lil hinn mil-limiti grammatikali stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.

2)      Il-ġenesi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 155(2) TFUE

54.      L-approċċ irrakkomandat minn EPSU, fil-fehma tiegħi, huwa inkompatibbli mal-ġenesi tad-djalogu soċjali fil-livell tal-Unjoni, peress li dan id-djalogu kien ġie żviluppat, sa mill-oriġini tiegħu, minn naħa, b’mod awtonomu fir-rigward tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri (42) u, min-naħa l-oħra, taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni (43).

55.      Qabel kollox, l-Att Uniku Ewropew (44), li żied l-Artikolu 118b fit-Trattat KEE, li kien jipprevedi li “l-Kummissjoni għandha tipprova tiżviluppa d-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema [l-imsieħba soċjali] fuq livell Ewropew, li jista’, jekk iż-żewġ naħat iqisu xierqa, iwassal għal relazzjonijiet kuntrattwali”. B’dan il-mod, l-Att Uniku Ewropew ta, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni l-kompitu li tiżviluppa u tippromwovi d-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju. Fil-prattika, f’dan iż-żmien, ir-rwol tal-Kummissjoni jmur ferm iktar lil hinn minn dak ta’ arbitru sempliċi jew ta’ medjatur (45), fejn l-imsieħba soċjali jaġixxu fuq l-inizjattiva tagħhom.

56.      Sussegwentement, l-Artikoli 154 u 155 TFUE jisiltu l-oriġini tagħhom mill-Artikoli 3 u 4 tal-Ftehim fuq il-politika soċjali (46), li kien ġie inkorporat fid-dritt Komunitarju mill-Protokoll Nru 14 fuq il-politika soċjali tat-Trattat ta’ Maastricht (iktar ’il quddiem il-“Ftehim fuq il-politika soċjali”) (47), li min-naħa tiegħu għandu bħala oriġini l-Ftehim fuq il-politika soċjali konkluż bejn l-imsieħba soċjali (48). Il-kapijiet tal-Istat u tal-gvern, imlaqqgħa fil-Konferenza Intergovernattiva ta’ Maastricht f’Diċembru 1991, meta adottaw il-Ftehim fuq il-politika soċjali, ħassru s-silta li kien fih li kienet tippreċiża li l-ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali kellhom jiġu implimentati “kif kienu ġew konklużi” (49). Dan it-tħassir jindika, fil-fehma tiegħi, li l-kapijiet tal-Istat u tal-gvern, sa mill-bidu, xtaqu li l-istituzzjonijiet jeżerċitaw stħarriġ fuq il-kontenut tal-ftehim innegozjat mill-imsieħba soċjali u l-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

57.      Finalment, il-funzjoni ta’ promotur tal-Kummissjoni fil-qasam tad-djalogu soċjali tirriżulta b’mod impliċitu mill-komunikazzjonijiet li din l-istituzzjoni ppubblikat dwar, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (50). Fil-fatt, sa mill-oriġini tiegħu, id-djalogu soċjali ma kienx sempliċement purament negozjar kollettiv, iżda kien marbut intrinsikament mal-inizjattiva tal-Kummissjoni (51).

58.      Fil-qosor, kemm il-ġenesi tal-Artikoli 154 u 155 TFUE kif ukoll il-komunikazzjonijiet ippubblikati mill-Kummissjoni jindikaw li r-rwol tagħha fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi bejn imsieħba soċjali ma jistax jitnaqqas għas-sempliċi kwalità ta’ emissarju inkarigat li jissottometti l-ftehimiet lill-Kunsill għall-adozzjoni tagħhom, mingħajr ma jkollha l-ebda kompetenza sabiex tevalwa l-opportunità tal-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni.

3)      L-interpretazzjoni sistematika

i)      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 154 u 155 TFUE

59.      L-Artikoli 154 u 155 TFUE, meqjusa flimkien, jikkostitwixxu bażijiet legali speċifiċi bl-għan li jingħataw bidu u jiġu adottati azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali. B’differenza mill-oqsma l-oħra previsti mit-Trattati, l-implimentazzjoni ta’ dan il-qasam fil-livell tal-Unjoni teħtieġ u tiffavorixxi djalogu permanenti bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-imsieħba soċjali. Għal dan l-għan, l-Artikolu 154 TFUE jipprevedi, b’mod partikolari, mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, li b’mod partikolari għandu bħala korollarju r-rikonoxximent tar-rwol u tal-indipendenza tal-imsieħba soċjali fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżura xierqa.

60.      Fir-rigward tal-konsultazzjoni, l-Artikolu 154(2) TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni, qabel ma tippreżenta proposti fil-qasam tal-politika soċjali, għandha tikkonsulta lill-imsieħba soċjali dwar id-direzzjoni possibbli ta’ azzjoni mill-Unjoni. Sussegwentement, skont l-Artikolu 154(3) TFUE, jekk, wara din l-ewwel konsultazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li azzjoni mill-Unjoni tkun ta’ min jirrakkomandaha, hija għandha tikkonsulta lill-imsieħba soċjali mill-ġdid dwar il-kontenut tal-proposta maħsuba (52).

61.      Huwa importanti li jiġi enfasizzat li din l-ewwel konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 154(2) TFUE għandha natura ġenerali u ma tippreġudikax id-deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni li tissottometti jew le proposta speċifika fil-qasam tal-politika soċjali. Għalhekk, din il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali ma għandha l-ebda effett fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni meta din tirrigwarda l-preżentata lill-Kunsill ta’ proposti għal atti legali li għandhom jiġu adottati. Fil-fatt, skont l-Artikolu 154(3) TFUE, il-Kummissjoni għandha tibda t-tieni konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali biss jekk hija “tikkonsidra li azzjoni mill-Unjoni tkun ta’ min jirrakomandaha”.

62.      Min-naħa l-oħra, jekk il-proċess ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni jwassal għall-konklużjoni li azzjoni tal-Unjoni ma tkunx ta’ min jirrakkomandaha, kemm mill-paragrafu 2 kif ukoll mill-paragrafu 3 tal-Artikolu 154 TFUE jirriżulta li l-konsultazzjoni mwettqa sa dak iż-żmien mal-imsieħba soċjali tibqa’ ineffettiva għall-finijiet ta’ tali azzjoni eventwali.

63.      Dawn iż-żewġ tipi ta’ konsultazzjonijiet jistgħu jwasslu, skont l-Artikolu 154(4) TFUE, sabiex il-kompitu li jitfassal il-kontenut materjali tal-miżuri kkonċernati jiġi ttrasferit lill-imsieħba soċjali (53). Innegozjat bejn l-imsieħba soċjali, protagonisti tad-djalogu soċjali, tali tfassil jitwettaq b’mod awtonomu fil-konfront tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, fil-fatt, li l-imsieħba soċjali jistgħu jinformaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew negozjati, u dan jista’ jwassal għall-konklużjoni ta’ ftehim bejniethom, iżda mhux neċessarjament. Matul dawn in-negozjati, l-imsieħba soċjali ma jkollhomx iktar rwol konsultattiv, iżda jkollhom rwol attiv fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ politika soċjali filwaqt li l-Kummissjoni tirtira temporanjament minn dan ir-rwol favur l-imsieħba soċjali. Sabiex jiġi evitat li l-inizjattiva meħuda minn dawn tal-aħħar twassal għal paraliżi ġenerali fil-qasam li jkun is-suġġett tan-negozjati, pereżempju minħabba l-fatt li dawn jiġġebbdu fit-tul jew l-imsieħba soċjali ma jaslux għal ftehim f’terminu raġonevoli, filwaqt li azzjoni tkun neċessarja sabiex tittieħed fil-qasam inkwistjoni, l-Artikolu 154(4) TFUE jipprovdi li l-proċess ta’ negozjati ma jistax, bħala prinċipju, jaqbeż id-disa’ xhur (54). Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax dan b’mod espliċitu, minnha jirriżulta li, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Kummissjoni tirkupra s-setgħa ta’ kontroll tal-proċessi kollha, inkluża s-setgħa li tfassal hija stess il-proposti rilevanti fil-qasam tal-politika soċjali kkonċernat.

64.      Għalhekk, l-Artikoli 154 u 155 TFUE jirregolaw aspetti differenti tal-istess proċess deċiżjonali li huwa maħsub għat-tfassil ta’ miżuri ta’ politika soċjali, kif juri r-riferiment għat-tieni dispożizzjoni li jinsab f’dik tal-ewwel. Għalkemm, formalment, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkostitwixxu żewġ bażijiet legali distinti, peress li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni tal-istess miżura, jien tal-opinjoni li għandhom jiġu eżaminati flimkien. Mill-kombinazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, minkejja l-ispeċifiċitajiet imsemmija iktar ’il fuq, dawn ma għandhomx bħala effett li jċaħħdu lill-Kummissjoni mir-rwol “klassiku” tagħha fil-qasam tal-politika soċjali, li huwa rifless, b’mod partikolari, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ inizjattiva permezz ta’ proposti ppreżentati sabiex tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 17(1) TUE.

65.      Mill-qari kkombinat tal-Artikoli 154 u 155 TFUE jirriżulta li l-proċeduri previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet iseħħu taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni, ħlief għall-fażi ta’ negozjati, li matulha l-intervent tal-Kummissjoni jiġi sospiż. Kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali (55), il-fatt li, skont l-Artikolu 155(2) TFUE, il-Kunsill jaġixxi “fuq proposta” mill-Kummissjoni jimplika li, filwaqt li n-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehim jaqgħu esklużivament fil-kompetenza tal-imsieħba soċjali kkonċernati, il-Kummissjoni tirkupra mill-ġdid il-kontroll tal-proċedura meta huma jitolbu b’mod konġunt l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni, u hija l-Kummissjoni li għandha teżamina jekk ikunx hemm lok li tippreżenta jew le proposta lill-Kunsill (56). Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qiegħda ssostni EPSU fl-appell tagħha, is-setgħa tal-Kummissjoni li tniedi konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali fis-sens tal-Artikolu 154 TFUE ma tistax tiġi assimilata mas-setgħa tagħha li tadotta proposti sabiex tiżgura implimentazzjoni ta’ ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 155(2) TFUE.

66.      Inqis li l-approċċ ta’ EPSU li jgħid li l-Kummissjoni, meta tiġi msejħa tiddetermina, skont l-Artikolu 155(2) TFUE, jekk ikunx hemm lok li tipproponi l-implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali, tista’ twettaq biss stħarriġ tal-legalità ta’ dan il-ftehim u tar-rappreżentattività tal-imsieħba soċjali, jibbaża, kif enfasizzajt diġà fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet (57), fuq qari żbaljat tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (58). Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-elementi fattwali ta’ dik il-kawża kienu sostanzjalment differenti minn dawk esposti lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni kienet ipproponiet lill-Kunsill l-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-Ftehim qafas fuq il-leave parentali konkluż bejn organizzazzjonijiet interprofessjonali b’għan ġenerali (59). Inċidentalment, huwa fuq il-bażi ta’ din il-proposta li l-Kunsill adotta d-Direttiva 96/34/KE (60) li kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament li wassal għal din is-sentenza (61). Ir-rikorrenti, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Impriżi Żgħar u Medji, sostniet li hija kellha drittijiet partikolari fil-kuntest tal-mekkaniżmi proċedurali stabbiliti mill-Ftehim fuq il-politika soċjali fosthom, b’mod partikolari, dritt ġenerali sabiex tipparteċipa fil-fażi tan-negozjar tat-tieni proċedura u dritt partikolari sabiex tipparteċipa fin-negozjar tal-ftehim qafas, drittijiet li hija kienet tqis li nkisru fil-kuntest tal-proċedura ta’ konklużjoni tal-ftehim qafas li ppreċeda l-adozzjoni ta’ din id-direttiva. Huwa f’dan il-kuntest u, b’mod iktar preċiż, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, li l-Qorti Ġenerali rrilevat li l-ksur eventwali tad-drittijiet tar-rikorrenti bħala persuna li ma pparteċipatx fil-konklużjoni tal-ftehim qafas kontenzjuż u, għaldaqstant, tad-dritt tagħha li titlob l-annullament ta’ direttiva li tippreżenta l-karatteristiċi ta’ att ta’ portata ġenerali, seta’ jiġi rrikonoxxut biss jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill ma kinux issodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ stħarriġ tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att tad-dritt sekondarju mill-imsieħba soċjali kkonċernati (62).

67.      Fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (63), il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors inammissibbli, billi qieset li l-Kummissjoni u l-Kunsill kienu, ġustament, ikkunsidraw li r-rappreżentattività akkumulata tal-firmatarji tal-ftehim qafas kienet suffiċjenti, fir-rigward tal-kontenut tiegħu, sabiex jiġi implimentat fil-livell Komunitarju permezz ta’ att tal-Kunsill, u li għalhekk ir-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li hija kellha d-dritt li teżiġi mill-Kunsill li huwa jipprekludi din l-implimentazzjoni (64). Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma tipprovdi l-ebda bażi li tippermetti li jiġi preżunt li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tipproponi lill-Kunsill l-implimentazzjoni ta’ ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali hija limitata għas-sempliċi stħarriġ tal-legalità tal-ftehim u tar-rappreżentattività tal-imsieħba soċjali. Għall-kuntrarju, l-eżami tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar id-dispożizzjonijiet li saru l-Artikoli 154 u 155 TFUE (65) attwali jiżvela li hija l-Kummissjoni, meta tiġi adita b’talba konġunta tal-imsieħba soċjali sabiex timplimenta fil-livell tal-Unjoni ftehim li huma kkonkludew, li għandha tipproċedi għal evalwazzjoni globali tar-rappreżentattività demokratika ta’ dan il-ftehim, fejn l-intervent tal-Kummissjoni għandu jkun konformi mal-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni tagħha fil-qasam tal-politika soċjali (66). Minn din is-sentenza jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni EPSU, fost il-kwistjonijiet kollha li l-Kummissjoni hija msejħa tevalwa sabiex tiddetermina jekk għandhiex tipproponi lill-Kunsill l-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali, il-legalità tal-ftehim u r-rappreżentattività tal-imsieħba soċjali jikkostitwixxu biss parti waħda. Għaldaqstant, min-neċessità ta’ dawn iż-żewġ stħarriġiet wieħed ma jistax jiddeduċi li l-Kummissjoni hija mċaħħda mill-possibbiltà li teżamina kwistjonijiet oħrajn relatati mal-opportunità tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim. Peress li l-Ftehim fuq il-politika soċjali (67), li kien is-suġġett tal-interpretazzjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, huwa riprodott kważi f’termini letterali mill-Artikoli 154 u 155 TFUE attwali, l-interpretazzjoni sistematika magħmula f’din is-sentenza mill-Qorti Ġenerali tibqa’ rilevanti sal-lum u ssaħħaħ l-interpretazzjoni sistematika proposta fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet.

ii)    L-interpretazzjoni tal-Artikolu 155(2) TFUE moqri flimkien mal‑Artikolu 17 TUE

68.      Mill-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 155(2) TFUE, moqri flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati dwar l-arkitettura istituzzjonali tal-Unjoni, jirriżulta li talba mressqa mill-imsieħba soċjali intiża għall-implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, tal-ftehim li huma kkonkludew ma jistax jobbliga lill-Kummissjoni tipproponih lill-Kunsill.

69.      Skont l-Artikolu 17(1) TUE, il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan. Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-interess ġenerali tal-Unjoni u jiġi żgurat li l-azzjoni tal-Unjoni ma tkunx suġġetta għall-interessi ta’ terzi, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 17(3) TUE jipprovdi li l-Kummissjoni għandha twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha b’indipendenza totali u li l-membri tagħha ma għandhomx jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern jew xi istituzzjoni. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tiddefinixxi, b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew issuġġettar għal xi korp ieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn xi ħadd ikun min ikun, liema proposti jkunu fl-interess ġenerali tal-Unjoni (68).

70.      Bl-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni, kif iddefiniti mit-Trattati, l-Artikolu 17(2) TUE jipprevedi, fl-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu, li l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni ma jistgħux jiġu adottati ħlief fuq proposta tal-Kummissjoni, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor, u li l-atti l-oħrajn għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni meta t-Trattati jipprovdu hekk.

71.      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 TUE jirriżulta li t-Trattati jagħtu lill-Kummissjoni setgħa speċifika ta’ inizjattiva, li hija l-oriġini tal-proċeduri ta’ adozzjoni kemm ta’ atti leġiżlattivi kif ukoll ta’ tipi oħra ta’ atti, atti li l-Kummissjoni biss tista’ tipproponi l-adozzjoni tagħhom. Għaldaqstant, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diġà dwar is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva rrikonoxxuta mill-Artikolu 17(2) TUE u mill-Artikolu 289 TFUE, din is-setgħa timplika li, bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi jekk tippreżentax jew le proposta ta’ att leġiżlattiv u, jekk ikun il-każ, li tiddetermina s-suġġett, il-finalità u l-kontenut tagħha (69). Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħti lill-Kummissjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li tadotta proposti huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-bilanċ istituzzjonali, li tgħid li, inkwantu t-Trattati jagħtu lill-Kummissjoni prerogattiva kostituzzjonali li tagħtiha s-setgħa li tevalwa b’indipendenza sħiħa jekk proposta leġiżlattiva tkunx opportuna jew jekk ikunx xieraq li dik il-proposta tiġi emendata, ebda istituzzjoni oħra ma tista’ ġġegħelha tadotta inizjattiva meta hija ma jidhrilhiex li dan ikun fl-interess tal-Unjoni (70).

72.      Minn dan isegwi li s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tissottometti proposti, jiġifieri s-setgħa tagħha ta’ inizjattiva, hija marbuta direttament u intrinsikament mal-obbligu impost fuq din l-istituzzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 17(2) TUE, sabiex tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni. L-Artikolu 155(2) TFUE, id-dispożizzjoni fil-qalba ta’ din il-kawża, sa fejn jipprevedi b’mod espliċitu li d-deċiżjoni tal-Kunsill tittieħed “fuq proposta mill-Kummissjoni”, jikkostitwixxi għalhekk espressjoni speċifika, fil-qasam tal-politika soċjali, tar-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 17(2) TUE. F’dan il-każ, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali, fis-sens tal-Artikolu 155(2) TFUE, huwa diffiċli li tinstab raġuni valida sabiex jiġi sostnut li s-setgħa ta’ inizjattiva għandu jkollha portata iktar limitata minn dik li normalment tingħata lill-Kummissjoni mis-sistema istituzzjonali ġenerali. L-interpretazzjoni restrittiva tas-setgħat tal-Kummissjoni, kif irrakkomandata minn EPSU, tkun b’mod speċjali inqas iġġustifikata jekk wieħed jikkunsidra li l-interess ġenerali tal-Unjoni huwa ferm iktar wiesa’ mill-interess difiż mill-ftehim innegozjat mill-imsieħba soċjali, li jikkostitwixxi biss qbil tar-ridiet u għandu biss effett inter partes (71). Issa, għalkemm il-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali u adottati mill-Kunsill fil-livell tal-Unjoni jieħdu l-forma ta’ direttivi li jimplimentaw il-ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali (72), l-att tal-Unjoni li jirriżulta minnu bilfors li jkollu effetti li ma jibqgħux inter partes, iżda jsiru erga omnes, u dan iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħhom (73), raġuni għalfejn hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura li l-impenji meħuda mill-imsieħba soċjali jikkorrispondu għall-interess ġenerali tal-Unjoni. Din l-interpretazzjoni ma hijiex kontradetta mill-ilment imressaq minn EPSU, li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet, fis-sentenza appellata, żball fl-interpretazzjoni kuntestwali tagħha fir-rigward tal-portata tas-setgħat tal-Kummissjoni, minħabba li hija qieset li d-direttivi adottati mill-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) TFUE huma ta’ natura mhux leġiżlattiva. Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tipproponi lill-Kunsill l-implimentazzjoni ta’ ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali, minkejja li l-motivi tas-sentenza appellata dwar ċerti karatteristiċi tal-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni iktar jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet ġenerali intiżi sabiex tissaħħaħ l-interpretazzjoni kuntestwali adottata mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, ma jistax jiġi attribwit żball ta’ liġi lill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet. Fil-fatt, kif sostniet, ġustament, il-Kummissjoni, l-Artikolu 155 TFUE ma jirreferix b’mod espliċitu għall-proċedura leġiżlattiva, la dik ordinarja u lanqas dik speċjali, u dan ifisser, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (74), li l-miżuri adottati fi tmiem il-proċedura prevista fl-Artikolu 155(2) TFUE ma jikkostitwixxux atti leġiżlattivi fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE. Issa, tali klassifikazzjoni ma tibdel xejn dwar is-setgħa ta’ inizjattiva li għandha l-Kummissjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet innegozjati bejn l-imsieħba soċjali, peress li l-portata ta’ din is-setgħa ma tvarjax skont jekk l-att li għandu jiġi adottat ikunx ta’ natura leġiżlattiva jew le.

4)      L-interpretazzjoni teleoloġika

73.      Id-djalogu soċjali huwa rikonoxxut, fl-Artikolu 151 TFUE, bħala wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea (75). Dan “għandu jafferma l-post ċentrali u oriġinali tiegħu fil-governanza demokratika tal-Ewropa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (76). F’dan il-kuntest, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali, billi jipprevedi li l-Unjoni Ewropea “tirrikonoxxi u tippromwovi r-rwol ta’ l-imsieħba soċjali fil-livell tagħha, filwaqt li tqis id-diversità tas-sistemi nazzjonali” u li hija għandha “tiffaċilita d-djalogu bejn is-sħab soċjali, waqt li tirrispetta l-awtonomija tagħhom” (77). L-Artikolu 154(1) TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni għandu “jkollha d-dmir li tippromwovi l-konsultazzjoni ta’ min imexxi u tal-ħaddiema [tal-imsieħba soċjali] fil-livell ta’ l-Unjoni” u li hija “għandha tieħu l-miżuri rilevanti sabiex tiffaċilita id-djalogu ta’ bejniethom billi tassigura sostenn bilanċjat għal dawn il-partijiet”. Minn dan jirriżulta li t-Titolu X tat-Trattat FUE għandu b’mod partikolari l-għan li jippromwovi r-rwol tal-imsieħba soċjali u li jiffaċilita d-djalogu bejniethom, fl-osservanza tal-awtonomija tagħhom.

74.      B’mod iktar partikolari, din l-awtonomija timplika li, matul il-fażi ta’ negozjati u ta’ konklużjoni ta’ ftehim, li taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-imsieħba soċjali, dawn tal-aħħar jistgħu jiddjalogaw u jaġixxu liberament, mingħajr ma jirċievu ordni jew struzzjoni minn kwalunkwe persuna, u b’mod partikolari mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jsostni li l-prinċipju ta’ awtonomija jirreferi għall-osservanza, mill-istituzzjonijiet Ewropej, tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali li jinnegozjaw u li jikkonkludu, skont ir-rieda tagħhom, ftehimiet kollettivi, kif jirriżulta inċidentalment mill-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F’dan is-sens, il-proċedura ta’ negozjar tal-imsieħba soċjali mwettqa fil-kuntest tad-djalogu soċjali Ewropew tista’ tiġi analizzata bħala espressjoni speċifika ta’ din il-prinċipju ta’ awtonomija.

75.      Madankollu, l-awtonomija tal-imsieħba soċjali sabiex jinnegozjaw ftehim ma għandhiex tiġi mfixkla mal-proċedura ta’ implimentazzjoni tal-ftehimiet innegozjati mill-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, li għaliha l-Kunsill jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ladarba l-imsieħba soċjali jkunu liberament innegozjaw u kkonkludew ftehim u li l-partijiet firmatarji jkunu talbu b’mod konġunt l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni jkollha mill-ġdid id-dritt li tintervjeni u tirkupra l-kontroll tal-proċedura (78). Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 155 TFUE sempliċement jinvolvi l-imsieħba soċjali fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ ċerti atti mhux leġiżlattivi, mingħajr ma jagħtihom is-setgħa ta’ adozzjoni huma stess tal-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti fil-konfront ta’ terzi, u lanqas is-setgħa li jippreżentaw direttament lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni għall-implimentazzjoni ta’ ftehim. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li din id-dispożizzjoni hija intiża għall-promozzjoni tar-rwol tal-imsieħba soċjali u tad-djalogu bejn dawn tal-aħħar, mingħajr ma tagħtihom tali setgħat.

76.      Dan l-approċċ inċidentalment huwa kkonfermat, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 82 u 94 sa 98 tas-sentenza appellata, mill-prinċipju ta’ demokrazija li, skont l-Artikolu 10(1) u (2) TUE, jiġi espress fir-rappreżentazzjoni taċ-ċittadini fil-Parlament u fil-fatt li l-membri tal-Kunsill Ewropew jagħmlu parti minn gvernijiet politikament responsabbli quddiem il-parlamenti nazzjonali rispettivi. Fil-fatt, kieku l-imsieħba soċjali kellhom is-setgħa li jġiegħlu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta bl-għan tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet tagħhom fil-livell tal-Unjoni, huma kienu jkunu jistgħu jeżerċitaw influwenza ferm ikbar fuq il-kontenut tal-atti legali adottati fil-qasam tal-politika soċjali mill-Parlament, li jiġi sempliċement informat bl-implimentazzjoni tal-ftehimiet fuq il-bażi tal-Artikolu 155(2) TFUE (79). Billi ċaħdet l-argument ta’ EPSU, il-Qorti Ġenerali għalhekk applikat b’mod korrett il-prinċipju tad-demokrazija kif inhu interpretat fil-punt 88 tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (80).

c)      Konklużjoni fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

77.      Kif esponejt preċedentement, il-metodi kollha ta’ interpretazzjoni jwasslu għall-istess riżultat, jiġifieri li talba tal-imsieħba soċjali mressqa skont l-Artikolu 155(2) TFUE, intiża sabiex il-ftehimiet li huma kkonkludew fil-livell tal-Unjoni jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni, ma għandhiex effett vinkolanti għall-Kummissjoni.

78.      Għaldaqstant, u għall-kuntrarju ta’ dak li tallega EPSU, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tippreżenta l-ftehim inkwistjoni lill-Kunsill sabiex dan jimplimentah permezz ta’ deċiżjoni, li jkollha inċidentalment natura mhux leġiżlattiva.

79.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel u t-tieni aggravju ta’ EPSU kollha kemm huma.

B.      Fuq it-tielet aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

80.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, EPSU tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq id-deċiżjoni kontenzjuża (81).

81.      F’dan ir-rigward, EPSO tirrileva li d-deċiżjoni li tipproponi ftehim innegozjat mill-imsieħba soċjali lill-Kunsill ma hijiex ta’ natura politika, iżda essenzjalment ġuridika. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ natura politika tibbaża fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll tas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (82).

82.      Barra minn hekk, EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball (83) meta stabbilixxiet paralleli mal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Fil-fehma tagħha, il-proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 TFUE ma jixbhux l-inizjattiva taċ-ċittadini peress li, minn naħa, din tal-aħħar la tikkonċerna proċess ta’ negozjar kollettiv u lanqas l-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali protett mill-Artikolu 28 ta-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, min-naħa l-oħra, il-partijiet li jibdew din il-proċedura ma jipparteċipawx fit-tfassil tat-test tal-proposta leġiżlattiva.

83.      Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet ta’ EPSU.

2.      Evalwazzjoni

84.      Essenzjalment, EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma applikatx stħarriġ ġudizzjarju tal-livell adegwat fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta hija nħbiet wara l-istħarriġ ġudizzjarju ristrett applikat għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

85.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, qieset li, meta l-Kummissjoni tressaq quddiemha talba ta’ implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali, hija għandha b’mod partikolari tevalwa l-opportunità, inkluż fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, tal-eventwali implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-livell tal-Unjoni. Hija kkunsidrat, fil-punti 109 sa 112 ta’ din is-sentenza, li minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, b’tali mod li d-deċiżjoni tagħha kellha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ristrett.

86.      Għalhekk, dan l-aggravju jqajjem il-kwistjoni tal-grad ta’ stħarriġ li l-qrati tal-Unjoni għandhom jissuġġettaw għalih deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tippreżenta proposta intiża għall-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali. Din il-kwistjoni hija neċessarjament marbuta ma’ dik imqajma fl-ewwel u t-tieni aggravju, li l-eżami tagħhom ikkonferma li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tadotta tali proposta u għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-opportunità li tissottometti lill-Kunsill tali proposta. Issa, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni twassal sabiex EPSU tibni l-argument tagħha fuq premessa żbaljata, peress li, b’differenza mill-Qorti Ġenerali, hija ddefinixxiet b’mod żbaljat il-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tissottometti proposta lill-Kunsill. Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa minn EPSU ma żvelaw l-ebda żball ta’ liġi fis-siltiet tas-sentenza appellata li għadni kif iċċitajt.

87.      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw miżuri f’oqsma li fihom huma jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa u li jinvolvu għażliet b’mod partikolari ta’ natura politika u evalwazzjonijiet kumplessi, l-istħarriġ ġudizzjarju jkun limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (84),(85). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-intensità tal-istħarriġ tal-legalità, f’sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kien twassal sabiex iwettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, kellha titnaqqas b’mod speċjali meta “l-att ikkonċernat [kellu] portata ġenerali” (86). In-natura limitata tal-istħarriġ ġudizzjarju tikkostitwixxi għalhekk l-espressjoni tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, fejn l-awtorità ġudizzjarja ma tistax tieħu post il-leġiżlatur billi tieħu deċiżjonijiet li għalihom hija ma jkollhiex leġittimità.

88.      Għalkemm il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti tirrigwarda b’mod partikolari l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-atti leġiżlattivi, il-prinċipji li jinsabu fihom huma validi wkoll fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li EPSU tikkritika lill-Kummissjoni li rrifjutat li tissottometti proposta bl-għan tal-adozzjoni mill-Kunsill, fil-livell tal-Unjoni, ta’ att li għandu portata ġenerali, kif jirriżulta mill-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalkemm l-interessi espressi fi ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali huma, bla dubju, leġittimi, wieħed ma għandux jinsa li l-elementi kollha li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tippromwovi l-interessi tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 17(1) TUE, huma ferm ikbar. Jien ma nistax ħlief naqbel mal-perspettiva tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-implimentazzjoni ta’ tali ftehim permezz tal-adozzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tevalwa l-fatturi politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha kemm huma. Issa, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta proposta jew tirrifjuta li tagħmel dan, skont l-Artikolu 155(2) TFUE, hija tiġi msejħa tibbilanċja l-interessi inkwistjoni, fejn tali bilanċ jaqa’, finalment, taħt is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Fil-fatt, sabiex dan il-bilanċ jirrifletti l-interess ġenerali tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha teżerċita din is-setgħa, konformement mal-Artikolu 17(3) TUE, b’indipendenza sħiħa (87). Konsegwentement, jien tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta qieset li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta hija teżamina, skont l-Artikolu 155(2) TFUE, jekk hemmx lok li tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni intiża għall-implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali. B’mod konkret, hija r-responsabbiltà tal-Qorti Ġenerali li tillimita ruħha li teżamina, fuq il-mertu, jekk din is-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni tkunx ivvizzjata bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter, jew jekk l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunux manifestament marru lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (88).

89.      Il-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 155(2) TFUE hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett jirriżulta, barra minn hekk, mis-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (89), minkejja li l-kuntest ta’ din il-kawża kien differenti minn dak tal-kawża ineżami. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet twasslet sabiex teżamina l-legalità ta’ deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni kienet indikat li hija ma kienet sejra tieħu l-ebda azzjoni wara l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej li kienet ġiet ippreżentata lilha. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-approċċ tal-Qorti Ġenerali li jgħid li l-obbligu tal-Kummissjoni li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(1) TUE, jinkludi, b’mod intrinsiku, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, billi dan l-obbligu jimplika għażliet diffiċli u l-ibbilanċjar ta’ interessi differenti. Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa timxi id f’id ma’ stħarriġ ġudizzjarju ristrett li jista’ jikkonsisti b’mod partikolari fi stħarriġ tal-assenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (90). Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jidhirli li l-ġurisprudenza dwar dan il-punt hija minn issa ’l quddiem stabbilita, b’tali mod li din il-kawża ma tistax tpoġġiha f’dubju.

90.      Minn dan isegwi li jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet aggravju bħala infondat.

C.      Fuq ir-raba’ aggravju

1.      L-argumenti tal-partijiet

91.      EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 116 sa 140 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

92.      F’dan ir-rigward, qabel kollox, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball meta rrilevat, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li l-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinux materjalment ineżatti jew irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni. EPSU tikkritika, b’mod partikolari, lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni, mill-Kummissjoni, minn naħa, tal-perijodu ta’ żmien li għadda bejn il-korrispondenza preċedenti tagħha u d-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li hija injorat il-komunikazzjonijiet li hija stess kienet ippubblikat (91). Fil-fatt, dawn iż-żewġ elementi ħolqu, fi ħdan EPSU, aspettattivi leġittimi li kienet sejra titwettaq analiżi tal-impatt jew li din kienet għaddejja. Barra minn hekk, fil-punti 136 u 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat l-argument ta’ EPSU f’dan ir-rigward. Iktar minn hekk, EPSU ssostni li, għall-kuntrarju li dak li rrilevat il-Qorti Ġenerali, it-tliet motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża huma kemm ineżatti fil-fatti jew fil-liġi, kif ukoll irrilevanti.

93.      Sussegwentement, EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjenti sabiex EPSU tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet. F’dan ir-rigward, EPSU ssostni, minn naħa, li dawn il-motivi huma żbaljati u, min-naħa l-oħra, li l-ġustifikazzjonijiet li tat il-Kummissjoni ma jikkorrispondux għal dawk invokati matul il-proċedura.

94.      Finalment, EPSU tikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 130 u 132 tas-sentenza appellata, dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-direttivi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni.

95.      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ EPSU.

2.      Evalwazzjoni

96.      Permezz ta’ dan l-aggravju, EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta evalwat l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE (92).

97.      B’mod preliminari, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-awtur ta’ att għandu juri b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament tiegħu b’tali mod, minn naħa, li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (93). Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (94).

98.      Sussegwentement, meta istituzzjoni tal-Unjoni, bħal f’dan il-każ il-Kummissjoni, ikollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha b’mod suffiċjenti. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (95).

99.      Finalment, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tkun distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress illi din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż (96). F’dan il-każ, wara li ġie eżaminat, fil-punti 114 sa 119 tas-sentenza appellata, jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx motivata b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-Artikolu 296 TFUE, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, li dan kien il-każ. Peress li t-tieni parti ta’ dan l-aggravju tirrigwarda n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li l-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali siltet minn dan l-eżami kienu determinanti sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar din id-deċiżjoni (97), inqis li hemm lok li nibda l-analiżi tiegħi b’din il-parti.

a)      Fuq l-iżball ta’ liġi dwar in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża

100. Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, EPSU ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 118 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li EPSU setgħet tagħraf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża.

101. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali eżaminat is-suffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-punti 116 sa 118 tas-sentenza appellata. Hija fakkret, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet ikkonsultat lill-imsieħba soċjali fir-rigward tal-possibbiltà ta’ azzjoni tal-Unjoni dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u li kien preċiżament wara din il-konsultazzjoni li l-imsieħba soċjali nnegozjaw u ffirmaw il-ftehim inkwistjoni.

102. Min-naħa l-oħra, billi eżaminat id-deċiżjoni kontenzjuża, irrid nirrimarka li naqbel mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, peress li l-Kummissjoni ħadet iktar minn sentejn sabiex twieġeb għat-talba mressqa mill-imsieħba soċjali fuq il-bażi tal-Artikolu 155(2) TFUE, id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni setgħu jistennew li din l-istituzzjoni tadotta motivazzjoni iktar żviluppata minn dik, relattivament qasira, li tinsab f’din id-deċiżjoni. Madankollu, huwa stabbilit ukoll li s-suffiċjenza tal-motivazzjoni esposta f’din l-istess deċiżjoni ma tistax tiġi evalwata biss fuq il-bażi tan-numru jew tat-tul tas-sentenza li fiha. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li, minħabba l-preċiżjoni u ċ-ċarezza tagħha, il-motivazzjoni qasira adottata insostenn ta’ deċiżjoni tkun tista’ tinftiehem b’mod sħiħ.

103. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni essenzjalment invokat tliet motivi bħala l-bażi tar-rifjut tagħha, jiġifieri, l-ewwel nett, in-natura speċifika tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali u, b’mod partikolari, il-fatt li huma jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika, it-tieni nett, l-eżistenza, fil-liġijiet nazzjonali ta’ diversi Stati Membri, ta’ dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati ta’ dawn l-amministrazzjonijiet u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ differenzi sinjifikattivi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-istruttura u tal-qasam ta’ kompetenzi tal-imsemmija amministrazzjonijiet, b’tali mod li implimentazzjoni eventwali tal-ftehim ikollha kamp ta’ applikazzjoni usa’ jew idjaq skont l-Istati Membri.

104. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u, b’mod partikolari, tar-regoli applikabbli kollha fil-qasam (98). F’dan il-każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, huwa sinjifikattiv li din ma kinitx indirizzata lil destinatarju li ma kienx avżat, iżda li din kienet destinata lill-imsieħba soċjali li kkonkludew il-ftehim inkwistjoni, li minħabba l-istatus tagħhom kif ukoll il-konsultazzjonijiet minn qabel imwettqa mill-Kummissjoni, kienu diġà jafu bil-kuntest li fiha ġiet adottata din id-deċiżjoni ta’ rifjut. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, “matul laqgħa mal-imsieħba soċjali li saret fis‑17 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni ħabbret is-sens tad-deċiżjoni [kontenzjuża]” (99). Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-Kummissjoni esponiet il-motivi lill-imsieħba soċjali saħansitra qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, jien tal-opinjoni li dawn il-motivi juru b’mod suffiċjentement dettaljat ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni, li l-kompitu fundamentali tagħha huwa, skont l-Artikolu 17(1) TUE, li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni, ma qisitx li kien xieraq li tipproponi lill-Kunsill jimplimenta, fil-livell tal-Unjoni, ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali kkonċernati.

105. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra ġustament, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li EPSU setgħet tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u li l-Qorti Ġenerali setgħet twettaq l-istħarriġ ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kritika li tgħid li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat bi żball li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-iżball fir-rigward tal-eżattezza u r-rilevanza tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża adottati mill-Qorti Ġenerali

106. L-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq l-iżball dwar l-eżattezza u r-rilevanza tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża adottati mill-Qorti Ġenerali, hija maqsuma, essenzjalment, f’żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ ġustifikazzjoni, mill-Kummissjoni, minn naħa, tal-perijodu ta’ żmien li għadda bejn il-korrispondenza preċedenti tagħha (100) u d-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija injorat il-komunikazzjonijiet li hija stess kienet ippubblikat (101). Hija tikkritika, barra minn hekk, lill-Qorti Ġenerali li ma rriflettietx korrettement l-argumenti li hija ressqet fl-ewwel istanza. Permezz tat-tieni lment tagħha, EPSU tikkritika l-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali tat-tliet motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

107. Fir-rigward tal-ewwel ilment, sa fejn EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-garanziji mogħtija fil-korrispondenza preċedenti u l-komunikazzjonijiet li l-Kummissjoni kienet ippubblikat, li minnhom kien jidher li hija kellha twettaq stħarriġ tal-legalità u analiżi tal-impatt u li dan l-istħarriġ u din l-analiżi kienu għaddejjin, u dan kien jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, nosserva li ma tressaq l-ebda argument relatat ma’ dan il-prinċipju fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza, tant li s-sentenza appellata ma tittrattax il-kwistjoni ta’ ksur eventwali ta’ dan il-prinċipju.

108. B’mod iktar partikolari, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-korrispondenza, EPSU kkritikat lill-Kummissjoni li ma pproċediet għall-ebda analiżi tal-impatt “għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet għal iktar minn sena” u li, għaldaqstant, ma setgħetx tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża (102). Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet, EPSU invokathom quddiem il-Qorti Ġenerali biss sabiex issostni li dawn kienu taw l-impressjoni li l-Kummissjoni kienet tħossha marbuta mit-talba tal-imsieħba soċjali dwar proposta fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni (103).

109. Issa, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li peress li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u l‑argumenti li jkunu ġew iddibattuti quddiem l-ewwel qorti, parti ma tistax tqajjem argument, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali (104). F’dawn il-kundizzjonijiet, inqis li dan l-ewwel ilment huwa inammissibbli sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi.

110. B’mod superfluwu, għandha tiġi miċħuda t-teżi ta’ EPSU li tgħid li, permezz tal-korrispondenza tagħha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni kienet tat garanziji u sussegwentement tbiegħdet minnhom, peress li hija marret kontra l-għan tal-konsultazzjonijiet previsti fil-qasam tal-politika soċjali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont l-Artikolu 154(2) TFUE, qabel ma tippreżenta proposti fil-qasam tal-politika soċjali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-imsieħba soċjali dwar id-direzzjoni possibbli ta’ azzjoni mill-Unjoni. Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-konsultazzjonijiet huma maħsuba sabiex jippermettu lill-partijiet differenti jressqu t-talbiet tagħhom u l-osservazzjonijiet tagħhom, sabiex tiġi kkunsidrata l-preżentata mill-Kummissjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ ċerta proposta. Għaldaqstant, minn naħa, li jiġi kkunsidrat li l-konsultazzjonijiet u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni relatata toħloq obbligu vinkolanti għall-partijiet ikkonċernati, ixxejjen dan il-proċess mill-kontenut naturali tiegħu. Għalhekk ma jidhirlix li huwa possibbli li tiġi sostnuta t-teżi ta’ EPSU li tgħid li l-konsultazzjonijiet jistgħu joħolqu aspettattivi leġittimi tal-partijiet għal dawn il-konsultazzjonijiet fuq id-deċiżjonijiet politiċi eventwali (105). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura possibbilment vinkolanti għall-Kummissjoni tal-osservazzjonijiet preċedenti tagħha jew tal-komunikazzjonijiet li hija ppubblikat, bħall-pożizzjoni li hija sostniet matul is-seduta, huwa ċar għalija li dawn l-osservazzjonijiet jew dawn il-komunikazzjonijiet fl-ebda ċirkustanza ma jistgħu jimmodifikaw il-kompetenzi mogħtija lil din l-istituzzjoni mit-Trattati u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 17(2) TUE.

111. Sa fejn l-ewwel ilment huwa bbażat fuq żnaturament mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 136 sa 138 tas-sentenza appellata, tal-argumenti li EPSU ressqet quddiemha fl-ewwel istanza, għandu jiġi nnotat li, fil-punt 135 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tat sunt tal-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza bħala li jsostnu “li xejn f’dan il-każ ma kien jiġġustifika li l-Kummissjoni teskludi l-implimentazzjoni tal-[ftehim inkwistjoni] fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità”, billi r-rikorrenti allegaw “b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi ta’ impatt fid-dawl tal-imsemmija prinċipji”. B’dan il-mod, jidhirli li s-sentenza appellata tagħti sunt b’mod ċertament sintetiku, iżda fidil, tal-argument li r-rikorrenti ressqu fil-punt 106 tar-rikors fl-ewwel istanza. Issa, il-punti 136 sa 138 tas-sentenza appellata huma intiżi sabiex iwieġbu l-argumenti tagħhom u jikkostitwixxu għalhekk l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li l-ilment ibbażat fuq l-iżnaturament tal-argumenti li EPSU ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, huwa infondat.

112. Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

113. Permezz tat-tieni lment tagħha, EPSU tikkritika l-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali meta eżaminat it-tliet motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

114. B’mod preliminari, fir-rigward tal-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif jirriżulta mill-analiżi tat-tielet aggravju (106), l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-ineżattezza materjali jew għall-assenza ta’ kwalunkwe rilevanza tal-elementi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-implimentazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni.

115. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, EPSU tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-punti 130 u 136 tas-sentenza tagħha, peress li, minn naħa, bħalissa diversi direttivi japplikaw għall-ħaddiema tal-amministrazzjonijiet ċentrali u li, min-naħa l-oħra, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li l-implimentazzjoni tal-ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali timmodifika “l-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament” tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali, b’mod speċjalment meta l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda analiżi tal-impatt.

116. F’dan ir-rigward, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ma qajmitx dubju dwar l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta atti relatati mad-drittijiet soċjali tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali, iżda enfasizzat li l-ftehim inkwistjoni kien jikkonċerna qasam speċifiku, li huwa marbut mas-sovranità tal-Istati Membri. Fil-fatt, dan il-motiv huwa intiż sabiex jenfasizza li ċerti uffiċjali u ċerti impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Għalkemm, kif issostni essenzjalment EPSU, ma hemm xejn li jxekkel lil-leġiżlatur Ewropew, bħala prinċipju, milli jadotta dispożizzjonijiet li jiggarantixxu lil dawn l-uffiċjali u lil dawn l-impjegati tas-settur pubbliku d-drittijiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tista’ u għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol partikolari u l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn l-amministrazzjonijiet sabiex tiżgura l-ħarsien tal-interessi ġenerali tal-Istati Membri, li jirriżultaw barra minn hekk minn derogi espliċiti li jinsabu fit-Trattati (107).

117. Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat obbligu li titwettaq analiżi tal-impatt, jidhirli li tali analiżi eventwalment tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni meta hija tuża s-setgħa tagħha ta’ inizjattiva (108), b’mod partikolari, f’qasam li jaqa’ taħt kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Issa, l-assenza ta’ tali analiżi ma tistax tiġi kkritikata lill-Kummissjoni meta hija tiddeċiedi li tirrifjuta li twettaq tali azzjoni. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa importanti li jiġi osservat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tissottometti lill-Kunsill proposta għall-implimentazzjoni tal-ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali tikkostitwixxi, fin-natura tagħha, deċiżjoni li ma teżiġix analiżi tal-impatt.

118. Fir-rigward tat-tieni motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, EPSU tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim innegozjat mill-imsieħba soċjali kien fih klawżola ta’ “nuqqas ta’ regressjoni” li tagħti drittijiet iktar wiesgħa minn dawk diġà rrikonoxxuti mill-Istati Membri u li xxekkel lil dawn tal-aħħar milli jirrevokaw id-drittijiet mogħtija mill-ftehim inkwistjoni.

119. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandha f’dan il-każ il-Kummissjoni, b’mod partikolari sabiex tiddetermina jekk huwiex neċessarju li timla lakuna possibbli fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni li jirregolaw id-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Issa, anki kieku kellu jitqies li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni din il-klawżola ta’ “nuqqas ta’ regressjoni”, ikollu jintwera li r-regoli relatati mal-informazzjoni u mal-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali li jeżistu fl-Istati Membri ma kinux jippermettu li ssir din l-informazzjoni u din il-konsultazzjoni b’mod suffiċjenti fil-livell ta’ dawn l-Istati Membri. Issa, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat u hija ma tistax timla, permezz tal-motivazzjoni tagħha, lakuna fil-motivazzjoni ta’ dan l-att, b’tali mod li l-eżami tagħha ma jkun konness mal-ebda evalwazzjoni li tinsab f’dan tal-aħħar (109). Għaldaqstant, EPSU ma tistax tistenna li l-Qorti Ġenerali twettaq dimostrazzjoni li twassal għal tali sostituzzjoni, u dan b’mod speċjali meta hija marbuta twettaq stħarriġ ristrett fuq id-deċiżjoni kontenzjuża. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tiddeċiedi jekk kellhiex tissottometti lill-Kunsill il-ftehim konkluż mill-imsieħba soċjali bl-għan tal-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni kellha taffaċċja l-kwistjoni essenzjali dwar jekk kienx opportun li tiġi armonizzata fil-livell tal-Unjoni l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u tal-impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali. Sa fejn it-tweġiba tal-Kummissjoni għal din il-mistoqsija kienet negattiva, ma kienx neċessarju li hija tevalwa l-effett eventwali tal-klawżola ta’ “nuqqas ta’ regressjoni” fl-ipoteżi fejn l-implimentazzjoni tal-imsemmi ftehim kienet titwettaq fil-livell tal-Unjoni.

120. Fir-rigward tat-tielet motiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, EPSU ssostni li, fil-punt 133 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, minn naħa, la n-natura settorjali tal-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali speċifiċi għal ċerti setturi u lanqas, min-naħa l-oħra, ir-rappreżentattività tal-imsieħba soċjali. Għalhekk, EAPE tkun l-imsieħba soċjali tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali, b’tali mod li l-ftehim konkluż bejn l-imsieħba soċjali jikkonċerna l-gvernijiet ċentrali u mhux il-gvernijiet lokali. Barra minn hekk, il-ftehim inkwistjoni ma jaffettwax l-istruttura tal-gvernijiet tal-Istati Membri, peress li dan jirrigwarda biss id-drittijiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-ħaddiema.

121. F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress li l-ftehim inkwistjoni jirrigwarda l-konsultazzjoni u l-informazzjoni tal-uffiċjali u l-impjegati tal-gvernijiet ċentrali, l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni taffettwa b’mod varjat ħafna lill-Istati Membri skont il-grad tagħhom ta’ ċentralizzazzjoni jew ta’ deċentralizzazzjoni. Issa, ma kien hemm xejn li jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni dan l-aħħar fatt, bħala konsegwenza mhux mixtieqa tal-implimentazzjoni tal-ftehim fil-livell tal-Unjoni.

122. Konsegwentement, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta vvalidat it-tliet motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

c)      Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir-rigward tad-direttivi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni

123. Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, EPSU ssostni li, fil-punti 131 u 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni ħażina tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-direttivi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni (110). Diġà teżisti differenza bejn il-gvernijiet lokali u l-gvernijiet ċentrali fir-rigward, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2001/23/KE (111).

124. F’dan ir-rigward, nikkonstata li EPSU ma tispjegax ir-rabta bejn id-direttivi msemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-allegata differenza bejn dawn iż-żewġ livelli ta’ gvern. EPSU lanqas ma tispjega għalfejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata. Għalhekk, tali argument huwa manifestament inammissibbli.

d)      Konklużjoni

125. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ aggravju bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

126. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jien tal-opinjoni li l-aggravji kollha mressqa minn EPSU kif ukoll l-appell kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

VI.    Fuq l-ispejjeż

127. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-appelli skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

128. F’din il-kawża, peress li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell, u peress li l-Kummissjoni għamlet talba f’dan is-sens, hemm lok li, fil-fehma tiegħi, EPSU tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

VII. Konklużjoni

129. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil EPSU għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      T‑310/18, EU:T:2019:757.


3      Ftehim konkluż fil‑21 ta’ Diċembru 2015, intitolat “Qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-uffiċjali u [tal-]impjegati tal-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali”, u ffirmat mid-Delegazzjoni tas-Sindakati Nazzjonali u l-Amministrazzjoni Ewropea (TUNED) u mill-Persuni li jimpjegaw tal-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea (EAPE).


4      L-imsieħba soċjali għaddew għan-negozjar tal-ftehim wara konsultazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 154(2) TFUE.


5      Fis‑26 ta’ April 2012, il-Kummissjoni kienet opponiet għal ftehim qafas Ewropew dwar il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema fil-ħwienet tax-xagħar iffirmat minn Coiffure EU u UNI Europa Hair & Beauty. F’dak il-każ ma kien ġie ppreżentat l-ebda rikors u kienet ġiet proposta verżjoni ġdida tal-ftehim mill-imsieħba soċjali. Għal analiżi kritika, ara, Dorssemont, F., Lörcher, K., Schmitt, M., “On the Duty to Implement European Framework Agreements: Lessons to be Learned from the Hairdressers Case”, Industrial Law Journal, Vol. 48, Nru 4, Diċembru 2019, pp. 571 sa 603.


6      Ara Schmitt, M., Moizard, N. u Frapard, M., “Droit social européen”, J.D.E., 2020/6, Nru 270, p. 297.


7      C(2015) 2303 final.


8      F’dan ir-rigward, EPSU tikkontesta l-punti 69, 73, 96 u 100 tas-sentenza appellata.


9      B’mod partikolari, dan l-aggravju jikkonċerna l-punti 34, 54 sa 63, 64 sa 82, 93 u 94 sa 98 tas-sentenza appellata.


10      Dan l-aggravju jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 31 sa 33, 78, 79, 109 sa 112, 122 u 133 tas-sentenza appellata.


11      Il-kritiki tagħha jikkonċernaw b’mod partikolari l-punti 116 sa 140 tas-sentenza appellata.


12      EPSU tikkritika l-punti 69, 73, 89, 96 u 100 tas-sentenza appellata.


13      EPSU tikkritika l-punti 69 u 89 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 96 ta’ din is-sentenza jkun inkompatibbli, minn naħa, mal-miżuri adottati skont din id-dispożizzjoni, li tkun ta’ natura leġiżlattiva, u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennings u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 66).


14      C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631.


15      Il-kritika tirrigwarda l-punt 62 tas-sentenza appellata.


16      EPSU tikkontesta l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 62, 63, 69 sa 82, 87, 89, 99, 100 u 109 tas-sentenza appellata.


17      C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 70.


18      EPSU tirreferi għall-punti 34, 63 sa 81 u 93 tas-sentenza appellata.


19      Fil-punti 34 u 74 tas-sentenza appellata.


20      EPSU tikkritika l-punti 74 sa 77, 87 u 96 tas-sentenza appellata.


21      T‑135/96, EU:T:1998:128, punt 84.


22      EPSU tikkritika l-punti 82 u 94 sa 98 tas-sentenza appellata. Is-setgħa politika “diskrezzjonali” allegatament kellha l-effett li ċċaħħad lill-Kunsill mill-possibbiltà li jeżerċita s-setgħa tiegħu li jadotta jew le d-deċiżjoni skont l-Artikolu 155(2) TFUE, li tnaqqas l-awtonomija tal-imsieħba għax-xejn u li tagħti lill-Kummissjoni post madwar il-mejda tan-negozjati flimkien mal-imsieħba soċjali. L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali dwar l-istħarriġ tal-opportunità tal-Kummissjoni jippreġudika l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom, peress li dan l-istħarriġ huwa limitat għall-ftehimiet konklużi lil hinn mill-proċess ta’ konsultazzjoni previst mit-Trattat.


23      F’dan ir-rigward, filwaqt li t-“tieni” proċedura prevista fl-Artikoli 154 u 155 TFUE tagħti lill-imsieħba soċjali l-kompitu li jinnegozjaw, ifasslu u japprovaw, b’mod awtonomu, il-kontenut tal-ftehim, ma teżistix proċedura analoga li tippermetti lill-Parlament ifassal b’mod awtonomu l-kontenut ta’ proposta leġiżlattiva.


24      Ara, b’mod partikolari, il-punti 64 et seq. tas-sentenza appellata u, b’mod iktar partikolari, il-punt 69 ta’ din is-sentenza.


25      Ara d-digriet tad‑9 ta’ Marzu 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni (C‑188/06 P, EU:C:2007:158, punt 64). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 148), u tad‑19 ta’ April  2007, UASI vs Celltech (C‑273/05 P, EU:C:2007:224, punti 56 u 57), kif ukoll id-digriet tat‑23 ta’ Frar 2006, Piau vs Il‑Kummissjoni (C‑171/05 P, EU:C:2006:149, punt 86).


26      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża LL vs Il‑Parlament (C‑326/16 P, EU:C:2017:605, punt 69).


27      Ara, il-punt 48 tas-sentenza appellata.


28      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 45).


29      Kif sejjer jiġi espost fil-punti 54 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 155(2) TFUE ma jikkostitwixxix regola imperattiva hija kkonfermata mil-ġenesi tagħha.


30      Skont it-teorija deskrittivista, l-indikattiv tal-preżent jikkorrispondi għall-funzjoni proprja tad-dritt li hija li jiffissa l-kundizzjoni ta’ kull wieħed (ara, f’dan ir-rigward, Villey, M., “De l’indicatif dans le droit”, Archives de philosophie du droit, Dalloz, Pariġi, Vol. 19, 1974, pp. 33 sa 61). Skont Cornu, G., l-indikattiv jista’ “jagħti l-impressjoni li r-regola ddikjarata ma hijiex imposta b’mod arbitrarju, iżda naturalment fondata, li d-dritt huwa qrib in-natura tal-affarijiet” [traduzzjoni libera] (Cornu, G., Linguistique juridique, Montchrestien, Pariġi, 1990, p. 271).


31      Jidhirli li, skont l-Artikolu 153(1) u (2) TFUE u l-Artikolu 155(2) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 16(3) TUE, dan il-ftehim jaqa’ taħt il-qasam irregolat mill-Artikolu 153 TFUE li għalih il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.


32      B’mod partikolari, bl-Ispanjol: “La aplicación de los acuerdos celebrados a nivel de la Unión se realizará, ya sea según […] ya sea […]”; bil-Ġermaniż: “Die Durchführung der auf Unionsebene geschlossenen Vereinbarungen erfolgt entweder […] oder […]”; bl-Estonjan: “Liidu tasandil sõlmitud kokkuleppeid rakendatakse tööturu osapoolte ja liikmesriikide kehtivate menetluste või tavade kohaselt, artiklis 153 käsitletud küsimustes aga allakirjutanute ühisel taotlusel”; bit-Taljan: “Gli accordi conclusi a livello dell’Unione sono attuati secondo le procedure e […] o, e […]”; bl-Olandiż: “De tenuitvoerlegging van de op het niveau van de Unie gesloten overeenkomsten geschiedt hetzij […], hetzij […]”; bil-Portuġiż: “Os acordos celebrados ao nível da União serão aplicados, quer […] quer, […]”; u bil-Finlandiż: “Unionin tasolla tehdyt sopimukset pannaan täytäntöön joko työmarkkinaosapuolten ja jäsenvaltioiden omien menettelyjen ja käytäntöjen mukaisesti tai […]”.


33      Ara, Franssen, E., Legal Aspects of the European Social Dialogue, Intersentia, Antwerpen, 2002, pp. 287 sa 288.


34      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217).


35      EU:T:1998:128.


36      Ara, Dorssemont, F., Kapitolu 1, “Some Reflections on the Origin, Problems and Perspectives of the European Social Dialogue”, f’De Vos, Marc, A Decade Beyond Maastricht: The European Social Dialogue Revisited, Kluwer Law International, Den Haag, 2003, p. 29.


37      L-Artikolu 288 TFUE jipprevedi li “[b]iex jeżerċitaw il-kompetenzi ta’ l-Unjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet”.


38      Ara, Dorssemont, F., nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iċċitata iktar ’il fuq, p. 29.


39      Ibidem, p. 29 u 30.


40      Fil-fatt, skont il-kummentarji, jeżisti ċertu numru ta’ atti li ma humiex ta’ natura leġiżlattiva u li huma adottati direttament fuq il-bażi tat-Trattat FUE. Ara, Best, E., “Legislative Procedures after Lisbon: Fewer, Simpler, Clearer”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, 2007, 15, Nru 1, p. 93.


41      Ara, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267); id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat‑3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).


42      Ara, Dorssemont, F., nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iċċitata iktar ’il fuq, p. 17.


43      Koster, J.-V., “Le dialogue social européen à l’épreuve de la ‘modernisation’ du marché du travail”, Revue française des affaires sociales, Nru 1, 2012, pp. 62 sa 79. Għal ħarsa ġenerali u storika, ara Barnard, C., EU Employment Law, Oxford European Union Law Library, Oxford, 2012, p. 713 et seq.


44      L-Att Uniku Ewropew, iffirmat fil-Lussemburgu fis‑17 ta’ Frar 1986 u f’Den Haag fit‑28 ta’ Frar 1986, u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 1987, permezz tal-Artikolu 22 tiegħu, ikkompleta t-Trattat KEE billi daħħal Artikolu 118b. Għal ħarsa storika, ara Pochet, P., u Degryse, C., “The European Social Dialogue: What Is the Role of Employers and What Are the Hopes for the Future?”, f’F. Vandenbroucke, C. Barnard, u G. De Baere (edituri), A European Social Union after the Crisis, Cambridge University Press, Cambridge, 2017, pp. 211 sa 237.


45      Ara Henni, A., “Le dialogue social européen. Enjeux, structures, résultats.”, Courrier hebdomadaire du CRISP, 2001, Vol. 1741, Nru 36, pp. 5 sa 50.


46      Ftehim konkluż bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea minbarra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1992, C 191, p. 91). B’mod iktar partikolari, minn naħa, l-Artikolu 3(2) sa (4) u l-Artikolu 4 tal-Ftehim fuq il-politika soċjali kienu jipprevedu l-proċedura li tinsab bħalissa fl-Artikolu 154(2) sa (4) TFUE. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim fuq il-politika soċjali (li sar l-Artikolu 155(1) TFUE), l-imsieħba soċjali kienu awtorizzati jitolbu lill-Kummissjoni tipproponi l-implimentazzjoni mill-Kunsill ta’ dan il-ftehim innegozjat minnhom, bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) tal-ftehim fuq il-politika soċjali (li sar l-Artikolu 155(2) TFUE).


47      Fuq l-implimentazzjoni tal-ftehimiet konklużi mill-imsieħba soċjali skont l-Artikolu 139 tat-Trattat KE, ara Deinert, O., “Modes of Implementing European Collective Agreements and Their Impact on Collective Autonomy”, Industrial Law Journal, Vol. 32, Nru 4, Diċembru 2003, pp. 317 sa 325.


48      Ftehim iffirmat miċ-CEES, mill-UNICE u miċ-CEEP. Dan il-ftehim kien jipproponi r-riformulazzjoni tal-Artikolu 188(4), u tal-Artikoli 118a u 118b tat-Trattat KEE.


49      Henni, A., “Le dialogue social européen. Enjeux, structures, résultats.”, Courrier hebdomadaire du CRISP, vol. 1741, Nru 36, 2001, pp. 5 sa 50.


50      Ara, b’mod partikolari, il-komunikazzjonijiet tagħha COM(93) 600 final tal‑14 ta’ Diċembru dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-politika soċjali ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, COM(1998) 322 final tal‑20 ta’ Mejju 1998 “Adattament u promozzjoni tad-djalogu soċjali fuq livell Komunitarju”, u COM(2002) 341 final tas‑26 ta’ Ġunju 2002 “Id-djalogu soċjali Ewropew, il-modernizzazzjoni u l-bdil”.


51      Mias, A., “Du dialogue social européen au travail législatif communautaire : Maastricht, ou le syndical saisi par le politique”, Droit et société, 2004, Nru 58, pp. 657 sa 682.


52      Minn rapport informattiv tas-Senat Franċiż, imfassal fl‑2017, jirriżulta li, sa mill‑1992, madwar tletin suġġett kienu ġew sottomessi għall-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 154 TFUE u, fil-prattika, il-Kummissjoni kienet tat sitt ġimgħat lil 87 organizzazzjoni kkonsultata (fosthom 65 organizzazzjoni ta’ min iħaddem, il-biċċa l-kbira settorjali, u 22 organizzazzjoni sindakali) sabiex jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom matul l-ewwel, u sussegwentement it-tieni konsultazzjoni. Rapport disponibbli fuq is-sit internet segwenti: https://www.senat.fr/rap/r16-556-1/r16-556-130.html.


53      Ara, Didry, C., “L’émergence du dialogue social en Europe: retour sur une innovation institutionnelle méconnue”, Année sociologique, 2009, vol. 59, Nru 2, pp. 417 sa 447. Disponibbli fuq is-sit internet segwenti: https://www.cairn.info/revue-l-annee-sociologique-2009-2-page-417.htm.


54      Din id-dispożizzjoni tipprevedi possibbiltà ta’ estensjoni, li tiġi deċiża bi qbil komuni mill-imsieħba soċjali kkonċernati u mill-Kummissjoni.


55      Ara l-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata.


56      Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998 UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128, punt 84), li tgħid li, meta l-imsieħba soċjali jikkonkludu ftehim li huma jitolbu b’mod konġunt l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Unjoni, huma għandhom jindirizzaw talba konġunta lill-Kummissjoni li, billi tirkupra mill-ġdid il-kontroll tal-proċedura, teżamina jekk ikunx hemm lok li tippreżenta proposta f’dan is-sens lill-Kunsill.


57      Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      T‑135/96, EU:T:1998:128.


59      L-UNICE, iċ-CEEP u l-ETUC.


60      Direttiva tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285).


61      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128, punti 4 sa 11).


62      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128, punti 83 sa 90).


63      T‑135/96, EU:T:1998:128.


64      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128, punti 110 u 111).


65      Għall-korrispondenzi, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, UEAPME vs Il‑Kunsill (T‑135/96, EU:T:1998:128, punti 71 et seq., b’mod partikolari punti 84 u 85).


67      Ara l-punti 55 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello (C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 70).


69      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 70 u 74), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, (EU:C:2019:1113, punt 59).


70      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (70/88, EU:C:1990:217, punt 19).


71      Fir-rigward tal-effett inter partes, ara, Hasselbalch, O., “European Collective Agreements”, f’Olsen, B.E. u Søensen, K. E., Regulation in the EU, Thomson, Kopenħagen, 2006, pp. 381 sa 384.


72      Ara, b’mod partikolari u fl-aħħar lok, id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat‑8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010, L 68, p. 13); id-Direttiva tal-Kunsill 2014/112/UE tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li timplimenta l-Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni konkluż mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) (ĠU 2014, L 367, p. 86); id-Direttiva tal-Kunsill 2010/32/UE tal‑10 ta’ Mejju 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU (ĠU 2010, L 134, p. 66); u d-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas‑16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU 2009, L 124, p. 30).


73      Ara, Deinert, O., “Self-Executing Collective Agreements in EC Law”, f’Vos (de), Marc, A Decade Beyond Maastricht: The European Social Dialogue Revisited, Kluwer Law International, Den Haag, 2003, p. 48.


74      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, (EU:C:2017:631, punt 62).


75      Għal ħarsa ġenerali u storika, ara, Barnard, C., EU Employment Law, Oxford European Union Law Library, Oxford,  ir-raba’ edizzjoni, 2012, p. 713 et seq., u Bercusson, B., European Labour Law, Cambridge University Press, Cambridge, it-tieni edizzjoni, 2009, p. 126 et seq.


76      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Id-djalogu soċjali Ewropew, il-modernizzazzjoni u l-bdil”, (COM(2002) 341 final tas‑26 ta’ Ġunju 2002, p. 6).


77      Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-Unjoni u, skont l-Artikolu 13 TUE, għall-istituzzjonijiet kollha, għall-kuntrarju tal-Artikolu 154 TFUE li huwa vinkolanti biss għall-Kummissjoni.


78      Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


79      Barra minn hekk, f’din l-ipoteżi, l-imsieħba soċjali jingħataw is-setgħa li l-Kummissjoni tiġi mġiegħla taġixxi fil-qasam tal-politika soċjali, filwaqt li l-Artikolu 225 TFUE jagħti sempliċement lill-Parlament id-dritt li jitlob lill-Kummissjoni tissottometti proposta u li jiġi informat bil-motivi tar-rifjut jekk din tal-aħħar tiddeċiedi li ma tissottomettix il-proposta mitluba. L-istess jgħodd għall-Kunsill bl-applikazzjoni tal-Artikolu 241 TFUE.


80      T‑135/96, EU:T:1998:128.


81      EPSU tikkritika l-punti 31 sa 33, 78, 79, 109 sa 112, 122 u 133 tas-sentenza appellata.


82      T‑135/96, EU:T:1998:128.


83      Ara l-punt 112 tas-sentenza appellata.


84      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill (C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).


85      F’konklużjonijiet li ppreżentajt reċentement, diġà kelli l-okkażjoni nenfasizza li l-ġurisprudenza kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-servizz pubbliku timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li l-leġiżlatur tar-Regolamenti tal-Persunal huwa għalhekk mitlub jagħmel evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi li għalihom huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Alvarez y Bejarano et vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2020:848, punt 36).


86      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑150/94, EU:C:1998:547, punt 54).


87      Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


88      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2001, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kunsill (C‑110/97, EU:C:2001:620, punt 62), u tat‑2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 82).


89      Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019 (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113).


90      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punti 87 sa 97).


91      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Diċembru 1993 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll fuq il-politika soċjali (COM(93) 600 final); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Settembru 1996 tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tad-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju (COM(96) 418 final); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Mejju 1998, “Adattament u promozzjoni tad-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju” (COM(1998) 322 final); u Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni “Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Ir-Riżultati u l-Passi li Jmiss” (COM(2013) 685 final).


92      Dan l-aggravju jikkonċerna l-punti 116 sa 140 tas-sentenza appellata.


93      Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill (C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


94      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill (C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).


95      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).


96      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181).


97      Ara l-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


98      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 79).


99      Ara l-punt 137 tas-sentenza appellata.


100      EPSU tirreferi għall-ittri tad‑9 ta’ Marzu 2016 u tat‑3 ta’ Frar 2017 kif ukoll għall-komunikazzjoni orali tal‑15 ta’ Novembru 2016.


101      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


102      Ara l-punt 106 tar-rikors fl-ewwel istanza.


103      Ara l-punti 29 sa 39 tar-rikors fl-ewwel istanza.


104      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).


105      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi testendi, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati. Tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali aspettattivi, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u koerenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).


106      Ara l-punti 86 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


107      B’mod partikolari, għandu jiġi ċċitat l-Artikolu 45(4) TFUE li jipprevedi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jirriżervaw l-aċċess għal ċerti impjiegi pubbliċi għaċ-ċittadini tagħhom. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan jikkonċerna impjiegi li jinvolvu parteċipazzjoni diretta jew indiretta fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u fil-funzjonijiet li għandhom l-għan li jħarsu l-interessi ġenerali tal-Istat jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra.


108      Skont l-Artikolu 5(3) TUE, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Unjoni għandha taġixxi fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha biss jekk u sa fejn l-għanijiet tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat‑13 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 123, p. 1), il-Kummissjoni “ser tagħmel valutazzjonijiet tal-impatt tal-inizjattivi leġislattivi […] li jkunu mistennija jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti”, u madankollu dan il-punt huwa limitat għall-atti leġiżlattivi u għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet.


109      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (C‑73/11 P, punti 87 sa 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).


110      Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219); id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU 2009, L 122, p. 28); u d-Direttiva 2001/86/KE tat‑8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 27).


111      Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

Top