EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0884

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fit-8 ta’ Lulju 2021.
Il-Kummissjoni Ewropea u GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd.
Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2(7)(b) u (ċ) – Status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq – Rifjut – Kunċett ta’ ‘distorsjoni importanti kkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq’, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) – Vantaġġi fiskali.
Kawżi magħquda C-884/19 P u C-888/19 P.

Digital reports (Court Reports - general) ; Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:562

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit‑8 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑884/19 P u C‑888/19 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd (C‑884/19 P)

u

GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH

vs

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd,

Il‑Kummissjoni Ewropea (C‑888/19 P)

“Appell – Kawża mibgħuta lura – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 470/2014 – Importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina – it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Kunċett ta’ ‘distorsjoni sinjifikattiva tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi’ – Sistemi fiskali preferenzjali”

1.

Meta fi proċedura antidumping produttur esportatur li joriġina minn pajjiż mhux irregolat minn ekonomija tas-suq li huwa membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-WTO) jitlob sabiex jibbenefika minn status ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (KES) (iktar ’il quddiem il-“KES”), liema hija l-portata li għandha tiġi attribwita għall-kundizzjoni li skontha dan għandu juri li s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma hijiex suġġetta għal distorsjonijiet sinjifikattivi miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq? B’mod iktar partikolari, kif għandhom jiġu ttrattati mill-Kummissjoni miżuri bħas-sistemi fiskali pprivileġġjati li jagħtu lok distorsjonijiet tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża, li madankollu ma humiex speċifikament relatati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott simili?

2.

Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni fundamentali li tqum f’dawn il-kawżi magħquda li huma bbażati fuq żewġ appelli li permezz tagħhom, rispettivament, il-Kummissjoni Ewropea u GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (iktar ’il quddiem “GMB”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Settembru 2019, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il‑Kummissjoni, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 2 ). Permezz tas-sentenza appellata, mogħtija wara li l-kawża ntbagħtet lura permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, EU:C:2018:132, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Xinyi”), il-Qorti Ġenerali, mill-ġdid annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat‑13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”) ( 3 ).

I. Il-qafas regolamentari

3.

Meta seħħew il-fatti li taw lok għat-tilwima, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

4.

L-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, intitolat “Tistabbilixxi dumping” kien jippreskrivi li ġej:

“a)

Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq […], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli. […]

b)

Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina […] u kull pajjiż li ma jħaddanx l-ekonomija tas-suq li hu membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali jkun stabbilit skond kif hemm fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.

ċ)

Pretensjoni skond is-subparagrafu (b) [i]rid […] [i]kun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk

id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun,

id-ditti interessati huma bla ħsara għall-falliment u għal-liġijiet tal-proprjetà li jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabilità legali għall-operazzjoni tad-ditti, u

il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu bir-rata tas-suq. […]”

II. Il-fatti u r-Regolament kontenzjuż

5.

Il-fatti jinsabu esposti fil-punti 1 sa 14 tas-sentenza appellata, li għalihom nagħmel riferiment għal iktar dettalji. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, sejjer nillimita ruħi li nfakkar li, fit‑28 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni bdiet proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

6.

Fil‑21 ta’ Mejju 2013 Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “Xinyi”), – kumpannija stabbilita fiċ-Ċina li tipproduċi u tesporta l-ħġieġ solari lejn l-Unjoni – ippreżentat lill-Kummissjoni talba sabiex tikseb il-KES, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, sabiex il-valur normali jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwardaha, konformement mal-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament u mhux skont il-metodu msejjaħ “tal-pajjiż simili”, imsemmi mir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 2(7)(a) tal-imsemmi regolament.

7.

Permezz ta’ ittri tat‑22 ta’ Awwissu 2013 u tat‑13 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni informat lil Xinyi li, minkejja l-osservazzjonijiet ppreżentati minnha, hija ma laqgħetx din it-talba, peress li kkunsidrat li din ma ssodisfatx il-kriterju previst fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

8.

Mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ Xinyi peress li kkunsidrat li din ma rnexxilhiex turi li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma kinux is-suġġett ta’ distorsjonijiet sinjifikattivi miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. B’mod iktar speċifiku, skont il-Kummissjoni, Xinyi bbenefikat minn diversi vantaġġi fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul tagħha. Minn naħa, hija kienet ibbenefikat mill-programm “2 Free 3 Half” li jippermetti lill‑kumpanniji b’kapital barrani jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali totali (0 %) matul sentejn u, matul it-tliet snin sussegwenti, minn rata ta’ tassazzjoni ta’ 12.5 %, minflok ir-rata normali ta’ tassazzjoni ta’ 25 %. Min-naħa l-oħra, hija bbenefikat mis-sistema fiskali tal-impriżi ta’ teknoloġija għolja, li skontha l-kumpannija hija suġġetta għal rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa ta’ 15 % minflok 25 %.

9.

Fit‑13 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament kontenzjuż, li permezz tiegħu kkonfermat li t-talbiet għall-għoti tal-KES, u b’mod partikolari dik imressqa minn Xinyi, kellhom jiġu miċħuda u imponiet dazju antidumping definittiv ta’ 36.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ta’ ħġieġ solari mmanifatturati minn Xinyi. Fil-premessa 33 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni b’mod partikolari ċaħdet l-argument li permezz tiegħu Xinyi sostniet li l-vantaġġi li jirriżultaw minn sistemi fiskali preferenzjali u mis-sussidji ma kinux jirrappreżentaw parti sinjifikattiva mid-dħul tagħha. F’din il-premessa l-Kummissjoni kkunsidrat speċifikament li “dan l-argument, flimkien ma’ argumenti oħrajn, kien diġà ġie indirizzat fl-ittra tal-Kummissjoni għall-esportatur, bid-data tat‑13 ta’ Settembru 2013, li fiha l-Kummissjoni nnotifikat lill-parti fir-rigward tad-determinazzjoni [tal-għoti tal-KES]. B’mod partikolari, ġie enfasizzat li minħabba n-natura ta’ dan il-vantaġġ, il-benefiċċju assolut irċevut matul il-[perijodu tal-investigazzjoni] huwa irrelevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk id-distorsjoni hijiex ‘sinifikanti’”.

III. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u s-sentenza appellata

10.

Permezz ta’ rikors promotur ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Awwissu 2014, Xinyi talbet l-annullament tar-regolament kontenzjuż, billi invokat erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha. Fl-ewwel motiv, li kien maqsum f’żewġ partijiet, Xinyi sostniet ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

11.

Permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016 ( 5 ), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ewwel motiv li fih Xinyi sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-vantaġġi fiskali li minnhom ibbenefikat kienu jikkostitwixxu distorsjonijiet “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq” skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

12.

Wara appell minn din is-sentenza li ġie mressaq mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Xinyi, annullat l-imsemmija sentenza billi ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ distorsjoni “miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

13.

Wara li l-kawża ntbagħtet lura permezz tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Xinyi, il-Qorti Ġenerali kompliet il-proċedura u fl‑24 ta’ Settembru 2019 tat is-sentenza appellata.

IV. Is-sentenza appellata

14.

Fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni parti tal-ewwel motiv, li permezz tagħha Xinyi sostniet li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li d-distorsjonijiet miġrura mis-sistemi ekonomiċi preferenzjali inkwistjoni kienu sinjifikattivi fir-rigward tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

15.

Wara li fakkret il-prinċipji ġurisprudenzjali dwar il-funzjonament tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, fil-punti 55 sa 61 tas-sentenza appellata, interpretat id-dispożizzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament.

16.

Hija fakkret li mill-Artikolu 2(7)(b) tal-istess regolament jirriżulta li l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ talba għall-għoti tal-KES, inklużi għalhekk il-kriterji previsti mit-tielet inċiż tal-ittra ċ) ta’ din id-dispożizzjoni, jikkonsistu f’li jsir magħruf jekk il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalixxux “għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat” u jesprimu r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiġi vverifikat li l-produttur esportatur li jressaq din it-talba jopera, fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, b’mod konformi mal-prinċipji li jippermettu kalkolu tal-valur normali.

17.

Il-Qorti Ġenerali indikat li, f’dan il-kuntest, id-dispożizzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku tagħmel riferiment għall-ispejjeż ta’ produzzjoni u għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża fid-dawl tal-parametri marbuta direttament mal-metodi ta’ kalkolu tal-valur normali indikati fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, jiġifieri, l-iżvalutar tal-beni, il-qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju tal-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, minkejja li dan l-elenku huwa indikattiv, kif muri bl-użu tal-avverbju “b’mod partikolari” ( 6 ), l-użu ta’ dan it-terminu ma jippermettix li l-Kummissjoni tiċħad talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-KES abbażi ta’ ċirkustanzi li, anki jekk jiġu relatati mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża fis-sens wiesa’, ma jimplikawx awtomatikament distorsjoni “sinjifikattiva” ta’ fattur jew ta’ diversi fatturi li jiddeterminaw l-elementi relatati mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat. Fil-bażi ta’ din il-kunsiderazzjoni l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment b’analoġija, għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471; iktar ’il quddiem is-sentenza “Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan”).

18.

Il-Qorti Ġenerali minn dan iddeduċiet li, fil-każ ta’ miżuri li jirrigwardaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża b’mod ġenerali, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi prodotti matul il-proċedura amministrattiva, jekk dawn il-miżuri humiex effettivament fil-bażi ta’ distorsjoni sinjifikattiva ta’ din is-sitwazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodott simili. Fil-fatt skont il-Qorti Ġenerali, minn naħa, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jagħmel riferiment għal distorsjonijiet effettivi u mhux biss potenzjali tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja. Min-naħa l-oħra, in-natura “sinjifikattiva” tad-distorsjoni inkwistjoni għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li hija intiża li tiżgura li ma sseħħx distorsjoni tal-elementi relatati mal-ispejjeż ta’ produzzjoni u mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża tant li l-eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku tkun tagħti lok għal riżultati artifiċjali, li jikkontestaw l-għanijiet ta’ investigazzjoni antidumping.

19.

Fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali, fit-tieni lok, fil-punti minn 62 sa 73 tas-sentenza appellata, applikat id-dispożizzjoni inkwistjoni għal din il-kawża. Il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ikkunsidrat li, b’riferiment, fl-ittri tat‑22 ta’ Awwissu 2013 u tat‑13 ta’ Settembru 2013 għall-“impatt ġenerali” tal-miżura inkwistjoni, li jikkonsisti fil-possibbiltà li “tattira kapital b’rati mnaqqsa”, sabiex tibbaża ċ-ċaħda tat-talba għall-għoti tal-KES ta’ Xinyi, il-Kummissjoni adottat motivi relatati mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża minn perspettiva eminentement astratta, mingħajr rabta mal-elementi relatati mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat. Skont il-Qorti Ġenerali, minn naħa, sistema ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li tikkonċerna t-trattament fiskali tal-profitti magħmula matul sena finanzjarja partikolari la għandha bħala għan u lanqas bħala effett li tinfluwenza l-ammont jew ir-rata stess ta’ dawn il-profitti, jew elementi oħra, bħala komponenti tal-valur normali li l-Kummissjoni għandha tikkalkola b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi possibbiltà li skema ta’ tassazzjoni preferenzjali tattira investituri lejn il-kapital ta’ impriża ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha hija effettivament suġġetta għal distorsjoni sinjifikattiva.

20.

Il-Qorti Ġenerali mbagħad iddeċidiet li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża huwa indikatur rilevanti tas-saħħa ekonomika u finanzjarja tagħha, li minnu hija tagħmel il-profitti tagħha u li, għalhekk, billi indikat li d-distorsjonijiet inkwistjoni kienu jirrappreżentaw 1.14 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, Xinyi tabilħaqq ippreżentat element li, bħala prinċipju, huwa affidabbli u rilevanti dwar l-impatt ġenerali tal-miżura fiskali eżaminata fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Qorti Ġenerali, hija l-Kummissjoni, tal-inqas, li għandha tispjega r-rabta bejn l-għażla ta’ investiment fil-kapital tar-rikorrenti, jekk ikun il-każ abbażi ta’ skema ta’ tassazzjoni vantaġġjuża, minn naħa, u d-distorsjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, min-naħa l-oħra, mhux b’mod ġenerali u teoretiku, iżda fid-dawl tal-għan imfittex mit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

21.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-motivi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-għoti tal-KES kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u għalhekk laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv u annullat ir-regolament appellat.

V. It-talbiet tal-partijiet

22.

Permezz tal-appelli tagħhom ( 7 ), kemm il-Kummissjoni kif ukoll GMB jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata; tiċħad, bħala infondata, it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza; tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-motivi l-oħra tar-rikors fl-ewwel istanza u tirriżerva l-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-istanzi preċedenti tal-qorti relatati magħha.

23.

Fiż-żewġ kawżi Xinyi titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-Kummissjoni u lil GMB għall-ispejjeż.

VI. Analiżi tal-appelli

24.

Insostenn tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni u GMB jinvokaw individwalment tliet aggravji, li jaqblu f’diversi punti. Fl-ewwel aggravji tagħhom, il-Kummissjoni u GMB jikkritikaw l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Fit-tieni aggravji tagħhom, il-Kummissjoni u GMB isostnu żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal din il-kawża, filwaqt li fit-tielet aggravji tagħhom, dawn jinvokaw irregolaritajiet proċedurali.

A.   Fuq l-aggravji relatati ma’ żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

1. L-argumenti tal-partijiet

25.

Permezz tal-ewwel aggravji tagħhom, intiżi sabiex jikkontestaw il-punti minn 55 sa 61 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni u GMB, jikkritikaw l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tad-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ( 8 ). Huma jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li dawn id-dispożizzjonijiet jippreżupponu li talba għall-għoti tal-KES tista’ tiġi miċħuda biss fejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku tista’ tagħti lok għal riżultati artifiċjali, li fi kliem ieħor ifisser li l-Kummissjoni hija marbuta turi l-effett preċiż tad-distorsjoni kkonstatata fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-produttur esportatur inkwistjoni relattivament għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

26.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku huma irrilevanti għall-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tal-istess regolament. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jirrifletti approċċ li jappartjeni għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod li ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita rabta bejn ir-regoli inklużi f’din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 2 tal-“Ftehim antidumping” tal-WTO ( 9 ) li ġie traspost, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku. Huwa biss minħabba l-kriterju fl-ewwel parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku li l-leġiżlatur tal-Unjoni talab li jintwera effett konkret fuq il-prezzijiet u fuq l-ispejjeż, jiġifieri fuq l-elementi rilevanti għall-għan tal-analiżi skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku.

27.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni u GMB jikkunsidraw li r-rabta magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kalkolu skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tal-istess regolament hija żbaljata. Minn naħa, din ir-regola ma tispeċifika ebda obbligu li d-distorsjonijiet ikkonstatati fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-produttur esportatur inkwistjoni jintrabtu ma’ xi element relatat mal-produzzjoni jew mal-bejgħ tal-prodott simili inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-elenku indikat fl-imsemmi tielet inċiż għandu natura sempliċiment indikattiva u tlieta mill-erba’ fatturi msemmija f’din id-dispożizzjoni lanqas biss huma msemmija fil-punti (1) sa (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

28.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni u GMB isostnu li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan dwar id-dispożizzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali, ma humiex applikabbli għad-dispożizzjoni fit-tielet inċiż.

29.

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni u GMB isostnu li l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku adottata mill-Qorti Ġenerali ċċaħħad it-terminu “sitwazzjoni finanzjarja” mit-tifsira vera tiegħu u għalhekk minn effett utli. Din l-interpretazzjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ distorsjoni fis-sitwazzjoni finanzjarja biss jekk il-Kummissjoni tipprova li, fl-istess ħin, din id-distorsjoni qiegħda tbiddel anki l-ispejjeż tal-produzzjoni. Dan huwa kuntrarju għall-intenzjoni tal-leġiżlatur li jipprevedi żewġ alternattivi fid-dispożizzjoni inkwistjoni.

30.

Fil-ħames lok, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li r-rabta maħluqa mill-Qorti Ġenerali bejn l-Artikolu 2(1) sa (6) u l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku hija żbaljata huwa kkonfermat ukoll, minn perspettiva sistematika, miċ-ċirkustanza li ż-żewġ inċiżi finali tal-Artikolu 2(7)(ċ) għandhom natura makro-ekonomika u ma għandhom ebda rabta mal-imsemmija paragrafi (1) sa (6). GMB issostni li l-istruttura stess tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku tindika li ma hemmx bżonn ta’ eżami intiż li jikkonstata rabta bejn is-sitwazzjoni finanzjarja u l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili inkwistjoni. Din l-istruttura tkun tindika li s-sitwazzjoni finanzjarja hija diġà kkunsidrata fir-Regolament bażiku bħala fattur li għandu impatt fuq il-produzzjoni u fuq il-bejgħ tal-prodott simili.

31.

Fit-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha GMB issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku fil-punti 68, 69 u 72 tas-sentenza appellata, billi qalbet l-oneru tal-prova mill-produttur esportatur li jitlob sabiex jibbenefika mil-KES għal fuq il-Kummissjoni. Madankollu, mill-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan ir-regolament u mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod inekwivoku li huwa dan tal-ewwel li għandu jipprova li l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq japplikaw fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili.

32.

Xinyi tikkontesta l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni u minn GMB u tikkunsidra li l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku hija preċiża, skont ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33.

Fl-ewwel lok, l-argument tal-Kummissjoni li skontu t-termini “għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat” fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jagħmlu riferiment biss għall-ewwel parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament huwa inkompatibbli mal-formulazzjoni stess tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament li minnu jirriżulta li anki l-kriterju tal-għoti tal-KES hemm previst jikkonċerna l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott simili. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tispjega x’inhu l-għan tal-erba’ kriterji l-oħra għall-għoti tal-KES, jekk mhux dak li jiġi permess l-użu tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tal-bejgħ interni fiċ-Ċina matul il-perijodu tal-investigazzjoni, fil-każ li dawn l-ispejjeż u l-prezzijiet ta’ bejgħ ikunu xierqa sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali. Il-Kummissjoni twettaq interpretazzjoni ta’ dawn il-kriterji l-oħra mingħajr rabta mal-għan tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku.

34.

Fit-tieni lok, Xinyi ssostni li l-Qorti Ġenerali setgħet tapplika korrettament b’mod analoġiku s-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan. Fil-fatt, f’dik il-kawża, l-istess bħal fil-kawża preżenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni rrifjutaw li jeżaminaw il-provi prodotti insostenn ta’ talba għall-għoti tal-KES sabiex jiġġustifikaw iċ-ċaħda b’mod awtomatiku. Il-Qorti Ġenerali ma ppruvatx tittrasponi fl-analiżi tat-tielet kriterju ta’ għoti tal-KES kunsiderazzjonijiet espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ewwel kriterju ta’ għoti tal-KES, iżda llimitat ruħha li tistabbilixxi paralleliżmu bejn żewġ sitwazzjonijiet simili. Barra minn hekk, bħal fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(1) tar-Regolament bażiku l-Kummissjoni dejjem għandha, anki fl-analiżi tal-kundizzjoni fit-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, tevalwa l-effett tad-distorsjoni fuq il-prezzijiet jew fuq l-ispejjeż tal-produttur, u ma tistax tikkuntenta ruħha b’evalwazzjoni astratta. Is-sentenzi l-oħra ċċitati mill-Kummissjoni insostenn tat-teżi tagħha ma humiex determinanti.

35.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni relatat mal-effett utli tat-termini “sitwazzjoni finanzjarja”, Xinyi ssostni li, jekk distorsjoni sinjifikattiva tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kumpannija teffettwa l-prezzijiet tagħha minflok l-ispejjeż tagħha, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali ma ċċaħħadx lil dawn it-termini mill-effett utli tagħhom.

36.

Fir-raba’ lok, Xinyi tiċħad ukoll l-interpretazzjoni sistematika b’riferiment għar-raba’ u għall-ħames inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Skont Xinyi, minn naħa, huwa evidenti li l-fatt, rilevanti fil-kuntest tar-raba’ inċiż, li kumpannija ma tiġix suġġetta għal proċedura ta’ falliment joħloq distorsjoni tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, bl-istess mod, id-dħul eventwali, rilevanti fil-kuntest tal-ħames inċiż, ta’ rati ta’ kambju iktar vantaġġużi mir-rati tas-suq fil-mument tax-xiri jew tal-bejgħ ta’ munita barranija jkollu riperkussjonijiet, rispettivament, fuq l-ispejjeż u fuq il-prezzijiet tal-kumpannija.

2. Evalwazzjoni

a) Osservazzjonijiet preliminari

37.

Fil-kuntest tal-ewwel aggravji tagħhom il-Kummissjoni u GMB jikkontestaw l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata tad-dispożizzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

38.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, permezz tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jadotta sistema speċjali li tistabbilixxi regoli fid-dettall dwar il-kalkolu tal-valur normali fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq ( 10 ).

39.

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2(1) sa (6) tal-istess artikolu, il-valur normali huwa, bħala prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq. Din id-dispożizzjoni hija intiża għaldaqstant li tevita li jittieħdu inkunsiderazzjoni prezzijiet u spejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq ( 11 ).

40.

Madankollu, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ investigazzjonijiet antidumping dwar l-importazzjonijiet li ġejjin, b’mod partikolari, miċ-Ċina, il-valur normali huwa ddeterminat konformement mal-paragrafi (1) sa (6) tal-istess artikolu jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu ssostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew iktar produtturi li jkunu qegħdin jiġu investigati u konformement mal-kriterji u proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ), li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat ( 12 ).

41.

Huma l-Kummissjoni u l-Kunsill li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur ikkonċernat humiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-kriterji stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 2(7)(ċ) huma ssodisfatti sabiex dan jingħata l-benefiċċju tal-imsemmi status u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest ( 13 ).

42.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku għandhom natura eċċezzjonali u għalhekk għandhom jiġu interpretati restrittivament, xi ħaġa li madankollu ma tistax tippermetti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jinterpretawhom u japplikawhom b’mod inkompatibbli mal-kliem u l-għan tagħhom ( 14 ).

43.

F’din il-kawża, huwa stabbilit li t-talba ta’ Xinyi sabiex tibbenefika mill-KES ġiet miċħuda biss minħabba l-fatt li din il-kumpannija ma wrietx li kienet tissodisfa l-kriterju stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, filwaqt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-erba’ kriterji l-oħra ġew kollha ssodisfatti ( 15 ).

44.

Skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-produttur ikkonċernat għandu jipproduċi provi suffiċjenti, ta’ natura li jistabbilixxu li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma humiex suġġetti għal distorsjonijiet sinjifikattivi, miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju tal-oġġetti jew il-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun ( 16 ).

45.

Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din timponi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, relatati, waħda minnhom, mal-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikattiva tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni u, l-oħra, mal-fatt li l-imsemmija distorsjoni jirriżulta li hija miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq ( 17 ).

46.

Is-sentenza appellata tirrigwarda biss l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet iċċitati. Id-determinazzjoni tal-portata tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet diġà kienet, fil-fatt, is-suġġett tal-imsemmija sentenza Il‑Kummissjoni vs Xinyi ( 18 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-portata tal-kunċett ta’ distorsjoni “miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq”.

b) Fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel kundizzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

47.

Huwa fil-kuntest deskritt fit-taqsima preċedenti li jeħtieġ li jiġu analizzati l-ewwel aggravji sostnuti mill-Kummissjoni u minn GMB, li permezz tagħhom dawn jikkritikaw l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel parti taż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi previsti mid-dispożizzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, imfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq.

48.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali tibda mill-premessa li skontha, peress li l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, sabiex ikun jista’ jingħata l-KES, għandha tintwera l-prevalenza ta’ kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq għall-produttur li jkun qiegħed iressaq din it-talba “għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat”, li jfisser li l-kriterji previsti fil-ħames inċiżi tal-ittra (ċ) tal-istess paragrafu, li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni għandha tevalwa t-talbiet għal-KES, għandhom jirrigwardaw il-“manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat” ( 19 ).

49.

Konsegwentement, skont il-Qorti Ġenerali, il-kundizzjoni fit-tielet inċiż, u speċifikament l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinjifikattivi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża li titlob li tibbenefika mil-KES, għandha tirrigwarda b’mod speċifiku l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili. Isegwi li fil-każ ta’ miżuri li jkollhom effett fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża b’mod ġenerali – u għalhekk mhux speċifiċi għall-produzzjoni u għall-bejgħ tal-prodott simili – il-Kummissjoni tkun obbligata tevalwa, fid-dawl tal-elementi prodotti matul il-proċedura amministrattiva, jekk dawn il-miżuri jirriżultawx b’mod effettiv f’distorsjoni li tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili ( 20 ).

50.

Il-Qorti Ġenerali tibbaża, fost affarijiet oħra, din l-interpretazzjoni restrittiva ta’ dan il-kriterju fuq “rabta diretta” li teżisti, kemm mill-perspettiva letterali, kif ukoll mill-perspettiva tal-għan, bejn il-kriterju u l-kalkolu tal-valur normali skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku ( 21 ).

51.

Jeħtieġ għalhekk li jiġi vverifikat, fid-dawl tal-argumenti sostnuti mill-Kummissjoni u minn GMB, jekk din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni hijiex korretta.

52.

F’dan ir-rigward nosserva, preliminarjament, li peress li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jesprimi ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta approċċ xjentifiku għall-ordinament tal-Unjoni u mhux li jeżegwixxi obbligi partikolari li jinkludu l-Ftehim antidumping ( 22 ), huwa biss fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi interpretata din id-dispożizzjoni.

53.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha ( 23 ).

54.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jeħtieġ li qabel xejn jiġi indikat li mit-test stess tad-dispożizzjoni jirriżulta li l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, imsemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq, tipprevedi żewġ sitwazzjonijiet alternattivi li jistgħu jwasslu għal ċaħda ta’ talba għall-għoti tal-KES: l-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikattiva, minn naħa, tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-impriża kkonċernata u, min-naħa l-oħra, tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

55.

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, meta regola tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkollha iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata prijorità lil dik li għandha n-natura li tissalvagwardja l-effett utli tad-dispożizzjoni ( 24 ), u dan fit-totalità tagħha. Isegwi li d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata b’mod li jattribwixxi effett utli għaż-żewġ alternattivi.

56.

Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li fir-rigward tal-kunċett ta’ “distorsjoni sinjifikattiva tas-sitwazzjoni finanzjarja”, bħal dik prevista mid-dispożizzjoni inkwistjoni, għandha tiġi rrikonoxxuta awtonomija rispettiva, stabbilita fil-kuntest u fid-dawl tal-għan tar-regola. Id-determinazzjoni tagħha għalhekk ma tistax tkun suġġetta għall-ewwel għażla prevista minn din id-dispożizzjoni jiġifieri, l-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikattiva tal-ispejjeż ta’ produzzjoni. Konsegwentement, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikattiva tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża li titlob il-KES miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, hija biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex din it-talba tiġi miċħuda.

57.

Dejjem mill-perspettiva letterali, jeħtieġ li jiġi indikat li t-terminu “sitwazzjoni finanzjarja” ma huwa akkumpanjat minn ebda speċifikazzjoni li b’xi mod tirrestrinġi l-portata tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ għalhekk li dan it-terminu jingħata portata wiesgħa, li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni, fil-limiti indikati iktar fid-dettall fil-punti li ġejja, kwalunkwe fattur li jista’ jibdel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża, li tinġarr mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

58.

Kuntrarjament għal dak ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata nikkunsidra, pjuttost, li mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma tirriżulta ebda rabta diretta bejn l-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikattiva tas-sitwazzjoni finanzjarja u l-kalkolu tal-valur normali skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku. B’mod iktar partikolari, l-eżistenza ta’ rabta diretta bħal din ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi dedotta mill-parametri indikati fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward nindika li ma huwiex ikkontestat li n-natura ta’ din il-lista hija sempliċiment indikattiva u li, għalhekk, l-elementi hemm indikati huma sempliċiment eżempji ta’ fatturi li jistgħu jirriżultaw f’distorsjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola. Xejn ma jindika pjuttost li dan l-elenku ta’ eżempji huwa intiż li joħloq rabta bejn id-dispożizzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u l-kalkolu tal-valur normali skont il-paragrafi (1) sa (6) tal-istess artikolu.

59.

L-assenza ta’ rabta diretta bejn l-analiżi li għandha titwettaq skont il-paragrafu (7) u dik li għandha titwettaq skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku – fis-sens li, kif jidher li tissuġġerixxi l-Qorti Ġenerali, l-ewwel waħda għandha ssir neċessarjament fid-dawl tat-tieni waħda ( 25 ) – jidher li mill-bqija hija kkonfermata minn perspettiva sistematika.

60.

Fil-fatt, filwaqt li d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku jippreżentaw rabta mal-metodoloġiji tal-kalkolu tal-valur normali previsti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping, dan ma japplikax għall-Artikolu 2(7) tal-istess regolament. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 38 u 52 iktar ’il fuq, permezz ta’ dan il-paragrafu (7) il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jadotta sistema speċjali, speċifika għad-dritt tal-Unjoni, għall-kalkolu tal-valur normali fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sistema li ma hijiex intiża li teżegwixxi obbligi partikolari li jirriżultaw mill-Ftehim antidumping.

61.

F’din is-sistema speċjali, ir-regola hija li, skont l-imsemmi paragrafu (7)(a), f’każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq il-valur normali huwa kkalkolat fuq il-bażi tas-sistema tal-“pajjiż simili”. Bħala eċċezzjoni, skont l-ittra (b) tal-istess paragrafu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried joffri l-possibbiltà, b’mod partikolari għall-produtturi Ċiniżi, li jiġu rrikonoxxuti bħala persuni li joperaw fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, għalhekk, jiksbu l-valur normali fuq il-bażi tal-prezzijiet u l-ispejjeż reali tagħhom, skont analiżi każ b’każ esklużivament bil-kundizzjoni li dawn juru li jissodisfaw il-ħames kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u li jistgħu għalhekk jiġu kkunsidrati li qegħdin jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. F’każ kuntrarju l-metodu tal-pajjiż simili japplika “b’mod awtomatiku” ( 26 ).

62.

Isegwi mill-preċedenti li l-applikabbiltà tas-sistema speċjali tal-imsemmi paragrafu (7) bl-ebda mod ma tippreżupponi, kif ikkunsidrat minflok il-Qorti Ġenerali, analiżi fil-livell tal-impriża li twassal għall-konklużjoni li l-applikazzjoni tar-regoli fil-paragrafi (1) sa (6) twassal għal riżultati artifiċjali. Il-fatt li l-applikazzjoni tas-sistema speċjali prevista fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku tiġi magħmula dipendenti fuq analiżi tal-eventwali riżultati li joħorġu mill-applikazzjoni tas-sistema ġenerali, fil-fehma tiegħi, huwa manifestament kuntrarju għas-sens ġenerali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ( 27 ).

63.

Dejjem minn perspettiva sistematika, jeħtieġ madankollu, li jiġi indikat li, kif osservat il-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jipprevedi li l-produttur esportatur li jitlob il-KES għandu juri l-prevalenza ta’ kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq “għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat”.

64.

Madankollu, dan ma jinkludix, fil-fehma tiegħi, neċessarjament li sabiex miżura li tkun tista’ tibdel il-parametri ta’ ekonomija ta’ suq tkun tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fil-ħames inċiżi tal-ittra (ċ) tal-istess paragrafu, li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni għandha tevalwa t-talba għal-KES, din għandha tirrigwarda speċifikament il-“manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat”.

65.

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, it-tieni parti tal-ewwel kundizzjoni prevista fit-tielet inċiż tad-dispożizzjoni inkwistjoni, nikkunsidra li mid-dispożizzjoni tal-ittra (b) imsemmija fil-paragrafu 63 ma jistax jiġi dedott li din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv fis-sens li huma biss id-distorsjonijiet sinjifikattivi tas-sitwazzjoni finanzjarja li jikkonċernaw speċifikament il-“manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat” li jistgħu jiġġustifikaw iċ-ċaħda tat-talba għal-KES u li għaldaqstant fil-każ ta’ miżuri li joħolqu distorsjoni sinjifikattiva tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża li titlob il-KES miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, iżda li ma humiex speċifiċi għall-prodott simili, il-Kummissjoni hija obbligata tipprova r-rabta li teżisti bejn il-miżura nnifisha u l-“manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat”.

66.

Qari daqstant restrittiv tad-dispożizzjoni tal-imsemmi tielet inċiż, ma jmurx biss, fil-fehma tiegħi, kontra l-formulazzjoni tiegħu, li bl-ebda mod ma tipprevedi distinzjoni bħal din bejn il-miżuri li jaffettwaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, iżda jmur ukoll kontra s-sens ġenerali u għall-għan tad-dispożizzjoni, kif ukoll kontra l-qsim tal-oneru tal-prova previst mill-istess Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

67.

Fil-fatt, minn perspettiva sistematika, kif ippruvat ġustament mill-Kummissjoni u kif mill-bqija ammettiet Xinyi stess, il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ u fil-ħames inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku – rispettivament fir-rigward tas-suġġettar għal liġijiet fil-qasam tal-falliment u tal-proprjetà, u l-konverżjonijiet tar-rati ta’ kambju – jikkonċernaw parametri li, skont id-definizzjoni, ma għandhom ebda rabta diretta mal-“manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat”. Dawn il-kundizzjonijiet jagħmlu riferiment għal bidliet tal-parametri ta’ ekonomija tas-suq li indirettament ma jistgħux jibdlu l-ispejjeż u l-prezzijiet ta’ impriża. Jidher li huwa stabbilit li, fil-preżenza ta’ miżuri li jibdlu dawn il-parametri l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tipprova l-eżistenza ta’ rabta bejn dawn il-miżuri u l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili.

68.

Fil-fehma tiegħi għandu jiġi applikat approċċ simili għal miżuri miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq li jipprovokaw distorsjonijiet sinjifikattivi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża li titlob il-KES, bħal sistemi fiskali pprivileġġjati. Fl-assenza ta’ prova kuntrarja, li għandha tingħata mill-impriża kkonċernata, il-Kummissjoni tista’ tippreżumi li miżuri ta’ dan it-tip jistgħu jibdlu l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-impriża u għalhekk indirettament anki l-“manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat”.

69.

Din l-interpretazzjoni mhux restrittiva tar-regola inkwistjoni hija konformi mal-għanijiet ġenerali tas-sistema speċjali stabbilita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku li kif indikat fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq huwa intiż li jevita li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet u l-ispejjeż fis-seħħ f’pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma humiex il-konklużjoni normali tal-forzi li jeżerċitaw ruħhom fuq is-suq, u dan indipendentement min-natura diretta jew indiretta tal-konsegwenzi eżerċitati mill-miżuri li jirriżultaw f’tibdil tal-parametri ta’ ekonomija tas-suq fuq il-prezzijiet u fuq l-ispejjeż tal-prodott simili.

70.

Din l-interpretazzjoni mhux restrittiva hija wkoll konformi mal-għan speċifiku tal-kundizzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li billi tiddistingwi espliċitament bejn distorsjonijiet tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u distorsjonijiet tas-“sitwazzjoni finanzjarja”, ikkunsidrata b’mod ġenerali u mingħajr speċifikazzjonijiet ulterjuri, hija intiża li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha mhux biss bidliet diretti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, iżda anki distorsjonijiet oħra, anki ta’ natura indiretta u mhux neċessarjament limitati għall-ispejjeż ta’ produzzjoni, li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża li titlob il-benefiċċju tal-KES.

71.

Barra minn hekk, inqis li, kif issostni GMB fit-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-interpretazzjoni restrittiva magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-kundizzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, li skontha fil-każ ta’ distorsjonijiet sinjifikattivi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża li titlob il-KES miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, iżda li ma jikkonċernawx speċifikament il-prodott simili, il-Kummissjoni tkun obbligata tipprova r-rabta eżistenti bejn din il-miżura stess u l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili, hija kuntrarja għall-qsim tal-oneru tal-prova previst mill-Artikolu 2(7)(b) tal-istess regolament, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza.

72.

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mil-KES bis-saħħa tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u li għal dan l-għan, it-talba ppreżentata minn produttur bħal dan għandha tinkludi provi suffiċjenti, kif speċifikati fil-paragrafu (7)(ċ) tal-istess artikolu, li huwa jopera f’ekonomija tas-suq. B’hekk, ma humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jippruvaw li l-produttur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmi status ( 28 ).

73.

Isegwi li, fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għal dak deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punt 60 tas-sentenza appellata, fil-każ ta’ miżuri li jipprovokaw distorsjonijiet sinjifikattivi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża li titlob il-KES miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq li ma jirrigwardawx speċifikament il-prodott simili, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tipprova l-eżistenza ta’ rabta bejn il-miżura stess u l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili, iżda, minflok, hija l-impriża li tressaq it-talba li għandha tipprova li, minkejja dawn il-miżuri ta’ distorsjoni, hija topera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili.

74.

Finalment, nikkunsidra li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma huma kkontestati bl-ebda mod mis-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan, li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għaliha, b’analoġija, sabiex tibbaża l-interpretazzjoni restrittiva tagħha tad-dispożizzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, minn naħa, din is-sentenza tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Din id-dispożizzjoni, anki sempliċiment mill-kliem tagħha, tippreżupponi espliċitament indħil effettiv fil-prezzijiet, fl-ispejjeż u fil-fatturi produttivi ( 29 ). Minħabba l-kliem tad-dispożizzjoni fit-tielet inċiż li tagħmel riferiment għas-“sitwazzjoni finanzjarja” b’mod ġenerali, għandi dubji jekk, kif ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 59 sa 61 tas-sentenza appellata, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 78 sa 82 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan sabiex tinterpreta l-kundizzjoni prevista mill-ewwel inċiż, humiex awtomatikament applikabbli sabiex tiġi interpretata l-kundizzjoni prevista fit-tielet inċiż ( 30 ).

75.

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi indikat li fis-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan il-Qorti tal-Ġustizzja (u l-Qorti Ġenerali) kienu kkritikaw lill-Kummissjoni talli injorat kompletament l-elementi prodotti mill-impriża inkwistjoni mingħajr ma evalwat jekk dawn l-elementi kinux biżżejjed sabiex juru li hija ssodisfat il-kundizzjoni doppja stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ( 31 ). F’din il-kawża, kif jirriżulta mill-punti 7 u 9 iktar ’il fuq, u b’mod iktar iddettaljat mill-punti 63 sa 65 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni fil-fatt ma injoratx l-elementi adottati minn Xinyi, iżda evalwathom u ċaħdithom.

76.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 55 sa 61 tas-sentenza appellata hija vvizzjata minn diversi żbalji ta’ liġi u li għalhekk l-ewwel aggravji sostnuti mill-Kummissjoni u minn GMB għandhom jintlaqgħu. Il-konstatazzjoni preċedenti hija biżżejjed sabiex tiġi annullata s-sentenza appellata. Isegwi li huwa biss sussidjarjament li sejjer nanalizza, fil-qosor, l-aggravji l-oħra sostnuti mill-Kummissjoni u minn GMB.

B.   Fuq l-aggravju relatat ma’ żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

1. L-argumenti tal-partijiet

77.

Permezz tat-tieni aggravji tagħhom il-Kummissjoni u GMB isostnu li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-punti 62 sa 73 tas-sentenza appellata fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

78.

Fl-ewwel lok, skont il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak ikkunsidrat mill-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż tal-kapital ta’ kumpannija jikkostitwixxu fattur, bħal pereżempju l-ispejjeż tal-ħaddiema, li għandu effett dirett fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni peress li jżid l-ammont tad-dħul/telf operattiv qabel id-deprezzament (EBIDTA). Fit-tieni lok, skont il-Kummissjoni, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qiegħdet f’dubju n-natura “sinjifikattiva” tad-distorsjoni. Madankollu, hija ma weġbitx għall-argumenti tal-Kummissjoni, ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti u wettqet żbalji fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti. Minn naħa, hija ma kkunsidratx l-argumenti relatati man-natura bla limitu ratione temporis tal-maħfra fiskali inkwistjoni, kif ukoll maċ-ċirkustanza li d-dazji jiġu imposti b’mod prospettiv għal tul ta’ ħames snin li jista’ jiġi estiż. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-argumenti tagħha fir-rigward tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. Fit-tielet lok, kemm il-Kummissjoni kif ukoll GMB ikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma rrispettatx is-setgħat diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha fil-kwistjoni tal-protezzjoni kummerċjali u li ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik ta’ din l-istituzzjoni.

79.

Xinyi twieġeb, qabel xejn, li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-kwistjoni tan-natura sinjifikattiva tad-distorsjonijiet ma ġietx eżaminata fid-dettall fir-Regolament kontenzjuż u matul l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li setgħet tiċħad it-talba tagħha għall-għoti tal-KES mingħajr ma teżamina jew twieġeb għall-provi u għall-argumenti mressqa minnha, li wrew li d-distorsjonijiet ma kinux rilevanti, peress li l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni kienu ekwivalenti għal kważi 1.34 % tal-ispejjeż totali tagħha u għal 1.14% tad-dħul totali tagħha. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkritikat lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx b’mod xieraq il-provi prodotti minn Xinyi.

80.

Billi argumentat, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-vantaġġi fiskali kienu rilevanti, il-Kummissjoni kkuntradixxiet il-pożizzjoni adottata matul l-investigazzjoni, li fiha hija ma kkontestatx it-teżi ta’ Xinyi li skontha dawn il-vantaġġi la kienu rilevanti fil-valur assolut u lanqas fil-valur relattiv. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li dawn il-vantaġġi kienu limitati ratione temporis. Xinyi żżid li, fil-kuntest tal-investigazzjoni parallela anti-sussidji, il-Kummissjoni stabbilixxiet għal valur ta’ 0 % il-vantaġġ mogħti minn kull waħda miż-żewġ sistemi fiskali inkwistjoni, li jqiegħed f’dubju anki l-iskop tal-allegati vantaġġi. Barra minn hekk, il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija biżżejjed. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-possibbiltà li kumpannija tibbenefika mil-KES ma tistax tiddependi mir-riżultati tagħha f’sena partikolari, hija impreċiża. Il-Kummissjoni tipproċedi, fil-fatt, għal eżami mill-ġdid tal-KES tal-produtturi esportaturi Ċiniżi b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, meta jkollha provi li jiġġustifikaw dan l-eżami mill-ġdid. Finalment, ir-riferimenti għad-dritt tal-Unjoni fil-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat huma irrilevanti.

2. Evalwazzjoni

81.

Kif indikat fil-punt 76 iktar ’il fuq, sejjer nanalizza biss ad abundantiam l-argumenti sostnuti f’dawn l-aggravji ( 32 ).

82.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-punti 66 u 67 kif ukoll 68, 69 u 72 tas-sentenza appellata jirriżulta li – billi applikat l-interpretazzjoni fil-fehma tiegħi żbaljata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku li hija żviluppat preċedentement – f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali, kkritikat b’mod fundamentali lill-Kummissjoni talli bbażat ruħha, sabiex tiċħad it-talba ta’ Xinyi għall-għoti tal-KES, fuq il-vantaġġ finanzjarju mogħti b’mod ġenerali mis-sistemi fiskali pprivileġġjati inkwistjoni, mingħajr ma identifikat rabta ma’ xi element relatat mal-produzzjoni jew mal-bejgħ tal-prodott simili inkwistjoni u, b’mod iktar speċifiku, mingħajr ma ċċarat ir-rabta bejn il-vantaġġ relatat mal-possibbiltà identifikata minnha li tattira kapital b’rati mnaqqsa u l-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodott simili.

83.

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak sostnut minn Xinyi, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni talli wettqet żball metodoloġiku fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u talli ma wettqitx suppliment ta’ analiżi sabiex turi l-eżistenza ta’ rabta bejn l-allegata distorsjoni kkawżata mis-sistemi fiskali inkwistjoni u l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili.

84.

Fit-tieni lok, naqbel mal-argument li permezz tiegħu l-Kummissjoni ssostni li l-kapital jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi produttivi u li għalhekk miżuri li jaffettwaw l-ispejjeż tiegħu, billi joffru pereżempju l-possibbiltà ta’ aċċess għal finanzjament bi spejjeż iktar baxxi minħabba sistemi fiskali preferenzjali bbażati fuq miżuri miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, jistgħu bla dubju jirriżultaw f’distorsjoni fis-sitwazzjoni finanzjarja li tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ). Isegwi li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, apparti milli huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regola rilevanti, huwa, fil-fehma tiegħi, anki żbaljat minn din il-perspettiva.

85.

Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, ma nikkunsidrax li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, qiegħdet f’dubju n-natura “sinjifikattiva” tad-distorsjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja miġrura mis-sistemi fiskali preferenzjali inkwistjoni. Dawn il-punti pjuttost jidher li jindikaw li, skont il-Qorti Ġenerali, is-suppliment ta’ analiżi msemmi fil-punt 83 iktar ’il fuq, li fil-fehma tagħha l-Kummissjoni kellha twettaq, kien “iktar u iktar” neċessarju fid-dawl tal-elementi ppreżentati minn Xinyi. Jidher għalhekk li dawn il-punti għandhom natura li ssaħħaħ ir-raġunament żviluppat fil-punti preċedenti tas-sentenza appellata.

86.

Fir-raba’ lok, dwar l-argument tal-Kummissjoni u ta’ GMB li skontu l-Qorti Ġenerali ma rrispettatx is-setgħa diskrezzjonali li tgawdi l-Kummissjoni fil-kwistjoni tal-protezzjoni kummerċjali, nagħmel riferiment għal analiżi ddettaljata tal-kuntest ġudizzjarju għall-konklużjonijiet l-iktar reċenti tiegħi fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube ( 33 ). F’dan ir-rigward, peress li fl-analiżi prevista fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, fid-dawl tal-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li hija għandha teżamina l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ( 34 ), l-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-kuntest huwa limitat.

87.

F’din il-kawża, il-punti 66 sa 73 tas-sentenza appellata juru livell ta’ intervent pjuttost għoli mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza f’din il-kawża ta’ distorsjoni sinjifikattiva tas-sitwazzjoni finanzjarja. Intervent ta’ dan it-tip diffiċli jiġi rrikonċiljat, fil-fehma tiegħi, mal-istħarriġ ġudizzjarju limitat previst mill-ġurisprudenza f’kawżi ta’ dan it-tip. Fil-fatt, filwaqt li fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-interpetazzjoni tagħha – fil-fehma tiegħi żbaljata – tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(1) tar-Regolament bażiku tikkritika lill-Kummissjoni talli wettqet żbalji ta’ liġi fl-analiżi tagħha, fil-punti 69 sa 71, madankollu, il-Qorti Ġenerali tasal sabiex tevalwa l-effett tas-sistemi fiskali inkwistjoni fuq il-kapaċità li jattiraw investituri fid-dawl tad-dħul tal-impriża u tal-valur assolut tal-benefiċċju miġrur minn dawn is-sistemi. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali fil-fehma tiegħi, taqbeż il-konfini tal-istħarriġ ġudizzjarju, limitat, billi tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

88.

Isegwi mill-preċedenti li, fil-fehma tiegħi, anki t-tieni aggravji sostnuti mill-Kummissjoni u minn GMB għandhom jiġu milqugħa.

C.   Fuq l-aggravji rigward id-difetti proċedurali

1. L-argumenti tal-partijiet

89.

Permezz tat-tielet aggravji tagħhom, il-Kummissjoni u GMB jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet irregolaritajiet proċedurali.

90.

Il-Kummissjoni ssostni, qabel xejn, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita. Fil-fehma tagħha, fir-rikors fl-ewwel istanza, Xinyi ma żviluppat ebda wieħed mill-argumenti ta’ liġi esposti fil-punti 55 sa 61 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma qegħditx lill-Kummissjoni f’sitwazzjoni fejn setgħet tippreżenta l-fehma tagħha dwar dawn l-argumenti fundamentali. Għalhekk, dan kiser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq, li jeħtieġ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-partijiet ikollhom għarfien u jistgħu jiddiskutu kontradittorjament dwar l-punti ta’ fatt u ta’ liġi deċiżivi għall-konklużjoni tal-proċedura.

91.

Anki GMB tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita peress li mill-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jirriżulta li hija annullat totalment ir-Regolament kontenzjuż, meta Xinyi fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, kienet talbet l-annullament ta’ dan ir-regolament biss fil-parti li kienet tirrigwarda lilha.

92.

Xinyi tikkontesta dawn l-argumenti. Rigward l-argumenti tal-Kummissjoni, Xinyi ssostni li sostniet, fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li teżisti distorsjoni “sinjifikattiva” peress li l-effett finanzjarju taż-żewġ sistemi fiskali favorevoli inkwistjoni kien inferjuri għal 1.5 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni jew tad-dħul matul il-perijodu tal-investigazzjoni. Xinyi sostniet ukoll, fil-punt 29 tar-replika tagħha li kien meħtieġ li jsir riferiment għas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha matul il-perijodu tal-investigazzjoni, peress li l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jidħol fil-kalkolu tad-dumping u peress li dan jirrigwarda l-bejgħ u l-ispejjeż tal-perijodu tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li twieġeb fil-kontroreplika fl-ewwel istanza u fiż-żewġ seduti miżmuma quddiem il-Qorti Ġenerali. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċiment ikkonfermat l-approċċ propost minn Xinyi. Rigward l-argument ta’ GMB, skont Xinyi huwa evidenti li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tannulla r-Regolament kontenzjuż biss fil-konfront tagħha u li huwa żball materjali li jista’ jiġi kkorreġut.

2. Evalwazzjoni

93.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tielet aggravju ta’ GMB fejn din issostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita, nindika li minn qari tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, flimkien mal-punt 74 tagħha, huwa manifest li l-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament kontenzjuż fit-totalità tiegħu, meta kif jirriżulta espliċitament mill-punt 31 tas-sentenza stess, Xinyi kienet talbet l-annullament ta’ dan ir-regolament biss sa fejn kien jirrigwarda lilha. Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet ultra petita ( 35 ). It-tielet aggravju ta’ GMB għandu għalhekk, fil-fehma tiegħi, jiġi milqugħ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn din tannulla r-Regolament kontenzjuż erga omnes u mhux biss limitatament għal Xinyi.

94.

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kritika tal-Kummissjoni li skontha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita peress li wettqet interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku li ma kinitx invokata fl-ewwel istanza minn Xinyi, nikkunsidra li din ma għandhiex tiġi milqugħa. Fil-fatt mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talba tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-kuntest tat-tilwima, il-qorti ma tistax tkun marbuta biss mill-argumenti mqajjma minnhom insostenn tat-talbiet tagħhom, għax altrimenti jkollha, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati ( 36 ). Il-possibbiltà li tipproċedi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni li għandha tapplika għall-fatti inkwistjoni hija inerenti fir-rwol tal-qorti u ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni ultra petita.

95.

F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-kritika tal-Kummissjoni rigward il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti relatati ma’ dan id-dritt, il-partijiet għandu jkollhom għarfien u għandhom ikunu jistgħu jiddiskutu kontradittorjament kemm il-punti ta’ fatt kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċeduri ( 37 ). F’din il-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kienet tirrigwarda l-portata u l-applikazzjoni konkreta tal-kundizzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Dawn il-kwistjonijiet kienu s-suġġett tat-tieni parti tal-ewwel motiv ta’ Xinyi u l-Kummissjoni setgħet tieħu pożizzjoni dwarhom kemm matul l-ewwel kif ukoll matul it-tieni proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ( 38 ). Isegwi li anki din il-kritika tal-Kummissjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda u li, għalhekk, it-tielet aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

96.

Bħala konklużjoni, minn dan kollu li jippreċedi jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, l-ewwel u t-tieni aggravji sostnuti mill-Kummissjoni u minn GMB, kif ukoll it-tielet aggravju sostnut minn GMB għandhom jiġu milqugħa u li, konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

VII. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

97.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

98.

Nikkunsidra li dan huwa l-każ għat-tieni parti tal-ewwel motiv sostnut minn Xinyi quddiem il-Qorti Ġenerali, miġbur fil-qosor fil-punti 73 u 38 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward nindika li mill-premessa 33 tar-Regolament kontenzjuż u mill-ittri tal-Kummissjoni tat‑22 ta’ Awwissu 2013 u tat‑13 ta’ Settembru 2013, imsemmija fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ Xinyi għall-għoti tal-KES minħabba l-vantaġġi finanzjarji miġrura mill-effett konġunt tas-sistemi fiskali preferenzjali msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq li ġew ikkunsidrati li huma kapaċi jaffettwaw is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-kumpannija fit-totalità tagħha, billi jistgħu jilħqu l-għan li jattiraw il-kapital b’taxxi mnaqqsa. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-vantaġġ assolut mogħti matul il-perijodu tal-investigazzjoni ma huwiex neċessarjament kriterju deċiżiv għall-evalwazzjoni tan-natura sinjifikattiva tad-distorsjoni, peress li din l-evalwazzjoni għandha tirrigwarda l-impatt totali tal-miżura fuq is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-impriża.

99.

Nikkunsidra li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma huma vvizzjati minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, mill-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) indikata fil-punti 56, 57, 62, 65, 68 sa 70, u 73 iktar ’il fuq, jirriżulta li, kif indikat fil-punt 84, miżuri bħal sistemi fiskali preferenzjali, miġrura mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, li jaffettwaw l-ispejjeż tal-kapital, billi joffru pereżempju l-possibbiltà ta’ aċċess għal finanzjament bi spejjeż iktar baxxi minħabba l-vantaġġi fiskali li dawn jagħtu, jistgħu jirriżultaw f’distorsjonijiet sinjifikattivi tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

100.

F’dan ir-rigward infakkar li, kif indikat fil-punt 72 iktar ’il fuq l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mil-KES li għandu jipprova li, minkejja dawn is-sistemi fiskali preferenzjali, huwa kien qiegħed jopera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Għal dan l-għan, Xinyi sostniet li dawn is-sistemi kellhom impatt finanzjarju li kien inqas minn 1.5 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni jew tad-dħul mingħajr madankollu ma spjegat għaliex dawn l-elementi (jiġifieri l-ispejjeż ta’ produzzjoni jew id-dħul) għandhom jikkostitwixxu l-qafas ta’ riferiment tal-analiżi u lanqas għaliex l-eżami tal-effetti tad-distorsjoni kkawżata minn dawn is-sistemi fiskali għandu jkun limitat għall-perijodu tal-investigazzjoni, meta l-portata ratione temporis tal-vantaġġi fiskali ma hijiex. Barra minn hekk, Xinyi, ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar l-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tagħha u lanqas fuq l-effett ta’ dawn il-vantaġġi fiskali fuq l-ispejjeż tagħha għall-aċċess tal-kapital. F’dan il-kuntest, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda.

101.

Nikkunsidra, madankollu, li l-istat tal-atti ma jippermettix li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-motivi li fadal li ma ġewx analizzati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u li għalihom ma jistax jiġi eskluż li jkun neċessarju suppliment ta’ istruttorja. F’dawn il-kundizzjonijiet nikkunsidra li l-kawża għandha tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar dawn il-motivi li fadal.

VIII. Fuq l-ispejjeż

102.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Peress li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, l-ispejjeż huma rriżervati.

IX. Konklużjoni

103.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Settembru 2019, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il‑Kummissjoni (T‑586/14 RENV, EU:T:2019:668) hija annullata;

it-tieni parti tal-ewwel motiv sostnut minn Xinyi PV Products (Anhui) Holdings hija miċħuda;

il-kawża qiegħda tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi li fadal;

l-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) T‑586/14 RENV, EU:T:2019:668.

( 3 ) ĠU 2014, L 142, p. 1.

( 4 ) ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20, dan ir-regolament ġie mħassar bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).

( 5 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il‑Kummissjoni (T‑586/14, EU:T:2016:154).

( 6 ) “In particular”, fil-verżjoni Ingliża, “notamment” fil-verżjoni Franċiża, “insbesondere” fil-verżjoni Ġermaniża, “particularmente” fil-verżjoni Spanjola, “nomeadamente” fil-verżjoni Portugiża u “in het bijzonder” fil-verżjoni Olandiża. Jidher li hemm impreċiżjoni fit-traduzzjoni Taljana tad-dispożizzjoni inkwistjoni, peress li, f’din il-verżjoni t-terminu “anche” jagħmel riferiment biss għall-ewwel parametru previst mid-dispożizzjoni inkwistjoni jiġifieri “l-iżvalutar tal-beni” filwaqt li fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra t-termini msemmija huma mqiegħda qabel l-elenku tad-diversi parametri hemm imsemmija u jispeċifikaw għalhekk mingħajr ebda dubju n-natura sempliċiment indikativa ta’ dan l-elenku. Din in-natura indikattiva madankollu ma hija kkontestata bl-ebda mod.

( 7 ) Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Marzu 2020, il-Kawżi C‑884/19 P u C‑888/19 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

( 8 ) Il-Kummissjoni tinvoka ksur anki tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. L-ewwel aggravju ppreżentat minn GMB huwa intiż biss kontra l-punti 59, 60, 61 u 68 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-artikolu VI tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (ĠU 1994, L 336, p. 103)

( 10 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 47). Għal iktar dettall dwar l-introduzzjoni fir-Regolament bażiku tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 2(7), ara l-punti 53 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, EU:C:2017:938).

( 11 ) Sentenzi Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan, punt 66 u Il‑Kummissjoni vs Xinyi, punt 64.

( 12 ) Sentenzi Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan, punt 67 u Il‑Kummissjoni vs Xinyi, punt 65. Rigward il-motivazzjonijiet li wasslu għall-introduzzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’riferiment speċifiku għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ara wkoll, rispettivament, il-punti 68 sa 69 u l-punti 75 u 76 ta’ dawk is-sentenzi.

( 13 ) Sentenzi tat‑2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il‑Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53, punt 32) u Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan, punt 70.

( 14 ) Ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan, punt 93.

( 15 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Xinyi, punt 68.

( 16 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Xinyi, punt 70.

( 17 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Xinyi, punt 70.

( 18 ) Ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq.

( 19 ) Ara l-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Ara l-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għall-punti 67 et seq tal-istess sentenza.

( 21 ) Ara rispettivament l-ewwel sentenza tal-punt 59 u l-aħħar sentenza tal-punt 61 tas-sentenza appellata.

( 22 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 4850).

( 23 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Tigers (C‑156/16, EU:C:2017:754, punt 21 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

( 24 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste u Falck (C‑465/17, EU:C:2019:234, punt 32 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

( 25 ) Ara l-aħħar sentenza tal-punt 61, u anki l-punt 68 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, EU:C:2017:938, punt 63).

( 27 ) F’dan ir-rigward nindika wkoll li r-riferiment b’analoġija fil-punt 61 tas-sentenza appellata, għall-punt 82 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan, ma jidhirx rilevanti sabiex tiġi ġġustifikata l-eżistenza tar-rabta diretta bejn l-Artikolu 2(1) sa (6) u l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

( 28 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il‑Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53, punt 32).

( 29 ) Ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan, punti 79 u 80.

( 30 ) Għal kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ir-riferiment għas-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan bħala irrilevanti, ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il‑Kunsill (C‑602/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2203, punt 56).

( 31 ) Ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan, punti 85 sa 87.

( 32 ) It-tieni aggravju tal-Kummissjoni huwa, fost affarijiet oħra, sostnut biss sussidjarjament, fil-każ li l-ewwel wieħed ma jiġix milqugħ.

( 33 ) Konklużjonijiet tal‑1 ta’ Lulju 2021, (C‑891/19 P, EU:C:2021:533), punt 29 u, b’anoloġija, punt 160 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 34 ) Ara, b’riferiment għall-ġurisprudenza msemmija fin-nota preċedenti, is-sentenza Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan, punt 86.

( 35 ) Ara, b’mod speċifiku fil-qasam tal-antidumping, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 24 fl-aħħar u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et. (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 56).

( 38 ) F’dan ir-rigward ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni (minn C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2013:578, punt 116 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata) u dawk tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Deltafina vs Il‑Kummissjoni (C‑578/11 P, EU:C:2014:199, punti 98 sa 100). F’dak li jirrigwarda l-punti ta’ liġi jidher li l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti tapplika fejn il-qorti tkun trid tqajjem ex officio punti ta’ liġi ġodda li għandhom portata deċiżiva fuq id-deċiżjoni finali, bħal motiv ġdid imqajjem ex officio (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda hemm iċċitata) jew il-klassifikazzjoni ex officio ta’ klawżola kuntrattwali bħala inġusta (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 3031).

Top