This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0793
Opinion of Advocate General Campos Sánchez-Bordona delivered on 18 November 2021.#Bundesrepublik Deutschland v SpaceNet AG and Telekom Deutschland GmbH.#Requests for a preliminary ruling from the Bundesverwaltungsgericht.#Reference for a preliminary ruling – Processing of personal data in the electronic communications sector – Confidentiality of communications – Providers of electronic communications services – General and indiscriminate retention of traffic and location data – Directive 2002/58/EC – Article 15(1) – Charter of Fundamental Rights of the European Union – Articles 6, 7, 8 and 11 and Article 52(1) – Article 4(2) TEU.#Joined Cases C-793/19 and C-794/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-18 ta’ Novembru 2021.
Bundesrepublik Deutschland vs SpaceNet AG u Telekom Deutschland GmbH.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6, 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Artikolu 4(2) TUE.
Kawżi magħquda C-793/19 u C-794/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-18 ta’ Novembru 2021.
Bundesrepublik Deutschland vs SpaceNet AG u Telekom Deutschland GmbH.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6, 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Artikolu 4(2) TUE.
Kawżi magħquda C-793/19 u C-794/19.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:939
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑18 ta’ Novembru 2021 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑793/19 u C‑794/19
Bundesrepublik Deutschland
vs
SpaceNet AG (C‑793/19)
Telekom Deutschland GmbH (C‑794/19)
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))
“Domanda preliminari – Telekomunikazzjonijiet – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Artikolu 4(2) TUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 6, 7, 8, 11 u 52(1) – Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data ta’ konnessjoni għal finijiet ta’ repressjoni tar-reati kriminali serji jew ta’ prevenzjoni ta’ riskju speċifiku għas-sigurtà nazzjonali”
1. |
Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, flimkien mat-talba tal-Kawża C‑140/20 ( 2 ), għal darba oħra jenfasizzaw it-tħassib li tqajjem f’xi Stati Membri minħabba l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iż-żamma tad-data personali ġġenerata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-aċċess għaliha. |
2. |
Fil-konklużjonijiet tal-Kawżi C‑511/18 u C‑512/18, La Quadrature du Net et ( 3 ), u C‑520/18, Ordre des barreaux francophones et germaophone et ( 4 ), identifikajt dawn li ġejjin bħala l-kisbiet l-iktar importanti ta’ din il-ġurisprudenza sa dan il-mument:
|
3. |
Fl‑2018, xi qrati ta’ ċerti Stati Membri ressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talbiet separati għal deċiżjoni preliminari li fihom kien hemm rifless id-dubji tagħhom dwar jekk dawk is-sentenzi (tal‑2014, tal‑2016 u tal‑2018) setgħux iċaħħdu lill-awtoritajiet statali minn strument neċessarju għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u għall-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. |
4. |
Erba’ minn dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari wasslu għas-sentenzi Privacy International ( 10 ) u La Quadrature du Net et ( 11 ), it-tnejn tas‑6 ta’ Ottubru 2020, li kkorroboraw b’mod sostanzjali l-kummentarju tas-sentenza Tele2 Sverige, filwaqt li introduċew xi aspetti addizzjonali. |
5. |
Minħabba l-oriġini tagħhom (l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja), il-kontenut tagħhom u x-xewqa tagħhom li jispjegaw fid-dettall, fi djalogu mal-qrati tar-rinviju, il-motivi li, minkejja kollox, jiġġustifikaw it-teżijiet esposti fihom, jista’ jkun mistenni li dawn iż-żewġ sentenzi “rikapitulattivi” tas‑6 ta’ Ottubru 2020 ikunu solvew id-diskussjoni. Għaldaqstant, digriet immotivat tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkorrispondi għal kwalunkwe riferiment ieħor għal talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-istess suġġett. |
6. |
Madankollu, sas‑6 ta’ Ottubru 2020, fil-Qorti tal-Ġustizzja kienu ġew irreġistrati tliet talbiet oħra għal deċiżjoni preliminari (it-tnejn magħquda f’din il-proċedura u dik tal-kawża C‑140/20), li l-kontenut tagħhom qajjem dubju dwar il-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. |
7. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja informat lill-qrati tar-rinviju dwar is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, f’każ li xtaqu jirtiraw it-talbiet tagħhom għal deċiżjoni preliminari. Fid-dawl tal-insistenza tagħhom li jinżammu t-talbiet, bħalma ser nispjega iktar ’il quddiem ( 12 ), ġie deċiż li ma jiġix applikat l-Artikolu 99 tar-Regoli ta’ Proċedura u li dawn tirrispondihom l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2002/58
8. |
Skont l-Artikolu 5(1) (“Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”): “L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità”. |
9. |
L-Artikolu 6 (“Data dwar it-traffiku”) jipprovdi: “1. Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1). 2. Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit. […]”. |
10. |
L-Artikolu 15(1) (“Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE” ( 13 )) jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”. |
B. Id-dritt nazzjonali
1. Telekommunikationsgesetz (il-Liġi dwar it-Telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem, it-“TKG”)
11. |
L-Artikolu 113a(1), jiddikjara: “L-obbligi relatati maż-żamma, l-użu u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku ddefiniti fl-Artikoli 113b sa 113g jagħmlu riferiment għall-operaturi li jfornu lill-utenti finali b’servizzi tat-telekomunikazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku”. |
12. |
L-Artikolu 113b jiddikjara li: “(1) L-operaturi li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 113a għandhom iżommu d-data fit-territorju nazzjonali b’dan il-mod:
(2) Il-fornituri tas-servizzi tat-telefon aċċessibbli għall-pubbliku għandhom iżommu
L-ewwel paragrafu jiġi applikat mutatis mutandis
(3) Il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet aċċessibbli għall-pubbliku għandhom iżommu
(4) F’każ ta’ użu tas-servizzi tat-telefonija mobbli, għandu jinżamm l-isem tal-mobiles użati fil-bidu tal-komunikazzjoni minn min jagħmel it-telefonata u minn min jirċievi t-telefonata. Fil-każ tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet aċċessibbli għall-pubbliku, f’każ ta’ użu tal-mobile, għandu jinżamm l-isem tal-mobiles użati fil-bidu tal-konnessjoni għall-internet. Għandha tinżamm ukoll id-data li tippermetti l-għarfien tal-pożizzjoni ġeografika u d-direzzjonijiet ta’ radjazzjoni massima tal-antenni li huma utli għall-mobile kkonċernat. (5) Il-kontenut tal-komunikazzjoni, id-data relatata mas-siti tal-internet ikkonsultati u d-data mis-servizzi tal-posta elettronika ma jistgħux jinżammu skont din id-dispożizzjoni. (6) Id-data sottostanti għall-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 99(2) ma tistax tinżamm skont din id-dispożizzjoni. Dan japplika mutatis mutandis għall-komunikazzjonijiet telefoniċi li jkunu ġejjin mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 99(2). It-tieni sas-seba’ frażi tal-Artikolu 99(2) japplikaw mutatis mutandis. [ ( 14 )] […]”. |
13. |
Skont l-Artikolu 113c: “(1) Id-data miżmuma skont l-Artikolu 113b tista’
(2) Id-data miżmuma skont l-Artikolu 113b ma tistax tintuża minn dawk li jkunu suġġetti għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 113(1) għal finijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1. […]”. |
14. |
Skont l-Artikolu 113d: “Id-destinatarju tal-obbligu previst fl-Artikolu 113a(1) għandu jiżgura li d-data miżmuma f’konformità mal-Artikolu 113b(1), fir-rigward tal-obbligu ta’ żamma, tkun protetta, permezz ta’ mezzi tekniċi u organizzattivi li jkunu konformi mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, mill-kontroll u mill-użu mhux awtorizzati. Dawn il-miżuri, b’mod partikolari, jinkludu:
|
15. |
L-Artikolu 113e jaqra: “(1) Il-persuna responsabbli għall-obbligu previst fl-Artikolu 113a(1) għandha tiżgura li, għall-finijiet tal-kontroll tal-protezzjoni tad-data, kull aċċess, u b’mod partikolari, il-qari, il-kopja, il-modifika, l-eliminazzjoni u l-għeluq, għad-data miżmuma f’konformità mal-Artikolu 113b(1) fir-rigward tal-obbligu għaż-żamma, jiġu rreġistrati. Għandu jiġi rreġistrat dan li ġej
(2) Id-data rreġistrata ma tistax tintuża għal finijiet oħra għajr dawk għall-kontroll tal-protezzjoni tad-data. (3) Il-persuna responsabbli għall-obbligu previst fl-Artikolu 113a(1) għandha tiżgura li d-data rreġistrata tiġi mħassra wara sena”. |
2. Strafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem, is-“StPO”)
16. |
L-Artikolu 100g jistabbilixxi: “[…] (2) Jekk ċerti fatti jwasslu għas-suspett li xi ħadd ikun wettaq, bħala awtur jew bħala kompliċi, wieħed mir-reati kriminali partikolarment serji msemmija fit-tieni frażi jew, fil-każijiet li fihom it-tentattiv li jitwettaq reat ikun punibbli, sar tentattiv li jitwettaq u jekk ir-reat ikun ukoll partikolarment serju fil-każ partikolari, id-data relatata mat-traffiku, miżmuma f’konformità mal-Artikolu 113b tat-[TKG], tista’ tinġabar fil-każ li l-investigazzjoni tal-fatti jew il-lokalizzazzjoni tal-persuna investigata jkunu eċċessivament diffiċli jew mhux prattiċi permezz ta’ mezzi oħra u jekk il-ġbir tad-data ikun proporzjonali għall-importanza tal-kawża. […] (4) Ma huwiex awtorizzat il-ġbir tad-data relatata mat-traffiku skont il-paragrafu 2 […] li tista’ twassal għal informazzjoni li dwarha l-persuna affettwata tista’ tirrifjuta li tagħti xhieda […]”. |
17. |
L-Artikolu 101a(1) jissuġġetta l-ġbir tad-data relatata mat-traffiku għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 100g tas-StPO. Skont l-Artikolu 101a(2) ta’ din l-istess liġi, id-deċiżjoni ġudizzjarja għandha tikkunsidra n-neċessità u r-rilevanza tal-miżura fil-każ partikolari, li l-adozzjoni tagħha għandha tiġi nnotifikata lill-parteċipanti fil-komunikazzjoni (Artikolu 101(6) tas-StPO). |
II. Il-fatti, il-kawżi u d-domandi preliminari
18. |
SpaceNet AG u Telekom Deutschland GmbH huma kumpanniji li, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jipprovdu servizzi ta’ aċċess għall-internet disponibbli għall-pubbliku. |
19. |
Dawn iż-żewġ kumpanniji ressqu kawża quddiem il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) sabiex jikkontestaw l-obbligu li tinżamm id-data dwar it-traffiku tat-telekomunikazzjonijiet tal-klijenti tagħhom mill‑1 ta’ Lulju 2017, impost mill-Artikolu 113a(1), moqri flimkien mal-Artikolu 113b tat-TKG. |
20. |
Bil-kawżi rispettivi mirbuħa fl-ewwel istanza, l-Aġenzija Federali tan-Networks ippreżentat appelli ta’ kassazzjoni separati (“Reviżjoni”) quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), li, qabel ma tat id-deċiżjoni tagħha, iddeċidiet li f’kull wieħed miż-żewġ proċeduri tagħmel din id-domanda preliminari: “L-Artikolu 15 tad-Direttiva [2002/58], moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta […], minn naħa, u tal-Artikolu 6 tal-Karta […] kif ukoll tal-Artikolu 4 [TUE], min-naħa l-oħra, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku li jżommu d-data li tirrigwarda t-traffiku u d-data ta’ lokalizzazzjoni tal-utenti finali ta’ dawn is-servizzi meta
|
21. |
Skont l-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju, ir-regolament dwar l-obbligu inkwistjoni ġie emendat minn Liġi tal‑10 ta’ Diċembru 2015 ( 15 ), li l-adozzjoni tagħha kienet neċessarja wara:
|
22. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligu tal-ħżin inkwistjoni jirrestrinġi d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), fl-Artikolu 6(1), u fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2002/58. Fil-fehma tagħha, tali restrizzjoni tkun iġġustifikata biss jekk tiġi koperta mill-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. |
23. |
Għall-qorti tar-rinviju, minkejja l-kummentarju tas-sentenza Tele2 Sverige, l-obbligu li huwa s-suġġett tal-kawża jista’ jkollu l-bażi fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, minħabba li:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
24. |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ottubru 2019. |
25. |
SpaceNet, Telekom Deutschland, il-Gvern Ġermaniż, Daniż, Spanjol, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Irlandiż, Olandiż, Pollakk u dak Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
26. |
Il-qorti tar-rinviju ntalbet sabiex tiddeċiedi dwar l-irtirar possibbli tad-domanda preliminari, ladarba tiġi deċiża s-sentenza La Quadrature du Net, u fit‑13 ta’ Jannar 2021 iddikjarat l-intenzjoni tagħha li ssostniha peress li ma tistax tiġi meqjusa li ġiet solvuta minn din is-sentenza. |
27. |
Is-seduta pubblika, miżmuma flimkien ma’ dik tal-kawża marbuta C‑140/20, saret fit‑13 ta’ Settembru 2021, fejn dehru, apparti dawk li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-proċedura, l-Aġenzija Federali tan-Networks u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. |
IV. Analiżi
A. Kunsiderazzjoni preliminari
28. |
It-trattament ta’ dawn iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari jista’ jsir permezz tal-analiżi tagħhom fl-istadju ta’ meta kienu mressqa fil-bidu, jew preferibbilment billi jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet invokati mill-qorti tar-rinviju fir-risposta tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Jannar 2021, sabiex tiġġustifika ż-żamma tagħhom wara li ġiet adita bis-sentenza La Quadrature du Net. |
29. |
Għalkemm ser nindirizza fil-qosor l-aspetti l-iktar rilevanti tat-talbiet oriġinali għal deċiżjoni preliminari, ser niffoka fl-analiżi tal-motivi li għalihom, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja jibqa’ xieraq. Fil-qosor, dawn il-motivi kollha huma bbażati fuq il-fatt li s-sitwazzjoni leġiżlattiva bażika hija differenti minn dik eżaminata fis-sentenza La Quadrature du Net. |
30. |
Fil-komunikazzjoni tagħha tat‑13 ta’ Jannar 2021, il-qorti tar-rinviju ressqet dawn l-argumenti:
|
B. L-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/58
31. |
Ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Gvern Franċiż, Olandiż, Pollakk u dak Svediż isostnu, essenzjalment, li d-Direttiva 2002/58 ma tapplikax għal leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħalma tapplika dik inkwistjoni f’dawn il-proċeduri. Peress li l-għan tagħhom huwa l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u l-prevenzjoni u r-repressjoni tar-reati kriminali serji, dawn il-leġiżlazzjonijiet jikkorrispondu għall-kamp ta’ applikazzjoni esklużiv tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(2) TUE. |
32. |
L-oġġezzjoni ġiet miċħuda, b’mod ċar, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza La Quadrature du Net, li sostniet li “leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58” ( 20 ). |
33. |
Il-qorti tar-rinviju tilqa’ din il-premessa billi tikkorrobora l-evalwazzjoni tal-qorti tal-istanza u żżid li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/58 f’dan il-każ kienet “stabbilita definittivament” mis-sentenza Tele2 Sverige ( 21 ). |
34. |
Għaldaqstant, ma jiniex ser nespandi fuq dan il-punt, li dwaru kelli l-opportunità nesprimi l-fehmiet tiegħi f’dak il-mument, fil-linja meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-konklużjonijiet La Quadrature du Net ( 22 ). |
C. Żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata versus żamma mmirata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni
35. |
L-idea ewlenija tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 2002/58 hija li l-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala prinċipju, li l-komunikazzjonijiet u d-data relatata magħhom jibqgħu, fin-nuqqas tal-kunsens tagħhom, anonimi u li ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni ( 23 ). |
36. |
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti eċċezzjonijiet għall-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità u għall-obbligi korrispondenti, fit-termini li ser nittraskrivi iktar ’il quddiem. Is-sentenza La Quadrature du Net tkompli teżamina kif dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jiġu rrikonċiljati mad-drittijiet fundamentali li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun affettwat ( 24 ). |
37. |
Iż-żamma ġġeneralizzata u nondiskriminatorja tad-data dwar it-traffiku tista’ tiġi ġġustifikata biss, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-għan tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, li l-importanza tagħha “tmur lil hinn minn dik tal-għanijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58” ( 25 ). |
38. |
F’dan il-każ (sigurtà nazzjonali), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u 51(1) tal-Karta, “ma jipprekludix, bħala regola, miżura leġiżlattiva li tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jipproċedu biż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni tal-utenti kollha tal-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi matul perijodu limitat, meta jkun hemm ċirkustanzi suffiċjentement konkreti li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Istat Membru kkonċernat huwa affaċċjat b’theddida serja […] għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli” ( 26 ). |
39. |
Dawn ir-rekwiżiti ċertament jagħtu lok għal sistema iktar rigoruża u stretta minn dik li toħroġ mill-ġurisprudenza tal-QEDB fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Li “s-sens u l-portata tad-drittijiet” tal-Karta li jikkorrispondu għal dawk tal-KEDB għandhom ikunu l-istess bħal dawk mogħtija minn din tal-aħħar ma jipprekludix, skont l-Artikolu 52(3), in fine, tal-Karta, lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estensiva. |
40. |
Barra minn hekk, il-kummentarju tal-QEDB, fis-sentenzi tagħha tal‑25 ta’ Mejju 2021, Big Brother Watch et vs Ir‑Renju Unit ( 27 ) u Centrum för Rättvisa vs L‑Isvezja ( 28 ), kif ukoll dik tal‑4 ta’ Diċembru 2015, Zahharov vs Ir‑Russja ( 29 ) jikkonċerna każijiet li, bħalma kienet il-pożizzjoni predominanti bejn il-partijiet matul is-seduta, ma humiex komparabbli ma’ dawk diskussi fir-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari inkwistjoni hawnhekk. Is-soluzzjoni għal dawn għandha tinsab billi jiġu applikati leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jkunu meqjusa li huma konformi mar-regolament eżawrjenti tad-Direttiva 2002/58, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
41. |
Tkun xi tkun il-fehma dwar l-invokazzjoni tas-sigurtà nazzjonali, fis-sentenza La Quadrature du Net, bħala motiv sabiex titneħħa, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-projbizzjoni fuq iż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni (fil-fehma tiegħi, il-limiti stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja huma wesgħin b’mod eċċessiv), għandhom jiġu rrispettati r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 137 sa 139 ta’ din is-sentenza. |
42. |
Apparti din il-ipoteżi, għandu jiġi analizzat jekk ir-regolament nazzjonali huwiex ibbażat fuq kriterji suffiċjentement immirati sabiex jikkonforma mal-kundizzjonijiet li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġġustifikaw indħil partikolarment serju, bħaż-żamma tad-data, fid-drittijiet fundamentali kkonċernati. |
43. |
Iż-żamma mmirata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni ( 30 ) hija l-pedament tar-raġunament tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Din l-għażla tista’ ssir abbażi tal-kategoriji tal-persuni kkonċernati ( 31 ) jew abbażi ta’ kriterju ġeografiku ( 32 ), fost oħrajn. |
44. |
Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-maġġoranza tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet jaqblu li għandhom jiġu enfasizzati d-diffikultajiet tal-kriterji indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jiena stess indikajt uħud minn dawn id-diffikultajiet ( 33 ) fil-konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germanophone ( 34 ). |
45. |
Madankollu, ma jistgħux jiġu preklużi l-metodi ta’ żamma mmirata bbażati fuq dawn il-kriterji li jistgħu jkunu effikaċi u, fl-istess ħin, nondiskriminatorji. Huma l-leġiżlaturi nazzjonali, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom ifassluhom favur id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta ( 35 ). |
46. |
Barra minn hekk, ninsisti li jkun ħażin li wieħed jinferixxi li l-kriterji personali u ġeografiċi huma l-uniċi kriterji kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, fid-dawl tad-drittijiet protetti fil-Karta. |
47. |
Anki jekk il-Gvern Franċiż isostni li ma kinux effikaċi ( 36 ), ma nemminx li jistgħu jiġu injorati l-arranġamenti proposti mill-gruppi ta’ ħidma li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill ( 37 ) sabiex jiddefinixxu r-regoli dwar iż-żamma u l-aċċess kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 38 ). |
48. |
Fil-fehma tiegħi, għandha tiġi ffavorita żamma ratione temporis ta’ ċerti kategoriji ta’ data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, ristretti skont in-neċessitajiet stretti ta’ sigurtà, li ma jippermettux, kollha kemm huma, li tinkiseb immaġni preċiża u ddettaljata tal-ħajja tal-persuni kkonċernati. Fil-prattika, dan ifisser li fir-rigward taż-żewġ kategoriji prinċipali (data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni) għandha tinżamm biss, permezz tal-filtri xierqa, id-data minima li titqies assolutament indispensabbli għall-prevenzjoni u l-kontroll effikaċi tal-kriminalità u għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali ( 39 ). |
49. |
F’kull każ, nirrepeti, li huma l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom iwettqu, permezz tal-proċess leġiżlattiv (bl-għajnuna tal-esperti proprji), dan l-eżerċizzju ta’ għażla, filwaqt li jitbiegħdu minn kwalunkwe tentattiv li jiġi impost ħżin iġġeneralizzat u indifferenzjat tad-data kollha dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni ( 40 ). |
50. |
Għalhekk, fil-konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germanophone iddikjarajt li “[i]d-diffikulta leġiżlattiva, li nirrikonoxxi, sabiex jiġu stabbiliti bi preċiżjoni l-każijiet u l-kundizzjonijiet li fihom tista’ titwettaq żamma mmirata ma tiġġustifikax li l-Istati Membri, billi l-eċċezzjoni jagħmluha regola, jaqilbu ż-żamma ġġeneralizzata ta’ data personali fil-prinċipju fundamentali tal-liġijiet tagħhom. Jekk dan ikun il-każ, tiġi aċċettata l-validità indefinita ta’ ksur rilevanti tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali” ( 41 ). |
D. Punt 168 tas-sentenza La Quadrature du Net
51. |
F’dan il-kuntest, l-elementi essenzjali sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, ġejjin direttament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif inhi rrikapitulata fis-sentenza La Quadrature du Net. |
52. |
Għaldaqstant, għandi nfakkar, qabelxejn, fil-kummentarju tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, li l-punt 168 tagħha jiġbru fil-qosor b’dan il-mod: “[L]‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet previsti f’dan l‑Artikolu 15(1), b’mod preventiv, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 15(1) moqri fid-dawl tal‑Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi
sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż‑żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal‑kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż”. |
E. Evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, fid-dawl tas-sentenza La Quadrature du Net
53. |
Skont il-qorti tar-rinviju, li hija esklużivament responsabbli għall-interpretazzjoni tagħha, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tippreskrivi “ż-żamma, mingħajr ebda motiv, iġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni personali, ġeografika u ta’ ħin, ta’ parti kbira mid-data dwar it-traffiku tat-telekomunikazzjonijiet rilevanti” ( 42 ). |
54. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mhux biss tawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jeżiġu ż-żamma tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni għal perijodu limitat: huwa l-leġiżlatur li jimponi direttament, u b’mod indefinit, l-obbligu li tinżamm din id-data. |
55. |
Bl-istabbiliment ta’ din il-premessa, din il-qorti elenkat, fil-komunikazzjonijiet tagħha tat‑13 ta’ Jannar 2021, id-disparitajiet bejn ir-regoli nazzjonali u dawk imsemmija fis-sentenza La Quadrature du Net, li jistgħu jwasslu għal soluzzjoni differenti minn dik adottata f’dak il-mument. |
56. |
Ser ngħaddi għall-analiżi ta’ dawn id-disparitajiet fl-istess ordni li biha l-qorti tar-rinviju telenkahom, iżda qabel għandi nirrikonoxxi li l-leġiżlatur Ġermaniż ħa bis-serjetà l-kompitu li jaġġusta l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tiġi konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw, f’dan il-kuntest, mill-kummentarju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
57. |
Bħalma tenfasizza l-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija r-riżultat ta’ emenda leġiżlattiva li saret minħabba l-ġurisprudenza tal-Bundesverfassunsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) u minħabba l-effetti tal-kummentarju stabbilit fis-sentenza Digital Rights. |
58. |
Għaldaqstant, il-progress fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa ta’ min ifaħħru peress li huwa r-riżultat ta’ rieda ddeterminata li jkun hemm konformità mal-kummentarju tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
59. |
Madankollu, l-isforz leġiżlattiv forsi ffoka iktar fuq l-aspetti dwar il-protezzjoni u l-aċċess għad-data miżmuma, iżda mhux daqstant fuq dawk relatati mad-delimitazzjoni mmirata tad-data li ż-żamma tagħha hija meħtieġa. |
1. Tipoloġija tad-data miżmuma
60. |
It-tipoloġija tad-data miżmuma (id-data relatata mas-siti tal-internet ikkonsultati, mal-posta elettronika u dik li tikkorrispondi għall-komunikazzjonijiet lejn jew minn servizzi ta’ għajnuna bit-telefon ta’ natura soċjali jew reliġjuża ma tinżammx) ma tipprekludix, fil-fehma tiegħi, li jiġi injorat il-fatt li l-obbligu tal-ħżin iġġeneralizzat u indifferenzjat jiġi estiż għal sett usa’ ta’ ħafna iktar data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni, li tkun simili, kollha kemm hi, għal dik eżaminata fis-sentenza La Quadrature du Net. |
61. |
F’dan is-sens, huwa kważi irrilevanti, minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħha u l-impatt żgħir ħafna tagħha fuq il-kalkolu globali ( 43 ), li tiġi eskluża d-data dwar il-komunikazzjonijiet lejn ċerti linji ta’ assistenza telefonika, minn persuni, awtoritajiet jew organizzazzjonijiet f’oqsma soċjali jew reliġjużi. |
62. |
Lanqas ma huwa deċiżiv li l-obbligu taż-żamma ma jestendix għall-kontenut (kemm jekk ikun tas-siti kkonsultati fuq l-internet kif ukoll tal-posta elettronika), billi s-sentenza La Quadrature du Net ma għamlitx riferiment għalih, iżda għamlet riferiment għad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. |
2. Tul tal-obbligu ta’ żamma tad-data
63. |
Id-disparità l-iktar sinjifikattiva li hemm mar-regoli nazzjonali analizzati fis-sentenza La Quadrature du Net tikkonċerna t-tul tal-ħżin li, skont l-Artikolu 113b(1) tat-TKG, huwa ta’ erba’ jew ta’ għaxar ġimgħat (erba’ ġimgħat fil-każ tad-data dwar il-lokalizzazzjoni u għaxar ġimgħat għad-data l-oħra), u mhux ta’ sena. |
64. |
Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll xi gvernijiet rappreżentati jinsistu fuq dan il-fatt, u jenfasizzaw li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-perijodu għaż-żamma tad-data. Għall-qorti tar-rinviju, it-tul iqsar inaqqas ir-riskju li jkun jista’ jitfassal profil globali tal-persuni kkonċernati. |
65. |
Bħalma sostnejt fil-konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germonophone, fejn qiegħed nirrepeti, ġustament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni bħalissa, huwa importanti li d-data miżmuma tinżamm biss għal perijodu limitat ( 44 ), skont jekk tkunx tappartjeni lil kategorija jew lil oħrajn ( 45 ). |
66. |
Madankollu, jekk il-limitazzjoni ratione temporis tal-perijodu ta’ żamma tikkostitwixxi element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, din iċ-ċirkustanza ma tistax tpatti għall-fatt li hija timponi żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni. |
67. |
Diġà spjegajt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, apparti l-każ iġġustifikat mid-difiża tas-sigurtà nazzjonali, huwa possibbli biss il-ħżin immirat tad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, minħabba r-riskju serju li tippreżenta ż-żamma ġġeneralizzata tagħha. |
68. |
Dan ir-riskju kien, b’mod definittiv, dak li ispira l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam: “[Id]-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni jistgħu jiżvelaw informazzjoni dwar numru sinjifikattiv ta’ aspetti tal-ħajja privata tal‑persuni kkonċernati, inkluż informazzjoni sensittiva bħall‑orjentazzjoni sesswali, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż, filosofiku, soċjali u oħrajn kif ukoll l-istat tas-saħħa, filwaqt li tali data tgawdi, fuq kollox, protezzjoni partikolari fid-dritt tal-Unjoni. Meħuda flimkien, tali data tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ soġġorn permanenti jew temporanji, il-vjaġġi ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom. B’mod partikolari, din id-data tipprovdi l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil tal-persuni kkonċernati, informazzjoni li hija daqstant ieħor sensittiva, fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata bħalma huwa l-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet” ( 46 ). |
69. |
Ċertament, u bħalma ssostni l-qorti tar-rinviju, żamma limitata ħafna fiż-żmien tista’ tagħmilha iktar diffiċli biex jitfasslu profili. |
70. |
Madankollu, l-ikbar jew l-inqas diffikultà f’dan ir-rigward ma hijiex biss fil-bażi taż-żmien taż-żamma, iżda wkoll tal-kwantità u l-kwalità tad-data miżmuma: iktar ma jkun hemm data, iktar tkun kbira l-possibbiltà li tinkiseb informazzjoni sensittiva matul perijodi ta’ żmien li t-tul tagħhom jiddependi, min-naħa tagħhom, mill-evoluzzjoni tat-tekniki ta’ monitoraġġ, ta’ korrelazzjoni u ta’ evalwazzjoni tad-data kollha relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Dak li llum jista’ jirriżulta bħala żmien mhux suffiċjenti għall-akkumulazzjoni tal-informazzjoni li tiffaċilita t-tfassil ta’ profili, jista’ jkun iktar milli biżżejjed sabiex dan isir f’futur bejn wieħed u ieħor immedjat ( 47 ). |
71. |
F’kull każ, u skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jinvolvi l-aċċess, minn awtorità pubblika, għal ġabra ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali li huwa juża, jippreżenta fi kwalunkwe każ natura serja irrispettivament mit-tul tal-perijodu li għalih l-aċċess għall-imsemmija data huwa mitlub u mill-kwantità jew min-natura tad-data disponibbli għal tali perijodu, meta […] din il-ġabra ta’ data tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna jew tal-persuni kkonċernati” ( 48 ). |
72. |
Fil-qosor, inqis li, minkejja d-differenzi indikati mill-qorti tar-rinviju, is-similaritajiet dwar dan l-aspett bejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-proċessi a quibus u l-leġiżlazzjonijiet involuti fil-proċeduri li wasslu għas-sentenza La Quadrature du Net ma jippermettux li jiġi injorat il-kummentarju ta’ din tal-aħħar. |
3. Protezzjoni tad-data kontra l-aċċess illegali għaliha
73. |
Skont il-qorti tar-rinviju, ir-regoli Ġermaniżi jipprevedu protezzjoni effikaċi tad-data miżmuma mill-perikoli ta’ abbuż u ta’ aċċess illegali. |
74. |
Mingħajr ma jitqajmu dubji dwar l-isforz leġiżlattiv fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u tal-aċċess għaliha, ma jistax jintesa li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, “[iż]-żamma ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni tikkostitwixxi, fiha nnifisha […] indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali” ( 49 ). F’dan is-sens, “l-aċċess għal tali data jikkostitwixxi, ikun xi jkun l-użu li jsir minnha sussegwentement, indħil ċar” fid-drittijiet fundamentali msemmija ( 50 ). |
75. |
Għaldaqstant, ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża li s-sistema ta’ protezzjoni tad-data miżmuma prevista mil-leġiżlatur Ġermaniż: a) tiżgura b’mod effettiv il-ħarsien ta’ din id-data; b) tillimita l-kundizzjonijiet ta’ aċċess b’mod rigoruż u effettiv, filwaqt li tillimita ċ-ċirku ta’ dawk li jista’ jkollhom aċċess għaliha; u c) tippermetti biss l-użu tad-data maħżuna għal finijiet ta’ investigazzjoni ta’ reati serji u għall-prevenzjoni ta’ riskji speċifiċi għall-ħajja jew għal-libertà tal-persuni jew għas-sigurtà tal-Istat. |
76. |
Dak li huwa verament deċiżiv huwa li, bħalma tirrepeti wkoll il-qorti tar-rinviju, l-obbligu taż-żamma inkwistjoni, fih innifsu, ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni speċifika. |
4. Effett tas-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) tas‑27 ta’ Mejju 2020
77. |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) dwar l-Artikolu 113 tat-TKG ( 51 ), li bħala riżultat, wara li ġiet iddikjarata bħala mhux kostituzzjonali, il-validità ta’ din id-dispożizzjoni ġiet suġġetta għal kundizzjonijiet li l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni ma hijiex faċli sabiex tiġi ddeterminata. |
78. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha xejn xi tgħid, f’dan il-mument, dwar l-effetti ta’ din is-sentenza u wisq inqas dwar il-limiti tar-regoli l-ġodda li l-leġiżlatur Ġermaniż għandu jadotta (jew li adotta, jekk ikun il-każ). |
79. |
Jekk, bħalma ssostni l-qorti tar-rinviju, hija għandha tiddeċiedi dwar is-sentenza ta’ “Reviżjoni” abbażi tad-dritt fis-seħħ fid-data meta tingħata d-deċiżjoni, hija għandha tiddeċiedi hija nnifisha dwar jekk hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-protezzjoni tad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi. |
5. Indirizzi IP
80. |
Skont il-qorti tar-rinviju, mill-punt 168 tas-sentenza La Quadrature du Net jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li għall-indirizzi IP ikun hemm motiv għaż-żamma marbuta mal-għan tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni tat-theddid serju kontra s-sigurtà pubblika. Madankollu, mill-punt 155 huwa dedott li dawn l-indirizzi IP jistgħu jinżammu mingħajr il-ħtieġa għal motiv speċifiku, fejn ikun biss l-użu tad-data miżmuma li jkun jeħtieġ motiv marbut ma’ dan l-għan. |
81. |
Madankollu, ma nifhimx li hemm tali tensjoni (wisq inqas, kontradizzjoni). Jekk fil-punt 155 huwa ddikjarat li ż-żamma ġġeneralizzata u indifferenzjata tal-indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ konnessjoni “ma tidhirx, bħala regola, li tikser l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58”, imbagħad huwa ddikjarat li, fil-punt 156, “[m]inħabba n-natura serja tal-indħil fid-drittijiet fundamentali […] li jirriżulta minn din iż-żamma, huma biss il‑ġlieda kontra l-kriminalità serja, il-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, li jistgħu jiġġustifikaw dan l-indħil […]”. |
82. |
Mill-punti 155 u 156 moqrija flimkien tas-sentenza La Quadrature du Net għaldaqstant, toħroġ ir-risposta koerenti li, fil-punt 168 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tat għad-domandi preliminari ppreżentati dakinhar dwar iż-żamma tal-indirizzi IP. |
83. |
Fis-seduta ġew enfasizzati ċerti problemi – li, fil-fehma ta’ xi intervenjenti, jeħtieġu kjarifika min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja – dwar iż-żamma tal-indirizzi IP. Is-soluzzjoni għal dawn il-problemi (fost oħrajn, dawk ikkawżati mid-disparità bejn l-indirizzi IP dinamiċi u dawk statiċi, kif ukoll mill-impatt tal-protokoll Ipv6), fil-fehma tiegħi tmur lil hinn minn dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, li t-talbiet inizjali tagħha għal deċiżjoni preliminari ( 52 ) u li l-komunikazzjoni tagħha tat‑13 ta’ Jannar 2021 huma ħafna iktar limitati fil-portata tagħhom fir-rigward ta’ dan il-punt. |
V. Konklużjoni
84. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej: “L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Novembru 2009, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 4(2) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku jżommu, b’mod preventiv, iġġeneralizzat u indifferenzjat, id-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni tal-utenti finali ta’ dawn is-servizzi għal għanijiet li huma differenti minn dawk tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali kontra theddida serja li tkun reali, attwali jew prevedibbli”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Kawża C‑140/20, Commissioner of the Garda Síochána et, li dwarha wkoll qiegħed nippreżenta konklużjonijiet fl-istess data.
( 3 ) Iktar ’il quddiem, il-“konklużjonijiet La Quadrature du Net (EU:C:2020:6).
( 4 ) Iktar ’il quddiem, il-“konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germanophone, (EU:C:2020:7).
( 5 ) Kawżi C‑293/12 u C‑594/12 (EU:C:2014:238, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Digital Rights”).
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54).
( 7 ) Kawżi C‑203/15 u C‑698/15 (EU:C:2016:970, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Tele2 Sverige”).
( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), fil-verżjoni emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9).
( 9 ) Kawża C‑207/16 (EU:C:2018:788).
( 10 ) Kawża C‑623/17 (EU:C:2020:790).
( 11 ) Kawżi C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18 (EU:C:2020:791, iktar ’il quddiem, is-“sentenza La Quadrature du Net”).
( 12 ) Punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).
( 14 ) Il-komunikazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 99(2) tat-TKG huma komunikazzjonijiet ma’ persuni, awtoritajiet u organizzazzjonijiet ta’ natura soċjali jew reliġjuża li joffru servizzi ta’ assistenza telefonika lil interlokuturi, li normalment ikunu anonimi, f’każijiet ta’ sitwazzjonijiet ta’ urġenza psikoloġika jew soċjali u li jkunu suġġetti għal obbligi ta’ kunfidenzjalità partikolari. Skont it-tieni sar-raba’ frażi tal-Artikolu 99(2) tat-TKG, din l-eċċezzjoni hija suġġetta għall-elenkar f’lista ġestita mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (l-Aġenzija Federali tan-Networks tal-Elettriku, tal-Gass, tat-Telekomunikazzjonijiet, tal-Posta u tal-Ferroviji, iktar ’il quddiem, l-“Aġenzija Federali tan-Networks”), wara verifika tan-natura tas-servizzi tagħha permezz ta’ ċertifikat maħruġ minn entità, organu jew fondazzjoni rregolat mid-dritt pubbliku.
( 15 ) Gesetz zur Einführung einer Speicherpflicht und einer Höchstspeicherfrist für Verkehrsdaten (il-Liġi dwar l-Introduzzjoni ta’ Obbligu u Perijodu Massimu ta’ Ħżin tad-Data dwar it-Traffiku).
( 16 ) 1 BvR 256/08, 1 BvR 263/08, 1 BvR 586/08 (DE:BVerfG:2010:rs20100302.1bvr025608).
( 17 ) Skont il-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teskludix kompletament il-possibbiltà li l-leġiżlaturi nazzjonali jistgħu jistabbilixxu, wara kunsiderazzjoni xierqa, ħżin tad-data mingħajr motiv (jekk ikun meħtieġ, issupplimentat minn sistema ta’ aċċess stretta), filwaqt li tikkunsidra r-riskju potenzjali speċifiku li jirriżulta mill-mezzi l-ġodda tat-telekomunikazzjoni.
( 18 ) Din hija l-espressjoni letterali li tuża l-qorti tar-rinviju.
( 19 ) Sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2020, 1 BvR 1873/13, 1 BvR 2618/13 (DE:BVerfG:2020:rs20200527.1bvr187313). F’konformità ma’ din is-sentenza, l-Artikolu 113 tat-TKG huwa inkompatibbli mal-Artikoli 2(1) u 10(1) tal-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali) u jista’ jiġi applikat biss sal-adozzjoni ta’ regoli ġodda, bħala massimu sal‑31 ta’ Diċembru 2021.
( 20 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 104.
( 21 ) Punt 19(a), tad-digriet tar-rinviju.
( 22 ) Konklużjonijiet La Quadrature du Net, punti 40 sa 90.
( 23 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 109.
( 24 ) Ibidem, punti 111 sa 133.
( 25 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 136.
( 26 ) Ibidem, punt 137 (korsiv miżjud minni). Dan huwa minnu, tkompli l-Qorti tal-Ġustizzja, “[a]nki jekk tali miżura tkopri, mingħajr distinzjoni, l-utenti kollha ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr ma dawn ikunu jidhru li għandhom rabta, mal-ewwel daqqa ta’ għajn […] ma’ theddida għas-sigurtà nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru”, u għaldaqstant hemm lok “li jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ tali theddida hija ta’ natura, minnha nnifisha, li tistabbilixxi din ir-rabta” (loc. ult. cit.).
( 27 ) CE:ECHR:2021:0525JUD005817013.
( 28 ) CE:ECHR:2021:0525JUD003525208.
( 29 ) CE:ECHR:2015:1204JUD004714306.
( 30 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 147: “l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jipprekludix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tippermetti, b’mod preventiv, iż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s‑sigurtà pubblika, kif ukoll għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, bil-kundizzjoni li tali żamma tkun, fir-rigward tal-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni koperti, tal‑persuni kkonċernati kif ukoll tal-perijodu taż-żamma, limitata għal dak li jkun strettament neċessarju”. Korsiv miżjud minni.
( 31 ) Sentenza La Quadrature du Net, punti 148 u 149.
( 32 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 150.
( 33 ) Apparti l-inadegwatezza tagħhom, jistgħu jwasslu għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ suspett ġenerali fuq ċerti taqsimiet tal-popolazzjoni jew għall-istigmatizzazzjoni ta’ żoni ġeografiċi.
( 34 ) Konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germanophone, punti 88 u 89.
( 35 ) Ibidem, punt 90.
( 36 ) Punt 47 fin-nota ta’ osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Evalwazzjoni li kienet enfasizzata wkoll minn ċerti gvernijiet matul is-seduta.
( 37 ) Groupe Échange d’informations et protection des données (DAPIX). Il-Gvern Svediż esprima l-istess fehma fil-punt 21 tan-nota ta’ osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 38 ) Fil-punt 92 tal-konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germanophone indikajt li dawn il-gruppi ta’ ħidma evalwaw, bħala metodi ta’ esplorazzjoni, il-limitu tal-kategoriji ta’ data miżmuma; il-psewdonimizzazzjoni tad-data; l-implimentazzjoni ta’ perijodi ta’ żamma limitati; l-esklużjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi; l-awtorizzazzjonijiet ta’ ħżin li jistgħu jiġġeddu; l-obbligu ta’ żamma tad-data maħżuna fl-Unjoni, jew il-kontroll sistematiku u regolari min-naħa ta’ awtorità amministrattiva indipendenti tal-garanziji offruti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kontra l-użu mhux xieraq tad-data.
( 39 ) Konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germanophone, punti 93 u 94.
( 40 ) Ibidem, punt 95.
( 41 ) Ibidem, punt 104.
( 42 ) Punt 25b(b), tad-digriet tar-rinviju oriġinali bil-Ġermaniż.
( 43 ) Fis-seduta, il-Gvern Ġermaniż niżżel 1300 bħala n-numru ta’ entitajiet li l-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom kienu esklużi mill-obbligu ta’ żamma u għamilha ċara li din l-esklużjoni ma tistax tiġi applikata għall-professjonisti suġġetti għall-obbligi li jinżammu s-sigrieti professjonali (bħall-avukati jew it-tobba), minħabba n-numru għoli ta’ tali professjonisti.
( 44 ) Konklużjonijiet Ordre des barreaux francophones et germanophone, punti 96. B’dan il-mod, jiġi evitat “li tingħata immaġni ddettaljata tal-ħajja tal-persuni kkonċernati. Barra minn hekk dan il-perijodu ta’ żamma għandu jiġi adattat skont in-natura tad-data sabiex dik li tipprovdi informazzjoni iktar preċiża dwar l-istil tal-ħajja u d-drawwiet ta’ dawn il-persuni tiġi maħżuna għal perijodu ta’ żmien iqsar”.
( 45 ) Ibidem, punt 97. “Fi kliem ieħor, id-distinzjoni fil-perijodu ta’ żamma ta’ kull kategorija ta’ data, skont l-utilità tagħha sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sigurtà, huwa metodu li għandu jiġi esplorat. Billi jiġi limitat iż-żmien li matulu ż-żewġ kategoriji ta’ data jiġu maħżuna b’mod simultanju (u, għaldaqstant, jistgħu jintużaw sabiex jinstabu korrelazzjonijiet li jiżvelaw l-istil ta’ ħajja tal-persuni kkonċernati) tiġi estiża l-protezzjoni tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 8 tal-Karta”.
( 46 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 117.
( 47 ) Bħalma ġie ċċarat fis-seduta, anki perijodu ta’ għaxar ġimgħat ta’ akkumulazzjoni ta’ metadata (data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni) jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġu identifikati tendenzi fl-aġir tal-abbonat li, minħabba r-repetizzjoni tiegħu, jiżvela karatteristiċi sensittivi tal-personalità u tal-ħajja tiegħu.
( 48 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), punt 39. Korsiv miżjud minni.
( 49 ) Sentenza La Quadrature du Net, punt 115.
( 50 ) Ibidem, punt 116. Mingħajr korsiv fl-oriġinali.
( 51 ) Ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 52 ) Punt 30 tad-digriet tar-rinviju.