EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0783

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fid-29 ta’ April 2021.



Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:350

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fid-29 ta’ April 2021 ( 1 )

Kawża C‑783/19

Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne

vs

GB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal‑ikel – Servizzi – Kunċett ta’ evokazzjoni – Komparabbiltà bejn il‑prodotti – DOP ‘Champagne’ – Użu tad-denominazzjoni ‘Champanillo’ għal servizzi ta’ ikel”

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il‑konklużjonijiet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 103 tar‑Regolament Nru 1308/2013 ( 2 ).

2.

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (iktar ’il quddiem: iċ-“CIVC”) u GB dwar l-użu fil-kummerċ tas-sinjal CHAMPANILLO sabiex jiddeskrivi stabbilimenti kummerċjali tal-ikel.

I. Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 92(1) u (2) tar-Regolament Nru 1308/2013, li jaqa’ fit‑Taqsima 2 ta’ dan ir-regolament, jiddisponi dan li ġej:

“1.   Ir-regoli dwar denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali stabbiliti f’din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-prodotti msemmija fil-punti 1, 3 sa 6, 8, 9, 11, 15 u 16 tal-Parti II tal-Anness VII ( 3 ).

2.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq:

(a)

il-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-konsumaturi u tal-produtturi;

(b)

l-iżgurar tal-operazzjoni mingħajr diffikultajiet tas-suq intern għall‑prodotti konċernati;

(c)

il-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità imsemmija f’din it-Taqsima, waqt li jitħallew miżuri nazzjonali ta’ politika tal-kwalità”.

4.

Skont l-Artikolu 93(1)(a) ta’ dan ir-regolament:

“1.   Għall-finijiet ta[t-Taqsima 2 tar-Regolament Nru 1308/2013] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘denominazzjoni ta’ oriġini’ tfisser l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali u ġustifikabbli kif adatt, ta’ pajjiż użat biex ikun deskritt prodott imsemmi fl-Artikolu 92(1) li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott ikunu essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi inerenti naturali u umani tiegħu;

(ii)

l-għeneb li minnu jsir il-prodott jiġi esklużivament minn dik iż-żona ġeografika;

(iii)

il-produzzjoni ssir f’dik iż-żona ġeografika

(iv)

il-prodott jinkiseb minn varjetajiet ta’ dwieli li jkunu ta’ Vitis vinifera […]”.

5.

L-Artikolu 103(2) tal-istess regolament, intitolat “Protezzjoni”, jipprevedi:

“Denominazzjoni protetta ta’ oriġini [(DOP)] u indikazzjoni ġeografika protetta [(IĠP)], kif ukoll l-inbid li juża dak l-isem protett f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodotti għandhom ikunu protetti kontra:

(a)

kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ dak l-isem protett:

(i)

minn prodotti komparabbli li mhumiex konformi ma’ l‑ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem protett; jew

(ii)

sakemm dan l-użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika;

(b)

kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott jew is-servizz tkun indikata jew jekk l-isem protett ikun ġie tradott, traskritt jew ttraslitterat jew ikun akkumpanjat minn espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’, ‘togħma’, ‘bħal’ jew espressjonijiet simili;

[…]”.

6.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 104 tar-Regolament Nru 1308/2013, “[i]l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru elettroniku ta’ denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini [DOP] u ta’ [IĠP] għall-inbid li għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku”.

7.

Bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, uħud mid-DOP ta’ inbejjed eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir‑regolament huma awtomatikament protetti bis-saħħa tiegħu u inklużi fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 104 ta’ dan ir-regolament. Id‑denominazzjoni “Champagne” hija DOP skont l-Artikolu 93(1)(a) tar‑Regolament Nru 1308/2013 irreġistrata fil-livell tal-Unjoni ( 4 ) u protetta bis-saħħa tal‑Artikolu 107(1) ta’ dan ir-regolament peress li kienet eżistenti qabel id‑dħul fis-seħħ tiegħu. Din id-denominazzjoni hija rriżervata għall-inbejjed frizzanti ta’ kwalità (bojod jew rosé) kif iddefiniti fil-punt 5 tal-Parti II tal‑Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013, prodotti, skont il-karatteristiċi ddefiniti fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-prodott applikabbli, f’ċerti żoni jew villaġġi tad-dipartimenti Franċiżi tal‑Marne u tal-Aube kif ukoll fir-reġjun Grande Est.

II. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.

Iċ-CIVC, appellant fil-kawża prinċipali, huwa korp semipubbliku li għandu personalità ġuridika, irrikonoxxut fid-dritt Franċiż u inkarigat sabiex jipproteġi l-interessi tal-produtturi tax-xampanja. Iċ-CIVC fetaħ kawża quddiem il-Juzgado mercantil de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali ta’ Barcelona, Spanja) sabiex GB, appellat fil-kawża prinċipali, ma jibqax juża, inkluż fin-netwerk soċjali (Instagram u Facebook), is-sinjal CHAMPANILLO, u jirtira mis-suq u mill-internet kwalunkwe sinjal u mezz pubbliċitarju jew kummerċjali li fuqu jidher dan is‑sinjal, kif ukoll sabiex jitneħħa l-isem tad-dominju “champanillo.es”. GB deher quddiem il-qorti u rribatta billi sostna li s-sinjal CHAMPANILLO jintuża bħala isem kummerċjali ta’ stabbilimenti tal-ikel (“tapas bar” li jinsabu fil-komunità awtonoma tal-Cataluña), mingħajr ebda probabbiltà ta’ konfużjoni mal‑prodotti koperti bl-isem “Champagne” u mingħajr l-ebda intenzjoni ta’ parassitiżmu tar-reputazzjoni ta’ dan l-isem.

9.

Il-Juzgado mercantil de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali ta’ Barcelona) ċaħdet it-talbiet kollha taċ-CIVC. Hija sostniet li l-użu tas‑sinjal CHAMPANILLO ma kienx jinkludi evokazzjoni bi ksur tad‑DOP “Champagne”, peress li ma kienx intiż sabiex jiddeskrivi xarba alkoħolika iżda stabbilimenti tal-ikel – li fihom ma tinbiegħx ix‑xampanja – u għalhekk prodotti differenti minn dawk protetti mid‑DOP, indirizzati lejn pubbliku differenti. Fil-motivi ta’ din is‑sentenza, il-Juzgado mercantil de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali ta’ Barcelona) irreferiet għad-direzzjoni mogħtija mit-Tribunal Supremo (il‑Qorti Suprema, Spanja) f’sentenza tal-2016, li fiha kien ġie eskluż li l-użu tat-terminu CHAMPÌN għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ xarba bil‑gass mingħajr alokoħol abbażi tal-frott, intiża għall-konsum waqt festini għat-tfal, kien jikser id-DOP “Champagne”, minħabba d‑differenza bejn il-prodotti kkonċernati u l-pubbliku li għalih kienu intiżi u minkejja x-xebh fonetiku bejn iż-żewġ sinjali ( 5 ).

10.

Iċ-CIVC appella mis-sentenza tal-Juzgado mercantil de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali ta’ Barcelona) quddiem l-Audiencia provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja). Din l-aħħar qorti tesponi: i) li GB ipprova darbtejn jirreġistra s-sinjal CHAMPANILLO bħala trade mark mal-Uffiċċju tal-Privattivi Spanjol u li dawn l‑applikazzjonijiet ġew miċħuda, b’deċiżjonijiet tat-8 ta’ Frar 2011 u tal‑14 ta’ April 2015, wara oppożizzjoni miċ-CIVC; ii) li bħala grafika sabiex jirreklama l-istabbilimenti tiegħu GB juża l-istampa ta’ żewġ tazzi li fihom xarba frizzanti; iii) li ċ-CIVC ipproduċa dokumenti li juru li sal‑2015 GB kien ibiegħ inbid ( 6 ) frizzanti bl-isem “Champanillo” fl‑istabbilimenti tiegħu u li l-bejgħ waqaf biss wara intervent taċ-CIVC.

11.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li kemm l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 510/2006 ( 7 ), kif ukoll l-Artikolu 103 tar-Regolament Nru 1308/2013 jipproteġu d-DOP fir-rigward ta’ prodotti, bl-unika eċċezzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) li jsemmi wkoll is-servizzi. Hija tindika li għandha dubji dwar il-portata u l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni dwar il-protezzjoni tad-DOP f’sitwazzjoni fejn is-sinjal f’kunflitt ma’ din id-denominazzjoni huwa użat fil-kummerċ mhux biex jiddeskrivi prodotti iżda servizzi.

12.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kamp ta’ protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jippermetti li din tkun protetta mhux biss fir-rigward ta’ prodotti simili, iżda wkoll fir‑rigward ta’ servizzi li jistgħu jkunu marbuta mad-distribuzzjoni diretta jew indiretta ta’ dawn il-prodotti?

2)

Ir-riskju ta’ ksur minħabba evokazzjoni li għalih jirreferu l-artikoli inkwistjoni tar-regolamenti tal-Unjoni jeżiġi li titwettaq prinċipalment analiżi nominali, sabiex jiġi ddeterminat l-effett tiegħu fuq il-konsumatur medju, jew, sabiex jiġi analizzat dan ir-riskju ta’ ksur minħabba evokazzjoni, l-ewwel għandu jiġi ddeterminat li l-prodotti involuti huma l-istess prodotti, prodotti simili jew prodotti kumplessi li jinkludu, fost il‑komponenti tagħhom, prodott protett minn denominazzjoni ta’ oriġini?

3)

Ir-riskju ta’ ksur minħabba evokazzjoni għandu jiġi stabbilit permezz ta’ parametri oġġettivi meta jkun hemm koinċidenza totali jew kbira ħafna bejn l-ismijiet, jew dan għandu jitkejjel b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi evokattivi u evokati sabiex jiġi konkluż li r-riskju ta’ evokazzjoni huwa żgħir jew irrilevanti?

4)

Il-protezzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ riferiment fil-każijiet ta’ riskju ta’ evokazzjoni jew ta’ sfruttament hija protezzjoni speċifika, propja għall-partikolaritajiet ta’ dawn il-prodotti, jew il-protezzjoni għandha neċessarjament tkun marbuta mad-dispożizzjonijiet dwar il‑kompetizzjoni żleali?”

13.

Iċ-CIVC, il-Gvern Franċiż u dak Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja. Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l‑Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal‑aħħar stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali u dawk ikkonċernati skont l-Artikolu 23 tal-Istatut sabiex iwieġbu bil-miktub għal xi mistoqsijiet. Iċ-CIVC, GB, il-Gvern Franċiż u dak Taljan u l-Kummissjoni osservaw din il-miżura.

III. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

14.

Qabel ma nipproċedu għall-eżami tad-domandi preliminari għandhom isiru xi spjegazzjonijiet dwar il-qafas leġiżlattiv indikat fid‑deċiżjoni tar-rinviju.

15.

Fl-ewwel lok, minn dan id-digriet jirriżulta li l-Audiencia provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) tqis bħala applikabbli għal kawża prinċipali kemm il-Ftehim bilaterali bejn ir‑Repubblika Franċiża u l-Istat Spanjol tas-27 ta’ Ġunju 1973 dwar il‑Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini, tal-Indikazzjonijiet ta’ Provenjenza u tad-Denominazzjonijiet ta’ xi Prodotti ( 8 ), kif ukoll, bis‑saħħa ta’ dan il-ftehim, id-Digriet Nru 2010-1441 tat-22 ta’ Novembru 2010, dwar id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Champagne” ( 9 ) u l-Artikolu L 643-1 tal-Kodiċi Rurali Franċiż ( 10 ). Skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż “huma integrati” mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

16.

Issa, kif korrettament muri mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tispjega, b’riferiment għar-Regolament Nru 1234/2007 ( 11 ) (imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 1308/2013 b’effett mill-20 Diċembru 2013), li s-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini stabbilita bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija “uniformi u esklużiva” u tipprekludi kemm l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni nazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt tali leġiżlazzjoni ( 12 ), kif ukoll sistema ta’ protezzjoni prevista permezz ta’ trattati li jorbtu żewġ Stati Membri ( 13 ).

17.

Fit-tieni lok, anki jekk fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari l-Audencia provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) ma tirreferix b’mod espress għal xi dispożizzjoni speċifika tar‑regolamenti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-DOP, fil-motivi tad‑digriet tar-rinviju din il-qorti tirreferi, kif rajna, minbarra għall‑Artikolu 103 tar-Regolament Nru 1308/2013, għall-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 510/2006 ( 14 ) ukoll. Madankollu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament ( 15 ) jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-prodotti tas-settur tal-inbid. Għalhekk, la r‑Regolament Nru 510/2006, u lanqas ir-Regolament Nru 1151/2012, li ssostitwih, ma japplikaw għall-kawża prinċipali.

18.

Minkejja dan, peress li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal‑indikazzjonijiet ġeografiċi li jinsabu fid-diversi regolamenti settorjali huma redatti f’termini li jixxiebhu ħafna, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita, li l-prinċipji stabbiliti fil-qafas tal-interpretazzjoni tas-sistemi individwali ta’ protezzjoni għandhom applikazzjoni trasversali ( 16 ).

19.

Finalment, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ratione temporis tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, minkejja li ma hemmx indikazzjoni espressa f’dan is-sens fid-digriet tar-rinviju, jidher evidenti li l-aġir li kontrih saret il-kawża taċ-CIVC kien, almenu parzjalment, kommess wara d-dħul fis‑seħħ tar-Regolament Nru 1308/2013. Minn dan isegwi li d-domandi preliminari għandhom jinftehmu bħala li huma diretti sabiex jiksbu interpretazzjoni tal-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013. Barra minn hekk, anki jekk dan il-punt ma jirriżultax b’mod espress mid‑digriet tar-rinviju, huwa possibbli li xi aġir illegali allegatament kommess minn GB bi ksur tad-DOP “Champagne” beda fil-perijodu meta kien fis-seħħ ir-Regolament Nru 1234/2007. Għalhekk, anki jekk fl‑eżami tad-domandi preliminari ser nirreferi biss għall‑Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, ir-risposti li ser nissuġġerixxi li għandhom jingħataw għal dawn id-domandi japplikaw ukoll għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 118m tar-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 491/2009 ( 17 ), redatt f’termini sostanzjalment identiċi.

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

20.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-DOP humiex protetti biss kontra prattiki li jirreferu għal prodotti identiċi jew komparabbli għal dawk koperti mid‑denominazzjoni inkwistjoni jew wkoll fir-rigward ta’ prattiki relatati ma’ servizzi marbuta mad-distribuzzjoni diretta jew indiretta ta’ dawn il‑prodotti.

21.

Din id-domanda hija fformulata f’termini wiesgħa, li jistgħu jinkludu l-aġir kollu pprojbit fis-sens tal-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013.

22.

Madankollu kemm mill-proċess tal-kawża prinċipali ( 18 ) kif ukoll mill-formulazzjoni tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari u mill-motivi tad-digriet tar-rinviju jirriżulta li d-dubji tal-Audiencia provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) u l-kwistjoni li din il-qorti hija mitluba tiddeċiedi jirrigwardaw speċifikament il-protezzjoni kontra evokazzjoni prevista fl-Artikolu 103(2)(b) tal-imsemmi regolament.

23.

Minkejja dan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi, kemm iċ-CIVC kif ukoll il-Kummissjoni rreferew espressament għall-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, filwaqt li l-Gvern Franċiż eżamina l-ewwel domanda preliminari b’riferiment għall-aġir kollu pprojbit mill-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, inklużi l-prattiki li jinsabu fil-punti (c) u (d) ta’ din id-dispożizzjoni ( 19 ).

24.

Bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal‑Ġustizzja stiednet lill-partijiet u lill-persuni kkonċernati fis-sens tal‑Artikolu 23 tal-Istatut sabiex jiddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar il-possibilità li jiġi applikat għall-kawża prinċipali l‑Artikolu 103(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1308/2013, dispożizzjoni li tipprojbixxi l-użu kummerċjali dirett jew indirett tad-denominazzjoni protetta li tisfrutta r-reputazzjoni ta’ din tal-aħħar. Il-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirreferi b’mod espress għall‑punt 31 tas‑sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018 Scotch Whisky Association ( 20 ) (iktar ’il quddiem: is-“sentenza Scotch Whisky Association”), li fiha, filwaqt li ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “is-sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu koperti [minn din id‑dispożizzjoni] għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ użu, mis-sinjal kontenzjuż, tal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata b’mod identiku jew, għall-inqas, b’mod simili ħafna mil-lat fonetiku u/jew viżiv”.

25.

Ma hemmx dubju li d-DOP “Champagne” u s-sinjal ikkontestat, CHAMPANILLO, għandhom ċertu grad ta’ xebh mill‑perspettiva fonetika u viżiva, b’mod partikolari jekk il-paragun isir b’teħid inkunsiderazzjoni tat-traduzzjoni bl-Ispanjol tad-DOP, “Champán” ( 22 ). Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-aċċent, id-DOP hija riprodotta kompletament u perċepibbli immedjatament kemm viżwalment kif ukoll fonetikament, fid-denominazzjoni kkontestata. Għalhekk huwa leġittimu li jiġi mistoqsi, sabiex tiġi ddefinita l-portata tal-ewwel domanda preliminari jekk l-Artikolu 103(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1308/2013 huwiex xorta applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jiġifieri jekk l-użu tas-sinjal ikkontestat jistax jikkostitwixxi “użu” tad-DOP “Champagne” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 23 ).

26.

Madankollu, bħall-Kummissjoni, jiena inklinat li nagħti risposta negattiva għal din id-domanda u nsostni li l-aġir ikkontestat miċ-CIVC għandu jiġi eżaminat biss fid-dawl tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013.

27.

Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-kunċett ta’ “użu” ta’ indikazzjoni ġeografika protetta skont l-Artikolu 103(2)(a) ta’ dan ir-regolament jista’ jinkludi l-użu, fis-sinjal ikkontestat, ta’ tali indikazzjoni “b’mod simili ħafna mil-lat fonetiku u/jew viżiv” ( 24 ), l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Scotch Whisky Association iwasslu għall-konklużjoni li l-livell ta’ xebh mitlub bejn is-sinjali kunfliġġenti, sabiex tali użu jkun jista’ jiġi kkonstatat, għandu jkun partikolarment għoli u qrib li s-sinjali jkunu identiċi. Fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja fil-fatt spjegat li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni jaqa’ użu tal-indikazzjoni ġeografika protetta “f’forma b’rabtiet tant mill-qrib magħha, mil-lat fonetiku u/jew viżiv, li s-sinjal kontenzjuż jidher b’mod ċar li ma jistax jiġi sseparat minnha”.

28.

Issa, fl-opinjoni tiegħi, il-paragun bejn is-sinjali kunfliġġenti fil‑kawża prinċipali ma jissodisfax tali test. B’mod partikolari, is‑sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li kienet is‑suġġett tal-kawża li wasslet għas-sentenza CIVC, li kienet ukoll tirrigwarda r-riproduzzjoni, bħala parti mid-denominazzjoni ta’ prodott, ta’ traduzzjoni tad-DOP “Champagne”. Fil-fatt, f’dak il-każ, is-sinjal “Champagner” (traduzzjoni bil-Ġermaniż tad-denominazzjoni “Champagne”) kien użat b’mod separat fid-denominazzjoni kkontestata, għalkemm warajh kien hemm il-kelma “Sorbet”. Is-sinjal suġġett tal‑kontestazzjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa l-oħra, jitbiegħed b’mod sostanzjali, kemm viżwalment kif ukoll fonetikament, mid‑denominazzjoni bl-Ispanjol “Champàn” minħabba ż-żieda ma’ din id-denominazzjoni tas-suffiss “illo”.

29.

Barra minn hekk nirrileva li tali żieda madankollu tippermetti li jiġi stabbilit xebh qawwi, jekk mhux identiċità vera u proprja, kunċettwali bejn id-denominazzjoni “Champagne” u s-sinjal ikkontestat, jekk, kif jidher li jirriżulta mill-proċess, dan tal-aħħar ifisser litteralment “xampanja żgħira” u jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor, bit-Taljan, għat-terminu argotiku “champagnino” (bil-Franċiż “petit champagne”). Dan il-fattur, fl‑opinjoni tiegħi, jargumenta iktar lejn il-konferma li l-prattiki kkontestati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, li, kif se jidher aħjar iktar ’il quddiem, ikopri sitwazzjonijiet li fihom tinħoloq rabta fil-moħħ tal‑konsumatur rilevanti bejn is‑sinjal ikkontestat u l-prodott li jibbenefika mid-DOP ( 25 ).

30.

Finalment nosserva li, meta ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, li t-test tiegħu huwa redatt f’termini li jikkoinċidu b’mod wiesa’ ma’ dawk tal-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li tali dispożizzjoni tinkludi lista gradwata ta’ aġir ipprojbit u li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13)(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012 għandu neċessarjament jiġi distint minn dak relatat mar-regoli l-oħra ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati u b’mod partikolari minn dik tal-Artikolu 13(1)(b) ( 26 ). Issa, interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal‑kunċett ta’ “użu” fis-sens tal-Artikolu 103(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1308/2013, li tinkludi sitwazzjonijiet li fihom l-prattika kkunsidrata illegali tikkonsisti f’użu tad-denominazzjoni protetta f’forma li ma hijiex sostanzjalment korrispondenti ma’ dik irreġistrata, għandha r-riskju li tnaqqas iżżejjed id-demarkazzjoni bejn il-każijiet irregolati minn din id‑dispożizzjoni u dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) ta’ dan ir-regolament, biex b’hekk ikun diffiċli li tinżamm awtonomija effettiva bejniethom.

31.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall‑ewwel domanda preliminari, kif iddefinita hawn fuq, fl-opinjoni tiegħi, ma ġġibx magħha xi diffikultà partikolari.

32.

Il-kliem tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 fil‑fatt espressament jindika li d-DOP huma protetti minn kwalunkwe “użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal‑prodott jew is-servizz tkun indikata” ( 27 ). Ma hemmx dubju, minn perspettiva sintattika kif ukoll ta’ koerenza loġika interna tar-regola stipulata, li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-oriġini tal-prodott jew tas‑servizz tas-sinjal ikkontestat. U dan ma jistax ikun mod ieħor, kif korrettament irrilevat mill-Gvern Taljan, mill-mument li, skont id‑definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 93(1)(a) tar-Regolament Nru 1308/2013, id-DOP ikopru prodott fis-sens tal-Artikolu 92(1) ta’ dan ir-regolament u għalhekk ma jistgħux ikunu rreġistrati għal servizzi.

33.

L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 timmilita għalhekk lejn protezzjoni tad-DOP kontra l‑prattiki li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu anki fejn tali prattiki jirrigwardaw servizzi.

34.

F’dan is-sens timmilita wkoll interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni.

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ir‑Regolament Nru 1308/2013 jikkostitwixxi strument tal-politika agrikola komuni intiż, fost l-oħrajn, sabiex jipprekludi li terzi ma japprofittawx ruħhom abbużivament mir-reputazzjoni li tirriżulta mill‑kwalità tal-prodotti li għandhom indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tiegħu ( 28 ).

36.

L-Artikolu 103(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi għalhekk protezzjoni wiesgħa li, skont dak stipulat fl-ewwel sentenza tal‑premessa 97 tal-istess regolament, hija intiża sabiex tkopri “l-użi li japprofittaw b’mod abbużiv mir-reputazzjoni li jgawdu l-prodotti” kollha li huma koperti minn waħda minn dawn l-indikazzjonijiet.

37.

B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 103(2)(b) ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi kull prattika intiża sabiex tisfrutta b’mod mhux xieraq ir-reputazzjoni ta’ DOP (jew ta’ IĠP) permezz ta’ assoċjazzjoni magħha.

38.

F’dan il-kuntest, interpretazzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) tar‑Regolament Nru 1308/2013 li ma tippermettix protezzjoni ta’ DOP fil-każ fejn is-sinjal ikkontestat ikopri servizz u mhux prodott mhux biss ma tkunx koerenti mal-portata wiesgħa rrikonoxxuta mill-Qorti tal‑Ġustizzja għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati, iżda, kif korrettament osservat mill-Gvern Taljan, ma tippermettix li jintlaħaq b’mod sħiħ l-għan ta’ protezzjoni stipulat fl-ewwel sentenza tal‑premessa 97 ta’ dan ir-regolament. Sfruttament mhux xieraq tar‑reputazzjoni ta’ prodott kopert minn DOP fil-fatt jista’ jseħħ mhux biss fil-każ fejn il-prattika pprojbita mill-Artikolu 103(2)(b) tar‑Regolament Nru 1308/2013 tirreferi għal prodott, iżda anki fejn tirrigwarda servizz.

39.

Sabiex tissodisfa l-għanijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1308/2013, din id-dispożizzjoni għalhekk għandha tapplika fil‑każijiet fejn id-DOP tiġi evokata fil-kuntest tal‑kummerċjalizzazzjoni ta’ servizz. Barra minn hekk, din il-konklużjoni toħroġ b’mod ċar mit-tieni sentenza tal-premessa 97 ta’ dan ir‑regolament, li għaliha jirreferu kemm iċ-CIVC kif ukoll il-Gvern Franċiż u dak Taljan u l-Kummissjoni, li tipprevedi li “[b]iex tippromwovi l-kompetizzjoni ġusta […] il-protezzjoni [tad-DOP u tal‑IĠP] għandha tkun ukoll għal prodotti u servizzi mhux koperti b’dan ir-Regolament, inklużi dawk li ma jinstabux fl-Anness I għat-[Trattati]” ( 29 ). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, b’riferiment partikolari għad‑denominazzjonijiet ta’ oriġini u għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ta’ inbejjed, il-premessa 92 tal-istess regolament tinkoraġġixxi allinjament mar-Regolament Nru 1151/2012, fir-rigward tal‑leġiżlazzjoni trasversali tal-Unjoni dwar il-kwalità. Minn naħa tagħha, il‑premessa 32 ta’ dan ir-regolament, fl-ispjegazzjoni li “[i]l‑protezzjoni tad‑denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għandha tiġi estiża għall-abbuż, l-imitazzjoni u l-evokazzjoni ta’ ismijiet irreġistrati kemm fuq prodotti kif ukoll fuq servizzi”, tirreferi espressament għar-rekwiżit ta’ garanzija ta’ livell ta’ protezzjoni “allinjata ma’ dik li tapplika fis-settur tal-inbid”.

40.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni anki atti ta’ użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni ta’ DOP li jirreferu għal servizzi.

41.

Qabel ma nkompli l-analiżi tiegħi, nixtieq nispjega, fil-każ li l‑Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma tillimitax ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 biss, li l-istess portata li nissuġġerixxi li l‑Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil din id-dispożizzjoni għandha, fl-opinjoni tiegħi, tkun irrikonoxxuta wkoll għall-Artikolu 103(2)(a)(ii) ta’ dan ir‑regolament.

42.

Fil-fatt, minn naħa waħda, it-test ta’ din id-dispożizzjoni, meta jirreferi għal “kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett” ( 30 ) ma jippermettix li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkun limitat għal użi li jirreferu biss għal prodotti, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati ma’ servizzi. Barra minn hekk, bl-ispjegazzjoni li din il-projbizzjoni tapplika “sakemm dan l-użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika”, din id-dispożizzjoni tagħmel enfażi b’mod espress fuq l-effett tal-użu u mhux fuq it-tipoloġija partikolari tiegħu. Barra minn hekk, l-istess kunsiderazzjonijiet relatati mal-għanijiet tar‑Regolament Nru 1308/2013 u l-portata wiesgħa tal-protezzjoni li dan tal-aħħar jagħti lill-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati bis-saħħa tad‑dispożizzjonijiet tiegħu, esposti fil-punti 35 u 36 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, japplikaw ukoll għall-finijiet ta’ interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 103(2)(a)(ii) ta’ dan ir-regolament ( 31 ).

C.   Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

43.

Bit-tieni u t-tielet domanda preliminari, li huwa opportun li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment liema huma l‑kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013. B’mod partikolari, l-Audiencia provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) tistaqsi dwar ir-rwol li għandu jingħata, f’din l-evalwazzjoni, lill-paragun bejn il-prodott kopert bid‑DOP u l-prodott (jew is-servizz) li fir-rigward tiegħu huwa użat is‑sinjal ikkontestat u dwar il-ħtieġa li tiġi aċċertata minn qabel l‑identiċità jew ix-xebh bejn dawn il-prodotti jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta ta’ forma oħra bejniethom (jew bejn il-prodott DOP u s-servizz inkwistjoni).

44.

F’dan ir-rigward, nosserva qabel xejn li għalkemm l-Artikolu 103(2)(a) tar‑Regolament Nru 1308/2013 jispjega li l-użu dirett jew indirett ta’ DOP huwa pprojbit kemm fir-rigward ta’ “prodotti komparabbli” li ma humiex konformi mal-ispeċifikazzjoni ta’ din tal-aħħar (punt (a)(i)), kif ukoll meta tali użu jisfrutta r-reputazzjoni tad-DOP (punt (a)(ii)), il-punt (b) tal-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu ma fih l-ebda indikazzjoni la fis-sens ta’ limitazzjoni tal-protezzjoni kontra evokazzjoni fil-każijiet biss fejn il‑prodotti koperti mid-DOP u l-prodotti jew is-servizzi li għalihom huwa użat is-sinjal ikkontestat huma “komparabbili” jew “simili”, u lanqas fis‑sens ta’ estensjoni ta’ tali protezzjoni fil-każijiet li fihom tali sinjal jirreferi għal prodotti u/jew servizzi differenti minn dawk li jibbenefikaw mid-DOP ( 32 ). Minn naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “xebh bejn il-prodotti” kif applikat fid-dritt tad-trade marks ( 33 ), li għalih jidher li qed tirreferi l-qorti tar-rinviju, jidher li ma huwiex relatat mal-protezzjoni tal‑indikazzjonijiet ġeografiċi, li għaliha minflok huwa enfasizzat, kif rajna, il-kunċett ta’ “komparabbiltà bejn il-prodotti” ( 34 ), kunċett li minbarra hekk jidher li għandu jiġi interpretat b’mod iktar restrittiv ( 35 ).

45.

F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li jidhru qed isostnu ċ‑CIVC u l-Gvern Franċiż, ma nqisx li l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati kontra l‑evokazzjoni tirriżulta mill-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ( 36 ), għandha importanza deċiżiva sabiex jiġi stabbilit jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali protezzjoni għandux jiġi meqjus limitat biss għal prodotti u/jew servizzi komparabbli mal-prodott li jibbenefika mid-DOP. Fil-fatt, probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ tiġi eskluża – pereżempju fil-każijiet espressament previsti mill-Artikolu 103(2)(b) tar‑Regolament Nru 1308/2013, li fihom l-oriġini tal-prodott jew tas‑servizz hija indikata jew fejn jintużaw termini bħal “metodu” jew “imitazjoni” – anki fejn il-prodotti koperti mid-DOP u l-prodotti jew is‑servizzi li għalihom japplika s-sinjal ikkontestat huma identiċi jew komparabbli.

46.

Għalhekk, għalkemm ma hemmx dubju li l-kamp ta’ applikazzjoni, sabiex insejħulu hekk, “naturali” tal-protezzjoni tad-DOP kontra kwalunkwe evokazzjoni huwa kkostitwit mis-sitwazzjonijiet li fihom, minħabba l‑identiċità jew il-komparabbiltà bejn il-prodotti li jibbenefikaw mid‑denominazzjoni protetta u l-prodotti jew is-servizzi koperti mis‑sinjal ikkontestat, l-użu ta’ dan tal-aħħar jippermetti lid-detentur tiegħu li juża kwalitajiet tipiċi rrikonoxxuti lil dawn tal-ewwel, jirriżulta, kif rajna ( 37 ), mill-istess preambolu tar-Regolament Nru 1308/2013 u huwa kkonfermat b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d‑DOP huma, b’mod iktar ġenerali, protetti kontra kwalunkwe sfruttament abbużiv tar-reputazzjoni tal-prodotti li għandhom din il‑protezzjoni.

47.

Kif diġà kelli okkażjoni nosserva fil-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:11, punt 17), il‑protezzjoni kontra evokazzjoni tikkostitwixxi forma ta’ protezzjoni sui generis, mhux marbuta mal-kriterju ta’ qerq – li jippreżumi l-idoneità tas‑sinjal kunfliġġenti mad-denominazzjoni rreġistrata biex iwassal lill‑pubbliku jiżbalja fir-rigward tal-provenjenza ġeografika jew tal‑kwalità tal-prodott – u ma hijiex sempliċement protezzjoni marbuta mal‑konfużjoni. L-għan prinċipali tagħha huwa li jiġi mfittex fil‑protezzjoni tal-patrimonju kwalitattiv u tar-reputazzjoni tad‑denominazzjonijiet irreġistrati kontra atti ta’ parassitiżmu.

48.

L-eżistenza ta’ evokazzjoni għalhekk għandha tiġi evalwata abbażi ta’ kriterji speċifiċi għall-protezzjoni mogħtija lid-DOP u li jservu sabiex jintlaħqu għanijiet proprji tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il‑kwalità.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja progressivament spjegat il-kriterji li għandhom jiġu applikati għal tali evalwazzjoni. Hija b’hekk iddeċidiet li l-kunċett ta’ “evokazzjoni” ikopri qabel xejn każ li fih it-terminu użat sabiex jiddeskrivi prodott jinkludi parti ta’ denominazzjoni rreġistrata, b’tali mod li l-konsumatur, “li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix‑xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni” ( 38 ).

50.

Fis-sentenza Scotch Whisky Association, b’riferiment għall‑Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, il-Qorti tal‑Ġustizzja madankollu spjegat li la l-inkorporazzjoni parzjali ta’ denominazzjoni rreġistrata fid-denominazzjoni kkontestata, u lanqas familjarità fonetika u viżiva fl-ewwel waħda meta pparagunata mat-tieni waħda ma jikkostitwixxi rekwiżiti essenzjali sabiex tiġi żgurata l‑eżistenza ta’ evokazzjoni ( 39 ). Din tal-aħħar tista’ fil-fatt tirriżulta anki mill-“prossimità kunċettwali” bejn id-denominazzjoni rreġistrata u s‑sinjal ikkontestat ( 40 ). Għal dan il-għan, ma huwiex suffiċjenti li l‑element ikkontestat tas-sinjal inkwistjoni jqajjem f’moħħ il-pubbliku rilevanti xi assoċjazzjoni mad-denominazzjoni rreġistrata jew maż-żona ġeografika relatata. Hemm bżonn minflok “rabta suffiċjentement diretta u inekwivoka” bejn dan l-element u d-denominazzjoni rreġistrata ( 41 ).

51.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju determinanti sabiex jiġi vverifikat jekk hemmx “evokazzjoni” ta’ DOP fis-sens tal‑Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, bħal fid‑dispożizzjonijiet korrispondenti tar-regolamenti li jirregolaw id‑diversi sistemi tal-Unjoni dwar il-kwalità huwa għalhekk “jekk il‑konsumatur, fil-preżenza ta’ denominazzjoni inkwistjoni, huwiex imwassal direttament, sabiex ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hijiex dik tal‑merkanzija koperta mi[d-DOP]” ( 42 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja spjegat li ma tistax tiġi eskluża evokazzjoni anki fejn l‑element ikkontestat ma huwiex magħmul minn denominazzjoni iżda minn sinjali figurattivi, li, minħabba l-prossimità kunċettwali tagħhom mad‑denominazzjoni rreġistrata, jistgħu jiskattaw b’mod dirett u univoku fil-moħħ tal-konsumatur riferiment għall‑prodotti li jibbenefikaw minn tali denominazzjoni ( 43 ).

52.

Huwa ċertament veru li l-prinċipji hawn fuq indikati ġew spjegati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’riferiment għal sitwazzjonijiet li fihom il‑prodotti koperti mid-denominazzjoni rreġistrata u l-prodotti koperti mis-sinjal ikkontestat kienu komparabbli b’mod sinjifikattiv.

53.

Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja progressivament iddefinixxiet il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ evokazzjoni, hija, b’mod dejjem iktar evidenti, enfasizzat il-proċess ta’ assoċjazzjoni mentali bejn is-sinjal ikkontestat u l-prodott li jibbenefika mid-DOP jew mill-IĠP. F’dan il-kuntest, ix-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, kemm mill‑perspettiva tal-prodott kif ukoll mill-apparenza konkreta tagħhom, ġie kkunsidrat bħala element ta’ evalwazzjoni tal-idonjetà tal‑familjarità fonetika, viżiva u kunċettwali li jkun hemm bejn is-sinjali kunfliġġenti li twassal għall-assoċjazzjoni mentali neċessarja iktar milli bħala prerekwiżit għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ evokazzjoni ( 44 ).

54.

B’mod iktar ġenerali, kif diġà kelli okkażjoni nosserva fil‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego ( 45 ), mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 46 ) jirriżulta li l-analiżi dwar l‑eżistenza ta’ evokazzjoni għandha tikkunsidra kull riferiment impliċitu jew espliċitu għad-denominazzjoni rreġistrata, kemm jekk tirrigwarda elementi verbali jew figurattivi inklużi fuq it-tikketta tal-prodott konvenzjonali ( 47 ) jew fuq l-ippakkjar tiegħu, jew elementi li jirrigwardaw il-forma jew il-preżentazzjoni lill-pubbliku ta’ tali prodott ( 48 ). Din l-analiżi għandha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l‑identiċità jew il-grad ta’ xebh bejn il-prodotti inkwistjoni u l-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom, anki fejn jidħlu l-kanali tal-bejgħ rispettivi, kif ukoll l-elementi li jippermettu li tiġi stabbilita r-rabta intenzjonali mat-tqanqil tal-memorja tal-prodott kopert mid‑denominazzjoni protetta jew, viċe versa, ir-rabta każwali tiegħu. Il‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ evokazzjoni tirriżulta għalhekk mill‑evalwazzjoni ta’ grupp ta’ indizji mingħajr ma l-preżenza jew l‑assenza ta’ wieħed minn dawn l-indizji tippermettilha, fiha nnifisha, li tistabbilixxi jew teskludi l-eżistenza ta’ evokazzjoni.

55.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nqis li l-identiċità jew il‑komparabbiltà bejn il-prodott li jibbenefika minn DOP jew minn IĠP u l-prodott (jew is-servizz) kopert bis-sinjal ikkontestat jew bejn l-ewwel wieħed u ingredjent li jikkonferixxi karatteristika tat-tieni wieħed ( 49 ) ma tikkostitwixxix element ta’ evalwazzjoni b’mod preliminari sabiex eventwalment tiġi eskluża a priori evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013.

56.

Madankollu, tali identiċità jew komparabbiltà, jew in-nuqqas tagħha, tikkostitwixxi element li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi evalwat, fil-kuntest ta’ eżami taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk hemmx konkretament l-elementi ta’ tali evokazzjoni. Il-fatt li dawn il-prodotti jippreżentaw karatteristiċi oġġettivi komuni, li jikkorrispondu għal okkażjonijiet ta’ konsum identiċi, jew li għandhom dehra analoga, iżda li huma anki kompetituri jew kumplimentari ( 50 ), huwa għalhekk element ta’ evalwazzjoni rilevanti, l-istess bħal, fil-każ li fih is-sinjal ikkontestat jirreferi għal servizz, il-fatt li dan huwa relatat mad-distribuzzjoni tal‑prodott kopert bid-denominazzjoni rreġistrata jew ta’ prodott identiku jew komparabbli.

57.

Fid-dawl tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jeħtieġ li jingħataw iktar spjegazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ konsumatur rilevanti fl-evalwazzjoni ta’ evokazzjoni u dwar in-“natura gradwatorja” tal‑evokazzjoni. Sussegwentement, ser jingħataw xi indikazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji hawn fuq imsemmija għall-kawża prinċipali.

1. Fuq il-pubbliku rilevanti

58.

Peress li, kif intwera, il-konstatazzjoni ta’ evokazzjoni pprojbita mill-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 ma tirrikjedix il‑prova ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, il-pubbliku rilevanti, li l‑perċezzjoni tiegħu tassumi importanza sabiex jiġi evalwat jekk is-sinjal ikkontestat jistax iwassal għal assoċjazzjoni illegali mad-denominazzjoni rreġistrata, ma huwiex magħmul, kuntrarjament għal dak li jidher li kkunsidrat il-Juzgado mercantil de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali ta’ Barcelona) fis-sentenza appellata quddiem il-qorti tar-rinviju, sempliċement minn ċirku ta’ persuni li għalihom huma intiżi l-prodotti koperti b’din id-denominazzjoni.

59.

Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet tal-protezzjoni tal‑kompetizzjoni ġusta u tal-protezzjoni tal-konsumatur li għandhom jintlaħqu mid-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tad-DPO u tal-IĠP, il‑Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, fil-ġurisprudenza relatata mal-eżistenza ta’ evokazzjoni ta’ dawn id-denominazzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali li għandha tirreferi għall-perċezzjoni ta’ “konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat” ( 51 ) u li, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni effettiva u uniformi ta’ tali denominazzjonijiet fit‑territorju intern tal-Unjoni, dan il-kunċett jirrigwarda l-konsumatur Ewropew ( 52 ) u mhux biss, kif jidher li qed isostni b’mod żbaljat GB, konsumatur tal-Istat Membru li fih huwa mmanifatturat il-prodott (jew ipprovdut is-servizz) li jwassal għall-evokazzjoni tad-denominazzjoni rreġistrata ( 53 ).

2. Fuq in-“natura gradwatorja” tal-evokazzjoni

60.

Fit-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-possibbiltà li r-“riskju ta’ evokazzjoni” jiġi ggradat, b’mod partikolari fid-dawl tal-paragun bejn il-prodotti evokati u prodotti u servizzi evokattivi, u li mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 jiġu esklużi l‑każijiet li fihom tali riskju huwa baxx jew irrilevanti.

61.

F’dan ir-rigward, hawn fuq diġà spjegajt li l-evalwazzjoni li għandha ssir skont din id-dispożizzjoni għandha ssir fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha, fosthom il-komparabbiltà bejn il-prodotti inkwistjoni (jew bejn il-prodotti li jibbenefikaw mid-denominazzjoni rreġistrata u s‑servizz kopert bis-sinjal ikkontestat), mingħajr madankollu ma l-assenza jew il-livell inqas ta’ tali komporabbiltà jippermettu li tiġi eskluża b’mod awtomatiku l-eżistenza ta’ evokazzjoni.

62.

Fid-dawl ta’ dan, jekk il-qorti nazzjonali, li għandha tagħmel din l‑evalwazzjoni ( 54 ), billi tibbaża ruħha fuq ir-reazzjoni preżunta tal‑konsumatur ( 55 ) tasal għall-konklużjoni li dan tal-aħħar huwa mwassal, fil-preżenza tas-sinjal ikkontestat, sabiex “ix-xbieha li tiskatta f’moħħu” tkun dik tal-prodott protett mid-denominazzjoni rreġistrata, l-użu ta’ tali sinjal jaqa’ fil-projbizzjoni tal-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013. Jekk, minn naħa l-oħra, skont l-istess qorti, tali assoċjazzjoni ta’ ideat ma tistax isseħħ, evokazzjoni fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata eskluża.

63.

Il-kunċett ta’ “evokazzjoni” għalhekk ma jistax jiġi ggradat. Id‑delimitazzjonijiet ta’ dan il-kunċett diġà ġew identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Scotch Whisky, li fiha, kif diġà fakkart fil‑punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija spjegat li huwa biss fil‑preżenza ta’ “rabta suffiċjentement diretta u inekwivoka” ( 56 ) bejn is‑sinjal ikkontestat u d-denominazzjoni rreġistrata li l-elementi ta’ dawn il-kunċetti jistgħu jiġu kkunsidrati integrati ( 57 ). Fl-assenza ta’ tali rabta “kkaratterizzata”, anki fejn ikun hemm riferiment għad-denominazzjoni rreġistrata u l-prodotti inkwistjoni jkunu komparabbli, l-evokazzjoni għandha tkun eskluża.

3. Applikazzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali

64.

Anki jekk, kif diġà ntqal, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-każ imressaq quddiemha fid-dawl tal-elementi kollha esposti hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari, madankollu tista’, fejn ikun meħtieġ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil din il-qorti fid-deċiżjoni tagħha ( 58 ).

65.

F’każ li, bħal fil-kawża prinċipali, tkun meħtieġa l-konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ evokazzjoni b’riferiment għall-użu ta’ denominazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha, abbażi tal-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija, tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali inkorporazzjoni parzjali tad-denominazzjoni rreġistrata fid-denominazzjoni kkontestata, ta’ xebh fonetiku u/jew viżiv ta’ din tal-aħħar mad-denominazzjoni rreġistrata ( 59 ), jew inkella ta’ prossimità kunċettwali bejn it-termini kunfliġġenti, anki jekk minn lingwi differenti ( 60 ).

66.

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id-DOP “Champagne”, fil‑forma li fiha ġiet irreġistrata, ġiet parzjalment inkorporata fid‑denominazzjoni kkontestata. It-traduzzjoni bl-Ispanjol ta’ din id-DOP (“Champàn”) minn naħa l-oħra kienet is-suġġett ta’ inkorporazzjoni totali (bl-eċċezzjoni tal-aċċent). Minn dan jirriżulta xebh rilevanti kemm viżiv kif ukoll fonetiku bejn iż-żewġ denominazzjonijiet, kemm jekk tiġi kkunsidrata l-forma li fiha d-DOP “Champagne” ġiet irreġistrata kif ukoll jekk tiġi kkunsidrata t-traduzzjoni bl-Ispanjol ta’ tali denominazzjoni. Mill-perspettiva kunċettwali, kif diġà ġie rrilevat, jidher li hemm rabta diretta mal-prodott kopert mid-DOP “Champagne”, jekk – kif jidher, li iżda għandu jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju – bl-Ispanjol il-kelma “Champanillo” tfisser litteralment “xampanja żgħira”.

67.

F’dak li jirrigwarda l-elementi li ma humiex relatati mal-paragun bejn id-denominazzjonijiet kunfliġġenti, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra, qabel xejn, ir-rabta eżistenti bejn il-prodott kopert mid-DOP Champagne u s-servizz kopert mis-sinjal ikkontestat, rabta li jidher li hija diffiċli li tiġi kkontestata peress li titratta servizzi ta’ ikel, jiġifieri servizzi li jistgħu jkunu direttament relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xampanja jew ta’ prodotti “komparabbli”. L-intensità ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata billi jiġi assigurat li, kif jidher li huwa l-każ, il‑bejgħ ta’ xampanja jew ta’ xorb tal-istess tip huwa normali fis-settur tal-ikel li fih jopera GB ( 61 ).

68.

Element ieħor li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha huwa l-fatt li d-denominazzjoni kkontestata hija għandha magħha, fl-informazzjoni u fil-messaġġi pubbliċitarji użati minn GB, minn stampa li fiha jidhru żewġ tazzi fil‑forma ta’ tazza bis-sieq (tipikament użati għall-konsum tax-xampanja) li fihom xarba frizzanti, imsallba f’xulxin biex jirrapreżentaw l-att ta’ awgurju. Minkejja l-kulur aħmar tax-xarba, din ir-rappreżentazzjoni tippreżenta mingħajr dubju tfakkira potenzjali kemm għall-prodott tad-DOP “Champagne” kif ukoll għall-okkażjonijiet tipikament marbuta mal‑konsum tagħha.

69.

Finalment, anki jekk in-natura intenzjonali tal-aġir ma hijiex rikjesta għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ evokazzjoni fis-sens tal‑Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 ( 62 ), hija tikkostitwixxi element li għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni ( 63 ). Issa, il-fatturi kollha msemmija hawn fuq – inkluża l-kummerċjalizzazzjoni, fil-passat, fl-istabbilimenti koperti bis-sinjal ikkontestat ta’ inbid frizzanti taħt l-istess denominazzjoni CHAMPANILLO – meħuda flimkien, jidhru pjuttost jimmilitaw favur element mhux każwali ta’ riferiment għad‑DOP “Champagne”.

70.

Bħala konklużjoni, bla ħsara għall-konstatazzjonijiet li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, inqis li, fil-preżenza tas-sinjal “Champanillo”, kif użat minn GB sabiex ikopri u jippubbliċizza s-servizzi ta’ ikel tiegħu, konsumatur medju Ewropew normalment informat u raġonevolment avżat jitwassal sabiex ikollu direttament f’moħħu, bħala xbieha ta’ riferiment, il-prodott protett mid-DOP “Champagne” u li għalhekk huma preżenti l-elementi ta’ evokazzjoni pprojbiti fis-sens tal‑Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013.

4. Konklużjonijiet dwar it-tieni u t-tielet domanda preliminari

71.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nissuġġerixxi lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx evokazzjoni ta’ DOP fis-sens tal-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit preliminarjament li l-prodott kopert mid‑DOP u l-prodott jew is-servizz kopert mis-sinjal ikkontestat ikunu identiċi jew komparabbli jew li dan tal-aħħar prodott jinkludi, fl-ingredjenti tiegħu, il-prodott kopert mid-DOP. Tali identiċità jew komparabbiltà, jew l-assenza tagħha, madankollu tikkostitwixxi element li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra, flimkien ma’ kwalunkwe element ieħor rilevanti, għall-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ evokazzjoni fis-sens tal‑imsemmija dispożizzjoni.

D.   Fuq ir-raba’ domanda preliminari

72.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari, l-Audiencia provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona) essenzjalment tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja jekk il-protezzjoni kontra l-evokazzjoni prevista mill-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 tirrikjedix il‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni żleali.

73.

Kif diġà ntqal, il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati stipulata fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kwalità tissodisfa kriterji speċifiċi u funzjonali għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din il-leġiżlazzjoni ( 64 ). Dawn il-kriterji huma elenkati b’mod eżawrjenti fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-diversi każijiet ta’ ksur tad-denominazzjonijiet irreġistrati inklużi fir-regolamenti settorjali u trasversali li jiffurmaw parti minn din il-leġiżlazzjoni ( 65 ). Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni.

74.

Fir-rigward b’mod partikolari tal-protezzjoni tad‑denominazzjonijiet irreġistrati kontra l-evokazzjoni, mir-risposti mogħtija għall-ewwel tliet domandi preliminari jirriżulta li din il‑protezzjoni ma tirrikjedix il-konstatazzjoni la tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti koperti mid-denominazzjoni rreġistrata u l-prodotti jew is-servizzi li għalihom ġie użat is-sinjal ikkontestat jew ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-konsumatur fir-rigward ta’ tali prodotti u/jew servizzi, u lanqas in-natura intenzjonali tal-aġir li jista’ jagħti lok għal evokazzjoni.

75.

Għalhekk, jekk, kif osservat mill-Kummissjoni, ma huwiex eskluż li l-istess aġir jista’ jkollu fl-istess ħin l-elementi ta’ prattika pprojbita mill‑Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 u ta’ att ta’ kompetizzjoni żleali fis-sens tad-dritt nazzjonali applikabbli, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa usa’ u ma huwiex limitat għal każ li fih tali aġir ikun sar minn kompetitur.

76.

Għalhekk nissuġġerixxi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-protezzjoni kontra l-evokazzjoni prevista mill‑Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 ma hijiex limitata biss għall-każijiet fejn il-prattika li tagħti lok għal evokazzjoni tinkludi elementi ta’ att ta’ kompetizzjoni żleali fis-sens tad‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali applikabbli.

IV. Konklużjoni

77.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Audiencia provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja):

L-Artikolu 103(2)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni anki atti ta’ użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni ta’ DOP li jirreferu għal servizzi.

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx evokazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini fis-sens tal-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit preliminarjament li l-prodott li jibbenefika minn tali denominazzjoni u l-prodott jew is-servizz kopert mis-sinjal ikkontestat ikunu identiċi jew komparabbli jew li l-aħħar prodott ikun jinkludi, fl-ingredjenti tiegħu, il-prodott li jibbenefika mid‑denominazzjoni ta’ oriġini protetta. Tali identiċità jew komparabbiltà, jew l-assenza tagħha, madankollu tikkostitwixxi element li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra, flimkien ma’ kwalunkwe element ieħor rilevanti, għall-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ evokazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

Il-protezzjoni kontra l-evokazzjoni prevista mill-Artikolu 103(2)(b) tar‑Regolament Nru 1308/2013 ma hijiex limitata biss għall-każijiet fejn il-prattika li tagħti lok għal evokazzjoni tinkludi elementi ta’ att ta’ kompetizzjoni żleali fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali applikabbli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir‑Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 9 u fil-ĠU 2020, L 1, p. 5).

( 3 ) Dwar prodotti tad-dielja. Il-punt 5 tal-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-“Inbid frizzanti ta’ kwalità”, kategorija li fiha taqa’ x-xampanja.

( 4 ) Rif. PDO-FR-A1359.

( 5 ) Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016 (ECLI:ES:TS:2016:771).

( 6 ) Id-digriet tar-rinviju f’xi partijiet jitkellem dwar “xarba”, f’oħrajn dwar “inbid”.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il‑protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall‑prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 335M, p. 213, rettifiki fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74 u fil‑ĠU 2011, L 293, p. 38).

( 8 ) JORF tat-18 ta’ April 1975, p. 4011.

( 9 ) JORF Nru 0273 tal-25 ta’ Novembru 2010, test nru 8.

( 10 ) Nispjega li l-qorti tar-rinviju appoġġat ir-riferimenti leġiżlattivi li fuqhom kienet ibbażata l-kawża taċ-CIVC fl-ewwel istanza.

( 11 ) Regolament (KE) tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU 2007, L 299, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2013, L 97, p. 4).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punti 96, 101103).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punti 99 sa 102). F’din is‑sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521, punti 107 et seq.), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ trattat konkluż bejn żewġ Stati Membri li permezz tiegħu indikazzjoni ġeografika rreġistrata f’wieħed minnhom, iżda mhux f’livell Ewropew, kienet xorta rrikonoxxuta u protetta fl-Istat Membru l-ieħor. Fis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punti 99 sa 102), il-Qorti tal-Ġustizzja użat l-istess raġunament f’kuntest fejn id-denominazzjoni ta’ oriġini kienet irreġistrata fil-livell tal-Unjoni.

( 14 ) Li sar l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal‑ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10 u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40). Dan ir-regolament ħassar u ssostitwixxa lir-Regolament Nru 510/2006 b’effett mit-3 ta’ Jannar 2013.

( 15 ) Li sar l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1151/2012.

( 16 ) Ara, dwar ir-rekwiżit li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati li jaqgħu fil-kamp tal-leġiżlazzjoni trasversali tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod li jippermettu applikazzjoni koerenti tagħhom, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 32, iktar ’il quddiem is-“sentenza CIVC”).

( 17 ) Regolament (KE) tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2009, li jemenda r-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU 2009 L 154, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 313, p. 47).

( 18 ) Mill-osservazzjonijiet bil-miktub taċ-CIVC jirriżulta li l-kawża miftuħa kontra GB tikkontesta fil-konfront ta’ dan tal-aħħar allegata evokazzjoni illegali tad-DOP Champagne.

( 19 ) Madankollu nirrileva li ċ-CIVC, il-Gvern Franċiż u dak Taljan, kif ukoll il‑Kummissjoni kollha fformulaw ir-risposti tagħhom għall-ewwel domanda preliminari billi rreferew f’termini ġenerali għall-protezzjoni tad-DOP jew għall‑Artikolu 103 tar-Regolament Nru 1308/2013.

( 20 ) C‑44/17, EU:C:2018:415.

( 21 ) Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16). L-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu kontenut simili għall-Artikolu 103(2)(a) tar-Regolament Nru 1308/2013, li madankollu huwa differenti minn inkwantu jirreferi għal użu kummerċjali dirett jew indirett “ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-reġistrazzjoni”, spjegazzjoni li madankollu ma tinsabx fl-ewwel dispożizzjoni. Minkejja din id-differenza, l-interpretazzjoni tat-terminu “impiego (użu)” mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 29 sa 31 tas-sentenza Scotch Whisky Association hija trasponibbli għall-kunċett ta’ “uso (użu)” użat fl-Artikolu 103(2)(a) tar‑Regolament Nru 1308/2013.

( 22 ) F’dan ir-rigward infakkar li fis-sentenza CIVC, punti 34 u 35, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l‑Artikolu 118m(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 103(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1308/2013 huma applikabbli għal sitwazzjoni li fiha d‑denominazzjoni kkontestata ma kinitx tinkludi d-DOP fiha nnifisha (f’dan il-każ id-DOP “Champagne”), iżda traduzzjoni tagħha fil-Ġermaniż (“Champagner”).

( 23 ) Jekk l-Artikolu 103(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1308/2013 jiġi kkunsidrat applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, l-aġir ta’ GB probabbilment għandu jiġi deskritt, parzjalment, bħala “użu kummerċjali dirett” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (pereżempju l-użu tas-sinjal “Champanillo” għal xarba/inbid frizzanti fl‑istabbilimenti tiegħu jew bħala sinjal distintiv tas-servizzi ta’ ikel tiegħu) u, parzjalment, bħala “użu kummerċjali indirett” (pereżempju l-użu ta’ dan is-sinjal f’mezzi pubbliċitarji u fuq il-midja soċjali). F’dan ir-rigward, infakkar li fil‑punt 32 tas-sentenza Scotch Whisky Association, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, fir-rigward tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008, li użu “dirett” jimplika li l-indikazzjoni ġeografika protetta titqiegħed direttament fuq il-prodott ikkonċernat jew fuq l-ippakkjar tiegħu stess (jew inkella, fejn l-użu jsir għal servizzi, li din l‑indikazzjoni tiġi użata sabiex dawn jintgħarfu minn oħrajn), filwaqt li użu “indirett” jimplika li din l-indikazzjoni tidher f’mezzi kumplementari ta’ marketing jew ta’ informazzjoni, bħal reklamar li jirrigwarda dan il-prodott jew f’dokumenti relatati miegħu. Din l-interpretazzjoni hija trasponibbli għall-kunċetti ta’ “użu dirett” u ta’ “użu indirett” fis-sens tal-Artikolu 103(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1308/2013.

( 24 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Scotch Whisky Association, punt 31.

( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Scotch Whisky Association, punt 33.

( 26 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:1043, punti 2425).

( 27 ) Korsiv miżjud minni.

( 28 ) Ara, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1234/2007, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punt 82), u s-sentenza CIVC, punt 38.

( 29 ) Dawn huma prodotti li għalihom japplikaw l-Artikoli 39 sa 44 TFUE fuq il-politika agrikola komuni.

( 30 ) Korsiv miżjud minni.

( 31 ) Ara s-sentenza CIVC, punt 31. F’dan is-sens, din il-protezzjoni testendi wkoll anki għal prodotti li ma humiex simili, ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUDWEISER) (T‑53/04 sa T‑56/04, T‑58/04 u T‑59/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:167, punt 175).

( 32 ) Fis-sens kuntrarju, ara, madankollu, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD), T‑60/04 sa T‑64/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:169, punti minn 164 sa 169, speċifikatament. punt 166.

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 23).

( 34 ) Artikolu 103(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1308/2013. Nirrileva inċidentalment li kunċetti analogi, bħal, pereżempju, “prodott tal-istess tip” jinsabu wkoll fid‑dispożizzjonijiet tar-regolamenti tal-Unjoni dwar indikazzjonijiet ġeografiċi relatati mal-projbizzjonijiet assoluti tar-reġistrazzjoni tat-trade marks f’każ ta’ kunflitt ma’ DOP jew IĠP (ara, bħala eżempju, l-Artikolu 14(1) tar‑Regolament 1151/2012). Dawn il-kunċetti huma interpretati bl-istess mod mill‑Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), ara l-Linji Gwida għall-Eżaminazzjoni ta’ Trademarks tal-Unjoni Ewropea, Parti B, Eżami, Taqsima 4, Raġunijiet Assoluti għal Rifjut, Kapitolu 10, Trademarks f’Kunflitt mal‑Indikazzjonijiet Ġeografiċi, p. 618.

( 35 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac, (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 55). Għal interpretazzjoni iktar wiesgħa, b’riferiment għall-kunċett ta’ “prodott tal-istess tip” fl-Artikolu 14(1) tar‑Regolament Nru 2081/92, ara s-sentenza tat-2 ta’ Frar 2017, Mengozzi vs EUIPO – Consorzio per la tutela dell’olio extravergine di oliva toscano (TOSCORO) (T‑510/15, EU:T:2017:54, punt 44), li tistipula li huwa suffiċjenti li l-prodott inkwistjoni jaqsam mal-prodott li jikkostitwixxi s-suġġett tal-indikazzjoni ġeografika xi karatteristiċi komuni.

( 36 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 26) u tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 45).

( 37 ) Ara l-punti 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 25, tas-26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 44), u tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 21).

( 39 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky Association, punti 46 u 49.

( 40 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky Association, punt 50.

( 41 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky Association, punt 53.

( 42 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Scotch Whisky Association, punt 51, u s-sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 20) u tas-17 ta’ Diċembru 2020Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 26).

( 43 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 21). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 27).

( 44 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 3335).

( 45 ) C‑614/17, EU:C:2019:11, punt 29.

( 46 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punti 2728); tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punti 4647); tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 57) u tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 33, 35 u 37).

( 47 ) Dawn huma prodotti li ma humiex koperti minn denominazzjoni jew minn indikazzjoni ġeografika protetta.

( 48 ) F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344, punt 27), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, b’riferiment għall‑Artikolu 13(1)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 510/2006, li l-lista gradwata ta’ aġir ipprojbit li tinsab f’din id-dispożizzjoni tirrigwarda n-natura tal-atti pprojbiti u mhux l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit jekk taqax taħt xi waħda mill-eżempji.

( 49 ) Dan huwa l-każ li kien evalwat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas‑sentenza CIVC, li għaliha l-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod impliċitu fil-formulazzjoni tat‑tieni domanda preliminari.

( 50 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 37).

( 51 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 22 sa 26).

( 52 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 27) u tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:344, punti 47 sa 50); ara wkoll is-sentenza Scotch Whisky Association, punt 59.

( 53 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 27).

( 54 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 31).

( 55 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 22).

( 56 ) Kif ikkonfermajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:11, punt 19), din il-preċiżazzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata f’termini kemm ta’ immedjatezza (il-proċess konjittiv assoċjattiv ma għandux jeħtieġ riformulazzjoni kumplessa tal-informazzjoni) kif ukoll ta’ intensità (l-assoċjazzjoni mal-immaġni tal-prodott kopert mid-denominazzjoni rreġistrata għandha timponi ruħha b’qawwa suffiċjenti) tar-reazzjoni tal-konsumatur għall-istimulu.

( 57 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky Association, punt 53.

( 58 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punti 2527), tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punti 46 sa 48) u tas-17 ta’ Diċembru 2020Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 26).

( 60 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 47) u tas-17 ta’ Diċembru 2020Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 26); ara wkoll is-sentenza Scotch Whisky Association, punt 50.

( 61 ) Nirrileva li, fir-risposti għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, GB jiddeskrivi l-attività ta’ ikel tiegħu bħala iffukata fuq platti adattati għal konsum rapidu u ’l bogħod mill-“atmosfera ta’ lussu u prestiġju” li ċ-CIVC jorbot mad-DOP protetta minnu.

( 62 ) F’dan is-sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1998:614, punt 33).

( 63 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1998:614, punt 35), kif ukoll il‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:11, punt 29) u fil-kawża Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:730, punt 45).

( 64 ) Ara, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-awtonomija tas-sistema tad‑denominazzjonijiet ġeografiċi meta mqabbla ma’ dik tat-trade marks, il‑konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (C‑490/19, EU:C:2020:730, punt 29).

( 65 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 16 ta’ dawn il‑konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.

Top