EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0710

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2020.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:739

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2020 ( 1 ) ( i )

Kawża C‑710/19

G. M. A.

vs

État belge

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Persuni li qegħdin ifittxu xogħol – Dritt ta’ residenza għat-tfittxija ta’ xogħol – Tul tar-residenza – Terminu raġonevoli mogħti lil min qiegħed ifittex xogħol (sabiex isir jaf bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għalih u sabiex ikun jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi impjegat) – Obbligi tal-Istat Membru ospitanti – Obbligu ta’ min qiegħed ifittex xogħol – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 14(4)(b) – Żamma tad-dritt ta’ residenza – Kundizzjonijiet – Artikoli 15 u 31 – Garanziji proċedurali – Setgħat ta’ qorti nazzjonali fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni li tiċħad ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur għal ċittadin tal-Unjoni li qiegħed ifittex xogħol”

I. Introduzzjoni

1.

Il-persuni li qegħdin ifittxu xogħol jeżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu fuq il-bażi tal-Artikoli 45 u 21 TFUE ( 2 ): ċittadin tal-Unjoni Ewropea li qiegħed ifittex xogħol huwa ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE. Il-persuni li qegħdin ifittxu xogħol jinsabu, għaldaqstant, fil-punt fejn jikkonverġu s-suq intern u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

2.

Huwa f’dan il-kuntest li ser neżamina lir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, li ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) u jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE u tad-Direttiva 2004/38/KE ( 3 ), b’mod partikolari l-Artikolu 14(4)(b) u l-Artikoli 15 u 31 tagħha.

3.

Din il-kawża taqa’ taħt il-kuntest ta’ talba mressqa minn ċittadin Grieg sabiex jikseb dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol, li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut b’ordni ta’ tluq mit-territorju tal-awtorità kompetenti Belġjana.

4.

Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża jirrigwardaw, essenzjalment, minn naħa, il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, b’mod partikolari fil-qasam tal-oneru tal-prova, fil-kuntest tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, dwar jekk l-Istati Membri humiex marbuta li jagħtu lil dawn il-persuni, sabiex ifittxu xogħol, terminu raġonevoli, li ma jistax ikun ta’ inqas minn sitt xhur. Dawn id-domandi joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-portata tal-garanziji proċedurali previsti mid-Direttiva 2004/38 għall-persuni li qegħdin ifittxu xogħol li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.”

6.

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 4(b) tiegħu:

“Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

[…]

b)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

7.

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”, jistabbilixxi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.”

8.

L-Artikolu 31 tal-istess direttiva, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

[…]

3.   Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.”

B. Id-dritt Belġjan

9.

L-Artikolu 39/2 tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers du 15 décembre 1980 (il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), jipprovdi:

“Il-Conseil [du contentieux des étrangers] (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), għandu jiddeċiedi, permezz ta’ sentenzi, dwar l-annullament tar-rikorsi l-oħra għal ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali, jew preskritti taħt piena ta’ invalidità, eċċess jew użu ħażin ta’ poter.”

10.

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 40(4), ta’ din il-liġi:

“§ 4.   Kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jirrisjedi fir-Renju għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk jissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41, u:

1o jekk huwa ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu fir-Renju jew jekk huwa jidħol fir-Renju sabiex ifittex xogħol, sakemm huwa jkun jista’ juri li qiegħed ikompli jfittex xogħol u li għandu ċans ġenwin li jiġi impjegat”.

11.

Skont l-Artikolu 50(1) u l-punt 3(a) u (b) tal-Artikolu 50(2) tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin ( 5 ) (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981”):

“§ 1.   Iċ-ċittadin tal-Unjoni li għandu l-intenzjoni li jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fit-territorju tar-Renju u li juri li għandu ċ-ċittadinanza tiegħu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Liġi [tal-15 ta’ Diċembru 1980], għandu jressaq applikazzjoni għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni quddiem l-amministrazzjoni komunali tal-post fejn jirrisjedi permezz ta’ dokument konformi mal-mudell li jinsab fl-Anness 19.

[…]

§ 2.   Fl-istess ħin tal-applikazzjoni jew mhux iktar tard minn tliet xhur wara li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, iċ-ċittadin tal-Unjoni, skont il-każ, għandu jipproduċi d-dokumenti li ġejjin:

[…]

3o persuna li qiegħda tfittex xogħol:

a)

reġistrazzjoni mad-dipartiment tal-impjieg kompetenti jew kopja tal-ittri ta’ kandidatura; u

b)

il-prova li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari d-diplomi li hija kisbet, it-taħriġ professjonali li hija possibbilment segwiet jew li qiegħda tipprevedi li ser issegwi u t-tul tal-perijodu ta’ qgħad”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.

Fis-27 ta’ Ottubru 2015, G. M. A., ċittadin Grieg, ippreżenta applikazzjoni għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fil-Belġju, sabiex jikseb dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur f’dan l-Istat Membru bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol.

13.

Fit-18 ta’ Marzu 2016, din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Office des étrangers de Belgique (l-Uffiċċju għall-Barranin tal-Belġju, iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju”), minħabba l-fatt li G. M. A. ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Belġjana sabiex jibbenefika minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Fil-fatt, skont l-Uffiċċju, minn naħa, id-dokumenti mressqa minn G. M. A. ma ħallewx li jitqies li dan kellu ċans ġenwin li jiġi impjegat u, min-naħa l-oħra, G. M. A. kien għadu ma wettaqx servizzi bħala persuna impjegata fil-Belġju wara l-applikazzjoni tiegħu għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet Belġjani ordnaw lil G. M. A. sabiex jitlaq mit-territorju Belġjan fi żmien 30 jum wara li ngħatat id-deċiżjoni kontenzjuża.

14.

Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin (il-KKB), li huwa l-qorti kompetenti sabiex teżamina fl-ewwel istanza l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn G. M. A. kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

15.

Għaldaqstant, G. M. A. ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna, fl-ewwel lok, li mill-Artikolu 45 TFUE u mis-sentenza Antonissen ( 6 ), jirriżulta, l-ewwel nett, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħtu “terminu raġonevoli” lil persuni li qegħdin ifittxu xogħol li ġejjin minn Stat Membru ieħor, sabiex jippermettu lil dawn il-persuni sabiex isiru jafu, fl-Istat Membru ospitanti, bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għalihom u sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu impjegati; it-tieni nett, li dan it-terminu ma jista’ fl-ebda każ ikun iqsar minn sitt xhur, u, it-tielet nett, li l-Istat Membru ospitanti għandu jawtorizza l-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ persuna li qiegħda tfittex xogħol waqt dan it-terminu kollu mingħajr ma jeżiġi minn din il-persuna li tressaq il-prova li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata. Skont G. M. A., mill-qari flimkien tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikoli 11 u 16 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li terminu ta’ inqas minn sitt xhur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “raġonevoli”.

16.

Fit-tieni lok, G. M. A. sostna li, sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri fis-6 ta’ April 2016, huwa kien ġie mqabbad mill-Parlament Ewropew bħala apprentista. Dan il-fatt wera li G. M. A. kellu ċans ġenwin li jiġi impjegat u li għaldaqstant kellu jibbenefika minn dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur. Għaldaqstant, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-impjieg tiegħu, il-KKB kiser l-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-qrati kompetenti sabiex jistħarrġu l-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva dwar id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni għandhom iwettqu eżami eżawrjenti taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt kollha miġjuba għall-attenzjoni tagħhom, anki jekk dawn l-elementi jkunu seħħew sussegwentement għad-deċiżjoni inkwistjoni.

17.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, G. M. A. isostni li l-KKB kellu jinjora r-regoli proċedurali nazzjonali li ttrasponew b’mod żbaljat lill-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri l-Artikolu 39/2(2) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, li fuq il-bażi tagħhom il-KKB ma kkunsidrax ir-reklutaġġ bħala apprentista li seħħ sussegwentement għad-deċiżjoni kontenzjuża.

18.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq il-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja ser tinterpreta lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 45 TFUE jew l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, kif ukoll l-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38 kellhom jiġu interpretati fis-sens irrakkomandat minn G. M. A., huwa jkollu jibbenefika minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur.

19.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2019, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Settembru 2019, iddeċieda li jissospendi lill-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 45 [TFUE] għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat, l-ewwel nett, jagħti terminu raġonevoli lil persuna li tkun qiegħda tfittex impjieg sabiex din tkun tista’ ssir taf b’offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għaliha u tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi rreklutata, it-tieni nett, jaċċetta li t-terminu sabiex issir tfittxija għal impjieg ma jistax fi kwalunkwe każ ikun iqsar minn sitt xhur, u t-tielet nett, jawtorizza l-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex impjieg matul it-tul taż-żmien kollu ta’ dan it-terminu mingħajr ma jeżiġi minnha li ġġib prova li għandha possibbiltà reali li tiġi rreklutata?

2)

L-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva [2004/38/KE] u l-Artikoli 41 u 47 tal-[Karta] u kif ukoll il-prinċipji ġenerali ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u ta’ effett utli tad-direttivi għandhom jiġu interpretati u applikati fis-sens li l-qrati nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti huma obbligati, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur ta’ ċittadin tal-Unjoni, jieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li seħħew wara d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali meta dawn jistgħu jibdlu s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata li ma tkunx tippermetti iktar limitazzjoni tad-drittijiet ta’ residenza tagħha fl-Istat Membru ospitanti?”

20.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn G. M. A, mill-Gvern Belġjan, Daniż, Pollakk u dak tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta, billi qieset li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi.

IV. Analiżi

A. Fuq il-persistenza tal-kawża prinċipali

21.

Għandi nfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE li l-proċedura preliminari tippreżupponi li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa jagħtu deċiżjoni li fiha tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tivverifika ex officio l-persistenza tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 7 ).

22.

Fil-kawża preżenti, il-kawża prinċipali tirrigwarda r-rifjut ta’ applikazzjoni għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fil-Belġju, ippreżentata fis-27 ta’ Ottubru 2015, minn G. M. A., bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol, li l-għan tagħha kien li jinkiseb dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur f’dan l-Istat Membru, fejn il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) kien ġie adit minn appell kontra s-sentenza tal-KKB tat-28 ta’ Ġunju 2019, li permezz tiegħu dan kien ċaħad ir-rikors imressaq mill-parti interessata kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

23.

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li, wara applikazzjoni ġdida mressqa minn G. M. A. fil-25 ta’ April 2016, dan ingħata ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-Commune de Schaerbeek (il-Komun ta’ Schaerbeek, il-Belġju) fis-6 ta’ Mejju 2017 u li, mill-24 ta’ Novembru 2016, G. M. A. huwa d-detentur ta’ Karta E valida sas-7 ta’ Lulju 2021.

24.

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari minħabba l-fatt li l-għan tal-applikazzjoni għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol ta’ G. M. A. ma għadux jeżisti.

25.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interess fil-kassazzjoni għadu jeżisti, fid-dawl, essenzjalment, tal-possibbiltà li jinkiseb dritt ta’ residenza permanenti b’mod iktar rapidu f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, jekk dan ikun il-każ, il-perijodu ta’ residenza mhux interrott ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 neċessarju sabiex jinkiseb dan id-dritt ta’ residenza jibda jiddekorri mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fil-Belġju, jiġifieri s-27 ta’ Ottubru 2015.

26.

Għaldaqstant nikkunsidra li l-kawża prinċipali għadha pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda preliminari tibqa’ utli għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

B. Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.   Kummenti preliminari fuq il-portata tal-ewwel domanda preliminari

27.

Infakkar qabel kollox li hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Taħt din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha ( 8 ).

28.

F’dan ir-rigward, l-ewwel domanda preliminari tipprevedi ċertament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE. Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju u fid-dawl tal-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tagħha, din id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li, permezz tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat, l-ewwel nett, li jagħti terminu raġonevoli lil persuna li qiegħda tfittex xogħol sabiex tkun tista’ ssir taf bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għaliha u sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi impjegata, it-tieni nett, sabiex jirrikonoxxi li t-terminu sabiex iwettaq it-tfittxija għax-xogħol ma jistax ikun inqas minn sitt xhur, u t-tielet nett, jawtorizza l-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ persuna li qiegħda tfittex xogħol matul dan it-terminu kollu mingħajr ma jitlob li din tressaq il-prova li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata.

29.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda ser inwettaq analiżi f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel lok, ser nesponi l-portata tad-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkunu qegħdin ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 45 TFUE, interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari fis-sentenza Antonissen ( 9 ). Fit-tieni lok, ser nanalizza, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti u fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, il-portata tad-drittijiet mogħtija lil persuni li qegħdin ifittxu xogħol mill-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, interpretat fid-dawl tal-Artikoli 21 u 45 TFUE.

2.   Ħarsa qasira lejn il-ġurisprudenza dwar id-dritt ta’ residenza tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol: is-sentenza Antonissen

30.

Fl-ewwel lok, infakkar li l-Artikolu 45 TFUE jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema għandu jiġi żgurat fi ħdan l-Unjoni u jinkludi b’mod partikolari d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, li dak li jkun iwieġeb għal impjiegi effettivament offruti u li jiċċaqlaq liberament għal dan il-għan fit-territorju tal-Istati Membri. Għaldaqstant minn dan l-artikolu jirriżulta li ċittadin ta’ Stat Membru li qiegħed ifittex xogħol għandu d-dritt li jiċċaqlaq liberament fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.

31.

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jirrisjedu hemmhekk, għall-finijiet mixtieqa mill-Artikolu 45 TFUE, b’mod partikolari sabiex hemmhekk ifittxu jew jeżerċitaw attività professjonali, bħala impjegati jew għal rashom, hemm diversi sentenzi li jistħoqqilhom l-attenzjoni, b’mod partikolari s-sentenzi Royer ( 10 ), Antonissen ( 11 ) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju ( 12 ).

32.

Huwa fis-sentenza Royer li d-dritt ta’ residenza għal min qiegħed ifittex xogħol kien ġie evokat għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’din is-sentenza, hija ddikjarat li dan id-dritt jikkostitwixxi dritt mogħti direttament mill-Artikolu 48 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 45 TFUE) jew skont il-każ, mid-dispożizzjonijiet stabbiliti għall-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu ( 13 ).

33.

F’din il-linja ġurisprudenzjali, is-sentenza Antonissen ( 14 ) hija partikolarment importanti, sa fejn tirrigwarda, bħal din il-kawża, il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tistax tillimita ratione temporis id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra sabiex ifittxu xogħol. Din is-sentenza ngħatat wara talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata minn qorti Ingliża fil-kuntest ta’ kawża bejn ċittadin Belġjan u l-awtoritajiet Ingliżi dwar deċiżjoni ta’ ċaħda, minn dawn tal-aħħar, ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ tkeċċija.

34.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi fakkret li l-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 48(1) sa (3) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 45(1) sa (3) TFUE), huwa parti mill-pedamenti tal-Unjoni, li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu lil din il-libertà għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ u li interpretazzjoni stretta ta’ dan l-artikolu tikkomprometti liċ-ċans ġenwin ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li qiegħed ifittex xogħol sabiex isib wieħed fl-Istati Membri l-oħra, u ċċaħħad, għaldaqstant, lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha ( 15 ). Barra minn hekk, hija ppreċiżat li l-Artikolu 48(3) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 45(3) TFUE) jistabbilixxi b’mod mhux limitat xi drittijiet li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-Istati Membri fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, u li din il-libertà timplika d-dritt għal dawn iċ-ċittadini sabiex jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra u li jirresjedu fih sabiex ifittxu xogħol hemmhekk ( 16 ).

35.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk id-dritt ta’ residenza li ċ-ċittadin ta’ Stat Membru li qiegħed ifittex xogħol fi Stat Membru ieħor għandu abbażi tal-Artikolu 48 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 45 TFUE) setax jiġi llimitat ratione temporis. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li l-effett utli ta’ dan l-artikolu huwa żgurat sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew, fin-nuqqas tagħha, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, tagħti lill-partijiet interessati terminu raġonevoli li jippermettilhom sabiex isiru jafu, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, bl-offerti ta’ impjieg li jikkorrispondu għall-kwalifiki professjonali tagħhom u sabiex jieħdu, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji sabiex jiġu impjegati ( 17 ).

36.

Fir-rigward tat-tul ta’ dan id-dritt taresidenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, finalment, injorat ir-rilevanza tat-terminu ta’ tliet xhur ( 18 ). Madankollu, hija żiedet li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi terminu għar-residenza ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra li qegħdin ifittxu xogħol fi Stat Membru, terminu ta’ sitt xhur ma jidhirx, bħala prinċipju, li huwa insuffiċjenti u li tali terminu ma jdaħħalx inkwistjoni l-effett utli tal-prinċipju ta’ moviment liberu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jekk, wara li jiddekorri dan it-terminu, il-parti interessata tressaq il-prova li qiegħda tkompli tfittex xogħol u li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata, hija ma tistax tiġi mġiegħla li titlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ( 19 ).

37.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa opportun li jiġi mfakkar f’dan l-istadju li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, għandu portata awtonoma u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 20 ). Fil-fatt, sa fejn dan il-kunċett jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà fundamentali prevista mit-Trattat FUE, dan għandu jiġi interpretat b’mod estensiv ( 21 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa kellha ċ-ċans sabiex tippreċiża li għandha tiġi kklassifikata bħala “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, “persuna li verament tkun qed tfittex impjieg” ( 22 ).

38.

Fit-tielet u fl-aħħar lok, għandu jiġi nnotat li, wara l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni fit-Trattati, il-kundizzjonijiet taż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, stabbiliti fis-sentenza Antonissen ( 23 ) ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju ( 24 ) li fiha hija ddeċidiet li Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu abbażi tal-Artikolu 48 KE (li sar l-Artikolu 45 TFUE) billi jobbliga liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra li qegħdin ifittxu xogħol fit-territorju tiegħu sabiex jitilqu awtomatikament minn dan tal-aħħar wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur.

39.

Wara l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni fit-Trattati u l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/38, il-kundizzjonijiet taż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol stabbiliti fis-sentenza Antonissen ( 25 ), li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tiddeċiedi fil-kawża preżenti, ġew ikkodifikati fl-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva.

40.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser neżamina issa l-ewwel domanda preliminari.

3.   Il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol fil-kuntest tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 interpretata fid-dawl tal-Artikoli 21 u 45 TFUE

41.

Fil-preżent, l-Artikolu 21 TFUE jiddisponi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, b’riżerva għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati u mill-provvedimenti meħuda għall-applikazzjoni tagħhom. B’hekk, fir-rigward tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li ċittadin tal-Unjoni li jidħol fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex ifittex xogħol hemmhekk ma jistax jitneħħa minnu sakemm ikun f’pożizzjoni li jressaq il-prova li għadu qiegħed ifittex xogħol u li għandu ċans ġenwin li jiġi impjegat.

42.

Madankollu, anki jekk, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkodifika l-kundizzjonijiet għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza għall-persuni li qegħdin ifittxu xogħol stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja billi rriproduċa l-kliem tas-sentenza Antonissen ( 26 ), l-imsemmija dispożizzjoni ma tippreċiżax jekk l-Istat Membru ospitanti għandux l-obbligu li jagħti lil dawn il-persuni terminu raġonevoli bil-għan li jkunu jistgħu jsiru jafu bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għalihom u li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġu impjegati. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 ma jagħmel l-ebda referenza għat-terminu ta’ sitt xhur ikkunsidrat bħala “raġonevoli” mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza.

43.

Huwa dwar dan il-punt tal-aħħar li ser niddiskuti issa. Nixtieq ngħid minn issa li naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt ta’ residenza tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol huwa ggarantit direttament mill-Artikolu 45 TFUE, hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha,

a)   Fuq l-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu terminu raġonevoli

44.

Ninnota qabel kollox li l-partijiet intervenjenti kollha fil-kawża li ppreżentaw xi osservazzjonijiet juru l-qbil tagħhom mal-pożizzjoni li tipprovdi li l-Istat Membru ospitanti huwa marbut sabiex jagħti terminu raġonevoli lill-persuni li qegħdin ifittxu xogħol.

45.

Jien naqbel ma’ din l-opinjoni. Fil-fatt, hekk kif innotajt, mis-sentenza Antonissen ( 27 ), kif ukoll mill-ġurisprudenza sussegwenti ( 28 ), jirriżulta li, sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tipprevedix b’mod espliċitu limitazzjoni tad-dritt ta’ residenza għall-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, l-Istati Membri huma marbuta, sabiex ma jċaħħdux mill-effett utli tal-Artikolu 45 TFUE, li jagħtu terminu raġonevoli sabiex ikun possibbli għall-partijiet interessati sabiex isiru jafu, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, bl-offerti ta’ impjieg li jikkorrispondu għall-kwalifiki professjonali tagħhom u sabiex jieħdu, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji sabiex jiġu impjegati ( 29 ).

46.

Madankollu, tqum id-domanda sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE, hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, jimponix fuq l-Istati Membri sabiex jagħtu terminu minimu ta’ sitt xhur lil ċittadin tal-Unjoni li qiegħed ifittex xogħol fl-Istat Membru ospitanti.

b)   Fuq l-obbligu tal-Istati Membri sabiex jagħtu terminu minimu ta’ sitt xhur u fuq dak tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol fir-rigward tal-oneru tal-prova matul dan it-terminu u wara l-iskadenza tiegħu

47.

Il-pożizzjonijiet tal-partijiet huma differenti f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt 21 tas-sentenza Antonissen ( 30 ) u, għaldaqstant, tal-Artikolu 45 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward, G. M. A. u l-Kummissjoni jsostnu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li l-Istati Membri huma marbuta sabiex jagħtu terminu minimu ta’ sitt xhur lill-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, li fih ma humiex obbligati sabiex juru l-prova li għandhom ċans ġenwin li jiġu impjegati. Bil-kontra, il-Gvern Belġjan, Daniż, u dak tar-Renju Unit jikkunsidraw li l-punt 21 ta’ din is-sentenza ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri sabiex jagħtu lill-persuni li qegħdin ifittxu xogħol terminu minimu, u li, waqt dan il-perijodu kollu, il-persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol iridu juru prova li għandhom ċans ġenwin li jiġu impjegati.

48.

Ma naqbel kompletament ma’ ebda minn dawn iż-żewġ perspettivi, u dan minħabba r-raġunijiet li ser nesponi f’dawn il-konklużjonijiet.

1) Il-post tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 fl-istruttura tagħha: id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur ta’ persuna li qiegħda tfittex xogħol ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva

49.

Fl-ewwel lok, nixtieq infakkar li d-Direttiva 2004/38 ġiet adottata, partikolarment, fuq il-bażi tal-Artikolu 40 TKE (li sar l-Artikolu 46 TFUE), li kien jikkonċerna l-miżuri intiżi sabiex jiġi stabbilit il-moviment liberu tal-ħaddiema, kif ġie ddefinit fl-Artikolu 39 (li sar l-Artikolu 45 TFUE).

50.

Fit-tieni lok, nenfasizza li d-Direttiva 2004/38 tipprevedi sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali tal-moviment u ta’ residenza mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 21(1) TFUE u sabiex dan id-dritt jissaħħaħ ( 31 ).

51.

Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa sistema li tkopri tipi differenti ta’ drittijiet għal kategoriji differenti ta’ ċittadini. Fil-kuntest tal-kawża preżenti huma kkonċernati, minn naħa, id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, li ma huwa suġġett għal ebda formalità minbarra l-obbligu ta’ pussess ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport validi ( 32 ), u, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur li, bil-kontra, huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38. B’hekk, minkejja li, konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom id-dritt sabiex jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perijodu sa tliet xhur, id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur, previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva ( 33 ), huwa rrikonoxxut biss għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini (ekonominament attivi, inattivi, studenti) li jissodisfaw lill-kundizzjonijiet elenkati f’dan l-artikolu (li jkunu impjegati jew li jaħdmu għal rashom, li jkollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard kompleta, li jkunu qegħdin isegwu xi studji, inkluż it-taħriġ professjonali, eċċ) ( 34 ).

52.

Issa, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 4(b) tiegħu, kategorija ta’ ċittadini tal-Unjoni ( 35 ) li ma tissemma bl-ebda mod fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, u li, konsegwentement, ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu tal-aħħar, jiġifieri l-persuni li qegħdin ifittxu xogħol li qegħdin ifittxu, għall-ewwel darba, xogħol fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi sitwazzjoni derogatorja mill-Artikoli 6 u 7, imsemmija fl-Artikolu 14(1) u (2). Fis-sistema tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, li jsib is-sors tiegħu direttament fl-Artikolu 45 TFUE, jissemma biss fl-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi ż-żamma tad-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni li qegħdin ifittxu l-ewwel xogħol li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

2) Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38

53.

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 jirriproduċu litteralment lill-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ residenza stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 21 tas-sentenza Antonissen ( 36 ), li fiha, din, wara li kkunsidrat li terminu ta’ sitt xhur ma jidhirx li huwa, bħala prinċipju, insuffiċjenti sabiex jiġi permess għall-partijiet interessati sabiex isiru jafu, fl-Istat Membru ospitanti, bl-offerti ta’ impjieg li jikkorrispondu għall-kwalifiki professjonali tagħhom u sabiex jieħdu, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji sabiex jiġu impjegati, iddikjarat li “[j]ekk, wara l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni, il-parti interessata tressaq il-prova li qed tkompli tfittex xogħol u li għandha ċans ġenwin sabiex tiġi impjegata, ma tistax madankollu tiġi mġiegħla titlaq mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti” ( 37 ).

54.

F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza Antonissen, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema ma jostakolawx milli l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jidħol fit-territorju tiegħu sabiex ifittex xogħol hemmhekk ikun jista’ jiġi mġiegħel, suġġett għal appell, li jitlaq minn dan it-territorju jekk ma jkunx sab xogħol fit-tmiem ta’ sitt xhur, sakemm il-parti kkonċernata ma tressaqx il-prova li tkun qiegħda tkompli tfittex xogħol u li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata ( 38 ).

55.

Wara l-qari tar-raġunament kollu segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sens li għandu jingħata lill-espressjonijiet “jekk, wara l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni, il-parti interessata tressaq il-prova” u, “jekk ma tkunx sabet xogħol fit-tmiem ta’ sitt xhur, sakemm il-parti kkonċernata ma tressaqx il-prova” jidhirli evidenti. Fil-fatt, minn din is-sentenza ( 39 ) jirriżulta li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kundizzjonijiet taż-żamma tad-dritt ta’ residenza supplementari, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkodifika, sussegwentement, fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri li l-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni sabiex tressaq il-prova, minn naħa, li hija qiegħda tkompli tfittex xogħol, u, min-naħa l-oħra, li hija għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata, dan huwa biss f’sitwazzjoni fejn it-terminu kkunsidrat bħala “raġonevoli”, jiġifieri terminu ta’ sitt xhur, ikun skada.

56.

F’dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, ninsisti fuq il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, u, sussegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni, għażlu sabiex jużaw l-espressjoni “qiegħda tkompli tfittex xogħol”. Mill-għażla ta’ dan il-verb jirriżulta b’mod ċar li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol għandha turi, l-ewwel nett, jiġifieri matul it-terminu kkunsidrat bħala “raġonevoli”, li hija effettivament u attivament qiegħda tfittex xogħol u, it-tieni nett, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, li “qiegħda tkompli” għaddejja fir-riċerka attiva ta’ xogħol.

57.

Min-naħa l-oħra, it-tieni kundizzjoni, dwar l-obbligu għall-persuna li qiegħda tfittex xogħol sabiex turi li għandha ċans ġenwin sabiex tiġi impjegata, din il-prova ma tistax tintalab ħlief wara l-iskadenza tat-terminu kkunsidrat bħala “raġonevoli”.

58.

Din l-interpretazzjoni hija mhux biss loġika iżda wkoll konformi mal-għażla tal-leġiżlatur sabiex isaħħaħ l-istatus tal-persuna li qiegħda tfittex xogħol fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38 billi kkodifika, fl-Artikolu 14(4) ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni li qegħdin ifittxu l-ewwel xogħol fl-Istat Membru ospitanti, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

59.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni, il-Gvern Belġjan isostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-obbligu ta’ G. M. A. li juri l-eżistenza ta’ ċans ġenwin li jsib impjieg, previst fl-Artikolu 40(4) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, jirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza Vatsouras u Koupatantze ( 40 ). Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li qegħdin ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor għandhom juru li stabbilixxew rabtiet ġenwini mas-suq tax-xogħol ta’ dan it-tieni Stat Membru.

60.

Dan l-approċċ, li fl-opinjoni tiegħi huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza inkwistjoni, ma jikkonvinċinix.

61.

Fil-fatt, tali rekwiżit mill-persuna li qiegħda tfittex xogħol, intiż sabiex juri li hija stabbilixxiet rabtiet ġenwini mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, jikkonċerna biss is-sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni li qiegħed ifittex xogħol jitlob lil dan l-Istat Membru għal benefiċċju intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg, li ma huwiex il-każ ta’ G. M. A. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li huwa leġittimu li Stat Membru ma jagħtix tali benefiċċju ħlief wara li l-eżistenza ta’ rabta ġenwina bejn il-persuna li qiegħda tfittex xogħol u s-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru tkun ġiet stabbilita ( 41 ). Fil-fatt, infakkar li s-sentenza Vatsouras u Koupatantze ( 42 ) hija bbażata fuq is-sentenza Collins, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kull persuna li qiegħda tfittex xogħol u teżerċita d-dritt tagħha għal moviment liberu għandha tistabbilixxi “rabta” mal-Istat Membru ospitanti bil-għan li tibbenefika mill-allowances għat-tfittxija ta’ xogħol ( 43 ).

3) L-għan u l-oriġini tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38

62.

L-għan u l-oriġini tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 jikkorroboraw, huma wkoll, l-interpretazzjoni proposta fil-punti 51 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

63.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, il-premessa 9 tagħha tistabbilixxi b’mod ċar li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom ikollhom id-dritt li jgħixu fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi kundizzjonijiet jew xi formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta tal-identità jew passaport li huma validi, mingħajr preġudizzju għal trattament iktar favorevoli applikabbli għal dawk li qegħdin ifittxu xogħol, kif irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minn din il-premessa jirriżulta, minn naħa, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari dik tas-sentenza Antonissen ( 44 ), tibqa’ valida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, li ma tistax tiġi meħtieġa l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni dwar iż-żamma tad-dritt ta’ residenza minn persuna li qiegħda tfittex xogħol waqt it-tliet xhur ta’ residenza legali ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti. Min-naħa tagħha, il-premessa 16 tad-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi li, fl-ebda każ, miżura ta’ tneħħija ma tista’ tiġi deċiża kontra persuni li qegħdin ifittxu xogħol kif iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

64.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-oriġini tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li l-Artikolu 6 tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni ( 45 ) u l-Artikolu 8 tar-Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament ( 46 ) kienu jipprevedu dritt ta’ residenza sa sitt xhur li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni ġiet emendata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hekk kif jirriżulta wkoll mill-espożizzjoni tal-motivi tal-pożizzjoni komuni tiegħu ( 47 ), sabiex jistabbilixxi, konformement mal-Artikolu 6 l-ġdid tad-Direttiva 2004/38, dan il-perijodu għal tliet xhur, billi enfasizza li l-persuni li qegħdin ifittxu xogħol jibbenefikaw madankollu minn trattament iktar favorevoli, irrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din l-emenda, li seħħet waqt il-proċess leġiżlattiv tad-Direttiva 2004/38, tikkonferma, hekk kif diġà sostnejt fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex isaħħaħ l-istatus tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol. Barra minn hekk, mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-pożizzjoni komuni jirriżulta li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 “jippreċiża f’liema ċirkustanzi Stat Membru jista’ jneħħi liċ-ċittadini tiegħu mill-Unjoni jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jippermettulhom sabiex jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza” ( 48 ).

65.

Jirriżulta b’mod ċar kemm mill-għan, u kemm mill-oriġini tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol għall-ewwel darba fl-Istat Membru ospitanti tkun tista’ tibbenefika minn trattament iktar favorevoli, hekk kif irrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

66.

Din id-dikjarazzjoni twassalni sabiex neżamina l-kwistjoni li ġejja: fir-rigward tat-terminu sabiex jinsab impjieg, x’għandu jinftiehem bi “trattament iktar favorevoli”, kif irrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja?

67.

Fl-ewwel lok, ninnota li, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jwettaq riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment is-sentenza Antonissen ( 49 ), turi b’mod ċar, hekk kif diġà esponejt fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rieda tiegħu sabiex jirrikonoxxi l-importanza ta’ din il-ġurisprudenza għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 u, għaldaqstant, sabiex il-persuni li qegħdin ifittxu xogħol jibbenefikaw minn trattament iktar favorevoli. B’dan ippreċiżat, ma jistax jitqies li, billi wettaq riferiment bħal dan, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jivvalida terminu fiss ta’ sitt xhur. Jidhirli li, billi affermat f’din is-sentenza li tali terminu “ma jidhirx li huwa, bħala prinċipju, insuffiċjenti”, u “ma jdaħħalx inkwistjoni l-effett utli tal-prinċipju tal-moviment liberu”, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkunsidrat lit-terminu ta’ sitt xhur previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża bħala terminu raġonevoli.

68.

Fit-tieni lok, infakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi dritt ta’ residenza sa tliet xhur għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni.

69.

Madankollu, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun telaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu bir-rieda li jfittex xogħol fl-Istat Membru ospitanti jiddeċiedi li jirreġistra ruħu fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li qiegħda tfittex xogħol waqt l-ewwel tliet xhur tar-residenza tiegħu, huwa jaqa’, mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. Madankollu, inkunsiderazzjoni tal-fatt li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, il-persuna li qiegħda tfittex xogħol tibbenefika minn trattament iktar favorevoli, kif jirriżulta espliċitament mill-premessa 9 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi rikjest minn persuna li qiegħda tfittex xogħol li tressaq prova li għadha qiegħda tfittex xogħol u li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata waqt it-tliet xhur ta’ residenza legali li jiddisponi minnhom kull ċittadin tal-Unjoni ( 50 ). Bil-kontra, waqt perijodu kkunsidrat bħala “raġonevoli” mit-tmiem ta’ din ir-residenza legali, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jeżiġu li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol tressaq il-prova li għadha qiegħda tfittex xogħol. Huwa biss wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu raġonevoli li dawn l-awtoritajiet jistgħu jeżiġu li l-parti kkonċernata tkun f’pożizzjoni sabiex tressaq il-prova li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata.

70.

Bl-istess mod, ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu bħala ċittadin tal-Unjoni li, inizjalment, ma kellux ir-rieda li jfittex xogħol fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ( 51 ) u li jiddeċiedi, wara l-iskadenza tal-perijodu inizjali ta’ residenza ta’ tliet xhur, sabiex jirreġistra bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol jaqa’, minn dan il-mument, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, dan iċ-ċittadin jiddisponi minn terminu raġonevoli li jippermettilu sabiex isir jaf, fl-Istati Membru ospitanti, bl-offerti ta’ impjieg li jikkorrispondu għall-kwalifiki professjonali tiegħu, u jieħu, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi impjegat mingħajr ma jkun marbut sabiex iressaq il-prova li għandu ċans ġenwin li jiġi impjegat.

71.

Fil-fatt, iż-żewġ eżempji esposti fil-punti 69 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw ċittadini li qegħdin ifittxu, għall-ewwel darba, xogħol fl-Istat Membru ospitanti.

72.

Barra minn hekk, it-terminu li tibbenefika minnu persuna li qiegħda tfittex xogħol wara l-perijodu inizjali ta’ tliet xhur ta’ residenza legali fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandu, sabiex jiġi meqjus bħala raġonevoli, ikun suffiċjenti sabiex ma tixxejjinx is-sustanza tad-dritt irrikonoxxut fl-Artikolu 45 TFUE ( 52 ). B’hekk, b’mod partikolari, terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mit-tmiem tal-perijodu inizjali ta’ tliet xhur ta’ residenza legali ma jidhirlix li ma huwiex raġonevoli, jew, fil-kliem użati mill-Qorti tal-Ġustizzja, “ma jidhirx li huwa, bħala prinċipju, insuffiċjenti” u ma jdaħħalx inkwistjoni l-effett utli tal-Artikolu 45 TFUE ( 53 ).

73.

Barra minn hekk, billi jippermetti lil dawn iċ-ċittadini sabiex jifhmu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mit-tmiem tal-perijodu ta’ tliet xhur ta’ residenza legali huwa ta’ natura li jiżgura ċertu livell ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza, fil-kuntest tad-dritt ta’ residenza previst fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 u ggarantit direttament mill-Artikolu 45 TFUE.

74.

B’dan ippreċiżat, naħseb li tkun sitwazzjoni mixtieqa li l-persuni li qegħdin ifittxu xogħol jiddisponu minn terminu stabbilit sabiex ifittxu l-ewwel xogħol fl-Istat Membru ospitanti, li matulu ma jkunx impost fuqhom li jressqu l-prova li għandhom ċans ġenwin li jsibu impjieg. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi lil-leġiżlatur tal-Unjoni, u huwa dan li għandu l-kompitu sabiex jintroduċi tali terminu. Fl-opinjoni tiegħi, l-istabbiliment ta’ terminu fiss jiżgura livell ogħla ta’ ċertezza legali u ta’ trasparenza fil-kuntest tad-dritt ta’ residenza tal-persuni li qegħdin ifittxu xogħol.

75.

Nixtieq inżid, fit-tielet u fl-aħħar lok, li ċerti verifiki minn qabel huma neċessarji sabiex jiġi kkunsidrat li persuna li qiegħda tfittex xogħol għadha qiegħda tfittex xogħol u li għandha ċans ġenwin li ssib impjieg konformement mal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. B’hekk, hija l-awtorità nazzjonali jew il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan iċ-ċittadin huwiex qiegħed ifittex xogħol b’mod serju u effettiv. F’dan ir-rigward, l-awtorità nazzjonali jew il-qorti nazzjonali jistgħu jivverifikaw, partikolarment, jekk dan huwiex reġistrat mal-korp responsabbli għall-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, jekk hux qiegħed jibgħat perjodikament xi applikazzjonijiet (curriculum vitae flimkien ma’ ittra ta’ motivazzjoni) jew jekk hux qiegħed iwettaq intervisti li jikkonċernaw offerti ta’ impjieg li jikkorrispondu mal-kwalifiki professjonali tiegħu.

76.

Barra minn hekk, waqt dawn il-verifiki, l-awtoritajiet nazzjonali jew il-qorti nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-realtà tas-suq tax-xogħol nazzjonali, jiġifieri l-medja ta’ żmien neċessarju għat-tfittix ta’ xogħol, fl-Istat Membru kkonċernat ( 54 ), fis-settur li jikkorrispondi għall-kwalifiki professjonali tal-persuna kkonċernata. Il-fatt li din il-persuna rrifjutat xi offerti li ma jikkorrispondux għall-kwalifiki professjonali tagħha ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkunsidrat li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38.

77.

Barra minn hekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-persuni li qegħdin ifittxu xogħol qegħdin ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, il-fatt li qatt ma ħadmu fl-Istat Membru ospitanti ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-imsemmija verifiki sabiex jiġi kkunsidrat li ma għandhomx ċans ġenwin li jiġu impjegati.

4.   Konklużjoni intermedjarja

78.

Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-Istati Membri huma marbuta sabiex jagħtu liċ-ċittadini tal-Unjoni, li qegħdin ifittxu xogħol, terminu raġonevoli li matulu dawn tal-aħħar iridu juru l-prova li qegħdin ifittxu xogħol. Huwa biss wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu li dawn iċ-ċittadini għandhom iressqu l-prova, konformement mal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, li mhux biss għadhom qegħdin ifittxu xogħol, iżda wkoll li għandhom ċans ġenwin li jiġu impjegati. F’dan ir-rigward, terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri fit-tmiem tal-perijodu inizjali ta’ tliet xhur ta’ residenza legali fit-territorju tal-Istati Membru ospitanti ma jidhirx li huwa irraġonevoli.

C. Fuq it-tieni domanda preliminari

79.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mid-dokumenti tal-proċess li tiddisponi minnhom il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rikors tiegħu quddiem il-KKB, G. M. A. sostna li kien tqabbad mill-Parlament bħala apprentista, fis-6 ta’ April 2016, sabiex juri li kellu ċans ġenwin sabiex jiġi impjegat, u li kien hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża.

80.

Issa, billi afferma li, konformement mal-Artikolu 39/2(2) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, huwa kien jeżerċita stħarriġ tal-legalità fuq id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju u ma kienx jiddisponi minn setgħa ta’ bidla ta’ dawn li tippermettilu jieħu inkunsiderazzjoni l-impjieg ta’ G. M. A. mal-Parlament, il-KKB ma ħax inkunsiderazzjoni din il-bidla fiċ-ċirkustanzi.

81.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-punt sabiex isir magħruf jekk l-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru ospitanti, meta dawn jeżaminaw il-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur ta’ ċittadin tal-Unjoni li qiegħed ifittex xogħol, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kull bidla fiċ-ċirkustanzi tas-sitwazzjoni tal-persuna li qiegħda tfittex xogħol li sseħħ wara li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu d-deċiżjoni sabiex jillimitaw lid-dritt ta’ residenza tiegħu, billi jinjoraw, jekk ikun neċessarju, lid-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali jekk tali bidla fiċ-ċirkustanzi turi li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol kienet tibbenefika minn tali dritt ta’ residenza.

82.

Il-Gvern Belġjan u G. M. A. jiddefendu pożizzjonijiet opposti f’dan ir-rigward.

83.

Il-Gvern Belġjan isostni li, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ G. M. A., ma jirriżultax, la mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/38 u lanqas mill-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jirrispettaw l-Artikolu 47 tal-Karta, li l-qrati nazzjonali għandhom jiddisponu minn dritt ta’ bidla tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jillimitaw lid-dritt ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni.

84.

Bil-kontra, G. M. A. jsostni li l-Artikolu 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38 għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta. Bħala konsegwenza, il-qrati nazzjonali li jwettqu stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda bl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-persuni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt li jseħħu wara dawn id-deċiżjonijiet, peress li dawn l-elementi jistgħu juru l-eżistenza ta’ ċans ġenwin, għall-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, sabiex jiġu impjegati. F’dan ir-rigward, G. M. A. jafferma li s-sentenza Orfanopoulos u Oliveri ( 55 ) hija applikabbli fil-kawża preżenti.

85.

Qabel ma nibda l-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni ġudizzjarja abbażi tal-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38, ser neżamina fil-qosor il-garanziji proċedurali stabbiliti f’dawn l-artikoli u l-applikazzjoni tagħhom għad-deċiżjonijiet li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni li qegħdin ifittxu xogħol.

1.   L-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali stabbiliti fl-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38 għall-persuni li qegħdin ifittxu xogħol

86.

Infakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika” ( 56 ). B’hekk, dan l-artikolu jirregola l-garanziji proċedurali dwar it-tneħħija taċ-ċittadini tal-Unjoni li kienu jirrisjedu fl-Istat Membri ospitanti bħala “benefiċjarji” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

87.

Fil-kawża preżenti, huwa stabbilit li G. M. A, li huwa ċittadin Grieg, u, għaldaqstant, ċittadin tal-Unjoni, eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi mar lejn u għex fi Stat Membru li ma huwiex dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu. Minn dan isegwi li, G. M. A. għandu n-natura ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tagħha.

88.

Barra minn hekk, kif diġà fakkart, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/38 jaqa’ taħt il-Kapitolu III tagħha, li jikkonċerna, b’mod partikolari, id-dritt ta’ residenza sa tliet xhur (Artikolu 6), id-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur (Artikolu 7), kif ukoll iż-żamma tad-dritt ta’ residenza previst fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva, sakemm il-benefiċjarji ta’ dawn id-drittijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn l-artikoli (Artikolu 14). Barra minn hekk, hekk kif diġà indikajt ( 57 ), l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi sitwazzjoni derogatorja mill-Artikoli 6 u 7, imsemmija fl-Artikolu 14(1) u (2). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni li qegħdin ifittxu xogħol ( 58 ), kif ukoll il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw dawn iċ-ċittadini sabiex ikunu f’pożizzjoni sabiex iżommu dan id-dritt.

89.

Għaldaqstant, jirriżulta b’mod ċar mhux biss mill-kliem tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu, kif ukoll mill-għan ta’ din id-direttiva ( 59 ), li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38 ikopri, għaldaqstant, deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għar-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, akkumpanjata b’ordni ta’ tneħħija mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u adottata, kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali, minħabba raġunijiet li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ kwalunkwe periklu għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

90.

B’dan ippreċiżat, tqum issa l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet fiċ-ċirkustanzi li jseħħu wara l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jirrestrinġu d-drittijiet tal-moviment liberu u ta’ residenza, billi jinjoraw, jekk ikun neċessarju, id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali jekk dawn il-bidliet juru li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol kienet tiddisponi minn tali dritt ta’ residenza.

2.   Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni ġudizzjarja abbażi tal-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38

91.

Kif jirriżulta mill-punti preċedenti, sa fejn l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2004/38 japplika għas-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(4)(b) tagħha ( 60 ), il-garanziji proċedurali stabbiliti fl-Artikoli 30 u 31 ta’ din id-direttiva huma applikabbli wkoll, b’analoġija, għaċ-ċittadini tal-Unjoni li qegħdin ifittxu xogħol. Dawn l-artikoli jipprevedu ċertu numru ta’ garanziji proċedurali li l-Istati Membri għandhom josservaw fid-dawl ta’ limitazzjoni eventwali tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni.

92.

Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, għandna nibdew minn analiżi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hekk kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

93.

Hekk kif jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, nosserva li l-Artikolu 31(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38 huwa intiż sabiex japplika fil-kuntest tal-Artikolu 15 ta’ din ( 61 ).

94.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2004/38, jiddisponi li ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn adattat, amministrattivi fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda kontrihom li tillimita, minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fl-Istati Membri.

95.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2004/38 u tad-dritt ta’ aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji li għandu jkun żgurat konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li peress li tali aċċess jaqa’ taħt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, il-modalitajiet proċedurali ta’ dawn il-proċeduri, intiżi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38, għandhom jirrispettaw, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 62 ).

96.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li l-proċeduri ta’ rimedju għandhom mhux biss jippermettu l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawha, iżda għandhom wkoll jiżguraw li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx sproporzjonata ( 63 ).

97.

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika b’mod partikolari jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Dan l-istħarriġ għandu jkopri l-osservanza tal-garanziji proċedurali, li għandha importanza fundamentali li tippermetti lil qorti tivverifika jekk ġewx issodisfatti l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ( 64 ).

98.

Xi jfisser dan fil-prattika għall-istħarriġ li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-kawża prinċipali? Din il-qorti tidher li qiegħda tikkunsidra li hija għandha tkun tista’ teżamina l-bidliet fiċ-ċirkustanzi li jseħħu sussegwentement għad-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti meta dawn ikunu jistgħu joperaw bidla fis-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat li ma tibqax tippermetti limitazzjoni tad-drittijiet ta’ residenza ta’ dan fl-Istat Membru ospitanti.

99.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda u kif ukoll għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, jidhirli li jkun utli li tiġi analizzata s-sentenza Orfanopoulos u Oliveri ( 65 ), li għaliha jirreferu l-partijiet.

3.   Is-sentenza Orfanopoulos u Oliveri

100.

Ser nibda l-analiżi tiegħi billi nindika li, fl-opinjoni tiegħi, is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Orfanopoulos u Oliveri ( 66 ) hija applikabbli mutatis mutandis għas-sitwazzjoni ta’ G. M. A. fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

101.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat lill-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221/KEE ( 67 ), li ppreċediet lid-Direttiva 2004/38 ( 68 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li l-istħarriġ ġudizzjarju, li huwa bħala prinċipju rregolat, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali, mid-dritt proċedurali nazzjonali, għandu jkun effettiv ( 69 ), iddeċidiet, fil-punt 82, li jopponi prattika nazzjonali li abbażi tagħha l-qrati nazzjonali ma għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jivverifikaw il-legalità tat-tkeċċija ordnata kontra ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, l-elementi ta’ fatt li seħħew wara l-aħħar deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jimplikaw l-għajbien jew it-tnaqqis sinjifikanti tat-theddida attwali għall-ordni pubbliku li l-imġieba tal-persuna kkonċernata tikkostitwixxi ( 70 ).

102.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat dan l-approċċ fuq il-konstatazzjoni li tipprovdi li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221 u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprovdu indikazzjonijiet iktar preċiżi f’dak li jikkonċerna lid-data li għandha tintuża sabiex tiġi ddeterminata n-natura “attwali” tat-theddida ( 71 ). F’dan ir-rigward, jidhirli wkoll, hekk kif jirriżulta mill-punti preċedenti, li la l-Artikolu 31(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38 u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtu indikazzjonijiet preċiżi u ffokati li jikkonċernaw it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-qorti li qiegħda twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju, tal-bidliet fiċ-ċirkustanzi li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tillimita lid-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, naqbel mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni, fir-risposta tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li, għalkemm il-konstatazzjoni mogħtija fis-sentenza Orfanopoulos u Oliveri ( 72 ) ma ġietx riprodotta espliċitament fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2004/38, ma hemm l-ebda dubju li l-interpretazzjoni tagħha ma tistax tinjoraha ( 73 ).

103.

F’dan il-kuntest, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li qegħdin fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jidhirli li huwa rilevanti li t-tieni domanda tiġi analizzata pjuttost taħt il-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività minnflok taħt dik tal-Artikolu 47 tal-Karta.

104.

Fl-ewwel lok, infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li kull proċedura nazzjonali ta’ stħarriġ ġudizzjarju għandha tippermetti lill-qorti li hija adita b’rikors għal annullament ta’ tali deċiżjoni sabiex tapplika effettivament, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, lill-prinċipju u lir-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni ( 74 ).

105.

Fit-tieni lok, fl-opinjoni tiegħi, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li l-qrati nazzjonali li jeżerċitaw l-istħarriġ ġudizzjarju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jiddisponu minnha l-qrati nazzjonali kompetenti, ikollhom il-fakultà li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet fiċ-ċirkustanzi li jseħħu wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva li tikkonċerna lis-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li qiegħed ifittex xogħol tista’, minħabba n-natura tagħha, tevolvi wara li tittieħed tali deċiżjoni. Għaldaqstant, kull bidla fiċ-ċirkustanzi tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat li sseħħ wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu d-deċiżjoni li tillimita lid-dritt ta’ residenza tiegħu għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-istħarriġ ġudizzjarju ( 75 ).

106.

B’mod partikolari, il-qorti li tkun qiegħda twettaq dan l-istħarriġ għandha tkun tista’ tikkunsidra lil tali bidla meta tikkonċerna l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward, infakkar li din id-dispożizzjoni tfakkar li ċittadin tal-Unjoni ma jistax jitneħħa sakemm jissodisfa liż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: li jkun f’pożizzjoni li juri li għadu qiegħed ifittex xogħol u li għandu ċans ġenwin li jiġi impjegat.

107.

Fil-kawża preżenti, huwa stabbilit li l-bidla fiċ-ċirkustanzi li seħħet sussegwentement għad-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali li tillimita lid-drittijiet ta’ residenza ta’ G. M. A. hija marbuta b’mod strett mal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri l-fatt li, wara t-teħid tad-deċiżjoni kontenzjuża, huwa ġie impjegat mill-Parlament.

108.

Fl-opinjoni tiegħi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, tikkontradixxi l-prinċipju ta’ effettività, sa fejn tostakola lill-qorti nazzjonali milli tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 45 TFUE. Fi kliem ieħor, jekk l-istħarriġ li huma mitluba sabiex iwettqu l-qrati kompetenti ma jistax jirrigwarda l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva, l-effettività ta’ dan l-istħarriġ tagħha jiġi mnaqqas b’mod kunsiderevoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti li qiegħda twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju li għandha tiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mit-Trattat u mid-Direttiva 2004/38, billi tinjora lir-regola tad-dritt nazzjonali inkwistjoni.

109.

Sa fejn mill-proposta tiegħi jirrizulta li l-qorti tar-rinviju hija marbuta teskludi l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali kkonċernati, jiena tal-fehma li ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mal-Artikolu 47 tal-Karta.

4.   Konklużjoni intermedjarja

110.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, jien tal-fehma li kull bidla fiċ-ċirkustanzi tas-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li qiegħed ifittex xogħol li sseħħ wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu d-deċiżjoni li tillimita lid-dritt ta’ residenza tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din is-sitwazzjoni, partikolarment meta din il-bidla tikkonċerna lill-kundizzjonijiet taż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ persuna li qiegħda tfittex ix-xogħol, stabbiliti fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti li tkun qiegħda teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju li għandha tiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mit-Trattat u mid-Direttiva 2004/38 billi tinjora lir-regola tad-dritt nazzjonali inkwistjoni.

V. Konklużjoni

111.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju):

1)

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, kif emendata permezz tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru ospitanti huwa marbut, minn naħa, sabiex jagħti terminu raġonevoli lil persuna li qiegħda tfittex xogħol li jibda jiddekorri mat-tmiem tal-perijodu inizjali ta’ tliet xhur ta’ residenza legali sabiex tkun tista’ ssir taf bl-offerti ta’ impjieg li jistgħu jkunu utli għaliha u sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi impjegata u, min-naħa l-oħra, sabiex jawtorizza l-preżenza fit-territorju tiegħu ta’ persuna li qiegħda tfittex xogħol waqt it-tul kollu ta’ dan it-terminu mingħajr ma jeżiġi li din tressaq il-prova li għandha ċans ġenwin sabiex tiġi impjegata. Huwa biss wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol ikollha turi, konformement mal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, li mhux biss għadha qiegħda tfittex xogħol iżda wkoll li għandha ċans ġenwin li tiġi impjegata.

2)

L-Artikoli 15 u 31 tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru ospitanti, meta jeżaminaw l-legalità ta’ deċiżjoni li tirrifjuta d-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur ta’ ċittadin tal-Unjoni li qiegħed ifittex xogħol, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kull bidla fiċ-ċirkustanzi tas-sitwazzjoni tal-persuna li qiegħda tfittex xogħol li sseħħ wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu d-deċiżjoni li tillimita d-dritt ta’ residenza tiegħu, billi jinjoraw, jekk ikun neċessarju, lid-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali, jekk din il-bidla turi li l-persuna li qiegħda tfittex xogħol kienet tiddisponi minn tali dritt ta’ residenza.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( i ) In-noti ta’ qiegħ il-paġna 2 u 35 ta’ dan it-test saritilhom modifika ta’ natura tipografika, wara l-ewwel darba li tqiegħed online.

( 2 ) Ara Reynolds, S., “(De)constructing the Road to Brexit: Paving the Way to Further Limitations on Free Movement and Equal Treatment”, D. Thym (ed.), Questioning EU Citizenship. Judges and the Limits of Free Movement and Solidarity in the EU, Hart Publishing, Londra, 2017, p. 57 sa 87, b’mod partikolari p. 73.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/38”).

( 4 ) Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584.

( 5 ) Moniteur belge tas-27 ta’ Ottubru 1981, p. 13740.

( 6 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 7 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 10 ) Sentenza tat-8 ta’ April 1976 (48/75, EU:C:1976:57).

( 11 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 12 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997 (C‑344/95, EU:C:1997:81).

( 13 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Royer (48/75, EU:C:1976:57, punt 31 u d-dispożittiv). Ara, ukoll, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin (53/81, EU:C:1982:105, punt 9), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “id-dritt li jidħol u li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru huwa marbut, rispettivament, mal-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li twettaq attività bi ħlas jew li tixtieq li tagħmel dan” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Korsiv miżjud minni.

( 14 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 15 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punti 1112).

( 16 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 13). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fil-punt 14 ta’ din is-sentenza: “Din l-interpretazzjoni tat-Trattat tikkorrispondi barra minn hekk ma’ dik tal-leġiżlatur [tal-Unjoni], kif jindikaw id-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ moviment liberu, b’mod partikolari l-Artikoli 1 sa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), dispożizzjonijiet li jassumu d-dritt għaċ-ċittadini [tal-Unjoni] li jiċċaqilqu sabiex ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor, u bħala konsegwenza, id-dritt li jirrisjedu fih” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Korsiv miżjud minni.

( 17 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 16). Ara, ukoll, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, Tsiotras (C‑171/91, EU:C:1993:215, punt 13).

( 18 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 20).

( 19 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 21). Ara, ukoll, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, Tsiotras (C‑171/91, EU:C:1993:215, punt 13).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini (C‑3/90, EU:C:1992:89, punt 14); tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 13); tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, EU:C:2004:488, punt 15); tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C‑94/07, EU:C:2008:425, punt 33); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 26); tal-21 ta’ Frar 2013, N. (C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 39), kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 22).

( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2013, N. (C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad-19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punti 33).

( 22 ) Sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandi nfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħdet id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament li jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini tal-Unjoni lil hinn mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi, fil-kawżi magħquda Rendón Marín u CS (C‑165/14 u C‑304/14, EU:C:2016:75, punt 109).

( 23 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 24 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997 (C‑344/95, EU:C:1997:81, punti 12 sa 19). Ara, f’dak li jikkonċerna l-allowances għat-tfittxija ta’ xogħol, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 37), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, għall-ewwel darba, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE – Turkija, ara s-sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik (C‑171/95, EU:C:1997:31, punti 32 sa 34).

( 25 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 26 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991(C292/89, EU:C:1991:80).

( 27 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 28 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punti 13 u 16). Ara, ukoll, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1993, Tsiotras (C‑171/91, EU:C:1993:215, punt 13).

( 30 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ April 2019, Tarola (C‑483/17, EU:C:2019:309, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jinżamm sakemm iċ-ċittadini tal-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom ma jsirux piż irraġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

( 33 ) Fil-fatt, skont il-kliem tal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti, partikolarment, fl-Artikolu 7 tagħha, li huma intiżi sabiex jiġi evitat li jsiru piż irraġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

( 34 ) F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet ta’ G. M.A. jirriżulta li, abbażi tal-Artikolu 50(1) tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 42(4) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, kull ċittadin tal-Unjoni li qiegħed jipprevedi li jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fil-Belġju huwa obbligat sabiex jippreżenta applikazzjoni għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni quddiem l-amministrazzjoni komunali tal-post fejn jgħix fit-tliet xhur minn meta jasal u li, abbażi tal-Artikolu 50(2) ta’ dan id-Digriet Irjali, dan l-obbligu japplika wkoll għall-persuni li qegħdin ifittxu xogħol. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha, tenfassizza ġustament li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38, dwar il-“formalitajiet amministrattivi għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni” meta dawn iċ-ċittadini jixtiequ jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, ma jipprevedix il-possibbiltà għall-Istati Membri sabiex jimponu r-reġistrazzjoni fi ħdan l-awtoritajiet ħlief għall-kategoriji ta’ ċittadini tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, hekk kif jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 8(3) tagħha. Bħala konsegwenza, il-persuni li qegħdin ifittxu xogħol ma jistgħux jiġu suġġetti għal tali obbligu ta’ reġistrazzjoni, anki waqt it-tfittxija għal xogħol waqt perijodu itwal minn tliet xhur. Tali obbligu jkun kuntrarju kemm għall-Artikolu 45 TFUE kif ukoll għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38.

( 35 ) Id-duttrina enfasizzat ukoll lil dan l-aspett. Ara, b’mod partikolari, Shuibhne, N.N. u Shaw, J., “General Report”, Neergaard, U., Jacqueson, C. u Holst-Christensen, N., Union Citizenship: Development, Impact and Challenges, The XXVI FIDE Congress in Copenhagen, 2014, Congress Publications, Kopenħagen, 2014, Vol. 2, p. 65 sa 226, b’mod partikolari p. 112: “The position of jobseekers has long been – and continues to be – treated distinctively.”

( 36 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 37 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 21). Korsiv miżjud minni.

( 38 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 22 u d-dispożittiv).

( 39 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punti 21 u 22).

( 40 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009 (C‑22/08 u C-23/08, EU:C:2009:344, punti 21 u 22).

( 41 ) F’dan ir-rigward, infakkar li, wara li fil-punt 37 ta’ din is-sentenza affermat li, “b’kunsiderazzjoni tal-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tal-interpretazzjoni tad-dritt għal trattament ugwali li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-Unjoni, ma huwiex iktar possibbli li mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39(2) KE jiġi eskluż benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punt 38 tal-istess sentenza li, “huwa […] leġittimu li Stat Membru jagħti [benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru] biss wara li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna li qed tfittex ix-xogħol u s-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat”. Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punti 38 u 39).

( 42 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009 (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344).

( 43 ) Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172). Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 45 ) Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, COM (2001) 257 final (ĠU 2001, C 270 E, p. 154).

( 46 ) Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew fuq il-Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, COM(2001) 257 – C5-0336/2001 – 2001/0111(COD) (ĠU 2004, C 43 E, p. 48).

( 47 ) Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 6/2004 stabbilita mill-Kunsill fil-5 ta’ Diċembru 2003 fid-dawl tal-adozzjoni tad-Direttiva 2004/[38]/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […] dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU 2004, C 54 E, p. 12).

( 48 ) Enfasi miżjud minni.

( 49 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991 (C‑292/89, EU:C:1991:80).

( 50 ) Ara, f’dan ir-rigward, Shuibhne, N. N., “In search of a status: where does the jobseeker fit in EU free movement law?”, Edward, D., Komninos, A. u MacLennan, J, Forrester, Ian S. - A Scot without Borders - Liber Amicorum, Vol. 1, 2017, p. 139 sa 152, b’mod partikolari p. 148.

( 51 ) Għandu jiġi nnotat li r-raġunijiet għaċ-ċaqliq taċ-ċittadini ta’ Stat Membru lejn Stati Membri oħra jistgħu jvarjaw ħafna.

( 52 ) Cieśliński, A. u Szwarc, M., Prawo rynku wewnętrznego. System Prawa Unii Europejskiej, Vol. 7, taħt id-direzzjoni ta’ Kornobis-Romanowska, D., Varsavja, C.H. Beck, 2020, p. 310.

( 53 ) Mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom: Ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza, (COM (2013) 837 finali, p. 6), jirriżulta li “Dawk li qed ifittxu x-xogħol jistgħu jirrisjedu sa sitt xhur mingħajr kundizzjonijiet u possibilment aktar jekk huma juru li għandhom ċans ġenwin li jiġu impjegati”. Ara wkoll, is-sit elettroniku pubbliku ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni “L-Ewropa tiegħek”, disponibbli fuq: https://europa.eu/youreurope/citizens/residence/residence-rights/jobseekers/index_mt.htm#just-moved: “Jekk ma sibtx xogħol matul l-ewwel 6 xhur, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jevalwaw id-dritt tiegħek li tibqa’ hemm aktar. Għal dan, se jistaqsuk għal evidenza li: qed tfittex xogħol attivament u għandek ċans tajjeb li ssib xogħol.”

( 54 ) Mill-osservazzjonijiet ta’ G. M. A. jirriżulta li d-dewmien medju sabiex jinsab impjieg fil-Belġju huwa ta’ seba’ xhur.

( 55 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004 (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262).

( 56 ) Korsiv miżjud minni.

( 57 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Li jsib is-sors tiegħu direttament fl-Artikolu 45 TFUE.

( 59 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara l-punti 86 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 82). Għall-kuntrarju, mill-punt 83 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 30(2), tat-tielet inċiż tal-Artikolu 31(2) u tal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2004/38, li l-applikazzjoni tagħhom hija limitata b’mod strett għad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija meħuda minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija previsti fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi dwar din il-kawża (C‑94/18, EU:C:2019:433).

( 62 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 84). Ara wkoll is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 48), u tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 50).

( 63 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, Chenchooliah (C‑94/18, EU:C:2019:693, punt 85). Ara, ukoll, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 48), u tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov, C‑430/10, EU:C:2011:749, punt 41): “B’hekk, dawn il-persuni għandu jkollhom rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni adottata, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li jippermetti li tiġi mistħarrġa fattwalment u legalment il-legalità ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.”

( 64 ) Korsiv miżjud minni. Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018, Banger (C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 51).

( 65 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004 (C‑482/01 u C-493/01, EU:C:2004:262).

( 66 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004(C482/01 u C-493/01, EU:C:2004:262).

( 67 ) Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġustifikati għal ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11).

( 68 ) L-Artikolu 3 tad-Direttiva 64/221 kien jipprevedi li l-miżuri inkwistjoni kellhom ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu li huwa s-suġġett tagħhom u li l-eżistenza ta’ kundanni penali ma jistgħux jimmotivaw awtomatikament lil dawn il-miżuri.

( 69 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 80): “Filwaqt li huwa minnu li huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex isalvagwardjaw id-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom abbażi tad-dritt Komunitarju, xorta jibqa’ il-fatt li dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu ta’ natura li jrendu fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.”

( 70 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004 (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262). Dan l-approċċ ġie kkonfermat, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE – Turkija, fis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, EU:C:2004:708, punti 45 u 46). It-tagħlim stabbilit f’din is-sentenza ġie kkodifikat f’diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. B’hekk, l-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jeżiġi li “miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika” għandhom ikunu bbażati b’mod partikolari, fuq iċ-ċirkustanzi attwali tal-individwu kkonċernat minn tali miżuri. Ara, ukoll, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2004/38. Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, EU:C:2004:708, punt 46).

( 71 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punt 77).

( 72 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004 (C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262).

( 73 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 94).

( 74 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council (C‑71/14, EU:C:2015:656, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 75 ) Guild, E. Peers, S. u Tomkin, J., The EU Citizenship Directive A Commentary, ir-Tieni Edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2019, p. 297: “Il-kliem tal-[Artikolu 31(3) tad-direttiva] jindika li l-istħarriġ ġudizzjarju jista’ jiġi limitat għall-fatti u għaċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni proposta. Madankollu, kull bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ wara li l-awtoritajiet tal-Istat ikunu ħadu d-deċiżjoni għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami mill-qorti tal-kawża li hija adita biha. Peress li din hija kwistjoni ta’ interferenza fid-dritt ta’ dħul u ta’ residenza tal-individwu skont id-dritt tal-Unjoni, hija s-sitwazzjoni fid-data tas-seduta li għandha tkun determinanti.”

Top