EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0617
Opinion of Advocate General Saugmandsgaard Øe delivered on 10 December 2020.#Granarolo SpA v Ministero dell'Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare and Others.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.#Reference for a preliminary ruling – Environment – Directive 2003/87/EC – Greenhouse gas emission allowance trading scheme – Article 3(e) – Concept of ‘installation’ – Article 3(f) – Concept of ‘operator’ – Points 2 and 3 of Annex I – Aggregation rule – Aggregation of the capacities of the activities in an installation – Transfer of an electricity and heat cogeneration unit by the owner of an industrial facility – Contract for the supply of energy between the transferor and transferee undertakings – Updating of the greenhouse gas emissions permit.#Case C-617/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2020.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2020.
Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section)
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1016
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )
Kawża C‑617/19
Granarolo SpA
vs
Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,
Ministero dello Sviluppo Economico,
Comitato nazionale per la gestione della Direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,
fil-preżenza ta’:
E.On Business Solutions Srl, li kienet E.On Connecting Energies Italia Srl
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Artikolu 3(e) – Kunċett ta’ ‘installazzjoni’ – Kunċett ta’ ‘attivitajiet li għandhom konnessjoni teknika’ – Artikolu 3(f) – Kunċett ta’ ‘operatur’ – Trasferiment ta’ installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni tal-enerġija ttrasferita – Kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju – Ċaħda tat-talba ta’ aġġornament tal-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra taċ-ċedenti”
I. Introduzzjoni
1. |
Granarolo SpA hija kumpannija li topera fis-settur tal-ikel tal-ħalib frisk, kif ukoll fil-produzzjoni u fid-distribuzzjoni ta’ prodotti mill-ħalib. Hija għandha, għas-sit tagħha ta’ Pasturago di Vernate (l-Italja), fejn hemm stabbiliment ta’ produzzjoni u installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana ( 2 ), awtorizzazzjoni unika ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra. Madankollu, fil-fatt, Granarolo ma għadhiex proprjetarja tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni, li hija ttrasferiet lil E.On Business Solutions (li kienet E.On Connecting Energies Italia Srl, iktar ’il quddiem “EBS”), kumpannija speċjalizzata fil-produzzjoni tal-enerġija. Għalhekk Granarolo qed titlob li tingħata aġġornament tal-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tagħha, sabiex l-emissjonijiet assoċjati mal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni ma jibqgħux jiġu imputati lilha. Din it-talba, s’issa, ġiet miċħuda mill-awtorità kompetenti ( 3 ). |
2. |
F’dan il-kuntest, Granarolo ressqet rikors quddiem it-Tribunale ammistrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) ( 4 ). Din il-qorti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87/KE ( 5 ), dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni”. |
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija dwar il-kwistjoni ta’ jekk, essenzjalment, meta, fuq l-istess sit industrijali, unitajiet tekniċi li huma s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni unika ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra u huma ttrattati, f’din l-awtorizzazzjoni, bħala l-istess “installazzjoni”, it-trasferiment ta’ waħda minnhom, mill-impriża detentriċi tal-awtorizzazzjoni, lil persuna fiżika jew ġuridika jwassalx għall-konsegwenza li din l-unità ma tibqax tifforma parti minn tali installazzjoni. |
4. |
Fil-kumplament tal-konklużjonijiet tiegħi, sejjer nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għal din id-domanda, filwaqt li nippreċiża li, fil-fehma tiegħi, jeżistu żewġ eċċezzjonijiet: l-ewwel waħda, meta, minkejja l-bidla fil-proprjetarju, l-attività li ssir fl-unità ttrasferita “jkollha konnessjoni teknika” mal-attivitajiet taċ-ċedent u “hija assoċjata direttament” ( 6 ) mal-installazzjoni ta’ dan tal-aħħar, u t-tieni, meta ċ-ċedent jibqa’ l-“operatur” ( 7 ) li jkun f’pożizzjoni li jikkontrolla l-emissjonijiet ta’ din l-unità. Il-kawża prinċipali ma jidhirlix li taqa’ taħt xi waħda minn dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
6. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-permessi għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra”, jipprovdi “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mill-1 ta’ Jannar 2005, l-ebda stallazzjoni ma tindħal għal attività elenkata fl-Anness I li tirriżulta fl-emissjonijiet speċifikati fejn tidħol din l-attivita għajr jekk l-operatur tagħha jkollu permess maħruġ minn awtorità kompetenti skond l-Artikoli 5 u 6, jew l-istallazzjoni tkun eskluża temporanjament mill-iskema Komunitarja skond l-Artikolu 27 […]”. |
7. |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kondizzjonijiet u l-kontenut tal-permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra”, huwa fformulat kif ġej “1. L-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra li jagħti awtorizzazzjoni għall-emissjoni tal-gassijiet serra dinja minn stallazzjoni fl-intier tagħha jew f’parti minnha jew tkun sodisfatta illi l-operatur huwa kapaċi li jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet. Permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra jista’ jkopri stallazzjoni jew iktar fuq l-istess sit imħaddma mill-istess operatur. […]” |
8. |
L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Bidliet marbuta mal-istallazzjonijiet”, jipprovdi: “L-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidliet ippjanti fin-natura jew fl-operazzjoni, jew dwar estensjoni, jew tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità, tal-istallazzjoni li tista’ tkun teħtieġ aġġornament tal-permess tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess. Fejn hemm bidla fl-identità tal-operatur tal-istallazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess biex tinkludi l-isem u l-indirizz tal-operatur il-ġdid”. |
9. |
L-Anness I tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom tapplika din id-Direttiva”, jinkludi tabella li fiha huma elenkati dawn l-attivitajiet. Fost dawn tissemma l-“[k]ombustjoni ta’ karburanti [kombustibbli] f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW (minbarra istallazzjonijiet għat-trattament ta’ skart perikoluż jew muniċipali)”. Dan l-istess anness jipprevedi fil-punt 3 tiegħu, li “[m]eta l-input termiku nominali totali ta’ istallazzjoni jiġi kkalkulat sabiex fl-EU ETS, l-inputs termiċi [kapaċità termika] nominali tal-junits tekniċi kollha li jagħmlu parti minnha u […], jingħaddu flimkien”. |
B. Id-dritt Taljan
10. |
L-Artikolu 3(1)(t) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 30/2013 ( 8 ) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur” bħala “persuna li tippossjedi jew li tamministra installazzjoni jew li lilha tkun iddelegata s-setgħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku tal-installazzjoni” ( 9 ). |
11. |
L-Artikolu 3(1)(v) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jiddefinixxi l-kunċett ta’ “installazzjoni” bħala “unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew attivitajiet elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika mal-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż”. |
12. |
L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprovdi li l-ebda installazzjoni ma tista’ teżerċita l-attivitajiet previsti fl-Anness I ta’ dan id-digriet li tinvolvi emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ma tkun kisbet l-awtorizzazzjoni mingħand il-Kumitat ETS. |
13. |
Skont kliem l-Artikolu 16 ta’ dan l-istess digriet leġiżlattiv, l-operatur għandu jinforma lill-Kumitat ETS b’kull bidla fir-rigward tal-identità tal-operatur kif ukoll tan-natura, tal-funzjonament tal-installazzjoni, jew kull estensjoni jew tnaqqis importanti fil-kapaċità tagħha. |
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14. |
Granarolo hija kumpannija li topera fis-settur tal-ikel tal-ħalib frisk, kif ukoll fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mill-ħalib. Hija għandha, f’Pasturago di Vernate, stabbiliment ta’ produzzjoni mgħammar b’impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku termiku, kompost minn tliet boilers li jipproduċu s-sħana neċessarja għall-proċessi ta’ trasformazzjoni tagħha. |
15. |
Din il-kumpannija kellha, għall-istabbiliment ta’ produzzjoni tagħha, awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra dwar il-“kombustjoni ta’ kombustibbli f’dawn l-installazzjonijiet b’enerġija kalorifika [kapaċità termika] totali ta’ iktar minn 20 MW”, attività li taqa’ taħt l-Anness I tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 30/2013, li jittrasponi, fid-dritt Taljan, id-Direttiva 2003/87. Għal dan l-istabbiliment, din hija suġġetta għall-iskema ta’ “emittenti żgħar” ( 10 ). |
16. |
Fl-2013, Granarolo bniet, fuq is-sit tal-istabbiliment ta’ produzzjoni tagħha, installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana intiża għall-produzzjoni tal-ikel. Hija kisbet mingħand il-Kumitat ETS, l-aġġornament tal-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tagħha, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet ta’ din l-installazzjoni. |
17. |
Fl-2017, Granarolo ttrasferiet l-installazzjoni tagħha ta’ ko-ġenerazzjoni lil EBS, filwaqt li kkonkludiet ma’ din tal-aħħar kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija intiż sabiex jippermettilha tkompli tuża l-enerġija termika u l-elettriku prodott minn din l-installazzjoni sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tal-enerġija tal-istabbiliment ta’ produzzjoni tagħha. |
18. |
Wara dan it-trasferiment, Granarolo ressqet talba lill-Kumitat ETS għall-aġġornament tal-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tagħha sabiex telimina l-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni mill-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħha, billi qieset li din l-installazzjoni ma kinitx għadha tintuża minnha u lanqas taħt il-kontroll tagħha. |
19. |
Billi l-Kumitat ETS ċaħad it-talba tagħha, Granarolo ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tikseb l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. |
20. |
Dik il-qorti tindika li, insostenn tar-rikors tagħha, Granarolo targumenta li, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu, il-Kumitat ETS interpreta ħażin ir-rekwiżiti li jirriżulta mid-Direttiva 2003/87. B’mod partikolari, skont Granarolo, mill-Artikolu 3(f) u mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għandha tinħareġ favur l-operatur tal-installazzjoni. Issa, f’dan il-każ, il-kuntratt ta’ provvista tal-enerġija bejn Granarolo u EBS ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jżomm, favur Granarolo, setgħa ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fuq l-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni b’tali mod li hija baqgħet topera din l-installazzjoni. |
21. |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Kumitat ETS isostni, min-naħa tiegħu, li t-trasferiment ta’ parti mill-attività lil EBS ma kellux effett fuq il-konfigurazzjoni tal-installazzjoni ta’ Granarolo, li hija komposta mill-istabbiliment ta’ produzzjoni u mill-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni. Din l-aħħar installazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li kellha “konnessjoni teknika” mal-istabbiliment ta’ produzzjoni u li jista’ jkollha effett fuq l-emissjonijiet imputati lil Granarolo. Ladarba tinħareġ l-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, il-fatt li d-detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni huwa differenti mill-operatur tal-installazzjoni huwa irrilevanti. F’dan ir-rigward, mill-klawżoli tal-kuntratt ta’ provvista tal-enerġija jirriżulta, f’kull każ, li Granarolo żammet setgħa determinanti fuq l-operazzjoni tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni. |
22. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “installazzjonijiet” u ta’ “attivitajiet li għandhom konnessjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Hija tistaqsi wkoll jekk, kif jissuġġerixxi l-Kumitat ETS, kull interpretazzjoni fis-sens li jiġi ammess li kien hemm diviżjoni tal-installazzjoni inizjali f’żewġ installazzjonijiet ser tagħti lok għal evażjoni tar-regoli tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, billi l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni li għandha kapaċità ta’ inqas minn 20 MW, hija ma taqax taħt l-attivitajiet koperti mill-Anness I ta’ din id-direttiva u għalhekk hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae ta’ din id-direttiva. |
23. |
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio), b’deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2019, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Awwissu 2019, ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
24. |
Granarolo, EBS, il-Gvern Taljan u l-Gvern Ċek, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
25. |
L-istess partijiet u persuni interessati, minbarra l-Gvern Ċek, kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fis-17 ta’ Settembru 2020. |
IV. Analiżi
26. |
Kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tixtieq kjarifika, essenzjalment, dwar lil liema impriża (ċedenti jew ċessjonarja) għandhom jiġu imputati l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni li l-proprjetà tagħha ġiet ittrasferita mill-impriża detentriċi ta’ awtorizzazzjoni unika għas-sit li fuqu tinsab din l-installazzjoni. Għandu jiġi kkunsidrat li, jekk din l-installazzjoni u l-istabbiliment ta’ produzzjoni taċ-ċedenti kienu inizjalment ittrattati, f’din l-awtorizzazzjoni, bħala l-istess “installazzjoni” waħda, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, dan għandu dejjem ikun il-każ wara t-trasferiment? |
27. |
Essenzjalment, din hija l-problema li hija ttrattata fl-ewwel żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju, li jien ser nanalizza flimkien f’dawn il-konklużjonijiet. |
28. |
It-tielet domanda magħmula minn din il-qorti hija intiża, min-naħa tagħha, sabiex tiddetermina jekk, fil-każ fejn installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kkunsidrata, wara t-trasferiment tagħha, bħala li ma tifformax iktar parti mill-“installazzjoni” taċ-ċedenti, il-fatt li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ din l-installazzjoni ma jilħqux, waħedhom, il-livell minimu ta’ 20 MW sabiex ikunu koperti bid-Direttiva 2003/87 jistax iwassal għal ksur tar-“regola ta’ aggregazzjoni” li tissemma fil-punt 3 tal-Anness I ta’ din id-direttiva ( 11 ). |
29. |
Konkretament, jekk l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni u l-istabbiliment ta’ produzzjoni jkollhom, wara t-tranżazzjoni eżegwita bejn Granarolo u EBS, jitqiesu li jiffurmaw l-istess “installazzjoni” waħda, il-kapaċità termika tagħhom tiġi magħduda flimkien skont ir-“regola ta’ aggregazzjoni” u l-emissjonijiet tagħhom ikunu koperti mill-ETS. Min-naħa l-oħra, jekk l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni ma tibqax iktar tifforma parti mill-istess “installazzjoni” bħall-istabbiliment ta’ produzzjoni, il-kapaċità termika totali tagħha ma tilħaqx il-livell minimu ta’ 20 MW. Minn dan isegwi li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ din l-installazzjoni jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tad-Direttiva 2003/87 u joħorġu barra mill-ETS. |
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari
30. |
Infakkar li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni intiża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera u għalhekk l-għan finali huwa l-protezzjoni tal-ambjent. Din l-iskema hija bbażata fuq loġika ekonomika, li tħeġġeġ lil kull parteċipant fiha jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex jittrasferixxi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li taqbeż il-kwoti allokati ( 12 ). |
31. |
Dan il-prinċipju ta’ bejgħ bl-irkant tal-kwoti, li l-leġiżlatur ikkunsidra li kien ġeneralment “l-aktar wieħed faċli u meqjus b’mod ġenerali bħala s-sistema l-aktar effiċjenti ekonomikament” ( 13 ), fir-rigward tal-għan ta’ “tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika” ( 14 ), jiddependi għalhekk fuq il-kapaċità tal-parteċipanti fih li jikkontrollaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom. |
32. |
F’dan il-każ, fid-dawl tal-klawżoli kuntrattwali msemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, jidhirli, mill-bidu nett, li hija biss EBS li tista’ tikkontrolla l-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni fil-kawża prinċipali. |
33. |
Fil-fatt, l-ewwel nett, kif diġà indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, Granarolo ma hijiex il-proprjetarja ta’ din l-installazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tindika li Granarolo u EBS ftehmu dwar klawżoli kuntrattwali li jipprevedu t-trasferiment ta’ din l-installazzjoni u tad-dokumenti rikjesti għall-operazzjoni tagħha lil din l-aħħar kumpannija, kif ukoll l-għoti ta’ dritt fuq il-bini u ta’ drittijiet ta’ servitu maħsuba sabiex jippermettu li EBS topera u twettaq il-manutenzjoni ta’ din l-istess installazzjoni. |
34. |
It-tieni nett, minn kif huma fformulati d-domandi ta’ dik il-qorti niddeduċi li, għalkemm EBS intrabtet li tforni lil Granarolo, għal perijodu ta’ tnax-il sena, il-kwantitajiet minimi tal-enerġija termika u elettrika sabiex tissodisfa l-bżonnijiet tal-istabbiliment ta’ produzzjoni, dan l-obbligu ta’ natura kuntrattwali ma jagħtix lil Granarolo s-setgħa li tikkontrolla l-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni. Fil-fatt, fil-każ fejn EBS ma tipprovdix l-enerġija rikjesta, l-unika konsegwenza tkun, kif indikat l-imsemmija qorti, li hija jkollha tirrimborsa lil Granarolo ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz tal-provvista tal-enerġija fis-suq u l-prezz iffissat fil-kuntratt ta’ provvista tal-enerġija konkluż bejn dawn il-partijiet. |
35. |
It-tielet nett, għalkemm il-qorti tar-rinviju tippreċiża li Granarolo għandha l-għażla li tixtri lura l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni, li hija tista’ teżerċita f’kull żmien, il-fatt biss li teżisti din l-għażla, mingħajr qatt ma kienet akkumpanjata minn att konkret maħsub sabiex terġa’ tinkiseb il-proprjetà ta’ din l-installazzjoni, ma jippermettix, fil-fehma tiegħi, li jiġi konkluż li din il-kumpannija għandha s-setgħa li żżid jew li tnaqqas il-kwantità tal-enerġija totali prodotta minn din l-installazzjoni. |
36. |
Ir-raba’ nett, fil-fehma tiegħi, dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-obbligu kuntrattwali, ukoll innotat minn din il-qorti, li jobbliga lil EBS titlob l-awtorizzazzjoni ta’ Granarolo sabiex twettaq xogħlijiet fuq l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni. Dan l-obbligu ma għandux ibiddel il-konklużjoni li hija biss EBS li tikkontrolla l-kwantità ta’ emissjonijiet minn din l-installazzjoni. |
37. |
Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-partijiet u l-persuni kkonċernati f’din il-kawża jiddefendu, essenzjalment, żewġ teżijiet differenti. |
38. |
Minn naħa, Granarolo, EBS u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, ladarba Granarolo ma tistax iktar tikkontrolla l-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni ttrasferita lil EBS, huwa indispensabbli, skont id-Direttiva 2003/87, li fl-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra ta’ din l-installazzjoni, ma jittiħdux iktar inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet tagħha. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jindikaw li l-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet għandha tingħata lill-“operatur” tal-installazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tal-imsemmija direttiva. Issa, EBS biss tista’ titqies li teżerċita din il-funzjoni. |
39. |
Min-naħa l-oħra, il-Gvern Taljan u dak Ċek iqisu li l-kunċett ta’ “installazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 huwa awtonomu minn dak ta’ “operatur”. Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni tista’ titqies li għadha tifforma biss l-istess “installazzjoni” waħda mal-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo u bħala li hija dejjem koperta mill-awtorizzazzjoni relatata ma dan l-istabbiliment, irrispettivament mill-fatt li l-identità tal-operatur tagħha hija differenti minn dik tal-proprjetarju ta’ din l-awtorizzazzjoni ( 15 ). |
40. |
F’dak li jikkonċerna l-konfigurazzjoni tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni, Granarolo indikat, waqt is-seduta, li, fl-awtorizzazzjoni tagħha u li tirrifletti s-sitwazzjoni tagħha qabel it-trasferiment lil EBS, l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni u l-istabbiliment ta’ produzzjoni kienu ġew ippjanati bħala żewġ unitajiet tekniċi suġġetti għar-“regola ta’ aggregazzjoni” prevista fil-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 u li jifformaw parti mill-istess installazzjoni waħda. |
41. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota, fid-domandi tagħha, li wara t-trasferiment, l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni għadha fiżikament konnessa mal-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo abbażi ta’ network ta’ distribuzzjoni. Madankollu, hija tippreċiża li Granarolo tista’ tkompli teżerċita l-attività tagħha anki f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-enerġija minn EBS jew malfunzjonament tal-attività tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni. |
42. |
Għar-raġunijiet li jien ser nesponi fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet (sezzjoni B), nikkunsidra li dawn l-elementi ma jindikawx li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, l-attivitajiet ta’ installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni u ta’ stabbiliment ta’ produzzjoni għandhom jitqiesu li għandhom “konnessjoni teknika”, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 u li, minħabba f’hekk, jiffurmaw l-istess installazzjoni waħda. |
43. |
Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jiġi deċiż lil min għandhom jiġu imputati l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Fi kliem ieħor, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-emissjonijiet ta’ tali installazzjoni jistgħux jibqgħu koperti minn awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra bħal dik li għandha Granarolo. |
44. |
F’dan ir-rigward, ser nindika, qabel xejn, li awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tista’ tkopri biss l-installazzjonijiet jew partijiet minn installazzjoni li “tħaddem” l-impriża detentriċi tal-awtorizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87 (sezzjoni C). Imbagħad, ser nispjega li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, Granarolo ma għadhiex “tħaddem” l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni u għaldaqstant l-imsemmija emissjonijiet ma jistgħux jiġu imputati lilha (sezzjoni D). |
45. |
Ninnota, minn issa, li l-klawżoli kuntrattwali miftehma bejn ċedent u ċessjonarju ma jidhirlix li huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk attività ittrasferita għandhiex “konnessjoni teknika” mal-attivitajiet taċ-ċedent. Madankollu, mis-Sezzjoni D ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li dawn l-istess klawżoli huma, fil-fehma tiegħi, utli sabiex jiġi identifikat l-operatur tal-unità teknika li fiha titwettaq tali attività, jiġifieri sabiex tiġi ddeterminata l-persuna li lilha għandhom jiġu imputati l-emissjonijiet emessi minnha. |
46. |
Biex nagħlaq, ser nirrispondi għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju, dwar eventwali ksur tar-“regola ta’ aggregazzjoni” (sezzjoni F). |
B. Fuq il-kunċett ta’ “attivitajiet li għandhom konnessjoni teknika”
47. |
Infakkar li, skont l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, “stallazzjoni” tfisser “unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż” ( 16 ). Barra minn hekk, ir-“regola ta’ aggregazzjoni” stabbilita fil-punt 3 tal-Anness I ta’ din id-direttiva tippreżupponi li “stallazzjoni” tista’ tikkonsisti wkoll minn grupp ta’ diversi unitajiet tekniċi, miġbura fuq l-istess sit ( 17 ). |
48. |
Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jidhirli li huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn tliet xenarji meta parti minn attività tiġi ttrasferita mill-impriża detentriċi ta’ awtorizzazzjoni unika ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra. |
1. Preżentazzjoni tat-tliet xenarji possibbli
49. |
Fl-ewwel xenarju, l-operatur jittrasferixxi l-proprjetà tal-installazzjonijiet kollha jew tal-partijiet minn installazzjoni koperti bl-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tiegħu lil persuna oħra fiżika jew ġuridika, li ssir l-“operatur”. F’dan il-każ, is-soluzzjoni hija prevista bit-tielet sentenza tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/87 u tikkonsisti f’li l-awtorità kompetenti taġġorna l-awtorizzazzjoni sabiex tinkludi l-isem u l-indirizz tal-operatur il-ġdid. |
50. |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fil-kuntest tal-ETS, operatur huwa għalhekk liberu li jittrasferixxi l-installazzjonijiet kollha jew partijiet minn installazzjonijiet koperti bl-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tiegħu lil impriża oħra. Wara dan it-trasferiment, l-emissjonijiet għandhom jiġu imputati lil din l-impriża l-oħra. |
51. |
Il-kwistjoni hija dwar x’jiġri f’każ ta’ trasferiment ta’ waħda biss mill-unitajiet tekniċi li jiffurmaw installazzjoni diġà koperta minn awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra. Hija din is-sitwazzjoni ta’ trasferiment parzjali li hija kkontemplata fiż-żewġ xenarji segwenti:
|
52. |
Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “stallazzjoni” mogħtija mill-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 tirrikjedi li, sabiex ikollhom konnessjoni teknika, l-attivitajiet imsemmija fit-tielet xenarju jkunu meqjusa li jitwettqu fi ħdan l-istess installazzjoni waħda. |
53. |
Fi kliem ieħor, il-kwistjoni ta’ jekk l-attivitajiet taċ-ċedent u taċ-ċessjonarju jkollhomx “konnessjoni teknika” għandha effett fuq in-numru ta’ installazzjonijiet li jeżistu wara t-trasferiment. Skont jekk ikunx hemm it-tieni jew it-tielet xenarju, wara t-trasferiment, jista’ jkun hemm installazzjoni unika, jew żewġ installazzjonijiet. |
2. Tifkiriet dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “attivitajiet li għandhom konnessjoni teknika”
54. |
Id-Direttiva 2003/87 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ attivitajiet “li għandhom konnessjoni teknika” Id-Direttiva 2003/87 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “attivitajiet li għandhom konnessjoni teknika”. |
55. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża, fis-sentenza tagħha fil-kawża Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ, li, essenzjalment, għandu jiġi konkluż li teżisti “konnessjoni teknika” bejn żewġ attivitajiet meta waħda minnhom tkun integrata fil-proċess tekniku komuni tal-oħra ( 18 ). |
56. |
F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward ta’ installazzjoni ta’ ħażna ta’ faħam u ta’ installazzjoni termoelettrika marbuta bejniethom permezz ta’ conveyor belt intiża sabiex tipprovdi l-faħam lill-installazzjoni termoelettrika, li l-faħam maħżun kien indispensabbli għall-funzjonament tal-imsemmija installazzjoni, u dan kien suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-attività ta’ ħażna kienet marbuta direttament mal-attività tagħha ( 19 ). |
57. |
Nirrikonoxxi li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirlix li eskludiet espressament li attività li ma tkunx “indispensabbli” għal oħra tkun meqjusa wkoll li “għandha konnessjoni teknika” ma’ din tal-aħħar. Madankollu, jien nifhem il-kriterju adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li s-sitwazzjonijiet li fihom attivitajiet għandhom jitqiesu li għandhom “konnessjoni teknika” jinkludu, f’kull każ, dawk fejn l-integrità tal-installazzjoni tista’ tiġi ppreġudikati jekk hija ma tkunx tista’ tibbenefika iktar mill-attività ttrasferita ( 20 ). |
3. Identifikazzjoni tax-xenarju li taħtu taqa’ l-kawża prinċipali
58. |
Huwa ċar li l-ewwel xenarju identifikat fis-sotto-sezzjoni 1 ma huwiex dak li jinteressana fiċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, Granarolo ttrasferiet, lil EBS, biss il-proprjetà tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni tagħha, filwaqt li l-awtorizzazzjoni li hija għandha tkopri fl-istess waqt din l-installazzjoni u l-istabbiliment ta’ produzzjoni, li tiegħu żammet il-proprjetà. |
59. |
F’dan il-każ, għandu għaldaqstant jiġi eżaminat, fid-dawl tal-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja u b’riżerva għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, jekk l-attività ttrasferita minn Granarolo lil EBS għandhiex “konnessjoni teknika” mal-attivitajiet l-oħra li jitwettqu fl-installazzjoni li għaliha din l-ewwel intrapriża għandha awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra. |
60. |
Fuq dan il-punt, il-Gvern Taljan jargumenta li, la darba l-enerġija prodotta mill-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni ta’ EBS hija speċifikament maħsuba għall-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo u li dawn iż-żewġ installazzjonijiet huma fiżikament marbuta bejniethom, l-attivitajiet tagħhom għandhom “konnessjoni teknika”. |
61. |
Granarolo tikkontesta dan l-argument u ssostni, l-istess bħal EBS u l-Kummissjoni, li l-attività li titwettaq fl-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni ma għandhiex “konnessjoni teknika” mal-attivitajiet li din twettaq fl-istabbiliment ta’ produzzjoni tagħha u ma tistax titqies li hija marbuta direttament magħha. |
62. |
Naqbel ma’ din l-opinjoni. |
63. |
Fil-fatt, kif innotajt fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ attivitajiet “konnessi teknikament” ma huwiex suffiċjenti li huma jkunu konnessi bi kwalunkwe mod, imma jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-attività ttrasferita hija integrata fil-proċess tekniku komuni tal-attivitajiet l-oħra taċ-ċedent. |
64. |
F’dan il-każ, mill-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni hija marbuta mal-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo biss permezz ta’ network ta’ distribuzzjoni (jiġifieri kajbils), li jippermettu l-provvista tal-enerġija. |
65. |
Dan in-network ta’ distribuzzjoni, għalkemm jiggarantixxi lil Granarolo aċċess privileġġjat għall-enerġija prodotta minn EBS, ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ konnessjoni teknika bejn l-attivitajiet ta’ dawn iż-żewġ installazzjonijiet, għaliex, kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, dan l-istabbiliment jista’ jkompli jeżerċita l-attività tiegħu saħansitra f’każ ta’ malfunzjonament u ta’ interruzzjoni tal-attività tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni. Din l-aħħar konstatazzjoni jidhirli li hija deċiżiva. |
66. |
F’dan ir-rigward, miċ-ċirkustanzi fattwali esposti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-istabbiliment ta’ produzzjoni huwa konness man-network tal-elettriku nazzjonali, li jippermetti li huwa jkun fornut bl-elettriku anki fl-assenza ta’ provvista adegwata minn EBS ( 21 ). |
67. |
Barra minn hekk, l-imsemmi stabbiliment innifsu għandu installazzjoni termika, komposta minn tliet bojlers. Skont Granarolo, fil-każ fejn l-enerġija termika tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkonsenjata lilha, din l-installazzjoni termika tkun suffiċjenti sabiex tipproduċi l-enerġija termika kollha neċessarja għall-bżonnijiet ta’ produzzjoni tagħha. |
68. |
Dawn l-elementi jindikaw, fil-fehma tiegħi, li l-attività ta’ produzzjoni tal-enerġija termika u tal-elettriku ta’ installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex integrata mal-proċess tekniku komuni ta’ stabbiliment ta’ produzzjoni bħal dak operat minn Granarolo. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ Granarolo kien jista’ effettivament jiffunzjona qabel ma nbniet l-installazzjoni. Għaldaqstant dan huwa każ oppost għal dak tal-installazzjoni li taħdem bil-faħam fil-kawża li tat lok għas-sentenza Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ ( 22 ), li ma setgħetx teżerċita l-attività tagħha mingħajr il-faħam li jitwassal permezz ta’ conveyor belt mill-installazzjoni ta’ ħażna. |
69. |
F’dawn il-kundizzjonijiet, jien konvint li, f’kawża bħal dik prinċipali, l-attività ttrasferita u l-attivitajiet li jitwettqu fl-istabbiliment ta’ produzzjoni li tiegħu ċ-ċedent żamm il-proprjetà ma għandhomx “konnessjoni teknika”. B’mod partikolari, kif indikaw korrettament EBS u l-Kummissjoni, ir-relazzjoni li tikkaratterizza dawn l-attivitajiet, minflok ma tikkostitwixxi “rabta teknika”, jidhirli li hija waħda ta’ natura purament kuntrattwali. |
70. |
Il-konklużjoni kuntrarja twassal sabiex jitqies li, minħabba l-fatt biss li huma konnessi b’network elettriku, il-fornituri kollha ta’ servizzi tal-enerġija jeżerċitaw attivitajiet li għandhom “konnessjoni teknika” ma’ dik tal-klijenti tagħhom, li jwassal għal sovrappożizzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jistgħu jiġu imputati lilhom u jagħmel il-funzjonament tal-ETS impossibbli ( 23 ). |
71. |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-attività li titwettaq f’installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni bħal dik ittrasferita, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, minn Granarolo lil EBS ma għandhiex titqies li għandha “konnessjoni teknika” mal-attivitajiet li jitwettqu fi stabbiliment ta’ produzzjoni li, l-istess bħal dak ta’ Granarolo, jista’ jkompli jiffunzjona mingħajr din l-installazzjoni. |
72. |
Kawża bħal dik prinċipali taqa’ għaldaqstant fit-tieni xenarju deskritt fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
73. |
F’tali xenarju, jidhirli, barra minn hekk, li l-fatt biss li l-unitajiet tekniċi kienu ttrattati, qabel it-trasferiment, bħala l-istess “installazzjoni” waħda ma jippreġudikax il-konklużjoni li issa jeżistu żewġ installazzjonijiet. Jekk l-attivitajiet taċ-ċedent u taċ-ċessjonarju ma għandhomx konnessjoni teknika bejniethom, l-unità teknika li tippermetti t-twettiq tal-attività ttrasferita għandha, wara t-trasferiment, tiġi kkunsidrata bħala separata minn dik fejn jitwettqu l-attivitajiet taċ-ċedent. |
74. |
F’dan ir-rigward, infakkar li, skont l-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87, meta ma hemmx kwistjoni jekk attivitajiet għandhomx “konnessjoni teknika” ma dawk eżerċitati f’installazzjoni, dan huwa sempliċement il-każ, kif sostna l-Gvern Ċek, li tiġi identifikata unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività waħda jew diversi attivitajiet minn fost dawk indikati fl-Anness I ta’ din id-direttiva. |
75. |
Issa, jien naqbel mal-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ ( 24 ), li l-kunċett ta’ “unità teknika” ma huwiex iddefinit u jista’ jiġi interpretat b’mod flessibbli. |
76. |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern Taljan, mill-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87 ma jirriżultax li l-perimetru ta’ installazzjoni ma jista’ qatt jiġi estiż, jew imċekken, jew li l-konfigurazzjoni tal-installazzjoni ma tista’ qatt tiġi varjata, ladarba tkun inħarġet l-ewwel awtorizzazzjoni. |
77. |
Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex tiffriża għal dejjem id-deskrizzjoni li ssir ta’ installazzjoni fl-ewwel awtorizzazzjoni li tikkonċernaha u fil-fehma tiegħi, dan imur kontra l-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/87, li jipprevedi li installazzjoni hija suġġetta għal tibdil f’dak li jikkonċerna n-natura tagħha, il-funzjonament tagħha u l-kapaċità tagħha. |
78. |
Minn dan kollu jsegwi, fil-fehma tiegħi, li unitajiet tekniċi li l-attivitajiet tagħhom ma għandhomx “konnessjoni teknika” bejniethom għandhom, f’każ ta’ trasferiment ta’ waħda minnhom, jitqiesu bħala installazzjonijiet separati ( 25 ), irrispettivament minn jekk huma kinux identifikati fl-ewwel awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra bħala li jiffurmaw l-istess “installazzjoni” waħda. |
79. |
Dan għandu jkun il-każ tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni ta’ EBS u tal-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo: dawn ma jistgħux jitqiesu li jifformaw l-istess installazzjoni waħda, iżda tabilħaqq bħala żewġ installazzjonijiet separati. |
80. |
Fis-sezzjoni segwenti, ser nanalizza l-kwistjoni ta’ jekk l-emissjonijiet ta’ installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux madankollu, għar-raġuni li dawn huma diġà koperti mill-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra li jgawdi ċ-ċedent, dejjem jiġu imputati lil din il-kumpannija wara t-trasferiment. Sejjer nirrispondi fin-negattiv, billi nindika li huwa biss l-operatur ta’ tali installazzjoni li jista’ jkun responsabbli għal dawn l-emissjonijiet. Imbagħad, sejjer neżamina jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kumpannija bħal Granarolo tistax titqies li hija dejjem “l-operatur” ta’ tali installazzjoni. Ser nikkonkludi li jidhirli li hija biss EBS li tissodisfa din il-funzjoni. |
C. Fuq il-ħtieġa li l-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tintrabat mal-operatur
81. |
Infakkar li l-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li “operatur”, tfisser kull persuna li “tħaddem jew tikkontrolla” installazzjoni jew li, meta dan huwa pprovdut fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jkollha “saħħa ekonomika deċiżiva fuq il-funzjonament tekniku” tal-installazzjoni. |
82. |
Barra minn hekk, l-għan tal-ETS huwa, kif indikajt fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tnaqqis tal-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika. Ma huwiex dak li jillimita t-tranżazzjonijiet li jistgħu jitwettqu mill-impriżi li jħaddmu installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-ETS. Prova ta’ dan, kif ikkonstatajt fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tielet sentenza tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/87 tipprevedi espressament is-sitwazzjoni ta’ tibdil tal-operatur. |
83. |
Fid-dawl ta’ dan l-għan, inqis, l-istess bħal Granarolo, bħal EBS u bħall-Kummissjoni, li awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tista’ tkopri biss l-installazzjonijiet jew partijiet ta’ installazzjoni li “tħaddem” l-impriża detentriċi tal-awtorizzazzjoni. |
84. |
Fil-fehma tiegħi, kull interpretazzjoni oħra tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 għaliex tkun timplika, kif Granarolo enfasizzat korrettament waqt is-seduta, li l-awtorizzazzjoni tista’ tkun detenuta minn persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tikkontrolla l-emissjonijiet tal-installazzjoni. Meħud inkunsiderazzjoni r-riskju li l-emissjonijiet la jkunu, jekk ikun il-każ, ikkontrollati u lanqas ma jkunu ddikjarati korrettament, minn dan ikun jirriżulta preġudizzju għall-ETS. |
85. |
It-teżi proposta mill-Gvern Taljan u minn dak Ċek, li twassal sabiex torbot l-awtorizzazzjoni mal-installazzjoni, minflok mal-operatur, jidhirli li hija, barra minn hekk, żbaljata, għaliex, kif indikat korrettament il-Kummissjoni waqt is-seduta, mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta b’mod ċar li huwa abbażi tal-eżistenza ta’ operatur li jista’ jissorvelja u jiddikjara l-emissjonijiet li tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra ( 26 ) |
86. |
Ir-rekwiżiti formali stabbiliti, b’mod partikolari, fl-imsemmi Artikolu 6(2) jikkonfermaw ukoll il-fatt li huwa biss l-operatur li jista’ jkun detentur ta’ din l-awtorizzazzjoni ( 27 ). B’mod partikolari, il-ħruġ tal-awtorizzazzjoni huwa, skont din id-dispożizzjoni, suġġett għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-obbligu li abbażi tiegħu l-operaturi huma obbligati li jirrestitwixxu, qabel it-30 ta’ April tas-sena kurrenti, sabiex jiġu kkanċellati, għadd ta’ kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti ( 28 ). Ir-rabta bejn dan l-obbligu u l-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tikkonferma, fil-fehma tiegħi, li ebda impriża minbarra l-operatur li fuqu huwa impost l-obbligu li jirrestitwixxi dawn il-kwoti ma tista’ tkun detentriċi ta’ din l-awtorizzazzjoni ( 29 ). |
87. |
Jidhirli li l-kliem tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/87 jikkorrobora din l-interpretazzjoni. Huwa jipprovdi li l-Istat Membri għandhom jiżguraw illi, mill-1 ta’ Jannar 2005, l-ebda installazzjoni ma teżerċita attività elenkata fl-Anness I ta’ din id-direttiva li tirriżulta fl-emissjonijiet speċifikati b’rabta ma din l-attività, sakemm l-operatur tagħha ma jkollux awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità kompetenti, u sakemm l-istallazzjoni ma tkunx eskluża mill-ETS ( 30 ). |
88. |
Mid-dispożizzjonijiet preċedenti, niddeduċi li awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tista’ tkopri biss l-installazzjonijiet jew partijiet ta’ installazzjoni li “tħaddem” l-impriża detentriċi tal-awtorizzazzjoni u li fir-rigward tagħhom hija tista’ tissorvelja u tiddikjara l-emissjonijiet. |
89. |
L-argument tal-Gvern Ċek li d-Direttiva 2003/87 għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ direttivi oħra fil-qasam ta’ emissjonijiet industrijali u, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2010/75/UE ( 31 ), ma jidhirlix li jista’ jwassal għal riżultat differenti. |
90. |
Dan il-gvern jikkunsidra li, fil-kuntest tad-Direttiva 2003/87, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2010/75, hija possibbli l-eżistenza ta’ diversi operaturi għal partijiet differenti tal-istess installazzjoni. Skont dan il-gvern, l-eżistenza ta’ diversi operaturi għal-partijiet differenti tal-istess installazzjoni ma tipprekludix li dawn jitqiesu bħala li jifformaw installazzjoni waħda. A fortiori, lanqas l-għoti tal-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra ma tiddependi fuq l-eżistenza ta’ operatur uniku. |
91. |
Issa dan l-argument ma jneħħi xejn mill-fatt li, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet li jien fakkart hawn fuq, awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tista’ tingħata biss bil-kundizzjoni li jeżisti minn tal-inqas operatur wieħed li jkun jista’ jissorvelja u jiddikjara l-emissjonijiet ta’ tali installazzjoni. Barra minn hekk, minn imkien ma jirriżulta li din l-awtorizzazzjoni tista’ tkun detenuta minn persuna li ma toperax l-installazzjoni msemmija fiha. |
92. |
F’kull każ, l-imsemmi argument jikkonċerna x-xenarju fejn jeżistu diversi operaturi għall-istess installazzjoni, filwaqt li, kif jirriżulta mis-sezzjoni B ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hijiex kwistjoni ta’ tali sitwazzjoni f’din il-kawża ( 32 ). Għaldaqstant, jidhirli li t-triq ta’ riflessjoni proposta mill-Gvern Ċek hija irrilevanti. |
93. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-emissjonijiet ta’ installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni ma jistgħux jiġu imputati lis-sid preċedenti tagħha għar-raġuni biss li huma diġà koperti bl-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tiegħu. Huma jistgħu jiġu imputati biss lill-operatur ta’ din l-installazzjoni, jiġifieri lill-persuna li tkun tista’ tissorvelja u tiddikjara dawn l-emissjonijiet u li hija responsabbli għalihom. |
D. Fuq l-identifikazzjoni tal-operatur
94. |
Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma jidhirlix li l-klawżoli kuntrattwali bejn Granarolo u EBS l jindikaw li Granarolo kellha żżomm kontroll, fuq l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni, tali li hija tkompli tkun l-“operatur” tagħha u li l-emissjonijiet ta’ din l-installazzjoni jistgħu jibqgħu jiġu imputati lilha, minkejja l-bidla tal-proprjetarju. |
95. |
Infakkar li, skont Granarolo u EBS, it-trasferiment ta’ proprjetà tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni elimina kull kontroll minn Granarolo fuq din l-installazzjoni. |
96. |
Il-Gvern Taljan jiċħad dan l-argument u jikkunsidra li Granarolo għadha topera din l-installazzjoni. Din tal-aħħar għadha tiddependi fuq il-bżonnijiet tal-enerġija tal-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo, għaliex EBS intrabtet li tibqa’ tipprovdilha, għal perijodu ta’ tnax-il sena, l-enerġija meħtieġa għall-funzjonament ta’ dan l-istabbiliment, tat lil Granarolo d-dritt ta’ preferenza fuq xiri mill-ġdid ta’ din l-installazzjoni, u aċċettat li ebda xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew tiswija ma jsiru mingħajr l-approvazzjoni ta’ Granarolo. |
97. |
F’dan ir-rigward, diġà indikajt fil-punti 32 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet li mill-klawżoli miftehma bejn Granarolo u EBS jirriżulta li hija biss EBS li għandha s-setgħa li żżid jew tnaqqas il-kwantità tal-enerġija totali prodotta mill-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni. |
98. |
Id-dritt ta’ xiri mill-ġdid li tgawdi Granarolo, l-istess bħall-ħtieġa li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ din l-aħħar kumpannija qabel ma jsiru xogħlijiet f’din l-installazzjoni, bl-ebda mod ma jillimitaw din is-setgħa. |
99. |
Il-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jiżvelax ċirkustanzi fattwali oħra li minnhom jista’ jiġi dedott li Granarolo għadha topera din l-installazzjoni. |
100. |
Suġġett għal verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġu konkluż li Granarolo ma tistax tissorvelja l-emissjonijiet provenjenti mill-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-“operatur” li lilu għandhom jiġu imputati dawn l-emissjonijiet. Fil-fehma tiegħi, hija biss EBS li tissodisfa din il-funzjoni. |
E. Konklużjoni intermedja
101. |
Fil-fehma tiegħi, mill-elementi preċedenti jirriżulta li installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni u stabbiliment ta’ produzzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu li jiffurmaw parti mill-istess “installazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. |
102. |
F’dan ir-rigward, inqis, b’mod partikolari, li l-attività li titwettaq f’installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex “konnessjoni teknika” mal-attivitajiet ta’ stabbiliment ta’ produzzjoni li, l-istess bħal dak operat minn Granarolo, huwa konness man-network tal-elettriku nazzjonali u jista’ jibqa’ jiffunzjona anki f’każ ta’ waqfien tal-attività ta’ din l-installazzjoni. |
103. |
Barra minn hekk, sakemm il-klawżoli kuntrattwali miftehma bejn iċ-ċedenti u ċ-ċessjonarja jew ċirkustanzi fattwali oħra ma jindikawx li ċ-ċedenti żammet kontroll fuq din l-imsemmija installazzjoni tali li hija baqgħet l-“operatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2003/87 – li ma jidhirlix li huwa l-każ fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali –, hija biss iċ-ċessjonarja li għandha titqies li tissodisfa din il-funzjoni u għalhekk bħala li tista’ tissorvelja u tiddikjara l-emissjonijiet relatati magħha. Dawn l-emmissjonijiet ma jistgħux, għalhekk, jiġu imputati liċ-ċedenti u għandhom jitneħħew mill-awtorizzazzjoni tagħha ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, ma huwiex rilevanti wisq li l-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni li minnha dawn ġew emessi kienet, qabel it-trasferiment, ittrattata bħala li tifforma installazzjoni waħda unika mal-istabbiliment ta’ produzzjoni tagħha. |
F. Fuq il-kompatibbiltà mar-“regola ta’ aggregazzjoni” (it-tielet domanda preliminari)
104. |
Ser nispjega iktar ’il quddiem ir-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li r-“regola ta’ aggregazzjoni” stabbilita fil-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 ma tipprekludix li, fiċ-ċirkustanzi ta’ kawża bħal dik prinċipali, meħud inkonsiderazzjoni l-fatt li l-kapaċità termika ta’ kombustjoni tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni hija inqas minn 20 MW, l-emissjonijiet marbuta mal-iżvolġiment tal-attività ittrasferita minn Granarolo lil EBS joħorġu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni rationae materia ta’ din id-direttiva. |
105. |
Fil-fehma tiegħi, dan ir-riżultat ma jirriflettix evażjoni abbużiva tar-regoli tal-ETS, imma jitnissel mir-rieda espressa tal-leġiżlatur li jipprevedi regola de minimis u li jinkludi, fil-kamp tal-applikazzjoni rationae materiae tad-Direttiva 2003/87, biss l-installazzjonijiet li l-kapaċità termika totali tagħhom hija iktar minn 20 MW. |
106. |
F’dan ir-rigward, nikkonstata, l-ewwel nett, li r-“regola ta’ aggregazzjoni” ma għandhiex l-għan li żżomm lill-operaturi ekonomiċi milli jittrasferixxu l-installazzjonijiet tagħhom lil terzi, lanqas li twassal sabiex l-installazzjonijiet kollha li jiffunzjonaw permezz ta’ “kombustjoni ta’ [kombustibbli]” jkunu, sa fejn possibbli, inklużi fl-ETS ( 33 ). Għall-kuntrarju, mill-kliem tagħha jirriżulta li hija għandha tapplika “sabiex jiġi deċiż jekk tiddaħħalx fl-EU ETS”, li jimplika li jeżistu, preċiżament, sitwazzjonijiet fejn l-installazzjoni mhux ser tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex taqa’ taħt l-ETS ( 34 ). |
107. |
It-tieni nett, il-possibbiltà li l-emissjonijiet relatati ma installazzjoni ttrasferita ma humiex koperti mill-ETS ma tistax tiftiehem fis-sens li hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-operaturi ta’ installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-ETS sabiex jiddividuhom sabiex jittrasferixxu l-proprjetà tagħhom lil daqstant impriżi sussidjarji jew imsieħba kemm huwa meħtieġ sabiex, wara t-tranżazzjoni, l-ebda installazzjoni ma taqbeż il-livell ta’ 20 MW. |
108. |
F’dan ir-rigward, mis-sezzjoni D ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, jekk, minkejja l-bidla fil-proprjetarju, mill-klawżoli kuntrattwali miftehma bejn il-partijiet jew minn ċirkustanzi fattwali oħra jirriżulta li ċ-ċedent għadu jopera l-unità jew l-unitajiet tekniċi li fihom titwettaq l-attività ttrasferita, din impriża tista’ tiġi kkunsidrata bħala li għadha responsabbli għall-emissjonijiet relatati magħha. Jekk ikun il-każ, ir-regola ta’ aggregazzjoni għandha għaldaqstant tkompli tapplika kif kien il-każ qabel it-trasferiment. |
109. |
Jidhirli li din il-kunsiderazzjoni hija suffiċjenti sabiex tevita evażjoni abbużiva tal-ETS, filwaqt li tippreżerva l-libertà tal-operaturi li jwettqu għażliet organizzattivi leġittimi dwar l-attivitajiet tagħhom u li jeżerċitaw l-awtonomija kuntrattwali tagħhom. |
110. |
It-tielet nett, insibha diffiċli nifhem ir-raġunijiet li għalihom operatur bħal Granarolo jista’ jżid l-emissjonijiet li għalihom huwa kellu awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jieħu inkunsiderazzjoni emissjonijiet ta’ unità teknika ġdida mibnija fuq is-sit tiegħu li ma għandhiex konnessjoni teknika mal-attivitajiet l-oħra tiegħu ( 35 ), imma li, wara li jkun ittrasferiha lil terzi, ma jkunx jista’ jibqa’ jirtira l-emissjonijiet korrispondenti tal-awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra tiegħu, għar-raġuni biss li huwa kien l-operatur preċedenti tagħha. |
111. |
Fil-fatt, is-sitwazzjoni tiegħu ma hijiex allura differenti minn dik ta’ operatur ieħor, li, mingħajr ebda konnessjoni preċedenti ma’ din l-unità teknika, jiddeċiedi li jikkonkludi kuntratt ta’ provvista tal-enerġija ma’ dan l-istess terz. Inżid li, f’dan il-każ, kieku EBS bniet hija stess installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni qrib l-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ Granarolo, minflok ma xtrat dik ta’ din l-aħħar kumpannija, tali installazzjoni ma kinitx tkun, mill-bidunett, koperta bl-ETS, għaliex hija ma kinitx taqbeż il-livell ta’ 20 MW ( 36 ). |
112. |
Fl-aħħar nett, infakkar li l-għan ġenerali tal-ETS huwa dak li twassal għal tnaqqis globali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Issa, dan l-għan jista’ jintlaħaq aħjar jekk, kif Granarolo u EBS ippruvaw jagħmlu fil-kawża prinċipali, ikun possibbli li installazzjoni maħsuba għall-produzzjoni tal-elettriku u tal-enerġija termika tiġi ttrasferita lil impriża speċjalizzata li tkun tista’ tikkontrolla l-emissjonijiet ta’ din l-installazzjoni bl-iktar mod effettiv possibbli. |
V. Konklużjoni
113. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż
( 2 ) Il-prinċipju tal-ko-ġenerazzjoni jikkonsisti fil-produzzjoni simultanja tal-enerġija mekkanika, ikkonvertita f’elettriku, u tal-enerġija termika fl-istess installazzjoni u mill-istess sors ta’ enerġija (jiġifieri, permezz ta’ kombustjoni ta’ kombustibbli).
( 3 ) L-istess bħat-talba inizjali tagħha għal awtorizzazzjoni ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, it-talba ta’ aġġornament ta’ Granarolo ġiet indirizzata lill-Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del Protocollo di Kyoto (il-Kumitat Nazzjonali għall-Ġestjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u għas-Sostenn u l-Ġestjoni ta’ Attivitajiet ta’ Proġetti li jaqgħu taħt il-Protokoll ta’ Kyoto, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“Kumitat ETS”). “ETS” tfisser l-“iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni”. F’dawn il-konklużjonijiet ser nuża kemm din l-abbrevjazzjoni kif ukoll it-termini “skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni”.
( 4 ) Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra l-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (il-Ministru għall-Ambjent, għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Ibħra, l-Italja), il-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja), kif ukoll kontra l-Kumitat ETS.
( 5 ) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63).
( 6 ) Il-frażi “li jkollha konnessjoni teknika” u “assoċjata direttament” jintużaw fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “stallazzjoni”, fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87.
( 7 ) F’dak li jikkonċerna d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, nagħmel riferiment għall-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 8 ) Decreto legislativo n. 30 – Attuazione della direttiva 2009/29/CE che modifica la direttiva 2003/87/CE al fine di perfezionare ed estendere il sistema comunitario per lo scambio di quote di emissione di gas a effetto serra (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 30, dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/29 li Temenda d-Direttiva 2003/87 għat-Titjib u l-Estensjoni tal-Iskema Komunitarja għall-Iskambju tal-Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra), tat-13 ta’ Marzu 2013 (GURI Nru 79, tal-4 ta’ April 2013, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 30/2013”).
( 9 ) Traduzzjoni libera.
( 10 ) L-iskema tal-“emittenti żgħar” hija deskritta fl-Artikolu 38 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 30/2013 (li huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87). Il-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, fuq talba tal-persuna kkonċernata, il-Kumitat ETS jista’ jeskludi mill-iskema tal-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet l-installazzjonijiet li fihom jitwettqu attivitajiet ta’ “kombustjoni ta’ kombustibbli” li għandhom kapaċità termika totali, li għalkemm superjuri għal 20 MW (b’mod li jaqgħu taħt l-Anness I ta’ dan id-digriet), ma teċċedix 35 MW. F’dan il-każ, tista’ tqum il-mistoqsija dwar liema huwa l-interess ta’ Granarolo li tkun taf jekk l-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni għandhomx jiġu imputati lilha, jew għall-kuntrarju, jaqgħux taħt ir-responsabbiltà ta’ EBS. Fil-fatt, fid-dawl tal-figuri kkomunikati mill-partijiet, jidher li, anki jekk l-enerġija tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni tiġi magħduda ma’ dik tal-istabbiliment ta’ produzzjoni, il-valur riżultanti ikun inqas minn 35 MW. F’dan ir-rigward, ninnota madankollu li, waqt is-seduta, Granarolo indikat li r-raġuni li għaliha hija ma riditx li l-emissjonijiet tal-installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni jkunu imputati lilha kienet dik li l-kapaċità ta’ din l-installazzjoni setgħet tiżdied skont ix-xewqa ta’ EBS (pereżempju, sabiex tipprovdi l-enerġija lil terzi), li seta’ jwassal li jintlaħaq, jew jinqabeż, il-livell ta’ 35 MW mingħajr ma hija tkun tista’ tevita dan ir-riskju.
( 11 ) Il-kontenut ta’ din ir-regola huwa mfakkar fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:518, punti 62 sa 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara l-premessa 15 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva [2003/87] għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ExxonMobil Production Deutschland (C‑682/17, EU:C:2019:167, punt 69).
( 14 ) Dan l-għan huwa stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87. Ara, ukoll is-sentenzi tat-12 ta’ April 2018, PPC Power (C‑302/17, EU:C:2018:245, punt 18), kif ukoll tas-17 ta’ Mejju 2018, Evonik Degussa (C‑229/17, EU:C:2018:323, punt 41).
( 15 ) Nippreċiża li, min-naħa tiegħu, il-Gvern Taljan jikkunsidra li Granarolo baqgħet dejjem l-“operatur” ta’ din l-istallazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni. Sejjer neżamina l-mertu ta’ dan l-argument fis-sezzjoni D ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) Korsiv miżjud minni.
( 17 ) Ninnota, għal kull bwon fini, li l-Kummissjoni indikat, fid-dokument tagħha “Guidance on Interpretation of Annex I of the EU ETS Directive (excl. aviation activities)” (il-“Linji gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva [2003/87] (esklużi attivitajiet tal-avjazzjoni)”), tat-18 ta’ Marzu 2010 (p. 16), li installazzjoni tista’ tkun komposta minn diversi unitajiet. Dan id-dokument huwa disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/docs/guidance_interpretation_en.pdf.
( 18 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016 (C‑158/15, EU:C:2016:422, punt 30).
( 19 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Elektriciteits Produktiemaatschappij Zuid-Nederland EPZ (C‑158/15, EU:C:2016:422, punt 30).
( 20 ) Nippreċiża li din l-interpretazzjoni tirrifletti, essenzjalment dik proposta minn EBS waqt is-seduta, li matulha hija spjegat li teżisti konnessjoni teknika bejn żewġ attivitajiet meta l-waqfien ta’ parti mill-installazzjoni ddedikata għal waħda minn dawn l-attivitajiet timblokka l-funzjonament tal-kumplament tal-installazzjoni.
( 21 ) Nixtieq inżid li, skont Granarolo u EBS, huwa barra minn hekk teknikament possibbli, għal EBS, li tinjetta direttament l-elettriku prodott mill-installazzjoni ta’ ko‑ġenerazzjoni fin-network nazzjonali tal-elettriku.
( 22 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016 (C‑158/15, EU:C:2016:422).
( 23 ) Imwassal sal-estrem, dan ir-raġunament iwassal sabiex jitqies, pereżempju, li l-impriżi kollha li huma mqabbda man-netwerk nazzjonali tal-elettriku jeżerċitaw attivitajiet li għandhom “konnessjoni teknika” bejniethom, u evidentement dan ma huwiex il-każ.
( 24 ) C‑158/15, EU:C:2016:139, punt 27.
( 25 ) Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn l-installazzjoni inizjali tkun komposta minn “unità teknika” waħda (li ma huwiex il-każ f’din il-kawża), ma neskludix li, wara t-trasferiment, tibqa’ teżisti l-istess “installazzjoni” waħda, minn perspettiva teknika, filwaqt li l-emissjonijiet provenjenti minn din l-installazzjoni jiġu diviżi bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju skont il-partijiet minn din l-installazzjoni li tagħhom huma għandhom il-kontroll rispettivament.
( 26 ) Nippreċiża li, konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, awtorizzazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tista’ tkopri installazzjoni jew diversi installazzjonijiet imħaddma fuq l-istess sit mill-istess operatur. Għalhekk, ma hijiex daqstant il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni għal kull “installazzjoni”, imma pjuttost dik li din l-awtorizzazzjoni tkun tista’ tintrabat mal-persuna fiżika jew ġuridika li tista’ tissorvelja u tiddikjara l-emissjonijiet, li jidhirli li għandha preċedenza fid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva dwar ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.
( 27 ) Dawn ir-rekwiżiti jinkludu, inter alia, il-ħtieġa li l-imsemmija awtorizzazzjoni tinkludi l-isem u l-indirizz tal-operatur.
( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Vattenfall Europe Generation (C‑457/15, EU:C:2016:613, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Inżid li, għalkemm huwa minnu li, kif argumenta l-Gvern Taljan, l-inklużjoni ta’ installazzjoni fl-ETS tiddependi essenzjalment fuq il-karatteristiċi strutturali tagħha bħal ma huma t-tip ta’ attività li titwettaq, il-kapaċità termika totali ta’ kombustjoni tagħha u l-kwantità ta’ emissjonijiet prodotti, kundizzjonijiet oħra, elenkati fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/87, huma madankollu meħtieġa għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-emissjoni ta’ gassijiet serra.
( 30 ) Bl-istess mod, il-premessa 11 tad-Direttiva 2003/87 tipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-operaturi ta’ ċerti attivitajiet speċifiċi jkollhom permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra u li jimmonitorjaw u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra speċifikati fejn jidħlu dawn l-attivitajiet” (korsiv miżjud minni).
( 31 ) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż) (ĠU 2010, L 334, p. 17). Nippreċiża li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni”, prevista fl-Artikolu3(3) ta’ din id-direttiva hija kważi identika għal dik li tidher fl-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2003/87. Il-Kummissjoni enfasizzat dan ix-xebh kważi identiku fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema ta’ skambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill [SEC (2003)364 finali], aċċessibbli fuq il-websajt li ġej: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/FR/TXT/?uri=CELEX%3A52003SC0364 (b’mod partikolari fis-sitt paragrafu tal-punt 3.2.4 intitolat “Emendi supplementari adottati mill-Kunsill għall-proposta emendata). Inżid li, fi kliem l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/87, l-Istati Membri għandhom jieħdu “l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li […] il-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-ħruġ ta’ permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra jiġu kkoordinati ma’ dawk għall-permess ipprovdut f’din id-[Direttiva 2010/75]”.
( 32 ) L-eżistenza ta’ diversi operaturi għal partijiet differenti tal-istess installazzjoni jidhirli li hija, f’kull każ, possibbli fil-kuntest tad-Direttiva 2003/87 l-istess bħal f’dak tad-Direttiva 2010/75. Ċertament, il-kunċett ta’ “operatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(f) ta’ din l-ewwel direttiva huwa differenti minn dak iddefinit fl-Artikolu 3(15) ta’ din it-tieni direttiva, għaliex, kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta, din l-aħħar dispożizzjoni tindika “kull persuna fiżika jew ġuridika li topera jew tikkontrolla l-installazzjoni […] kollha jew parti minnhom” u għalhekk ma tillimitax ruħha għal dik li “tħaddem jew tikkontrolla stallazzjoni” (korsiv miżjud minni). Madankollu, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li “[l]-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra li jagħti awtorizzazzjoni għall-emissjoni tal-gassijiet serra dinja minn stallazzjoni fl-intier tagħha jew f’parti minnha […]” (korsiv miżjud minni).
( 33 ) Kif issostni Granarolo, il-Kummissjoni fid-dokument tagħha “Guidance on Interpretation of Annex I of the EU ETS Directive (excl. aviation activities)” (il-“Linji gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva [2003/87] (esklużi attivitajiet tal-avjazzjoni)”), tat-18 ta’ Marzu 2010 (p. 16), indikat li r-“regola ta’ aggregazzjoni” għandha l-għan li tittratta b’mod ugwali l-installazzjonijiet tal-istess kapaċità, anki jekk waħda teżerċita l-attività tagħha permezz ta’ diversi unitajiet żgħar ta’ produzzjoni, u l-oħra, min-naħa l-oħra, permezz ta’ unità waħda kbira. Il-link għal dan is-sit tal-internet fejn huwa disponibbli dan id-dokument hija indikata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) F’kull każ, infakkar, li konformement mal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2003/87 (dwar dik li hija komunement imsejħa l-“iskema tal-emittenti żgħar”), l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jeskludu mill-ETS lill-installazzjonijiet li, minkejja li jeċċedu l-livell ta’ 20 MW, għandhom kapaċità termika ta’ kombustjoni inqas minn 35 MW. Isegwi minn dan li, anki jekk tiġi applikata r-regola ta’ aggregazzjoni prevista fil-punt 3 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, wara trasferiment u jekk jitqies li teżisti installazzjoni waħda biss li tgħaqqad l-attività ttrasferita u dik taċ-ċessjonarju, tali installazzjoni tista’, minkejja kollox, tiġi eskluża mill-ETS.
( 35 ) Ara punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Bħala eżempju, Granarolo tindika li, fuq wieħed mis-siti industrijali l-oħra tagħha (differenti minn dak ta’ Pasturago di Vernate), l-installazzjoni tagħha ta’ ko-ġenerazzjoni twaqqfet u li EBS bniet, qrib l-istabbiliment ta’ produzzjoni ta’ dan is-sit, installazzjoni ġdida ta’ ko-ġenerazzjoni. Il-fatt li din l-aħħar installazzjoni hija s-suġġett ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija bejn EBS u Granarolo ma jwassalx għar-riżultat li l-emissjonijiet relatati magħha jiġu imputati lil din l-aħħar kumpannija.