Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0597

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-17 ta’ Diċembru 2020.
Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited vs Telenet BVBA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Ondernemingsrechtbank Antwerpen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) u (2) – Kunċett ta’ ‘tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku' – Tniżżil permezz ta’ network peer-to-peer ta’ fajl li fih xogħol protett u tqegħid għad-dispożizzjoni simultanju tas‑segmenti ta’ dan il-fajl sabiex jittellgħu minn utenti oħra – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 3(2) – Użu abbużiv tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji – Artikolu 4 – Persuni intitolati li jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal‑proċeduri u tar-rimedji – Artikolu 8 – Dritt għal informazzjoni – Artikolu 13 – Kunċett ta’ ‘dannu' – Regolament (UE) 2016/679 – Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali – Legalità tal-ipproċessar – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Miżuri leġiżlattivi intiżi li jillimitaw il‑portata tad-drittijiet u tal-obbligi – Drittijiet fundamentali – Artikoli 7 u 8, Artikolu 17(2) kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-597/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:1063

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑17 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑597/19

Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited

vs

Telenet BVBA,

fil‑preżenza ta’

Proximus NV,

Scarlet Belgium NV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ – Tniżżil permezz ta’ netwerk pari għal pari (peer-to-peer) ta’ fajl li fih xogħol protett u tqegħid għad-dispożizzjoni simultanju tas-segmenti ta’ dan il-fajl sabiex jittellgħu minn utenti oħra – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 3(2) – Użu abbużiv tal-miżuri, proċeduri u rimedji – Artikolu 4 – Persuni intitolati li jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji – Artikolu 8 – Dritt għal informazzjoni – Artikolu 13 – Kunċett ta’ ‘dannu’ – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 6(1)(f) – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Legalità tal-ipproċessar – Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 kif ukoll l-Artikolu 17(2)”

Introduzzjoni

1.

Il-fenomenu tal-kondiviżjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur u mid-drittijiet relatati mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet fuq netwerks pari għal pari (peer-to-peer) huwa, għall-artisti u l-industrija tal-kultura u tad-divertiment, wieħed mill-ikbar uġigħ ta’ ras marbuta mal-internet. Dan il-fenomenu qiegħed jikber b’mod kunsiderevoli u jiġġenera telf ta’ biljuni kull sena ( 2 ). Il-ġlieda kontrih hija wkoll estremament diffiċli, b’mod partikolari, minħabba n-natura ddeċentralizzata ta’ dawn in-netwerks u ċertu sostenn popolari għall-idea tal-aċċess b’xejn għall-kultura u d-divertiment. Għalhekk, ma huwiex ta’ sorpriża li f’dan ir-rigward joħorġu, b’mod kostanti, kwistjonijiet legali ġodda.

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li t-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni fuq l-internet, li tippermetti lill-utenti ta’ din il-pjattaforma jsibu xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur u jikkondividuhom fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer, jikkostitwixxu komunikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet lill-pubbliku meta dawn ikunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq dan in-netwerk mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ( 3 ). Madankollu, jirriżulta li kwistjoni ferm iktar fundamentali tqajjem problema wkoll: l-utenti ta’ netwerk peer-to-peer innifishom iwettqu atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku? Minkejja li mal-ewwel daqqa t’għajn jidher li tweġiba affermattiva hija evidenti, argumenti intelliġenti bbażati fuq il-partikolaritajiet ta’ dawn in-netwerks jippermettu li jiġi sostnut il-kuntrarju. Għalhekk, il-fatt li eluf ta’ persuni jkollhom aċċess għax-xogħlijiet mingħajr ma jħallsu l-prezz ikun miraklu. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni tiċċara dan il-punt.

3.

Fid-dawl ta’ dawn id-diffikultajiet legali, ċerti detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati jiddeċiedu li jiksbu tpattija għax-xogħol tagħhom mill-utenti tan-netwerks peer-to-peer. Impriżi jew kmamar tal-avukati speċjalizzati jakkwistaw drittijiet ta’ użu limitati fuq xogħlijiet bil-għan uniku li jkunu jistgħu jużaw il-proċeduri ġudizzjarji sabiex jiksbu l-ismijiet u l-indirizzi ta’ dawn l-utenti, billi jkunu identifikaw minn qabel l-indirizzi IP tal-konnessjonijiet tal-internet tagħhom. Talbiet għall-kumpens fir-rigward tal-allegati danni mġarrba minn dawn l-impriżi jintbagħtu mbagħad lil dawn l-utenti, b’theddida ta’ proċeduri ġudizzjarji. Madankollu, ħafna drabi, minflok jibdew rimedji quddiem il-qrati, dawn l-impriżi jipproponu ftehim bonarju, li jipprevedi l-ħlas ta’ somma li, minkejja li kultant tkun teċċedi d-dannu reali, hija ferm inqas mill-kumpens li jista’ jintalab ġudizzjarjament. Għalhekk, anki jekk parti biss mill-persuni kkuntattjati jaqblu li jħallsu, l-impriżi inkwistjoni jistgħu jagħmlu dħul minnu li kultant jaqbeż dak ġej mill-użu legali tax-xogħlijiet, dħul li mbagħad huma jaqsmu mad-detenturi tad-drittijiet fuq dawn ix-xogħlijiet.

4.

Minkejja li l-proċess huwa, litteralment, legali, dan jammonta madankollu għall-isfruttament mhux tad-drittijiet ekonomiċi tal-awtur, iżda tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet, billi joħloq b’hekk sors ta’ dħul ibbażat fuq il-ksur tad-dritt. Għalhekk, id-dritt tal-awtur huwa ddevjat mill-għanijiet tiegħu u użat, saħansitra abbużat, għall-finijiet li huma barranin għalih.

5.

Impriża li taġixxi b’dan il-mod hija ħafna drabi msejħa mid-dottrina bħala “troll tad-dritt tal-awtur” (copyright troll) ( 4 ). Is-sistema ġuridika tal-Istati Uniti donnha hija partikolarment propizja għall-copyright trolls, iżda l-fenomenu huwa preżenti wkoll f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba twieġeb għall-kwistjoni dwar sa fejn is-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali stabbilita fid-dritt tal-Unjoni tippermetti, jew teħtieġ, li jittieħed inkunsiderazzjoni tali użu abbużiv, jekk dan isir, waqt l-applikazzjoni tal-istrumenti legali li tinkludi din is-sistema.

6.

Din it-tweġiba għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rabta bejn, minn naħa, il-protezzjoni ġudizzjarja neċessarja tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, u min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-data personali tal-eventwali persuni li jwettqu ksur.

Il-kuntest ġuridiku

7.

It-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża ma tinkludi ebda deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali. Għalhekk, f’din il-parti tal-konklużjonijiet, ser nippreżenta biss il-kuntest tad-dritt tal-Unjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha taddatta l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kuntest ġuridiku nazzjonali tagħha.

Id-dritt tal-proprjetà intellettwali

8.

Skont l-Artikolu 3(1) u (2)(ċ) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ( 5 ):

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

[…]

ċ)

għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

[…]”

9.

Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

10.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( 6 ) jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti [fl-Unjoni] jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-[Unjoni] u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fuq l-infurzar tad-drittijiet u fuq l-eċċezzjonijiet li qegħdin fil-leġislazzjoni tal-[Unjoni] li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet oħra relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur, l-aktar dawk li huma fid-Direttiva [2001/29] u, b’mod partikolari, […] l-Artikolu 8 tiegħu.

3.   Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

a) […] id-Direttiva 95/46/KE [ ( 7 )] […]

[…]”

11.

Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva jirregola l-“[m]iżuri, il-proċeduri u r-rimedji” neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

12.

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jistabbilixxxi:

“L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f’dan il-kapitolu:

a)

id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

b)

il-persuni l-oħra kollha awtoriżżati, b’mod partikolari dawk li għandhom liċenza, safejn huwa permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

ċ)

is-soċjetajiet li jamministraw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod kollettiv li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

d)

is-soċjetajiet professjonali ta’ difiża li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli.”

13.

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

[…]

ċ)

instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu; jew

[…]

2.   L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:

a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

[…]

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

[…]

e)

jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali.”

14.

Finalment, skont l-Artikolu 13(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

[…]

2.   Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”

Id-dritt tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

15.

Skont l-Artikolu 2(a) u (c) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) ( 8 ), kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 ( 9 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/21”):

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘network ta’ komunikazzjoni elettronika’ tfisser sistemi ta’ trażmissjoni u, fejn applikabbli, apparat għall-kommutazzjoni jew ta’ routing u riżorsi oħra, li jinkludi elementi ta’ network li mhumiex attivi, li jippermettu t-twassil ta’ sinjali permezz ta’ wajer, radju, mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra, inklużi networks tas-satellita, networks fissi (circuit- u packet-switched, inkluż l-Internet) u mobbli terrestri, sistemi ta’ kejbil tal-elettriku, sal-punt li jintużaw għall-għan ta’ trażmissjoni tas-sinjali, networks użati għax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, u networks tat-televiżjoni bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta’ informazzjoni mwassla;

[…]

c)

‘sevizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi; ma jinkludix servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE [ ( 10 )], li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

16.

L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ( 11 ), kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 ( 12 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni].

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. […]”

17.

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva [2002/21].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘utent’ tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

b)

‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

[…]

d)

‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. […]”

18.

Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.”

19.

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).”

20.

Finalment skont l-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5 [u] l-Artikolu 6 […] ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni], inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data personali

21.

L-Artikolu 4(1), (2), (7) u (9) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 13 ), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]

9)

‘riċevitur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. […]”

22.

Skont l-Artikolu 6(1)(f) ta’ dan ir-regolament:

“L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.”

23.

Skont l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament:

“1.   L-ipproċessar ta’ data […] dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

[…]

f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali jew kull darba li l-qrati jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

g)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

[…]”

24.

Skont l-Artikolu 23(1)(i) u (j) tal-istess regolament:

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

i)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

j)

l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.”

25.

Finalment, l-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament 2016/679 huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 94

Tħassir tad-Direttiva [95/46]

1.   Id-Direttiva [95/46] titħassar b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. […]

Artikolu 95

Relazzjoni mad-Direttiva [2002/58]

Dan ir-Regolament m’għandux jimponi obbligi addizzjonali fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi dwar l-ipproċessar b’rabta mal-provvediment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku fin-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni fl-Unjoni b’rabta ma’ kwistjonijiet li għalihom ikunu soġġetti għal obbligi speċifiċi bl-istess objettiv stabbilit fid-Direttiva [2002/58].”

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

26.

Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited (iktar ’il quddiem “Mircom”) hija kumpannija tad-dritt Ċiprijott. Permezz ta’ kuntratti konklużi ma’ diversi produtturi tal-films ta’ ġeneru erotiku stabbiliti fl-Istati Uniti u l-Kanada, hija għandha liċenzji għall-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-films tagħhom f’netwerks peer-to-peer u f’netwerks ta’ kondiviżjoni ta’ fajls fuq l-internet, b’mod partikolari fit-territorju tal-“Ewropa”. Barra minn hekk, dawn il-kuntratti jobbligaw lil Mircom tfittex l-atti ta’ ksur tad-drittijiet esklużivi ta’ dawn il-produtturi mwettqa fuq in-netwerks peer-to-peer u n-netwerks ta’ kondiviżjoni ta’ fajls u tieħu azzjoni, f’isimha proprju, kontra l-awturi ta’ dan il-ksur sabiex tikseb kumpens, li minnu għandha tħallas 50 % tal-ammonti lill-imsemmija produtturi.

27.

Telenet BVBA, kif ukoll Proximus NV u Scarlet Belgium NV, huma fornituri tal-aċċess għall-internet fil-Belġju.

28.

Fis-6 ta’ Ġunju 2019, Mircom adixxiet lill-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju) b’azzjoni li permezz tagħha titlob, b’mod partikolari, li Telenet tiġi ordnata tipproduċi d-data ta’ identifikazzjoni tal-klijenti tagħha li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom kienu ntużaw għall-kondiviżjoni, fuq netwerk peer-to-peer permezz tal-protokoll BitTorrent, ta’ films li huma fil-katalogu ta’ Mircom. L-indirizzi IP tal-imsemmija konnessjonijiet kienu nġabru għan-nom ta’ Mircom minn Media Protector GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, permezz ta’ softwer speċjalizzat. Telenet topponi għal din it-talba.

29.

Proximus u Scarlet Belgium, li huma wkoll is-suġġett ta’ rikorsi simili min-naħa ta’ Mircom, kienu awtorizzati mill-qorti tar-rinviju sabiex jintervjenu fil-proċedura prinċipali insostenn tat-talbiet ta’ Telenet.

30.

L-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen) għandha dubji dwar il-fondatezza tat-talba ta’ Mircom. Fl-ewwel lok, hija tistaqsi jekk, fid-dawl tan-natura speċifika tan-netwerks peer-to-peer, l-utenti jwettqux atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet li huma jikkondividu fuq dawn in-netwerks. Fit-tieni lok, din il-qorti tiddubita jekk kumpannija bħal Mircom tistax tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, sa fejn Mircom ma tisfruttax effettivament id-drittijiet miksuba tal-produtturi tal-films, iżda titlob biss kumpens lill-persuni li allegatament wettqu ksur. Tali aġir jikkorrispondi kważi perfettament għad-definizzjoni li tagħti d-dottrina tal-kunċett ta’ “copyright troll”. Finalment u fit-tielet lok, din il-qorti tiddubita mil-legalità tal-ġbir tal-indirizzi IP tal-utenti tal-internet li allegatament ikkondividew xogħlijiet protetti fuq in-netwerks peer-to-peer.

31.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

It-tniżżil permezz ta’ netwerk pari għal pari (peer-to-peer) ta’ fajl u t-tqegħid għad-dispożizzjoni simultanju tas-segmenti tiegħu (“partijiet”) (xi drabi frammentarji ħafna meta mqabbla mat-total) bil-għan tat-tniżżil tagħhom (seeding), jista’ jiġi assimilat ma’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, anki jekk dawn is-segmenti individwali huma inutilizzabbli fihom innifishom?

Jekk ikun il-każ,

b)

Jeżisti livell minimu li minnu s-seeding ta’ dawn is-segmenti jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku?

c)

Il-fatt li s-seeding jista’ jsir awtomatikament (b’riżultat tal-konfigurazzjonijiet tal-klijent [BitTorrent]) u għaldaqstant mingħajr l-għarfien tal-utent, huwa rilevanti?

2)

a)

Il-persuna li kuntrattwalment hija d-dententur tad-drittijiet tal-awtur (jew ta’ drittijiet relatati) li ma tisfruttahomx hija stess iżda sempliċement titlob kumpens mingħand dawk li allegatament iwettqu l-ksur u li l-mod ekonomiku ta’ dħul tagħha għaldaqstant jiddependi fuq l-eżistenza tal-piraterija minflok f’li tikkumbattiha, tista’ tgawdi mill-istess drittijiet bħal dawk tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48 mogħtija lill-awturi jew lill-persuni li għandhom liċenzja li tassew jisfruttaw id-drittijiet tal-awtur b’mod normali?

b)

Din il-persuna li għandha liċenzja kif tista’, f’dan il-każ, tkun ġarbet ‘dannu’ (fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva) minħabba dan il-ksur?

3)

Il-fatti konkreti indikati fid-domandi 1 u 2 huma rilevanti fl-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar korrett bejn, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mill-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Karta”], bħar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, u b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità?

4)

F’dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ir-reġistrazzjoni sistematika u sussegwentement l-ipproċessar ġenerali tal-indirizzi IP ta’ massa ta’ seeders (mill-persuna li għandha liċenzja nnifisha u minn terz f’isimha) huwa ġġustifikat fir-rigward tar-Regolament [2016/679] u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 6(1)(f) tiegħu?”

32.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2019. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Taljan, Awstrijak u dak Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati waqt is-seduta li nżammet fl-10 ta’ Settembru 2020.

Analiżi

33.

L-ewwel domanda preliminari tqajjem il-problema fundamentali tal-eżistenza nnifisha ta’ ksur tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati fil-każ ta’ kondiviżjoni ta’ xogħlijiet fuq in-netwerks peer-to-peer. It-tieni sar-raba’ domanda jirrigwardaw aspetti differenti tas-sitwazzjoni ta’ attur bħal Mircom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relattivi għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet, kif ukoll tal-protezzjoni tad-data personali. Għalhekk, naturalment għandi nibda minn din l-ewwel domanda.

Fuq l-ewwel domanda preliminari

34.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt esklużiv tat-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, jinkludix il-kondiviżjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet fuq in-netwerks peer-to-peer mill-utenti ta’ dawn in-netwerks. Il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, iżda jidher li huwa fuq kollox l-Artikolu 3(2)(ċ) tagħha li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li jirrigwarda d-drittijiet tal-produtturi tal-films. Madankollu, ma huwiex eskluż li dawn il-produtturi jkunu wkoll detenturi tad-drittijiet tal-awtur fuq il-produzzjonijiet tagħhom, kif ukoll ta’ drittijiet relatati oħrajn. Għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żewġ dispożizzjonijiet. Dawn jipprovdu protezzjoni ekwivalenti għal dak li jirrigwarda l-forma speċifika ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku, jiġifieri, it-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod li kull persuna jista’ jkollha aċċess għalihom mill-post u fil-ħin magħżul individwalment minnha.

35.

Fl-osservazzjonijiet tagħhom, Telenet, Proximus u Scarlet Belgium jirrifjutaw kategorikament l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fir-rigward tal-utenti tan-netwerks peer-to-peer, u fi kwalunkwe każ, għal dak li jirrigwarda l-utenti li jniżżlu fajls fuq dawn in-netwerks. Abbażi tal-ispeċifiċitajiet tal-funzjonament tan-netwerks peer-to-peer attwali, dawn il-partijiet jsostnu li s-segmenti tal-fajls li fihom ix-xogħlijiet inkwistjoni eventwalment imtellgħin ( 14 ) minn dawn l-utenti huma inutilizzabbli fihom innifishom u żgħar wisq sabiex jiġu assimilati, fi kwalunkwe każ taħt ċertu limitu, għal xogħol jew anki parti minnu. Barra minn hekk, dawn l-utenti ħafna drabi ma jkunux konxji tal-fatt li, meta jniżżlu x-xogħlijiet fuq l-imsemmija netwerks, dawn ikunu simultanjament imtellgħin lill-utenti oħrajn. Għalhekk, dawn il-partijiet jargumentaw li l-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku fuq netwerks peer-to-peer titwettaq biss mill-persuni li oriġinarjament iqiegħdu għad-dispożizzjoni xogħol fuq in-netwerk, flimkien, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 15 ), mal-amministraturi tas-siti tal-indiċjar tal-fajls. Għall-kuntrarju, l-utenti ordinarji tan-netwerks peer-to-peer jipprovdu biss installazzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta’ din il-komunikazzjoni lill-pubbliku. Dawn l-argumenti donnhom wasslu għall-ewwel domanda preliminari.

36.

Sabiex tingħata risposta, għandhom jitfakkru l-modalitajiet ta’ funzjonament tan-netwerks peer-to-peer ibbażati fuq it-teknoloġija tal-protokoll BitTorrent ( 16 ).

Il-funzjonament tal-protokoll BitTorrent

37.

Il-protokoll BitTorrent huwa protokoll li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ fajls f’netwerks peer-to-peer. Il-funzjonament tiegħu jeħtieġ it-tniżżil ta’ softwer speċifiku: il-“klijent BitTorrent” (BitTorrent client) ( 17 ). Dan is-softwer jaħdem permezz ta’ “fajls torrent” (torrent files). Il-fajls torrent ma jinkludux id-data li tikkostitwixxi l-forma diġitali tax-xogħol kondiviż ( 18 ), iżda metadata li tippermetti, b’mod partikolari, li jinstab fajl konkret li fih xogħol. Għal kull fajl li fih xogħol jinħoloq fajl torrent. Il-fajls torrent jistgħu jitniżżlu minn siti ta’ indiċjar li jeżistu fuq l-internet ( 19 ). Wara t-tniżżil tal-fajl torrent relattiv għax-xogħol imfittex (iktar preċiżament, għal fajl li fih dan ix-xogħol), il-client BitTorrent jikkuntattja qabel kollox server speċjali, it-tracker, li jindikalu l-kompjuters li qegħdin jipparteċipaw fin-netwerk peer-to-peer li għandhom il-fajl inkwistjoni ( 20 ). Imbagħad, il-client BitTorrent jagħmel kuntatt direttament ma’ dawn il-kompjuters ( 21 ) sabiex iniżżel il-fajl. Il-kompjuters li jikkondividu l-istess fajl jikkostitwixxu n-netwerk proprjament imsejjaħ peer-to-peer (swarm).

38.

Il-partikolarità tal-protokoll BitTorrent hija li l-fajls ma jittellgħux sħaħ, iżda jinqasmu f’segmenti żgħar (pieces). Dawn is-segmenti jitniżżlu f’ordni każwali, minn kompjuters differenti li jipparteċipaw fl-iswarm. L-informazzjoni fuq is-segmenti differenti neċessarji sabiex jiġi komplut il-fajl li ser jitniżżel tinsab fil-fajl torrent. Huwa il-klijent BitTorrent li jgħaqqad dawn is-segmenti sabiex joħloq (mill-ġdid) il-fajl li fih ix-xogħol. Partikolarità oħra tal-protokoll BitTorrent hija li kull segment ta’ fajl imniżżel jista’ jiġi simultanjament imtella’ lil pari oħra, u dan sat-tniżżil tal-fajl kollu. Dan jippermetti t-tkabbir kunsiderevoli tal-veloċità tat-tniżżil għall-pari kollha, għaliex din tiddependi, b’mod partikolari, min-numru ta’ pari li jistgħu jtellgħu kull segment. Għalhekk, il-klijent BitTorrent iniżżel l-ewwel is-segmenti l-iktar rari fl-iswarm, sabiex ikabbar in-numru tagħhom.

It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet fin-netwerks peer-to-peer ( 22 )

39.

Xogħol huwa disponibbli għall-kondiviżjoni f’netwerk peer-to-peer sakemm fajl komplut li fih dan ix-xogħol ikun jinsab f’fajl aċċessibbli għall-klijent BitTorrent ta’ utent ta’ netwerk u sakemm il-kompjuter tiegħu jkun konness mal-internet. Meta ebda utent ma jkun disponibbli sabiex jikkondividi fajl li fih ix-xogħol, il-fajl torrent relatat ma jkunx jista’ jitniżżel mill-pjattaforma tal-indiċjar (ikun “mejjet”).

40.

L-att li permezz tiegħu persuna tippermetti lil persuni li ma jappartjenux għaċ-ċirku privat tagħha jniżżlu xogħlijiet protetti rreġistrati fil-memorja tal-kompjuter tagħha jaqa’ taħt id-dritt esklużiv tal-awtorizzazzjoni jew tal-projbizzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet peress li kull persuna jista’ jkollha aċċess għalihom mill-post u fil-ħin magħżul individwalment minnha, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.

41.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun hemm att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, huwa suffiċjenti, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku b’mod li l-persuni li jifformaw dan il-pubbliku jkun jista’ jkollhom aċċess għalih, mill-post u fil-ħin magħżul minnhom individwalment, mingħajr ma jkun determinanti jekk jużawx din il-possibbiltà jew le ( 23 ). Fi kliem ieħor, fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, huwa irrilevanti jekk seħħitx effettivament trażmissjoni tax-xogħol. Hija importanti biss l-eżistenza tal-possibbiltà ta’ tali trażmissjoni, imwettqa eventwalment minn membru tal-pubbliku li jixtieq li jkollu aċċess għax-xogħol. Din il-karatteristika hija kruċjali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kondiviżjoni tax-xogħlijiet fin-netwerks peer-to-peer mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur, u b’mod partikolari, tad-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

42.

Tista’ ssir distinzjoni bejn tliet sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jsibu ruħhom l-utenti ta’ nerwerk peer-to-peer għal dak li jirrigwarda t-tlugħ tal-kontenut online.

– Is-seeders

43.

L-ewwel waħda tirrigwarda l-utenti li għandhom fajl komplut u li jikkondividu dan il-fajl billi jtellgħu segmenti lill-persuni interessati. Dawn l-utenti, imsejħa seeders (“dawk li jiżergħu”), jistgħu jkunu kemm persuni li jikkondividu fajl li għalih huma kellhom aċċess permezz ta’ sorsi oħra minbarra n-netwerk peer-to-peer, kif ukoll persuni li wara li niżżlu l-fajl sħiħ, iħallu l-klijent BitTorrent għaddej sabiex jissodisfaw it-talbiet ta’ tlugħ ta’ segmenti ta’ dan il-fajl magħmulin minn utenti oħrajn.

– Il-peers

44.

It-tieni sitwazzjoni tirrigwarda l-persuni li qegħdin iniżżlu fajl iżda li għad ma għandhomx il-fajl sħiħ. Dawn il-persuni, jew b’mod iktar preċiż il-kompjuters tagħhom, huma msejħa l-peers (“pari”) ( 24 ). Il-prinċipju ta’ funzjonament tal-klijenti BitTorrent huwa li, meta dawn iniżżlu s-segmenti ta’ fajl, huma jtellgħu awtomatikament u simultanjament is-segmenti diġà mniżżla lil pari oħrajn li qegħdin ifittxu dawn is-segmenti, u dan sakemm iniżżlu s-segmenti kollha li jikkostitwixxu l-fajl komplut. Imbagħad, l-utent jiddeċiedi jew li jwaqqaf il-klijent BitTorrent u għalhekk, it-tlugħ tas-segmenti tal-fajl, jew li jħallih għaddej, u b’hekk isir seeder.

45.

Fil-fehma tiegħi, mill-perspettiva tad-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, is-sitwazzjoni tas-seeders u tal-peers hija komparabbli. Fil-fatt, filwaqt li l-peer iniżżel fajl, huwa jqiegħed simultanjament – u neċessarjament – is-segmenti tal-fajl fil-pussess tiegħu għad-dispożizzjoni tal-iswarm, jiġifieri li l-klijent BitTorrent tiegħu jissodisfa t-talbiet għal tlugħ online magħmulin minn peers oħrajn. Ladarba t-tniżżil ma jieqafx, ħlief f’każ ta’ inċident tekniku, qabel ma jinżel il-fajl kollu, għaliex is-segmenti ma humiex utilizzabbli qabel il-kumpilazzjoni tal-fajl komplut, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jikkonsisti għalhekk fit-totalità tal-fajl li fih ix-xogħol. L-istess japplika għas-seeder, li jkompli jqiegħed il-fajl għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (il-membri tal-iswarm) wara li jkun niżlu kollu.

46.

Għall-kuntrarju, it-tlugħ effettiv tas-segmenti tal-fajl u l-kwantità tas-segmenti mtellgħin tiddependi mill-fatt jekk ikunx hemm peers interessati li jniżżluhom jew le, min-numru ta’ seeders tal-istess fajl, kif ukoll mill-veloċità tat-tlugħ tal-konnessjoni tal-internet tal-utent ikkonċernat. Dan huwa l-każ kemm għall-peers kif ukoll għas-seeders: seeder ma jtella’ xejn jekk ma jkunx hemm persuni li jridu l-fajl tiegħu, peer ma jtella’ xejn jekk ikollu biss segmenti li l-membri l-oħrajn tal-iswarm ikollhom diġà jew jekk peers oħrajn jistgħu jtellgħuhom iktar malajr. Għalhekk, kemm seeder kif ukoll peer jista’ potenzjalment ma jtella’ ebda segment ta’ fajl jew itella’ numru indeterminat ta’ dawn is-segmenti jew il-fajl kollu. Madankollu, dan il-fatt huwa irrilevanti mill-perspettiva tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għaliex, kif diġà spjegajt, il-fatt jekk it-trażmissjoni tax-xogħol inkwistjoni seħħitx effettivament jew le hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku: il-possibbiltà ta’ tali trażmissjoni waħedha hija suffiċjenti. Għalhekk ma hemmx lok li jiġi applikat limitu għal dak li jirrigwarda l-kwantità ta’ data mtella’, kif imsemmi fl-ewwel domanda preliminari, punt (b).

47.

Barra minn hekk, il-funzjonament tan-netwerks peer-to-peer, bħala netwerks ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, huwa bbażat fuq il-prinċipju “do ut des”: sabiex ikollok il-possibbiltà li tniżżel, trid ittella’. Għalhekk, is-siti ta’ indiċjar jeħtieġu li l-utenti josservaw ċertu proporzjon bejn it-tlugħ u t-tniżżil normalment stabbilit għal madwar 1 ( 25 ). L-utenti li jkollhom proporzjon baxx ħafna jistgħu jiġu bblokkjati (“imkeċċija”, bl-Ingliż ban). Madankollu, sempliċement minħabba l-fatt, li fil-konnessjonijiet tal-internet, il-veloċità tat-tlugħ hija ħafna drabi inqas minn dik tat-tniżżil, it-tlugħ tas-segmenti tal-fajls fil-mument tat-tniżżil tagħhom biss ma huwiex suffiċjenti sabiex jinżamm il-proporzjon fil-livell meħtieġ ( 26 ). Għalhekk huwa neċessarju li wieħed itella’ lil hinn mill-ħin tat-tniżżil. Kull utent regolari ta’ netwerk peer-to-peer jasal għalhekk sabiex isir seeder u jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-fajls fil-pussess tiegħu.

48.

L-argumenti mressqa minn Telenet, Proximus u Scarlet Belgium, li s-segmenti skambjati fin-netwerks peer-to-peer ma jikkostitwixxux partijiet ta’ xogħlijiet li jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, huma għalhekk infondati. Fil-fatt, dawn is-segmenti ma humiex partijiet ta’ xogħlijiet, iżda partijiet ta’ fajls li fihom dawn ix-xogħlijiet. Dawn is-segmenti huma biss l-istrument li jservi għat-trażmissjoni ta’ dawn il-fajls skont il-protokoll BitTorrent. Madankollu, il-fatt li s-segmenti li jiġu trażmessi huma inutilizzabbli fihom innifishom ma huwiex importanti, għaliex dak li jitqiegħed għad-dispożizzjoni huwa l-fajl li fih ix-xogħol, jiġifieri x-xogħol taħt forma diġitali. Issa, jekk mill-perspettiva tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, huwa irrilevanti jekk hemmx trażmissjoni tax-xogħol jew le, il-proċess tekniku li bih issir din it-trażmissjoni huwa iktar iktar irrilevanti ( 27 ).

49.

Finalment, f’dan ir-rigward, il-funzjonament tan-netwerks peer-to-peer ma huwiex daqstant differenti minn dak tal-web (World Wide Web). Il-pubblikazzjoni ta’ xogħol online tfisser biss li l-fajl li fih dan ix-xogħol jiġi maħżun fuq server konness mal-internet u għandu indirizz URL (Uniform Resource Locator) li permezz tiegħu huwa possibbli li wieħed jaċċedi għalih. Ix-xogħol bħala oġġett perċepibbli għall-bniedem jeżisti fuq il-web biss mill-mument fejn kompjuter klijent jaċċedi għas-server inkwistjoni, jirriproduċi l-fajl u jara dan ix-xogħol fuq l-iskrin (jew jirriproduċi l-ħsejjes tiegħu). Madankollu, is-sempliċi fatt li l-fajl li fih ix-xogħol jitqiegħed fuq server aċċessibbli mill-web huwa suffiċjenti sabiex ikun hemm att ta’ komunikazzjoni (tqegħid għad-dispożizzjoni). Barra minn hekk, l-internet jaħdem skont il-prinċipju ta’ packet switch (“tibdil ta’ pakketti”): il-fajl li fih ix-xogħol inkwistjoni jinqasam f’pakketti żgħar ( 28 ) ta’ data, skambjati bejn is-server u l-klijent f’ordni każwali u permezz ta’ rotot differenti. Dawn il-pakketti huma inutilizzabbli fihom innifishom, u fi kwalunkwe każ, żgħar wisq sabiex jinkludu partijiet oriġinali mix-xogħol, u huwa biss wara li jiġu skambjati li jingħaqdu sabiex jifformaw il-fajl-xogħol. Madankollu, ma hemm ebda dubju li fuq il-web isseħħ komunikazzjoni lill-pubbliku. Id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kien intiż preċiżament għall-utenti tax-xogħlijiet fuq l-internet, fl-ewwel lok fuq il-web.

– Il-leechers

50.

It-tielet sitwazzjoni li fiha jinsabu l-utenti tan-netwerks peer-to-peer hija dik tal-utenti li jniżżlu l-fajls mingħajr ma jtellgħuhom, la matul it-tniżżil u lanqas wara. Fil-fatt, uħud mill-klijenti BitTorrent jippermettu tali konfigurazzjoni ( 29 ). Dawn l-utenti huma msejħa leechers. Billi jinblokkaw il-possibbiltà ta’ tniżżil tas-segmenti tal-fajls mill-kompjuters tagħhom, il-leechers ma jqegħdux fajls għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għalhekk dan ma jirriżultax fi ksur ta’ dan id-dritt esklużiv.

51.

Dan premess, minn naħa, il-leechers xorta jwettqu ksur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, protett mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, minkejja li r-riproduzzjoni tal-fajl li fih ix-xogħol protett li tirriżulta mit-tniżżil tiegħu sservi għall-finijiet privati, hija ġurisprudenza stabbilita li riproduzzjoni ma tgawdix mill-eċċezzjoni ta’ kkopjar prevista fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva, fis-sitwazzjoni fejn is-sors ta’ din ir-riproduzzjoni kien illegali ( 30 ). Issa, dan huwa preċiżament il-każ tat-tniżżil ta’ xogħol imqiegħed għad-dispożizzjoni fuq netwerk peer-to-peer mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati. Madankollu, il-ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni ma huwiex invokat fil-proċedura prinċipali. Barra minn hekk, f’ċerti sistemi tad-dritt nazzjonali, il-benefiċċju mislut minn falsifikazzjoni mwettqa minn terz huwa reat fih innifsu.

52.

Min-naħa l-oħra, il-funzjonament tan-netwerks peer-to-peer huwa bbażat fuq il-mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni, jiġifieri li kull tniżżil għandu jkun ibbilanċjat bi tlugħ. Jekk in-numru tal-utenti tan-netwerk li jtellgħu jkun żgħir ħafna, in-netwerk ma jiffunzjonax tajjeb, għaliex il-veloċità tat-tniżżil tkun baxxa ħafna. Meta ma jkun fadal ebda seeder, in-netwerk jieqaf jiffunzjona kompletament u l-fajl torrent “imut”. Għal din ir-raġuni, it-trackers jiddiskriminaw l-utenti li ma jtellgħux (leechers) billi jnaqqsu l-veloċità ta’ tniżżil tagħhom, u anki jinblokkawlhom l-aċċess. Għalhekk, l-istrateġija tat-tniżżil mingħajr tlugħ tista’ tiffunzjona biss permezz ta’ użu okkażjonali tan-netwerks peer-to-peer u l-leechers jikkostitwixxu, fil-fatt, fenomenu marġinali fuq dawn in-netwerks.

53.

Minn dan isegwi, li minkejja li l-imblokkar tal-funzjoni tat-tlugħ tal-klijent BitTorrent tiegħu jista’ jikkostitwixxi mezz ta’ difiża fi proċedura ġudizzjarja għal kumpens għad-dannu kkawżat bil-ksur tad-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, il-fatt li kien hemm tniżżil ta’ xogħlijiet protetti fuq netwerk peer-to-peer huwa, fil-fehma tiegħi, indizju suffiċjenti tal-probabbiltà ta’ tali ksur fl-istadju fejn id-detentur leż ifittex li jikseb d-data personali tal-persuni kkonċernati mill-indirizzi IP tal-konnessjonijiet tal-internet tagħhom.

Fuq ir-rekwiżit tal-għarfien tal-fatti u tar-rwol indispensabbli tal-utent

54.

Telenet, Proximus u Scarlet Belgium iressqu wkoll l-argument li l-utenti tan-netwerks peer-to-peer jistgħu ma jkunux konxji tal-fatt li billi jniżżlu xogħlijiet minn dawn in-netwerks, huma jkunu wkoll qegħdin itellgħuhom. Fi kwalunkwe każ, dawn l-utenti ma għandhomx rwol indispensabbli fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet kondiviżi fuq dawn in-netwerks. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għarfien tal-fatti u tar-rwol indispensabbli tal-utent huma rekwiżiti neċessarji sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

55.

L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-għarfien tal-fatti mill-utenti tan-netwerks peer-to-peer, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-klijenti BitTorrent ma humiex softwers standard, li normalment jinsabu f’kompjuter. L-installazzjoni, il-konfigurazzjoni u l-użu tagħhom jeħtieġu ħila speċifika, li madankollu attwalment tista’ tinkiseb faċilment, b’mod partikolari bl-għajnuna ta’ diversi tutorials disponibbli fuq l-internet. Madankollu, kwalunkwe tutorial tavża b’mod ċar li t-tniżżil minn netwerk peer-to-peer huwa awtomatikament akkumpanjat mit-tlugħ tal-istess kontenut. Uħud minn dawn it-tutorials jindikaw ukoll kif tiġi diżattivata din il-funzjonalità.

56.

It-tieni nett, kif diġà spjegajt ( 31 ), l-utenti tan-netwerks peer-to-peer huma informati bil-proporzjon tagħhom ta’ tniżżil/tlugħ, li proporzjon żgħir ħafna jista’ jwassal għat-tkeċċija tagħhom mis-sit tal-indiċjar. Għalhekk, huma perfettament konxji tal-fatt li l-parteċipazzjoni fin-netwerks peer-to-peer tippreżumi mhux biss tniżżil tal-kontenut, iżda wkoll it-tlugħ tiegħu.

57.

Għalhekk, ma iniex persważ mill-allegat nuqqas ta’ għarfien tal-fatti ta’ dawn l-utenti. Madankollu, dan ma tantx huwa importanti, għaliex l-għarfien tal-fatti ma jidhirlix li huwa rekwiżit tal-eżistenza ta’ att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’każijiet bħal dak inkwistjoni.

58.

Huwa minnu li, f’serje ta’ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tan-natura deliberata tal-intervent tal-utent sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. B’mod partikolari, dan kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Stichting Brein, li kienet tirrigwarda l-amministraturi ta’ sit tal-indiċjar tal-fajls f’netwerk peer-to-peer ( 32 ). Madankollu, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li dan ir-rekwiżit tal-intervent intenzjonali kien neċessarju fil-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet attribwixxiet l-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku lil atturi li ma kinux fl-oriġini tal-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol. Fil-fatt, mingħajr dan l-intervent intenzjonali, dawn l-atturi jkunu biss sempliċi intermedjarji passivi, jew saħansitra fornituri ta’ installazzjonijiet tekniċi, li ebda att ta’ komunikazzjoni ma jista’ jiġi attribwit lilhom.

59.

Għall-kuntrarju, fis-sitwazzjoni fejn l-utenti kkonċernati stess huma fl-oriġini tal-komunikazzjoni lill-pubbliku (tqegħid għad-dispożizzjoni), l-għarfien tal-fatti ta’ dawn l-utenti ma jikkostitwixxix l-att inkwistjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 ma tinkludi ebda indikazzjoni f’dan is-sens. In-natura inkonxja tal-aġir tal-persuna li twettaq ksur tista’, l-iktar l-iktar, tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-istabbiliment tad-danni, kif espressament previst fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/48, iżda ma hijiex rilevanti mill-perspettiva tal-legalità tal-aġir. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi indikazzjoni addizzjonali dwar il-fatt li n-natura intenzjonali ma hijiex, bħala regola ġenerali, element li jikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali protett mid-dritt tal-Unjoni.

60.

L-istess japplika għal dak li jirrigwarda n-natura indispensabbli tal-intervent tal-utent sabiex jagħti aċċess għax-xogħol lill-pubbliku. Dan il-kriterju huwa determinanti sabiex il-komunikazzjoni tkun tista’ tiġi attribwita lil persuna li ma tkunx fl-oriġini ta’ din il-komunikazzjoni ( 33 ). Fil-fatt, dan ir-rwol indispensabbli jippermetti l-aċċess għax-xogħol lil pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma kienx previst mill-komunikazzjoni inizjali ( 34 ).

61.

Madankollu, l-utenti ta’ netwerk peer-to-peer ma jinstabux f’din is-sitwazzjoni. Minkejja li huwa minnu li huma jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pari l-oħra s-segmenti tal-fajls fil-pussess tagħhom, ħafna drabi, imniżżla preċedentement fuq l-istess netwerk, dawn il-fajls jibqgħu maħżuna fuq il-kompjuters tagħhom stess ( 35 ), it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom għandu għalhekk in-natura ta’ komunikazzjoni inizjali jew, fi kwalunkwe każ, natura awtonoma. B’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħasbithiex sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ tali att fil-każ tal-pubblikazzjoni fuq sit tal-internet ta’ xogħol diġà liberament aċċessibbli fuq sit ieħor ( 36 ). Għalhekk, ir-rwol indispensabbli ta’ dawn l-utenti ma huwiex deċiżiv sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni ( 37 ).

Fuq l-eżistenza ta’ pubbliku ġdid

62.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-komunikazzjoni ta’ xogħol protett lill-pubbliku tinvolvi l-att ta’ komunikazzjoni u pubbliku ( 38 ). Il-kondiviżjoni ta’ fajls fuq netwerk peer-to-peer tipprevedi, normalment, numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u timplika numru sinjifikattiv ta’ persuni. Għalhekk, l-eżistenza ta’ pubbliku hija ssodisfatta ( 39 ).

63.

Barra minn hekk, ir-rekwiżit li l-pubbliku kkonċernat għandu jkun pubbliku ġdid japplika biss fil-każ ta’ komunikazzjoni sekondarja. Fil-fatt, il-pubbliku ġdid huwa ddefinit bħala l-pubbliku li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta dawn tal-aħħar awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali ( 40 ). Ladarba t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti mill-utenti ta’ netwerk peer-to-peer għandu natura ta’ komunikazzjoni inizjali ( 41 ), il-kriterju ta’ pubbliku ġdid ma japplikax f’dan il-każ.

64.

Fi kwalunkwe każ, anki kieku dan il-kriterju kien applikabbli, sa fejn ebda pubbliku ma jkun ittieħed inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati meta x-xogħlijiet jiġu kondiviżi mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ dawn id-detenturi, kull pubbliku li għalih hija intiża l-komunikazzjoni, f’dan il-każ l-utenti tan-netwerk peer-to-peer, għandu konsegwentement jiġu kkunsidrat bħala ġdid.

Proposta ta’ risposta

65.

Għalhekk, billi joffru l-possibbiltà li jitniżżlu segmenti ta’ fajls li fihom xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mill-kompjuters tagħhom, kemm waqt it-tniżżil ta’ dawn il-fajls jew indipendentement minn dan it-tniżżil, l-utenti ta’ netwerks peer-to-peer jqiegħdu dawn ix-xogħlijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.

66.

Għalhekk nipproponi li l-ewwel domanda preliminari tingħata r-risposta li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-fatt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għat-tniżżil fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer segmenti ta’ fajl li fihom xogħol protett, u dan anki qabel ma l-utent ikkonċernat iniżżel huwa stess l-imsemmi fajl fl-intier tiegħu u mingħajr ma huwa determinanti l-għarfien tal-fatti minn dan l-utent.

Fuq it-tieni domanda preliminari

67.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kumpannija bħal Mircom, li minkejja li tkun akkwistat ċerti drittijiet fuq xogħlijiet protetti, ma tisfruttahomx, iżda titlob biss kumpens lill-persuni li jiksru dawn id-drittijiet, f’dan il-każ, bit-tqegħid ta’ dawn ix-xogħlijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq netwerks peer-to-peer, tistax tibbenefika mill-miżuri, proċeduri u rimedji previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48. Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji dwar jekk tali organu jistax jiġi kkunsidrat li ġarrab xi dannu fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

Il-kwalità ta’ detentriċi ta’ liċenzja ta’ Mircom

68.

L-erba’ kategoriji ta’ atturi li huma intitolati li jibbenefikaw mill-miżuri, proċeduri u rimedji previsti mid-Direttiva 2004/48 sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali huma elenkati fl-Artikolu 4(a) sa (d) ta’ din id-direttiva. Dawn huma d-detenturi ta’ dawn id-drittijiet, persuni oħra awtorizzati jużaw dawn id-drittijiet, b’mod partikolari detenturi ta’ liċenzja, soċjetajiet li jamministraw b’mod kollettiv id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll soċjetajiet professjonali ta’ difiża li għandhom il-kwalità li jirrappreżentaw detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għal dak li jirrigwarda l-aħħar tliet kategoriji, dawn huma biss intitolati sabiex jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 jekk, u sa fejn, dan ikun previst mid-dritt nazzjonali.

69.

Huwa stabbilit, fil-proċedura prinċipali, li Mircom ma għandha ebda drittijiet tal-awtur jew dritt relatat fuq ix-xogħlijiet inkwistjoni. Għalhekk, l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2004/48 ma japplikax għaliha.

70.

Għall-kuntrarju, Mircom issostni li akkwistat liċenzji li jippermettulha twettaq il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’netwerks peer-to-peer. Mal-ewwel daqqa t’għajn, din il-kumpannija għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala detentriċi ta’ liċenzja u tibbenefika, għal din ir-raġuni, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 skont l-Artikolu 4(b) tagħha. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jikkunsidra d-detenturi ta’ liċenzji bħala persuni leżi mill-attivitajiet ta’ falsifikazzjoni, sa fejn dawn l-attivitajiet jistgħu jostakolaw l-isfruttar normali ta’ liċenzji jew anki jnaqqsu d-dħul.

71.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika wkoll il-validità tal-ftehimiet ta’ liċenzja konklużi minn Mircom fir-rigward tad-dritt applikabbli għal dawn il-kuntratti kif ukoll il-kwalità ta’ tali detentur ta’ liċenzja fir-rigward tar-regoli proċedurali applikabbli għall-kawża.

72.

Din il-qorti tosserva madankollu li fir-realtà, Mircom ma tisfruttax l-imsemmija liċenzji, iżda titlob biss kumpens lill-persuni li jiksru d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fuq ix-xogħlijiet inkwistjoni billi jqegħduhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq netwerks peer-to-peer. Fil-fehma tagħha, il-mod kif topera Mircom jissodisfa perfettament id-definizzjoni ta’ dak li ħafna drabi jissejjaħ copyright troll.

73.

Infakkar li copyright troll huwa persuna li, wara li tikseb drittijiet ta’ użu limitati fuq xogħlijiet protetti, fir-realtà ma tisfruttahomx, iżda jitlob biss kumpens lill-persuni li jiksru dawn id-drittijiet, b’mod partikolari fuq l-internet, ħafna drabi fuq netwerks ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, bħan-netwerks peer-to-peer. Barra minn hekk, copyright troll jippreżenta azzjonijiet ġudizzjarji bil-għan uniku li jikseb l-ismijiet u l-indirizzi tal-persuni li jwettqu ksur, sabiex jipproponilhom sussegwentement soluzzjoni bonarja li tipprevdi l-ħlas ta’ ċerta somma, ħafna drabi mingħajr ma jkompli dawn il-proċeduri ġudizzjarji. Għalhekk, id-dħul tiegħu joriġina prinċipalment mill-ammonti mħallsa “volontarjament” mill-persuni li jwettqu ksur, li huwa jaqsam mad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fuq ix-xogħlijiet inkwistjoni. Dan il-proċess donnu huwa partikolarment effettiv għal dak li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fuq films pornografiċi, għaliex, minbarra t-theddida ta’ danni kunsiderevoli li jistgħu jiġu deċiżi eventwalment, huwa possibbli li jiġi sfruttat is-sentiment ta’ skumdità pprovokat, b’mod deliberu, fl-allegati persuni li jwettqu ksur ( 42 ). Għalhekk, f’numru kbir ta’ każijiet, il-persuni kkonċernati jistgħu jkunu inklinati jħallsu s-somom mitluba mingħajr ma jaħsbu fuq il-miżuri ta’ difiża possibbli, u anki mingħajr ma jkunu verament l-atturi tal-ksur tad-drittijiet inkwistjoni ( 43 ).

74.

Waqt is-seduta, Mircom stess irrikonoxxiet li ma tisfruttax – u lanqas għandha l-intenzjoni li tisfrutta – il-liċenzji miksuba fuq ix-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, minkejja li n-netwerks peer-to-peer jistgħu jikkostitwixxu l-mezz ta’ distribuzzjoni legali ta’ ċerti kontenuti protetti mid-drittijiet tal-awtur, huma neċessarji sforzi kunsiderevoli sabiex jingħelbu d-diffikultajiet tekniċi marbuta ma’ tali mezz ta’ distribuzzjoni u tiġi żgurata l-profittabbiltà tiegħu. Għalhekk, l-akkwist tal-liċenzji waħdu ma huwiex suffiċjenti u ma jidhirx li Mircom kellha l-intenzjoni li tagħmel dawn l-isforzi.

75.

Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju ssemmi deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari fir-Renju Unit, li fihom ġie kkonstatat li Mircom kienet aġixxiet b’mod tipiku għall-copyright trolls, b’mod partikolari billi użat id-data tal-persuni li allegatament wettqu ksur miksuba fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji preċedenti sabiex tikkuntattja lil dawn il-persuni li wettqu ksur u tipproponilhom “arranġamenti”, mingħajr ma ħadet azzjoni ġudizzjarja kontra l-persuni li rrifjutaw dawn l-arranġamenti ( 44 ).

76.

Għalhekk, jidher li effettivament, l-aġir ta’ Mircom jikkorrispondi għal dak ta’ copyright troll. Madankollu, dan il-kunċett ma huwiex magħruf fid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-aġir ta’ Mircom ma huwiex illegali fih innifsu. Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, xejn ma jipprekludi persuna kkonċernata milli tirrinunzja għal azzjonijiet ġudizzjarji jekk ma tikkunsidrax li huma xierqa jew li tfittex soluzzjonijiet bonarji għat-tilwim li jkollha ma’ persuni li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-awtur.

77.

Għall-kuntrarju, fid-dritt tal-Unjoni, jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt li l-individwi ma jistgħux jinvokaw b’mod frawdolenti jew abbużiv ir-regoli ta’ dan id-dritt. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-operazzjonijiet li jitwettqu bil-għan li jibbenefikaw b’mod frawdolenti jew abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jiġu invokati mhux sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda bil-għan li jinkiseb benefiċċju minn vantaġġ tad-dritt tal-Unjoni, minkejja li r-rekwiżiti sabiex jinkiseb benefiċċju minn dan il-vantaġġ ikunu biss formalment issodisfatti ( 45 ).

78.

Sa fejn il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt japplika f’oqsma daqstant varjati tad-dritt tal-Unjoni ( 46 ), jiena ma narax raġuni li tista’ tipprekludi l-applikazzjoni tiegħu fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/48 stess teħtieġ, fl-Artikolu 3(2) tagħha, li tiġi offruta protezzjoni kontra l-użu abbużiv tal-miżuri, proċeduri u rimedji li hija tipprovdi.

79.

Issa, jista’ jiġi kkunsidrat li Mircom, bl-akkwist tal-liċenzji ta’ użu li hija ma għandhiex intenzjoni li tisfrutta, trid fir-realtà tużahom b’mod abbużiv sabiex tikseb l-istatus ta’ detentriċi ta’ liċenzja li jippermettilha tibda l-proċeduri ġudizzjarji previsti mid-Direttiva 2004/48 bil-għan li tikseb id-data tal-persuni li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fuq ix-xogħlijiet koperti minn dawn il-liċenzji. B’din id-data, hija tkun f’pożizzjoni li tikkuntattja lil dawn il-persuni li jwettqu ksur sabiex theddidhom bi proċeduri ġudizzjarji u tikseb il-ħlas ta’ somma f’daqqa bħala soluzzjoni bonarja.

80.

Għalhekk, billi ssodisfat formalment ir-rekwiżiti sabiex tibbenefika mill-istatus ta’ detentriċi ta’ liċenzja, Mircom tinvoka dan l-istatus b’għan differenti minn dak li għalih id-Direttiva 2004/48 tagħti lid-detenturi ta’ liċenzji d-dritt ta’ locus standi in judicio f’każ ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Fil-fatt, l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni kien li jagħti lid-detenturi ta’ liċenzji strument ta’ protezzjoni tal-użu normali tal-liċenzji tagħhom, filwaqt li dak ta’ Mircom huwa biss li tippenalizza l-ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati u tieħu vantaġġ finanzjarju minnu. Dan l-aġir jikkorrispondi għalhekk għad-definizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt ipprojbit fid-dritt tal-Unjoni.

81.

Il-konstatazzjoni ta’ tali aġir abbużiv teħtieġ evalwazzjoni fattwali, li għalhekk għandha ssir mill-qorti tar-rinviju. Jekk hija tikkonstata li Mircom tipprova effettivament tinvoka b’mod abbużiv l-istatus ta’ detentriċi ta’ liċenzja tagħha sabiex tibbenefika mill-miżuri, proċeduri u rimedji previsti fid-dispożizzjonijiet adottati fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/48, din il-qorti għandha għalhekk tirrifjuta li tingħata benefiċċju minn dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji, sa fejn dan il-benefiċċju huwa bbażat fuq l-istatus ta’ detentriċi ta’ liċenzja.

Il-kwalità ta’ ċessjonarja ta’ krediti ta’ Mircom

82.

Madankollu, fir-rigward tal-kuntratti konklużi bejn Mircom u l-produtturi tal-films li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-istatus ta’ din il-kumpannija donnu jista’ jiġi analizzat b’mod differenti. Fil-fatt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kuntratti humiex ta’ natura oħra differenti minn dik ta’ kuntratti ta’ liċenzji. Jekk dan ikun il-każ, din ma tkunx kwistjoni ta’ abbuż ta’ dritt, iżda ta’ relazzjoni legali differenti minn dik li tirriżulta mal-ewwel daqqa t’għajn minn dawn il-kuntratti.

83.

B’mod partikolari, Mircom issostni li ma hijiex biss detentriċi ta’ liċenzja tal-films inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda wkoll ċessjonarja ta’ krediti li dawn il-produtturi għandhom minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fir-rigward ta’ dawn il-films. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali ċessjonarju ta’ krediti jistax jibbenefika mill-miżuri, proċeduri u rimedji previsti mid-Direttiva 2004/48.

84.

Infakkar li l-kategoriji ta’ persuni li skont id-Direttiva 2004/48 huma intitolati għall-miżuri, proċeduri u rimedji li hija tipprovdi huma elenkati fl-Artikolu 4(a) sa (d) tagħha. L-Artikolu 4(a) ta’ din id-direttiva jirrigwarda d-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, kategorija li, mingħajr ebda dubju, ma tinkludix iċ-ċessjonarji ta’ krediti marbuta mal-ksur ta’ dawn id-drittijiet.

85.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2004/48 isemmi “il-persuni l-oħra kollha awtoriżżati [li jużaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali]”. Kif indikajt, Mircom tista’ fil-prinċipju, bħala detentriċi ta’ liċenzja, tibbenefika minn din id-dispożizzjoni bil-kundizzjoni li l-liċenzji tagħha ma jiġux ikkunsidrati li ġew akkwistati bi skop abbużiv. Għalhekk, issa għandu jiġi vverifikat jekk din il-kumpannija tistax tibbenefika mill-imsemmija dispożizzjoni bħala ċessjonarja ta’ krediti marbuta mal-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

86.

Jiena tal-fehma li dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “użu ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” għandu jiġi interpretat bħala li jkopri l-eżerċizzju tal-prerogattivi esklużivi li jirriżultaw minn dawn id-drittijiet. Għal dak li jirrigwarda l-oġġetti protetti mid-dritt tal-awtur u mid-drittijiet relatati, dawn huma b’mod partikolari atti ta’ riproduzzjoni, ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ distribuzzjoni tal-kopji ta’ dawn l-oġġetti. Fil-fatt, huma l-persuni awtorizzati li jeżerċitaw dawn il-prerogattivi li għandhom, bħad-detenturi tad-drittijiet, interess dirett fil-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, imsemmija fil-premessa 18 tad-Direttiva 2004/48 ( 47 ), għaliex kull ksur tagħhom jidħol potenzjalment f’kunflitt mal-imsemmija prerogattivi.

87.

Madankollu, l-akkwist u l-irkupru tal-krediti marbuta ma’ dan il-ksur ma jikkostitwixxux l-eżerċizzju tal-prerogattivi esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, iżda pjuttost mekkaniżmu, normalment tad-dritt ċivili, ta’ kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn il-prerogattivi. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kategorija ta’ persuni awtorizzati jużaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali msemmija f’din id-dispożizzjoni ma tinkludix iċ-ċessjonarji ta’ krediti marbuta mal-ksur tal-imsemmija drittijiet.

88.

Xorta jibqa’ l-fatt li d-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jista’ jkollhom interess li jċedu l-krediti tagħhom marbuta mal-ksur ta’ dawn id-drittijiet, b’mod partikolari minħabba diffikultajiet li jista’ jkollhom sabiex jirkupraw dawn il-krediti huma stess. Issa, probabbilment tali krediti jinġabru jekk iċ-ċessjonarji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmi intiżi sabiex jiffaċilitaw il-konstatazzjoni u l-irkupru ta’ dawn il-krediti, bħal dawk previsti fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48.

89.

Għalhekk ma neskludix li d-dritt nazzjonali jista’ jagħti liċ-ċessjonarji ta’ tali krediti l-benefiċċju minn miżuri adottati fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/48. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva tistabbilixxi biss livell ta’ protezzjoni minima li jista’ jitgħolla mill-Istati Membri ( 48 ). Madankollu, hija ma teħtieġx li jsir dan.

90.

B’mod partikolari, tali rekwiżit ma jirriżultax, fil-fehma tiegħi, mis-sentenza SNB-REACT ( 49 ). Huwa minnu li f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-premessa 18 tad-Direttiva 2004/48, li “meta organu li huwa responsabbli għall-ġestjoni kollettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u huwa rrikonoxxut bħala organu li għandu l-kwalità sabiex jirrappreżenta lill-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet jitqies mil-liġi nazzjonali bħala organu li għandu interess dirett li jiġu protetti l-imsemmija drittijiet, minn naħa, u li din il-leġiżlazzjoni tippermettilu locus standi in judicio, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu li dan l-organu għandu l-kwalità sabiex jtilob l-applikazzjoni tal-miżuri, proċeduri u rimedji previsti minn din id-direttiva kif ukoll sabiex ikollu locus standi sabiex jiddefendi tali drittijiet” ( 50 ). Madankollu, kif jindika t-test ta’ din is-sentenza, din tirrigwarda organu ta’ soċjetà li tamministra d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali b’mod kollettiv, jiġifieri entità li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/48 (punt (c)). Mill-premessa 18 tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li l-persuni li jappartjenu għal dawn il-kategoriji għandhom, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, interess dirett fir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għall-kuntrarju, l-imsemmija premessa ma tistax teħtieġ li l-istess kwalità tiġi rrikonoxxuta lil soċjetajiet li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji, bħaċ-ċessjonarji ta’ krediti marbuta mal-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, anki jekk dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma stess għandhom, interess dirett. Fil-fatt, minkejja li premessa tista’ tispjega l-għażla tal-leġiżlatur u tiggwida wkoll l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni, hija ma għandhiex valur normattiv distint, indipendenti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

91.

Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-argument imressaq minn Telenet waqt is-seduta, la l-fatt li ċ-ċessjoni lil Mircom tirrigwarda krediti li ma kinux jeżistu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni, u lanqas il-fatt li dawn il-kuntratti huma konklużi għal żmien determinat, ma jidhirli li jipprekludi l-eżistenza ta’ ċessjoni ta’ krediti. Fil-fatt, jekk id-dritt applikabbli jippermetti, tali ċessjoni tista’ tirrigwarda krediti futuri u tkun riversibbli fil-każ li l-kreditu ma jiġix irkuprat. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tivverifika, l-ewwel nett, il-validità ta’ dawn iċ-ċessjonijiet fid-dawl tad-dritt applikabbli għall-kuntratti inkwistjoni, u t-tieni nett, l-effetti ta’ tali ċessjonijiet fil-konfront tad-debituri, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli, inkluż tar-regoli proċedurali quddiem il-qorti kompetenti.

Il-kwalitajiet potenzjali l-oħra ta’ Mircom

92.

Billi bbażat ruħha wkoll fuq is-sentenza SNB-REACT ( 51 ), Telenet issostni li Mircom għandha tiġi kkunsidrata bħala soċjetà li tamministra d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali b’mod kollettiv. Bħal Proximus, Scarlet Belgium u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li din l-interpretazzjoni ma hijiex korretta. Fil-fatt, Mircom ma tamministrax id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati tal-partijiet kontraenti tagħha, iżda tfittex biss li tikseb il-kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn id-drittijiet. Lanqas jidhirli li Mircom tissodisfa r-rekwiżiti imposti fuq is-soċjetajiet li jamministraw b’mod kollettiv mid-Direttiva 2014/26/UE ( 52 ). Barra minn hekk, Mircom stess tikkonferma li ma hijiex tali soċjetà.

93.

Finalment, naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Pollakk li kull detentur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt relatat għandu d-dritt jawtorizza persuna oħra, permezz ta’ mandat jew ta’ att legali ta’ awtorizzazzjoni ieħor, teżerċita dawn id-drittijiet għan-nom tiegħu, b’mod partikolari sabiex jintalab kumpens dovut minħabba ksur tad-dritt tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(d) tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi barra minn hekk espressament tali sitwazzjoni. Madankollu dan ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, quddiem il-qorti tar-rinviju huwa stabbilit li Mircom ma taġixxix għan-nom tal-produtturi tal-films inkwistjoni, iżda għan-nom tagħha stess. Għalhekk, din il-kumpannija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala soċjetà ta’ difiża li għandha l-kwalità li tirrappreżenta d-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fis-sens tal-Artikolu 4(d) tad-Direttiva 2004/48.

Proposta ta’ risposta

94.

Nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandu tkun li l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li organu li, minkejja li kiseb ċerti drittijiet fuq xogħlijiet protetti, ma jisfruttahomx u jitlob biss kumpens mill-persuni li jiksru dawn id-drittijiet, ma huwiex intitolat li jibbenefika mill-miżuri, mill-proċeduri u mir-rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, sa fejn il-qorti kompetenti tikkonstata li l-akkwist ta’ drittijiet minn dan l-organu kellu bħala l-uniku għan il-ksib ta’ din il-kwalità. L-imsemmija direttiva la teħtieġ u lanqas tipprekludi li l-Istat Membru jirrikonoxxi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, din il-kwalità lil ċessjonarju ta’ krediti marbuta mal-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

Fuq it-tielet domanda preliminari

95.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sa fejn iċ-ċirkustanzi invokati fil-kuntest tal-ewwel żewġ domandi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar korrett bejn, minn naħa, ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, u min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-libertajiet tal-utenti, bħar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali.

Rimarki preliminari

96.

Minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha għarfien tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-trażmissjoni lil persuni privati ta’ data personali sabiex ikunu jistgħu jibdew proċeduri, quddiem il-qrati ċivili, kontra l-ksur tad-dritt tal-awtur. Skont din il-ġurisprudenza, tali trażmissjoni hija awtorizzata, mingħajr ma hija meħtieġa, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2004/48 moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ( 53 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, matul it-traspożizzjoni b’mod partikolari tad-Direttivi 2002/58 u 2004/48, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Barra minn hekk, matul l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-awtoritajiet kif ukoll il-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi għal dawn id-direttivi, iżda jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tidħol f’kunflitt ma’ dawn id-drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 54 ).

97.

Din il-ġurisprudenza għandha tinqara fid-dawl ta’ ġurisprudenza iktar reċenti li donnha tenfasizza l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jkollhom possibbiltajiet reali li jiksbu kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn id-drittijiet. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’kawża li l-fatti prinċipali jirrigwardaw il-kondiviżjoni ta’ fajls, li d-dritt tal-Unjoni (id-Direttivi 2001/29 u 2004/48) kien jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika ġurisprudenzjali nazzjonali li permezz tagħha d-detentur ta’ konnessjoni tal-internet li tkun serviet għal ksur tad-drittijiet tal-awtur seta’ jevita r-responsabbiltà tiegħu billi sempliċement isemmi membru tal-familja li kellu l-possibbiltà jaċċedi għal din il-konnessjoni, mingħajr ma jagħti ebda preċiżjoni addizzjonali, u jħalli għalhekk lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur leż mingħajr ebda possibbiltà reali ta’ rimedju, u mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni tagħti lil dan id-detentur possibbiltajiet oħra ta’ kumpens, pereżempju billi jinżamm responsabbli d-detentur tal-konnessjoni tal-internet ( 55 ). Issa, jekk il-fatt, li d-detentur ta’ konnessjoni tal-internet li tkun serviet sabiex jinkisru drittijiet tal-awtur, jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu stess għal dan il-ksur jew jindika l-persuna responsabbli, jikkostitwixxi kundizzjoni sabiex id-detentur ta’ dawn id-drittijiet ikun f’pożizzjoni jikseb kumpens għad-dannu mġarrab, dan huwa iktar u iktar il-każ għal dak li jirrigwarda l-istadju preliminari, jiġifieri l-identifikazzjoni tad-detentur tal-konnessjoni, li ħafna drabi hija possibbli biss abbażi tal-indirizz IP u informazzjoni pprovduta mill-fornitur tal-aċċess għall-internet.

98.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha kemm tat is-sentenza La Quadrature du Net et ( 56 ), importanti għal dak li jirrigwarda l-istadju preliminari għal kull komunikazzjoni ta’ data bħall-indirizzi IP, jiġifieri l-konservazzjoni ta’ din id-data. Minkejja li din is-sentenza hija bbażata fuq ġurisprudenza preċedenti, hija tagħti preċiżjonijiet importanti. Madankollu, huwa diffiċli li ma tiġix ipperċepita ċerta tensjoni bejn din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti preċedenti, relattiva għall-komunikazzjoni tal-indirizzi IP fil-kuntest ta’ rimedji għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

99.

Fil-fatt, fis-sentenza La Quadrature du Net et, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li “fil-każ ta’ reat kommess online, l-indirizz IP jista’ jkun l-uniku mezz ta’ investigazzjoni li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li lilha kien attribwit dan l‑indirizz fil-mument tat-twettiq ta’ dan ir-reat” ( 57 ). Ma huwiex differenti fil-każ ta’ reati tad-dritt ċivili mwettqa online, bħall-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra wkoll li “[d]in il-kategorija ta’ data [l-indirizzi IP] hija għalhekk inqas sensittiva minn data oħra dwar it‑traffiku” ( 58 ).

100.

Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni [jiġifieri tal-indirizzi IP tal-persuni fiżiċi kollha proprjetarji ta’ tagħmir terminali li minnu jista’ jkun hemm aċċess għall-internet] ta’ indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ komunikazzjoni biss [ ( 59 )] ma tidhirx, bħala regola, li tikser l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sakemm din il-possibbiltà tkun suġġetta għall-osservanza stretta tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li għandhom jirregolaw l-użu ta’ din id-data” ( 60 ).

101.

Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[m]inħabba n-natura serja tal-indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl‑Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta minn din iż-żamma, huma biss il‑ġlieda kontra l-kriminalità serja, il-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika u s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, li jistgħu jiġġustifikaw dan l-indħil” ( 61 ). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kien jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprovdu, għall-finijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’mod preventiv, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data relattiva għat-traffiku, ħlief, b’mod partikolari, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP attribwiti lis-sors ta’ konnessjoni (komunikazzjoni) għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni tat-theddid serju kontra s-sigurtà pubblika ( 62 ).

102.

Issa, peress li skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58, il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom l-obbligu li jħassru u jirrendu anonima d-data relattiva għat-traffiku, fosthom l-indirizzi IP, meta dawn ma jibqgħux neċessarji għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni ( 63 ), hija biss miżura tal-Istat Membru meħuda abbażi tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva li tista’ tawtorizza l-konservazzjoni ta’ din id-data ( 64 ).

103.

Huwa minnu li l-imsemmija sentenza La Quadrature du Net et tirrigwarda biss iż-żamma ta’ data għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà pubblika u l-ġlieda kontra l-kriminalità. Madankollu, hawnhekk l-istandard ta’ protezzjoni ġie stabbilit f’livell partikolarment għoli u fil-fehma tiegħi, ser ikun diffiċli li jiġi injorat f’oqsma oħra, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tal-oħrajn mid-dritt ċivili. Issa, fil-fehma tiegħi, hemm dubju dwar jekk l-interessi marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali humiex importanti daqs dawk li fuqhom hija bbażata l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni tat-theddid serju kontra s-sigurtà pubbliku. Għalhekk, il-konservazzjoni tal-indirizzi IP għall-finijiet ta’ din il-protezzjoni, kif ukoll il-komunikazzjoni tagħhom lill-persuni kkonċernati fil-kuntest ta’ proċeduri li jirrigwardaw din il-protezzjoni, anki meta dawn l-indirizzi jkunu miżmuma għal finijiet oħra ( 65 ), tmur kontra d-Direttiva 2002/58, kif interpretata f’din is-sentenza. Għalhekk id-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali huma mċaħħda mill-mezz prinċipali, jekk mhux l-uniku, għall-identifikazzjoni tal-awturi tal-ksur tal-imsemmija drittijiet online, meta dawk jaġixxu, kif inhu l-każ fin-netwerks peer-to-peer, b’mod anominu, u dan jirriskja li jipperikola l-bilanċ tal-interessi differenti inkwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadmet biex tistabbilixxi ( 66 ).

104.

F’din il-kawża, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar il-bażi legali taż-żamma tal-indirizzi IP li tagħhom Mircom titlob il-komunikazzjoni. Madankollu, skont Telenet, din iż-żamma hija bbażata fuq l-Artikolu 126 tal-Wet betreffende de elektronische communicatie (il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) tat‑13 ta’ Ġunju 2005 ( 67 ), dispożizzjoni li kienet inkwistjoni f’waħda mill-kawżi ( 68 ) li taw lok għas-sentenza La Quadrature du Net et ( 69 ). Jekk iż-żamma tal-indirizzi IP abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jew tal-inqas, l-użu tagħhom għall-finijiet oħra minbarra dawk deċiżi legali f’din is-sentenza jiġu kkunsidrati li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, il-proċedura fil-kawża prinċipali, u, konsegwentement, din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma jibqagħlhomx skop ( 70 ).

105.

Xorta jibqa’ l-fatt li f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati fil-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandhom jiġu interpretati f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali. Minn naħa, hemm dubji espressi mill-qorti tar-rinviju għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fil-każ tal-kondiviżjoni ta’ fajls fuq netwerks peer-to-peer, u min-naħa l-oħra, tar-rwol ekwivoku li għandha Mircom fil-proċeduri kontra dan il-ksur.

Fuq l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

106.

Għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, naħseb li r-risposta proposta għall-ewwel domanda preliminari tiċċara s-sitwazzjoni b’mod suffiċjenti. Qabel kollox, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ segmenti ta’ fajl li fih xogħol protett f’netwerk peer-to-peer taqa’ fil-monopolju tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fuq dan ix-xogħol u tippreġudika dan il-monopolju meta dan isir mingħajr awtorizzazzjoni ta’ dan id-detentur. Peress li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni huwa normalment assoċjat mat-tniżżil ta’ fajls fin-netwerks peer-to-peer, għaliex dan huwa l-mod ta’ funzjonament tagħhom, dan it-tniżżil jikkostitwixxi indizju suffiċjenti ta’ ksur probabbli tad-drittijiet tal-awtur jew tad-drittijiet relatati sabiex jiġġustifika t-talba għal informazzjoni li tirrigwarda l-identità tad-detenturi ta’ konnessjonijiet tal-internet użati għal dan il-għan min-naħa tal-fornitur ta’ din il-konnessjoni. Ovvjament, id-detentur tad-drittijiet inkwistjoni għandu juri li l-fajls li fihom xogħlijiet li fuqhom huwa għandu d-drittijiet ġew kondiviżi mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu permezz tal-konnessjonijiet tal-internet implikati.

107.

Imbagħad, id-detentur tal-konnessjoni tal-internet jista’, sabiex jiddefendi ruħu, jipproduċi provi sabiex juri li mhux hu wettaq il-ksur inkwistjoni, li huwa niżżel biss il-fajls mingħajr ma qegħedhom għad-dispożizzjoni tal-utenti l-oħra tan-netwerk, li huwa ma kienx konxju ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni awtomatiku, eċċ. Madankollu, dan huwa l-istadju sussegwenti, dak ta’ proċedura intiża għall-istabbiliment ta’ eventwali responsabbiltà. Għall-kuntrarju, il-protezzjoni tad-data personali ma tistax tikkostitwixxi immunità kontra kull talba ġġustifikata għall-iżvelar ta’ informazzjoni neċessarja sabiex tinbeda proċedura ġudizzjarja xierqa għall-kumpens għad-danni ( 71 ).

108.

Telenet, Proximus u Scarlet Belgium iressqu wkoll l-argument li l-iżvelar tal-ismijiet tad-detenturi tal-konnessjonijiet tal-internet li permezz tagħhom ġew kondiviżi l-films li fuqhom Mircom għandha d-drittijiet jikkostitwixxi, minħabba, jekk qiegħed nifhem sewwa, it-titoli espliċiti ta’ dawn il-films, ipproċessar ta’ data li tirrigwarda l-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2016/679. Issa tali pproċessar huwa fil-prinċipju pprojbit skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament.

109.

Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-fatt li tkun detentur ta’ konnessjoni tal-internet li tiġi użata għall-kondiviżjoni tal-films erotiċi fuq netwerks peer-to-peer jikkostitwixxi informazzjoni dwar il-ħajja jew l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna kkonċernata, jiena tal-fehma li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2)(f) u (g) tar-Regolament Nru 2016/679 japplikaw f’dan il-każ. Għalhekk, ma naħsibx li l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jista’ jipprekludi l-iżvelar tal-ismijiet ta’ tali detenturi ta’ konnessjoni tal-internet fil-kuntest ta’ rikors għad-danni bbażat fuq id-danni li jirriżultaw minn kondiviżjoni.

Fuq ir-rwol tar-rikorrenti

110.

Il-problemi mqajma mir-rwol u mill-mod ta’ kif topera entità bħal Mircom huma iktar delikati.

111.

L-ewwel nett, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 jeħtieġ li t-talba għal informazzjoni ssir “fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li din l-espressjoni ma tistax tinftiehem bħala li tirreferi biss għal proċeduri maħsuba sabiex tinkiseb il-konstatazzjoni ta’ leżjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali ( 72 ). Fil-fatt hija rrikonoxxiet li d-dritt għall-informazzjoni jista’ jiġi eżerċitat ukoll fi proċedura awtonoma, wara konstatazzjoni tal-ksur ( 73 ). Bħall-Kummissjoni, naħseb li dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat ukoll qabel tali konstatazzjoni, b’mod partikolari meta t-talba għal informazzjoni tirrigwarda data ta’ persuni li allegatament wettqu ksur, li hija neċessarja għall-preżentata ta’ eventwali azzjoni.

112.

Id-diffikultà f’din il-kawża tirrigwarda l-fatt li l-qorti tar-rinviju donnha tiddubita l-fatt li Mircom kellha l-intenzjoni tintroduċi tali azzjonijiet: skont din il-qorti hija kienet pjuttost twassal lill-persuni kkonċernati jaċċettaw l-offerta tagħha għal soluzzjoni bonarja.

113.

Madankollu naħseb li l-espressjoni “fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali” hija wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi proċess tat-tip applikat minn Mircom. L-aġir tagħha għandu ċertament rabta stretta mal-ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati u jikkostitwixxi metodu, għalkemm dubjuż fuq livell morali, ta’ difiża ta’ dawn id-drittijiet. Lanqas ma huwa illegali fih innifsu. Barra minn hekk, it-tfittxija ta’ soluzzjoni bonarja tikkostitwixxi ħafna drabi stadju preliminari għall-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja proprja. Bħar-rikors ġudizzjarju, hija teħtieġ għarfien tal-isem u tal-indirizz tal-persuna li allegatament wettqet il-ksur.

114.

Għalhekk, ma naħsibx li l-qorti tar-rinviju tista’ tiċħad it-talba ta’ Mircom billi tikkunsidra li din ma saritx fil-kuntest ta’ azzjoni relattiva għal ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, kif jeħtieġ l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48.

115.

It-tieni nett, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li t-talba għal informazzjoni għandha tkun iġġustifikata u proporzjonata. Fil-fehma tiegħi, huwa dwar dan il-punt li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-mod li bih topera Mircom.

116.

Fil-fatt, jekk din il-qorti tikkunsidra li l-akkwist minn Mircom ta’ liċenzji ta’ użu tal-films inkwistjoni kellu għan abbużiv, it-talba tagħha għandha tiġi deċiża bħala inġustifikata. Barra minn hekk, anki jekk tiġi preżunta l-validità tal-kwalità ta’ detentriċi ta’ liċenzja ta’ Mircom, din il-kumpannija, sa fejn ma kellhiex intenzjoni li tuża dawn il-liċenzji, ma ġarrbet realment ebda dannu li għalih hija tista’ titlob kumpens sussegwentement skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48. Għalhekk, l-azzjoni tagħha tkun mingħajr skop u t-talba tagħha inġustifikata.

117.

Mircom tista’ tiġi kkunsidrata wkoll bħala ċessjonarja ta’ krediti tal-produtturi tal-films li jirriżultaw mill-ksur tad-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-films inkwistjoni. F’dak il-każ, skont ir-risposta li jiena nipproponi li għandha tingħata lit-tieni domanda, il-locus standi ta’ Mircom ikun ibbażat biss fuq id-dritt nazzjonali. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dan id-dritt li l-qorti tar-rinviju jkollha tevalwa t-talba għal informazzjoni.

118.

Finalment u t-tielet nett, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li l-miżuri, l-proċeduri u r-rimedji previsti minn din id-direttiva għandhom jiġu applikati b’mod li joffru protezzjoni kontra l-użu abbużiv tagħhom. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti tali protezzjoni. Issa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, żewġ ċirkustanzi jindikaw li t-talba għal informazzjoni li tirrigwarda l-identità tal-persuni li allegatament wettqu ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandha natura abbużiva.

119.

L-ewwel waħda tirrigwarda l-akkwist abbużiv tal-kwalità meħtieġa sabiex jintalab benefiċċju mill-miżuri, proċeduri u rimedji previsti mid-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari tad-dritt għall-informazzjoni rregolat fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. Analizzajt din il-problema fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda preliminari.

120.

It-tieni ċirkustanza tirrigwarda b’mod iktar ġenerali l-mod ta’ operat ta’ Mircom. Fil-fatt, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, ċertu numru ta’ elementi – il-fatt li dan huwa biss ksur allegat u persuni li allegatament wettqu ksur, in-natura massiva tat-talba għal informazzjoni ( 74 ), in-natura tal-films inkwistjoni, il-fatt li Mircom tevalwa l-kumpens dovut f’ammont fiss ta’ EUR 500 kull persuna, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, u finalment id-dubji dwar l-intenzjoni reali ta’ Mircom li tintroduċi azzjonijiet ġudizzjarji f’każ ta’ rifjut ta’ soluzzjoni bonarja – jippermettu li jiġi preżunt li t-talba tagħha għal informazzjoni tista’ tiġi użata, b’mod abbużiv, mhux bl-iskop li tikseb kumpens proporzjonat għal dannu, iżda b’dak li tikseb, billi tinħeba wara soluzzjoni bonarja tat-tilwima, tip ta’ riskatt. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda azzjoni li Mircom ħadet kontra l-pjattaformi ta’ indiċjar tal-fajls torrent relattivi għall-films li fuqhom għandha d-drittijiet, minkejja l-fatt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 75 ) tagħtiha din il-possibbiltà. Barra minn hekk, din hija ċirkustanza li tista’ twassal lill-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan ma huwiex każ ta’ eliminazzjoni tal-falsifikazzjoni, iżda li jieħu vantaġġ minnu.

121.

Il-konstatazzjoni ta’ tali abbuż taqa’ kompletament fl-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali, u għalhekk, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, dan jippermetti, u anki jeħtieġ, li ssir tali analiżi u jekk ikun il-każ li jiġi rrifjutat l-benefiċċju mid-dritt għall-informazzjoni previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48.

Proposta ta’ risposta

122.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tirrifjuta l-benefiċċju tad-dritt għall-informazzjoni previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jekk, fid-dawl tal-fatti tal-kawża, hija tikkonstata li t-talba għal informazzjoni hija inġustifikata jew abbużiva.

Fuq ir-raba’ domanda preliminari

123.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(f) tar-Regolament 2016/679 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP tal-persuni li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom intużaw għall-kondiviżjoni ta’ xogħlijiet protetti fuq netwerks peer-to-peer, kif għamlet Media Protector għan-nom ta’ Mircom, tikkostitwixxi pproċessar legali tad-data personali.

124.

Din il-kwistjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-imsemmija indirizzi IP jikkostitwixxu data personali u r-reġistrazzjoni tagħhom tikkostitwixxi pproċessar. Madankollu, din il-premessa hija korretta biss f’każ li l-qorti tar-rinviju tagħti lil Mircom il-kwalità neċessarja sabiex tibbenefika mill-miżuri, proċeduri u rimedji previsti mid-Direttiva 2004/48, u, b’mod partikolari, tilqa’ t-talba tagħha skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

125.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-indirizzi IP, inkluż l-indirizzi dinamiċi, jikkostitwixxu data personali peress li l-kontrollur ta’ dawn l-indirizzi IP għandu mezzi legali li jippermettulu jidentifika l-persuna kkonċernata bis-saħħa tal-informazzjoni addizzjonali li għandu l-fornitur tal-aċċess għall-internet ta’ din il-persuna ( 76 ). F’dak il-każ, ma hemmx dubju li r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-indirizzi għall-finijiet tal-użu sussegwenti tagħhom fil-kuntest ta’ azzjonijiet ġudizzjarji tissodisfa d-definizzjoni ta’ pproċessar li tinsab fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2016/679.

126.

Din kienet tkun is-sitwazzjoni kieku Mircom, li għan-nom tagħha Media Protector tiġbor l-indirizzi IP, kellha mezz legali sabiex tidentifika d-detenturi tal-konnessjonijiet tal-internet skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48. Għall-kuntrarju, jekk il-benefiċċju ta’ din il-proċedura jiġi lilha rrifjutat, l-indirizzi IP inkwistjoni f’dan il-każ ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati bħala data personali, għaliex dawn ma jkunux jirrigwardaw persuni identifikati jew identifikabbli fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2016/679. Għalhekk, dan ir-regolament ma jkunx applikabbli.

127.

Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(f) tar-Regolament 2016/679, dan jimponi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew mit-terz jew terzi li lilhom id-data tkun ikkomunikata, it-tieni nett, il-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data personali għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-protezzjoni tad-data ma jkunux prevalenti ( 77 ).

128.

Il-kundizzjoni relattiva għall-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data personali għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex jidhirli li hija ssodisfatta. Teknikament, netwerk peer-to-peer huwa netwerk ta’ kompjuters ( 78 ) li jikkomunikaw bejniethom. Din il-komunikazzjoni titwettaq permezz tal-indirizzi IP li jidentifikaw il-kompjuters differenti (b’mod iktar preċiż, ir-routers li jiżguraw il-konnessjoni tagħhom mal-internet). Kull konstatazzjoni ta’ att ta’ kondiviżjoni ta’ fajl fuq tali netwerk u, għalhekk, ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, meta l-fajl ikun fih xogħol protett u l-kondiviżjoni ssir mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tal-imsemmija drittijiet, tgħaddi neċessarjament mill-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-indirizz IP li minnu twettaq dan l-att. Huwa biss sussegwentement li huwa possibbli li jiġi identifikat id-detentur tal-konnessjoni tal-internet li għaliha kien attribwit l-indirizz IP inkwistjoni f’mument partikolari. Jekk dan id-detentur ma jkunx wettaq l-att inkwistjoni, normalment huwa jkun f’pożizzjoni li jipprovdi informazzjoni dwar il-persuna responsabbli jew jista’ jinżamm responsabbli hu stess għall-atti mwettqa permezz tal-konnessjoni tal-internet tiegħu ( 79 ).

129.

Minn dan isegwi li, għall-finijiet tat-talba għall-kumpens tad-danni kkawżati mill-kondiviżjoni mhux awtorizzata ta’ xogħlijiet protetti f’netwerks peer-to-peer, hija neċessarja r-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP tal-utenti ta’ dawn in-netwerks.

130.

Il-kundizzjoni relatata mat-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew minn terz hija strettament marbuta maċ-ċirkustanzi invokati fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domanda preliminari u mal-evalwazzjoni tagħhom mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, hawnhekk nista’ nagħmel l-istess rimarki li għamilt fir-rigward tat-talba għall-iżvelar tal-ismijiet tal-persuni li lilhom kienu attribwiti l-indirizzi IP irreġistrati skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48. Jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra din it-talba bħala inġustifikata jew abbużiva, ir-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP preċedenti għal din it-talba ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li saret fit-tfittxija ta’ interess leġittimu. Madankollu, f’dak il-każ, l-indirizzi IP ma jibqgħux data personali u r-Regolament 2016/679 ma jkunx applikabbli ( 80 ).

131.

Għall-kuntrarju, l-irkupru ta’ krediti validi minn ċessjonarju ta’ dawn il-krediti jista’ jikkostitwixxi interess leġittimu li jiġġustifika l-ipproċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 6(1)(f) tar-Regolament 2016/679. Madankollu, sabiex tali pproċessar ikun iġġustifikat, iċ-ċessjonarju għandu jkun jista’ juża sussegwentement din id-data sabiex jidentifika d-debituri tal-krediti miksuba. Għalhekk, in-natura ġġustifikata tal-ipproċessar tiddependi b’kull mod fuq l-eżitu tat-talba għal komunikazzjoni tal-ismijiet tad-detenturi ta’ konnessjonijiet tal-internet identifikati permezz tal-indirizzi IP inkwistjoni.

132.

Finalment, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-protezzjoni ta’ data ma jkunux prevalenti fuq l-interess leġittimu li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni, din tirrigwarda l-eżistenza ta’ eventwali ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni li minħabba fihom l-ipproċessar ma jkunx legali minkejja l-eżistenza ta’ interess leġittimu. Hija l-qorti kompetenti li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi partikolari.

133.

Għalhekk, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(f) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi pproċessar legali tad-data personali r-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP tal-persuni li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom intużaw għall-kondiviżjoni ta’ xogħlijiet protetti fuq netwerks peer-to-peer meta din ir-reġistrazzjoni ssir fit-tfittxija ta’ interess leġittimu tal-kontrollur jew terz, b’mod partikolari sabiex issir talba ġġustifikata għall-iżvelar tal-ismijiet tad-detenturi ta’ konnessjonijiet tal-internet identifikati mill-indirizzi IP skont l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 2004/48.

Konklużjoni

134.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li jingħataw ir-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari magħmula mill-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju):

1)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-fatt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għat-tniżżil fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer segmenti ta’ fajl li fihom xogħol protett, u dan anki qabel ma’ l-utent ikkonċernat iniżżel huwa stess l-imsemmi fajl fl-intier tiegħu u mingħajr ma huwa determinanti l-għarfien tal-fatti minn dan l-utent.

2)

L-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi interpretat fis-sens li organu li, minkejja li kiseb ċerti drittijiet fuq xogħlijiet protetti, ma jisfruttahomx u jitlob biss kumpens mill-persuni li jiksru dawn id-drittijiet, ma huwiex intitolat li jibbenefika mill-miżuri, proċeduri u rimedji previsti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, sa fejn il-qorti kompetenti tikkonstata li l-akkwist ta’ drittijiet minn dan l-organu kellu bħala l-uniku għan il-ksib ta’ din il-kwalità. Id-Direttiva 2004/48 la teħtieġ u lanqas tipprekludi li l-Istat Membru jirrikonoxxi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, din il-kwalità lil ċessjonarju ta’ krediti marbuta mal-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

3)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tirrifjuta l-benefiċċju tad-dritt għall-informazzjoni previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jekk, fid-dawl tal-fatti tal-kawża, hija tikkonstata li t-talba għal informazzjoni hija inġustifikata jew abbużiva.

4)

L-Artikolu 6(1)(f) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi pproċessar legali tad-data personali r-reġistrazzjoni tal-indirizzi IP tal-persuni li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom intużaw għall-kondiviżjoni ta’ xogħlijiet protetti fuq netwerks pari għal pari (peer to peer) meta din ir-reġistrazzjoni ssir fit-tfittxija ta’ interess leġittimu tal-kontrollur jew terz, b’mod partikolari sabiex issir talba ġġustifikata għall-iżvelar tal-ismijiet tad-detenturi ta’ konnessjonijiet tal-internet identifikati mill-indirizzi IP skont l-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva 2004/48.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara għal stejjem reċenti, Blackburn, D., Eisenach, J.A., Harrison Jr., D., “Impacts of Digital Video Piracy on the U.S. Economy”, Ġunju 2019, studju ordnar mill-U.S. Chamber of Commerce (Kamra tal-Kummerċ, l-Istati Uniti).

( 3 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, dispożittiv).

( 4 ) Minkejja li l-kunċett ta’ copyright trolling jintuża prinċipalment fil-kuntest tal-ksur imwettaq fuq l-internet, l-idea nnifisha ta’ abbuż tad-drittijiet tal-awtur sabiex jinkiseb kumpens ġiet iktar minn seklu qabel l-internet: l-ewwel “copyright troll qabel l-eżistenza tal-kunċett” identifikat fid-dottrina huwa ċertu Thomas Wall, li opera fir-Renju Unit fis-snin 1870, ara b’mod partikolari Greenberg, B.A., “Copyright Trolls and Presumptively Fair Uses”, University of Colorado Law Review, 2014, Nru 85, p. 53 sa 128, b’mod partikolari p. 63). Il-fenomenu ma huwiex limitat għad-drittijiet tal-awtur biss, u huwa magħruf sew, b’mod partikolari, fid-dritt ta’ privattivi.

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 203.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.

( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349.

( 9 ) ĠU 2009, L 167, p. 37, rettifika ĠU 2013, L 241, p. 8.

( 10 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).

( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514.

( 12 ) ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika ĠU 2013, L 241, p. 9.

( 13 ) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika ĠU 2018, L 127, p. 2.

( 14 ) F’dawn il-konklużjonijiet, ser nuża t-terminoloġija adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92), jiġifieri “tniżżil” għal trażmissjoni min-netwerk lejn il-kompjuter klijent (download) u “tlugħ” għal trażmissjoni mill-kompjuter klijent lejn in-netwerk (upload).

( 15 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456).

( 16 ) Ara wkoll, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, punti 910), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑610/15, EU:C:2017:99, punti 19 sa 24).

( 17 ) BitTorrent Client huwa wkoll l-isem proprju ta’ softwer client BitTorrent iffabbrikat mill-BitTorrent Inc. Madankollu, jeżistu wkoll softwers oħra ta’ dan it-tip, wieħed mill-iktar popolari attwalment huwa l-μTorrent, żviluppat mill-istess kumpannija.

( 18 ) Hawnhekk mhux ser nindirizza l-punt dwar jekk fajl diġitali jikkostitwixxix kopja tax-xogħol (ippreżentajt il-pożizzjoni tiegħi f’dan ir-rigward fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Vereniging Openbare Bibliotheken, C‑174/15, EU:C:2016:459, punt 44). Huwa stabbilit li r-reġistrazzjoni ta’ xogħol taħt forma diġitali tikkostitwixxi r-riproduzzjoni tiegħu. Issa, din ir-reġistrazzjoni hija possibbli biss fil-forma ta’ fajl. Minn dan jirriżulta li dan il-fajl “fih” ix-xogħol, fis-sens li fih id-data li tippermetti, permezz ta’ kompjuter u softwer, li x-xogħol jinqara u jiġi rrappreżentat. Għall-kunsiderazzjonijiet iktar wisgħin, ara b’mod partikolari, Gaudrat, Ph., “Forme numérique et propriété intellectuelle”, Revue trimestrielle de droit commercial et de droit économique, 2000, p. 910.

( 19 ) Bħas-sit The Pirate Bay, inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456): peress li dawn is-siti ta’ indiċjar ma jinkludux fajls-xogħlijiet iżda fajls torrent biss, l-amministraturi tagħhom setgħu jsostnu li ma wettqu ebda ksur tad-drittijiet tal-awtur. Is-sentenza fuq imsemmija waqqgħetilhom dan l-argument.

( 20 ) Jeżistu wkoll protokolli iktar reċenti li ma jużawx tracker ċentrali għaliex il-peers iwettqu dan il-kompitu. Dan ma huwiex importanti għal din il-kawża.

( 21 ) Permezz tal-indirizz IP tagħhom ikkomunikati mit-tracker.

( 22 ) Għall-kuntrarju ta’ dak li wieħed jista’ jaħseb, din il-problema ma kinitx analizzata fil-fond fid-dottrina. Ara, waħda mill-kontribuzzjonijiet rari f’dan ir-rigward, Zygmunt, J., “Przesyłanie plików za pośrednictwem sieci peer-to-peer a rozpowszechnienie utworu w rozumieniu prawa autorskiego”, Zeszyty Naukowe Uniwersytetu Jagiellońskiego, 2017, Nru 1, p. 44 sa 62.

( 23 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 31).

( 24 ) Kif ħafna drabi huwa l-każ bl-internet, it-terminoloġija relattiva għan-netwerks peer-to-peer ma hijiex stabbilita b’mod kartesjan. Għall-finijiet ta’ ċarezza, f’dawn il-konklużjonijiet ser nuża l-kelma “seeders” għall-utenti li għandhom fajl sħiħ u jqegħduh għad-dispożizzjoni ta’ utenti oħrajn, il-kelma “peers” għall-utenti li qegħdin iniżżlu fajl u jtellgħu segmenti għall-peers oħrajn, u l-kelma “leecher” għall-utenti li jniżżlu mingħajr ma jtellgħu.

( 25 ) Il-proporzjon ta’ 1 ifisser li l-utent tella’ data daqs kemm niżżel.

( 26 ) Għall-kuntrarju tad-dritt esklużiv tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, huwa biss it-tlugħ effettiv li jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-proporzjon, peress li t-tqegħid għad-dispożizzjoni biss ma hijiex suffiċjenti.

( 27 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 38).

( 28 ) Ħafna drabi iżgħar mis-segmenti tal-fajl kondiviżi fuq il-protokoll BitTorrent.

( 29 ) Ċerti softwers oħra għall-kuntrarju jippermettu biss il-limitazzjoni tal-veloċità tat-tlugħ, li, skont l-argumenti preċedenti, ma jipprekludix li l-att jiġi kklassifikat bħala tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

( 30 ) Sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 41).

( 31 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 26). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 31).

( 33 ) Bħall-maniġer ta’ lukanda li jittrażmetti s-sinjal ta’ televiżjoni lejn il-kmamar ta’ din il-lukanda (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 42) jew l-amministraturi ta’ sit tal-indiċjar tal-fajls fin-netwerk peer-to-peer (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 36).

( 34 ) Sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 46).

( 35 ) Li, skont il-mod ta’ funzjonament tal-protokoll BitTorrent, għandhom għalhekk l-istess rwol bħas-servers fil-funzjonament tal-web.

( 36 ) Sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, dispożittiv).

( 37 ) Sussidjarjament inżid li fil-fehma tiegħi, l-utenti ta’ netwerk peer-to-peer fejn jiġu kondiviżi xogħlijiet li barra minn hekk huma aċċessibbli, iżda bi ħlas, iqiegħdu dawn ix-xogħlijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bi skop ta’ lukru. Fil-fatt, kif spjegajt iktar ’il fuq, fil-loġika tal-funzjonament tan-netwerks peer-to-peer, it-tlugħ huwa l-korrispettiv għall-possibbiltà ta’ tniżżil. Għalhekk, l-utenti ta’ tali netwerk itellgħu sabiex jieħdu vantaġġ ekonomiku, jiġifieri l-possibbiltà li jaċċedu gratwitament għal xogħlijiet li għalihom normalment ikollhom iħallsu. Għalhekk huwa ċar li hemm skop ta’ lukru.

( 38 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 36).

( 39 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, punti 4243).

( 40 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 44).

( 41 ) Ara l-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ħafna drabi huwa suffiċjenti li jiġu ċċitati t-titoli, espliċiti, tax-xogħlijiet suġġett tal-ksur allegat.

( 43 ) Il-persuni msejħa huma d-detenturi tal-konnessjonijiet tal-internet li l-ismijiet tagħhom huma kkonstatati abbażi tal-indirizzi IP ta’ dawn il-konnessjonijiet. Għalhekk ma humiex neċessarjament il-persuni li jwettqu l-ksur.

( 44 ) Sentenza tal-England and Wales High Court (Chancery Division), tas-16 ta’ Lulju 2019, Mircom International Content Management & Consulting Ltd & Ors vs Virgin Media Ltd & Anor [2019] EWHC 1827.

( 45 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punti 96 sa 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, de la Feria, R., Vogenauer, S. (edituri), Prohibition of Abuse of Law: A New General Principle of EU Law?, Hart Publishing, Oxford – Portland, 2011.

( 47 ) Skont din il-premessa, “[i]l-persuni li huma ntitolati li jitolbu l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji m’għandhomx ikunu dawk biss li qegħdin iżommu id-dritt, imma wkoll dawk il-persuni li għandhom interess dirett u pożizzjoni legali sa fejn jistgħu u skond il-liġi applikabbli, li jistgħu jinkludu organiżazzjonijiet professjonali li għandhom l-inkarigu ta’ dawk id-drittijiet jew għad-difiża ta’ interessi kollettivi u individwali li għalihom huma jġorru ir-risponsabbilità”.

( 48 ) Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Stowarzyszenie Oławska Telewizja Kablowa (C‑367/15, EU:C:2017:36, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, C‑521/17, EU:C:2018:639.

( 50 ) Sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, SNB-REACT (C‑521/17, EU:C:2018:639, punt 34).

( 51 ) Sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, C‑521/17, EU:C:2018:639.

( 52 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72).

( 53 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Bastei Lübbe (C‑149/17, EU:C:2018:841, punt 51 sa 53 u d-dispożittiv).

( 56 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020 (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791).

( 57 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 154).

( 58 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 152)..

( 59 ) Fir-realtà din hija komunikazzjoni (ara l-punt 152 tal-istess sentenza).

( 60 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 155).

( 61 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 156).

( 62 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 1 tad-dispożittiv).

( 63 ) L-indirizzi IP tal-konnessjonijiet tal-internet normalment jiġu attribwiti b’mod “dinamiku”, jiġifieri li jiġi attribwit indirizz ġdid kull darba li tibda l-konnessjoni tal-internet, li jippermetti lill-fornituri tal-aċċess iqabbdu iktar klijenti milli għandhom indirizzi IP disponibbli. Id-data li tirrigwarda l-attribuzzjoni ta’ indirizz IP lil klijent partikolari għandha għalhekk titħassar malajr.

( 64 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 154).

( 65 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 166).

( 66 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 96 u 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Belgisch Staatsblad, 2005, p. 28070.

( 68 ) Kawża C‑520/18, Ordre des barreaux francophones et germanophone et.

( 69 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020 (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791).

( 70 ) Huwa minnu li fl-osservazzjonijiet tagħhom, Telenet, kif ukoll Proximus u Scarlet Belgium jiddikjaraw li din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tippermettix il-komunikazzjoni tal-indirizzi IP lil Mircom, u b’hekk jikkontestaw is-suġġett tal-proċedura prinċipali. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali possibbiltà, u għalhekk, tar-rilevanza tad-domandi preliminari taqa’ fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, din hija ħaġa differenti mill-kwistjoni tal-validità ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

( 71 ) Hawnhekk ser inħalli fil-ġenb il-kwistjoni tal-mod ta’ operat speċifiku ta’ Mircom, li ser neżamina iktar ’il quddiem. Madankollu, huwa minnu li s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), imsemmija fil-punti 98 sa 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet, titfa’ dawl differenti fuq din il-kwistjoni.

( 72 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ (C‑427/15, EU:C:2017:18, punt 20).

( 73 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ (C‑427/15, EU:C:2017:18, dispożittiv).

( 74 ) Skont l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, it-talba għal informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda iktar minn 2000 indirizz IP.

( 75 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:456).

( 76 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 49).

( 77 ) Ara, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, ekwivalenti għall-Artikolu 6(1)(f) tar-Regolament 2016/679, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 28).

( 78 ) It-terminu “peer” huwa, fir-realtà, kompjuter konness man-netwerk.

( 79 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Bastei Lübbe (C‑149/17, EU:C:2018:841, dispożittiv).

( 80 ) Ara l-punt 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Inżid li l-indirizzi IP dinamiċi biss, mhux marbuta ma’ konnessjonijiet tal-internet konkreti, lanqas ma jikkostitwixxu data relattiva għat-traffiku fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2002/58.

Top