EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0489
Opinion of Advocate General Sharpston delivered on 17 September 2019.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2019.
NJ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest Ewropew’ – Rekwiżiti minimi li minnhom tiddependi l-validità – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru – Status – Eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ korp tal-poter eżekuttiv – Setgħat ta’ struzzjoni individwali tal-Ministru għall-Ġustizzja – Approvazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew minn qorti qabel it-trażmissjoni tiegħu.
Kawża C-489/19 PPU.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2019.
NJ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kammergericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(1) – Kunċett ta’ ‘mandat ta’ arrest Ewropew’ – Rekwiżiti minimi li minnhom tiddependi l-validità – Artikolu 6(1) – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru – Status – Eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ korp tal-poter eżekuttiv – Setgħat ta’ struzzjoni individwali tal-Ministru għall-Ġustizzja – Approvazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew minn qorti qabel it-trażmissjoni tiegħu.
Kawża C-489/19 PPU.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:747
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2019 ( 1 )
Kawża C‑489/19 PPU
NJ (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna)
Proċedura kriminali
fil-preżenza ta’:
Generalstaatsanwaltschaft Berlin
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 6(1) – Awtorità ġudizzjarja emittenti – Indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur mill-poter eżekuttiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn prosekutur u approvat, wara stħarriġ eżawrjenti, minn qorti tad-dritt komuni qabel ma jiġi implimentat”
1. |
Fis-sentenza OG u PI ( 2 ), deċiża mill-Awla Manja, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI ( 3 ), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkonċernax lill-Uffiċċji tal‑Prosekutur ta’ Stat Membru li huma esposti għar‑riskju li jiġu suġġetti għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal‑poter eżekuttiv, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija adita minn talba ta’ konsenja maħruġa mill-awtoritajiet Awstrijaki, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l‑applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza u dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni li għandhom jintużaw f’dan il-każ, fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Uffiċċju tal-Prosekutur u preċedentement approvat minn qorti ( 4 ). |
Il-kuntest legali
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584
2. |
Fil-premessi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-leġiżlatur tal‑Unjoni jagħmel id-dikjarazzjonijiet segwenti:
[…]
[…]
[…]
|
3. |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”, jipprevedi: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. 3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 [TUE].” |
4. |
L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprevedi: “Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru li joħorġu bi sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12‑il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta’ detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur.” |
5. |
Skont l-Artikolu 2(2) tal-istess deċiżjoni qafas, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin kif iddefiniti mil-liġi tal-Istat Membru emittenti, il‑ksur elenkati f’din id-dispożizzjoni jwasslu għal konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u mingħajr verifika tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem. Dan huwa l-każ għal serq organizzat jew bl-użu ta’ armi ( 5 ). |
6. |
L-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jelenkaw il-motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mandatorju u fakultattiv tal-mandat ta’ arrest Ewropew. |
7. |
Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”: “1. L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-manadat għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li joħroġ Il-mandat li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat. 2. L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta’ dak l-Istat. 3. Kull Stat Membru għandu jinforma s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.” |
8. |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jirregola l-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew. |
9. |
L-Artikolu 11 tal-istess deċiżjoni qafas, dwar id-drittijiet tal-persuna rikjesta, jipprevedi li “[m]eta persuna rikjesta hi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi kompetenti għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma dik il‑perusna [bi]l-mandat ta’ arrest Ewropew u [bi]l-kontenut tiegħu, u wkoll tal-possibbiltà li tikkunsenta għaċ-ċediment lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat”. |
10. |
L-Artikolu 14 jippevedi li “[f]ejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsejħa fl-Artikolu 13, il-persuna għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li jesgwixxi”. |
Id-dritt Awstrijak
11. |
L-Artikolu 2(1) tal-iStaatsanwaltschaftsgesetz (il-Liġi dwar l‑Uffiċċji tal-Prosekutur, iktar ’il quddiem l-“iStAG”) jipprevedi: “Fi ħdan kull Landesgericht (Qorti Reġjonali) adita minn kawżi kriminali, hemm Uffiċċju tal-Prosekutur; fi ħdan kull Oberlandesgericht (Qorti Reġjonali Superjuri), hemm Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali; u fl‑Obersten Gerichtshof (il-Qorti Suprema), il-Prosekutur Ġenerali. L‑Uffiċċji tal-Prosekutur jirrispondu direttament lill-Uffiċċji tal‑Prosekutur Ġenerali u huma suġġetti għall-ordnijiet tagħhom u dawn kif ukoll il-Prosekutur Ġenerali huma suġġetti għall-Ministru Federali tal-Ġustizzja”. |
12. |
L-Artikolu 29 tal-Gesetz über die Justizielle Zusammenarbeit in Strafsachen mit den Mitgliedstaaten der Europäischen Union (il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem l-“EU‑JZG”) jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ approvazzjoni ġudizzjarja tal-mandat ta’ arrest Ewropew (liema approvazzjoni ngħatat, f’dan il-każ). L-ewwel sentenza tal‑Artikolu 29(1) tal-EU‑JZG tipprevedi dan li ġej: “L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jordna l-arrest permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew approvat ġudizzjarjament u għandu jiżgura, jekk ikun il-każ, in-notifika tal-persuna mfittxija fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen skont l-Artikolu 95 tax-Schengener Durchführungsübereinkommen [il-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen] permezz tal-awtoritajiet kompetenti ta’ sigurtà meta jkun il-każ li jinħareġ avviż ta’ tfittxija ta’ persuna sabiex tiġi arrestata tal-inqas fi Stat Membru wieħed”. |
13. |
Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju, il-kriterji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu osservati skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal‑iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem is-“StPO”): “(1) Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom u tal-ġbir tal-provi, il-pulizija kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-qorti ma jistgħux jippreġudikaw id-drittijiet tal-persuni ħlief jekk dan ikun previst mil-liġi b’mod espress u biss sa fejn ikun neċessarju għat-twettiq tad-doveri tagħhom. Kull preġudizzju ta’ dritt ikkawżat għal din ir-raġuni għandu jibqa’ proporzjonat mal-gravità tal-ksur, mal-grad ta’ ħtija tal-persuna ssuspettata u mar-riżultat imfittex. (2) Fl-għażla bejn doveri differenti u miżuri koerċittivi effettivi differenti, il-pulizija kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-qorti għandhom jużaw dak li jippreġudika l-inqas lid-drittijiet tal-persuni kkonċernati. Il-kompetenzi mogħtija mil-liġi għandhom jiġu eżerċitati f’kull stadju tal-proċedura b’mod li jiġi evitat li ssir sensazzjoni inutli, tiġi rrispettata d-dinjità tal-persuni kkonċernati u jiġu protetti d‑drittijiet u l-interessi li jixirqilhom li jiġu protetti”. |
14. |
Skont l-Artikolu 87(1) tas-StPO, l-approvazzjoni ġudizzjarja hija appellabbli ( 6 ). |
15. |
Il-proċedura ta’ approvazzjoni ġudizzjarja hija rregolata mill‑Artikolu 150 tas-StPO: “(1) Hija l-qorti li għandha tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-kundanna għall-arrest preventiv jew għall-estensjoni tal-arrest preventiv kif ukoll dwar l-approvazzjoni ta’ ċerti miżuri koerċittivi. Il-qorti għandha tagħti terminu ta’ twettiq għall-miżura approvata taħt piena ta’ dekadenza (Artikolu 101(3)). Jekk tkun ġiet ordnata n-notifika għall-arrest, skont l‑Artikolu 169, it-terminu ma jibdiex jiddekorri matul il-perijodu ta’ validità tan-notifika iżda huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur li għandu jivverifika tal-inqas darba fis-sena jekk il-kundizzjonijiet tal-arrest għadhomx issodisfatti. (2) Jekk, għal raġunijiet legali jew prattiċi, huma meħtieġa doveri kumplimentari sabiex tiġi deċiża talba skont il-paragrafu (1), il-qorti għandha tordna lill-pulizija kriminali twettaqhom jew twettaqhom hi ex officio. Din tista’ wkoll titlob lill-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-pulizija kriminali biex jippreċiżaw elementi fattwali tal-fajl u jippreżentaw rapport dwar l‑eżekuzzjoni tal-miżura approvata u tad-doveri kumplimentari. Wara l‑kundanna għad-detenzjoni provviżorja, il-qorti tista’ tordna li minn dakinhar ’il quddiem tirċievi kopja tad-dokumenti tal-fajl, imsemmija fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 52(2)”. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
16. |
Bis-saħħa tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ f’dan il-każ, l‑awtoritajiet Awstrijaki talbu l-arrest ta’ NJ u l-konsenja tiegħu għall‑proċeduri kriminali, minħabba li l-persuna kkonċernata wettqet il-fatti segwenti fi Vjenna, l-Awstrija. |
17. |
Fid-9 ta’ Awwissu 2018, NJ daħal, flimkien ma’ persuna oħra, f’kowċ tat-turisti tal-impriża SQ Equipment Leasing Polska u minnu seraq apparat fotografiku u basket, żewġ basktijiet li jinġarru mad‑dahar, portmoni u CYN 1000 (renminbi yuan Ċiniż) (madwar EUR 128) f’kontanti. Fl-istess ċirkustanzi, NJ seraq ukoll il-karta ta’ kreditu ta’ vittma. Fl‑10 ta’ Awwissu 2018, NJ daħal, flimkien ma’ persuna oħra, f’vettura tal-impriża W. E. Blaschitz, sabiex minnha jisraq xi oġġetti, iżda ħarab b’idu f’idu wara li ġie sorpriż minn terz, li ma segwihomx peress li kellhom sikkina. Fis-17 ta’ Awwissu 2018, NJ seraq, flimkien ma’ persuna oħra, basket li kien fih portmoni, telefon ċellulari u nuċċali b’valur totali ta’ EUR 950, kif ukoll EUR 50 f’kontanti; NJ seraq dan il-basket waqt li l-persuna li kienet miegħu aljenat lir-raġel tal-vittma. Fit‑18 ta’ Awwissu 2018, NJ daħal, flimkien ma’ persuna oħra, f’vettura ta’ terz billi kisser il-ħġieġa tal-ġenb, sabiex jisraq oġġetti minnha, iżda ma sab xejn fiha (iktar ’il quddiem ir-“reati kriminali allegati”). |
18. |
B’effett mill-14 ta’ Mejju 2019, NJ kien suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja minħabba serq fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin (il-Ġermanja). Il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna fis‑16 ta’ Mejju 2019, approvat mill-qrati permezz ta’ digriet tal‑Landesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija) tal‑20 ta’ Mejju 2019, juri li NJ kien is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali, bl-istess numru ta’ referenza tal-kawża, maħruġ mill‑Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna fl-14 ta’ Mejju 2019, approvat ġudizzjarjament mill-istess qorti reġjonali fis-16 ta’ Mejju 2019, fir-rigward tar-reati kriminali allegati. |
19. |
Fl-24 ta’ Mejju 2019, NJ wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu dwar konsenja ssimplifikata ( 7 ). Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Mejju 2019, il‑qorti tar-rinviju ddeċidiet biss dwar miżura ta’ detenzjoni provviżorja fir-rigward ta’ NJ (minħabba dubji dwar l-awtorità ġudizzjarja emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew), filwaqt li rrilevat li l-persuna kkonċernata kienet diġà arrestata. |
20. |
Skont id-dikjarazzjoni ( 8 ) li għamel wara s-sentenza OG u PI ( 9 ), il‑Gvern Awstrijak iqis li l-imsemmija sentenza ma għandhiex effett għar-Repubblika tal-Awstrija, għaliex il-proċedura stabbilita fid-dritt Awstrijak ( 10 ) tikkorrispondi, fil-fehma tiegħu, għar-rekwiżiti esposti f’din is-sentenza. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma taqbilx ma’ din l‑analiżi għaliex, fil-fehma tagħha, il-kundizzjonijiet imsemmija fil‑punti 74 u 75 tas-sentenza OG u PI huma kumulattivi (u mhux alternattivi, hekk kif jidher li jiddikjara l-Gvern Awstrijak fl-imsemmija dikjarazzjoni) ( 11 ). |
21. |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja: “L-ordnijiet li tkun suġġetta għalihom prosekuzzjoni jipprekluduha milli toħroġ validament mandat ta’ arrest Ewropew anki jekk din id-deċiżjoni tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju eżawrjenti qabel l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew?” |
22. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L‑istess partijiet u l-Gvern Spanjol għamlu sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li saret fit-3 ta’ Settembru 2019. |
Dwar l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari
23. |
Il-qorti tar-rinviju talbet sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl‑Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
24. |
Insostenn ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju osservat li l-persuna kkonċernata kienet fil-preżent imċaħħda mil-libertà tagħha doppjament. Fil-fatt, minn naħa, din kienet suġġetta għal detenzjoni provviżorja fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija fil-konfront tagħha fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem l-“ewwel detenzjoni provviżorja”), minħabba fatti li ma humiex relatati mal-kawża prinċipali. Peress li għandha tul massimu ta’ sitt xhur, din l-ewwel detenzjoni provviżorja tista’ tintemm fi kwalunkwe mument. Min-naħa l-oħra, filwaqt li esprimiet dubji dwar l-awtorità ġudizzjarja emittenti u dwar il-validità tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ordnat miżura ta’ detenzjoni provviżorja oħra, minħabba ċ-ċediment eventwali tal‑persuna kkonċernata lill-awtoritajiet Awstrijaki (iktar ’il quddiem it-“tieni detenzjoni provviżorja”). Din it-tieni miżura tidħol fis‑seħħ biss wara l-iskadenza tal-ewwel detenzjoni provviżorja u legalment ma tistax teċċedi l-perijodu ta’ xahrejn. |
25. |
Mill-elementi kkomunikati mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, minn naħa, is-sentenza li tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha effett fuq il-perijodu tat-tieni detenzjoni provviżorja u, għalhekk, fuq il‑perijodu totali tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata u li, min-naħa l‑oħra, jeżisti riskju reali, b’mod partikolari skont il-perijodu tal-ewwel detenzjoni provviżorja u tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-persuna kkonċernata jkollha tingħata l-libertà u li tkun tista’ tevadi l-proċeduri kriminali mibdija kontra tagħha, u b’hekk tiġi ostakolata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Awstrijaki. |
26. |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ fl-oqsma elenkati fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, fil‑qasam ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. L-imsemmi rinviju għalhekk jista’ jkun suġġett għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari b’urġenza, bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal-Ġustizzja. |
27. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, għandu jiġi kkonstatat li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija fil-preżent imċaħħda mil-libertà u li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali jista’ jkollha rilevanza sinjifikattiva fuq it-tul ta’ tali ċaħda ( 12 ). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata skont kif tkun fis-seħħ fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ( 13 ). F’dan il‑każ, huwa stabbilit li, fid-data tal-eżami tat-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju, il-persuna kkonċernata kienet effettivament arrestata u li ż-żamma taħt arrest tagħha kienet tiddependi, b’mod partikolari, mid-deċiżjoni tal‑kawża prinċipali ( 14 ). |
28. |
Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li l-persuna kkonċernata tingħata l-libertà, liema ħaġa tista’ tikkawża preġudizzju, f’dan il‑każ, għall-effettività tas-sistema ta’ ċediment stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u għall-osservanza tal-obbligu li jiġi eżegwit il-mandat ta’ arrest Ewropew, obbligu li huwa ċentrali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja ( 15 ). |
29. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-11 ta’ Lulju 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, u wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex tissuġġetta dan ir-rinviju preliminari għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Analiżi
Osservazzjonijiet preliminari
30. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-kawża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, il-fatti allegati jkopru, parzjalment, ksur li jissodisfa l-kriterju ta’ kriminalità doppja, imsemmi fl-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni qafas u, min-naħa l‑oħra, ksur elenkat fl-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas (peress li dawn il-fatti setgħu jikkostitwixxu serq organizzat jew bl-użu ta’ armi) ( 16 ). |
31. |
Barra minn hekk, mill-istess talba jirriżulta wkoll li l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal‑Prosekutur ta’ Vjenna jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kontenut u ta’ forma msemmija fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
32. |
Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi, għandi nikkjarifika l-portata tad‑domanda preliminari. |
33. |
Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tistabbilixxi jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna jikkostitwixxix “awtorità ġudizzjarja emittenti” u jissodisfax ir‑rekwiżiti ta’ indipendenza, fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża OG u PI, minħabba li, minn naħa, dan l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jkun suġġett għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-eżekuttiv, iżda li, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tiegħu li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew hija dejjem suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju minn qabel ma jidħol fis-seħħ (jiġifieri stħarriġ ex ante li, f’dan il-każ, jieħu l-forma ta’ approvazzjoni ġudizzjarja). |
34. |
Fi kliem ieħor, din id-domanda preliminari għalhekk ma tirrigwardax sitwazzjoni li fiha Uffiċċju tal-Prosekutur potenzjalment suġġett għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-eżekuttiv joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew li jipproduċi l-effetti tiegħu u li minnu l‑persuna kkonċernata tista’ tappella, li jwassal għal stħarriġ ġudizzjarju sussegwenti (stħarriġ ex post). Bħall-Kummissjoni, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li tali stħarriġ ġudizzjarju a posteriori ma jikkostitwixxix garanzija ta’ indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ( 17 ). |
Riferimenti għat-tagħlimiet tas-sentenza OG u PI
35. |
Qabel kollox nirrileva li s-sentenza OG u PI ngħatat abbażi ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari mressqa minn żewġ qrati Irlandiżi fil‑kuntest tal‑eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa rispettivament, fil-Kawża C‑508/18, mill-iStaatsanwaltschaft bei dem Landgericht Lübeck (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Lübeck, il-Ġermanja) fir-rigward ta’ proċeduri kriminali mibdija fir-rigward ta’ OG u, fil‑Kawża C‑82/19 PPU, mill-iStaatsanwaltschaft Zwickau (l-Uffiċċju tal‑Prosekutur ta’ Zwickau, il-Ġermanja) fir-rigward ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra PI. |
36. |
Il-persuni kkonċernati, OG u PI, kienu sostnew li l-Uffiċċji tal‑Prosekutur li kienu ħarġu dawn il-mandati ta’ arrest ma kinux “awtoritajiet ġudizzjarji emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li, għalhekk, l-imsemmija mandati ma kinux validi. |
37. |
Il-qrati tar-rinviju Irlandiżi staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal‑imsemmi Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li għandhom kompetenza li jressqu proċeduri kriminali u li għandhom relazzjoni ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ organu tal-poter eżekuttiv ta’ dan l‑Istat Membru, bħal Ministru tal-Ġustizzja, u jistgħu jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew struzzjonijiet individwali min-naħa ta’ dan tal-aħħar fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni relatata mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
38. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta negattiva għal din id-domanda. |
39. |
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret qabel kollox il‑prinċipju li jgħid li t-termini “awtorità ġudizzjarja” għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi. Barra minn hekk, filwaqt li ċċitat ġurisprudenza preċedenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li dawn it-termini “ma jindikawx biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda għandhom jinftiehmu li jkopru, b’mod iktar wiesa’, l‑awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal‑ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, b’mod differenti, b’mod partikolari, mill-ministeri jew mis-servizzi tal-pulizija, li huma taħt l‑awtorità tal-poter eżekuttiv” ( 18 ). |
40. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li awtorità, bħal Uffiċċju tal-Prosekutur, li għandha l-kompetenza, fil-kuntest tal‑proċedura kriminali, li tmexxi proċeduri fir-rigward ta’ persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali sabiex din titressaq quddiem qorti, għandha titqies li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal‑ġustizzja tal-Istat Membru kkonċernat. |
41. |
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq ir-rekwiżit ta’ indipendenza applikabbli għall-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti ( 19 ). |
42. |
Wara li fakkret li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew kienet tinkludi “protezzjoni fuq żewġ livelli” tad-drittijiet proċedurali u tad‑drittijiet fundamentali li minnhom għandha tibbenefika l-persuna mfittxija ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-prinċipju stabbilit (b’mod partikolari) fis-sentenza tagħha Kovalkovas ( 21 ), li jgħid li t-tieni livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata “jimplika li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, permezz tad-dritt nazzjonali, sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha, b’mod partikolari, tivverifika l‑osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għal dan il-ħruġ u għandha teżamina l-punt ta’ jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ, l‑imsemmi ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata” ( 22 ). B’dan il-mod, dan it-tieni livell ta’ protezzjoni jinkludi għalhekk stħarriġ ta’ legalità u ta’ proporzjonalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew hekk maħruġ. |
43. |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 74 u 75 tas‑sentenza OG u PI, li għandhom jiġu ċċitati in extenso, iddeċidiet li: “74. […] l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qed taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Din l-indipendenza teħtieġ li jkun hemm regoli statutorji u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li l-awtorita ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv. 75. Barra minn hekk, meta d-dritt tal-Istat Membru emittenti jagħti s-setgħa sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, waqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dak l-Istat Membru, ma hijiex fiha nfisha qorti, id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest bħal dan u, b’mod partikolari, il-proporzjonalità ta’ deċiżjoni bħal din għandhom ikunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, f’dak l-Istat Membru, li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.” |
44. |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-riskju li l-poter eżekuttiv jista’ jeżerċita influwenza fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur f’każ individwali, il‑Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll, fil-punti 85 u 87 tas-sentenza tagħha li: “85. Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, kif argumenta l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, id-deċiżjoni tal-Uffiċċji tal-Prosekutur, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkun suġġett għal rimedju mill-persuna kkonċernata quddiem il‑qrati Ġermaniżi kompetenti. […] 87. Fil-fatt, jekk tali rimedju jagħmilha possibbli li jiġi żgurat li l‑eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur jiġi suġġett għall‑possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori, eventwali struzzjoni individwali mill-Ministru għall-Ġustizzja fir-rigward tal‑Uffiċċji tal-Prosekutur meta joħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tibqa’, fi kwalunkwe każ, permessa mil-liġi Ġermaniża.” |
45. |
Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja huma rrepetuti fis‑sentenza PF ( 23 ), mogħtija fl-istess jum bħas-sentenza OG u PI u li min-naħa tagħha tirrigwarda l-indipendenza tal-Prokuratur Ġenerali tal‑Litwanja. Hawnhekk nosserva li l-punti 52 u 53 tas-sentenza PF huma identiċi għall-punti 74 u 75 tas-sentenza OG u PI. |
46. |
Għalkemm, fl-imsemmija sentenza OG u PI, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġermaniżi ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza msemmi iktar ’il fuq, din, għall-kuntrarju, ikkunsidrat, fis-sentenza PF, li l-Prokuratur Litwan kien jaġixxi mingħajr influwenza esterna u li l-istatus kostituzzjonali tiegħu kien tali li jiżgura “mhux biss […] l-oġġettività tal-missjoni tiegħu”, iżda wkoll garanzija ta’ indipendenza mill-poter eżekuttiv meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ( 24 ). |
47. |
Issa, dawn ir-riferimenti li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza għandhom jiġu applikati fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
L-awtorità ġudizzjarja emittenti f’dan il-każ fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584
48. |
Organu nazzjonali bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur Awstrijak jikkostitwixxi awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584? |
49. |
Fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet u s‑sottomissjonijiet tagħhom waqt is-seduta, huwa stabbilit li l-fatt li l‑imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jiġi suġġett għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv ma jostakolax il-ħruġ validu ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, sa fejn dan ikun suġġett għal approvazzjoni minn qabel u sistematika minn qorti ( 25 ). F’dan ir-rigward, nirrileva li fid-dritt Awstrijak, il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax ikollu effetti ġuridiċi ħlief b’effett mill-imsemmija approvazzjoni tiegħu. Mandat ta’ arrest Ewropew li ma jkollux approvazzjoni (wara rifjut tal-qorti adita) jibqa’ ineffettiv. |
50. |
Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Uffiċċju tal‑Prosekutur jikkostitwixxi awtorità li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ( 26 ), inkwantu l-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur għandu l-kompetenza, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, li jibda proċeduri kontra persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali sabiex din titressaq quddiem qorti ( 27 ). |
51. |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, iżda wkoll mill‑osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Awstrijak, fid-dritt kriminali Awstrijak, l-akkuża ssir mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, li b’hekk għandu jiġbor minn qabel l-informazzjoni meħtieġa. L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu rwol ta’ gwida fil-kuntest tal-proċedura ta’ informazzjoni dwar il-kawża kriminali. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jirrapporta dwar il‑progress tal-proċedura ta’ informazzjoni u jżomm il-fajl dwar il-kawża kriminali. F’dan il-kuntest, l-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jagħti ordnijiet lill-pulizija kriminali inkarigata mill-investigazzjonijiet jew – jekk dan ikun iktar effettiv – iwettaq hu stess id-doveri ta’ investigazzjoni. |
52. |
Fil-kuntest tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew waqt il‑proċedura ta’ informazzjoni dwar il-kawża kriminali (qabel ma jiġi evalwat), l‑Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jordna l-arrest, suġġett għall‑approvazzjoni ġudizzjarja msemmija fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 29(1) tal-EU‑JZG (din hija suġġetta għal appell, skont l‑Artikolu 87(1) tas-StPO, diversament mid-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur bħala tali). |
53. |
B’dan il-mod, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Awstrijak jista’ jassumi r-rwol ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm il-kriterju ta’ indipendenza indikat fis-sentenza OG u PI jiġi ssodisfatt. Ser nerġa’ nirreferi għal dan il-punt iktar tard f’dawn il-konklużjonijiet ( 28 ). |
54. |
Madankollu, qabel ma nipproċedi bl-eżami tal-garanziji ta’ indipendenza fil‑kuntest tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-imsemmi Uffiċċju tal-Prosekutur, għandu jiġi kkjarifikat il-punt segwenti. Kuntrarjament għal dak li l-Gvern Awstrijak u dak Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni, jidher li ddikjaraw meta rreferew għas‑sentenza Özçelik ( 29 ), jidhirli li l-qorti inkarigata mill‑approvazzjoni ġudizzjarja tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tiġi kklassifikata bħala l‑awtur effettiv tal-imsemmi mandat b’assimilazzjoni, u dan għal tliet raġunijiet. |
55. |
L-ewwel nett, nirrileva li l-proċedura ta’ kontestazzjoni tal‑kawża Özçelik kienet tirrigwarda mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ minn servizz tal-pulizija Ungeriża u “vvalidat” mill-Uffiċċju tal‑Prosekutur. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d‑deċiżjoni li permezz tagħha l-Uffiċċju tal-Prosekutur kien ivvalida l‑mandat ta’ arrest maħruġ mis-servizz tal-pulizija msemmi kienet tikkostitwixxi l-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ f’dan il‑kuntest. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-validazzjoni, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, tal-mandat ta’ arrest maħruġ minn dan is-servizz tal‑pulizija kien att ġuridiku li permezz tiegħu l-Uffiċċju tal-Prosekutur jistħarreġ u jikkonferma dan il-mandat ta’ arrest. Wara din il‑validazzjoni, li tinsab fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Uffiċċju tal‑Prosekutur kellu jitqies bħala l-entità responsabbli mill-ħruġ tal-mandat ta’ arrest nazzjonali b’assimilazzjoni. |
56. |
B’dan il-mod, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għall‑Uffiċċju tal-Prosekutur, tali servizz tal-pulizija ma seta’ qatt jiġi kklassifikat bħala awtorità ġudizzjarja, inkwantu jaqa’ bħala struttura taħt l-eżekuttiv ( 30 ). Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Uffiċċju tal‑Prosekutur jikkostitwixxi, permezz tal-mekkaniżmu tal-validazzjoni, l-unika awtorità ġudizzjarja li tista’ toħroġ b’mod validu mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
57. |
F’dan il-każ, kif irrilevajt preċedentement fil-punt 53 iktar ’il fuq, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Awstrijak jista’ jikkostitwixxi awtorità li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali, awtorizzata b’hekk li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Ipso facto, is-sitwazzjoni ta’ tali Uffiċċju tal-Prosekutur ma hijiex paragunabbli ma’ dik tas‑servizz tal-pulizija kkontestata fil-kawża Özçelik. |
58. |
It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, fis-sistema proċedurali stabbilita mil-leġiżlatur Awstrijak, teżisti distinzjoni ċara ħafna bejn il‑fażi ta’ informazzjoni dwar il-kawża kriminali (qabel ma tiġi eżaminata), li fil-kuntest tagħha l-Uffiċċju tal-Prosekutur jeżerċita funzjoni ta’ gwida sabiex jiġbor il‑provi kollha neċessarji, u l-proċedura prinċipali, li fiha t-tmexxija tal‑proċess taqa’ fuq il-qorti adita (li, b’dan il-mod, hija awtorizzata tordna arrest permezz tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jekk ikun il-każ fuq proposta tal-Uffiċċju tal-Prosekutur). |
59. |
Matul il-fażi tal-informazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-qorti inkarigata mill-approvazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jeżerċitaw prerogattivi ta’ natura differenti. L-inizjattiva tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest taqa’ fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur (li jordna l-arrest, skont l‑Artikolu 171 tas-StPO). B’dan il-mod, huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur li “jiġġestixxi l-proċedura” ( 31 ) u li jistabbilixxi b’mod partikolari l‑opportunità ta’ tali miżura ( 32 ). F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-qorti essenzjalment huwa li teżamina l-legalità u l-proporzjonalità tad‑deċiżjoni meħuda mill-Uffiċċju tal-Prosekutur (fil-prattika miġbura f’formola), skont l-Artikolu 5(1) u (2) tas-StPO. F’dan il-kuntest, il-qorti hija mitluba teżamina l-fajl komplet li jkun ġie mgħoddi lilha (l‑imsemmi fajl ikun fih kopja tal-ordnijiet indirizzati lill-Uffiċċju tal-Prosekutur minn entitajiet superjuri bħall-poter eżekuttiv). Jekk tħoss li jkun neċessarju, il-qorti tista’ tordna jew twettaq doveri ta’ investigazzjoni supplimentari f’dan il-kuntest. Jekk, wara dan l‑istħarriġ, il-qorti tagħti l-approvazzjoni tagħha, din tkun fil-forma ta’ sempliċi sentenza, miżjuda fil-formola. L-approvazzjoni ma hijiex akkumpanjata minn ordni mogħtija lill-Uffiċċju tal-Prosekutur dwar l‑eżekuzzjoni tal-miżura kkonċernata: il-qorti sempliċement tistabbilixxi terminu ta’ validità tal-approvazzjoni (li jekk ma jiġix osservat iwassal għan-nullità tal-miżura inkwistjoni). Meta tingħata din l-approvazzjoni, huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur li għandu jiffirma l-mandat ta’ arrest Ewropew, u li għandu jimplimenta u jibgħat dan l-istess mandat lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’, pereżempju, jiddeċiedi li ma jipproċedix bl-implimentazzjoni jew bit-trażmissjoni tal-mandat hekk approvat. |
60. |
Kif spjega l-Gvern Awstrijak fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil‑miktub u orali tiegħu, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Uffiċċju tal‑Prosekutur u l-qorti jirriżulta minn riforma tad-dritt kriminali Awstrijak li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008. Wara din ir-riforma, il‑funzjoni preċedentement eżerċitata mill-qrati istruttorji ngħatat lill‑Uffiċċju tal-Prosekutur – b’dan it-trasferiment ta’ poter jiġi kkontrobilanċjat permezz tal-introduzzjoni ta’ superviżjoni ġudizzjarja (l-approvazzjoni). |
61. |
Finalment, it-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l‑Artikolu 6(3) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas 2002/584, kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill dwar l‑awtorità ġudizzjarja kompetenti, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew. Jidher li fit‑28 ta’ Jannar 2008 (ara d-dokument tal-Kunsill Nru 5711/08), ir-Repubblika tal‑Awstrija ddikjarat li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni kienet l-Uffiċċju tal-Prosekutur ( 33 ) tal-post jew Landesgericht (qorti reġjonali) fis-sede tagħha. |
62. |
Waqt is-seduta, il-partijiet staqsew b’mod partikolari dwar il‑possibbiltà tal-eżistenza ta’ awtorità ta’ ħruġ “doppja” fis-sistema Awstrijaka, komposta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur u mill-qorti (li jimplika li l-informazzjoni kkomunikata lis-Segretarju Ġenerali tal‑Kunsill mir-Repubblika tal-Awstrija kienet parzjalment skorretta). Dan iqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li ssemmi lill-awtorità kompetenti fis‑singular, taċċettax tali struttura binarja jew kumplessa, li tista’ tnaqqas ir-responsabbiltà tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
63. |
Fil-fehma tiegħi, għandha tintuża l-informazzjoni mibgħuta lis‑Segretarju Ġenerali tal-Kunsill mill-Gvern Awstrijak. Fil-fatt, huwa l-Istat Membru kkonċernat li huwa kompetenti sabiex jinnomina – skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 – l-awtorità kompetenti skont id-dritt nazzjonali tiegħu. Jidhirli li la għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi b’mod preliminari, u lanqas l-awtoritajiet tal‑Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jikkompletaw jew jikkorreġu informazzjoni debitament innotifikata lill-Kunsill mill-Istat Membru emittenti u li jiddeċiedu b’dan il-mod dwar l-istruttura (potenzjalment) binarja jew kumplessa tal-imsemmija awtorità emittenti. |
64. |
Fil-fehma tiegħi, għal dawn ir-raġunijiet kollha, jidhirli li huwa kemxejn artifiċjali li jitqies li l-qorti – li tintervjeni biss iktar tard, sa fejn il‑gwida tal-fażi ta’ informazzjoni kriminali taqa’ fuq l-Uffiċċju tal‑Prosekutur – titqies bħala l-awtur tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-fatt li l-appell ippreżentat, jekk ikun il-każ, mill-persuna kkonċernata jirrigwarda l-approvazzjoni ġudizzjarja (u mhux id‑deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur stricto sensu) ma jidhirlix li għandu effett f’dan ir-rigward. Kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni waqt is-seduta, nikkunsidra li l-Uffiċċju tal‑Prosekutur jibqa’ l-awtur tal-mandat anki jekk, b’xi mod, ir‑responsabbiltà ta’ din id-deċiżjoni hija maqsuma mal-qorti li tagħti l‑kunsens tagħha għall-implimentazzjoni tagħha u li d-deċiżjoni tagħha tista’ tkun appellata abbażi ta’ dan. |
65. |
Għalhekk, ma naqbilx mal-perspettiva tal-Gvern Awstrijak, li tgħid li l‑approvazzjoni ġudizzjarja tippermetti li l-qorti tiġi assimilata mal‑awtur tal-mandat ta’ arrest nazzjonali jew Ewropew. |
66. |
Fil-fehma tiegħi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa għalhekk tabilħaqq l-awtorità li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew fis-sistema kriminali Awstrijaka. Għalhekk għandha tiġi eżaminata l-pożizzjoni tiegħu u, b’mod partikolari, l-indipendenza tiegħu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑mekkaniżmu ta’ approvazzjoni ġudizzjarja stabbilit bl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(1) tal-EU‑JZG. |
Ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti
67. |
Kif irrilevajt iktar ’il fuq, fis-sentenza tagħha OG u PI, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew tinkludi protezzjoni tad-drittijiet proċedurali u tad-drittijiet fundamentali li għandha tibbenefika minnhom il-persuna mfittxija fuq żewġ livelli. Din il-persuna għandha tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja, fl‑ewwel lok, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali, bħal mandat ta’ arrest nazzjonali, u fit-tieni lok, waqt il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew ( 34 ). |
68. |
Fil-qalba tal-kawża inkwistjoni tqum il-kwistjoni dwar jekk is‑sistema Awstrijaka tistax tiggarantixxi d-drittijiet tal-persuna kkonċernata b’mod indipendenti, fid-dawl tar-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
Il-kunċett ta’ indipendenza fis-sistema Awstrijaka fid-dawl tal-kawża OG u PI
69. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[h]ija, fil-fatt, l-‘awtorità ġudizzjarja emittenti’, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri l-entità li finalment tieħu d-deċiżjoni li jinħareġ il‑mandat ta’ arrest Ewropew, li għandha r-responsabbiltà li tiżgura dan it-tieni livell ta’ protezzjoni, anki meta l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq deċiżjoni nazzjonali mogħtija minn imħallef jew qorti”. B’hekk l-“awtorità ġudizzjarja emittenti” għandha tkun indipendenti, li jfisser li ma tistax “[…] tkun esposta għar-riskju li s‑setgħa deċiżjonali tagħha tista’ tkun suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ta’ dik l-awtorità u mhux, finalment, ta’ dak il‑poter” ( 35 ). |
70. |
Kif indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan il-kunċett ta’ “indipendenza” huwa essenzjalment ibbażat fuq żewġ elementi. L‑awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fi ħdan l-Istat Membru li hija topera fih, jeżistu regoli statutorji u organizzattivi li huma xierqa sabiex jiġi żgurat li l‑imsemmija awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv. Barra minn hekk, meta l-awtorità ġudizzjarja emittenti tkun organu li ma jikkostitwixxix qorti (bħal Uffiċċju tal‑Prosekutur, bħal f’dan il-każ), id-deċiżjoni li jinħareġ mandat ta’ arrest u, b’mod partikolari, in-natura proporzjonali ta’ tali deċiżjoni għandhom ikunu jistgħu jiġu ssuġġettati, f’dak l-Istat Membru, għal rimedju ġudizzjarju li jissodisfa bis-sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 36 ). |
71. |
Id-diskussjonijiet waqt is-seduta ppermettew li jiġi stabbilit li s‑sistema Awstrijaka ta’ approvazzjoni ġudizzjarja tad-deċiżjoni tal‑Uffiċċju tal-Prosekutur dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija atipika meta mqabbla mas-sistemi fis-seħħ fi ħdan Stati Membri oħra. Madankollu, nikkunsidra li tali sistema nazzjonali hija konformi mar‑rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 37 ). |
72. |
Skont l-informazzjoni li tinsab fid-digriet tar-rinviju, id‑dispożizzjonijiet legali rilevanti fid-dritt Awstrijak jipprevedu li, fil‑kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju li jsir fid-dawl tal-approvazzjoni, il‑qorti adita għandha teżamina jekk id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tissodisfax ir-rekwiżiti legali, u dan anki fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, u jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex proporzjonali ( 38 ), filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali ta’ din id-deċiżjoni ( 39 ). Barra minn hekk, il-persuna mfittxija għandha d-dritt li tappella kontra l-approvazzjoni fiha nnifisha ( 40 ). |
73. |
Jidhirli li f’dan il-każ, fid-dawl tal-punti inklużi fid-digriet tar‑rinviju, kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Awstrijak, tali sistema nazzjonali (inkluża, b’mod partikolari, il‑proċedura ta’ approvazzjoni) hija tali li tiżgura eżami rigoruż tad‑deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur mill-qorti adita. L-għan ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju huwa li tiġi vverifikata l-konformità tal-ħruġ tal‑mandat ta’ arrest Ewropew meta mqabbla mar-rekwiżiti legali applikabbli, inkluż mill-perspettiva tal-proporzjonalità. Fil-fehma tiegħi, l-għan tal-istħarriġ mill-qorti ma huwiex li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ istruzzjonijiet mogħtija lill-Uffiċċju tal-Prosekutur mill‑poter eżekuttiv f’każ partikolari (minkejja li, skont il-Gvern Awstrijak, tali istruzzjonijiet għandhom isiru bil-miktub u għandhom ikunu inklużi fil-fajl dwar il-kawża kriminali, li jintbagħat lill-qorti tal-approvazzjoni) ( 41 ). Id-differenza hija sottili, iżda importanti. Fl-opinjoni tiegħi, qabel kollox, l-istħarriġ ġudizzjarju magħmul għandu jippermetti lill-qorti adita tikkonstata l‑osservanza globali tal-kundizzjonijiet ta’ legalità. Is-sistema inkwistjoni għandha tiżgura li l-awtorità ġudizzjarja kkonċernata tkun ħarġet il‑mandat ta’ arrest Ewropew b’mod konformi mal-liġi. Għalhekk, tali sistema għandha tippermetti li jiġu eliminati l‑konsegwenzi illeċiti tal-poter ta’ inġunzjoni li jgawdi minnu l-eżekuttiv, billi tiġi prekluża l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet illegali tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur, bis-saħħa tal-istħarriġ minn qabel tal-qorti ( 42 ). |
74. |
Inqis li tali sistema tiżgura l-osservanza tal-pedament li fuqu hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jiġifieri l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam kriminali ( 43 ). |
75. |
Sabiex inkun eżawrjenti, inżid li kieku kellu jkun hemm riskju li l‑Uffiċċju tal-Prosekutur jirċievi ordnijiet mingħand il-poter eżekuttiv wara l‑approvazzjoni u li jkunu jirrigwardaw l-implimentazzjoni u t-trażmissjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (mill‑bqija, dan ir-riskju bl-ebda mod ma ġie stabbilit f’dan il-każ), huma l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jkollhom jeżaminaw din il-kwistjoni u jisiltu, jekk applikabbli, il-konsegwenzi. F’kull każ, nosserva li tali riskju jista’ jeżisti f’kull sistema oħra ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li qabel kollox, in-nuqqas ta’ implimentazzjoni u ta’ trażmissjoni, mill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti, tal-mandat ta’ arrest lanqas ma huwa tali li jippreġudika d-drittijiet tal-persuna mfittxija – dan huwa madankollu s-suġġett tal-analiżi tiegħi f’dan il-każ. |
Il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza OG u PI
76. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 74 u 75 tas-sentenza OG u PI għandhomx jinqraw b’mod kumulattiv jew alternattiv. |
77. |
Il-Gvern Ġermaniż isostni li kemm il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza OG u PI fir-rigward tal‑Uffiċċji tal-Prosekutur Ġermaniżi kif ukoll il-kontenut tal-punti 74 u 75 tal-imsemmija sentenza (li jinkludu t-termini “barra minn hekk”) jimmilitaw favur qari kumulattiv ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Awstrija jqis li ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-punti 74 u 75 tas‑sentenza OG u PI minħabba li, f’dan il-każ, hija l-qorti inkarigata mill‑approvazzjoni tal-mandat ta’ arrest li għandha tinżamm responsabbli mill‑ħruġ tiegħu, biex b’hekk din il-kwistjoni ma tibqax rilevanti. Il‑Kummissjoni finalment tqis li dawn huma żewġ kwistjonijiet distinti, li ma għandhomx jitqiesu bħala kumulattivi jew alternattivi bejniethom, iżda li, għall-kuntrarju, għandhom jiġu evalwati skont il‑kriterji u r-rekwiżiti proprji tagħhom. Skont il-Kummissjoni, dawn huma rekwiżiti legali applikabbli, minn naħa, għall-ħruġ validu ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u, min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni legali kontra l-mandati ta’ arrest Ewropej hekk maħruġa. |
78. |
Qabel kollox, inqis li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, għandna nipproċedu bl-analiżi billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll il‑kuntest li jaqa’ fih u l-għan intiż minn din id-deċiżjoni qafas ( 44 ). Barra minn hekk, nirrileva li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl‑Artikolu 267 TFUE, meta tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, fil-kuntest konkret ta’ kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha sabiex tiddeduċi mit-termini u mill-ispirtu tiegħu t-tifsira tar-regoli stabbiliti minnu, peress li l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tar-regoli hekk interpretati hija rriżervata għall-qorti nazzjonali ( 45 ). |
79. |
B’hekk, f’dan il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tagħti lill‑qorti tar-rinviju l-kriterji ta’ analiżi neċessarji sabiex tistabbilixxi li s‑sistema nazzjonali kkontestata hija konformi mar-rekwiżiti tal‑imsemmija deċiżjoni qafas. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkjarifika r-regoli ta’ verifika indikati mill-Awla Manja fis-sentenza OG u PI. B’dan il-mod, ma hijiex kwistjoni li jiġu imposti rekwiżiti addizzjonali meta mqabbla mad-dispożizzjoni kkonċernata, iżda li jiġu ċċarati r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kunċett stess ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”. |
80. |
Fil-fehma tiegħi, iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 74 u 75 tas-sentenza OG u PI huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti li tapprova d-deċiżjoni tal‑Uffiċċju tal-Prosekutur. Naqbel mal-pożizzjoni tal‑Kummissjoni li tgħid li ma jidhirx li huwa adattat li dawn il-kundizzjonijiet jiġu kklassifikati bħala “alternattivi” jew “kumulattivi”, inkwantu jirrigwardaw suġġett differenti u għandhom jiġu evalwati skont il‑kriterji u r-rekwiżiti tagħhom stess. Għalhekk, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja wriet b’hekk żewġ stadji neċessarji fl-evalwazzjoni tal‑istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. |
81. |
B’hekk, mingħajr verifika tal-garanziji li jaffettwaw l‑indipendenza tal-awtorità awtorizzata sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew fis-sistema legali tal-Istat Membru emittenti, kif ukoll dwar il‑proporzjonalità tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat, dan tal‑aħħar ma jibqagħlux effetti legali. |
Il-garanziji
82. |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li hija l-awtorità ġudizzjarja emittenti li għandha tistabbilixxi l-osservanza tar-rekwiżiti tal‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fi ħdan l-Istat Membru emittenti. Naqbel perfettament mal-approċċ adottat mill-mibki kollega u ħabib tiegħi, l-Avukat Ġenerali Bot, li enfasizza, fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Bob-Dogi, li: “Fil-fehma tiegħi, it-termini drastiċi tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jippreżupponu, bħala kontroparti, l-eżistenza ta’ garanziji proċedurali konkreti u effettivi tad‑drittijiet tad-difiża fl-Istat Membru emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li mingħajrhom jinkiser il-bilanċ indispensabbli, inerenti għall-istabbiliment ta’ spazju ġudizzjarju Ewropew, bejn l-eżiġenzi tal-effettività tal-ġustizzja kriminali u l-imperattivi tas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali.” ( 46 ) |
83. |
Għalhekk, kull sistema nazzjonali għandha tkun tista’ tippreżenta garanziji proċedurali li huma kompletament konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 47 ). Dan jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ( 48 ). Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-“bażi” tal‑kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, huwa applikat fl‑Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, li konformement miegħu l-Istati Membri huma bħala prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew ( 49 ). |
84. |
Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi osservat li l‑ewwel wieħed ikopri d-drittijiet fundamentali tal-persuna mfittxija ( 50 ). It-tieni wieħed huwa intiż sabiex jiżgura li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istati Membri ma jipproċedux kontra l-imsemmija persuna għal reati minuri ( 51 ). Fir-rigward ta’ dan it-tieni rekwiżit, huwa komunement stabbilit li l‑kwistjoni tal-istħarriġ tal-proporzjonalità hija waħda mid-diffikultajiet ewlenin li tinsab fis-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew sa minn meta bdiet tiġi applikata. Issa, minn wara s-sentenza OG u PI, huwa ċar li l-istħarriġ tal-proporzjonalità jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali ( 52 ). |
85. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ proporzjonalità li għandhom jiġu applikati meta Stat Membru emittenti jagħti l-kompetenza tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew lil awtorità li, filwaqt li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta’ dan l-Istat Membru, ma hijiex fiha nnifisha qorti (bħal f’dan il-każ), fid-dawl tal-għanijiet u tal-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 53 ). |
86. |
Fil-fehma tiegħi, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega r-regoli ta’ referenza li għandhom jiġu segwiti f’dan ir-rigward, ikun iktar sempliċi li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk awtorità nazzjonali awtorizzata sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tissodisfax ir-rekwiżiti tal‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’dan ir-rigward, nenfasizza li huwa imperattiv li jiġu previsti garanziji proċedurali fl-istadju tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. |
87. |
Fil-fehma tiegħi, meta l-ordni ġuridiku ta’ Stat Membru emittenti jammetti li d-deċiżjoni tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew tittieħed minn awtorità li ma hijiex fiha nnifisha qorti, iżda jitlob li l‑imsemmija deċiżjoni tkun approvata minn qorti, huwa importanti ħafna li l-Istat imsemmi jkun f’pożizzjoni li juri li l-istħarriġ ġudizzjarju stabbilit b’dan il-mod ma huwiex sempliċement l-għoti ta’ “nihil obstat”, mingħajr ma jsir verament eżami dwar id-deċiżjoni ta’ organu bħal Uffiċċju tal-Prosekutur. |
88. |
Inżid li, meta l-awtorità ġudizzjarja li tkun ħadet id-deċiżjoni li toħroġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun Uffiċċju tal-Prosekutur li jista’ jkun suġġett għal ordnijiet b’mod partikolari tal-poter eżekuttiv (bħal f’dan il-każ), huwa neċessarju li l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ tali deċiżjoni tingħata qabel ma dan il-mandat ta’ arrest jipproduċi effetti ġudizzjarji. |
89. |
Finalment, peress li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa tali li jippreġudika d-dritt ta’ libertà tal-persuna kkonċernata, protett bl‑Artikolu 6 tal-Karta, jidhirli li s-sistema nazzjonali ta’ approvazzjoni għandha tippermetti lill-persuna mfittxija li jkollha dritt għal smigħ quddiem qorti sabiex tikkontesta l-validità ta’ din id-deċiżjoni skont l‑Artikolu 47 tal-Karta. |
Applikazzjoni f’dan il-każ
90. |
X’inhu l-effett tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża OG u PI fuq il-kawża prinċipali? |
91. |
Fil-fehma tiegħi, is-sistema Awstrijaka hija differenti b’mod ċar mis-sistema Ġermaniża li minnha oriġinat is-sentenza msemmija, u dan fir‑rigward ta’ punti essenzjali ( 54 ). |
92. |
Ċertament, l-Uffiċċji tal-Prosekutur huma suġġetti għall-poter eżekuttiv fil-ġerarkija tas-sistema Awstrijaka. Fil-fatt, skont l‑informazzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju, l-Uffiċċji tal-Prosekutur jirrispondu direttament lill-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali u huma suġġetti għall-ordnijiet tagħhom; l-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali u l‑Prosekutur Ġenerali, min-naħa tagħhom, huma suġġetti direttament għall‑Ministru Federali tal-Ġustizzja. |
93. |
Madankollu, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju stess, il‑proċedura ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fl-Awstrija hija differenti miċ-ċirkustanzi li wasslu għas-sentenza OG u PI. Fl-ewwel lok, is-sistema Awstrijaka tipprevedi approvazzjoni ġudizzjarja tal‑mandat ta’ arrest Ewropew (approvazzjoni li effettivament seħħet f’dan il-każ). It-tieni nett, din l-approvazzjoni ġudizzjarja timplika l‑verifika tal-osservanza tal-kriterji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità (skont l-Artikolu 5(1) u (2) tas-StPO). It-tielet nett, il-proċedura ta’ approvazzjoni ġudizzjarja hija rregolata mil-liġi; jekk ikunu meħtieġa xi investigazzjonijiet kumplimentari sabiex tingħata l-approvazzjoni lill‑mandat ta’ arrest, il-qorti adita tista’ tordna lill-pulizija kriminali sabiex twettaqhom jew tagħmilhom hi ex officio ( 55 ). Finalment, fir-raba’ lok, l‑approvazzjoni tista’ tkun suġġetta għal rimedju ġudizzjarju, bis‑saħħa tal‑Artikolu 87(1) tas-StPO ( 56 ). Inqis li tali rimedju huwa element li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
94. |
Barra minn hekk, ninnota li l-approvazzjoni ġudizzjarja tingħata qabel ma d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tipproduċi l-effetti tagħha. |
95. |
Fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju, fl‑osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Awstrijak, kif ukoll fir‑risposti ta’ dan tal-aħħar għad-domandi magħmula mill-Qorti tal‑Ġustizzja waqt is-seduta, jidhirli li skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, il-qrati nazzjonali huma obbligati jipproċedu b’eżami ddettaljat u rigoruż ta’ kull mandat li jiġu aditi bih u tal-fajl dwar reat kriminali relatat miegħu. F’dan l-istħarriġ ġudizzjarju, il-kriterji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu osservati. |
96. |
Peress li s-sistema stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri, liema ħaġa timplika preżunzjoni ta’ rispett, minn kull Stat Membru, tad-drittijiet protetti bil‑Karta, jidhirli li, mingħajr prova kuntrarja stabbilita debitament, ma tistax tiġi kkontestata l-konformità mal-Karta u mal-imsemmija deċiżjoni qafas ta’ sistema legali bħal dik f’din il-kawża, li tissuġġetta l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-Uffiċċju tal-Prosekutur għal stħarriġ ġudizzjarju minn qabel. Il-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni ma tistax tkun iġġustifikata ħlief fir-rigward ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament konkretizzati li jirrigwardaw il‑funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti ( 57 ), li jikkostitwixxu tali prova kuntrarja – elementi li jidhru li huma neqsin f’dan il-każ. |
97. |
Għalhekk, inqis li fid-dawl tal-provi prodotti għall‑evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema bħal dik fis-seħħ bħalissa fl-Awstrija hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
98. |
Minn dan nikkonkludi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk is-sistema tal-Istat Membru emittenti kkonċernat tinkludix il-garanziji proċedurali neċessarji sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew u li għandha tiżgura stħarriġ tal-proporzjonalità ta’ dan il-mandat, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din is-sistema nazzjonali għandu jkollha l-elementi segwenti: l-ewwel nett, id-deċiżjoni inizjali ta’ ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu l-qorti adita għandha tipproċedi b’eżami rigoruż tad-deċiżjoni msemmija qabel ma tagħti l-approvazzjoni tagħha; it-tieni nett, dan l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jsir qabel ma l-imsemmi mandat jipproduċi effetti ġuridiċi; u, it-tielet nett, l-approvazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (li tirriżulta minn dan l-istħarriġ ġudizzjarju) għandha tkun appellabbli. |
Konklużjoni
99. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, inqis li l-kwistjoni indirizzata mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) lill-Qorti tal-Ġustizzja titlob ir‑risposta segwenti: Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi kollha tal-kawża inkwistjoni, skont l-Artikolu 6(1) tad‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal‑Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, l-ewwel nett, jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni nħariġx minn awtorità ġudizzjarja; it-tieni nett, jekk din l-awtorità ġudizzjarja aġixxietx b’indipendenza totali; u, it-tielet nett, jekk l‑imsemmija awtorità evalwatx il-legalità u l-proporzjonalità tad‑deċiżjoni li jinħareġ tali mandat. F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-punti segwenti jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit li s-sistema tal-Istat Membru emittenti tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019 (Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, iktar ’il quddiem is‑“sentenza OG u PI”).
( 3 ) Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il‑mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).
( 4 ) Għandhom jiġu nnotati tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari (C‑625/199 PPU, C‑626/19 PPU u C-627/199 PPU) ippreżentati fit-22 ta’ Awwissu 2019 mill-istess qorti (ir-rechtbank Amsterdam, il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li jirrigwardaw l-istess kwistjoni ġuridika.
( 5 ) Ara t-tmintax-il inċiż tal-Artikolu 2(2).
( 6 ) Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 7 ) Ara l-punti 9 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 8 ) Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju rreferiet (fil-punt 22) għal dikjarazzjoni magħmula mill-Gvern Awstrijak. Jidhirli li din hija d‑dikjarazzjoni msemmija fid-dokument tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2019, intitolat “Judgments of the CJEU of 27 May 2019 in joined cases C‑508/18 and C‑82/19 PPU and in case C‑509/18 – public prosecutors offices acting as judicial authorities – Exchange of views on the follow-up – Paper by the Presidency”, Dokument Nru ST 9974 2019, p. 13.
( 9 ) Kif murija preċedentement (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).
( 10 ) Ara l-punti 11 sa 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 11 ) Ara l-punti 76 sa 81 tal-konklużjonijiet ippreżentati.
( 12 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 31).
( 13 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2019, TC (C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara l-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 15 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 37).
( 16 ) It-tmintax-il inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li l-persuna kkonċernata wettqet, mill-inqas, attentat ta’ serq flimkien ma’ kompliċi u bl-użu ta’ sikkina sabiex tintimida lil terzi (ara l-punti 4 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 17 ) Sentenza OG u PI (punti 85 sa 87).
( 18 ) Sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C-452/16 PPU, EU:C:2016:858, punti 33 u 35, u tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punti 34 u 36.
( 19 ) Ara l-punt 76 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 20 ) Ara l-punt 67 tas-sentenza OG u PI.
( 21 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 47.
( 22 ) Ara l-punt 71 tas-sentenza OG u PI.
( 23 ) Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019 (Prokuratur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457).
( 24 ) Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019 (Prokuratur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457, punti 55 u 56). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar jekk id‑deċiżjonijiet meħuda mill-Prokuratur Litwan fir-rigward ta’ mandat ta’ arrest Ewropew setgħux ikunu suġġett ta’ appell li jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva: il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju sabiex tivverifika dan il-punt.
( 25 ) Barra minn hekk, il-Kummissjoni żżid li l-imsemmija qorti għandha tipproċedi b’verifika tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tal-proporzjonalità tiegħu.
( 26 ) Fis-sens imsemmi fis-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punti 33 u 35; tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punti 34 u 36; kif ukoll is-sentenza OG u PI (punt 50).
( 27 ) Ara s-sentenza OG u PI (punt 60).
( 28 ) Ara l-punti 67 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C-453/16 PPU, EU:C:2016:860).
( 30 ) Ara s-sentenza OG u PI (punt 50), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi l-“ministeri jew [is]-servizzi tal-pulizija, li huma taħt l-awtorità tal-poter eżekuttiv”. Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C-453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 32).
( 31 ) Hawnhekk qed nirreferi għat-terminoloġija użata mill-Gvern Awstrijak fis‑sottomissjoni tiegħu.
( 32 ) Dan il-punt ġie kkonfermat ukoll mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta. L-Uffiċċju tal‑Prosekutur imexxi l-investigazzjoni u qiegħed fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar l-opportunità tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
( 33 ) Waqt is-seduta, il-partijiet spjegaw li din in-notifika kienet tirreferi b’mod partikolari għar-riforma li ssemmiet fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet – riforma li ttrasferixxiet il-kompetenzi tal-qrati istruttorji lill-Uffiċċju tal-Prosekutur. Ara wkoll “Statement by the Republic of Austria pursuant to Article 6 of Council Framework Decision 2002/584/JHA of 13 June 2002 on the European arrest warrant and the surrender procedures between Member States, Annex to Council of the European Union, Council Framework Decision 2002/584/JHA on the European arrest warrant and the surrender procedures between Member States – Statement by the Republic of Austria on a change in the competent Authorities, Brussels, 5711/08, 28 January 2008”.
( 34 ) Ara l-punt 67 tas-sentenza OG u PI. Ara wkoll il-punt 42 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Sentenza OG u PI (punti 72 u 73).
( 36 ) Sentenza OG u PI (punti 74 u 75).
( 37 ) Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 39 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 41 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, bħala eżempju, għall-istruzzjonijiet individwali min-naħa tal‑poter eżekuttiv (ara s-sentenza OG u PI, punt 74).
( 42 ) Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 43 ) Ara l-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
( 44 ) Sentenza OG u PI (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 45 ) Ara, mutatis mutandis, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et, 28/62 sa 30/62, EU:C:1963:6, paġna 76.
( 46 ) C-241/15, EU:C:2016:131, punt 55.
( 47 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 6 (dritt għal-libertà u għas-sigurtà) u l-Artikolu 47 (dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali) tal-Karta.
( 48 ) Sentenza OG u PI (punti 43 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 49 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik, C-453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 50 ) Ara l-premessa 12 u l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.
( 51 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Bob-Dogi, C-241/15, EU:C:2016:131, punti 77 sa 83.
( 52 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Radu (C-396/11, EU:C:2012:648), punt 60.
( 53 ) Ara l-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584; is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas (C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 47); u s-sentenza OG u PI (punt 71).
( 54 ) Ara l-punti 58 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 56 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 57 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).