EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0401

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021.
Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2019/790 – Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine – Artikolu 11 u Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ espressjoni u tal-informazzjoni – Protezzjoni tal-proprjetà intellettwali – Obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online – Kontroll awtomatiku minn qabel (filtrazzjoni) tal-kontenut imqiegħed online mill-utenti.
Kawża C-401/19.

; Digital reports (Court Reports - general - 'Information on unpublished decisions' section)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:613

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑401/19

Ir-Repubblika tal-Polonja

vs

Il-Parlament Ewropew,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Direttiva (UE) 2019/790 – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Użu ta’ kontenut protett mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Responsabbiltà ta’ dawn il-fornituri – Artikolu 17 – Eżenzjoni mir-responsabbiltà – Paragrafu 4(b) u (c) in fine – Filtrazzjoni tal-kontenut imtella’ online mill-utenti – Libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 11(1) – Kompatibbiltà – Garanziji li jirregolaw din il-filtrazzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ dan ir-rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, biex tannulla l-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine, tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE ( 2 ) u, sussidjarjament, biex tannulla dan l-Artikolu 17 fl-intier tiegħu.

2.

Dan ir-rikors jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni tal-kontenut online meta l-kontenut protett mid-dritt tal-awtur jew mid-drittijiet relatati jittellgħu ( 3 ) mill-utenti ta’ dawn is-servizzi.

3.

Din il-problema diġà ġiet miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi magħquda C‑682/18, YouTube, u C‑683/18, Cyando, mill-aspett tal-qafas magħmul mid-Direttiva 2000/31 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) ( 4 ) u mid-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni ( 5 ). Din id-darba, għandu jiġi eżaminat l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, li jipprovdi sistema ġdida ta’ responsabbiltà applikabbli għall-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni online.

4.

Kif ser jiġi spjegat f’dawn il-konklużjonijiet, din id-dispożizzjoni timponi fuq dawn il-fornituri, obbligi ta’ monitoraġġ tal-kontenut li l-utenti tas-servizzi tagħhom ipoġġu online, bil-għan li tipprevjeni l-uploads ta’ xogħlijiet u oġġetti protetti li d-detenturi tad-drittijiet ma jkunux iridu jirrendu aċċessibbli f’dawn is-servizzi. Dan il-monitoraġġ preventiv jieħu, bħala regola ġenerali, il-forma ta’ filtrazzjoni ta’ dan il-kontenut, imwettqa bl-għajnuna ta’ għodda diġitali.

5.

Issa, din il-filtrazzjoni tqajjem kwistjonijiet kumplessi, imressqa mir-rikorrenti, fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni tal-utenti tas-servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”). Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha, b’kontinwazzjoni mas-sentenzi tagħha Scarlet Extended ( 6 ), SABAM ( 7 ) kif ukoll Glawischnig-Piesczek ( 8 ), tiddetermina jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, tali filtrazzjoni hija kompatibbli ma’ din il-libertà. Dan ifisser, għaliha, li tieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi, imma wkoll ir-riskji li tali filtrazzjoni tinvolvi u, f’dan il-kuntest, tiżgura li jinżamm “bilanċ ġust” bejn, min-naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet għall-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-interess ta’ dawn l-utenti, u tal-pubbliku inġenerali, għall-moviment liberu tal-informazzjoni online.

6.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega li, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, filwaqt li josserva l-libertà tal-espressjoni, jimponi ċerti obbligi ta’ monitoraġġ u ta’ filtrazzjoni fuq ċerti intermedjarji online, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn l-obbligi jkunu mdawrin b’garanziji suffiċjenti biex jimminimizzaw l-impatt ta’ tali filtrazzjoni fuq din il-libertà. Peress li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jinkludi, fil-fehma tiegħi, tali garanziji, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li din id-dispożizzjoni hija valida u, konsegwentement, tiċħad ir-rikors tar-Repubblika tal-Polonja ( 9 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-Direttiva 2000/31

7.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Hosting”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

a)

dak li jipprovdi [il-fornitur] attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew [ta’] informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat [talbiet għad-danni], ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti; jew

b)

dak li jipprovdi [il-fornitur], malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni”.

8.

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-ebda obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu [il-fornituri], meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali”.

B. Id-Direttiva 2001/29

9.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili [wireless], inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

a)

għall-artisti, [fir-rigward] ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

b)

għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

c)

għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

d)

għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita”.

10.

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[…]

d)

kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni […];

[…]

k)

użu għal skop ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ;

[…]”

C. Id-Direttiva 2019/790

11.

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, intitolat “L-użu ta’ kontenut protett minn fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew f’att ta’ disponibbiltà għall-pubbliku għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva meta jagħti aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella’ mill-utenti tiegħu.

Fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandu għaldaqstant jikseb awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar, sabiex jikkomunika lill-pubbliku jew jagħmel disponibbli lill-pubbliku xogħlijiet jew materjal ieħor.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikseb awtorizzazzjoni, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar, dik l-awtorizzazzjoni għandha tkopri wkoll atti mwettqa mill-utenti ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE meta ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti.

3.   Meta fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, il-limitazzjoni ta’ responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE m’għandhiex tapplika għas-sitwazzjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu m’għandux jaffettwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE għal dawk il-fornituri ta’ servizz għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

4.   Jekk ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom ikunu responsabbli għal atti ta’ komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku, inkluż li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u materjal ieħor, sakemm il-fornituri ta’ servizz ma jurux li huma:

a)

għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni, u

b)

f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija, għamlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta’ servizz; u fi kwalunkwe każ,

c)

aġixxew malajr, malli rċevew notifika sostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għal, jew ineħħu, mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b).

5.   Meta jkun irid jiġi ddeterminat jekk il-fornitur ta’ -servizz huwiex konformi mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 4, u fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandhom, fost oħrajn, jitqiesu l-elementi li ġejjin:

a)

it-tip, l-udjenza u d-daqs tas-servizz u t-tip ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’ mill-utenti tas-servizz; u

b)

id-disponibbiltà ta’ mezzi xierqa u effikaċi u l-ispiża tagħhom għall-fornituri ta’ servizz.

[…]

7.   Il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet m’għandhiex tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’ mill-utenti li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, inkluż fejn tali xogħlijiet jew materjal ieħor ikunu koperti minn eċċezzjoni jew limitazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti f’kull Stat Membru jkunu jistgħu jserrħu fuq kwalunkwe mill-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet eżistenti li ġejjin meta jtellgħu u jagħmlu disponibbli l-kontenut iġġenerat mill-utenti dwar is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online:

a)

kwotazzjoni, kritika jew riċensjoni;

b)

użu għal skop ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ;

8.   L-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex twassal għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq talba tagħhom, b’informazzjoni adegwata dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u, fejn jiġu konklużi ftehimiet ta’ liċenzjar bejn il-fornituri ta’ servizz u d-detenturi tad-drittijiet, informazzjoni dwar l-użu tal-kontenut kopert mill-ftehimiet.

9.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv u rapidu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju li jkun disponibbli għall-utenti tas-servizzi tagħhom f’każ ta’ tilwim dwar id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, jew it-tneħħija ta’, xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’ minnhom.

Fejn id-detenturi tad-drittijiet jitolbu li l-aċċess għax-xogħlijiet speċifiċi jew materjal ieħor tagħhom jiġi diżattivat jew li dawk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor jitneħħew, dawn għandhom jiġġustifikaw debitament ir-raġunijiet għat-talbiet tagħhom. L-ilmenti mressqa taħt il-mekkaniżmu previst fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu pproċessati mingħajr dewmien żejjed, u d-deċiżjonijiet biex jiġi diżattivat jew jitneħħa l-aċċess għall-kontenut imtella’ għandhom ikunu soġġetti għal rieżami minn bniedem. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-mekkaniżmi ta’ rimedju alternattivi jkunu disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim. Tali mekkaniżmi għandhom jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b’mod imparzjali u m’għandhomx iċaħħdu lill-utent mill-protezzjoni legali mogħtija mil-liġi nazzjonali, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-utenti li jkollhom rikors għal rimedji ġudizzjarji effiċjenti. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess għal qorti jew awtorità ġudizzjarja rilevanti oħra biex isostnu l-użu ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.

Din id-Direttiva bl-ebda mod m’għandha taffettwa l-użi leġittimi, bħalma huma l-użi taħt l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni […].

Il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom jinfurmaw lill-utenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom li jistgħu jużaw xogħlijiet u materjal ieħor taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati previsti mil-liġi tal-Unjoni.

10.   Sa mis-6 ta’ Ġunju 2019 il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha torganizza djalogi mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu diskussi l-aħjar prattiki għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet. Il-Kummissjoni għandha, b’konsultazzjoni mal-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u filwaqt li tqis ir-riżultati tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, toħroġ gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari rigward il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 4. Meta jiġu diskussi l-aħjar prattiki, għandha titqies, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-użu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. Għall-fini tad-djalogi mal-partijiet ikkonċernati, l-organizzazzjonijiet tal-utenti għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata mill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online dwar il-funzjonament tal-prattiki tagħhom fir-rigward tal-paragrafu 4”.

III. Il-fatti li wasslu għal dan ir-rikors

A. Il-proposta għal direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali

12.

Fl-14 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali ( 10 ). Din il-proposta kienet intiża li taddatta r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà letterarja u artistika – id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur –, b’mod partikolari d-Direttiva 2001/29, mal-evoluzzjoni tat-teknoloġiji diġitali ( 11 ). Hija kienet intiża wkoll li twassal għall-armonizzazzjoni f’dan il-qasam b’mod li, filwaqt li tkompli tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, tiżgura disponibbiltà wiesgħa tal-kontenuti kreattivi fl-Unjoni kollha u żżomm, fl-ambjent diġitali, “bilanċ ġust” mal-interessi pubbliċi kollha.

13.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 13 tal-imsemmija proposta kien intiż, b’mod iktar speċifiku, sabiex jirrimedja l-“Value Gap”, jiġifieri d-diskrepanza apparenti bejn il-valur li l-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni online jieħdu mix-xogħlijiet u l-oġġetti protetti u d-dħul li huma jgħaddu lid-detenturi tad-drittijiet ( 12 ).

14.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li s-servizzi inkwistjoni, li huma karatteristiċi tal-“Web 2.0” interattiv, fosthom YouTube ( 13 ), Soundcloud jew ukoll Pinterest huma l-eżempji l-iktar magħrufin, jippermettu lil kulħadd itella’ online b’mod awtomatiku, mingħajr għażla minn qabel mill-fornituri tiegħu, il-kontenut li huwa jkun jixtieq. Il-kontenut imqiegħed online mill-utenti ta’ dawn is-servizzi – magħruf komunement bħala “user-generated content” jew “user-uploaded content” – jista’ mbagħad wieħed jikkonsultah fl-għamla ta’ streaming (tixrid il-ħin kollu) mis-siti Internet jew mill-applikazzjonijiet għal tagħmir intelliġenti assoċjati mal-imsemmija servizzi – peress li din il-konsultazzjoni hija ffaċilitata bil-funzjonijiet tal-werrej, ta’ riċerka u ta’ rakkomandazzjoni li wieħed isib ġeneralment –, u dan l-iktar spiss b’xejn – il-fornituri ta’ dawn l-istess servizzi normalment jitħallsu bil-bejgħ tal-ispazju pubbliċitarju. Kwantità ġiganteska ta’ kontenut ( 14 ) jitpoġġa għaldaqstant mill-pubbliku fuq l-Internet, inkluż parti sinjifikattiva mix-xogħlijiet u mill-oġġetti l-oħra protetti.

15.

Issa, b’effett mis-sena 2015, id-detenturi tad-drittijiet, b’mod partikolari dawk tal-industrija mużikali, sostnew li, filwaqt li dawn is-servizzi ta’ kondiviżjoni jokkupaw, fil-fatt, post importanti fid-distribuzzjoni online ta’ xogħlijiet u ta’ oġġetti oħra protetti u li l-fornituri tagħhom għandhom dħul pubbliċitarju konsiderevoli minnhom, dawn tal-aħħar ma jħallsux b’mod ġust lill-imsemmija detenturi. Id-dħul li dawn il- fornituri jgħaddu lil dawn l-istess detenturi jkun partikolarment insinjifikattiv meta mqabbel ma’ dak li il-fornituri tas-servizzi ta’ streaming mużikali – bħalma huwa Spotify – iħallsuhom, minkejja li l-konsumaturi spiss jaraw dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi bħala sorsi ekwivalenti ta’ aċċess għall-imsemmija oġġetti. Minn dan jirriżulta wkoll kompetizzjoni żleali bejn l-imsemmija servizzi ( 15 ).

16.

Biex wieħed jifhem sew l-argument tal-“Value Gap”, irridu nirritornaw għall-kuntest ġuridiku li kien applikabbli qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/790 u għall-inċertezzi li kienu jirrigwardawhom.

17.

Min-naħa, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirrikonoxxi għall-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull “komunikazzjoni lill-pubbliku” tax-xogħlijiet tagħhom, inkluż “li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku” dawn ix-xogħolijiet b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-ħin li huwa jagħżel individwalment ( 16 ). Hemm drittijiet simili li huma rikonoxxuti lid-detenturi tad-drittijiet relatati fuq l-oġġetti protetti tagħhom ( 17 ) skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ( 18 ). Fil-prinċipju ( 19 ), terza persuna ma tistax għaldaqstant “tikkomunika lill-pubbliku” biċċa xogħol jew oġġett protett mingħajr ma tkun kisbet, minn qabel, awtorizzazzjoni mingħand jew id-detenturi tad-drittijiet fuq dan ix-xogħol jew fuq l-oġġett, awtorizzazzjoni li ġeneralment tieħu l-forma ta’ ftehim ta’ liċenzja, minn utent, mogħtija kontra remunerazzjoni ( 20 ). Issa, għalkemm minn dejjem kien ċar li t-tqegħid online, minn utent, ta’ xogħol jew oġġett protett fuq servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jikkostitwixxi att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li jeħtieġ tali awtorizzazzjoni minn qabel, il-kwistjoni dwar jekk il-fornituri ta’ dawn is-servizzi kellhomx huma stess jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzjar u jħallsu lid-detenturi tad-drittijiet kienet is-suġġett ta’ kontroversja, bejn dawn il-fornituri u l-imsemmija detenturi ( 21 ).

18.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 fih “sfera ta’ sikurezza” (safe harbour) għall-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsistu fil-ħażna ta’ kontenut ipprovdut minn terzi persuni. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, essenzjalment, li l-fornitur ta’ tali servizz huwa eżentat minn kull responsabbiltà li tista’ tirriżulta ( 22 ) mill-kontenut illegali li huwa jaħżen fuq talba tal-utenti ta’ dan is-servizz sakemm huwa ma kienx jaf bih jew sakemm, jekk ikun il-każ, huwa jħassru mill-ewwel. Issa, hemm ukoll, kien hemm kontroversja dwar il-punt dwar jekk il-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online setgħux jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur ( 23 ).

19.

Dawn il-kontroversji kienu ħafna iktar qawwija peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, sallum, ma kellhiex l-opportunità tiddeċidihom ( 24 ).

20.

F’dan il-kuntest, ċerti fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni kienu sempliċiment irrifjutaw li jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzjar mad-detenturi tad-drittijiet għax-xogħlijiet u oġġetti protetti mpoġġija online mill-utenti tas-servizzi tagħhom, peress li kkunsidraw li ma kinux obbligati jagħmlu dan. Xi fornituri oħra kienu xorta waħda aċċettaw li jikkonkludu tali ftehimiet, imma l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet ma kinux, skont id-detenturi tad-drittijiet, ġusti, peress li dawn tal-aħħar ma setgħux jinnegozjaw fuq bażi ugwali mal-imsemmija fornituri ( 25 ).

21.

B’dan premess, il-proposta għal direttiva kienet intiża, għaldaqstant, min-naħa, sabiex id-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jiksbu remunerazzjoni aħjar għall-użu tax-xogħlijiet u oġġetti oħra protetti tagħhom fuq is-servizzi ta’ kondiviżjoni online, filwaqt li tafferma l-obbligu, għall-fornituri ta’ dawn is-servizzi, li jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzjar mal-imsemmija detenturi ( 26 ).

22.

Min-naħa l-oħra, din il-proposta kienet intiża li tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet li jikkontrollaw b’mod iktar faċli l-użu tax-xogħlijiet u oġġetti protetti tagħhom fuq is-servizzi inkwistjoni. L-Artikolu 13 tagħha kien jobbliga, f’dan ir-rigward, lill-fornituri tal-imsemmija servizzi, essenzjalment, sabiex jirrikorru għall-għodda ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kontenut diġà mtella’, b’mod volontarju, minn uħud minnhom, jiġifieri għodda diġitali, li l-funzjonament tagħhom ser jiġi deskritt iktar ’il quddiem ( 27 ), li jkunu jistgħu jintużaw b’mod partikolari fil-mument tat-tqegħid online ta’ kontenut minn xi utent – u għalhekk id-denominazzjoni komuni ta’ dawn l-għodda permezz tat-terminu “Upload filter” (filtrazzjoni tal-kontenut online) – biex jivverifikaw, permezz ta’ proċess awtomatizzat, jekk dan il-kontenut jinkludix xogħol jew oġġett ieħor protett u, jekk ikun il-każ, jimblokka t-tixrid tiegħu ( 28 ).

23.

Il-proposta għal direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha, tat lok għal diversi dibattiti fi ħdan il-Parlament u l-Kunsill fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv. Dan il-proċess kien, barra minn hekk, immarkat b’kampanji intensi ta’ lobbying min-naħa tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati u b’dimostrazzjonijiet ta’ oppożizzjoni min-naħa tas-soċjetà ċivili, miċ-ċirki akkademiċi u mid-difensuri tal-libertà tal-espressjoni, fejn argumentaw fuq l-effetti negattivi li l-obbligu, għall-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni, li jimplimentaw “upload filters” ikun jista’, fil-fehma tagħhom, ikollu fuq din il-libertà ( 29 ).

24.

Il-proposta għal direttiva ġiet finalment approvata mill-Parlament fis-26 ta’ Marzu 2019 u mill-Kunsill fis-16 ta’ April 2019 ( 30 ). Din il-proposta ġiet uffiċjalment adottata bħala d-Direttiva 2019/790 fis-17 ta’ April 2019. Hija kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri mhux iktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2021 ( 31 ).

B. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790

25.

Matul il-proċess leġiżlattiv, l-Artikolu 13 tal-proposta għal direttiva kien is-suġġett ta’ diversi modifiki. Huwa ġie adottat, f’formulazzjoni sostanzjalment differenti, bħala l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790. Jidhirli xieraq li issa nippreżenta ċerti aspetti fundamentali.

26.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 huwa indirizzat, kif jindika t-titolu tiegħu, lill-“fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” ( 32 ). Dan il-kunċett huwa ddefinit fl-ewwel paragrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala li jindika kull “fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont sinifikanti ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett mtellgħin mill-utenti tiegħu, li s-servizz jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta’ qligħ”. Indipendentement min-natura wiesgħa tat-termini użati, jirriżulta b’mod ċar li dan l-Artikolu 17 jikkonċerna lill-fornituri l-“kbar” tas-servizzi ta’ kondiviżjoni li huma meqjusin li huma marbutin mal-“Value Gap” ( 33 ), u li d-definizzjoni tagħha hija intiża, evidentement, li tirrifletti l-funzjoni tagħha ( 34 ).

27.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li fornitur ta’ servizz ta’ kondiviżjoni “jagħmel att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew []att ta’ [tqegħid għad‑]disponibbiltà għall-pubbliku għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva meta jagħti aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella’ mill-utenti tiegħu”. Għaldaqstant, kif jippreċiża t-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, dawn il-fornituri għandhom, fil-prinċipju, jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar, li jikkonċerna l-użu, fuq is-servizzi tagħhom, tal-kontenut protett imtella’ online mill-utenti ( 35 ). Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda ex lege il-kontroversja msemmija fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet favur dawn id-detenturi ( 36 ).

28.

Dan l-obbligu għandu rapport dirett mal-għan ġenerali mfittex mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, jiġifieri “[s]abiex jinkiseb il-funzjonament tajjeb u ġust tas-suq għad-drittijiet tal-awtur” ( 37 ), billi jitrawwem l-iżvilupp tas-“suq tal-liċenzjar bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni”. L-għan huwa li tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ dawn id-detenturi waqt in-negozjati (jew ir-rinegozjati) ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar ma’ dawn il-fornituri, sabiex jiġi żgurat li dawn il-ftehimiet ikunu “ġusti” u jżommu “bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ partijiet” ( 38 ) – u, b’dan il-mod, li jiġi rrimedjat il-“Value Gap”. Il-pożizzjoni ta’ nnegozjar tal-imsemmija detenturi hija iktar msaħħa peress li, fil-prinċipju, min-naħa tagħhom ma humiex obbligati jikkonkludu tali ftehimiet ma’ dawn l-istess fornituri ( 39 ).

29.

Fit-tielet lok, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jippreċiża, fil-paragrafu 3 tiegħu, li meta fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni jagħmel att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jew “[tqegħid] għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku” skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-eżenzjoni mir-responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE m’għandhiex tapplika” ( 40 ).

30.

Fir-raba’ lok, il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 17 jippreċiża li, meta l-fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ma jkunux kisbu l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, huma għandhom ikunu responsabbli għal atti ta’ komunikazzjoni “mhux awtorizzati” ( 41 ) lill-pubbliku, imwettqa permezz tas-servizzi tagħhom. F’dan ir-rigward, din hija l-konsegwenza loġika tas-suespost: peress li dawn il-fornituri jitqiesu llum li jwettqu atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” meta “jagħtu aċċess” għax-xogħlijiet u oġġetti protetti oħra mtella’ mill-utenti tas-servizzi tagħhom, huma jġorru responsabbiltà diretta (jew “primarja”) f’każ ta’ “komunikazzjoni” illegali.

31.

Fil-prinċipju, ir-responsabbiltà diretta li taqa’ fuq il-persuna li twettaq att illegali ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” hija responsabbiltà oġġettiva ( 42 ). Il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni għandhom, għaldaqstant, ikunu awtomatikament responsabbli kull darba li xi xogħol jew oġġett protett jittella’ online b’mod illegali fuq is-servizzi tagħhom. Għaldaqstant, huma jkunu jistgħu jiġu kkundannati b’mod partikolari sabiex iħallsu lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati d-danni potenzjalment konsegwenti ( 43 ).

32.

Madankollu, peress li, min-naħa, huma l-utenti tas-servizzi ta’ kondiviżjoni li jtellgħu il-kontenut li jkun jinsab online, mingħajr ma l-fornituri tagħhom jagħmlu xi selezzjoni minn qabel f’dan ir-rigward ( 44 ), u li, min-naħa l-oħra, dawn il-fornituri ma jkunux jistgħu probabbilment jiksbu l-awtorizzazzjoni ta’ kull detentur tad-drittijiet għax-xogħlijiet u oġġetti protetti kollha, attwali u futuri, li jkunu jistgħu jittellgħu online hemmhekk ( 45 ), tali responsabbiltà oġġettiva tobbliga lill-imsemmija fornituri sabiex ibiddlu kompletament il-mudell ekonomiku – u, b’dan il-mod, jabbandunaw il-mudell stess tal-“Web 2.0” interattiv.

33.

Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li kien jeħtieġ li jiġi pprovdut, għal dawn l-istess fornituri, mekkaniżmu ta’ responsabbiltà speċifika ( 46 ). Skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790, dawn jistgħu, f’każ ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” illegali mwettqa permezz tas-servizzi tagħhom, jeżentaw ruħhom minn kull responsabbiltà jekk juru li:

“a) għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni, u

b) f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija, għamlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta’ servizz; u fi kwalunkwe każ,

c) aġixxew malajr, malli rċevew notifika sostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għal, jew ineħħu, mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b)”.

34.

Huma tnejn minn dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi li huma fil-qalba ta’ dan ir-rikors. Il-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ser jiġu diskussi hekk kif jiġi eżaminat dan ir-rikors ( 47 ).

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

35.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Mejju 2019, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat dan ir-rikors.

36.

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 17(4)(b) u (c), in fine, jiġifieri fil-parti li fiha l-frażi “u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b)” tad-Direttiva 2019/790;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu mifruda mid-dispożizzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva mingħajr ma tinbidel is-sustanza tiegħu, tannulla dan l-artikolu fl-intier tiegħu;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

37.

Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

38.

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad it-talbiet prinċipali bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat fl-intier tiegħu;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

39.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Ottubru 2019, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni Ewropea ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill. Dawn l-intervenjenti kollha, ħlief għar-Repubblika Portugiża, ippreżentaw noti ta’ intervent.

40.

Il-partijiet u l-intervenjenti, ħlief għall-Gvern Portugiż, kienu rrappreżentati waqt is-seduta għat-trattazzjoni li nżammet fl-10 ta’ Novembru 2020.

V. Analiżi

41.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, iggarantit mill-Artikolu 11(1) tal-Karta ( 48 ). Qabel ma neżamina dan il-motiv fil-mertu (taqsima B), ser nanalizza fil-qosor l-ammissibbiltà tar-rikors (taqsima A).

A. Fuq l-ammissibbiltà

42.

Il-Parlament, il-Kunsill, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jsostnu li t-talbiet prinċipali tar-rikors, inkwantu huma intiżi li jiksbu l-annullament biss tal-punti (b) u (c) in fine, tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790, huma inammissibbli. Jien ta’ din il-fehma wkoll.

43.

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li tagħhom ikun qiegħed jintalab l-annullament ikunu separabbli mill-kumplament tal-att. Dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt meta tali annullament parzjali jkollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu ( 49 ).

44.

Issa, l-annullament tal-punti (b) u (c) in fine biss, tal-paragrafu 4 tiegħu jbiddel, evidentement, is-sustanza tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790. Kif isostnu l-Parlament, il-Kunsill, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet differenti ta’ dan l-Artikolu 17 jikkostitwixxu, fit-totalità tagħhom, sistema “kumplessa” ta’ responsabbiltà, li tirrifletti l-bilanċ mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn id-drittijiet u l-interessi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni, tal-utenti tas-servizzi tagħhom u tad-detenturi tad-drittijiet. L-annullament biss tad-dispożizzjonijiet kkontestati jkollu bħala konsegwenza li jissostitwixxi, flok din is-sistema ta’ responsabbiltà, sistema li hija kemm kompletament differenti u kif ukoll ħafna iktar favorevoli għal dawn il-fornituri. Fi kliem ieħor, jekk isir tali annullament parzjali, dan ikun jammonta, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrevedi dan l-istess Artikolu 17, ħaġa li hija ma tistax tagħmel fil-kuntest ta’ proċedura ta’ annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

45.

Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku bejn il-partijiet li t-talbiet ifformulati b’mod sussidjarju mir-rikorrenti, li permezz tagħhom hija titlob l-annullament tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 fl-intier tiegħu, huma ammissibbli. Fil-fatt, hu kemm hu importanti dan l-artikolu, l-annullament tiegħu ma jbiddilx is-sustanza ta’ din id-direttiva. Id-diversi artikoli ta’ din id-direttiva għandhom għanijiet differenti u jinsabu mqassmin f’titoli u kapitoli differenti. L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva huwa, f’dan ir-rigward, separabbli mill-artikoli l-oħra tagħha, li jistgħu fil-fatt jibqgħu jissussistu f’każ ta’ annullament tal-imsemmi Artikolu 17 ( 50 ).

B. Fuq il-mertu

46.

Il-motiv waħdieni invokat mir-Repubblika tal-Polonja jista’ jinġabar fil-qosor fi ftit kliem. Essenzjalment, din issostni li, skont l-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine tad-Direttiva 2019/790, il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ikollhom, biex jeżentaw ruħhom minn kull responsabbiltà f’każ ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” illegali ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti oħra fuq is-servizzi tagħhom, jipproċedu b’monitoraġġ preventiv tal-kontenut li l-utenti jkunu jixtiequ jtellgħu online. Biex jagħmlu dan, huma jkollhom jużaw għodda diġitali li tippermetti l-filtrazzjoni awtomatika tal-imsemmi kontenut. Issa, dan il-monitoraġġ preventiv ikun jikkostitwixxi limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, iggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta. Din il-limitazzjoni ma tkunx kompatibbli ma’ dan l-istrument peress li tippreġudika l-“kontenut essenzjali” ta’ dan id-dritt fundamentali jew, talinqas, ma tkunx tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

47.

B’risposta, il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Gvern Spanjol u Franċiż kif ukoll mill-Kummissjoni, jikkontestaw kull wieħed minn dawn il-punti. Għaldaqstant, jiena ser neżaminahom wieħed wieħed fit-taqsimiet li ġejjin. Għall-ewwel, jien ser nanalizza l-portata tad-dispożizzjonijiet ikkontestati (taqsima 1). Imbagħad, ser nittratta l-kwistjoni tal-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (taqsima 2) u, fl-aħħar nett, dik tal-kompatibbiltà ta’ din il-limitazzjoni mal-Karta (taqsima 3).

1.   Fuq il-portata tad-dispożizzjonijiet ikkontestati

48.

Sabiex tinftiehem sew il-portata tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine, tad-Direttiva 2019/790, huwa utli li wieħed iżomm f’moħħu, bħala punt ta’ paragun, dawk li jinsabu fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31. Essenzjalment, skont dan l-artikolu, fornitur ikun eżentat minn kull responsabbiltà li tista’ tirriżulta minn informazzjoni illegali li huwa jaħżen fuq talba ta’ utent tas-servizz tiegħu sakemm, fl-ewwel lok (a) ma jkunx konxju tagħha jew,fit-tieni lok (b) jekk ikun il-każ, ikun mingħajr dewmien neħħa din l-informazzjoni jew waqqaf l-aċċess għaliha. Fil-prattika, ma huwiex mistenni mingħand tali fornitur li huwa jagħmel monitoraġġ tal-informazzjoni ppreżentata fuq is-servers tiegħu u li jfittex, b’mod attiv, l-informazzjoni illegali li tkun tinsab hemmhekk ( 51 ). Min-naħa l-oħra, meta l-eżistenza u l-lokalizzazzjoni ta’ tali informazzjoni illegali tinġieb għall-konjizzjoni tiegħu, bħala regola ġenerali permezz ta’ notifika mibgħuta minn terza persuna, dan il-fornitur għandu jirreaġixxi billi jneħħi l-informazzjoni inkwistjoni u jimblokka l-aċċess għaliha – skont sistema ta’ “notifika u tneħħija” (notice- and- take- down) ( 52 ).

49.

Min-naħa l-oħra, kif issostni r-rikorrenti, biex jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni għandhom jagħmlu monitoraġġ preventiv tal-informazzjoni mtella’ online mill-utenti ta’ dawn is-servizzi (taqsima a)). Issa, biex isir tali monitoraġġ, dawn il-fornituri ikollhom, f’numru kbir ta’ sitwazzjonijiet, jużaw għodda diġitali li jippermettu l-filtrazzjoni awtomatika tal-imsemmi kontenut (taqsima b)).

a)   Monitoraġġ preventiv tal-kontenut imtella’ online mill-utenti.

50.

Fl-ewwel lok, infakkar li, min-naħa, skont l-Artikolu 17(4)(b) tad-Direttiva 2019/790, il-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni għandhom “f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija, [jagħmlu] l-aħjar sforzi” biex “jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli” xogħlijiet u oġġetti speċifiċi oħra protetti li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ipprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri tas-servizz.

51.

Min-naħa l-oħra, skont il-punt (c) ta’ dan il-paragrafu, meta huma jirċievu notifika suffiċjentement immotivata mid-detenturi tad-drittijiet, dwar il-preżenza ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti oħra fuq is-servizzi tagħhom, dawn l-istess fornituri għandhom mhux biss jaġixxu malajr biex jiddiżattivaw l-aċċess għal dawn l-oġġetti, jew ineħħuhom mis-siti Internet tagħhom ( 53 ), imma wkoll jagħmlu “l-aħjar sforzi” biex “jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom” – skont, din id-darba, il-loġika ta’ “notifika u bblukkar permanenti” (notice- and- stay- down).

52.

Fi ftit kliem, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jitfgħu fuq il-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni obbligu ta’ diliġenza – jew, fi kliem ieħor, obbligi ta’ metodi ( 54 ) – fil-qasam tal-monitoraġġ tas-servizzi tagħhom. Biex “jiżguraw li ma jkunx hemm disponibbli” xogħlijiet u oġġetti protetti oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet u “jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom”, dawn il-fornituri għandhom jieħdu “l-passi kollha li jittieħdu minn operatur diliġenti” ( 55 ) biex jiskopru u jimblokkaw jew ineħħu, b’mod proattiv, mill-massa ta’ kontenut li l-utenti jtellgħu online, dak il-kontenut li jirriproduċi l-oġġetti inkwistjoni ( 56 ).

53.

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermat mill-għan imfittex mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790. Fil-fatt, taħt il-kappa tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, id-detenturi tad-drittijiet kellhom jagħmlu monitoraġġ tas-servizzi ta’ kondiviżjoni u jġibu għall-konjizzjoni tal-fornituri tagħhom, permezz ta’ notifiki, il-kontenut illegali li kien hemm fuqu sabiex dawn tal-aħħar ineħħuhom. Issa, kif fakkar il-Kunsill, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra, waqt l-adozzjoni tal-imsemmi Artikolu 17, li tali sistema kienet titfa’ piż kbir wisq fuq id-detenturi tad-drittijiet u ma kinitx tippermetti li tikkontrolla b’mod effikaċi l-użu tax-xogħlijiet u oġġetti oħra protetti tagħhom fuq dawn is-servizzi ( 57 ). B’mod partikolari, il-kontenut li jitneħħa spiss reġa’ tqiegħed mill-ġdid online ftit żmien wara, ħaġa li obbligat lil dawn tal-aħħar jimmultiplikaw in-notifiki tagħhom ( 58 ). Sabiex jirrimedjaw din il-problema, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jittrasferixxu lil dawn l-istess fornituri l-obbligu li jagħmlu monitoraġġ tas-servizzi tagħhom ( 59 ).

54.

Fit-tieni lok, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, sabiex jissodisfaw l-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni għandhom jippruvaw jipprevjenu – ex ante – it-tqegħid online ta’ kontenut illegali, u mhux biss sempliċiment ineħħuh – ex post – minn tali kontenut.

55.

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790 li, skont l-Artikolu 17(4)(b) ta’ din id-direttiva, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni għandhom jippruvaw “jevitaw” li x-xogħlijiet u oġġetti protetti oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet “jsiru disponibbli” fuq is-servizzi tagħhom. Il-punt (c) ta’ dan il-paragrafu huwa anki iktar espliċitu fir-rigward tan-natura tal-miżuri mistennija, peress li jindika li dawn il-fornituri għandhom jiżguraw li “jipprevjenu” li x-xogħlijiet jew oġġetti protetti li wasslu għan-notifika tad-detenturi tad-drittijiet isir “upload” tagħhom fil-futur. Il-preċiżazzjoni “skont il-punt (b)” tenfasizza, barra minn hekk, li l-istess ħaġa hija mistennija mill-imsemmija fornituri għal dawn iż-żewġ punti: huma għandhom jippruvaw jipprevjenu t-tqegħid online – jew it-tqegħid online mill-ġdid, fil-kuntest ta’ “stay-down” – ta’ ċerta kontenut illegali fuq is-servizzi tagħhom.

56.

Din l-interpretazzjoni hija, anki hawnhekk, ikkonfermata mill-għan imfittex mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, li jikkonsisti filli d-detenturi tad-drittijiet ikunu permessi jikkontrollaw b’mod iktar faċli l-użu tax-xogħlijiet tagħhom fuq is-servizzi ta’ kondiviżjoni. Kif isostni l-Kunsill, din id-dispożizzjoni hija intiża li terġa’ tafferma, fl-ambjent diġitali, in-natura esklużiva tad-dritt ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”. L-obbligi ta’ diliġenza imposta fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni mid-dispożizzjonijiet ikkontestati huma intiżi li jiżguraw li dawn id-detenturi jkunu jistgħu effettivament “jindaħlu bejn l-utenti potenzjali tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu” ( 60 ) fuq dawn is-servizzi. Kif enfasizzaw il-Parlament u l-Kunsill, il-fornituri għandhom għaldaqstant jippruvaw jintervjenu minn qabel it-tqegħid online tal-kontenut, jiġifieri qabel ma’ x-xogħol jew l-oġġetti protetti li huma jistgħu jirriproduċu jkunu effettivament “ikkomunikati lill-pubbliku” bi ksur ta’ dan id-dritt esklużiv.

b)   … li jinneċessita, f’numru kbir ta’ sitwazzjonijiet, l-użu ta’ għodda ta’ filtrazzjoni

57.

F’dan l-istadju ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li jkun utli nispjega li ċerta numru ta’ għodda diġitali jippermettu li jiġi identifikat awtomatikament it-tqegħid online jew il-preżenza, fuq server, ta’ informazzjoni partikolari. B’mod partikolari, jeżistu, għal dan il-għan, għodda ta’ rikonoxximent awtomatiku ta’ kontenut (Automatic Content Recognition, jew “ACR”), li huma bbażati fuq tekniki differenti, jiġifieri – li jibdew mill-iktar sempliċi għall-iktar kumplessi – il-“hashing diġitali” (hashing), il-“watermarking” (watermarking) u l-“marki tas-swaba diġitali” (fingerprinting) ( 61 ).

58.

Issa, mit-tieni nofs tas-snin 2000, tali għodda, li tuża b’mod partikolari din l-aħħar teknika ( 62 ), ġiet implimentata, b’mod volontarju, minn ċerti fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni, u dan b’mod partikolari ( 63 ) sabiex ifittxu b’mod attiv il-kontenut illegali fuq is-servizzi tagħhom ( 64 ). L-għodda ta’ rikonoxximent permezz tal-“fingerprinting” jistgħu, fil-fatt, jiffiltraw awtomatikament ix-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra tad-detenturi tad-drittijiet fost il-kontenut imqiegħed online fuq l-imsemmija servizzi, billi dan il-kontenut jitqabbel, fil-mument tat-tqegħid online tiegħu jew malli jsir dan, ma’ informazzjoni ta’ riferiment ipprovduta mill-imsemmija detenturi ( 65 ). Meta dan it-tqabbil jistabbilixxi korrispondenza (“match”), l-imsemmija għodda jagħtu b’mod ġenerali lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati l-għażla li jiddeċiedu, manwalment jew awtomatikament, li jibblukkaw il-kontenut inkwistjoni, li jawtorizzaw it-tqegħid online tiegħu u li jsegwu l-popolarità tiegħu permezz ta’ statistiċi tal-udjenza, jew ukoll li “jagħmlu l-flus” billi jdaħħlu fih ir-riklami ( 66 ).

59.

Il-proposta għal direttiva ħaddnet dawn l-iżviluppi teknoloġiċi. L-analiżi tal-impatt kienet tenfasizza l-effikaċità tal-għodda ta’ rikonoxximent permezz tal-“marki tas-swaba diġitali” fil-qasam tal-kontrafazzjoni u d-disponibbiltà ikbar tagħhom fis-suq. Għaldaqstant, din il-proposta kienet intiża, infakkar jien ( 67 ), biex trendi obbligatorja l-implimentazzjoni ta’ tali għodda mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, fejn l-għan kien li tobbliga lil dawn li kienu għadhom ma għamlux dan biex “jaġġornaw” u tobbliga lill-oħrajn sabiex jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet aċċess trasparenti għall-għodda tagħhom ta’ rikonoxximent ( 68 ).

60.

Kif enfasizzaw il-Parlament, il-Kunsill u l-Gvern Spanjol, il-verżjoni finali tad-Direttiva 2019/790 lanqas fiha referenzi espressi għall-għodda ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kontenut. Il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 17(4) ta’ din id-direttiva huma fformulati f’termini ġenerali. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jobbligawx, formalment, lill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni li jadottaw miżuri jew tekniki speċifiċi bil-għan li jilħqu l-għanijiet imfittxija minnhom ( 69 ).

61.

Skont il-konvenuti u l-intervenjenti, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jobbligawx għaldaqstant lil dawn il-fornituri sabiex jużaw tali għodda. Dawn jgawdu minn “marġni ta’ diskrezzjoni” fir-rigward tal-miżuri u tekniki li jimplimentaw bil-għan li jilħqu l-għanijiet imfittxija minn dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan il-kuntest, l-imsemmija fornituri jkunu jistgħu “jagħżlu” li jużaw tali għodda – jew li jkomplu jagħmlu dan, għal dawk li jużawhom diġà –, jew jiżviluppaw “soluzzjonijiet innovattivi” ( 70 ). Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2019/790, il-miżuri rikjesti minn dawn l-istess fornituri ikollhom jiġu eżaminati każ b’każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62.

Dan premess, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, jidhirli li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jobbligaw fil-fatt lill-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni, f’numru kbir ta’ sitwazzjonijiet, biex jużaw dawn l-għodda ta’ rikonoxximent tal-kontenut ( 71 ). Fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur tal-Unjoni sempliċiment biddel il-metodu bejn il-proposta għal direttiva u l-adozzjoni tagħha bħala d-Direttiva 2019/790. Iktar milli ppreveda direttament obbligu biex jiġu implimentati tali għodda, huwa imponihom indirettament, permezz tar-rekwiżiti għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet.

63.

Fil-fatt, min-naħa, kif ġustament enfasizzat ir-rikorrenti, jeħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu l-kuntest fattwali li fih jidħlu d-dispożizzjonijiet ikkontestati. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jikkonċerna lill-fornituri ta’ servizzi li jaħżnu jew jagħtu lill-pubbliku l-aċċess għal “ammont sinifikanti ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett”. Fi kliem ieħor, dawn huma l-operaturi li jiġġestixxu volum kbir, jew ġigantesk, ta’ kontenut. Barra minn hekk, dawn is-servizzi tal-kondiviżjoni huma pprovduti b’mod mhux interrott u miftuħ għal numru konsiderevoli ta’ utenti, u għaldaqstant il-ħin kollu tista’ titqiegħed online kwantità kbira ta’ kontenut ġdid.

64.

F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa ċar li, kif issostni r-rikorrenti, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma jistgħux jivverifikaw permezz tal-aġenti tagħhom il-kontenut kollu li jitqiegħed online u lanqas il-parti kbira minnu ( 72 ) – ħaġa li, wara kollox, il-Parlament jammetti. Għaldaqstant, diffiċli nimmaġina b’liema mezzi, apparti bl-użu ta’ għodda għar-rikonoxximent awtomatiku li jippermettilhom jiffiltraw il-kontenut imtella’ fuq is-servizzi tagħhom, dawn il-fornituri setgħu raġonevolment “jiżguraw li ma jkunx hemm disponibbli” xogħlijiet u oġġetti protetti oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet u “jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom” fuq is-servizzi tagħhom skont l-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet ikkontestati ( 73 ) – u r-riferiment tal-Parlament u tal-Kunsill għall-eventwali “soluzzjonijiet innovattivi” jġibu biss, f’dan id-dawl, għajnuna relattiva ħafna ( 74 ). Mill-bqija, il-konvenuti u l-intervenjenti ammettew, b’nofs qalb, waqt is-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-għodda spiss ikunu, de facto, indispensabbli f’dan ir-rigward ( 75 ).

65.

Min-naħa l-oħra, infakkar li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, biex jissodisfaw l-obbligi ta’ diliġenza li huma imposti fuqhom, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 17(4)(b) tad-Direttiva 2019/790, jadottaw miżuri li jirriflettu l-“istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija”. Kif jippreċiża t-tieni paragrafu tal-premessa 66 ta’ din id-direttiva, iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, “l-aħjar prattiki tal-industrija” u l-“istat l-aktar avvanzat”.

66.

Issa, kif spjegajt fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għodda ta’ rikonoxximent permezz tal-“marki tas-swaba diġitali” huma llum diġà użati minn diversi fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni, li jikkonċernaw diversi tipi ta’ kontenuti ( 76 ). Il-fornituri l-oħra li jaċċettaw tali kontenut fuq is-servizzi tagħhom jidhru għaldaqstant, obbligati, sabiex jissodisfaw l-obbligi ta’ diliġenza li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jikkonformaw ruħhom mal-“aħjar prattiki tal-industrija” u mal-“istat l-aktar avvanzat” billi jimplimentaw tali għodda biex jiffiltraw dawn il-kategoriji ta’ kontenuti.

67.

Ċertament, kif enfasizzaw il-konvenuti u l-intervenjenti, skont l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2019/790, il-miżuri mistennija mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni għandhom, f’kull każ, ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, (a) “it-tip, l-udjenza u d-daqs tas-servizz u t-tip ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’ mill-utenti tas-servizz” u fit-tieni lok, (b) “id-disponibbiltà ta’ mezzi xierqa u effikaċi u l-ispiża tagħhom għall-fornituri ta’ servizz” ( 77 ). F’dan il-kuntest, ma jistax ikun eskluż li, f’ċerti każijiet partikolari, ikun kontra dan il-prinċipju li wieħed jeżiġi mill-fornituri li jużaw għodda ta’ rikonoxximent tal-kontenut. Jidher ukoll li fl-istat attwali tat-teknoloġija, dawn l-għodda ma humiex la adattati u lanqas effikaċi fir-rigward ta’ ċerti tipi partikolari ta’ xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti ( 78 ).

68.

Madankollu, apparti dawn il-każijiet partikolari, huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li, fis-sitwazzjonijiet kollha fejn diversi għodda adegwati u effikaċi huma disponibbli fis-suq u ma jiswewx ammonti mhux raġonevoli, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ikunu a priori obbligati jimplimentawhom sabiex juru li huma għamlu l-“aħjar sforzi”, biex jipprevjenu t-tqegħid online ta’ kontenut illegali u, għaldaqstant, ssodisfaw id-dispożizzjonijiet ikkontestati ( 79 ). Jekk ikun il-każ, huma jkunu jistgħu, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jagħżlu fost l-għodda disponibbli dawk li huma l-iktar addattati għas-sitwazzjonijiet tagħhom u għar-riżorsi li huma għandhom ( 80 ) – jew, għal dawk l-iktar iffortunati minnhom, joħolqu tali għodda internament.

69.

Fil-qosor, sabiex juri, skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati, li huma għamlu l-“ [l-aħjar sforzi] f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija,” biex “jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli” xogħlijiet u oġġetti protetti oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet u “jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom” fuq is-servizzi tagħhom, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, f’numru kbir ta’ każijiet, għandhom jimplimentaw għodda ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kontenut, sabiex jiffiltraw il-kontenut li l-utenti jtellgħu online u, jekk ikun il-każ, jibblukkaw xi kontenut minnhom qabel l-upload tiegħu ( 81 ).

2.   Fuq l-eżistenza ta’ limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni

70.

Wara li ġiet iċċarata l-portata tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, iridu issa jiġu eżaminati dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

71.

Id-dritt iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta li, “jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri”, jikkorrispondi għal dak previst fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tas-Salvagwardja tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il- “KEDB”) ( 82 ). Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, dawn iż-żewġ drittijiet għandhom għaldaqstant l-istess tifsira jew, talinqas, l-istess portata. Minn dan isegwi li l-Artikolu 11 tal-Karta għandu jiġi interpretat fid-dawl tal- Artikolu 10 tal-KEDB u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) li tirrigwardah.

72.

Dan id-dritt fundamentali huwa bla ebda dubju rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, kif ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni semmew fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom, is-servizzi ta’ kondiviżjoni msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 huma ta’ importanza partikolari għal-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni jew ideat.

73.

Kif issostni r-rikorrenti, it-tqegħid online ta’ kontenut fuq l-imsemmija servizzi – kemm jekk huma vidjos, ritratti, testi, eċċ – jaqa’ għaldaqstant taħt l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni ( 83 ). Tali tqegħid online jista’ wkoll jikkonċerna libertajiet relatati oħra. B’mod partikolari, meta l-kontenut inkwistjoni jikkostitwixxi l-espressjoni artistika tal-utenti li jtellgħuh online, it-tqegħid online tiegħu jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-libertà tal-arti, iggarantit mill-Artikolu 13 tal-Karta kif ukoll mill-Artikolu 10 tal-KEDB ( 84 ).

74.

Nippreċiża li dan japplika wkoll indipendentement mill-punt dwar jekk dan il-kontenut jiksirx jew le d-drittijiet tal-awturi. L-argument oppost imressaq mill-Parlament huwa, fil-fehma tiegħi, approssimazzjoni legali. Fil-fatt, il-fatt li l-informazzjoni tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur ma għandux l-effett li jeskludiha immedjatament mill-kamp tal-libertà tal-espressjoni ( 85 ). Filwaqt li, bħala regola ġenerali, huwa ġġustifikat li t-tixrid ta’ tali informazzjoni tkun ristretta, dan huwa rilevanti biss fl-istadju tal-eżami tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ restrizzjoni simili fuq din il-libertà ( 86 ).

75.

Issa, skont ir-rikorrenti, il-miżuri ta’ filtrazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni jkunu obbligati li jimplimentaw biex jissodisfaw l-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine, tad-Direttiva 2019/790 jikkostitwixxu, min-natura tagħhom “miżuri preventivi” ta’ kontroll tal-informazzjoni tal-utenti. Dawn il-miżuri jinvolvu “restrizzjonijiet minn qabel”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 10 tal-KEDB. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jinvolvu għaldaqstant l-implimentazzjoni, fuq is-servizzi ta’ kondiviżjoni, ta’ “ċensura ġenerali awtomatizzata ta’ natura preventiva” mħaddma mill-fornituri. L-imsemmija dispożizzjonijiet jikkaratterizzaw b’dan “indħil” partikolarment serju, tal-leġiżlatur tal-Unjoni fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni tal-imsemmija utenti.

76.

Min-naħa l-oħra, il-konvenuti u l-intervenjenti jikkontestaw li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jinvolvu tali “ċensura” jew kwalunkwe “indħil” fuq din il-libertà. B’mod partikolari, skont il-Kunsill, dawn id-dispożizzjonijiet – jew l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 b’mod ġenerali – ma għandhomx bħala għan li jirrestrinġu ex ante l-informazzjoni li tista’ tiġi mxerrda fuq dawn is-servizzi. L-utenti jibqgħu liberi li jagħmlu upload, fuq dawn is-servizzi, tal-kontenut li huma jkunu jixtiequ. Sempliċiment, fis-sitwazzjonijiet kollha fejn il-kontenut imtella’ online jkun protett bid-drittijiet tal-awtur, dawn l-istess fornituri għandhom jiksbu l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati u, fin-nuqqas, ikunu responsabbli ex post.

77.

L-istess bħar-rikorrenti, jidhirli li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jinvolvu effettivament “indħil” fuq il-libertà tal-espressjoni tal-utenti tas-servizzi tal-kondiviżjoni. Madankollu irrid mill-ewwel nagħmel preċiżazzjoni ta’ natura terminoloġika. It-terminu “ċensura” huwa, ċertament polivalenti. Dan premess, jirriżulta ċar mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti li din biha tikkontempla l-idea ta’ kontroll minn qabel tal-informazzjoni qabel it-tixrid tagħha. F’dan il-kuntest, l-argumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Gvern Spanjol li skonthom it-terminu “ċensura” ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, minħabba li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ma jinvolvi ebda kontroll “politiku jew morali” tal-informazzjoni mqiegħda online fuq is-servizzi tal-kondiviżjoni huma, fil-fehma tiegħi, barra mis-suġġett. Sabiex nevita kull konfużjoni oħra, ser nillimita ruħi biex, f’din it-taqsima, nuża t-termini “miżuri preventivi” u “restrizzjonijiet minn qabel”.

78.

B’dan ippreċiżat, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ma jipprevedix sempliċiment, kif isostni l-Kunsill, li l-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni għandhom jiksbu awtorizzazzjoni għall-kontenut protett imqiegħed online mill-utenti tas-servizzi tagħhom u, fin-nuqqas, ikunu direttament responsabbli. Kif spjegajt fit-taqsima preċedenti, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jipprovdu wkoll li l-imsemmija fornituri jkunu eżentati minn din ir-responsabbiltà jekk huma jagħmlu “l-aħjar sforzi” biex jipprevjenu t-tqegħid online, minn dawn l-utenti, ta’ kontenut li jirriproduċi x-xogħol u l-oġġetti protetti l-oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet. Dawn l-istess fornituri huma għaldaqstant obbligati jagħmlu filtrazzjoni u bblukkar preventiv tal-kontenut inkwistjoni.

79.

Issa, kif issostni r-rikorrenti, il-filtrazzjoni hija, min-natura tagħha, “miżura preventiva” ta’ kontroll tal-informazzjoni mxerrda fuq dawn is-servizzi, u l-miżuri ta’ bblukkar li jistgħu jirriżultaw minnha jikkostitwixxu “restrizzjonijiet minn qabel” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 10 tal-KEDB ( 87 ): bil-għan mhux li trażżan, imma li tipprevjeni mill-eventwali ksur tad-drittijiet tal-awtur, fejn l-informazzjoni li l-utenti jkunu jridu jqiegħdu online tkun ikkontrollata, u dik ikkunsidrata bħala li hija suxxettibbli li tinvolvi tali ksur tkun ristretta minn qabel it-tixrid tagħha ( 88 ).

80.

F’dawn is-sitwazzjonijiet, b’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Kunsill, l-utenti ma humiex għaldaqstant “liberi” li, fuq is-servizzi ta’ kondiviżjoni, jtellgħu l-kontenut li huma jkunu jixtiequ. Il-miżuri ta’ filtrazzjoni u ta’ bblukkar implimentati mill-fornituri tagħhom jaħdmu biex jirrestrinġu l-kontenut li huma jistgħu itellgħu online. Minn dan jirriżulta “ndħil” fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija utenti. Il-filtrazzjoni u l-ibblukkar ta’ kontenut qabel it-tixrid tiegħu twassal, barra minn hekk, għal “indħil” fuq il-libertà tal-pubbliku li jirċievi l-informazzjoni ( 89 ).

81.

Il-Parlament u l-Kunsill jirribattu li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni jistgħu, bħala operaturi privati, jagħżlu liberament l-informazzjoni li huma jkunu jixtiequ jaraw li tixxerred fuq is-servizzi tagħhom u, għaldaqstant, jiddeċiedu li jiffiltraw u li jibblukkaw il-kontenut. Anki jekk wieħed jipotizza li dan jikkostitwixxi “ndħil” fuq il-libertà tal-espressjoni tal-utenti, dan ma huwiex, fi kwalunkwe każ, imputabbli lil-leġiżlatur tal-Unjoni.

82.

Dan l-argument jgħaqqad, fil-fehma tiegħi, żewġ sitwazzjonijiet. Huwa minnu li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, fil-kuntest tal-libertà ta’ intrapriża u tal-libertà kuntrattwali li huma ggarantiti lilhom permezz tal-Artikolu 16 tal-Karta, jiddefinixxu, fil-kundizzjonijiet għall-użu tas-servizzi tagħhom jew ukoll fir-“regoli tal-komunità”, politika fir-rigward tal-kontenut u jeżerċitaw, fuq inizjattiva tagħhom stess, forma ta’ “awtodixxiplina” billi jagħmlu filtrazzjoni u bblukkar ta’ kontenut li, fil-fehma tagħhom, jikser dawn ir-regoli. F’din is-sitwazzjoni, ma hemmx “indħil mill-awtorità pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-KEDB u tal-Artikolu 11 tal-Karta fil-libertà tal-espressjoni tal-utenti ( 90 ).

83.

Madankollu, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni, fil-fehma tiegħi, ta’ “awtodixxiplina” tal-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni. Indipendentement mill-punt dwar jekk il-projbizzjoni fuq it-tqegħid online tal-kontenut illegali tkunx tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu jew fir-“regoli tal-komunità”, il-filtrazzjoni u l-ibblukkar tal-kontenut isir biex jissodisfa id-dispożizzjonijiet ikkontestati ( 91 ).

84.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-“indħil” fuq il-libertà tal-espressjoni tal-utenti huwa fil-fatt imputabbli lil-leġiżlatur tal-Unjoni. Huwa, fil-fatt, l-istigatur tal-imsemmi ndħil. Mill-bqija, il-Parlament u l-Kunsill jirrikonoxxu huma stess li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma intiżi, essenzjalment, biex jattribwixxu lill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni l-obbligu li jikkontrollaw il-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq fuq is-servizzi tagħhom. B’xi mod, il-leġiżlatur iddelega lil dawn il-fornituri r-responsabbiltà li jikkontrollaw l-applikazzjoni tajba tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali. Issa, il-leġiżlatur ma jistax fl-istess ħin jagħmel tali delega u jitfa’ kull responsabbiltà fuq l-imsemmija fornituri għall-indħil fid-drittijiet fundamentali tal-utenti li jirriżultaw minnha ( 92 ).

85.

Il-fehma tiegħi f’dan ir-rigward ma hijiex imxejna mill-argument tal-Kunsill li skontu d-dispożizzjonijiet kkontestati “ma jobbligawx” lill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni biex jipproċedu bil-filtrazzjoni u l-ibblukkar tal-kontenut imtella’ online mill-utenti tas-servizzi tagħhom, minħabba li l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 ma jimponi, stricto sensu, ebda “obbligu” fuq dawn il-fornituri, imma jillimita ruħu biex jipprovdi mekkaniżmu ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà li huma jkollhom il-“possibbiltà” li jużaw meta huma ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet.

86.

Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, biex wieħed jevalwa l-kompatibbiltà tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 mal-Artikolu 11 tal-Karta, irid jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tiegħu, imma wkoll l-effetti konkreti tiegħu. Issa, meħud kont tal-fatt li, min-naħa, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma jkunux jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet għal ċertu numru ta’ xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti oħra ( 93 ) filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-utenti jkunu jistgħu, potenzjalment, xorta waħda jqiegħdu online kwantità ta’ kontenut li jirriproduċi l-oġġetti inkwistjoni, fejn l-użu tal-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni previst fl-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 ikun, għal dawn il-fornituri, mhux “possibbiltà”, imma neċessità, altrimenti jġorru riskju sproporzjonat ta’ responsabbiltà. Għaldaqstant, f’numru kbir ta’ każijiet, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fid-dispożizzjonijiet ikkontestati jkunu jikkostitwixxu, fil-prattika, obbligi ċari fuq l-imsemmija fornituri. Mill-bqija, nosserva li il-paragrafu (5) tal-imsemmi Artikolu 17 jirreferi huwa stess għall-“obbligi [tal-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni] skont il-paragrafu 4” (enfasi miżjud minni).

87.

Fil-fehma tiegħi, tali mekkaniżmu ta’ responsabbiltà/eżenzjoni huwa teknika daqstant effikaċi bħall-obbligu dirett li jobbliga lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati biex jagħmlu filtrazzjoni preventiva tal-kontenut tal-utenti tagħhom. Kif indikajt fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni sempliċiment biddel il-metodu f’dan ir-rigward. Madankollu, dawn il-metodi differenti għandhom l-istess effetti u għandhom, għal din ir-raġuni, jitqiesu bl-istess mod fir-rigward tad-drittijiet fundamentali ( 94 ).

3.   Fuq il-kompatibbiltà ta’ din il-limitazzjoni mal-Karta

88.

Jirriżulta mit-taqsima preċedenti li, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jagħmlu limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, kif iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta.

89.

Dan premess, il-libertà tal-espressjoni ma hijiex prerogattiva assoluta. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ din il-libertà huma ammissibbli bil-kundizzjoni li dawn, fl-ewwel lok ikunu “previsti mil-liġi”, fit-tieni lok jirrispettaw “l-essenza” ta’ dik il-libertà, u, fit-tielet lok josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

90.

B’mod simili, skont l-Artikolu 10(2) tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB relatata miegħu, l-indħil fuq il-libertà tal-espressjoni huwa ammissibbli safejn dan, fl-ewwel lok ikun “previst mil-liġi”, fit-tieni lok, ikollu għan jew diversi għanijiet leġittimi ddefiniti fl-imsemmi paragrafu 2 u, fit-tielet lok jkun “neċessarju f’soċjetà demokratika” ( 95 ). Għalkemm dawn il-kundizzjonijiet ivarjaw parzjalment, fil-formulazzjonijiet tagħhom, minn dawk previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, huma għandhom, mill-ġdid, jitqiesu bħala li għandhom l-istess tifsira jew, talinqas, l-istess portata ( 96 ).

91.

Għaldaqstant, ser neżamina, fit-taqsimiet li ġejjin, l-osservanza tat-tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, filwaqt li ninterpreta dawn fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB. F’dan il-kuntest, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom il-limitazzjoni inkwistjoni hija “prevista mil-liġi” (taqsima (a)), għaliex hija tirrispetta l-“essenza” tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni (taqsima (b)) u għaliex, safejn l-artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ikun interpretat b’mod tajjeb, hija tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità (taqsima (ċ)).

a)   Il-limitazzjoni inkwistjoni hija “prevista mil-liġi”

92.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit li kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tikkonċerna r-rekwiżit ekwivalenti previst fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB jimplika mhux biss li din il-limitazzjoni għandu jkollha bażi legali (“eżistenza tal-liġi”), imma wkoll li din il-bażi legali għandu jkollha ċerti kwalitajiet ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà (“kwalita tal-liġi”) ( 97 ).

93.

F’dan il-każ, min-naħa, il-limitazzjoni inkwistjoni għandha manifestament bażi legali, peress li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

94.

Għal dak li jirrigwardja, min-naħa l-oħra, il-“kwalità” ta’ din il-bażi legali, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 98 ) u dik tal-Qorti EDB ( 99 ), il-bażi legali li twassal għal-limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali għandha tkun suffiċjentement aċċessibbli u prevedibbli fl-effetti tagħha, jiġifieri tkun stabbilita b’mod tant ċar u preċiż biex tippermetti lill-persuni kkonċernati, bl-għajnuna, jekk hemm bżonn, ta’ pariri studjati, biex jirregolaw il-kondotta tagħhom.

95.

Issa, nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma ċari u preċiżi biżżejjed biex jissodisfaw dan l-istandard. Ċertament, id-definizzjoni tal-“fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/790 u d-dispożizzjonijiet ikkontestati fihom diversi kunċetti wiesgħa – “ammont sinifikanti ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett”; “l-aħjar sforzi”; “standards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija”, eċċ – li jiġġeneraw livell ta’ inċertezza fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati u fir-rigward tal-obbligi li huma imposti fuqhom f’kull sitwazzjoni. Madankollu, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Parlament u mill-Kunsill, l-użu ta’ dawn il-kunċetti huwa intiż li jiggarantixxi li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu addattati għal tipi differenti ta’ operaturi u ta’ sitwazzjoni, kif ukoll għall-evoluzzjoni tal-prattika u tat-teknoloġiji, u dan bil-għan li jirreżistu għall-prova taż-żmien. Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’, mingħajr ma jikser ir-rekwiżit ta’ “prevedibbiltà”, jagħmel l-għażla li jagħti lit-testi li huwa jadotta ċerta flessibbiltà iktar milli ċertezza legali assoluta ( 100 ). Barra minn hekk, il-kjarifiki magħmula f’dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħmel fis-sentenza tagħha fil-futur u f’deċiżjonijiet futuri, ser jikkontribwixxu biex jiġu ppreċiżati dawn il-kunċetti u biex jiġu eliminati d-dubji li jirrigwardawhom – ħaġa li, hemm ukoll, tissodisfa r-rekwiżit ta’ “prevedibbiltà” ( 101 ).

96.

Dan premess, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ( 102 ) u l-Qorti EDB ( 103 ) jorbtu wkoll mar-rekwiżit ta’ “prevedibbiltà” l-punt dwar jekk il-bażi legali li toħloq l-indħil tagħtix garanziji suffiċjenti kontra r-riskju ta’ ksur arbitrarju jew abbużiv tad-drittijiet fundamentali (skont il-prinċipju tas-“supremazija tad-dritt”). Dan l-aspett huwa kkontestat mir-rikorrenti f’dan il-każ.

97.

Madankollu, il-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jagħtux garanziji suffiċjenti biex jipproteġu l-libertà tal-espressjoni tal-utenti tas-servizzi tal-kondiviżjoni kontra l-miżuri ta’ filtrazzjoni u ta’ bblukkar eċċessivi jew arbitrarji jirrigwarda wkoll in-natura proporzjonata tal-limitazzjoni li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet ( 104 ). Għaldaqstant, biex nevita r-repetizzjonijiet, nirriżerva din il-kwistjoni għall-eżami tar-rekwiżit dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 105 ).

b)   Il-limitazzjoni inkwistjoni tirrispetta l-“essenza” tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni

98.

Għandu jitfakkar li r-rekwiżit, stipulat fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet jew il-libertajiet irrikonoxxuti minn dan l-istrument għandha “tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet jew libertajiet” jimplika li, meta miżura tikser din l-“essenza”, hija ma tistax tkun iġġustifikata. Din il-miżura għalhekk titqies li tmur kontra l-Karta u, peress li hija att tal-Unjoni, għandha tiġi annullata jew iddikjarata invalida, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat ir-rekwiżit li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 106 ).

99.

Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jillimita l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet fundamentali fl-interess komuni, sabiex jipproteġi drittijiet u interessi oħra. Dan jista’ jagħmlu, b’mod partikolari, sabiex jipproteġi dritt fundamentali ieħor. F’dan il-kuntest, huwa għandu ċerta marġni ta’ diskrezzjoni biex iwieżen u jsib “bilanċ ġust” bejn id-drittijiet u interessi differenti preżenti ( 107 ). Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu limitu assolut. L-“essenza” ta’ dritt fundamentali tikkostitwixxi “nukleu li ma jistax jintmiss”, li jrid jibqa’ ħieles minn kull indħil. Għaldaqstant, ebda għan, ikun kemm ikun leġittimu, ma jiġġustifika ċerti ksur – eċċezzjonalment serji – tad-drittijiet fundamentali. Fi kliem ieħor, l-għan ma jiġġustifikax l-użu ta’ kull mezz.

100.

F’dan il-każ, skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-“essenza” tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Fil-fatt, il-monitoraġġ preventiv għandu, skont dawn id-dispożizzjonijiet, isir mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni fuq il-kontenut imtella’ online mill-utenti tagħhom, u għaldaqstant jippreġudika dan id-dritt bħala tali, minħabba li jimplika l-indħil f’dan il-kontenut, u l-ibblukkar eventwali tiegħu, qabel it-tixrid tiegħu.

101.

L-istess bħall-konvenuti u l-intervenjenti, jien minix ta’ din il-fehma.

102.

Ċertament, il-miżuri preventivi ta’ kontroll tal-informazzjoni huma ġeneralment meqjusa bħala ndħil partikolarment serju fil-libertà tal-espressjoni ( 108 ), minħabba eċċessi li huma jistgħu jinvolvu. Dawn il-miżuri preventivi jkunu, fil-prinċipju, mċanfra, f’soċjetà demokratika, minħabba li, bil-fatt li ċerta informazzjoni tkun ristretta qabel it-tixrid tagħha, dawn jipprekludu kull dibattitu pubbliku fuq il-kontenut, u jċaħħdu għaldaqstant il-libertà tal-espressjoni mill-funzjoni proprja tagħha bħala vettur tal-pluraliżmu ( 109 ). Għal dawn ir-raġunijiet, kif tenfasizza r-rikorrenti, diversi Stati Membri jipprojbixxu l-kontroll ġenerali minn qabel tal-informazzjoni fil-kostituzzjonijiet rispettivi tagħhom.

103.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma għal kollox rilevanti għal dak li jikkonċerna l-Internet. Kif issostni r-rikorrenti, dan in-network għandu importanza partikolari għal-libertà li wieħed jirċievi jew jikkomunika l-informazzjoni jew l-ideat ( 110 ). L-istess japplika, b’mod iktar speċifiku, għall-pjattaformi kbar u networks soċjali, li peress li jippermettu lil kulħadd jippubblika online il-kontenut li jixtieq u lill-pubbliku biex jaċċedi għalih, jikkostitwixxu għodda “bla preċedent” għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà ( 111 ). Dawn il-pjattaformi jipparteċipaw, b’dan il-mod, għal forma ta’ “demokratizzazzjoni” tal-produzzjoni tal-informazzjoni u, għalkemm amministrati minn operaturi privati, huma saru, fil-fatt, infrastutturi essenzjali għall-espressjoni tal-ideat online ( 112 ). Fl-istat attwali tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni jimplika għaldaqstant, b’mod iktar partikolari, il-libertà ta’ aċċess għal dawn il-pjattaformi u li wieħed jesprimi ruħu fuqhom, fil-prinċipju, mingħajr indħil tal-awtoritajiet pubbliċi ( 113 ).

104.

Issa, kieku l-imsemmija awtoritajiet, direttament jew indirettament ( 114 ), imponew fuq il-fornituri intermedjarji li jikkontrollaw dawn l-infrastrutturi ta’ espressjoni, l-obbligu li jagħmlu monitoraġġ b’mod preventiv, b’mod ġenerali, tal-kontenut tal-utenti tas-servizzi tagħhom biex ifitxxu kull tip ta’ informazzjoni illegali jew sempliċement mhux mixtieqa, din il-libertà ta’ komunikazzjoni tkun ippreġudikata bħala tali. L-“essenza” tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, kif previst fl-Artikolu 11 tal-Karta, jkun, fil-fehma tiegħi, mittiefes.

105.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 huwa, fil-fehma tiegħi, ta’ importanza fundamentali. Billi tipprevedi li l-fornituri intermedjarji ma jistax jiġi impost fuqhom l-“obbligu ġenerali […] li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu”, din id-dispożizzjoni tipprekludi li l-informazzjoni online tkun suġġetta għal monitoraġġ preventiv ġenerali, iddelegat lill-intermedjarji. Hija tiggarantixxi, b’dan il-mod, li l-internet jibqa’ spazju ħieles u miftuħ ( 115 ).

106.

Għal din ir-raġuni, intendi li nikkunsidra l-projbizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 15 bħala prinċipju ġenerali tad-dritt li jirregola l-internet, inkwantu jikkonkretizza, fl-ambjent diġitali, il-libertà fundamentali ta’ komunikazzjoni ( 116 ). Nosserva wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà approssimat, fil-ġurisprudenza tagħha, l-osservanza ta’ din il-libertà u din il-projbizzjoni ( 117 ). Fil-fatt, il-waħda ma tmurx mingħajr l-oħra. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-imsemmija projbizzjoni teċċedi l-qafas tal-imsemmi Artikolu 15 u hija obbligatorja mhux biss għall-Istati Membri, imma wkoll għal-leġiżlatur tal-Unjoni.

107.

Madankollu, b’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni, kif ikkonkretizzat mill-projbizzjoni tal-“obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ”, ma jipprekludix it-tipi kollha ta’ obbligi ta’ monitoraġġ.

108.

Fil-fatt, kif tfakkar il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-ordnijiet li jistgħu jingħataw lill-intermedjarji online ( 118 ), aċċettat li huwa possibbli li tingħata ordni lil tali intermedjarju biex “jipprevjeni” ċerti ksur, billi jeżerċita forma ta’ monitoraġġ speċifiku tas-servizz tiegħu ( 119 ). Hija ddistingwiet, għaldaqstant, l-obbligi ta’ monitoraġġ “ġenerali” minn dawk applikabbli f’każijiet “speċifiċi” ( 120 ). Bl-istess mod, il-Qorti EDB ma tikkunsidrax il-miżuri preventivi ta’ monitoraġġ tal-informazzjoni, inkluż l-obbligi ta’ bblukkar, bħala inkompatibbli minnhom infushom mal-Artikolu 10 tal-KEDB, sakemm dawn jidħlu taħt qafas speċifiku ( 121 ). Din il-qorti aċċettat ukoll, fis-sentenza tagħha Delfi AS. vs L-Estonja, li ċerti intermedjarji jistgħu jkunu mistennija li jagħmlu monitoraġġ b’mod attiv fuq is-servizzi tagħhom biex ifittxu ċerti tipi ta’ informazzjoni illegali ( 122 ).

109.

Ir-rikorrenti tirribatti li, preċiżament l-obbligu ta’ monitoraġġ impost fuq il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati huwa “ġenerali”. Fil-fatt, sabiex “jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli” xogħlijiet u oġġetti protetti oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet u “biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom” fuq dawn is-servizzi, dawn il-fornituri għandhom, fil-prattika, jiffiltraw l-il-kontenut kollu imtella’ mill-utenti kollha.

110.

Madankollu, l-istess bħall-konvenuti u l-intervenjenti, jidhirli li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu, fir-realtà, obbligu “speċifiku” ta’ monitoraġġ ( 123 ). Madankollu, irrid nirrikonoxxi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 124 ) rat evoluzzjoni reċenti fir-rigward tal-kriterju li jiddistingwi l-“ġenerali” mill-“ispeċifiku”.

111.

Inizjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja dehret tibbaża ruħha fuq il-kwantità tal-informazzjoni li trid tiġi analizzata. Fis-sentenza L’Oréal et ( 125 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-operatur ta’ suq online ma setax ikun obbligat jagħmel “sorveljanza attiva tad-data kollha ta’ kull wieħed mill-klijenti tiegħu bil-għan li jiġi evitat kull ksur futur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”. Fis-sentenza Scarlet Extended, hija kkunsidrat li fornitur ta’ aċċess għall-internet ma setax ikun obbligat, permezz ta’ ordni, li jimplimenta sistema ta’ filtrazzjoni li tapplika għall-“komunikazzjonijiet elettroniċi kollha li jgħaddu mis-servizzi tiegħu” u għaldaqstant,“tapplika mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-klijentela kollha tiegħu” u għal dan il-għan, “li tista’ tidentifika fuq in-netwerk ta’ dan il-fornitur iċ-ċirkolazzjoni ta’ fajls elettroniċi li jinkludu xogħol mużikali, ċinematografiku jew awdjoviżiv u li fir-rigward tiegħu, min jitlob dan ix-xogħol jallega li għandu drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bil-għan li tibblokka t-trasferiment ta’ fajls li l-iskambju tagħhom jippreġudika d-drittijiet tal-awtur” ( 126 ). Fis-sentenza SABAM ( 127 ), il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess raġunament fir-rigward tal-obbligu, għall-operatur ta’ pjattaforma ta’ network soċjali, li jimplimenta sistema ta’ filtrazzjoni simili. Fl-aħħar nett, fis-sentenza Mc Fadden ( 128 ), hija kkunsidrat li l-operatur ta’ network wireless lokali ma jistax jiġi impost fuqu l-obbligu li jagħmel monitoraġġ “tal-informazzjoni kollha trażmessa” permezz ta’ dan in-network, anki jekk dan kien jirrigwarda l-ibblukkar tal-kopji ta’ biċċa xogħol mużikali waħda identifikata mid-detentur tad-drittijiet ( 129 ).

112.

Illum-il ġurnata, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li trid il-preċiżjoni ta’ dak li jkun imfittex. F’dan ir-rigward, fis-sentenza Glawischnig-Piesczek ( 130 ), li kien jikkonċerna din id-darba l-qasam tal-malafama, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-obbligu, għall-operatur ta’ network soċjali, li jissorvelja l-informazzjoni kollha mqiegħda online fuq dan in-network ( 131 ) kellu jitqies bħala “speċifiku” minħabba li kien jinvolvi t-tiftix u l-ibblukkar ta’ informazzjoni defamatorja “preċiża” ( 132 ), li l-fornitur ma kienx obbligat jagħmel “evalwazzjoni awtonoma” tal-legalità tal-informazzjoni ffiltrata u li, min-naħa l-oħra, huwa seta’ “jirrikori għal tekniki u għal mezzi ta’ tfittix awtomatizzati” ( 133 ).

113.

Din l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 134 ) hija, fil-fehma tiegħi, iġġustifikata. Għalkemm ser nippreċiża l-limiti tagħha iktar ’il quddiem ( 135 ), jiena nindika hawnhekk li, jekk obbligu ta’ monitoraġġ jitqies “ġenerali” meta jobbliga, de facto, lil xi fornitur intermedjarju jagħmel filtrazzjoni, bl-għajnuna ta’ għodda diġitali, tal-informazzjoni kollha li titqiegħed online mill-utenti tas-servizz tiegħu, meta jkun qed isir tiftix tal-ksur speċifiku, dan ikun ifisser, sfortunatament, li jkunu qegħdin jiġu injorati l-iżviluppi teknoloġiċi li jrendu possibbli tali filtrazzjoni u biex iċaħħdu lil-leġiżlatur tal-Unjoni minn mezz utli biex jiġu miġġielda ċerti tipi ta’ kontenuti illegali.

114.

F’dan il-każ, biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni għandhom ċertament, jagħmlu monitoraġġ tal-kontenut kollu li l-utenti tagħhom jqiegħdu online. Madankollu, dan ikun ifisser li fost il-kontenut, isir tiftix għax-“xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor” li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew minn qabel l-“informazzjoni rilevanti u neċessarja” (Artikolu 17(4)(b)) jew “notifika sostanzjata biżżejjed” (punt c tal-imsemmi paragrafu 4)). Jien ser nispjega b’mod iktar preċiż liema kontenut ikun irid jiġi bblukkat iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet ( 136 ). Madankollu, f’dan l-istadju tal-analiżi, dawn l-elementi huma suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, biex juru li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu fil-fatt, indirettament, obbligu ta’ monitoraġġ “speċifiku” u biex jeskludu l-ksur tal-“essenza” tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni ( 137 ).

115.

Biex nikkonkludi, nippreċiża li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiddelega lill-intermedjarji online ir-responsabbiltà li jagħmlu monitoraġġ preventiv ġeneralizzat tal-informazzjoni subdiviża jew trażmessa grazzi għas-servizzi tagħhom, huwa jista’, fil-fehma tiegħi, mingħajr ma jikser l-“essenza” tal-libertà tal-espressjoni, jagħmel l-għażla li jimponi ċerti miżuri ta’ monitoraġġ attiv, li jikkonċerna ċerta informazzjoni illegali speċifika, fuq ċerti intermedjarji online. Nosserva wkoll li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 huwa, f’dan ir-rigward, fl-istess linja ta’ sensiela ta’ komunikazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ( 138 ) kif ukoll ta’ leġiżlazzjonijiet ġodda ( 139 ) li jtendu, f’dan is-sens, sabiex jikkontribwixxu ċerti intermedjarji – b’mod partikolari l-“pjattaformi” kbar– għall-ġlieda kontra ċerti tipi ta’ kontenut illegali. Madankollu, f’kull każ, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tkun żgurata. Tali forma ta’ delega tal-monitoraġġ tal-legalità tal-kontenut online ( 140 ) lil ċerti intermedjarji tkun akkumpanjata, b’mod partikolari, b’riskji għal-libertà tal-espressjoni tal-utenti tas-servizzi tagħhom u ma tistax għaldaqstant issir mingħajr garanziji suffiċjenti għal dawn tal-aħħar ( 141 ).

c)   Il-limitazzjoni inkwistjoni tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità

116.

Jibqa’ issa li jiġi eżaminat ir-rekwiżit marbut mal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jinqasam, skont it-termini tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, f’żewġ partijiet: il-limitazzjoni inkwistjoni għandha tkun, fl-ewwel lok “meħtieġa” u, fit-tieni lok, “ġenwinament [tilħaq] l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

117.

L-osservanza tat-tieni parti tar-rekwiżit ma toħloqx diskussjoni bejn il-partijiet. Fid-dawl tal-għan ġenerali mfittex mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ( 142 ), il-limitazzjoni inkwistjoni tindirizza l-“ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”, jiġifieri d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati tad-detenturi tad-drittijiet. Infakkar li l-proprjetà intellettwali hija protetta bħala dritt fundamentali, b’mod partikolari ( 143 ), fl-Artikolu 17(2) tal-Karta u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB ( 144 ). Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu, għaldaqstant “miżuri pożittivi ta’ protezzjoni” adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiggarantixxi lill-imsemmija detenturi tad-drittijiet l-eżerċizzju reali u effikaċi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom fir-relazzjonijiet tagħhom mal-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ( 145 ).

118.

Il-partijiet, madankollu, ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk il-limitazzjoni inkwistjoni tosservax l-ewwel parti tar-rekwiżit. F’dan ir-rigward, nippreċiża li l-eżami tan-natura “meħtieġa”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali ggarantit minn din jinkludix, fir-realtà l-istħarriġ ta’ tliet rekwiżiti kumulattivi: fil-fatt, irid jiġi vverifikat jekk din il-limitazzjoni hijiex (1) “xierqa”, (2) “meħtieġa” kif ukoll (3) “proporzjonata”stricto sensu ( 146 ). Jien ser neżamina wieħed wieħed dawn it-tliet rekwiżiti fit-taqsimiet li ġejjin.

1) Il-limitazzjoni inkwistjoni hija “xierqa”

119.

Ir-rekwiżit marbut man-natura “xierqa” tal-limitazzjoni inkwistjoni ma jidhirx li huwa kkontestat mir-Repubblika tal-Polonja. Fi kwalunkwe każ, l-istess bħall-Parlament u l-Kunsill, jien nikkunsidrah issodisfatt.

120.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-analiżi tan-natura xierqa ta’ miżura partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika mhux jekk din il-miżura tikkostitwixxix l-aħjar mezz biex jintlaħaq l-għan imfittex, imma jekk din hijiex xierqa biex tikkontribwixxi biex jintlaħaq dan l-għan ( 147 ).

121.

Issa, f’dan il-każ, l-obbligi ta’ monitoraġġ li jaqgħu fuq il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati huma xierqa biex jikkontribwixxu għall-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Bil-fatt li ttrasferixxew lil dawn il-fornituri l-obbligu li jissorveljaw is-servizzi tagħhom u li jiġġieldu b’mod attiv kontra l-kontenut ta’ kontrafazzjoni li jista’ jkun jinsab hemm, dawn id-dispożizzjonijiet, min-naħa, iħajru b’mod qawwi lill-imsemmija fornituri biex jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzja mad-detenturi tad-drittijiet ( 148 ) u, min-naħa l-oħra, jippermettu lill-imsemmija detenturi li jikkontrollaw b’mod iktar faċli l-użu tax-xogħlijiet u l-oġġetti protetti tagħhom fuq dawn is-servizzi ( 149 ).

2) Il-limitazzjoni inkwistjoni hija “meħtieġa”

122.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, min-naħa l-oħra, li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni li tirriżulta mill-punt (b) u punt (c) in fine, tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 tmur lil’hinn minn dak li hu “meħtieġ” biex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Skontha, l-obbligi previsti fil-punt (a) u fil-punt (c), in principio, ta’ dan il-paragrafu huma suffiċjenti f’dan ir-rigward. Min-naħa, l-obbligu li għandhom il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, skont il-punt (a), li jagħmlu l-“aħjar sforzi” biex jiksbu awtorizzazzjoni mingħand id-detenturi tad-drittijiet isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ negozjar ta’ dawn tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li għandhom dawn l-istess fornituri, skont il-punt (c), in principio, li jaġixxu mill-ewwel, malli jirċievu notifika ssostanzjata biżżejjed biex jiddiżattivaw l-aċċess għax-xogħlijiet jew materjal protett ieħor li jkun is-suġġett tan-notifika jew biex ineħħuhom mis-siti internet tagħhom jiggarantixxi protezzjoni effikaċi tad-drittijiet ta’ dawn id-detenturi.

123.

Jien m’inix ta’ din il-fehma.

124.

F’dan ir-rigward, infakkar li t-test ta’ kemm limitazzjoni hija “meħtieġa” jwassal biex jiġi vverifikat jekk jeżistux miżuri alternattivi li jkunu daqstant effikaċi bħall-miżuri magħżula biex jintlaħaq l-għan imfittex filwaqt li jkunu inqas restrittivi ( 150 ).

125.

Issa, kif isostnu, essenzjalment, il-Parlament u l-Kunsill, sistema ta’ responsabbiltà li timponi biss l-obbligi previsti fil-punt (a) u fil-punt (c), in principio, tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 ma tkunx manifestament daqstant effikaċi biex tilħaq l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħal sistema li tipprevedi, barra minn hekk, l-obbligi li jirriżultaw mill-punt (b) u mill-punt (c), in fine, ta’ dan il-paragrafu – anki jekk l-ewwel obbligi huma effettivament inqas restrittivi fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni mit-tieni obbligi ( 151 ).

126.

Fil-fatt, min-naħa waħda, għalkemm, kif issostni r-rikorrenti, l-obbligu tal-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni li jagħmlu l-“aħjar sforzi” tagħhom biex jiksbu l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet isaħħaħ, diġà, minnu nnifsu, il-pożizzjoni ta’ dawn id-detenturi għan-negozjar tal-ftehimiet ta’ liċenzja ma’ dawn il-fornituri, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ma huwiex intiż biss li jiżgura li l-imsemmija detenturi tad-drittijiet jirċievu remunerazzjoni ġusta għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom u oġġetti protetti oħra fuq dawn is-servizzi. B’mod iktar wiesa’, dan jinvolvi li jiġi ggarantit li dawn l-istess detenturi jkunu jistgħu jikkontrollaw effettivament tali użu u, b’mod partikolari, jekk ikunu jixtiequ, jipprekludu li dawn l-oġġetti jkunu disponibbli fuq tali servizzi.

127.

F’dan id-dawl, ma hemmx dubju, min-naħa l-oħra, kif jenfasizzaw il-konvenuti, li sistema ta’ notifika u tneħħija, kif tirriżulta mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 u riprodotta, essenzjalment, fl-Artikolu 17(4)(c), in principio, tad-Direttiva 2019/790, ma tippermettix lid-detenturi kkonċernati li jopponu għall-użu illegali tax-xogħlijiet tagħhom fuq is-servizzi tal-kondiviżjoni b’mod daqstant effikaċi bħal sistema, bħalma hija dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, li timponi, ukoll, fuq il-fornituri ta’ dawn is-servizzi obbligi ta’ monitoraġġ.

3) Il-limitazzjoni inkwistjoni hija “proporzjonata” stricto sensu

128.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, limitazzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali ggarantit mill-Karta titqies “proporzjonata”, fis-sens strett tal-kelma, jekk l-inkonvenjenti kkawżati mill-miżura inkwistjoni ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija ( 152 ).

129.

F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkontrastaw, min-naħa, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni ggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, id-dritt għall-proprjetà intellettwali, protett fl-Artikolu 17(2) ta’ dan l-istrument. Kif ifakkru l-Parlament, il-Kunsill u l-Gvern Spanjol, ma hemmx “supremazija awtomatika” tal-ewwel dritt fuq it-tieni wieħed ( 153 ). L-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha għaldaqstant issir, biex nirriproduċi t-termini użati mill-Qorti tal-Ġustizzja, “fl-osservanza tar-rikonċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet u prinċipji inkwistjoni” u ta’ “bilanċ xieraq” bejniethom ( 154 ). Barra minn hekk, fil-qasam tad-dritt tal-awtur, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet partikolarment fuq in-neċessità li jinżamm, fl-ambjent diġitali, dan il-“bilanċ xieraq” ( 155 ).

130.

Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni proprju ma żammx dan il-bilanċ fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790. Skontha, il-preġudizzju kkawżat lil-libertà tal-espressjoni mid-dispożizzjonijiet ikkontestati huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-vantaġġi li dawn jistgħu joħolqu f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

131.

Min-naħa tiegħi, nikkunsidra, l-istess bħall-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jagħmel l-għażla li jaqleb il-bilanċ inerenti għas-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli għall-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni (sezzjoni (i)). Is-sistema l-ġdida ta’ responsabbiltà adottata tinvolvi madankollu riskji kbar għal-libertà tal-espressjoni (sezzjoni (ii)), li tinneċessita li jkunu previsti garanziji suffiċjenti biex jiġu mminimizzati dawn ir-riskji (sezzjoni (iii)), ħaġa li, fil-fehma tiegħi, għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni (sezzjoni (iv)).

i) Il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ leġittimament jissostitwixxi bilanċ ġdid flok dak li huwa kien implimenta inizjalment

132.

L-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista, għall-fornituri intermedjarji, fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 tirrifletti bilanċ bejn, partikolarment, il-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva. Fiż-żmien, dan ried jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ dawn il-fornituri, sabiex jistimula b’mod iktar ġenerali t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku u s-“servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni” fis-suq intern. Għaldaqstant, din kienet kwistjoni li ma jiġix impost fuq dawn il-fornituri responsabbiltà ta’ natura li tipperikola l-vijabbiltà tal-attività tagħhom. L-interessi tad-detenturi tad-drittijiet kellhom jiġu ssalvagwardati u bbilanċjati mal-libertà ta’ espressjoni tal-utenti tal-imsemmija servizzi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ “notifika u ta’ tneħħija” kif ukoll fil-kuntest tal-ordnijiet li jistgħu jingħataw fil-konfront ta’ dawn l-istess fornituri ( 156 ).

133.

Kif isostni l-Kunsill, iċ-ċirkustanzi indubbjament inbidlu minn dakinhar. It-twelid tas-servizzi tal-“Web 2.0” ġab vantaġġi kif ukoll riskji ekonomiċi u soċjali ġodda, li jaffettwaw id-diversi interessi inkwistjoni. F’dan il-kuntest, kien permess li l-leġiżlatur tal-Unjoni jeżamina mill-ġdid l-għażliet li huwa kien għamel kważi għoxrin sena qabel, li jevalwa dan it-tibdil ta’ ċirkustanzi u jevalwa dawn il-vantaġġi u dawn ir-riskji ( 157 ).

134.

F’dan ir-rigward, kif enfasizza l-Parlament, il-Kunsill u l-Gvern Franċiż, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-oqsma fejn l-azzjoni tiegħu timplika għażliet ta’ natura kemm politika kif ukoll ekonomika jew soċjali, u fejn huwa mitlub jagħmel evalwazzjoni u evalwazzjonijiet kumplessi ( 158 ). Biex id-drittijiet tal-awtur jiġi adattat għall-ambjent diġitali u biex, f’dan il-qasam, tiġi stabbilita sistema ta’ responsabbiltà għas-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online li tiżgura bilanċ xieraq bejn id-drittijiet u l-interessi kollha inkwistjoni, huwa bla ebda dubju, kompitu “kumpless” ( 159 ).

135.

Similarment, il-Qorti EBD irrikonoxxiet lill-awtoritajiet pubbliċi marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta huma jkollhom joħolqu bilanċ bejn id-diversi drittijiet protetti mill-KEDB ( 160 ). Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni kien iktar importanti, f’dan il-każ, peress li kien jinvolvi, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jirregola, fil-prinċipju, mhux id-diskors politiku, imma l-użu ta’ xogħlijiet u oġġetti protetti oħra ( 161 ).

136.

F’kuntest diskuss ħafna ( 162 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel l-għażla politika favur l-industriji kreattivi. Huwa kkunsidra li l-bilanċ preċedenti bejn id-drittijiet u l-interessi involuti ma kienx għadu sodisfaċenti u li kien jeħtieġ, sabiex ikompli jiġi żgurat lid-detenturi tad-drittijiet livell għoli ta’ protezzjoni ( 163 ), li tiġi adottata sistema ġdida ta’ responsabbiltà għal ċerti fornituri ta’ servizzi tal-“Web 2.0”, billi jiġu imposti lilhom ċerti obbligi ta’ monitoraġġ tal-kontenut imqiegħed online mill-utenti tas-servizzi tagħhom. Meħud kont tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li kellu l-leġiżlatur, nikkunsidra li tali għażla ma kinitx, fil-prinċipju tagħha, sproporzjonata.

137.

B’mod iktar speċifiku, in-natura proporzjonata tad-dispożizzjonijiet ikkontestati qiegħda, fil-fehma tiegħi, fil-ġabra ta’ elementi mressqa mill-konvenuti u mill-intervenjenti, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-importanza tad-dannu ekonomiku kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet permezz tat-tqegħid online illegali tax-xogħlijiet tagħhom fuq is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, fid-dawl tal-kwantità ġiganteska ta’ kontenut imtella’ fuq dawn is-servizzi u l-ħeffa tal-iskambju tal-informazzjoni fuq l-internet ( 164 ), fit-tieni lok, il-fatt li, għal dawn l-istess raġunijiet, is-sistema ta’ “notifika u tneħħija” tippermetti diffiċilment biss lil dawn id-detenturi li jikkontrollaw l-użu tax-xogħlijiet tagħhom fuq l-imsemmija servizzi, fit-tielet lok, id-diffikultajiet li huma jkollhom biex ifitxxu lill-utenti responsabbli u, fir-raba’ lok, il-fatt li l-obbligi ta’ monitoraġġ jikkonċernaw lill-fornituri intermedjarji partikolari. Fuq dan l-aħħar punt, nosserva li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, permezz tal-promozzjoni tal-kontenut li huma jagħmlu ( 165 ), jeżerċitaw ċerta influwenza fuq l-informazzjoni li l-pubbliku jaċċedi għaliha. Dawn l-aspetti għandhom it-tendenza, sa ċertu punt ( 166 ), li jqarrbu lil dawn il-fornituri mal-intermedjarji tradizzjonali bħalma huma l-edituri, b’mod li jista’ jkun proporzjonat li tiġi adottata, għal dak li jikkonċernahom, sistema ta’ responsabbiltà speċifika, differenti minn dik applikabbli għall-ospitanti oħra ( 167 ).

138.

Barra minn hekk, kif isostnu l-Gvern Spanjol u Franċiż, il-Qorti EDB, fis-sentenza tagħha Delfi AS vs L-Estonja, iddeċidiet li ma kienx sproporzjonat, fil-kuntest tal-ibbilanċjar bejn il-libertà tal-espressjoni, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-KEDB, u d-dritt għall-unur, iggarantit mill-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni, li portal kbir tal-aħbarijiet online jinżamm responsabbli li ma pprekludiex il-pubblikazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ kummenti illegali mħollija mill-utenti fuq is-sit internet tiegħu wara artiklu, jew talinqas, li ma neħħihomx fuq inizjattiva tiegħu stess fi ftit żmien.

139.

Issa, f’din is-sentenza, il-Qorti EDB iffokat fl-ewwel lok fuq il-portata tad-dannu kkawżat b’tali kummenti, meħud kont tal-ħeffa fiċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni online ( 168 ) u, fit-tieni lok, tal-fatt li, għalkemm is-sistema ta’ “notifika u tneħħija” tista’ tikkostitwixxi, f’ċerti każijiet, għodda xierqa għall-ibbilanċjar tad-drittijiet u interessi tal-persuni kkonċernati kollha, din ma kinitx suffiċjenti biex twaqqaf id-dannu kbir li jirriżulta minn tali kummenti ( 169 ). Il-Qorti EDB enfasizzat ukoll, fit-tielet lok, li kien ikun diffiċli għall-vittma jfittex lill-awturi tal-kummenti u, fir-raba’ lok, li l-operatur tal-portal tal-aħbarijiet kien jeżerċita ċerta influwenza fuq il-kummenti mħollija mill-utenti, b’mod li jista’ jkun iġġustifikat li jiġi adottat approċċ speċifiku fil-qasam tar-responsabbiltà għal dak li jikkonċerna lil tali intermedjarju ( 170 ). Għaldaqstant, hemm ċerta analoġija li hija possibbli li ssir ma’ din il-kawża ( 171 ).

ii) Ir-riskji inerenti għas-sistema ta’ responsabbiltà bħalma hija dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati

140.

Kif isostni, essenzjalment, il-Parlament, inkwantu l-filtrazzjoni li għandhom jagħmlu l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati tipprekludi t-tixrid, fuq dawn is-servizzi, ta’ kontenut li jikser id-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati, il-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertàtal-espressjoni li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet hija, għal dak li jikkonċerna dan il-kontenut, iġġustifikata.

141.

Madankollu, ir-rabta li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, fl-imsemmija dispożizzjonijiet, bejn ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni u l-effikaċità ta’ din il-filtrazzjoni tinvolvi riskju kbir għal-libertà tal-espressjoni, jiġifieri dak ta’“ibblukkar eċċessiv” ta’ kontenut legali.

142.

Tali riskju ta’ “bblukkar eċċessiv” jeżisti, b’mod ġenerali, meta l-awtoritajiet pubbliċi jżommu lill-fornituri intermedjarji responsabbli għall-informazzjoni illegali pprovduta mill-utenti tas-servizzi tagħhom. Sabiex jevitaw kull riskju ta’ responsabbiltà, dawn l-intermedjarji jista’ jkollhom it-tendenza li jkunu akkaniti u jibblukkaw eżaġeratament din l-informazzjoni mal-iċken dubju dwar il-legalità tagħha ( 172 ).

143.

F’dan il-każ, ir-riskju huwa, b’mod iktar speċifiku, li l-fornituri tal-kondiviżjoni, sabiex jevitaw kull riskju ta’ responsabbiltà fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet, jipprojbixxu b’mod sistematiku t-tqegħid, fuq is-servizzi tagħhom, tal-kontenut kollu li jirriproduċi x-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra li għalihom huma jkunu rċevew “informazzjoni rilevanti u meħtieġa” jew “notifika suffiċjentement immotivata” minn dawn tal-aħħar, inkluż dawk li ma jiksrux id-drittijiet tagħhom ( 173 ).

144.

Fil-fatt, apparti l-fatt li ċerti utenti li jkunu jixtiequ jqiegħdu online il-kontenut ikkonċernat jista’ jkollhom liċenzja fuq ix-xogħlijiet u oġġetti inkwistjoni, id-detenturi tad-drittijiet ma għandhomx monopolju assolut fuq l-użu tal-oġġetti protetti tagħhom. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29 fih, f’dan ir-rigward, lista ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt esklużiv ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”. Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet jiżguraw, fil-prinċipju, “bilanċ xieraq” bejn, min-naħa, l-interessi ta’ dawn id-detenturi għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti tal-oġġetti protetti, kif ukoll tal-interess ġenerali ( 174 ) – b’mod partikolari l-aċċess tal-pubbliku għall-kultura. B’mod partikolari, diversi mill-imsemmija eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, fosthom dawk li jirrigwardaw il-kwotazzjoni, il-kritika u r-riċensjoni ( 175 ) kif ukoll dawk li jirrigwardaw il-karikatura, il-parodija u l-pastiċċ ( 176 ) jagħtu, fil-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, prevalenza lid-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-kreazzjoni tal-utenti fuq l-interess tal-imsemmija detenturi.

145.

Madankollu, b’mod iktar preċiż, parti sinjifikattiva mill-kontenut imqiegħed online mill-utenti fuq is-servizzi tal-kondiviżjoni tikkonsisti f’użi, jew riapproprjazzjonijiet kreattivi, ta’ xogħlijiet u oġġetti protetti oħra li jistgħu jkunu koperti b’dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ( 177 ).

146.

Madankollu, il-punt dwar jekk tali eċċezzjoni jew limitazzjoni hijiex applikabbli għall-kontenut partikolari jiddependi mill-kuntest u jeħtieġ ċerta analiżi ( 178 ). Il-linja li tissepara użu leġittimu mill-kontrafazzjoni tista’ tirriżulta, f’diversi każijiet, bħala diskutibbli ( 179 ). F’dawn is-sitwazzjonijiet ekwivoċi kollha, jista’ jidher iktar sempliċi għall-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni li jipprekludu t-tqegħid għad-disponibbiltà tal-kontenut ikkonċernat iktar milli jkollhom jinvokaw, huma stess, fil-kuntest tal-azzjoni eventwali għad-danni mressqa mid-detenturi tad-drittijiet, l-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet ( 180 ).

147.

Ir-riskju tal-“ibblukkar eċċessiv” li għadni kif iddeskrivejt huwa ikbar, f’dan il-każ, minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stipulati fl-Artikolu 17(4)(b) u (c) in fine, tad-Direttiva 2019/790 jobbligaw de facto, f’numru kbir ta’ każijiet, lill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni sabiex jużaw għodda ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kontenut.

148.

Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, li ma jintesewx il-limiti inerenti tal-għodda inkwistjoni, limiti li r-rikorrenti debitament enfasizzat u li, mill-bqija, diġà ġew ikkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Scarlet Extended u SABAM ( 181 ). Fil-fatt, l-għodda ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kontenut jsibu, preċiżament, il-kontenut, u mhux il-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Dawn l-għodda, b’mod partikolari dawk li jiffunzjonaw skont it-teknika tal-“marki tas-swaba diġitali”, huma kapaċi li jsibu korrispondenzi, jiġifieri li jagħrfu li l-kontenut ta’ fajl partikolari jirriproduċi, kollu jew parti minnu, dak tal-fajl ta’ referenza ( 182 ). Min-naħa l-oħra, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, l-imsemmija għodda ma humiex kapaċi, fl-istat preżenti, li jevalwaw il-kuntest li fih ix-xogħol riprodott ġie użat u, b’mod partikolari, li jidentifikaw l-applikazzjoni ta’ xi eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur ( 183 ). Ir-riskju tal-“ibblukkar eċċessiv” ikun ikbar meta l-kapaċità ta’ dawn l-istess għodod biex jagħrfu x-xebh f’estratti dejjem iqsar (pereżempju, ftit sekondi f’diska) tiżdied. L-użu tagħhom jinkludi għaldaqstant, ir-riskju li l-utenti jiġu mċaħħda mill-ispazju ta’ espressjoni u ta’ kreazzjoni permess mill-imsemmija eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ( 184 ). Barra minn hekk, il-kapaċità tal-għodod ta’ rikonoxximent awtomatiku biex jidentifikaw kontenut ta’ kontrafazzjoni tiddependi mill-preċiżjoni u mill-veraċità tal-informazzjoni pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet. L-użu ta’ dawn l-għodod jista’ għaldaqstant iwassal għal talbiet inġustifikati li jikkonċernaw, pereżempju, xogħlijiet li jaqgħu taħt id-dominju pubbliku ( 185 ), abbażi ta’ informazzjoni ta’ referenza żbaljata jew abbużiva (riskju magħruf bħala “talbiet eċċessivi”) ( 186 ).

iii) Il-ħtieġa li jiġu pprovduti garanziji suffiċjenti biex jiġu mminimizzati dawn ir-riskji

149.

Meħud kont tar-riskji ta’ “bblukkar eċċessiv” deskritti fis-sezzjoni preċedenti, is-sistema ta’ responsabbiltà bħalma hija dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati għandha, fil-fehma tiegħi, tkun akkumpanjata minn garanziji suffiċjenti biex timminimizza dawn ir-riskji u, għaldaqstant, tiżgura li l-portata tal-indħil fil-libertà tal-espressjoni tkun preċiżament iddelimitata ( 187 ). B’mod ġenerali, kull forma ta’ delega, mill-awtoritajiet pubbliċi, tal-monitoraġġ tal-legalità tal-kontenut online lill-fornituri intermedjarji ( 188 ), li tieħu l-forma ta’ obbligi ta’ monitoraġġ imposti direttament jew indirettament lil dawn l-intermedjarji, għandha tkun imdawra b’tali garanziji.

150.

B’mod iktar speċifiku, nikkunsidra li tali sistema għandha tidħol f’kuntest legali li jistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ filtrazzjoni li għandhom ikunu implimentati mill-fornituri tas-servizzi inkwistjoni, b’mod li jiżguraw lill-utenti ta’ dawn is-servizzi protezzjoni effikaċi kontra l-ibblukkar abbużiv jew arbitrarju tal-informazzjoni li huma jkunu jixtiequ jqiegħdu online ( 189 ).

151.

Nenfasizza wkoll li, meta l-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, u li hija għaldaqstant imputabbli lilha, kif inhu dan il-każ ( 190 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu parti importanti mir-responsabbiltà f’dan ir-rigward. F’tali każ, ma tistax tintefa’ kompletament fuq l-Istati Membri – jew, a fortiori, fuq il-fornituri tas-servizzi inkarigati li jimplimentaw din il-leġiżlazzjoni – ir-responsabbiltà li jistabbilixxu tali garanziji. Min-naħa l-oħra, huwa għandu jiddefinixxi talinqas is-sustanza ( 191 ). Dan premess, peress li dan il-każ jinvolvi direttiva, li barra minn hekk tikkonċerna qasam tekniku, ċerti modalitajiet ta’ applikazzjoni għandhom ikunu ppreċiżati mill-Istati Membri – kif ukoll mill-Kummissjoni ( 192 ).

152.

Inżid ngħid li l-ħtieġa, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jipprevedi l-kontenut ta’ dawn il-garanziji hija indispensabbli biex jiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha – tali uniformità hija iktar neċessarja peress li, f’dan il-każ, hemm inkwistjoni direttiva ta’ armonizzazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 114 TFUE. Il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, li joperaw fuq livell internazzjonali, ma għandhomx ikunu suġġetti għal 27 sistema nazzjonali ta’ responsabbiltà li jistgħu jkunu diverġenti fir-rigward tal-portata tal-obbligi ta’ filtrazzjoni li huma imposti lilhom. Fuq kollox, l-utenti ta’ dawn is-servizzi għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni sostanzjalment identika kontra l-miżuri ta’ bblukkar abbużivi jew arbitrarji, ikun min ikun l-Istat Membru li fih ikunu jinsabu.

153.

Fi ftit kliem, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ampja ta’ diskrezzjoni biex jiddeċiedi l-prinċipju ta’ sistema ta’ responsabbiltà bħal dik prevista fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, huwa ma jistax, min-naħa l-oħra, jinjora garanziji suffiċjenti biex jimminimizza r-riskji li jirriżultaw għal-libertà tal-espressjoni. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fil-fehma tiegħi, twettaq kontroll dettaljat tal-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit ( 193 ).

iv) Il-garanziji previsti f’dan il-każ

154.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ssodisfax l-imsemmi rekwiżit f’dan il-każ. Fil-fehma tagħha, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma huma akkumpanjati b’ebda garanzija tali li tiddelimita l-portata tal-indħil fil-libertà tal-espressjoni tal-utenti tas-servizzi tal-kondiviżjoni.

155.

Min-naħa l-oħra, il-konvenuti u l-intervenjenti jsostnu li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 fih “sistema ta’ garanzija kompluta”. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma, fil-fatt, inseparabbli mill-paragrafi 5, 7, 8 u 9 ta’ dan l-artikolu. Dawn il-paragrafi jistabbilixxu regoli ċari u preċiżi li jiddefinixxu l-portata u l-applikazzjoni tal-miżuri li jridu jiġu implimentati mill-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni u jippreżervaw, b’dan, “bilanċ xieraq” bejn id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-libertà tal-espressjoni.

156.

L-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2019/790, li jindika, infakkar, li l-miżuri li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn kull fornitur għandhom ikunu evalwati, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tal-elementi bħalma huma d-“daqs tas-servizz” jew l-“ispiża” tal-għodod disponibbli, jidhirli li huwa iktar rilevanti għall-kwistjoni tal-osservanza tal-libertà tal-intrapriża, li ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża, milli għal dak li jikkonċerna l-libertà tal-espressjoni. Għaldaqstant, ma jidhirlix li huwa neċessarju li nerġa’ ndur fuqha.

157.

Min-naħa l-oħra, il-paragrafi 7, 8 u 9 ta’ dan l-artikolu fihom effettivament, fil-fehma tiegħi, garanziji sinjifikattivi biex jipproteġu l-utenti tas-servizzi tal-kondiviżjoni kontra l-miżuri ta’ bblukkar abbużivi jew arbitrarji tal-kontenuti tagħhom. Għaldaqstant ser neżaminahom fis-sezzjonijiet li ġejjin.

– Id-dritt għall-użi leġittimi tal-oġġetti protetti (paragrafu 7) u s-sistema għat-trattament tal-ilmenti (paragrafu 9)

158.

Il-konvenuti u l-intervenjenti semmew, ġustament il-fatt li waħda mill-garanziji prinċipali intiżi li jillimitaw ir-riskju li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni jipprekludu, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, it-tqegħid għad-dispożizzjoni, fuq is-servizzi tagħhom, tal-kontenut li jirriproduċi b’mod leġittimu x-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet tinsab fil-paragrafu 7 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790.

159.

Fil-fatt, min-naħa, l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jipprevedi li “l-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni u d-detenturi tad-drittijiet ( 194 ) m’għandhiex tirriżulta fil-prevenzjoni tad-disponibbiltà ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’ mill-utenti li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, inkluż fejn tali xogħlijiet jew materjal ieħor ikunu koperti minn eċċezzjoni jew limitazzjoni” ( 195 ).

160.

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jipprevalixxu ruħhom mill-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet li jirrigwardaw (a) kwotazzjoni, kritika jew riċensjoni kif ukoll (b) l-użu għal skop ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ ( 196 ) meta huma jqiegħdu online kontenut fuq is-servizzi tal-kondiviżjoni.

161.

Minn dan jirriżulta li, fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa espressament id-drittijiet suġġettivi li għandhom l-utenti tas-servizzi tal-kondiviżjoni. Dawn l-utenti illum għandhom id-dritt, li jista’ jiġi invokat kontra l-fornituri ta’ dawn is-servizzi u kontra d-detenturi tad-drittijiet, li jużaw b’mod leġittimu, fuq l-imsemmija servizzi, tal-oġġetti protetti, inkluż id-dritt li jipprevalixxu ruħhom mill-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur u għad-drittijiet relatati ( 197 ). Dan ir-rikonoxximent, mil-leġiżlatur, tal-importanza ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għall-utenti jaqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, hija stess, irrikonoxxiet reċentement li dawn “jimplikaw huma stess drittijiet” favur tal-aħħar ( 198 ).

162.

Nenfasizza li, skont l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790, l-utenti jistgħu jipprevalixxu ruħhom mill-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet kollha previsti mid-dritt tal-Unjoni ( 199 ), u b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 – safejn, madankollu, dawn jinsabu fid-dritt nazzjonali applikabbli. Issa, filwaqt li dan l-Artikolu 5 iħalli lill-Istati Membri l-fakultà li jittrasponu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li huwa jelenka ( 200 ), dan l-istess paragrafu 7 jobbliga llum lil dawn tal-aħħar sabiex jipprovdu, talinqas, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li jirrigwardaw il-kwotazzjoni u l-parodija fid-dritt intern tagħhom ( 201 ), fid-dawl tal-importanza partikolari li dawn għandhom għal-libertà tal-espressjoni.

163.

Minn dan isegwi, b’mod konkret, li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma humiex legalment awtorizzati jibblukkaw jew ineħħu l-kontenut li jagħmel użu leġittimu mix-xogħlijiet jew mill-oġġetti protetti l-oħra minħabba li dan il-kontenut jikser id-dritt tal-awtur ( 202 ). Huma ma jistgħux b’mod partikolari jeskludu, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu jew fil-kuntest ta’ ftehimiet kuntrattwali mad-detenturi tad-drittijiet, l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, billi jipprovdu, pereżempju, li s-sempliċi allegazzjoni minn dawn tal-aħħar dwar ksur tad-dritt tal-awtur tkun biżżejjed biex tiġġustifika tali miżura ta’ bblukkar jew ta’ tneħħija ( 203 ). Dawn il-fornituri għandhom, min-naħa l-oħra, jinformaw lill-utenti tagħhom, f’dawn l-istess kundizzjonijiet ġenerali, li huma jistgħu jużaw ix-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra fil-kuntest tal-imsemmija eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ( 204 ).

164.

Fil-fehma tiegħi, bl-adozzjoni tal-paragrafu 7 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, il-leġiżlatur tal-Unjoni, bl-għarfien tar-riskji ta’ “bblukkar eċċessiv” ( 205 ) li jistgħu jirriżultaw mis-sistema ta’ responsabbiltà li huwa implimenta, u sabiex jiżgura “bilanċ xieraq” bejn id-drittijiet u l-interessi involuti u biex jipproteġi l-libertà tal-espressjoni tal-utenti tas-servizzi ta’ kodiviżjoni ( 206 ), ippreveda limitu ċar u preċiż għall-miżuri ta’ filtrazzjoni u ta’ bblukkar li għandhom jiġu implimentati mill-fornituri ta’ dawn is-servizzi b’applikazzjoni tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.

165.

F’dan ir-rigward, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni enfasizzaw, ġustament, li dan l-istess paragrafu 7, fid-dawl tan-natura imperattiva tat-termini użati fl-ewwel subparagrafu – “m’għandhiex tirriżulta” ( 207 ) –, jimponi obbligu ta’ riżultat fuq il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni: huma obbligati jilħqu riżultat li ma jipprevjenix id-disponibbiltà, fuq is-servizzi tagħhom, tal-kontenut li jirriproduċi b’mod leġittimu x-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra, anki jekk dawn ix-xogħlijiet u oġġetti jkunu ġew identifikati mid-detenturi tad-drittijiet. Il-limitu tal-miżuri ta’ filtrazzjoni u ta’ bblukkar ammissibbli huwa għaldaqstant iddefinit b’mod ċar: dawn ma għandhomx ikollhom l-għan jew l-effett li jipprevjenu dawn l-użi leġittimi. Din id-dispożizzjoni tipparteċipa għaldaqstant biex tinnewtralizza t-tendenza tal-“akkaniżmu” ta’ dawn il-fornituri u, għaldaqstant, biex tiddelimita l-portata tal-indħil fil-libertà tal-espressjoni sabiex hija tkun limitata għat-tixrid tal-kontenut li jikser ir-regoli tad-dritt tal-awtur.

166.

Ir-Repubblika tal-Polonja tirribatti madankollu li, fid-dawl tal-limitazzjonijiet inerenti għall-funzjonament tal-għodod tar-rikonoxximent tal-kontenut, imsemmija fil-punt 148 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u b’mod partikolari tan-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom biex jidentifikaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur, l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790 jikkostitwixxi aktar ħsieb ta’ xewqa milli garanzija effettiva. Fil-fatt, il-kontenut li jaqa’ taħt dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjoni jiġi bblukkat awtomatikament permezz tal-imsemmija għodod. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma hijiex tali li tiżgura lill-utenti tas-servizzi tal-kondiviżjoni protezzjoni effikaċi kontra l-ibblukkar abbużiv jew arbitrarju tal-kontenut tagħhom.

167.

L-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt jirrifletti diverġenza fundamentali ta’ opinjoni bejn il-partijiet u l-intervenjenti fir-rigward tal-portata ta’ dan il-paragrafu 7 u tal-mod konkret li bih id-drittijiet tal-utenti għandhom ikunu rrispettati fil-prattika. Fil-fatt, żewġ interpretazzjonijiet distinti ta’ din id-dispożizzjoni ġew diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

168.

Skont l-ewwel interpretazzjoni, li fuqha tibbaża r-rikors tagħha r-Repubblika tal-Polonja, u li tressqet ukoll mill-Gvern Spanjol u Franċiż, l-(unika) mekkaniżmu ( 208 ) li jiżgura, fil-prattika, li l-miżuri ta’ filtrazzjoni u ta’ bblukkar meħudin mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati, ma jipprevjenux id-disponibbiltà, fuq is-servizzi tagħhom, tal-użi leġittimi tax-xogħlijiet u tal-oġġetti protetti l-oħra huwa l-“mekkaniżmu […] għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju” li, skont l-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790 dawn il-fornituri għandhom jipprovdu lill-utenti tas-servizzi tagħhom “f’każ ta’ tilwim dwar id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal, jew it-tneħħija ta’, xogħlijiet jew materjal ieħor imtella’ minnhom”.

169.

B’mod konkret, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ikollhom, skont ix-xewqa tad-detenturi tad-drittijiet, jibblukkaw ex ante l-kontenut kollu li jirriproduċi kompletament jew parzjalment ix-xogħolijiet u oġġetti protetti l-oħra identifikati minn dawn tal-aħħar – indipendentement mill-punt dwar jekk dawn jiksrux id-drittijiet tagħhom –, bil-kundizzjoni li utent li jidhirlu li qiegħed jagħmel użu leġittimu minn dawn l-oġġetti, pereżempju fil-kuntest ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni, li jressaq ilment f’dan is-sens. Jekk wieħed jipotizza li dan l-ilment huwa fondat, il-kontenut ikkonċernat jitqiegħed online, ex post, fi tmiem l-eżaminazzjoni tiegħu. Nippreċiża li, għalkemm ir-rikorrenti u l-Gvern Spanjol u Franċiż jaqblu dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790, huma ma jaqblux radikalment fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minnha ( 209 ).

170.

Skont it-tieni interpretazzjoni, imressqa mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, id-dritt tal-utenti tas-servizzi tal-kondiviżjoni li jagħmlu użi leġittimi tal-oġġetti protetti, previst fl-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ex ante mill-fornituri ta’ dawn is-servizzi, fil-proċess stess ta’ din il-filtrazzjoni. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ikkontestati u dan il-paragrafu 7 għandhom jinqraw flimkien, u l-obbligi li huma jipprevedu jkunu japplikaw “simultanjament”. L-“aħjar sforzi” li dawn il-fornituri għandhom jagħmlu, skont dawn id-dispożizzjonijiet, biex jipprevjenu t-tqegħid online tax-xogħlijiet u oġġetti protetti identifikati mid-detenturi tad-drittijiet ma jistgħux għaldaqstant jittraduċu ruħhom, fil-prattika, f’ibblukkar preventiv u sistematiku ta’ dawn l-użi leġittimi. Il-mekkaniżmu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju msemmi fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu 17 jikkostitwixxi garanzija supplimentari, u aħħarija, għas-sitwazzjonijiet fejn, minkejja l-obbligu li jinsab f’dan l-istess paragrafu 7, l-imsemmija fornituri jibblukkaw xorta waħda, bi żball, tali kontenut leġittimu.

171.

Jien naqbel ma’ din l-aħħar interpetazzjoni li toħroġ, fil-fehma tiegħi, minn analiżi litterali, sistematika u storika tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790.

172.

L-ewwel nett, fuq livell testwali, infakkar li, skont it-termini tal-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790, il-kooperazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma għandhiex twassal fil-“prevenzjoni tad-disponibbiltà” ta’ kontenut li jirriproduċi b’mod leġittimu x-xogħlijiet jew l-oġġetti protetti l-oħra. L-interpretazzjoni li skontha dan il-kontenut jista’ jkun sistematikament ibblukkat ex ante, sakemm l-utenti jkunu jistgħu jiksbu li jerġa’ jittella’ ex post, huwa ’l bogħod, fil-fehma tiegħi, milli jkun l-iktar mod naturali li bih għandha tinftiehem din il-formulazzjoni ( 210 ).

173.

Imbagħad, fuq livell sistematiku, kif issostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati u dan l-istess paragrafu 7 għandhom jinqraw fid-dawl tat-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 17(9), li skontu l-imsemmija direttiva “bl-ebda mod m’għandha taffettwa” l-użi leġittimi ta’ xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti. Madankollu, jekk il-kontenut ikkonċernat kellu jiġi sistematikament ibblukkat ex ante, bil-kundizzjoni li l-utenti jressqu lment biex jiksbu t-tqegħid online tiegħu, dawn l-użi leġittimi jkunu evidentement “affettwati” b’ċertu mod.

174.

Nosserva wkoll li l-kwistjoni tal-użi leġittimi ta’ oġġetti protetti tissemma mhux biss fil-premessa 70 tad-Direttiva 2019/790, li tirrigwarda mekkaniżmu għat-tressiq tal-ilmenti, imma wkoll fl-ewwel paragrafu tal-premessa 66 ( 211 ), dwar il-miżuri preventivi li għandhom jiġu implimentati mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, skont l-imsemmi l-ewwel paragrafu tal-premessa 70, dan il-mekkaniżmu huwa intiż li “jappoġġa” – u mhux li “jippermetti” tali użi leġittimi.

175.

Fl-aħħar nett, ix-xogħlijiet preparatorji jtendu li jikkonfermaw din l-interpretazzjoni. F’dan ir-rigward, nosserva li l-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790 jirrifletti l-Artikolu 13(2) tal-Proposta għal Direttiva. Din il-proposta ma kienx fiha dispożizzjoni dwar l-użi leġittimi tax-xogħlijiet u oġġetti protetti oħra. Tali dispożizzjoni żdiedet, permezz ta’ emendi, waqt l-ewwel qari tat-test fi ħdan il-Parlament u l-Kunsill. F’dawn l-emendi, il-mekkaniżmu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju kellu speċifikament l-għan li jippermetti dawn l-użi leġittimi ( 212 ). Madankollu, wara l-ewwel ċaħda tat-test mill-Parlament fil-5 ta’ Lulju 2018, fil-verżjonijiet sussegwenti tat-test, u f’dak adottat finalment, il-kwistjoni tad-drittijiet tal-utenti u dik tal-mekkaniżmu tat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju ġew mifrudin f’żewġ dispożizzjonijiet distinti.

176.

Dan il-proċess leġiżlattiv juri wkoll, fil-fehma tiegħi, li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni evolviet f’dan ir-rigward. Għalkemm l-Artikolu 13 tal-Proposta għal Direttiva kien unilateralment favur id-detenturi tad-drittijiet, dan l-Artikolu 13 nbidel, waqt l-adozzjoni tiegħu fil-forma tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, f’dispożizzjoni kumplessa li tipprova tirrikonoxxi u tibbilanċja l-interessi differenti involuti. Kif sostna l-Kunsill, il-leġiżlatur għamel l-għażla li jipproteġi, f’din id-dispożizzjoni, kemm lid-detenturi tad-drittijiet kif ukoll lill-utenti. Kif enfasizza l-Parlament, dan l-Artikolu 17 jirrifletti kompromess delikat f’dan ir-rigward. Din l-evoluzzjoni ma tistax tiġi injorata matul l-interpretazzjoni tiegħu ( 213 ).

177.

L-interpretazzjoni, imressqa mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li skontha d-drittijiet tal-utenti, skont l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ex ante, u mhux biss ex post, tiżgura, barra minn hekk, l-proporzjonalità tal-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati ( 214 ).

178.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-mekkaniżmu għat-tressiq tal-ilmenti u ta’ rimedju msemmi fl-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790 jikkostitwixxi kemm garanzija essenzjali u kif ukoll pass kbir ’il quddiem meta mqabbel mad-Direttiva 2000/31 ( 215 ). Dan huwa komponent neċessarju ta’ kull sistema ta’ filtrazzjoni, meħud kont tar-riskju ta’ “bblukkar eċċessiv” li jirriżulta minnha. Il-leġiżlatur tal-Unjoni dawwar ukoll dan il-mekkaniżmu b’“garanziji sekondarji” proċedurali. L-imsemmi mekkaniżmu għandu jkun “effettiv u rapidu” u l-ilmenti hekk imressqa għandhom jiġu pproċessati “mingħajr dewmien żejjed”. Fi kliem ieħor, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni huma obbligati li jaġixxu, f’dan ir-rigward, bl-istess ħeffa li għandhom jagħmlu prova tiegħu fir-rigward ta’ notifiki rċevuti mid-detenturi tad-drittijiet, fil-kuntest tal-Artikolu 17(4)(c) tad-Direttiva 2019/790 ( 216 ). Barra minn hekk, id-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġġustifikaw “debitament” it-talbiet tagħhom għall-ibblukkar u l-ilmenti għandhom jiġu eżaminati minn persuna fiżika.

179.

Iktar minn hekk, skont dan l-istess paragrafu 9, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-mekkaniżmi ta’ rimedju alternattivi jkunu disponibbli għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-utenti u d-detenturi tad-drittijiet. Tali mekkaniżmi huma utli biex jippermettu s-soluzzjoni imparzjali ta’ dawn it-tilwimiet. Iktar importanti wkoll, fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri huma obbligati li jipprovdu “rimedji ġudizzjarji effiċjenti” f’dan il-qasam. F’dan ir-rigward, fis-sentenza tagħha UPC Telekabel Wien ( 217 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, essenzjalment, li tali dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv huwa indispensabbli biex jiġi żgurat l-eżerċizzju, online, tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni.

180.

Madankollu, għalkemm dawn il-garanziji proċedurali huma importanti, ma humiex suffiċjenti waħedhom biex jiggarantixxu “bilanċ xieraq” bejn id-dritt tal-awtur u l-libertà tal-espressjoni tal-utenti.

181.

Fl-ewwel lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Qorti EDB, l-eżistenza ta’ tali garanziji proċedurali ma jeżentawx lill-awtoritajiet pubbliċi milli jissorveljaw li jimminimizzaw l-effett kollaterali ta’ miżura ta’ filtrazzjoni u ta’ bblukkar. Dawn huma rekwiżiti distinti u kumulattivi.

182.

Fil-fatt, dawn iż-żewġ qrati ddeċidew ripetutament li kull miżura ta’ filtrazzjoni u bblukkar għandha tkun “mmirat[a] b’mod strett”, fis-sens li għandha tkun immiratalejn il-kontenut illegali u ma jkollhiexx effett arbitrarju jew eċċessiv fuq il-kontenut legali ( 218 ). Fis-sentenza tagħha L’Oréal et ( 219 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-istess sens, li l-miżuri ta’ monitoraġġ imposti fuq l-intermedjarju ma għandhomx joħolqu ostakli għall-użu legali tas-servizz tiegħu. Fl-aħħar nett, fis-sentenza tagħha UPC Telekabel Wien ( 220 ), hija ddeċidiet li miżura ta’ bblukkar ma għandhiex “ma []ċaħħ[a]d[]x inutilment” lill-utenti tal-internet mill-possibbiltà li jikkondividu l-informazzjoni b’mod legali u li jkollhom aċċess għaliha.

183.

Din il-ġurisprudenza ma timplikax li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni jipprekludi tali miżuri peress li dawn jistgħu jinvolvu l-inqas tip ta’ bblukkar ta’ kontenut legali. Il-kelma “inutilment”, użata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tirrifletti, fil-fehma tiegħi, l-idea li skontha l-effikaċità tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet tista’ tiġġustifika ċerti każijiet ta’ “bblukkar eċċessiv”.

184.

Madankollu, anki hemmhekk, irid ikun hemm “bilanċ xieraq” bejn l-effikaċità tal-filtrazzjoni u l-effett kollaterali tiegħu. Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, wieħed ma jistax, f’soċjetà demokratika, jeżiġi effikaċità assoluta – u b’dan, “riskju xejn” fir-rigward tal-possibbli ksur tad-drittijiet tal-awtur - meta dan ikollu bħala effett li jibblokka numru mhux negliġibbli ta’ kontenut legali ( 221 ).

185.

Il-Gvern Franċiż jirribatti li, skont l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, il-miżuri ta’ filtrazzjoni li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni għandhom jużaw, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, peress li huma “mmirati b’mod strett” għall-kontenut li jirriproduċi kompletament jew parzjalment xogħlijiet u oġġetti oħra protetti identifikati mid-detenturi tad-drittijiet.

186.

Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenzi Scarlet Extended u SABAM, li sistema ta’ filtrazzjoni li tibblokka b’mod sistematiku l-kontenut li jagħmel użu leġittimu ta’ oġġetti protetti twassal għal preġudizzju sproporzjonat għal-libertà tal-espressjoni u ta’ informazzjoni ( 222 ) –Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ preċiżament minħabba li l-effett kollaterali ta’ tali filtrazzjoni huwa kbir wisq biex ikun kompatibbli ma’ din il-libertà - u dan, indipendentement mill-punt dwar jekk l-utenti milquta jibbenefikawx minn dritt ta’ rimedju kontra l-ibblukkar tal-informazzjoni tagħhom, aspett li l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas biss semmiet f’dawn is-sentenzi.

187.

Hemm raġunijiet tajbin għal dan. F’dan il-każ, min-naħa, l-ibblukkar preventiv tal-kontenut kollu li jirriproduċu x-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet ikollu bħala effett li jitfa’ sistematikament il-piż tan-nuqqas ta’ azzjoni fuq l-utenti, peress li t-tixrid tal-kontenut leġittimu ma jistax iseħħ mingħajr ma dawn iressqu ilment b’suċċess. Kieku dawn l-utenti kellhom sistematikament jinvokaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-mekkaniżmu tat-tressiq tal-ilment, huwa probabbli ferm li parti sinjifikattiva minnhom jirrinunzjaw li jagħmlu dan, fin-nuqqas partikolarment, ta’ tagħrif suffiċjenti biex jevalwaw jekk l-użu li huma jagħmlu ta’ dawn l-oġġetti huwiex leġittimu u jekk, għaldaqstant, jeżistux raġunijiet biex iressqu tali lment ( 223 ). L-“ibblukkar eċċessiv” preventiv ta’ dawn l-użi leġittimi kollha, u u l-qlib sistematiku fuq l-utenti tar-responsabbiltà li juru din il-leġittimità, jirriskja għaldaqstant li joħloq, fiż-żmien qasir jew twil, “chilling effect” fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-kreazzjoni, li tkun riflessa fi tnaqqis fl-attività ta’ dawn l-istess utenti ( 224 ).

188.

Min-naħa l-oħra, l-iskambju ta’ informazzjoni online huwa kkaratterizzat, b’mod partikolari, bil-ħeffa tiegħu. Ċerti tipi ta’ kontenut imtella’ fuq is-servizzi tal-kondiviżjoni isir tiftix għalih mill-pubbliku għal perijodu qasir, b’mod partikolari dak li jirreferi għall-aħbarijiet ( 225 ). Għaldaqstant, dan il-kontenut isir, spiss, antik wara ftit jiem. Meta t-tqegħid online ta’ tali kontenut jiġi ttardjat minħabba l-ibblukkar ex ante b’mod sistematiku, dan jirriskja li jtellfu kull attwalità u kull interess għall-pubbliku. Għaldaqstant, b’kuntrast mal-Gvern Spanjol u Franċiż, jidhirli li tali bblukkar sistematiku ikun partikolarment problematiku, anki jekk dan ikun “temporanju” biss, peress li r-reintegrazzjoni eventwali tal-kontenut fi tmiem l-eżami tal-ilmenti tal-utenti ma tippermettix li jiġi rranġat id-dannu kkawżat għal-libertà tal-espressjoni ta’ dawn tal-aħħar ( 226 ).

189.

Fit-tieni lok, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti, fil-ġurisprudenza reċenti tagħha, dwar in-neċessità li “[jit]ħar[e]s[] l-effett utli” tal-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, fid-dawl tal-importanza tagħhom biex jinżamm “bilanċ ġust” bejn id-drittijiet u interessi inkwistjoni, b’mod partikolari meta huma intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tal-libertà tal-espressjoni – bħalma huwa l-każ tal-użu għal skopijiet ta’ kwotazzjoni, kritika jew riċensjoni u l-użu għal skopijiet ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ ( 227 ).

190.

Madankollu, preċiżament, sabiex “jitħares l-effett utli” ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li wieħed jiżgura li l-miżuri preventivi meħudin skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jostakolawx b’mod sistematiku d-dritt tal-utenti li jagħmlu użu minnhom. Jekk id-detenturi tad-drittijiet għandhom, fl-ambjent diġitali, possibbiltajiet ta’ monitoraġġ tal-oġġetti protetti tagħhom li ma hemmx bħalhom fid-“dinja reali” – peress li l-għodod tar-rikonoxximent tal-kontenut jagħtuhom virtwalment il-mezzi li jipprevjenu l-użi kollha ta’ dawn l-oġġetti, inkluż dawk li ma jaqgħux taħt il-monopolju tagħhom, kif inhi l-parodija –, jeħtieġ li dawn l-istess eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet jiġu protetti daqstant ieħor. Il-periklu, f’dan ir-rigward, huwa li protezzjoni massima ta’ ċerti kreazzjonijiet intellettwali ssir bi ħsara għal forom oħra ta’ kreazzjoni daqstant soċjalment mixtieqa ( 228 ).

191.

Jirriżulta minn dak kollu suespost, fil-fehma tiegħi, li skont qari konġunt tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u tal-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790, il-miżuri ta’ filtrazzjoni li l-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni huma obbligati li jimplimentaw għandhom ikun konformi ma’ żewġ obbligi kumulattivi: huma għandhom jippruvaw jipprevjenu t-tqegħid online ta’ kontenut li jirriproduċi b’mod illegali x-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li ma jipprevjenux id-disponibbiltà tal-kontenut li jirriproduċi dawn l-oġġetti b’mod legali.

192.

B’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma jistgħux “japplikaw kull miżura disponibbli” biex jipproteġu d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tad-detenturi tad-drittijiet ( 229 ). L-“aħjar sforzi” u d-“ diliġenza professjonali” li għandhom juru f’dan ir-rigward għandhom jinqraw fid-dawl tal-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790. Peress li dawn il-fornituri jinsabu f’pożizzjoni professjonali bilaterali meta mqabbla mal-utenti u mad-detenturi tad-drittijiet, huma għandhom jaġixxu “diliġentement” fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ kategoriji.

193.

L-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790 jobbliga għaldaqstant lil dawn il-fornituri – imma wkoll lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri, meta jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu ( 230 ) – sabiex jikkunsidraw l-effett kollaterali tal-miżuri ta’ filtrazzjoni li huma jimplimentaw ( 231 ). Huma ma jistgħux għaldaqstant jibblukkaw preventivament u sistematikament il-kontenut li jaqa’, b’mod partikolari taħt l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur. Huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, ex ante, ir-rispett tad-drittijiet tal-utenti. Nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tafferma mingħajr ekwivoku, fis-sentenza futura tagħha, li din hija l-interpretazzjoni tajba ta’ dan l- artikolu 17.

– Il-projbizzjoni tal-obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ (paragrafu 8)

194.

Il-paragrafu 8 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jipprovdi li “[l]-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex twassal għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ”. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jinqraw ukoll fid-dawl ta’ dan il-paragrafu.

195.

Issa, bil-fatt li afferma mill-ġdid il-projbizzjoni ta’ tali “obbligu” ( 232 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-fehma tiegħi, ipprovda garanzija sinjifikattiva oħra għal-libertà tal-espressjoni. Fil-fatt, din il-projbizzjoni tiddelimita l-portata tal-miżuri ta’ filtrazzjoni li wieħed jista’ jistenna minn kull fornitur intermedjarju u, f’dan il-każ, mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni.

196.

F’dan ir-rigward, jista’ jittieħed xi tagħlim mis-sentenza Glawischnig-Piesczek, li semmejt iktar qabel ( 233 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li interpretat l-imsemmija projbizzjoni, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, ikkunsidrat li l-operatur ta’ netwerk soċjali seta’ jiġi impost lilu, permezz ta’ ordni ġudizzjarja, l-obbligu li jfittex u jibblokka, fost l-informazzjoni mqiegħda online fuq dan in-network, “informazzjoni preċiża […] li l-kontenut tagħha jkun ġie analizza[t] u evalwat minn qorti kompetenti […] li, wara li jkun analizzaha, jiddikjaraha illegali” ( 234 ). Il-qorti setgħet għaldaqstant teżiġi minn dan l-operatur li dan jibblokka l-aċċess għall kull informazzjoni identika għal din. L-ordni setgħet ukoll testendi għall-informazzjoni ekwivalenti, inkwantu l-imsemmi operatur ma huwiex obbligat jipproċedi għal “evalwazzjoni awtonoma” tal-legalità tagħha u jista’, min-naħa l-oħra, “jirrikori għal tekniki u għal mezzi ta’ tfittix awtomatizzati” ( 235 ).

197.

Minn dan jirriżulta, b’mod ġenerali, li, għalkemm il-fornituri intermedjarji huma, mill-aspett tekniku, f’pożizzjoni tajba biex jiġġieldu kontra l-preżenza ta’ ċerta informazzjoni illegali mxerrda permezz tas-servizzi tagħhom ( 236 ), wieħed ma jistax jippretendi mingħandhom li huma jagħmlu “evalwazzjonijiet awtonomi” tal-legalità tal-informazzjoni inkwistjoni. Dawn il-fornituri intermedjarji ġeneralment ma għandhomx l-ispeċjalizzazzjoni u fuq kollox l-indipendenza neċessarja - a fortiori meta hemm il-piż tat-theddid ta’ responsabbiltà tqila ( 237 ). Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu ttrasformati f’arbitri tal-legalità online, responsabbli milli jsolvu kwistjonijiet legali kumplessi ( 238 ).

198.

Konsegwentement, sabiex jimminimizza r-riskju tal-“ibblukkar eċċessiv” u, għaldaqstant, jiggarantixxi r-rispett tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, fornitur intermedjarju jista’, fil-fehma tiegħi, ikun obbligat biss li jiffiltra u jibblokka l-informazzjoni li l-illegalità tagħha, minn qabel, tkun ġiet ikkonstatata minn qorti jew, fin-nuqqas, l-informazzjoni li n-natura illegali tagħha hija imposta mill-bidu, jiġifieri manifesta, mingħajr, b’mod partikolari, li jkun neċessarju li jikkontestwalizzaha ( 239 ).

199.

Nosserva, barra minn hekk, li l-obbligi ta’ monitoraġġ li l-Qorti EDB, fis-sentenza tagħha Delfi A.S. vs L-Estonja, ikkunsidrat bħala ġġustifikati kienu jikkonċernaw l-informazzjoni manifestament illegali ( 240 ). Fil-ġurisprudenza sussegwenti tagħha, il-Qorti EDB ippreċiżat li, fir-rigward ta’ informazzjoni li n-natura illegali tagħha ma hijiex manifesta u tirrikjedi analiżi kuntestwali, ma jistax jintalab l-istess monitoraġġ ( 241 ). Għal dan l-aħħar tip ta’ informazzjoni, notifika debitament motivata, li tipprovdi elementi tal-kuntest ta’ natura li trendi l-illegalità apparenti, jew saħansitra, meta notifika simili ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward, ordni ġudizzjarja, hija neċessarja biex tikseb l-irtirar.

200.

B’mod speċifiku, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando ( 242 ), trasposta għall-qasam tad-drittijiet tal-awtur, jirriżulta mis-sentenza Glawischnig-Piesczek li, għalkemm skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 fornitur intermedjarju ma jistax jiġi mġiegħel jagħmel filtrazzjoni ġġeneralizzata tal-informazzjoni li huwa jaħżen fit-tfittxija ta’ kwalunkwe ksur, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix, a priori, li dan il-fornitur jiġi mġiegħel jagħmel ibblokkar ta’ fajl preċiż, li jagħmel użu minn xogħol protett, ikkonstatat minn qabel minn qorti. L-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix, f’dan il-kuntest, li fornitur ikun marbut jidentifika u jibblokka mhux biss il-kopji identiċi ta’ dan il-fajl, iżda wkoll fajls ekwivalenti oħra, jiġifieri, dawk li jagħmlu użu simili mix-xogħol inkwistjoni.

201.

Din l-interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, trasponibbli, mutatis mutandis għall-Artikolu 17(8) tad-Direttiva 2019/790. Safejn, fis-sistema tal-Artikolu 17, in-natura illegali tal-kontenut li għandu jiġi ffiltrat ma tkunx ġiet ikkonstatata minn xi qorti, wieħed jista jaġixxi, skont dak li ġie spjegat fil-punt 198 ta’ dawn il-konklużjonijiet, biex ifittex biss il-kontenut li, fid-dawl tal-informazzjoni provduta mid-detenturi tad-drittijiet, jidhru manifestament bħala kontrafazzjonijiet. Skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati, moqrija fid-dawl ta’ dan il-paragrafu 8, il-miżuri ta’ filtrazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni huma obbligati jużaw, skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandhom għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, jkunu limitati għall-kontenut li huwa “identiku” jew “ekwivalenti” għax-xogħlijiet u oġġetti protetti oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet ( 243 ).

202.

L-ewwel kategorija msemmija fil-punt preċedenti tirrigwarda, b’mod konkret, ir-riproduzzjonijiet identiċi, mingħajr elementi supplimentari jew valur miżjud, tax-xogħlijiet u oġġetti protetti oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet. It-tieni waħda tirrigwarda kontenut li jirriproduċi dawn l-oġġetti bl-istess mod, filwaqt li jkollu modifiki insinjifikattivi, b’mod li l-pubbliku ma jiddistingwiehx mill-oġġetti oriġinali (pereżempju f’każ ta’ sempliċi alterazzjonijiet tekniċi intiżi li jevitaw is-sistema ta’ filtrazzjoni, bħalma huwa t-tibdil fil-format, il-qlib jew il-modifika tal-ħeffa tal-immaġni, eċċ) ( 244 ). L-identifikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kontenut ma teżiġix mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni li dawn jagħmlu “evalwazzjoni awtonoma” tal-legalità tagħhom – il-kontrafazzjoni tkun tidher manifesta fir-rigward tal-informazzjoni “rilevanti u neċessarja” ipprovduta mid-detenturi tad-drittijiet - u tkun tista’ sseħħ bl-għajnuna ta’ “[…] tekniki u għal mezzi ta’ tfittix awtomatizzati” ( 245 ).

203.

Min-naħa l-oħra, wieħed ma jistax jeżiġi mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni li huma jiffiltraw preventivament ukoll il-kontenut li, filwaqt li jirriproduċi x-xogħlijiet u oġġetti protetti identifikati mid-detenturi tad-drittijiet, ikunu differenti sostanzjalment minn dawn tal-aħħar, bħalma huwa l-każ ta’ użi mill-ġdid ta’ estratti minn xogħlijiet f’kuntesti oħra, tal-kontenut “trasformattiv”, eċċ. li jista’ jkun kopert minn eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur. L-identifikazzjoni tal-kontrafazzjonijiet li jistgħu jinstabu fih tirrikjedi, min-naħa ta’ dawn il-fornituri, “evalwazzjonijiet awtonomi”, peress li huma jkollhom jevalwaw il-kuntest ta’ dawn l-użi. Madankollu, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, il-kwistjonijiet kumplessi tad-dritt tal-awtur, li jirrigwardaw b’mod partikolari il-portata eżatta tal-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, ma jistgħux ikunu mitfugħa fuq l-imsemmija fornituri. Ma humiex dawn l-istess fornituri li għandhom jiddeċiedu l-limiti tal-kreattività online, billi jeżaminaw huma stess, pereżempju, jekk il-kontenut li utent ikun irid itella’ online, jissodisfax ir-rekwiżiti tal-parodija. Tali delega twassal għar-riskju ta’ “bblukkar eċċessiv” inaċċettabbli. Tali kwistjonijiet għandhom jitħallew f’idejn il-qorti.

– Il-konsegwenzi li jirriżultaw mis-suespost

204.

Jirriżulta mis-sezzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 fih garanziji suffiċjenti biex jiddelimita l-portata tal-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

205.

Min-naħa, skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma humiex awtorizzati jibblukkaw preventivament, skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati, il-kontenut kollu li jirriproduċi x-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet, inklużi dawk li jistgħu jkunu legali. Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 8 tal-imsemmi artikolu, dawn il-fornituri jkunu obbligati jidentifikaw u jibblukkaw l-kontenut li huwa “identiku” u “ekwivalenti” għal dawn l-oġġetti, jiġifieri li l-illegalità tagħhom tidher manifesta fir-rigward tal-informazzjoni “rilevanti u neċessarja” pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet. F’tali każijiet, peress li l-kontrafazzjoni hija probabbli ħafna, dan il-kontenut jista’ jkun preżunt illegali. Għaldaqstant huwa proporzjonat li dan il-kontenut jiġi bblukkat preventivament, fejn l-utenti kkonċernati jkollhom ir-responsabbiltà li juru l-legalità tiegħu – pereżempju, il-fatt li huma jkollhom liċenzja, jew li x-xogħol huwa fir-realtà fid-dominju pubbliku ( 246 ) – fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-ipproċessar tal-ilment. Fi ftit kliem, l-“aħjar sforzi” li huma obbligati jagħmlu l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati, jikkonsistu fil-blukkar ta’ dawn il-kontrafazzjonijiet manifesti ( 247 ).

206.

Min-naħa l-oħra, fis-sitwazzjonijiet ekwivoċi kollha – estratti qosra ta’ xogħlijiet riprodotti f’kontenut itwal, xogħlijiet “trasformattivi”, eċċ. – li fihom, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur tkun raġonevolment ikkontemplata, il-kontenut ikkonċernat ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżuri ta’ bblukkar preventiv.

207.

Fil-fatt, kif enfasizzaw il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-obbligu li jintlaħaq riżultat, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(7)tad-Direttiva 2019/790, biex ma jkunx prekluż it-tqegħid online ta’ kontenut leġittimu huwa, f’dan ir-rigward, iktar restrittiv mill-obbligi ta’ l-“aħjar sforzi” li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet kkontestati, li jikkostitwixxu obbligi ta’ metodi ( 248 ). Dan ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, fil-fehma tiegħi ġustament, jiżgura li, f’tali każ, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni jagħtu preferenza lil-libertà tal-espressjoni. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur ikkunsidra li “r-riżultati pożittivi foloz”, li jwasslu għall-ibblukkar ta’ kontenut legali, ikunu iktar serji mir-“riżultati negattivi foloz”, li jwasslu biex iħallu ċerta kontenut illegali biex jgħaddi.

208.

Għaldaqstant, kif sostnew il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, f’dawn is-sitwazzjonijiet ekwivoċi, il-kontenut ikkonċernat għandu jkun preżunt legali u, konsegwentement, it-tqegħid online tiegħu ma jistax jkun imxekkla.

209.

Id-diffikultà qiegħda fid-definizzjoni ta’ soluzzjonijiet prattiċi biex tiġi implimentata din id-dikotomija bl-għajnuna ta’ għodod ta’ rikonoxximent awtomatiku ta’ kontenut li, f’numru kbir ta’ sitwazzjonijiet, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ikollhom jużaw. Ir-rikorrenti sostniet, barra minn hekk, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-Direttiva 2019/790, ma pprovda ebda soluzzjoni konkreta f’dan ir-rigward.

210.

Dan premess, fil-fehma tiegħi, kien l-obbligu tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif indikajt, li jipprovdi s-sustanza tal-garanziji neċessarji biex inaqqas kemm jista’ jkun ir-riskji fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. Min-naħa l-oħra, kif sostna l-Kunsill, f’qasam li jimplika li jittieħdu miżuri tekniċi, bħalma huwa dak inkwistjoni f’din il-kawża, u meħud kont tal-fatt li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 japplika għal tipi differenti ta’ fornituri, ta’ servizzi u ta’ oġġetti protetti, huma l-Istati Membri u l-Kummissjoni li għandhom jikkonkretizzaw il-modalitajiet ( 249 ).

211.

Fil-prattika, dawn is-soluzzjonijiet ser jikkonsistu filli jiġu integrati, fl-għodod tar-rikonoxximent tal-kontenut, parametri li jippermettu li jgħinu biex jintgħażel dak li hu manifest minn dak li hu ekwivoku. Dan jista’ jvarja skont it-tipi ta’ oġġetti protetti u ta’ eċċezzjonijiet inkwistjoni. Dan ifisser, pereżempju, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ xebh identifikat b’dawn l-għodod, kif ukoll li jiġu ffissati limiti li malli jinqabżu l-ibblukkar awtomatiku ta’ xi kontenut ikun iġġustifikat, u li taħt dawn il-limiti, tkun ikkontemplata raġonevolement l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni, bħalma hija l-kwotazzjoni ( 250 ). Tali soluzzjoni tista’ tkun akkumpanjata b’mekkaniżmu li tippermetti lill-utenti li jindikaw (flagging), waqt jew immedjatament wara t-tqegħid online, jekk, skonthom, huma jibbenefikawx minn eċċezzjoni jew limitazzjoni, ħaġa li timplika, għall-fornitur ikkonċernat, li janalizza manwalment il-kontenut inkwistjoni sabiex jivverifika jekk l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni hijiex manifestament eskluża jew, min-naħa l-oħra, raġonevolment ikkontemplata ( 251 ).

212.

B’mod ġenerali, fir-rigward tat-tipi differenti ta’ fornituri, ta’ servizzi u ta’ xogħlijiet jew oġġetti protetti, id-definizzjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet prattiċi la tista’ titħalla f’idejn l-imsemmija fornituri u lanqas, b’kuntrast ma’ dak li jsostni l-Gvern Franċiż, titħalla kompletament f’idejn id-detenturi tad-drittijiet ( 252 ). Fid-dawl tal-importanza tal-imsemmija soluzzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni tal-utenti, dawn ma għandhomx jiġu ddefiniti b’mod opak minn dawn il-partijiet privati biss, imma b’mod trasparenti taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi.

213.

Fil-fehma tiegħi, huwa preċiżament hawn li tidħol l-utilità tad-djalogu bejn il-partijiet rilevanti msemmi mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 17(10) tad-Direttiva 2019/790. Din id-dispożizzjoni tipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, li torganizza d-djalogi bejn il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra sabiex teżamina l-“aħjar prattiki għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet”. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni għandha toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 17, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-mod ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. F’dan il-proċess, għandha “titqies [tingħata attenzjoni partikolari]” għall-“ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u l-użu tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-partijiet rilevanti, hija obbligata tipproponi soluzzjonijiet prattiċi li jippermettu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, in osservanza tal-paragrafi 7 u 8 tal-imsemmi artikolu 17 ( 253 ).

214.

Fl-aħħar nett, nippreċiża li, kif issostni l-Kummissjoni, u bi qbil ma’ dak li indikajt fil-punt 183 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-obbligu previst fl-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790 ma jfissirx li l-mekkaniżmi li jkunu jwasslu għal numru negliġibbli ta’ każijiet ta’ “riżultati pożittivi foloz” ikunu awtomatikament jiksru din id-dispożizzjoni. Madankollu, ir-rata ta’ żbaljar għandha tkun l-iktar baxxa possibbli. Minn dan isegwi li, fil-każijiet fejn ma jkunx possibbli, fl-istat attwali tat-teknoloġija, fir-rigward pereżempju ta’ ċerti tipi ta’ xogħlijiet u oġġetti protetti, li tintuża għodda ta’ filtrazzjoni awtomatika mingħajr ma twassal għal rata mhux negliġibbli ta’ “riżultati pożittivi foloz”, l-użu ta’ tali għodda jkollha, fil-fehma tiegħi, tkun eskluża skont dan il-paragrafu 7 ( 254 ).

215.

L-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet ma hijiex affettwata mill-argument tal-Gvern Spanjol u dak Franċiż li skonthom ikun imperattiv li jiġi bblukkat preventivament il-kontenut kollu li jirriproduċi kompletament jew parzjalment l-oġġetti protetti identifikati mid-detenturi tad-drittijiet sabiex jiġi eliminat kull riskju ta’tixrid ta’ kontenut illegali fuq servizz ta’ kondiviżjoni, peress li tali tixrid huwa suxxettibbli li jikkawżalhom dannu “irreparabbli”, meħud kont tal-ħeffa tal-iskambju tal-informazzjoni fuq l-internet.

216.

Fil-fatt, għalkemm, f’għajnejja, ir-riskju ta’ dannu serju u imminenti ġġenerat minn tentattiv ta’ tqegħid online ta’ kontenut manifestament ta’ kontrafazzjoni huwa tali li jiġġustifika miżura ta’ bblukkar preventiv ta’ dan il-kontenut ( 255 ), l-imsemmija detenturi ma jistgħux jeħtieġu “riskju xejn” fir-rigward ta’ possibbli ksur tad-drittijiet tagħhom, kif jien indikajt fil-punt 184 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ikun sproporzjonat li jiġu applikati tali miżuri għall-każijiet kollha, iktar dubjużi, ta’ danni potenzjali, eventwalment ikkawżati, pereżempju, b’kontenut “trasformattiv” li jista’ jaqa’ jew ma jaqax fil-qafas tal-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, li ma humiex f’kompetizzjoni diretta mal-oġġetti protetti oriġinali ( 256 ). Għal dawn is-sitwazzjonijiet, l-adozzjoni ta’ tali miżuri preventivi tkun tirriskja, min-naħa l-oħra, li jiġu kkawżati danni “irreparabbli” għal-libertà tal-espressjoni, għar-raġunijiet li spjegajt fil-punt 188 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

217.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, “li bl-ebda mod ma jirriżulta mill-Artikolu 17(2) tal-Karta li d-dritt tal-proprjetà intellettwali huwa invjolabbli u li, għaldaqstant, il-protezzjoni tiegħu għandha neċessarjament tkun ggarantita b’mod assolut” ( 257 ).

218.

Mill-bqija, l-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet ma tħallix lid-detenturi tad-drittijiet mingħajr protezzjoni għal dak li jikkonċerna dan il-kontenut ekwivoku. Ma hijiex kwistjoni li terġa’ tiġi riveduta l-portata tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku bħala tali ( 258 ). Fil-fatt, il-fatt li ċerta kontenut li jirriproduċi b’mod legali x-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra tagħhom ma huwiex ibblukkat fil-mument tat-tqegħid online ma jipprekludix lil dawn id-detenturi tad-drittijiet, b’mod partikolari ( 259 ), li jitolbu t-tneħħija kif ukoll l-ibblukkar permanenti tal-kontenut inkwistjoni permezz ta’ notifika, skont l-Artikolu 17(4)(c) tad-Direttiva 2019/790 ( 260 ), li jkun fiha spjegazzjonijiet raġonevoli dwar il-motivi li għalihom, pereżempju, l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni għandha tiġi eskluża ( 261 ). Il-fornitur ikkonċernat ikollu, min-naħa tiegħu, jeżamina din in-notifika b’mod diliġenti u jiddeċiedi jekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi ġodda, l-illegalità hijiex apparenti ( 262 ). Jekk wieħed jipotizza li dan huwa l-każ, il-fornitur ikkonċernat ikollu, taħt piena li jidħol responsabbli, jibblokka mill-ewwel l-aċċess għall-kontenut jew ineħħieh mis-sit internet tiegħu. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790 ( 263 ) li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippreveda li, f’ċerti każijiet, dan il-mod huwa l-unika wieħed li jippermetti li jiġi ggarantit li kontenut partikolari ma jkunx disponibbli. Fil-każ fejn l-illegalità ma tkunx apparenti fir-rigward ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, minħabba li l-kontenut inkwistjoni jqajjem kwistjonijiet legali kumplessi u/jew ġodda fil-qasam tad-dritt tal-awtur, l-intervent tal-imħallef, l-uniku kompetenti biex jiddeċiedi tali kwistjonijiet, huwa fil-prinċipju neċessarju. Jerġa’ jkun il-kompitu għad-detenturi tad-drittijiet li jadixxu awtorità ġudizzjarja, abbażi b’mod partikolari fuq l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, sabiex din l-awtorità tiddeċiedi fuq dan il-kontenut u, jekk nissoponu li jkun illegali, tordna l-ibblukkar tiegħu.

219.

Kif ġustament irrimarka l-Parlament, dan jiżgura “bilanċ xieraq” bejn il-proċeduri imposti fuq l-utenti, f’ċerti każijiet, biex jiksbu t-tqegħid online tal-kontenut tagħhom – u dawk mitluba mid-detenturi tad-drittijiet – f’każijiet oħra, biex jiksbu t-tneħħija tiegħu ( 264 )

4.   Konklużjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-limitazzjoni inkwistjoni mal-Karta

220.

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u ta’ informazzjoni, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, bħal dawk interpretati f’dawn il-konklużjonijiet, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Din il-limitazzjoni hija għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, kompatibbli ma’ dan l-istrument. Konsegwentement, ir-rikors tar-Repubblika tal-Polonja għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud ( 265 ).

C. Post-scriptum

221.

Wara l-formulazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, matul it-traduzzjoni tagħhom mis-servizzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippubblikati żewġ dokumenti importanti.

222.

Minn naħa, is-sentenza Youtube u Cyando ( 266 ) ġiet deċiża. Ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza fir-rigward tad-Direttivi 2000/31 u 2001/29, li ma nistax neżamina fid-dettall hawnhekk, ma jqajjimx dubji, fil-fehma tiegħi, dwar il-kunsiderazzjonijiet żviluppati f’dawn il-konklużjonijiet ( 267 ).

223.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ( 268 ). Essenzjalment, dawn jirriproduċu dak li l-Kummissjoni kienet sostniet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u jirriflettu l-ispjegazzjonijiet li jidhru fil-punti 158 sa 219 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, l-imsemmija linji gwida jindikaw ukoll, b’mod ġdid, li d-detenturi tad-drittijiet għandhom ikollhom il-possibbiltà li “jirriżervaw”(earmark) l-oġġetti li t-tqegħid online tagħhom mhux awtorizzat ikun “jista’ tikkawżalhom dannu ekonomiku sinjifikattiv”. Dawn il-fornituri għandhom jagħtu prova ta’ diliġenza partikolari fid-dawl tal-imsemmija oġġetti. Għadu indikat li dawn tal-aħħar ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom tal-“aħjar sforzi” jekk huma kienu jippermettu t-tqegħid online tal-kontenut li jirripruduċi dawn l-istess oġġetti minkejja tali “riżervi”. Jekk dan għandu jiġi inkluż fis-sens li dawn l-istess fornituri għandhom jibblukkaw ex ante kontenut dwar sempliċi allegazzjoni ta’ riskju ta’ dannu ekonomiku importanti mid-detenturi tad-drittijiet – il-linji gwida ma fihomx kriterju ieħor li jillimita oġġettivament il-mekkaniżmu ta’ “riżerva” għal każijiet partikolari ( 269 ) -, minkejja dan il-kontenut ma jkunx manifestament kontrafatt, ma nistax nissottoskrivi, ħlief li nerġa’ lura fuq il-kunsiderazzjonijiet kollha esposti f’dawn il-konklużjonijiet.

VI. Fuq l-ispejjeż

224.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk ikun hemm talba f’dan is-sens. Peress li, fil-fehma tiegħi, ir-rikors tar-Repubblika tal-Polonja għandu jiġi miċħud u li l-Parlament u l-Kunsill għamlu talba f’dan is-sens, dan l-Istat Membru għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Madankollu, il-Gvern Spanjol u Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli.

VII. Konklużjoni

225.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors tar-Repubblika tal-Polonja;

tikkundanna lil dan l-Istat Membru għall-ispejjeż, u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2019, L 130, p. 92.

( 3 ) Ser nuża mingħajr distinzjoni l-kliem “mqiegħda online” jew “imtella’” biex nindika l-proċess li bih il-kontenut elettroniku isir aċċessibbli lill-pubbliku fuq is-siti internet jewl-applikazzjonijiet għal tagħmir intelliġenti assoċjati ma’ dawn is-servizzi tal-kondiviżjoni tal-kontenut online.

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 25, p. 399).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 230).

( 6 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011 (C‑70/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Scarlet Extended, EU:C:2011:771).

( 7 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 2012 (C‑360/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza SABAM, EU:C:2012:85).

( 8 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019 (C‑18/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Glawischnig-Piesczek, EU:C:2019:821).

( 9 ) Nippreċiża s’issa, wara l-formulazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, matul it-traduzzjoni tagħhom, minn naħa, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503) ġiet deċiża u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 (communication from the Commission to the European Parliament and the Counsil, “Guidance on Article 17 of Directive 2019/790 on Copyright in the Digital Single Market”, 4 ta’ Ġunju 2021 (COM (2021) 288 finali)). Fid-dawl tal-istadju avvanzat li fih kienu jinsabu dawn il-konklużjonijiet, illimitajt ruħi li neżamina dawn iż-żewġ dokumenti f’post scriptum, li l-qarrej se jsib fil-punti 221 et seq. tal-imsemmija konklużjonijiet.

( 10 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2016) 593 finali) (iktar ’il quddiem il-“Proposta għal Direttiva”).

( 11 ) Ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva, p. 2 u 3.

( 12 ) Ara l--Proposta għal Direttiva p. 3 u l-“Commission Staff Working Document, impact assessment on the modernisation of EU copyright rules”, (SWD (2016) 301 finali) (iktar ’il quddiem “analiżi tal-impatt”), parti 1/3, p. 137 sa 141.

( 13 ) Ara, għal dak li jikkonċerna l-pjattaforma YouTube, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-Kawżi magħquda YouTube u Cyando, EU:C:2020:586, punti 14 sa 18).

( 14 ) Pereżempju, diversi mijiet ta’ eluf ta’ vidjos jiġu hekk ippubblikati kuljum fuq YouTube mill-utenti ta’ din il-pjattaforma li huwa, skont Google, iktar minn 1.9 biljuni. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 43).

( 15 ) Ara analiżi tal-impatt, parti 1/3, p. 137, 139 u 142 kif ukoll il-parti 3/3, anness 12B.

( 16 ) L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 fih għaldaqstant, strettament, “dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku” u “dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku”. Madankollu, peress li l-ewwel wieħed jinkludi lit-tieni wieħed, ser nuża, għall-konvenjenza, il-kelma “komunikazzjoni lill-pubbliku” biex nindika, mingħajr distinzjoni, dawn iż-żewġ drittijiet.

( 17 ) Ara l-elenku li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29, riprodott fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Strettament, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/29 jirrikonoxxi biss lid-detenturi tad-drittijiet relatati dritt esklużiv “li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku” tal-oġġetti protetti tagħhom. Id-dritt ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens strett huwa rikonoxxut lilhom fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28). Għal ċerti detenturi ta’ drittijiet relatati, dan l-aħħar dritt huwa dritt esklużiv; għal oħrajn dan huwa biss dritt għal remunerazzjoni. Dan premess, dawn il-varjazzjonijiet ma humiex importanti għal din il-kawża. Jien ser nillimita ruħi biex insemmi l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.

( 19 ) Ħlief għall-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur (ara l-punt 144 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2019, Spedidam (C‑484/18, EU:C:2019:970, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punti 53 sa 93).

( 22 ) L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 japplika b’mod orizzontali għal kwalunkwe tip ta’ kontenut u ta’ responsabbiltà, ikun x’ikun il-qasam tad-dritt ikkonċernat (proprjetà intellettwali, defamazzjoni, mibegħda online, eċċ). Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 138 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ-il paġna 128).

( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punti 132 sa 168).

( 24 ) Hija wasslet li tagħmel dan, f’ċertu miżura, fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, (C‑682/18 u C-683/18, EU:C:2021:503). Ara, fuq din is-sentenza, punt 222 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara analiżi tal-impatt, parti 1/3, p. 140.

( 26 ) Ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva, p. 3.

( 27 ) Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Ara l-Proposta għal Direttiva t-tielet paragrafu tal-premessa 38, u l-premessa 39 kif ukoll l-Artikolu 13(1)..

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, il-petizzjoni “Stop the censorship-machinery! Save the Internet!”, (aċċessibbli fl-indirizz https://www.change.org/p/european-parliament-stop-the-censorship-machinery-save-the-internet). Ara wkoll Kaye D., “Mandate of the Special Rapporteur on the promotion and protection of the right to freedom of opinion and expression”, 13 ta’ Ġunju 2018, kif ukoll “Open Letter to Members of the European Parliament and the Council of the European Union: The Copyright Directive is failing”, 26 ta’ April 2018, Nazzjonijiet Uniti.

( 30 ) L-adozzjoni tad-Direttiva 2019/790 ma seħħitx b’unanimità. Waqt il-vot finali fil-Kunsill, sitt Stati Membri (ir-Repubblika Taljan, il-Gran Dukat ta’ Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika ta’ Polonja, ir-Repubblika ta’ Finlandja u r-Renju tal-Isvezja) opponew għat-test, filwaqt tliet Stati Membri (ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika ta’ Slovenja) astjenew (ara Dokument 8612/19, tas-16 ta’ April 2019, “Riżultat tal-vot, DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (l-ewwel qari)”, aċċessibbli fl-indirizz https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8612-2019-INIT/mt/pdf.). Barra minn hekk, diversi Stati Membri indikaw, f’dikjarazzjonijiet differenti, il-biżgħat tagħhom fir-rigward tal-effetti ta’ din id-direttiva fuq id-drittijiet tal-utenti (ara dikjarazzjoni konġunta tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Lussemburgu, tal-Polonja, tal-Italja u tal-Finlandja, dikjarazzjoni tal-Estonja u dikjarazzjoni tal-Ġermanja, disponibbli fuq http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7986-2019-ADD-1-REV-2/MT/pdf).

( 31 ) Id-Direttiva 2019/790 ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Mejju 2019. Hija daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ġunju tal-istess sena (ara l-Artikoli 29 u 31 ta’ din id-direttiva).

( 32 ) Għall-konvenjenza, jiena ser nirreferi għall-“fornitur tas-servizzi tal-kondiviżjoni”.

( 33 ) Il-premessa 62 tad-Direttiva 2019/790 tippreċiża wkoll li l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” huwa mmirat lejn is-servizzi li “għandhom rwol importanti fis-suq tal-kontenut online billi dawn jikkompetu ma’ servizzi tal-kontenut online oħrajn, bħas-servizzi ta’ streaming awdjo u vidjo online, għall-istess udjenzi”, ħaġa li tirrifletti l-argument miġbur fil-qosor fil-punt15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) It-tieni paragrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/790 fih lista mhux eżawrjenti ta’ fornituri ta’ servizzi li għalihom l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva ma għandux japplika.

( 35 ) Din ir-responsabbiltà ma tissostitwixxix, iżda tiżdied ma’ dik tal-utenti li jtellgħu l-kontenut, li jwettqu huma stess atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” distinti. Ara, madankollu, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 265 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Il-premessa 64 tad-Direttiva 2019/790 tindika li din kienet “kjarifika”. Fir-realtà, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa mill-ġdid il-portata tad-dritt ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 għall-iskopijiet (biss) tal-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu 17. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Youtube u Cyando (punti 250 sa 255).

( 37 ) Premessa 3 tad-Direttiva 2019/790.

( 38 ) Ara l-premessa 61 tad-Direttiva 2019/790.

( 39 ) Ara l-premessa 61 tad-Direttiva 2019/790, li tippreċiża li “billi l-libertà kuntrattwali jenħtieġ li ma tiġix affettwata minn dawk id-dispożizzjonijiet, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħtu awtorizzazzjoni jew jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzjar”.

( 40 ) Kif jippreċiża t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2019/790, dan ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 14 għall-fornituri ta’ servizzi tal-kondiviżjoni għal skopijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punti 141 sa 168), il-fornituri involuti jibbenefikaw fil-fehma tiegħi, f’każijiet oħra, mill-eżenzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 14. Kif issostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2019/790 huwa għaldaqstant lex specialis meta mqabbel ma’ dan l-istess artikolu 14.

( 41 ) B’dawn il-kliem wieħed għandu jifhem li: il-fornituri huma responsabbli għall-atti “illegali” ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, jiġifieri l-atti mhux awtorizzati li għalihom ma tapplika ebda eċċezzjoni jew limitazzjoni (ara l-punti 143 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 42 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punti 100 u 101).

( 43 ) Ara l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 2, p. 32).

( 44 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punti 73 sa 78).

( 45 ) Qabelxejn, kull detentur tad-drittijiet ma jkunx jixtieq jawtorizza l-użu tax-xogħlijiet u oġġetti protetti tiegħu fuq dawn is-servizzi. Imbagħad, filwaqt li jkun relattivament faċli għall-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni li jikkonkludu, jekk ikun il-każ, liċenzji mal-“Majors” jew l-organi ta’ ġestjoni kollettiva, dan ikun iktar kumpless fir-rigward tas-sensiela ta’ detenturi ta’ drittijiet “żgħar” u tal-awturi individwali. Fl-aħħar nett, ma’ din il-kumplessità jiżdied il-fatt li l-kontenuti mqiegħda online fuq is-servizzi ta’ kondiviżjoni huma suxxettibbli li jinvolvu tipi diversi ta’ drittijiet differenti u li d-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati huma suġġetti għall-prinċipju ta’ territorjalità. Il-liċenzji jaħdmu għaldaqstant abbażi ta’ “pajjiż pajjiż”, ħaġa li timmultiplika n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet li jridu jinkisbu.

( 46 ) Ara l-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790.

( 47 ) Ħlief għall-Artikolu 17(6) tad-Direttiva 2019/790, li jipprevedi kundizzjonijiet speċifiċi għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà għall-fornituri l-“ġodda” tas-servizzi tal-kondiviżjoni, li jmur lil’hinn mis-suġġett ta’ dan ir-rikors.

( 48 ) Ser nillimita l-analiżi tiegħi għaldaqstant għal dan id-dritt fundamentali, indipendentement mill-kwistjonijiet li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 jista’ jqajjem fir-rigward tad-drittijiet fundamentali l-oħra ggarantiti mill-Karta, bħalma hija l-libertà tal-intrapriża (Artikolu 16).

( 49 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, Il-Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑626/18, EU:C:2020:1000, punt 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Apparti d-definizzjoni tal-“fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” li tinsab fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2019/790, li titlef ir-raison d’être tagħha.

( 51 ) Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 (ara l-punt 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Dan premess, ċerti obbligi ta’ monitoraġġ jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri, indipendentement minn din l-eżenzjoni mir-responsabbiltà, permezz ta’ ordnijiet (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29).

( 52 ) Ara, għal iktar dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi Magħquda YouTube u Cyando (punti 173 sa 196).

( 53 ) Il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 17(4)(c) in principio, hija għaldaqstant simili għal dawk previsti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31.

( 54 ) L-obbligu tal-metodi jeżiġi mid-debitur li juża l-aħjar sforzi sabiex jilħaq riżultat, mingħajr ma jkun obbligat li jilħqu. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑250/07, EU:C:2009:338, punt 68), kif ukoll tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 53).

( 55 ) Ara t-tieni paragrafu tal-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790.

( 56 ) Għaldaqstant, l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 huwa, essenzjalment, sistema ta’ responsabbiltà minħabba n-negliġenza: il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni jinżammu responsabbli, skont din id-dispożizzjoni, meta huma ma jkunux iġġieldu b’diliġenza suffiċjenti kontra t-tqegħid online ta’ kontenut illegali mill-utenti tas-servizzi tagħhom. L-imsemmi Artikolu 17 huwa, għaldaqstant, tip ta’ struttura “ibrida” bejn ir-responsabbiltà diretta ta’ dawk li jwettqu atti illegali u r-responsabbiltà indiretta (jew “sekondarja”) tal-intermedjarji minħabba l-aġir ta’ terzi persuni. Ara, għal din id-distinzjoni, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda YouTube u Cyando (punti 64, 65, 102 u 103).

( 57 ) Ara l-analiżi tal-impatt, parti 1/3, p. 140.

( 58 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 193).

( 59 ) Ara l-analiżi tal-impatt, parti 1/3, p. 137, kif ukoll il-premessa 61 tad-Direttiva 2019/790.

( 60 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) Il-“hashing” jikkonsisti fir-rappreżentazzjoni diġitali, permezz ta’ għodda ddedikata, ta’ fajl elettroniku permezz ta’ katina unika ta’ karattri alfanumeriċi, imsejħa “hashcode”. Meta wieħed jipparaguna dan il-“hashcode” ma’ dawk tal-fajls imtella’ online fuq xi server, huwa possibbli li jiġu identifikati awtomatikament il-kopji identiċi kollha tal-fajl oriġinali li jkunu jinsabu online. Il-“watermarking” jikkonsisti fl-inklużjoni, permezz ta’ għodda ddedikata, ta’ “marka” speċifika fil-kontenut, viżibbli jew inviżibbli għall-għajn umana, li sussegwentement ikun possibbli li terġa’ tinstab sabiex jiġi identifikat il-kontenut oriġinali u l-kopji li jkunu saru tiegħu. Fl-aħħar nett, il-“marki tas-swaba diġitali” (“fingerprinting”) jikkonsistu fil-ħolqien, permezz ta’ għodda ddedikata, ta’ rappreżentazzjoni numerika unika (“marki tas-swaba”) ta’ kontenut partikolari – immaġni, fonogramma, vidjo, eċċ. – billi tiġi ridotta għal ċerti mill-elementi karatteristiċi tagħha. Meta dawn il-“marki tas-swaba” jiġu pparagunati ma’ dawk tal-fajls li jkunu jinsabu fuq server, huwa possibbli li jiġu identifikati dawk kollha li għandhom, essenzjalment, kontenut korrispondenti. Ara, għal iktar dettall, Mochon, J.-P., “Rapport de mission – Une application effective du droit d’auteur sur les plateformes numériques de partage: État de l’art et propositions sur les outils de reconnaissance des contenus”, Conseil supérieur de la propriété littéraire et artistique, 29 ta’ Jannar 2020.

( 62 ) L-għodod li jaħdmu skont it-teknika tal-“hashing” huma ta’ effikaċità limitata fil-qasam tar-rikonoxximent tal-kontenut, peress li din it-teknika tippermetti biss, kif indikajt fin-nota preċedenti, li jiġu identifikati l-kopji identiċi ta’ fajl diġitali partikolari. L-iċken alterazzjoni meta mqabbel mal-fajl oriġinali (tibdil ta’ pixel f’immaġni, eċċ) jipprekludi l-identifikazzjoni awtomatika, meta l-fajls ipparagunati jkollhom, essenzjalment kontenut identiku. Bl-istess mod, it-teknika tal-“watermarking” tippermetti biss li jiġu identifikati l-kopji ta’ fajl immarkat u tista’ faċilment tiġi evitata. Ara Mochon, J.-P., op. cit.

( 63 ) Dawn l-għodod jintużaw biex jiġu identifikati tipi oħra ta’ kontenut illegali (kontenut, pedopornografiku, malafamanti, eċċ). Ara Mochon, J.-P., op. cit.

( 64 ) L-iktar famuż, f’dan ir-rigward, huwa bla ebda dubju s-softwer “Content ID” żviluppat minn Google għal YouTube. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 22).

( 65 ) Fil-prattika, is-sistema tikkonsisti filli jinħolqu “marki tas-swaba numeriċi” tax-xogħlijiet u oġġetti oħra protetti identifikati mid-detenturi tad-drittijiet u biex dawn il-“marki tas-swaba” jitqiegħdu fuq database assoċjata mal-għodda tar-rikonoxximent. Imbagħad, permezz ta’ algoritma, il-fajls kollha mqiegħda online jiġu awtomatikati skannjati, u l-“marki tas-swaba” tagħhom jiġu pparagunati ma’ dawk f’din id-database, sabiex jiġu identifikati l-korrispondenza. L-għodod ta’ rikonoxximent permezz tal-“marki tas-swaba numeriċi” huma kapaċi li jidentifikaw tali korrispondenzi anki fuq ħin qasir (pereżempju, diversi sekondi ta’ fonogramma), jew li l-kontenut ġie mibdul sabiex tiġi evitata l-identifikazzjoni awtomatika (pereżempju, l-immaġni tal-film inqalbet, jew ġiet aċċellerata, eċċ.). Ċerta għodod, bħalma huwa l-Content ID, huma kapaċi wkoll li jirrikonoxxu mhux biss il-fonogrammi, imma wkoll il-melodiji tax-xogħlijiet li fuqhom dawn ikunu bbażati. Ara Mochon, J.-P., op. cit.

( 66 ) Ara, għal iktar dettall dwar dawn l-għodod u l-fornituri tagħhom, l-analiżi tal-impatt, parti 3/3, p. 164 sa 172 u Mochon, J.-P., op. cit.

( 67 ) Ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 68 ) Ara l-analiżi tal-impatt, parti 1/3, p. 140 sa 144. Ara, fl-istess sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nindirizzaw il-kontenut illegali online, lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online” (COM(2017) 555 finali), 28 ta’ Settembru 2017, p. 13 u 14.

( 69 ) Il-premessa 68 tad-Direttiva 2019/790 hija limitata biex tindika li “azzjonijiet varji jistgħu jitwettqu mill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online”.

( 70 ) Ara, f’dan l-istess sens, l-istqarrija tal-Parlament, 27 ta’ Marzu 2019, “Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar kwistjonijiet relatati mad-direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur diġitali”: “Id-Direttiva qed toħloq filtri awtomatiċi fuq pjattaformi online? Le. Id-Direttiva tistabbilixxi għan li għandu jintlaħaq […].Madankollu, id-direttiva ma tispeċifikax u lanqas ma telenka liema għodod, riżorsi umani jew infrastruttura jistgħu jkunu meħtieġa biex tipprevjeni li materjal mhux imħallas jidher fuq is-sit. Għalhekk ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ filtri għall-kontenut li jittella’. Madankollu, jekk pjattaformi kbar ma joħorġux bi kwalunkwe soluzzjoni innovattiva, dawn jistgħu jispiċċaw jagħżlu li jużaw filtri […]” (aċċessibbli fis-sit internet https://www.europarl.europa.eu/news/mt/press-room/20190111IPR23225/questions-and-answers-on-issues-about-the-digital-copyright-directive).

( 71 ) Din hija, mill-bqija, l-opinjoni ta’ parti kbira mill-esperti fil-qasam. Ara, b’mod partikolari, Grisse, K., “After the storm – examining the final version of Article 17 of the new Directive (EU) 2019/790”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, 2019, Vol 14, Nru 11, p. 887 sa 899, speċ. p. 894 u 895; Leitsner, M., “European Copyright Licensing and Infringement Liability Under Art. 17 DSM-Directive – Can We Make the New European System a Global Opportunity Instead of a Local Challenge?”, Zeitschrift für geistiges Eigentum, 2020, Vol 12, Nru 2, p. 123 sa 214, speċ. p. 141 u 143; Lambrecht, M., “Free speech by design – Algorithmic protection of exceptions and limitations in the Copyright DSM directive”, JIPITEC, Vol 11, 2020, p. 68 sa 94, speċ. p. 71; Dusollier, S., “The 2019 Directive on Copyright in the Digital Single Market: Some Progress, a Few Bad Choices, and an Overall Failed Ambition”, Common Market Law Review, Vol. 57, 2020, p. 979 sa 1030, speċ. p. 1016; Mochon, J.-P., op. cit., p. 106, kif ukoll Frosio, G., u Mendis, S., “Monitoring and Filtering: European Reform or Global Trend?”, Oxford Handbook of Online Intermediary Liability, Oxford University Press, 2020, speċ. p. 562.

( 72 ) Ara Lambrecht, M., op. cit., p. 71: “[…] if YouTube wanted to ensure a human review of the 432.000 hours of video uploaded daily, it would have to hire roughly 70.000 full time (very efficient) employees”.

( 73 ) Dan ma jfissirx li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma jkunux jistgħu assolutament jivverifikaw ċerta kontenut permezz tal-aġenti tagħhom. Madankollu, dawn il-fornituri ikollhom jużaw għodod awtomatiċi sabiex, talinqas, inaqqsu l-massa ta’ kontenut li jkun irid jiġi hekk ivverifikat (ara l-punt 211 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 74 ) Ċerti operaturi apparentement bdew jiżviluppaw u jużaw l-għodod li jippermettu li jiġi identifikat il-kontenut permezz tal-intelliġenza artifiċjali. Ara, b’mod partikolari, Mochon, J.-P., op. cit., p. 35. Fi kwalunkwe każ, din tibqa’, min-natura tagħha, teknika ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-kontenut.

( 75 ) B’mod partikolari, il-Gvern Franċiż ammetta li “fl-istat attwali tat-teknoloġija, l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni awtomatika jidher bħala l-aħjar mekkaniżmu biex jidentifika malajr it-tqegħid online mhux awtorizzat ta’ kontenut protett, meħud kont tal-massa ta’ kontenut imqiegħed online permanentement fuq il-pjattaformi kkonċernati mill-Artikolu 17”. Il-Kunsill rrikonoxxa wkoll li l-fornituri l-“kbar” tas-servizzi tal-kondiviżjoni jistgħu “jħossuhom obbligati” jużaw tali għodod.

( 76 ) L-għodod ta’ rikonoxximent permezz tal-“marki tas-swaba numeriċi” jistgħu jintużaw fuq kontenut awdjo, ta’ ritratti u vidjo. Ara Mochon, J.-P., op. cit. Nippreċiża li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 japplika, fin-nuqqas ta’ kull limitazzjoni f’dan ir-rigward fit-termini ta’ dan l-artikolu jew fid-definizzjoni tal-“fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” li tinsab fl-Artikolu 2(6) ta’ din id-direttiva, għat-tipi kollha ta’ oġġetti protetti (viżwali, mużikali, ċinematografiċi, testwali, imma wkoll il-linji ta’ kodiċijiet, il-logħob tal-kompjuter, eċċ.).

( 77 ) Ara wkoll it-tieni paragrafu tal-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790 (“[…]Mezzi differenti […] jistgħu jkunu xierqa u proporzjonati skont it-tip ta’ kontenut […]”).

( 78 ) Ara, b’mod partikolari, Mochon, J.-P., op. cit., p. 12. Jidher li dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ partijiet miġbuda fil-films fuq xi logħob tal-kompjuter. Fin-nuqqas ta’ għodod diġitali li jippermettu li jiġu ffiltrati awtomatikament u b’mod effikaċi ċerti tipi ta’ xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti, ma jistax jiġi eskluż li l-portata tal-obbligi ta’ diliġenza imposti fuq il-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni tkun, f’dan ir-rigward, sostanzjalment imnaqqsa, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità. Ara f’dan is-sens, it-tieni paragrafu tal-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790 li jgħid “ ma jistax jiġi eskluż li f’xi każijiet id-disponibbiltà ta’ kontenut mhux awtorizzat tista’ tiġi evitata biss b’notifika tad-detenturi tad-drittijiet”).

( 79 ) Ara Grisse, K., op. cit., p. 895, kif ukoll Frosio, G., u Mendis, S., op. cit., p. 562.

( 80 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 51 sa 53).

( 81 ) Barra minn hekk, l-għodod tar-rikonoxximent tal-kontenut, f’numru kbir ta’ każijiet, jippermettu lill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni li jissodisfaw l-obbligi ta’ trasparenza li huma imposti fuqhom bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(8) tad-Direttiva 2019/790. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, dawn il-fornituri għandhom jagħtu lid-detenturi tad-drittijiet, l-informazzjoni fuq l-użu tal-kontenut kopert bl-eventwali ftehimiet ta’ liċenzja konklużi ma’ dawn tal-aħħar. Issa, dawn l-għodod jippermettu ġustament li jinġabru statistiċi, spiss preċiżi ħafna, fuq l-udjenza tal-kontenut preżenti fuq dawn is-servizzi (ara l-analiżi tal-impatt, parti 3/3, p. 165, kif ukoll il-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 82 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, wkoll, l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-10 ta’ Diċembru 1948 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti [Riżiluzzjoni 217 A(III)], u l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottata fis-16 ta’ Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

( 83 ) Ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2013, Neij u Sunde Kolmisoppi vs L‑Isvezja, CE:ECHR:2013:0219DEC004039712 (iktar ’il quddiem “Qorti EDB, Neij et vs L-Isvezja”), p. 9 u 10; Qorti EDB, 10 ta’ April 2013, Ashby Donald et vs Franza, CE:ECHR:2013:0110JUD003676908 (iktar ’il quddiem “Qorti EDB Ashby Donald et vs Franza”), punt 34, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2010:757, punti 49157).

( 84 ) Fil-fatt, għalkemm il-KEDB ma tagħrafx tali libertà bħala dritt awtonomu, il-“libertà tal-espressjoni artisitika” taqa’ taħt l-Artikolu 10 ta’ din il-konvenzjoni. Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 24 ta’ Mejju 1988, Müller et vs L-Isvizzera, CE:ECHR:1988:0524JUD001073784, punt 27, kif ukoll Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 1999, Karataş vs It-Turkija, CE:ECHR:1999:0708JUD002316894, punt 49.

( 85 ) Sa fejn naf jien, l-uniċi opinjonijiet, informazzjoni jew ideat li huma imneħħija mill-ewwel minn taħt il-protezzjoni tal-Artikolu 10 tal-KEDB huma d-diskors ta’ mibegħda, minħabba li dawn huma inkompatibbli mal-valuri pproklamati u l-garanziji minn din il-konvenzjoni (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Gunduz vs It-Turkija, CE:ECHR:2003:1204JUD003507197, punt 41).

( 86 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Neij et vs L-Isvezja, p. 10 u 12, kif ukoll Qorti EDB, Ashby Donald et vs Franza, punti 35 u 44. Ara, wkoll, Smith, G., “Copyright and freedom of expression in the online world”, Journal of Intellectual Property Law & practice, 2010, Vol. 5, Nru 2, p. 88 sa 95, kif ukoll Michaux, B., “Chapitre 13. Diffusion du savoir. Droit d’auteur et Internet”, L’Europe des droits de l’homme a l’heure d’Internet, Van Enis, Q. (Dir.), Bruylant 2019, p. 491 sa 526. Ara wkoll il-punt 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 87 ) Ara Qorti EDB, 18 ta’ Diċembru 2012, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, CE:ECHR:2012:1218JUD000311110, (iktar ’il quddiem “Qorti EDB Ahmet Yildirim vs It-Turkija”), punt 55; Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2020, Vladimir Kharitonov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2020:0623JUD001079514, punt 36; kif ukoll Qorti EDB, 30 ta’ April 2019, Kablis vs Ir-Russja; CE:ECHR:2019:0430JUD004831016 (iktar ’il quddiem “Qorti EDB Kablis vs Ir‑Russja”), punt 90.

( 88 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi Scarlet Extended (punti 29, 36, 37 u 40) kif ukoll SABAM (punti 26, 35, 37 u 38). Dan jista’ jkun ikkuntrastat mal-miżuri “repressivi” li kienu jeżistu sallum, bħalma hija t-tneħħija, wara n-notifika jew kif ordnata mill-qorti, ta’ informazzjoni li diġà kienet online, li l-illegalità tagħha hija manifesta u/jew ġiet evalwata minn dik il-qorti.

( 89 ) Ara, b’analoġija, Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, punt 55, kif ukoll Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2020, Vladimir Kharitonov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2020:0623JUD001079514, punt 36 (dwar il-miżuri ta’ bblukkar ta’ siti internet), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:255, punt 85). Il-fatt li, kif ser nispjega fid-dettall iktar ’il quddiem, il-kontenut ibblukkat jista’ jekk ikun il-każ, jerġa’ jitqiegħed online meta l-utenti kkonċernati juru, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ tressiq ta’ lmenti msemmi fl-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790, li l-istess kontenut ma jiksirx id-drittijiet tal-awtur ma huwiex, fil-fehma tiegħi, tali li jxejjen din il-konstatazzjoni ta’ “ndħil”. L-istess japplika għall-punt dwar jekk din il-filtrazzjoni hijiex immirata b’mod strett jew le lejn il-kontenut illegali. Min-naħa l-oħra, dawn iċ-ċirkustanzi ser jiġu analizzati fil-kuntest tal-analiżi tan-natura proporzjonata ta’ dan l-indħil.

( 90 ) F’din l-ipotesi, il-kwistjoni li tqum fuq din il-libertà hija dwar safejn, fid-dawl tal-importanza miksuba minn dawn is-servizzi – li saru infrastrutturi essenzjali għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ komunikazzjoni online (ara l-punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet) – il-fornituri tagħhom għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-utenti u safejn l-awtoritajiet pubbliċi huma obbligati, taħt “obbligi pożittivi” li jirriżultaw minn dawn l-artikoli, li jadottaw “miżuri pożittivi ta’ protezzjoni” li jiggarantixxu t-tgawdija effettiva tal-imsemmija libertà fir-relazzjonijiet bejn l-utenti u l-fornituri tas-servizzi ta’ kondiviżjoni. F’dan il-każ, ma huwiex meħtieġ li dawn il-kwistjonijiet jiġu deċiżi. Ara, fir-rigward tal- “obbligi pożittivi” li jirriżultaw mill-Artikolu 10 KEDB, b’mod partikolari, Qorti EDB, 6 ta’ Mejju 2003, Appleby vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2003:0506JUD004430698, punt 39, u Qorti EDB, 16 ta’ Diċembru 2008, Khurshid Mustafa vs L-Isvezja, CE:ECHR:2008:1216JUD002388306, punt 31.

( 91 ) Ara, b’analoġija, Qorti EDB, 28 ta’ Ġunju 2001, VgT Verein gegen Tierfabriken vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2001:0628JUD002469994, punt 44 sa 47. F’din il-kawża, il-Qorti EDB iddeċidiet li r-rifjut, minn ditta ta’ televiżjoni privata, li tittrażmetti riklam televiżiv maħluq minn assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-annimali kien jikkostitwixxi “indħil” fil-libertà tal-espressjoni ta’ din l-assoċjazzjoni imputabbli għall-Istat konvenut, peress li dan ir-rifjut kien intiż li jirrispetta l-liġi nazzjonali fil-qasam tar-radju u tat-televiżjoni li tipprojbixxi l-propaganda politika. Għaldaqstant, b’kuntrast mar-Repubblika tal-Polonja, ma naħsibx li t-teorija tal-“obbligi pożittivi” hu rilevanti f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, dan il-punt ma huwiex determinanti għar-raġunament. F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB ddeċidiet ripetutament li “[l]-konfini bejn l-obbligi pożittivi u l-obbligi negattivi tal-Istat taħt il-[KEDB] ma għandux […] definizzjoni preċiża” u li l-prinċipji applikabbli fil-każ wieħed jew l-ieħor huma essenzjalment l-istess (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 13 ta’ Lulju 2012, Mouvement Raëlien Suisse vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2011:0113JUD001635406, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 92 ) Ara, b’analoġija, Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1993, Costello-Roberts vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1993:0325JUD001313487, punt 27: “l-Istat ma jistax jiskansa r-responsabbiltà tiegħu billi jiddelega l-obbligi tiegħu lil organi privati jew lill-individwi”.

( 93 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 94 ) Biex nagħlaq, inżid ngħid li l-fatt stess li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni jkunu obbligati, indirettament, biex jagħmlu tali monitoraġġ tas-servizzi tagħhom jikkostitwixxi, minnu nnifsu, “indħil” tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-libertà tal-espressjoni ta’ dawn il-fornituri. Fil-fatt, peress li huma jagħtu lil kulħadd il-mezzi li jippermettu li wieħed jirċievi jew jikkomunika l-informazzjoni, l-attività tagħhom taqa’ taħt l-Artikolu 11 tal-Karta u taħt l-Artikolu 10 tal-KEDB. Ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, Neij et vs L-Isvezja, p. 9 u 10; Qorti EDB, 2 ta’ Frar 2016, Magyar Tartalomzolgáltatók Egyesület u Index.hu zrt vs L‑Ungerija, CE:ECHR:2016:0202JUD002294713, punt 45, kif ukoll Qorti EDB, 4 ta’ Ġunju 2020, Jezior vs Il-Polonja, CE:ECHR:2020:0604JUD003195511, punt 41.

( 95 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2002, Gaweda vs Il-Polonja, CE:ECHR:2002:0314JUD002622995, punt 37; Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It‑Turkija, punt 56, kif ukoll Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2020, Vladimir Kharitonov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2020:0623JUD001079514, punt 36.

( 96 ) Ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Mill-bqija, skont l-Artikolu 53 tal-Karta, il-livell ta’ protezzjoni offruta minn dan l-istrument ma jista’ qatt ikun iktar baxx minn dak iggarantit mill-KEDB. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta li tkun talinqas daqstant stretta bħal dik li l-Qorti EDB tagħti lill-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB.

( 97 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81); opinjoni 1/15 (Accord PNR UE-Canada), tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 146), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2019:1145, punt 263).

( 98 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81).

( 99 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 26 ta’ April 1979, Sunday Times vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1979:0426JUD000653874, punt 49; Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2002, Gaweda vs Il-Polonja, CE:ECHR:2002:0314JUD002622995, punt 39, kif ukoll il-Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2020, Vladimir Kharitonov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2020:0623JUD001079514, punt 37.

( 100 ) F’dan is-sens, il-Qorti EDB iddeċidiet ripetutament li “[]ċ-ċertezza, għalkemm mixtieqa, xi kultant tkun akkumpanjata b’riġidità eċċessiva; madankollu, id-dritt għandu jkun jista’ jaddatta għat-tibdil fis-sitwazzjonijiet. Ħafna liġijiet jużaw, bilfors, formulazzjonijiet bejn wieħed u ieħor vagi li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom tiddependi mill-prattika”. Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015, Delfi AS vs L-Estonja, CE:ECHR:2015:0616JUD006456909 (iktar ’il quddiem “Qorti EDB, Delfi AS vs l‑Estonja”), punt 121 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 101 ) Is-sempliċi fatt li, f’dan il-każ, il-partijiet u l-intervenjenti ressqu interpretazzjonijiet differenti tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 (ara l-punti 168 u 170 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ma jfissirx li r-rekwiżit ta’ “prevedibbiltà” ma huwiex osservat (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 17 ta’ Frar 2004, Gorzelik et vs Il-Polonja, CE:ECHR:2004:0217JUD004415898, punt 65). Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiċċara l-interpretazzjoni tajba ta’ din id-dispożizzjoni.

( 102 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81).

( 103 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, punt 59 u 64, kif ukoll Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2020, Vladimir Kharitonov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2020:0623JUD001079514, punt 37.

( 104 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 132).

( 105 ) Ara l-punti 128 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 106 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2019:1145, punt 272).

( 107 ) Ara l-punti 117 u 129 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 108 ) Ara b’mod partikolari, Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 1991, Observer u Guardian vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1991:1126JUD001358588, punt 60; Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2002, Gaweda vs Il-Polonja, CE:ECHR:2002:0314JUD002622995, punt 35, kif ukol Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, punt 64 u referenzi ċċitati).

( 109 ) Infakkar li, għal din ir-raġuni, il-libertà tal-espressjoni hija bażi essenzjali ta’ kull soċjetà demokratika. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata); Qorti EDB, 7 ta’ Diċembru 1976, Handyside CE:ECHR:1976:1207JUD000549372, punt 49, kif ukoll Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 1991, Observer u Guardian vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1991:1126JUD001358588, punt 59.

( 110 ) Ara, min-naħa, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 45). Ara, min-naħa l-oħra, Qorti EDB, 10 ta’ Marzu 2009, Times Newspapers Ltd vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2009:0310JUD000300203, punt 27; Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, CE:ECHR:2012:1218JUD000311110, punt 48 u 54, kif ukoll Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2015, Cengiz et vs It-Turkija, CE:ECHR:2015:1201JUD004822610, punt 49 u 52.

( 111 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2015, Cengiz et vs It-Turkija, CE:ECHR:2015:1201JUD004822610, punt 51 u 52, kif ukoll Qorti EDB, Kablis vs Ir-Russja, punt 81.

( 112 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni CM/rec(2018)2 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar ir-rwoli u r-responsabbiltà tal-intermedjarji tal-internet, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fis-7 ta’ Marzu 2018, waqt il-1309 laqgħa tad-Delegati tal-Ministri, kif ukoll Balkin, J. M., “Old-School/New-School Speech Regulation”, Harvard Law Review, Vol 127, Nru 8, 2014, p. 2296 sa 2342, speċ. p. 2304.

( 113 ) Ara l-Kunsill Kostituzzjonali (Franza), Deċiżjoni Nru 2020-801 DC tat-18 ta’ Ġunju 2020, “Loi visant à lutter contre les contenus haineux sur internet”, punt 4.

( 114 ) Jiġifieri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà, bħal f’dan il-każ (ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 115 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi magħquda Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2009:569, punti 142143). Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)16 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-miżuri intiżi li jippromwovu l-valur tas-servizz pubbliku tal-internet, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fis-7 ta’ Novembru 2007, waqt l-1010 laqgħa tad-Delegati tal-Ministri, Anness, Parti III, punt a), kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)2 dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-intermedjarji tal-internet, anness, punt 1.3.5.

( 116 ) Ara, f’dan l-istess sens, Smith, G., “Time to speak up for Article 15”, Blog Cyberleagle, 21 ta’ Mejju 2017 (aċċessibbli fis-sit internet https://www.cyberleagle.com/2017/05/time-to-speak-up-for-article-15.html).

( 117 ) Ara s-sentenzi Scarlet Extended (punti 40 u 52) u SABAM (punti 38 u 50).

( 118 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li r-regoli nazzjonali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-imsemmija ordnijiet, l-istess bħall-applikazzjoni tagħhom mill-qrati nazzjonali, għandhom josservaw il-projbizzjoni tal-“obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ” prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31. Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Scarlet Extended (punti 32 sa 35) u SABAM (punti 30 sa 33).

( 119 ) Ara l-premessa 45 u l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31.

( 120 ) Ara l-premessa 47 tad-Direttiva 2000/31 (“[l]-Istati Membri ma jistgħux jimponu obbligu ta’ monitoraġġ fuq dawk li jipprovdu servizz […] dan ma jikkonċernax l-obbligu ta’ monitoraġġ f’każ speċifiku […]”).

( 121 ) Ara l-Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, punt 64; Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2015, Cengiz et vs It-Turkija, CE:ECHR:2015:1201JUD004822610, punt 62, kif ukoll Qorti EDB, Kablis vs Ir-Russja, punt 97.

( 122 ) Ara l-punt 138 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 123 ) Ara, f’dan l-istess sens, Grisse, K., op. cit., p. 897; Spindler, G., “The liability system of Art. 17 DSMD and national implementation – Contravening prohibition of general monitoring duties?”, JIPITEC, Vol 10, 2020, p. 350 u 353 sa 359, kif ukoll Cabay, J., “Lecture prospective de l’article 17 de la directive sur le droit d’auteur dans le marché unique numérique: Vers une obligation de filtrage limitée par la CJUE, garante du ‘juste équilibre’”, Propriété intellectuelle à l’ère du big data et de la blockchain, Schulthess, De Werra, J., u Benhamou, Y. (Ed),Geneve, 2021, p. 225 sa 237.

( 124 ) Nippreċiża li, b’kuntrast ma’ dak li l-Parlament jagħti lil wieħed x’jifhem, din il-ġurisprudenza hija rilevanti f’dan il-każ anki jekk hija tikkonċerna l-ordnijiet mogħtija mill-qrati nazzjonali, u mhux att adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ” għandu jiġi interpretat bl-istess mod, indipendentement mill-oriġini ta’ tali obbligu (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (nota ta’ qiegħ il-paġna 104)).

( 125 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 139).

( 126 ) Sentenza Scarlet Extended (punti 29 u 38 sa 40). Skont l-interpretazzjoni li nagħti jien, il-Qorti tal-Ġustizzja rabtet piż deċiżiv mal-fatt li “tali sorveljanza preventiva tirrikjedi osservazzjoni attiva tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha mwettqa fuq in-netwerk tal-[fornitur tal-aċċess għall-internet i]kkonċernat u, b’hekk, tiġbor fiha kull informazzjoni li għandha tiġi trażmessa u kull klijent li juża dan in-netwerk” (punt 39) (enfasi miżjud minni).

( 127 ) Ara l-punti 35 sa 38 ta’ din is-sentenza.

( 128 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, (C‑484/14, EU:C:2016:689, punti 2588).

( 129 ) Wieħed jista’ serjament jistaqsi fuq il-punt dwar jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jinkludux “obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ”, hekk kif dan il-kunċett huwa inkluż f’dawn is-sentenzi. B’mod partikolari, id-differenzi bejn l-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet u s-sistema ta’ filtrazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Scarlet Extended huma ’l bogħod milli evidenti. F’din il-kawża, id-detenturi tad-drittijiet kienu talbu biex l-intermedjarju jiġi ordnat “jidentifika, […] il-fajls li jinkludu xogħlijiet li fir-rigward tagħhom [dawn] il-proprjetarji […] jallegaw li għandhom drittijiet” (punt 38 ta’ din is-sentenza) u dan, b’mod konkret, permezz tal-għodda “Audible Magic” (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:255, punti 2124)). Issa din hija għodda ta’ rikonoxximent permezz ta’ “marki tas-swaba numeriċi”, li tiffunzjona abbażi ta’ fajls ta’ referenza pprovduti mill-imsemmija detenturi u li, mill-bqija, tissemma fl-analiżi tal-impatt (parti 3/3, p. 55).

( 130 ) Nippreċiża li din is-sentenza ngħatat wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

( 131 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġeneral Szpunar fil-kawża Glawischnig-Piesczek (C‑18/18, EU:C:2019:458, punti 252659).

( 132 ) Sentenza Glawischnig-Piesczek (punt 35).

( 133 ) Sentenza Glawischnig-Piesczek (punt 46).

( 134 ) Nippreċiża li, għalkemm is-sentenza Glawischnig-Piesczek tikkonċerna d-dritt tad-defamazzjoni, it-tagħlim li joħroġ minnha jaqbeż dan il-qasam. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ” japplika b’mod orizzontali, indipendentement mit-tip ta’ ksur li għandu jiġi mfittex mill-intermedjarja. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Glawischnig-Piesczek (C‑18/18, EU:C:2019:458, punt 43).

( 135 ) Ara l-punti 194 sa 199 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 136 ) Ara l-punti 200 sa 203 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 137 ) Nirrileva, barra minn hekk, li l-leġiżlatur tal-Unjoni reġa’ afferma l-projbizzjoni tal-“obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ” fl-Artikolu 17(8) tad-Direttiva 2019/790 (ara l-punti 194 sa 203 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 138 ) Ara, b’mod partikolari, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta’ Mejju 2015, “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015) 192 finali), p. 4, 8 u 12 sa 14; tal-25 ta’ Mejju 2016, “Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa” (COM(2016) 288 finali), p. 8 sa 11; tat-28 ta’ Settembru 2017, “Nindirizzaw il-kontenut illegali online, Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online”, (COM(2017) 555 finali). Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 tal-1 ta’ Marzu 2018, dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali online (ĠU 2018, L 63, p. 50), premessi 1 sa 5, 24 u 36, kif ukoll il-punti 18, 36 u 37.

( 139 ) Ara, b’mod partikolari, Regolament (UE) 2021/784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online (ĠU 2021, L 172, p. 79) speċ. l-Artikolu 5, kif ukoll il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2020, dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (COM(2020) 825 finali), speċ. l-Artikolu 27. Nosserva li l-prinċipju li skontu l-intermedjarji online ma jistgħux ikunu suġġetti għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ huwa affermat mill-ġdid fl-Artikolu 7 ta’ din l-aħħar proposta.

( 140 ) Ara l-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 141 ) Ara l-punti 140 sa 153 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, fl-istess sens, ir-Rakkomandazzjoni 2018/334 (premessi 24, 27, 36, kif ukoll il-punti 19 sa 21).

( 142 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 143 ) Ara wkoll, l-Artikolu 27(2) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll l-Artikolu 15 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali.

( 144 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2007, Anheuser-Busch Inc. vs Il-Portugall, CE:ECHR:2007:0111JUD007304901, punt 72; Qorti EDB, Ashby Donald et vs Franza, punt 40, kif ukoll Qorti EDB, Neij et vs L-Isvezja, p. 11.

( 145 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 53); tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:689, punt 81), kif ukoll il-Qorti EDB, Ashby Donald et vs Franza, punt 36, u Qorti EDB, 19 ta’ Frar 2013, Neij et vs L-Isvezja, p. 10 u 11. Kif isostnu l-Parlament u l-Kunsill, il-limitazzjoni inkwistjoni tirrifletti fl-istess ħin għan ta’ interess ġenerali mhux biss “rikonoxxut”, imma wkoll “imfittex” mill-Unjoni, jiġifieri l-promozzjoni tad-diversità kulturali (ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2019/790). Fil-fatt, il-protezzjoni tad-dritt tal-awtur hija intiża, b’mod partikolari, biex issostni l-ħolqien, il-produzzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni, tal-għarfien u tal-kultura (ara, b’mod partikolari, il-premessi 9 sa 11 u 14 tad-Direttiva 2001/29). Issa, l-Unjoni stabbilixxiet bħala għan, skont l-Artikolu 3(3) TUE, li “tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew”.

( 146 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50); tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 64).

( 147 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 148 ) Infakkar li dan minħabba li d-dispożizzjonijiet ikkontestati japplikaw biss għal dak li jikkonċerna x-xogħlijiet u l-oġġetti protetti identifikati mid-detenturi tad-drittijiet li għalihom il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma jkunux kisbux l-awtorizzazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

( 149 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-fatt li kull filtrazzjoni tkun tista’ tiġi skansata mill-utenti malizzjużi (ara, madankollu, għar-robustezza tal-għodod tal-filtrazzjoni bil-“marki tas-swaba”, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u tkun akkumpanjata neċessarjament b’ċerta rata ta’ żball jista’ eventwalment inaqqas il-kapaċità ta’ dawn l-obbligi biex jilħqu l-għan imfittex, imma ma jrendihomx mhux addattati għal dak il-għan (ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 63)).

( 150 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 5455); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punti 465253), kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 160).

( 151 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 172 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 152 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 153 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 85).

( 154 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et (C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 155 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst (C‑392/19, EU:C:2021:181, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 156 ) Ara l-premessi 1 sa 7, 40, 41, 45 sa 49 tad-Direttiva 2000/31, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 245).

( 157 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 246).

( 158 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 159 ) Ara r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)2 dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-intermedjarji tal-internet, preambolu, punt 9.

( 160 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Ashby Donald et vs Franza, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll Qorti EDB, Neij et vs L-Isvezja, p. 11, u Qorti EDB, 11 ta’ Marzu 2014, Akdeniz vs It-Turkija, CE:ECHR:2014:0311DEC002087710, punt 28. Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr (C‑555/19, EU:C:2021:89, punti 91 sa 93).

( 161 ) Ara, b’analoġija, Qorti EDB, Neij et vs L-Isvezja, p. 11.

( 162 ) Parti mid-dottrina ssostni li ma jeżistux provi empiriċi tal-eżistenza tal-“Value Gap”. Ara, b’mod partikolari, Frosio, G., “From horizontal to vertical: an intermediary liability earthquake in Europe”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, 2016, vol. 12, Nru 7, p. 565 sa 575, speċ. p. 567 sa 569. Għal opinjoni kuntrarja, ara Bensamoun, A., “Le value gap ou le partage de la valeur dans la proposition de directive sur le droit d’auteur dans le marché unique numérique”, Entertainment, Bruylant, Nru 2018-4, p. 278 sa 287.

( 163 ) Nippreċiża li, fil-fatt, huwa l-obbligu tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddeċiedi fuq il-livell li bih huwa jkun intenzjonat jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fl-Unjoni.

( 164 ) Ara l-analiżi tal-impatt, parti 1/3, p. 137 sa 144, 175. Ara. F’dan l-istess sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 80), kif ukoll Glawischnig-Piesczek (punti 36 u 37).

( 165 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 166 ) Madankollu, il-fatt li dawn il-fornituri ma jagħmlux selezzjoni minn qabel tal-informazzjoni mtella’ online fuq is-servizzi tagħhom (ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, differenza deċiżiva li tipprekludi li jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-edituri.

( 167 ) Ara, f’dan is-sens, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)2 fuq ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-intermedjarji tal-internet, preambolu, punti 4 u 5 kif ukoll l-anness, punt 1.3.9. Għall-ospitanti “tradizzjonali”, tali sistema ta’ responsabbiltà ma hijiex proporzjonata fil-fehma tiegħi. L-istess ikun japplika, a fortiori, għal tipi oħra ta’ intermedjarji, bħalma huma l-fornituri tas-servizzi ta’ “mere conduit” (ara l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31).

( 168 ) Ara Qorti EDB, Delfi AS vs L-Estonja, punt 133.

( 169 ) Ara Qorti EDB, Delfi AS vs L-Estonja, punt 151, 155, 158 u 159.

( 170 ) Ara Qorti EDB, Delfi AS vs L-Estonja, punt 113, 115, 117, 128 u 145.

( 171 ) Nippreċiża li, f’din il-kawża, l-operatur tal-portal tal-aħbarijiet kellu jagħmel monitoraġġ ta’ dan il-portal biex ifittex informazzjoni “manifestament illegali”. Kif ser nippreċiża fil-punti 194 sa 218 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan huwa wkoll il-każ hawnhekk.

( 172 ) Ara, b’mod partikolari, Balkin, J.-M., op. cit., p. 2309, kif ukoll Qorti EDB, 4 ta’ Ġunju 2020, Jezior vs Il-Polonja, CE:ECHR:2020:0604JUD003195511, punt 60 (“L-imputazzjoni [lil fornitur intermedjarju] tar-responsabbiltà li tirrigwarda l-kummenti li jsiru minn terza persuna tista’ […] tipproduċi effett dissważiv fuq il-libertà tal-espressjoni fuq l-internet”). Ara wkoll Qorti EDB, 2 ta’ Frar 2016, Magyar Tartalomszolgáltatók Egyesülete u Index.hu Zrt vs L-Ungerija, CE:ECHR:2016:0202JUD002294713, punt 86, kif ukoll Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2017, Pihl vs L-Isvezja, CE:ECHR:2017:0207DEC007474214, punt 35. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, dan ir-riskju jitnaqqas, peress li l-fornituri intermedjarji għandhom ineħħu biss l-informazzjoni li l-illegalità tagħha tkun ikkonstatata jew “apparenti”.

( 173 ) U dan iktar u iktar peress li, min-naħa, skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790 il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni għandhom l-oneru tal-prova li juru li huma għamlu l-“aħjar sforzi” biex jipprevjenu t-tqegħid online ta’ kontenut ta’ kontrafazzjoni u li, min-naħa l-oħra, huma jġorru r-riskju konsiderevoli ta’ responsabbiltà, fid-dawl tal-“kwantità kbira” ta’ kontenut li għalihom dawn is-servizzi jagħtu aċċess.

( 174 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 26); tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff (C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 43), kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punti 38424354). Ara wkoll il-premessa 6 tad-Direttiva 2019/790.

( 175 ) Ara l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, u s-sentenzi tad-29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punti 71), kif ukoll Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 57).

( 176 ) Ara l-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 25).

( 177 ) Nimmaġina hawnhekk, “memes”, riċensjonijiet tal-films, devjazzjonijiet, kif ukoll tipi oħra ta’ kontenut bi skop divertenti jew edukattiv li jirrigwarda dawn is-servizzi u li huma, mill-bqija, suxxettibbli li jikkostitwixxi huma stess xogħlijiet, ta’ spiss “trasformattivi”.

( 178 ) Pereżempju, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, din tinvolvi b’mod partikolari li jiġi vverifikat jekk l-utent “[stabbilixxiex] rabta diretta u mill-qrib bejn ix-xogħol ikkwotat u r-riflessjonijiet proprji tiegħu u [ppermettiex] b’hekk tali konfrontazzjoni intellettwali max-xogħol ta’ ħaddieħor” (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 79)). Fir-rigward tal-eċċezzjoni li tinsab fil-punt (k) ta’ dan il-paragrafu, din tinvolvi l-punt dwar jekk il-kontenut, min-naħa “tevoka[x] xogħol eżistenti, filwaqt li jkollha differenzi perċettibbli meta pparagunata miegħu”, u, min-naħa l-oħra, “tikkostitwixxi[x] manifestazzjoni ta’ umoriżmu jew twaqqa’ għaċ-ċajt” (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 20)].

( 179 ) L-analiżi ssir, barra minn hekk, ikkumplikata bil-fatt li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet applikabbli kif ukoll il-portata tagħhom jistgħu jvarjaw minn dritt nazzjonali għal ieħor. Fil-fatt, għalkemm l-elenku li jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 huwa eżawrjenti, huwa jagħti lil kull Stat Membru l-fakultà li jittrasponi dawk li huwa jkun jixtieq fid-dritt domestiku tiegħu. Barra minn hekk, dawn l-Istati jgawdu, skont il-każ, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa għall-implimentazzjoni tagħhom. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 188).

( 180 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 189).

( 181 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 52 tal-ewwel sentenza u l-punt 50 tat-tieni sentenza. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 243).

( 182 ) Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 183 ) Ara, b’mod partikolari, id-dokument tal-Kummissjoni, “Targeted consultation addressed to the participants to the stakeholder dialogue on Article 17 of the Directive on Copyright in the Digital Single Market”, p. 15.

( 184 ) Ara b’mod partikolari, Grisse, K., op. cit., p. 887; Dusollier, S., op. cit., p. 1018, kif ukoll Lambrecht, M., op. cit., p. 73. Ara wkoll Jacques, S., Garstka, K., Hviid, M., u Street, J., “The impact on cultural diversity of Automated Anti-Piracy Systems as copyright enforcement mechanisms: an empirical study of YouTube’s Content ID digital fingerprinting technology”, 2017.

( 185 ) Id-dritt relatat tal-produtturi ta’ fonogrammi jinvolvi wkoll riskji speċifiċi f’dan ir-rigward. Pereżempju, tali produttur jista’ jidentifika, għall-finijiet tal-ibblukkar, ir-reġistrazzjoni ta’ interpretazzjoni ta’ Nocturne ta’ Chopin (xogħol li spiċċa wkoll fid-dominju pubbliku) li fuqu huwa għandu d-drittijiet. Peress li ċerta għodod, bħalma huwa l-Content ID, huma kapaċi jirrikonoxxu mhux biss il-kontenut li jirriproduċi estratti minn din il-fonogramma, imma wkoll dawk li jirriproduċu l-istess melodija (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet), huma jistgħu jibblukkaw awtomatikament, pereżempju, vidjos ta’ utenti li jiffilmjaw lilhom infushom fil-proċess li jinterpretaw huma stess in-Nocturne inkwistjoni.

( 186 ) B’mod partikolari, jidher li Content ID diġà ħa, bi żball, għal din ir-raġuni, kontenut innoċenti bħala xogħol protett. Ara, għal diversi eżempji, Garstka, K., “Guiding the Blind Bloodhounds: How to Mitigate the Risks art. 17 of Direttiva 2019/790 Poses to the Freedom of Expression”, Intellectual Property and Human Rights, Wolters Kluwer Law & Business, ir-raba’ ed., 2020, p. 327 sa 352, speċ. p. 332 sa 334.

( 187 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 61), u tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 65).

( 188 ) Ara l-punti 84 u 115 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 189 ) Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, punt 64; Qorti EDB, 8 ta’ Ottubru 2013, Cumhuriyet Vakfi et vs It-Turkija, CE:ECHR:2013:1008JUD002825507, punt 61; Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2015, Cengiz et vs It-Turkija, CE:ECHR:2015:1201JUD004822610, punt 62, kif ukoll Qorti EDB, Kablis vs Ir-Russja, punt 97. Ara wkoll, b’analoġija is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 545565); tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 117), kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data li tirrigwarda l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 48).

( 190 ) Ara l-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 191 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 60 sa 67) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawżi magħquda Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2013:845, punti 117120).

( 192 ) Ara l-punti 210 sa 213 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 193 ) F’dan ir-rigward, nosserva li l-Qorti EDB ddeċidiet ripetutament li l-“perikli l-kbar” li r-“restrizzjonijiet minn qabel” li jirriżultaw mill-miżuri ta’ bblukkar jippreżentaw għal-libertà ta’ espressjoni jeħtieġu “l-iktar eżami dettaljat”. Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, punt 47.

( 194 ) B’dawn il-kliem wieħed jifhem: il-miżuri ta’ filtrazzjoni u ta’ bblukkar li dawn il-fornituri għandhom jieħdu skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati. Ara l-ewwel paragrafu tal-premessa 66, tad-Direttiva 2019/790.

( 195 ) Huma koperti wkoll, b’mod partikolari, l-użi tax-xogħlijiet u ta’ oġġetti protetti oħra koperti bi ftehim ta’ liċenzja konkluż bejn l-utenti (ara l-ewwel paragrafu tal-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790) kif ukoll, l-użu tax-xogħlijiet li jaqa’ taħt id-dominju pubbliku.

( 196 ) L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet inkwistjoni huma barra minn hekk previsti, kif indikajt fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 175 u 176 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-Artikolu 5(3)(d) u (k) tad-Direttiva 2001/29.

( 197 ) Huma jistgħu jagħmlu dan b’mod partikolari quddiem il-qrati nazzjonali (ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790 (“[…] l-utenti [jistgħu] jkollhom aċċess għal qorti jew awtorità ġudizzjarja rilevanti oħra biex isostnu [jinvokaw] l-użu ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati”).

( 198 ) Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 70), kif ukoll Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 54).

( 199 ) Jekk dan il-paragrafu 7 huwa, fuq dan il-punt, ekwivoku, din l-interpretazzjoni toħroġ b’mod ċar mill-premessa 70 tad-Direttiva 2019/790 (“Jenħtieġ li l-passi li jittieħdu mill-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online […] ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur […]”) kif ukoll mill-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tiegħu (“[…] li jistgħu jużaw xogħlijiet u materjal ieħor taħt eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet […] previsti mil-liġi tal-Unjoni”) (enfasi miżjud minni)).

( 200 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 179 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 201 ) Talinqas għal dak li jikkonċerna l-użu tal-oġġetti protetti fuq is-servizzi tal-kondivizjoni.

( 202 ) Minn dan l-aspett, l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790 jillimita l-libertà tal-intrapriża tal-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, sabiex jiżgura l-libertà tal-espressjoni tal-utenti. Madankollu, dawn il-fornituri jibqgħu liberi li jħassru l-kontenut li jaqa’ taħt l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għal raġunijiet li ma humiex il-problemi tad-drittijiet tal-awtur, pereżempju jekk huma malafamanti jew jiksru l-politika tagħhom fil-qasam tan-nudità. Din id-dispożizzjoni, għaldaqstant, ma tgħabbix lill-imsemmija fornituri, bħala tali, b’obbligu li jxerrdu (“must carry”) tali kontenut.

( 203 ) Ara, f’dan l-istess sens, Leistner, M., op. cit, p. 165 u 166. Kull stipulazzjoni kuntrarja f’dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jew ta’ tali ftehimiet kuntrattwali tkun, għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mal-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790.

( 204 ) Ara r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790. L-informazzjoni mogħtija lill-utenti fuq id-dritt tagħhom li jużaw l-oġġetti protetti fil-kuntest ta’ eċċezzjoni u limitazzjoni, kif ukoll fuq il-limiti ta’ dan id-dritt, hija essenzjali biex issostni l-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, tal-libertà tal-espressjoni tagħhom u tal-ħolqien tagħhom, filwaqt li tnaqqas ir-riskju ta’ ksur mhux intenzjonat tad-drittijiet tal-awtur.

( 205 ) Ara analiżi tal-impatt, parti 1/3, p. 140 u 141, kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 422.

( 206 ) Ara l-ewwel paragrafu tal-premessa 70 tad-Direttiva 2019/790.

( 207 ) “shall not result”, fil-verżjoni Ingliża tad-Direttiva 2019/790.

( 208 ) Il-gvern Franċiż jinvoka wkoll il-miżuri volontarji possibbli meħudin mid-detenturi tad-drittijiet (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 252 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 209 ) Għall-ewwel waħda, kif semmejt fil-punt 166 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li d-drittijiet tal-utenti tas-servizzi tal-kondiviżjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni ex post biss, f’każ ta’ lment minn dawn l-utenti, juri n-natura sproporzjonata tal-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Min-naħa l-oħra, għat-tieni waħda, din l-interpretazzjoni żżomm “bilanċ xieraq” bejn id-drittijiet u l-interessi involuti, peress li tiżgura lid-detenturi tad-drittijiet il-kapaċità li jikkontrollaw a priori l-użu tax-xogħlijiet tagħhom u l-oġġetti protetti l-oħra filwaqt li tikkawża biss “inkonvenjent temporanju” lil dawn l-istess utenti.

( 210 ) Dan huwa ħafna iktar ċar fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża tad-Direttiva 2019/790 (“ […] shall not result in the prevention of the availability […]”) (enfasi miżjud minni). Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, dan il-paragrafu 7 jikkonkretizza d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, b’mod li t-termini tiegħu joqgħodu għal interpretazzjoni wiesgħa. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Buivids (C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 211 )

( 212 ) Ara, min-naħa, “Report on the proposal for a directive of the European Parliament and of the Council on copyright in the Digital Single Market” [Rapport dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali], 29 ta’ Ġunju 2019, Il-Parlament, Kumitat għall-affarijiet legali, dokument A8-0245/2018 (aċċessibbli fis-sit internet https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-8-2018-0245_EN.html?redirect), emenda 77: “[…] To prevent misuses or limitations in the exercise of exceptions and limitations to copyright, Member States shall ensure that the service providers referred to in paragraph 1 put in place effective and expeditious complaints and redress mechanisms […]” [Sabiex jiġu prevenuti l-użi ħżiena jew il-limitazzjonijiet fl-eżerċiżżju tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 ipoġġu fis-seħħ mekkaniżmi effettivi u veloċi ta’ lmenti u rimedji […]]”. Ara, min-naħa l-oħra, Il-Kunsill, Document 12254/16 + ADD1 + ADD2 + ADD3 + ADD4, 25 ta’ Mejju 2018 (aċċessibbli fis-sit internet https://www.consilium.europa.eu/media/35373/st09134-en18.pdf): “Member States shall ensure that the measures referred to in paragraph 4 are implemented by the online content sharing service provider without prejudice to the possibility for their users to benefit from exceptions or limitations to copyright. For that purpose, the service provider shall put in place a complaint and redress mechanism […]” (enfasi miżjud minni).

( 213 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Karen Millen Fashions (C‑345/13, EU:C:2014:206, punt 82) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:730, punti 5363 sa 65),

( 214 ) F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “it-test tad-dritt idderivat tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jpoġġix indiskussjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta”. (Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 2021, Consob (C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 215 ) Fil-fatt, id-Direttiva 2000/31 ma fiha ebda obbligu, għall-fornituri intermedjarji, li jipprevedu proċedura ta’ “kontra-notifikazzjoni” li tippermetti lill-utenti li jikkontestaw it-“tneħħija eċċessiva” tal-informazzjoni tagħhom.

( 216 ) Barra minn hekk, fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża tad-Direttiva 2019/790, l-istess aġġettiv jintuża fl-Artikolu 17(4)(c) u fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9 ta’ din id-direttiva (“acted expeditiously, upon receiving a […] notice […]” u “[…] an effective and expeditious complaint and redress mechanism […]”) (enfasi miżjud minni).

( 217 ) Sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014 (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 57).

( 218 ) Ara, min-naħa, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 56), u tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:689, punt 93). Ara, min-naħa l-oħra, Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2020, Vladimir Kharitonov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2020:0623JUD001079514, punt 46: “[…] When exceptional circumstances justify the blocking of illegal content, a State agency making the blocking order must ensure that the measure strictly targets the illegal content and has no arbitrary or excessive effects […]. Any indiscriminate blocking measure which interferes with lawful content or websites as a collateral effect of a measure aimed at illegal content or websites amounts to arbitrary interference with [freedom of expression]. […]” [Meta jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-ibblukkar ta’ kontenut illegali, aġenzija tal-Istat li tagħmel l-ordni ta’ bblukkar għandha tiżgura li l-miżura timmira b’mod strett il-kontenut illegali u ma għandhiex effetti arbitrarji jew eċċessivi […]. Kull miżura ta’ bblukkar ġeneralizzata li tinterferixxi ma’ kontenut jew siti internet legali bħala effett kollaterali ta’ xi miżura mmirata lejn kontenut jew siti internet illegali tammonta għal indħil arbitrarju fil-[libertà tal-espressjoni]. Ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)2 fuq ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-intermedjarji tal-internet, anness, punt 2.3.2.

( 219 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 131).

( 220 ) Sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014 (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 63).

( 221 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, punt 66; Qorti EDB, tat-23 ta’ Ġunju 2020, Vladimir Kharitonov, CE:ECHR:2020:0623JUD001079514, punt 45, kif ukoll Qorti EDB, Kablis vs Ir-Russja, punt 94.

( 222 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Scarlet Extended (punt 52: “[l’injonction de filtrage] huwa probabbli li l-imsemmi ordni jikser il-libertà tal-informazzjoni peress li hemm ir-riskju li din is-sistema ma tagħmilx distinzjoni suffiċjenti bejn kontenut illegali u kontenut legali, b’tali mod li l-implementazzjoni tagħha jista’ jkollha effett li tikkawża l-ibblokkar tal-komunikazzjonijiet b’kontenut legali. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-risposta għad-domanda tal-legalità ta’ trażmissjoni tiddependi wkoll mill-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet legali għad-drittijiet tal-awtur li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, ċerti xogħlijiet jistgħu jaqgħu, f’ċerti Stati Membri, taħt il-qasam pubbliku jew jistgħu jkunu suġġetti għal tqegħid on-line b’xejn min-naħa tal-awturi kkonċernati”) (enfasi miżjud minni). Ara, għall-istess raġunament, is-sentenza SABAM (punt 50).

( 223 ) Din it-tendenza tal-utenti li ma jinvokawx id-drittijiet tagħhom hija ddokumentata, fl-Ewropea kif ukoll fl-Istati Uniti. Ara, b’mod partikolari, Urban, J.-M, Karaganis, J. u Schofield, B., “Notice and Takedown in Everyday Practice”, UC Berkeley Public Law Research Paper No. 2755628, 2017; Fiala, L., Husovec, M., “Using Experimental Evidence to Design Optimal Notice and Takedown Process”, TILEC Discussion Paper Nru 2018-028, 2018, p. 3.

( 224 ) Ara, fl-istess sens, Spindler, G., op. cit., p. 355. Dan jirriskja wkoll li jkollu bħala effett li jċaħħad lill-pubbliku mid-dritt ta’ aċċess tiegħu għal dan il-kontenut leġittimu inġustament ibblukkat.

( 225 ) Pereżempju, “vidjo ta’ reazzjoni” (reaction video) għal trailer ta’ logħba tal-kompjuter jew ta’ film isir tiftix għalih madwar il-mument li fih dak it-trailer jiġi ppubblikat. Bl-istess mod, vidjo parodiku marbut ma’ skandlu politiku reċenti, bħala regola ġenerali jarawh eżatt wara l-iskandlu. Ara, f’dan ir-rigward, Garstka, K., op. cit., p. 339.

( 226 ) Barra minn hekk, il-Qorti EDB iddeċidiet ripetutament li “l-informazzjoni hija oġġett li jitħassar u jekk il-pubblikazzjoni tagħha tiġi ttardjata, anki għal perijodu qasir, ikun hemm riskju ferm li tiġi mċaħħda minn kull valur u minn kull interess” (ara b’mod partikolari Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 1991, Observer u Guardian vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1991:1126JUD001358588, punt 60; Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, punt 47; kif ukoll Qorti EDB, Kablis vs Ir-Russja, punt 91). Il-Gvern Spanjol u Franċiż jirribattu li l-ħeffa tal-iskambju ta’ informazzjoni online tiġġustifika, għall-kuntrarju, li jiġi bblukkat preventivament il-kontenut kollu li jirriproduċi x-xogħlijiet u l-oġġetti protetti l-oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet, sabiex jiġi evitat kull riskju li l-kontenut illegali jitqiegħed online u jiġu kkawżati xi danni “irreparabbli” għall-imsemmija detenturi. Ser nerġa nittratta dan l-argument fil-punti 215 u 216 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 227 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punti 5157), u Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punti 365572).

( 228 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 243).

( 229 ) Jien konxju sew tal-fatt li l-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790 tindika, fit-tielet paragrafu tagħha, li l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma jistgħu jkunu eżentati mir-responsabbiltà tagħhom, f’każ ta’ tqegħid online illegali ta’ oġġett protett fuq is-servizz tagħhom, biss jekk juru “li jkunu għamlu l-aħjar sforzi tagħhom”. Fil-fehma tiegħi, din hija formulazzjoni sfortunata, li ma tistax tikkontesta dak li għadni kif spjegajt.

( 230 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 249 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 231 ) Ara, b’kuntrast, Qorti EDB, Ahmet Yildirim vs It-Turkija, punt 66.

( 232 ) Jien spjegajt in-natura fundamentali tal-projbizzjoni tal-“obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ” għal-libertà ta’ komunikazzjoni online fil-kuntest tas-sezzjoni dwar l-“essenza” tal-libertà tal-espressjoni (punti 98 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 233 ) Ara l-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 234 ) Sentenza Glawischnig-Piesczek (punt 35).

( 235 ) Sentenza Glawischnig-Piesczek (punt 46).

( 236 ) Ara l-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29, li skontha “[…] [f]’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali [imwettqa permezz tal-użu tas-servizzi tagħhom]”.

( 237 ) Ara l-punti 142, 143 u 146 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 238 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda YouTube u Cyando (punti 187 u 188).

( 239 ) Ara, f’dan is-sens, ir-Rakkomandazzjoni 2018/334 (premessa 25: “Jista’, b’mod partikolari, ikun xieraq li jittieħdu tali miżuri proattivi meta n-natura illegali tal-kontenut diġà tkun ġiet stabbilita jew fejn it-tip tal-kontenut huwa tali li kuntestwalizzazzjoni mhijiex essenzjali”), kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2018)2 fuq ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-intermedjarji tal-internet, (anness, punt 1.3.2: “Biex jeżiġu mingħand l-intermedjarju r-restrizzjoni tal-aċċess għal xi kontenut, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiksbu ordni minn awtorità ġudizzjarja […]. Dan ma japplikax għall-każijiet li jikkonċernaw il-kontenut illegali ikun x’ikun il-kuntest, bħalma huwa l-kontenut li jirrigwarda l-abbuż sesswali tat-tfal, jew fil-każijiet fejn huma meħtieġa miżuri mgħaġġla, skont il-kundizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni”) (enfasi miżjud minni).

( 240 ) Il-Qorti EDB insistiet fuq il-fatt li dawn kienu kummenti “manifestament illegali”, “[li jsarrfu] mal-ewwel daqqa’ ta’ għajn f’tixwix għal mibegħda jew għall-vjolenza” b’mod li “ma kienx meħtieġ li jkunu ssuġġettati għal analiżi lingwistika jew legali biex jiġi stabbilit li kienu illegali” (ara, b’mod partikolari, punt 110, 114, 115, 117, 140 u 155 ta’ din is-sentenza).

( 241 ) Ara Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2017, Pihl vs L-Isvezja, CE:ECHR:2017:0207DEC007474214, punt 25; Qorti EDB, 19 ta’ Marzu 2019, Hoiness vs In-Noveġja, CE:ECHR:2019:0319JUD004362414, punt 68; Qorti EDB, 2 ta’ Frar 2016, Magyar Tartalomszolgáltatók Egyesülete u Index.hu Zrt vs L-Ungerija, CE:ECHR:2016:0202JUD002294713, punt 63 u 64, kif ukoll Qorti EDB, 4 ta’ Ġunju 2020, Jezior vs Il-Polonja, CE:ECHR:2020:0604JUD003195511, punti 54 u 58.

( 242 ) Ara l-punt 221 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 243 ) Ara, f’dan l-istess sens, Quintais, J., Frosio G., van Gompel, S., et, “Safeguarding User Freedoms in Implementing Article 17 of the Copyright in the Digital Single Market Directive: Recommendations From European Academics”, JIPITEC, 2019, Vol. 10, Nru 3; Lambrecht, M., op. cit., p. 88 sa 90; Cabay, J., op. cit., p. 237 sa 273, kif ukoll Dusollier, S., op. cit., p. 1020. Din l-interpretazzjoni toħroġ, mill-bqija, minn qari naturali tal-formulazzjoni tal-Artikolu 17(4)(b) u (c) tad-Direttiva 2019/790 li jobbliga lill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni li jiggarantixxu li ma jkunx disponibbli “xogħlijiet” jew “materjal” ieħor, u mhux ta’ kwalunkwe kontrafazzjoni li tinvolvi, xi ftit jew wisq, l-oġġetti inkwistjoni (ara, fl-istess sens, Lambrecht, M. op. cit., p. 89).

( 244 ) Fi kliem ieħor, jien nintendi dak li hu xi kultant indikat bħala kopji “sevili” u “kważi servili”. F’dan ir-rigward, nosserva li parti mill-kontenut preżenti fuq is-servizzi ta’ kondiviżjoni tikkonsisti, preċiżament, kopji servili jew kważi servili ta’ xogħlijiet u oġġetti protetti oħra, bħalma huma x-xogħlijiet ċinematografiċi jew fonogrammi.

( 245 ) Sentenza Glawischnig-Piesczek (punt 46). Nippreċiża li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, ma riditx teskludi n-neċessità ta’ ċerti kontrolli minn persuni umani. Ser nerġa’ ndur għal din fil-punt 211 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 246 ) Fil-fehma tiegħi, l-informazzjoni “rilevanti u neċessarja” pprovduta mid-detenturi tad-drittijiet ikollha tinkludi elementi tali li juru li huma għandhom id-drittijiet fuq ix-xogħlijiet jew l-oġġetti protetti l-oħra li tagħhom huma jitolbu l-ibblukkar, sabiex jillimitaw ir-riskju ta’ tali “talbiet eċċessivi” (ara l-punt 148 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 247 ) Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti u tal-Gvern Franċiż li skontu t-terminu “manifest” ma jinstabx fit-test tad-Direttiva 2019/790. Fil-fatt, dan ma huwiex kunċett sostantiv, imma sempliċiment il-livell ta’ monitoraġġ li għandhom jagħmlu l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni. Dan il-livell ta’ monitoraġġ jirriżulta mill-Artikolu 17(8) ta’ din id-direttiva u min-neċessità li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ikkontestati b’mod li jkun osservat il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu. Barra minn hekk, b’kuntrast ma dak li jsostni l-Gvern Franċiż, id-differenza bejn l-informazzjoni li l-illegalità tagħha tidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn u dik li teħtieġ eżami ulterjuri ma hijiex idea ġdida. F’dan ir-rigward, jien ser nillimita ruħi biex infakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, fornitur intermedjarju għandu jneħħi l-informazzjoni meta huwa ikollu attwalment tagħrif tan-natura illegali tagħha, jew meta n-natura illegali tagħha tkun “apparenti” meħud kont tal-elementi li huwa jkollu quddiemu. F’dan il-każ, hemm l-istess idea. Nirreferi wkoll għar-raġunament adottat mill-Qorti EDB fis-sentenza tagħha Delfi A.S. vs L-Estonja. Finalment, l-idea ta’ kontrafazzjoni manifesta, inkluża bħala l-kopja “servili” jew “kważi servili” hija diġà magħrufa.

( 248 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, fl-istess sens, Geiger, C., Jütte, B.-J., “Platform liability under Article 17 of the Copyright in the Digital Single Market Directive, Automated Filtering and Fundamental Rights: An Impossible Match”, SSRN Papers (aċċessibbli fis-sit internet https://papers.ssrn.com/sol3/papers.cfm?abstract_id=3776267), p. 44.

( 249 ) B’mod ġenerali, huma l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ dawn l-Istati li għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, u li jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu effettivament jinvokaw id-drittijiet tagħhom għall-użu leġittimu, skont l-Artikolu 17(7) tad-Direttiva 2019/790. Fuq dan il-punt, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li din id-direttiva ma fiha ebda dispożizzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni fil-konfront tal-utenti f’każ ta’ ksur ta’ dan il-paragrafu 7. Fil-fehma tiegħi, din ir-responsabbiltà għandha tinstab fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, b’osservanza tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali. Sanzjonijiet oħra effettivi, dissważivi u proporzjonati għandhom jiġu previsti. Barra minn hekk, peress li r-rispett tad-drittijiet tal-utenti huwa parti mill-“aħjar sforzi” li għandhom jagħmlu l-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, isegwi li, jekk tali fornitur ma jirrispettax id-drittijiet inkwistjoni, huwa għandu jitlef il-benefiċċju tal-mekkaniżmu tal-eżenzjoni previst fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.

( 250 ) Fil-fatt, l-għodod ta’ rikonoxximent permezz tal-“marki tas-swaba” huma kapaċi li jagħmlu distinzjoni skont il-kwantità mill-kontenut protett li jerġa’ jiġi użat f’kontenut li jitqiegħed online, partikolarment il-kontenut awdjo u vidjo. Ċertament, kif isostni l-Gvern Franċiż, ma huwiex suffiċjenti, pereżempju, li estratt mużikali ikun inqas minn ċerta tul biex l-eċċezzjoni tal-kwotazzjoni tkun applikabbli, peress li dan jiddependi mill-intenzjoni tal-utent (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 178 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, hija kwistjoni biss li titħalla, fil-parametri tal-għodda tal-filtrazzjoni, marġni li fiha l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni tidher mhux ċerta, imma sempliċiment raġonevolment konċepibbli.

( 251 ) F’dan ir-rigward, l-approċċ spjegat mill-Kummissjoni fid-dokument tagħha “Targeted consultation addressed to the participants to the stakeholder dialogue on Article 17 of the Directive on Copyright in the Digital Single Market” huwa, fil-fehma tiegħi, mod tajjeb ta’ kif wieħed għandu jimxi (ara p. 15 u 16 ta’ dan id-dokument). Ara, għal proposti simili, Quintais, J., Frosio G., van Gompel, S., et, op. cit.; Lambrecht, M., op. cit., p. 79 sa 94, kif ukoll Leitsner, M., op. cit., p. 193 sa 208. L-Istati Memnri jistgħu jipprevedu wkoll mekkaniżmi ta’ kontra l-abbuż. F’din il-kawża, ma huwiex meħtieġ li tittieħed pożizzjoni iktar preċiża fuq dawn il-proposti differenti.

( 252 ) Il-Gvern Franċiż isostni li l-implimentazzjoni tal-għodod ta’ rikonoxximent huwa bbażat fuq regoli ta’ ġestjoni ddefiniti mid-detenturi tad-drittijiet u li, pereżempju, fil-qasam taċ-ċinema, dawn tal-aħħar jittolleraw, ġeneralment kontra parti mid-dħul marbut mal-“monetizzazzjoni” tal-vidjo kkonċernat (ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet), it-tqegħid online ta’ estratti ta’ diversi minuti mill-films tagħhom. Ċertament, l-idea li skontha l-osservanza tal-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet tista’ tkun żgurata b’miżuri volontarji meħudin mid-detenturi tad-drittijiet ma hijiex ġdida għad-dritt tal-Unjoni (ara l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29, dwar il-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni). Madankollu, jidhirli li f’kuntest ta’ filtrazzjoni bħalma huwa dak li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, fid-dawl tar-riskji li jien iddeskrivejt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq ir-rieda ta’ dawn l-istess detenturi.

( 253 ) Fil-fehma tiegħi, dawn il-linji gwida, meta jiddefinixxu dawn l-“aħjar prattiki”, jipparteċipaw biex jistabbilixxu l-“istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali” li l-fornituri għandhom josservaw, skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati. Jekk ikun il-każ, l-imsemmija linji gwida għandhom jiġu aġġornati bil-għan li jsegwu” l-evoluzzjoni tal-istat tal-arti”.

( 254 ) Ara, fl-istess sens, Grisse, K., op. cit., p. 898.

( 255 ) Nimmaġina, pereżempju, t-tqegħid online illegali, fuq servizz ta’ kondiviżjoni, ta’ film li ħareġ fis-swali reċentement, jew li lanqas għadu ħareġ.

( 256 ) Ara, fl-istess sens, Lambrecht, M., op. cit., p. 89 u 90.

( 257 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 258 ) Ma hijiex kwistjoni, b’mod partikolari, li jiġi previst limitu de minimis li taħtu d-detenturi tad-drittijiet jitilfu kull possibbiltà li jinvokaw id-drittijiet tagħhom. L-eżistenza ta’ tali limitu dejjem ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Pelham et (C‑476/17, EU:C:2018:1002, punti 28 sa 33).

( 259 ) Dan huwa, barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, għad-detenturi tad-drittijiet, li jiksbu ordni ġudizzjarja (ara l-ewwel paragrafu tal-premessa 66 tad-Direttiva 2019/790), jiġifieri li jressqu azzjoni kontra l-utent responsabbli.

( 260 ) Ara, fl-istess sens, Cabay, J., op. cit., p. 221, u Lambrecht, M., op. cit., p. 90. F’dan il-kuntest, soluzzjoni prattika tista’ tikkonsisti filli d-detenturi tad-drittijiet jiġu informati immedjatament li jkun tqiegħed online kontenut li jirriproduċi l-oġġetti protetti tagħhom, sabiex huma jkunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jippreparaw malajr talba mmotivata għall-ibblukkar (ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(9) tad-Direttiva 2019/790). L-imsemmija detenturi, għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, ma jkunux responsabbli li jagħmlu monitoraġġ huma stess fuq is-servizzi tal-kondiviżjoni u li jillokalizzaw il-kontenut inkwistjoni, li jiġi identifikat awtomatikament għalihom permezz tal-għodda ta’ rikonoxximent.

( 261 ) Nosserva barra minn hekk li, għall-kontenut li l-illegalità tiegħu ma tistax titqies bħala manifesta, il-Qorti EDB kkunsidrat is-sistema ta’ “notifika u tneħħija” bħala mezz xieraq biex jinżamm “bilanċ xieraq” bejn id-drittijiet u l-interessi involuti, peress li dawn in-notifiki jippermettu, preċiżament, li jingħataw lill-fornituri l-elementi ta’ kuntest neċessarji biex jikkonstataw in-natura illegali tal-kontenut. Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Magyar Tartalomszolgáltatók Egyesülete u Index.hu Zrt vs L-Ungerija, CE:ECHR:2016:0202JUD002294713, punt 91.

( 262 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda YouTube u Cyando (punt 190). Il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ma jkunux jistgħu għaldaqstant jillimitaw ruħhom biex japprovaw it-talbiet kollha għall-ibblukkar li huma jirċievu mingħand id-detenturi tad-drittijiet mingħajr verifika.

( 263 )

( 264 ) U, kif indikajt fil-punt 178 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni ikollhom jeżaminaw dawn l-ilmenti u notifiki bl-istess prontezza – u l-istess diliġenza.

( 265 ) Xtaqt nenfasizza punt aħħari. Il-konvenuti u l-intervenjenti indikaw il-fatt li l-mod prinċipali, għal fornitur tas-servizzi ta’ kondiviżjoni, biex jiskappa minn kull responsabbiltà għax-xogħlijiet u oġġetti protetti oħra mqiegħda online fuq is-servizz tiegħu jikkonsisti, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 li jikseb awtorizzazzjoni mingħand id-detenturi tad-drittijiet. F’dan il-kuntest, il-mekkaniżmu ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà previst fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu – u l-obbligi ta’ filtrazzjoni li jirriżultaw minnu – ma jikkonċernawx biss, fi kwalunkwe każ, lix-xogħlijiet u l-oġġetti l-oħra protetti li għalihom ma tkunx inkisbet tali awtorizzazzjoni. Fil-fehma tiegħi, jekk din ma hijiex, strettament, “garanzija” li tirregola lil din il-filtrazzjoni, dan il-punt huwa importanti għal-libertà tal-espressjoni tal-utenti ta’ dawn is-servizzi, u dan iktar u iktar li, skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790, dawn l-awtorizzazzjonijiet ser ikopru wkoll, f’ċerti kundizzjonijiet l-atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” mwettqa minn dawn l-utenti. Għaldaqstant, jien naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li skontha l-Istati Membri għandhom jipprovdu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, mekkaniżmi intiżi li jiffaċilitaw l-għoti ta’ tali awtorizzazzjonijiet. Iktar ma’ dawn l-awtorizzazzjonijiet ikunu jistgħu jinkisbu mill-fornituri tas-servizzi tal-kondiviżjoni, iktar id-detenturi tad-drittijiet ser jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tal-oġġetti protetti tagħhom, u inqas ikollhom l-utenti jbatu bil-miżuri ta’ filtrazzjoni u tal-ibblukkar tal-kontenut tagħhom.

( 266 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021 (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503).

( 267 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Youtube u Cyando (C-682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 59),

( 268 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Guidance on Article 17 of Directive 2019/790 on Copyright in the Digital Single Market”, speċjalment p. 18 sa 24.

( 269 ) Il‑Kummissjoni tevoka oġġetti li għandhom valur ekonomiku partikolari matul ċertu perijodu. Madankollu, il-mekkaniżmu ta’ “riżerva” ma jidhirx limitat għal dawn l-oġġetti. Il-linji gwida ma jiddefinixxux iżjed il-kunċett ta’ “dannu ekonomiku sinjifikattiv”. Infakkar li, skont il-Gvern Franċiż, f’każ ta’ tqegħid online ta’ kontenut kontrafatt, id-dannu ekonomiku subit mid-detenturi tad-drittijiet huwa dejjem “irreparabbli”.

Top