EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CC0322
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 3 September 2020.#KS and Others v The International Protection Appeals Tribunal and Others.#Requests for a preliminary ruling from the High Court (Irlande) and International Protection Appeals Tribunal.#References for a preliminary ruling – Border controls, asylum and immigration – International protection – Standards for the reception of applicants for international protection – Directive 2013/33/EU – Third-country national who has travelled from one Member State of the European Union to another, but who has applied for international protection only in the latter Member State – Decision to transfer to the first Member State – Regulation (EU) No 604/2013 – Access to the labour market as an applicant for international protection.#Joined Cases C-322/19 and C-385/19.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2020.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2020.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:642
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2020 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑322/19 u C‑385/19
K.S.,
M.H.K.
vs
The International Protection Appeals Tribunal,
The Minister for Justice and Equality,
Ireland and the Attorney General (C‑322/19)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))
u
R.A.T.,
D.S.
vs
The Minister for Justice and Equality (C‑385/19)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/33/UE – Standards għall-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 15 – Aċċess għas-suq tax-xogħol – Kundizzjonijiet ta’ aċċess – Interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-kwalità ta’ ‘applikant’ – Interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ dewmien attribwibbli lill-applikant – Applikanti li fir-rigward tagħhom ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħad lill-applikanti minn din il-kwalità minħabba l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni – Ammissibbiltà”
I. Introduzzjoni
1. |
F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża l-modalitajiet ta’ akkoljenza ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem l-“applikant”) li fir-rigward tiegħu awtorità nazzjonali tkun adottat deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru li hija identifikat bħala responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru responsabbli”) skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 2 ). |
2. |
B’mod partikolari, id-domandi preliminari jirrigwardaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, li huwa kundizzjoni ta’ akkoljenza msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33/UE ( 3 ). Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant ikollu aċċess għas-suq tax-xogħol mhux iktar tard minn 9 xhur mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu, jekk ma tkunx ittieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza u d-dewmien ma jistax ikun attribwit lill-applikant. |
3. |
Madankollu, il-leġiżlazzjoni Irlandiża inkwistjoni tipprevedi li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward tal-applikant għandha l-effett li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata minn din il-kwalità kif ukoll mid-dritt li titlob il-permess ta’ xogħol assoċjat magħha ( 4 ). |
4. |
Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tal-kwistjonijiet prinċipali ġodda ta’ dritt li jqumu f’dan il-każ. |
5. |
L-ewwel domanda tirrigwarda d-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-miżura prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 u tirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “applikant” fir-rigward tad-dritt għall-aċċess għas-suq tax-xogħol previst minn din id-dispożizzjoni. Din id-domanda, li taqa’ fil-linja tas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI ( 5 ), hija intiża sabiex tiddetermina jekk, skont l-imsemmija dispożizzjoni, Stat Membru jistax jirrifjuta l-aċċess għas-suq tax-xogħol lil applikant li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment. |
6. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward ta’ applikant ma jistax ikollha l-effett li ċċaħħdu minn din il-kwalità kif ukoll mid-drittijiet assoċjati magħha. |
7. |
It-tieni domanda tirrigwarda n-natura tal-aġir li seta’ kkawża dewmien attribwibbli lill-applikant fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk awtorità nazzjonali tistax tattribwixxi lill-applikant id-dewmien li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, u b’hekk iċċaħħad lil dan tal-aħħar mill-aċċess għas-suq tax-xogħol, minħabba, l-ewwel nett, li huwa ma ppreżentax l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali lill-Istat Membru tal-ewwel dħul irregolari jew, fil-każ ta’ residenza regolari, lill-Istat Membru ta’ residenza u, it-tieni nett, li huwa ppreżenta rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fir-rigward tiegħu b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013. |
8. |
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom, fl-istat attwali tat-testi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA), la waħda u lanqas l-oħra minn dawn iċ-ċirkustanzi ma tista’ titqies li kkawżat dewmien attribwibbli lill-applikant fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, li jista’ jċaħħdu mill-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
9. |
Konformement mal-Artikolu 78 TFUE, is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil hija komposta minn diversi testi, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2011/95/UE ( 6 ), li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, mid-Direttiva 2013/32/UE ( 7 ), li tispeċifika l-modalitajiet proċedurali applikabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, mid-Direttiva 2013/33, li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba hawnhekk u li tistabbilixxi l-istandards ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, u mir-Regolament Nru 604/2013, li jippreċiża l-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. |
1. Id-Direttiva 2011/95
10. |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2011/95 għandha b’mod partikolari l-għan li tistabbilixxi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. |
11. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. 2. L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.” |
2. Id-Direttiva 2013/32
12. |
Id-Direttiva 2013/32 għandha l-għan li tistabbilixxi r-regoli u l-garanziji proċedurali applikabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
13. |
L-Artikolu 2(p) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-espressjoni “tibqa’ fl-Istat Membru” bħala “li tibqa’ fit-territorju […] tal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li fih tkun saret jew qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni”. |
14. |
Fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi”, l-Artikolu 9(1) jipprevedi li “[l]-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III”. |
15. |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/32, li jsemmi l-“[o]bbligi tal-applikanti”, jipprovdi: “1. L-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li jistabbilixxu l-identità tagħhom u elementi oħra li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4 (2) tad-Direttiva [2011/95]. L-Istati Membri jistgħu jimponu lill-applikant obbligi oħra biex jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti sa fejn tali obbligi huma meħtieġa għall-ipproċessar tal-applikazzjoni. 2. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li
|
16. |
Fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32, l-Artikolu 31(3) huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni. Fejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita fir-Regolament [Nru 604/2013], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra, meta: […]
[…]”. |
17. |
L-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjonijiet bla bażi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “[L]-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala bla bażi biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jikkwalifikax għall-protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].” |
18. |
L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[a]ddizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Nru 604/2013], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu”. |
19. |
Fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva hemm lista eżawrjenti ta’ każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala inammissibbli. |
3. Id-Direttiva 2013/33
20. |
Konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2013/33 għandha l-għan li tistabbilixxi standards għall-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri. |
21. |
Il-premessi 8, 11, 12, 13, 23 u 35 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw:
[…]
[…]
[…]
|
22. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]” |
23. |
Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, din tapplika “għaċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi u dawk apolidi li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju […] ta’ Stat Membru, sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti”. |
24. |
Fil-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar kondizzjonijiet ta’ akkoljenza”, l-Artikolu 15, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba hawnhekk, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol mhux iktar tard minn 9 xhur mid-data meta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjoni kienet iddepożitata jekk deċiżjoni fl-ewwel istanza ma titteħidx mill-awtorità kompetenti u d-dewmien ma jistax ikun attribwit lill-applikant. 2. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu l-kondizzjonijiet għall-għotja ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol għall-applikant, b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, filwaqt li jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċes effettiv għas-suq tax-xogħol. Għal raġunijiet ta’ politika tas-suq tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini tal-Istati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti. 3. Aċċess għas-suq tax-xogħol m’għandux ikun irtirat matul proċeduri ta’ appell, meta appell kontra deċiżjoni negattiva fi proċedura regolari għandu effett ta’ sospensjoni, sa meta deċiżjoni negattiva wara l-appell tkun innotifikata.” |
4. Ir-Regolament Nru 604/2013
25. |
Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 604/2013 għandu l-għan li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli. |
26. |
Il-premessi 11, 12 u 19 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:
[…]
|
27. |
Fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 604/2013, intitolat “Prinċipji ġenerali u salvagwardji”, l-Artikolu 3(1), jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.” |
28. |
Fil-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura”, l-Artikolu 20 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru”. |
29. |
Fit-Taqsima IV ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Salvagwardji proċedurali”, l-Artikolu 26(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi, b’mod partikolari, li, “[m]eta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant […], l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali”. |
30. |
L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 604/2013, intitolat “Rimedji”, jiddikjara: “1. L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal. […] 3. Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:
|
B. Id-dritt Irlandiż
31. |
Wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta’ l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ( 9 ), il-European Communities (Receptions Conditions) Regulations 2018 (id-Digriet tal‑2018 dwar il-Komunitajiet Ewropej (kundizzjonijiet ta’ akkoljenza)) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑2018”) ittraspona fid-dritt Irlandiż, b’effett mit‑30 ta’ Ġunju 2018, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33. |
32. |
L-Artikolu 2 tad-Digriet tal‑2018 jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, meta deċiżjoni ta’ trasferiment, fis-sens tal-[European Union (Dublin System) Regulations 2018 ( 10 )], tkun ġiet adottata fir-rigward ta’ applikant, allura, mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni skont ir-Regola 5(2) ta’ dan id-digriet, il-persuna kkonċernata:
3. Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, persuna li, skont l-Artikolu 16(2) tad-[Digriet tal‑2018 dwar l-Unjoni Ewropea (Sistema ta’ Dublin)], tkun adixxiet lill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda) b’appell li dwaru din tal-aħħar tkun għadha ma ddeċidietx, hija kkunsidrata bħala benefiċjarju iżda mhux bħala applikant.” |
33. |
L-Artikolu 11(3) u (4) tad-Digriet tal‑2018, li jimplimenta l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, jipprovdi: “3. Applikant jista’ jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ xogħol: […]
4. Il-Minister for Justice and Equality [il-Ministru tal-Ġustizzja u tal-Ugwaljanza, l-Irlanda] jista’ […] jagħti awtorizzazzjoni [ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol] lill-applikant jekk:
|
III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
34. |
Id-domandi preliminari magħmula, minn naħa, mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) fil-kawża The International Protection Appeals Tribunal et (C‑322/19) u, min-naħa l-oħra, mill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) fil-kawża Minister for Justice and Equality (C‑385/19) ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-Ministru tal-Ġustizzja u tal-Ugwaljanza dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li rrifjutawlhom l-għoti ta’ permess ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fil-kwalità tagħhom ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li t-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor intalab skont ir-Regolament 604/2013. |
35. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Ġunju 2019, dawn iż-żewġ kawżi ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. |
A. Il-Kawża C‑322/19
36. |
K.S. telaq mill-Pakistan fi Frar 2010 sabiex imur fl-Istat Membru tar-Renju Unit, fejn huwa ma ppreżentax applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fix-xahar ta’ Mejju 2015, huwa mar l-Irlanda fejn ippreżenta tali applikazzjoni. Wara d-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn ir-Renju Unit adottata fir-rigward tiegħu fid‑9 ta’ Marzu 2016, huwa ppreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell tar-Refuġjati, l-Irlanda), li ċaħditu fis‑17 ta’ Awwissu 2016. K.S. imbagħad ressaq proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), li għandha effett sospensiv. |
37. |
Fir-rigward ta’ M.H.K., huwa telaq mill-Bangladexx sabiex imur fir-Renju Unit fl‑24 ta’ Ottubru 2009. Wara l-iskadenza tal-permess ta’ residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru u qabel ma ttieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal estensjoni ta’ dan il-permess, huwa mar l-Irlanda fl‑4 ta’ Settembru 2014 fejn ippreżenta, fis‑16 ta’ Frar 2015, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Wara d-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn ir-Renju Unit adottata fir-rigward tiegħu fil‑25 ta’ Novembru 2015, M.H.K. ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell tar-Refuġjati), li ċaħditu fit‑30 ta’ Marzu 2016. Il-persuna kkonċernata għalhekk ressqet proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 604/2013. Din il-proċedura għadha pendenti u għandha effett sospensiv. |
38. |
K.S. u M.H.K. ressqu, skont l-Artikolu 11(3) tad-Digriet tal‑2018, talba għal permess ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol quddiem il-Labour Market Access Unit of the Department of Justice and Equality (id-Diviżjoni ta’ Aċċess għas-Suq tax-Xogħol tad-Dipartiment tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza, l-Irlanda). Wara ċ-ċaħda tat-talbiet tagħhom, kull waħda miż-żewġ persuni kkonċernati ppreżentat rikors, li wkoll ġew miċħuda. Huma ppreżentaw appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali). Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2018, din tal-aħħar ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ ċaħda indirizzata lil K.S. minħabba li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, l-applikanti huma s-suġġetti ta’ proċedura ta’ trasferiment skont ir-Regolament Nru 604/2013 u għalhekk ma għandhomx id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol. Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) ukoll ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn M.H.K., billi ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-aċċess għas-suq tax-xogħol ma jaqax taħt il-“kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali”. K.S. u M.H.K. għalhekk ressqu talba quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn is-sentenzi. |
39. |
Din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
B. Il-Kawża C‑385/19
40. |
R.A.T., ċittadina Iraqina, ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda, fis‑7 ta’ Marzu 2018. Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Ottubru 2018, hija ġiet informata li kienet ittieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment lejn ir-Renju Unit fil-konfront tagħha, skont ir-Regolament Nru 604/2013. Hija għalhekk ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali), fit‑18 ta’ Ottubru 2018. Dan l-appell għadu pendenti. |
41. |
D.S., ċittadin Iraqi, jispjega li telaq mill-Iraq fl‑1 ta’ Awwissu 2015 sabiex imur l-Awstrija billi jaqsam it-Turkija u wara l-Greċja. Huwa telaq mill-Awstrija qabel ma ttieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li huwa kien ippreżenta f’dan il-pajjiż. D.S. ippreżenta applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda fit‑8 ta’ Frar 2016. L-awtoritajiet Irlandiżi adottaw fil-konfront tiegħu deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Awstrija, skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 604/2013. D.S. ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali), li ġie miċħud. Huwa beda proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), li għadha pendenti. |
42. |
R.A.T. u D.S. talbu li jibbenefikaw minn aċċess għas-suq tax-xogħol skont l-Artikolu 11(3) tad-Digriet tal‑2018. It-talba tagħhom ġiet miċħuda minħabba li, peress li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Nru 604/2013, huma tilfu l-kwalità ta’ applikant u issa kellhom jikkwalifikaw bħala benefiċjarji, fis-sens ta’ dan id-digriet. Għaldaqstant, huma ma setgħux jibbenefikaw minn permess ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol Irlandiż. Għaldaqstant, R.A.T. u D.S. ippreżentaw appell minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali). |
43. |
Din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
IV. Analiżi
44. |
Qabel ma nipproċedi għall-eżami tad-domandi preliminari, jidhirli li jkun utli li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari. |
A. Osservazzjonijiet preliminari
45. |
L-ewwel osservazzjoni tikkonċerna l-portata ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċentraw fuq żewġ kwistjonijiet esposti fit-tieni sal-ħames domandi fil-Kawża C‑322/19 u fiż-żewġ domandi tal-Kawża C‑385/19. |
46. |
L-ewwel kwistjoni tirrigwarda d-determinazzjoni tal-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33. Filwaqt li, permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑322/19, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk applikant li fir-rigward tiegħu ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment jibbenefikax minn dan id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) tistaqsi, min-naħa tagħha, permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑385/19, jekk huwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn diversi kategoriji ta’ applikanti fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. |
47. |
It-tieni kwistjoni tikkonċerna ċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru jista’ jattribwixxi lill-applikant id-dewmien fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, meta dan id-dewmien jirriżulta mill-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, u b’hekk jirrifjutalu l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Għalkemm l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali), permezz tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑385/19, tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża n-natura tal-aġir li jista’ jikkawża tali dewmien, il-High Court (il-Qorti Għolja), permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha magħmula fil-Kawża C‑322/19, tistaqsi dwar żewġ azzjonijiet partikolari li jistgħu jikkostitwixxu dewmien attribwibbli lill-applikant, jiġifieri, minn naħa, meta dan tal-aħħar ma jkunx ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu lill-Istat Membru tal-ewwel dħul illegali tiegħu, jew, f’każ ta’ residenza legali, lill-Istat Membru ta’ residenza, f’liema każ l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jkun jeħtieġ l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura u, jekk ikun il-każ, ta’ trasferiment tal-persuna ikkonċernata lejn dak l-Istat, u, min-naħa l-oħra, meta l-applikant ikun ippreżenta rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fil-konfront tiegħu skont ir-Regolament Nru 604/2013. |
48. |
L-eżami ta’ dawn id-domandi jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni minbarra dawk espressament imsemmija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju u, b’mod partikolari, ir-regoli sostantivi u proċedurali stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttivi 2011/95 u 2013/32. |
B. Id-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-aċċess għas-suq tax-xogħol skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33
49. |
Il-High Court (il-Qorti Għolja), permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑322/19, u l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali), permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑385/19, jistaqsu, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk Stat Membru, li fit-territorju tiegħu tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, huwiex obbligat li jagħti l-aċċess għas-suq tax-xogħol lill-applikant li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet tiegħu adottaw deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru li huma identifikaw bħala responsabbli skont ir-Regolament Nru 604/2013. |
50. |
Ir-risposta għal din id-domanda hija kjarament pożittiva. Din hija bbażata fuq interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 kif ukoll fuq il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Cimade u GISTI. Infakkar li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija dwar jekk Stat Membru, li quddiemu titressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-fruntiera tiegħu jew fit-territorju tiegħu, kienx obbligat li jagħti lill-applikant il-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza previsti mid-Direttiva 2003/9/KE ( 11 ) fil-każ li jiddeċiedi, skont ir-Regolament Nru 343/2003, li jitlob lil Stat Membru ieħor jieħu inkarigu tal-persuna kkonċernata jew jeħodha lura bħala Stat Membru responsabbli. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cimade u GISTI kienu, essenzjalment, identiċi għal dawk li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba hawnhekk. Madankollu, il-kawżi huma differenti minn żewġ aspetti. L-ewwel nett, l-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa kundizzjoni ta’ akkoljenza li ma hijiex minima jew materjali skont id-Direttivi 2003/9 u 2013/33. Fil-fatt, id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol ma huwiex intiż sabiex jissodisfa ħtieġa essenzjali jew vitali tal-applikant. It-tieni nett, il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli hija fi stadju iktar avvanzat fil-kawżi prinċipali milli f’dik li tat lok għas-sentenza Cimade u GISTI peress li, fil-kawżi prinċipali, diġà ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward tal-persuni kkonċernati. |
1. Interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33
51. |
Fl-ewwel lok, mill-kliem tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti għandu jibbenefika lill-“applikant”. |
52. |
Il-kunċett ta’ “applikant” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva bħala li jkopri “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali”. |
53. |
Ta’ min jinnota, preliminarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni hawnhekk qiegħed jirreferi għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “applikant” li huwa komuni għat-testi kollha li jiffurmaw is-SEKA ( 12 ). Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-ebda wieħed mill-istrumenti li jiffurmaw din is-sistema ma jistabbilixxi definizzjoni speċifika u lanqas status legali speċifiku tal-applikant li jaqgħu taħt proċedura ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura u ta’ trasferiment skont ir-Regolament Nru 604/2013. Fis-sentenza Cimade u GISTI, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkonstatat, fid-dawl tal-kliem tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2003/9, li teżisti biss kategorija waħda ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li tinkludi ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat li jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil ( 13 ). |
54. |
Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “applikant” imsemmi fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33, nirrileva qabelxejn, li bl-użu, fil-verżjoni Franċiża, tal-aġġettiv indefinit “tout [ressortissant de pays tiers ou tout apatride]”, u fil-verżjoni Ingliża, tal-artikolu indefinit “a [third-country national or a stateless person]”, il-leġiżlatur tal-Unjoni juri li ebda ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat ma huma, a priori, esklużi mill-istatus ta’ applikant. Għalkemm, wara, huwa jeħtieġ li dan tal-aħħar jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li huwa ma jeħtieġx, għall-finijiet tal-issodisfar ta’ dan ir-rekwiżit, li din l-applikazzjoni tkun ippreżentata lill-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Nru 604/2013 ( 14 ). Fl-aħħar nett, ninnota li, skont il-kliem ta’ din id-definizzjoni, il-persuna kkonċernata żżomm l-istatus tagħha, sakemm “fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali [rigward l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali]”. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuna kkonċernata għalhekk ma titlifx il-kwalità ta’ applikant tagħha qabel il-mument li tkun ġiet adottata deċiżjoni finali fil-konfront tagħha ( 15 ). Dan jimplika li awtorità amministrattiva u, jekk ikun il-każ, awtorità ġudizzjarja jkunu ħadu deċiżjoni finali dwar ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. |
55. |
Issa, deċiżjoni ta’ trasferiment adottata abbażi tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 604/2013 ma tikkostitwixxix deċiżjoni li permezz tagħha “[ittieħdet] deċiżjoni finali” dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li hija l-unika li tista’ twassal għat-telf tal-kwalità ta’ applikant. |
56. |
Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hassan ( 16 ), deċiżjoni ta’ trasferiment taqa’ taħt il-mekkaniżmu speċifiku stabbilit mir-Regolament Nru 604/2013 għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u ta’ sistema proċedurali stretta stabbilita fl-Artikoli 26 u 27 ta’ dan ir-regolament. |
57. |
Deċiżjoni ta’ trasferiment la tikkostitwixxi deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni u lanqas deċiżjoni dwar il-fondatezza tagħha. Fil-fatt, mill-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li, fil-każ li applikazzjoni ma tiġix eżaminata skont ir-Regolament Nru 604/2013 – li huwa l-każ meta tiġi adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru ma jistax jikkunsidra din l-applikazzjoni bħala inammissibbli ( 17 ). Lanqas ma huwa obbligat li jivverifika jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ( 18 ). Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment timplika li r-responsabbiltà għal dan l-eżami għandha tiġi trażmessa lill-awtoritajiet tal-Istat Membru identifikat bħala responsabbli ( 19 ). |
58. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, sa fejn deċiżjoni ta’ trasferiment ma tikkostitwixxix deċiżjoni li permezz tagħha tittieħed deċiżjoni definittiva dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-adozzjoni tagħha ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-kwalità ta’ “applikant” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33 kif ukoll mid-drittijiet assoċjati ma’ din il-kwalità. |
59. |
Fit-tieni lok, mill-kliem tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-applikant għandu jkollu aċċess għas-suq tax-xogħol f’terminu massimu ta’ disa’ xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, sal-adozzjoni ta’ “deċiżjoni fl-ewwel istanza” mill-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva, il-perijodu li matulu l-applikant jista’ jibbenefika minn dan l-aċċess jestendi, fil-każ ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni negattiva, sal-mument li fih jiġi nnotifikat biċ-ċaħda tal-appell. |
60. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “deċiżjoni fl-ewwel istanza” fid-Direttiva 2013/33. Għal dan l-għan, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32. Mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 32 u 33 tagħha jirriżulta li deċiżjoni fl-ewwel istanza hija deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità determinanti tiddeċiedi jew dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jew dwar il-mertu tagħha. Issa, infakkar li, meta tadotta deċiżjoni ta’ trasferiment, l-awtorità nazzjonali kompetenti la tiddeċiedi fuq waħda u lanqas fuq l-ieħor. Nippreċiża wkoll, barra minn hekk li, meta din l-awtorità takkumpanja d-deċiżjoni ta’ trasferiment b’deċiżjoni li ma teżaminax l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, din id-deċiżjoni tal-aħħar lanqas ma taqa’ taħt il-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32. F’dan il-kuntest, la d-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 604/2013 u lanqas, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tiddeċiedi li ma teżaminax l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jikkostitwixxu “deċiżjoni fl-ewwel istanza” skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, li hija l-unika li tista’ ttemm id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol previst f’din id-dispożizzjoni. |
61. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-kwalità tagħha ta’ applikant u mid-dritt tagħha ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol previst fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. |
62. |
Dan jimplika li kull persuna li tippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet ta’ Stat Membru titqies li tibbenefika mid-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, anki jekk dak l-Istat Membru ma jkunx responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni u ma jkunx iddeċieda dwar l-ammissibbiltà jew il-fondatezza tagħha. |
2. L-istruttura li fiha jidħol l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33
63. |
Fl-ewwel lok, nirrileva li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/33, iddefinit fl-Artikolu 3(1) tagħha, jestendi għaċ-“ċittadini kollha minn pajjiżi terzi u dawk apolidi li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju […] ta’ Stat Membru sakemm jitħallew joqogħdu fit-territorju bħala applikanti” ( 20 ). |
64. |
Il-kundizzjoni li l-applikant għandu jkun awtorizzat jibqa’ fit-territorju hija meħtieġa fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tagħha, din għandha l-għan li tistabbilixxi “standards għall-akkoljenza tal-[applikanti]”. Issa, l-akkoljenza tista’ ssir biss mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-applikant u huwa awtorizzat jibqa’ minħabba li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
65. |
Nirrileva li l-espressjoni “tibqa’ fl-Istat Membru” hija ddefinita fl-Artikolu 2(p) tad-Direttiva 2013/32 u għandha tiġi interpretata bħala “li tibqa’ fit-territorju […] tal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li fih tkun saret jew qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni”. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Cimade u GISTI, dan jimplika li l-applikant huwa awtorizzat jibqa’ mhux biss fit-territorju tal-Istat Membru li fih l-applikazzjoni tiegħu ser tiġi eżaminata, iżda wkoll f’dak tal-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata din l-applikazzjoni ( 21 ). |
66. |
Il-kundizzjoni li l-applikant għandu jkun awtorizzat jibqa’ fit-territorju tippermetti għalhekk li jiġi ggarantit l-għoti tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza jkun xi jkun l-istadju tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni. Din hija t-tifsira, b’mod partikolari, tal-premessa 8 tad-Direttiva 2013/33, li skontha, sabiex ikun żgurat it-trattament ugwali tal-applikanti madwar l-Unjoni, din id-direttiva “għandha tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-postijiet u fil-faċilitajiet kollha li jilqgħu lill-applikanti u sakemm jitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti”. |
67. |
Issa, il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mwettqa skont ir-Regolament Nru 604/2013 hija, essenzjalment, “proċedura li tirrigwarda l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”. Din hija proċedura amministrattiva li għandha l-għan, skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li tistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. |
68. |
Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, il-proċess sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli jibda hekk kif applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ippreżentata għall-ewwel darba lil Stat Membru wieħed. Fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 604/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni jżid li “[i]d-Direttiva [2013/33] għandha tapplika għall-proċedura li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli kif regolat min dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva”. Madankollu, il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sseħħ, fil-prattika, meta l-applikant ikun fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, huwa essenzjali li l-applikant li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment jibbenefika mill-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza previsti mid-Direttiva 2013/33. L-Artikolu 27(3)(a) tar-Regolament Nru 604/2013 jagħti barra minn hekk espressament lill-applikant li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata tali deċiżjoni “id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat”, jekk dan ikun ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni, sal-eżitu tal-appell tiegħu. |
69. |
Tali applikant jaqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/33, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż, a priori, mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza previsti minnha. |
70. |
Huwa f’dan is-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Cimade u GISTI. Fil-fatt, din iddeċidiet li “huwa biss it-trasferiment effettiv tal-applikant […] mill-Istat Membru rikorrent li jtemm l-eżami tal-applikazzjoni […] minn dan tal-aħħar kif ukoll ir-responsabbiltà tiegħu relatata mal-għoti tal-kundizzjonijiet minimi ta’ akkoljenza” ( 22 ). Din il-ġurisprudenza tapplika f’termini identiċi għall-għoti tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, minbarra dawk materjali, bħall-aċċess għas-suq tax-xogħol. Fil-fatt, il-kundizzjoni li l-applikant għandu jkun awtorizzat jibqa’ fit-territorju tapplika mingħajr distinzjoni skont in-natura tal-bżonnijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jissodisfa. |
71. |
Fit-tieni lok, nirrileva li, skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol b’osservanza tal-prinċipju ta’ effettività. |
72. |
Filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi, fl-Artikoli 17, 18 u 20 ta’ din id-direttiva, dispożizzjonijiet relattivament preċiżi fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ għoti, ta’ limitazzjoni u ta’ rtirar tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali, għandu jiġi kkonstatat li huwa ma jipprevedix dispożizzjonijiet analogi fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol ( 23 ). B’hekk, huwa jħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeċiedu, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, dwar il-kundizzjonijiet li fihom huma jagħtu dan l-aċċess. |
73. |
Ninnota, madankollu, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jsemmi żewġ riżervi. |
74. |
L-ewwel nett, għalkemm l-Istati Membri huma awtorizzati jintroduċu kundizzjonijiet oħra minbarra dawk espressament imsemmija fl-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, huma għandhom madankollu jiggarantixxu aċċess effettiv għas-suq tax-xogħol. Fi kliem ieħor, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet iddeterminati minn kull wieħed mill-Istati Membri fir-rigward tal-aċċess għal dan is-suq ma għandhomx jagħmlu l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt mogħti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni impossibbli fil-prattika jew diffiċli wisq ( 24 ). F’dan il-kuntest, regola nazzjonali li hija intiża li ċċaħħad lill-applikant minn din il-kwalità minħabba li huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ trasferiment tidher li tmur kontra l-prinċipju stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, sa fejn din twaqqaf lill-applikant milli jgawdi d-drittijiet li madankollu huma assoċjati ma’ dan l-istatus. |
75. |
It-tieni nett, għalkemm l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet marbuta mal-politika dwar l-impjieg tagħhom, jagħtu prijoritajiet lil ċerti kategoriji tal-popolazzjoni, dawn jistgħu jkunu biss ċittadini tal-Unjoni, ċittadini taż-Żona Ekonomika Ewropea u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment. Mill-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2013/33 jirriżulta li r-raġunijiet marbuta mal-politika nazzjonali dwar l-impjieg ma jippermettux għaldaqstant li ssir distinzjoni bejn l-applikanti, skont jekk l-applikazzjoni tagħhom tiġix eżaminata mill-Istat Membru ospitanti jew mill-Istat Membru li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu nnominaw bħala responsabbli fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 604/2013. |
76. |
Il-kuntest u l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2013/33 għalhekk jimmilitaw ukoll favur interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tagħha li tgħid li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-kwalità tagħha ta’ applikant u mid-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol li jingħatalha skont din id-dispożizzjoni. |
77. |
Naħseb li l-iskop ta’ din id-direttiva kif ukoll l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali jsostnu din l-interpretazzjoni. |
3. Analiżi teleoloġika tad-Direttiva 2013/33
78. |
Skont il-premessa 35 tad-Direttiva 2013/33, id-drittijiet fundamentali huma l-qafas ta’ riferiment li jagħmlu parti minnu l-istandards għall-akkoljenza tal-applikant. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva huma intiżi għalhekk sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni effettiva tal-applikant fl-Istat Membru ospitanti permezz ta’ teħid inkarigu tal-bżonnijiet tiegħu li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari d-dinjità tiegħu, li jkun kontinwu u li jiżgura trattament ugwali. |
79. |
Il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza stabbiliti mid-Direttiva 2013/33 jikkonċernaw, qabel kollox, it-teħid inkarigu tal-bżonnijiet essenzjali u immedjati tal-applikant. Dawn il-kundizzjonijiet huma ddefiniti fl-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva taħt it-terminu ta’ “kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali” (l-akkomodazzjoni, l-ikel, il-ħwejjeġ u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum). Fis-sentenza Cimade u GISTI, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li applikant ma jistax jiġi mċaħħad minnhom, anki matul perijodu temporanju wara l-introduzzjoni tal-applikazzjoni tiegħu u qabel ma jiġi effettivament ittrasferit, bir-riskju b’mod partikolari li jinkiser l-iskop tad-Direttiva 2003/9 u r-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tal-Karta li jgħid li d-dinjità tal-bniedem għandha tiġi rrispettata u protetta ( 25 ). |
80. |
Il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza stabbiliti mid-Direttiva 2013/33 huma intiżi, barra minn hekk, li jissodisfaw il-bżonnijiet l-oħra tal-applikant waqt li jkun qiegħed fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal residenza li tista’ ddum perijodu twil. Għalkemm dawn il-kundizzjonijiet ma humiex intiżi li jissodisfaw il-bżonnijiet vitali tiegħu, dawn huma intiżi, madankollu, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta, bħall-unità tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/33), il-protezzjoni tat-tfal (l-Artikolu 24 tal-Karta u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/33), id-dritt għall-edukazzjoni u għat-taħriġ professjonali (l-Artikolu 14 tal-Karta kif ukoll l-Artikoli 14 u 16 tad-Direttiva 2013/33), l-aċċess għall-kura tas-saħħa (l-Artikolu 35 tal-Karta kif ukoll l-Artikoli 13 u 19 tad-Direttiva 2013/33), kif ukoll id-dritt għax-xogħol (l-Artikolu 15 tal-Karta u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33). L-aċċess għas-suq tax-xogħol għandu għalhekk jippermetti, bħat-tagħlim tal-minuri, li jissodisfa l-bżonn oġġettiv tal-applikant matul ir-residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. |
81. |
Stat Membru ma jistax għalhekk iċaħħad lil applikant mill-benefiċċju ta’ din il-kundizzjoni ta’ akkoljenza mingħajr ma jirriskja li jmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2013/33 kif ukoll id-drittijiet fundamentali li huwa għandu taħt il-Karta. |
82. |
Fl-ewwel lok, il-premessi 11 u 23 tad-Direttiva 2013/33 jesprimu b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiggarantixxi lill-applikant livell tal-għajxien dinjituż matul ir-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti u li jiffavorixxi l-awtosuffiċjenza tiegħu. |
83. |
Id-dritt għax-xogħol, kif stabbilit minn diversi strumenti internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ( 26 ), għandu rwol mhux biss fl-iżvilupp personali tal-individwu u fl-integrazzjoni soċjali u ekonomika tiegħu fis-soċjetà, iżda wkoll fil-preżervazzjoni tad-dinjità tiegħu. |
84. |
Fin-nota tiegħu tal‑2007 dwar l-integrazzjoni tar-refuġjati fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati insista fuq l-indipendenza, ir-rikonoxximent u l-istatus soċjali li l-applikant jikseb permezz tal-attività professjonali ( 27 ). Fl-Osservazzjoni Ġenerali Nru 18 tiegħu dwar id-dritt għax-xogħol ( 28 ), il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti jenfasizza, min-naħa tiegħu, li dan id-dritt, għalkemm ma għandux jinftiehem bħala dritt assolut u inkundizzjonat li l-persuna tikseb impjieg ( 29 ), huwa essenzjali għall-eżerċizzju ta’ drittijiet oħra tal-bniedem, li huwa inseparabbli u jifforma parti integrali mid-dinjità tal-bniedem, li jikkontribwixxi kemm għas-sopravvivenza tal-individwu u tal-familja tiegħu, u, sa fejn ix-xogħol ikun magħżul jew aċċettat liberament, għall-iżvilupp tiegħu fil-komunità ( 30 ). Huwa għalhekk li l-aċċess għall-impjiegi, skont il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, għandu jkun iggarantit b’mod partikolari għall-individwi u l-gruppi żvantaġġati u emarġinati, b’tali mod li jkollhom eżistenza dinjituża ( 31 ). Din hija wkoll waħda mir-raġunijiet li għalihom is-Supreme Court (il-Qorti Suprema), f’sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017 ( 32 ), iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Irlandiża preċedenti, li taħtha applikant, kien min kien, ma setax jaċċessa s-suq tax-xogħol qabel ma tiġi adottata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, kienet kuntrarja għall-Kostituzzjoni ( 33 ). Din il-kawża kienet tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ applikant minn Burma, li l-aċċess għas-suq tax-xogħol tiegħu kien ġie rrifjutat peress li l-applikazzjoni tiegħu kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ eżami li kienet ilha għaddejja tmien snin. Matul dan il-perijodu, l-applikant kien ibbenefika minn kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza kif ukoll minn konċessjoni ta’ EUR 19 fil-ġimgħa. Il-Qorti Suprema ddeċidiet li, billi tipprojbixxi b’mod assolut l-aċċess għas-suq tax-xogħol, meta lanqas jeżisti ebda limitu temporali għall-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tali leġiżlazzjoni twassal għal danni għall-individwu li l-Kostituzzjoni kellha ġustament l-intenzjoni li tipprevjeni ( 34 ). |
85. |
Għalhekk, fil-każ ta’ applikant, ix-xogħol jikkontribwixxi, b’mod evidenti, għall-preżervazzjoni tad-dinjità tiegħu, peress li d-dħul minn dan l-impjieg jippermettilu mhux biss li jmantni lilu nnifsu, iżda wkoll li jkollu akkomodazzjoni barra mill-faċilitajiet ta’ akkoljenza, li fiha huwa jista’ jilqa’, jekk ikun il-każ, lill-familja tiegħu. Ma hemm l-ebda dubju li, fil-kuntest tan-natura sfurzata tal-migrazzjoni u tal-esperjenzi ta’ spiss trawmatizzanti li huma assoċjati magħha, ir-rifjut lill-applikant li jeżerċita kull attività professjonali jista’ jaggrava l-vulnerabbiltà tal-applikant, il-prekarjetà tas-sitwazzjoni tiegħu u, kultant, l-iżolament u l-esklużjoni soċjali li tagħhom huwa jkun diġà vittma, u dan iktar u iktar peress li l-perijodu ta’ stennija jista’ jkun ta’ diversi xhur. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-applikant li fir-rigward tiegħu tinbeda proċedura ta’ teħid inkarigu u ta’ teħid lura u, jekk ikun il-każ, ta’ trasferiment jinsab finalment f’sitwazzjoni iktar prekarja minn dik li tkun tinsab fiha l-persuna li tkun eżentata minnha. Inqis hawnhekk it-termini partikolarment twal li fihom jaqgħu l-proċeduri ta’ teħid inkarigu u ta’ teħid lura u ta’ trasferiment, peress li dawn idumu bejn sitt xhur u tmintax-il xahar skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 604/2013. Inqis ukoll in-numru effettiv ta’ trasferimenti magħmula meta mqabbla mad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment innotifikati ( 35 ). Għalhekk, fl‑2012, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà nnotat fis-sentenza Cimade u GISTI li l-proċedura stabbilita mir-Regolament Nru 343/2003 tista’, f’ċerti każijiet, twassal sabiex l-applikant għall-ażil qatt ma jiġi ttrasferit fl-Istat Membru li tkun saritlu t-talba, iżda jibqa’ fl-Istat Membru fejn ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali ( 36 ). Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013 juru l-istess konstatazzjoni ( 37 ). |
86. |
Fid-dawl ta’ dawn it-termini, l-esklużjoni tal-applikant mis-suq tax-xogħol tista’, barra minn hekk, toħloq riskju ikbar ta’ ħarba, li l-aċċess għall-impjieg jista’ barra minn hekk inaqqas, u żieda fl-impjiegi irregolari, filwaqt li l-Istati Membri jippruvaw ġustament jiġġieldu kontra dawn il-fenomeni u l-abbużi li jġibu magħhom. |
87. |
Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fl-ipoteżi fejn applikant ma jibbenefikax minn riżorsi finanzjarji proprji, l-esklużjoni tiegħu mill-aċċess għas-suq tax-xogħol għandha l-konsegwenza li l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat li jiggarantixxilu livell ta’ għajxien dinjituż billi jipprovdilu, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 17 sa 20 tad-Direttiva 2013/33. Din l-akkoljenza timmobilizza riżorsi materjali, finanzjarji u umani. F’dan il-kuntest, huwa evidenti li l-għoti tal-aċċess għas-suq tax-xogħol itaffi l-pressjoni migratorja kif ukoll il-kontribuzzjonijiet soċjali u finanzjarji tal-Istat Membru ospitanti, u b’hekk jippermetti lil dan tal-aħħar jikkonċentra l-isforzi ta’ teħid inkarigu fuq il-kategoriji l-iktar vulnerabbli tal-applikanti. |
88. |
Barra minn hekk, f’sitwazzjoni li tkun ikkaratterizzata minn nuqqas sistemiku tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, l-esklużjoni tal-applikanti mill-aċċess għas-suq regolari tax-xogħol tista’ tesponi lill-Istat Membru għal riskju ta’ ksur tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4 tal-Karta. Huwa f’dan is-sens li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet fis-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, AL.K vs Il‑Greċja ( 38 ). F’din il-kawża, ir-rikorrent sostna li r-Repubblika Ellenika ma kinitx iggarantietlu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza denji u pprekludietu milli jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ għajxien tiegħu billi rrifjutat, b’mod partikolari, li tagħtih permess ta’ xogħol. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ammettiet li l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, fid-dawl tal-ostakoli amministrattivi, iżda wkoll prattiċi dovuti għall-kuntest ġenerali ta’ kriżi ekonomika, flimkien man-nuqqas ta’ akkomodazzjoni f’faċilità ta’ akkoljenza, jista’ jikkostitwixxi trattament degradanti fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 39 ). |
89. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, xejn ma jiġġustifika li l-applikant li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment jiġi mċaħħad mill-aċċess għas-suq tax-xogħol, sakemm huwa jkun awtorizzat jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. |
90. |
Fit-tieni lok, is-SEKA li fiha huma inklużi d-Direttiva 2013/33 u r-Regolament Nru 604/2013 hija bbażata, skont l-Artikolu 67(2) u l-Artikolu 80 TFUE, fuq politika komuni li għandha tkun ekwa fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 40 ). Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw lill-persuni vulnerabbli, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddikjara b’mod ċar ħafna fid-Direttiva 2013/33 l-intenzjoni li jiżgura trattament ugwali għall-applikanti kollha billi jistandardizza u jarmonizza l-istatus tagħhom kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi assoċjati miegħu. Huwa jinkludi, għalhekk, fil-kamp tal-benefiċjarji tal-istandards ta’ akkoljenza, lill-persuni li jitolbu l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, li ma kinux imsemmija fid-dispożizzjonijiet preċedenti tad-Direttiva 2003/9 ( 41 ). |
91. |
Fil-premessa 5 tad-Direttiva 2013/33, il-leġiżlatur tal-Unjoni jfakkar l-ambizzjonijiet tal-programm ta’ Stokkolma li huma li l-applikanti jingħataw trattament ta’ livell ekwivalenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza jkun liema jkun l-Istat Membru li fih dawn tal-aħħar ikunu ppreżentaw l-applikazzjoni tagħhom. L-għan huwa għalhekk li jiggarantilhom, kif jenfasizza fil-premessa 11 ta’ din id-direttiva, kundizzjonijiet ta’ għajxien komparabbli fl-Istati Membri kollha u, kif jindika din id-darba fil-premessa 12 tagħha, li jnaqqas ir-riskju ta’ “ċaqliq sekondarju” li jkun immotivat mill-varjetà tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza. |
92. |
Il-premessa 8 tad-Direttiva 2013/33 hija wkoll ċara ħafna peress li tafferma li, sabiex ikun żgurat it-trattament ugwali tal-applikanti madwar l-Unjoni, din id-direttiva għandha tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-postijiet u fil-faċilitajiet kollha li jilqgħu lill-applikanti u sakemm jitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti. |
93. |
Fir-rigward ta’ dan l-għan u tat-termini li bihom dan huwa espress, ma hemm l-ebda dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jintroduċi sistema ta’ drittijiet b’ġeometrija varjabbli u, b’mod iktar partikolari, trattament differenti fil-qasam tal-akkoljenza bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom hija eżaminata mill-Istat Membru ospitanti u dawk li l-applikazzjoni tagħhom tkun ser tiġi eżaminata mill-Istat Membru indikat bħala responsabbli skont ir-Regolament Nru 604/2013. Il-bżonnijiet ta’ applikant awtorizzat li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti huma identiċi kemm jekk ikun qiegħed jistenna deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll jekk ikun qiegħed jistenna t-trasferiment effettiv tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli. F’dan il-kuntest, la huwa oġġettiv u lanqas raġonevoli li t-tieni wieħed jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jaħdem regolarment u li jmantni lilu nnifsu, ladarba t-tul tar-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jista’ jkun itwal mit-tul tar-residenza tal-ewwel. Fil-fatt, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini relatati mal-proċedura ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura u ta’ trasferiment stabbiliti fl-Artikoli 21 sa 25 u fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 604/2013 kif ukoll tas-sitwazzjoni, frekwenti, li fiha t-trasferiment ma jsirx fit-termini stabbiliti. F’dan il-każ, infakkar li l-Istat Membru responsabbli huwa meħlus mill-obbligu tiegħu, peress li l-Istat Membru rikjedenti, li ma huwiex l-Istat Membru ospitanti, imbagħad isir responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 42 ). |
94. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-opinjoni, konsegwentement, li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li twassal sabiex l-applikant jiġi rrifjutat l-aċċess għas-suq tax-xogħol minħabba li l-awtorità nazzjonali kompetenti adottat fir-rigward tiegħu deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru li hija identifikat bħala responsabbli skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 604/2013. |
95. |
L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ma jistax ikollha l-effett li ċċaħħad liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew lill-persuna mingħajr stat li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, la mill-kwalità tagħhom ta’ applikant u lanqas mid-drittijiet assoċjati magħha. |
C. Il-portata tal-kundizzjoni dwar id-dewmien attribwibbli lill-applikant
96. |
Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja) fil-Kawża C‑322/19 u permezz tat-tieni domanda magħmula mill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) fil-Kawża C‑385/19, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, essenzjalment, tippreċiża n-natura tal-aġir li jista’ jikkostitwixxi dewmien attribwibbli lill-applikant fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33. |
97. |
B’mod partikolari, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont din id-dispożizzjoni, huwiex possibbli li d-dewmien li jirriżulta jiġi attribwit lill-applikant, l-ewwel nett, minħabba l-fatt li huwa ma ppreżentax l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali lill-ewwel Stat Membru ta’ dħul jew lill-Istat Membru ta’ residenza – u allura l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jeħtieġ għalhekk li tiġi implimentata proċedura ta’ teħid inkarigu jew ta’ teħid lura u, jekk ikun il-każ, ta’ trasferiment lejn dan l-Istat – u t-tieni nett, minħabba l-fatt li huwa ppreżenta rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fil-konfront tiegħu. |
98. |
Din id-domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-portata ta’ waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 sabiex l-applikant ikun jista’ jibbenefika mill-aċċess għas-suq tax-xogħol. Infakkar, fil-fatt, li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant jibbenefika minn dan l-aċċess f’terminu massimu ta’ disa’ xhur mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni meta “deċiżjoni fl-ewwel istanza ma titteħidx mill-awtorità kompetenti u d-dewmien ma jistax ikun attribwit lill-applikant”. |
99. |
Nirrileva li l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 ma tispeċifikax iċ-ċirkustanzi li jippermettu li jitqies li d-dewmien fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza jista’ jiġi attribwit lill-applikant. Barra minn hekk, l-eżami tal-istruttura li fiha tidħol din id-dispożizzjoni u tal-iskop ta’ din id-direttiva lanqas ma jippermetti li tiġi ddeterminata n-natura ta’ dawn iċ-ċirkustanzi. Kemm permezz tat-titolu tagħha u tal-preambolu tagħha kif ukoll permezz tal-kontenut u tal-iskop tagħha, l-imsemmija direttiva la għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi r-regoli proċedurali applikabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza u lanqas li tistabbilixxi l-obbligi imposti, f’dan il-kuntest, fuq l-applikant. |
100. |
Konsegwentement, għandu jsir riferiment għar-regoli proċedurali stabbiliti mid-Direttiva 2013/32 kif ukoll għall-iskop imfittex minnhom. |
101. |
Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi” kif ukoll il-Kapitolu III tagħha, intitolat “Proċeduri ta’ prima istanza”, jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-applikant fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza. L-Artikolu 31(3)(c) ta’ din id-direttiva jinkludi għalhekk riferiment espliċitu għaċ-ċirkustanzi li fihom awtorità nazzjonali tista’ tattribwixxi lill-applikant id-dewmien fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, fil-fatt, li l-Istati Membri jistgħu jestendu t-terminu ta’ sitt xhur previst għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza, b’disa’ xhur oħra, meta “id-dewmien ikun ċarament attribwit għan-nuqqas li l-applikant jikkonforma mal-obbligi tiegħu/tagħha taħt l-Artikolu 13 [tal-imsemmija direttiva]” ( 43 ). |
102. |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/32 huwa intitolat “Obbligi tal-applikanti”. Mill-paragrafu 1 tiegħu jirriżulta li l-applikant għandu l-obbligu li jikkoopera mal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex din tistabbilixxi l-identità tiegħu kif ukoll l-elementi l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri, l-età tiegħu, il-passat tiegħu, inklużi dawk tal-ġenituri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-identità tiegħu, in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet tiegħu, il-pajjiż jew il-pajjiżi fejn huwa rrisjeda qabel, l-applikazzjonijiet preċedenti tiegħu għall-ażil, l-itinerarju tiegħu, id-dokumenti ta’ vjaġġar tiegħu, kif ukoll ir-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Dawn huma elementi essenzjali u neċessarji għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li għandha twettaq l-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex teżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali obbligu ta’ kooperazzjoni jimplika li l-applikant għandu jipprovdi, sa fejn ikun possibbli, il-provi mitluba u, jekk ikun il-każ, l-ispjegazzjonijiet u l-informazzjoni mitluba ( 44 ). |
103. |
Fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri li jikkonkretizzaw din il-kooperazzjoni billi jistabbilixxu obbligi oħra fuq l-applikant “sa fejn [dawn] ikunu meħtieġa għall-ipproċessar tal-applikazzjoni”. ( 45 ). Skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jistgħu, b’mod partikolari, jobbligaw lill-applikant jirrapporta lill-awtorità nazzjonali kompetenti jew jippreżenta ruħu quddiemha, jippreżenta d-dokumenti neċessarji għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, jikkomunika l-indirizz tiegħu u kull tibdil relatat miegħu, li l-awtorità tagħmel tiftix fuq il-persuna tiegħu, tieħu ritratt tiegħu jew inkella li tirreġistra l-istqarrijiet tiegħu ( 46 ). |
104. |
Għalkemm l-Istati Membri għandhom għalhekk marġni ta’ diskrezzjoni, għandu jiġi nnotat li l-obbligi imposti fuq l-applikant għandhom jaqgħu taħt il-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95. Għandhom ukoll jippermettu li jiġu evalwati u miġbura l-elementi kollha li huma l-iktar rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant u sabiex tinġabar l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġu evalwati l-kredibbiltà ta’ dan tal-aħħar u l-fondatezza tal-applikazzjoni tiegħu. Fir-rigward ta’ applikazzjoni intiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat, l-għan huwa li jiġi ddeterminat, konformement mal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 u abbażi ta’ informazzjoni konkreta ħafna, jekk il-biża’ tal-individwu li jiġi ppersegwitat ladarba jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu hijiex oġġettivament fondata. Fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, l-għan huwa li jiġi evalwat, fid-dawl tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, jekk jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata tinsab f’riskju reali li ssofri dannu serju jekk tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-applikant. Fil-fatt, dan huwa obbligat li jippreżenta, kemm jista’ jkun malajr, l-elementi kollha meħtieġa sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu. |
105. |
Nikkonkludi, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li l-obbligi tal-applikant li għalihom jirreferi l-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza fl-Artikolu 13 kif ukoll fl-Artikolu 31(3)(c) tad-Direttiva 2013/32 għandhom jinftiehmu bħala li huma limitati għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà u tal-fondatezza tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
106. |
Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda magħmula mill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) tkun li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, Stat Membru jista’ jattribwixxi lill-applikant id-dewmien fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza biss sa fejn dan ikun naqas milli jwettaq l-obbligi ta’ kooperazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/32. |
107. |
Issa għandu jiġi ddeterminat jekk, kif issostni l-High Court (il-Qorti Għolja) fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, Stat Membru jistax jattribwixxi tali dewmien minħabba l-fatt, l-ewwel nett, li l-applikant ma ppreżentax l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali lill-ewwel Stat Membru ta’ dħul jew ta’ residenza u, it-tieni nett, li huwa ppreżenta rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fir-rigward tiegħu. |
108. |
Fl-istat attwali tat-testi li jikkomponu s-SEKA, inqis li l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma tista’ titqies li tagħti lok għal dewmien attribwibbli lill-applikant fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, li jista’ jċaħħdu mill-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti ( 47 ). |
109. |
Fil-fatt, ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma turi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li għandu dan tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali. |
110. |
L-allegati nuqqasijiet invokati mill-High Court (il-Qorti Għolja) jaqgħu, fir-realtà, taħt il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stabbilita mir-Regolament Nru 604/2013. Issa, dan ir-regolament la jeħtieġ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew li l-persuna mingħajr stat jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali lill-ewwel Stat Membru ta’ dħul jew lill-Istat Membru ta’ residenza u lanqas li jirrinunzjaw milli jippreżentaw rikors ġudizzjarju sabiex tiġi ggarantita l-ħeffa tal-proċedura. |
111. |
L-interpretazzjoni ssuġġerita mill-High Court (il-Qorti Għolja) hija għalhekk kontradetta mill-kliem, mill-istruttura u mill-iskop tar-Regolament Nru 604/2013. |
112. |
Fl-ewwel lok, kif għadni kif indikajt, ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma toħloq obbligu fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr stat li jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali lill-ewwel Stat Membru ta’ dħul jew lill-Istat Membru ta’ residenza. Ċertament, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi introdott tali obbligu fil-kuntest tar-riformulazzjoni tas-sistema ta’ Dublin sabiex tiġġieled kontra ċ-ċaqliq sekondarju tal-applikanti ( 48 ), iżda din il-proposta, li saret fl‑2016, għadha ma ġietx adottata. Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni u kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash ( 49 ), ir-Regolament Nru 604/2013 jistabbilixxi għalhekk numru ta’ miżuri intiżi sabiex l-applikant jiġi assoċjat mal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. Malli applikazzjoni tiġi ppreżentata għall-ewwel darba fi Stat Membru, l-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-regolament jeħtieġu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, minn naħa, jinformaw lill-applikant, bil-miktub u b’lingwa li huwa jifhem, dwar id-diversi mekkaniżmi stabbiliti mill-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, dwar il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u dwar l-ordni li fiha għandhom jiġu applikati u, min-naħa l-oħra, jorganizzaw intervista personali ( 50 ). Bħalma jidher mill-ordni li fiha huma stabbiliti l-kriterji tar-responsabbiltà fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 604/2013, l-ewwel Stat Membru ta’ dħul jew l-Istat Membru ta’ residenza ma huwiex neċessarjament l-Istat Membru responsabbli jekk jiġi stabbilit, pereżempju, li l-membri tal-familja tal-applikant huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew jekk dan ma jkunx fl-aħjar interess tal-minorenni kkonċernat ( 51 ). |
113. |
Konsegwentement, “l-applikazzjoni regolari u ordnata” tar-Regolament Nru 604/2013 imsemmija mill-High Court (il-Qorti Għolja) fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ma teħtieġx li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew li l-persuna mingħajr stat jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali lill-ewwel Stat Membru li huma jkunu daħlu fih minn pajjiż terz jew li fih ikunu rrisjedew. |
114. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jattribwixxi lil dan l-applikant id-dewmien ikkawżat mill-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, billi jirrifjutalu l-aċċess għas-suq tax-xogħol previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33. |
115. |
Fit-tieni lok, l-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-interpretazzjoni ssuġġerita mill-High Court (il-Qorti Għolja), li Stat Membru jista’ jattribwixxi lill-applikant id-dewmien ikkawżat mir-rikors li huwa jkun ippreżenta kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fir-rigward tiegħu. |
116. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddedikat żviluppi twal għall-portata tad-dritt għal azzjoni legali previst fir-Regolament Nru 604/2013 fis-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash ( 52 ), kif ukoll fis-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri ( 53 ), tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hassan ( 54 ), u tat‑2 ta’ April 2019, H. u R. ( 55 ), li għalihom nirreferi. Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni akkumpanja l-adozzjoni tar-Regolament Nru 604/2013 b’miżuri intiżi li jsaħħu l-garanziji proċedurali rrikonoxxuti lill-applikant fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin ( 56 ) u, b’mod partikolari, il-protezzjoni ġudizzjarja li jibbenefika minnha skont l-Artikolu 47 tal-Karta ( 57 ). |
117. |
Infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti ( 58 ). Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa għal dan l-għan u jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv ( 59 ). Issa, dan huwa l-każ fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment. |
118. |
Id-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra tali deċiżjoni huwa, qabelxejn, stabbilit fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 ( 60 ). Sussegwentement, dan huwa stabbilit fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament. Il-portata tiegħu hija, fl-aħħar nett, ippreċiżata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 19 tal-imsemmi regolament kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza ċċitata fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 52 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
119. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali [għar-]rekwiżit ta’ ħeffa [fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali]” ( 61 ). Fir-rigward tar-riskju li l-konklużjoni tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli tiġi eċċessivament imdewma minħabba l-istħarriġ ġudizzjarju, hija ddeċidiet li dan ir-riskju huwa limitat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet espressament previsti mir-Regolament Nru 604/2013 ( 62 ). |
120. |
Konsegwentement, jidhirli li huwa evidenti li l-Istat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jiddiswadi lill-applikant milli jeżerċita d-dritt għal azzjoni legali li huwa espressament irrikonoxxut lilu kemm mill-Karta kif ukoll minn dan ir-regolament billi jattribwilu d-dewmien li jirriżulta mill-proċedura ġudizzjarja u billi jċaħħdu mill-istandard ta’ akkoljenza previst fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33. |
121. |
Tali aġir jikser mhux biss id-dritt tal-applikant għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda wkoll id-dritt ta’ dan tal-aħħar għal akkoljenza dinjituża u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tiegħu, kif spjegajt qabel. |
122. |
Fit-tielet u fl-aħħar lok, irrid nenfasizza li, fl-ipoteżi fejn Stat Membru jqis li l-applikanti jużaw b’mod frawdolenti jew eċċessiv id-dritt tagħhom għal azzjoni legali sabiex idewmu l-proċedura ta’ trasferiment li huma s-suġġett tagħha, dan ma jiġġustifikax l-adozzjoni ta’ miżura intiża sabiex tattribwixxi b’mod ġenerali lill-applikanti kollha d-dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza. |
123. |
Infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jkollu quddiemu numru għoli ta’ każijiet ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi mwettqa minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe evalwazzjoni speċifika tal-aġir tal-persuna kkonċernata stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-fatt, li l-adozzjoni ta’ miżuri li jsegwu għan ta’ prevenzjoni ġenerali ta’ każijiet mifruxa ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi timplika li s-sempliċi appartenenza għal grupp partikolari ta’ persuni tippermetti lill-Istati Membri li jirrifjutaw ir-rikonoxximent ta’ dritt espressament mogħti mid-dritt tal-Unjoni ( 63 ). |
124. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra għalhekk li hija l-qorti nazzjonali li għandha tipprova l-abbuż ta’ dritt billi tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żewġ elementi. L-ewwel element jeħtieġ li jintwera li jeżisti grupp ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx. It-tieni element jimplika, min-naħa tiegħu, li jiġi pprovat li l-persuna kkonċernata hija mmotivata mir-rieda li tikseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi toħloq artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu ( 64 ). |
125. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis, konsegwentement, li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jattribwixxi lill-applikant id-dewmien fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza biss sa fejn dan ikun naqas milli jwettaq l-obbligi ta’ kooperazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/32. |
126. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru ma jistax jattribwixxi lill-applikant id-dewmien li jirriżulta mill-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli la minħabba li huwa ma ppreżentax l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali lill-ewwel Stat Membru ta’ dħul jew, fil-każ ta’ residenza legali, lill-Istat Membru ta’ residenza u lanqas minħabba li huwa jkun ippreżenta rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fir-rigward tiegħu skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 604/2013. |
V. Konklużjoni
127. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) fil-kawża The International Protection Appeals Tribunal et (C‑322/19) kif ukoll għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda) fil-kawża Minister for Justice and Equality (C‑385/19) kif ġej:
|
128. |
Barra minn hekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ u għall-ħames domanda preliminari magħmula mill-High Court (il-Qorti Għolja) fil-kawża The International Protection Appeals Tribunal et (C‑322/19) kif ukoll għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) fil-kawża Minister for Justice and Equality (C‑385/19) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50). Dan ir-regolament issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).
( 3 ) Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).
( 4 ) Il-leġiżlazzjoni preċedenti, li kienet tipprojbixxi b’mod assolut li applikant jaċċedi għas-suq tax-xogħol qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, tqieset li tmur kontra l-Kostituzzjoni Irlandiża mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) f’sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Nru 31 u 56/2016 (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 5 ) C‑179/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Cimade u GISTI, EU:C:2012:594.
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).
( 7 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).
( 8 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 9 ) ĠU 2016, C 202, p. 295.
( 10 ) Id-Digriet tal‑2018 dwar l-Unjoni Ewropea (Sistema ta’ Dublin).
( 11 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101), li ġiet issostitwita bid-Direttiva 2013/33.
( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 604/2013.
( 13 ) Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punt 40).
( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Cimade u GISTI (punt 40).
( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Cimade u GISTI (punt 53) kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 63).
( 16 ) C‑647/16, EU:C:2018:368, punti 41 et seq.
( 17 ) Fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur tal-Unjoni jelenka b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala inammissibbli. Issa, nikkonstata li s-sitwazzjoni li fiha applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tiġix eżaminata skont ir-Regolament Nru 604/2013 ma tidhirx f’din il-lista.
( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32.
( 19 ) L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jeħtieġ li dan tal-aħħar jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew jikkompleta l-eżami tagħha, u b’hekk jiggarantixxi l-kontinwità tal-proċedura ta’ eżami.
( 20 ) Korsiv miżjud minni.
( 21 ) Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punt 48).
( 22 ) Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punt 55).
( 23 ) F’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru jista’ jillimita jew jirtira l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali, ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin (C‑233/18, EU:C:2019:956).
( 24 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2016, Danqua (C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punt 56).
( 26 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 23 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1948, jew il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis‑16 ta’ Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit‑3 ta’ Jannar 1976, li jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dritt għax-xogħol f’dawn it-termini: “L-Istati partijiet għal dan il-[p]att jirrikonoxxu d-dritt għax-xogħol, li jinkludi d-dritt ta’ kulħadd għall-opportunità li jaqla’ l-għajxien fix-xogħol magħżul jew aċċettat liberament minnu, u għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jissalvagwardjaw dan id-dritt” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll l-Artikolu 1 tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961, kif ukoll il-preambolu tal-Konvenzjoni Nru 168 dwar il-Promozzjoni tal-Impjieg u l-Protezzjoni kontra l-Qgħad tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, adottata f’Genève fil‑21 ta’ Ġunju 1988, u, fir-rigward tar-refuġjati, l-Artikoli 17 sa 19 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545, 1954).
( 27 ) Note on the integration of Refugees in the European Union, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://www.unhcr.org/protection/integration/463b462c4/note-integration-refugees-european-union.html (punt 14).
( 28 ) Le droit au travail, Observation générale no 18, adoptée le 24 novembre 2005, Article 6 du Pacte international relatif aux droits économiques, sociaux et culturels, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: http://docstore.ohchr.org/SelfServices/FilesHandler.ashx?enc=4slQ6QSmlBEDzFEovLCuW1a0Szab0oXTdImnsJZZVQfUKxXVisd7Dae%2FCu%2B13J253bHC9qqkloiEoXmdKX6hxKmueE3OfasXtvIBCDyulRlnte7Ne6tr02OMha%2FfFY7J. Iktar ’il quddiem l-“Osservazzjoni Ġenerali Nru 18”.
( 29 ) Punt 6 tal-Osservazzjoni Ġenerali Nru 18.
( 30 ) Punt 1 tal-Osservazzjoni Ġenerali Nru 18.
( 31 ) Punt 31(a) tal-Osservazzjoni Ġenerali Nru 18.
( 32 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 19 sa 21 ta’ din is-sentenza.
( 34 ) Ara l-punt 20 ta’ din is-sentenza.
( 35 ) Ara l-istatistika ppreżentata f’Settembru 2019 mill-Eurostat, “Dublin statistics on countries responsible for asylum application”, b’mod partikolari, taħt it-titolu, “Implemented transfers within the Dublin procedure”, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Dublin_statistics_on_countries_responsible_for_asylum_application#Implemented_transfers_within_the_Dublin_procedure.
( 36 ) Ara s-sentenza Cimade u GISTI (punt 45).
( 37 ) Ara r-riżultati tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-kuntest tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida tal‑4 ta’ Mejju 2016 (COM (2016) 270 final), li fiha l-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li, fl‑2014, madwar kwart biss mill-għadd totali tat-talbiet għal teħid lura u tat-talbiet għal teħid inkarigu aċċettati rriżultaw fi trasferiment fiżiku reali (p. 11).
( 38 ) CE:ECHR:2014:1211JUD006354211, punti 56 sa 60.
( 39 ) Iffirmata Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.
( 40 ) Skont l-Artikolu 67(2) TFUE, l-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-ażil li hija bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri. L-Artikolu 80 TFUE jindika li l-politika tal-ażil tal-Unjoni hija rregolata mill-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri.
( 41 ) Ara l-premessa 13 tad-Direttiva 2013/33.
( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013.
( 43 ) Korsiv miżjud minni.
( 44 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 38).
( 45 ) L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva.
( 46 ) Ara l-Artikolu 13(2) tal-imsemmija direttiva.
( 47 ) Fil-kuntest tal-Proposta tagħha għal Regolament iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi introdott Artikolu 4 ġdid, intitolat “L-obbligi tal-applikant”, li jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-obbligu tal-applikant li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu jew fl-Istat Membru tal-ewwel dħul irregolari, jew, fil-każ ta’ residenza legali, fl-Istat Membru ta’ residenza (ara, ukoll, l-ispjegazzjonijiet relatati mal-introduzzjoni ta’ dan l-obbligu l-ġdid fil-paġna 16 tal-proposta). Il-ksur ta’ dan l-obbligu jwassal, skont l-Artikolu 5(3) il-ġdid tar-Regolament emendat, għall-impossibbiltà li wieħed jibbenefika mill-kundizzjoni ta’ akkoljenza prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33 fi kwalunkwe Stat Membru minbarra dak fejn l-applikant huwa meħtieġ li jkun preżenti.
( 48 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 46 sa 48.
( 50 ) L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 604/2013 huwa intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”. Dan jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Malli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata fis-sens tal-Artikolu 20(2) fi Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’ mod partikulari li: (a) l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konsegwenzi jekk issir applikazzjoni oħra fi Stat Membru differenti […]; (b) il-kriterji sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli, il-ġerarkija ta’ tali kriterji fil-passi differenti tal-proċedura u t-tul tagħhom […]; (c) l-intervista personali skont l-Artikolu 5 u l-possibbiltà li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar il-preżenza ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra fl-Istati Membri […]; d) il-possibbiltà li tiġi kontestata deċiżjoni ta’ trasferiment […]”. Fir-rigward tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 604/2013, intitolat “L-Intervista personali”, dan huwa fformulat kif ġej: “1. Biex jiffaċilita l-proċess biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru determinanti għandu jagħmel intervista personali mal-applikant. L-intervista għandha tippermetti wkoll li tinftiehem tajjeb l-informazzjoni mogħtija lill-applikant skont l-Artikolu 4 […] 3. L-intervista personali għandha ssir fi żmien xieraq u, f’kull każ, qabel tittieħed xi deċiżjoni biex applikant ikun trasferit lejn l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 26(1) […]”
( 51 ) Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 604/2013, l-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu, fil-fatt, japplika l-kriterji fl-ordni li fiha huma ppreżentati f’dan il-kapitolu, abbażi tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument meta l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-ewwel darba fi Stat Membru.
( 52 ) C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 30 et seq.
( 53 ) C‑201/16, EU:C:2017:805, punti 36 et seq.
( 54 ) C‑647/16, EU:C:2018:368, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 55 ) C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punti 38 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 56 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 57). Ara, f’dan is-sens ukoll, il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (COM(2008) 820 final), b’mod partikolari, fil-punt 3 tal-Parti 3 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, intitolat “Salvagwardji legali għall-persuni li jaqgħu taħt il-proċedura ta’ Dublin” (p. 8) kif ukoll fil-punt 6, intitolat “Pressjoni partikolari jew livell ta’ protezzjoni mhux adegwat” (b’mod partikolari p. 12).
( 57 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hassan (C‑647/16, EU:C:2018:368, punti 57 u 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 58 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendeszeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 59 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punti 29, 30 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 60 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 61 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hassan (C‑647/16, EU:C:2018:368, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 62 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 58).
( 63 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punti 55 u 56).
( 64 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 52 sa 54), u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).