EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0132

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fis-7 ta’ Mejju 2020.
Groupe Canal + SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Distribuzzjoni televiżiva – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 9 u Artikolu 16(1) – Impenji magħmula vinkolanti minn deċiżjoni – Protezzjoni territorjali assoluta – Użu ħażin ta’ poter – Evalwazzjoni preliminari – Assenza ta’ obbligu għall-Kummissjoni Ewropea li tieħu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE – Ftehimiet li għandhom bħala għan li jikkompartimentalizzaw is-swieq nazzjonali – Assenza ta’ obbligu għall-Kummissjoni li tanalizza s-swieq nazzjonali kkonċernati wieħed wieħed – Proporzjonalità – Ksur tad-drittijiet kuntrattwali tat-terzi.
Kawża C-132/19 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:355

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑7 ta’ Mejju 2020 ( 1 )

Kawża C‑132/19 P

Groupe Canal +

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Distribuzzjoni televiżiva – Esklużività territorjali – Regolament Nru 1/2003 – Artikolu 9 – Deċiżjoni li tirrendi vinkolanti l-impenji – Użu ħażin ta’ poter – Evalwazzjoni preliminari – Kuntest ġuridiku u ekonomiku – Proporzjonalità – Obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE – Drittijiet kuntrattwali ta’ terzi – Protezzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża rriżultat mill-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrendi vinkolanti l-impenji assunti minn produttriċi multinazzjonali ta’ kontenut awdjoviżiv sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni espost mill-Kummissjoni fil-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni.

2.

Dan it-tħassib kien jirrigwarda allegat akkordju vertikali intiż għall-kompartimentalizzazzjoni fuq bażi nazzjonali tas-suq intern permezz ta’ klawżoli kuntrattwali li jiżguraw lill-kumpannija multinazzjonali u lil xandar fis-suq tar-Renju Unit u tal-Irlanda liċenzja ta’ esklużività territorjali assoluta.

3.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta u li tirrendi vinkolanti l-impenji proposti ġiet ikkontestata minn xandar Franċiż, terz għall-proċedura li fiha intervjena biss sussegwentement, li ġie nnotifikat mill-kumpannija multinazzjonali bl-impenji msemmija sabiex jikkomunika li ma kellux iktar l-intenzjoni li jeżiġi l-osservanza tal-klawżoli kuntrattwali li jagħtuh esklużività territorjali assoluta fis-suq Franċiż.

4.

Fost id-diversi aggravji, il-kwistjonijiet ġuridiċi essenzjali, inklużi fit-tielet u fir-raba’ aggravju, li fuqhom ser niffoka l-konklużjonijiet tiegħi, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma tlieta: 1) il-ħtieġa li l-aġir li jirrigwarda t-tħassib dwar il-kompetizzjoni jiġi integrat fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku; 2) il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 1/2003, għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE; 3) il-kwistjoni dwar l-osservanza mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta tirrendi vinkolanti l-impenji proposti mill-impriża, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-effetti fil-konfront ta’ terzi ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari meta l-impenji tal-impriża destinatarja ta’ din id-deċiżjoni, li eventwalment ikunu ġew magħmula vinkolanti mill-Kummissjoni, jikkonsistu f’dikjarazzjoni unilaterali li ma jiġux osservati iktar ċerti klawżoli ta’ ftehim bejn din l-impriża u oħra li, peress li ma kinitx is-suġġett ta’ investigazzjoni, ma pproponietx jew qasmet l-offerta ta’ dawn l-impenji.

II. Il-kuntest ġuridiku

5.

Il-premessa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (illum l-Artikoli 101 u 102) ( 2 ) tipprevedi s-segwenti:

“Fejn, fil-kors tal-proċeduri li jistgħu iwasslu għal ftehim [projbizzjoni ta’ ftehim] jew il-projbiżjoni ta’ prattiċi, l-impriża toffri l-irbit tal-Kummissjoni bħal meta trid tilħaq il-kunċerni tagħha, il-kummissjoni għandha tkun kapaċi tadotta deċiżjonijiet li jagħmlu dawk ir-rabtiet vinkolanti fuq l-impriża kunċernata. Deċiżjoni ta’rabta għandha ssib li ma għadx fadal raġunijiet għal azzjoni mil-Kummissjoni mingħajr ma tikkonkludi jekk kienx hemm jew għadx hemm xi ksur. Deċiżjoni ta’ rabta huma mingħajr preġudizzju għall-qawwa ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li jagħmlu sejba bħal din u jieħdu deċiżjoni fuq il-każ […]”.

6.

Il-premessa 22 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 tipprevedi s-segwenti:

“Sabiex tiżgura qbil mal-prinċipji ċerti legali [ta’ ċertezza legali] u l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-kompettività tal-Kommunità f’sistema ta poteri paralleli, deċizzjonijiet li huma f’kunflit għandhom jiġu evitati. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi klarifikat, skond il-liġi tal-preċedent [ġurisprudenza] tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-proċeduri tal-qrati u l-awtoritajiet [l-effetti tad-deċiżjonijiet u l-proċeduri tal-Kummissjoni fuq il-qrati u fuq l-awtoritajiet] tal-Istati Membri. Deċiżjonijiet ta’ irbit adottati mil-Kummissjoni ma jaffetwax is-saħħa tal-qrati u l-awtoritajiet ta’ Stati Membri li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat”.

7.

Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi:

“1.   Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm u l-impriża konċernata toffri rabta li tilħaq il-konċerni espressi lilhom mil-Kummissjoni fl-istima preliminari, il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit vinkolanti fuq l-impriża. Deċiżjoni bħal din tista tiġi adottata għal perjodu speċifiku u ħa tikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil-Kummissjoni.

[…]”.

III. Il-fatti, il-proċedura u s-sentenza appellata

A.   Il-kuntest tat-tilwima

8.

Fit‑13 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ restrizzjonijiet li jaffettwaw il-provvista ta’ servizzi ta’ televiżjoni bi ħlas fil-kuntest ta’ ftehim ta’ liċenzja bejn sitt studjows Amerikani ta’ produzzjoni ċinematografika u x-xandara prinċipali Ewropej ta’ pay‑TV.

9.

Fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjoni, fit‑23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Paramount Pictures International Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), u lil Viacom Inc., stabbilita fi New York (l-Istati Uniti), il-kumpannija omm tal-ewwel waħda (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Paramount”).

10.

F’din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni esponiet l-opinjoni preliminari tagħha dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”) ta’ ċerti klawżoli fil-ftehim ta’ liċenzjar li Paramount kienet ikkonkludiet ma’ Sky UK Ltd u Sky plc (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Sky”).

11.

Fid-dettall, il-Kummissjoni ffukat l-investigazzjoni tagħha fuq żewġ klawżoli konnessi inklużi fil-ftehim ta’ liċenzja konkluż ma’ Sky.

12.

L-għan tal-ewwel klawżola kien li tipprojbixxi jew tillimita l-kapaċità ta’ Sky li twieġeb b’mod pożittiv għal talbiet mhux issolleċitati dwar ix-xiri ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni televiżiva minn konsumaturi residenti fiż-ŻEE, iżda barra mir-Renju Unit u l-Irlanda. It-tieni klawżola kienet timponi, min-naħa l-oħra, fuq Paramount, fil-kuntest tal-ftehim li hija kienet ikkonkludiet max-xandara stabbiliti fiż-ŻEE, iżda barra mir-Renju Unit, l-obbligu li tipprojbixxi jew tillimita l-possibbiltà ta’ dawn tal-aħħar li jwieġbu b’mod pożittiv għat-talbiet mhux issolleċitati dwar ix-xiri ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni televiżiva minn konsumaturi residenti fir-Renju Unit jew fl-Irlanda.

13.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2015, Groupe Canal + (iktar ’il quddiem “GCP”) ġiet awtorizzata tipparteċipa fil-proċedura bħala terz ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 ( 3 ).

14.

Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2015, intitolata “Informazzjoni dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004”, il-Kummissjoni kkomunikat, inter alia, lil GCP, l-evalwazzjoni legali tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għall-fatti msemmija f’din il-kawża, segwita minn konklużjoni preliminari f’dan ir-rigward. Skont din il-konklużjoni preliminari, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni indirizzata lil Sky u lil kull wieħed mill-istudjows suġġetti tal-investigazzjoni tagħha li permezz tagħha tiddikjara li huma kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li timponi diversi multi fuqhom u li tordnalhom itemmu l-ksur u jastjenu minn kull miżura li jista’ jkollha għan jew effett simili.

15.

Wara l-ftuħ tal-proċedura u l-evalwazzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni, fil‑15 ta’ April 2016, Paramount ipproponiet lil din tal-aħħar ċerti impenji sabiex tindirizza t-tħassib ikkunsidrat mill-Kummissjoni, kif jipprevedi l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

16.

Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ terzi kkonċernati oħra, fosthom GCP, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fil-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 4 ), li tipprevedi, fl-Artikolu 1, li l-impenji fl-anness huma vinkolanti fil-konfront ta’ Paramount, tas-suċċessuri fid-dritt u tas-sussidjarji tagħha għal perijodu ta’ ħames snin mid-data tan-notifika tagħha.

17.

B’mod partikolari, fid-disa’ paragrafu tal-Klawżola 1 tal-anness għad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi diversi tipi ta’ klawżoli li huma s-suġġett tal-proċedura (iktar ’il quddiem il-“klawżoli rilevanti”), kemm dwar it-trażmissjoni ta’ kontenut awdjoviżiv bis-satellita, kif ukoll it-trażmissjoni tiegħu permezz tal-internet.

18.

Minn naħa, fir-rigward tat-trażmissjoni bis-satellita, huma kkonċernati, l-ewwel nett, il-klawżola li skontha r-riċezzjoni barra mit-territorju kopert mill-ftehim ta’ liċenzja (overspill) ma tikkostitwixxix ksur tal-kuntratt mix-xandar jekk dan tal-aħħar ma jkunx awtorizza din ir-riċezzjoni b’mod konxju u, it-tieni nett, il-klawżola li skontha r-riċezzjoni fit-territorju kopert mill-ftehim ta’ liċenzja ma tikkostitwixxix ksur tal-kuntratt minn Paramount jekk din tal-aħħar ma tkunx awtorizzat id-disponibbiltà ta’ dekodifikanti ta’ terzi f’dan it-territorju.

19.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-trażmissjoni bl-internet, huma kkonċernati, l-ewwel nett, il-klawżola li timponi fuq ix-xandara l-obbligu li jipprojbixxu t-tniżżil jew l-istreaming ta’ kontenut televiżiv barra mit-territorju kopert mill-ftehim ta’ liċenzja, it-tieni nett, il-klawżola li skontha l-wiri permezz tal-internet (internet overspill) fit-territorju kopert mill-ftehim ta’ liċenzja ma jikkostitwixxix ksur tal-kuntratt minn Paramount jekk din tal-aħħar obbligat lix-xandara jużaw teknoloġiji li jipprekludu dan il-wiri u, it-tielet nett, il-klawżola li skontha l-wiri permezz tal-internet ta’ kontenut tat-televiżjoni barra mit-territorju kopert mill-ftehim ta’ liċenzja ma jikkostitwixxix ksur tal-kuntratt mix-xandar jekk dan tal-aħħar juża teknoloġiji li jipprekludu dan il-wiri.

20.

Barra minn hekk, mit-tielet paragrafu tal-Klawżola 1 tal-anness għad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-terminu “obbligi tax-xandar” jirreferi għall-klawżoli li jipprojbixxu lil xandar milli jirrispondi għal talbiet mhux issolleċitati ta’ konsumaturi residenti fiż-ŻEE, iżda barra mit-territorju li għalih ix-xandar għandu dritt ta’ xandir, jew għall-klawżoli li huma ekwivalenti għalihom. Barra minn hekk, l-espressjoni “obbligi ta’ Paramount” tirreferi għall-klawżoli li jimponu fuq Paramount l-obbligu li tipprojbixxi lix-xandara, li jinsabu fiż-ŻEE iżda barra mit-territorji li għalihom xandar għandu drittijiet esklużivi, milli jirrispondu għat-talbiet mhux issolleċitati tal-konsumaturi residenti f’dawn it-territorji, jew għall-klawżoli ekwivalenti.

21.

Skont il-Klawżola 2 tal-anness għad-deċiżjoni kkontestata, mid-data tan-notifika tagħha, Paramount assumiet l-impenji segwenti. L-ewwel nett, Paramount ma hijiex ser tikkonkludi u lanqas ma hija ser terġa’ ġġedded jew ittawwal l-applikazzjoni tal-klawżoli rilevanti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ liċenzja kif iddefiniti fl-istess anness (punt 2.1). Sussegwentement, fir-rigward ta’ ftehim ta’ liċenzja eżistenti dwar il-produzzjoni ta’ servizzi televiżivi bi ħlas (existing Pay-TV Output Licence Agreements), hija ma hijiex ser tieħu azzjoni legali sabiex tinforza l-obbligi tax-xandara (punt 2.2(a)). Fir-rigward tal-istess ftehim, hija ma hijiex ser tosserva u lanqas ma hija ser taġixxi sabiex tinforza, direttament jew indirettament, l-“obbligi ta’ Paramount” (punt 2.2(b)). Fl-aħħar nett, hija għandha tikkomunika lil Sky fi żmien għaxart ijiem min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, u lil kwalunkwe xandar ieħor stabbilit fiż-ŻEE fi żmien xahar li jibda jiddekorri mill-istess notifika, li hija ma hijiex ser taġixxi legalment sabiex tinforza l-osservanza mix-xandara tal-klawżoli rilevanti (punt 2.3).

22.

GCP kienet ikkonkludiet ma’ Paramount ftehim ta’ liċenzja dwar il-produzzjoni ta’ servizzi tat-televiżjoni bi ħlas (Pay Television Agreement), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2014 (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal‑1 ta’ Jannar 2014”). L-Artikolu 12 tal-imsemmi ftehim jipprevedi li t-territorju kopert minn dan tal-aħħar huwa maqsum f’territorji “esklużivi”, li jkopru b’mod partikolari lil Franza, u f’territorju “mhux esklużiv” li jkopri l-Mawrizju. L-Artikolu 3 tal-ftehim tal‑1 ta’ Jannar 2014 jipprevedi, barra minn hekk, li Paramount mhux ser teżerċita hija stess u lanqas ma hija ser tawtorizza lil terz jeżerċita drittijiet ta’ trażmissjoni lejn territorji esklużivi. L-Anness A.IV għal dan il-ftehim jippreċiża, min-naħa tiegħu, l-obbligi imposti fuq ir-rikorrent fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji ta’ ġeofiltrazzjoni li jipprekludu t-trażmissjoni barra mit-territorji li għalihom tkun ingħatat il-liċenzja.

23.

Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Awwissu 2016, Paramount innotifikat lir-rikorrenti l-impenn imsemmi fil-punt 2.2(a) tal-anness għad-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, ippreċiżat li, sabiex jiġu osservati l-klawżoli rilevanti mix-xandar, hija ma kinitx ser taġixxi legalment u li, skont il-klawżoli rilevanti, hija kienet neħħiet kull obbligu ta’ dan tal-aħħar. Fl-istess ittra, Paramount ħadet ukoll ħsieb tippreċiża li t-termini “obbligi tax-xandar” kellhom l-istess tifsira ta’ dawk imsemmija fl-anness għad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti wieġbet għal din in-notifika billi enfasizzat li l-impenji assunti fil-kuntest ta’ proċedura li involviet biss lill-Kummissjoni u lil Paramount ma setgħux jiġu invokati kontriha.

B.   Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

24.

Permezz ta’ rikors promotur ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Diċembru 2016, GCP ippreżentat, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

25.

Barra minn hekk, permezz tad-digriet tat‑13 ta’ Lulju 2017, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni ( 5 ), il-Bureau européen des unions de consommateurs (iktar ’il quddiem il-“BEUC”) kien awtorizzat jintervjeni insostenn tal-Kummissjoni. L-Union des producteurs de cinéma (iktar ’il quddiem l-“UPC”), il-European Film Agency Directors (iktar ’il quddiem l-“EFADs”) u C More Entertainment AB ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ GCP permezz tal-istess digriet. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2017, ir-Repubblika Franċiża ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ GCP.

26.

Insostenn tar-rikors tagħha, GCP indikat erba’ motivi: (i) l-ewwel wieħed rigward żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-klawżoli rilevanti mal-Artikolu 101 TFUE; (ii) it-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-problemi sostnuti mill-impenji imposti; (iii) it-tielet wieħed rigward il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; (iv) ir-raba’ jikkonċerna użu ħażin ta’ poter.

27.

Permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni, tat‑12 ta’ Diċembru 2018 ( 6 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn GCP.

C.   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

28.

Permezz tal-appell ippreżentat fil‑15 ta’ Frar 2019, GCP ippreżentat, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors intiż għall-annullament tas-sentenza appellata.

29.

Permezz tal-appell tagħha, GCP titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja: tannulla s-sentenza appellata fil-parti fejn ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u fil-parti fejn din ikkundannatha għall-ispejjeż; tannulla d-deċiżjoni kkontestata; tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

30.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell ippreżentat minn GCP u tikkundannaha għall-ispejjeż tal-kawża.

31.

Ir-Repubblika Franċiża, li intervjeniet fil-proċedura insostenn ta’ GCP, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tislet minnha l-konsegwenzi rilevanti kollha neċessarji.

32.

L-UPC, li intervjeniet favur GCP, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata fil-parti fejn din ċaħdet ir-rikors ta’ GCP intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u fil-parti fejn din ikkundannatha għall-ħlas tal-ispejjeż u tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-UPC.

33.

Sabiex issostni r-rikors ta’ GCP, l-EFADs titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-appell kompletament fondat, tannulla s-sentenza appellata fil-parti fejn din ċaħdet ir-rikors ta’ GCP intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u fil-parti fejn din ikkundannatha għall-ħlas tal-ispejjeż, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-EFADs.

34.

Il-BEUC, intervenjent insostenn tal-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fl-intier tiegħu billi tikkundanna lil GCP għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-BEUC.

IV. L-eżami tal-appell

35.

Insostenn tal-appell tagħha, GCP issostni erba’ aggravji: 1) l-ewwel aggravju jikkonċerna żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fejn iddeċidiet li l-Kummissjoni ma wettqitx, fid-deċiżjoni kkontestata, użu ħażin ta’ poter. 2) It-tieni aggravju jikkonċerna l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-prinċipju ta’ kontradittorju. 3) It-tielet aggravju jikkonċerna żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali rigward in-nuqqas ta’ motivazzjoni u eżami inkomplet tal-fatti. 4) Ir-raba’ aggravju jikkonċerna l-interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 128 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE ( 7 ) (iktar ’il quddiem l-“aħjar prattiċi”).

36.

Kif talbet il-Qorti tal-Ġustizzja, ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq it-tielet aggravju (b’mod partikolari fuq l-ewwel parti tiegħu li tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE) u fuq ir-raba’ aggravju.

A.   Fuq it-tielet aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, li jikkonsisti f’nuqqas ta’ motivazzjoni u f’eżami inkomplet tal-fatti

1. L-argumenti tal-partijiet

37.

L-ewwel nett, GCP, flimkien mal-EFADs u r-Repubblika Franċiża, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat (punt 39 tas-sentenza appellata) li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jikkonċerna biss it-tliet kwistjonijiet segwenti: a) jekk iċ-ċirkustanzi esposti fid-deċiżjoni kkontestata jistgħux jiddeterminaw problemi ta’ kompetizzjoni; b) jekk, fl-affermattiv, l-impenji magħmula vinkolanti jwiġbux għal dan it-tħassib; ċ) jekk Paramount offrietx impenji inqas vinkolanti minn dawk aċċettati li jwieġbu b’mod adegwat għat-tħassib imsemmi dwar il-kompetizzjoni.

38.

It-tieni nett, skont dawn l-istess partijiet imsemmija, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta affermat (punti 62 sa 66 tas-sentenza appellata) li l-kwistjoni dwar jekk l-aġir li wassal għat-tħassib inkwistjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE hija estranja għan-natura stess ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata.

39.

Insostenn tal-argument tagħhom, il-partijiet imsemmija jfakkru li mis-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53), jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jippreżentax grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, huwa neċessarju li jiġi analizzat bir-reqqa l-kuntest ġuridiku u ekonomiku li huwa inkluż fih, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-operat effettivi u l-istruttura tas-swieq inkwistjoni. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li kellha tiddetermina jekk il-provi invokati kinux jikkostitwixxu l-elementi kollha neċessarji għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa.

40.

Minn dan isegwi li, billi ma rrispondietx għall-motiv li skontu l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u ekonomiku Franċiż li fih ġew inklużi l-klawżoli kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

41.

Ir-Repubblika Franċiża żżid, fuq il-punt tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, li l-Qorti Ġenerali ma ddefinixxietx b’mod ċar it-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni li jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, billi naqset milli tistħarreġ jekk il-klawżoli rilevanti kinux suffiċjenti sabiex jiġu kkunsidrati prima facie bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jsir riferiment b’mod ġenerali għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-restrizzjonijiet territorjali għat-trażmissjoni bis-satellita. Barra minn hekk, l-għan tal-protezzjoni tad-diversità kulturali huwa inseparabbli mill-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jidħlu l-klawżoli rilevanti u ma jistax jiġi limitat għall-eżami previst fl-Artikolu 101(3) TFUE.

42.

GCP iżżid li l-Qorti Ġenerali ma osservatx l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-klawżoli rilevanti, billi sempliċement osservat (punti 40 sa 42 tas-sentenza appellata) li, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, tal-għanijiet tagħhom u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tagħhom, il-klawżoli rilevanti, li jinkludu esklużività territorjali assoluta, huma intiżi sabiex jeskludu kwalunkwe kompetizzjoni transkonfinali u li dan huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika t-tħassib tal-Kummissjoni.

43.

F’dan ir-rigward, l-UPC iżżid li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, hija injorat il-fatt li l-aċċettazzjoni ta’ talbiet għal bejgħ passiv barra mit-territorju kopert minn liċenzja tikkostitwixxi ksur. Barra minn hekk, fid-drittijiet tal-awtur, ma jagħmilx sens li ssir distinzjoni bejn dritt esklużiv ta’ awtorizzazzjoni f’qasam “relattiv” u dritt esklużiv ta’ awtorizzazzjoni f’qasam “assolut”, peress li huwa ġuridikament impossibbli, u kuntrarju għall-istandards internazzjonali, Ewropej u nazzjonali fuq id-drittijiet tal-awtur, li jiġi rrikonoxxut, minn naħa, id-dritt tal-benefiċjarji li jawtorizzaw it-tranżazzjonijiet ma’ operatur għal territorju partikolari u, min-naħa l-oħra, li jiġu preklużi milli josservaw il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni mogħtija lil dan l-operatur.

44.

L-EFADs issostni li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-abolizzjoni tal-miżuri ta’ mblukkar ġeografiku twassal għal sitwazzjoni fejn iż-żewġ partijiet kontraenti ma jistgħux jinkludu fil-kuntratti dak li huwa żgurat lilhom mid-drittijiet tal-awtur: il-bejgħ passiv jibqa’ pprojbit, anki fin-nuqqas ta’ dawn il-klawżoli, minħabba li l-persuna liċenzjata ma għandhiex id-drittijiet neċessarji għad-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet barra mit-territorju kopert mil-liċenzja.

45.

Ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li d-drittijiet tal-awtur huma intiżi li jiżguraw mhux biss id-dritt għal remunerazzjoni, iżda wkoll id-dritt tal-awturi li jiddefinixxu t-termini ta’ sfruttament tax-xogħlijiet tagħhom, li jippromwovu l-kreazzjoni intellettwali u li jippromwovu d-diversità kulturali.

46.

L-UPC issostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fi Franza, ġew stabbiliti regoli speċifiċi, ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tax-xandara, tad-distributuri, tal-pjattaformi ta’ trażmissjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni u li dawn ir-regoli jimplikaw neċessarjament limitazzjonijiet territorjali. Dawn huma, b’mod partikolari, obbligi ta’ investiment fil-produzzjoni u fit-trażmissjoni lokali, li jsegwu l-għan tad-diversità fil-produzzjoni, fid-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej u ta’ xogħlijiet oriġinali bil-Franċiż. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, għall-kontenut immaterjali li ġie magħmul disponibbli fuq l-internet, ma hemm ebda differenza bejn bejgħ “attiv” u bejgħ “passiv”. Fil-fatt, peress li s-siti tal-internet huma faċilment aċċessibbli mill-utenti finali, hemm koinċidenza ratione temporis totali bejn it-talba magħmula mill-konsumatur u l-provvista tal-kontenut mitlub.

47.

Fir-rigward tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), GCP, li magħha żdiedu l-UPC u r-Repubblika Franċiża, issostni li minnha jista’ jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku ta’ dawn il-klawżoli jista’ jwassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni jew l-impożizzjoni ta’ analiżi tal-effetti tal-ftehim (punt 140). Il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha prinċipalment fuq l-iċċitata sentenza Premier League li ma kinitx tikkonċerna s-settur ċinematografiku (punti 43 sa 50 tas-sentenza appellata), filwaqt li naqset milli teżamina l-kuntest ġuridiku u ekonomiku speċifiku tas-settur ċinematografiku li l-importanza tiegħu kienet ġiet madankollu ddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Coditel et (262/81, EU:C:1982:334, punti 1516) (iktar ’il quddiem “Coditel II”). Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tafferma li l-elementi li jikkaratterizzaw l-industrija ċinematografika fl-Ewropa (b’mod partikolari dawk dwar id-doppjaġġ jew is-sottotitolazzjoni għal pubbliku li għandu espressjonijiet kulturali differenti, għall-possibbiltajiet ta’ xandir televiżiv u għas-sistema ta’ finanzjament) juru li liċenzja ta’ rappreżentazzjoni esklużiva ma hijiex fiha nnifisha kapaċi tipprevjeni, tillimita jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

48.

L-EFADs, flimkien mal-UPC u mar-Repubblika Franċiża, tippreċiża li, kuntrarjament għax-xogħlijiet Amerikani, li huma ffinanzjati minn riżorsi tal-istudjows innifishom, il-finanzjament ta’ xogħol awdjoviżiv indipendenti Ewropew joriġina fil-parti l-kbira mill-bejgħ tad-drittijiet esklużivi, territorju b’territorju, lil aġenti ta’ bejgħ internazzjonali, distributuri u xandara li jintrabtu, inkambju għal drittijiet ta’ użu esklużivi, li jikkontribwixxu għall-prefinanzjament tax-xogħol. Dawn l-operaturi jagħtu finanzjament qabel il-produzzjoni tax-xogħol, abbażi tal-istima tal-possibbiltajiet ta’ suċċess tax-xogħlijiet futuri fit-territorju tagħhom u jiżguraw potenzjal minimu ta’ spettaturi. L-imsemmi metodu ta’ prefinanzjament huwa essenzjali sabiex jinkisbu riżorsi neċessarji għall-produzzjoni ta’ kontenut ta’ kwalità għolja jew sabiex jiġi ġġenerat dħul li jippermetti li jsir investiment fi produzzjonijiet ġodda. Għaldaqstant, it-televiżjonijiet bi ħlas u x-xandara online jikkofinanzjaw film biss bi skambju għal esklużività assoluta għall-użu ta’ dan il-film f’ċerti territorji taż-ŻEE. F’suq b’riskju għoli, l-użu tal-esklużività territorjali għandu l-funzjoni li jnaqqas l-inċertezza u li jtaffi r-riskju tal-investiment. Il-finanzjament ta’ film huwa għalhekk differenti minn dak ta’ avveniment sportiv, bħal dak inkwistjoni fis-sentenza Football League Premier League; l-użu ta’ liċenzji territorjali esklużivi għat-trażmissjoni ta’ avvenimenti sportivi huwa intiż sabiex jimmassimizza l-profitti u mhux sempliċement jikseb finanzjamenti adegwati. L-EFADs iżżid li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-abolizzjoni tal-klawżoli li jipprojbixxu l-bejgħ passiv u l-miżuri ta’ mblukkar ġeografiku konsegwenti twassal għal sitwazzjoni li fiha ż-żewġ partijiet kontraenti ma jkunux jistgħu jinkludu fil-kuntratti tagħhom dak li huwa fi kwalunkwe każ żgurat lilhom mid-dritt tal-awtur. Fil-fatt, il-bejgħ passiv jibqa’ pprojbit anki fl-assenza ta’ tali klawżoli, peress li l-persuna liċenzjata ma għandhiex id-drittijiet neċessarji sabiex tittrażmetti x-xogħlijiet barra mit-territorju suġġett tal-liċenzja. L-UPC issostni wkoll li n-nuqqas ta’ garanzija kuntrattwali fuq ir-rispett tal-esklużività territorjali huwa ekwivalenti fil-prattika għan-nuqqas ta’ esklużività tal-liċenzja. L-esklużività tal-liċenzja, nieqsa minn garanziji kuntrattwali li jiżguraw l-osservanza tagħha, ma tibqax, fil-fatt, evalwata jew imħallsa bħala tali. In-negozjar bejn il-proprjetarju tad-drittijiet u x-xandar ikun ibbażat, fil-fatt, fuq l-esklużività territorjali li ngħatatlu u fuq il-garanzija tal-assenza ta’ trażmissjoni minn kompetitur fit-territorju li jkun mogħti liċenzja għall-perijodu ta’ esklużività.

49.

Barra minn hekk, GCP issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma spjegatx għalfejn it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni kien fondat, minkejja l-esposti kunsiderazzjonijiet meħuda mis-sentenza ċċitata Coditel II.

50.

GCP, flimkien mal-EFADs, issostni, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali, meta sostniet (punti 57 u 69 tas-sentenza appellata) li tnaqqis possibbli tad-dħul tal-grupp minn klijenti li jinsabu fi Franza jista’ jiġi kkumpensat mill-fatt li l-istess grupp huwa liberu li jdur fuq il-klijenti li jinsabu fiż-ŻEE kollha, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tas-settur u ma eżaminatx il-fatti kollha rilevanti. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-istudju Oxera ( 8 ), li minnu jirriżulta li l-esklużivitajiet territorjali huma neċessarji għall-finanzjament taċ-ċinema Ewropew minħabba d-diversi sensibbiltajiet kulturali fl-Unjoni, li l-valur ta’ dawn il-films ivarja minn Stat Membru għal ieħor jew minn żona lingwistika għal oħra, u li l-produzzjoni ta’ films Ewropej u għalhekk id-diversità kulturali fuq livell Ewropew hija ffinanzjata fil-parti l-kbira mix-xandara abbażi tas-sistema ta’ protezzjoni territorjali assoluta. It-tnaqqis fid-dħul ma jistax, għaldaqstant, jiġi kkumpensat bit-tneħħija tal-esklużività assoluta peress li l-konsumaturi preżenti fi Franza prinċipalment jagħżlu li jabbonaw ruħhom mal-operaturi li jittrażmettu kontenut prinċipalment bl-Ingliż.

51.

L-EFADs iżżid li l-ispiża ta’ liċenzja multiterritorjali hija ħafna ogħla u għalhekk fil-fatt inaċċessibbli. L-ispiża tal-akkwist ta’ abbonati ġodda barra mit-territorju tradizzjonali tad-distributur jew tax-xandar twassal għal tnaqqis drastiku tal-libertà tal-għażla tax-xandar f’termini ta’ produzzjoni. Ix-xandara huma, fil-fatt, inkoraġġiti jiffokaw fuq produzzjonijiet bl-iktar potenzjal wiesa’ ta’ xandir possibbli, jiġifieri produzzjonijiet tat-tip “pubbliku ġenerali” u preferibbilment bl-Ingliż. Il-klawżoli rilevanti huma għalhekk element importanti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali Ewropea mfittxija mill-Unjoni. Ir-Repubblika Franċiża żżid li l-għan li tiġi protetta din id-diversità huwa indissoċjabbli mill-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jidħlu l-klawżoli rilevanti u ma jistax ikun limitat għall-eżami skont l-Artikolu 101(3) TFUE. L-EFADs issostni wkoll li, fi Franza, GCP hija suġġetta għall-obbligu li tipproduċi xogħlijiet Ewropej. Quddiem il-kompetizzjoni ta’ operaturi importanti ta’ lingwa Ingliża u l-kontenut intiż għal pubbliku ġenerali, id-dħul tagħha u n-numru ta’ abbonati tagħha jistgħu jonqsu billi ma jippermettulhiex tikseb liċenzji operattivi f’diversi pajjiżi Ewropej. Id-dħul żgħir provenjenti minn bejgħ passiv tar-repertorju Ewropew ma jista’ bl-ebda mod jikkumpensa t-telf ta’ dħul u l-abbonati tax-xandara lokali. L-assenza ta’ esklużività tiffavorixxi l-pjattaformi li diġà għandhom abbonati fuq livell globali għad-detriment tal-atturi Ewropej, li l-kapaċità tagħhom ta’ tfittxija għal klijenti ġodda hija iktar limitata. L-UPC tispeċifika li dan iwassal għal tisħiħ tas-setgħa ta’ negozjar tal-gruppi ta’ produzzjoni internazzjonali fil-konfront tal-produtturi indipendenti Franċiżi kif ukoll konċentrazzjoni tal-offerta f’idejn ix-xandara l-iktar b’saħħithom. Barra minn hekk, fil-każ ta’ bejgħ passiv ta’ stazzjonijiet televiżivi bi ħlas, in-negozjar tar-remunerazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ma jikkonċernax xogħol wieħed iżda numru ta’ xogħlijiet, u dan iwassal għal kumplikazzjonijiet addizzjonali. Kumplikazzjonijiet oħra jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, li r-rati tagħha jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Ir-Repubblika Franċiża żżid li remunerazzjoni xierqa għad-drittijiet tal-awtur ma hijiex dik raġonevolment marbuta biss man-numru effettiv jew potenzjali ta’ persuni li jgawdu jew li jixtiequ jgawdu mis-servizz ipprovdut, iżda tinkludi wkoll l-ispejjeż ta’ adattament tad-distribuzzjoni tax-xogħlijiet għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull suq nazzjonali. Barra minn hekk, it-teknoloġija neċessarja għar-riċezzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi tista’ tiġi kontrafatta u għalhekk ma tippermettix li jiġi ddeterminat il-pubbliku effettiv u potenzjali billi d-domanda għax-xiri tiġi diviża skont il-pajjiż ta’ oriġini. Fi kwalunkwe każ, il-limiti ġeografiċi inerenti għal-liċenzji mogħtija lil GCP ma jippermettulhiex li ddur liberament fuq klijenti li jinsabu fl-Istati Membri kollha.

52.

Għaldaqstant, skont GCP, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod adegwat l-ilment relatat mad-diversità kulturali u man-neċessità li jiġu kkummerċjalizzati xogħlijiet bil-lingwa tal-konsumatur.

53.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BEUC, issostni fl-ewwel lok li mill-informazzjoni esposta fil-punti 49 sa 58 u 118 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat fid-dettall il-kuntest ġuridiku u ekonomiku li minnu jagħmlu parti l-klawżoli rilevanti u kkonstatat li dan il-kuntest ma jippermettix il-konstatazzjoni li dawn il-klawżoli ma humiex idonei sabiex jillimitaw il-kompetizzjoni. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant irrispondiet għall-argumenti ta’ GCP.

54.

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, mill-imsemmija sentenza Premier League (punt 140), jirriżulta li l-prinċipju li skontu ftehim ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali ġewwa l-fruntieri nazzjonali għandu jitqies li għandu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni huwa kompletament applikabbli għas-settur tal-provvista transkonfinali tas-servizzi tax-xandir. L-ebda sistema speċjali għaldaqstant ma tapplika għas-settur ċinematografiku.

55.

Fir-rigward tas-sentenza Coditel II iċċitata iktar ’il fuq, din sempliċement tiddikjara li ftehim li jagħti lil persuna liċenzjata individwali d-dritt esklużiv li tittrażmetti xogħol minn Stat Membru u għalhekk li tipprojbixxi x-xandir tiegħu minn oħrajn għal perijodu determinat ta’ żmien ma għandux fih innifsu għan antikompetittiv. Għall-kuntrarju, meta ftehim ta’ dan it-tip jinkludi obbligi ulterjuri intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-limiti territorjali tal-użu tal-liċenzja, dawn l-obbligi għandhom, bħala prinċipju, l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, is-sentenza Coditel II iċċitata kienet tikkonċerna kuntest li fih id-distributuri kienu wettqu komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol mingħajr ma kellhom id-drittijiet neċessarji fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ din il-komunikazzjoni u mingħajr ma ħallsu kwalunkwe kumpens. Dan il-kuntest huwa differenti minn dak f’din il-kawża, li fih Sky, wara li l-Kummissjoni għamlet l-impenji vinkolanti, tista’ tipprovdi s-servizzi tagħha ta’ distribuzzjoni televiżiva permezz tas-sattelita lill-konsumaturi residenti fiż-ŻEE iżda barra mir-Renju Unit u l-Irlanda, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ, bid-drittijiet neċessarji għat-territorji kkonċernati u billi tħallas remunerazzjoni adegwata li tieħu inkunsiderazzjoni l-pubbliku effettiv u potenzjali fl-Istati Membri l-oħra.

56.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddistingwiet il-kuntest tas-sentenza Coditel II minn dak tas-sentenza Football League Premier League billi għamlet ġustament riferiment għal din tal-aħħar f’din il-kawża.

57.

Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li, fid-deċiżjoni tagħha, tibbaża ruħha fuq il-kontenut tal-istudju Oxera, peress li jeżistu metodi sabiex tiġi żgurata remunerazzjoni adegwata għad-drittijiet tal-awtur differenti mill-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali, bħat-teħid inkunsiderazzjoni tal-pubbliku effettiv u tal-pubbliku potenzjali kemm fl-Istat Membru tax-xandir kif ukoll f’kull Stat Membru ieħor, li huma ddeterminati abbażi tal-pussess ta’ tagħmir dekodifikanti jew tal-indirizz IP tal-kompjuter, jew tal-possibbiltà li tiġi nnegozjata mill-ġdid ir-remunerazzjoni jekk il-valur tal-kontenut mogħti bil-liċenzja ġie influwenzat minn talbiet sinjifikattivi mhux issolleċitati mill-konsumaturi barra mill-Istat Membru tax-xandir. Barra minn hekk, l-istudju Oxera ma jinkludi ebda analiżi speċifika tal-impatt tal-konsegwenzi tal-impenji fuq id-diversità kulturali.

58.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tosserva li l-argument ta’ GCP dwar il-konsegwenzi tal-impenji fuq id-diversità kulturali huwa bbażat fuq il-premessa li d-deċiżjoni kkontestata ser twassal sabiex l-ispettaturi jagħżlu prinċipalment li jabbonaw ruħhom mal-operaturi li jittrażmettu kontenut prinċipalment bl-Ingliż. Madankollu, ħafna spettaturi jistgħu jagħżlu li ma jabbonawx ruħhom għas-servizzi ta’ distribuzzjoni tat-televiżjoni tax-xandara tat-televiżjoni stabbiliti barra mill-Istat Membru tagħhom għal raġunijiet lingwistiċi u kulturali. Il-BEUC iżid li 20 % biss tal-popolazzjoni Franċiża għandha l-livell ta’ kompetenza neċessarju sabiex issegwi u tifhem xogħol awdjoviżiv b’lingwa barranija mingħajr sottotitoli. Skont il-Kummissjoni u l-BEUC, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament (punti 57 u 69 tas-sentenza appellata), li d-deċiżjoni kkontestata tikkontribwixxi għall-għan, iktar milli tikkompromettih, li tiġi promossa d-diversità kulturali peress li l-impenji magħżula joffru opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi sabiex jaċċedu għall-kontenut ta’ Paramount.

59.

Il-BEUC iqis, ukoll, li t-tielet aggravju huwa manifestament inammissibbli, għaliex, anki jekk jirreferi għall-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw is-sentenza appellata, l-argumenti mressqa minn GCP jinvolvu kontestazzjoni mill-ġdid tal-evalwazzjoni ta’ ċerti provi magħmula mill-Qorti Ġenerali. GCP sempliċement irrepetiet l-argumenti diġà ppreżentati fl-ewwel istanza, dwar l-allegata neċessità ta’ esklużività territorjali għall-finanzjament tas-settur ċinematografiku.

2. Evalwazzjonijiet

60.

Inqis xieraq li nwettaq kunsiderazzjoni preliminari dwar is-suġġett u dwar il-portata ta’ din il-kawża sabiex niċċara li l-kwistjoni ġenerali (ta’ politika tad-dritt) tal-projbizzjoni tal-geoblocking ( 9 ) ma hijiex relatata mas-sitwazzjoni speċifika, suġġett ta’ din il-kawża ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja llum hija msejħa tistħarreġ ġudizzjarjament fl-appell sentenza tal-Qorti Ġenerali li kkonfermat il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, laqgħet u għamlet vinkolanti l-impenji proposti minn Paramount sabiex jiġu emendati ċerti klawżoli kuntrattwali li jagħtu lix-xandara Ewropej esklużività assoluta territorjali fuq il-prodotti li huma s-suġġett tat-trasferiment. Dawn l-impenji, li għalhekk jirreferu għal klawżoli kuntrattwali speċifiċi u limitati fiż-żmien (minn Lulju 2016 sa Lulju 2021), ma humiex ta’ natura li jaffettwaw, preċiżament minħabba l-limitazzjoni tagħhom fl-għan u fiż-żmien, il-kwistjoni ġenerali tal-projbizzjoni ta’ geoblocking fis-settur awdjoviżiv, li sa issa hija eskluża mir-Regolament 2018/302 reċenti li, madankollu, ser ikun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

61.

Permezz tat-tielet aggravju, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali qed tiġi kkritikata talli ma kkritikatx: 1) il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih kien jidħol it-tħassib espress dwar il-kompetizzjoni; 2) il-fatt li sussegwentement l-istess Kummissjoni ma qisitx applikabbli, minkejja t-talba espressa minn GCP li intervjeniet fil-proċedura, iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 101(3) TFUE, li kienu jikkumpensaw l-allegata antikompetittività tal-aġir ikkontestat.

62.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni b’impenji meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet ( 11 ): 1) il-Kummissjoni għandha tesprimi tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li l-aġir jikkostitwixxi ksur; 2) l-impriża għandha toffri impenji li jindirizzaw b’mod adegwat it-tħassib espress mill-Kummissjoni; 3) id-deċiżjoni li jiġu aċċettati l-impenji għandha madankollu tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jikkostitwixxi l-parametru għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ kwalunkwe att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tal-kompetizzjoni.

63.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, speċjalment jekk jinqara fid-dawl tal-premessa 13, “il-Kummissjoni hija meħlusa mill-obbligu li tikklassifika u li tikkonstata ksur, peress li r-rwol tagħha huwa limitat għall-eżami, u għall‑aċċettazzjoni eventwali, ta’ impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, fid‑dawl tal-problemi li hija identifikat fl-evalwazzjoni preliminari tagħha u fir‑rigward tal-għanijiet tagħha” ( 12 ).

64.

F’dan il-kuntest, l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-Kummissjoni “huwa limitat għall-verifika dwar jekk l‑impenji inkwistjoni jindirizzawx it-tħassib li dwaru hija informat lill-impriżi kkonċernati u li dawn tal-aħħar ma offrewx impenji inqas vinkolanti li jindirizzaw b’mod daqstant xieraq dan it-tħassib. Fl-eżerċizzju ta’ din il-verifika, il‑Kummissjoni għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi” ( 13 ).

65.

Kull wieħed mit-tliet stadji li fihom, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiżviluppa l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-impenji joħloq problemi importanti li jeħtieġu kjarifiki min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jiena nenfasizza, b’mod inċidentali, li dawn il-kjarifiki huma iktar u iktar neċessarji f’sistema ta’ enforcement antitrust iddeċentralizzata.

66.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat dak li għandu jinftiehem bi “tħassib dwar il-kompetizzjoni” u liema huwa, konsegwentement, il-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżerċita. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi d-deċiżjoni li tilqa’ l-impenji ma tirrikjedix il-konstatazzjoni ta’ ksur, il-Kummissjoni hija eżentata mil-livell ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni ddettaljata li hija marbuta bih fil-każ ordinarju ta’ proċedura għal konstatazzjoni ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni. B’dan il-mod, jista’ jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit li huwa l-bażi tal-imsemmi Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, li huwa li jintlaħaq għan ta’ ekonomija tal-ġudizzju, b’applikazzjoni effikaċi tar-regoli previsti mit-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni b’mod rapidu u b’użu limitat ta’ riżorsi (kif irrikonoxxiet espressament il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punt 99 tas-sentenza appellata). L-użu ta’ dan l-istrument jippermetti li l-Kummissjoni tillibera riżorsi li jistgħu jintużaw minnha stess sabiex taffronta każijiet oħra li jeħtieġu deċiżjoni dwar l-eżistenza jew le tal-ksur skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 ( 14 ). B’mod parallel, l-impriżi li jiddeċiedu b’mod awtonomu li joffru impenji “jaċċettaw xjentement li l-konċessjonijiet tagħhom jistgħu jmorru lil hinn minn dak li l-Kummissjoni stess tista’ timponi fuqhom f’deċiżjoni li hija tadotta skont l‑Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament wara li jkun sar eżami fid-dettall. Min-naħa l‑oħra, l-għeluq tal-proċedura ta’ ksur mibdija fil-konfront ta’ dawn l-impriżi tippermettilhom jevitaw il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l‑possibbiltà li tiġi applikata multa” ( 15 ).

67.

Konsegwentement, id-deċiżjoni li taċċetta l-impenji tista’ tittieħed mill-Kummissjoni mingħajr ma tiġi żviluppata teorija b’saħħitha tad-dannu antikompetittiv, li hija madankollu normalment neċessarja. Iżda ftehim dwar in-nuqqas ta’ neċessità ta’ teorija b’saħħitha tad-dannu ma jfissirx li ma hijiex neċessarja rikostruzzjoni plawżibbli tad-dannu antikompetittiv. Il-fatt li l-Kummissjoni tiġi lliberata mill-piż ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni normalment meħtieġ ma jistax jiġġustifika t-trasformazzjoni tat-tħassib tal-Kummissjoni f’sempliċi petizzjoni ta’ prinċipju jew, fi kwalunkwe każ, f’affermazzjoni li ma hijiex sostnuta minn investigazzjoni u minn motivazzjoni li jistgħu jiġu ssemplifikati, iżda li għandhom, fi kwalunkwe każ, ikunu plawżibbli u kapaċi jagħtu risposta għad-domandi li qamu matul il-proċedura. Il-punt li jidhirli li huwa kruċjali huwa li l-ħtieġa ta’ ekonomija tal-ġudizzju, stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, hija bbilanċjata bi ħtiġijiet oħra preżenti sew fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, jidħol inkwistjoni r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża li hija ssuġġettata għall-investigazzjoni, li ċertament tagħżel b’mod awtonomu li tippreżenta impenji, iżda din l-għażla għandha teżisti f’kuntest fejn jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jwasslu sabiex l-impenji jiġu aċċettati jittieħdu matul proċedura li fiha l-motivi tad-difiża tal-impriża effettivament jittieħdu inkunsiderazzjoni u huma bbażati fuq “potenzjal ta’ ksur” iddefinit b’mod korrett. Fin-nuqqas ta’ dan, is-sistema tad-dritt tal-kompetizzjoni tkun esposta għal konsegwenzi negattivi gravi f’termini ta’ prevedibbiltà u ta’ legalità.

68.

B’mod iktar preċiż, hemm paradoss tal-effettività li ma għandux jiġi injorat. Il-proċeduri intiżi sabiex jiġu aċċettati l-impenji ġew introdotti, kif diġà ġie osservat, sabiex tiżdied l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-prassi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tat prova tal-utilità tagħha f’dan ir-rigward. Madankollu, użu estensiv u prattikament nieqes mil-limiti tal-istrument jista’ jwassal għal livell għoli ta’ inċertezza tad-dritt tal-kompetizzjoni: x’inhuma l-limiti tal-aġir antikompetittiv fid-dawl tad-deċiżjonijiet b’impenji? X’inhu kompatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni u x’inhu pprojbit minflok? Barra minn hekk, għandu jiġi evitat li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jaqgħu fit-tentazzjoni tar-regolatur, billi jintużaw id-deċiżjonijiet b’impenji mhux sabiex jirrimedjaw aġir antikompetittiv iżda sabiex jagħtu forma ddeterminata lir-relazzjonijiet ekonomiċi fis-suq.

69.

Il-konsegwenza tista’ tkun it-telf tal-prevedibbiltà tad-dritt antitrust u, finalment, l-indeboliment tal-effettività tiegħu kif ukoll tal-leġittimazzjoni tiegħu. Għalhekk huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet b’impenji jibqgħu dejjem miżmuma f’sistema ta’ limiti ġuridiċi, taħt il-kustodja tal-qrati Ewropej u nazzjonali, li għandhom jagħmluhom utli sabiex jissaħħaħ l-enforcement antitrust mingħajr ma jidħlu fil-perikoli ta’ użu eċċessiv u żejjed tagħhom ( 16 ).

70.

Il-konklużjoni hija li d-deċiżjoni li jiġu aċċettati l-impenji għandha tkun ibbażata fuq “potenzjal ta’ ksur”, jiġifieri fuq analiżi tal-aġir tal-impriżi u tal-kuntest li fih jitwettaq li tippermetti li preġudizzju għall-kompetizzjoni imputabbli lill-impriżi inkwistjoni jiġi kkaratterizzat bħala possibbli u effettivament probabbli, anki jekk ikun għadu ma ġiex stabbilit. Ma hemmx verifika, iżda l-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha għat-tbassir, għall-ipoteżijiet ġenerali u mhux studjati, anki jekk b’mod konċiż, fid-dawl tal-materjal li, fi kwalunkwe każ, ġie introdott fil-proċedura.

71.

Jekk wieħed jaqbel ma’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżultaw żewġ konsegwenzi. L-ewwel waħda hija li jekk il-preokkupazzjoni tirrigwarda illegalità minħabba għan, il-Kummissjoni tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jaqa’ l-aġir inkwistjoni. It-tieni waħda hija li jekk l-impriża li tkun adottat l-aġir li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni jew jekk persuni oħra li, b’mod ieħor, jipparteċipaw fil-proċedura jkunu ressqu elementi ta’ ġustifikazzjoni tal-aġir li prima facie jista’ jidher antikompetittiv, il-Kummissjoni għandha, anki jekk b’mod konċiż, teżamina dawn l-elementi fid-deċiżjoni tagħha.

a) Analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jinsab l-aġir suġġett tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni

72.

L-ewwel punt huwa marbut mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddikjarat b’mod ċar kif l-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan teħtieġ fi kwalunkwe każ analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jaqa’ l-aġir inkwistjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li titfakkar ġurisprudenza rikka li tibda minn Cartes Bancaires ( 17 ) u tasal sas-sentenza reċenti Generics ( 18 ).

73.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, bl-iżvilupp tal-argumenti konċiżi tal-Kummissjoni (punti 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata) wettqet analiżi tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jinsab l-aġir ikkontestat, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-sistema ta’ finanzjament tal-industrija ċinematografika fid-determinazzjoni tal-għan tal-ftehim ta’ distribuzzjoni televiżiva inkwistjoni. Is-sentenza appellata tiddedika, fil-fatt, il-punti 49 sa 57 għall-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jinsabu l-klawżoli rilevanti.

74.

Ir-riferimenti f’dan ir-rigward għas-sentenza ċċitata Premier League ma humiex, kif sostnut minn GCP u mill-partijiet intervenjenti insostenn tal-appellanti, żbaljati u lanqas ma huma qarrieqa.

75.

Fil-fatt, il-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq tista’ titqies prima facie ksur antitrust anki fis-settur tax-xandir ( 19 ). U anki meta l-oġġett li huwa s-suġġett tal-kuntratt jinkludi dritt ta’ proprjetà intellettwali ( 20 ).

76.

Is-sentenza Coditel II, iċċitata wkoll mill-appellanti insostenn tal-argumenti tagħha, ma tikkonfermax l-argument ta’ GCP dwar il-fatt li l-kawża preżenti ma tirrigwardax ksur tal-kompetizzjoni, peress li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tafferma li “s-sempliċi fatt li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ film ta lil persuna liċenzjata d-dritt esklużiv li jurih fit-territorju ta’ Stat Membru, u għalhekk ġie pprojbit ix-xandir tiegħu minn ħaddieħor, għal perijodu determinat, ma huwiex biżżejjed madankollu sabiex jiġi affermat li dan il-kuntratt għandu jitqies bħala l-għan, il-mezz jew il-konsegwenza ta’ akkordju pprojbit mit-Trattat” ( 21 ).

77.

Fil-kawża Premier League, proprju bħala konferma li ż-żewġ sentenzi ma jeskludux lil xulxin reċiprokament kif jidher li qiegħed jissuġġerixxi l-argument tal-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita preċiżament is-sentenza Coditel II sabiex tafferma l-prinċipju espost iktar ’il fuq, jiġifieri li l-ftehim intiż sabiex jitqassam is-suq intern mhux dejjem jitqies li huwa restrittiv minħabba l-għan, filwaqt li żżid li l-preżenza ta’ “obbligi anċillari” li jrendu l-esklużività “assoluta” tista’ tirriżulta f’li dan il-ftehim jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan.

78.

Għaldaqstant, fis-sentenza appellata ma hemmx estensjoni awtomatika tas-sentenza Premier League għal din il-kawża iżda biss l-adattament tal-prinċipju f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

79.

Għaldaqstant, meta ftehim bejn individwi jeċċedi l-qalba tal-benefiċċji li dritt ta’ proprjetà intellettwali għandu l-għan li jagħti, dan jista’ jaqa’ taħt dawk li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

80.

Madankollu, dan kollu għandu jkun bil-kundizzjoni li l-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jinsab dan il-ftehim anċillari jkun ta’ natura li jeskludi l-legalità tiegħu.

81.

L-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali (li kif għidt tiċċara dik imwettqa mill-Kummissjoni) tikkonferma u tapplika dan l-approċċ għal din il-kawża.

82.

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u ekonomiku u, b’mod iktar speċifiku, il-karatteristiċi partikolari tas-sistema ta’ finanzjament tal-industrija ċinematografika, u pproponiet firxa ta’ alternattivi li, fl-imsemmi qasam, jistgħu jiżguraw remunerazzjoni xierqa lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur, li juru b’mod konvinċenti li ma jistax ikun hemm esklużjoni assoluta fis-settur awdjoviżiv ta’ ksur antikompetittiv possibbli permezz ta’ ftehim ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-swieq minħabba l-eżistenza ta’ oġġetti protetti mid-drittijiet tal-awtur.

83.

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali fakkret li, għalkemm l-għan speċifiku tal-proprjetà intellettwali huwa intiż li jiggarantixxi lill-proprjetarji tad-drittijiet ikkonċernati l-protezzjoni tal-fakultà li jisfruttaw kummerċjalment it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-oġġetti protetti, billi jingħataw liċenzji bil-ħlas ta’ kumpens, “tali għan speċifiku ma jiggarantix lill-proprjetarji ta’ drittijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jitolbu l-ogħla remunerazzjoni possibbli. […] [H]uwa biss żgurat lilhom – kif previst fl-għaxar premessa tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u l-ħames premessa tad-Direttiva dwar id-drittijiet relatati – remunerazzjoni xierqa għal kull użu tal-oġġetti protetti” ( 22 ).

84.

Essenzjalment, “l-eventwali tnaqqis fil-prezzijiet ta’ abbonamenti fit-territorju Franċiż, sa dak iż-żmien konfigurati għal ċertu livell permezz tal-protezzjoni territorjali assoluta garantita l-applikazzjoni tal-klawżoli rilevanti, jista’ jiġi kkumpensat mill-fatt li, fl-implimentazzjoni tal-impenji li saru vinkolanti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, Paramount iddikjarat l-intenzjoni tagħha li ma tkomplix l-applikazzjoni tal-imsemmija klawżoli. Din id-dikjarazzjoni timplika li r-rikorrent huwa liberu li jikkuntattja lil klijentela li tinsab fiż-ŻEE kollha u mhux biss fi Franza” (punt 57 tas-sentenza appellata).

85.

L-eżami tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku, imwettaq mill-Kummissjoni u invokat mill-Qorti Ġenerali, jikkonferma għaldaqstant in-natura astratta ta’ “tħassib dwar il-kompetizzjoni” li għandu l-“potenzjal ta’ ksur” fit-termini deskritti iktar ’il fuq.

b) Applikabbiltà tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(3) TFUE għal proċedura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003

86.

It-tieni punt huwa iktar problematiku u huwa wieħed mill-aspetti l-iktar rilevanti ta’ din il-kawża. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata (punt 62) ( 23 ), issostni li l-verifika tal-eżistenza jew le tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(3) TFUE tippreżupponi l-konstatazzjoni ta’ aġir antikompetittiv. Skont din l-iskema, il-Kummissjoni, quddiem tħassib dwar il-kompetizzjoni, l-ewwel nett għandha tivverifika l-eżistenza ta’ ksur, skont l-Artikolu 101(1) TFUE, u huwa biss wara li tkun ikkonstatat il-ksur li għandha tivverifika jekk jeżistux il-każijiet ta’ ġustifikazzjoni previsti mill-paragrafu 3. Minħabba li fil-każ ta’ deċiżjonijiet ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji ma hemmx il-konstatazzjoni tal-ksur, skont il-Qorti Ġenerali, ma għandux ikun hemm il-verifika tal-kundizzjonijiet previsti mill-paragrafu 3.

87.

Fil-fehma tiegħi, is-soluzzjoni proposta mill-Qorti Ġenerali twassal għal riżultati paradossali; twassal sabiex jitneħħa s-sens tar-riferiment għall-eżistenza ta’ “potenzjal ta’ ksur” bħala bażi tat-tħassib li l-impenji għandhom jippermettu li jiġi megħlub, u tmur kontra l-loġika tal-Artikolu 101 TFUE li jikkonċerna essenzjalment it-tqassim tal-oneru tal-prova bejn il-Kummissjoni u l-partijiet.

88.

Fl-applikazzjoni tal-argument tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni li jiġu aċċettati l-impenji tista’ twassal għal paradoss doppju. Minn naħa, aġir li ma jkunx kuntrarju għad-dritt tal-kompetizzjoni jiġi prekluż (billi jinħoloq “pożittiv falz”, li jikkostitwixxi wieħed mill-perikoli l-iktar gravi tal-prattiki antitrust u li jkun faċilment evitabbli billi ssir evalwazzjoni, anki jekk konċiża, tal-aġir adottat fid-dawl tal-Artikolu 101(3) TFUE). Min-naħa l-oħra, l-emenda, ikkawżata mill-impenji, tal-imsemmi aġir twassal sabiex jiġu ppreġudikati l-istess rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmi paragrafu 3 u li d-dritt primarju jeħtieġ li jkunu ssodisfatti b’tali mod li dawn jipprevalixxu f’evalwazzjoni inizjali ta’ antikompetittività mwettqa skont l-Artikolu 101(1) TFUE.

89.

Barra minn hekk, huwa biss billi jittieħdu inkunsiderazzjoni globalment l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 101 TFUE li jista’ jiġi identifikat, anki fid-dawl ta’ analiżi konċiża, “potenzjal ta’ ksur” li jiġġustifika li jintlaqgħu l-impenji. Inkella, il-Kummissjoni tiżviluppa analiżi zoppa ta’ parti li, skont l-Artikolu 101 TFUE, hija kkunsidrata bħala essenzjali għall-eżistenza ta’ ksur. Ċertament, kif ġie osservat diversi drabi, fil-każ tal-proċedura ta’ aċċettazzjoni tal-impenji, ma jistax ikun hemm konstatazzjoni ta’ ksur iżda tal-inqas jeħtieġ li jkun hemm “potenzjal ta’ ksur”. Minħabba li l-Artikolu 101 TFUE, sabiex tiġi identifikata l-eżistenza tal-ksur antikompetittiv, jeħtieġ żewġ fażijiet, indikati rispettivament mill-ewwel u mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 101 TFUE, anki sabiex jiġi previst “potenzjal ta’ ksur”, l-analiżi għandha tolqot iż-żewġ stadji. Anki jekk, imporanti li jiġi enfasizzat, b’livell ta’ approfondiment ferm inqas u b’motivazzjoni ferm iktar konċiża milli meta ssir il-konstatazzjoni ta’ ksur.

90.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 101(1) u (3) TFUE jservi anki sabiex jidentifika mod ta’ tqassim tal-oneru tal-prova ( 24 ). Il-Kummissjoni, skont il-paragrafu 1, tidentifika ksur possibbli u tiddefinixxi argument dwar id-dannu antikompetittiv, u l-individwu jirrispondi u jipprova jinnewtralizza l-previżjonijiet tal-Kummissjoni b’invokazzjoni tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Ma narax ir-raġuni għalfejn din il-loġika għandha tiġi mibdula meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tieħu t-triq tal-impenji. Il-partijiet fil-proċedura, anki fil-fażi inizjali tagħha, għandhom igawdu kompletament id-dritt tad-difiża u bl-eżerċizzju tiegħu mhux biss jipproteġu l-interessi tagħhom iżda, jekk l-argumenti skont l-Artikolu 101(3) TFUE jkunu fondati, huma jikkontribwixxu sabiex jiġi evitat li jiġi prekluż aġir li, minflok, jissodisfa l-interessi li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 101(3) TFUE u li huma meqjusa prominenti mit-Trattat FUE.

91.

Għaldaqstant, inqis li, anki fil-proċedura ta’ aċċettazzjoni tal-impenji proposti mill-impriża, il-Kummissjoni għandha tindirizza ż-żewġ fażijiet previsti fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 101 TFUE u li għalhekk hija ma tistax ma tiħux inkunsiderazzjoni, anki jekk fil-qosor, fid-dawl tan-natura tal-proċedura, l-argumenti mressqa mill-partijiet, jew minn terzi intervenjenti, fir-rigward tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi paragrafu 3.

92.

B’applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti iktar ’il fuq għal din il-kawża, nosserva li l-affermazzjoni apodittika tal-Qorti Ġenerali kkritikata hawn fuq, li tidher li teskludi b’mod ġenerali l-applikabbiltà tal-Artikolu 101(3) TFUE fil-każ ta’ proċedura ta’ impenji, tista’ ma taffettwax il-validità tas-sentenza fuq dan il-punt peress li, b’mod konkret, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali offrew argumenti konċiżi, koerenti man-natura tal-proċedura ta’ aċċettazzjoni ta’ impenji, li jeskludu n-nuqqas ta’ motivazzjoni suġġett ta’ wieħed mill-aggravji.

93.

Il-qari tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 57 u 67 sa 72, flimkien mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-punti 40 sa 44 u 50 sa 53, jista’ jippermetti, fil-fatt, li jiġi konkluż li l-klawżoli rilevanti “ma jissodisfawx tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 101(3) TFUE, jiġifieri dik li ma jimponux fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet” (ta’ proprjetà intellettwali) (punt 67 tas-sentenza appellata).

94.

L-Artikolu 101(3) fil-fatt jippermetti li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu jiġu ddikjarati inapplikabbli meta l-ftehim bejn impriżi jikkontribwixxi “sabiex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew sabiex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku waqt li fl-istess ħin, jassiguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom”, bil-kundizzjoni li ma jiġux imposti fuq l-impriżi kkonċernati “restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ hawn fuq”.

95.

Il-klawżoli rilevanti, skont il-Qorti Ġenerali u l-Kummissjoni, ikunu jimponu restrizzjonijiet li jmorru “lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi li jeħtieġu protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” ( 25 ) (punt 67 tas-sentenza appellata) anki sabiex tiġi protetta d-diversità kulturali.

96.

Anzi, protezzjoni territorjali assoluta “tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa indispensabbli għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni jew għall-promozzjoni tal-progress tekniku jew ekonomiku meħtieġ mill-Artikolu 101(3) TFUE, bħall-projbizzjoni [bħalma turi l-projbizzjoni], mixtieqa mill-partijiet fil-ftehim rilevanti, [ta’] kull provvista transkonfinali tas-servizzi ta’ xandir televiżiv, anki fil-każ ta’ xogħlijiet li għalihom ingħatat liċenzja minn Paramount nnifisha u mxerrda fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1982, Nungesser u Eisele vs Il‑Kummissjoni, 258/78, EU:C:1982:211, punt 77)” (punt 68 tas-sentenza appellata). Tali kompartimentalizzazzjoni u d-differenza fil-prezz li toħloq huma, fil-fatt, irrikonċiljabbli mal-għan fundamentali tat-Trattat, li huwa t-tlestija tas-suq intern (punti 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 57 tas-sentenza appellata).

97.

F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti fis-sens li teżisti alternattiva għall-finanzjament tal-produzzjoni ċinematografika fil-pajjiżi taż-ŻEE – u għaldaqstant għall-protezzjoni, fost affarijiet oħra, tal-interess għad-diversità kulturali – minflok il-kompartimentalizzazzjoni tas-swieq b’ġeografija esklużiva assoluta: “tnaqqis eventwali tad-dħul tar-rikorrent minn klijenti li jinsabu fi Franza jista’ jiġi kkumpensat mill-fatt li, permezz tal-implimentazzjoni ta’ impenji li jkunu saru vinkolanti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, dan tal-aħħar issa huwa liberu li jikkuntattja lil klijentela li tinsab fiż-ŻEE kollha u mhux biss fi Franza” (punt 69 tas-sentenza appellata).

98.

Għaldaqstant, “anki jekk ir-rikorrent jiddedika parti mid-dħul tiegħu għall-finanzjament ta’ prodotti awdjoviżivi li jeħtieġu appoġġ speċifiku tal-logħba [jeħtieġu appoġġ speċifiku, il-logħba] normali tal-kompetizzjoni, issa miftuħ [miftuħa] fil-livell taż-ŻEE, jagħti [tagħtih] posibilitajiet li il-klawżoli rilevanti ċaħħduh tant li Paramount kellha l-intenzjoni li tinforzahom” (punt 57 tas-sentenza appellata).

c) Konklużjoni parzjali

99.

Sabiex nikkonkludi dwar dan il-punt, inqis li l-kritika magħmula fit-tielet aggravju, rigward nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq eżami inkomplet tal-fatti, tista’ ma tintlaqax anki fid-dawl tal-fatt li l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha ma jistax jiġi interpretat fis-sens li hija obbligata tirrispondi fid-dettall għal kull argument imressaq minn parti. Anzi, għandu jiġi kkunsidrat suffiċjenti jekk mill-motivazzjoni ta’ sentenza jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li tkun segwiet il-Qorti Ġenerali, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jafu x’inhuma l-motivi tad-deċiżjoni li tkun adottat il-Qorti Ġenerali u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 26 ). Is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali waslet, fuq il-mertu, għal konklużjoni differenti minn dik tal-appellant, minnu nnifsu ma jistax iwassal sabiex is-sentenza appellata tkun ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni ( 27 ).

100.

Il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti l-inklużjoni tal-aġir ikkontestat fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku speċifiku billi siltet konklużjonijiet differenti minn dawk imressqa mill-appellanti iżda li ma jidhrux manifestament żbaljati.

101.

Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(3) TFUE għal proċedura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, minkejja li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet dwar inapplikabbiltà ġenerali, id-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata jinkludu argumenti suffiċjenti sabiex jitqies li l-eżenzjonijiet previsti ma humiex applikabbli għal din il-kawża. Għal din ir-raġuni nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet aggravju għaliex infondat.

B.   Fuq ir-raba’ aggravju fejn l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-punt 128 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE ( 28 )(iktar ’il quddiem l-“aħjar prattiċi”)

1. L-argumenti tal-partijiet

102.

GCP, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tiddikjara li l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet (fil-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata) li, min-natura tagħhom, il-klawżoli rilevanti għandhom l-għan li jikkompartimentalizzaw is-swieq nazzjonali fiż-ŻEE kollha mingħajr ma l-kuntest ġuridiku u ekonomiku tagħhom jippermetti li jiġi stabbilit li dawn ma jistgħux jippreġudikaw il-kompetizzjoni u li l-ebda impenn ieħor fost dawk proposti minn Paramount, b’effetti li jaffettwaw inqas lil GCP, ma kien ikun adegwat, għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 128 tal-aħjar prattiċi.

103.

Fl-ewwel lok, GCP, flimkien mar-Repubblika Franċiża, tosserva li l-Kummissjoni, meta aċċettat l-impenji ta’ Paramount, dwar il-kuntratti kollha konklużi max-xandara taż-ŻEE, filwaqt li t-tħassib dwar il-kompetizzjoni li jinsab fl-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni kien jikkonċerna biss id-drittijiet esklużivi fir-Renju Unit u fl-Irlanda, ma ħaditx inkunsiderazzjoni partikolaritajiet ta’ swieq oħra, b’mod partikolari s-suq Franċiż, li s-sistema regolatorja u finanzjarja tiegħu għandha l-karatteristika partikolari li l-finanzjament tal-ħolqien awdjoviżiv huwa prinċipalment imwettaq mix-xandara bħal GCP.

104.

Billi kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u r-rispett tad-drittijiet ta’ terzi, kif imfakkar b’mod partikolari fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 41). Il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni aġixxiet fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, fejn segwiet l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni (ekonomija u effikaċja proċedurali), mingħajr ma affettwat id-drittijiet kuntrattwali jew proċedurali ta’ GCP lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

105.

Ir-Repubblika Franċiża żżid li l-fatt li ma ġie propost l-ebda impenn ieħor xieraq sabiex jindirizza b’mod adegwat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li ġew ikkunsidrati b’mod effettiv l-interessi ta’ terzi. Fil-fatt, peress li l-impenji huma r-riżultat ta’ negozjati esklużivi bejn il-Kummissjoni u l-impriża kkonċernata, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li l-interess ta’ terzi jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ impenji sempliċement billi l-impenji proposti jitqabblu ma’ impenji oħra potenzjalment proposti mill-impriża kkonċernata.

106.

L-UPC tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata taffettwa, minflok, l-interessi tal-atturi kollha tas-settur ċinematografiku. Fil-fatt, hija tosserva li, fl‑2018, l-istazzjonijiet tat-televiżjoni bla ħlas u bi ħlas iffinanzjaw 97.8 % tal-films ta’ inizjattiva Franċiża b’baġit ta’ mill-inqas EUR 4 miljun u 77.2 % tal-films b’baġit iggarantit ta’ bejn EUR 1 u 4 miljuni. GCP xtrat minn qabel 113‑il film ta’ inizjattiva Franċiża u 93.9 % tal-films ta’ inizjattiva Franċiża li jiswew iktar minn EUR 7 miljun. Fil-kuntest tal-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi, u lanqas il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, jekk tiġi kkonfermata, tirriskja li tfixkel kompletament l-istandards kuntrattwali tal-atturi kollha tas-suq.

107.

Fit-tieni lok, GCP issostni li, skont il-punt 128 tal-aħjar prattiċi u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 76 tagħhom, l-impenji għandhom ikunu inekwivokabbli, għandhom jiġu applikati direttament u l-implimentazzjoni tagħhom ma għandhiex tiddependi fuq ir-rieda ta’ terzi mhux vinkolati minnhom.

108.

Il-Qorti Ġenerali kisret dan il-prinċipju, billi ddikjarat, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix indħil fil-libertà kuntrattwali ta’ GCP, peress li din tista’ tadixxi lill-qorti nazzjonali sabiex tistabbilixxi l-kompatibbiltà tal-klawżoli rilevanti mal-Artikolu 101(1) TFUE u tislet, fir-rigward ta’ Paramount, il-konsegwenzi previsti mid-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, billi ddikjarat, fil-punt 103 ta’ dik is-sentenza, li hija l-Kummissjoni li għandha tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni jekk il-qorti nazzjonali tobbliga lil Paramount tikser l-obbligi assunti fl-impenji, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet espressament li l-implimentazzjoni tal-impenn tiddependi mir-rieda ta’ GCP, iżda ma siltitx il-konsegwenzi legali kollha minn din il-konklużjoni.

109.

GCP, flimkien mar-Repubblika Franċiża, issostni, fit-tielet lok, li l-Qorti Ġenerali, meta affermat, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata tista’, l-iktar l-iktar, tinfluwenza l-evalwazzjonijiet tal-qorti nazzjonali peress li din id-deċiżjoni tinkludi biss evalwazzjoni preliminari, ippreġudikat serjament id-drittijiet ta’ terzi. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ċċaħħad lil GCP mil-libertà kuntrattwali tagħha, peress li hija ma tistax, fir-realtà, tikseb sentenza mingħand il-qorti nazzjonali li tikkontradixxi lill-Kummissjoni u li taċċetta l-validità tal-klawżoli kontenzjużi. F’dan ir-rigward, mis-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et (C‑547/16, EU:C:2017:891, punti 2829), jirriżulta li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jinjoraw id-deċiżjonijiet meħuda abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u għandhom jikkunsidrawha bħala indikazzjoni, jew saħansitra prova prima facie, tan-natura antikompetittiva tal-ftehim inkwistjoni.

110.

Ir-Repubblika Franċiża żżid li l-effett ta’ deċiżjoni, bħal dik ikkontestata, fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali hija msaħħa mill-impenji nnegozjati fil-qasam inkwistjoni ma’ kumpanniji multinazzjonali oħra, li jirrendi iktar probabbli li impenji suċċessivi jikkostitwixxu l-istandard li jkun dejjem iktar diffiċli għall-qorti nazzjonali li titbiegħed minnu. Barra minn hekk, il-fatt li, fil-każ li l-qorti nazzjonali tqis li l-ftehim inkwistjoni ma jiksirx l-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni jkollha neċessarjament tiftaħ mill-ġdid investigazzjoni, skont l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, jista’ jiddisswadi lill-qorti nazzjonali milli tikkontesta l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni.

111.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-BEUC, issostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettement, fil-punti 43 sa 58 u 118 tas-sentenza appellata, li l-impenji ta’ Paramount kienu jindirizzaw tħassib dwar il-kompetizzjoni fir-rigward taż-ŻEE kollha. Fil-fatt, il-klawżoli rilevanti kienu jikkostitwixxu obbligi addizzjonali intiżi sabiex jaqsmu s-swieq nazzjonali fiż-ŻEE kollha, billi jipprojbixxu jew jillimitaw il-bejgħ passiv transkonfinali ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni televiżiva minn Sky lill-konsumaturi residenti fiż-ŻEE iżda barra mir-Renju Unit u l-Irlanda, kif ukoll il-bejgħ ta’ xandara residenti fiż-ŻEE iżda barra mir-Renju Unit u mill-Irlanda lill-konsumaturi residenti fir-Renju Unit u fl-Irlanda. L-impenji offruti minn Paramount għaldaqstant jindirizzaw b’mod adegwat it-tħassib dwar il-kompetizzjoni espress fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u Paramount ma offrietx impenji inqas vinkolanti li jindirizzaw dan it-tħassib b’mod adegwat.

112.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-BEUC, tqis barra minn hekk li l-Qorti Ġenerali ddikjarat ġustament, fil-punti 83 sa 108 tas-sentenza appellata, li l-implimentazzjoni tal-impenji ta’ Paramount ma tiddependix fuq ir-rieda ta’ terzi, inkluża GCP. Effettivament, billi offriet dawn l-impenji, Paramount eżerċitat il-libertà kuntrattwali tagħha li ma tkunx marbuta minn ċerti klawżoli kuntrattwali u din id-deċiżjoni ma tiddependix mir-rieda ta’ terzi. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dawn l-impenji ma ċċaħħadx lil GCP mill-possibbiltà li tadixxi qorti nazzjonali sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha ma’ Paramount. Jekk qorti nazzjonali tikkunsidra li l-klawżoli rilevanti ma jiksrux l-Artikolu 101(1) TFUE jew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, hija għandha tevalwa jekk l-eżitu tal-proċedura quddiemha jistax iwassal lil Paramount sabiex tikser l-impenji assunti skont id-deċiżjoni kkontestata. Sabiex jiġi evitat li r-riżultat ta’ din il-proċedura jwassal lil Paramount sabiex tikser dawn l-impenji, il-qorti nazzjonali tista’ tirrifjuta li tordna l-eżekuzzjoni tal-klawżoli rilevanti, filwaqt li fl-istess ħin tordna lil Paramount twettaq, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, l-eżekuzzjoni ekwivalenti u l-kumpens tad-danni. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat din is-soluzzjoni fil-punt 103 tas-sentenza appellata.

113.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-BEUC, issostni, fit-tielet lok, li l-Qorti Ġenerali qieset korrettement, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li GCP setgħet tikseb minn qorti nazzjonali deċiżjoni inkompatibbli ma’ dik tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi l-legalità tal-klawżoli kkontestati. Mill-punt 29 tas-sentenza Gasorba ċċitata, jirriżulta, fil-fatt, li qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni espressa fid-deċiżjoni kkontestata u tikkunsidraha bħala indikazzjoni, jew saħansitra bħala prova prima facie, tan-natura antikompetittiva tal-klawżoli kontenzjużi.

114.

Il-BEUC isostni li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli, peress li GCP qiegħda tipprova tikkontesta l-konklużjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-eżami tat-tielet u tat-tieni aggravju, billi essenzjalment irrepetiet l-istess argumenti bħal dawk imressqa fl-ewwel istanza.

2. Evalwazzjonijiet

a) Il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u preġudizzju għad-dritt ta’ terzi

115.

Fir-raba’ aggravju, essenzjalment, il-kritika magħmula kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tirrigwarda allegat żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta rrendiet vinkolanti l-impenji proposti minn Paramount fiż-ŻEE kollha filwaqt li, min-naħa l-oħra, it-tħassib dwar il-kompetizzjoni espress mill-Kummissjoni fl-analiżi preliminari kien jikkonċerna biss l-esklużivitajiet territorjali fir-Renju Unit u fl-Irlanda u billi ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tippreġudikax id-drittijiet ta’ terzi peress li dawn tal-aħħar jistgħu madankollu jirċievu protezzjoni ġudizzjarja fil-qrati nazzjonali fir-rigward tal-klawżoli rilevanti.

116.

Il-kwistjoni delikata li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi, għaldaqstant, tikkonċerna l-possibbiltà li l-impenji proposti u aċċettati mill-Kummissjoni jista’ jkollhom konsegwenzi fuq id-drittijiet kuntrattwali ta’ terzi. Id-domanda tirrigwarda l-eżerċizzju delikat ta’ bbilanċjar bejn il-libertà kuntrattwali u l-prinċipji regolatorji u l-għanijiet stabbiliti mit-Trattati tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Kif huwa magħruf, il-libertà kuntrattwali tikkostitwixxi l-espressjoni tal-libertà tal-impriża li hija ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 29 ) u hija rrikonoxxuta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Madankollu, kif enfasizzat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà li tiġi eżerċitata attività professjonali ma hijiex dritt assolut iżda għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward tal-funzjoni soċjali tagħha ( 30 ). Għaldaqstant, il-libertà tal-impriża tista’ tiġi suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi pubbliċi li jillimitaw l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fl-interess pubbliku ( 31 ).

117.

F’dan il-kuntest, indikat fil-qosor ħafna, jidħlu ċerti limitazzjonijiet tal-libertà kuntrattwali tal-partijiet li huma inkwistjoni f’din il-kawża, bħal dawk li jikkonċernaw l-obbligu ta’ Paramount li ma tinkludix, fil-kuntratti l-ġodda ta’ liċenzja, il-klawżoli kuntrattwali li joħolqu ostakoli assoluti għall-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni u li jxekklu l-għan tas-suq uniku msemmi fl-Artikolu 3(3) TUE jew il-prinċipju ddikjarat mill-ġurisprudenza u mfakkar mill-Qorti Ġenerali li skontu r-regoli dwar il-copyright jiggarantixxu biss remunerazzjoni li tkun “raġonevoli” meta mqabbla mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut u li għaldaqstant klawżoli eventwali li jipprevedu remunerazzjoni ikbar jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli jekk għandhom bħala premessa l-kompartimentalizzazzjoni fuq livell nazzjonali tas-swieq riżultanti minn protezzjoni territorjali assoluta tal-persuna nazzjonali liċenzjata.

118.

L-effett tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti ċertament ma huwiex xi ħaġa ġdida. Il-karatteristika partikolari ta’ din il-kawża hija li, bl-għan li tiġi protetta l-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni aċċettat l-impenji ppreżentati minn impriża li għandhom effett fuq ir-relazzjoni kuntrattwali tal-istess impriża ma’ entità li hija terza fir-rigward tal-proċedura magħmula skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003.

119.

Deċiżjoni li taċċetta impenji tista’ tasal sal-punt li torbot lill-impriża biex ma teżegwixxix kuntratt konkluż ma’ entità terza? L-għan tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni jista’ jiġġustifika sagrifiċċju daqstant intensiv tal-libertà kuntrattwali ta’ terz? Din hija kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għad-deċiżjonijiet li jaċċettaw impenji.

120.

Il-Kummissjoni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza Alrosa ċċitata (b’mod partikolari l-punt 41), issostni interpretazzjoni partikolarment restrittiva tar-rwol li l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha biss għall-verifika li l-impenji inkwistjoni jindirizzaw it-tħassib li hija ressqet għall-attenzjoni tal-impriżi kkonċernati u li dawn tal-aħħar ma pproponewx impenji inqas vinkolanti li jindirizzaw ukoll b’mod adegwat dan it-tħassib. Fil-fatt, huwa f’din il-perspettiva li l-Qorti Ġenerali aġixxiet billi rrikonoxxiet li, essenzjalment, il-Kummissjoni wettqet dawn il-verifiki.

121.

Madankollu, fir-realtà, is-sentenza Alrosa ma llimitatx l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-verifiki msemmija iktar ’il fuq, minħabba li, immedjatament wara li rreferiet għall-ħtieġa li dawn isiru mill-Kummissjoni, hija ħadet ħsieb tippreċiża li, “[f]l-eżerċizzju ta’ din il-verifika, il‑Kummissjoni għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi” ( 32 ).

122.

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jsib applikazzjoni bidirezzjonali: minn naħa, huwa jindirizza l-idoneità tal-impenji li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni u l-fatt li l-impriża ma pproponietx impenji oħra li, filwaqt li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni, huma inqas onerużi. Min-naħa l-oħra, huwa japplika fir-rigward tal-interessi ta’ terzi affettwati b’xi mod bl-aċċettazzjoni tal-impenji. B’dan il-mod il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li dan jista’ jkun il-każ fil-prattika meta d-deċiżjoni b’impenji tikkundizzjona wkoll l-interessi ta’ terzi minbarra l-impriżi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, f’dan il-każ, sabiex id-deċiżjoni tkun legali, għandha tgħaddi minn verifika mwettqa fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

123.

Ċertament, l-intensità tal-investigazzjoni mwettqa fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tista’ tvarja skont il-proċedura inkwistjoni u, f’każ li tinvolvi l-evalwazzjoni tar-rimedji proposti mill-impriża fi proċedura li ma tinvolvix l-aċċertament tal-ksur, il-portata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità hija, kif rajna, limitata ( 33 ). Iżda meta għandhom jiġu vverifikati l-impenji mhux skont l-idoneità tagħhom sabiex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni, iżda skont l-effett fuq l-interessi ta’ terzi, il-prinċipju jeħtieġ almenu li d-drittijiet li tagħhom huma detenturi u li huma rilevanti għad-dritt primarju tal-Unjoni ma jiġux issagrifikati għalkollox jew fi kwalunkwe każ żvojtati mill-kontenut.

124.

Din il-konklużjoni hija imposta essenzjalment mill-prinċipju ta’ proporzjonalità li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, “jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija” ( 34 ) u tikkostitwixxi “l-punt ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ kwalunkwe att tal-istituzzjonijiet Komunitarji, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rwol tagħha bħala awtorità tal-kompetizzjoni” ( 35 ).

125.

Għalhekk, meta, minħabba d-deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni tal-impenji, l-impriża li tipproponihom ma għandhiex għalfejn tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha assunti fil-konfront ta’ terz u li huma elementi essenzjali tal-bilanċ ekonomiku li, fl-eżerċizzju tal-libertà kuntrattwali rispettiva, huma stabbilixxew, sagrifiċċju daqstant gravi tal-libertà kuntrattwali tat-terz ma jidhirx li huwa ġustifikabbli bl-istess mod tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

126.

Sabiex jevitaw din il-konklużjoni, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali jinvokaw id-dritt tat-terz (GCP) li jressaq azzjoni ġudizzjarja kontra l-impriża li pproponiet l-impenji (Paramount) bl-għan li tiġi kkonstatata r-responsabbiltà kuntrattwali tagħha u li jinkisbu danni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tosserva, b’riferiment għas-sentenza Alrosa, li l-fatt li l-impenji individwali offruti minn impriża jkunu saru vinkolanti ma jimplikax li impriżi oħra jiċċaħħdu mill‑possibbiltà li jipproteġu d-drittijiet eventwali tagħhom fil-kuntest tar‑relazzjonijiet tagħhom ma’ din l-impriża ( 36 ). Il-qorti nazzjonali, bl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, tista’ tiddeċiedi li l-klawżoli rilevanti jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE jew li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, u tista’ anki tevalwa l-fondatezza tad-domanda li ssirilha, minħabba li l-Artikolu 101 TFUE ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-klawżoli rilevanti (punti 100, 101 u 102 tas-sentenza appellata).

127.

Il-punt dgħajjef ta’ dan ir-raġunament, enfasizzat fl-appell ta’ GCP, huwa li d-deċiżjoni li jintlaqgħu l-impenji tikkundizzjona fi kwalunkwe każ lill-qorti adita mill-impriża terza, għaliex hija tqiegħed restrizzjoni ġudizzjarja konsistenti fid-diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali. Għalkemm, fil-fatt, huwa ċert li d-deċiżjoni dwar l-impenji meħuda abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma teskludix li l-qorti nazzjonali tevalwa l-prattika suġġett ta’ din id-deċiżjoni b’mod differenti mill-Kummissjoni, madankollu “il-qrati nazzjonali ma jistgħux jinjoraw deċiżjonijiet bħal dawn. Fil-fatt, dawn l-atti huma, fi kwalunkwe każ, ta’ natura deċiżiva. Barra minn hekk, kemm il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll l-għan ta’ applikazzjoni effettiva u uniformi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikjedu li l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u li tikkunsidraha bħala indizju, jew saħansitra bħala provi prima facie, tan-natura antikompetittiva tal-ftehim inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE” ( 37 ).

128.

Il-ġurisprudenza ċċitata tidħol b’mod partikolari f’konformità mar-rekwiżit, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 1/2003, li tiġi żgurata l-uniformità tal-applikazzjoni tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni f’sistema ta’ infurzar deċentralizzat. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li “[s]abiex tiżgura qbil mal-prinċipji ċerti legali [ta’ ċertezza legali] u l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-kompettività tal-Kommunità f’sistema ta poteri paralleli, deċizzjonijiet li huma f’kunflit għandhom jiġu evitati. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi klarifikat, skond il-liġi tal-preċedent [ġurisprudenza] tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-proċeduri tal-qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri” ( 38 ).

129.

Jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata abbażi tal-Artikolu 9, iċċitat diversi drabi, ma tkunx timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li din id-deċiżjoni tittieħed inkunsiderazzjoni bħala prova prima facie, tinfetaħ possibbiltà perikoluża ħafna għal diverġenzi kbar fl-applikazzjoni f’kull Stat Membru tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni li tipperikola s-sistema ta’ enforcement iddeċentralizzat stabbilita bir-Regolament Nru 1/2003.

130.

F’dan il-kuntest, il-possibbiltà li impriża terza, bħal GCP, tinvoka r-raġunijiet tagħha quddiem il-qorti nazzjonali u li tikseb l-aċċettazzjoni tat-talba għall-kumpens tad-danni kontra Paramount hija batuta ħafna peress li jkollha tingħeleb il-preżunzjoni tal-illegalità tal-klawżoli rilevanti. Finalment, sabiex jinkiseb l-għan tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni skont proċedura partikolari ssemplifikata u, għaldaqstant, b’garanziji minuri ta’ protezzjoni permezz ta’ drittijiet ta’ parteċipazzjoni proċedurali tal-persuni kkonċernati bid-deċiżjoni, jitwettaq sagrifiċċju eċċessiv tal-libertà kuntrattwali ta’ terzi.

131.

Lanqas ma jista’ jiġi oġġezzjonat għal din il-konklużjoni li s-sagrifiċċju impost fuq il-libertà kuntrattwali ta’ terzi huwa neċessarju sabiex tiġi protetta l-kompetizzjoni u li l-Kummissjoni ma setgħetx tbiddel il-kontenut tal-impenji li huma atti unilaterali tal-impriża. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Kummissjoni kellha mezzi oħra iktar idonei, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dan il-każ, sabiex tipproteġi l-interess pubbliku protett mill-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, hija setgħet tiċħad l-impenji, għaliex jikkonfliġġu mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u ssegwi l-proċedura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex tikkonstata jew le l-eżistenza ta’ ksur ( 39 ).

132.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat, kif sostniet GCP b’mod effettiv waqt is-seduta, li l-konsegwenza aħħarija tas-soluzzjoni prevista mill-Qorti Ġenerali tkun li tiġi pperikolata l-funzjonalità u l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni permezz tad-deċiżjonijiet ta’ aċċettazzjoni tal-impenji. L-impriża li tassumi impenji speċifiċi, imbagħad magħmula vinkolanti mill-Kummissjoni, issib fil-fatt ruħha, sabiex issegwi l-previżjoni tal-Qorti Ġenerali, taħt żewġ “xwabel ta’ Damokle” li jitfgħu f’dubju serju ċ-ċertezza tad-dritt u l-bilanċ tas-sistema: il-possibbiltà li tinżamm responsabbli kuntrattwalment mill-qrati nazzjonali fil-pajjiżi diversi tal-Unjoni u l-possibbiltà, iktar negattiva għas-sistema, ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura mill-Kummissjoni ( 40 ), f’każ li l-qorti nazzjonali timponi fuq l-impriża l-ksur tal-impenn magħmul obbligatorju.

b) Konklużjoni parzjali

133.

Minn dak espost iktar ’il fuq isegwi li l-Kummissjoni, meta aċċettat l-impenji ta’ Paramount, ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l-interessi tat-terzi, f’dan il-każ partikolarment involuti minħabba l-ftehim kuntrattwali diġà konkluż bejn Paramount u terzi oħra, fosthom l-appellanti, u b’hekk kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet nieqsa minn difett fuq dan il-punt u, għaldaqstant, f’dan il-kuntest speċifiku, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-raba’ aggravju.

V. Konklużjonijiet

134.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, bħala infondat, it-tielet aggravju u tilqa’, fir-rigward tal-kuntest indikat, ir-raba’ aggravju.


( 1 ) Ligwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81.

( 4 ) Każ AT.40023 – Aċċess transkonfinali għal televiżjoni bi ħlas, tas‑26 ta’ Lulju 2016.

( 5 ) Digriet tat‑13 ta’ Lulju 2017, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni (T‑873/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:556).

( 6 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni (T‑873/16, EU:T:2018:904).

( 7 ) ĠU 2011, C 308, p. 6.

( 8 ) “The impact of cross border access to audiovisual content of EU consumers”, imwettaq minn GCP.

( 9 ) Dwar dan, ara, reċentement, ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2018, L 60I, p. 1, tat-2 ta’ Marzu 2018, paġni 1 sa 15).

( 10 ) Ara r-risposta tal-Kummissjoni fejn, fil-punt 11, huwa indikat li “d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax l-‘għan’ tal-‘imblukkar ġeografiku’ fir-rigward tas-‘servizzi’ jew ‘kontenut awdjoviżiv’ (punti 19, 20 u 23 tar-rikors), iżda biss restrizzjonijiet kuntrattwali dwar il-bejgħ passiv barra mit-territorju kopert mil-liċenzja mogħtija minn Paramount lil Sky”.

( 11 ) Ara, reċentement, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punti 40 et seq.).

( 12 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 40).

( 13 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 41).

( 14 ) Fir-rigward tal-osservazzjoni inkontestabbli li, b’differenza mill-proċedura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 li fiha l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq impenji offruti volontarjament mill-partijiet, “fil-kuntest ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 7, għandha tkun hija stess li eventwalment issib ir-rimedji, u dan ifisser li din tkun meħtieġa li twettaq investigazzjonijiet iktar estiżi u itwal, kif ukoll evalwazzjoni sħiħa tal-fatti”, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 51).

( 15 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 48).

( 16 ) Il-prinċipju ta’ ċertezza legali, wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, kif stabbilit fis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 75), għandu bħala korollarju “l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u jeżiġi, minn naħa, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-parti fil-kawża”; ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin (C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata fih). Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, GRDF (C‑236/18, EU:C:2019:1120, punt 42).

( 17 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 55).

( 18 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 82).

( 19 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631), li tistabbilixxi li “ftehim li għandu tendenza li jirrikostitwixxi l-qsim f’kompartimenti tas-swieq nazzjonali jista’ jmur kontra l-għan tat-trattat li tinkiseb l-integrazzjoni ta’ dawn is-swieq bl-istabbiliment ta’ suq uniku” (punt 139). U li “din il-ġurisprudenza tapplika bis-sħiħ fil-qasam tal-provvista transkonfinali tas-servizzi tax-xandir” (punt 140).

( 20 ) Din il-linja interpretattiva ġiet mibdija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Consten Grundig, li fiha l-għoti ta’ trade mark irreġistrata kien wieħed mill-mezzi sabiex tingħata protezzjoni territorjali lil distributur, sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni (56/64 u 58/64, EU:C:1966:41); sussegwentement, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1982, Nungesser u Eisele vs Il‑Kummissjoni (258/78, EU:C:1982:211). Għas-settur farmaċewtiku ara reċentement is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52), fejn, fil-punt 79, huwa stabbilit li “dritt ta’ proprjetà industrijali jew kummerċjali, bħala status legali, ma jaqax taħt l-elementi kuntrattwali jew ta’ ftehim previsti mill-Artikolu 101(1) TFUE, iżda li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jaqa’ taħt il-projbizzjonijiet tat-Trattat jekk jidher li huwa s-suġġett, il-mezz jew il-konsegwenza ta’ ftehim […] minkejja li dawn jistgħu jikkostitwixxu l-espressjoni leġittima tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jawtorizza lill-proprjetarju tiegħu, b’mod partikolari, li jopponi kull ksur”.

( 21 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Coditel et (262/81, EU:C:1982:334, punt 15).

( 22 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 107108).

( 23 )

( 24 ) Skont l-iskema normali ta’ tqassim tal-oneru tal-prova, stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, sostnuta minn ġurisprudenza kostanti, li skontha “huwa f’idejn il-parti jew l-awtorità li qed tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li ġġib il-prova ta’ dan u hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka d-difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola li minnha hija dedotta l-eċċezzjoni huma ssodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha tirrikorri għalhekk għal provi oħrajn”; sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni (C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 56 u l-ġurisprudenza fih). Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni (C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 29).

( 25 )

( 26 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 100).

( 27 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 102).

( 28 ) ĠU 2011, C 308, p. 6.

( 29 ) Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-Karta “tinvolvi l-libertà li ssegwi attività ekonomika jew kummerċjali, libertà kuntrattwali kif ukoll kompetizzjoni libera. Barra dan, il-libertà kuntrattwali tinkludi, b’mod partikolari, l-għażla libera tas-sieħeb ekonomiku u l-libertà li jiġi ddeterminat il-prezz għal servizz”, skont is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Polkomtel (C‑277/16, EU:C:2017:989, punt 50). Fl-istess sens is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2018, Spika et (C‑540/16, EU:C:2018:565, punt 34); tas‑26 ta’ Ottubru 2017, BB construct (C‑534/16, EU:C:2017:820, punti 3435); u tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42).

( 30 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il‑Finlandja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑184/02 u C‑223/02, EU:C:2004:497, punti 5152), u tas‑6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 54).

( 31 ) Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 46).

( 32 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 41).

( 33 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 47), li tgħid li “anki jekk id‑deċiżjonijiet adottati skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma, kull waħda minnhom, suġġetti għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-applikazzjoni ta’ dan il‑prinċipju huwa madankollu differenti skont jekk tkunx ikkonċernata dispożizzjoni waħda jew oħra”.

( 34 ) Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017Spanja vs Il-Kunsill (C‑128/15, EU:C:2017:3, punt 71). Fl-istess sens, ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54); tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 46); u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 71).

( 35 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 42 u s-sentenzi ċċitati fih fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 22 u 23).

( 36 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 49).

( 37 ) Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et (C‑547/16, EU:C:2017:891, punt 29).

( 38 ) Premessa 22 tar-Regolament Nru 1/2003.

( 39 ) Min-naħa l-oħra, meta “l-impenji ta’ impriża waħda jew iktar ikunu sproporzjonati b’relazzjoni mal-għan tal-Kummissjoni, li jikkonsisti f’li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, hija ma tistax tiddikjarhom vinkolanti. Anzi, hija għandha tiġbed l-attenzjoni tal-impriża jew tal-impriżi dwar in-nuqqas ta’ proporzjonalità u, jekk ikun il-każ, tistedinhom sabiex jemendaw l-impenji tagħhom”; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 43). U, fi kwalunkwe każ, dejjem fil-kliem tal-Avukat Ġenerali Kokott, “[i]l-Kummissjoni ma għandiex taċċetta impenji li l-idoneità tagħhom tista’ tiġi evalwata biss wara li hija stess tkun għamlet eżami dettaljat” (punt 53).

( 40 ) Skont l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003.

Top