EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0041

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fis-27 ta’ Frar 2020.
FX vs GZ.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Köln.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 41(1) – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 24(5) – Titolu ddikjarat eżekuttiv, li jikkonstata dritt għall-manteniment – Azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.
Kawża C-41/19.

Digital reports (Court Reports - general)

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:132

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis‑27 ta’ Frar 2020 ( 1 )

Kawża C‑41/19

FX

v

GZ, irrappreżentata minn ommha

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar manteniment”

I. Introduzzjoni

1.

Il-konvenuta fil-każ preżenti hija tifla dipendenti residenti fil-Polonja. Hija kisbet deċiżjoni mill-qrati Pollakki li stabbilixxiet l-obbligi ta’ manteniment ta’ missierha (ir-rikorrent), li jirrisjedi fil-Ġermanja. Wara li kisbet dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni Pollakka dwar manteniment fil-Ġermanja, il-konvenuta issa qiegħda tfittex li dik id-deċiżjoni tiġi eżegwita f’dak l-Istat Membru. Ir-rikorrent jopponi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni abbażi tar-raġunament li l-obbligi ta’ pagament tiegħu ġew il-biċċa l-kbira ssodisfatti. Huwa jsostni li huwa stess wettaq pagamenti ta’ manteniment u li benefiċċji tal-Istat ġew imħallsa f’ismu wkoll lill-konvenuta permezz tal-fond ta’ manteniment Pollakk.

2.

Il-każ preżenti jikkonċerna l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni abbażi ta’ kwittanza ta’ dejn, ippreżentata mir-rikorrent quddiem il-qrati Ġermaniżi. Il-kwistjoni prinċipali mqajma permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija jekk il-qrati Ġermaniżi għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq dik l-azzjoni abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ( 2 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 4/2009

3.

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4/2009, “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-obbligi ta’ manteniment li ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja, parentela, żwieġ jew affinità”.

4.

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 4/2009, għall-għanijiet ta’ dak ir-regolament: “‘deċiżjoni’: għandha tfisser deċiżjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija minn ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, tkun xi tkun id-denomenazzjoni, jiġifieri digriet, ordni, sentenza jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll id-deċiżjoni minn uffiċjal tal-qorti li tiddetermina l-infiq jew l-ispejjeż. […]”.

5.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 jiddikjara li “Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, […]

[…]”

6.

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Limiti fuq il-proċedimenti”, il-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi: “Meta tingħata deċiżjoni fi Stat Membru jew fi Stat Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, il-proċedimenti għall-emenda tad-deċiżjoni jew biex tingħata deċiżjoni ġdida ma jistgħux jitressqu mid-debitur fi kwalunkwe Stat Membru ieħor dment li l-kreditur jibqa’ jkollu r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat fejn tkun ingħatat id-deċiżjoni”.

7.

Il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 4/2009 jikkonċerna r-“rikonoxximent, eżekutorjetà u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet”. Dak il-kapitolu għandu tliet taqsimiet: it-Taqsima 1 tapplika fir-rigward ta’ deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru marbut bil-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 (Artikoli 17 sa 22) ( 3 ); it-Taqsima 2 tapplika fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru mhux marbut bil-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007 (Artikoli 23 sa 38); u t-Taqsima 3 tinkludi dispożizzjonijiet komuni (Artikoli 39 sa 43).

8.

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Ċaħda jew sospensjoni tal-eżekuzzjoni”, inkluż fit-Taqsima 1 imsemmija iktar ’il fuq, jipprovdi kif ġej:

“1.   Ir-raġunijiet għal rifjut jew sospensjoni tal-eżekuzzjoni skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandhom japplikaw dment li ma jkunux inkompatibbli mal-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3.

2.   Fuq it-talba tad-debitur, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha, tiċħad, totalment jew parzjalment, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti tal-oriġini jekk id-dritt biex tiġi eżegwita d-deċiżjoni tal-qorti tal-oriġini jintemm bl-effett ta’ preskrizzjoni [jew tal-limitazzjoni ta’ azzjoni] skont il-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini jew skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, skont liema waħda tipprevedi l-itwal limitazzjoni ta’ żmien.

Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tista’, permezz ta’ applikazzjoni mid-debitur, tiċħad, totalment jew parzjalment, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti tal-oriġini jekk hi tkun irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jew ma’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membri tal-eżekuzzjoni.

Deċiżjoni li għandha l-effett li timmodifika deċiżjoni li ttieħdet qabel dwar manteniment abbażi ta’ ċirkostanzi li nbidlu m’għandhiex titqies bħala deċiżjoni rrikonċiljabbli fis-sens tat-tieni subparagrafu.

[…]”

9.

L-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009 jaqra kif ġej: “Suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha tiġi eżegwita hemmekk skont l-istess kondizzjonijiet bħal deċiżjoni mogħtija f’dan l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni”.

10.

Skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 4/2009: “Taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru [...] tkun riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent, l-eżekutorjetà jew l-eżekuzzjoni”.

11.

L-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 4/2009 fih id-dispożizzjonijiet tranżitorji. Dan jgħid li:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti istitwiti, transazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi, u għal strumenti awtentiċi stabbiliti wara d-data ta’ applikazzjoni tiegħu, soġġetti għall-paragrafi 2 u 3.

2.   It-Taqsimiet 2 u 3 tal-Kapitolu IV għandhom japplikaw:

(a)

għad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni dwar l-eżekutorjetà għalihom jintalbu wara dik id-data;

[…]

[Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 4 )] jibqa’ applikabbli għall-proċeduri ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni li jkunu għadhom għaddejjin fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

2. Ir-Regolament Nru 1215/2012

12.

Il-premessa 10 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali ( 5 ) jaqra kif ġej:

“(10)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew, partikolarment l-obbligi ta’ manteniment, li għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament wara l-adozzjoni tar-[Regolament Nru 4/2009]”.

13.

Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1215/2012:

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

[…]

(e)

obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, ta’ parentela, ta’ żwieġ jew ta’ affinità;

[…]”

14.

L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jifforma parti mit-Taqsima 6 tal-Kapitolu II, iddedikat għal “ġurisdizzjoni esklużiva”, jipprovdi li “Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

[…]

(5)

fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, il-qrati tal-Istat Membru li fih is-sentenza kienet jew għandha tiġi eżegwita”.

B.   Id-dritt Ġermaniż

15.

Skont l-Artikolu 66 tal-Gesetz zur Geltendmachung von Unterhaltsansprüchen mit ausländischen Staaten, jew l-Auslandsunterhaltsgesetz (il-Liġi dwar l-Irkupru ta’ Manteniment fir-Rigward ta’ Stati Barranin, jew il-Liġi dwar Manteniment Barrani, iktar ’il quddiem l-“AUG”) ( 6 ):

“(1)   Jekk titolu barrani huwa eżegwibbli skont [ir-Regolament Nru 4/2009] mingħajr proċedura ta’ exequatur jew huwa ddikjarat eżegwibbli skont dak ir-regolament […], id-debitur jista’ jqajjem eċċezzjonijiet fir-rigward tal-pretensjoni nnifisha fil-kuntest ta’ proċedura skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 120(1) tal-[Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit (il-Liġi dwar il-Proċedura fil-Qasam ta’ Kawżi tal-Familja u ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja, iktar ’il quddiem il-“FamFG”)], u tal-Artikolu 767 taz-[Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ġermaniż, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”)]. Jekk titolu huwa deċiżjoni ġudizzjarja, dan għandu japplika biss sa fejn ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-eċċezzjonijiet irriżultaw biss wara li d-deċiżjoni ngħatat.

(2)   Jekk eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni hija awtorizzata skont waħda mill-metodi msemmija fl-inċiż 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1), id-debitur jista’ jqajjem eċċezzjonijiet kontra t-talba nnifisha fi proċeduri skont l-Artikolu 120(1) tal-[FamFG], flimkien mal-Artikolu 767 taz-[ZPO], biss jekk ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-eċċezzjonijiet tiegħu jew tagħha ma rriżultawx:

1.

sa wara li jiskadi ż-żmien li fih huwa jew hija setgħu jressqu r-rikors, jew

2.

jekk ir-rikors tressaq, wara t-tmien ta’ dawk il-proċeduri.

(3)   L-azzjoni magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 120(1) tal-[FamFG] u tal-Artikolu 767 taz-[ZPO], għandha titressaq quddiem il-qorti li kienet ġiet adita bl-azzjoni tal-ħruġ ta’ titolu li jikkonstata dritt għall-eżekuzzjoni. F’każijiet li jaqgħu taħt is-subparagrafu (1), il-ġurisdizzjoni tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 35(1) u (2)”.

16.

Skont l-Artikolu 767 taz-ZPO:

“(1)   Id-debituri huma meħtieġa jqajmu l-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw il-pretensjoni nnifisha stabbilita mis-sentenza billi jġibu azzjoni korrispondenti quddiem il-qorti tal-ewwel istanza inkarigata mill-każ.

(2)   Eċċezzjonijiet bħal dawn bħala azzjoni huma ammissibbli biss sakemm ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati rriżultaw wara l-għeluq tal-proċedura orali, li kienet l-aħħar opportunità, skont l-istipulazzjonijiet tal-preżenti kodiċi, sabiex jitqajmu eċċezzjonijiet, u allura sakemm ma jistgħux jitqajmu billi jitressaq rikors.

(3)   Fl-azzjoni li huwa għandu jġib, id-debitur għandu jqajjem l-eċċezzjonijiet kollha li seta’ jqajjem fil-waqt li fih ippreżenta r-rikors”.

17.

L-Artikolu 120(1) tal-FamFG jgħid li:

“L-eżekuzzjoni f’każijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ tilwim matrimonjali jew tal-familja għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet [taz-ZPO] li jikkonċernaw eżekuzzjoni forzata”.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

18.

Ir-rikorrent fil-każ preżenti jirrisjedi fil-Ġermanja. Huwa l-missier ta’ tifla dipendenti li tirrisjedi fil-Polonja,

19.

Bid-deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2009 tal-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, ir-rikorrent ġie ordnat iħallas kull xahar manteniment fl-ammont ta’ 500.00 zloty Pollakk (PLN) għal bintu mill‑1 ta’ Settembru 2008, kif ukoll PLN 430.00 kull xahar b’lura għaż-żmien ta’ bejn id‑19 ta’ Ġunju 2008 u l‑31 ta’ Awwissu 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Pollakka dwar il-manteniment”).

20.

Fl‑20 ta’ Lulju 2016, il-konvenuta ppreżentat quddiem l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, azzjoni fejn talbet ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni Pollakka dwar il-manteniment u tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tagħha fil-Ġermanja skont ir-Regolament Nru 4/2009.

21.

B’digriet tas‑27 ta’ Lulju 2016, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, skont l-Artikolu 23 et seq. u l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009, li titolu li jikkonstata dritt għal eżekuzzjoni kellu jinħareġ fir-rigward tad-deċiżjoni Pollakka dwar il-manteniment. Abbażi ta’ dak it-titolu, il-konvenuta issa qiegħda titlob l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni Pollakka dwar il-manteniment kontra r-rikorrent fil-Ġermanja.

22.

B’azzjoni mressqa fil‑5 ta’ April 2018 quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent oppona l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar manteniment. Skont ir-rikorrent, it-talba għal manteniment tal-konvenuta li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni Pollakka dwar il-manteniment ġiet issodisfatta permezz tal-ħlas. Ir-rikorrent jgħid li huwa nnifsu wettaq ħlasijiet ta’ manteniment li jammontaw għal PLN 6 640.05 mill‑2008 sa u inkluż l‑2010 u li, minn Diċembru 2010, benefiċċji tal-Istat li jammontaw għal PLN 500 kull xahar tħallsu lill-konvenuta permezz tal-fond ta’ manteniment Pollakk. Ir-rikorrent jispjega li l-fond ta’ manteniment kien f’kuntatt miegħu u li huwa ta lura s-somom imħallsa lill-konvenuta minn dak il-fond skont il-kapaċità ekonomika tiegħu. Skont ir-rikorrent, it-talba għal manteniment tal-konvenuta ġiet fi kwalunkwe każ fil-biċċa l-kbira ssodisfatta.

23.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija tikkunsidra l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bħala azzjoni relatata ma’ obbligi ta’ manteniment skont it-tifsira tar-Regolament Nru 4/2009. Madankollu, dik il-qorti tikkunsidra li, skont dak ir-regolament, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni. Dan għaliex il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-regolament ma humiex issodisfatti. Minkejja dan, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra lilha nnifisha bħala prekluża milli tiddikjara minn jeddha li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 4/2009 minħabba li, b’differenza mill-proċeduri sabiex tiġi mmodifikata deċiżjoni dwar manteniment skont l-Artikolu 8 ta’ dak ir-regolament, azzjonijiet li jopponu l-eżekuzzjoni ma humiex imsemmija espressament fir-Regolament Nru 4/2009 jew fir-Regolament Nru 1215/2012.

24.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln) issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi preliminari segwenti:

“(1)

Meta tkun diretta kontra titolu barrani li jikkonstata dritt għall-manteniment, l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 767 [taz-ZPO] hija azzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment fis-sens tar-[Regolament Nru 4/2009]?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 767 taz-ZPO, meta tkun diretta kontra titolu barrani li jikkonstata dritt għall-manteniment, hija azzjoni f’materji ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament […] Nru 1215/2012 […]?”

25.

Il-konvenuta, il-Gvern Ġermaniż, Pollakk u Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, issottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Ir-rikorrent, il-Gvern Ġermaniż u Pollakk, u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet orali matul is-seduta tas‑27 ta’ Novembru 2019.

IV. Analiżi

26.

Dawn il-konklużjonijiet huma mqassmin kif ġej. L-ewwel nett, ser noffri xi kjarifiki preliminari dwar il-portata u t-tifsira taż-żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (A). It-tieni nett, jien ser nidentifika l-kuntest legali rilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti. Għal dak il-għan, jien ser niffoka fuq jekk ir-Regolament Nru 4/2009 huwiex applikabbli fil-fażi tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar manteniment u x’jista’ jinġibed minn dak ir-regolament fir-rigward tal-ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ eżekuzzjoni (B). Fl-aħħar nett, jien ser nindirizza d-domanda speċifika dwar jekk azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni abbażi ta’ kwittanza ta’ dejn tifformax parti mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni, sabiex il-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkollhom ġurisdizzjoni (C).

A.   Osservazzjonijiet preliminari

27.

Iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-każ preżenti, li, fil-fehma tiegħi, ikun aħjar jekk jiġu kkunsidrati flimkien, essenzjalment għandhom l-għan li jiżguraw jekk dik il-qorti għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fir-rigward ta’ azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni Pollakka dwar il-manteniment fil-Ġermanja. Madankollu, id-domandi ma humiex magħmula f’dak is-sens. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-azzjoni għal oppożizzjoni tikkostitwixxix materja relatata ma’ obbligi ta’ manteniment fis-sens tar-Regolament Nru 4/2009. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ li dik id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, jekk azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni hijiex koperta mill-kunċett ta’ proċeduri li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fis-sens tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012.

28.

Il-metodu ta’ tfassil tal-ewwel domanda huwa bbażat fuq is-segwenti ipoteżi. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni tikkostitwixxi materja relatata ma’ obbligi ta’ manteniment fis-sens tar-Regolament Nru 4/2009, dan ikun ifisser li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni. Dan għaliex il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, f’dak ix-xenarju, il-kriterji ġenerali sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, għandhom jiġu ssodisfatti, inkluż fir-rigward tal-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, li ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-qrati fil-Polonja huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jittrattaw it-talba tar-rikorrent li huwa ssodisfa l-obbligu tiegħu, skont l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009. Għaldaqstant, bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, jekk il-ġurisdizzjoni tagħha tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012.

29.

Fi ftit kliem, jidher li l-qorti tar-rinviju tifhem li hemm żewġ possibbiltajiet li jeskludu lil xulxin. Jekk ir-Regolament Nru 4/2009 jkun applikabbli, dak ikun ifisser li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ dak ir-regolament. Huwa biss jekk ir-Regolament Nru 4/2009 ma jistax jiġi applikat li jkun possibbli li l-ġurisdizzjoni tiġi bbażata fuq l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012, skont liema l-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom ġurisdizzjoni fi proċeduri li jikkonċernaw tali eżekuzzjoni.

30.

Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament deskritt fil-punt ta’ qabel dan huwa bbażat fuq ipoteżi żbaljata. Fil-fatt, kif ser jiġi spjegat hawn taħt, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4/2009 ma twassalx għan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tiegħi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, huwa neċessarju li jiġi identifikat fl-ewwel lok jekk ir-Regolament Nru 4/2009 huwiex applikabbli fil-fażi ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar manteniment u x’jista’ jinftiehem minn dak ir-regolament fir-rigward tal-ġurisdizzjoni f’dik il-fażi. Jien ser inwettaq dik l-analiżi fit-taqsima li jmiss ta’ dawn il-konklużjonijiet (B). Wara li nikkonkludi li r-Regolament Nru 4/2009 huwa applikabbli fil-fażi ta’ eżekuzzjoni u li huwa inerenti fis-sistema ta’ dak ir-regolament li l-ġurisdizzjoni taqa’ fuq il-qrati tal-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni, jien ser nanalizza l-kwistjoni speċifika li fuqha huwa bbażat il-każ preżenti, li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq il-kwittanza ta’ debitu (C).

B.   Ir-Regolament Nru 4/2009 u l-ġurisdizzjoni dwar eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar manteniment

31.

Il-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001 kien fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ( 7 ). Ir-Regolament Nru 4/2009 emenda r-Regolament Nru 44/2001 billi ssostitwixxa d-dispożizzjonijiet applikabbli għal materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment tal-imsemmi Regolament Nru 44/2001 ( 8 ). Ir-Regolament Nru 4/2009 jikkostitwixxi allura lex specialis fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, id-dritt applikabbli, ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fil-qasam speċifiku ta’ obbligi ta’ manteniment. Ir-Regolament Nru 1215/2012 ħassar ir-Regolament Nru 44/2001. B’differenza minn dawk li ppreċedewh – ir-Regolament Nru 44/2001 u l-Konvenzjoni ta’ Brussell – ir-Regolament Nru 1215/2012 issa jeskludi espressament l-obbligi ta’ manteniment mill-portata tiegħu, li huma koperti mir-Regolament Nru 4/2009 ( 9 ).

32.

Minkejja l-fatt li r-Regolament Nru 4/2009 jinkludi kapitoli speċifiċi ddedikati għall-ġurisdizzjoni (Kapitolu II) u r-rikonoxximent, in-natura eżekuttiva u l-eżekuzzjoni (Kapitolu IV), dan ma jinkludix regola espliċita dwar il-ġurisdizzjoni li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ manteniment.

33.

Dik is-sitwazzjoni tikkuntrasta mar-Regolament Nru 1215/2012, li fih, fl-Artikolu 24(5), regola espliċita li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva fi proċeduri li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi lill-qrati tal-Istat Membru li fih is-sentenza ġiet jew għandha tiġi infurzata. L-istess regola kienet inkluża wkoll fir-Regolament Nru 44/2001 u fil-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 10 ).

34.

Ibbażati fuq dak il-kuntest legali, il-partijiet fil-kawża li ppreżentaw osservazzjonijiet f’dan il-każ waslu għal konklużjonijiet differenti.

35.

Il-Gvern Portugiż, skont l-approċċ ippreferut mill-qorti tar-rinviju, jikkunsidra li, minħabba l-għan ta’ protezzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 fir-rigward ta’ kredituri ta’ manteniment, azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala azzjoni li tikkonċerna obbligi ta’ manteniment irregolata minn dak ir-regolament. Għalkemm mhux espliċitament imqiegħda f’dawk it-termini, jidher li l-Gvern Portugiż jargumenta, skont l-approċċ adottat mill-qorti tar-rinviju, li r-regoli tal-ġurisdizzjoni fl-Artikoli 3 u 4 tar-regolament għandhom japplikaw. Il-konvenuta tadotta approċċ simili.

36.

Il-Gvern Pollakk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jibbaża ruħu fuq l-ipoteżi li r-Regolament Nru 4/2009 ma jirregolax il-ġurisdizzjoni fil-fażi ta’ eżekuzzjoni. Dak il-gvern jisħaq, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, peress li d-drittijiet u l-obbligi rrikonoxxuti fid-deċiżjoni dwar manteniment ma humiex affettwati, l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ma tirrigwardax manteniment u hija allura rregolata mill-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012. B’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Pollakk biddel il-pożizzjoni tiegħu rigward ir-regola ratione temporis li hija applikabbli u ssottometta matul is-seduta li d-dispożizzjoni rilevanti hija l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 44/2001.

37.

Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ssottomettew, essenzjalment, li r-Regolament Nru 4/2009 huwa applikabbli. Madankollu, għall-kuntrarju tal-fehmiet espressi mill-qorti tar-rinviju, huma jikkunsidraw li, jekk ir-Regolament Nru 4/2009 huwa applikabbli, dan ma jfissirx li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni, iżda pjuttost li l-qorti għandha ġurisdizzjoni fil-każ preżenti. Ir-rikorrent huwa, fil-biċċa l-kbira, tal-istess fehma. Skont il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni, la r-Regolament Nru 1215/2012 u lanqas ir-Regolament Nru 44/2001 ma huma applikabbli fil-każ preżenti.

38.

Jien naqbel ma’ din l-aħħar fehma: ir-Regolament Nru 4/2009 biss huwa applikabbli. Madankollu, dan ma jwassalx għal sejba li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni.

39.

L-ewwel nett, ma hemmx dubju li d-deċiżjoni dwar manteniment inkwistjoni fil-każ, li l-eżekuzzjoni tagħha hija issa mitluba mill-konvenuta, tirrigwarda obbligu ta’ manteniment li jirriżulta minn relazzjonijiet tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4/2009. Id-deċiżjoni Pollakka dwar il-manteniment taqa’ eżatt fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009. Il-każ preżenti jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

40.

Il-fatt li l-fażi proċedurali fil-każ preżenti hija dik ta’ eżekuzzjoni ma twassalx għal konklużjoni li s-suġġett prinċipali li fuqu huwa bbażat il-każ ma jirrigwardax iktar obbligi ta’ manteniment. Is-suġġett prinċipali tal-każ jibqa’ l-istess. Fil-fatt, ir-Regolament 4/2009 fih, fil-Kapitolu IV, regoli speċifiċi ddedikati għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment.

41.

It-tieni nett, huwa veru li l-Kapitolu IV, li jirrigwarda rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar manteniment, ma fihx regola espliċita li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni fil-fażi ta’ eżekuzzjoni.

42.

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li jinvokaw il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Portugiż, ma jsegwix minn dak il-fatt li r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 4/2009 huma applikabbli. Kif jirrileva ġustament il-Gvern Ġermaniż, il-Kapitolu II u, partikolarment, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-proċedura prinċipali dwar il-merti, iżda mhux fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

43.

It-tielet nett, anki jekk il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 4/2009 ma fihx regola espliċita dwar il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ eżekuzzjoni, dik ir-regola tista’ tiġi kkunsidrata li hija inerenti fis-sistema ta’ dak ir-regolament.

44.

F’termini ġenerali, il-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-eżekuzzjoni tappartjeni lill-qrati tal-Istat Membru fejn saret it-talba. Kif jirrileva l-Gvern Pollakk, dik ir-regola hija espressjoni ta’ dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali konness mas-sovranità tal-Istat: huma biss l-awtoritajiet tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li għandhom is-setgħa li jiddeċiedu dwar l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, peress li miżuri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jitwettqu biss mill-awtoritajiet tal-Istat jew tal-Istati Membri fejn jinsabu l-assi jew il-persuni li fir-rigward tagħhom saret it-talba. Dik ir-regola hija valida, a fortiori, fejn deċiżjoni diġà ġiet rikonoxxuta bħala eżegwibbli fl-Istat Membru fejn saret it-talba.

45.

Allura, ma huwiex neċessarju li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala dispożizzjoni supplimentari sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit li l-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom ukoll ġurisdizzjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar manteniment fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009. Fil-fatt, dak l-artikolu jista’ jiġi kkunsidrat bħala espressjoni tal-prinċipju ġenerali li għadu kif issemma ( 11 ).

46.

Barra minn hekk, applikazzjoni supplimentari tar-Regolament Nru 1215/2012 f’dan il-kuntest tirriżulta pjuttost problematika, peress li obbligi ta’ manteniment huma espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ( 12 ). F’kull każ, filwaqt li jitqies li l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 fih regola li tista’ tiġi kkunsidrata bħala inerenti fis-sistema tar-Regolament Nru 4/2009, wieħed jaf jistaqsi xi jkun il-valur miżjud ta’ din l-applikazzjoni supplimentari.

47.

Bl-istess mod, l-ebda konklużjoni valida ma tista’ tinġibed mill-fatt li r-Regolament Nru 1215/2012 fih regola espliċita f’dan ir-rigward filwaqt li ma huwiex il-każ fir-rigward tar-Regolament Nru 4/2009: kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-fatt li dik ir-regola hija espliċitament rikonoxxuta fir-Regolament Nru 1215/2012 huwa konness mal-istruttura ta’ dak ir-regolament, li fih diversi kapi ta’ ġurisdizzjoni esklużiva. Dak ma huwiex il-każ fir-rigward tar-Regolament Nru 4/2009, li ma joħloqx ġurisdizzjoni esklużiva. Jien naqbel mal-Kummissjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni jaf ikkunsidra bħala mhux neċessarju li jerġa’ jirriproduċi dik ir-regola fil-kuntest tar-Regolament Nru 4/2009. Fejn iktar tista’ tkun stabbilita l-ġurisdizzjoni rigward l-eżekuzzjoni jekk mhux fl-Istat Membru fejn saret it-talba?

48.

Dan huwa kkonfermat ukoll mill-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009, li jgħid li “[s]uġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni”. Skont dik id-dispożizzjoni, “[d]eċiżjoni mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha tiġi eżegwita hemmekk skont l-istess kondizzjonijiet bħal deċiżjoni mogħtija f’dan l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni”. Ikun diffiċli li wieħed jispjega dik id-dispożizzjoni li kieku l-ġurisdizzjoni għall-eżekuzzjoni ma taqax f’idejn il-qrati tal-Istat Membru fejn l-eżekuzzjoni hija mitluba.

49.

Madankollu, huwa issa neċessarju li jiġi kkjarifikat jekk azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq il-kwittanza ta’ debitu tifformax parti mill-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, bir-riżultat li taqa’ wkoll fil-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

C.   Azzjonijiet għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni

50.

Il-kwistjoni prinċipali li tqum allura hija jekk azzjoni li tfittex li topponi eżekuzzjoni bbażata fuq il-kwittanza ta’ debitu għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tappartjeni għall-għanijiet ta’ ġurisdizzjoni, għal proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001 tissuġġerixxi li d-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv (1). Il-konklużjoni li ntlaħqet f’dik il-ġurisprudenza hija valida fir-rigward tar-Regolament Nru 4/2009, b’kunsiderazzjoni xierqa għal-limitazzjonijiet speċifiċi stabbiliti kemm bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’dak ir-regolament (2). Dan iwassalni għall-konklużjoni li l-qrati tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jgawdu ġurisdizzjoni rigward azzjonijiet li jfittxu li jopponu eżekuzzjoni fuq ir-raġuni li debitu ġie ssodisfatt, anki jekk l-intervent tal-fond ta’ manteniment Pollakk fil-pagament tad-debitu fil-fatt iżid ċertu livell ta’ kumplessità (3).

1. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-Konvenzjoni ta’ Brussell u rigward ir-Regolament Nru 44/2001

51.

Jekk hux abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fil-Konvenzjoni ta’ Brussell jew fir-Regolament Nru 44/2001, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-ġurisdizzjoni fir-rigward tar-rimedji kontra l-eżekuzzjoni, bħal azzjonijiet għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-qrati tal-Istat Membru fejn saret it-talba.

52.

Is-sentenza AS-Autoteile Service kienet tikkonċerna azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti Ġermaniża li imponiet l-ispejjeż fil-proċeduri tal-qorti, abbażi tal-istess dispożizzjoni nazzjonali li hija inkwistjoni fil-każ preżenti (l-Artikolu 767 taz-ZPO). L-azzjoni invokat tpaċija bejn id-dritt li l-eżekuzzjoni tiegħu kienet mitluba (id-dritt għall-ispejjeż) u t-talba li kienet tifforma l-bażi tal-proċeduri tal-bidu, li fir-rigward tagħhom il-qrati Ġermaniżi kienu diġà ddikjaraw li ma għandhomx ġurisdizzjoni. Bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li proċeduri “bħal dawk inklużi fl-Artikolu 767 taz-[ZPO] għaldaqstant, jaqgħu taħt id-dispożizzjoni dwar il-ġurisdizzjoni [inkluża fil-Konvenzjoni ta’ Brussell] minħabba r-rabta mill-qrib tagħhom mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ( 13 )”.

53.

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet f’Hoffmann, wara li għarfet li l-Konvenzjoni ta’ Brussell ma kienx fiha regoli speċifiċi dwar l-eżekuzzjoni, li “sentenza barranija li għaliha nħareġ digriet ta’ eżekuzzjoni hija eżegwita skont ir-regoli proċedurali tad-dritt nazzjonali tal-qorti li fiha l-eżekuzzjoni hija mitluba, inklużi dawk dwar rimedji legali ( 14 )”.

54.

Dak l-approċċ ġie iktar tard ikkonfermat fi Prism Investments. Dik is-sentenza kienet tikkonċerna azzjoni għall-annullament mibdija minn debitur kontra dikjarazzjoni dwar in-natura eżekuttiva magħmula minn qorti Olandiża fir-rigward ta’ sentenza mogħtija fil-Belġju, fuq il-bażi li s-sentenza kienet diġà ġiet imħarsa permezz ta’ arranġament finanzjarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li r-Regolament Nru 44/2001 ma kienx jippermetti r-rifjut jew ir-revoka ta’ dikjarazzjoni dwar in-natura eżekuttiva ta’ sentenza fuq dik il-bażi ( 15 ). Madankollu, hija kkonfermat li raġuni bbażata fuq ħarsien tal-obbligu tista’ titressaq “għall-evalwazzjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni tal-Istat Membru li fih saret it-talba” peress li “skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba din id-deċiżjoni tiġi integrata fis-sistema legali tal-Istat Membru li fih saret it-talba, ir-regoli nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan l-aħħar Stat japplikaw bl-istess mod bħad-deċiżjonijiet adottati mill-qrati nazzjonali ( 16 )”.

55.

Madankollu, minn dik il-ġurisprudenza ma għandux jinftiehem li kull tip ta’ azzjoni ppreżentata fl-istadju ta’ eżekuzzjoni bbażata fuq kwalunkwe xorta ta’ raġuni għandha tkun ikkunsidrata bħala ammissibbli quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, il-ġurisprudenza stabbilixxiet espliċitament ukoll il-limiti għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni bbażati fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni inklużi fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll fir-Regolament Nru 44/2001 u r-Regolament Nru 1215/2012.

56.

B’mod iktar preċiż, f’AS Autoteile Service, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-fatt li proċeduri li jopponu l-eżekuzzjoni, bħal dawk inklużi fl-Artikolu 767 taz-ZPO, jaqgħu taħt l-Artikolu 16(5) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jweġibx il-kwistjoni dwar liema oġġezzjonijiet jistgħu jitqajmu mingħajr ma jinqabżu l-limiti ta’ dik id-dispożizzjoni ( 17 ). Sabiex tiġi mwieġba dik il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-iskema ġenerali tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, partikolarment, tar-relazzjoni bejn id-dispożizzjoni speċifika dwar il-ġurisdizzjoni li tikkonċerna l-eżekuzzjoni u r-regola ġenerali li skontha persuni ddomiċiljati fi Stat kontraenti għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat ( 18 ). Peress li l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn is-sentenza għandha tiġi eżegwita hija bbażata fuq il-konnessjoni speċifika bejn il-proċeduri u dak l-Istat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li parti ma tistax tuża dak il-kap ta’ ġurisdizzjoni esklużiva sabiex iġġib quddiem dawk il-qrati kawża li taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat ieħor skont l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali ( 19 ).

57.

Bl-istess mod, f’Hoffmann, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-limiti għar-rimedji kontra eżekuzzjoni li huma disponibbli quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, waqt li ddikjarat li dawn ir-rimedji huma preklużi meta “rikors kontra l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija li għaliha nħareġ digriet ta’ eżekuzzjoni, huwa ppreżentat mill-istess persuna li setgħet tappella kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni u huwa bbażat fuq argument li seta’ tqajjem f’tali appell ( 20 )”.

58.

Il-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ ċerti azzjonijiet li jfittxu li jopponu eżekuzzjoni ġew ikkonfermati reċentement f’Reitbauer et. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat raġuni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni fejn kienet mitluba dikjarazzjoni li t-talba ma kinitx teżisti iktar minħabba kontrotalba, minħabba li tali azzjoni fil-verità marret lil hinn minn mistoqsijiet li jirrigwardaw eżekuzzjoni u, allura, ma kinitx tippreżenta l-livell ta’ qrubija ma’ eżekuzzjoni meħtieġ sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 21 ).

59.

Jidher allura mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bħala prinċipju, il-ġurisdizzjoni rigward azzjonijiet għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni taqa’ taħt il-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, abbażi ta’ żewġ elementi: l-ewwel element, minħabba r-rabta mill-qrib mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni; it-tieni element, abbażi tar-regola li tipprovdi li, ladarba ġew inkorporati fis-sistema legali ta’ Stat Membru, deċiżjonijiet li oriġinaw fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal deċiżjonijiet nazzjonali. Fl-assenza ta’ regoli speċifiċi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, sentenzi ta’ Stat Membru wieħed rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor għandhom jiġu eżegwiti skont ir-regoli proċedurali tad-dritt nazzjonali tal-qorti li fiha eżekuzzjoni hija mitluba.

60.

Madankollu, hemm limitazzjonijiet rigward ix-xorta ta’ rimedji legali li jistgħu jiġu mitluba f’dak l-istadju quddiem dawk il-qrati. L-ewwel nett, il-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma għandhomx ġurisdizzjoni rigward kawżi li ma jippreżentawx livell suffiċjenti ta’ qrubija ma’ eżekuzzjoni jew li, li kieku tqajmu indipendentement kienu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qrati ta’ Stat ieħor. It-tieni nett, parti ma tistax tinvoka quddiem dawk il-qrati raġunijiet li setgħu tqajmu permezz ta’ rikors kontra d-deċiżjoni dwar l-azzjoni għal dikjarazzjoni dwar in-natura eżekuttiva. A fortiori, raġunijiet li setgħu tqajmu fil-proċeduri inizjali għandhom jiġu preklużi wkoll waqt l-istadju ta’ eżekuzzjoni.

2. Ġurisdizzjoni dwar azzjonijiet għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 4/2009

61.

Il-kwistjoni sussegwenti li għandha tiġi indirizzata hija jekk il-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza analizzata fit-taqsima ta’ qabel humiex ugwalment validi għall-għanijiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009.

62.

Il-qorti tar-rinviju tesprimi l-fehma li kieku l-kreditur tal-manteniment kellu jiddefendi ruħu jew ruħha kontra l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-għan ta’ protezzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 ma jiġix issodisfatt. Il-kreditur tal-manteniment li, skont il-prinċipji dwar il-ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 4/2009, jikseb titolu li jikkonstata dritt għall-manteniment fl-Istat Membru fejn huwa jew hija huma abitwalment residenti, għalhekk ikun meħtieġ jiddefendi dak it-titolu fi Stat Membru differenti kontra l-attakk mid-debitur tal-manteniment li inizjalment ma kellux suċċess. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-qrati tal-Istat li fih it-talba ġiet oriġinarjament deċiża huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jevalwaw l-oġġezzjonijiet sostantivi kontra t-talba, mill-qrati ta’ Stat Membru differenti li fih it-titolu għandu biss jiġi eżegwit.

63.

Dik hija, essenzjalment, il-fehma sostnuta wkoll mill-Gvern Portugiż, li tefa’ xi ftit tad-dubju fuq ir-rilevanza tal-ġurisprudenza preċedenti fil-kuntest tar-Regolament Nru 4/2009 minħabba l-għan speċifiku tiegħu li jipproteġi l-kreditur tal-manteniment.

64.

Fl-opinjoni tiegħi, il-ħsieb prinċipali li jsegwi mill-ġurisprudenza msemmija fil-qosor fit-taqsima preċedenti huwa ugwalment applikabbli fir-rigward ta’ azzjonijiet għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 4/2009. Anki jekk l-għan li jiġi protett i-kreditur tal-manteniment bħala l-parti l-iktar dgħajfa huwa rikonoxxut b’mod ċar fir-Regolament Nru 4/2009, dak ma għandux, fl-opinjoni tiegħi, iwassal għall-abbandun ta’ wieħed mill-prinċipji bażiċi komuni għall-miżuri kollha ta’ kooperazzjoni ċivili, prinċipalment li miżuri relatati ma’ eżekuzzjoni huma materja li taqa’ f’idejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

65.

L-ewwel nett, b’konferma ta’ din il-loġika, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009 jirrikonoxxi l-premessa prinċipali li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq, peress li dan jistabbilixxi li “[s]uġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni” u li “[d]eċiżjoni mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha tiġi eżegwita hemmekk skont l-istess kondizzjonijiet bħal deċiżjoni mogħtija f’dan l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni”.

66.

It-tieni nett, il-konstatazzjoni li l-qrati tal-Istat Membru fejn eżekuzzjoni hija mitluba għandhom, bħala prinċipju, igawdu l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ azzjonijiet għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ma tnaqqas bl-ebda mod mill-garanziji speċifiċi dwar il-ġurisdizzjoni inklużi fir-Regolament Nru 4/2009, u dan filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet diġà stabbiliti mill-ġurisprudenza.

67.

Fil-fatt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan speċifiku tar-Regolament Nru 4/2009 li jiġi protett il-kreditur tal-manteniment bħala l-parti l-iktar dgħajfa, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni inklużi fl-istess regolament huma mfassla sabiex jagħmluha eħfef għal dik il-parti sabiex jiddefendi jew tiddefendi t-talba tagħha ( 22 ). Għal dik ir-raġuni, ladarba deċiżjoni ngħatat fl-Istat Membru fejn il-kreditur tal-manteniment huwa residenti, huma l-qrati ta’ dak l-Istat Membru li jistgħu jieħdu azzjonijiet li jimmodifikaw jew jirrevedu dik id-deċiżjoni. Żewġ regoli fir-Regolament Nru 4/2009 jinkorporaw dan l-għan ta’ protezzjoni. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4/2009, proċeduri sabiex tiġi mmodifikata deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru fejn il-kreditur huwa abitwalment residenti ma tistax tiġi istitwita mid-debitur fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, sakemm il-kreditur jibqa’ fl-Istat Membru fejn ingħatat id-deċiżjoni. It-tieni nett, l-Artikolu 42 jipprojbixxi r-reviżjoni tas-sustanza tad-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel Stat Membru fl-Istat Membru li fih l-eżekuzzjoni hija mitluba.

68.

Madankollu, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jipprekludux azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni li ma tinvolvix modifika jew reviżjoni ta’ deċiżjoni dwar manteniment mogħtija fl-ewwel Stat Membru milli tiġi kkunsidrata taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

69.

It-tielet nett, għandu jiġi nnotat li, fil-każ preżenti, id-deċiżjoni dwar manteniment ġiet “inkorporata” fis-sistema legali tal-Ġermanja — l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni — permezz ta’ dikjarazzjoni dwar in-natura eżekuttiva maħruġa skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 4/2009. X’sens ikun fih li wieħed ikollu jmur lura, fl-istadju sussegwenti li jikkonċerna l-eżekuzzjoni nnifisha, għall-Istat Membru li ħareġ id-deċiżjoni dwar manteniment? Fil-fehma tiegħi, din is-soluzzjoni tkun qiegħda tirrispetta l-għan ta’ protezzjoni tar-regolament bil-kliem biss. Anzi tkun pjuttost riċetta għal inċertezza.

70.

Fl-aħħar nett, l-għan speċifiku tar-Regolament Nru 4/2009 li jipproteġi l-kreditur tal-manteniment ma għandux ikollu l-effett li jalloka l-ġurisdizzjoni f’materji konnessi mill-qrib ma’ eżekuzzjoni lil qrati tal-Istat li fih il-kreditur tal-manteniment jirrisjedi. Huwa vera li l-għan tar-Regolament Nru 4/2009 huwa li jiffaċilita, kemm jista’ jkun possibbli, l-irkupru ta’ talbiet internazzjonali ta’ manteniment. Madankollu, “jiffaċilita” ma jfissirx li jaqleb il-loġika kollha li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar manteniment. Għall-kuntrarju ta’ dak li l-qorti tar-rinviju, il-Gvern Portugiż u l-konvenuta jidhru li jemmnu, l-għan ta’ protezzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 ma għandux iwassal għal sejba li l-azzjoni inkwistjoni fil-każ preżenti hija azzjoni indipendenti li tiftaħ kwistjoni ġdida li tirrigwarda manteniment, li l-ġurisdizzjoni tagħha għandha tiġi allokata mill-ġdid skont il-kriterji tal-Artikolu 3 tar-regolament. B’mod partikolari, dak jista’ jkollu impatt detrimentali fuq l-irkupru effettiv tat-talba għal manteniment billi jdewwem bla raġuni valida l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

71.

Barra minn hekk, fuq nota sussidjarja, kif argumenta l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, ir-Regolament Nru 1215/2012 jelenka r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni mfassla sabiex jipproteġu diversi “partijiet iktar dgħajfa” (kif imsemmija fil-premessa 18, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg). Madankollu, ir-regola dwar il-ġurisdizzjoni rigward l-eżekuzzjoni (u rimedji kontra eżekuzzjoni) ma hijiex immodifikata mill-fatt li l-ġurisdizzjoni fil-proċeduri oriġinali kienet iddeterminata skont waħda mis-sistemi speċifiċi mmirati biex jipproteġu waħda minn dawk il-partijiet iktar dgħajfa.

72.

Hija allura l-opinjoni tiegħi li s-sejba li l-ġurisdizzjoni għal azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni taqa’, bħala prinċipju, f’idejn il-qrati tal-Istat Membru fejn l-eżekuzzjoni hija mitluba, hija wkoll valida fil-kuntest tar-Regolament Nru 4/2009.

3. Il-każ preżenti: azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq il-kwittanza ta’ debitu

73.

L-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni fil-każ preżenti hija bbażata fuq it-talba tar-rikorrent li d-debitu stabbilit mid-deċiżjoni dwar il-manteniment diġà ġie, għall-inqas fil-biċċa l-kbira tiegħu, issodisfatt. Huwa ħallas parti mill-ammont dovut direttament lill-konvenuta. Il-fond ta’ manteniment Pollakk ħallas ukoll parti mid-debitu ta’ manteniment, u b’hekk effettivament assuma r-rwol tar-rikorrent. Ir-rikorrent isostni wkoll li huwa ħallas lura dawk is-somom lill-fond ta’ manteniment Pollakk sal-limitu tal-kapaċitajiet finanzjarji tiegħu. Kif ir-rikorrent spjega waqt is-seduta, il-kawża fil-każ preżenti tqum minħabba li l-konvenuta ma tirrikonoxxix li l-ammonti mħallsa mill-fond ta’ manteniment Pollakk jikkorrispondu għad-debitu dovut mir-rikorrent.

74.

Fl-opinjoni tiegħi, azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq ir-raġuni msemmija iktar ’il fuq tidher li tħares il-limiti, elenkati fir-Regolament Nru 4/2009 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tar-regola ġenerali skont liema ġurisdizzjoni għal azzjonijiet relatati mill-qrib ma’ eżekuzzjoni taqa’ f’idejn il-qrati tal-Istat Membru fejn l-eżekuzzjoni hija mitluba.

75.

L-ewwel nett, ir-raġuni li fuqha hija bbażata l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni fil-każ preżenti hija marbuta mill-qrib ma’ proċeduri għall-eżekuzzjoni u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tammonta għall-azzjoni li tfittex li timmodifika deċiżjoni dwar manteniment skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4/2009, u lanqas li tfittex li tirrevedi s-sustanza tad-deċiżjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 42 ta’ dak ir-regolament.

76.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jqumu preċiżament peress li hija tikkunsidra li l-applikazzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni fil-każ preżenti taf tkun ekwivalenti għal azzjoni li tfittex li timmodifika d-deċiżjoni dwar manteniment, skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4/2009. Il-Gvern Portugiż u l-konvenuta għandhom essenzjalment l-istess pożizzjoni.

77.

Jien ma jiniex tal-istess opinjoni. Kif jisħaq il-Gvern Ġermaniż, hemm distinzjoni importanti li għandha ssir bejn l-azzjonijiet rigward eżekuzzjoni u dawk immirati lejn il-modifikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-manteniment. Għalkemm dawn tal-aħħar jafu fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal modifikazzjoni tas-sustanza tad-deċiżjoni li tistabbilixxi d-debitu ta’ manteniment, tal-ewwel ma għandhomx impatt fuq il-merti tad-deċiżjoni ġudizzjarja.

78.

Is-sodisfazzjon ta’ talba huwa waħda mir-raġunijiet għal oppożizzjoni tipikament rikonoxxuta fl-istadju ta’ eżekuzzjoni. Kif jisħqu kemm il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, azzjoni għal oppożizzjoni għal eżekuzzjoni bbażata fuq il-kwittanza ta’ debitu la timmodifika u lanqas tfittex li tirrevedi s-sustanza jew il-valur legali tad-deċiżjoni li tiddikjara d-debitu li fuqha hija bbażata l-azzjoni, iżda din tal-aħħar hija esklużivament diretta kontra n-natura eżekuttiva ta’ dik id-deċiżjoni. Iktar preċiżament, kif innota l-Gvern Pollakk, dak li hemm f’riskju huwa l-ammont ta’ flus sa liema d-deċiżjoni dwar manteniment tista’ tiġi eżegwita. Sussegwentement, fl-opinjoni tiegħi, azzjoni bħal din hija konnessa mill-qrib ma’ eżekuzzjoni, u la tammonta għal “proċeduri għall-emenda tad-deċiżjoni” taħt l-Artikolu 8 u lanqas għal reviżjoni tas-sustanza tad-deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 4/2009.

79.

Madankollu, jidher li l-involviment tal-fond ta’ manteniment Pollakk jaf ikun fil-bażi tal-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-qrati Pollakki huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu fuq il-kwittanza ta’ debitu. Jien ma naħsibx li l-involviment tal-fond ta’ manteniment Pollakk ibiddel il-konklużjoni li ssegwi mill-punt preċedenti.

80.

Il-Gvern Pollakk spjega waqt is-seduta li l-fond ta’ manteniment Pollakk jintervjeni ipso jure, u jsir id-debitur li jissostitwixxi lill-kreditur: id-debitu jispiċċa fir-rigward tas-somom imħallsa mill-fond minflok id-debitur tal-manteniment, li mbagħad għandu jħallas lura dawk l-ammonti direttament lill-fond. Din is-sistema hija konsistenti mar-rwol ta’ entitajiet pubbliċi li sikwit jipprovdu benefiċċji lil kreditur ta’ manteniment minflok id-debitur tal-manteniment. Dak ir-rwol huwa rikonoxxut mill-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 4/2009 ( 23 ). Mill-perspettiva tad-debitu dovut mid-debitur tal-manteniment, l-intervent tal-fond jikkonċerna l-mod ta’ kif id-debitu jiġi mħallas, u ma għandux impatt fuq is-sustanza tad-deċiżjoni dwar manteniment, li tibqa’ intatta. Allura, dak li jidher li ġara huwa kwittanza parzjali tad-debitu minn parti terza li kienet qiegħda taġixxi f’isem id-debitur, li tikkonferma li l-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni fil-kawża prinċipali hija waħda mill-oġġezzjonijiet komuni għall-eżekuzzjoni ta’ debitu.

81.

Huwa veru li l-involviment ta’ entitajiet pubbliċi bħall-fond ta’ manteniment Pollakk fi proċeduri transkonfinali dwar manteniment jaf verament iwassal għal kumplessità addizzjonali fir-rigward ta’ evidenza. F’dan ir-rigward, jaf ikun utli li jitfakkar li l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 4/2009 espliċitament jipprovdi, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni li fihom dawn l-entitajiet huma direttament involuti, li huma għandhom jipprovdu ladarba jiġu mitluba kwalunkwe dokument neċessarju sabiex jiġi stabbilit li benefiċċji ġew mogħtija lill-kreditur. Jien tal-opinjoni li, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tar-Regolament Nru 4/2009, obbligu bħal dan min-naħa ta’ entitajiet pubbliċi jeżisti wkoll fir-rigward ta’ proċeduri skont dak ir-regolament fejn dawn taw benefiċċji minflok pagament għal manteniment mid-debitur u fejn id-debitur ta’ manteniment isostni li huwa ħallas lura dawk is-somom ta’ flus lil fond ta’ manteniment.

82.

It-tieni nett, kif jinnota l-Gvern Ġermaniż, jidher mill-premessa 30 tar-Regolament Nru 4/2009 li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra b’mod espliċitu li d-debitur tal-manteniment għandu jkun jista’ jinvoka l-kwittanza tad-debitu taħt il-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Istat Membru fejn l-eżekuzzjoni hija mitluba. Fil-fatt, dik il-premessa toffri “liberazzjoni mid-dejn min-naħa tad-debitur fil-mument tal-infurzar” bħala eżempju ta’ raġuni għal rifjut ta’ eżekuzzjoni li hija ammissibbli taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 4/2009 ( 24 ). Huwa veru li l-Artikolu 21 ma huwiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti ( 25 ). Madankollu, il-fatt li l-Artikolu 21 jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV jista’ jiġi spjegat fil-kuntest tat-tneħħija tas-sistema ta’ exequatur, minħabba l-bżonn li jiġu stabbiliti limitazzjonijiet għar-raġunijiet ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni disponibbli taħt id-dritt nazzjonali. F’dak il-kuntest, jekk il-kwittanza ta’ debitu fil-mument ta’ eżekuzzjoni hija kkunsidrata bħala waħda mir-raġunijiet ammissibbli għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, jekk ipprovdut mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil-kuntest tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV, l-istess għandu japplika, a fortiori, fir-rigward tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV, fejn l-ebda limitazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, bħal dawk inklużi fl-Artikolu 21, ma tapplika ( 26 ).

83.

It-tielet nett, il-limitazzjonijiet ipprovduti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-każ preżenti jiżguraw li raġunijiet li setgħu tqajmu quddiem il-qrati Pollakki ma jistgħux jinġiebu b’dan il-mod quddiem il-qrati Ġermaniżi. Kif ikkjarifika l-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 66(1) tal-AUG iħalli biss lid-debitur tal-manteniment iqajjem oġġezzjonijiet ibbażati fuq ċirkustanzi li rriżultaw wara l-ħruġ ta’ deċiżjoni dwar manteniment. It-talbiet li fuqhom hija bbażata l-azzjoni inkwistjoni, ibbażati fuq il-ħlas ta’ pagamenti ta’ manteniment, ma setgħux jitqajmu fil-proċeduri prinċipali ta’ manteniment. Ta’ min jinnota wkoll li dawk it-talbiet ma setgħux tqajmu permezz ta’ appell kontra d-deċiżjoni dwar l-azzjoni għal dikjarazzjoni dwar in-natura eżekuttiva quddiem il-qrati Ġermaniżi. Dawk il-qrati jistgħu jirrifjutaw jew jirrevokaw dikjarazzjoni bħal dik biss abbażi ta’ raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4/2009, u l-kwittanza ta’ debitu ma hijiex waħda minnhom ( 27 ).

84.

Jien allura nikkonkludi li azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq il-kwittanza ta’ debitu tappartjeni għal proċedura ta’, u kundizzjonijiet għal, eżekuzzjoni, li, skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009, għandhom ikunu rregolati mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħad-deċiżjonijiet mogħtija f’dak l-Istat Membru. L-ewwel nett, azzjoni bħal dik hija intrinsikament konnessa ma’ eżekuzzjoni. It-tieni nett, azzjoni bħal dik ma tfittixx li timmodifika jew tirrevedi d-deċiżjoni dwar il-manteniment fuq il-merti. It-tielet nett, hija ma tqajjem l-ebda talba li setgħet ġiet magħmula quddiem il-qrati Pollakki waqt il-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni dwar manteniment (lanqas, għaldaqstant, ebda raġuni għal rifjut jew revoka tad-dikjarazzjoni dwar in-natura eżekuttiva quddiem il-qrati Ġermaniżi).

85.

Għal dawn ir-raġunijiet, hija l-opinjoni tiegħi li l-ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq il-kwittanza ta’ debitu taqa’ f’idejn il-qrati tal-Istat Membru fejn l-eżekuzzjoni hija mitluba. Għall-finijiet ta’ kompletezza, nixtieq nenfasizza żewġ punti minflok konklużjoni. L-ewwel nett, id-diskussjoni fil-konklużjonijiet preżenti u l-konklużjoni milħuqa jikkonċernaw biss ir-raġuni ta’ oppożizzjoni bbażata fuq il-kwittanza ta’ debitu. It-tieni nett, lil hinn minn din ir-raġuni speċifika, l-ebda pożizzjoni ma hija tittieħed fuq il-konformità b’mod ġenerali tal-Artikolu 767 taz-ZPO mad-dritt tal-UE.

V. Konklużjoni

86.

Jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) kif ġej:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 41(1) tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru fejn l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar manteniment mogħtija fi Stat Membru ieħor hija mitluba għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni sa fejn hija intrinsikament konnessa ma’ proċeduri dwar eżekuzzjoni, ma tfittixx il-modifika jew ir-reviżjoni tad-deċiżjoni dwar il-manteniment, u hija bbażata fuq raġunijiet li ma setgħux jitqajmu quddiem il-qorti li tat id-deċiżjoni dwar manteniment. Dawn il-kundizzjonijiet jidhru ssodisfatti mill-azzjoni għal oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq il-kwittanza ta’ debitu inkwistjoni fil-preżenti każ, li huwa madankollu fl-aħħar mill-aħħar għall-qorti tar-rinviju sabiex tivverifika.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż

( 2 ) ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p.26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29.

( 3 ) L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ħadu sehem fin-negozjati fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja, konkluża f’Den Haag fit‑23 ta’ Novembru 2007, approvata, f’isem l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/432/UE tad‑9 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 192, p. 39, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-2007”) u l-Protokoll ta’ Den Haag tat‑23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE tat‑30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 331, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Den Haag tal-2007”). Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 4/2009 tiddikjara li dawk iż-żewġ strumenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dak ir-regolament.

( 4 ) Ir-Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 5 ) ĠU 2012, L 351, p. 1.

( 6 ) BGBl. 2011 I, p. 898, kif sussegwentement emendata.

( 7 ) Ara l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1978, L 304, p. 36), kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda, kif ukoll l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

( 8 ) Il-premessa 44 u l-Artikolu 68(1) tar-Regolament Nru 4/2009.

( 9 ) Ara l-premessa 10 u l-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 10 ) Ara l-Artikolu 16(5) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jirrikonoxxi li, “fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, il-qrati ta’ l-Istat Kontraenti li fih il-ġudizzju kien jew li għandu jiġi eżegwit” għandhom ġurisdizzjoni esklużiva. L-istess huwa pprovdut fl-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 44/2001.

( 11 ) Ara, pereżempju, de Lima Pinheiro, L., “Exclusive jurisdiction. Article 24”, f’Ulrich Magnus, et al., Brussels Ibis Regulation – Commentary, Verlag Otto Schmidt KG, 2016, p. 581.

( 12 ) Mill-ispjegazzjonijiet inklużi fl-abbozz tal-AUG fir-rigward tal-Artikolu 66 tiegħu, kif riprodott mid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li l-leġiżlatur Ġermaniż ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 44/2001 bħala liġi supplimentari fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment. Dak ir-regolament fil-fatt ma kienx fih l-esklużjoni li bħalissa hija inkluża fir-Regolament Nru 1215/2012. Madankollu, l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala applikabbli, anki b’mod supplimentari, fil-każ preżenti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009, “[ir-Regolament Nru 44/2001] jibqa’ applikabbli għall-proċeduri ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni li jkunu għadhom għaddejjin fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament”. Dik id-data hija, skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 4/2009, it‑18 ta’ Ġunju 2011. Il-proċedura ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni fil-każ preżenti ma kinitx fis-seħħ f’dak il-mument, peress li din inbdiet fis‑27 ta’ Lulju 2016, f’liema data, f’kull każ, ir-Regolament Nru 1215/2012 kien ikun ukoll applikabbli f’dak iż-żmien (peress li, skont l-Artikolu 81 ta’ dak ir-regolament, dan japplika mill‑10 ta’ Jannar 2015). Ara, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dak ir-regolament, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punti 25 sa 28).

( 13 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1985 (220/84, EU:C:1985:302, punt 12).

( 14 ) Sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988 (145/86, EU:C:1988:61, punti 2728). Enfasi miżjuda.

( 15 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011 (C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 37).

( 16 ) Ibid. (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1985 (220/84, EU:C:1985:302, punt 12).

( 18 ) Ibid. (punti 14 u 15).

( 19 ) Ibid. (punti 16 u 17).

( 20 ) Sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988 (145/86, EU:C:1988:61, punt 30).

( 21 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019 (C‑722/17, EU:C:2019:577, punti 5455).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber (C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punti 26 sa 28).

( 23 ) Din id-dispożizzjoni tirregola d-dritt applikabbli għall-entitajiet pubbliċi sabiex jaġixxu minflok il-kreditur ta’ manteniment u sabiex ifittxu r-rimbors, kif ukoll ir-regoli applikabbli għar-rikonoxximent, id-dikjarazzjoni dwar in-natura eżekuttiva jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija kontra debituri ta’ manteniment.

( 24 ) Din id-dispożizzjoni tiddikjara li r-raġunijiet għal rifjut jew sospensjoni ta’ eżekuzzjoni taħt id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom japplikaw sakemm ikunu kompatibbli mal-applikazzjoni ta’ paragrafi oħra ta’ dak l-artikolu.

( 25 ) Kif innotat fil-punt 7 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 4/2009 jistabbilixxi sistema b’żewġ binarji fil-Kapitolu IV. It-Taqsima 1, li tinkludi l-Artikolu 21, tneħħi l-exequatur għal deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru marbut bil-Protokoll ta’ Den Haag tal-2007. Madankollu, it-Taqsima 2 iżżomm is-sistema tal-exequatur għal deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru li ma huwiex marbut bil-Protokoll ta’ Den Haag tal‑2007. Anki jekk il-Polonja u l-Ġermanja huma marbuta bil-Protokoll ta’ Den Haag, it-Taqsima 1 ma tapplikax fil-każ preżenti minħabba dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 4/2009. Skont l-Artikolu 75(2)(a), it-Taqsimiet 2 u 3 tal-Kapitolu IV japplikaw “għad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni dwar l-eżekutorjetà għalihom jintalbu mid-data”. Skont l-Artikolu 76, ir-Regolament Nru 4/2009 sar applikabbli fit‑18 ta’ Ġunju 2011. B’riżultat ta’ dan, it-Taqsima 1 ma hijiex applikabbli għall-każ preżenti, peress li d-deċiżjoni dwar manteniment li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba ngħatat fil-Polonja fis‑26 ta’ Mejju 2009, u r-rikonoxximent ġie mitlub mill-konvenuta fl‑20 ta’ Lulju 2016.

( 26 ) Il-fatt li r-Regolament Nru 4/2009 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni espliċita li tirregola dik il-kwistjoni fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV, fejn is-sistema tal-exequatur tibqa’ fis-seħħ, ma hijiex sorprendenti. Id-diversi regolamenti tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni ċivili li għadhom jiddependu fuq sistema ta’ exequatur jinkludu raġunijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent iżda ġeneralment ma jinkludu l-ebda regola rigward raġunijiet għal rifjut ta’ eżekuzzjoni, u għalhekk huma jiddependu għal dak il-għan fuq ir-regoli interni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Ara, pereżempju, Jimenez Blanco, P., “La ejecución forzosa de las resoluciones judiciales en el marco de los reglamentos europeos” fir-Revista Española de Derecho Internacional, Vol. 70 (2018) pp. 101 sa 125.

( 27 ) Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 4/2009.

Top