EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0083

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2018.
CH vs Il-Parlament Ewropew.
Servizz pubbliku – Assistenti Parlamentari Akkreditati – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12(a) tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol – Deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ kontradittorju – Rifjut ta’ komunikazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv u tal-minuti tas-seduti tax-xhieda – Rifjut tal-istituzzjoni konvenuta li tikkonforma ma’ miżura istruttorja tal-Qorti Ġenerali.
Kawża T-83/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:935

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Assistenti Parlamentari Akkreditati – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12(a) tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol – Deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ kontradittorju – Rifjut ta’ komunikazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv u tal-minuti tas-seduti tax-xhieda – Rifjut tal-istituzzjoni konvenuta li tikkonforma ma’ miżura istruttorja tal-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T-83/18,

CH, ex Assistenta Parlamentari Akkreditata tal-Parlament Ewropew, irrappreżentata minn C. Bernard-Glanz u A. Tymen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Boytha u E. Taneva, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tal-20 ta’ Marzu 2017 li permezz tagħha l-awtorità awtorizzata tikkonkludi l-kuntratti ta’ ingaġġ ta’ din l-istituzzjoni ċaħdet it-talba għal assistenza mressqa mir-rikorrenti fit-22 ta’ Diċembru 2011 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minnha,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-fatti li wasslu għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12)

1

Fl-1 ta’ Ottubru 2004, skont l-Artikolu 5 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), ir-rikorrenti, CH, ġiet irreklutata mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tal-Parlament Ewropew bħala assistent parlamentari akkreditat (iktar ’il quddiem “APA”) sabiex tassisti lil Y, Membru tal-Parlament, abbażi ta’ kuntratt li kellu jiskadi fit-tmiem tal-leġiżlatura 2004/2009.

2

Wara l-interruzzjoni tal-mandat parlamentari ta’ Y, b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2007 sa tmiem il-leġiżlatura, ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-Parlament bħala APA sabiex tassisti lil X, membru tal-Parlament ġdida li kienet is-suċċessura ta’ Y sa tmiem il-mandat pendenti.

3

B’effett mill-1 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-Parlament bħala APA sabiex tassisti lil X matul il-leġiżlatura 2009/2014. Hija kienet ikklassifikata fil-grad 14 tal-grupp ta’ funzjonijiet II. Madankollu, b’kuntratt ġdid, iffirmat fl-1 ta’ Settembru 2010 u li temm il-kuntratt preċedenti, ir-rikorrenti ġiet irreklutata sabiex teżerċita l-istess funzjonijiet, iżda din id-darba fil-grad 11 tal-grupp ta’ funzjonijiet II (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ xogħol” jew il-“kuntratt ta’ APA”).

4

B’effett mis-27 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ngħatat leave tal-mard li ġie estiż sad-19 ta’ April 2012.

5

Fit-28 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti informat lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol (iktar ’il quddiem il- “Kumitat Konsultattiv Ġenerali”), stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Frar 2006 dwar l-adozzjoni ta’ regoli interni dwar il-Kumitat tal-Fastidju (Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea]), bid-diffikultajiet tagħha fuq ix-xogħol, li hija allegat li kienu riżultat tal-aġir ta’ X fir-rigward tagħha.

6

B’messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti staqsiet lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv Ġenerali dwar il-passi li kellha tieħu sabiex “tressaq ilment”. Sussegwentement, b’messaġġ elettroniku tat-12 ta’ Diċembru 2011 u sabiex turi l-fastidju li kienet tqis li ġarrbet minħabba l-aġir tal-Membru tal-Parlament li hija kienet tassisti, ir-rikorrenti bagħtet lil kull wieħed mill-membri tal-imsemmi kumitat, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, il-messaġġ elettroniku li hija kienet bagħtet fl-istess jum lil X li fih hija ddeskriviet, għall-attenzjoni ta’ din il-Membru tal-Parlament, l-istat ta’ saħħitha. Fl-aħħar nett, permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-21 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti kkuntattjat lill-President tal-imsemmi kumitat konsultattiv ġenerali sabiex titlob laqgħa miegħu.

7

Fit-22 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ressqet, quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”), fejn hija allegat li kienet il-vittma ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa ta’ X u talbet li jittieħdu miżuri ta’ tneħħija kif ukoll li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva.

8

Fis-6 ta’ Jannar 2012, X bagħtet lid-diviżjoni “Reklutaġġ u Trasferiment tal-Persunal”, tad-Direttorat għall-“Iżvilupp tar-Riżorsi Umani” fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Persunal tal-Parlament, talba bil-miktub għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ APA tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“talba għal xoljiment”). Fit-18 ta’ Jannar 2012, X ikkonfermat it-talba għal xoljiment.

9

B’deċiżjoni tal-ASTK tad-19 ta’ Jannar 2012, il-kuntratt tar-rikorrenti ġie xolt b’effett mid-19 ta’ Marzu 2012 minħabba allegat ksur tar-rabta ta’ fiduċja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tkeċċija”). Ir-rikorrenti ġiet eżentata milli tkompli taħdem matul il-perijodu ta’ preavviż ta’ xahrejn, jiġifieri mid-19 ta’ Jannar sad-19 ta’ Marzu 2012. Insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, l-ASTK argumentat li X kienet informatha li r-rikorrenti ma kellhiex il-kompetenzi neċessarji sabiex issegwi x-xogħol ta’ ċerti kumitati parlamentari li kienet membru tagħhom u li hija kienet ukoll ilmentat minħabba l-aġir inaċċettabbli tar-rikorrenti kemm fir-rigward tagħha kif ukoll fir-rigward ta’ membri oħra tal-Parlament u tal-APA tagħhom.

10

B’ittra tal-20 ta’ Marzu 2012, it-talba għal assistenza ġiet miċħuda mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament, li jaġixxi bħala ASTK, għall-motiv li, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk APA setax jibbenefika minn assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-talba għal assistenza tar-rikorrenti dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tneħħija u dwar it-twettiq ta’ investigazzjoni amministrattiva, kienet saret inutli għaliex, fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija li ttieħdet fil-frattemp, ir-rikorrenti ma kinitx għadha teżerċita attività professjonali fi ħdan il-Parlament (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza”).

11

Fit-30 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Fit-22 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ressqet ukoll ilment, skont l-istess dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza.

12

B’deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2012, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament laqa’ parzjalment l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija billi ddeċieda li jipposponi d-data ta’ skadenza tal-kuntratt ta’ APA tar-rikorrenti sal-20 ta’ Ġunju 2012 minħabba l-leave tal-mard tagħha ġġustifikat b’ċertifikat mediku sad-19 ta’ April 2012. Min-naħa l-oħra, huwa kkonferma l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija billi invoka l-impossibbiltà, rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari fil-punt 149 tas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2010, Tomas vs Il-Parlament (F-116/07, F-13/08 u F-31/08, EU:F:2010:77), ta’ stħarriġ dwar l-eżistenza jew it-telf tar-rabta ta’ fiduċja, impossibbiltà li hija estiża parzjalment għall-istħarriġ tal-motivi mressqa sabiex jiġġustifikaw l-ineżistenza jew it-telf ta’ din ir-rabta ta’ fiduċja.

13

Fi kwalunkwe każ, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament qies li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova ta’ żbalji manifesti li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-fatti mressqa sabiex jiġi ġġustifikat il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja, minkejja li l-Parlament kien jaf b’diversi nuqqasijiet professjonali tar-rikorrenti, b’mod partikolari b’rabta mal-evalwazzjoni tal-opportunità li jiġu fformulati emendi leġiżlattivi li jkunu jistgħu jiġu inseriti f’fajl, bin-nuqqas ta’ korteżija tagħha fil-konfront ta’ membru tal-Parlament ta’ Stat Membru ieħor għajr X jew bl-aġir insolenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ APA ġdida rreklutata sabiex tassisti lil X u bin-nuqqas manifest ta’ manjieri fil-konfront ta’ din tal-aħħar fil-preżenza ta’ kap ta’ impriża. Għalliem li akkumpanja grupp ta’ studenti waqt żjara fil-bini tal-istituzzjoni kien ukoll ilmenta dwar in-nuqqas ta’ manjieri min-naħa tar-rikorrenti.

14

Fl-aħħar nett, skont is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, il-fatt li r-rikorrenti kienet ressqet talba għal assistenza ma kienx ta’ natura li jostakola d-deċiżjoni ta’ tkeċċija li kienet saret inevitabbli minħabba d-deterjorament manifest tar-relazzjonijiet bejn X u r-rikorrenti.

15

Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2012, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-ilment imressaq kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, filwaqt li enfasizza li, filwaqt li huwa “[kien] informa [lir-rikorrenti], insostenn tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija mill-ASTK, b[l-]aġir inaċċettabbli [tagħha] […] u bil-fatti preċiżi, verifikabbli u li seħħew fil-preżenza ta’ xhieda, [hija] [kienet] ressqet allegazzjonijiet li b’ebda mod ma [kienu] ppruvati”. Huwa kien ukoll wieġeb lir-rikorrenti li, b’mod ġenerali, il-miżuri li hija kienet qiegħda titlob ma kienu “bl-ebda mod kompatibbli man-natura speċifika tar-relazzjonijiet mill-qrib u ta’ fiduċja li [kienu] neċessarjament dawk ta’ Membru mal-[APA] tiegħu”; [traduzzjoni mhux uffiċjali], li, b’mod partikolari, miżura ta’ tneħħija tkun bla effett għaliex tipprekludi kull relazzjoni effettiva ta’ xogħol bejn il-membru tal-Parlament u l-APA tiegħu u li, fuq livell prattiku, il-Parlament ma setax jassenja mill-ġdid lir-rikorrenti lil membru ieħor tal-istituzzjoni għaliex dan tal-aħħar biss seta’ jitlob lill-ASTK ir-reklutaġġ ta’ APA tal-għażla tiegħu. Is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament sostna wkoll, li fir-rigward tat-talba sabiex tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva, is-sentenza tat-8 ta’ Frar 2011, Skareby vs Il-Kummissjoni (F‑95/09, EU:F:2011:9), invokata f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, ma kinitx trasponibbli għal dan il-każ peress li l-membri tal-Parlament ma kinux suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż l-Artikolu 12a tagħhom, u li huma ma setgħux ikunu suġġetti għal sanzjoni dixxiplinari jew jiġu mġiegħla mill-ASTK jipparteċipaw f’investigazzjoni amministrattiva, minkejja li tali parteċipazzjoni tkun essenzjali.

16

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru 2012 u rreġistrat bin-numru F-129/12, ir-rikorrenti, essenzjalment, talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u tal-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, kif ukoll li l-Parlament jiġi kkundannat iħallasha s-somma ta’ EUR 120000 bħala danni.

17

Permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma kinitx preċedentement instemgħet mill-ASTK, kif ukoll l-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, billi kkonstata, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Parlament, l-APA setgħu jinvokaw l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jitolbu l-assistenza tal-ASTK kontra l-aġir ta’ membru tal-Parlament li allegatament ikkawża fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, “wara li kkunsidra l-kundizzjonijiet ferm dubjużi li fihom ittieħdu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija u [l-ewwel] deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkundanna lill-Parlament iħallas lir-rikorrenti l-ammont ta’ EUR 50000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab.

Fuq il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12), adottati mill-Parlament, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament (F-132/14), u d-deċiżjoni kkontestata

18

Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti talbet lill-Parlament jieħu ċerti miżuri, skont l-Artikolu 266 TFUE, sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203).

19

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2014, il-Parlament wieġeb uffiċjalment għat-talbiet differenti ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203), ippreżentati mir-rikorrenti.

20

Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti għal reintegrazzjoni f’impjieg permanenti mal-Parlament, dik l-istituzzjoni indikat li tali miżura kienet tmur manifestament lil hinn minn dak li kien meħtieġ għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203), b’mod partikolari għaliex, skont il-premessa 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2009 tat-23 ta’ Frar 2009 li jemenda l-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ĠU 2009, L 55, p. 1), “l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata bħala li qed tagħti lill-[APA] aċċess privileġġat jew dirett għall-postijiet ta’ uffiċjali jew kategoriji oħra ta’ uffiċjali [tal-Unjoni Ewropea]”.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tan-natura personali tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot il-membri u l-APA tagħhom, il-Parlament informa lir-rikorrenti li reintegrazzjoni effettiva fil-funzjonijiet tagħha ma kinitx possibbli. Għalhekk, il-Parlament ippreċiża li “l-unika possibbiltà [kienet] li [r-rikorrenti] tiġi reintegrata fil-funzjoni li hija kienet tokkupa qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija [li ġie kkonstatat li hija illegali], iżda li hija kienet ser tiġi eżentata milli twettaq ix-xogħol korrispondenti, u dan sa tmiem il-[kuntratt ta’ xogħol] tagħha […] fl-1 ta’ Lulju 2014[; peress li d]in l-eżenzjoni mix-xogħol [kienet] tidher konformi mad-dmir ta’ premura” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, il-Parlament intrabat li jħallas lir-rikorrenti r-remunerazzjonijiet li kienu dovuti lilha mill-21 ta’ Ġunju 2012, id-data li fiha daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, sa tmiem il-kuntratt ta’ xogħol tagħha, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 2014, wara li jitnaqqsu r-remunerazzjonijiet u l-allowances tal-qgħad li barra minn hekk kienet intitolata tirċievi matul dak il-perijodu.

22

Barra minn hekk, il-Parlament ikkonferma li t-talba għal xoljiment, li kienet saret fil-passat, ma kinitx tidher fil-fajl personali tar-rikorrenti u li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li kienet illegali, kienet ġiet irtirata. Fir-rigward tat-talba għal trasferiment għall-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement taħt skema nazzjonali, il-Parlament osserva li r-rikorrenti, li b’kollox kienet wettqet ħames snin xogħol bħala APA, ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni li tipproduċi prova ta’ mill-inqas għaxar snin servizz fi ħdan l-Unjoni sabiex tkun tista’ titlob pensjoni tal-irtirar pagabbli mill-baġit tal-Unjoni.

23

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talba sabiex tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva, diġà mressqa fit-talba għal assistenza, il-Parlament indika li, “[d]war dan il-punt, […] jekk [ir-rikorrenti] kellha tiddeċiedi li tibda proċedura ta’ rikors taħt il-liġi nazzjonali kontra [X], il-Parlament ser jerġa’ jikkunsidra s-sitwazzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza kif [irriżulta] [mill-punt 57] tas-sentenza [tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203)]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24

Fis-16 ta’ April 2014, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014 u dik tat-2 ta’ April 2014 li permezz tagħha l-ASTK kienet ħadet pożizzjoni fuq talbiet addizzjonali.

25

B’ittra tas-6 ta’ Ġunju 2014, fil-kuntest tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203), is-Servizz Legali tal-Parlament informa lir-rikorrenti bl-eżistenza tar-regoli interni “APA” stabbiliti permezz tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tal-14 ta’ April 2014 li tadotta regoli interni (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni ‘APA’ dwar il-fastidju”) sabiex jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konsultattiv Speċjali ‘APA’”). Għalhekk, huwa kien spjega li, issa, l-imsemmi kumitat kien “l-organu kompetenti sabiex jittratta ilment eventwali dwar fastidju mi[r-rikorrenti]” u li hija kienet “ingħatat parir li tindirizza lill-[K]umitat [Konsultattiv Speċjali ‘APA’] permezz tas-segretarjat tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti wieġbet li, wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, il-Parlament diġà kellu quddiemu din it-talba li oriġinat mill-aġir ta’ X. Għaldaqstant, ir-rikorrenti staqsiet dwar “ir-raġunijiet li wasslu lill-Parlament […] sabiex iddeċieda li ma kienx utli, preċiżament fil-kuntest tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza [tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203)], li jindirizza huwa stess u direttament lill-[Kumitat Konsultattiv Speċjali ‘APA’], peress li dan tal-aħħar kien ikkostitwit validament, fatt li baq[a’] ma ġiex ikkonfermat [lilha]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2014, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad l-ilment tas-16 ta’ April ta’ qabel.

28

Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-17 ta’ Novembru 2014 u rreġistrat bin-numru F-132/14, ir-rikorrenti ressqet rikors intiż:

għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tat-3 ta’ Marzu 2014, sa fejn din l-istituzzjoni kienet irrifjutat, skont il-miżuri li kienu jinvolvu l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F‑129/12, EU:F:2013:203), fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE, li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-veraċità tal-fatti, li jinvolvu Membru tal-Parlament, kif stabbiliti fit-talba għal assistenza tagħha mressqa fit-22 ta’ Diċembru 2011;

għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tat-2 ta’ April 2014, sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, irrifjuta li jħallasha ammont ta’ EUR 5686 korrispondenti għad-differenza fir-remunerazzjoni li hija qieset li kellha dritt għaliha skont il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203), fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE;

għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-4 ta’ Awwissu 2014, li permezz tagħha l-Parlament kien ċaħad l-ilment li hija kienet ressqet kontra ż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014;

għall-kundanna tal-Parlament sabiex iħallasha l-ammonti, rispettivament, ta’ EUR 144000 u ta’ EUR 60000, bħala kumpens għad-dannu materjali u morali tagħha.

29

Il-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” kellu l-laqgħa kostituttiva tiegħu fis-26 ta’ Novembru 2014. Mill-punt 2 tal-minuti ta’ dik il-laqgħa jirriżulta li, “jekk meħtieġ, [l-]espert legali [tal-Parlament] jista’ jiġi mitlub jipparteċipa fil-laqgħa tal-kumitat […] sabiex jiġi kkonsultat fuq kwistjonijiet ta’ natura legali”. Mill-punt 4 ta’ dawn l-istess minuti jirriżulta li “l-espert legali inform[a] lill-membri [tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali ‘APA’] bil-pożizzjoni tal-Parlament fiż-[…] żewġ kawżi ta’ allegat fastidju[, fosthom il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203)]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2014, il-President tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” stieden lir-rikorrenti għal laqgħa mal-membri tal-imsemmi kumitat li kienet prevista għat-28 ta’ Jannar segwenti.

31

Fil-15 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”. Fit-28 ta’ Jannar 2015, dan tal-aħħar sema’ lir-rikorrenti, lil X u lil CN, kollega tar-rikorrenti li wkoll ippreżentat talba għal assistenza dwar fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku minn X (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, CN vs Il-Parlament, F-26/14, EU:F:2015:22).

32

Permezz tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament (F-132/14, EU:F:2015:115), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla b’mod partikolari d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2014, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2014 li ċaħdet l-ilment, sa fejn, wara l-annullament bis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203), tal-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, il-Parlament ma kienx iddeċieda li jiftaħ investigazzjoni amministrattiva fuq il-fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku u b’hekk kien kiser l-Artikolu 266 TFUE. Barra minn hekk, il-Parlament kien ġie kkundannat iħallas lir-rikorrenti ammont ta’ EUR 25000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab, flimkien mal-interessi moratorji, b’rabta ma’ dan in-nuqqas tal-ASTK.

33

Fit-18 ta’ Mejju 2016, skont l-Artikolu 10 tar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju, kif emendati bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tas-6 ta’ Lulju 2015, li jipprovdi li l-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” għandu jittrażmetti r-rapport kunfidenzjali tiegħu lill-President tal-Parlament u mhux iktar lill-kwesturi, il-President tal-Parlament informa lir-rikorrenti, wara li ħa konjizzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, adottati wara l-investigazzjoni amministrattiva, li, fil-fehma tiegħu, l-aġir li hija kienet iddeskriviet fit-talba għal assistenza ma kienx juri kondotta mhux xierqa ta’ Membru tal-Parlament fil-konfront ta’ APA u li huwa kien ser jittrażmetti dan il-fajl lill-ASTK sabiex din tieħu deċiżjoni fuq it-talba għal assistenza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni motivata”).

34

Fil-fatt, il-President tal-Parlament, li għandu s-setgħa, skont l-Artikolu 12 tar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju, kif emendati permezz tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tas-6 ta’ Lulju 2015, li jieħu, “[f]id-dawl tal-opinjoni tal-Kumitat [Konsultattiv Speċjali ‘APA’]”, “deċiżjoni motivata dwar jekk prova ta’ fastidju ġietx ipprovduta” u, fejn xieraq, is-setgħa li “jiddeċiedi dwar sanzjoni fil-konfront tal-Membru tal-Parlament Ewropew ikkonċernat, skont l-Artikoli 11 u 166 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament” [traduzzjoni mhux uffiċjali], innota, fid-deċiżjoni motivata, li l-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” qies b’mod partikolari bħala stabbiliti l-fatti li X kienet tikkritika ħafna drabi lir-rikorrenti, inkluż fil-pubbliku; li xi drabi kienet tuża ton iebes biex tkellimha; li xi drabi kienet iċċanfarha wara li tkun tatha struzzjonijiet kontradittorji; li kultant kienet tikkuntattjaha meta tkun fuq leave tal-mard; li kienet tqabbadha taraha l-emails matul il-vaganzi; li hija kienet iddikjarat fl-istampa li r-rikorrenti kienet inkompetenti, u li hija kienet tatha demozzjoni.

35

Il-President tal-Parlament qies, fid-deċiżjoni motivata, li dan l-aġir kien intenzjonali fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u li kien ġie rripetut fuq medda ta’ żmien. Madankollu, huwa qies, fir-rigward tal-kritika ta’ X, tal-użu ta’ lingwaġġ iebes, tal-kritiki dwar l-iżbalji tar-rikorrenti u tat-talbiet tagħha matul il-leave ta’ dan tal-aħħar, li X kienet tittratta lill-persunal kollu tagħha bl-istess mod u li dan kien jidher iktar li huwa espressjoni tan-nervożiżmu ta’ X u tad-diffikultà tagħha sabiex timmaniġġja sew lill-persunal tagħha. Għalhekk, dan l-aġir ma kienx speċifikament indirizzat kontra r-rikorrenti. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn X, dawn kellhom, skont il-President tal-Parlament, jiġu evalwati fil-kuntest tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203), li kienet ikkawżat kampanja pubblika kontra l-ex Membru tal-Parlament akkużata b’fastidju psikoloġiku, minkejja li, f’din is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx wasal għal din il-konklużjoni. B’hekk, X ipprovat biss tiddefendi ruħha mill-allegazzjonijiet ta’ fastidju li kienu ħarġu fil-pubbliku.

36

Fir-rigward tad-demozzjoni tar-rikorrenti, il-President tal-Parlament qies li din il-miżura kienet taqa’ fis-setgħa diskrezzjonali ta’ X bħala Membru tal-Parlament u li, f’dan ir-rigward, hija ma kinitx sodisfatta bil-prestazzjoni professjonali tar-rikorrenti kif ukoll bl-aġir tagħha, li ma kienx għen sabiex jikkalma t-tensjonijiet kemm fir-rigward ta’ X kif ukoll fir-rigward tal-membri l-oħra tat-tim tagħha.

37

Għalhekk, il-President tal-Parlament ikkonkluda, fid-deċiżjoni motivata, li, evalwati globalment, il-fatti allegati mir-rikorrenti ma kinux jikkostitwixxu kondotta ħażina ta’ X li tippermetti li jiġi stabbilit fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, peress li l-aġir ta’ din tal-aħħar ma setax, fid-dawl tar-relazzjoni ta’ xogħol partikolari bejn membru tal-Parlament u l-APA tiegħu jitqies bħala eċċessiv u kritikabbli, osservatur imparzjali b’sensittività normali ma kienx jikkunsidra l-fatti allegati bħala li jistgħu jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrenti.

38

Il-President tal-Parlament għaldaqstant informa lir-rikorrenti li huwa kien ser jittrażmetti l-fajl tagħha lill-ASTK inkarigata tiddeċiedi fuq it-talba għal assistenza.

39

Fit-13 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti staqsiet lill-ASTK dwar il-fatt li, wara d-deċiżjoni motivata, kienet għadha ma ngħatatx aħbarijiet min-naħa tagħha, meta t-talba għal assistenza kienet ilha pendenti iktar minn ħames snin.

40

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Jannar 2017 tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament, ir-rikorrenti ntalbet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni motivata sal-10 ta’ Frar 2017.

41

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, li fihom hija kkontestat il-konklużjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv speċjali “APA”, kif ukoll dawk tal-President tal-Parlament fid-deċiżjoni motivata. Hija kkritikat ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom kienu saru s-seduti ta’ smigħ minn dak il-kumitat, b’mod partikolari l-fatt li r-rapport imħejji minn dan il-kumitat, il-lista tax-xhieda mismugħa u l-minuti ta’ dawn is-seduti ta’ smigħ ma kinux intbagħtulha minkejja t-talbiet li kienet għamlet f’dan is-sens.

42

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2017, id-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, ċaħad it-talba għal assistenza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Essenzjalment, huwa qies, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti ma kellha ebda dritt suġġettiv għall-komunikazzjoni tar-rapport imħejji mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, tal-lista ta’ xhieda mismugħa u tal-minuti tax-xhieda mogħtija, peress li hija kienet diġà rċeviet motivazzjoni kompleta u dettaljata dwar iċ-ċaħda tal-allegazzjonijiet tagħha bħala infondati, f’dan il-każ fid-deċiżjoni motivata. Sussegwentement, huwa qies li l-espert legali tal-Parlament kien intitolat li jattendi s-seduti ta’ smigħ quddiem il-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” u li, f’dan ir-rigward, il-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tiġi assistita mill-konsulenti tagħha quddiem dan il-korp konsultattiv ma kienx jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-mertu, huwa indika essenzjalment li jikkondividi bis-sħiħ il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-President tal-Parlament fid-deċiżjoni motivata.

43

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ressqet, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), talba għal aċċess għad-dokumenti fil-fajl li jirrigwardawha miżmum mill-Kumitat Konsultattiv Ġenerali u mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, b’mod partikolari r-rapport li għamel dan il-kumitat. Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017, li ġiet ikkonfermata mill-Parlament fil-21 ta’ Awwissu 2017, għar-raġuni li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jista’ jippreġudika l-integrità ta’ X, kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali tax-xhieda.

44

Fl-20 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ressqet ilment, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ dan l-ilment, hija invokat il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-dritt għal smigħ, tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni, ksur tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u ksur tal-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

45

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2017, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, fil-kwalità tiegħu ta’ ASTK, laqa’ parzjalment l-ilment tal-20 ta’ Ġunju 2017 dwar il-parti għad-danni billi ta lir-rikorrenti ex æquo et bono ammont ta’ EUR 1500 għaż-żmien li ħadet l-ASTK bejn id-deċiżjoni motivata u d-deċiżjoni kkontestata li, fl-opinjoni tiegħu, seta’ kien iqsar. Għall-bqija, huwa ċaħad l-ilment, b’mod partikolari fir-rigward tal-argumenti ta’ kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament għalhekk qies, bħall-President tal-Parlament, li l-fatti allegati ma kinux jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

46

Fis-17 ta’ April 2018, inkwantu r-rikorrenti talbet, fir-rikors tagħha, li l-konvenut jiġi ordnat jipproduċi dawn id-dokumenti, il-Parlament ġie mistieden mill-Qorti Ġenerali, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jipproduċi, fil-kuntest tal-preżentata tar-risposta tiegħu u, fejn ikun xieraq, fil-forma ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali, il-konklużjonijiet finali tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” dwar il-każ tar-rikorrenti kif ukoll il-minuti tax-xhieda mismugħa minn dan il-korp konsultattiv.

47

Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Parlament ippreżenta r-risposta tiegħu. Madankollu, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Mejju 2018, huwa indika li ma riedx jipproduċi d-dokumenti mitluba, waqt li spjega li kien essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, li kien ġie stabbilit wara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203), li l-ħidma u d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv, li fih aċċettaw li jipparteċipaw tliet kwesturi, jibqgħu kunfidenzjali fil-konfront tar-rikorrenti. Madankollu, il-Parlament saħaq li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il-Parlament (T-275/17, EU:T:2018:479), u fil-kawża pendenti, QH vs Il-Parlament (T-748/16), il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li d-dokumenti, simili għal dawk mitluba f’dan il-każ, ma kinux kunfidenzjali fil-konfront tar-rikorrenti inkwistjoni u għalhekk kienet bagħtithomlhom. Għaldaqstant, skont il-Parlament, “[f]il-preżenza ta’ prattika li qed issir sistematika u li thedded l-eżistenza nnifisha tal-mekkaniżmu ta’ trattament tal-ilmenti ta’ fastidju ppreżentati minn APA kontra l-Membri tal-Parlament, l-[i]stituzzjoni tiddikjara b’dispjaċir li ma hija ser tikkomunika ebda dokument sigriet lill-Qorti Ġenerali jekk ma tkunx taf li, fi kwalunkwe każ, dan mhux se jiġi kkomunikat [lir-rikorrenti]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

48

B’digriet tat-18 ta’ Mejju 2018, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Parlament, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jippreżenta l-konklużjonijiet u l-minuti tax-xhieda, wara t-talba għal assistenza, imfassla mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, filwaqt li indikat li dawn id-dokumenti ma kinux se jintbagħtu lir-rikorrenti f’dan l-istadju.

49

B’ittra tal-4 ta’ Ġunju 2018, il-Parlament reġa’ rrifjuta li jipprovdi d-dokumenti mitluba permezz ta’ miżura istruttorja, filwaqt li ppropona lill-Qorti Ġenerali, jekk tkun tixtieq, li jibgħathomlha b’mod informali b’mod li ma jkunux inklużi fil-fajl u li “l-[i]stituzzjoni b’hekk ikollha l-garanzija li [r]-rikorrent[i] ma [jkollhiex] aċċess għal dokumenti li hija [kienet] tqis bħala sigrieti u kunfidenzjali”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

50

Fit-28 ta’ Ġunju 2018, il-partijiet ġew mistiedna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jieħdu pożizzjoni dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fuq it-trattament tal-każ, mid-deċiżjoni tal-Parlament, ikkomunikata fl-4 ta’ Ġunju 2018, li permezz tagħha kien qiegħed jirrifjuta li jibgħat lill-Qorti Ġenerali d-dokumenti li din kienet ordnatlu jipproduċi b’digriet tat-18 ta’ Mejju 2018. F’dan ir-rigward, l-attenzjoni tal-partijiet kienet fuq, minn naħa, is-sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 1980, M. vs Il-Kummissjoni (155/78, EU:C:1980:150), u tat-12 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Meierhofer, T-560/08 P, EU:T:2010:192), kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T-218/17, EU:T:2018:393).

51

Fl-10 u fil-11 ta’ Lulju 2018, rispettivament, ir-rikorrenti u l-Parlament ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

52

Fit-8 ta’ Awwissu 2018, billi l-Qorti Ġenerali qieset li skambju ieħor ta’ noti ma kienx meħtieġ u billi barra minn hekk kienet irrifjutat it-talba tat-2 ta’ Awwissu 2018 f’dan is-sens tar-rikorrenti, il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet u, waqt is-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2018, il-partijiet instemgħu fit-trattazzjonijiet tagħhom.

53

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn ikun hemm bżonn, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

tikkundanna lill-Parlament iħallas EUR 68500 bħala kumpens għad-danni morali li hija allegatament ġarrbet;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

54

Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq it-talbiet għal annullament

55

Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn ikun hemm bżonn, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dritt għal smigħ u tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dmir ta’ premura u, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-Artikolu 31 tal-Karta, tal-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dmir ta’ premura.

Fuq is-suġġett tat-talbiet għal annullament

56

Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jadixxu lill-Qorti Ġenerali bl-att li kien ġie ppreżentat kontrih l-ilment, meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8, u tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-309/03, EU:T:2006:110, punt 43).

57

F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment sempliċement tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ma għandhomx kontenut awtonomu u li għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament fuqhom, anki jekk fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, peress li din il-motivazzjoni għandha tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 5859 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni motivata, li tirreferi għaliha d-deċiżjoni kkontestata.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dritt għal smigħ u tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tad-dmir ta’ premura

58

Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-ASTK, fil-fażi prekontenzjuża, tar-rapport tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, tal-lista tax-xhieda mismugħa mill-Kumitat u tal-minuti ta’ dawn ix-xhieda, ma tippermettilhiex tifhem ir-raġunament espost fid-deċiżjoni motivata, li tirreferi għaliha d-deċiżjoni kkontestata, u li skontu l-fatti allegati tqiesu li ma jikkostitwixxux fastidju psikoloġiku fir-rigward tagħha. Barra minn hekk, lanqas ma setgħet tevalwa, minn naħa, jekk l-imsemmi kumitat konsultattiv kienx sema’ xhieda u lanqas, b’mod partikolari, dawk li hija kienet iċċitat, inklużi żewġ tobba, u, min-naħa l-oħra, jekk l-ASTK kinitx debitament ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċertifikati mediċi li hija kienet ipprovdiet mingħand newropsikjatra u mingħand it-tabib tagħha.

59

Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-ASTK talli ma bagħtitilhiex ir-rapport tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”. Fl-opinjoni tagħha, tali trażmissjoni kienet iktar u iktar meħtieġa peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx suffiċjentement motivata. Barra minn hekk, hija tqis li l-komunikazzjoni ta’ dan ir-rapport u tal-minuti tax-xhieda kienet indispensabbli sabiex hija tkun tista’ tiżgura li din ix-xhieda ma ġietx żnaturata.

60

Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ komunikazzjoni fil-fażi prekontenzjuża tar-rapport tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” u tal-minuti tax-xhieda, tal-inqas ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom, tikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħha ta’ smigħ effettiv, kif ikkonfermat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T-218/17, EU:T:2018:393). L-attitudni tal-ASTK tikkostitwixxi wkoll ksur tal-obbligu ta’ premura tagħha, peress li l-interess tagħha li tiddisponi minn tali dokumenti u minn motivazzjoni adegwata fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba għal assistenza manifestament ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni.

61

Il-Parlament jitlob li l-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

62

Huwa jsostni li, f’dan il-każ, l-ASTK issodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fir-rigward tas-smigħ tax-xhieda, filwaqt li jirrikonoxxi li x-xhieda tagħhom tista’ tagħti kontribut siewi sabiex tikkomplementa jew tikkumpensa n-nuqqas ta’ provi mingħand min jagħmel it-talba għal assistenza, huwa jqis, minn naħa, li s-saħħa probatorja tagħha għandu jiġi kkwalifikata. Min-naħa l-oħra, “li tissagrifika l-kunfidenzjalità garantita lix-xhieda għal trasparenza eċċessiva inevitabbilment inaqqas id-disponibbiltà ta’ partijiet terzi li jipprovdu xhieda sinċiera, oġġettiva u kompluta jew [saħansitra] sabiex sempliċiment jixhdu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Għal din ir-raġuni, il-Parlament huwa tal-fehma li l-kunfidenzjalità għandha tkun estiża kemm għar-rapport tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, kemm għall-minuti tax-xhieda, kif ukoll għal-lista tax-xhieda mismugħa mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, u jiġġustifika, minn naħa, li dawn id-dokumenti ma għandhom ikunu bl-ebda mod fil-pussess tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li jirrifjuta li jikkonforma ruħu mal-miżura istruttorja tal-Qorti Ġenerali.

63

Fir-rigward tad-dritt għal smigħ, il-Parlament iqis li huwa osservah f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti kellha l-okkażjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-deċiżjoni motivata u li, f’kull każ, it-trażmissjoni tar-rapport imfassal mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” ma kinitx meħtieġa sabiex tkun tista’ tressaq l-osservazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, peress li tali trażmissjoni tkun ta’ ħsara għall-effikaċja tal-ħidma tal-kumitat, il-Parlament isostni li l-ASTK ma kellhiex l-obbligu li tibgħat dan ir-rapport u lanqas il-minuti tax-xhieda lir-rikorrenti.

– Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq it-trattament ta’ talba għal assistenza statutorja

64

Preliminarjament, għandu jitfakkar li meta l-ASTK jew, skont il-każ, l-awtorità tal-ħatra ta’ istituzzjoni (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) tkun adita, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, din l-awtorità għandha, abbażi tal-obbligu ta’ assistenza u jekk din l-awtorità tkun qiegħda tindirizza inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi l-fatti u li minnhom tislet, b’għarfien tal-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew l-membru tal-persunal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi prova prima facie tar-realtà tal-attakki li huwa jiddikjara li jkun qiegħed iġarrab. Fil-preżenza ta’ tali provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li jkunu wasslu għat-talba ta’ assistenza, b’kollaborazzjoni mal-persuna li tkun ressqitha (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punti 1516; tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 84, u tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 46).

65

Fil-preżenza ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju, l-obbligu ta’ assistenza jinkludi, b’mod partikolari, id-dmir għall-amministrazzjoni li teżamina serjament, malajr u bil-kunfidenzjalità kollha, it-talba għal assistenza li fiha jiġi allegat fastidju u li tinforma lill-persuna li tagħmel din it-talba bis-segwitu tagħha (sentenzi tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T-570/16, EU:T:2017:283 punt 47, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F-132/14, EU:F:2015:115, punt 88).

66

Dan l-obbligu jeżisti wkoll meta t-talba għal assistenza tirrigwarda “terza persuna”, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma tkunx uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor iżda Membru ta’ istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament, F-129/12, EU:F:2013:203, punti 54 sa 58, u tas-26 ta’ Marzu 2015, CN vs Il-Parlament, F‑26/14, EU:F:2015:22, punt 42). Fil-fatt, fir-rigward tal-Membri tal-Parlament, dawn huma wkoll obbligati josservaw il-projbizzjoni ta’ kull fastidju psikoloġiku jew sesswali, kif previst fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il-Parlament, T-275/17, EU:T:2018:479, punti 79 sa 81).

67

Sussegwentement, fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li, bħal f’dan il-każ, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Haas et vs Il-Kummissjoni, T-3/96, EU:T:1998:202, punt 54; tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T-154/05, EU:T:2007:322, punt 137, u tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T-570/16, EU:T:2017:283, punt 48).

68

Meta, wara li titressaq talba għal assistenza, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, l-amministrazzjoni tiddeċiedi li jkun hemm investigazzjoni amministrattiva, jekk ikun il-każ billi tafdaha, bħal f’dan il-każ, lil kumitat konsultattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F-132/14, EU:F:2015:115, punt 99), l-għan innifsu ta’ din l-investigazzjoni amministrattiva huwa li tiġi kkonfermata jew eskluża l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod li l-ASTK ma tiġġudikax minn qabel l-eżitu tal-investigazzjoni u ma hijiex suppost li tieħu pożizzjoni, lanqas impliċitament, dwar ir-realtà tal-fastidju allegat qabel ma tkun kisbet ir-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva. Fi kliem ieħor, huwa inerenti għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva li l-amministrazzjoni ma tiħux pożizzjoni b’mod prematur, essenzjalment abbażi tad-deskrizzjoni unilaterali tal-fatti pprovduta fit-talba għal assistenza, peress li, għall-kuntrarju, għandha tirriżerva l-pożizzjoni tagħha sakemm tintemm l-imsemmija investigazzjoni, li għandha titwettaq malajr billi jitqabblu l-allegazzjonijiet tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal awtur tat-talba għal assistenza mal-verżjoni tal-fatti mogħtija mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, kif ukoll ma’ dik ta’ persuni li setgħu kienu xhieda tal-fatti allegati bħala li allegatament jikkostitwixxu ksur, mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T-570/16, EU:T:2017:283, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-konstatazzjoni mill-amministrazzjoni, wara investigazzjoni amministrattiva, eventwalment imwettqa bl-għajnuna ta’ korp distint mill-ASTK, bħall-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku tista’, fiha nnifisha, ikollha effett ta’ benefiċċju fil-proċess terapewtiku ta’ fejqan tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal li ġarrab il-fastidju u, barra minn hekk, tista’ mhux biss tiġġustifika azzjoni dixxiplinarja fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-fastidju, iżda wkoll tintuża mill-vittma għall-finijiet ta’ azzjoni ġudizzjarja nazzjonali eventwali li fil-kuntest tagħha l-obbligu ta’ assistenza tal-ASTK, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, japplika u ma jispiċċax fi tmiem il-perijodu ta’ reklutaġġ tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, it-tmexxija sa tmiemha ta’ investigazzjoni amministrattiva tista’, għall-kuntrarju, tippermetti li jiġu kkonfutati l-allegazzjonijiet tal-allegata vittma, u b’dan il-mod tippermetti li jiġu rrimedjati d-danni li tali akkuża, jekk din tirriżulta li tkun infondata, setgħet ikkawżat lill-persuna kkonċernata minn proċedura ta’ investigazzjoni bħala l-persuna li allegatament tat fastidju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-ParlamentT-570/16, EU:T:2017:283, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedux proċedura speċifika li l-amministrazzjoni tkun obbligata ssegwi meta tittratta talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, imressqa abbażi tal-Artikolu 90(1) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal u li għandha bħala suġġett l-allegazzjoni ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal li uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor, jew saħansitra Membru ta’ istituzzjoni wettaq, fil-konfront tiegħu, aġir li jikser l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 65).

71

Sussegwentement, għandu jitfakkar li proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva mibdija wara t-tressiq minn uffiċjal jew membru tal-persunal ta’ talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għal fatti ta’ terz, uffiċjal jew membru tal-persunal, jew Membru ta’ istituzzjoni, dwar allegat fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal hija, ċertament, miftuħa fuq talba tiegħu, iżda ma tistax titqies li hija proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa kontra dak l-uffiċjal jew membru tal-persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F-42/10, EU:F:2012:64, punt 46). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rwol tal-awtur tat-talba għal assistenza li jallega li hemm fatti relatati ma’ fastidju jikkonsisti essenzjalment fil-kollaborazzjoni tiegħu għat-twettiq xieraq tal-inkjesta amministrattiva sabiex jiġu stabbiliti l-fatti (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punti 1516; tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T-154/05, EU:T:2007:322, punt 136, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F-132/14, EU:F:2015:115, punt 87).

72

Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif imsemmi fl-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jeżiġi ċertament li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw sostanzjalment l-interessi tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jesprimu l-fehma tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-elementi li huma allegati fil-konfront tagħhom, liema elementi huma l-bażi ta’ dawn id-deċiżjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament, C-566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51) u jinkludi l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jmur lil hinn mir-rispett tad-dritt għal smigħ, li huwa wkoll, barra minn hekk, iggarantit bħala komponent tal-Artikolu 41 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”. Madankollu, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta, huwa intiż li jiġi invokat biss fil-kuntest ta’ proċedura li tinfetaħ “kontra” persuna u li tista’ twassal għal att li jista’ jikkawżalha preġudizzju fejn l-amministrazzjoni jkollha provi inkriminanti kontra din il-persuna (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 67; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F-42/10, EU:F:2012:64, punt 46).

73

Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-proċedura segwita mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-ASTK sabiex tingħata deċiżjoni fuq talba għal assistenza bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-awtur ta’ din it-talba ma jistax jinvoka r-rispett tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta bħala tali u lanqas, f’dan il-kuntest, fil-forma ta’ ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 68).

74

Dan japplika wkoll għall-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju. Fil-fatt, din tista’ ċertament tkun implikata personalment fit-talba għal assistenza li tkun wasslet għall-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva u jista’ jkollha, diġà f’dan l-istadju, tiddefendi ruħha kontra akkużi li jirrigwardawha, sabiex tiġġustifika li hija tkun tista’ tinstema’, possibbilment f’diversi okkażjonijiet, fil-kuntest tal-investigazzjoni (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 69; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F-12/13, EU:F:2014:214, punt 147). Madankollu, huwa biss fi stadju sussegwenti tal-proċedura, jekk ikollhom jittieħdu proċeduri dixxiplinari kontra tagħha, f’dan il-każ bl-involviment tal-Bord ta’ Dixxiplina jew ta’ kwalunkwe istanza simili, li hija tibbenefika mid-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ kontradittorju, b’enfasi, fil-każ ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal involut, fuq il-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu biss dritt għal smigħ fuq il-prinċipju ta’ ftuħ tal-proċedura dixxiplinari u li l-proċedura ssir kontradittorja biss wara li jiġi adit il-Bord ta’ Dixxiplina (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 69; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1998, Tzoanos vs Il-Kummissjoni, T-74/96, EU:T:1998:58, punt 340).

75

Minkejja dan, għandhom jiġu rrikonoxxuti fil-konfront tal-awtur ta’ talba għal assistenza, bħala vittma preżunta, drittijiet proċedurali, distinti mid-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta, li ma humiex daqstant estiżi daqs dawn tal-aħħar (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F-42/10, EU:F:2012:64, punt 48, u tas-16 ta’ Diċembru 2015, De Loecker vs SEAE, F‑34/15, EU:F:2015:153, punt 43) u li, fl-aħħar mill-aħħar, jaqgħu taħt id-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif stabbilit illum fl-Artikolu 41 tal-Karta (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 70).

76

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-għan ta’ investigazzjoni amministrattiva miftuħa mill-amministrazzjoni, b’risposta għal talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jiġu ċċarati l-fatti kontenzjużi, permezz tar-riżultati tal-investigazzjoni, sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tieħu pożizzjoni definittiva f’dan ir-rigward, li għalhekk tippermettilha jew li tagħlaq, mingħajr ma tieħu azzjoni ulterjuri, it-talba għall-għajnuna, jew meta l-fatti allegati jkunu pprovati u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, tibda eventwalment proċedura dixxiplinari bil-għan, jekk ikun il-każ, li jittieħdu sanzjonijiet dixxiplinari kontra l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju (ara, fir-rigward ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal, is-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T-570/16, EU:T:2017:283, punt 57, u, fir-rigward ta’ Membru ta’ istituzzjoni, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F-132/14, EU:F:2015:115, punt 90).

77

B’hekk, minn naħa, fejn, fil-kuntest tal-miżuri li hija tiddeċiedi li tadotta bħala risposta għat-talba għal assistenza, l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura dixxiplinari skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal jew kwalunkwe proċedura simili, minħabba ksur, mill-persuna involuta f’din it-talba, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura hekk mibdija tkun kontra din il-persuna, allegatament responsabbli għall-fastidju, b’mod li din tal-aħħar allura jkollha l-garanziji proċedurali kollha li jimplimentaw id-drittijiet tad-difiża fis-sens tal-Artikolu 48 tal-Karta u, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-kontradittorju. Dawn il-garanziji huma, fil-każ ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal, dawk stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 72), u, fil-każ ta’ Membru tal-Parlament, dawk previsti fl-Artikolu 166 tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ din l-istituzzjoni.

78

Min-naħa l-oħra, meta, b’risposta għat-talba għal assistenza, l-amministrazzjoni tiddeċiedi li l-elementi invokati insostenn tat-talba għal assistenza ma humiex fondati u li, għalhekk, l-aġir invokat ma jikkostitwixxix fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, tali deċiżjoni tikkawża preġudizzju lill-persuna li tressaq it-talba għal assistenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T-249/04, EU:T:2007:261, punt 32, u tal-11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il-Kummissjoni, F-30/08, EU:F:2010:43, punt 93), u taffettwah b’mod sfavorevoli fis-sens tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 73).

79

B’hekk, sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal amministrazzjoni tajba, l-awtur tat-talba għal assistenza għandu neċessarjament, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jinstema’ b’mod xieraq qabel ma din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tiġi adottata mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-ASTK. Dan jimplika li l-persuna kkonċernata tinstema’ minn qabel dwar ir-raġunijiet li l-Awtorità tal-Ħatra jew l-ASTK ikollhom l-intenzjoni li jinvokaw insostenn taċ-ċaħda ta’ din it-talba (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 74).

80

F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti kienet instemgħet mill-ASTK, f’dan il-każ fuq il-bażi tad-deċiżjoni motivata u tal-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament tal-24 ta’ Jannar 2017, qabel ma din l-awtorità adottat id-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, ir-rikorrenti tqis li, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li hija ppreżentat fl-10 ta’ Frar 2017, hija ma nstemgħetx b’mod xieraq, peress li ma kellhiex disponibbli, għal dan il-għan, l-opinjoni, ir-rapport jew il-konklużjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, peress li l-forma tat-teħid ta’ pożizzjoni ta’ dan il-kumitat ma kinitx neċessarjament u preċiżament magħrufa f’dan l-istadju, u lanqas il-minuti tax-xhieda.

81

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, id-dritt ta’ smigħ tar-rikorrenti kienx jirrikjedi li hija jkollha wkoll l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, eventwalment adottata fil-forma ta’ rapport jew ta’ konklużjonijiet, u l-minuti tas-seduti li saru minn dan il-kumitat sabiex tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-motivi invokati mill-ASTK, b’riferiment għad-deċiżjoni motivata, bil-għan li tiġi miċħuda t-talba għal assistenza.

– Fuq l-obbligu tal-ASTK, sabiex tirrispetta d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, li tibgħat lil din tal-aħħar l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

82

F’kawża fejn kien hemm involut il-korp regolatorju applikabbli għall-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u mhux ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta l-amministrazzjoni tkun iddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva u li din wasslet għat-tħejjija ta’ rapport, peress li l-membru tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni kien ippreżenta, skont it-terminoloġija tal-korp regolatorju applikabbli għal din l-istituzzjoni, “ilment” kontra l-fatti li allegatament jaqgħu taħt il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku, kif dan il-kunċett kien iddefinit fir-regoli applikabbli għall-persunal tal-BĊE, kellu jingħata, bħall-persuna implikata, il-possibbiltà li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport ta’ investigazzjoni, kif previst minn dawn ir-regoli, qabel ma l-amministrazzjoni tal-BĊE setgħet tiddeċiedi dwar l-ilment jew, tal-inqas, fuq il-provi meħuda inkunsiderazzjoni minn din l-amministrazzjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs BĊE, T-114/13 P, EU:T:2015:678, punt 41).

83

Fil-qasam tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra jew, skont il-każ, l-ASTK għandha tittratta, mhux ilment, iżda talba għal assistenza fformulata abbażi tal-Artikolu 24 u tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ tal-iskema applikabbli għall-BĊE, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedu ebda proċedura speċifika dwar il-mod li bih l-Awtorità tal-Ħatra, jew l-ASTK għandhom jittrattaw talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tallega ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas dispożizzjoni li teżiġi, bħala tali, li jintbagħtu l-opinjoni, ir-rapport jew il-konklużjonijiet ta’ kumitat konsultattiv, bħall-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, jew anki l-minuti tas-smigħ tax-xhieda li nstemgħu minn dan il-kumitat lill-awtur ta’ talba għal assistenza jew lill-persuna implikata f’din it-talba bħala allegatament responsabbli għall-fastidju (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 78).

84

Dan premess, ġie deċiż li, bla ħsara għall-protezzjoni tal-interessi tal-persuni li jkunu ġew implikati u ta’ dawk li jkunu xehdu matul l-investigazzjoni, ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprojbixxi li jintbagħat rapport finali ta’ investigazzjoni lil parti terza li jkollha interess leġittimu li tkun taf bih, bħalma huwa l-każ tal-persuna li tressaq talba għal assistenza, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li fiha tallega ksur tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, ġie enfasizzat, f’dan il-kuntest, li, fil-qafas tal-awtonomija tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet regolamentari, ċerti istituzzjonijiet kienu xi drabi adottaw din is-soluzzjoni, billi bagħtu r-rapport lill-persuna li tkun għamlet talba għal assistenza finali tal-investigazzjoni jew qabel il-preżentata tar-rikors, mehmuż mad-deċiżjoni finali li tiddeċiedi fuq it-talba għal assistenza, jew b’eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mill-qorti tal-Unjoni li jkollha tiddeċiedi fl-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F-46/11, EU:F:2013:115, punt 133), bħal dik tas-17 ta’ April 2018 li l-Parlament irrifjuta li jagħti segwitu f’dan il-każ.

85

Il-Qorti Ġenerali tqis madankollu li, meta l-ASTK tiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li titlob l-opinjoni ta’ kumitat konsultattiv, eventwalment fil-forma ta’ rapport jew ta’ konklużjonijiet, li lilu hija tafda l-kompitu li jwettaq l-investigazzjoni amministrattiva u li, fid-deċiżjoni fuq it-talba għal assistenza, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni maħruġa b’dan il-mod mill-kumitat konsultattiv, l-imsemmija opinjoni, konsultattiva u li tista’ titħejja f’forma mhux kunfidenzjali billi tirrispetta l-anonimat mogħti lix-xhieda, għandha bħala prinċipju, b’applikazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-awtur tat-talba għal assistenza, tinġieb għall-attenzjoni ta’ dan tal-aħħar, u dan anki jekk ir-regoli interni “APA” dwar il-fastidju ma jipprevedux tali trażmissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 80).

86

Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt, invokat mill-Parlament, li f’dan il-każ, huwa dokument imħejji mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” u mhux dokument imħejji mill-Kumitat Konsultattiv Ġenerali, bħal dak inkwistjoni fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393).

87

Fil-fatt, huwa minnu li, kif jenfasizza l-Parlament, il-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” jipprovdi biss “opinjoni motivata” lill-President tal-Parlament, li ma torbotx lil dan tal-aħħar meta, min-naħa tiegħu, jadotta deċiżjoni motivata li sussegwentement tibbaża ruħha fuqha l-ASTK sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal assistenza. Il-Parlament jinsisti fuq dan il-punt billi jenfasizza li, fir-rigward tat-talbiet għall-assistenza minn APA ttrattati flimkien mal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fir-rigward ta’ talbiet għal assistenza bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv Ġenerali, il-President tal-Parlament jintervjeni u “għandu setgħa esklużiva rigward l-eżistenza jew le ta’ fastidju, li hija ddefinita b’mod aħjar milli hija dik tas-Segretarju Ġenerali fil-każ ta’ fastidju ta’ uffiċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

88

Madankollu, din il-kunsiderazzjoni, kif ukoll l-interess tal-Parlament li jiġi żgurat li l-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” tibqa’ strettament kunfidenzjali sabiex jiġi żgurat li l-kwesturi jkomplu jaċċettaw li jipparteċipaw f’tali ħidma, ma jistgħux jaffettwaw id-dritt fundamentali ta’ kull uffiċjal jew membru tal-persunal, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jinstema’ b’mod utli qabel ma l-ASTK tieħu deċiżjoni fuq it-talba għal assistenza li jkun għamel.

89

B’mod partikolari, anki jekk l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” ma hijiex legalment vinkolanti, peress li kemm il-President tal-Parlament, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni motivata, kif ukoll l-ASTK, meta ddeċidiet dwar it-talba għal assistenza, kellhom dik l-opinjoni, din kellha tiġi kkomunikata wkoll lill-APA, sabiex tkun tista’ tieħu pożizzjoni minn qabel dwar il-kontenut tagħha qabel ma l-ASTK tiddeċiedi fuq it-talba għal assistenza billi tibbaża ruħha, inkluż indirettament, fuq din l-opinjoni. Għalhekk, f’dan il-każ, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti tad-deċiżjoni motivata biss kien insuffiċjenti, anki jekk, f’din id-deċiżjoni, il-President tal-Parlament indika li ħa inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-konklużjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”.

90

Barra minn hekk, fir-rigward tar-riskju li l-identità tax-xhieda, inkluż ta’ kwalunkwe Membru tal-Parlament, tiġi żvelata jekk il-kontenut tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” jiġi żvelat lir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jżomm lil dak il-kumitat milli jfassal din l-opinjoni, li eventwalment tieħu l-forma ta’ rapport jew ta’ konklużjonijiet, b’mod li ma jkunux jistgħu jiġu identifikati x-xhieda li jkunu taw sehemhom fl-investigazzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa’, saħansitra iktar fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li, minħabba li ma kellhiex għarfien tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kontenut tad-dokument inkwistjoni u lanqas ma tista’ tkun ċerta, fid-dawl tal-mod differenti li bihom il-Parlament jirreferi għalih, jekk dan kienx fil-forma ta’ opinjoni, ta’ rapport jew ta’ konklużjonijiet.

91

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li huwa bi ksur tad-dritt għal smigħ, kif imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta, li, fid-deċiżjoni kkontestata u fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-ASTK irrifjutat li tikkomunika lir-rikorrenti l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, eventwalment mogħtija fil-forma ta’ rapport jew ta’ konklużjonijiet, u b’hekk ma semgħathiex biżżejjed, f’dan il-każ, fuq il-bażi biss tad-deċiżjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għalfejn il-President tal-Parlament qies, billi bbaża ruħu fuq l-imsemmija opinjoni, bħala infondati l-allegazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal assistenza.

– Fuq l-obbligu tal-ASTK, sabiex tirrispetta d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, li tittrażmetti lil din tal-aħħar il-minuti ta’ smigħ tax-xhieda qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

92

Fir-rigward tal-minuti tas-smigħ tax-xhieda mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, il-Qorti Ġenerali tqis li, bħala prinċipju, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali fuq il-post tax-xogħol, huwa permess għall-amministrazzjoni li tipprovdi l-possibbiltà li tiggarantixxi lix-xhieda, li jaċċettaw li jagħtu l-istqarrija tal-fatti tagħhom inkwistjoni f’każ ta’ fastidju allegat, li x-xhieda tagħhom tinżamm kunfidenzjali, fir-rigward kemm tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju kif ukoll tal-allegata vittma, tal-inqas fil-kuntest tal-proċedura segwita għat-trattament ta’ talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 83).

93

Fil-fatt, minn naħa, peress li, fil-kuntest tat-trattament ta’ talba għal assistenza, wieħed mill-għanijiet mogħtija lill-amministrazzjoni huwa li terġa’ tistabbilixxi s-serenità fis-servizz, l-għarfien tal-kontenut tax-xhieda, kemm mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju kif ukoll mill-vittma allegata, jista’ jipperikola dan l-għan billi terġa’ titqajjem animożità eventwali fi ħdan is-servizz jew fl-istituzzjoni u jiskoraġġixxi, fil-futur, lill-persuni li jistgħu jipprovdu xhieda rilevanti milli jagħmlu dan (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 84).

94

Min-naħa l-oħra, meta istituzzjoni tirċievi informazzjoni pprovduta fuq bażi volontarja, iżda b’talba għall-kunfidenzjalità bl-iskop li jiġi protett l-anonimat tal-informatur, l-istituzzjoni li taċċetta li tirċievi din l-informazzjoni hija marbuta tirrispetta tali kundizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, EU:C:1985:448, punt 34). L-istess jista’ japplika meta uffiċjali jew membri tal-persunal jew saħansitra Membri ta’ istituzzjoni jaqblu li jipprovdu x-xhieda tagħhom sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ titfa’ dawl fuq il-fatti li huma s-suġġett ta’ talba għal assistenza, iżda jirrikjedu, min-naħa l-oħra, li l-anonimat tagħhom jiġi żgurat fir-rigward tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju u/jew tal-vittma ssuspettata, b’enfasi fuq il-fatt li, għalkemm il-parteċipazzjoni tagħhom hija mixtieqa, mill-perspettiva tar-Regolamenti tal-Persunal, ma humiex neċessarjament obbligati li jikkooperaw fl-investigazzjoni billi jagħtu x-xhieda tagħhom (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 85).

95

Madankollu, meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura dixxiplinari kontra l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, ikun f’idejn l-Awtorità tal-Ħatra jew l-ASTK li jikkomunikaw lill-persuna kkonċernata kull dokument li tixtieq tippreżenta għall-evalwazzjoni tal-Bord tad-Dixxiplina, li għandu, jekk ikun il-każ, jisma’ mill-ġdid lix-xhieda tal-fatti kkontestati (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 86). Dan ir-raġunament japplika b’analoġija fil-każ ta’ Membri ta’ istituzzjoni, bħal dawk tal-Parlament, li fir-rigward tagħhom hemm proċedura speċifika, bħal dik prevista fl-Artikolu 166 tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ din l-istituzzjoni.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li huwa mingħajr ma kisret id-dritt għal smigħ, kif imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta, li l-ASTK, f’dan il-każ, irrifjutat li tibgħat lir-rikorrenti l-minuti ta’ smigħ tax-xhieda fil-fażi prekontenzjuża.

– Fuq il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt għal smigħ ibbażata fuq in-nuqqas ta’ trażmissjoni, fil-fażi prekontenzjuża, tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”

97

Rigward il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” fil-fażi prekontenzjuża, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, anki fil-preżenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ, jeħtieġ barra minn hekk, sabiex il-motiv ikun jista’ jintlaqa’, li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ April 2016, Dalli vs Il-Kummissjoni, C-394/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:262, punt 41; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, T-246/04 u T-71/05, EU:T:2007:34, punt 149, u tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T-584/16, EU:T:2017:282, punt 157).

98

Sabiex tiġi eżaminata din il-kwistjoni, kien jeħtieġ li kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Qorti Ġenerali jkollhom l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, eventwalment meħuda fil-forma ta’ rapport jew konklużjonijiet, fejn xieraq f’verżjoni mhux kunfidenzjali, sabiex, minn naħa, r-rikorrenti kienet tkun tista’ tesponi liema argumenti setgħet issostni fil-fażi prekontenzjuża kieku kellha dan id-dokument u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kienet tkun tista’ tevalwa jekk din setgħetx twassal għal riżultat differenti fir-rigward tat-trattament, mill-ASTK, tat-talba għal assistenza.

99

Madankollu, ir-rifjut tal-Parlament li jittrażmetti din l-opinjoni lill-Qorti Ġenerali, eventwalment fil-forma ta’ rapport jew ta’ konklużjonijiet, kif ukoll il-minuti tas-smigħ tax-xhieda, meta t-trażmissjoni ta’ dawn tal-aħħar, fil-fażi ġudizzjarja, ġiet rrikonoxxuta bħala parti mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs Il-BĊE, T-114/13 P, EU:T:2015:678, punti 42 sa 49), għandu l-effett li jagħmilha impossibbli għall-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju fdat lilha mill-Artikolu 270 TFUE u mir-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1980, M. vs Il-Kummissjoni, 155/78, EU:C:1980:150, punt 20).

100

Peress li la t-Trattat FUE, la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni fil-każ tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ digriet adottat skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, dwar miżura istruttorja, bħal dik tat-18 ta’ Mejju 2018, l-unika reazzjoni possibbli għall-Qorti Ġenerali kontra r-rifjut tal-konvenut, li barra minn hekk, ikun qiegħed jikser l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 13(2) TUE, hija li minnu tislet il-konsegwenzi fid-deċiżjoni li ttemm il-kawża (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Meierhofer, T‑560/08 P, EU:T:2010:192, punt 73).

101

Fuq dan il-punt, il-Parlament ma jistax jiġġustifika r-rifjut tiegħu li jipprovdi d-dokumenti mitluba mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tad-digriet tat-18 ta’ Mejju 2018, bl-iskuża li, bħalma l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punti 83 sa 86), huwa l-obbligu tiegħu li jipproteġi l-anonimat tal-persuni, inklużi l-Membri ta’ din l-istituzzjoni, li jkunu qablu li jagħtu x-xhieda tagħhom, protezzjoni li neċessarjament tinkiseb biż-żamma tal-kunfidenzjalità assoluta tal-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” li, fil-fehma tiegħu, għandha tibqa’ totalment sigrieta.

102

Fil-fatt, tali kunsiderazzjonijiet setgħu jkunu invokati mill-Parlament skont l-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, li jikkonċerna t-trattament tal-informazzjoni u tal-annessi kunfidenzjali.

103

Madankollu, din il-possibbiltà li l-Parlament jinvoka l-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma teħilsux mill-obbligu tiegħu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 13(2) TUE, li josserva l-preskrizzjonijiet tad-digriet tat-18 ta’ Mejju 2018, li għandu saħħa eżekuttiva skont l-Artikolu 280 TFUE.

104

B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, hija l-Qorti Ġenerali u mhux il-partijiet fil-kawża li għandhom jevalwaw in-natura kunfidenzjali tad-dokumenti li l-preżentazzjoni tagħhom tkun ordnata skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura u, jekk ikun il-każ, li għandha tevalwa jekk, minħabba n-natura kunfidenzjali tal-imsemmija dokumenti eventwalment rrikonoxxuta mill-qorti tal-Unjoni, huwiex xieraq, sabiex tiġi protetta l-identità tax-xhieda, li ma jintbagħtux kif ikunu lir-rikorrent, iżda li teħtieġ minflok li l-konvenut jipproduċi jew verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti, bl-ommissjoni tal-isem tax-xhieda u tal-informazzjoni li permezz tagħha tkun tista’ tiġi stabbilita, mingħajr ebda dubju raġonevoli, l-identità tagħhom (ara, fir-rigward ta’ tali miżura istruttorja, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T-218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 44), jew sommarju mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti.

105

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din it-tieni possibbiltà, din setgħet tippermetti lill-Qorti Ġenerali, jekk ikun il-każ, tindirizza t-tħassib tal-Parlament dwar il-fatt li, minħabba n-natura tal-fatti allegati, verżjoni anonimizzata tad-dokumenti msemmija ma kinitx protezzjoni suffiċjenti, peress li, fil-fehma tiegħu, l-identità tax-xhieda setgħet faċilment tiġi dedotta mill-fatti rrapportati jew mid-dikjarazzjonijiet magħmula.

106

Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-kritika tal-Parlament fir-rigward tal-prattika tal-Qorti Ġenerali fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il-Parlament (T-275/17, EU:T:2018:479), u fil-kawża pendenti QH vs Il-Parlament (T-748/16), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali deċiżjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala anormali, peress li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, u b’mod partikolari l-Artikolu 103 tagħhom (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2018, Müller et vs QH, C-187/18 P (I), mhux ippubblikat, EU:C:2018:543, punt 41).

107

Konsegwentement, u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni motiv, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur, mill-ASTK, tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ effettiv qabel ma din l-awtorità kompetenti ċaħdet it-talba tagħha għal assistenza.

Fuq it-talbiet għal kumpens

108

Insostenn tat-talbiet tagħha għal kumpens, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament għandu jiġi kkundannat, minn naħa, għall-illegalitajiet stabbiliti fil-kuntest taż-żewġ motivi ta’ annullament u, min-naħa l-oħra, għall-iżbalji mwettqa mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, sussegwentement mill-ASTK, b’mod partikolari l-fatt li dan il-kumitat illegalment irrifjutalha d-dritt li tkun assistita mill-konsulent tagħha waqt is-seduta tat-28 ta’ Jannar 2015, il-fatt li huwa inġust li l-uffiċjal mediku tal-istituzzjoni għandu biss rwol ta’ osservatur f’dak il-kumitat u l-fatt li l-preżenza ta’ rappreżentant tal-amministrazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” jikser il-prinċipju ta’ imparzjalità. Dawn l-elementi kkontribwixxew, f’dan il-każ, għal proċedura żbilanċjata, parzjali u nieqsa mit-trasparenza.

109

Ir-rikorrenti takkuża wkoll lill-Parlament għal ksur tat-terminu raġonevoli minħabba li l-proċedura għat-trattament tat-talba għall-assistenza damet iktar minn sentejn u tliet xhur bejn id-data tas-smigħ tagħha mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” u d-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Parlament irrikonoxxa, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, li ma kienx hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għaż-żmien meħud bejn dan is-smigħ u d-deċiżjoni motivata. Ir-rikorrenti tinnota li kellha tistenna seba’ xhur oħra wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni motivata sabiex l-ASTK titlobha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u li, barra minn hekk, dan il-pass tal-ASTK ma kienx spontanju, iżda reazzjoni għal mistoqsija min-naħa tagħha.

110

Ir-rikorrenti titlob għalhekk kumpens għal tliet danni morali, jiġifieri, fl-ewwel lok, dannu relatat mal-klima ta’ inċertezza, ta’ inċertezza legali u ta’ biża’ li ma hijiex ittrattata b’mod ġust, u dan għal ammont ta’ EUR 5000; it-tieni nett, dannu marbut man-nuqqas ta’ rapidità tal-ASTK fl-ipproċessar tat-talba għal assistenza, li jammonta għal EUR 13500, u, it-tielet nett, dannu, marbut mal-illegalitajiet li huma s-suġġett taż-żewġ motivi ta’ annullament, li għandu jiġi ffissat ex æquo et bono għal EUR 50000, minħabba d-diffikultà tagħha li tifhem ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba għal assistenza u l-attitudni tal-ASTK li ma tagħtihiex l-impressjoni, fid-dawl tad-dmir ta’ assistenza tagħha, li fil-fatt qiegħda tipprova tipproteġiha.

111

Il-Parlament jitlob li t-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda.

112

Fir-rigward tax-xewqa tar-rikorrenti li tkun assistita mill-konsulent tagħha waqt is-smigħ tagħha mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, il-Parlament isostni li r-rwol tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva huwa li tagħti l-verżjoni tagħha tal-fatti, sabiex dan il-kumitat ikun jista’ jistabbilixxi jekk dawn il-fatti jikkostitwixxux fastidju psikoloġiku, u mhux li tinvolvi ruħha fi proċedura kontenzjuża kontra l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju. Fil-fatt, huwa l-APA li jkun f’pożizzjoni ta’ akkużatur quddiem il-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” u, min-naħa l-oħra, il-Membru tal-Parlament ikun f’pożizzjoni li jkollu jiddefendi lilu nnifsu. Għalhekk, peress li l-vittma allegata ta’ fastidju psikoloġiku tgawdi minn drittijiet proċedurali iktar limitati milli l-persuna akkużata, ir-rikorrenti ma kinitx iġġustifikata titlob l-assistenza tal-avukat tagħha waqt is-smigħ tagħha mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”. F’dan ir-rigward, il-fatt li r-regoli interni “APA” dwar il-fastidju ġew emendati biss fis-6 ta’ Lulju 2015 fir-rigward tal-fatt li l-vittma allegata kellha tinstema’ waħedha, ma huwiex rilevanti, peress li, minn naħa, din l-emenda kienet biss kodifikazzjoni tal-prattika preċedenti u, min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1976, Perinciolo vs Il-Kunsill (124/75, EU:C:1976:186, punti 35 sa 37), uffiċjal jew membru tal-persunal huwa ġġustifikat li jeħtieġ l-assistenza ta’ avukat matul proċedura amministrattiva biss jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi dan espressament. Fir-rigward tal-preżenza ta’ espert legali tal-Parlament waqt is-smigħ tar-rikorrenti, din ma kellha ebda konsegwenza, peress li dan kellu biss status ta’ osservatur. Barra minn hekk, il-preżenza tiegħu kienet iġġustifikata sabiex jiżgura l-iżvolġiment tal-investigazzjoni amministrattiva b’mod konformi mal-liġi statutorja. Din il-preżenza ma kinitx, min-naħa l-oħra, intiża li tiddefendi l-interessi ta’ X kontra dawk tar-rikorrenti, peress li, fi kwalunkwe każ, il-proċedura quddiem il-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” ma hijiex ta’ natura kontenzjuża.

113

Fir-rigward tat-tul tal-proċedura, il-Parlament jenfasizza li, matul perijodu ta’ sittax-il xahar evokat mir-rikorrenti, il-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” kellu seba’ laqgħat, sema’ bosta xhieda u eżamina l-fatti allegati, u dan jiġġustifika tali tul ta’ żmien. Filwaqt li f’din l-okkażjoni żvela li l-imsemmi kumitat ippreżenta rapport finali fis-7 ta’ April 2016, il-Parlament isostni li l-kumpens mogħti mill-ASTK, fir-risposta għall-ilment, kien jirrigwarda biss il-perijodu ta’ seba’ xhur bejn id-deċiżjoni motivata u d-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, il-Parlament jenfasizza li kellu bżonn iż-żmien sabiex jistabbilixxi struttura li kapaċi tidentifika b’mod effettiv sitwazzjonijiet ta’ fastidju attribwiti lil Membri ta’ din l-istituzzjoni.

114

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità, bħad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża. Madankollu, dan ma għandux ikun il-każ meta r-rikorrent juri li ġarrab dannu morali separabbli mill-illegalità li wasslet għall-annullament u li ma jistax ikun kompletament ikkumpensat b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il-Kummissjoni, T-10/02, EU:T:2006:148, punt 131 u tas-16 ta’ Mejju 2017, CW vs Il-Parlament, T-742/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:338, punt 64).

115

B’hekk, fir-rigward tat-talba għad-danni marbuta mal-irregolaritajiet li huma s-suġġett tal-ewwel motiv, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu jikkostitwixxi fil-prinċipju kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali tar-rikorrenti li jirriżulta mill-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, bħal dawk irrikonoxxuti fil-punti 26 sa 29 tas-sentenza tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni (C-343/87, EU:C:1990:49), is-sentiment ta’ inġustizzja u l-ansjetà li jikkawża lill-persuna l-fatt li jkollha tibda proċedura prekontenzjuża, u sussegwentement proċedura kontenzjuża, sabiex tikseb ir-rikonoxximent tad-drittijiet tagħha, jistgħu jikkostitwixxu dannu distint mill-illegalità diġà rrimedjata permezz tal-annullament tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, CC vs Il-Parlament, T-457/13 P, EU:T:2015:240, punti 49 sa 52). Madankollu, f’dan il-każ speċifiku, tali ċirkustanzi speċjali għandhom jiġu rrikonoxxuti fir-rigward tar-rifjut tal-Parlament li jikkonforma ruħu mal-miżura istruttorja tal-Qorti Ġenerali għaliex il-pożizzjoni tal-konvenut ma ppermettietx li l-Qorti Ġenerali teżerċita bis-sħiħ l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u ssaħħaħ fir-rikorrenti sentiment ta’ inġustizzja u ta’ inkwiet li jikkostitwixxi dannu morali li ma setax jiġi adegwatament u suffiċjentement irrimedjat permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-ewwel motiv.

116

Fir-rigward tat-talbiet għad-danni dwar l-irregolaritajiet imqajma fil-kuntest tat-tieni motiv, dawn huma prematuri fir-rigward tal-fatt li, f’dan l-istadju, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi fuq l-argumenti invokati insostenn ta’ dan il-motiv, peress li, b’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, hija l-ASTK li għandha tisma’ effettivament lir-rikorrenti u, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi mill-ġdid fuq it-talba għal assistenza.

117

Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti ma setgħetx tiġi assistita mill-konsulent tagħha waqt is-smigħ tagħha quddiem il-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni applikabbli fi ħdan il-Parlament ma tipprevedix tali possibbiltà. Fi kwalunkwe każ, kif ġie mfakkar fil-punti 71 sa 73 iktar ’il fuq, is-smigħ minn dan il-kumitat ma jagħmilx parti mill-kuntest ta’ proċedura kontradittorja mibdija kontra persuna li titlob assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. B’hekk, anki jekk ma jistax jiġi eskluż li ASTK tiddeċiedi li tipprovdi li persuna interrogata fil-kuntest ta’ investigazzjoni amministrattiva tista’ tiġi assistita minn kollega, minn rappreżentant tal-persunal jew minn konsulent, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sabiex tobbliga lill-ASTK tipprevedi tali possibbiltà fir-rigward tas-seduti ta’ smigħ organizzati mill-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”. Barra minn hekk, ma jidhirx li X kellha d-dritt li tkun assistita minn konsulent għas-smigħ tagħha. Fir-rigward tal-fatt li l-espert legali tal-Parlament seta’ jipparteċipa bħala osservatur fil-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, inkluż waqt is-smigħ, dan il-fatt ma huwiex tali li jivvizzja l-ħidma ta’ dan il-korp.

118

Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, diġà ġie deċiż, fir-rigward tal-Kumitat Konsultattiv Ġenerali, li, anki jekk ma kinitx prevista parità sħiħa bejn il-membri maħtura mill-amministrazzjoni u dawk maħtura mir-rappreżentanza tal-persunal, il-preżenza ta’ uffiċjal mediku tal-istituzzjoni fil-kumitat konsultattiv, il-fatt li l-kumitat konsultattiv “[kien qiegħed] jaħdem f’awtonomija, indipendenza u kunfidenzjalità assoluta” kif ukoll in-natura kolleġġjali tad-deliberazzjonijiet kienu garanziji biżżejjed ta’ imparzjalità u oġġettività tal-opinjoni li l-Kumitat Konsultattiv kien wasal sabiex jifformula u jadotta għall-ASTK (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament, T‑218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 103; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2002, Onidi vs Il-Kummissjoni, T-197/00, EU:T:2002:135, punt 132, u tas-17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F-73/13, EU:F:2015:9, punt 150).

119

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka, għall-benefiċċju tal-uffiċjal mediku, rwol iktar deliberattiv, bl-istess mod li hija ma tistax tikkritika lill-ASTK li tkun irrappreżentata f’dak il-kumitat mill-President tal-Kumitat Konsultattiv Ġenerali.

120

Fir-rigward tat-tul tal-proċedura tal-ipproċessar tat-talba għal assistenza, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux proċedura speċifika għat-trattament ta’ din it-tip ta’ talba, inkluż meta tali talba tkun tirrigwarda ksur allegat tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas limitu ta’ żmien partikolari. L-istess jgħodd għar-regoli interni “APA” dwar il-fastidju, anki jekk dawn jipprevedu diversi stadji, li jinvolvu l-intervent tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, kif ukoll dak tal-President tal-Parlament. Għalhekk, l-ASTK hija marbuta li tosserva l-prinċipju tat-terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T-570/16, EU:T:2017:283, punti 5962) u li, f’dan ir-rigward, l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat għandu, fit-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva, jiżgura li kull att adottat isir f’terminu raġonevoli fil-konfront ta’ dak preċedenti (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il-Parlament, T-275/17, EU:T:2018:479, punt 101). Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-terminu li fih tlestew l-investigazzjoni amministrattiva u t-trattament tat-talba għal assistenza, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet involuti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il-Kummissjoni, F-133/15, EU:F:2016:127, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, b’mod ġenerali, il-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA” ħa aktar minn erbatax-il xahar sabiex ilesti l-investigazzjoni tiegħu bejn id-data tas-smigħ tar-rikorrenti, jiġifieri t-28 ta’ Jannar 2015, u d-data li fiha kkonkluda l-ħidma tiegħu, jiġifieri s-7 ta’ April 2016. Barra minn hekk, mid-data tal-għoti tas-sentenza CH vs Il-Parlament (F-132/14, EU:F:2015:115), jiġifieri fis-6 ta’ Ottubru 2015, għaddew iktar minn seba’ xhur qabel ma l-President tal-Parlament, wara li sar jaf il-konklużjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, adotta, fit-18 ta’ Mejju 2016, id-deċiżjoni motivata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kellha tistenna kważi tmien xhur oħra qabel ma ġiet finalment mistiedna, fuq talba tagħha, tippreżenta osservazzjonijiet fuq din id-deċiżjoni motivata qabel ma l-ASTK, min-naħa tagħha, iddeċidiet dwar it-talba għal assistenza.

122

Barra minn hekk, minħabba r-rifjut tal-Parlament li jikkonforma ruħu mal-miżura istruttorja tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ma tistax tifhem kif seħħet il-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”, b’mod partikolari l-għadd ta’ laqgħat u seduti li saru, kif ukoll l-ambitu tal-konklużjonijiet li kellhom jiġu abbozzati u adottati b’mod kolleġġjali mill-imsemmi kumitat. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ provi tanġibbli, il-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha biss fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Parlament.

123

Finalment, fir-rigward tad-diffikultajiet imsemmija mill-Parlament fit-tfassil tal-proċedura ta’ trattament ta’ talba għal assistenza mingħand APA li tirrigwarda l-aġir ta’ Membri ta’ din l-istituzzjoni, dan ma jistax jinvoka dawn id-diffikultajiet sabiex jevita l-obbligi tiegħu kemm taħt l-Artikolu 31 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il-Parlament, T-275/17, EU:T:2018:479, punt 85) kif ukoll taħt l-Artikoli 12a u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2016, GV vs SEAE, F-137/14, EU:F:2016:14, punt 77), li jiggarantixxi lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tiegħu kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità tagħhom, u, għalhekk, li joffrilhom fi żmien xieraq proċeduri li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004 u li s-sentenza CH vs Il-Parlament (F-129/12, EU:F:2013:203) kienet ingħatat fit-12 ta’ Diċembru 2013, il-Parlament ma jistax raġonevolment isostni li kien jeħtieġ daqstant snin sabiex joħloq u jistabbilixxi korp bħalma huwa l-Kumitat Konsultattiv Speċjali “APA”. Barra minn hekk, dan il-kumitat konsultattiv ġie stabbilit fl-14 ta’ April 2014 u ta l-opinjoni tiegħu biss erbatax-il xahar wara li nstemgħu r-rikorrenti, X u CN.

124

B’hekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkonstata biss li ż-żmien tat-trattament tat-talba għal assistenza kien relattivament twil mingħajr ġustifikazzjoni reali, bħalma, barra minn hekk, qabel parzjalment is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Għaldaqstant, fid-dawl tal-importanza partikolari ta’ tali proċedura għall-allegata vittma, kif ukoll l-imġiba dilatorja tal-ASTK fl-ipproċessar tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tikkonstata ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

125

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, li taw lok għal dannu morali lir-rikorrenti, li ġie ikkumpensat mill-ASTK, f’dan l-istadju, bl-ammont ta’ EUR 1500 biss, u tal-fatt, invokat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ Lulju 2018, li r-rifjut tal-Parlament li jeżegwixxi l-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali aggravat dan id-dannu morali, il-Qorti Ġenerali, wara li evalwat ex æquo et bono id-danni morali kollha subiti mir-rikorrenti, tqis li l-ammont ta’ EUR 8500 jikkostitwixxi kumpens xieraq tal-parti tad-dannu morali li hija distinta mill-illegalità kkonstatata fil-kuntest tal-ewwel motiv u li ma hijiex adegwatament u kompletament ikkumpensata permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq l-ispejjeż

126

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

127

Peress li l-Parlament għandu jitqies bħala l-parti li tilfet fir-rigward tat-talbiet essenzjali tagħha, hemm lok li jiġi deċiż li dan għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2017, li permezz tagħha l-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ta’ dik l-istituzzjoni ċaħdet it-talba għal assistenza mressqa minn CH fit-22 ta’ Diċembru 2011, hija annullata.

 

2)

Il-Parlament huwa kkundannat iħallas lil CH l-ammont ta’ EUR 8500 għad-dannu morali subit.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2018.

Reġistratur

E. Coulon

Il-President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top