This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CN0039
Case C-39/18 P: Appeal brought on 22 January 2018 by the European Commission against the judgment of the General Court (Second Chamber, Extended Composition) delivered on 10 November 2017 in Case T-180/15: Icap plc and Others v European Commission
Kawża C-39/18 P: Appell ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2018 minn il-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fl-10 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-180/15, Icap plc et vs Il-Kummissjoni Ewropea
Kawża C-39/18 P: Appell ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2018 minn il-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fl-10 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-180/15, Icap plc et vs Il-Kummissjoni Ewropea
ĠU C 142, 23.4.2018, p. 26–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 142/26 |
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2018 minn il-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fl-10 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-180/15, Icap plc et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-39/18 P)
(2018/C 142/35)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Christoforou, V. Bottka, M. Farley, B. Mongin, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Icap plc, Icap Management Services Ltd, Icap New Zealand Ltd (ICAP)
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla s-sentenza (punti 281 sa 299 u d-dispożittiv) sa fejn tannulla l-multi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata; |
— |
tiċħad il-ħames u s-sitt motivi fir-rikors ta’ ICAP quddiem il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-multi, u tistabilixxi l-multi xierqa fir-rigward ta’ ICAP billi tapplikal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha; |
— |
tikkundanna lil ICAP tbati l-ispejjeż kollha sostnuti matul dawn il-proċeduri u tirriforma l-ordni fir-rigward tal-ispejjeż fis-sentenza tal-ewwel istanza sabiex tirrifletti l-eżitu ta’ dan l-appell. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tibbaża l-appell tagħha fuq l-aggravju uniku segwenti:
Il-Kummissjoni tissottmetti fis-sentenza fil-Kawża T-180/15 Icap plc et vs Il-Kummissjoni, EU:T:2017:795, il-Qorti Ġenerali b’mod inkorrett applikat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-motivazzjoni neċessarja meta jiġu imposti multi. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma jsegwix is-sentenza ewlenija fil-Kawża C-194/14 P, AC Treuhand vs Il-Kummissjoni, EU:C:2015:717, punti 66 sa 68 u timponi obbligu iktar strett fuq il-Kummissjoni sabiex timmotiva f’iktar dettall il-metodoloġija użata fl-ikkalkular tal-multi imposti għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE, speċjalment meta tapplika l-punt 37 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi. L-appell tal-Kummissjoni huwa intiż li jikkoreġi l-iżbalji serji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, liema, fl-eventwalità li jiġu aċċettati, ikunu ta’ detriment għall-kapaċità tal-Kummissjoni li tiddetrmina multi adegwati sabiex jinkiseb effett detterenti. Dmir ta’ raġunament li jkun interpretat b’mod xieraq, li jikkorrispondi għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza msemmija fil-Kawża C-194/14 P, AC Treuhand, punt 68, huwa essenzjali sabiex jinkiseb dak il-għan. B’kuntrast ma’ dan, obbligu iktar strett ta’ motivazzjoni fuq il-multi, li jinkludi d-deliberazzjonijiet u l-kalkoli interni ta’ passi intermedji, għandu effett fuq il-marġini ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-multi, inkluż meta jibbaża ruħu fuq il-punt 37 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi. Dan tal-aħħar kien speċifikament redatt sabiex jippermetti lill-Kummissjoni li tiddevja mil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi f’każijiet atipiċi, bħal meta timponi multi fuq faċilitaturi. Kif ġie rrikonoxxut mill-qrati tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tippreżerva s-setgħat tagħha ta’ evalwazzjoni u ta’ diskrezzjoni fl-iffissar ta’ multi adegwati.