EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0013

Kawża C-13/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-8 ta’ Jannar 2018 – Sole-Mizo vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

OJ C 142, 23.4.2018, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-8 ta’ Jannar 2018 – Sole-Mizo vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-13/18)

(2018/C 142/31)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sole-Mizo Zrt.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

1)

Ir-regoli tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva VAT”) (fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 183 tagħha), u l-prinċipji ta’ effettività, ta’ effett dirett u ta’ ekwivalenza jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti fil-qasam ta’ interessi moratorji, li bis-saħħa tagħha l-awtorità fiskali nazzjonali ma wettqitx ksur (nuqqas), jiġifieri li ma kienx hemm min-naħa tagħha dewmien ta’ ħlas fir-rigward tal-parti li ma tistax tinġabar tal-VAT fuq l-akkwisti mhux irregolati tal-persuni taxxabbli, għaliex, fiż-żmien fejn l-awtorità fiskali nazzjonali ħadet deċiżjoni, il-kundizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju kienet regola fis-seħħ u l-inkompatibbiltà ta’ din il-kundizzjoni mad-dritt Komunitarju ġiet ikkonstatata biss iktar tard mill-Qorti tal-Ġustizzja?

2)

Id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva VAT (fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 183 tagħha), il-prinċipju ta’ ekwivalenza, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, jipprekludu prassi interna ta’ Stat Membru li, fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti fil-qasam ta’ interessi moratorji, jagħmel distinzjoni li tipprovdi li n-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa mill-awtorità fiskali jseħħ fl-osservanza tar-regoli tad-dritt nazzjonali fis-seħħ li jirriżultaw li jkunu kuntrarji għad-dritt Komunitarju jew li jiksruh, billi jidentifika, fir-rigward tar-rata ta’ interessi fuq il-VAT li ma tistax tinġabar f’terminu raġonevoli minħabba kundizzjoni ta’ dritt nazzjonali ġġudikata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, żewġ perijodi distinti kkaratterizzati minn dan li

għall-ewwel perijodu – peress li l-leġiżlazzjoni Ungeriża li tmur kontra d-dritt Komunitarju kienet għadha fis-seħħ fiż-żmien u li, għaldaqstant, l-awtoritajiet fiskali Ungeriżi ma wettqux ksur billi ma awtorizzawx ir-rimbors f’terminu raġonevoli tal-VAT imsemmija fil-fatturi –, il-persuni taxxabbli setgħu jitolbu biss, abbażi ta’ interessi moratorji, interessi bir-rata bażika tal-Bank Ċentrali, filwaqt li,

għat-tieni perijodu, hemm lok li jitħallsu interessi bid-doppju tar-rata bażika tal-Bank Ċentrali meħuda bħala riferiment mid-dritt Ungeriż f’każ ta’ dewmien, iżda biss għall-ħlas tard tal-interessi moratorji kif huma kkalkolati għall-ewwel perijodu?

3)

L-Artikolu 183 tad-Direttiva VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprekludi prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħha n-nuqqas tar-rimbors tal-VAT jagħti lok għal ħlas ta’ interessi mill-awtorità fiskali bis-sempliċi rata bażika tal-Bank Ċentrali f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda bid-doppju ta’ dik ir-rata f’każ ta’ ksur tad-dritt intern?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1.


Top