EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0807

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Settembru 2020.
Telenor Magyarország Zrt. vs Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) 2015/2120 – Artikolu 3 – Aċċess għal internet miftuħ – Artikolu 3(1) – Drittijiet tal-utenti finali – Dritt ta’ aċċess għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi kif ukoll għall-użu tagħhom – Dritt li jiġu pprovduti applikazzjonijiet u servizzi – Artikolu 3(2) – Projbizzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kummerċjali li jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali – Kunċetti ta’ “ftehimiet”, ta’ “prattiki kummerċjali”, ta’ “utenti finali” u ta’ “konsumaturi” – Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali – Modalitajiet – Artikolu 3(3) – Obbligu ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju tat-traffiku – Possibbiltà li jiġu implimentati miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku – Projbizzjoni tal-miżuri ta’ bblokkar u ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku – Eċċezzjonijiet – Prattiki kummerċjali li jikkonsistu f’li jiġu proposti pakketti li jipprovdu li l-klijenti li jabbonaw għalihom jixtru pakkett b’tariffa fissa li jagħtihom id-dritt li jużaw mingħajr restrizzjonijiet volum ta’ data partikolari, mingħajr ma jitnaqqas minnu l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt “tariffa żero”, u li jistgħu, ladarba eżawrit dan il-volum ta’ data, ikomplu jużaw mingħajr restrizzjonijiet dawn l-applikazzjonijiet u dawn is-servizzi speċifiċi, li matulhom miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jiġu applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi l-oħra.
Kawżi magħquda C-807/18 u C-39/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:708

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) 2015/2120 – Artikolu 3 – Aċċess għal internet miftuħ – Artikolu 3(1) – Drittijiet tal-utenti finali – Dritt ta’ aċċess għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi kif ukoll għall-użu tagħhom – Dritt li jiġu pprovduti applikazzjonijiet u servizzi – Artikolu 3(2) – Projbizzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kummerċjali li jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali – Kunċetti ta’ “ftehimiet”, ta’ “prattiki kummerċjali”, ta’ “utenti finali” u ta’ “konsumaturi” – Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali – Modalitajiet – Artikolu 3(3) – Obbligu ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju tat-traffiku – Possibbiltà li jiġu implimentati miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku – Projbizzjoni tal-miżuri ta’ bblokkar u ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku – Eċċezzjonijiet – Prattiki kummerċjali li jikkonsistu f’li jiġu proposti pakketti li jipprovdu li l-klijenti li jabbonaw għalihom jixtru pakkett b’tariffa fissa li jagħtihom id-dritt li jużaw mingħajr restrizzjonijiet volum ta’ data partikolari, mingħajr ma jitnaqqas minnu l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt “tariffa żero”, u li jistgħu, ladarba eżawrit dan il-volum ta’ data, ikomplu jużaw mingħajr restrizzjonijiet dawn l-applikazzjonijiet u dawn is-servizzi speċifiċi, li matulhom miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jiġu applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi l-oħra”

Fil-Kawżi magħquda C‑807/18 u C‑39/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-11 ta’ Settembru 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fl-20 ta’ Diċembru 2018 u fit-23 ta’ Jannar 2019, fil-proċeduri

Telenor Magyarország Zrt.

vs

Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, S. Rodin u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), L. Bay Larsen, F. Biltgen, A. Kumin, N. Jääskinen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Telenor Magyarország Zrt., minn A. Losonci u P. Galambos, assistiti minn M. Orbán, ügyvéd,

għan-Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke, minn I. Kun, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, inizjalment minn M. Z. Fehér u Zs. Wagner, sussegwentement minn dak tal-ewwel, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Brabcová, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, inizjalment minn G. Hesse u J. Schmoll, sussegwentement minn din tal-aħħar, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn C.-R. Canţăr, E. Gane, R. I. Haиieganu u A. Wellman, sussegwentement minn dawn l-aħħar tlieta, bħala aġenti,

għall-Gvern Sloven, minn N. Pintar Gosenca u A. Dežman Mušič, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, L. Havas u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn Telenor Magyarország Zrt. (iktar ’il quddiem “Telenor”) u n-Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke (il-President tal-Awtorità Nazzjonali tal-Komunikazzjonijiet u tal-Midja, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“President tal-ANKM”), rigward żewġ deċiżjonijiet li permezz tagħhom dan tal-aħħar ordnalha ttemm uħud mis-servizzi ta’ aċċess għall-internet tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament 2015/2120

3

Il-premessi 1, 3, 6 sa 9 u 11 tar-Regolament 2015/2120 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi regoli komuni għas-salvagwardja tat-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet relatati tal-utenti aħħarin. Huwa għandu l-għan li jipproteġi lill-utenti aħħarin u fl-istess waqt li jiżgura kontinwità fil-funzjonament tal-ekosistema tal-Internet bħala mutur ta’ innovazzjoni. […]

[…]

(3)

Matul l-aħħar deċennji l-Internet żviluppa bħala pjattaforma miftuħa għall-innovazzjoni bi ftit xkiel għall-aċċess għall-utenti aħħarin, għall-fornituri tal-kontenut, tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi u għall-fornituri tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet. Il-qafas regolatorju eżistenti għandu l-għan li jippromwovi l-kapaċità tal-utenti aħħarin li jiksbu aċċess għall-informazzjoni u jiddistribwixxuha jew li jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi li jagħżlu huma. Madankollu, hemm numru sinifikanti ta’ utenti aħħarin li jiġu affettwati mill-prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku li jimblukkaw jew inaqqsu r-rapidità ta’ applikazzjonijiet speċifiċi jew servizzi. Dawk it-tendenzi jeħtieġu regoli komuni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-Internet u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern li tirriżulta minn miżuri adottati minn Stati Membri individwali.

[…]

(6)

L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni u l-kontenut, u biex jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi mingħajr diskriminazzjoni, permezz tas-servizz tagħhom ta’ aċċess għall-Internet. […]

(7)

Sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, u biex jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom, l-utenti aħħarin għandhom ikunu liberi li jiftiehmu ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet fuq tariffi għal volumi u veloċitajiet speċifiċi tad-data tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet. Tali ftehimiet, kif ukoll kwalunkwe prattiki kummerċjali ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u b’hekk jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar is-salvagwardja tal-aċċess għal Internet miftuħ. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra għandu jkollhom is-setgħa li jintervjenu kontra ftehimiet jew prattiki kummerċjali li, minħabba l-iskala tagħhom, iwasslu għal sitwazzjonijiet fejn l-għażla tal-utenti aħħarin, fil-prattika, titnaqqas b’mod materjali. Għal dan il-għan, il-valutazzjoni tal-ftehimiet u l-prattiki kummerċjali għandha, fost l-oħrajn, tieħu kont tal-pożizzjonijiet rispettivi fis-suq ta’ dawk il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u tal-fornituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi, li huma involuti. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra għandu jkollhom is-setgħa li jintervjenu kontra ftehimiet jew prattiki kummerċjali li, minħabba l-iskala tagħhom, iwasslu għal sitwazzjonijiet fejn l-għażla tal-utenti aħħarin, fil-prattika, titnaqqas b’mod materjali. Għal dan il-għan, il-valutazzjoni tal-ftehimiet u l-prattiki kummerċjali għandha, fost l-oħrajn, tieħu kont tal-pożizzjonijiet rispettivi fis-suq ta’ dawk il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u tal-fornituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi, li huma involuti. L-awtoritajiet kompetenti regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħrajn għandhom, bħala parti mill-funzjoni tagħhom ta’ monitoraġġ u infurzar, jiġu meħtieġa jintervjenu meta l-ftehimiet jew il-prattiki kummerċjali jwasslu biex l-essenza tad-drittijiet tal-utenti aħħarin tiddgħajjef.

(8)

Meta jiġu pprovduti servizzi ta’ aċċess għall-Internet, il-fornituri ta’ dawk is-servizzi għandhom jittrattaw it-traffiku kollu b’mod indaqs, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, indipendentement minn min jibgħat jew minn min jirċievi, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz, jew it-tagħmir tat-terminal. […]

(9)

L-objettiv ta’ ġestjoni raġonevoli tat-traffiku hu li jsir kontribut għal użu effiċjenti ta’ riżorsi tan-netwerk u għal ottimizzazzjoni tal-kwalità globali tat-trasmissjoni b’reazzjoni għar-rekwiżiti tal-kwalità teknika oġġettivament differenti tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi ta’ traffiku, u għaldaqstant tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi trasmessi. Il-miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku li jiġu applikati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet kummerċjali. […]

[…]

(11)

Kwalunkwe prattika ta’ ġestjoni tat-traffiku li tmur lil hinn minn tali miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku, billi timblokka, tnaqqas il-veloċità, tibdel, tirrestrinġi, tinterferixxi fi, tiddegrada jew tiddiskrimina bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi ta’ kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi, għandha tkun ipprojbita, soġġett għall-eċċezzjonijiet ġustifikati u definiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu soġġetti għal interpretazzjoni stretta u rekwiżiti ta’ proporzjonalità. L-applikazzjonijiet u s-servizzi speċifiċi, kif ukoll il-kategoriji speċifiċi tagħhom għandhom jiġu protetti minħabba l-impatt negattiv fuq l-għażla tal-utent aħħari u l-innovazzjoni tal-imblukkar, jew ta’ miżuri restrittivi oħrajn li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet ġustifikati. […]”

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/2120, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jinkludi l-ewwel paragrafu li jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni biex jiġi salvagwardjat it-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet marbutin tal-utenti aħħarin.”

5

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), japplikaw ukoll għall-finijiet tiegħu.

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Salvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ”, jistabbilixxi, fl-ewwel sat-tielet paragrafu tiegħu:

“1.   L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi u jużaw tagħmir terminali tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-post fejn jinsab l-utent aħħari jew il-fornitur, jew il-post, l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz permezz tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet tagħhom.

[…]

2.   Ftehimiet bejn fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u utenti aħħarin dwar kondizzjonijiet kummerċjali u tekniċi u l-karatteristiċi ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet bħall-prezz, il-volumi jew il-veloċità tad-data, u kwalunkwe prattika kummerċjali mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti aħħarin stipulati fil-paragrafu 1.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jittrattaw it-traffiku kollu bl-istess mod, meta jipprovdu servizzi ta’ aċċess għall-Internet, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, u irrispettivament minn min jibgħat u min jirċievi, mill-kontenut aċċessat jew imxerred, mill-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati jew ipprovduti, jew mit-tagħmir terminali użat.

L-ewwel subparagrafu ma għandux jipprevjeni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet milli jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku. Sabiex jitqiesu raġonevoli, dawn il-miżuri għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu msejsa fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda fuq rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku. Miżuri bħal dawn m’għandhomx jissorveljaw il-kontenut speċifiku u ma għandhomx jinżammu għal aktar żmien milli jkun meħtieġ.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandhomx iwettqu miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn dawk imniżżla fit-tieni subparagrafu, u b’mod partikolari ma għandhomx jimblokkaw, inaqqsu l-veloċità ta’, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu fi, jiddegradaw jew jiddiskriminaw bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi ta’ dawn, ħlief kif meħtieġ, u biss għal kemm ikun meħtieġ, sabiex:

a)

ikun hemm konformità mal-atti leġislattivi tal-Unjoni, jew il-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, li għaliha l-fornitur tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet huwa soġġett, jew ma’ miżuri li huma konformi mal-liġi tal-Unjoni li jagħmlu effettivi tali atti leġislattivi tal-Unjoni jew leġislazzjoni nazzjonali, inklużi ordnijiet minn qrati jew awtoritajiet pubbliċi li jkunu ngħataw is-setgħat rilevanti;

b)

jitħarsu l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, tas-servizzi pprovduti permezz ta’ dak in-netwerk, u tat-tagħmir tat-terminal tal-utenti aħħarin;

c)

tiġi pprevenuta konġestjoni imminenti tan-netwerk u jittaffew l-effetti ta’ konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja tan-netwerk, sakemm il-kategoriji ekwivalenti tat-traffiku jiġu trattati bl-istess mod.”

7

L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Sorveljanza u infurzar”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw mill-qrib u jiżguraw konformità mal-Artikoli 3 u 4, u għandhom jippromwovu d-disponibbiltà kontinwa ta’ aċċess nondiskriminatorju għall-Internet f’livelli ta’ kwalità li jirriflettu l-avvanzi fit-teknoloġija. Għal dawk il-finijiet l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu rekwiżiti dwar karatteristiċi tekniċi, rekwiżiti minimi għall-kwalità tas-servizz u miżuri oħrajn xierqa u meħtieġa fuq fornitur wieħed jew aktar ta’ komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet.”

Id-Direttiva 2002/21

8

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21 jinkludi, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet li ġejjin:

“h)

‘utent’ tfisser entità legali jew persuna naturali li tuża jew li titlob servizz pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi;

i)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li tuża jew titlob servizz pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għal għanijiet li huma barra n-negozju tiegħu jew tagħha, kummerċ jew professjoni;

[…]

n)

‘utent finali’ tfisser utent li ma jipprovdix networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet jew servizzi pubbliċi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

[…]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

9

Telenor, li hija stabbilita fl-Ungerija, hija attur prinċipali fis-settur tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni. Hija tipprovdi b’mod partikolari servizzi ta’ aċċess għall-internet. Fost is-servizzi proposti lill-klijenti potenzjali tagħha hemm żewġ pakketti msejħa “MyChat” u “MyMusic” rispettivament.

10

“MyChat” huwa pakkett li jippermetti lill-klijenti li jabbonaw għalih, fl-ewwel lok, li jixtru volum ta’ data ta’ gigabyte u jużawh mingħajr restrizzjonijiet sakemm jiġi eżawrit, billi jaċċedu liberament għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi disponibbli, mingħajr ma jitnaqqas minn dan il-volum ta’ data l-użu ta’ sitt applikazzjonijiet speċifiċi ta’ komunikazzjoni online, jiġifieri Facebook, Facebook Messenger, Instagram, Twitter, Viber u Whatsapp, li jaqgħu taħt it-tariffa msejħa “tariffa żero”. Fit-tieni lok, dan il-pakkett jipprevedi li, ladarba l-imsemmi volum ta’ data jiġi eżawrit, il-klijenti li jabbonaw għalih jistgħu jkomplu jużaw mingħajr restrizzjonijiet dawn is-sitt applikazzjonijiet speċifiċi, filwaqt li miżuri ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jiġu applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi disponibbli l-oħra.

11

“MyMusic” huwa pakkett disponibbli fi tliet pakketti b’tariffi fissi differenti, imsejħa rispettivament “MyMusic Start”, “MyMusic Nonstop” u “MyMusic Deezer”, li huma aċċessibbli għall-klijenti li għandhom pakkett b’tariffi fissi preeżistenti ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet u li jippermettu lil dawk li jabbonaw għalih, fl-ewwel lok, li jisimgħu il-mużika online billi jużaw, b’mod partikolari, erba’ applikazzjonijiet ta’ trażmissjoni ta’ mużika, jiġifieri Apple Music, Deezer, Spotify u Tidal, kif ukoll sitt servizzi ta’ radjofonija, mingħajr ma l-użu ta’ dawn l-applikazzjonijiet u ta’ dawn is-servizzi, li jaqgħu taħt “tariffa żero”, jitnaqqas mill-volum ta’ data inkluż fil-pakkett b’tariffi fissi mixtri. Fit-tieni lok, dan il-pakkett jipprevedi li, ladarba dan il-volum ta’ data jiġi eżawrit, il-klijenti li jabbonaw għalih jistgħu jkomplu jużaw mingħajr restrizzjonijiet dawn l-applikazzjonijiet u dawn is-servizzi speċifiċi, filwaqt li miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jiġu applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi disponibbli l-oħra.

12

Wara li fetħet żewġ proċeduri intiżi sabiex jikkontrollaw rispettivament il-konformità ta’ “MyChat” u dik ta’ “MyMusic” mal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120, in-Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság (l-Awtorità Nazzjonali tal-Komunikazzjonijiet u tal-Midja, l-Ungerija) adottat żewġ deċiżjonijiet li fihom hija qieset li dawn il-pakketti kienu jistabbilixxu miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li ma josservawx l-obbligu ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju stabbilit fit-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu u li Telenor kellha twaqqafhom.

13

Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġew sussegwentement ikkonfermati permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-President tal-ANKM, li sostna, b’mod partikolari, li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 ma kienx jeħtieġ li jiġi evalwat l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, kif stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

14

Telenor ikkontestat dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-President tal-ANKM quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija).

15

F’dan il-kuntest, hija ssostni, essenzjalment, li l-pakketti “MyChat” u “MyMusic” jagħmlu parti minn ftehimiet konklużi mal-klijenti tagħha u li dawn jistgħu, bħala tali, jaqgħu biss taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, bl-esklużjoni tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda biss il-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku stabbiliti b’mod unilaterali mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, sabiex jiġi stabbilit jekk tali pakketti humiex kompatibbli mat-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, ikun neċessarju, bl-istess mod bħal għall-finijiet tal-eżami tal-kompatibbiltà tagħhom mal-ewwel waħda fosthom, li jiġi evalwat l-effett tagħhom fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali. Konsegwentement, l-imsemmija pakketti ma jistgħux jitqiesu bħala inkompatibbli mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għar-raġuni biss li dawn jistabbilixxu miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li ma josservawx l-obbligu ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju stabbilit f’din id-dispożizzjoni, kif sostna l-President tal-ANKM.

16

Bħala difiża, dan tal-aħħar isostni, b’mod partikolari, li l-kwistjoni fir-rigward ta’ taħt liema dispożizzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi eżaminat aġir partikolari ma tiddependix fuq il-forma ta’ dan l-aġir, iżda fuq il-kontenut tiegħu. Barra minn hekk, huwa jsostni li, b’differenza mit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, li jimponi l-evalwazzjoni tal-effett tal-ftehimiet u tal-prattiki kummerċjali stabbiliti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, it-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu jipprojbixxi l-miżuri ta’ ġestjoni kollha mhux ugwali jew diskriminatorji tat-traffiku, mingħajr ma huwa rilevanti li ssir distinzjoni bejn dawk li ġew stabbiliti permezz ta’ ftehim konkluż minn utent finali ma’ fornitur u dawk li huma bbażati fuq prattika kummerċjali ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, dawn il-miżuri kollha huma pprojbiti bħala tali u, konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi evalwat l-effett tagħhom fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali.

17

Wara li rrilevat li r-Regolament 2015/2120 huwa intiż sabiex jiżgura n-newtralità tal-internet u f’dan ir-rigward għandu importanza kbira, il-qorti tar-rinviju tqis, essenzjalment, li l-kawżi pendenti quddiemha jqajmu żewġ sensiliet ta’ kwistjonijiet ta’ liġi ġodda li jirrigwardaw dispożizzjoni ċentrali ta’ dan ir-regolament.

18

F’dan ir-rigward, hija tirrileva, fl-ewwel lok, li, b’mod parallel mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120, li jiggarantixxu ċertu numru ta’ drittijiet lill-utenti finali ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet u li jipprojbixxu lill-fornituri ta’ tali servizzi milli jistabbilixxu ftehimiet jew prattiki kummerċjali li jillimitaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, l-Artikolu 3(3) jistabbilixxi obbligu ġenerali ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju tat-traffiku. Madankollu, it-test ta’ dan ir-regolament ma jippermettix li jiġi stabbilit jekk pakketti li huma pprovduti minn fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet permezz ta’ ftehimiet konklużi mal-klijenti tiegħu u li jipprovdu li dawn jibbenefikaw minn “tariffa żero” li tippermettilhom jużaw mingħajr restrizzjonijiet ċerti applikazzjonijiet u ċerti servizzi speċifiċi, mingħajr ma dan l-użu jitnaqqas mill-volum ta’ data mixtri, u li, ladarba dan il-volum ta’ data jiġi eżawrit, miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jiġu applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi disponibbli l-oħra, jaqgħux taħt it-tieni paragrafu, taħt it-tielet paragrafu jew taħt it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament.

19

Fit-tieni lok, il-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ paragrafi lanqas ma tippermetti, ladarba jiġi stabbilit dak jew dawk li huma applikabbli għal tali aġir, li jkun magħruf liema metodoloġija għandha tiġi applikata sabiex jiġi stabbilit jekk dan tal-aħħar huwiex kompatibbli mar-Regolament 2015/2120.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑807/18 u C‑39/19:

“1)

Ftehim kummerċjali konkluż bejn fornitur ta’ aċċess għall-internet u utent finali, li permezz tiegħu l-fornitur ta’ aċċess għall-internet japplika, fir-rigward tal-utent finali, għal dak li jikkonċerna ċerti applikazzjonijiet, tariffa żero (fi kliem ieħor, it-traffiku ġġenerat mill-applikazzjoni speċifika ma jingħaddx mal-konsum ta’ data eventwali, u lanqas ma jonqos fil-veloċità meta dan il-qafas ta’ data jintuża), u fejn id-distinzjoni tiġi stabbilita biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim konkluż mal-utent finali, fil-qafas ta’ dan il-ftehim u biss lejn dan il-konsumatur finali, u mhux lejn l-utenti finali li ma jkunux parti f’dan il-ftehim, għandu jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 3(2) tar-[Regolament 2015/2120]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3(3) tar-[Regolament 2015/2120] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl ukoll tal-premessa 7 tiegħu, huwa neċessarju, sabiex jiġi kkonstatat ksur, li jiġi eżaminat, fuq il-bażi tal-impatt u tas-suq, jekk il-miżuri tal-fornitur ta’ aċċess għall-internet effettivament ħolqux restrizzjoni, u sa liema portata, fuq id-drittijiet tal-utenti finali msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament?

3)

Indipendentement mid-domandi 1 u 2, l-Artikolu 3(3) tar-[Regolament 2015/2120] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni inkluża fih hija ta’ natura ġenerali u oġġettiva, fis-sens li, fuq din il-bażi, huma pprojbiti l-miżuri kollha ta’ ġestjoni tat-traffiku li jistabbilixxu distinzjoni bejn il-kontenut differenti tal-internet, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-fornitur ta’ aċċess għall-internet ikun barra minn hekk għamel dan permezz ta’ ftehim, ta’ prattika kummerċjali jew ta’ aġir ieħor?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, jista’ jiġi konkluż ukoll mingħajr ma jsiru valutazzjonijiet oħra tas-suq u tal-impatt, billi wieħed jibbaża ruħu fuq il-fatt tad-diskriminazzjoni nnifisha, li jeżisti ksur tal-Artikolu 3(3) tar-[Regolament 2015/2120] u għal din ir-raġuni l-eżami tal-konformità li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament huwa ineffettiv f’każ bħal dan?”

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2019, il-Kawżi C‑807/18 u C‑39/19 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

22

Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120 għandux jiġi interpretat fis-sens li pakketti pprovduti minn fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet permezz ta’ ftehimiet konklużi ma’ utenti finali, li skont dawn, dawn tal-aħħar jistgħu jixtru pakkett b’tariffi fissi li jagħtihom id-dritt li jużaw mingħajr restrizzjonijiet volum ta’ data partikolari, mingħajr ma jitnaqqas l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt “tariffa żero”, u li, ladarba dan il-volum ta’ data jiġi eżawrit, jistgħu jkomplu jużaw mingħajr restrizzjonijiet dawn l-applikazzjonijiet u dawn is-servizzi speċifiċi, li matulhom miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jiġu applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi disponibbli l-oħra, huma inkompatibbli mat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu, u, b’mod alternattiv jew kumulattiv, mat-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu.

23

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, minn naħa, il-ftehimiet konklużi bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet u l-utenti finali, u, min-naħa l-oħra, il-prattiki kummerċjali implimentati minn dawn il-fornituri, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, kif stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu. Dawn id-drittijiet jinkludu b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta minn din l-aħħar dispożizzjoni, iċċarata mill-premessa 6 tar-Regolament 2015/2120, dak li jintużaw kontenut, applikazzjonijiet u servizzi permezz ta’ servizz ta’ aċċess għall-internet kif ukoll dak li jiġu pprovduti tali kontenut, tali applikazzjonijiet u tali servizzi permezz ta’ dan l-istess servizz.

24

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 jipprevedi l-ewwel nett, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet għandhom jittrattaw it-traffiku kollu b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, ikunu xi jkunu, b’mod partikolari, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati.

25

Din id-dispożizzjoni tipprovdi, sussegwentement, fit-tieni subparagrafu tagħha, li l-ewwel subparagrafu tagħha ma jipprekludix lill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet milli jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku, billi tippreċiża li, sabiex jitqiesu raġonevoli, tali miżuri għandhom, l-ewwel nett, ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, it-tieni nett, ikunu bbażati mhux fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali, iżda fuq differenzi tekniċi oġġettivi bejn ċerti kategoriji ta’ traffiku, u, it-tielet nett, ma għandhomx jikkonċernaw is-sorveljanza tal-kontenut u ma għandhomx jinżammu għal iktar żmien milli meħtieġ.

26

Fl-aħħar nett, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi, fit-tielet subparagrafu tagħha, li l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet ma għandhomx japplikaw miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tagħha u, b’mod partikolari, li huma għandhom jastjenu milli jibblokkaw, inaqqsu l-veloċità, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu, jiddegradaw u jittrattaw b’mod diskriminatorju applikazzjonijiet, kategoriji ta’ applikazzjonijiet, servizzi jew kategoriji ta’ servizzi speċifiċi, ħlief jekk dan ikun neċessarju, matul perijodu partikolari, jew sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni, ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni jew ma’ miżuri li jagħtu effett għal dawn l-atti leġiżlattivi jew għal din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew sabiex tinżamm l-integrità u s-sigurtà tan-network, tas-servizzi pprovduti permezz tiegħu kif ukoll tagħmir terminali tal-utenti finali, sabiex ikun hemm prevenzjoni tal-konġestjoni tan-network jew sabiex jitnaqqsu l-effetti tagħha.

27

Dawn id-diversi dispożizzjonijiet huma intiżi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/2120 u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 sa 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiggarantixxu t-trattament ugwali u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet, kif ukoll id-drittijiet konnessi tal-utenti finali.

28

Peress li l-osservanza tal-imsemmija dispożizzjonijiet u, permezz tagħhom, tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament 2015/2120 hija żgurata, skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom, taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali u fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiddeterminaw, każ b’każ, jekk tali aġir jew ieħor ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet partikolari jaqax, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, kemm taħt l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, kif ukoll taħt l-Artikolu 3(3) tal-istess regolament, jew inkella taħt dawn id-dispożizzjonijiet kumulattivament, billi jinbeda l-eżami tiegħu, f’din l-aħħar ipoteżi, minn awtorità jew oħra minnhom. Meta awtorità regolatorja nazzjonali tikkunsidra li tali aġir jew ieħor ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet huwa, fl-intier tiegħu, inkompatibbli mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, hija tista’ tastjeni milli tistabbilixxi jekk dan l-aġir huwiex ukoll inkompatibbli mal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament.

29

F’dan il-każ, mill-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pakketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari u minn kif stabbilit miż-żewġ deċiżjonijiet tar-rinviju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 9 sa 11 u 18 ta’ din is-sentenza, erba’ karatteristiċi. L-ewwel nett, il-fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet li jkun fassalhom jipproponihom lill-klijenti potenzjali tiegħu fl-Ungerija, qabel ma jimplimentawhom permezz ta’ ftehimiet konklużi, b’mod bilaterali, ma’ dawk li huma kkonċernati. It-tieni nett, dawn il-pakketti jagħtu lil kull klijent li jabbona għalihom id-dritt li juża mingħajr restrizzjonijiet, fil-limitu tal-volum ta’ data inkluż fil-pakkett b’tariffi fissi li jkun xtara mill-fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet, l-applikazzjonijiet kollha u s-servizzi disponibbli kollha, mingħajr madankollu ma jitnaqqas l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt “tariffa żero”. It-tielet nett, l-imsemmija pakketti jipprovdu li, ladarba jiġi eżawrit il-volum ta’ data mixtri, kull klijent li jkun abbona għalih jista’ jkompli juża mingħajr restrizzjonijiet dawn l-applikazzjonijiet u dawn is-servizzi speċifiċi. Ir-raba’ nett, l-eżawriment tal-volum ta’ data inkluż fil-pakkett b’tariffi fissi suġġett għal dawn il-kundizzjonijiet iwassal lill-fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet sabiex japplika għal kull klijent ikkonċernat miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku marbut mal-użu ta’ kull applikazzjoni u ta’ kull servizz minbarra dawk li jaqgħu taħt l-imsemmija tariffa żero.

30

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li t-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tipprevedi li d-drittijiet li hija tiggarantixxi lill-utenti finali ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet huma intiżi sabiex jiġu eżerċitati “permezz tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet tagħhom”, u li l-ewwel waħda teżiġi li tali servizz ma jimplikax limitazzjoni tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

31

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, moqri fid-dawl tal-premessa 7 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li s-servizzi ta’ fornitur ta’ aċċess għall-internet partikolari għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-imsemmi rekwiżit mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jaġixxu abbażi tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament u taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali kompetenti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-ftehimiet konklużi minn dan il-fornitur mal-utenti finali kif ukoll il-prattiki kummerċjali implimentati mill-imsemmi fornitur.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120 jirrigwarda l-“ftehimiet” li permezz tagħhom fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet, minn naħa, u utent finali, min-naħa l-oħra, jaqblu dwar kundizzjonijiet kummerċjali u tekniċi kif ukoll karatteristiċi tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet li għandhom jiġu pprovduti mill-ewwel wieħed lit-tieni, bħall-prezz li għandu jitħallas u l-volum ta’ data kif ukoll il-veloċità korrispondenti.

33

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament 2015/2120, dawn il-ftehimiet jikkonkretizzaw il-libertà li kull utent finali għandu li jagħżel is-servizzi li permezz tagħhom huwa għandu l-intenzjoni li jeżerċita d-drittijiet iggarantiti minn dan ir-regolament, skont il-karatteristiċi tagħhom. Madankollu, din l-istess premessa żżid li tali ftehimiet ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali u lanqas, konsegwentement, jippermettu li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament fil-qasam ta’ garanzija tal-aċċess għal internet miftuħ.

34

Fir-rigward tal-“prattiki kummerċjali” previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, din id-dispożizzjoni tispeċifika li dawn huma “mwettqa” mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet. Għaldaqstant, dawn ma humiex intiżi li jirriflettu qbil tal-intenzjonijiet bejn tali fornitur u utent finali, kuntrarjament għall-“ftehimiet” li l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għalihom b’mod parallel.

35

Dawn il-prattiki kummerċjali jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, l-aġir ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet li jikkonsisti f’li jiġu proposti varjanti jew kombinazzjonijiet speċifiċi ta’ dawn is-servizzi lill-klijenti potenzjali tiegħu, sabiex jiġu ssodisfatti l-aspettattivi u l-preferenzi ta’ kull klijent, u, jekk ikun il-każ, li jikkonkludi ma’ kull wieħed minnhom ftehim individwali, bil-konsegwenza possibbli li jiġi stabbilit numru ftit jew wisq sinjifikattiv ta’ ftehimiet ta’ kontenut identiku jew simili, skont dawn l-aspettattivi u dawn il-preferenzi. Bħall-ftehimiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, l-imsemmija prattiki kummerċjali ma għandhomx madankollu jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali u lanqas, konsegwentement, jippermettu li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fil-qasam tal-garanzija tal-aċċess għal internet miftuħ jiġu evitati.

36

It-tieni nett, mill-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/2120 u mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/21 li għalihom dan l-artikolu jirreferi, b’mod partikolari l-Artikolu 2(h), (i) u (n) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-kunċett ta’ “utenti finali” jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jużaw jew li jitolbu servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, minbarra dawk li jipprovdu networks ta’ komunikazzjoni pubbliċi jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku. Għalhekk, dan il-kunċett ikopri kemm il-konsumaturi kif ukoll il-professjonisti bħal impriżi jew persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru.

37

Barra minn hekk, l-imsemmi kunċett jinkludi kemm il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jużaw jew li jitolbu servizzi ta’ aċċess għall-internet sabiex jaċċedu għal kontenut, għal applikazzjonijiet u għal servizzi, kif ukoll dawk li jibbażaw ruħhom fuq l-aċċess għall-internet sabiex jipprovdu kontenut, applikazzjonijiet u servizzi.

38

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120 u l-premessa 6 ta’ dan ir-regolament jirreferu, huma wkoll, speċifikament għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ utenti finali, li tagħhom huma jaffermaw id-dritt, b’mod partikolari, li jaċċedu għall-informazzjoni u għall-kontenut kif ukoll li jużaw applikazzjonijiet u servizzi, iżda wkoll li jxandru informazzjoni u kontenut kif ukoll li jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi.

39

Isegwi li l-eżistenza possibbli ta’ limitazzjoni pprojbita tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, kif ippreċiżata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-ftehimiet jew tal-prattiki kummerċjali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet partikolari fuq id-drittijiet, mhux biss tal-professjonisti u tal-konsumaturi li jużaw jew li jitolbu servizzi ta’ aċċess għall-internet bil-għan li jaċċedu għal kontenut, għal applikazzjonijiet u għal servizzi, iżda wkoll tal-professjonisti li jibbażaw ruħhom fuq tali servizzi ta’ aċċess għall-internet sabiex jipprovdu l-imsemmi kontenut, l-imsemmija applikazzjonijiet u l-imsemmija servizzi. F’dan ir-rigward, mill-premessa 7 tar-Regolament 2015/2120 jirriżulta li, matul l-evalwazzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kummerċjali tal-fornitur inkwistjoni, huwa preċiżament neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra, il-pożizzjonijiet fis-suq ta’ din il-kategorija ta’ professjonisti.

40

It-tielet nett, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120 jirreferi, fil-kuntest imsemmi fil-punt preċedenti, għall-“ftehimiet” u għall-“prattiki kummerċjali” ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet partikolari, billi juża, f’numru kbir ta’ verżjonijiet lingwistiċi, il-plural.

41

Barra minn hekk, il-premessa 7 tar-Regolament 2015/2120 tippreċiża li l-evalwazzjoni tal-eżistenza possibbli ta’ limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali timplika li jiġi stabbilit jekk il-ftehimiet u l-prattiki kummerċjali ta’ tali fornitur jagħtux lok, minħabba l-“iskala” tagħhom, għal sitwazzjonijiet fejn l-għażla tal-utenti finali hija mnaqqsa ħafna, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, pożizzjonijiet rispettivi fis-suq tal-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet kif ukoll tal-fornituri ta’ kontenut, ta’ applikazzjonijiet u ta’ servizzi li huma kkonċernati.

42

Isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni mhux li jillimita l-evalwazzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kummerċjali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet partikolari għal tali ftehim jew ieħor jew għal tali prattika kummerċjali jew oħra, meħuda individwalment, iżda li jipprevedi li ssir ukoll evalwazzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kummerċjali kollha ta’ dan il-fornitur.

43

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li ftehim li permezz tiegħu klijent partikolari jabbona għal pakkett li jimplika li, ladarba l-volum ta’ data inkluż fil-pakkett b’tariffi fissi mixtri jiġi eżawrit, dan il-klijent għandu aċċess mingħajr restrizzjonijiet biss għal ċerti applikazzjonijiet u għal ċerti servizzi li jaqgħu taħt “tariffa żero”, jista’ jwassal għal limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120. Il-kompatibbiltà ta’ tali ftehim mal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament għandha tiġi evalwata każ b’każ, fid-dawl tal-parametri msemmija fil-premessa 7 tal-imsemmi regolament.

44

Sussegwentement, tali pakketti, li jaqgħu taħt prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, huma, fir-rigward tal-effett kumulattiv tal-ftehimiet li jistgħu jwasslu għalihom, ta’ natura li jżidu l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi speċifiċi, jiġifieri dawk li jistgħu jintużaw mingħajr restrizzjonijiet b’“tariffa żero” ladarba l-volum ta’ data inkluż fil-pakkett b’tariffi fissi mixtri mill-klijenti jiġi eżawrit, u, korrelattivament, sabiex jitnaqqas l-użu tal-applikazzjonijiet l-oħra u tas-servizzi disponibbli l-oħra, fid-dawl ta’ miżuri li permezz tagħhom il-fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet inkwistjoni jagħmel dan l-użu teknikament iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli.

45

Fl-aħħar nett, iktar ma jkun kbir in-numru ta’ klijenti li jikkonkludu ftehimiet li permezz tagħhom huma jabbonaw għal tali pakketti, iktar l-effett kumulattiv ta’ dawn il-ftehimiet jista’, fid-dawl tal-iskala tiegħu, joħloq limitazzjoni sinjifikattiva tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, jew saħansitra jippreġudika s-sustanza stess ta’ dawn id-drittijiet, ipoteżi espressament imsemmija fil-premessa 7 tar-Regolament 2015/2120.

46

Minn dan jirriżulta li l-konklużjoni ta’ tali ftehimiet fuq parti sinjifikattiva tas-suq tista’ tillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120.

47

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, hekk kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, moqri fid-dawl tal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet obbligu ġenerali ta’ trattament ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza tat-traffiku, li ma tista’ fl-ebda każ issir deroga minnu permezz ta’ prattiki kummerċjali implimentati minn dawn il-fornituri jew permezz ta’ ftehimiet konklużi minnhom ma’ utenti finali.

48

Sussegwentement, mit-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, kif ukoll mill-premessa 9 tar-Regolament 2015/2120, li fid-dawl tagħha għandu jinqara, jirriżulta li, filwaqt li huma obbligati josservaw dan l-obbligu ġenerali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet iżommu l-possibbiltà li jadottaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku. Madankollu, din il-possibbiltà hija suġġetta għall-kundizzjoni, b’mod partikolari, li tali miżuri jkunu bbażati fuq “rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku” [differenzi oġġettivi bejn ir-rekwiżiti tekniċi fil-qasam ta’ kwalità ta’ servizz ta’ ċerti kategoriji speċifiċi ta’ traffiku] u mhux fuq “kunsiderazzjonijiet kummerċjali”. B’mod partikolari, għandha titqies bħala li hija bbażata fuq tali “kunsiderazzjonijiet kummerċjali” kull miżura ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet lejn kull utent finali, kif iddefinit fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, li jwassal, mingħajr ma jkunu bbażati fuq tali differenzi oġġettivi, li ma jiġux ittrattati b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni l-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi proposti mill-fornituri differenti ta’ kontenut, ta’ applikazzjonijiet jew ta’ servizzi.

49

Fl-aħħar nett, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 jirriżulta li, sakemm ma jkunux ġew adottati għal żmien determinat u jkunu neċessarji sabiex fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet ikun jista’ jew jikkonforma ruħu ma’ obbligu legali, jew iżomm l-integrità u s-sigurtà tan-network, jew jipprevjeni jew jirrimedja l-konġestjoni tiegħu, il-miżuri kollha li jikkonsistu f’li jibblokkaw, inaqqsu l-veloċità, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu, jiddegradaw jew jittrattaw b’mod diskriminatorju, b’mod partikolari, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, ma jistgħux jitqiesu bħala li huma raġonevoli fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, u għaldaqstant għandhom jitqiesu, inkwantu tali, bħala inkompatibbli magħha.

50

Isegwi li, sabiex tiġi kkonstatata din l-inkompatibbiltà, ebda evalwazzjoni tal-effett ta’ dawn il-miżuri fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali ma hija meħtieġa, peress li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 ma jipprevedix tali rekwiżit sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-obbligu ġenerali li huwa jipprevedi.

51

F’dan il-każ, minn naħa, l-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku marbut mal-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi, li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn jirriżultawx minn ftehim konkluż mal-fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet, minn prattika kummerċjali ta’ dan il-fornitur jew minn miżura teknika tal-imsemmi fornitur li la tintrabat ma’ ftehim u lanqas ma’ prattika kummerċjali. Dawn il-miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku huma applikati flimkien mat-“tariffa żero” li minnha jibbenefikaw l-utenti finali kkonċernati, u jirrendu teknikament iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-użu, minnhom, tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi li ma jaqgħux taħt din it-tariffa.

52

Konsegwentement, dawn il-miżuri ma jidhrux li huma bbażati fuq differenzi oġġettivi bejn ir-rekwiżiti tekniċi fil-qasam tal-kwalità ta’ servizz ta’ ċerti kategoriji speċifiċi tat-traffiku, iżda fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura kummerċjali.

53

Min-naħa l-oħra, minn ebda element tal-proċess ma jirriżulta li l-imsemmija miżuri jaqgħu taħt waħda mit-tliet eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120.

54

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li pakketti pprovduti minn fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet permezz ta’ ftehimiet konklużi ma’ utenti finali, li jipprovdu li dawn tal-aħħar jistgħu jixtru pakkett b’tariffi fissi li jagħtihom id-dritt li jużaw mingħajr restrizzjonijiet volum ta’ data partikolari, mingħajr ma jitnaqqas l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt “tariffa żero”, u, ladarba dan il-volum ta’ data jiġi eżawrit, jistgħu jkomplu jużaw dawn l-applikazzjonijiet u dawn is-servizzi speċifiċi mingħajr restrizzjonijiet, filwaqt li miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku huma applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi disponibbli l-oħra:

huma inkompatibbli mat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu, meta dawn il-pakketti, dawn il-ftehimiet u dawn il-miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, u

huma inkompatibbli mat-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu meta l-imsemmija miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li pakketti pprovduti minn fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet permezz ta’ ftehimiet konklużi ma’ utenti finali, li jipprovdu li dawn tal-aħħar jistgħu jixtru pakkett b’tariffi fissi li jagħtihom id-dritt li jużaw mingħajr restrizzjonijiet volum ta’ data partikolari, mingħajr ma jitnaqqas l-użu ta’ ċerti applikazzjonijiet u ta’ ċerti servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt “tariffa żero”, u, ladarba dan il-volum ta’ data jiġi eżawrit, jistgħu jkomplu jużaw dawn l-applikazzjonijiet u dawn is-servizzi speċifiċi mingħajr restrizzjonijiet, filwaqt li miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku huma applikati għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi disponibbli l-oħra:

 

huma inkompatibbli mat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu, meta dawn il-pakketti, dawn il-ftehimiet u dawn il-miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, u

 

huma inkompatibbli mat-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu meta l-imsemmija miżuri ta’ bblokkar jew ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top